52012SC0045

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT /* SWD/2012/0045 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti

1.           Definizjoni tal-problema

1.           Ir-Regolament dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart[1] jimplimenta fil-livell Ewropew ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu. Jimplimenta wkoll id-dispożizzjoni ta’ Emenda għall-Konvenzjoni (magħrufa bħala l-‘Emenda ta’ Projbizzjoni) li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart perikoluż barra l-OECD. Din l-Emenda għadha ma daħlitx fis-seħħ fil-livell internazzjonali minħabba li għadha ma ġietx ratifikata biżżejjed.

2.           Skont din il-leġiżlazzjoni, bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE li jittieħdu biex jiġu żarmati jikkostitwixxu skart perikoluż (minħabba li fihom sustanzi perikolużi) u jistgħu jiżżarmaw biss fl-OECD. Din il-leġiżlazzjoni tiġi evitata kważi b’mod sistematiku. Fl-2009, iktar minn 90 % tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE tabilħaqq kienu żarmati barra l-OECD, il-biċċa l-kbira fin-Nofsinhar tal-Asja (l-Indja, il-Pakistan u l-Bangladexx) permezz tal-metodu fejn il-bastiment jittella’ fuq ix-xatt u b’impatti ambjentali u fuq is-saħħa sinifikanti.

3.           Dan in-nuqqas ta’ konformità ġenerali huwa marbut, l-ewwel nett, man-nuqqas ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ disponibbli fl-OECD b’mod partikolari għall-ikbar bastimenti Il-kapaċità eżistenti fil-livell Ewropew tintuża għaż-żarmar ta’ bastimenti żgħar u bastimenti tal-gvern li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong. B’mod simili għall-bini ta’ bastimenti, iż-żarmar ta’ bastimenti matul dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin iċċaqlaq minn pajjiżi Ewropej għal pajjiżi li mhumiex fl-OECD għal raġunijiet ekonomiċi. Konsegwentement, l-alternattiva tal-iżvilupp ta’ kapaċità addizzjonali fl-Ewropa ma kinetx ekonomikament fattibbli.

4.           It-tieni nett, is-sitwazzjoni attwali tas-suq tar-riċiklaġġ tal-bastimenti hija kkaratterizzata minn kompetizzjoni ħarxa u inġusta bejn l-istati tar-riċiklaġġ ewlenin, jiġifieri, il-Bangladexx, l-Indja u (xi ftit inqas) il-Pakistan. Kompetituri oħra li għandhom standards tekniċi ogħla huma kapaċi biss jokkupaw niċeċ tas-suq għal tipi speċjali ta’ bastimenti bħal bastimenti żgħar u bastimenti tal-gvern inklużi bastimenti tal-gwerra (l-UE u t-Turkija) jew il-flotta ta’ sidien tal-bastimenti impenjati (it-Turkija u ċ-Ċina).

5.           Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni attwali mhix adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-bastimenti. Huwa tabilħaqq diffiċli li jkun identifikat meta bastimenti għandhom ikunu skartati. Sabiex tkun applikata l-leġiżlazzjoni attwali u b’mod partikolari l-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ bastimenti fi tmiem l-operat tagħhom barra mill-OECD, l-Istati Membri se jkollhom jagħmlu sforz biex jinfurzaw li jkun sproporzjonat u ineffiċjenti meta jitqiesu n-nuqqas ta’ kapaċità għar-riċiklagg fl-OECD kif ukoll il-possibbiltà legali ta’ kwalunkwe bastiment biex ibiddel il-bandiera tiegħu.

6.           Probabbilment is-sitwazzjoni se teħżien peress li fis-snin li ġejjin għadd kbir ta’ bastimenti huma mistennija jintbagħtu biex jiġu żarmati b’konsegwenza tal-kapaċità eċċessiva tal-flotta dinjija li mistennija tibqa’ għal mill-inqas bejn ħamsa (5) u għaxar (10) snin. Barra minn hekk, mill-kapaċità massima li mistennija tintlaħaq fir-riċiklaġġ tal-bastimenti qrib id-data tal-eliminazzjoni gradwali tat-tankers b’buq wieħed (2015), probbabilment jibbenefikaw l-aktar il-faċilitajiet substandard.

7.           Sabiex titjieb is-sitwazzjoni, ġiet żviluppata Konvenzjoni speċifika mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Hong Kong għar-Riċiklaġġ Sikur u li Jħares l-Ambjent tal-Bastimenti kienet adottata fl-2009 iżda sabiex tidħol fis-seħħ u tibda tagħmel effett jeħtieġ li tkun irratifikata mill-istati ewlenin tal-bandiera u tar-riċiklaġġ.

