RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE /* COM/2012/0491 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-progress tal-Politika Marittima Integrata
tal-UE 1. Introduzzjoni L-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa huma
sors għani u ta' spiss sottovalutat ta' innovazzjoni, tkabbir u impjiegi.
Huma jipprovdu servizzi marbuta mal-ekosistemi kif ukoll riżorsi ta' valur
li fuqhom jiddependu l-attivitajiet kollha tal-baħar. Sa mill-ħolqien
tagħha fl-2007, il-Politika Marittima Integrata (PMI) fittxet li ttejjeb
l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija marittima Ewropea u li tħares
aħjar l-ambjent tal-baħar billi tiffaċilita l-kooperazzjoni
tal-atturi marittimi kollha fis-setturi kollha u b’mod li jmur lil hinn
mill-fruntieri. Ħames snin wara, il-klima ekonomika
nbidlet kompletament. Permezz tal-istrateġija Ewropa 2020, l-UE qed
tfittex li terġa' tqiegħed lill-ekonomija Ewropea fit-triq it-tajba
sabiex toffri impjiegi, kompetittività u koeżjoni soċjali.
Il-potenzjal għat-tkabbir fl-ekonomija marittima huwa opportunità li
l-Ewropa, bħala kontinent marittimu, jeħtieġ li taħtaf. Sa
mill-2009, l-UE nediet inizjattivi ewlenin fl-oqsma kollha tal-politika
marbutin mal-ibħra sabiex issaħħaħ il-kompetittività
Ewropea. Il-PMI ġabet magħha benefiċċji konkreti għall-ekonomija
Ewropea u għas-setturi marittimi fl-Istati Membri u dan għamlitu
billi evitat l-infiq u l-isforzi doppji u billi ħeġġet
l-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi. L-Ewropa qed tnaqqas l-infiq pubbliku,
għalhekk huwa kruċjali li jinkisbu l-aqwa riżultati b'mezzi
limitati. Il-kooperazzjoni tagħmel l-operazzjonijiet ta’ fuq il-baħar
iktar kosteffiċjenti u tippermetti l-aqwa użu tad-dejta.
Minħabba li kuljum qegħdin jiżviluppaw użi ġodda tal-baħar,
huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw sistemi stabbli ta' ppjanar
li jiffavorixxu l-investiment fit-tul u l-koerenza transkonfinali. L-investiment fir-riċerka jrid jisfrutta
bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu għall-innovazzjoni
fl-ekonomija marittima. L-istrateġija tal-UE għar-riċerka
tal-baħar u dik marittima għenet sabiex jinkiseb dan l-għan.
Permezz tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, nistgħu
niġġestixxu l-ibħra u l-oċeani tagħna b'mod
sostenibbli. Is-sostenibbiltà hija prerekwiżit għall-iżvilupp
tal-ekonomija marittima u qed tixpruna teknoloġiji avvanzati li
jsaħħu l-kompetittività fit-tul tal-Ewropa. Fl-2009, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew
laqgħu l-ewwel Rapport ta' Progress li sar b’rabta mal-PMI u talbu
lill-Kummissjoni tippreżenta aktar żviluppi fl-2012. Dan it-tieni Rapport
jiddeskrivi l-progress li sar b’rabta mal-PMI tal-UE u mal-politiki settorjali
fil-qasam marittimu bejn l-2010 u l-2012[1].
Hu jenfasizza l-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet
tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jqis il-kisbiet konkreti li
jgħinu l-ħolqien tat-tkabbir, itejbu l-effiċjenza
fir-riżorsi u jiffrankaw il-flus pubbliċi. 2. Il-kontribuzzjoni tal-ekonomija
marittima għat-tkabbir u l-impjiegi 2.1. Tkabbir blu F'Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat
Komunikazzjoni dwar It-Tkabbir Blu, opportunitajiet għal tkabbir
sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu. L-għan huwa li
titnieda inizjattiva konġunta mal-Istati Membri, ir-reġjuni u
l-partijiet interessati kollha rilevanti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal
tal-ekonomija blu. Studju mniedi mill-Kummissjoni fl-2010
identifika bħala diffikultajiet komuni n-nuqqas ta' ħiliet xierqa,
l-aċċess għall-kapital ta' riskju, id-dejta fframmentata dwar
is-settur tal-baħar, l-isfidi ambjentali u l-proċessi diffiċli
ta' ppjanar. Bħalissa għaddejin azzjonijiet fl-Istati Membri biex
jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' ħiliet bħal,
pereżempju, it-tħeġġiġ ta' sħubiji bejn
l-industrija u l-edukazzjoni. L-inizjattivi tal-politika marittima integrata
qed jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar id-dejta u l-ippjanar. Madankollu,
ċerti setturi jeħtieġu approċċ aktar immirat.
