52012PC0372

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatai u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern /* COM/2012/0372 final - 2012/0180 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta għal direttiva għandha l-għan li ddaħħal fis-seħħ qafas ġuridiku xieraq għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet li huma amministrati minn soċjetajiet kollettriċi f’isem id-detenturi tad-drittijiet billi tipprovdi regoli dwar il-governanza aħjar u t-trasparenza ikbar tas-soċjetajiet kollettriċi kollha, kif ukoll billi tindirizza l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali tagħhom mis-soċjetajiet kollettriċi li jirrappreżentaw lill-awturi.

Hija meħtieġa liċenzja mid-detentur rilevanti ta’ kwalunkwe dritt tal-awturi jew dritt relatat fejn huwa pprovdut kwalunkwe servizz li jinkludi l-isfruttament tax-xogħol protett ta’ awtur eż. kanzunetta jew kompożizzjoni mużikali jew xi suġġett protett ieħor, bħal fonogramma jew prestazzjoni. Dawn is-servizzi jistgħu jkunu pprovduti offline, bħal pereżempju wiri ta’ film f’ċinema jew daqq ta’ mużika f’sala ta’ kunċerti, iżda wkoll b’mod dejjem iktar frekwenti, online. Hija meħtieġa liċenzja minn kull detentur tad-drittijiet differenti (awturi, artisti, produtturi). F’ċerti setturi, ħafna drabi l-liċenzji jingħataw direttament mid-detenturi tad-drittijiet individwali (eż. produtturi tal-films), f’setturi oħra, l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet għandu rwol importanti ħafna, b’mod partikolari fil-każ tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali. Ċerti forom ta’ sfruttament jiddependu wkoll b’mod partikolari fuq l-immaniġġjar kollettiv eż. id-drittijiet ta’ remunerazzjoni tal-artisti u l-produtturi tad-diski għax-xandir u l-wirjiet pubbliċi tal-fonogrammi.

Id-detenturi tad-drittijiet jafdaw id-drittijiet tagħhom lil soċjetà kollettriċi li timmaniġġja d-drittijiet f’isimhom. Dawn jipprovdu wkoll servizzi lid-detenturi tad-drittijiet u lill-utenti li jinkludu l-għoti tal-liċenzji lil utenti li jamministraw id-dħul mid-drittijiet, il-pagamenti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet u l-infurzar tad-drittijiet. Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom rwol importanti ħafna, b’mod partikolari f’każijiet fejn in-negozjati mal-awturi individwali ma jkunux prattiċi u jinvolvu spejjeż ta’ tranżazzjoni projbittivi. Dawn għandhom ukoll irwol importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità fl-espressjonijiet kulturali billi jippermettu l-iżgħar repertorji u l-anqas popolari biex jaċċessaw is-suq.

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni f’żewġ oqsma.

L-ewwel nett, l-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi fis-setturi kollha jeħtieġ li jadatta ruħu f’termini tas-servizz ipprovdut lill-membri u lill-utenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-effiċjenza, il-preċiżjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Proċess ta’ modernizzazzjoni li mexa bil-mod wisq kellu impatti negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ offerti ġodda għall-konsumaturi u l-fornituri ta’ servizzi, hekk kif is-servizzi innovattivi speċjalment fl-ambjent online, ġew imfixkla. Sabiex tkun żgurata l-provvista adegwata ta’ servizzi li jużaw xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-suq intern, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jitwasslu biex jadattaw il-metodi ta’ operat tagħhom għall-benefiċċju tal-awturi, il-fornituri ta’ servizzi, il-konsumaturi u l-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali. Peress li s-soċjetajiet joħorġu l-liċenzji għad-drittijiet f’isem id-detenturi tad-drittijiet nazzjonali u barranin, il-funzjonament tagħhom għandu impatt fundamentali fuq l-isfruttament ta’ dawk id-drittijiet fis-suq intern. Il-funzjonament ta’ xi wħud minnhom, qajjem xi tħassib rigward it-trasparenza, il-governanza u l-indirizzar tad-dħul mid-drittijiet tagħhom miġbura f’isem id-detenturi tad-drittijiet. Notevolment, b’mod ġenerali, intwera tħassib fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ ċerti soċjetajiet għall-membri tagħhom, u b’mod partikolari għall-immaniġġjar tal-finanzi tagħhom. Għadd ta’ soċjetajiet kollettriċi għad irid jilħqu l-isfida li jadattaw għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tas-Suq Uniku.

It-tieni nett, l-iżvilupp ta’ Suq Uniku għall-kontenut kulturali online wassal għal sejħiet biex jitwettqu xi bidliet fil-ħruġ tal-liċenzji tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fil-ħruġ tal-liċenzji tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali, peress li l-fornituri tas-servizzi tal-mużika online qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jakkwistaw liċenzji b’repertorju aggregat għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed. Filwaqt li hemm għadd ta’ fatturi li jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-servizzi mużikali online, inklużi l-għażliet kummerċjali tal-fornituri, id-diffikultajiet biex jinkisbu l-liċenzji multiterritorjali ma għandhomx jiġu sottovalutati. Din is-sitwazzjoni twassal għall-frammentazzjoni tas-suq tal-EU għal dawn is-servizzi, u b’hekk tillimita l-forniment ħieles tas-servizzi tal-mużika online mill-fornituri tas-servizzi online, iżda anki mill-awturi li x-xogħlijiet mużikali tagħhom ma ġewx liċenzjati b’mod daqshekk wiesa’ jew imħallsa b’mod xieraq daqs kemm effettivament kien possibbli. Din il-frammentazzjoni tipprevjeni wkoll lill-konsumaturi milli jgawdu mill-akbar aċċess possibbli għad-diversità konsiderevoli tar-repertorji mużikali. Filwaqt li f’oqsma oħra, l-immaniġġjar kollettivi tad-drittijiet ma ħoloq l-ebda diffikultà li jeħtieġ li tiġi indirizzata f’dan il-kuntest, l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali jeħtieġ li jiġi indirizzata. L-indirizzar ta’ din is-sitwazzjoni huwa kruċjali biex tiġi stimulata l-offerta legali ta’ mużika online fl-UE.

Din il-proposta, għalhekk, għandha l-għan li: (a) ittejjeb l-istandards ta’ governanza u trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi, biex b’hekk id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll aktar effettiv fuqhom u jgħinu fit-titjib tal-effiċjenza tal-immaniġġjar tagħhom, u (b) tiffaċilita l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali mis-soċjetajiet kollettriċi tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-forniment ta’ servizzi online.

1.2.        Kuntest ġenerali

Din il-proposta hija ppreżentata fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[1] u l-Istrateġija Ewropa 2020 li timmira lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[2]. Fl-“Att dwar is-Suq Uniku” tagħha[3], il-Kummissjoni identifikat il-proprjetà intellettwali bħala waħda mill-oqsma fejn hija meħtieġa azzjoni u enfasizzat li, fl-era tal-internet, l-immaniġġjar kollettiv għandu jkun kapaċi jevolvi lejn mudelli ta’ ħruġ ta’ liċenzji transnazzjonali, possibbilment fl-UE kollha, li jkopru t-territorji ta’ diversi Stati Membri. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”[4], il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi qafas ġuridiku għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. L-importanza ta’ din il-proposta leġiżlattiva kienet enfasizzata wkoll fl-“Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej”[5].

L-Artikolu 167 tat-TFUE jirrikjedi lill-Unjoni sabiex tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha, b’mod partikolari biex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

It-teknoloġija, in-natura li tevolvi malajr ħafna ta’ mudelli diġitali ta’ negozju u l-awtonomija dejjem tikber tal-konsumaturi online, kollha jitolbu valutazzjoni kostanti dwar jekk ir-regoli kurrenti tad-drittijiet tal-awtur jistabbilixxux l-inċentivi adattati u jippermettux lid-detenturi tad-drittijiet, lill-utenti tad-drittijiet u lill-konsumaturi biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jipprovdu t-teknoloġiji moderni. Din il-proposta ma għandhiex tkun ikkunsidrata f’iżolament iżda bħala parti minn sett ta' miżuri proposti jew għandha tkun proposta mill-Kummissjoni kif xieraq, sabiex tiffaċilita il-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet u b’mod iktar ġenerali, sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għal kontenut diġitali attraenti, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier. Minbarra li tindirizza l-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi fil-kuntest ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra wkoll jekk humiex meħtieġa miżuri oħra biex b’mod ġenerali jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji kemm jekk isir minn detenturi tad-drittijiet individwali, dawk li d-drittijiet ġew trasferiti lilhom, jew minn soċjetajiet kollettriċi. Din ir-riflessjoni tinkludi l-kwistjoni tat-territorjalità tad-drittijiet u l-effetti tagħha fil-ħruġ ta’ liċenzji ta’ ċertu kontenut jew servizzi.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Komunikazzjonijiiet tal-Kummissjoni “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” u “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online”[6] u s-segwitu għall-Green Paper dwar id-distribuzzjoni online ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea[7], il-Kummissjoni qed tagħmel analiżi ġuridika u ekonomika ddettaljata fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati assoċjati mat-trażmissjonijiet tal-internet fis-Suq Uniku, inkluż jekk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kurrenti għad-drittijiet tal-awtur mogħtija skont id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[8], jeħtieġx li jkunu aġġornati jew armonizzati iktar fil-livell tal-UE.

1.3.        Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Filwaqt li xi wħud mid-direttivi eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur[9] fihom referenzi għall-immaniġġjar tad-drittijiet mis-soċjetajiet kollettriċi, l-ebda waħda minnhom ma tindirizza l-modus operandi tas-soċjetajiet bħala tali.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE dwar l-immaniġġjar kollettiv transkofinali tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi tal-mużika online leġittimi[10] stiednet lill-Istati Membri sabiex jippromwovu ambjent regolatorju adattat għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ mużika online leġittimi u biex itejbu l-istandards ta’ governanza u trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi. Peress li kienet Rakkomandazzjoni, din ma kinitx vinkolanti u l-implimentazzjoni volontarja tagħha ma kinitx sodisfaċenti.

1.4.        Konsistenza ma’ politiki oħra

Din il-proposta tikkumplimenta d-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[11] li għandha l-għan li toħloq qafas ġuridiku biex tiżgura l-libertà tal-istabbilment u l-moviment ħieles ta’ servizzi bejn l-Istati Membri. Is-soċjetajiet kollettriċi huma suġġetti għad-Direttiva 2006/123/KE bħala fornituri ta’ servizzi ta’ immaniġġjar kollettiv.

Il-proposta hija importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, il-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni tal-Artisti, il-Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, it-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u t-Trattat dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali huma strumenti internazzjonali ewlenin f’dan ir-rigward. Il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Edukazzjonali, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ espressjonijiet kulturali li tespandi l-obbligu tal-Unjoni Ewropea f’livell internazzjonali, tfakkar ukoll fl-importanza tal-proprjetà intellettwali.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1         Konsultazzjoni pubblika

Il-proposta hi bbażata fuq sensiela ta’ laqgħat ta’ djalogu u konsultazzjoni ma’ partijiet interessati, inklużi awturi, pubblikaturi, artisti, produtturi, soċjetajiet kollettriċi, utenti kummerċjali, konsumaturi u korpi pubbliċi.

Din tqis l-opinjonijiet espressi f’konsultazzjoni pubblika dwar il-“Kontenut Online”[12], li kellhom l-għan li jippromwovu pjanijiet u dibattitu ulterjuri dwar ir-reazzjonijiet Ewropej possibbli għall-isfidi ta’ “dematerjalizzazzjoni” diġitali tal-kontenut, inkluż strutturi ta’ awtorizzazzjoni eħfef u aktar rapidi filwaqt li tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta u xierqa għad-detenturi tad-drittijiet. Il-konsultazzjoni indirizzat b’mod speċifiku l-governanza u t-trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi u l-immaniġġjar transfruntier tad-drittijiet għas-servizzi tal-mużika online. Bosta kontribituri ħassew li jekk wieħed jaggrega r-repertorji tal-mużika differenti, jiġu simplifikati l-awtorizzazzjoni u l-ħruġ tal-liċenzji tad-drittijiet. Għadd ta’ assoċjazzjonijiet tal-awturi, il-pubblikaturi u l-utenti kummerċjali kienu favur riflessjoni ulterjuri dwar il-governanza u t-trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi. Ġeneralment l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi appoġġjaw inizjattiva regolatorja (eż. permezz ta’ strument leġiżlattiv vinkolanti).

Fl-2010, il-Kummissjoni kkonsultat lis-soċjetajiet kollettriċi u lill-fornituri ta’ servizzi mużikali online. Organizzat ukoll seduta pubblika[13] dwar il-governanza tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet fl-UE, li attendew għaliha kważi 300 parti interessata. Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw dawk li kienu identifikati bħala nuqqasijiet fl-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u l-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-istandards ta’ governanza u trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi u li jinħoloq qafas ġuridiku biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji għal użu online ta’ xogħlijiet mużikali.

2.2         Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma ntuża l-ebda għarfien espert.

2.3         Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt teżamina żewġ gruppi ta’opinjoni li għandhom jiġu ttrattati: (a) kwistjonijiet li jappartjenu għall-insuffiċjenza tal-istandards ta’ governanza u trasparenza applikati minn ċerti soċjetajiet kollettriċi, li ħafna drabi jirriżultaw f’nuqqasijiet fl-immaniġġjar finanzjarju tagħhom; (b) kwistjonijiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ ċerti soċjetajiet kollettriċi tal-awturi milli joħorġu liċenzji multiterritorjali online fid-dawl tar-rekwiżiti assoċjati ma’ din it-tip ta’ attività u l-inċertezza ġuridika perċepita, jagħmlu l-aggregazzjoni repertorja ta’ xogħlijiet mużikali waħda aktar diffiċli.

L-għażliet ta’ politika fir-rigward tal-governanza u t-trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi huma kif ġej:

– Iż-żamma tal-istatus quo (A1), li hija bbażata fuq is-suq u l-pressjoni reċiproka (inkuż l-awtoregolazzjoni), ma ssolvix il-kwistjonijiet transfruntiera (eż. il-kontroll tal-fluss tar-royalties).

– L-infurzar aħjar (A2) tal-liġi eżistenti tal-UE u aktar konsistenza fil-livell nazzjonali fl-applikazzjoni tal-prinċipji, ma jarmonizzawx il-kundizzjonijiet operattivi tas-soċjetajiet kollettriċi. Il-kwistijonijiet li ma jagħmlux parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji eżistenti, jibqgħu mhux solvuti.

– Il-kodifikazzjoni tal-prinċipji eżistenti (A3) tkun tirrifletti fil-leġiżlazzjoni l-prinċipji li jkunu ħarġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjonijiet tal-antitrust tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjoni 2005/737/KE, iżda tonqos milli taqbad il-problemi li jkunu ġew identifikati aktar reċentement fir-rigward tat-trasparenza finanzjarja u l-kontroll mid-detenturi tad-drittijiet.

– Qafas ta’ governanza u trasparenza (A4) ikun jikkodifika l-prinċipji eżistenti u jipprovdi qafas ta’ regoli aktar elaborat dwar il-governanza u t-trasparenza, biex b’hekk iżid il-possibbiltajiet ta’ kontroll fuq is-soċjetajiet kollettriċi.

L-opzjonijiet ta’ politika li ġejjin ġew eżaminati biex jindirizzaw il-kumplessitajiet tal-liċenzji kollettivi tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-utenti online:

– Jekk jinżamm l-istatus quo (B1), is-suq intern jibqa’ frammentat peress li l-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet għas-servizzi online jkompli jkun kumpess u problematiku.

– Il-Passaport tal-Ħruġ ta’ Liċenzji Ewropej (B2) irawwem l-aggregazzjoni volontarja tar-repertorji għal użi online ta’ xogħlijiet mużikali fuq livell Ewropew u l-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet permezz ta’ infrastrutturi ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali. Jistabbilixxi regoli komuni għall-konċedenti kollettivi kollha madwar l-UE u joħloq pressjoni kompetittiva fuq is-soċjetajiet sabiex jiżviluppaw prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzji aktar effiċjenti.

