20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/18


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
It-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji

P7_TA(2012)0019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji (2011/2046(INI))

2013/C 239 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 50 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu ‘l quddiem” (COM(2003)0284),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’”(COM(2011)0206),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2001/86/KE tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut ta’ kumpanija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabilità limitata (3),

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Daily Mail  (4), Centros  (5), Überseering  (6), Inspire Art  (7), SEVIC Systems  (8), Cadbury Schweppes  (9) u Cartesio  (10),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-iżviluppi riċenti u l-prospetti fir-rigward tal-liġi tal-kumpanniji (11),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanij (12) a,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (13),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (15),

wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0008/2012),

A.

billi l-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji u l-azjendi kollha; billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija fost l-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern, billi għandha tittieħed nota tan-nuqqas ta’ konsistenza fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasferiment u l-proċeduri ta’ trasferiment tas-sede, dik irreġistrata jew dik reali, ta’ kumpanija jew ditta eżistenti rregolata mid-dritt nazzjonali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor fi ħdan is-suq uniku, kif ukoll tar-riskji relatati fir-rigward tal-impjiegi, flimkien mad-diffikultajiet amministrattivi, l-ispejjeż iġġenerati, l-implikazzjonijiet soċjali u n-nuqqas ta' ċertezza legali;

B.

billi l-maġġoranza tal-parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika li għalqet fil-15 ta’ April 2004 kienu favorevoli għall-adozzjoni tad-direttiva tal-liġi tal-kumpaniji dwar it-trasferimenti tas-sedi tal-kumpaniji;

C.

billi meta jitqiesu d-disparitajiet tar-rekwiżiti imposti mill-Istati Membri għall-migrazzjoni tal-kumpaniji, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ħtieġa ta’ skema armonizzata li tirregola t-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji;

D.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovditx il-kjarifika neċessarja fir-rigward tat-trasferiment tas-sede ta' kumpanija fis-sentenza tagħha Cartesio kif mistenni mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tal-2007 tagħha (16);

E.

billi huma l-leġiżlaturi u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi tat-Trattat, il-miżuri rilevanti sabiex titwettaq il-libertà ta’ kumpanija li tittrasferixxi s-sede tagħha;

F.

billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-2007 li “l-għażla ta' ‘ebda azzjoni’ tidher aktar proporzjonata peress li mhijiex meħtieġa aktar azzjoni tal-UE” (17), il-mobilità tal-kumpaniji għadha tinvolvi piżijiet amministrattivi kbar kif ukoll spejjeż soċjali u fiskali;

G.

billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-2007 ma tkoprix l-implikazzjonijiet fuq il-politiki soċjali u tal-impjiegi, bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

H.

billi jeħtieġ li ma jitħalliex isir l-abbuż ta' uffiċċji b’kaxxa postali biss u kumpaniji għall-apparenza (shell companies), maħsuba biex iduru ma’ kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali;

I.

billi t-trasferiment ta’ sede ta’ kumpanija għandu jkun newtrali mil-lat fiskali;

J.

billi t-trasferiment tas-sede għandu jżomm il-kontinwità tal-personalità legali tal-kumpanija jew ditta kkonċernata, bil-għan li jiġi żgurat li din tiffunzjona sewwa;

K.

billi t-trasferiment m’għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ dawk interessati (azzjonisti minoritarji, impjegati u kredituri) li joriġinaw mit-trasferiment;

L.

billi l-proċedura ta’ trasferiment għandha tkun regolata b’regoli stretti għal dik li hi trasparenza u informazzjoni għal dawk interessati qabel ma jsir it-trasferiment;

M.

billi d-drittijiet ta’ involviment tal-impjegati huma ta' importanza kbira waqt it-trasferiment tas-sede ta' kumpanija;

N.

billi għandha tkun żgurata l-koerenza tal-proċeduri ta' involviment tal-impjegati bejn id-dispożizzjonijiet legali differenti li hemm fid-direttivi tal-liġi tal-kumpaniji;

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti malajr abbażi tal-Artikolu 50(1) u (2)(g) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi ta' kumpanija, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-Anness mehmuż;

2.

Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali;

3.

Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(3)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(4)  Kawża 81/87 Daily Mail [1988] Ġabra 5483.

(5)  Kawża C-212/97 Centros [1999] Ġabra I-1459.

(6)  Kawża C-208/00 Überseering [2002] Ġabra I-9919.

(7)  Kawża C-167/01 Inspire Art [2003] Ġabra I-10155.

(8)  Kawża C-411/03 SEVIC Systems [2005] Ġabra I-10805.

(9)  Kawża C-196/04 Cadbury Schweppes [2006] Ġabra I-7995.

(10)  Kawża C-210/06 Cartesio [2008] Ġabra I-9641.

(11)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.

(12)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 671.

(13)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 11.

(14)  ĠU C 87 E, 1.04.2010, p. 5.

(15)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0426.

(16)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007) 1707, punt 3.5.2, pp. 24-25.