8.           Jekk il-Konvenzjoni ta' Hong Kong ma tidħolx fis-seħħ u jekk il-leġiżlazzjoni Ewropea ma tkunx immodifikata, probabbilment is-sitwazzjoni attwali tas-suq se tippersisti. Kapaċità massima tal-attività ta’ żarmar probabbilment twassal biex jerġgħu jitfaċċaw aċċidenti fatali u mard fuq il-post tax-xogħol, minħabba li l-persunal il-ġdid se jkun reklutat minn fost l-ifqar u ġeneralment minn fost ħaddiema rurali mingħajr esperjenza.

2.           Objettivi tal-inizjattiva tal-UE

9.           L-għan ġenerali tal-iżvilupp ta’ Regolament dwar ir-Riċiklaġġ ta’ Bastimenti huwa li jnaqqas b’mod sinifikanti u b’mod sostenibbli sal-2020 l-impatti negattivi tar-riċiklaġġ ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, speċjalment fin-nofsinhar tal-Asja, fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mingħajr ma joħloq piżijiet ekonomiċi bla bżonn billi jiffaċilita d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong. L-għanijiet speċifiċi (Specific Objectives – SO) huma li:

SO1: jitnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-impatti ambjentali billi jiġi żgurat li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jiżżarmaw f’faċilitajiet sikuri u li jħarsu l-ambjent madwar id-dinja,

SO2: tiġi żgurata d-disponibbilà ta’ kapaċità ta’ riċiklaġġ sikura, adegwata, suffiċjenti u ekonomikament aċċessibbli għaż-żarmar ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE

SO3: li jissaħħu l-inċentivi biex tinżamm il-konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea.

3.           Għażliet ta’ politika

10.         L-ewwel għażla possibbli, (l-‘għażla ta’ bażi’) tikkonsisti f’li l-leġiżlazzjoni attwali (ir-Regolament dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart) tinżamm kif inhi. L-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ Hong Kong fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom. Madankollu, jibqgħu jiġu pprojbiti milli jesportaw bastimenti kummerċjali kbar li jtajru l-bandiera tal-UE barra l-OECD għar-riċiklaġġ anke jekk, fil-prattika, proporzjon kbir ta' dawn il-bastimenti jkompli jiġi riċiklat f'pajjiżi mhux fl-OECD. Mhux mistenni li l-Istati Membri jtejbu b’mod sinifikanti l-leġiżlazzjoni tal-infurzar tagħhom peress li l-implimentazzjoni tal-Emenda ta’ Projbizzjoni tirrikjedi sforzi sinifikanti u ma tkunx effettiva (bħala riżultat tan-nuqqas ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ fl-OECD mistenni li bastimenti li jtajru bnadar tal-UE jibdlu għal bnadar li mhumiex tal-UE).

11.         It-tieni għażla (B) tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ xi rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong fir-Regolament dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għal faċilitajiet ta’ riċiklaġġ li jinsabu fl-UE u fl-OECD, peress li ż-żarmar ta’ bastimenti kummerċjali kbar li jtajru l-bandiera tal-UE barra l-OECD jibqa’ jiġi pprojbit. L-istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ Hong Kong fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom.

12.         It-tielet għażla (C) tikkonsisti fl-esklużjoni ta’ bastimenti koperti mill-Konvenzjoni ta’ Hong Kong (bastimenti tat-tbaħħir kummerċjali kbar) mil-leġiżlazzjoni Ewropea. Minflok, dawn il-bastimenti jiġu indirizzati biss mil-leġiżlazzjoni domestika tal-Istati Membri, possibbilment abbażi tal-iskema tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong.

