52012DC0596

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online /* COM/2012/0596 final */


WERREJ

1.         Daħla. 3

2.         Sfidi ewlenin u reazzjonijiet proposti 5

2.1.      Il-konformità tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE. 6

2.2.      Tisħiħ tas-superviżjoni, tal-kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar effiċjenti 8

2.2.1.       L-istabbiliment ta’ superviżjoni u kontroll xierqa fl-Istati Membri 8

2.2.2.       Trawwim ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera. 8

2.2.3.       Żgurar ta’ infurzar effiċjenti fil-livell nazzjonali 9

2.3.      Protezzjoni tal-konsumaturi u taċ-ċittadini 10

2.3.1.       Ħidma lejn livell għoli ta’ protezzjoni fl-UE kollha. 11

2.3.2.       Żgurar tal-ħarsien tal-minorenni 12

2.3.3.       Tisħiħ ta’ reklamar responsabbli 12

2.3.4.     Il-prevenzjoni tal-logħob tal-azzard problematiku jew ta’ vizzji tal-logħob tal-azzard.... 12

2.4.      Il-prevenzjoni tal-frodi u tal-ħasil tal-flus. 14

2.4.1.       Estensjoni tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus. 14

2.4.2.       Negħlbu s-serq tal-identità u forom oħra ta’ ċiberkriminalità. 15

2.4.3.       Is-salvagwardja tas-siġurtà tat-tagħmir tal-logħob tal-azzard. 15

2.5.      Is-salvagwardja tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti 16

2.5.1.       It-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati 16

2.5.2.       L-iżvilupp ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti 16

2.5.3.       L-iżgurar tal-provvediment ta' deterrenti effikaċi għall-irranġar tal-partiti 17

2.5.4.       Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali 17

3.         Konklużjonijiet 18

1. DAĦLA

Il-logħob tal-azzard online[1] huwa attività ta’ servizz li qed tikber b’rata mgħaġġla fl-UE, b’rati annwali ta’ tkabbir ta’ kważi 15 %[2]. Id-dħul annwali fl-2015 mistenni jkun madwar EUR 13-il biljun, meta mqabbel ma’ EUR 9.3 biljun fl-2011. Dan ikun jirrappreżenta rata ta’ tkabbir totali ta’ kważi 40 %[3]. Is-sinifikat ekonomiku tas-settur huwa evidenzjat ukoll mil-livell għoli ta’ innovazzjoni tal-industrija tal-UE u l-ammont dejjem jikber tad-dħul fiskali ġġenerat fl-Istati Membri.

Il-pass mgħaġġel tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-internet f’dawn l-aħħar snin iffaċilita l-provvediment ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard permezz ta’ diversi kanali ta’ distribuzzjoni remota. Dawn jinkludu l-internet u mezzi oħra ta’ kommunikazzjoni elettronika jew fuq distanza bħat-teknoloġija tat-telefonija mobbli jew it-televiżjoni diġitali. In-natura tal-ambjent online tfisser li s-siti tal-logħob tal-azzard jistgħu joperaw fl-UE, u ma jaqgħu taħt l-ebda forma ta’ kontroll. Il-konsumaturi fl-Ewropa jfittxu wkoll servizzi tal-logħob tal-azzard online, minn fruntiera għall-oħra, u jekk dawn is-servizzi ma jkunux irregolati kif xieraq, jistgħu jesponuhom għal riskji sinifikanti. Il-firxa estensiva ta' x'hemm offrut u l-livell dejjem jogħla tad-domanda għal servizzi tal-logħob tal-azzard online joħolqu għadd ta’ sfidi fir-rigward tal-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa tal-għanijiet tal-politika pubblika fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali.

Fl-2011, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar il-logħob tal-azzard online fis-Suq Intern[4]. Permezz ta’ dik il-konsultazzjoni pubblika fittxet li tikseb stampa sħiħa tas-sitwazzjoni eżistenti, biex tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri u biex tiddetermina kif, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-għanijiet tal-politika pubblika tagħhom u mingħajr ma jiddgħajjef is-suq intern, ikunu jistgħu jikkoeżistu l-mudelli regolatorji nazzjonali differenti għal-logħob tal-azzard u jekk tkunx meħtieġa azzjoni speċifika fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata koerenza akbar. Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni jvarjaw kemm f’termini tal-kontenut kif ukoll f’termini tal-istrumenti li għandhom jintużaw għall-inizjattivi tal-UE. B’mod ġenerali, ma jidhirx li huwa xieraq li f'dan li-istadju tiġi proposta leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur. Madankollu, dejjem kien hemm talba kważi unanima għal azzjoni politika fil-livell tal-UE u r-reazzjonijiet jippermettu identifikazzjoni ċara tal-oqsma ewlenin ta’ prijorità fejn hemm bżonn azzjoni.

Din il-Komunikazzjoni, flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha[5], tidentifika l-isfidi ewlenin maħluqa mill-koeżistenza tal-oqfsa regolatorji nazzjonali fis-Suq Intern. Tfittex ukoll li tipproponi tweġibiet għal dawk l-isfidi fil-forma ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jipprovdi aktar informazzjoni dettaljata li tirriżulta mill-analiżi tar-reazzjonijiet għall-Green Paper, l-inizjattivi proposti f'dan il-Pjan ta' Azzjoni, kif ukoll dejta rilevanti. Il-Kummissjoni qieset il-prattiki tajbin fl-UE u fl-Istati Membri biex tipproponi reazzjonijiet għall-firxa varja ta’ kwistjonijiet relatati mal-logħob tal-azzard online.

Fid-dawl tal-iżviluppi fir-rigward tal-offerta u l-promozzjoni tal-logħob tal-azzard online fl-UE hija meħtieġa aktar ċarezza. Din il-Komunikazzjoni tipproponi taħlita ta’ inizjattivi u miżuri rilevanti li jkopru firxa ta’ kwistjonijiet, li jfittxu li jsaħħu ċ-ċarezza legali u jistabbilixxu politiki bbażati fuq evidenza disponibbli. Dawn l-azzjonijiet, filwaqt li jqisu b’mod sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jisħqu fuq ħames oqsma prijoritarji biex jindirizzaw l-isfidi fl-UE:

-           il-konformità tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE

-           it-tisħiħ ta’ kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar effiċjenti

-           il-protezzjoni tal-konsumaturi u ċ-ċittadini, tal-minorenni[6] u ta’ gruppi vulnerabbli

-           il-prevenzjoni tal-frodi u tal-ħasil tal-flus

-           is-salvagwardja tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti

L-azzjonijiet proposti jiffukaw fuq servizzi tal-logħob tal-azzard online u kwistjonijiet marbuta mal-moviment liberu tas-servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u l-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) fid-dawl tat-tkabbir tal-logħob tal-azzard fl-UE u l-forniment transfruntier żviluppat tajjeb ta’ servizzi ta’ dan it-tip. Madankollu, għadd ta’ azzjonijiet huma pertinenti kemm għas-servizzi tal-logħob tal-azzard online kif ukoll għal dawk offline[7].

