52012SC0138

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tistabbilixxi standards bażiċi tas-sikurezza kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti /* SWD/2012/0138 final - NLE 2011/0254 */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

li jakkumpanja d-dokument

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi standards bażiċi tas-sikurezza kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti

1.           Definizzjoni tal-problema

1.1.        Introduzzjoni

L-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti jirriżulta f’dannu għas-saħħa. F’sitwazzjonijiet normali, id-dożi huma baxxi ħafna u għalhekk ma jkun hemm l-ebda effett klinikament osservabbli fuq it-tessuti, iżda xorta hemm effett possibbli li joħroġ tard, b’mod partikolari l-kanċer. Huwa preżunt li kwalunkwe esponiment, żgħir kemm ikun żgħir, jista’ jkun il-kawża ta’ kanċer aktar tard fil-ħajja. Dan jitlob approċċ speċifiku fil-protezzjoni kontra r-radjazzjoni, li ilu stabbilit għal bosta deċenni mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Radjoloġika (International Commission on Radiological Protection - ICRP).

Il-ħtieġa li kemm is-saħħa kif ukoll l-ambjent jiġu protetti ġiet rikonoxxuta fit-Trattat tal-Euratom (1957) u hemm dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Kapitolu III, Protezzjoni tas-Saħħa, li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. L-Artikolu 31 tat-Trattat jitlob li jiġu stabbiliti standards bażiċi tas-sikurezza uniformi.

L-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom jistabbilixxi wkoll il-proċedura għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-Istandards, b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni ta’ Grupp ta’ Esperti (“Esperti tal-Artikolu 31”). B’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija abbozzata b’mod konġunt mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-Esperti.

Il-leġiżlazzjoni tal-Komunità dejjem segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICRP. Dan l-aħħar, din l-organizzazzjoni xjentifika ferm rispettata ħarġet gwida ġdida dwar is-sistema ta’ protezzjoni (Pubblikazzjoni 103, 2007) li tirrefletti l-aħħar sejbiet xjentifiċi fuq ir-riskji tar-radjazzjoni u li tiddefinixxi s-sistema ta’ protezzjoni radjoloġika.

1.2.        Definizzjoni tal-problema

Is-sistema attwali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku mill-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti mhijiex aġġornata mal-aħħar sejbiet xjentifiċi u mal-iżviluppi fis-soċjetà u dawk teknoloġiċi.

Fid-dettall:

– Il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku mhijiex aġġornata mal-aħħar progress xjentifiku

– Il-protezzjoni tal-ħaddiema fl-industriji NORM u fi gruppi speċifiċi ta’ professjonisti bħal Ħaddiema Esterni u radjologi ta’ intervent mhijiex biżżejjed

– Il-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti u tal-pubbliku mhijiex aġġornata mal-aħħar avvanzi teknoloġiċi

– Il-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku minn sorsi ta’ radjazzjoni naturali mhijex biżżejjed

– Ir-riskju ta’ radjazzjoni jonizzanti għall-ispeċijiet mhux umani, jew għall-ambjent b’mod ġenerali, mhuwiex indirizzat b’mod espliċitu u dan imur kontra r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali

– Il-qafas legali attwali għall-protezzjoni kontra r-radjazzjoni huwa kumpless wisq.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni kontra r-radjazzjoni u talbet lill-“Esperti tal-Artikolu 31” sabiex jipprovdu gwida rigward din il-kwistjoni. Fi Frar 2010, l-Esperti ħarġu opinjoni dwar ir-reviżjoni possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, abbażi ta’ abbozz ta’ Direttiva.

