52012DC0728

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Għall-istabbiliment ta' Qafas ta' Kwalità dwar l-Iskemi ta' Taħriġ Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew skont l-Artikolu 154 TFUE /* COM/2012/0728 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Għall-istabbiliment ta' Qafas ta' Kwalità dwar l-Iskemi ta' Taħriġ

Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew skont l-Artikolu 154 TFUE

1.           Introduzzjoni

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li l-Kummissjoni ssir taf il-fehmiet tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE, skont l-Artikolu 154(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar il-kontenut ta' proposta tagħha għal Qafas Ewropew tal-Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ, u biex tistaqsi jekk jixtiqux jidħlu f'negozjati kif previst fl-Artikolu 154(4) TFUE.

Fil-Komunikazzjoni Lejn irkupru mogħni bl-impjiegi[1] tat-18 ta' April 2012 (Il-Pakkett dwar l-Impjiegi), il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta' kwalità għall-iskemi ta' taħriġ sa tmiem l-2012. Fl-istess żmien, tnediet konsultazzjoni pubblika[2] biex issir taf l-opinjonijiet tal-partijiet interessati differenti dwar il-ħtieġa ta’ tali inizjattiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-forma u l-kontenut possibbli. Il-konsultazzjoni pubblika rċeviet aktar minn 250 risposta, li minnhom 29 ġew minn gvernijiet nazzjonali u reġjonali (ministeri u aġenziji), tmienja minn trejdjunjins, 40 minn organizzazzjonijiet ta' impjegaturi u rappreżentanti tan-negozju, 14 minn organizzazzjonijiet (ġeneriċi) taż-żgħażagħ, 33 minn istituzzjonijiet edukattivi, 11 minn organizzazzjonijiet oħrajn u 117 minn individwi privati. Kien hemm ftehim wiesa’ dwar ir-rwol importanti ta' skemi ta' taħriġ fit-tħaffif tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u dwar il-ħtieġa għal skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja. It-trejdjunjins, il-komunità tal-NGOs, il-biċċa l-kbira ta’ istituzzjonijiet edukattivi, l-individwi privati u bosta gvernijiet nazzjonali esprimew l-appoġġ tagħhom għal qafas ta' kwalità għall-iskemi ta' taħriġ.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika, l-imsieħba soċjali Ewropej talbu li jkunu kkonsultati formalment dwar id-direzzjoni possibbli ta' azzjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 tat-TFUE. Skont dawn l-Artikoli, il-Kummissjoni trid tikkonsulta l-imsieħba soċjali qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali.

Il-Kummissjoni aċċettat it-talba tal-imsieħba soċjali, waqt li saħqet li dawn jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' qafas ta' kwalità għall-iskemi ta' taħriġ. Fil-11 ta’ Settembru 2012, l-imsieħba soċjali Ewropej ġew mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar id-direzzjoni possibbli ta’ azzjoni min-naħa tal-UE f'konsultazzjoni tal-ewwel stadju. Wara r-risposti riċevuti, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni tat-tieni stadju dwar il-kontenut tal-proposta[3].

Din il-Komunikazzjoni tiġbor flimkien ir-riżultati ewlenin ta' din il-konsultazzjoni tal-ewwel stadju kif ukoll evidenza riċenti dwar problemi ta' kwalità relatati ma’ skemi ta' taħriġ. Tkompli billi tistabbilixxi għażliet għal azzjoni fuq il-livell tal-UE. Sabiex tgħin lill-imsieħba soċjali jħejju t-tweġibiet tagħhom għal din il-konsultazzjoni, din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata b'dokument analitiku li jagħti informazzjoni u analiżi tal-isfond (eż. tingħata definizzjoni tat-tipi ta’ skemi ta' taħriġ, il-benefiċċji u l-ispejjeż tagħhom, ir-rappurtar tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati, id-definizzjoni tal-problemi u l-għanijiet politiċi)[4].

Bi skemi ta' taħriġ wieħed jifhem li huma perjodu limitat ta' prattika tax-xogħol f’negozju, korp pubbliku jew istituzzjoni mingħajr skop ta’ qligħ minn studenti jew żgħażagħ li jkunu spiċċaw reċentement l-edukazzjoni tagħhom, sabiex jikkultivaw esperjenza prezzjuża ta' xogħol fuq ix-xogħol proprju qabel ma jibdew impjieg regolari. Hemm ħames tipi ta’ skemi ta' taħriġ ewlenin, parzjalment l-istess: skemi ta’ taħriġ matul l-edukazzjoni; skemi ta' taħriġ li jifformaw parti minn taħriġ professjonali obbligatorju (eż. il-liġi, il-mediċina, it-tagħlim, l-arkitettura, il-kontabilità, eċċ.); skemi ta' taħriġ bħala parti minn politika attiva tas-suq tax-xogħol; skemi ta’ taħriġ fis-suq miftuħ; skemi ta' taħriġ transnazzjonali.

Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva, filwaqt li d-deċiżjoni titħalla f’idejn l-imsieħba soċjali, l-iskemi ta' taħriġ tas-suq miftuħ jistgħu jkunu mira, minħabba li dawn jirrappreżentaw l-aktar segment problematiku. Iżda jeżistu alternattivi: il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri jistgħu jkunu jew mwessgħa jew ristretti biex japplikaw għal skemi ta' taħriġ transkonfinali biss, jew għal skemi ta' taħriġ ’il fuq minn ċertu tul ta’ żmien. Kwistjoni oħra hija jekk l-ispeċifitajiet settorjali jiġġustifikawx l-adattament jew il-limitazzjoni tal-miżuri għal ċerti industriji.

2.           konsultazzjoni tal-ewwel stadju mal-imsieħba soċjali

Hemm kunsens wiesa’ fost l-imsieħba soċjali tal-UE li l-iskemi ta' taħriġ għandhom rwol importanti għat-tħaffif tat-transizzjoni bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi. Fl-2010, l-imsieħba soċjali transsettorjali kienu qablu li “il-promozzjoni ta' aktar kuntratti u kuntratti ta’ kwalità aħjar ta' apprendistati u skemi ta' taħriġ” tikkostitwixxi azzjoni fundamentali fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Qafas tagħhom dwar is-Swieq tax-Xogħol Inklużivi. Dawk kollha li wieġbu jaqblu fuq ir-rwol importanti tal-imsieħba soċjali li jappoġġaw li jiġu pprovduti skemi ta' taħriġ u jħeġġu lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ finanzjarju biex jiżdied l-għadd ta' skemi ta' taħriġ, inkluż billi tniedi programmi ta’ skala kbira fil-livell tal-UE. Madankollu, il-konsultazzjoni tal-ewwel stadju turi fehmiet diverġenti dwar il-ħtieġa għal inizjattiva mill-UE, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-forma li tali inizjattiva għandha tieħu u l-elementi ewlenin ta’ kwalità li l-inizjattiva tkun tista’ tkopri.

It-trejdjunjins jikkunsidraw azzjoni tal-UE dwar l-iskemi ta' taħriġ “assolutament meħtieġa”. L-ETUC[5] hija mħassba ħafna dwar l-għadd kbir ta’ żgħażagħ li jdumu f’pożizzjonijiet ta’ skemi ta' taħriġ, xi drabi għal bosta snin. Spiss wisq, dawn iż-żgħażagħ la għandhom status ċar u lanqas xi intitolament għal protezzjoni soċjali u jaqilgħu ħafna inqas mill-paga minima. Fi kliem ieħor, huma jipprovdu servizz ekwivalenti għal dak ta’ impjegat iżda mingħajr ebda benefiċċju komparabbli. Għalhekk l-ETUC tinsisti li, sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, għandu jiġi stipulat fil-leġiżlazzjoni jew fi ftehim kollettiv qafas ta’ kwalità. L-ETUC taqbel mal-analiżi/definizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi ta’ kwalità stabbiliti fid-dokument ta’ konsultazzjoni (kuntratt għla skema ta’ taħriġ, għanijiet ċari u l-kontenut, żmien limitat, sigurtà soċjali adegwata/rimunerazzjoni eċċ.) u tenfasizza li l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti b'mod attiv f'dan il-proċess fuq kull stadju u f'kull livell. L-ETUC tenfasizza wkoll il-ħtieġa biex tiġi ssorveljata l-konformità ma’ qafas ta’ kwalità futur.

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jadottaw pożizzjoni aktar xettika u jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm distinzjoni ċara bejn l-iskemi ta' taħriġ u l-apprendistati. BusinessEurope tistaqsi jekk il-ħtieġa għal inizjattiva tal-UE hijiex iġġustifikata. L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jaċċettaw li jista' jkun hemm preokkupazzjonijiet dwar il-kwalità fir-rigward ta’ xi skemi ta' taħriġ, iżda fil-fehma tagħhom, dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat f'livell nazzjonali jew reġjonali. Huma jargumentaw li l-UE ma għandhiex biżżejjed kompetenzi għad-dispożizzjoni, partikolarment fil-kwistjoni ta' rimunerazzjoni.

BusinessEurope targumenta li l-kwistjonijiet ta’ rimunerazzjoni u ta' protezzjoni soċjali jistgħu ma jaqgħux fil-kompetenza tal-UE u, f'kull każ, in-negozji ż-żgħar se jkollhom il-problemi biex japplikawhom. Għalkemm huwa aċċettat li l-iskemi ta' taħriġ joffru vantaġġi sinifikanti għall-SMEs (b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ skrinjar ta’ impjegati futuri potenzjali, ir-reklutaġġ u ż-żamma ta' ħaddiema tas-sengħa u t-titjib tal-immaġni korporattiva tagħhom bi spiża relattivament baxxa), l-UEAPME[6] tenfasizza li n-negozji ż-żgħar jiffaċċaw diffikultajiet partikolari meta joffru kollokamenti fi skemi ta’ taħriġ minħabba livelli relattivament ogħla ta’ spejjeż. Is-CEEP[7] tiffavorixxi qafas tal-kwalità fil-livell tal-UE fil-forma ta' sett ta' prinċipji ġenerali.