Fl-aħħar nett, din il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE[8], serje ta’ rapporti ta’ progress min-naħa tal-Presidenza[9], ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-logħob tal-azzard online fis-Suq Intern[10] u għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11].

2. SFIDI EWLENIN U REAZZJONIJIET PROPOSTI

Filwaqt li l-Istati Membri fil-prinċipju huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard u li jiddefinixxu fid-dettall il-livell ta’ protezzjoni mixtieq, l-oqfsa regolatorji nazzjonali jridu jikkonformaw mal-liġi tal-UE u mal-prinċipji u r-regoli tas-suq intern. Barra minn hekk, li tiġi żgurata l-konformità tal-liġi nazzjonali mat-Trattat huwa għalhekk prerekwiżit ta’ politika tal-UE li tirnexxi dwar il-logħob tal-azzard online.

Meta jitqies it-tip ta’ sfidi maħluqa mill-iżvilupp tas-suq ta’ logħob tal-azzard online u l-implikazzjonijiet tagħhom għal kull Stat Membru, mhuwiex possibbli li kull Stat Membru jindirizza dawn l-isfidi b’mod effikaċi waħdu u jipprovdi individwalment offerta ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard online li tkun irregolata sew u sikura biżżejjed. L-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva se jgħinu lill-Istati Membri jifhmu aħjar l-oqfsa regolatorji ta’ xulxin, jaqsmu prattiki tajbin u jtejbu l-konverġenza meta jittrattaw problemi komuni. Barra minn hekk, kollaborazzjoni akbar u fit-tul bejn l-Istati Membri ttejjeb il-kapaċità tal-UE biex titratta b’mod aktar effikaċi d-dimensjoni internazzjonali tal-logħob tal-azzard online.

It-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ambjent regolatorju huwa fl-interess tal-Istati Membri kollha u tal-partijiet interessati kollha. L-iżvilupp ta’ firxa attraenti ta’ opportunitajiet ta’ logħob tal-azzard legali huwa wkoll essenzjali biex b’mod effikaċi jiġi evitat li l-konsumaturi jmorru fuq siti mhux irregolati. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-UE għandu jkollha l-għan li tipproteġi liċ-ċittadini kollha fl-Ewropa f’ambjent irregolat u bbilanċjat. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li flimkien mal-Istati Membri twettaq azzjoni mfassla biex toffri livell ta’ protezzjoni għoli u komuni għall-konsumaturi u ċ-ċittadini kollha, inklużi minorenni u gruppi vulnerabbli. Dawn l-azzjonijiet proposti jfittxu li jindirizzaw ir-riskji li joħorġu minn swieq mhux irregolati u mill-kriminalità organizzata, bħall-frodi u l-eżiti tal-avvenimenti sportivi maħduma minn qabel.

B’mod ġenerali, l-inizjattivi mistennija jikkontribwixxu għal qafas imtejjeb li jirregola s-servizzi tal-logħob tal-azzard online fl-UE u jwittu t-triq għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni

· Fl-2012 se tistabbilixxi grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, biex jiskambjaw esperjenzi u prattiki tajbin kif ukoll biex jipprovdu pariri u għarfien espert dwar it-tħejjija ta’ inizjattivi tal-UE.

2.1. Il-konformità tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE

Ir-regolamentazzjoni tal-logħob tal-azzard online fl-Istati Membri hija kkaratterizzata minn diversità ta’ oqfsa regolatorji. Għadd żgħir ta’ Stati Membri jipprojbixxu li jiġi offrut logħob tal-azzard online, jew għal-logħob kollu jew inkella għal ċertu tip ta’ logħob bħall-poker u l-logħob tal-każino. F’xi ġuriżdizzjonijiet Ewropej, ġew stabbiliti sistemi monopolistiċi (li joffru servizzi ta’ logħob tal-azzard online). Dawn jew jitmexxew minn operatur pubbliku kkontrollat mill-istat jew inkella minn operatur privat abbażi ta’ dritt esklużiv. Għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri għandhom madankollu sistemi ta’ liċenzjar stabbiliti u b’hekk aktar minn operatur wieħed ikun jista' joffri s-servizzi fis-suq.

B’reazzjoni għall-isfidi tas-soċjetà, u dawk teknoloġiċi u regolatorji, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri dan l-aħħar analizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom tal-logħob tal-azzard biex iqisu forom ġodda ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard. Dawn il-bidliet regolatorji wasslu għal żieda fl-offerta ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard minn operaturi awtorizzati fi Stat Membru tal-UE tul dawn l-aħħar ftit snin u għal differenzi konsiderevoli fir-regolamenti nazzjonali. Kien hemm ukoll żvilupp f’offerti transfruntieri, li spiss ma kinux awtorizzati skont ir-regoli nazzjonali fl-Istat Membru li kien qed jirċevihom. Il-konformità ta' dawn ir-regoli nazzjonali mat-Trattat ġiet ikkontestata quddiem il-qrati nazzjonali u mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

Is-sistemi regolatorji nazzjonali jridu jirrispettaw il-liġi tal-UE. F'sensiela ta’ sentenzi, il-QĠUE pprovdiet gwida ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern fil-qasam tal-logħob tal-azzard (online), fejn qieset in-natura speċifika tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, bl-għan li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jivvalutaw iċ-ċirkostanzi li skonthom liġijiet nazzjonali restrittivi tal-logħob tal-azzard huma ġustifikati abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-interess ġenerali.

Il-QĠUE kkonfermat li l-provvediment u l-użu ta’ offerti ta’ logħob tal-azzard transfruntier huma attività ekonomika li taqa’ fl-ambitu tal-libertajiet fundamentali tat-TFUE. B’mod partikolari, l-Artikolu 56 tat-TFUE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi lil riċevituri fi Stati Membri oħra. Instab li r-regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-provvediment ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard fi Stati Membri oħra jirrestrinġu l-libertà ta’ residenti nazzjonali li jirċievu, online, servizzi offruti fi Stati Membri oħra. Jirrestrinġu wkoll il-libertà tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard.