2.           Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 2(b) tat-Trattat tal-Euratom “…il-Komunità għandha, kif stabbilit f’dan it-Trattat …. tistabbilixxi, u tassigura l-applikazzjoni ta’ normi uniformi ta’ sigurtà biex tħares is-saħħa tal-ħaddiem u l-pubbliku in ġenerali”. Rigward dan, fil-preambolu tat-Trattat, l-Istati Membri jiddikkjaraw li huma “riżoluti li joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta’ industrija nukleari b’saħħitha” kif ukoll “anzjużi li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ sigurtà li jeliminaw il-periklu għall-ħajja u s-saħħa tal-poplu”. Il-Komunità ngħatat il-mandat sabiex “tistabbilixxi, u tassigura l-applikazzjoni ta’ normi uniformi ta’ sigurtà biex tħares is-saħħa tal-ħaddiem u l-pubbliku inġenerali." Għaldaqstant, il-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (European Atomic Energy Community - EAEC) biex tirregola fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa kontra r-radjazzjoni jonizzanti hija espliċitament rikonoxxuta mit-Trattat tal-Euratom.

Fil-prinċipju, in-natura esklussiva tas-setgħat leġiżlattivi tal-Komunità tal-Euratom skont l-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat tal-Euratom ma teħtieġx l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Min-naħa l-oħra, dawn l-Artikoli jesiġu li, għall-proposti leġiżlattivi tagħha, il-Kummissjoni tfittex l-opinjoni ta’ Grupp ta’ Esperti maħtur mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku tal-Euratom u li jaħdmu bħala esperti indipendenti għall-benefiċċju tal-Komunità.

3.           Għanijiet ewlenin tal-politika

L-għan ġenerali tal-inizjattiva huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, tal-membri tal-pubbliku u tal-pazjenti kontra d-dannu għas-saħħa kkawżat minn esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti, kif ukoll sabiex jiġi protett l-ambjent.

Dan l-għan ġenerali jinqasam f’erba’ għanijiet speċifiċi:

1. li jiġu introdotti l-emendi meħtieġa relatati mas-suġġett sabiex tiġi riflessa l-aħħar dejta xjentifika u esperjenza operattiva,

2. li jiġu ċċarati r-rekwiżiti u li tiġi żgurata l-koerenza fi ħdan il-korp tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità,

3. li tiġi żgurata l-koerenza mal-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali,

4. li tkun koperta l-firxa kollha tas-sitwazzjonijiet ta’ esponiment u tal-kategoriji ta’ esponiment.

4.           Alternattivi ta' politika

Wara analiżi bir-reqqa tas-soluzzjonijiet differenti għall-oqsma problematiċi identifikati, u wara kunsiderazzjoni tas-soluzzjonijiet differenti f’termini tal-firxa tas-simplifikazzjoni, l-aġġornar u l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, intgħażlu l-alternattivi li ġejjin għal valutazzjoni ulterjuri:

Alternattiva 1: Jinżamm l-istatus quo tal-leġiżlazzjoni eżistenti,

Alternattiva 2: Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u tad-Direttiva Medika,

Alternattiva 3: Reviżjoni u konsolidament tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u tad-Direttiva Medika, u l-integrazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Esterni, id-Direttiva dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku u d-Direttiva dwar is-Sorsi Radjuattivi Siġillati ta’ Attività Għolja,

Alternattiva 4: Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex jiġi kopert l-esponiment pubbliku għar-radjazzjoni naturali,

Alternattiva 5: Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex tkun koperta l-protezzjoni tal-ispeċijiet mhux umani,

Alternattiva 6: Reviżjoni u konsolidament tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u d-Direttiva Medika, l-integrazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Esterni, id-Direttiva dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku u d-Direttiva dwar is-Sorsi Radjuattivi Siġillati ta’ Attività Għolja u twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex jiġi kopert l-esponiment pubbliku għar-radjazzjoni naturali u l-protezzjoni tal-ispeċijiet mhux umani.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

