3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/25


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
Preparazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013

P7_TA(2012)0319

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 (2012/2688(RSP))

2013/C 353 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-grad u n-natura tad-dejn sovran u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika qed jittestjaw il-governanza tal-Unjoni Ewropea bħal qatt qabel;

B.

billi l-UE tinsab f'punt kritiku u l-kriżi mhux se tingħeleb bla approfondizzazzjoni sinifikanti tal-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, b'tisħiħ korrispondenti tal-kontroll demokratiku u r-responsabilizzazzjoni;

C.

billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, li tieħu inizjattivi xierqa għal dan l-għan, li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, li teżerċita funzjonijiet eżekuttivi, ta' koordinazzjoni u ta' ġestjoni, u li tipproponi leġiżlazzjoni;

PARTI 1

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ is-setgħat kollha tagħha u tipprovdi t-tmexxija politika meħtieġa sabiex taffronta d-diversi sfidi li qed jinħolqu minħabba l-kriżi kontinwa, filwaqt li timmira lejn il-ksib ta' stabilità finanzjarja u l-irkupru ekonomiku fuq il-bażi ta' kompetittività miżjuda u aġenda kontra l-kriżi li tkun sostenibbli, effettiva u soċjalment ġusta;

2.

Ifakkar it-talba tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 li l-Kummissjoni tippreżenta pakkett ta' proposti leġiżlattivi sa Settembru, b'konformità mal-metodu tal-Komunità, fuq il-bażi tal-erba' elementi fundamentali identifikati fir-rapport bl-isem 'Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina';

3.

Jinsisti li l-Kummissjoni jkollha rwol sħiħ fil-formulazzjoni tar-rapporti għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru u Diċembru 2012, li għandhom jistabbilixxu pjan direzzjonali ċar u skeda għall-konsolidazzjoni tal-unjoni ekonomika u monetarja, inkluż qafas politiku finanzjarju, fiskali u ekonomiku integrat, u li għandhom iwasslu eventwalment għal unjoni politika iktar b'saħħitha, u b'mod partikolari għal iktar responsabilizzazzjoni demokratika u leġittimità fuq il-bażi tal-bidla fit-Trattat;

4.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-leġiżlazzjoni taż-żewġ pakketti, li se ssaħħaħ is-sorveljanza baġitarja u ttejjeb il-politika baġitarja fiż-żona tal-euro u li tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu toroq differenzjati għall-konsolidazzjoni baġitarja f’każ ta’ tnaqqis sever fir-ritmu ekonomiku;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti biex timplimenta l-impenji msemmija fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, b'mod partikolari fid-dawl tal-istimulazzjoni ta' investiment sostenibbli u orjentat lejn it-tkabbir, it-titjib tal-kompetittività ta' ekonomija Ewropea mmirata lejn l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari dawk dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u s-sostenibilità, u l-approfondizzazzjoni tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni tuża il-Programm ta' Ħidma għall-2013 tagħha biex tistabbilixxi aġenda dettaljata għat-tkabbir li tkun tiffoka fuq it-tħeġġiġ tan-negozji u l-intraprendituri biex jiżviluppaw l-industriji u s-servizzi li se jipprovdu impjiegi u prosperità fuq medda twila ta' żmien; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-iskalar sinifikanti 'l fuq tal-bonds tal-proġett Ewropew fuq il-bażi ta' kooperazzjoni bejn il-baġit tal-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

6.

Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, lejn il-bżonn għal tnaqqis sostnut u simetriku tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u jitlob li jkun hemm bidliet konkreti fil-leġiżlazzjoni fiskali tal-UE biex jiġu ffaċċjati l-aspetti kollha tar-rifuġji fiskali u tal-evażjoni fiskali;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar li tista' biex tiffaċilita l-adozzjoni aċċelerata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-programmi leġiżlattivi pluriennali relatati, bl-involviment sħiħ tal-Parlament u bir-rispett dovut tad-drittijiet tiegħu ta' kodeċiżjoni; jappoġġja bil-qawwi l-impenn biex il-baġit tal-UE jsir katalist għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiddefendi l-proposta tagħha li jkun żgurat li l-baġit tal-Unjoni jirrifletti iktar direttament il-bżonnijiet u l-objettivi politiki tagħha;

8.