Għaldaqstant, ħames oqsma li għandhom potenzjal
għat-tkabbir - it-turiżmu marittimu u kostali, l-enerġija
rinnovabbli mill-oċeani, ir-riżorsi minerali tal-baħar,
l-akkwakultura, u l-bijoteknoloġija blu - ġew analizzati f'aktar
dettall sabiex jiġu ssuġġeriti l-miżuri addizzjonali
meħtieġa biex jiżdied it-tkabbir u jiżdiedu l-impjiegi. 2.2. Trasport marittimu Is-servizzi tat-trasport marittimu huma
essenzjali biex l-ekonomija Ewropea tikkompeti fuq livell globali. Fl-2011,
il-Kummissjoni adottat White Paper dwar it-Trasport. Din
tispeċifika aktar l-orjentazzjonijiet tal-Istrateġija tat-Trasport
Marittimu sal-2018: il-ħila li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport
marittimu kosteffikaċi; il-kompetittività fit-tul tas-settur tat-trasport
marittimu tal-UE; u l-ħolqien ta' ħoloq konsistenti tat-trasport
għall-passiġġieri u għall-merkanzija fil-modi kollha
tat-trasport. Wara l-Komunikazzjoni tal-2009 dwar Żona
Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini, fl-2010 daħlet
fis-seħħ id-Direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar. Din
l-inizjattiva tissimplifika u tarmonizza l-proċeduri amministrattivi
sabiex tixpruna t-trasport marittimu fl-UE stess. Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet linji
gwida ġodda għan-Netwerks Trans-Ewropej sabiex twessa' r-rwol
tal-Awtostradi tal-Baħar bħala l-kurituri prinċipali Ewropej.
Permezz ta' sejħiet multiannwali, il-Kummissjoni tinsab minn ta' quddiem
nett fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport u fiż-żieda tal-effiċjenza
fit-trasport. 2.3. Enerġija Iċ-ċittadini, l-industrija u
l-ekonomija Ewropej jiddependu fuq enerġija sikura, sostenibbli u li tkun
għall-but ta’ kulħadd. L-enerġija mir-riħ lil hinn
mill-kosta tikkontribwixxi għall-ksib tal-għan li sal-2020 ikun hemm
sehem ta' 20 % tal-enerġija li tkun ġejja minn sorsi rinovabbli.
Dan l-għan huwa prijorità tal-Pjan Strateġiku tal-UE
għat-Teknoloġija tal-Enerġija, li permezz tiegħu
l-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu fuq approċċ
fit-tul għall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni tat-teknoloġija.
Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-programm imsejjaħ “Enerġija
Intelliġenti” jappoġġaw ukoll l-iżvilupp
tat-teknoloġija tal-enerġija mir-riħ u mill-oċeani, li
tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir fir-reġjuni kostali. Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet linji gwida
sabiex jiġu stabbiliti regoli għall-iżvilupp u l-interoperabbiltà
tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija. Ġew identifikati
l-kurituri prijoritarji, inklużi s-Sistema ta' Distribuzzjoni
fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq
tal-Enerġija tal-Baltiku. 2.4. Bini tal-bastimenti L-industrija marittima Ewropea, bil-ħila
kbira tagħha ta' innovazzjoni u disinn, għandha rwol strateġiku
xi twettaq fl-indirizzar ta' sfidi bħat-tibdil fil-klima,
it-tniġġis tal-arja, l-effiċjenza enerġetika u
l-iżvilupp ta' attivitajiet lil hinn mill-kosta. Bħala tweġiba
strateġika għall-isfidi tas-settur, l-inizjattiva msejħa “LeaderSHIP”
trawwem il-kompetittività abbażi tal-oqsma teknoloġiċi li fihom
l-UE hija minn ta' quddiem. L-inizjattiva bħalissa qed tiġi riveduta
sabiex tindirizza l-opportunitajiet futuri li jista' jkun hemm meta t-trasport
marittimu jsir aktar ekoloġiku u permezz tad-diversifikazzjoni f'oqsma
ġodda tan-negozju bħall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Il-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat
għall-Bini tal-Bastimenti jistabbilixxi liema tipi ta' għajnuna
mill-Istat huma permessi għat-tarzni. F'Diċembru 2011 ġie
adottat Qafas ġdid u dan se jibqa' validu sa tmiem l-2013. Dan fih
dispożizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-għajnuna
għall-innovazzjoni u mal-għajnuna reġjonali għall-bini
tal-bastimenti kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-krediti
għall-esportazzjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni estiż tiegħu issa
japplika wkoll għal bastimenti li jbaħħru fl-ilmijiet navigabbli
interni u għal strutturi li jinsabu lil hinn mill-kosta li jżommu
f'wiċċ l-ilma u li jiċċaqalqu. 2.5. Sajd u akkwakultura Is-sajd fl-UE huwa affettwat minn diversi
problemi li huma marbutin bejniethom. L-istokkijiet tal-ħut huma mistada
żżejjed, is-sitwazzjoni ekonomika ta' partijiet mill-flotta hija
fraġli minkejja l-livelli għolja ta' sussidji, l-impjiegi mhumiex
attraenti u s-sitwazzjoni ta' bosta komunitajiet kostali li jiddependu fuq
is-sajd hija prekarja. F'Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat
pakkett ta' inizjattivi, inklużi proposti leġiżlattivi
ġodda, sabiex issir riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Dawn
l-inizjattivi kellhom l-għan li jipprovdu s-sisien bażiċi
għal sajd sostenibbli filwaqt li tiġi rrispettata l-ekosistema u
jiġu żgurati provvisti ta' ikel ta' kwalità, komunitajiet kostali li
jkunu sejrin tajjeb ħafna, industriji bi profitt u impjiegi attraenti u
aktar sikuri. Il-ġestjoni fit-tul, b'miri ċari ta' sostenibbiltà,
għall-isfruttar tar-riżorsi u l-waqfien ta' prattiki ta' ħela
jinsabu fil-qalba tal-proposti. Għandu jingħata appoġġ
ukoll għat-titjib tad-dejta sabiex ikunu sostnuti l-għażliet
tal-politika u sabiex jiġu żgurati infurzar u kontroll aħjar. It-tranżizzjoni se tkun akkumpanjata minn
Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd sabiex jittejbu s-sostenibbiltà u
l-prestazzjoni tas-sajd kostali fuq skala żgħira, tkun
imħeġġa l-akkwakultura, ikun appoġġat il-ħolqien
tal-impjiegi fil-komunitajiet marittimi u tkun żgurata l-kosteffiċjenza
fl-affarijiet marittimi. 3. Kooperazzjoni fis-setturi kollha u lil
hinn mill-fruntieri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ottimi
tat-tkabbir għall-ekonomija marittima Il-PMI tistabbilixxi strateġija koerenti
sabiex jittejjeb l-iżvilupp sostenibbli tas-setturi marittimi.