– Ħruġ parallel dirett ta’ liċenzji (B3) jippermetti lid-detenturi tad-drittijiet jikkonkludu liċenzji diretti ma’ utenti, mingħajr ikollhom bżonn jirtiraw id-drittijiet tagħhom mis-soċjetajiet kollettriċi. Jippromwovi l-kompetizzjoni fost is-soċjetajiet, iżda la jistabbilixxi sett ta’ regoli komuni minimi għal konċedenti u lanqas neċessarjament jipproduċi aggregazzjoni tar-repertorji.

– Il-ħruġ kollettiv estiż ta’ liċenzji u l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini (B4) jistabbilixxu l-presuppożizzjoni li kull soċjetà kollettriċi għandha l-awtorità biex toħroġ liċenzji “blanket” għall-utenti online li jkopru r-repertorju sħiħ, sakemm is-soċjetà tkun “rappreżentattiva”. Din l-għażla la tipprovdi xi inċentiv għas-soċjetajiet kollettriċi sabiex isiru aktar effiċjenti, u lanqas tissimplifika l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet (minħabba nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-immaniġġjar kollettiv li ħafna drabi twassal għad-disaggregazzjoni tar-repertorji).

– Portal ċentralizzat (B5) jippermetti lis-soċjetajiet kollettriċi jippuljaw ir-repertorju tagħhom għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali f’tranżazzjoni waħda, ikkoordinata permezz tal-portal. Din l-għażla tqajjem tħassib serju fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

Wara li tqiesu bir-reqqa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull wieħed mill-approċċi, inżammu l-opzjonijiet A4 u B2.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 50(2)(g), 53 u 62 tat-TFUE bħala faċilitazzjoni tal-forniment ħieles ta’ servizzi. L-introduzzjoni ta’ standards ta’ governanza u trasparenza ewlenin fis-soċjetajiet kollettriċi tipproteġi l-interessi tal-membri u l-utenti u b’hekk tiffaċilita u tħeġġeġ ukoll il-forniment ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar kollettiv madwar il-fruntieri, b’mod partikolari peress li ġeneralment is-soċjetajiet jimmaniġġjaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet minn Stati Membri oħra (inkluż permezz tal-hekk imsejħa ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni li tradizzjonalment is-soċjetajiet kollettriċi kkonkludew ma’ soċjetajiet kollettriċi fi Stati Membri oħra) u flussi ta’ royalties transfruntiera. Barra minn hekk, l-indirizz tal-frammentazzjoni tar-regoli applikabbli għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet madwar l-Ewropa se tiffaċilita l-moviment ħieles ta’ dawk is-servizzi kollha li jiddependu fuq id-drittijiet tal-awtur u kontenut protett mid-drittijiet relatati. B’mod partikolari, it-teħid ta’ azzjoni biex ikun faċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali lil fornituri tas-servizzi online se jiffaċilita b’mod konsiderevoli t-tqassim ta’ dawn ix-xogħlijiet mużikali u l-aċċess għalihom.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

L-azzjon tal-UE hija meħtieġa skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà (Artikolu 5(3) tat-TFUE), peress li l-qafas ġuridiku eżistenti li jinsab fis-seħħ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE wera li mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-problemi. L-Unjoni diġà adottat leġiżlazzjoni li tarmonizza d-drittijiet prinċipali tad-detenturi tad-drittijiet li huma mmaniġġjati mis-soċjetajiet kollettriċi[14] u li l-immaniġġjar ta’ dawk id-drittijiet fis-suq intern għandu jsir b’mod kumparabbli, effettiv u trasparenti bejn il-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u b’hekk jistgħu jintlaħqu b’mod aħjar fil-livell tal-UE minħabba n-natura transnazzjonali tal-problemi:

– Fir-rigward tal-governanza u t-trasparenza, parti sostanzjali mill-kollezzjonijiet ta’ royalties fis-soċjetajiet kollettriċi joriġinaw mir-repertorju mhux domestiku. Il-problema tal-membri li ma għandhomx kontroll tal-attivitajiet tas-soċjetà hija aktar evidenti fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet barranin. Peress li mhumiex membri tas-soċjetajiet kollettriċi rilevanti, dawn għandhom ftit għarfien u saħansitra anqas influwenza fuq il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tas-soċjetajiet li jaġixxu f’isem is-soċjetà tagħhom stess. Il-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-EU teħtieġ li l-flussi tar-royalities kollha, u b’mod partikolari l-flussi transfruntiera, ikunu trasparenti u ġġustifikati. Huwa improbabbli li fil-futur l-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza meħtieġa għad-detenturi tad-drittijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet transfruntiera tagħhom. L-intervent tal-UE huwa l-uniku mod li jista’ jiżgura l-eżerċitar tad-drittijiet u, b’mod partikolari, il-ġbir u t-tqassim tar-royalties b’mod konsistenti madwar l-UE.

– Il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għall-utenti online tax-xogħlijiet mużikali, huwa skont id-definizzjoni, ta’ natura transfruntiera. Għaldaqstant, ir-regoli li huma maħsuba biex jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali huma stabbiliti aħjar fil-livell tal-UE peress li l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jfasslu regoli li jkunu jindirizzaw b’mod koerenti l-attivitajiet transfruntiera tas-soċjetajiet kollettriċi.

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) tat-TUE) u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Ir-regoli proposti dwar il-governanza u t-trasparenza jikkodifikaw sa ċertu punt, il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda fil-qasam tal-antitrust[15]. Dawn iqisu wkoll, id-daqs tas-soċjetajiet kollettriċi u jippermettu lill-Istati Membri biex jeskludu lil dawk li huma l-iżgħar minnhom minn ċerti obbligi li jistgħu jkunu sproporzjonati. Ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għall-utenti online ta’ xogħlijiet mużikali huma limitati għad-drittijiet tal-awturi u huma l-prinċipji minimi meħtieġa biex issir sistema moderna u effettiva ta’ ħruġ ta' liċenzji li tkun taħdem fl-era diġitali u biex tiġi ggarantita l-aggregazzjoni tar-repertorji, inklużi xogħlijiet mużikali speċjalizzati u anqas magħrufa. F’dan ir-rigward jingħataw garanziji xierqa: eż. soċjetà kollettriċi se jkollha l-għażla dwar jekk toħroġx liċenzji multiterritorjali ta’ repertorju tagħha stess jew tqabbadx soċjetajiet oħra jmexxuha; barra minn hekk, awtur mhux se jkun mġiegħel jibqa’ ma’ soċjetà li ma tkunx lesta li toħroġ direttament liċenzji multiterritorjali jew li tippermetti lil soċjetajiet oħra biex jagħmlu hekk f’isimha.

3.3.        Għażla ta’ strument legali

Il-Kummissjoni tipproponi Direttiva. Dan huwa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 50(2)(g), 53 u 62 tat-TFUE. Barra minn hekk, direttiva tippermetti li jkun hemm il-flessibbiltà meħtieġa f’dak li għandu x’jaqsam mal-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u tikkunsidra l-fatt li l-Istati Membri għandhom approċċi differenti rigward l-għamla ġuridika tas-soċjetajiet kollettriċi u l-mod kif dawn is-soċjetajiet jiġu sorveljati.

3.4.        Spjegazzjoni tal-proposta

3.4.1.     Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

It-Titolu 1 jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-suġġett (Artikolu 1), il-kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 2) u d-definizzjonijiet (Artikolu 3). Id-Direttiva tapplika għal: (i) l-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mas-soċjetajiet kollettriċi, irrispettivament mis-settur li fih is-soċjetajiet huma attivi (Titolu II)[16], u (ii) il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali mis-soċjetajiet kollettriċi tal-awturi (Titolu III). It-Titoli I u II japplikaw ukoll għas-soċjetajiet li joħorġu l-liċenzji multiterritorjali skont it-Titolu III.

3.4.2.     Soċjetajiet kollettriċi

It-Titolu II jistabbilixxi regoli ta’ organizzazzjoni u trasparenza li japplikaw għat-tipi kollha ta’ soċjetajiet kollettriċi.

Il-Kapitolu 1 jipprovdi għal regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ sħubija tas-soċjetajiet kollettriċi. L-Artikolu 4 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti li għandhom japplikaw għar-relazzjonijiet bejn is-soċjetajiet kollettriċi u d-detenturi tad-drittijiet. L-Artikolu 5 jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jawtorizzaw lis-soċjetajiet kollettriċi tal-għażla tagħhom biex jimmaniġġjaw id-drittijiet u jirtiraw din l-awtorizzazzjoni parzjalment jew kompletament. Is-soċjetajiet għandhom jibbażaw ir-regoli tagħhom fuq is-sħubija u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet interni abbażi ta’ kriterji oġġettivi. (l-Artikolu 6). L-Artikolu 7 jistabbilixxi s-setgħat minimi tal-laqgħa ġenerali tal-membri. L-Artikolu 8 jitlob lis-soċjetajiet kollettriċi jistabbilixxu funzjoni ta’ sorveljanza li tippermetti lill-membri tagħhom jimmonitorjaw u jeżerċitaw kontroll fuq l-immaniġġjar tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-arranġamenti istituzzjonali differenti fl-Istati Membri. L-Artikolu 9 jistabblixxi ċerti obbligi biex jiżgura li s-soċjetajiet jiġu mmaniġġjati b’mod prudenti u tajjeb.

Il-Kapitolu 2 jistabbilixxi regoli dwar l-immaniġġjar finanzjarju tas-soċjetajiet kollettriċi:

– id-dħul miġbur bħala riżultat tal-isfruttament tad-drittijiet irrappreżentati għandu jiġi separat mill-assi tas-soċjetà stess u għandu jiġi mmaniġġjat skont kundizzjonijiet stretti (l-Artikolu 10);

– soċjetà kollettriċi għandha tispeċifika t-tnaqqis applikabbli fil-ftehimiet tagħha mad-detenturi tad-drittijiet u tiżgura aċċess ġust lill-membri u d-detenturi tad-drittijiet għal kull servizz soċjali, kulturali u edukattiv, jekk dan ikun iffinanzjat minn xi tnaqqis (l-Artikolu 11);

– is-soċjetajiet kollettriċi għandhom iħallsu l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet b’mod eżatt u mingħajr dewmien żejjed u għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jidentifikaw id-detenturi tad-drittijiet (l-Artikolu 12).

Il-Kapitolu 3 jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni għall-immaniġġjar minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet f’isem soċjetà oħra skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni (l-Artikolu 13). M’hemm l-ebda possibbiltà li jitnaqqsu l-ammonti li huma dovuti lil soċjetà oħra mingħajr il-kunsens espliċitu ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-pagamenti lil soċjetajiet oħra għandhom isiru b’mod preċiż (Artikolu 14).

Il-Kapitolu 4 jitlob lis-soċjetajiet kollettriċi u lill-utenti sabiex imexxu n-negozjati b’bona fede. It-tariffi għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi u jirriflettu l-valur tad-drittijiet fil-kummerċ u tas-servizz effettiv ipprovdut mis-soċjetà (l-Artikolu 15).

Il-Kapitolu 5 (trasparenza u rapportar) jitlob li jkun hemm il-livelli ta’ żvelar li ġejjin mis-soċjetajiet kollettriċi:

– informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet dwar ammonti miġbura u mħallsa, it-tariffi tal-immaniġġjar imposti u tnaqqis ieħor li jsir (l-Artikolu 16);

– informazzjoni lil soċjetajiet kollettriċi oħra dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni (l-Artikolu 17);

– informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet, lil soċjetajiet u utenti oħra, fuq talba (l-Artikolu 18);

– informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-soċjetà (l-Artikolu 19);

– pubblikazzjoni annwali ta’ rapport ta’ trasparenza, inkluż il-prinċipji ta’ governanza u l-implimentazzjoni tagħhom, rapporti finanzjarji, eċċ. (l-Artikolu 20).

3.4.3.     Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali mis-soċjetajiet kollettriċi tal-awturi tad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali

It-Titolu III jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li soċjetà kollettriċi tal-awturi għandha tirrispetta meta tipprovdi servizzi ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali (l-Artikolu 21):

– tkun kapaċi tipproċessa b’mod effiċjenti u trasparenti, id-dejta meħtieġa għall-isfruttament ta’ dawn il-liċenzji (eż. l-identifikazzjoni tar-repertorju mużikali tagħha, is-sorveljanza tal-użu tiegħu) billi tuża bażi ta’ dejta awtorevoli u sensittiv għall-ħin li jinkludi d-dejta meħtieġa (l-Artikolu 22);

– tkun trasparenti fir-rigward tar-reperetorju ta’ mużika online li tirrappreżenta (l-Artikolu 23);

– toffri lid-detenturi u lil soċjetajiet oħra, il-possibbiltà li jikkoreġu d-dejta rilevanti u biex tiżgura l-preċiżjoni tagħha (l-Artikolu 24);

– tissorvelja l-użu reali tax-xogħlijiet koperti mil-liċenzji, tkun kapaċi tipproċessa r-rapporti dwa l-użu u l-fatturazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri li jippermettu lill-utent jikkontesta l-preċiżjoni ta' fatturi (eż. biex tiġi evitata fatturazzjoni doppja). Fejn disponibbli, għandhom jintużaw standards industrijali xierqa (l-Artikolu 25);

– tħallas lid-detenturi tad-drittijiet u lil soċjetajiet kollettriċi oħra mingħajr dewmien u tipprovdilhom informazzjoni dwar ix-xogħlijiet użati u d-dejta finanzjarja relatata mad-drittijiet tagħhom (eż. l-ammonti miġbura, it-tnaqqis li jkun sar) (l-Artikolu 26).

Soċjetà kollettriċi tista’ tiddeċiedi li ma toħroġx liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, iżda tista’ tkompli toħroġ liċenzji nazzjonali għar-repertorju tagħha u/jew liċenzji nazzjonali għar-repertorju ta’ soċjetajiet oħra permezz ta’ ftehimiet reċiproċi. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li r-repertorji jkunu jistgħu jiġu aggregati b’mod faċli għall-benefiċċju tal-fornituri tas-servizzi tal-mużika li jridu joffru servizz kemm jista’ jkun komplut madwar l-Ewropea u għall-benefiċċju tad-diversità kulturali inġenerali, se japplikaw garanziji speċifiċi biex jiġi żgurat li r-repertorju tas-soċjetajiet kollha huwa aċċessibbli għall-ħruġ ta’ liċenzja multiterritorjali:

– soċjetà kollettriċi tista’ titlob lil soċjetà oħra li toħroġ liċenzji ta’ multirepertorji multiterritorjali biex ikollha r-repertorju tagħha rrappreżentat fuq bażi nondiskriminatorja u nonesklussiva għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali (l-Artikolu 28). Is-soċjetà li tirċievi t-talba ma tistax tirrifjuta jekk diġà tkun tirrappreżenta (jew jekk toffri li tirrappreżenta) ir-repertorju ta’ soċjetà kollettriċi jew aktar għall-istess għan (l-Artikolu 29);

– wara perjodu tranżitorju, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jjoħorġu liċenzji (kemm direttament kif ukoll permezz ta’ intermedjarju ieħor) għal drittijiet proprji online jekk is-soċjetà kollettriċi ma toħroġx liċenzji multiterritorjali u jekk ma tidħolx f’wieħed mill-ftehimiet imsemmija hawn fuq (l-Artikolu 30).

Soċjetà hija awtorizzata testernalizza servizzi relatati mal-liċenzji multiterritorjali li hija toħroġ mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tagħha lejn id-detenturi tad-drittijiet, fornituri ta’ servizzi online u soċjetajiet kollettriċi oħra (l-Artikolu 27). It-Titolu III għandu japplika wkoll għas-sussidjarji tas-soċjetajiet kollettriċi koperti mit-Titolu.(L-Artikolu 31).

Sabiex jintlaħaq il-grad ta’ flessibbiltà meħtieġ għall-inkoraġġiment tal-ħruġ ta’ liċenzji għal servizzi online innovattivi (jiġifieri li kienu disponibbli għall-pubbliku għal inqas minn 3 snin), is-soċjetajiet kollettriċi huma awtorizzati joħorġu dawn il-liċenzji mingħajr ma jkunu rikjesti jużawhom bħala preċedent għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-termini ta’ liċenzji oħra (l-Artikolu 32). B’eċċezzjoni, is-soċjetajiet kollettriċi ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mat-Titolu III meta joħorġu liċenzji multiterritorjali lil xandara għal użu online tal-programmi tar-radju jew tat-televiżjoni tagħhom li jinkludu xogħlijiet mużikali (l-Artikolu 33).