Jinsisti, madankollu, li r-riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji, inkluż il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda, hija element essenzjali li mingħajru l-prospetti għal ftehim dwar il-QFP il-ġdid huma ftit wisq; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja t-talba minn diversi Stati Membri għal kooperazzjoni mtejba f'dan il-qasam; jenfasizza x-xewqa, madankollu, li jintlaħaq ftehim globali sal-aħħar ta' din is-sena;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koeranza tal-programm leġiżlattiv tagħha, iżżid il-kwalità tal-abbozzar leġiżlattiv tagħha, issaħħaħ l-evalwazzjoni ta' impatt tagħha ta' liġijiet abbozzati, tipproponi fejn xieraq l-użu ta' tabbelli ta’ korrelazzjoni fid-dawl ta' traspożizzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u tappoġġja lill-Parlament fin-negozjati tiegħu mal-Kunsill dwar l-użu ta' atti delegati u implimentattivi; itenni s-sejħa ripetuta tiegħu li l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar leġiżlar aħjar jiġi rinegozjat;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod dovut il-pożizzjonijiet tal-Parlament speċifiċi għal kull settur kif stipulati f'parti 2 hawn taħt;

PARTI 2

Implimentazzjoni

11.

Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-liġi tal-UE permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, jekk ikun neċessarju, biex tibda proċedimenti ta' ksur biex tiżgura traspożizzjoni xierqa u infurzar effettiv;

12.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tipproponi l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet obbligatorji ta' ġestjoni nazzjonali, iffirmati fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża; iħeġġeġ azzjoni kontinwa dwar is-simplifikazzjoni tal-programmi tal-UE, partikolarment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-użu tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja (SIF); jitlob li jsiru evalwazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti sabiex ikun żgurat li l-infiq kollu qed jikseb ir-riżultati mixtieqa b'mod li jkun kosteffettiv;

13.

Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta fiż-żmien xieraq l-abbozzi ta' baġits ta' emenda neċessarji biex tiżgura li l-livelli tal-pagamenti jkunu konformi mal-miżuri maqbula fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012 biex jiġi stimulat it-tkabbir u jkunu suffiċjenti biex jiġu onorati l-impenji pendenti;

Is-suq uniku

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq it-titjib tal-governanza tas-suq uniku, iġġedded l-impetu tagħha biex tikseb s-simplifikazzjoni amministrattiva, tagħti kunsiderazzjoni xierqa biex tipproporni, meta jkun xieraq, regolamenti iktar milli direttivi sabiex tiżgura l-proporzjonalita tal-miżuri proposti, u biex timmoniterja l-progress fid-dawl tal-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tas-suq uniku, speċjalment fis-settur tas-servizzi, inkluża l-possibilità ta' proċeduri ta' ksur aċċellerati; jenfasizza li għandhom jitqiesu kif xieraq id-dimensjonijiet eknomiċi, soċjali u ambjentali tas-suq uniku;

15.

Jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II għal azzjonijiet ta' prijorità sabiex tingħata spinta lit-tkabbir, lill-impjiegi u lill-fiduċja fis-suq uniku; jinkoraġġixxi l-użu tal-kooperazzjoni mtejba meta jkun xieraq u neċessarju;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tkun iktar sistematiku fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposti tagħha fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, li l-Ewropa tistrieħ fuqhom għal ħafna impjiegi ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiskoraġġixxi b'mod attiv ir-regolamentazzjoni żejda fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, ħaġa li tfixkel il-kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fis-suq intern; jitlob li l-piż burokratiku jitnaqqas iktar;

17.

Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-enfażi tal-Kummissjoni fuq l-aġenda diġitali; iħeġġeġ li l-proposti jipprovdu iktar servizzi transkonfinali għall-konsumaturi permezz tal-UE;

18.