13.         Ir-raba’ għażla (D) tikkonsisti f’li bastimenti koperti mill-Konvenzjoni ta’ Hong Kong (bastimenti tat-tbaħħir kummerċjali kbar) ikunu koperti minn Regolament ad-hoc ġdid. Dan ir-Regolament ikopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, jimplimenta kmieni r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u, skont kif tippermetti l-Konvenzjoni, jinkludi kriterji iktar stretti għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti. L-Istati Membri tal-UE jiġu infurmati bil-miktub u f’ħin xieraq dwar l-intenzjoni tas-sid tal-bastiment li jibgħat bastiment għar-riċiklaġġ. Dan ir-rekwiżit kif ukoll l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet, li għall-inqas ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli taħt il-leġiżlazzjoni attwali, jiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni. Filwaqt li huwa diffiċli li wieħed jistenna li l-faċilitajiet attwali biex bastiment jittella’ fuq ix-xatt ikunu jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti, huwa possibbli li faċilitajiet imtejba jkunu jistgħu jissodisfaw dawn il-kriterji fil-futur. Sabiex ikunu evitati l-konfużjoni, il-koinċidenzi u l-piżijiet amministrattivi, bastimenti koperti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida ma jibqgħux jiġu koperti mir-Regolament dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart.

14.         Għażla finali tkun tikkonsisti f’li l-għażla D tkun ikkumplimentata b’elementi speċifiċi:

(1) Għażla E1 tkun tikkonsisti f’li bastimenti tal-gvern, inklużi bastimenti navali, ikunu indirizzati wkoll fir-Regolament ġdid li jittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Hong Kong.

(2) Għażla E2 tkun tirrikjedi li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jiġu trattati f’faċilitajiet li jipprovdu livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent ekwivalenti għall-faċilitajiet tal-UE.

(3) Fl-aħħar nett, l-għażla E3 tikkonsisti fil-possibbiltà tal-esportazzjoni ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE biss lejn għadd ta’ faċilitajiet ta’ partijiet terzi awditjati u ċċertifikati.

4.           Valutazzjoni tal-impatti

15.         Kif irrakkomandat mil-linjigwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt, il-valutazzjoni ffukat biss fuq l-impatti addizzjonali tal-għażliet l-oħra imqabbla max-xenarju ta’ bażi. Dejta kwantitattiva hija pprovduta fit-tabella ta’ hawn taħt.

16.         Minn perspettiva ambjentali, ix-xenarji differenti se jkollhom l-istess impatti rigward il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż u mhux perikoluż kif ukoll emissjonijiet tas-CO2, minbarra għall-għażla E1[2]. Madankollu, l-għażliet se jkollhom impatti differenti fir-rigward tal-perċentwal ta’ skart perikoluż li se jkun immaniġġjat b’mod li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent. L-għażliet C u E1 għandhom impatt negattiv, l-għażliet D u E2 għandhom impatt pożittiv u l-għażla B għandha l-istess impatt bħax-xenarju ta’ bażi.

17.         Għażla B jkollha impatti soċjali[3] mqabbla max-xenarju ta’ bażi. L-għażla C jkollha impatti negattivi (spejjeż soċjali ogħla) f’terminu ta’ żmien medju u twil. Għażla E1 jkollha impatti negattivi fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul. Għażla D jkollha impatti pożittivi f’terminu ta’ żmien qasir biss, filwaqt li l-għażla E2 jkollha impatti pożittivi sinifikanti f’terminu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul.

18.         Minn perspettiva ekonomika, l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong se ġġib magħha spejjeż addizzjonali għas-sidien tal-bastimenti (prezz imnaqqas offrut għall-bastimenti tagħhom minn faċilitajiet tar-riċiklaġġ imtejba u spejjeż amministrattivi) u għall-Istati Membri (spejjeż amministrattivi). L-għażliet B, D u E2 jantiċipaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong imqabbla max-xenarju ta’ bażi u għaldaqstant iwasslu għal spejjeż addizzjonali għas-sidien ta’ bastimenti tal-UE u għall-Istati Membri f’terminu ta’ żmien qasir u medju. Madankollu, ma jkollhom ebda impatti addizzjonali mqabbla max-xenarju ta’ bażi mill-2025 ’il quddiem. Barra minn hekk, l-għażla B twassal għal spejjeż amministrattivi għall-Istati Membri rigward il-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar f’terminu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul. Għażla C jkollha impatti pożittivi meta mqabbla max-xenarju ta’ bażi għas-sidien ta’ bastimenti u l-Istati Membri f’terminu ta’ żmien qasir u medju. Għażla E1 jkollha impatti pożittivi fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul.