3.4.4.     Miżuri ta’ infurzar

Fit-Titolu IV, is-soċjetajiet kollettriċi huma rikjesti jagħmlu disponibbli għall-membri tagħhom u tad-detenturi tad-drittijiet, proċeduri tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-ilmenti (l-Artikolu 34). Għandhom ikunu disponibbli wkoll mekkaniżmi biex jiġi riżolt tilwim dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji bejn l-utenti u s-soċjetajiet kollettriċi (l-Artikolu 35). Fl-aħħar nett, ċertu tip ta’ tilwim, fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, bejn is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti, id-detenturi tad-drittijiet jew soċjetajiet oħra jista’ jiġi sottomess f’sistema alternattiva ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li hija indipendenti u imparzjali (l-Artikolu 36).

L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti xierqa li għandhom is-setgħa li (l-Artikolu 39): (a) jamministraw il-proċeduri tal-ilmenti (l-Artikolu 37); (b) jamministraw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi (l-Artikolu 38) u (c) jissorveljaw l-applikazzjoni tat-Titolu III (l-Artikolu 40). Madankollu, l-Artikolu 39, ma jimponix fuq l-Istati Membri biex iwaqqfu superviżuri indipendenti li jkunu ddedikati b’mod speċifiku għas-sorveljanza tas-soċjetajiet kollettriċi.

3.4.5      Drittijiet fundamentali u premessi speċifiċi

Il-proposta tipprevedi garanziji effikaċi rigward l-applikazzjoni tad-drittijiet findamentali kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-salvagwardji meħtieġa mis-soċjetajiet kollettriċi fir-rigward tal-governanza u l-kundizzjonijiet dwar il-forniment ta’ liċenzji multiterritorjali transfruntiera għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, jirrestrinġu l-libertà tas-soċjetajiet kollettriċi fit-twettiq ta’ negozju, kif definit fil-Karta, meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Karta, li tipprovdi li l-eżerċitar tal-libertajiet rilevanti jista’ jiġi limitat, f’ċerti ċirkustanzi. Dawn ir-restrizzjonijiet huma neċessarji biex iħarsu l-interessi tal-membri, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti u biex jistabbilixxu standards minimi ta’ kwalità għall-eżerċitar mis-soċjetajiet kollettriċi tal-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi ta’ ħruġ ta’ liċenzji transfruntiera u ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għall-utenti online ta’ xogħlijiet mużikali fis-suq intern.

Minħabba l-kumplessità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, l-Istati Membri huma mitluba jibagħtu tabella ta’ korrelazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom u d-Direttiva.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

2012/0180 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatai u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, u b’mod partikolari l-Artikoli 50(2)(g), 53 u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[17],

Wara li kkonsultaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Id-direttivi li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati diġà jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien għad-detenturi tad-drittijiet u għaldaqstant għal qafas fejn jista’ jsir dan l-isfruttament ta’ kontenut protett b’dawn id-drittijiet. Huma jikkontribwixxu għall-iżvilupp u ż-żamma tal-kreattività. F’suq intern fejn il-kompetizzjoni mhijiex imfixkla, il-ħarsien tal-innovazzjoni u l-ħolqien intellettwali jħeġġeġ ukoll l-investiment fis-servizzi u l-prodotti innovattivi.

(2)       It-tixrid ta’ kontenut li huwa protett bi drittijiet tal-awtur u minn drittijiet u servizzi relatati inklużi kotba, produzzjonijiet awdjoviżivi u mużika rreġistrata jeħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet minn detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħall-awturi, artisti, produtturi u pubblikaturi. Huwa normali għad-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu bejn l-immaniġġjar individwali jew kollettiv tad-drittijiet tagħhom. L-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, il-verifika tal-liċenzji u s-sorveljanza tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet derivat mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Is-soċjetajiet kollettriċi jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet jiġu mħallsa għall-użi li ma jkunux f’pożizzjoni biex jikkontrollaw jew jinfurzaw huma stess, inkluż fis-swieq mhux interni. Madankollu, dawn għandhom irwol soċjali u kulturali importanti bħala promoturi tad-diversità fl-espressjonijiet kulturali billi jippermettu li r-repertorji l-aktar żgħar u l-anqas popolari jaċċessaw is-suq. L-Artikolu 167 tat-TFUE jitlob lill-Unjoni sabiex tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha, b’mod partikolari biex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

(3)       Meta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, is-soċjetajiet kollettriċi – bħala fornituri tas-servizzi – għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[18] li tfittex li toħloq qafas ġuridiku biex tiżgura l-libertà ta’ stabbilment u l-moviment ħieles ta’ servizzi bejn l-Istati Membri. Dan jimplika li s-soċjetajiet kollettriċi għandhom ikunu liberi li jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri biex jirrappreżentaw id-detenturi tad-dritt residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew biex joħorġu liċenzji lill-utenti residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(4)       Jeżistu differenzi sinifikanti fir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabbiltà lejn il-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħhom. Lil hinn mid-diffikultajiet li d-detenturi tad-drittijiet mhux domestiċi jiltaqgħu magħhom meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u ħafna drabi l-ġestjoni finanzjarja ħażina tad-dħul miġbur, il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi jwasslu għal ineffiċjenzi fl-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq intern għad-detriment bl-istess mod tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti. Dawn id-diffikultajiet ma jirriżultawx mill-funzjonament ta’ fornituri ta’ servizzi indipendenti tal-immaniġġjar ta’ drittijiet li jaġixxu bħala aġenti għad-detenturi tad-drittijiet għall-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom fuq bażi kummerċjali u li fihom id-detenturi tad-drittijiet ma jeżerċitawx drittijiet ta’ sħubija.

(5)       Il-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi diġà ġiet identifikata fil-passat. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi[19] tistabbilixxi għadd ta’ prinċipji, bħal-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu s-soċjetajiet kollettriċi tagħhom, it-trattament indaqs tal-kategoriji tad-detenturi tad-drittijiet u t-tqassim ekwu tar-royalties. Hija talbet ukoll lis-soċjetajiet kollettriċi sabiex jipprovdu lill-utenti b’informazzjoni suffiċjenti dwar it-tariffi u r-repertorju qabel ma jsiru n-negozjati. Fl-aħħar nett, kienet tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar ir-responsabbiltà, ir-rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tas-soċjetajiet kollettriċi u s-soluzzjoni tat-tilwim. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE kienet strument li ma jorbotx limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, ġie segwit b’mod irregolari.

(6)       Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-immanġġjar tad-drittijiet tal-awtur u l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali jkunu kkoordinati fejn l-Istati Membri jippermettu dawn l-operazzjonijiet bil-għan li jkun hemm garanziji ekwivalenti madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat.

(7)       Din id-Direttiva għandu jkollha l-għan li tikkoordina r-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mis-soċjetajiet kollettriċi, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom u hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 53(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, peress li dan huwa settur li joffri servizzi madwar l-Unjoni, din id-Direttiva hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 62 tat-Trattat.

(8)       Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq intern meta d-drittijiet tagħhom ikunu qed jiġu mmaniġġjati b’mod kollettiv u li l-libertà tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ma tiġix affettwata b’mod mhux xieraq, huwa neċessarju li jiġi pprovdut għall-inklużjoni tal-garanziji xierqa fid-dokumenti kostituttivi tas-soċjetajiet kollettriċi. Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2006/123/KE, is-soċjetajiet kollettriċi ma għandhomx jiddiskriminaw, b’mod dirett jew indirett, bejn id-detenturi tad-drittijiet fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom, il-post ta’ residenza jew is-sede prinċipali meta jipprovdu s-servizzi ta’ ġestjoni tagħhom.

(9)       Biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti u riċevuti servizzi ta’ ġestjoni kollettiva bejn il-fruntieri nazzjonali, id-detenturi tad-drittijiet iridu jkunu jistgħu jagħżlu liberament is-soċjetà kollettriċi għall-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom, bħal prestazzjoni pubblika jew id-drittijiet tax-xandir, jew il-kategoriji ta’ drittijiet, bħal komunikazzjoni interattiva lill-pubbliku, sakemm is-soċjetà kollettriċi tkun diġà qed timmaniġġja dawn id-drittijiet. Dan ifisser li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu faċilment jirtiraw id-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom minn soċjetà kollettriċi u jafdawhom jew jittrasferixxuhom kollha jew parti minnhom lil soċjetà kollettriċi oħra irrispettivament mill-Istat Membru ta’ residenza jew in-nazzjonalità tas-soċjetà kollettriċi jew tad-detentur tad-drittijiet. Is-soċjetajiet kollettriċi li jimmaniġġjaw tipi differenti ta’ xogħlijiet u suġġetti oħra, bħal xogħlijiet letterarji, mużikali jew fotografiċi, għandhom ukoll jagħtu din il-flessibbiltà lid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ tipi differenti ta’ xogħlijiet. Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar din l-għażla u jippermettulhom jeżerċitaw b’mod kemm jista’ jkun faċli. Fl-aħħar nett, din id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika l-possibbiltajiet tad-detenturi tad-drittijiet li jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom b’mod individwali, inkluż fil-każ tal-użi mhux kummerċjali.

(10)     Is-sħubija tas-soċjetajiet kollettriċi għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji inkluż fir-rigward tal-pubblikaturi li permezz ta’ ftehim dwar l-isfruttament tad-drittijiet, huma intitolati għal sehem mid-dħul derivat mid-drittijiet immaniġġjati mis-soċjetajiet kollettriċi u biex jiġbru dan id-dħul mis-soċjetà kollettriċi.

(11)     Is-soċjetajiet kollettriċi huma mistennija li jaġixxu fl-aħjar interessi tal-membri tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu pprovduti sistemi li jippermettu lill-membri tas-soċjetajiet kollettriċi biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sħubija tagħhom billi jieħdu sehem fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tas-soċjetajiet. Ir-rappreżentazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ membri fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun wieħed ġust u bilanċjat. L-effettività tar-regoli dwar il-laqgħat ġenerali tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi tista’ tintlaqgħat ħażin jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet dwar kif għandhom jitmexxew il-laqgħat ġenerali. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-laqgħa ġenerali tissejjaħ b’mod regolari, u talanqas darba f’sena, u li l-aktar deċiżjonijiet importanti għas-soċjetà kollettriċi jittieħdu matul il-laqgħa ġenerali.

(12)     Il-membri tas-soċjetajiet kollettriċi għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem u jivvutaw fil-laqgħa ġenerali; l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet jista’ jkun biss suġġett għal restrizzjonijiet ġusti u proporzjonati. L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzoni għandu jkun iffaċilitat.

(13)     Il-membri għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-sorveljanza tal-immaniġġjar tas-soċjetajiet kollettriċi. Għal dan il-għan, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jistabbilixxu funzjoni superviżorja li tkun xierqa għall-istruttura organizzattiva tagħhom u għandhom jippermettu lill-membri jiġu rappreżentati fil-korp li jeżerċita din il-funzjoni. Sabiex jevitaw li jimponu piż żejjed fuq is-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar u biex jagħmlu l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva proporzjonati, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu lis-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar milli jkollhom jorganizzaw funzjoni superviżorja bħal din, jekk jikkunsidraw dan meħtieġ.

(14)     Għal raġunijiet ta’ mmaniġġjar tajjeb, maniġment superjuri ta’ soċjetà kollettriċi għandu jkun indipendenti. Il-maniġers u d-diretturi eżekuttivi għandhom ikunu obbligati jiddikjaraw kull sena lis-soċjetà kollettriċi, jekk hemmx kunflitti bejn l-interessi tagħhom u dawk tas-soċjetà.

(15)     Is-soċjetajiet kollettriċi jiġbru, jimmaniġġjaw u jqassmu d-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet fdati lilhom mid-detenturi tad-drittijiet. Dan id-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lil detenturi tad-drittijiet li jistgħu jkunu membri ta’ dik is-soċjetà, jew ta’ soċjetà oħra. Għaldaqstant huwa importanti li s-soċjetajiet kollettriċi jeżerċitaw l-ogħla diliġenza fil-ġbir, l-immaniġġjar u t-tqassim tad-dħul. It-tqassim preċiż huwa possibbli biss meta soċjetajiet kollettriċi jżommu rekords tajbin ta’ sħubija, liċenzji u użu ta’ xogħlijiet u suġġetti oħrajn. Fejn xieraq, id-dejta għandha tkun ipprovduta wkoll mid-detenturi tad-drittijiet u l-utenti u tkun verifikata mis-soċjetajiet kollettriċi. L-ammonti miġbura u dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu ġestiti separatament mill-assi proprji tas-soċjetà kollettriċi u, jekk jiġu investiti, sakemm ma jitqassmux lid-detenturi tad-drittijiet, dan għandu jitwettaq skont il-politika ta’ investiment deċiża waqt il-laqgħa ġenerali tas-soċjetajiet kollettriċi. Sabiex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u sabiex ikun żgurat li kwalunkwe dħul li jista’ jkun derivat mill-isfruttar tad-drittijiet tagħhom jinġabar għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet, l-investimenti li għamlet is-soċjetà kollettriċi u li huma miżmuma minnha, għandhom ikunu mmaniġġjati skont il-kriterju li jobbliga lis-soċjetà kollettriċi biex tieħu azzjoni prudenti, filwaqt li tippermetti lis-soċjetà kollettriċi biex tiddeċiedi dwar l-iktar politika ta’ investiment sikura u effiċjenti. Dan jippermetti lis-soċjetà kollettriċi biex tagħżel allokazzjoni ta’ assi li tixraq lin-natura preċiża u l-perjodu ta’ żmien ta’ kwalunkwe skopertura għar-riskju ta’ kwalunkwe dħul mid-drittijiet investit u li ma tippreġudikax għalxejn kwalunkwe dħul mid-drittijiet dovut lid-detenturi tad-drittijiet. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ikunu mqassma b’mod xieraq u effettiv, huwa meħtieġ li s-soċjetajiet kollettriċi jieħdu miżuri raġonevoli li huma diliġenti u ta’ bona fede biex jiġu identifikati u lokalizzati d-detenturi tad-drittijiet rilevanti. Huwa wkoll xieraq li tingħata l-approvazzjoni mill-membri tas-soċjetajiet kollettriċi tar-regoli li jirregolaw kwalunkwe sitwazzjoni fejn, minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni u lokalizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, l-ammonti miġbura ma jistgħux jitqassmu.

(16)     Billi d-detenturi tad-drittijiet huma intitolati li jitħallsu għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom, huwa importanti għal kull tnaqqis, minbarra t-tariffi għall-immaniġġjar jew it-tnaqqis meħtieġa mil-liġi nazzjonali, ikun deċiż mill-membri tas-soċjetajiet kollettriċi u għas-soċjetajiet biex ikunu trasparenti lejn id-detenturi tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tar-regoli li jirregolaw dan it-tnaqqis. Kull wieħed minn dawn id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollu aċċess b’mod nondiskriminatorju għal kwalunkwe servizz soċjali, kulturali jew edukattiv li jkun iffinanzjat permezz ta’ dan it-tnaqqis. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali dwar kwalunkwe aspett li mhux regolat minn din id-Direttiva.

(17)     Is-soċjetajiet kollettriċi jistgħu jimmaniġġjaw id-drittijiet u jiġbru d-dħul mill-isfruttament tagħhom (‘id-dħul mid-drittijiet’) skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni ma’ soċjetajiet oħra. Biex tħares id-drittijiet tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi l-oħra, soċjetà ma għandhiex tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni u dawk li timmaniġġja direttament għad-detenturi tad-drittijiet tagħha. Is-soċjetà kollettriċi ma għandhiex lanqas titħalla tapplika tnaqqis fuq id-dħul miġbur mid-drittijiet f’isem soċjetà kollettriċi oħra, mingħajr il-kunsens espliċitu tas-soċjetà l-oħra.

(18)     Termini kummerċjali ġusti fl-għoti ta’ liċenzji, huma partikolarment importanti biex jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jagħtu liċenzja għax-xogħlijiet u għal suġġetti protetti oħra li soċjetà kollettriċi tirrappreżenta d-drittijiet tagħhom u biex jiġi żgurat ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet. Għaldaqstant, is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti għandhom imexxu n-negozjati tal-ħruġ ta’ liċenzji in bona fede u japplikaw tariffi stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.