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jillimitaw il-forniment transfruntier tat-tipi kollha ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard online jew ta’ ċertu tip minnhom abbażi ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku li jfittxu li jipproteġu b’rabta mal-logħob tal-azzard. Ir-regoli nazzjonali jiffukaw primarjament fuq għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-prevenzjoni ta’ logħob tal-azzard problematiku u l-protezzjoni tal-minorenni, u fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-frodi. Filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment joffru raġunijiet leġittimi għar-restrizzjoni ta’ servizzi transfruntiera tal-logħob tal-azzard, għandhom madankollu juru wkoll l-adegwatezza u n-neċessità tal-miżura inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ problema marbuta mal-għan tal-interess pubbliku li jkun jinsab f’riskju u mal-konsistenza tas-sistema regolatorja. L-Istati Membri għandhom juru li l-għanijiet tal-interess pubbliku li liberament għażlu li se jiżguraw qegħdin jimmiraw li jilħquhom b'mod konsistenti u sistematiku u ma għandhomx iwettqu, jiffaċilitaw jew jittolleraw miżuri li jmorru kontra l-ilħiq ta' dawn l-għanijiet.

F'dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni nediet każijiet ta' ksur kontra għadd sinifikanti ta' Stati Membri u dawn għadhom taħt investigazzjoni sal-lum. Attwalment hemm ukoll għadd ta' lmenti rreġistrati fil-qasam tal-logħob tal-azzard, ibbażati fuq l-Artikoli 49 u/jew 56 tat-TFUE. Il-Kummissjoni tuża l-informazzjoni fattwali dettaljata miġbura mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper kif ukoll il-ġurisprduenza l-aktar reċenti tal-QĠUE fil-valutazzjoni kontinwa tagħha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każijiet ta' ksur u l-ilmenti pendenti. Din il-valutazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq jekk il-politiki nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard humiex konsistenti, notevolment fir-rigward tal-approċċi regolatorji tagħhom fir-rigward tal-offerti online u offline għall-istess tip ta’ logħob kif ukoll għal logħob li huwa ċarament komparabbli f’termini tal-grad tar-riskju li jimplika b’rabta ma' frodi u/jew protezzjoni tal-konsumatur. Il-valutazzjoni tiffoka wkoll fuq it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni ta' skemi ta' liċenzjar kif ukoll fuq il-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet tal-liċenzjar.

Fl-istess waqt bl-adozzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jipprovdu informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-logħob tal-azzard. L-Istati Membri li hemm każijiet ta' ksur miftuħa kontrihom jew li ġew irreġistrati xi lmenti kontrihom se jintalbu jipprovdu informazzjoni legali u fattwali (aġġornata) biex il-Kummissjoni tkun tista' tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità mal-liġi tal-UE.

Il-Kummissjoni, kull fejn ikun meħtieġ, se tieħu azzjoni biex tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat fir-rigward ta' kwalunkwe regola nazzjonali li ma tkunx konformi mal-liġi tal-UE, filwaqt li tqis il-ġurisprudenza l-aktar reċenti tal-QĠUE. Barra minn hekk, il-konformità ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard mal-liġi tal-UE se tibqa’ tiġi vvalutata skont l-hekk imsejħa proċedura ta’ notifika[12].

Il-Kummissjoni

· Se taċċelera t-tlestija tal-valutazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-każijiet ta' ksur u lmenti pendenti u se tieħu azzjoni ta' infurzar kull fejn tkun meħtieġa.

2.2. Tisħiħ tas-superviżjoni, tal-kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar effiċjenti

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ politika tal-logħob tal-azzard li tirnexxi fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, l-Istati Membri jeħtieġu awtoritajiet regolatorji kompetenti, li jikkooperaw mal-awtoritajiet fi Stati Membri oħra u li jużaw kull mezz ta’ infurzar effiċjenti disponibbli.

Bosta inizjattivi mħabbra f’din il-Komunikazzjoni se jimplikaw l-ipproċessar ta’ dejta personali. F’dan ir-rigward, għandha tiġi żgurata l-konformità mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta[13]. Dan se jeżiġi b’mod partikolari definizzjoni ċara tal-finijiet speċifiċi tal-ipproċessar tad-dejta sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-minimizzazzjoni tad-dejta u l-konformità ma’ rekwiżiti oħra tal-protezzjoni tad-dejta.

2.2.1. L-istabbiliment ta’ superviżjoni u kontroll xierqa fl-Istati Membri

Sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar effikaċi tar-regoli tal-logħob tal-azzard u kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera effiċjenti, kull Stat Membru għandu jkollu stabbilit awtoritajiet regolatorji li jkunu attrezzati tajjeb. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġ li jkollhom kompetenzi xierqa u għarfien prattiku dwar kif jittrattaw sfidi regolatorji f’suq li qed jikber b’rata mgħaġġla u li hu bbażat fuq it-teknoloġija. Peress li mhux l-awtoritajiet regolatorji kollha jista' jkollhom il-kompetenzi kollha għas-superviżjoni tas-suq tal-logħob tal-azzard, jistgħu jkunu meħtieġa jikkooperaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra fil-livell reġjonali jew nazzjonali sabiex ilaħħqu mat-talbiet għal kooperazzjoni mar-regolaturi ta' Stati Membri oħra u biex ma jonqsux milli jissodisfaw l-aspettattivi tagħhom.

2.2.2. Trawwim ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera

Kooperazzjoni amministrattiva msaħħa hija kruċjali jekk iridu jintlaħqu l-isfidi regolatorji attwali. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva se jassisti lill-Istati Membri u lir-regolaturi tal-logħob tal-azzard fil-ħidma regolatorja u superviżorja tagħhom u se jtejjeb il-kwalità ta’ ħidmiethom. Il-kooperazzjoni prattika se tippermetti lill-Istati Membri jiffamiljarizzaw ruħhom mas-sistemi u mal-prattiki ta’ oħrajn, u jiżviluppaw relazzjonijiet ta’ ħidma eqreb fil-livell operazzjonali. Azzjonijiet immirati lejn it-trawwim tal-koooperazzjoni amministrattiva jeħtieġ ukoll li jirriżultaw fi tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi żejda, b’mod partikolari fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ operaturi awtorizzati f’aktar minn ġuriżdizzjoni waħda. Iċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tal-logħob tal-azzard online jista' jkollhom ukoll rwol importanti f'dan ir-rigward.