5.1.        Alternattiva 1: Jinżamm l-istatus quo tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ovvjament, din l-alternattiva ma tissodisfax bis-sħiħ l-għanijiet speċifiċi ta’ din l-inizjattiva. Id-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà adottata fl-1996 kienet garanzija għall-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema u l-membri tal-pubbliku, bl-istess mod bħal kif id-Direttiva Medika fl-1997 kienet storikament fundamentali għall-protezzjoni tal-pazjenti. Madankollu, minn dak iż-żmien ‘l hawn, ix-xjenza u s-soċjetà evolvew, l-esperjenza operattiva uriet ħtieġa ta' aġġornament ta’ ċerti rekwiżiti, l-iżviluppi teknoloġiċi jheddu l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u hemm aspettattivi ġodda min-naħa tas-soċjetà fir-rigward tal-ġestjoni koerenti tas-sorsi ta’ radjazzjoni naturali jew dawk magħmulin mill-bniedem kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent.

Fi ħdan din l-alternattiva, saret analiżi dwar kemm dawn l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza internazzjonali (International Basic Safety Standards - IBSS) jistgħu jkunu effettivi. Madankollu, l-IBSS għandhom għan differenti: mhumiex vinkolanti u għandhom livell aktar baxx ta’ ambizzjoni minħabba l-applikazzjoni tagħhom mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fid-dawl tal-obbligi tal-Komunità fit-Trattat, il-liġi nazzjonali korrispondenti l-ġdida għandha tkun imejsa fuq il-leġiżlazzjoni tal-Komunità.

5.2.        Alternattiva 2: Emenda tad-Direttivi l-aktar affettwati

Din l-alternattiva tqis kif iż-żewġ partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu emendati separatament fid-dawl tal-esperjenza operattiva u tal-iżviluppi l-ġodda. L-emendi jistgħu jindirizzaw ħafna mill-problemi identifikati:

A) Fid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà:

– l-introduzzjoni tal-metodoloġija l-ġdida tal-ICRP għall-valutazzjoni tad-dożi, u tnaqqis tal-limitu tad-doża għall-organu għal-lenti tal-għajn;

– approċċ koerenti għall-ġestjoni tal-industriji NORM (jiġifieri, materjal radjuattiv li huwa preżenti b’mod naturali);

– approċċ gradwali ta’ kontroll regolatorju, proporzjonali mal-effikaċja ta’ tali sorveljanza, inklużi livelli ta’ approvazzjoni uniformi (eż. għall-materjali li jirriżultaw miż-żarmar ta’ stallazzjonijiet nukleari li ma għadhomx jintużaw);

B) Fid-Direttiva Medika:

– rekwiżiti msaħħa għall-protezzjoni tal-pazjenti kif ukoll dwar il-valutazzjoni tar-riskju, ir-rappurtar u r-reazzjoni għal esponimenti aċċidentali b’mod speċjali fir-radjoterapija;

– approċċ ġdid għall-“esponimenti medikolegali” li jippermettu l-użu li dejjem qed jiżdied tal-istrumenti għall-iskrinjar għas-sigurtà, illum meqjusin bħala esponimenti pubbliċi skont id-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà.

L-emendi ta’ hawn fuq ikollhom impatt importanti fi ħdan l-oqsma li ġejjin:

· Impatt ekonomiku: Filwaqt li f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni ekonomika kwantifikata, l-industriji NORM sejrin jibbenefikaw mill-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ livelli ta’ approvazzjoni uniformi jista’ jkollha impatt konsiderevoli fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ żarmar ta’ stallazzjonijiet nukleari;

· Impatt soċjali u fuq is-saħħa: L-impatt soċjali huwa relatat mal-għoti ta’ protezzjoni adegwata lill-ħaddiema fl-industriji NORM. L-impatt fuq is-saħħa se jkun l-aktar wieħed evidenti fir-rigward tal-esponimenti mediċi, b’mod partikolari biex ikun evitat li skanns-CT spissi ta’ pazjenti żgħażagħ iwasslu għal inċidenza akbar ta’ kanċer fil-ġejjieni. Gruppi professjonali speċifiċi (pereżempju kardjologi) sejrin jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-limitu tad-doża għal-lenti tal-għajn u jevitaw is-seħħ ta’ kataretti.