(19)     Biex isaħħu l-fiduċja tad-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u s-soċjetajiet kollettriċi oħra fis-servizzi ta’ ġestjoni pprovduti minn soċjetajiet kollettriċi, kull soċjetà kollettriċi għandha tkun meħtieġa tistabbilixxi miżuri ta’ trasparenza speċifiċi. Għaldaqstant, kull soċjetà kollettriċi għandha tinforma lid-detenturi tad-drittijiet individwali, dwar l-ammonti mħallsa lilhom u t-tnaqqis korrispondenti li jsir. Dawn għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni suffiċjenti, inkluża informazzjoni finanzjarja, lis-soċjetajiet kollettriċi l-oħra li jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni. Kull soċjetà kollettriċi għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, biżżejjed informazzjoni biex tiżgura li d-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u soċjetajiet kollettriċi oħra jifhmu kif inhi strutturata u kif twettaq l-attivitajiet tagħha. B’mod partikolari, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jiżvelaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-utenti u lil soċjetajiet kollettriċi oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-repertorju tagħhom u r-regoli tagħhom dwar il-ħlasijiet, it-tnaqqis u t-tariffi.

(20)     Biex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jissorveljaw il-prestazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi tagħhom u jqabblu l-prestazzjoni rispettiva tagħhom, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, rapport annwali dwar it-trasparenza li jkun jinkludi informazzjoni finanzjarja verifikata kumparabbli li tkun speċifika għall-attivitajiet tas-soċjetajiet kollettriċi. Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom ukoll iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, rapport annwali speċjali dwar l-użu tal-ammonti ddedikati lis-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi. Sabiex jevitaw li jimponu piż żejjed fuq is-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar u biex jagħmlu l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva proporzjonati, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu s-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar minn ċerti obbligi ta’ trasparenza, jekk jikkunsidaw dan meħtieġ.

(21)     Il-fornituri ta’ servizzi online li jagħmlu użu minn xogħlijiet mużikali, bħal servizzi mużikali li jippermettu lill-konsumaturi jniżżlu l-mużika jew jisimgħuha permezz ta’ streaming, kif ukoll servizzi oħra li jipprovdu aċċess għal films jew logħob fejn il-mużika hija element importanti, l-ewwel iridu jiksbu d-dritt li jużaw dawn ix-xogħlijiet. Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[20], tirrikjedi liċenzja għal kull wieħed mid-drittijiet fl-isfruttament online tax-xogħlijiet mużikali. Dawn id-drittijiet huma d-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni u d-dritt esklussiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, li jinkludi d-dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Dawn jistgħu jiġu mmaniġġjati mid-detentur tad-drittijiet individwali stess, bħal awturi jew pubblikaturi mużikali, jew mis-soċjetajiet kollettriċi li jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet. Ir-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-drittijiet tal-awturi jistgħu jiġu mmaniġġjati minn soċjetajiet kollettriċi differenti. Barra minn hekk, hemm ċerti każijiet fejn diversi detenturi tad-drittijiet għandhom drittijiet fl-istess xogħol u jistgħu ikunu awtorizzaw soċjetajiet kollettriċi differenti biex joħorġu liċenzja għas-sehem rispettiv tagħhom ta’ drittijiet fix-xogħol. Kull utent li jixtieq jipprovdi servizz online li joffri għażla wiesgħa ta’ xogħlijiet mużikali lill-konsumaturi, se jkun meħtieġ jaggrega d-drittijiet fix-xogħlijiet minn detenturi tad-drittijiet u soċjetajiet kollettriċi differenti.

(22)     Filwaqt li l-Internet ma għandu l-ebda konfini, is-suq online għas-servizzi tal-mużika fl-UE għadu frammentat, u għadu ma ntlaħaq l-ebda suq uniku b’mod sħiħ. F’numru ta’ każijiet, il-kumplessità u d-diffikultà assoċjati mal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet fl-Ewropa aggravaw din il-frammentazzjoni tas-suq diġitali Ewropew għas-servizzi tal-mużika online. Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta ħafna t-talba li qed tikber malajr ħafna tal-konsumaturi għall-aċċess għal kontenut diġitali u servizzi innovattivi assoċjati, inkluż lil hinn minn fruntieri nazzjonali.

(23)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE ippromwoviet ambjent regolatorju ġdid li huwa aktar adattat għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ mużika online leġittimi, fil-livell tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tirrikonoxxi li fl-era tal-isfruttament online tax-xogħlijiet mużikali, l-utenti kummerċjali jeħtieġu politika ta’ ħruġ ta’ liċenzji li tikkorrispondi għall-ubikwità tal-ambjent online u li hija multiterritorjali. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni, minħabba n-natura volontarja tagħha, ma kinitx suffiċjenti biex tħeġġeġ il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali mifrux ta’ drittijiet online f’xogħlijiet mużikali u biex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali.

(24)     Fis-settur tal-mużika online, fejn il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awturi fuq bażi territorjali tibqa’ n-norma, huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għall-prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzji l-aktar effettivi mis-soċjetajiet kollettriċi, f’kuntest transfruntier dejjem jikber. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi pprovdut sett ta’ regoli li jikkoordinaw il-kundizzjonijiet bażiċi għall-forniment mis-soċjetajiet kollettriċi ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali kollettivi tad-drittijiet online tal-awturi f’xogħlijiet mużikali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw il-kwalità minima meħtieġa mis-servizzi transtransfruntiera pprovduti mis-soċjetajiet kollettriċi, b’mod partikolari f’termini ta’ trasparenza tar-repertorju rappreżentat u ta’ preċiżjoni tal-flussi finanzjarji relatati mal-użu tad-drittijiet. Dawn għandhom jistabbilixxu wkoll qafas biex jiffaċilita l-aggregazzjoni volontarja tar-repertorju ta’ mużika biex b’hekk inaqqsu l-għadd ta’ liċenzji li għandu bżonn utent biex jopera servizz multiterritorjali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jippermettu soċjetà kollettriċi titlob soċjetà kollettriċi oħra biex tirrappreżenta r-repertorju tagħha fuq bażi multiterritorjali meta ma hija stess ma tkunx tista’ tissodisfa r-rekwiżiti. Għandu jkun hemm obbligu fuq is-soċjetà rikjesta, sakemm din taggrega r-repertorji u toffri jew toħroġ liċenzji multiterrirorjali, biex taċċetta l-mandat tas-soċjetà li tagħmel it-talba. L-iżvilupp ta’ servizzi ta’ mużika online legali fl-Ewropa kollha għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-piraterija.

(25)     Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u komprensiva dwar ix-xogħlijiet mużikali, id-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet li kull soċjetà kollettriċi hija awtorizzata li tirrappreżenta fi Stat Membru partikolari, hija ta’ importanza partikolari għal proċess effettiv u trasparenti tal-ħruġ ta’ liċenzji għas-sorveljanza sussegwenti tal-użu tad-drittijiet liċenzjati u l-fatturazzjoni relatata tal-fornituri tas-servizzi kif ukoll għat-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Għal din ir-raġuni, is-soċjetajiet kollettriċi li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal xogħlijiet mużikali għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw din id-dejta ddettaljata b’mod rapidu u preċiż. Dan jeħtieġ l-użu ta’ bażijiet ta’ dejta aġġornati kontinwament dwar is-sjieda ta’ drittijiet li huma liċenzjati fuq bażi multiterritorjali, li jinkludu dejta li tippermetti l-identifikazzjoni tax-xogħlijiet, id-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet u l-Istati Membri li soċjetà kollettriċi tkun awtorizzata li tirrappreżenta. Dawn id-databases għandhom jgħinu wkoll fit-tqabbil tal-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ma’ informazzjoni dwar il-fonogrammi jew kwalunkwe fissazzjoni oħra li fiha ġie inkorporat ix-xogħol. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li d-detenturi tal-liċenzji u d-detenturi tad-drittijiet prospettivi jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu biex jidentifikaw ir-repertorju li dawn is-soċjetajiet kollettriċi jkunu qed jirrappreżentaw, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura li dawn is-soċjetajiet jistgħu jkunu intitolati li jieħdu biex iħarsu l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex jikkontrollaw l-użu mill-ġdid tagħha u biex iħarsu dejta personali u informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(26)     Biex jiżguraw li d-dejta dwar ir-repertorju tal-mużika li jipproċessaw tkun kemm jista’ jkun preċiża, is-soċjetajiet kollettriċi li joħorġu liċenzji multiterritorjali ta’ xogħlijiet mużikali għandhom ikunu meħtieġa jaġġornaw il-bażijiet tad-dejta tagħhom kontinwament u mingħajr dewmien. Dawn għandhom jistabbilixxu proċeduri aċċessibbli faċilment biex jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet u lil soċjetajiet kollettriċi oħra li huma jistgħu jirrappreżentaw ir-repertorju tagħhom, biex jinfurmawhom dwar kull ineżattezza li jista’ jkun fiha l-bażi tad-dejta tas-soċjetajiet kollettriċi fir-rigward tax-xogħlijiet li huma proprjetà tagħhom jew li jikkontrollaw, inklużi drittijiet - b’mod parzjali jew sħiħ, u l-Istati Membri li għalihom awtorizzaw lis-soċjetà kollettriċi rilevanti biex taġixxi. Dawn għandu jkollhom il-kapaċità li jipproċessaw elettronikament ir-reġistrazzjoni tax-xogħlijiet u l-awtorizzazzjonijiet biex jiġu mmaniġġjati d-drittijiet. Minħabba l-importanza tal-awtomazzjoni tal-informazzjoni għall-ipproċessar rapidu u effettiv tad-dejta, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jipprovdu għall-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni strutturata ta’ dik l-informazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. Sa fejn possibbli, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jiżguraw li dawn il-mezzi elettroniċi jikkunsidraw l-istandards jew il-prattiki industrijali rilevanti li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni.

(27)     It-teknoloġija diġitali tippermetti s-sorveljanza awtomatizzata mis-soċjetajiet kollettriċi tal-użu mid-detentur tal-liċenzja tax-xogħlijiet mużikali liċenzjati u tiffaċilita l-fatturazzjoni sussegwenti. L-istandards industrijali għall-użu tal-mużika, ir-rappurtar tal-bejgħ u l-fatturazzjoni huma strumentali biex itejbu l-effiċjenza fl-iskambju tad-dejta bejn is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti. Il-monitoraġġ tal-użu tal-liċenzji għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, jiġifieri d-dritt li tiġi rrispettata l-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-dejta. Biex jiġi żgurat li dawn il-gwadanji fl-effiċjenza jissarfu f’ipproċessar finanzjarju aktar rapidu u finalment f’pagamenti aktar kmieni lid-detenturi tad-drittijiet, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom ikunu meħtieġa li jibgħatu fattura lill-fornituri tas-servizzi u li jqassmu l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet mingħajr dewmien. Biex dan ir-rekwiżit ikun effettiv, huwa meħtieġ li d-detenturi tal-liċenzja jagħmlu kull sforz possibbli biex jipprovdu lis-soċjetajiet kollettriċi b’rapporti preċiżi u fil-ħin dwar l-użu tax-xogħlijiet. Is-soċjetajiet kollettriċi ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw ir-rapporti tal-utenti f’formati proprjetarji meta jkunu disponibbli standards industrijali li jintużaw b’mod mifrux ħafna.

(28)     Sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ kwalità għolja, huwa meħtieġ aċċess u mmaniġġjar ta’ ammonti kbar ta’ dejta, u kapaċità teknika ta’ livell għoli mis-soċjetajiet kollettriċi li joħorġu liċenzji kollettivi multiterritorjali. Is-soċjetajiet kollettriċi ma għandhomx jinżammu milli jesternalizzaw is-servizzi relatati mal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, sakemm ir-responsabbiltà tagħhom lejn id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri tas-servizzi online jew soċjetajiet kollettriċi oħra ma tiġix affettwata u jiġu rispettati l-obbligi ta’ protezzjoni ta’ dejta kif stabbilit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[21]. Il-kondiviżjoni jew il-konsolidazzjoni ta’ kapaċitajiet li mhumiex evidenti għandhom jgħinu lis-soċjetajiet kollettriċi biex itejbu s-servizzi ta’ mmaniġġjar tagħhom u jirrazzjonalizzaw investimenti fl-għodod tal-immaniġġjar tad-dejta.

(29)     L-aggregazzjoni ta’ repertorji mużikali differenti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tiffaċilita l-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzji u, billi tagħmel ir-repertorji kollha aċċessibbli għas-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, issaħħaħ id-diversità kulturali u tikkontribwixxi għat-tnaqqis fin-numru ta’ tranżazzjonijiet, li fornitur ta’ servizzi online jeħtieġ sabiex joffri dak is-servizz. Dik l-aggregazzjoni ta’ repertorji għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi online ġodda, u għandha tirriżulta fi tnaqqis fil-kosti ta’ tranżazzjoni li jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. Għaldaqstant, is-soċjetajiet kollettriċi li mhumiex lesti jew mhumiex kapaċi joħorġu liċenzji multiterritorjali direttament fir-repertorju mużikali proprju tagħhom, għandhom ikunu mħeġġa jawtorizzaw soċjetajiet kollettriċi oħra volontarjament bil-kompitu li jimmaniġġjaw ir-repertorju tagħhom skont termini mhux diskriminatorji. Meta ssir it-talba għall-mandat, is-soċjetà kollettriċi rikjesta għandha tintalab taċċetta, sakemm hija taggrega r-repertorji u toffri jew toħroġ liċenzji multiterritorjali. Barra minn hekk, l-esklussività fil-ftehimiet dwar il-liċenzji multiterritorjali tirrestrinġi l-għażliet disponibbli għall-utenti li jkunu qed ifittxu liċenzji multiterritorjali u tirrestrinġi wkoll il-bidliet disponibbli għas-soċjetajiet kollettriċi li jkunu qed ifittxu servizzi amministrattivi għar-repertorju tagħhom fuq bażi multiterritorjali. Għaldaqstant, il-ftehimiet kollha ta' rappreżentazzjoni bejn soċjetajiet kollettriċi li jipprovdu ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali għandhom ikunu konklużi fuq ’ażi mhux esklussiva.

(30)     It-trasparenza tal-kundizzjonijiet li taħthom is-soċjetajiet kollettriċi jimmaniġġjaw ir-riskji online li ġew awtorizzati li jirrappreżentaw hija ta’ importanza partikolari għad-detenturi tad-drittijiet. Għaldaqstant, is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lid-detenturi tad-drittijiet tagħhom dwar it-termini ewlenin ta’ kull ftehim li jawtorizza kwalunkwe soċjetà kollettriċi oħra biex tirrappreżenta d-drittijiet ta’ mużika online tagħha għall-finijiet ta’ għoti ta’ liċenzji multiterritorjali.

(31)     Huwa importanti wkoll li kull soċjetà kollettriċi li toffri jew toħroġ liċenzji multiterritorjali tintalab taqbel li tirrappreżenta r-repertorju ta’ kull soċjetà kollettriċi li tiddeċiedi li ma tagħmilx hekk direttament. Biex jiġi żgurat li dan ir-rekwiżit ma jkunx sproporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, is-soċjetà kollettriċi mitluba ma għandhiex biss tkun obbligata li taċċetta r-rappreżentazzjoni jekk it-talba tkun limitata għad-dritt online jew il-kategoriji ta’ drittijiet online li tkun tirrappreżenta. Barra minn hekk, ir-rekwiżit għandu japplika biss għas-soċjetajiet kollettriċi li jaggregaw ir-repertorju u ma għandux jestendi għas-soċjetajiet kollettriċi li jipprovdu liċenzji multiterritorjali għar-repertorju tagħhom biss. Dan la għandu japplika għas-soċjetajiet kollettriċi li sempliċement jaggregaw id-drittijiet fl-istess xogħlijiet għall-finijiet li jkunu jistgħu jiġu liċenzjati b’mod konġunt kemm ir-riproduzzjoni kif ukoll il-komunikazzjoni lid-drittijiet pubbliċi f’dawn ix-xogħlijiet. Kull ftehim li bih, soċjetà kollettriċi tawtorizza soċjetà jew soċjetajiet kollettriċi oħra biex joħorġu liċenzji multiterritorjali fir-repertorju tal-mużika tagħha għall-użu online, ma għandux jipprevjeni soċjetà kollettriċi milli tkompli toħroġ liċenzji limitati għat-territorju tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita dik is-soċjetà kollettriċi, fir-repertorju tagħha stess u fi kwalunkwe repertorju ieħor li tkun tista’ tiġi awtorizzata li tirrappreżenta f’dak it-territorju.