Il-koordinazzjoni hija meħtieġa biex ikun ġestit l-impatt dejjem
jiżdied li l-attivitajiet marittimi jħallu fuq xulxin u fuq
l-ambjent, biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza
taċ-ċittadini Ewropej u biex jinżammu ħaddiema
kkwalifikati. 3.1. Nilħqu l-ogħla
livell possibbli ta' twettiq sostenibbli tal-attivitajiet ta’ mal-kosta u fuq
il-baħar Is-setturi jikkompetu għall-ispazju u
r-riżorsi tal-baċiri marittimi. Il-kunflitti bejn l-użi
tal-baħar u d-domandi għall-ispazju tal-baħar se jkomplu
jiżdiedu, b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta' attivitajiet
ġodda lil hinn mill-kosta. Minħabba li l-Ewropa għaddejja minn
kriżi ekonomika serja, neħtieġu għodda li jippermettu
t-tkabbir billi jiffaċilitaw il-koeżistenza ta' attivitajiet
multipli, filwaqt li jnaqqsu l-impatti ambjentali. L-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu
(Maritime Spatial Planning - MSP) u l-Ġestjoni Integrata
taż-Żoni Kostali (Integrated Coastal Zone Management - ICZM)
jiżguraw ippjanar transsettorjali u transkonfinali effiċjenti
tal-ilma baħar flimkien ma' ġestjoni taż-żoni kostali. Dawn
huma kruċjali biex tkun garantita s-sostenibbiltà, biex tiġi
pprovduta l-prevedibbiltà legali u biex jitnaqqsu l-ispejjeż
għall-investituri u għall-operaturi, b'mod partikolari dawk li
joperaw f'żoni transkonfinali. Seħħ progress fl-implimentazzjoni
tal-istrateġiji nazzjonali tal-ICZM, iżda r-rapporti li waslu minn
16-il Stat Membru tal-UE fl-2011 juru li hemm differenzi kbar. Fl-2011
daħal fis-seħħ il-Protokoll għall-Konvenzjoni ta'
Barċellona marbut mal-ICZM, li għamel l-ICZM obbligatorju
għall-Istati Membri kostali tal-Mediterran. Il-Kummissjoni għandha r-rwol li
tiffaċilita l-iżvilupp ta' qafas komuni għall-MSP fl-UE, u hija
ħabbret li se toħroġ proposta leġiżlattiva dwar
l-MSP u l-ICZM sa tmiem l-2012. Studji dwar il-benefiċċji
ekonomiċi tal-MSP u tal-ICZM u dwar l-impatt tagħhom, żewġ
proġetti pilota dwar il-kooperazzjoni transkonfinali u l-pjattaforma
msejħa “Ourcoast” dwar l-aqwa prattiki fil-kuntest tal-ICZM
ikkontribwixxew għal din il-proposta. 3.2. Inħarsu
liċ-ċittadini Ewropej u lill-industriji marittimi mit-theddid marbut
mal-baħar L-UE tittrasporta madwar 80 %
tal-kummerċ barrani tagħha bil-baħar. It-tkabbir
tal-attivitajiet ekonomiċi marittimi jeħtieġ ambjent sikur. Wara
l-proċess ta' pjan direzzjonali adottat fl-2010, il-Kummissjoni qed
taħdem biex ikun hemm Ambjent Komuni għall-Iskambju
tal-Informazzjoni (Common Information Sharing Environment - CISE) fil-qasam
marittimu tal-UE. Dan għandu jtejjeb l-effiċjenza u l-kosteffettività
tas-sorveljanza marittima billi jippermetti skambju xieraq, legali,
sikur u effiċjenti tad-dejta madwar is-setturi kollha u lil hinn
mill-fruntieri fl-UE kollha. Is-suċċess taż-żewġ
proġetti pilota msejħin “MARSUNO” u “BluemassMed” jikkontribwixxi
għal dan ix-xogħol. Il-ħolqien tas-CISE jikkostitwixxi l-ewwel
pass biex ikun hemm skambju mtejjeb tad-dejta bejn madwar 400 awtorità
settorjali madwar l-UE kollha. Dan huwa wkoll l-ewwel pass biex tinkiseb
koordinazzjoni aħjar bejn l-attivitajiet settorjali marbutin mat-trasport
marittimu, il-ħarsien tal-bastimenti kummerċjali, il-missjonijiet ta'
difiża pprovduti mill-forzi navali, il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali
u l-kontroll tad-dwana, il-prevenzjoni tas-sajd illegali u
tat-tniġġis u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar. Sa mill-2009 ’l hawn, l-UE u l-Istati Membri tagħha
kienu minn ta' quddiem nett fit-titjib tas-sigurtà marittima.