Ifakkar fil-ħtieġa ta' reviżjoni solida tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)) li tiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi iżda li tiffaċilita wkoll il-kummerċ ta' merkanzija b'mod partikolari għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi regolament orizzontali dwar is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti kollha; jitlob, barra minn hekk, rimedju effettiv fis-servizzi finanzjarji tal-bejgħ bl-imnut u approċċ orizzontali komuni koordinat sabiex jiġu protetti l-konsumaturi;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-imġiba regolatorja tagħhom lejn l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u l-mikrointrapriżi billi tfassal il-leġiżlazzjoni speċifikament għall-bżonnijiet tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju kif ukoll tagħmel iktar progress fl-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet adegwati;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispiċċa r-riforma tagħha tad-drittijiet tal-awtur, li għandha tkun adegwata għall-ambjent tal-internet u bbażata fuq il-leġittimità soċjali, bir-rispett dovut tad-drittijiet fundamentali, inkluż li titlesta r-riforma tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-problemi legali li tfaċċjaw fil-kontroversja dwar il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (l-ACTA) meta tippreżenta l-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni tal-liġi tal-UE dwar il-marka kummerċjali;

Il-klima, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport

21.

Jinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat il-pjan direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi sabiex jinħolqu inċentivi għall-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika, għall-promozzjoni tal-bijodiversità u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluża l-integrazzoni ta' miżuri tal-effiċjenza tar-riżorsi kif previst fl-Istrateġija Ewropa 2020;

22.

Jemmen li s-Semestru Ewropew irid jipprovdi l-opportunità biex kull Stat Membru jagħti rendikont tal-impenji tiegħu stess fil-konfront tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Patt Euro Plus, l-Att dwar is-Suq Uniku u objettivi ewlenin oħra tal-UE;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq bla dewmien proposti biex tindirizza d-dgħufijiet fis-Sistema attwali għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet biex jiġi evitat il-falliment tagħha;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat ta' miżuri mfassla biex jinkiseb suq uniku integrat bis-sħiħ u interkonness fl-enerġija, u jenfasizza l-importanza li l-UE tiġi provduta b'infrastruttura tal-grilja moderna;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Pjan Direzzjonali li jmexxi lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju fl-2050, inklużi passi importanti ta' nofs it-terminu;

26.

Jitlob li l-Kumissjoni tħejji strateġija li tindirizza l-impatt tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija fuq il-membri tas-soċjetà;

27.

Jemmen li l-kriżi għandha tintuża bħala opportunità biex titrasforma l-mudell tal-iżvilupp tagħna tas-soċjetà fid-dawl tal-ħolqien ta' ekonomija effiċjenti ħafna, ibbażata fuq l-enerġija rinovabbli u reżistenti għall-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta proposti għal pakkett tal-enerġija u l-klima 2030 imsejjes fuq it-tliet pilastri attwali, jiġifieri l-gassijiet b’effett ta’ serra, sori tal-enerġiji rinovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija;

28.

Jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li n-netwerk tat-trasport multimodali tal-Ewropa jiġi modernizzat, ħaġa li hija vitali għas-suċċess tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni biex tonora l-impjeni tagħha għar-rotot ferrovjarji u testendi l-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-sikurezza tal-materjal rotanti tagħha;

29.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-inizjattiva dwar l-Ajru Uniku Ewropew ma rnexxilhiex tiġi implimentata bis-sħiħ, u jistieden lill-Kummissjoni ġġedded l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward;

Soċjetajiet koeżivi u inklużivi – Ewropa taċ-ċittadini

30.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-iffokar tal-Kummissjoni fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-proposti tagħha li tespandi l-kapaċità tal-Unjoni li ttejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ; jistenna, bħala parti mill-komunikazzjoni ġenerika dwar il-pakkett tal-impjiegi, miri u skedi ta' żmien ċari u proposti konkreti fl-oqsma tal-mobilità taż-żgħażagħ, il-'Garanzija għaż-Żgħażagħ', il-qafas tal-kwalità għall-apprendistati, il-ħiliet tal-lingwi u l-intraprenditorja taż-żgħażagħ, sabiex ikun miġġieled il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ; jistenna wkoll miżuri konkreti biex jitnaqqas il-faqar, jiġi riformat is-suq tal-impjiegi u jiġu stabbiliti standards soċjali, sabiex ikun jista' jiġi implimentat approċċ bilanċjat tal-flessigurtà f'dawk l-Istati Membri li jixtiequ dan, u jistieden li jkun hemm iktar enfasi fuq l-impjieg tal-persuni b'diżabilità fil-kuntest ta' soċjetà li qed tixjieħ;

31.