(32)     L-objettivi u l-effettività tar-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali mis-soċjetajiet kollettriċi jkunu mxekkla ħafna jekk id-detenturi tad-drittijiet ma kinux kapaċi kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom billi joħorġu liċenzji multiterritorjali meta s-soċjetà kollettriċi li lilha taw id-drittijiet tagħhom ma toħroġx jew ma toffrix liċenzji multiterritorjali u ma tridx tawtorizza soċjetà kollettriċi oħra biex tagħmel dan. Għal din ir-raġuni, huwa importanti f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li joħorġu liċenzji multiterritorjali rikjesti mill-fornituri tas-servizzi online stess jew permezz ta’ parti jew partijiet oħra, mingħajr ma jkollhom għalfejn jirtiraw id-drittijiet tagħhom mis-soċjetà kollettriċi.

(33)     Fl-interess tas-suq online, l-obbligi ewlenin relatati mal-aċċess għal informazzjoni, l-immaniġġjar tad-dejta, il-fatturazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ ħlas għandhom japplikaw ukoll għal kull entità li tkun proprjetà, b’mod sħiħ jew parzjali, ta’ soċjetà kollettriċi u li toffri jew tagħti liċenzji multiterritorjali fid-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali.

(34)     Fl-ambjent diġitali, is-soċjetajiet kollettriċi huma meħtieġa b’mod regolari li joħorġu liċenzja għar-repertorju tagħhom għal forom totalment ġodda ta’ sfruttament u mudelli ta’ negozju. F’dawn il-każijiet u sabiex irawmu ambjent li jwassal għall-iżvilupp ta’ dawn il-liċenzji, u biex jagħmlu dan b’mod rapidu kemm jista’ jkun, is-soċjetajiet kollettriċi għandu jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jipprovdu liċenzji individwalizzati u innovattivi, mingħajr ir-riskju li jintużaw bħala preċedenti biex jiġu stabbiliti t-termini ta’ tipi differenti ta’ liċenzji.

(35)     Ġeneralment, l-organizzazzjonijiet tax-xandir jiddependu fuq liċenzji minn soċjetà kollettriċi lokali, għax-xandiriet tagħhom ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jinkludu xogħlijiet mużikali. Ħafna drabi, din il-liċenzja hija limitata għal attivitajiet ta’ xandir. Se tkun meħtieġa liċenzja għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali sabiex dawn ix-xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jkunu wkoll disponibbli online. Sabiex ikun iffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet mużikali online għall-finijiet ta’ trażmissjoni simultanja u mdewmata’ xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jeħtieġ li tiġi pprovduta deroga mir-regoli li nkella tkun tapplika għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ xogħlijiet mużikali għall-użi online. Din id-deroga għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex ikun possibbli aċċess għal programmi tat-televiżjoni jew tar-radju u għal materjal li għandu relazzjoni ċara u subordinata għax-xandir oriġinali prodott għal pereżempju supplimentazzjoni, previżjoni jew reviżjoni ta' dak il-programm tat-televiżjoni jew tar-radju. Dik id-deroga ma għandhiex topera b’tali mod li tfixkel il-kompetizzjoni b’servizzi oħra li jagħtu aċċess lill-konsumaturi għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, jew twassal għal prattiki restrittivi, bħal qsim tas-suq u tal-konsumaturi, bi ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(36)     Huwa neċessarju li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom joffru lill-membri tagħhom, proċeduri speċifiċi għall-indirizzar tal-ilmenti u s-soluzzjoni tat-tilwim. Dawn il-proċeduri għandhom ukoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ detenturi tad-drittijiet oħra li huma rrappreżentati mis-soċjetà kollettriċi. Huwa xieraq ukoll li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom korpi ta’ soluzzjoni tat-tilwim indipendenti, imparzjali u effettivi li jkunu kapaċi jsibu soluzzjoni għal tilwim kummerċjali bejn is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti fuq kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji eżistenti jew proposti kif ukoll fuq sitwazzjonijiet fejn jiġi rifjutat li tingħata liċenzja. Barra minn hekk, l-effettività tar-regoli dwar l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali tista’ tinlaqat ħażin jekk it-tilwim bejn is-soċjetajiet kollettriċi u l-kontropartijiet tagħhom ma jiġix riżolt malajr u b’mod effiċjenti minn korpi indipendenti u imparzjali. B’riżultat ta’ dan, huwa xieraq li, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għal tribunal, jiġu pprovduti proċeduri extra ġudizzjarji aċċessibbli faċilment, effiċjenti u imparzjali biex jiġu riżolti min-naħa waħda, il-kunflitti bejn is-soċjetajiet kollettriċi u min-naħa l-oħra, bejn il-fornituri tas-servizzi online tal-mużika, id-detenturi tad-drittijiet jew is-soċjetajiet kollettriċi.

(37)     Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa li permezz tagħhom ikun possibbli li jsiru lmenti kontra s-soċjetajiet kollettriċi li ma jikkonformawx mal-liġi u biex jiġi żgurat li, fejn ikun xieraq, jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liema awtoritjiet għandhom ikunu responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proċeduri u s-sanzjonijiet tal-ilmenti. Sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jilħqu dan l-għan.

(38)     Huwa importanti li s-soċjetajiet kollettriċi jirrispettaw id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali ta’ kwalunkwe detentur tad-drittijiet, membru, utent u individwu ieħor li jipproċessaw id-dejta personali tiegħu. Id-Direttiva 95/46/KE tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali li jsir fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ din id-Direttiva u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħtura mill-Istati Membri. Id-detenturi tad-dritt, għandhom jingħataw informazzjoni xierqa dwar l-ipproċessar tad-dejta tagħhom, ir-riċevituri ta’ dik id-dejta, il-limiti ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta tagħhom fid-database, u kif jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jaċċessaw, jikkoreġu jew iħassru d-dejta personali tagħhom li tikkonċernahom skont l-Artikolu 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, l-identifikaturi uniċi li jippermettu l-identifikazzjoni indiretta ta’ persuna, għandhom jiġu ttrattati bħala dejta personali skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva.

(39)     Fid-dawl tal-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46/KE li jagħti d-dritt lil kull suġġett tad-dejta li jikseb rettifika, tħassir jew imblokk ta’ dejta mhux preċiża jew mhux kompluta, din id-Direttiva tiżgura wkoll li l-informazzjoni mhux preċiża rigward detenturi tad-drittijiet jew soċjetajiet kollettriċi oħra fil-każ ta’ liċenzji multiterritorjali għandhom jiġu korreġuti mingħajr dewmien żejjed.

(40)     Id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ infurzar għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali pubbliċi indipendenti li huma stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE biex jissorveljaw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(41)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mħaddna b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżit tad-Direttiva li jgħid li għandhom ikunu disponibbli għall-membri, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u s-soċjetajiet kollettriċi, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim, ma għandux iżomm lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal tribunal kif garantit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(42)     Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva, li tittejjeb il-kapaċità tal-membri tagħhom fl-eżerċizzju tal-kontroll fuq l-attivitajiet tas-soċjetajiet kollettriċi, li tiggarantixxi trasparenza suffiċjenti mis-soċjetajiet kollettriċi u li l-ħruġ tal-liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi għall-użu online ta’ xogħlijiet mużikali, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jista’ jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(43)     Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, u kwalunkwe liġi oħra rilevanti f’oqsma oħra inklużi l-kunfidenzjalità, is-sigrieti tan-negozju, il-privatezza, l-aċċess għad-dokumenti, il-liġi tal-kuntratti u l-liġi internazzjonali privata li huma relatati mal-liġijiet u l-ġurisdizzjoni tal-qrati.

(44)     F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet iġġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġġustifikata.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Titolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1. Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mis-soċjetajiet kollettriċi. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mis-soċjetajiet kollettriċi tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għal użu online.

Artikolu 2. Kamp ta’ applikazzjoni

It-titoli I, II u IV bl-eċċezzjon tal-Artikoli 36 u 40 għandhom japplikaw għas-soċjetajiet kollettriċi kollha stabbiliti fl-Unjoni.

It-Titolu III u l-Artikoli 36 u 40 tat-Titolu IV għandhom japplikaw biss għal dawk is-soċjetajiet kollettriċi li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet mużikali għal użu online fuq bażi multiterritorjali.

Artikolu 3. Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)          ‘soċjetà kollettriċi’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja, inkarigu jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor, minn aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, biex timmaniġġja id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur bħala l-għan uniku jew prinċipali tagħha u li tkun proprjetà jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(b)          ‘detentur tad-drittijiet’ tfisser kull persuna fiżika jew entità ġuridika minbarra soċjetà kollettriċi li għandha dritt tal-awtur jew dritt relatat jew li skont ftehim għall-isfruttament tad-drittijiet, hija intitolata għal sehem mid-dħul tad-drittijiet minn kwalunkwe dritt immaniġġjat mis-soċjetà kollettriċi;

(c)          ‘membru ta’ soċjetà kollettriċi’ tfisser detentur tad-drittijiet jew entità li tirrappreżenta direttament detenturi tad-drittijiet, inklużi soċjetajiet u assoċjazzjonijiet kollettriċi ta’ drittijiet tad-detenturi, li tissodisfa r-rekwiżit ta’ sħubija tas-soċjetà kollettriċi;

(d)          ‘statut’ tfisser il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatut, ir-regoli jew id-dokument ta’ kostituzzjoni ta’ soċjetà kollettriċi;

(e)          ‘direttur’ tfisser kwalunkwe direttur maniġerjali individwali, kwalunkwe membru tal-bord amministrattiv, il-maniġment jew il-bord superviżorju ta’ soċjetà kollettriċi;

(f)           ‘dħul mid-drittijiet’ tfisser id-dħul miġbur minn soċjetà kollettriċi f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk minn dritt esklussiv, kif ukoll minn dritt għal remunerazzjoni jew dritt għal kumpens;

(g)          ‘ħlasijiet għall-immaniġġjar’ tfisser l-ammont impost minn soċjetà kollettriċi sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-immaniġġjar tagħha tas-servizzi tad-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati.

(h)          ‘ftehim ta’ rappreżentazzjoni’ tfisser kwalunkwe ftehim bejn is-soċjetajiet kollettriċi fejn waħda mis-soċjetà kollettriċi tawtorizza lil oħra biex tirrappreżenta d-drittijiet fir-repertorju tagħha, inkluż ftehim konkluż skont l-Artikoli 28 u 29;

(i)           ‘utent’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew entità ġuridika li tkun qed twettaq atti suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet jew il-ħlas ta’ kumpens lid-detenturi tad-drittijiet u li ma tkunx qed taġixxi fil-kapaċità ta’ konsumatur;

(j)           ‘repertorju’ tfisser ix-xogħlijiet jew suġġett protett ieħor li fih soċjetà kollettriċi timmaniġġja d-drittijiet;

(k)          ‘liċenzja multiterritorjali’ tfisser liċenzja li tkopri t-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed;

(l)           ‘drittijiet online f’xogħlijiet mużikali’ tfisser kwalunkwe wieħed mid-drittijiet f’xogħol mużikali pprovdut skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE li huma meħtieġa għall-forniment ta’ servizz ta’ mużika online;

(m)         ‘servizz ta’ mużika online’ tfisser servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE li jirrikjedi l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ xogħlijiet mużikali.

Titolu II

Soċjetajiet kollettriċi

Kapitolu 1

Sħubija u organizzazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi

Artikolu 4. Prinċipji ġenerali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetajiet kollettriċi jaġixxu fl-aħjar interess tal-membri tagħhom u li ma jimponu ebda obbligu fuq id-detenturi tad-drittijiet li jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom li mhumiex oġġettivament neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ dawn id-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 5. Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet għandhom id-drittijiet kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 7 u li dawk id-drittijiet jiġu inklużi fl-istatut jew fit-termini ta’ sħubija tas-soċjetà kollettriċi.

2.           Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw soċjetà kollettriċi tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet tal-għażla tagħhom, għall-Istat Membru tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ stabbilment jew min-nazzjonalità tas-soċjetà kollettriċi jew tad-detentur tad-drittijiet.

3.           Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw l-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet mogħtija lil soċjetà kollettriċi jew li jirtiraw minn soċjetà kollettriċi, kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew suġġetti oħra tal-għażla tagħhom, għall-Istat Membru tal-għażla tagħhom, meta jagħtu avviż fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur. Is-soċjetà kollettriċi tista’ tiddeċiedi li din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar isir biss f’nofs u fl-aħħar tas-sena finanzjarja, liema minnhom jiġi l-ewwel wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ notifika.

4.           Jekk ikun hemm ammonti dovuti lil detentur tad-drittijiet għal atti ta’ sfruttament li jkunu seħħew qabel ma jkun saret it-terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet, jew skont liċenzja mogħtija qabel ma tkun saret din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar, id-detentur tad-drittijiet għandu jżomm id-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 12, 16, 18 u 34 fir-rigward ta’ dawk l-atti ta’ sfruttament.

5.           Is-soċjetajiet kollettriċi ma għandhomx jirrestrinġu l-eżerċitar tad-drittijiet ipprovduti skont il-paragrafi 3 u 4 billi jkun meħtieġ li l-immaniġġjar tad-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew suġġetti oħra li mhumiex suġġetti għat-terminazzjoni jew l-irtirar, jiġu fdati lil soċjetà kollettriċi oħra.

6.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew suġġetti oħra li dak id-detentur tad-drittijiet jawtorizza lis-soċjetà kollettriċi timmaniġġja u li dan il-kunsens jiġi evidenzjat f’forma dokumentata.

7.           Soċjetà kollettriċi għandha tinforma lid-detenturi tad-drittijiet skont il-paragrafi minn 1 sa 6 qabel ma tikseb il-kunsens tagħhom biex timmaniġġja kwalunkwe dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew suġġett ieħor.

Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jinfurmaw lill-membri tagħhom dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 6, fi żmien sitt xhur mid-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 6. Regoli tas-sħubija tas-soċjetajiet kollettriċi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetajiet kollettriċi jikkonformaw mar-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

2.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jaċċettaw lid-detenturi tad-drittijiet bħala membri, jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sħubija. Dawn jistgħu jirrifjutaw talba għal sħubija abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Dawn il-kriterji għandhom jiġu inkluż fl-istatut jew it-termini ta’ sħubija tas-soċjetà kollettriċi u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.           L-istatut tas-soċjetà kollettriċi għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa u effettivi ta’ parteċipazzjoni tal-membri tagħha fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tas-soċjetà kollettriċi. Ir-rappreżentazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ membri fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun wieħed ġust u bilanċjat.

4.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jippermettu lill-membri tagħhom biex jikkomunikaw permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż għall-finijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-membri. L-użu ta’ mezzi elettroniċi ma għandux jiddependi fuq ir-residenza jew il-post ta’ stabbilment ta’ membru.

5.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom iżommu rekords dwar il-membri li jiġu aġġornati regolarment biex b’hekk il-membri jkunu jistgħu jiġu identifikati u lokalizzati b’mod xieraq.

Artikolu 7. Laqgħa ġenerali tal-membri tas-soċjetà kollettriċi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-laqgħa ġenerali tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi tkun organizzata skont ir-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 8.

2.           Talanqas darba f’sena għandha tiġi organizzata laqgħa ġenerali tal-membri tas-soċjetà kollettriċi.

3.           Il-laqgħa ġenerali għandha tapprova kwalunkwe emenda fl-istatut u t-termini ta’ sħubija tas-soċjetà kollettriċi, fejn dawk it-termini ma jkunux irregolati mill-istatut.

4.           Il-laqgħa ġenerali għandu jkollha l-poter li tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tad-diretturi u tapprova r-remunerazzjoni tagħhom u benefiċċji oħra bħal benefiċċji mhux monetarji, għotjiet ta’ pensjonijiet, dritt għal għotjiet oħra u drittijiet għal danni.

Il-laqgħa ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tal-membri tal-bord ta’ tmexxija jew id-direttur maniġerjali individwali fejn il-bord superviżorju għandu s-setgħa li jaħtarhom jew ineħħihom.