Kooperazzjoni amministrattiva li tirnexxi teżiġi definizzjoni ċara tal-oqsma li dwarhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu u jiskambjaw informazzjoni u jiżviluppaw azzjonijiet u inizjattivi komuni. Barra minn hekk, irid ikun hemm implimentata struttura xierqa, b’mandat ċar għal kooperazzjoni li jista’ jindirizza l-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet regolatorji. Il-forma preċiża ta’ kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tiddependi mit-tip ta’ informazzjoni u dejta li tista’ tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet.

L-ewwel pass immedjat fir-rigward tal-kooperazzjoni huwa li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq skambju ta’ informazzjoni ġenerali u tal-aqwa prattiki, sabiex ikun hemm skambju ta’ intelliġenza u esperjenza u biex jinbnew fiduċja u sens ta’ interess reċiproku bejn ir-regolaturi. Bħala t-tieni pass, permezz ta’ djalogu mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tesplora aktar il-possibbiltajiet għal skambju ta’ dejta personali, f’konformità mar-regoli nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Għal dan il-għan, l-użu tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI)[14] jista’ jiffaċilita kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

Il-kooperazzjoni fl-UE mhijiex se tirreaġixxi għall-isfidi kollha fis-suq tal-logħob tal-azzard online. Ħafna minn dawn l-isfidi huma ta’ natura transfruntiera, u spiss joriġinaw barra mill-UE. Sabiex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet u l-inizjattivi indirizzati lil pajjiżi barra l-UE, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se tidentifika kwistjonijiet li għandhom jitqajmu ma’ pajjiżi terzi u tfittex li ssaħħaħ id-djalogu magħhom.

2.2.3. Żgurar ta’ infurzar effiċjenti fil-livell nazzjonali

Infurzar effikaċi mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom - li prerekwiżit fundamentali tiegħu huwa l-konformità mal-liġi tal-UE - huwa essenzjali għall-ilħiq tal-għanijiet ta' interess pubbliku tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard. Infurzar effikaċi jiddependi, fost l-oħrajn, minn struttura organizzazzjonali tajba u kompetenzi sħaħ għall-awtorità nazzjonali tal-logħob tal-azzard, kooperazzjoni amministrattiva adegwata ma’ regolaturi oħra u għodod ta’ infurzar xierqa.

Miżuri ta’ infurzar preventiv jimmiraw li jnaqqsu l-kuntatt inizjali taċ-ċittadini mal-offerta ta' servizzi ta' logħob tal-azzard online li ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru li jkun qed jirċevihom ("mhux awtorizzati")[15] u li jiżguraw konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard u prinċipji komuni, bħall-edukazzjoni tal-lagħaba kif ukoll li dawn ikunu infurmati, li jkun hemm fehim tal-għażliet u l-imġiba tagħhom u li titħeġġeġ kondotta operattiva responsabbli. Miżuri ta’ infurzar reattiv, bħal meta jiġi limitat l-aċċess għal siti tal-internet li joffru servizzi tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati jew l-imblukkar ta’ pagamenti bejn lagħaba u operaturi tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati, għandhom ċerti benefiċċji iżda wkoll nuqqasijiet possibbli. Miżuri bħal dawn jeħtieġ li jiġu vvalutati b’ċerta attenzjoni fid-dawl tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali tat-TFUE. Miżuri ta’ infurzar reattiv li jeżiġu li intermedjarji online li jalloġġjaw (hosting) offerti ta’ logħob tal-azzard illegali jieħdu azzjoni (ineħħu l-offerta jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-offerta ta’ konsumaturi fi Stati Membri speċifiċi), jistgħu jibbenefikaw minn kjarifika fir-rigward ta’ proċeduri li għandhom jiġu segwiti. Il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva orizzontali dwar proċeduri ta’ notifika u azzjoni li għandha tipprovdi ċ-ċarezza meħtieġa. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni tista' tissaħħaħ permezz tan-netwerk stabbilit bir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi li jippermetti azzjonijiet ta' infurzar transfruntiera[16].

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se

· Tiffaċilita kooperazzjoni amministrattiva bejn regolaturi tal-logħob tal-azzard u se tesplora l-possibbiltajiet offruti mir-Regolament dwar l-IMI biex jiġi kopert l-iskambju ta’ informazzjoni/kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sal-2013,

· Issaħħaħ skambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa prattiki dwar miżuri ta' infurzar u tesplora l-benefiċċji u l-limiti possibbli ta’ miżuri ta’ infurzar reattiv, bħall-imblukkar tal-pagamenti u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għal siti online, fil-livell tal-UE,

· Tipprovdi kjarifika dwar il-proċeduri għan-notifika u l-azzjoni fir-rigward ta’ kontenut alloġġjat (hosted) fl-UE minn intermedjarji online[17],

· Tiżvilupp djalogu regolatorju ma’ pajjiżi terzi.

L-Istati Membri huma mħeġġa

· Jistabbilixxu u jipprovdu awtoritajiet regolatorji tal-logħob tal-azzard b’kompetenzi ċari u jiżguraw kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra rilevanti,

· Jesploraw mezzi biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar offerti awtorizzati disponibbli sabiex jiddevjaw id-domanda lejn is-suq legali.

2.3. Protezzjoni tal-konsumaturi u taċ-ċittadini

Fl-UE kollha l-Istati Membri għandhom l-għan komuni li jipproteġu liċ-ċittadini għalkemm biex jilħqu dan l-għan iwettqu approċċi regolatorji u tekniċi differenti. Azzjoni xierqa hija meħtieġa fl-UE sabiex: 1) l-konsumaturi jitbiegħdu minn offerti mhux irregolati u potenzjalment ta’ ħsara, 2) il-minorenni jiġu protetti minn aċċess għal faċilitajiet ta’ logħob tal-azzard, 3) gruppi vulnerabbli oħra jiġu ssalvagwardjati u 4) jiġi evitat l-iżvilupp ta’ disturbi relatati mal-logħob tal-azzard[18]. Iċ-ċittadini kollha għandhom igawdu minn livell għoli ta’ protezzjoni fis-suq intern kollu.

Filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ id-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-qafas regolatorju għas-servizzi tal-logħob tal-azzard, il-Kummissjoni tirrikonoxxi benefiċċji sinifikanti fl-iżvilupp ta’ firxa ta’ opportunitajiet ta’ logħob tal-azzard awtorizzat sabiex isseħħ dissważjoni effikaċi tal-konsumaturi biex ma jużawx offerti oħra tal-logħob tal-azzard. Huwa importanti għall-operaturi awtorizzati li jkunu jistgħu joffru prodotti attraenti biżżejjed, peress li fin-nuqqas ta' offerti kredibbli u sostenibbli, il-konsumaturi se jibqgħu jirrikorru għal websites tal-logħob tal-azzard, bl-effetti konsegwenti li jistgħu jkunu ta' ħsara.