· Piż regolatorju: Filwaqt li l-prinċipju ta’ Ottimizzazzjoni tal-protezzjoni, li jeħtieġ li d-dożi jkunu “fl-Iżjed Livell Baxx Raġonevolment Possibbli” (As Low As Reasonably Achievable - ALARA), billi jitqiesu l-fatturi soċjali u ekonomiċi, huwa fundamentali sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-protezzjoni ta’ radjazzjoni operattiva, il-kunċett il-ġdid ta’ “approċċ gradat” jestendi dan il-prinċipju għat-titjib tal-effikaċja tas-superviżjoni regolatorja u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-industriji.

5.3.        Alternattiva 3: Reviżjoni u konsolidament tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u tad-Direttiva Medika, u l-integrazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Esterni, id-Direttiva dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku u d-Direttiva dwar is-Sorsi Radjoattivi Siġillati ta’ Attività Għolja.

Din l-alternattiva toffri reviżjoni tad-Direttiva BSS, billi testendi r-rekwiżiti għall-esponiment mediku, l-informazzjoni pubblika, l-esponiment tal-ħaddiema esterni u s-sorsi radjuattivi ssiġillati ta’ attività għolja. Fi ħdan din il-politika, jiġu amalgamati flimkien id-Direttiva BSS 96/29 u l-atti leġiżlattivi relatati. Din l-alternattiva hija msejsa fuq miżuri mhux leġiżlattivi biex jiġu solvuti problemi relatati mal-protezzjoni minn sorsi ta’ radjazzjoni naturali u r-riskju tar-radjazzjoni jonizzanti għal speċijiet mhux umani. Minbarra l-bidliet ikkunsidrati fl-alternattiva 2, din l-alternattiva tinkludi l-emendi li ġejjin:

· l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta’ Sorsi Radjoattivi Siġillati ta’ Attività Għolja (High Activity Sealed Sources - HASS) mal-istandards internazzjonali;

· rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema esterni b’definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet ta' min iħaddem u tal-impriżi li jwettqu l-prattiki li fihom ikunu esposti;

· rekwiżiti li l-pubbliku jkun infurmat qabel u waqt emerġenza, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ġenerali rivedut għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ esponiment f’emerġenza.

L-amalgamazzjoni tal-ħames Direttivi hi kisba importanti f’termini tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Ir-ristrutturar meħtieġ biex jakkomoda dan il-kamp ta' applikazzjoni usa’ tad-Direttiva BSS itejjeb aktar iċ-ċarezza tat-test u jiżgura implimentazzjoni operattiva aħjar tar-rekwiżiti. Filwaqt li l-alternattiva 3 iżżomm il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-alternattiva 2, u żżid l-impatt f’uħud minn dawn l-aspetti, pereżempju, permezz ta’ protezzjoni aqwa jew titjib fil-mobilità tal-ħaddiema esterni, il-benefiċċju ewlieni tal-alternattiva 3 jinsab fis-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u t-tnaqqis korrispondenti tal-piż regolatorju, kemm f’termini ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali kif ukoll f’termini operattivi. Il-gwida dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskji minn esponiment għal radon fuq ġewwa sejra terġa’ tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq din il-problema u fuq l-azzjonijiet possibbli sabiex din tissolva. Madankollu, din l-azzjoni jkollha valur miżjud biss jekk l-Istati Membri jsegwu l-parir propost, li probabbilment ma jkunx il-każ fin-nuqqas ta’ rekwiżiti vinkolanti.

5.4.        Alternattiva 4: Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u t-twessigħ tal-ambitu biex jiġi kopert l-esponiment pubbliku għar-radjazzjoni naturali

Ir-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tal-ICRP jippermettu ġestjoni aktar koerenti tal-esponiment għas-sorsi ta’ radjazzjoni naturali, u jiddefinixxu livelli ta’ referenza għal konċentrazzjonijiet tar-radon fuq ġewwa u għall-esponiment estern minn materjali tal-bini.