5.           F’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II, il-laqgħa ġenerali , għandha talanqas tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)     il-politika tat-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, ħlief fejn il-laqgħa ġenerali tiddeċiedi li tiddelega din id-deċiżjoni lill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja;

(b)     l-użu tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li ma jistgħux jiġu distribwiti kif imsemmi fl-Artikolu 12(2), ħlief fejn il-laqgħa ġenerali tiddeċiedi li tiddelega din id-deċiżjoni lill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja;

(c)     il-politika ta’ investiment ġenerali, inkluż dwar l-għoti ta’ self jew il-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà jew garanziji għal self, fir-rigward tad-dħul mid-drittijiet;

(d)     ir-regoli dwar it-tnaqqis mid-dħul tad-drittijiet.

6.           Il-laqgħa ġenerali għandha tikkontrolla l-attivitajiet tas-soċjetà kollettriċi billi talanqas tiddeċiedi dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awditur u l-approvazzjoni tar-rapport annwali dwar it-trasparenza u r-rapport tal-awditur.

7.           Kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt tal-membri tas-soċjetà kollettriċi biex jipparteċipaw u biex jeżerċitaw id-drittijiet tal-votazzjoni tagħhom fil-laqgħa ġenerali għandha tkun ġusta u proporzjonata u għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)     perjodu tas-sħubija;

(b)     l-ammonti li waslu mingħand membru jew dovuti lil membru fir-rigward tal-perjodu finanzjarju speċifikat.

Dawn il-kriterji għandhom jiġu inkluż fl-istatut jew fit-termini ta’ sħubija tas-soċjetà kollettriċi u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikoli 17 u 19.

8.           Kull membru ta’ soċjetà kollettriċi għandu jkollu d-dritt li jaħtar kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika bħala detentur ta’ prokura li jista’ jattendi u jivvota f’ismu fil-laqgħa ġenerali.

Artikolu 8. Funzjoni superviżorja

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetajiet kollettriċi jistabbilixxu funzjoni superviżorja responsabbli għas-sorveljanza kontinwa tal-attivitajiet u t-twettiq tad-dmirijiet tal-persuni fdati bir-responsabbiltajiet maniġerjali fis-soċjetà kollettriċi. Għandu jkun hemm rappreżentazzjoni ġusta u bbilanċjata tas-soċjetà kollettriċi fil-korp li jeżerċita din il-funzjoni, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom.

2.           Il-korp fdat bil-funzjoni superviżorja għandu jiltaqa’ b’mod regolari u għandu jkollu talanqas dawn il-poteri li ġejjin:

(a)     li japprova kull akkwiżizzjoni ta’ proprjetà immobbli mis-soċjetà kollettriċi;

(b)     li japprova t-twaqqif ta’ sussidjarji, akkwiżizzjonijiet ta’ entitajiet oħra, akkwiżizzjonijiet ta’ ishma jew drittijiet f’entitajiet, fużjonijiet u alleanzi oħra;

(c)     li japprova l-ħruġ ta’ self, l-għoti ta’ self u l-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà jew garanziji għal self.

3.           L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafi 1 u 2, ma għandhomx japplikaw għal soċjetà kollettriċi li fuq il-karta ta’ bilanċ tagħha, ma taqbiżx il-limiti ta’ tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin:

(a)     total tal-karta ta’ bilanċ: EUR 350,000;

(b)     dħul nett: EUR 700,000;

(c)     medja ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: Għaxra.

Artikolu 9. Obbligi tal-persuni li effettivament jimmaniġġjaw in-negozju tas-soċjetà kollettriċi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li effettivament jimmaniġġjaw in-negozju ta’ soċjetà kollettriċi u d-diretturi tagħha, bl-eċċezzjoni tad-diretturi li jeżerċitaw funzjoni superviżorja, jimmaniġġjaw is-soċjetà kollettriċi b’mod prudenti u sod, permezz ta’ proċeduri amministrattivi u ta’ kontabbiltà u mekkaniżmi ta’ kontroll intern tajba.

2.           Il-persuni li jimmaniġġjaw b’mod effettiv in-negozju ta’ soċjetà kollettriċi u kull direttur, bl-eċċezzjoni tad-diretturi li jeżerċitaw funzjoni superviżorja, għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ proċeduri mfassla biex jevitaw li jkun hemm kunflitti ta’ interess. Is-soċjetà kollettriċi għandu jkollha proċeduri biex tidentifika, timmaniġġja, tissorvelja u, fejn ikun applikabbli, tiżvela kunflitti ta’ interess sabiex tevita milli taffettwa ħażin l-interessi tal-membri tas-soċjetà.

Dawk il-proċeduri għandhom jinkludu dikjarazzjoni annwali individwali minn kull waħda minn dawn il-persuni u diretturi, lill-korp fdat bil-funzjoni superviżorja, li tkun tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)     kwalunkwe interess fis-soċjetà kollettriċi;

(b)     kwalunkwe remunerazzjoni mis-soċjetà kollettriċi, inkluż skemi ta’ pensjonijiet, vantaġġi in natura u tipi oħra ta’ vantaġġi;

(c)     kwalunkwe ammont li jasal bħala detentur tad-dritt mis-soċjetà kollettriċi;

(d)     dikjarazzjoni dwar kwalunkwe kunflitt reali jew potenzjali bejn kwalunkwe interessi personali u dawk tas-soċjetà kollettriċi jew bejn kwalunkwe obbligu is-soċjetà kollettriċi u kwalunkwe dmir lejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra.

Kapitolu 2

Immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet

Artikolu 10. Ġbir u użu ta’ dħul mid-drittijiet

1.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom ikunu diliġenti fil-ġbir u l-immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet.

2.           Is-soċjetà kollettriċi għandha timmaniġġja u żżomm separat id-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe dħul derivat mill-investiment tiegħu mill-assi proprji tiegħu, id-dħul derivat mis-servizzi tal-immaniġġjar jew id-dħul derivat minn kwalunkwe attività oħra

3.           Is-soċjetà kollettriċi ma għandhiex titħalla tuża d-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe dħul derivat mill-investiment tiegħu għall-benefiċċju tagħha stess, ħlief biex tnaqqas it-tariffi tal-immaniġġjar tagħha.

4.           Meta, minħabba d-distribuzzjoni tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, is-soċjetà kollettriċi tinvesti d-drittijiet mid-dħul u kwalunkwe dħul derivat mill-investiment tiegħu, hija għandha tagħmel dan skont il-politika ġenerali dwar l-investiment msemmija fl-Artikolu 7(5)(c) u skont ir-regoli li ġejjin:

(a)     l-assi għandhom ikunu investiti fl-aħjar interessi tal-membri; Meta jkun hemm kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali, is-soċjetà kollettriċi għanda tiżgura li l-investiment isir biss fl-interess tal-membri;

(b)     l-assi għandhom ikunu investiti sabiex jiżguraw is-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabbiltà tal-portafoll kollu;

(c)     l-assi għandhom ikunu diversifikati kif xieraq sabiex tkun evitata dipendenza eċċessiva fuq kwalunkwe assi partikolari u akkumulazzjoni ta’ riskji fil-portafoll kollu kemm hu.

Artikolu 11. Tnaqqis

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjoni tas-soċjetà kollettriċi mal-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħha, għandhom jispeċifikaw tnaqqis applikabbli għad-dħul mid-drittijiet imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 16.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta soċjetà kollettriċi tipprovdi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi iffinanzjati permezz ta’ tnaqqis mid-dħul mid-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet huma intitolati għal dan li ġej:

(a)     servizzi soċjali, kulturali u edikattivi abbażi ta’ kriterji ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi u l-firxa tagħhom;

(b)     id-detenturi tad-drittijiet li jkunu tterminaw l-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġjaw id-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u suġġetti oħra jew li jkunu rtiraw id-drittijiet tagħhom jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet jew suġġetti oħra mis-soċjetà kollettriċi, għandhom ikomplu jkollhom aċċess għal dawk is-servizzi. Il-kriterji fir-rigward tal-aċċess għal u l-firxa ta’ dawk is-servizzi tista’ tikkunsidra d-drittijiet mid-dħul iġġenerati minn dawk id-detenturi tad-drittijiet u l-perjodu ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar ta’ dawk id-drittijiet, sakemm dawk il-kriterji huma applikabbli wkoll għad-detenturi tad-drittijiet li ma spiċċawx din l-awtorizzazzjoni jew li ma rtirawx id-drittijiet tagħhom jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew suġġetti oħra mis-soċjetà kollettriċi

Artikolu 12. Tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetà kollettriċi tqassam b’mod regolari u diliġenti u tħallas l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet kollha li tirrappreżenta. Is-soċjetà kollettriċi għandha tagħmel dan it-tqassim u l-ħlasijiet mhux iktar tard minn 12 –il xahar mit-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha kien miġbur id-dħul mid-drittijiet, sakemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari mar-rappurtar mill-utenti, l-identifikazzjoni tad-drittijiet, id-detenturi jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħlijiet u suġġetti oħra mad-detenturi tad-drittijiet, jipprevjenu lis-soċjetà kollettriċi milli tosserva l-iskadenza. Is-soċjetà kollettriċi għandha tagħmel dan it-tqassim u l-ħlasijiet b’mod preċiż, filwaqt li tiżgura trattament ugwali tal-kategoriji kollha tad-detenturi tad-drittijiet.

2.           Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, wara ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja fejn ikun sar il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet, u sakemm is-soċjetà kollettriċi tkun ħadet il-miżuri neċessarji kollha biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet, is-soċjetà kollettriċi għandha tiddeċiedi dwar l-użu tal-ammonti kkonċernati skont l-Artikolu 7(5)(b), mingħajr preġudizzju għad-dritt tad-detentur tad-drittijiet li jitlob dawn l-ammonti mis-soċjetà kollettriċi.

3.           Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-miżuri biex jiġu identifikati u lokalizzati d-detenturi tad-drittijiet għandhom jinkludu l-verifika tar-rekords ta’ sħubija u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-membri tas-soċjetà kollettriċi kif ukoll tal-pubbliku, lista ta’ xogħlijiet li għalihom ma ġiex identifikat jew lokalizzat xi detentur tad-drittijiet jew aktar.

Kapitolu 3

L-immaniġġjar tad-drittijiet f’isem soċjetajiet kollettriċi oħra

Artikolu 13. Drittijiet immaniġġjati skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi ma tiddiskriminax bejn il-membri tagħha u kwalunkwe detentur tad-drittijiet li timmaniġġja d-drittijiet tiegħu skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi applikabbli, it-tariffi għall-immaniġġjar, u l-kundizzjonijiet għall-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 14.  Tnaqqis u pagamenti fil-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

1.           Is-soċjetà kollettriċi ma għandha tapplika l-ebda tnaqqis, ħlief tariffi għall-immaniġġjar, fuq id-dħul mid-drittijiet derivat mid-drittijiet li timmaniġġja abbażi ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni ma’ soċjetà kollettriċi oħra, sakemm is-soċjetà kollettriċi l-oħra ma tagħtix kunsens espliċitu għal dan it-tnaqqis.

2.           Is-soċjetà kollettriċi għandha tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lil soċjetajiet kollettriċi oħra b'mod regolari, diliġenti u preċiż.

Kapitolu 4

Relazzjonijiet mal-utenti

Artikolu 15. Ħruġ ta’ liċenzji

1.           Is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede, inkluż l-għoti tal-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-servizzi rispettivi tagħhom.

2.           It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi.

Tariffi għal drittijiet esklussivi għandhom jirriflettu l-valur ekonomiku tad-drittijiet innegozjati u tas-servizz provdut mis-soċjetà kollettriċi.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ dritt għal remunerazzjoni u dritt għal kumpens, is-soċjetà kollettriċi għandha tibbaża l-kalkolu tagħha ta' dawk l-ammonti dovuti,fuq il-valur ekonomiku ta' dawk id-drittijiet innegozjati.

3.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jippermettu lill-utenti biex jikkomunikaw permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż meta xieraq, għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-użu tal-liċenzja.

Kapitolu 5

Trasparenza u rappurtar

Artikolu 16. Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-anqas darba f’sena, permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni li ġejja lil kull wieħed mid-detenturi tad-drittijiet li tirrappreżenta:

(a)          kwalunkwe dejta personali li d-detentur tad-drittijiet ikun awtorizza li tintuża mis-soċjetà kollettriċi, inkluż biex jiġi identifikat u lokalizzat id-detentur tad-drittijiet;

(b)          id-dħul mid-drittijiet miġbur f’isem id-detentur tad-drittijiet;

(c)          l-ammonti dovuti lid-detentur tad-drittijiet skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u t-tip ta’ użu, imħallsa mis-soċjetà kollettriċi lid-detentur tad-drittijiet fil-perjodu kkonċernat;

(d)          il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom huma dovuti l-ammonti lid-detentur tad-drittijiet;

(e)          it-tnaqqis li sar għat-tariffi għall-immaniġġar, fil-perjodu kkonċernat;

(f)           it-tnaqqis li sar għal kwalunkwe skop minbarra t-tariffi għall-immaniġġjar, inklużi dawk li jistgħu jkunu rikjesti mil-liġi nazzjonali għall-provvediment ta’ kwalunkwe servizz soċjali, kulturali u edukattiv fil-perjodu kkonċernat.

(g)          kwalunkwe ammont dovut lid-detentur tad-drittijiet li huwa pendenti għall-perjodu kkonċernat.

(h)          il-proċeduri disponibbli ta’ trattament tal-ilmenti u ta’ soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikoli 34 u 36.

Artikolu 17. Informazzjoni pprovduta lil soċjetajiet kollettriċi oħra dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi, talanqas darba f’sena u permezz ta’ mezzi elettroniċi tagħmel disponibbli għas-soċjetà kollettriċi li timmaniġġja d-drittijiet f’isimha skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, l-informazzjoni li ġejja għal perjodu partikolari:

(a)          l-ammonti dovuti lid-detentur tad-drittijiet skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u skont it-tip ta’ użu mħallas mis-soċjetà kollettriċi għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni;

(b)          it-tnaqqis li sar għat-tariffi tal-immaniġġjar kif ukoll għal finijiet oħra;

(c)          informazzjoni dwar il-liċenzji u d-dħul mid-drittijiet li tappartjeni għal xogħlijiet inklużi fir-repertorju kopert mill-ftehim ta’ rappreżentazzjoni;

(d)          riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali.

Artikolu 18. Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet, membri, soċjetajiet kollettriċi oħra u utenti, fuq talba

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi tagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja meta tkun mitluba minn kwalunkwe detentur tad-drittijiet li tirrappreżenta d-drittijiet tiegħu, minn kwalunkwe soċjetà kollettriċi li timmaniġġja f’isimha d-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni jew minn kwalunkwe, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat:

(a)     kuntratti ta’ ħruġ ta’ liċenzji standard u tariffi applikabbli;

(b)     ir-repertorju u d-drittijiet li timmaniġġja u l-Istati Membri koperti;

(c)     lista ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni li tkun daħlet għalihom, inkluża informazzjoni dwar soċjetajiet kollettriċi oħra involuti, ir-repertorju rappreżentat u l-ambitu territorjali kopert minn ftehim bħal dan.

2.           Barra minn hekk, soċjetà kollettriċi għandha tagħmel disponibbli meta tkun mitluba minn kwalunkwe detentur tad-drittijiet jew minn kwalunkwe soċjetà kollettriċi, kwalunkwe informazzjoni dwar xogħlijiet li għalihom ma ġiex identifikat detentur tad-drittijiet jew aktar inkluż, fejn ikun disponibbli, it-titolu tax-xogħol, isem l-awtur, isem l-pubblikatur u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli li tista’ tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 19. Divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi tagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja:

(a)     l-istatut;

(b)     it-termini ta’ sħubija u t-termini ta’ terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, jekk ma jkunux inklużi fl-istatut;

(c)     il-lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 9;

(d)     regoli dwar it-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;

(e)     regoli dwar it-tariffi għall-immaniġġjar;

(f)      regoli dwar it-tnaqqis mid-dħul tad-drittijiet għal finijiet li huma differenti mit-tariffi għall-immaniġġjar, inkluż it-tnaqqis għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(g)     il-proċeduri ta’ trattament tal-ilmenti u ta’ soluzzjoni tat-tilwim disponibbli skont l-Artikoli 34, 35 u 36.

2.           L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tas-soċjetà kollettriċi u għandha tibqa’ disponibbli għall-pubbliku fuq dik il-websajt.