BusinessEurope u UEAMPE jisħqu dwar il-bżonn biex il-qafas jinżamm flessibbli biżżejjed biex jakkomoda d-diversità tas-sistemi u l-prattiki nazzjonali. Hemm il-biżà li l-iskemi ta' taħriġ jiġu mgħobbija żżejjed b’wisq proċeduri legali jew amministrattivi li jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jilqgħu min irid jitħarreġ, u b’hekk iċaħħdu liż-żgħażagħ minn esperjenza professjonali prezzjuża.

Hemm qbil komuni li l-biċċa l-kbira tal-problemi rappurtati jikkonċernaw l-iskemi ta' taħriġ fis-suq miftuħ u diversi organizzazzjonijiet (fosthom ħafna organizzazzjonijiet ta' impjegaturi, għalkemm mhux kollha,) jissuġġerixxu li l-qafas ikun limitat għal dan it-tip ta' skemi ta' taħriġ.

Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar id-Djalogu Soċjali tat-23 ta' Ottubru 2012, BusinessEurope, CEEP u UEAPME esprimew ir-rieda ta'l-impjegaturi tafl-UE li jibdew diskussjonijiet dwar skemi ta' taħriġ bħala parti min-negozjati awtonomi tal-imsieħba soċjali tal-UE dwar Qafas ta’ Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ. L-ETUC spjegat li, filwaqt li hija impenjata bis-sħiħ biex tipparteċipa fin-negozjati tal-imsieħba soċjali tal-UE dwar il-Qafas ta' Azzjoni u tilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taħdem lejn qafas ta' kwalità għal skemi ta' taħriġ, hija tqis li l-Qafas ta’ Azzjoni, f'dan l-istadju, mhuwiex lok in-negozjati fuq l-iskemi ta' taħriġ skont l-Artikolu 154 tat-TFUE. Iż-żewġ naħat enfasizzaw li l-pożizzjonijiet li huma esprimew fl-istadju tal-ewwel konsultazzjoni ma jippreġudikawx il-pożizzjonijiet tagħhom fl-istadju ta’ konsultazzjoni ulterjuri (possibbli).

3.           Problemi relatati mal-iskemi ta' taħriġ

Minkejja li l-iskemi ta' taħriġ għandhom għadd ta' benefiċċji mhux biss għal min jitħarreġ, iżda wkoll għall-impjegaturi, u għas-soċjetà inġenerali, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE esprimew tħassib dwar l-effettività, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-iskemi ta' taħriġ. Fl-2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tappella speċifikament għal skemi ta' taħriġ aħjar u assigurati u għal statut ta' kwalità Ewropew li jistabbilixxi standards minimi għal skemi ta' taħriġ biex jiżguraw il-valur edukattiv tagħhom u biex jiġi evitat l-isfruttament[8]. F'April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret Pakkett dwar l-Impjiegi[9] proposta għal qafas ta’ kwalità dwar l-iskemi ta' taħriġ sa tmiem l-2012. F’Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “huwa kruċjali li nindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar garanziji għaż-żgħażagħ u l-qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta' taħriġ”[10].

Il-livell għoli ta' attenzjoni politika huwa dovut għall-fatt li parti sostanzjali ta' skemi ta' taħriġ jippreżentaw problemi bħal kontenut ta’ tagħlim insuffiċjenti, kumpens baxx jew l-ebda kumpens, termini u kundizzjonijiet mhux sodisfaċenti rigward arranġamenti oħra għajr ir-remunerazzjoni/kumpens, (bħal kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati). Hemm ukoll problemi marbuta mal-livell baxx ta' mobilità ta’ min jitħarreġ fl-UE[11].

Fl-Istati Membri kollha, ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma ferm ogħla minn dawk tal-bqija tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol — fuq medja d-doppju. Dan huwa dovut għal għadd ta' raġunijiet, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ esperjenza ta’ xogħol ta’ ħaddiema ġodda fis-suq tax-xogħol. Dan jenfasizza l-importanza ta' skemi ta' taħriġ fit-tħaffif tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u, fl-aħħar mill-aħħar, fil-faċilitazzjoni tat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Qafas tal-Kwalità effettiv għandu jipprovdi linji gwida biex jgħinu lill-impjegaturi jistabbilixx aktar skemi ta' taħriġ li minn jibbenefikaw kemm in-negozju tagħhom kif ukoll jagħtu lil min jitħarreġ palata tajba biex jidħol fis-suq tax-xogħol.