19.         L-għażla B hija mistennija toħloq problemi ta’ konformità peress li ma ssolvix il-problema ta’ nuqqas ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ aċċessibbli legalment u toħloq konfużjoni billi tħallat iż-żewġ settijiet ta' rekwiżiti (mill-Konvenzjonijiet ta' Basel u ta' Hong Kong). Kemm taħt l-għażla C kif ukoll taħt l-għażla E1 mhux mistenni li jkun hemm ebda problema ta’ konformità (il-faċilitajiet kollha se jkunu aċċessibbli legalment). L-għażla D jkollha impatt pożittiv peress li l-leġiżlazzjoni proposta tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-bastimenti u kapaċità suffiċjenti għar-riċiklaġġ tkun aċċessibbli legalment bi prezz ftit imnaqqas. Barra minn hekk, jiġu introdotti sanzjonijiet speċifiċi sabiex ikunu indirizzati l-każijiet possibbli li baqa’ ta’ nuqqas ta’ konformità. Għall-istess raġunijiet, l-għażla E2 hija mistennija twassal għal livell ogħla ta’ konformità mqabbel mal-għażla ta’ bażi. Madankollu, huwa mistenni iktar nuqqas ta’ konformita, imqabbel mal-għażla D peress li d-dħul tas-sidien tal-bastimenti jiġi affettwat iktar b’mod negattiv u peress li l-kapaċità tar-riċiklaġġ disponibbli tista' titnaqqas bħala riżultat ta’ rekwiżiti iktar b’saħħithom għal faċilitajiet. L-għażla E3 tipprovdi għodda għall-iċċekkjar li l-faċilitajiet li jintbagħtu fihom għar-riċiklaġġ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jikkonformaw mal-istandards applikabbli u r-regoli dwar riċiklaġġ ta’ bastimenti li jkun sikur u li jħares l-ambjent. Madankollu, din l-għażla tippreżenta livell iktar baxx ta’ konformità milli l-għażla D minħabba l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ rieda min-naħa ta’ pajjiżi terzi dovuta għal kwistjonijiet ta’ sovranità.

20.         Diversi partijiet interessati nnutaw li l-koeżistenza ta’ żewġ settijiet ta’ rekwiżiti legali (li jirriżultaw mill-Konvenzjonijiet ta’ Basel u ta' Hong Kong) se jfixklu ħafna u jkunu ta’ piż amministrattiv kbir. L-Għażla B għaldaqstant ikolha impatti negattivi fuq is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Taħt l-għażla C, bastimenti kbar li jtajru l-bandiera tal-UE ma jibqgħux koperti mil-leġiżlazzjoni Ewropea. Dan ikollu impatt pożittiv fuq is-simplifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni f’terminu ta’ żmien qasir li jista’ jkun iktar limitat f’terminu ta’ żmien twil jekk l-Istati Membri tal-UE jkollhom leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti biex jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ Hong Kong. L-għażliet D, E2 u E3 ikollhom impatt pożittiv peress li jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni attwali bi strument ġdid adattat aħjar għall-ispeċifiċitajiet tal-bastimenti.

21.         L-ebda għażla ma hija mistennija li taffettwa b’mod mhux iġġustifikat l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju peress li n-negozji ewlenin ikkonċernati (bastimenti tal-UE) rari huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

22.         L-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong (spejjeż amministrattivi matul il-ħajja tal-operat u prezzijiet ta’ bejgħ irħas fiż-żmien tar-riċiklaġġ) matul il-perjodu ta’ ħajja ta’ bastimenti huma negliġibbli u għaldaqstant ma hu mistenni ebda impatt fuq il-konsumaturi fix-xenarju ta’ bażi jew f’xenarji oħra.

23.         Fil-prinċipju, l-ebda mill-għażliet previsti fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ma għandha impatt dirett fuq il-baġit tal-UE.

L-impatti addizzjonali kkwantifikati tax-xenarji differenti mqabbla max-xenarju ta’ bażi huma indikati b’mod konċiż fit-tabella ta’ hawn taħt.

Impatti || Ambjentali || Soċjali || Ekonomiċi

Skart perikoluż trattat bil-mod ESM[4] || Volum ta’ Xogħol[5] || Volum ta’ xogħol (ħaddiema protetti) Error! Bookmark not defined. || Volum ta’ xogħol (ħaddiema mhux protetti) Error! Bookmark not defined. || Volum ta’ xogħol (ħaddiema tfal protetti) Error! Bookmark not defined. || Aċċidenti fatali (adulti)[6] || Aċċidenti mhux fatali (adulti) NOTEREF _ Ref311022802 h  * MERGEFORMAT || Aċċidenti fatali (tfal)Error! Bookmark not defined. || Aċċidenti mhux fatali (tfal) NOTEREF _ Ref311022802 h * MERGEFORMAT || Spejjeż soċjali[7] || Dħul tas-sidien tal-bastimentiError! Bookmark not defined. || Spejjeż amministrattivi (Stati Membri) Error! Bookmark not defined.