Jenfasizza l-importanza ta' investiment fil-kapital uman u fir-riċerka u l-iżvilupp, u ta' edukazzjoni u taħriġ xierqa li jiffaċilitaw il-mobilità professjonali; jistieden ukoll li ssir iktar ħidma dwar il-kwistjonijiet tal-vjolenza kontra n-nisa u t-traffikar tal-bnedmin;

32.

Itenni s-sejħa tiegħu għal politika ta' koeżjoni b'saħħitha fl-UE kollha wara l-2013, li għandha tintegra b'mod sistematiku l-fondi u l-programmi eżistenti, tiżgura finanzjament adegwat, tkun ibbażata fuq governanza f'ħafna livelli u tkun allinjati mill-qrib mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinsisti fuq il-bżonn li jitjiebu l-effiċjenza u r-reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà u jistenna proposti f'dan ir-rigward; hu konvint li hu possibbli li tinstab, b'mod adegwat, bażi komuni għall-politiki ta' koeżjoni, ta' riċerka u żvilupp tal-UE, li jeħtieġu jkunu mmirati lejn it-tkabbir u l-kompetittività, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif anki tal-eċċellenza;

33.

Jappoġġa l-inizjattivi fil-livell tal-Unjoni biex jikkumplimentaw l-isforzi nazzjonali sabiex jiżdied il-mikrokreditu u sabiex tikber l-intraprenditorija soċjali li tipprovdi servizzi li mhumiex suffiċjentement provduti mis-settur pubbliku jew dak privat;

34.

Jilqa' l-approċċ iktar robust meħud mill-Kummissjoni biex tipproteġi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni kolha; jitlob li tiġi reveduta l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali sabiex ikunu garantiti l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettivi tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem u din tiġi allinjata mat-Trattat ta' Lisbona; jappoġġja lill-Kummissjoni fin-negozjati tagħha għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (3)) u t-traspożizzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (4)), u jiddispjaċih li l-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma mhux vinkolanti legalement;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tkun żgurata l-libertà tal-moviment u li l-acquis ta' Schengen jiġi rrispettat bis-sħiħ; jenfasizza l-bżonn li tiġi sostitwita l-evalwazzjoni bejn il-pari inadegwata mill-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tieħu responsabilità sħiħa għas-superviżjoni tar-regoli ta' Schengen; jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni tiegħu dwar il-bażi legali għar-regoli ta' Schengen;

37.

Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' proposta leġiżlattiva dwar is-solidarjetà msaħħa fi ħdan l-UE fil-qasam tal-asil; jitlob li tiġi preżentata proposta leġiżlattiva biex tkun stabbilita sistema komuni Ewropea ta' ażil li tikkombina r-responsabilità u s-solidarjetà;

38.

Jenfasizza l-importanza li jiġi adottat r-regolament dwar qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data u d-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali sabiex ikun żgurat li kwalunkwe miżura ulterjuri kontra t-terroriżmu jkollha standards għoljin ta' privatezza u protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-reviżjoni tagħha tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data (Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5));

39.

Jappoġġja bis-saħħa l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni ta' inizjattivi faċli għaċ-ċittadini fil-kuntest tal-proposta għal deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) (COM(2011)0489) sabiex jissaħħaħ iktar it-tqajjim ta' kuxjenza taċ-ċittadini dwar il-benefiċċji li jirriżulatw miċ-ċittadinanza Ewropea;

Agrikoltura u sajd

40.

Jieħu nota tar-riforma kurrenti tal-Politika Agrikola Komuni; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi approċċ bilanċjat u integrat li jissalvagwardja kemm il-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti ta' ikel ta' kwalità għolja u li wieħed jiflaħ iħallas għalih, kif ukoll ir-rispett tal-valur ambjentali u ta' wirt tal-kampanja; iħeġġeġ li l-PAK tkun allinjata mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni fil-biedja u jikbru s-sostenibilità, il-ġustizzja u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea fil-livelli lokali u reġjonali;

41.