Min-naħa l-oħra, skemi ta' taħriġ ta’ kwalità baxxa li ma jixprunawx l-impjegabilità ta’ min jitħarreġ, li ma joffrux livell minimu ta' protezzjoni u li jintużaw bħala sostituti irħas għall-impjiegi eżistenti jistgħu jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jinvestu fi skemi ta’ taħriġ u jistgħu jgħawġu s-suq tax-xogħol. F’għadd ta’ Stati Membri, mhuwiex obbligatorju li wieħed ikollu kuntratt ta’ skema ta’ taħriġ li jispeċifika d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, li jfisser li xi wħud minn dawk li jitħarrġu (sa 25 % skont stħarriġ tal-2011 mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ) ma għandhom l-ebda rabta kuntrattwali bil-miktub mal-organizzazzjoni ospitanti tagħhom.

Fir-rigward tal-kumpens u tar-remunerazzjoni, l-għoti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja jirrappreżenta spiża għall-impjegatur. Madankollu, ir-remunerazzjoni tikkostitwixxi element importanti għall-kwalità. Nuqqas ta' kumpens fil-biċċa l-kbira tal-iskemi ta’ taħriġ iqajjem tħassib dwar l-ekwità tal-aċċess, billi dawk ġejjin minn ambjent żvantaġġat jistgħu jiġu effettivament esklużi minnhom.

Problema oħra tirrigwarda r-ripetizzjoni ta’ skemi ta' taħriġ waħda wara l-oħra, meta xi kultant persuna żagħżugħa jkollha ssegwi bosta skemi ta' taħriġ qabel ma tidħol fis-suq tax-xogħol. Skont l-istħarriġ tal-FEŻ, 37 % ta' dawk li wieġbu lestew tlieta jew aktar skemi ta' taħriġ. Paga baxxa jew l-ebda paga flimkien mal-estensjoni ta’ skemi ta' taħriġ suċċessivi jqajmu wkoll tħassib dwar l-impjegaturi li qed juża l-iskemi ta' taħriġ bħala forma ta' impjieg mingħajr ħlas.

Bħalissa, relattivament ftit żgħażagħ qed jagħmlu skema ta’ taħriġ f'pajjiż ieħor. Fl-2011, stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li 53 % taż-żgħażagħ fl-Ewropa huma lesti jew ħerqana li jaħdmu fi Stat Membru ieħor tal-UE[12].

L-ostakli prinċipali identifikati fl-organizzazzjoni tal-mobilità transkonfinali huma marbuta man-nuqqas ta' tagħrif trasparenti u faċilment aċċessibbli dwar il-kundizzjonijiet legali u amministrattivi u d-diffikultà biex jinsabu organizzazzjonijiet ospitanti fejn il-profil ta’ min jitħarreġ u l-bżonnijiet tal-organizzazzjoni jkunu jaqblu tajjeb. In-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kwalità ta' skemi ta’ taħriġ huwa tabilħaqq aktar akut għall-iskemi ta' taħriġ transkonfinali. L-istudju dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ jidentifika differenzi kbar fis-suq tax-xogħol u r-regolamentazzjoni tal-iskemi ta’ taħriġ madwar l-Istati Membri. In-nuqqas ta’ konoxxenza min-naħa ta’ min jitħarreġ transnazzjonalment dwar il-kundizzjonijiet lokali jagħmel il-fehim u l-infurzar ta’ drittijiethom aktar ta’ sfida.

L-interess muri minn żgħażagħ li jaħdmu barra minn pajjiżhom, u n-numru baxx ta' skemi ta' taħriġ internazzjonali bħalissa jissuġġerixxu li l-inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol barra l-pajjiż jistgħu jkunu qed jaqdu rwol importanti (negattiv). Jekk persuna żagħżugħa ma tkunx taf x’tista’ tistenna f’termini ta’ kundizzjonijiet, tagħlim, protezzjoni soċjali, remunerazzjoni eċċ. fi pjazzament barrani, ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw se tkun limitata. Dan ifisser opportunità mitlufa għal min ikun qed jitħarreġ (li aktar tard ikun qed jaħdem) kemm f'termini ta' ħiliet ġodda kif ukoll ta’ esperjenza u tikkostitwixxi ostaklu għall-mobilità fl-UE.

4.           Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE dwar l-iskemi ta' taħriġ

Minħabba s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tal-UE, u l-problemi deskritti hawn fuq, hemm bżonn urġenti biex tittejjeb il-kwalità tal-iskemi ta' taħriġ billi jiġu mmobilizzati l-imsieħba soċjali u billi tingħata gwida lill-Istati Membri. Huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-livelli għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u li jitnaqqas in-nuqqas ta’ tqabbil fis-suq tax-xogħol Ewropew billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u jitneħħu l-ostakli għall-mobilità. Din il-Komunikazzjoni hija adottata bħala parti minn Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li jinkludi inizjattivi dwar garanziji taż-żgħażagħ, il-mobilità u l-iskemi ta’ taħriġ[13].