(17)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007)1707, punt 6.2.4, p. 39.


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-ambitu tad-direttiva li għandha tiġi adottata)

Id-direttiva għandha tapplika għal kumpaniji b'responsabbiltà limitata skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt 1 tad-Direttiva 2005/56/KE.

L-ambitu tagħha għandu jagħmel provvediment għal soluzzjoni f’lokha għall-kwistjoni ta’ separazzjoni bejn l-uffiċċju rreġistrat u s-sede amministrattiva ta’ kumpanija.

Rakkomandazzjoni 2 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali

Id-direttiva għandha tippermetti li l-kumpaniji jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' stabbiliment b'migrazzjoni lejn Stat Membru ospitanti mingħajr ma jitilfu l-personalità legali tagħhom iżda billi jeqilbu għal kumpanija rregolata bil-liġi tal-kumpaniji tal-Istat Membru ospitanti mngħajr ma jkollhom ixolju.

It-trasferiment m’għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali, fiskali.

It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tkun regolata mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.

It-trasferiment m'għandux jaffettwa r-relazzjonijiet legali ma' partijiet terzi.

It-trasferiment għandu jkun fiskalment newtrali skont id-dispożizzjoni tad-Direttiva 90/434/KEE (1)

Rakkomandazzjoni 3 (dwar trasparenza u informazzjoni qabel id-deċiżjoni ta' trasferiment)

Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment għandu jkollu jfassal rapport u proposta ta' trasferiment. Qabel ma l-maniġment jiddeċiedi dwar ir-rapport u l-proposta ta' trasferiment, ir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom għandhom jiġu infurmati u kkonsultati dwar it-trasferiment propost skont kif mifhum mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE (2).

Ir-rapport għandu jkun ppreżentat lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom.

Ir-rapport għandu jiddeskrivi u jiġġustifka l-aspetti ekonomiċi, legali u soċjali tat-trasferiment u jispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-azzjonisiti, il-kredituri u l-impjegati li jistgħu jeżaminaw ir-rapport matul perjodu speċifiku li ma jistax ikun anqas minn xahar jew aktar minn tliet xhur qabel id-data tal-laqgħa tal-azzjonisti għall-approvazzjoni tat-trasferiment.

Il-proposta ta’ trasferiment għandha tinkludi:

(a)

il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju;

(b)

il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(d)

l-iskeda prevista għat-trasferiment;

(e)

id-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi s-sede għal raġunijiet ta’ kontabilità se jitqiesu bħala stabbiliti fl-Stat Membru ospitanti;

(f)

l-informazzjoni ddettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju;

(g)

id-drittijiet garantiti għall-azzjonisti tal-kumpanija, l-impjegati u l-kredituri jew il-miżuri relevanti proposti u l-indirizz fejn l-informazzjoni kollha dwar dan jistgħu jinkisbu bla ħlas;

(h)

jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Ir-rapport u l-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal eżami f’perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija għall-azzjonisti.

It-trasferiment għandu jkun ippubblikat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101/KE (3).

Rakkomandazzjoni 4 (dwar deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti)

Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-formalitajiet stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tagħmel kundizzjoni li t-twettiq tat-trasferiment ikun jiddependi mill-fatt li hija tapprova b’mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa għall-azzjonisti minoritarji li jopponu t-trasferiment, pereżempju, id-dritt li jirtiraw mill-kumpanija, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar il-verifika tal-legalità tat-trasferiment)

L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b’mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu twettqu qabel it-trasferiment.

Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f’perjodu ta’ żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu li l-kumpanija tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati, inkluż li r-rekwiżiti stipulati fl-Istat Membru ospitanti rigward l-informazzjoni ta’ tali kumpanija jkunu sodisfatti.

L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità korrispondenti fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.

Sabiex ikunu mħarsa partijiet terzi, ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati adegwatament.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar miżuri ta' protezzjoni)

Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti ta' xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta’ pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m’għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tas-sede.

Minħabba raġunijiet ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tas-sede, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju. Kredituri eżistenti għandhom ikollhom dritt għal depożitu ta' garanzija.

Rakkomandazzjoni 7 (dwar id-drittijiet tal-impjegati)

Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jitħarsu matul it-trasferiment. Bħala prinċipju, dawn għandhom ikunu regolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti m’għandhiex tkun applikabbli:

(a)

jekk ma tipprevedix tal-anqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni daqs dik applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju, jew

(b)

jekk ma tagħtix lill-impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpanja li jinsabu fi Stati Membri oħrajn l-istess drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li kellhom qabel it-trasferiment.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar id-drittijiet tal-impjegati għandhom ikunu jaqblu mal-acquis.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet [fużjonijiet], id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi u l-iskambji ta' l-ishma li jirrigwardaw il-kumpaniji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1)

(2)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi struttura ġenerali sabiex tinforma u tikkonsulta lil ħaddiema fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(3)  Id-Direttiva Nru 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).