Jenfasizza li r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd trid tkun ambizzjuża sabiex tikseb stokkijiet tal-ħut sostenibbli u b'saħħithom għall-medda twila taż-żmien; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi legali għall-proposti tagħha u biex tillimita l-użu tal-Artikolu 43(3) għal proposti strettament konnessi mal-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd; ifakkal l-oppożizzjoni tiegħu għall-prattika tar-rimi u għal miżuri mhux maħsuba tajjeb u għoljin ħafna biex titnaqqas il-kapaċità tal-flotta;

Il-politika barranija u dik tal-iżvilupp

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jaħdmu flimkien ħalli jipproponu inizjattivi kkoordinati tajjeb lill-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħaqqad l-attivitajiet u s-servizzi relevanti kollha tagħha, inkluża l-politika għall-iżvilupp, fid-dawl tal-ilħiq tal-objettivi internazzjonali tat-Trattat ta' Lisbona u, b'mod partikolari, l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jirrelata mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, filwaqt li tibqa' tonora l-valuri li fuqhom l-Unjoni bniet lilha nnifisha;

43.

Jistenna inizjattivi leġiżlattivi biex jiġu riveduti l-bażijiet legali għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti ta' assistenza finanzjarja esterna, filwaqt li tintuża bis-sħiħ is-sistema tal-atti delegati; jitlob li jkun hemm iktar flessibilità fl-isborsjar tal-assistenza finanzjarja f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;

44.

Jistenna lill-Kummissjoni tappoġġja t-tkabbir tal-Unjoni biex jidħol kwalunkwe pajjiż Ewropew li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni u li jimpenja ruħu li jippromwovihom, filwaqt li jitqies ir-rekwiżit għall-pajjiżi tal-adeżjoni li jissodisfaw il-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità għall-integrazzjoni tal-Unjoni; jemmen li l-Unjoni titlef l-awtorità morali u l-kredibilità politika tagħha fid-dinja kieku kellha tagħlaq il-bibien tagħha għall-ġirien tagħha; Jistenna li l-Kummissjoni tissokta b'ħidmitha dwar in-negozjati kurrenti tal-adeżjoni;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika politika tal-iżvilupp li tkun orjentata lejn ir-riżultati filwaqt li tiżgura effettività ikbar tal-għajnuna u tiggarantixxi koerenza politika iktar stretta u koordinazzjoni ikbar tad-donaturi fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak dinji u, dejjem iktar, mal-atturi dinjija emerġenti tal-iżvilupp; jinsisti fuq il-bżonn li jinħoloq fond fiduċjarju dedikat li jindirizza l-problema tal-malnutriment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jinfetaħ proċess ta' konsultazzjoni dwar il-fenomenu tal-ħtif tal-art; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura effettività akbar tal-għajnuna tal-UE fid-dawl ta’ qafas ta’ żvilupp possibbli tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju wara l-2015;

Kummerċ

46.

Iqis il-ftuħ reċiproku u bilanċjat tas-swieq bħala strument politiku strateġiku għat-tkabbir intern u l-impjiegi fl-UE; jenfasizza l-importanza li l-Parlament ikun involut fl-istadji kollha tan-negozjati u jibqa' impenjat lejn approċċ multilaterali għall-kummerċ internazzjonali; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu fil-livell multilaterali u permezz tal-ftehimiet kummerċjali kollha;

47.

Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fin-negozjali kummerċjali bilaterali u reġjonali kollha li għaddejjin bħalissa; jirrikonoxxi l-bżonn li jitkompla l-progress biex jiġu konklżi ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles ma' sħab sinifikanti;

48.

Jenfasizza l-importanza li jagħti lill-integrazzjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali u r-responsabilità soċjali korporattiva fil-politiki internazzjonali kollha, flimkien ma' regoli ċari li jirrikjedu imġiba responsabbli mill-kumpaniji Ewropej;

*

* *

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0292.

(2)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(3)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(4)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(5)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54.