Is-soċjetà kollettriċi għandha żżomm aġġornata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 20. Rapport annwali dwar it-trasparenza

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, irrispettivament mill-forma ġuridika skont il-liġi nazzjonali, soċjetà kollettriċi tfassal u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, rapport annwali dwar it-trasparenza, inkluż rapport speċjali għal kull sena finanzjarja, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport annwali dwar it-trasparenza għandu jiġi ffirmat mid-diretturi kollha.

Ir-rapport annwali dwar it-trasparenza għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tas-soċjetà kollettriċi u għandu jibqa’ disponibbli għall-pubbliku fuq dik il-websajt għal talanqas ħames snin.

2.           Ir-rapport annwali dwar it-trasparenza għandu talanqas jinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness I

3.           Ir-rapport speċjali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun dwar l-użu tal-ammonti mnaqqsa għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi u għandu jinkludi talanqas l-informazzjoni stabbilita fil-punt 3 tal-Anness I.

4.           L-informazzjoni dwar il-kontabbiltà mogħtija fir-rapport annwali dwar it-trasparenza, għandha tiġi awditjata minn persuna waħda jew aktar li tkun mogħtija s-setgħa mil-liġi biex tagħmel awditu tal-kontijiet skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati[22].

Ir-rapport tal-awditur, inkluża kwalunkwe kwalifika, għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ fir-rapport annwali dwar it-trasparenza.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà, għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt 1(a) tal-Anness I u kwalunkwe informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punti 1(f) u (g) tal-Anness I u fil-punt 2 tal-Anness I.

5.           L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punti 1(a), (f) u (g) tal-Anness I, ma għandhomx japplikaw għal soċjetà kollettriċi li fuq il-karta ta’ bilanċ tagħha, ma taqbiżx il-limiti ta’ tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin:

(a)     total tal-karta ta’ bilanċ: EUR 350,000;

(b)     turnover nett: EUR 700,000;

(c)     medja ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: għaxra.

Titolu III

Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet online f’xogħlijiet mużikali mis-soċjetajiet kollettriċi

Artikolu 21. Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fis-suq intern

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetajiet kollettriċi stabbiliti fit-territorju tagħhom, jikkonformaw mar-rekwiżiti f’dan it-Titolu meta joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mis-soċjetajiet kollettriċi ma’ dawk ir-rekwiżiti tista’ tkun riveduta effettivament mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 39.

Artikolu 22. Kapaċità li jiġu pproċessati liċenzji multiterritorjali

1            L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali jkollha l-kapaċità suffiċjenti biex tipproċessa elettronikament b’mod effiċjenti u trasparenti, id-dejta meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dawn il-liċenzji, inkluż għall-identifikazzjoni tar-repertorju u s-sorveljanza tal-użu, il-fatturazzjoni tal-utenti, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

2.           Għall-finijiet tal-paragrafu 1, soċjetà kollettriċi talanqas għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     ikollha l-kapaċità li b’mod preċiż, tidentifika b’mod sħiħ jew parzjali, ix-xogħlijiet mużkali li s-soċjetà kollettriċi hi awtorizzata li tirrappreżenta;

(b)     il-kapaċità li tidentifika drittijiet b’mod preċiż, b’mod sħiħ jew parzjali u d-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ kull Stat Membru li għalih tapplika din l-awtorizzazzjoni, għal kull xogħol mużikali jew parti minnu li s-soċjetà kollettriċi hija awtorizzata biex tirrappreżenta;

(c)     l-użu ta’ identifikaturi uniċi biex jiġu identifikati detenturi tad-drittijiet u x-xogħlijiet mużikali, b’kunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, għall-istandards u l-prattiki industrijali volontarji li ġew żviluppati fuq il-livell internazzjonali jew tal-Unjoni;

(d)     il-kunsiderazzjoni, mingħajr dewmien żejjed, ta’ kwalunkwe bidla fl-informazzjoni deskritta fil-punt (a),

(e)     il-kapaċità li tidentifika u ssolvi fil-ħin u b’mod effettiv inkonsistenzi fid-dejta miżmuma minn soċjetajiet kollettriċi oħra li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 23. Trasparenza ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.           Soċjetà kollettriċi li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, għandha tipprovdi lill-fornituri tas-servizzi tal-mużika online, lid-detenturi tad-drittijiet u lil soċjetajiet kollettriċi, permezz ta’ mezzi elettroniċi, informazzjoni aġġornata li tippermetti l-identifikazzjoni tar-repertorju ta’ mużika online li tirrappreżenta. Din tinkludi x-xogħlijiet mużikali rappreżentati, id-drittijiet rappreżentati, b’mod sħiħ jew parzjali, u l-Istati Membri rappreżentati.

2.           Is-soċjetà kollettriċi tista’ tieħu miżuri raġonevoli biex tħares il-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex tikkontrolla l-użu mill-ġdid tiegħu u biex tħares id-dejta personali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 24. Preċiżjoni ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.           Soċjetà kollettriċi li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, għandu jkollha fis-seħħ proċeduri aċċessibbli faċilment biex tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet u lil soċjetajiet kollettriċi oħra, joġġezzjonaw għall-kontenut tad-dejta msemmija fl-Artikolu 22(2) jew l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 23, fejn dawn id-detenturi tad-drittijiet u soċjetajiet kollettriċi, abbażi ta’ evidenza raġonevoli, jemmnu li d-dejta jew l-informazzjoni ma jkunux preċiżi fir-rigward tad-drittijiet online tagħhom f’xogħlijiet mużikali. Meta l-pretensjonijiet ikunu sostanzjati biżżejjed, is-soċjetà kollettriċi għandha tiżgura li d-dejta jew l-informazzjoni jiġu korretti mingħajr dewmien żejjed.

2.           Is-soċjetà kollettriċi għandha tipprovdi lid-detenturi tad-drittijiet li x-xogħlijiet tagħhom huma inklużi fir-repertorju mużikali tagħha, b’mezzi għas-sottomissjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, informazzjoni dwar ix-xogħlijiet mużikali jew id-drittijiet tagħhom f’dawk ix-xogħlijiet. Meta tagħmel dan, is-soċjetà kollettriċi u d-detenturi tad-drittijiet għandhom sa fejn ikun possibbli jqisu, l-istandards jew il-prattiki tal-industrija fir-rigward tal-iskambju tad-dejta li ġie żviluppat fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni, u għandha tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet jispeċifikaw b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet u t-territorji, li għalihom jawtorizzaw is-soċjetà kollettriċi.

Artikolu 25. Rappurtar u fatturazzjoni b’mod preċiż u fil-ħin

1.           Soċjetà kollettriċi għandha tissorvelja l-użu ta’ drittijiet online f’xogħlijiet mużikali li tirrappreżenta, b’mod sħiħ jew parzjali, minn fornituri tas-servizzi ta’ mużika online li ħarġitilhom liċenzja multiterritorjali għal dawk id-drittijiet.

2.           Is-soċjetà kollettrċi għandha toffri lill-fornituri tas-servizzi ta’ mużika online, il-possibbiltà li jirrappurtaw l-użu reali ta’ drittijiet online f’xogħlijiet mużikali permezz ta’ mezzi elettroniċi. Is-soċjetà kollettriċi għandha toffri l-użu talanqas ta’ metodu wieħed ta’ rappurtar li jkun iqis l-istandards u l-prattiki volontarji tal-industrija li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni għall-iskambju elettroniku ta’ din id-dejta. Is-soċjetà kollettriċi tista’ tirrifjuta li taċċetta r-rappurtar mill-utent f’format proprjetarju, jekk is-soċjetà tippermetti r-rappurtar permezz ta’ standard tal-industrija għall-iskambju elettroniku ta’ dejta.

3.           Is-soċjetà kollettriċi għandha toħroġ fattura lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika online permezz ta’ mezz elettroniku. Is-soċjetà kollettriċi għandha toffri l-użu tal-anqas ta’ metodu wieħed ta’ rappurtar li jkun iqis l-istandards u l-prattiki volontarji tal-industrija li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni. Il-fattura għandha tidentifika x-xogħlijiet u d-drittijiet li huma liċenzjati, b’mod sħiħ jew parzjali, abbażi tad-dejta msemmija fl-Artikolu 22(2), u l-użi reali korrispondenti, sa fejn dan ikun possibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-utent u l-format użat biex tingħata dik l-informazzjoni.

4.           Is-soċjetà kollettriċi għandha toħroġ fattura b’mod preċiż u mingħajr dewmien lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika online, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu reali tax-xogħol mużikali, ħlief meta jiġi attribwit xi dewmien lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika online.

5.           Is-soċjetà kollettriċi għandu jkollha fis-seħħ proċeduri adegwati għall-fornitur tas-servizz ta’ mużika online, biex tikkontesta l-preċiżjoni tal-fattura, inkluż meta l-fornitur tas-servizz ta’ mużika online jirċievi fatturi minn soċjetà kollettriċi waħda jew aktar għall-istess drittijiet online fl-istess xogħol mużikali.

Artikolu 26. Ħlasijiet preċiżi u fil-ħin lid-detenturi tad-drittijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soċjetà kollettriċi li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, tqassam b’mod preċiż u mingħajr dewmien l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu akkumulaw minn dawn il-liċenzji, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu effettiv tax-xogħol, ħlief meta jiġi attribwit xi dewmien lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika online.

2.           Is-soċjetà kollettriċi għandha talanqas tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lid-detenturi tad-drittijiet:

(a)     il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom huma dovuti l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet u lill-Istati Membri li fihom saru l-użi;

(b)     għal kull xogħol u dritt, id-detentur tad-drittijiet awtorizza lis-soċjetà kollettriċi, biex tirrappreżenta b’mod sħiħ jew parzjali, l-ammonti miġbura, it-tnaqqis li sar u l-ammonti mqassma mis-soċjetà kollettriċi;

(c)     għal kull fornitur tas-servizz ta’ mużika online, l-ammonti miġbura għad-detentur tad-drittijiet, it-tnaqqis li jsir, u l-ammonti mqassma mis-soċjetà kollettriċi.

3.           Meta d-detenturi tad-drittijiet jitterminaw l-awtorizzazzjoni tagħhom lil soċjetà kollettriċi għall-immaniġġjar tad-drittijiet online tagħhom f’xogħlijiet mużikali jew jirtiraw id-drittijiet online tagħhom f’xogħlijiet mużikali, b’mod sħiħ jew parzjali, minn soċjetà kollettriċi, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal-liċenzji multiterritorjali mogħtija qabel it-terminazzjoni jew l-irtirar u li jkomplu jipproduċu effett.

4.           Meta soċjetà kollettriċi tawtorizza lil soċjetà kollettriċi oħra, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali skont l-Artikolu 28 u 29, is-soċjetà kollettriċi awtorizzata għandha tqassam l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 u tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lis-soċjetà kollettriċi li qed tagħti l-awtorizzazzjoni, li għandha tkun responsabbli għat-tqassim sussegwenti u għall-informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet, sakemm iż-żewġ soċjetajiet kollettriċi ma jiftiehmux mod ieħor.

Artikolu 27. Esternalizzazzjoni

Soċjetà kollettriċi tista’ testernalizza s-servizzi relatati mal-liċenzji multiterritorjali li toħroġ. Dn l-esternalizzazzjoni ma għandhiex jaffettwa l-obbligazzjoni tas-soċjetà kollettriċi lejn id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri tas-servizzi online jew soċjetajiet kollettriċi oħra.

Artikolu 28. Ftehimiet bejn soċjetajiet kollettriċi għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.           Kull ftehim ta’ rappreżentazzjoni bejn soċjetajiet kollettriċi fejn soċjetà kollettriċi tawtorizza lil soċjetà kollettriċi oħra, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju ta’ mużika tagħha, għandu jkun ta’ natura mhux esklussiva. Is-soċjetà kollettriċi awtorizzata għandha timmaniġġja dawk id-drittijiet online fuq termini mhux diskriminatorji.

2.           Is-soċjetà kollettriċi li qed tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tinforma lill-membri tagħha dwar it-tul tal-ftehim, l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mis-soċjetà kollettriċi l-oħra u kwalunkwe terminu importanti tal-ftehim.

3.           Is-soċjetà kollettriċi awtorizzata għandha tinforma lis-soċjetà li tagħti l-awtorizzazzjoni dwar it-termini ewlenin li fuqhom se jiġu liċenzjati d-drittijiet online tagħha, inkluż in-natura tal-isfruttament, id-dispożizzjonijiet kollha li huma relatati mat-tariffa tal-liċenzja jew li jaffettwawha, il-perjodu ta’ żmien tal-liċenzja, il-perjodi ta’ żmien tal-kontabbiltà u t-territorji koperti.

Artikolu 29. Obbligu ta’ rappreżentazzjoni ta’ soċjetà kollettriċi oħra għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.           Soċjetà kollettriċi li ma toħroġx jew ma li toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju mużikali tagħha, tista’ titlob lil soċjetà kollettriċi oħra li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan it-Titolu sabiex tidħol fi ftehim ta’ rappreżentazzjoni biex tirrappreżenta dawk id-drittijiet skont l-Artikolu 28.

2.           Is-soċjetà kollettriċi mitluba għandha taċċetta tali talba, jekk tkun diġà qed toħroġ jew toffri li toħroġ liċenzji multiterritorjali għall-istess kategorija ta’ drittijiet online f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju ta’ soċjetà kollettriċi oħra jew aktar.

It-tariffa tal-immaniġġjar għas-servizz ipprovdut mis-soċjetà kollettriċi mitluba lis-soċjetà li qed tressaq it-talba, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż li raġonevolment iġġarrab is-soċjetà kollettriċi miltuba fl-immaniġġjar tar-repertorju tas-soċjetà kollettriċi li tressaq it-talba u marġni ta’ profitt raġonevoli.

3.           Is-soċjetà kollettriċi li tressaq it-talba għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-soċjetà kollettriċi mitluba, l-informazzjoni dwar ir-repertorju ta’ mużika tagħha meħtieġ għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali. Meta l-informazzjoni tkun insuffiċjenti jew tingħata f’forma li ma tippermettix lis-soċjetà kollettriċi mitluba tilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan it-Titolu, is-soċjetà kollettriċi mitluba għandha tkun intitolata li tiċċarġja għall-ispejjeż raġonevoli mġarrba biex tilħaq dawn ir-rekwiżiti jew li teskludi dawn ix-xogħlijiet li għalihom l-informazzjoni hija insuffiċjenti jew ma tistax tintuża.     

Artikolu 30.  Aċċess għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn soċjetà kollettriċi ma toħroġx jew ma toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali fid-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali jew ma tippermettix lil soċjetà kollettriċi oħra, tirrappreżenta dawk id-drittijiet għal dan l-iskop sa sena wara d-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, id-detenturi tad-drittijiet li awtorizzaw lil dik is-soċjetà kollettriċi tirrappreżenta d-drittijiet online tagħhom f’xogħlijiet mużikali, jistgħu joħorġu liċenzji multiterritorjali fid-drittijiet online tagħhom f’xogħlijiet mużikali, huma nnifishom jew permezz ta’ soċjetà kollettriċi li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu jew kwalunkwe parti oħra li jawtorizzaw. Is-soċjetà kollettriċi li ma toħroġx jew ma toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għandha tkompli toħroġ jew toffri li toħroġ liċenzji għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali ta’ dawn id-detenturi tad-drittijiet għall-użu tagħhom fit-territorji tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-soċjetà kollettriċi, sakemm id-detenturi tad-drittijiet jitterminaw l-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġjawhom.

Artikolu 31. Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali minn sussidjarji ta’ soċjetajiet kollettriċi

L-Artikoli 18(1)(a), 18(1)(c), 22, 23, 24, 25, 26, 27, 32 u 36 għandhom japplikaw ukoll għall-entitajiet li huma ta’ proprjetà, b’mod sħiħ jew parzjali, ta’ soċjetà kollettriċi u li joffru jew joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 32. It-termini ta' ħruġ ta' liċenzji f'servizzi online

Soċjetà kollettriċi li tipprovdi liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali mhix rikjesta li tuża bħala preċedent għal tipi oħra ta’ servizzi termini tal-ħruġ ta’ liċenzji miftiehma ma' fornitur ta’ servizz ta’ mużika online, meta l-fornitur tas-servizz mużikali online qed jipprovdi tip ġdid ta’ servizz li ilu disponibbli għall-pubbliku għal inqas minn tliet snin.