L-għan huwa li jiġi eliminat it-trasport marittimu ta' kwalità
inferjuri, li jiżdied il-ħarsien tal-passiġġieri u
tal-ekwipaġġi, li jiġu evitati l-aċċidenti u li
jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis ambjentali. L-implimentazzjoni tat-Tielet
Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima tal-2009 ttejjeb il-kwalità
tal-bastimenti li jtajru bnadar Ewropej, ix-xogħol li jsir
mill-għaqdiet ta' klassifikazzjoni, l-ispezzjonar tal-bastimenti
fil-portijiet, il-monitoraġġ tat-traffiku, l-investigazzjoni
tal-aċċidenti, u l-ħarsien tal-vittmi. L-iżgurar tas-sigurtà tal-fruntieri
marittimi Ewropej hija sfida għall-Istati Membri. Fl-2011,
il-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta'
Sorveljanza tal-Fruntieri, bil-għan li jissaħħaħ
il-kontroll tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen u li jiġi
stabbilit mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni li jippermetti
lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-Istati Membri jnaqqsu
l-imwiet fuq il-baħar u l-għadd ta' immigranti irregolari li
jidħlu fl-UE. 3.3. Impjiegi fis-settur marittimu
u mobbiltà professjonali Bosta industriji marittimi m’għandhomx
biżżejjed nies li għandhom il-kwalifiki, il-ħiliet u
l-esperjenza x-xierqa. Tnedew azzjonijiet biex jiġu stabbiliti karrieri
marittimi attraenti bbażati fuq il-mobbilità bejn is-setturi u
l-pajjiżi u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri. Wara
l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar it-Trasport Marittimu għall-2018,
f'Ġunju 2011 Task force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività
fis-settur Marittimu pprovdiet ċerti rakkomandazzjonijiet, fosthom li
titlesta r-reviżjoni tal-esklużjoni tal-baħħara mill-kamp
ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar ix-xogħol, li tiġi
aġġornata d-Direttiva dwar it-taħriġ tal-baħħara
u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar
ix-Xogħol Marittimu. Fil-21 ta' Mejju 2012,
il-kumitat tad-djalogu soċjali tal-UE adotta ftehim li jimplimenta
partijiet mill-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO dwar ix-xogħol fis-settur
tas-sajd sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda abbord.
Fuq talba komuni tas-sieħba soċjali tal-UE, il-Kummissjoni tista’
tipproponi li dan il-ftehim jiġi implimentat permezz ta' Direttiva tal-UE
skont l-Artikolu 155 tat-TFUE. L-ewwel nett, iżda, se tiġi vvalutata
l-kompatibbiltà sħiħa tal-ftehim mal-liġi eżistenti tal-UE. Mill-2007 sal-2010, is-Seba' Programm
Kwadru għar-Riċerka (l-FP7) ipprovda kontribuzzjoni finanzjarja
ta' madwar EUR 1.4 biljun għal azzjonijiet marbutin
mar-riċerka marittima u mar-riċerka dwar il-baħar,
jiġifieri kontribuzzjoni ta’ madwar 6.4 % tal-fondi tiegħu. Minn
dan l-ammont, EUR 89 miljun intefqu fuq il-mobbiltà u
t-taħriġ tar-riċerkaturi. Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu
bis-sħiħ għall-inizjattivi msejħin “Aġenda
għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u “Żgħażagħ
Attivi”, li huma żewġ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija
Ewropa 2020 li għandhom l-għan li jżidu r-rati tal-impjiegi
u li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni fl-UE. 4. Ir-riċerka, l-għarfien u
l-utenti aħħarin: innaqqsu d-distakk bejn ir-riċerka u
l-innovazzjoni L-industrija marittima Ewropea hija
kkaratterizzata mill-innovazzjoni u minn swieq ta' kwalità għolja.
Il-Kummissjoni qed issaħħaħ dan il-vantaġġ kompetittiv
billi tiżviluppa programm ambizzjuż ta' riċerka dwar
il-baħar u tiffaċilita l-aċċess għad-dejta marbuta
mal-baħar għal skopijiet ta' innovazzjoni. 4.1. Niżguraw li l-Ewropa
tkun minn ta' quddiem nett fil-qasam marittimu permezz tal-innovazzjoni u
r-riċerka L-Istrateġija tal-UE
għar-riċerka tal-baħar u dik marittima ilha tiġi
implimentata mill-Kummissjoni sa minn tmiem l-2008 sabiex timmassimizza l-valur
tal-ekonomija marittima b'mod sostenibbli. Bejn l-2007 u l-2010, il-kontribuzzjoni
finanzjarja tal-UE għar-riċerka marbuta mal-baħar u
għall-innovazzjoni ammontat għal EUR 1.4 biljun, imqassma bejn
644 proġett. Tliet talbiet konġunti tal-FP7, li jaqgħu
taħt it-tikketta tal-proġett imsejjaħ “L-Oċean ta'
Għada”, appoġġaw proġetti multidixxiplinari marittimi u
marbuta mal-baħar biex b’hekk ingħatat kontribuzzjoni totali ta'
EUR 134 miljun min-naħa tal-UE.