Fis-Semestru Ewropew tal-2012, 22-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż speċifikament immirati lejn it-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol[14]. L-iskemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja jgħinu biex tingħata spinta lill-impjegabilità taż-żgħażagħ u huma skaluni importanti fil-progress għal impjieg regolari.

L-azzjoni min-naħa tal-UE se tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg Nru 8 tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari permezz ta’ skemi biex il-gradwati ġodda jsibu l-ewwel impjieg tagħhom, jew opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ ulterjuri. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ standards ta’ kwalità aċċettati internazzjonalment tista’ titħaffef iktar jekk istituzzjonijiet supranazzjonali jadottaw rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ. L-UE hija f’qagħda tajba biex tagħmel dan, billi jidher li hemm ftit jew l-ebda ċaqliq lejn l-iżvilupp spontanju ta' standards ta' kwalità internazzjonali. Soluzzjoni madwar l-UE jkollha wkoll benefiċċji ċari f’termini tal-mobilità intra-UE ta’ dwak li jitħarrġu u tikkontribwixxi biex jintlaħaq suq ta’ xogħol tal-UE iktar integrat.Il-promozzjoni tal-mobbiltà ġeografika ta’ min jitħarreġ fl-UE se tgħin biex jitnaqqas il-qgħad strutturali, billi hemm nuqqas ta’ tqabbil bejn id-domanda u l-provvista tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew. L-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ transkonfinali huwa għodda ewlenija sabiex jintlaħaq dan. Iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu skema ta' taħriġ fi Stat Membru ieħor tal-UE għandu jkollhom punt ċar ta' referenza biex ikunu jistgħu jivverifikaw kriterji ta’ kwalità u jevitaw li jiġu skoraġġuti minħabba inċertezzi dwar formalitajiet amministrattivi/legali jew obbligi kuntrattwali. Strateġija fil-livell tal-UE hija wkoll prekundizzjoni, mil-lat operattiv, għall-estensjoni tal-EURES għal apprendistati jew skemi ta' taħriġ, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012[15].

5.           Toroq ta’ azzjoni għall-UE

Il-Kummissjoni identifikat it-toroq possibbli ta’ azzjoni min-naħa tal-UE, li fuqhom tixtieq tfittex l-opinjonijiet tal-imsieħba soċjali, inkluż rigward il-ftuħ possibbli ta' negozjati bejniethom. It-toroq kollha ta’ azzjoni tal-UE – li jistgħu jiġu kkombinati – huma dettaljati fid-dokument analitiku mehmuż.

Attwalment, l-opinjonijiet espressi mill-imsieħba soċjali tal-UE matul il-konsultazzjoni tal-ewwel stadju ma jaqblux mal-kontenut u mal-forma li tista’ tieħu inizjattiva bħal din.

5.1.        Qafas ta’ Kwalità għal Skemi ta' Taħriġ

Il-Kummissjoni ħabbret fil-Pakkett għall-Impjiegi, ta' April 2012[16] proposta għal qafas ta' kwalità għal skemi ta' taħriġ. Fir-rigward tal-għażla tal-elementi ta' kwalità li għandhom jiġu adottati, il-Kummissjoni identifikat numru ta' prinċipji li jikkaratterizzaw skemi ta' taħriġ ta' kwalità tajba, fuq il-bażi ta’ studju dwar l-iskemi ta’ taħriġ u t-tweġibiet għall-konsultazzjoni miftuħa u għall-konsultazzjoni tal-ewwel stadju. Għalkemm dawn il-prinċipji jidhru li għandhom validità ġenerali, jistgħu jiġu adattati għat-tip ta’ okkupazzjoni/settur u jirriflettu d-daqs tal-organizzazzjoni ospitanti. Il-piż tal-konformità għall-SMEs għandu jitqies, billi l-intrapriżi żgħar u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi jistgħu jiffaċċaw diffikultajiet akbar biex jipprovdu li min jitħarreġ bl-istess livell ta' konsulenza esperta (jew appoġġ ieħor) bħal organizzazzjonijiet akbar. Barra minn hekk, il-livell ta’ protezzjoni offrut lil min jitħarreġ ma għandux ikunu akbar minn dak għall-impjegati.