2.3.1. Ħidma lejn livell għoli ta’ protezzjoni fl-UE kollha

Huwa stmat li madwar 6.84 miljun konsumatur Ewropew jieħdu sehem f’logħob tal-azzard online[19]. F’ambjent inerentement transfruntier il-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jkunu jistgħu jagħrfu offerta ta’ logħob tal-azzard li tkun awtorizzata. Meta jingħataw wisq informazzjoni, il-konsumaturi għandhom tendenza joqogħdu fuq it-tikketti[20]. Għalhekk, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi li d-dettalji tal-awtorità regolatorja rilevanti jkunu jidhru b’mod prominenti fuq is-sit tal-internet tal-operaturi u jittejjeb il-livell ta’ informazzjoni u għarfien tal-konsumaturi.

Għadd ta' Stati Membri għandhom esperjenza vasta bil-protezzjoni tal-konsumaturi fl-ambjent online. L-industrija tal-logħob tal-azzard żviluppat ukoll għarfien espert tekniku utli u approċċi ta’ awtoregolamentazzjoni għal logħob tal-azzard soċjalment responsabbli. L-azzjoni teħtieġ l-isforzi tal-partijiet interessati kollha. Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb u l-miżuri biex jipproteġu l-konsumaturi ma għandux ikollhom effett avvers fejn lagħaba ewlenin ifittxu offerti aktar attraenti fuq siti mhux irregolati.

Sett komuni ta’ prinċipji elaborati fil-livell tal-UE għandu jkollu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn il-prinċipji għandhom jinkludu r-reġistrazzjoni effettiva u effikaċi tal-lagħaba, il-verifika tal-età u kontrolli ta’ identifikazzjoni - b'mod partikolari fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet ta' flus, kontrolli mar-realtà (attività tal-kont, sinjali ta’ twissija, sinjalar ta’ linji ta’ għajnuna), politika li ma tippermettix kreditu, protezzjoni tal-fondi tal-lagħaba, possibbiltajiet ta’ awtorestrizzjoni (limiti ta’ ħin/finanzjarji, esklużjoni) kif ukoll appoġġ għall-konsumaturi u trattament effiċjenti tal-ilmenti[21].

Bħala l-ewwel pass il-Kummissjoni se tħejji Rakkomandazzjoni dwar protezzjoni komuni tal-konsumaturi.

2.3.2. Żgurar tal-ħarsien tal-minorenni

Il-protezzjoni tal-minorenni trid tkun prijorità speċjalment peress li 75 % tat-tfal ta’ età bejn sitt snin u 17-il sena fl-Ewropa jużaw l-internet[22]. Miżuri ta’ protezzjoni preventiva għandhom ikunu mmirati lejn il-preklużjoni tal-minorenni sabiex dawn ma jiksbux aċċess għal kontenut ta’ logħob tal-azzard. Din hija r-raġuni għala r-Rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi li s-sistemi regolatorji jipprovdu biżżejjed għodod ta’ verifika tal-età u jiżguraw kontrolli mill-operaturi. Barra minn hekk, is-siti tal-logħob tal-azzard għandhom jitħeġġu juru avviżi li jindikaw b’mod ċar “mhuwiex permess logħob tal-azzard minn persuni taħt l-età” u jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ verifika tal-età. Dawn it-tipi ta’ miżuri għandhom jiġu kkumplimentati minn sforzi usa’ bħat-titjib tal-għarfien min-naħa tal-ġenituri rigward riskji assoċjati u ffiltrar tas-software fid-djar. Barra minn hekk, l-operaturi kollha għandhom iwettqu l-operat tagħhom b’mod responsabbli.

2.3.3. Tisħiħ ta’ reklamar responsabbli

Ir-reklamar responsabbli huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji li: 1) japplikaw restrizzjonijiet ta’ età, 2) il-logħob tal-azzard jista’ jkun ta’ ħsara jekk ma jintlagħabx b’mod responsabbli u 3) ir-riskji jistgħu jkunu finanzjarji, soċjali jew relatati mas-saħħa. Fl-UE, mhux l-Istati Membri kollha għandhom regolamenti dwar reklamar, speċifiċi għas-servizzi tal-logħob tal-azzard. Uħud mill-Istati Membri għandhom kodiċijiet ta' kondotta apposta. L-industrija tal-logħob tal-azzard u tar-reklamar wettqu wkoll approċċi ta' awtoregolamentazzjoni. Iċ-ċittadini kollha fl-UE jeħtieġ li jkunu infurmati biżżejjed dwar l-għażliet li jagħmlu kif ukoll dwar ir-riskji assoċjati mal-logħob tal-azzard.

Il-Kummissjoni se tħejji Rakkomandazzjoni dwar reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard biex tiżgura li operaturi awtorizzati fi Stat Membru partikolari jirreklamaw il-logħob tal-azzard b’mod li jkun soċjalment responsabbli u jipprovdu informazzjoni essenzjali lill-konsumaturi. Sabiex ir-Rakkomandazzjoni tkun effettiva b’mod sħiħ, kemm l-Istati Membri kif ukoll l-industrija se jintalbu jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-ambitu u tat-tfassil tagħha. L-Istati Membri se jiġu rrakkomandati jipprovdu għal sanzjonijiet xierqa għal ksur jew nonkonformità. Ir-Rakkomandazzjoni se tikkumplimenta lid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali[23].

2.3.4. Il-prevenzjoni tal-logħob tal-azzard problematiku jew ta’ vizzji tal-logħob tal-azzard

Abbażi tat-tweġibiet għall-Green Paper, jista' jiġi stmat li bejn 0.5-3 % tal-popolazzjoni tal-UE jsofru minn xi tip ta' disturb tal-logħob tal-azzard. L-evidenza kemm tal-iskala kif ukoll tal-varjetà ta’ disturbi tal-logħob tal-azzard mhijiex faċilment disponibbli. Barra minn hekk, studji u stħarriġ eżistenti ma jippermettux konklużjonijiet inkontestabbli. Huwa meħtieġ fehim aħjar 1) tad-definizzjonijiet użati, 2) tad-determinanti (pereżempju, tibqa' tilgħab biex tirbaħ aktar/iġġib dak li tlift, kommunikazzjonijiet kummerċjali, aċċessibbiltà, frekwenza), 3) konnessjonijiet kawżali ta’ tipi ta’ logħob/imħatri, 4) l-adegwatezza ta’ strumenti preventivi (pereżempju, sinjali ta’ twissija, limiti personali, restrizzjoni ta’ ċertu logħob/imħatri) u 5) it-tip ta’ trattament meħtieġ.