Kif speċifikat mill-WHO, l-impatt fuq is-saħħa tar-rekwiżiti vinkolanti għar-radon f’abitazzjonijiet għandu jkun ferm importanti. L-Istati Membri sejrin ikunu meħtieġa jistabbilixxu Pjan ta’ Azzjoni komprensiv u trasparenti, aġġustat għall-ħtiġijiet nazzjonali u għall-fatturi ġeoloġiċi ta’ reġjuni differenti. L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Pjan ta’ Azzjoni nazzjonali huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Ir-rekwiżiti armonizzati dwar il-materjali tal-bini sejrin jippermettu li ssir standardizzazzjoni ulterjuri skont il-leġiżlazzjoni tal-KE dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni (Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE). Madankollu, dan se jkun ukoll piż għall-industrija. Filwaqt li l-konsumaturi u l-professjonijiet tal-bini sejrin jibbenefikaw mill-monitoraġġ u l-ittikkettar tal-materjali, il-piż amministrattiv fuq l-industrija sejjer jinżamm f’livell minimu permezz tal-għażla korretta ta’ livelli ta’ referenza u permezz tal-lista tat-tipi ta’ materjali meqjusin bħala ta’ tħassib.

5.5.        Alternattiva 5: Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà u t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex tkun koperta l-protezzjoni tal-ispeċijiet mhux umani

L-ICRP issa toffri metodoloġija għall-valutazzjoni tal-esponiment għall-bijota. L-inkorporazzjoni tar-rekwiżiti rilevanti fil-BSS tal-Euratom (kif ukoll fil-BSS internazzjonali l-ġodda) tippermetti lill-Istati Membri li jinkorporaw dan fil-politiki ambjentali nazzjonali, b’mod koerenti mal-approċċi attwali għall-protezzjoni tas-saħħa kontra r-radjazzjoni jonizzanti. Essenzjalment, l-impatt ambjentali ta’ dan il-kamp ta' applikazzjoni mwessa’ tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità għandu jkun f’termini ta’ fehim aħjar tan-nuqqas ta’ kwalunkwe impatt f’sitwazzjonijiet normali, u l-prevenzjoni ta’ dannu ambjentali f’każ ta’ inċident nukleari.

F’dan l-istadju, ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ambjent mhumiex daqshekk impenjattivi. Minbarra l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-esponimenti għall-bijota (Pubblikazzjoni 108), l-ICRP sejra tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni kontra r-radjazzjoni fl-2011-2012. Għaldaqstant, ikun għad baqa’ żmien qabel l-adozzjoni tad-Direttiva mill-Kunsill sabiex jiġu inklużi l-kriterji armonizzati fuq din il-bażi. Għaldaqstant, l-Esperti tal-Artikolu 31 jirrakkomandaw li r-rekwiżiti jiġu inklużi diġà minn issa fil-proposta tal-Kummissjoni, minflok ma tiddaħħal parti oħra tal-leġiżlazzjoni ftit snin wara, li tmur kontra l-politika ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni.

5.6.        Alternattiva 6: Ir-reviżjoni u l-konsolidament tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sigurtà, id-Direttiva Medika u l-integrazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Esterni, id-Direttiva dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku u d-Direttiva dwar is-Sorsi Radjoattivi Siġillati ta’ Attività Għolja, u twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex jiġi kopert l-esponiment pubbliku għar-radjazzjoni naturali u l-protezzjoni tal-ispeċijiet mhux umani

Din l-alternattiva tinkludi l-elementi kollha tal-Alternattiva 3. Ir-reviżjoni tal-istandards bażiċi tas-sikurezza tinkludi l-kwistjonijiet kollha li ġew identifikati, u twessa’ l-kamp ta' applikazzjoni sabiex jinkludi l-medda sħiħa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esponiment, inkluż l-esponiment pubbliku fuq ġewwa għar-radon u għall-materjali tal-bini, u l-kategoriji kollha ta’ esponimenti umani u dawk mhux umani.