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Qafas:

– Il-Ftehim tal-Iskemi ta’ Taħriġ: Il-punt tat-tluq għall-qafas ta’ kwalità huwa l-konklużjoni ta’ ftehim dwar skema ta’ taħriġ. Skema ta’ taħriġ ta' kwalità tajba għandha tkun ibbażata fuq ftehim bil-miktub bejn min jitħarreġ u l-organizzazzjoni ospitanti (u possibbilment mal-organizzazzjoni tat-taħriġ) li jkopri aspetti bħall-għanijiet professjonali u ta' tagħlim, it-tul, il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum/fil-ġimgħa u, fejn applikabbli, is-sigurtà soċjali u r-remunerazzjoni/kumpens.

– It-trasparenza tal-informazzjoni: Id-drittijiet u l-obbligi ta’ min jitħarreġ, l-impjegaturi u, fejn applikabbli, l-istituzzjonijiet edukattivi. Għandha tkun faċilment disponibbli l-informazzjoni aġġornata dwar id-dispożizzjonijiet legali u dispożizzjonijet oħrajn li japplikaw fil-livelli Ewropew u nazzjonali, f'format li jista' jitqabbel, għall-partijiet kollha involuti fl-organizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni tal-iskemi ta' taħriġ. Wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-organizzazzjoni ta' skemi ta' taħriġ transnazzjonali huwa d-diffikultà biex tinkiseb informazzjoni kredibbli u sħiħa dwar dawn id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri kollha.

– Objettivi u kontenut: L-iskemi ta' taħriġ għandhom jippermettu lil min qed jitħarreġ jikseb ħiliet fil-post tax-xogħol komplementari għall-istudji teoretiċi tiegħu jew tagħha. L-iskop ewlieni tal-iskemi ta’ taħriġ huwa li tiżdied l-impjegabilità taż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom. Biex tiżdied l-impjegabilità ta’ min jitħarreġ, huwa importanti li jiġu stabbiliti għanijiet iddefiniti sew u kontenut tat-tagħlim ta’ kwalità għolja.

– Gwida u rikonoxximent: Għandu jiġi żgurat il-kontenut edukattiv billi jiġi assenjat superviżur jew konsulent espert personali fl-organizzazzjoni ospitanti lil kull min jitħarreġ. Is-superviżur għandu jiggwida lil min qed jitħarreġ permezz ta’ kompiti assenjati, monitoraġġ tal-progress, u spjegazzjoni dwar il-proċessi u t-tekniki ġenerali tax-xogħol. Is-superviżur għandu jevalwa l-prestazzjoni ta’ min jitħarreġ fit-tmiem tal-programm tat-taħriġ tiegħu/tagħha, li tista’ tieħu l-forma ta' ittra ta' referenza. Evalwazzjoni finali li fiha aspetti bħat-tul, il-kontenut edukattiv, il-kompiti mwettqa, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba u valutazzjoni tal-prestazzjoni, għandha tiżgura rikonoxximent adegwat tal-iskemi ta' taħriġ.

– Tul: L-iskemi ta' taħriġ tas-suq miftuħ tipikament ma għandhomx ikunu itwal minn perjodu speċifikat, pereżempju sitt xhur, biex jiżguraw li l-iskemi ta’ taħriġ ma jissostitwixxux impjiegi regolari. It-taħriġ professjonali post-gradwazzjoni obbligatorju (eż. taħriġ professjonali għat-tobba, avukati, għalliema) għandu jkun eżentat għaliex dawn l-iskemi ta' taħriġ għandhom it-tendenza li jkunu rregolati ħafna. Kategorija simili hija dik tal-“programmi tal-iskemi ta' taħriġ fil-kumpaniji” għar-reklutaġġ f'livelli ogħla maniġerjali sabiex dawk li qed jitħarrġu jkunu jistgħu jippreparaw għal karriera ta' livell għoli fl-intrapriża.

– Skemi ta' taħriġ suċċessivi: Il-limitazzjoni ta’ skemi ta' taħriġ suċċessivi mal-istess sid għandha tiġi indirizzata, eż. billi tiġi rrestritta l-possibbiltà ta' ftehim ġdid għal skema ta’ taħriġ bejn l-istess partijiet fi żmien ċertu perjodu (pereżempju 12-il xahar) wara l-iskadenza tal-ftehim preċedenti.

– Dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali: Il-kopertura ta' ħarsien soċjali għandha tiġi ċċarata bejn min jitħarreġ u l-organizzazzjoni ospitanti. Dan jinkludi l-assigurazzjoni tas-saħħa u l-assigurazzjoni kontra l-inċidenti fil-post tax-xogħol. Jekk min jitħarreġ ma jkunx student/a[17], l-organizzazzjoni ospitanti u l-istess persuna jridu jissodisfaw l-obbligi tal-assigurazzjoni kif stipulat mil-liġi tax-xogħol f’dak il-pajjiż. Alternattivament, l-arranġament kuntrattwali jista' jipprevedi li l-iskemi ta' assigurazzjoni jitħallsu mill-organizzazzjoni ospitanti jew minn min jitħarreġ.