Perjodu ta’ żmien qasir (2015) || B || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || -1 952 011 || 378 604

C || -6 % || -5 || 189 || || 159 || 1 || 184 || 0 || 29 || 969 792 || 12 540 267 || 0

D || 23 % || 0 || 1 423 || -2 246 || -764 || -2 || -473 || -1 || -133 || -3 372 237 || -22 019 545 || 356 430

E2 || 30 % || 0 || -938 || -2 385 || -811 || -4 || -1 105 || -1 || -148 || -5 401 791 || -66 349 943 || 356 430

E3 || 23 % || 0 || 1 423 || -2 246 || -764 || -2 || -473 || -1 || -133 || -3 372 237 || -22 221 755 || 356 430

Perjodu ta’ żmien medju (2020) || B || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || -112 036 486 || 640 117

C || -20 % || -6 || -2 497 || 3 244 || 1 103 || 1 103 || 3 || 633 || 1 || 5 993 494 || 31 192 613 || -436 341

D || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || -112 036 486 || 617 943

E2 || 16 % || 0 || -3 778 || 0 || 0 || 0 || -2 || -833 || 0 || -2 820 429 || -189 916 941 || 617 943

E3 || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || -112 266 395 || 617 943

Perjodu ta’ żmien medju (2025) || B || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 149 062 972 || 22 174

C || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 159 369 991 || -879 612

D || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 149 062 972 || 0

E2 || 16 % || 0 || -3 428 || 0 || 0 || -2 || -756 || 0 || 0 || -3 114 124 || 63 072 738 || 0

E3 || 0 % || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 148 854 325 || 0

5.           Paragun ta’ għażliet

24.         Il-pakketti ta’ politiki kienu vvalutati skont il-kriterji ta’ effettività, effiċjenza u koerenza.

25.         Mill-perspettiva tal-effettività, l-għażliet D, E2 u E3 jidhru l-iktar attraenti. Tabilħaqq, huma joffru l-ogħla livell potenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi kollha filwaqt li l-għażliet B u E1 ikollhom effettività negattiva globali u l-għażla C jkollha effettività pożittiva fir-rigward tal-Objettivi Speċifiċi 2 u 3.

26.         L-għażla B globalment taffettwa b’mod negattiv peress li se tnaqqas id-dħul tas-sidien tal-bastimenti, iżżid l-ispejjeż amministrattivi għall-Istati Membri tal-UE u ma ssolvix il-problemi attwali ta’ konformità. L-Għażla C jkollha wkoll effiċjenza negattiva: l-impatti pożittivi tagħha fuq id-dħul ta' sidien tal-bastimenti u fuq l-ispejjeż amministrattivi għall-UE jiġu newtralizzati minn spejjeż ambjentali u soċjali negattivi sinifikanti f’terminu ta’ żmien qasir jew medju. L-Għażla E1 globalment ikollha effettività negattiva, b’impatti ekonomiċi pożittivi għall-Istati Membri tal-UE iżda b’impatti ambjentali u soċjali negattivi. L-għażliet D u E3 jinkludu miżuri effettivi akkumpanjati minn spejjeż għall-implimentazzjoni u amministrattivi limitati, li jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għall-objettivi speċifiċi kollha. L-għażla D2 globalment ikollha effiċjenza pożittiva.

27.         L-għażliet D, E2 u E3 jkollhom effiċjenza pożittiva. Madankollu, l-għażla E2 tinvolvi spejjeż sostanzjali ħafna għas-sidien ta’ bastimenti li jiġu bbilanċjati parzjalment biss mill-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa.

28.         Mill-perspettiva tal-effettività, l-għażla D, tidher l-iktar attraenti. Tabilħaqq, din l-għażla toffri l-ogħla livell potenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi kollha u livell ogħla ta’ konformità milli l-għażla E3.