Il-Kummissjoni attwalment qed tfittex li takkwista informazzjoni rilevanti permezz ta’ ALICE RAP[24], proġett tar-riċerka kkofinanzjat mill-UE li fost l-oħrajn se jikkompila dejta, jikklassifika l-vizzji, jivvaluta d-determinanti tad-dipendenza u t-tranżizzjoni lejha, jippreżenta prattika ta’ governanza rigward il-vizzji u jipprovdi ċifra kkonsolidata għall-iskala tal-problema fl-UE. Abbażi tar-rapporti intermedjarji li se jitfasslu fl-ambitu ta’ dan il-proġett, il-Kummissjoni se tqis inizjattivi għal politika tar-riċerka dwar l-iżvilupp ta’ disturbi tal-logħob tal-azzard, inklużi l-individwazzjoni u t-trattament tagħha.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni

· Fl-2013, se tadotta Rakkomandazzjonijiet dwar protezzjoni komuni tal-konsumaturi u dwar reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard,

· Se tappoġġa l-iffissar ta’ parametri referenzjari u l-ittestjar ta’ għodod ta’ kontroll mill-ġenituri permezz tal-Programm ta’ Internet Aktar Sikur[25] u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[26] biex jittejbu s-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-etajiet u tal-kontenut,

· Fl-2012, se tivvaluta rakkomandazzjonijiet dwar vizzji online relatati mal-logħob tal-azzard fost l-adoloxxenti fl-ambitu tal-proġett tal-UE NET ADB[27],

· Fl-2014, se tirrapporta dwar il-gruppi ta’ ħidma rilevanti fl-ambitu tal-ALICE RAP u se twettaq valutazzjoni ta’ dawn ir-riżultati ta’ riċerka,

· Mill-2013, se tivvaluta l-prestazzjoni tas-suq tas-servizzi ta’ logħob tal-azzard online fl-ambitu tal-Istħarriġ ta’ Monitoraġġ tas-Suq tal-Konsumaturi.

L-Istati Membri huma mħeġġa

· Isaħħu l-informazzjoni u l-inizjattivi li joħolqu kuxjenza dwar ir-riskji relatati mal-logħob tal-azzard, kif ukoll dwar offerti ta’ logħob tal-azzard mhux irregolati, 

· Itejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-logħob tal-azzard u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi

· Iżidu d-disponibbiltà u l-użu ta’ prattiki ta’ sikurezza online tat-tfal u taż-żgħażagħ biex jiġi evitat li dawn jiksbu aċċess għas-siti tal-logħob tal-azzard,

· Iwettqu stħarriġ u ġbir ta’ dejta dwar disturbi tal-logħob tal-azzard.

2.4. Il-prevenzjoni tal-frodi u tal-ħasil tal-flus

L-għanijiet ewlenin ta' interess pubbliku tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordni pubblika huma l-prevenzjoni ta' frodi u ħasil ta' flus fil-logħob tal-azzard. Il-frodi u s-serq mill-karti ta’ kreditu ta’ kredenzjali bankarji huma rrapportati bħala l-iktar offiżi kriminali komuni b’rabta mal-logħob tal-azzard online. Il-logħob tal-azzard online jista' jintuża wkoll għall-ħasil ta' fondi li joriġinaw minn attivitajiet illegali. Dawn l-offiżi kriminali spiss jitwettqu b'mod transfruntier u jinvolvu kriminalità organizzata.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll l-operaturi rregolati jaffaċċjaw għadd ta’ sfidi fir-rigward tal-applikazzjoni effikaċi ta’ mekkaniżmi kontra l-frodi u kontra l-ħasil tal-flus. Jistgħu jiġu trattati bl-aktar mod effiċjenti permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni strutturata bejn awtoritajiet nazzjonali tal-logħob tal-azzard, il-pulizija nazzjonali u awtoritajiet internazzjonali tal-infurzar. Fir-Rakkomandazzjoni dwar protezzjoni komuni tal-konsumaturi għandhom jitqiesu wkoll, sal-livell xieraq, miżuri preventivi u protettivi rilevanti wkoll għall-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus (bħal pereżempju l-projbizzjoni li telf jiġġarrab fuq bażi anonima). It-taħriġ tal-ġudikatura dwar kwistjonijiet li jinvolvu frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-logħob tal-azzard huwa meħtieġ ukoll.

2.4.1. Estensjoni tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus

Fir-rigward tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus[28] attwalment tapplika biss għall-każinojiet. Uħud mill-Istati Membri diġà estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal forom oħra ta’ logħob tal-azzard u għadd ta’ operaturi rregolati japplikaw għodod bħal proċessi ta’ verifika dwar il-konsumaturi, ħolqien ta’ profili dwar il-konsumaturi u monitoraġġ tal-pagamenti. Biex jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha tal-logħob tal-azzard kif ukoll biex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni komparabbli fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa applikazzjoni usa’ tad-Direttiva għas-servizzi kollha tal-logħob tal-azzard.

Il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-analiżi tad-Direttiva, se tqis l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-forom kollha tal-logħob tal-azzard filwaqt li tiżgura li tiġi rrispettata l-proporzjonalità.

2.4.2. Negħlbu s-serq tal-identità u forom oħra ta’ ċiberkriminalità

Il-konsultazzjoni pubblika ċċarat il-fatt li t-tip ta' frodi l-aktar frekwenti marbuta mal-logħob tal-azzard hija s-serq tal-identità. Madankollu, dan jidher li qed jirrifletti xejra aktar ġenerali, jiġifieri l-isfida dejjem tikber li s-serq tal-identità u forom oħra ta' ċiberkriminalità qed joħolqu għall-provvediment online ta' servizzi. Dawn il-kwistjonijiet attwalment qed jiġu indirizzati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-politika attwali tagħha dwar iċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz tal-proposta reċenti tagħha biex tistabbilixxi Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità[29]. Sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet identifikati f'dan il-kuntest jikkontribwixxu għal servizzi aktar sikuri tal-logħob tal-azzard online, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi skambji ta' esperjenza u prattika tajba fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fi ħdan il-grupp ta' esperti dwar il-logħob tal-azzard, kif ukoll skambji maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, kif xieraq. 