Artikolu 33. Deroga għal drittijiet ta’ mużika online meħtieġa għal programmi tar-radju u tat-televiżjoni

Ir-rekwiżiti f’dan it-Titolu, ma għandhomx japplikaw għas-soċjetajiet kollettriċi li abbażi tal-aggregazzjoni volontarja tad-drittijiet meħtieġa, f’konformità mar-regoli ta’ kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, joħorġu liċenzja multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet mużikali meħtieġa minn xandar biex jikkomunika jew jagħmel disponibbli għall-pubbliku il-programmi tar-radju u t-televiżjoni tiegħu simultanjament jew wara x-xandira inizjali tagħhom kif ukoll kwalunkwe materjal online prodott mix-xandar li huwa anċillari għax-xandir inizjali tal-programm tar-radju jew tat-televiżjoni tiegħu.

Titolu IV

Miżuri ta’ infurzar

Artikolu 34. Soluzzjoni tat-tilwim għall-membri u d-detenturi tad-drittijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċjetajiet kollettriċi jagħmlu disponibbli għall-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħhom, proċeduri biex jittrattaw l-ilmenti u biex isolvu t-tilwim b’mod effettiv u fil-ħin, partikolarment fir-rigward tal-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġjaw id-drittiijiet, u t-terminazzjoni jew l-irtirar tad-drittijiet, it-termini ta’ sħubija, il-ġbir ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, it-tnaqqis u t-tqassim.

2.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jirrispondu bil-miktub l-ilmenti mressqa mill-membri jew mid-detenturi tad-drittijiet. Meta s-soċjetà kollettriċi tirrifjuta l-ilment, għandha tagħti r-raġunijiet.

3.           Il-partijiet ma għandhomx ikunu mċaħħda milli jasserixxu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom billi jiftħu kawża l-qorti.

Artikolu 35. Riżoluzzjoni ta’ tilwim għall-utenti

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tilwim bejn is-soċjetajiet kollettriċi u l-utenti dwar kundizzjonijiet eżistenti jew proposti għall-ħruġ ta’ liċenzji, tariffi u kwalunkwe ċaħda għall-ħruġ ta’ liċenzja jistgħu jitressqu quddiem qorti, u jekk xieraq lil korp imparzjali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim.

2.           Meta l-obbligu stipulat fil-paragrafu 1 huwa implimentat permezz ta' rikors lejn korp imparzali għal riżoluzzjoni ta' tilwim, dan ma għandux jipprevjeni lill-partijiet milli jasserixxu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.

Artikolu 36. Riżoluzzjoni alternattiva ta’ tilwim

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw għall-finijiet tat-Titolu III, li t-tilwim li ġej ta’ soċjetà kollettriċi li toħroġ jew toffri li toħroġ liċenzji multiterritorjai fi drittijiet online f’xogħlijiet mużikali, jistgħu jiġu sottomessi lil korpi indipendenti u imparzjali għal riżoluzzjoni ta' tilwim:

(a)     tilwim ma’ fornitur tas-servizzi ta’ mużika online proprju u potenzjali dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 22, 24 u 25;

(b)     tilwim ma’ detentur tad-drittijiet wieħed jew aktar dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 22, 23, 24, 25, 26, 28, 29 u 30;

(c)     tilwim ma’ soċjetà kollettriċi oħra dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 24, 25, 26, 28 u 29.

2.           Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jinfurmaw lill-partijiet rilevanti dwar id-disponibbiltà ta’ proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.           Il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 sa 2 ma għandhomx jipprevjenu lill-partijiet milli jasserixxu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.

Artikolu 37. Ilmenti

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti proċeduri għall-membri ta’ soċjetà kollettriċi, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u partijiet interessati oħra biex jissottomettu ilmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-attivitajiet tas-soċjetajiet kollettriċi li huma koperti minn din id-Direttiva.

2.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1, jiġu amministrati mill-awtoritajiet kompetenti li għandhom is-setgħa li jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottata skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 38. Sanzjonijiet jew miżuri

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jistgħu jieħdu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi xierqa meta d-dispożizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew osservati u għandhom jiżguraw li jkunu applikati. Dawn is-sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 sad-[data] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 39. Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 21, 37, 38 u 40 sad-[data].

Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 40. Konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ liċenzji

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 39, jissorveljaw b’mod kontinwu l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III ta’ din id-Direttiva, mis-soċjetajiet kollettriċi stabbiliti fit-territorju tagħhom meta joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet online f’xogħlijiet mużikali.

2.           Il-Kummissjoni għandha tippromwovi skambju regolari ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

3.           Il-Kummissjoni għandha tmexxi konsultazzjonijiet regolari mar-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet, is-soċjetajiet kollettriċi, l-utenti, il-konsumaturi u partijiet interessati oħra dwar l-esperjenza tagħhom bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, bl-informazzjoni kollha rilevanti li toħroġ minn dawn il-konsultazzjonijiet, fil-qafas stabbilit fil-paragrafu 2.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard minn [30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprovdu lill-Kummissjoni, b’rapport dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fit-territorju tagħhom. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ liċenzji multiterritorjali fl-Istat Membru rilevanti, dwar il-konformità tas-soċjetajiet kollettriċi mat-Titolu III ta’ din id-Direttiva u dwar l-evalwazzjoni tas-servizz mill-utenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw lill-konsumaturi, lid-detenturi tad-drittijiet u partijiet interessati oħra.

5.           Abbażi tar-rapporti skont il-paragrafu 4 u l-informazzjoni miġbura skont il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Jekk meħtieġ, u abbażi ta’ rapport speċifiku kif xieraq, hija se tikkunsidra passi ulterjuri biex ikunu indirizzati l-problemi identifikati, jekk ikun hemm. B’mod partikulari, il-valutazzjoni għandha tkopri dan li ġej:

(a)     l-għadd ta’ soċjetajiet kollettriċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Titolu III;

(b)     l-għadd ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni bejn is-soċjetajiet kollettriċi skont l-Artikoli 28 u 29;

(c)     il-proporzjon mir-repertorju fl-Istati Membri li huwa disponibbli għall-ħruġ ta’ liċenzji fuq bażi multiterritorjali.

Titolu V

Rappurtar u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 41. Rapport

Sa [5 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni (data)], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp ta’ servizzi transfruntiera u fuq id-diversità kulturali, u jekk ikun meħtieġ, dwar il-bżonn li tkun riveduta. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport tagħha flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq.

Artikolu 42. Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni, it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 43. Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 44. Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Anness I

1.           L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza msemmi fl-Artikolu 20(2) għandha tinkludi:

(a)     dikjarazzjonijiet finanzjarji li jinkludu karta ta’ bilanċ jew dikjarazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kont tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja u dikjarazzjoni tal-fluss tal-flus;

(b)     rapport dwar l-attivitajiet fis-sena finanzjarja;

(c)     deskrizzjoni tal-istruttura ġuridika u ta’ governanza tas-soċjetà kollettriċi;

(d)     informazzjoni dwar kwalunkwe entità li s-soċjetà kollettriċi għandha xi ishma minnha;

(e)     informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ remunerazzjoni mħallsa lill-persuni msemmija fl-Artikolu 9 fis-sena preċedenti, u dwar benefiċċji oħra li ngħatawlhom;

(f)      l-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punt 2;

(g)     rapport speċjali dwar l-użu tal-ammonti mnaqqsa għall-finijiet tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi.

2.           Informazzjoni finanzjarja li għandha tkun ipprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza:

(a)     Informazzjoni finanzjarja dwar id-dħul mid-drittijiet, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu (eż. xandir, online, wiri pubblika).

(b)     Informazzjoni finanzjarja dwar l-ispiża tas-servizzi ta’ ġestjoni u servizzi oħra pprovduti mis-soċjetà kollettriċi lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas dawn il-punti li ġejjin:

(i)      l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet ġestiti u spjegazzjoni tal-metodu użat biex jiġu allokati l-ispejjeż indiretti;

(ii)      l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, unikament fir-rigward tas-servizzi għall-immaniġġjar tad-drittijiet;

(iii)     l-ispejjeż operattivi u finanzjarji fir-rigward tas-servizzi, ħlief l-immaniġġjar tad-drittijiet, inklużi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(iv)     riżorsi użati biex ikopru l-ispejjeż;

(v)     tnaqqis li jsir mid-dħul tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu u l-iskop tat-tnaqqis, bħall-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tad-drittijiet jew mas-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi;

(vi)     il-perċentwali li l-ispiża tas-servizzi ta’ mmaniġġjar u servizzi oħra pprovduti mis-soċjetà kollettriċi lid-detenturi tad-drittijiet jirrappreżentaw meta mqabbla mad-dħul mid-drittijiet fis-sena finanzjarja rilevanti, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati.

(c)     Informazzjoni finanzjarja dwar l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)      l-ammont totali attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(ii)      l-ammont totali mħallas lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iii)     il-frekwenza tal-pagamenti, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iv)     l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawn l-ammonti;

(v)     l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex mqassam lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawn l-ammonti.

(vi)     meta s-soċjetà kollettriċi tkun għadha ma għamlitx it-tqassim u l-ħlasijiet qabel l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 12(1), ir-raġunijiet għal dan id-dewmien.

(d)     Informazzjoni dwar ir-relazzjonijet ma’ soċjetajiet kollettriċi b’deskrizzjoni ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)      il-flussi finanzjarji, l-ammonti li waslu minn soċjetajiet kollettriċi oħra u l-ammonti mħallsa lil soċjetajiet kollettriċi oħra, imqassma skont il-kategorija tad-drittijiet u t-tip ta’ użu u skont is-soċjetà kollettriċi;

(ii)      it-tariffi għall-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul dovut lil soċjetajiet kollettriċi oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet u skont is-soċjetà kollettriċi;

(iv)     it-tariffi għall-immaniġġjar għal u tnaqqis ieħor mill-ammonti mħallsa minn soċjetajiet kollettriċi oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull soċjetà kollettriċi;

(v)     ammont distribwit lid-detenturi tad-drittijiet li joriġina minn soċjetajiet kollettriċi, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull soċjetà kollettriċi.

3.           L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport speċjali msemmi fl-Artikolu 20(3) għandha tinkludi:

(a)     l-ammonti miġbura għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi fis-sena finanzjarja, imqassma skont id-drittijiet immaniġġjati u għal kull tip ta’ użu;

(b)     l-ispjegazzjoni tal-użu ta’ dawk l-ammonti, imqassma għal kull tip ta’ skop.

Anness II

DOKUMENTI TA’ SPJEGAZZJONI

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet iġġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni tqis it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġġustifikata għar-raġunijiet li ġejjin.

Kumplessità tad-Direttiva u tas-settur ikkonċernat

L-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati hija kwistjoni kumplessa. Hija taffettwa l-immaniġġjar ta’ drittijiet għal użu online iżda anke għal użi offline iktar tradizzjonali. Hija tikkonċerna d-drittijiet tal-awturi, iżda anke tal-artisti, il-publikaturi, il-produtturi u x-xandara. Huma involuti tipi differenti ta’ soċjetajiet kollettriċi, minn soċjetajiet kollettriċi kbar li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi għal dawk iżgħar li jiġbru remunerazzjoni marbuta mar-reprografija jew mad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Huma involuti tipi differenti ta’ partijiet interessati: mhux biss id-detenturi tad-drittijiet iżda anke l-utenti kummerċjali li jiksbu l-liċenzji mis-soċjetajiet kollettriċi.

Filwaqt li hemm leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, hija l-ewwel darba li l-immaniġġjar kollettiv qed jiġi trattat mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-qafas ġuridiku komprensiv propost mid-Direttiva se jirriżulta f’tibdiliet sostanzjali għall-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazjonali fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi.

Madankollu, it-titlu tad-Direttiva dwar il-ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali għal drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet mużikali għal użi online, huwa xi ħaġa totalment ġdida minn perspettiva regolatorja. L-ebda Stat Membru ma għandu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar dan it-tip ta’ ħruġ ta’ liċenzji.

Barra minn hekk, ir-regoli tad-Direttiva se jaffettwaw ukoll il-liġi nazzjonali rigward ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

It-twaqqif ta’ dan il-qafas ġuridiku ġdid se jirrikjedi approċċ strutturat matul is-superviżjoni tat-traspożizzjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza leġiżlattiva nazzjonali jew regolatorja għal ċertu partijiet tad-Direttiva, huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tirċievi dokumenti ta’ traspożizzjon li jikkjarifikaw kif l-Istati Membri bdew japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Fin-nuqqas ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni strutturati tajjeb, il-kapaċità għall-Kummissjoni biex tissorvelja t-traspożizzjoni tkun imxekkla ħafna.

Konsistenza u interrelazzjoni ma’ inizjattivi oħra

Id-direttiva tibqa’ strument ġuridiku ta’ “armonizzazzjoni minima” u l-Istati Membi jistgħu jimponu rekwiżiti iktar stretti u/jew dettaljati fuq is-soċjetajiet kollettriċi minn dawk previsti fid-Direttiva. Huwa importanti li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tqabbel is-sitwazzjonijiet li jirriżultaw fl-Istati Membri differenti u għaldaqstant twettaq il-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Barra minn hekk, fid-direttiva hemm inkluża klawsola ta’ reviżjoni u, sabiex tkun tista’ tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-funzjonament ta’ dawk ir-regoli, il-Kummissjoni se jeħtiġilha tkun kapaċi timmonitorja l-implimentazzjoni tal-direttiva mill-bidu.

Is-soċjetajiet kollettriċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali skont id-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE). Huma għandhom ikunu liberi li jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri biex jirrappreżentaw id-detenturi tad-dritt residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew biex joħorġu liċenzji lill-utenti residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Għandhom ukoll jirrispettaw il-liġijiet tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

Għaldaqstant, sabiex ikun żgurat li r-regoli nazzjonali li jittrasponu d-direttiva proposta huma konsistenti mad-Direttiva dwar is-Servizzi u mal-liġijiet tal-kompetizzjoni, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tkun tista' żżomm kontroll ġenerali u tagħmel reviżjoni xierqa tat-traspożizzjoni nazzjonali, abbażi tad-dokumenti ta’ spjegazzjoni neċessarji.

Piż amministrattiv

Il-piż amministrattiv biex wieħed jitlob dokumenti ta’ spjegazzjoni mill-Istati Membri dwar id-Direttiva, mhux sproporzjonat meta wieħed iqis l-objettivi tad-Direttiva u n-noveltà tas-suġġett tagħha. Barra minn hekk, huwa meħtieġ għall-Kummissjoni li tkun f’pożizzjoni li twettaq il-kompitu tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni temmen li r-rekwiżit li jkunu provduti dokumenti ta' spjegazzjoni fil-każ tad-Direttiva proposta huwa proporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv li l-kompitu li tkun issorveljata t-traspożizzjoni preċiża, jitwettaq b'mod effiċjenti.

[1]               COM(2010)245.

[2]               COM(2010)2020.

[3]               COM(2011)206.

[4]               COM(2011)287.

[5]               COM(2012)225.

[6]               COM(2011)942.

[7]               Ara l-Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku. COM(2011)427.

[8]               ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

[9]               Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22,06,2001), Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27 12 2006), Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU L 272, 13.10.2001), Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6,10,1993), Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 111, 5.5.2009), Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996), Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) (ĠU L 372, 27,12,2006), Direttiva 2011/77/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, (ĠU L 265, 11,10,2011).

[10]             ĠU L 276, 21.10.2005.

[11]             ĠU L 376, 27.12.2006.

[12]             Mit-22.10.2009 sal-5.1.2010.

[13]             Fit-23.04.2010.

[14]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5 hawn fuq.

[15]             Pereżempju, Kawżi C-395/87 Ministere public v Jean-Louis Tournier u Kawżi Magħquda 110/88 u 242/88 Francois Lucazeau u oħrajn v SACEM u oħrajn, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16.07.2008 (CISAC) (COMP/C2/38.698).

[16]             L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw xi rekwiżiti għall-mikrointrapriżi.

[17]             ĠU C , , p. .

[18]             ĠU L 376, 27.12.2006, p.36.

[19]             ĠU L 276, 21.10.2005, p. 54.

[20]             ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

[21]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[22]             ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.