29.         Barra minn hekk, kif jidher mill-analiżi ta’ koerenza, anke jekk l-għażla D tippreżenta bilanċi bejn l-impatti ambjentali u soċjali pożittivi u l-impatti ekonomiċi negattivi, il-bilanċi huma iktar baxxi milli għall-għażla E2. It-telf ta’ dħul mis-sidien ta’ bastimenti taħt l-għażla D (li tirriżulta minn prezzijiet iktar baxxi offruti minn faċilitajiet imtejba) ikun tabilħaqq ibbilanċjat minn benefiċċji f’termini ta’ ħarsien tal-ambjent u ta’ impatti soċjali. Din l-għażla tindirizza l-problemi attwali kollha u tintroduċi rekwiżiti ġodda li jiżguraw konformità qabel ir-riċiklaġġ (obbligu ta’ informazzjoni bil-miktub lill-istat tal-bandiera) u wara (sanzjonijiet jekk il-bastimenti ma jiġux żarmati f’faċilitajiet awtorizzati). Għaldaqstant iżżid il-konformità. Għalhekk, f’termini ta’ koerenza, l-għażla D tinsab fl-ogħla pożizzjoni. Fl-isfond ta’ dan ta’ hawn fuq, l-għażla D hija l-għażla rrakkomandata

30.         It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor il-paragun bejn l-għażliet f’termini ta’ effettività, effiċjenza u koerenza.

Għażla || B || C || D || E1 || E2 || E3

Effettività || || || || || ||

· SO1 || negattiva || negattiva || pożittiva f’terminu ta’ żmien qasir u newtrali f’terminu ta’ żmien twil || negattiva || pożittiva || pożittiva

· SO2 || negattiva || pożittiva ħafna || pożittiva ħafna || newtrali || pożittiva || pożittiva ħafna

· SO3 || negattiva || pożittiva || pożittiva || ftit negattiva || pożittiva || pożittiva

Effiċjenza || negattiva || negattiva || pożittiva ħafna || negattiva || pożittiva || pożittiva ħafna

Koerenza || le || le || iva b’bilanċ limitat || le || iva iżda b’bilanċ importanti u b’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità || iva iżda b’bilanċ limitat u b’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità

Konklużjoni || || || Għażla rakkomandata || || ||

6.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

31.         Minħabba l-problemi eżistenti ta’ konformità, il-progress għandu jkun immonitorjat sabiex jiġu ċċekkjati l-implimentazzjoni u l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-kontribut tagħha għall-objettivi. Qed jiġi propost li kull sena titqabbel il-lista ta’ bastimenti li kienu kkunsidrati bħala li probabbilment imorru għar-riċiklaġġ is-sena ta' qabel u l-lista ta' bastimenti riċiklati fil-faċilitajiet awditjati u ċċertifikati tal-UE.

32.         Indikaturi tal-progress f’dan il-kuntest jistgħu b’mod partikolari jkunu:

· l-għadd ta’ faċilitajiet ta' riċiklaġġ ta' bastimenti li qed jissodisfaw il-kriterji tar-Regolament;

· l-għadd u l-perċentwal ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE żarmati f’dawn il-faċilitajiet imqabbel mal-għadd u l-perċentwal dinji;

· l-istat ta’ ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong mill-istati tal-bandiera ewlenin u l-istati tar-riċiklaġġ;

· dejta dwar it-tip ta’ impjieg fil-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti (tipoloġija ta’ impjieg, aċċidenti, mard relatat max-xogħol) kif ukoll dejta dwar it-tniġġis ambjentali assoċjat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti, kif disponibbli.

33.         B’kunsiderazzjoni għall-dawn l-indikaturi, jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti tkun riveduta fuq bażi regolari u li jkunu sottomessi rapporti ta’ implimentazzjoni/progress lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

34.         Jekk il-problemi tal-konformità jippersistu, tista’ tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE bħat-twaqqif ta’ fond għaż-żarmar tal-bastimenti tal-UE.

[1]               Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart.

[2]               Taħt l-għażla E1, il-bastimenti tal-gvern (inklużi l-bastimenti navali) li bħalissa jiġu rriċiklati fl-OECD se jingħatalhom permess biex jintbagħtu għar-riċiklaġġ fl-Asja, fattur li jwassal għal emissjonijiet ogħla tas-CO2 matul l-aħħar vjaġġ tagħhom.

[3]               Aċċidenti fatali u mhux fatali għall-ħaddiema adulti u tfal.

[4]               Perċentwal ta’ skart iġġenerat mir-riċiklaġġ ta’ bastimenti trattati b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent (Environmentally Sound Manner (ESM)) għal kull għażla mqabbla għall-għażla ta’ bażi. .

[5]               Espress fl-ammont ta’ xogħol li jkun għamel individwu f’sena sħiħa.

[6]               Għadd ta’ persuni.

[7]               Espressi f’EUR