2.4.3. Is-salvagwardja tas-siġurtà tat-tagħmir tal-logħob tal-azzard

Iċ-ċertifikazzjoni ta' tagħmir tal-logħob tal-azzard online inkluż software tal-logħob tal-azzard ġeneralment tkun meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkun qed jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal liċenzja tal-logħob tal-azzard. Sabiex jiġi żgurat livell komparabbli ta' sigurtà tal-logħob tal-azzard online fl-UE, jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-proċeduri ta' ċertifikazzjoni nazzjonali differenti u tiġi pprovduta l-possibbiltà ta' interoperabbiltà fejn xieraq, il-Kummissjoni se tesplora l-merti tal-introduzzjoni ta' standard tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' tagħmir tal-logħob tal-azzard.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni

· Fl-2012, se tqis l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus għall-forom kollha ta’ logħob tal-azzard,

· Se tinkoraġġixxi, fil-kuntest tal-politika tagħha dwar iċ-ċiberkriminalità, skambji ta' esperjenza u prattika tajba fi ħdan il-grupp ta' esperti dwar il-logħob tal-azzard, kif ukoll skambji maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkrimialità, kif xieraq,

· Fl-2013, se tesplora l-possibbiltà ta’ standard tal-UE dwar it-tagħmir tal-logħob tal-azzard inkluż is-software tal-logħob tal-azzard.

L-Istati Membri huma mħeġġa

· Jippromwovu t-taħriġ tal-ġudikatura dwar kwistjonijiet li jinvolvu frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-logħob tal-azzard.

2.5. Is-salvagwardja tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti

L-imħatri relatati mal-irranġar tal-partiti huma tip ta’ frodi speċifiċi li jmorru kontra l-interessi tal-organizzazzjonijiet tal-isports, l-isportivi, il-lagħaba (il-konsumaturi) u l-operaturi tal-logħob tal-azzard irregolati. L-irranġar tal-partiti jmur kontra l-prinċipju tal-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet sportivi, li huwa wieħed mill-għanijiet ta’ azzjoni tal-UE fil-kamp tal-isports (l-Artikolu 165 tat-TFUE). L-indirizzar tal-kwistjonijiet jeżiġi sforzi konġunti u kkooordinati minn awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet tal-isports u operaturi tal-logħob tal-azzard[30]. Għadd ta’ mekkaniżmi regolatorji (kundizzjonijiet tal-liċenzjar tal-logħob tal-azzard, statuti tal-federazzjonijiet tal-isports) u awtoregolatorji (kodiċijiet ta’ kondotta) huma implimentati fl-UE kif ukoll kampanji edukattivi, regoli dwar kunflitti ta’ interess, sistemi ta’ monitoraġġ tal-imħatri u għodod ta’ twissija (żvelar (whistleblowing), hotlines eċċ.). Il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati teżisti iżda hija limitata fl-ambitu. Hemm ħtieġa ċara għal aktar kooperazzjoni bejn operaturi tal-imħatri, korpi sportivi u awtoritajiet kompetenti inklużi regolaturi tal-logħob tal-azzard, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali.

2.5.1. It-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni huma għodda utli f’dan il-qasam u l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tagħhom u li jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha (l-operaturi tal-logħob tal-azzard, l-organizzazzjonijiet tal-isports, ir-regolaturi). Dawn il-ftehimiet jiffaċilitaw b’mod effikaċi l-ħolqien ta' punti ta’ kuntatt nazzjonali fejn l-atturi kollha rilevanti involuti fil-ġlieda kontra l-irranġar tal-partiti fil-livell nazzjonali jistgħu jingħaqdu flimkien, jiskambjaw l-informazzjoni u jikkoordinaw l-azzjonijiet. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali huma element essenzjali ta’ kooperazzjoni effiċjenti bl-għan li jingħelbu kwistjonijiet ta' rranġar tal-partiti fil-livell tal-UE u globali.

2.5.2. L-iżvilupp ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti

L-approċċi tal-Istati Membri għall-finanzjament ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti jvarjaw b’mod konsiderevoli filwaqt li l-ebda wieħed mill-mudelli applikati attwalment ma nstab li huwa bejn wieħed u ieħor aktar effiċjenti minn oħrajn.

Il-Kummissjoni, f'rakkomandazzjoni, se tiżviluppa miżuri kontra l-irranġar tal-partiti applikabbli fl-Istati Membri u fid-dixxiplini tal-isports kollha b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati bl-għan li 1) tippromwovi skambju aktar effiċjenti ta’ prattiki tajbin fil-prevenzjoni tal-imħatri relatati mal-irranġar tal-partiti, inklużi inizjattivi ta' ħolqien ta' kuxjenza u taħriġ għal dawk involuti fil-kamp tal-isports, 2) tiżgura rappurtar reċiproku u azzjonijiet ta’ segwitu ta’ attivitajiet suspettużi mill-korpi tal-isports, l-operaturi u r-regolaturi, inkluż il-ġbir ta’ ċifri affidabbli dwar l-iskala tal-problema, 3) tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess, pereżempju li l-isportivi u l-uffiċjali sportivi ma jitħallewx jagħmlu mħatri u l-esklużjoni ta’ avvenimenti taż-żgħażagħ mill-imħatri, u 4) tintroduċi hotlines u rappurtar ieħor jew mekkaniżmi ta’ twissija għall-iżvelar. Se jiġu organizzati gruppi ta’ ħidma ddedikati għal dan l-għan bl-involviment ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard.

2.5.3. L-iżgurar tal-provvediment ta' deterrenti effikaċi għall-irranġar tal-partiti

L-istudju dwar l-irranġar tal-partiti fl-isports[31] sab li l-irranġar tal-partiti huwa kriminalizzat fl-Istati Membri kollha. Indika wkoll li inkriminazzjoni speċifika ta’ offiża sportiva ma twassalx neċessarjament għal infurzar aħjar jew għal inqas każijiet suspettużi. In-nuqqasijiet ewlenin b'rabta mal-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' rranġar tal-partiti huma ta' natura operazzjonali u inizjattivi fil-livell tal-UE għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-infurzar ta' regoli kontra l-irranġar tal-partiti.

Il-Kummissjoni qed tipparteċipa fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa li qed jiddiskuti konvenzjoni possibbli kontra l-manipulazzjoni ta' riżultati sportivi. L-għan huwa li s-sistemi nazzjonali jiġu pprovduti bl-għodod, l-għarfien espert u r-riżorsi neċessarji biex tingħeleb din it-theddida.