– Remunerazzjoni/kumpens għall-ispejjeż: Jekk ikun hemm vantaġġ reċiproku kemm għall-organizzazzjoni ospitanti kif ukoll għal min jitħarreġ f’termini ta’ trasferiment tal-għarfien u tagħlim, tista’ tkun opportuna skema ta’ taħriġ bla ħlas. Għalhekk, linja gwida dwar ir-rimunerazzjoni/kumpens għandha tistipula li l-ftehim bil-miktub dwar l-iskemi ta' taħriġ għandu jispeċifika b’mod ċar liema, jekk ikun hemm, kumpens jew rimunerazzjoni qed jiġi/tiġi offrut/a, filwaqt li tinnota r-rwol li jistgħu jaqdu r-rimunerazzjoni/l-kumpens għall-ispejjeż sabiex jiġi żgurat aċċess għal skemi ta' taħriġ ta' kwalità, u fl-aħħar mill-aħħar għal ċerti professjonijiet, għaż-żgħażagħ ġejjin minn ambjenti żvantaġġati.

– L-approċċ ta' sħubija: Sabiex jiżdied in-numru ta’ skemi ta’ taħriġ ta' kwalità għolja, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet ospitanti għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni mas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi (inkluż permezz tan-netwerk EURES), awtoritajiet pubbliċi oħrajn, istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ u impjegaturi oħra biex jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji, jitnaqqsu l-ispejjeż, ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, jitjieb it-tqabbil tal-postijiet ma’ min hu interessat li jitħarreġ u l-bqija.

Tali qafas ta’ kwalità jista’ jkun limitat għall-iskemi ta' taħriġ tas-suq miftuħ u jieħu l-forma ta' rakkomandazzjoni (ibbażata fuq l-Artikoli 292, 153 tat-TFUE) kif imħabbar fil-Pakkett dwar l-Impjiegi.

5.2.        Tikketta ta' kwalità għall-iskemi ta' taħriġ

Għażla oħra tkun li tinħareġ tikketta ta' kwalità għal organizzazzjonijiet ospitanti, istituzzjonijiet edukattivi, is-servizzi tal-impjiegi u/jew atturi rilevanti oħrajn li jikkonformaw ma’ dak il-qafas tal-kwalità jew ma’ ġabra aktar limitata ta' prinċipji ta' kwalità. Tista’ titqies ukoll tikketta ta' kwalità għal setturi speċifiċi.

Huma possibbli soluzzjonijiet varji. Sabiex l-ispejjeż ta’ konformità jinżammu minimi marbuta mat-tabella ta’ kwalità, din tista' tingħata lill-organizzazzjonijiet li jimpenjaw rwieħhom li jirrispettaw il-prinċipji tal-kwalità mingħajr ma’ jeħtieġu spezzjoni jew skrining bil-quddiem, bil-fehim li lmenti ġġustifikati jistgħu jwasslu għall-irtirar tat-tikketta. Dan jippermetti li t-tikketta tkun immaniġġata minn uffiċċju żgħir estern jew organizzazzjoni tal-partijiet interessati. Tikketta ta' kwalità tkun soluzzjoni mhux regolatorja għal kwistjonijiet ta’ kwalità. Madankollu, ir-riskju ta’ dan l-approċċ huwa li biss ftit mill-organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw għat-tikketta, partikolarment billi d-domanda attwali għal skemi ta' taħriġ tiżboq il-provvista. Barra minn hekk, ħafna minn dawk li japplikaw x'aktarx li jkunu dawk li diġà joffru skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja, għalhekk dan ma jindirizzax il-problema bis-sħiħ.

5.3.        Il-ħolqien ta' websajt ta' informazzjoni

Għażla oħra hija li jitwaqqaf websajt li joffri panorama dwar l-iskemi ta' taħriġ (li tkun fiha informazzjoni aġġornata regolarment dwar kundizzjonijiet ta’ skemi ta' taħriġ u l-qafas legali f'kull Stat Membru – possibilment fil-kuntest tal-portal EURES). Websajt ddisinjat sew, u faċli biex jintuża jippermetti aċċess iktar faċli għal informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ skemi ta’ taħriġ u dwar id-disponibilità ta' tipi differenti ta' skemi ta’ taħriġ fl-Istati Membri. Dan inaqqas l-ispejjeż ta’ tiftix għall-min jitħarreġ, jista’ jtejjeb it-tqabbil u jista' jkollu effett pożittiv ukoll fuq iż-żieda tad-disponibbiltà ta' kandidati għal skemi ta’ taħriġ transkonfinali. Min-naħa l-oħra, jista' jkollu impatt limitat fuq il-kwalità tal-iskemi ta’ taħriġ. Il-websajt jittratta l-problema ta’ nuqqas ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-istandards, iżda mhux se jkun jista’ jipprovdi b'mod sistematiku informazzjoni dwar il-kwalità ta' postijiet speċifiċi offruti fi skemi ta’ taħriġ. Dan jista’ jsir permezz ta’ modulu fejn dawk li qed jieħdu sehem jew li jkunu ħadu sehem fi skema ta' taħriġ jistgħu jħallu reazzjonijiet suġġettivi dwar pożizzjonijiet speċifiċi fi skemi ta’ taħriġ.