Minbarra dan l-isforz, fl-2012 tnedew suġġetti kkoordinati sabiex
tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar
l-Istrateġija Marina, li b’kollox ammontaw għal kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-UE ta' EUR 42 miljun. Il-mekkaniżmi mtejba ta' governanza,
bħall-forum imsejjaħ “MARCOM+” u s-sħubija msejħa “EMAR2RES”,
ukoll jikkontribwixxu għal riċerka aktar koerenti billi jtejbu
l-interazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industriji u dawk li jfasslu
l-politika. Iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC) ipprovda parir xjentifiku
indipendenti bbażat fuq l-evidenza sabiex jappoġġa
l-iżvilupp tal-politiki tal-UE bħal dawk tas-sajd, tal-ambjent u
tas-sigurtà u s-sikurezza marittima. 4.2. Naqsmu l-għarfien dwar
il-baħar sabiex niffaċilitaw l-innovazzjoni, l-investiment u
t-tfassil sod tal-politika Biex ikun hemm tkabbir sostenibbli u
oċeani b’saħħithom u produttivi, huwa ferm importanti li jkun
hemm għarfien aħjar. In-natura fframmentata li bħalissa
tikkaratterizza d-dejta dwar il-baħar twassal għal ħela
tar-riżorsi tal-utenti ta' din id-dejta, li jeħtieġu
aċċess veloċi għal gruppi ta' dejta multipli. In-Netwerk
Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-ibħra (European Marine
Observation and Data Network - EMODnet) itejjeb l-aċċess
għad-dejta u jnaqqas l-ispejjeż għall-utenti, jistimula
l-innovazzjoni u jnaqqas l-inċertezza fir-rigward tan-natura
tal-ibħra tagħna. Il-Green Paper “Għarfien dwar il-Baħar 2020”
għandha l-għan li tipprovdi qafas komprensiv li jissimplifika l-fluss
tad-dejta mill-osservazzjoni lokali inizjali sal-interpretazzjoni,
l-ipproċessar u t-tixrid tagħha mal-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni, flimkien ma' iktar minn
50 organizzazzjoni, qed taħdem biex ikun hemm mappa diġitali b'multiriżoluzzjoni
kontinwa ta’ qiegħ l-ibħra Ewropej, li għandha tkun disponibbli
għall-industrija, għar-riċerkaturi u għall-awtoritajiet
pubbliċi sal-2020. Il-gruppi ta' ħidma tematika dwar l-idrografija,
il-ġeoloġija, il-kimika, il-bijoloġija u l-ħabitats
diġà wasslu għal fehim aħjar tal-politiki marbutin mad-dejta
tad-detenturi tad-dejta fl-UE. Erbgħa mill-ħames gruppi qiegħdu
għad-dispożizzjoni, mingħajr ħlas, dejta li qabel kien
diffiċli li wieħed jaċċessaha, fuq portalli fuq l-internet. Dettalji estensivi dwar dan qed jiġu
ppreżentati fl-evalwazzjoni interim tal-EMODNet, li ġiet adottata
mill-Kummissjoni f'Awwissu 2012 flimkien ma' Green Paper imsejħa
“Għarfien dwar il-Baħar 2020 - mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar
għat-tbassir oċeaniku”. 5. Il-benefiċċji territorjali
tal-politika marittima Ir-reġjuni kostali għandhom
riżorsi rinnovabbli essenzjali għat-tkabbir marittimu, fosthom
l-enerġija mill-ilma, mill-mewġ, mir-riħ, mill-marea u
tal-bijomassa. It-turiżmu kostali jiddependi fuq ambjenti tal-baħar li
jkunu attraenti u b’saħħithom. Minħabba li l-esklużjoni
soċjali tista' tkun partikolarment qawwija fiż-żoni kostali u
fil-gżejjer, huwa essenzjali li tiġi żviluppata ekonomija
marittima inklużiva. 5.1. Politika reġjonali L-Ewropa hija entità kemm territorjali kif