2.5.4. Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali

Il-Kummissjoni, billi tuża parti mill-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja għal Sħubijiet Ewropej fl-Isports 2012[32], se tniedi proġetti pilota bl-għan li tiġi promossa kooperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni ta’ rranġar tal-partiti. Bl-istess mod se tkompli tikkoopera mal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) u l-Kunsill tal-Ewropa li t-tnejn li huma pproponew u żviluppaw miżuri biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod globali[33]. Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tinkludi l-protezzjoni tal-integrità tal-isports u li tikkumbatti l-irranġar tal-partiti f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-kamp tal-isports.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni

· Fl-2014, se tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-aqwa prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-imħatri relatati ma’ rranġar tal-partiti,

· Se tipparteċipa fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Konvenzjoni possibbli kontra l-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi,

· Se tippromwovi l-kooperazzjoni u d-djalogu internazzjonali fil-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti.

L-Istati Membri huma mħeġġa

· Jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali li jiġbru flimkien lil dawk kollha rilevanti involuti fil-ġlieda kontra l-irranġar tal-partiti,

· Jattrezzaw is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi nazzjonali bl-għodod, l-għarfien espert u r-riżorsi biex jikkumbattu l-irranġar tal-partiti,

· Iqisu finanzjar sostenibbli ta’ miżuri favur l-integrità tal-isports.

3. Konklużjonijiet

Reazzjoni għall-isfidi regolatorji u tekniċi varji tas-settur tal-logħob tal-azzard online teżiġi miżuri sodi u effikaċi. L-azzjonijiet imħabbra f’din il-Komunikazzjoni jiffurmaw parti minn strateġija komprensiva biex jintlaħqu dawn l-isfidi.

Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u mal-partijiet kollha interessati kkonċernati fuq l-implimentazzjoni immedjata ta’ din il-Komunikazzjoni. Se titlob li fl-2012 issir l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard u se tagħti bidu għal djalogu mal-partijiet interessati kollha. Konferenza tal-partijiet interessati se tiġi organizzata fl-2013.

Il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri mill-Istati Membri u l-partijiet interessati. Se tirrapporta dwar il-progress miksub billi tippubblika rapport fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Fir-rapport, il-Kummissjoni se tivvaluata jekk l-azzjonijiet kif implimentati humiex biżżejjed, notevolment fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni aktar effikaċi tal-konsumaturi u tal-provvediment ta' deterrenti għall-irranġar tal-partiti. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk dawn l-azzjonijiet jipprovdux qafas xieraq tal-UE għal-logħob tal-azzard online jew jekk jeħtieġx li jittieħdu miżuri addizzjonali, u fejn meħtieġ miżuri leġiżlattivi, fil-livell tal-UE.

[1] It-terminu “logħob tal-azzard online” jirreferi għal firxa ta’ servizzi u kanali ta’ distribuzzjoni differenti ta’ logħob tal-azzard. Għal deskrizzjoni ġenerali u diskussjoni tad-definizzjonijiet irreferi għat-Taqsima 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal

[2] Fl-2011 id-dħul annwali tas-suq kollu tal-logħob tal-azzard fl-UE kien stmat li jammonta għal madwar EUR 84.9 biljun, b'rati ta' tkabbir annwali ta' madwar 3 %. Bejn l-2008 u l-2011 is-suq tal-logħob tal-azzard mhux virtwali kiber b’madwar 8.3 %.

[3] H2 Gambling Capital (ditta ta' konsulenza dwar il-logħob tal-azzard u l-imħatri)

[4] Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern (COM(2011) 128 finali)

[5] Numru ta’ referenza tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal

[6] Minorenni kif użata f’din il-Komunikazzjoni tinkludi t-“tfal”. F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, it-“tfal” huma kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena. F’ċerti Stati Membri ż-żgħażagħ huma koperti bir-reġim applikabbli għat-tfal.

[7] L-azzjonijiet kollha proposti biex jittieħdu mill-Kummissjoni f’dan id-dokument huma konsistenti u kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

[8] It-3057 Konklużjoni tal-Kunsill KOMPETITTIVITÀ dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE, l-10 ta’ Diċembru 2010

[9] Rapporti ta’ progress min-naħa tal-Presidenzi tal-Kunsill dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE, l-10 ta’ Diċembru 2010 (2008-2011)

[10] 2011/2084(INI)

[11] KESE 1581/2011 - INT/579

[12] Id-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE

[13] Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta; għar-riforma dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-pakkett ta' riforma adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 2012 żur is-sit: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/120125_en.htm

[14] Regolament dwar kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-IMI (abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 522 finali) huwa mistenni li jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Settembru/Ottubru 2012. Dan ir-Regolament se joħloq il-possibbiltà li jitnedew proġetti pilota tal-IMI biex jiġi ttestjat l-użu tal-IMI għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iskambju ta’ dejta personali, fi kwalunkwe qasam tas-suq intern sakemm ikun hemm bażi ġuridika għall-iskambju ta’ din id-dejta.

[15] Id-disponibbiltà ta' servizzi tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati fl-Istat Membru li jkun qed jirċevihom ma timplikax li dawn is-servizzi mhumiex irregolati fl-Istat Membru tal-oriġini. Lanqas ma timplika li mhumiex awtorizzati fi Stati Membri oħra li jirċevuhom.

[16] Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi)

[17] Għal aktar dettalji ara http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/notice-and-action/index_en.htm

[18] Eż. logħob tal-azzard problematiku, logħob tal-azzard patoloġiku, logħob tal-azzard eċċessiv

[19] H2 Gambling Capital

[20] Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir (COM(2012) 225 finali)

[21] Kif propost fil-proposti għal Direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u r-Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi fuq http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/adr_policy_work_en.htm

[22] Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal (COM(2012) 196 final)

[23] Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE u r-Regolament (KE) 2006/2004

[24] Dan huwa proġett transdixxiplinari, iffinanzjat mis-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Jiffoka fuq ir-riċerka relatata ma' vizzji u stili ta' ħajja fl-Ewropa fuq ħames snin (2011-2015); Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/research/social-sciences/projects/486_en.html

[25] Id-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

[26] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM (2011) 665)

[27] Dan il-proġett għandu l-għan li jevalwa l-prevalenza u d-determinanti ta’ użu tal-internet li jqarreb għall-vizzju u ta’ vizzju tal-internet fost l-adoloxxenti Ewropej

[28] Id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu

[29] Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f'din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (COM (2012) 140 final)

[30] Ara d-Dikjarazzjoni ta' Nicosia dwar il-Ġlieda Kontra l-Irranġar tal-Partiti tal-20 ta' Settembru 2012

[31] http://ec.europa.eu/sport/news/20120410-study-on-match-fixing_en.htm

[32] http://ec.europa.eu/sport/news/20120417-2012-call-for-proposals_en.htm

[33] CM/Rec(2011)10, Rakkomandazzjonijiet tal-KOI tat-2 ta’ Frar 2012 kontra l-irranġar tal-partiti