5.4.        L-impatt tal-għażliet

Kull triq għal azzjoni min-naħa tal-UE se jkollha impatt, kif indikat fid-dokument analitiku li ta’ akkumpanjament. Il-Kummissjoni tapprezza l-fehmiet tal-imsieħba soċjali dwar l-impatt tal-għażliet proposti.

6.           Il-passi li jmiss

Qafas ta’ kwalità jista’ jkun strumentali fit-titjib tal-kwalità ta skemi ta' taħriġ fl-UE. Dan jinkoraġġixxi organizzazzjonijiet ospitanti biex joffru aktar skemi ta' taħriġ li jipprovdu kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u li jirrappreżentaw pass 'il quddiem reali għad-dħul fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra r-riżultati ta' din il-konsultazzjoni fil-bqija tal-ħidma tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-iskemi ta' taħriġ. B'mod partikolari, taf tissospendi din il-ħidma jekk l-imsieħba soċjali jiddeċiedu li jinnegozjaw bejniethom dwar kwistjonijiet b'kamp ta’ applikazzjoni estensiv biżżejjed. Jekk le, se tkompli tadotta inizjattiva tal-UE, dwar qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ, sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt.

7.           MISTOQSIJIET LILL-IMSIEĦBA SOĊJALI

Il-Kummissjoni għalhekk qed tfittex l-opinjonijiet tal-imsieħba soċjali dwar il-mistoqsijiet li ġejjin, u dwar l-istima tagħhom tal-impatt tal-għażla ppreferuta:

1.           Taħseb li l-għażla stipulata fit-Taqsima 5.1

– tista’ jipprovdi qafas aċċettabbli biex jiġi indirizzat it-tħassib espress fir-risposti tiegħek għall-konsultazzjoni tal-ewwel stadju?

– għandha tkun limitata għal programmi ta’ taħriġ fis-suq miftuħ, jew għandha tkopri t-tipi kollha ta' skemi ta' taħriġ?

2.           X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-għażliet l-oħra stabbiliti fit-Taqsimiet 5.2 u 5.3?

3.           L-imsieħba soċjali tal-UE, fil-livell inter-industrijali jew settorjali, lesti jidħlu fin-negozjati fuq il-bażi tal-elementi stipulati fit-Taqsima 5.1 ta' din il-komunikazzjoni bil-għan li jikkonkludu ftehim dwar qafas ta' kwalità għal skemi ta' taħriġ skont l-Artikolu 155 TFUE?

[1]               COM(2012) 173 finali.

[2]               SWD(2012) 99 finali.

[3]               L-eżiti possibbli ta’ din il-proċedura huma dawn li ġejjin: l-imsieħba soċjali jistgħu jidħlu f'negozjati, u jistgħu jilħqu ftehim awtonomu jew jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta leġiżlattiva msejsa fuq il-kunsens tagħhom. Jekk l-imsieħba soċjali jonqsu milli jaqblu jew jiddeċiedu li ma jinnegozjawx, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni u tiddeċiedi jekk tippreżentax il-proposta tagħha stess.

[4]               SWD(2012) XX finali.

[5]               .

[6]               .

[7]               .

[8]               EP 2009/2221 (INI) 14.6.2010.

[9]               COM(2012) 173, 18.4.2012.

[10]             EUCO 76/12, it-28-29 ta' Ġunju 2012.

[11]             European Commission (2012): Study on a comprehensive overview on traineeship arrangements in Member States (minn issa ‘l quddiem ‘l-istudju dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ’).

[12]             L-esperjenza miksuba fil-programmi Erasmus u Leonardo da Vinci turi li ħafna studenti huma ħerqana li jibdew apprendistat barra minn pajjiżhom minħabba li d-domanda minn apprendisti potenzjali tisboq bil-kbir il-baġit disponibbli.]

[13]             COM(2012) xxx

[14]             Ħarsa ġenerali dettaljata ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ jistgħu jinsabu fl-Anness II tal-SWD(2012) 406 tal-5 ta’ Diċembru 2012.

[15]             EUCO 76/12, it-28-29 ta' Ġunju 2012.

[16]             COM(2012) 173, 18.4.2012.

[17]             Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-istudenti huma pprovduti bi protezzjoni soċjali mill-Istat jew mill-istituzzjoni edukattiva tagħhom, jiġifieri jiġu assigurati kontra r-riskji għas-saħħa u l-inċidenti waqt li jieħdu sehem f’xi skema ta’ taħriġ matul il-perjodu tal-istudji tagħhom.