6.           Tqabbil tal-alternattivi

L-alternattivi differenti tqabblu abbażi tal-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tagħhom mal-leġiżlazzjoni l-oħra. L-Alternattiva 1 tissodisfa parzjalment l-għan ġenerali tal-azzjoni. Hija inkluża bħala xenarju bażi għat-tqabbil tal-alternattivi l-oħra. L-Alternattiva 2 twieġeb bis-sħiħ għall-ewwel għan u sa ċertu punt ittejjeb il-koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni kontra r-radjazzjoni tal-Euratom u hija koerenti wkoll mal-istandards internazzjonali, u għaldaqstant, tissodisfa tlieta mill-għanijiet speċifiċi. L-Alternattiva 3 tissodisfa l-għan tal-koerenza u ċ-ċarezza bis-sħiħ. Tissodisfa wkoll l-għan tal-politika ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni.

L-Alternattivi 4 u 5 jissodisfaw bis-sħiħ l-għanijiet ta’ koerenza mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali. L-alternattivi iwessgħu l-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali u dan jista’ jġib miegħu ċertu piż amministrattiv u ekonomiku. L-Alternattiva 6 tgħaqqad l-Alternattivi 4 u 5, u għaldaqstant tkopri, f’daqqa, il-medda sħiħa ta’ kwistjonijiet rigward il-protezzjoni kontra r-radjazzjoni. L-Alternattiva 6 tikkonsolida wkoll il-leġiżlazzjoni kollha bl-istess mod bħall-Alternattiva 3. Bħala konklużjoni, bl-Alternattiva 6 jiġu sodisfatti l-għanijiet kollha b’mod effikaċi permezz ta’ sett ta’ miżuri effiċjenti. Hija wkoll l-alternattiva li toffri l-aqwa koerenza possibbli mal-leġislazzjoni l-oħra. It-tabella sommarja tat-tqabbil hija mogħtija fl-Anness 1.

7.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

· Skont l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-Euratom, l-Istati Membri sejrin jippreżentaw abbozz ta’ leġiżlazzjoni u dispożizzjonijiet amministrattivi lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiżgura l-armonizzazzjoni tal-approċċi. It-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali sejra tkun indikatur fundamentali għas-suċċess tagħha f’termini ta’ ċarezza u semplifikazzjoni.

Anness 1 Sommarju tat-tqabbil tal-alternattivi 2 sa 6

Impatt || Alternattiva 2 || Alternattiva 3 || Alternattiva 4 || Alternattiva 5 || Alternattiva 6

Ekonomiku || (+) || (+) || (+) || (+) || (+)

Funzjonament tas-suq intern || (+) || (+) || (+) || (+) || (+)

Piż amministrattiv fuq in-negozji || (+) || (+) || (+)(-) || (+) (-) || (+)(-)

Awtoritajiet regolatorji || (-) || (+) || (-) || (-) || (+)(--)

Ambjentali || (+) || (+) || (+) || (++) || (++)

Protezzjoni tal-ambjent || (+) || (+) || (+) || (++) || (++)

Soċjali u fuq is-Saħħa || (+) || (++) || (++) || (+) || (++)

Saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol || (+) || (++) || (+) || (+) || (++)

Mobilità tal-ħaddiema u l-esperti || (+) || (+) || (+) || (+) || (+)

Protezzjoni tal-pazjenti || (+) || (+) || || || (+)

Protezzjoni tal-pubbliku || (+) || (+) || (++) || (+) || (++)

Koerenza u ċarezza tal-leġiżlazzjoni || (+) || (++) || (+) || (+) || (++)

Koerenza internazzjonali || (+) || (+) || (+) || (+) || (++)

Impatt globali || + || ++ || ++ || + || +++