ukoll marittima. Biex is-setturi marittimi jappoġġaw it-tkabbir fuq
l-art, trid tiżdied il-konnettività. Il-Komunikazzjoni tal-2011
imsejħa “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir
intelliġenti fl-Ewropa 2020” talbet lill-gvernijiet nazzjonali
u reġjonali biex iwaqqfu Pjattaformi ta' Speċjalizzazzjoni
Intelliġenti dwar il-politiki tar-riċerka, reġjonali,
tal-intrapriżi, tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni. Dan
l-approċċ jista' jikkoordina aħjar l-ipprogrammar immirat lejn
l-iżvilupp tar-reġjuni kostali u tal-ekonomiji tagħhom. Il-proposta dwar Dispożizzjonijiet
Komuni u dwar Qafas Strateġiku Komuni bil-għan li
jingħaqdu bejniethom il-prijoritajiet tal-investiment tal-politiki li
jikkonċernaw il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, is-sajd u l-affarijiet
marittimi bejn l-2014 u l-2020 hija pass ieħor 'il quddiem f’din
id-direzzjoni. Bosta proġetti marittimi ngħataw
appoġġ mill-fondi tal-UE għall-politika reġjonali.
Eżempji ta’ dawn jinkludi l-unitajiet ta' desalinizzazzjoni jew
il-proġetti tal-infrastruttura lil hinn mill-kosta maħsuba
għad-dimostrazzjoni tal-ħolqien tal-enerġija mill-mewġ
Bosta Programmi ta' Kooperazzjoni Transkonfinali tal-UE wkoll
ippromwovew it-tkabbir marittimu, inklużi l-proġetti li qed
jeżaminaw l-alga bħala sors potenzjali ta' bijofjuwil u li qed
iħarsu lejn l-aqwa prattiki fir-rigward tal-adattament għat-tibdil
fil-klima fir-reġjuni kostali. 5.2. Strateġiji
għall-baċiri tal-baħar Il-kooperazzjoni transnazzjonali fil-livell
tal-baċiri tal-baħar tikkostitwixxi approċċ effiċjenti
lejn l-iżvilupp tal-ekonomija marittima u lejn il-ħarsien tal-ambjent
tal-baħar. L-istrateġiji għall-baċiri tal-baħar jipprovdu
għall-karatteristiċi ekonomiċi tal-baċiri tal-Ewropa,
filwaqt li jippermettu użu aħjar tal-flus pubbliċi. Billi
jallinjaw flimkien il-fondi Ewropej u dawk nazzjonali eżistenti
fir-rigward tal-prijoritajiet tat-tkabbir miftehma, dawn jaġixxu
bħala muturi ekonomiċi fir-reġjuni marittimi. L-istrateġija tal-UE
għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ħolqot aktar minn
80 proġett ewlieni; l-impatt tagħhom huwa deskritt fid-dettall
fir-Rapport ta' Progress adottat f'Ġunju 2011. L-Istrateġija
tinkludi miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis mill-bastimenti, biex
jiġi żviluppat trasport marittimu sostenibbli fuq distanzi qosra,
biex tiġi ttrattata l-ewtrofikazzjoni, biex jinħolqu gruppi
ġodda ta’ SMEs innovattivi, biex tiġi appoġġata
r-riċerka u biex jiġu integrati s-sistemi ta' sorveljanza marittima. F'Novembru 2011, ġiet adottata Strateġija
Marittima għall-Atlantiku biex tixpruna l-ħolqien tal-impjiegi u
t-tkabbir fiż-żona tal-Atlantiku billi jitjieb il-potenzjal marittimu
ta’ din iż-żona. Forum Atlantiku bħalissa qiegħed
jidentifika l-azzjonijiet prijoritarji permezz ta' Pjan ta' Azzjoni li
għandu jiġi adottat fl-2013. Dan se jippermetti l-użu
strateġiku tal-fondi strutturali tal-UE biex jiġi appoġġat
it-tkabbir marittimu fil-perjodu mill-2014 sal-2020. Il-Komunikazzjoni bit-titlu “Lejn Politika
Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran”
ġiet adottata fl-2009 bil-għan li ttejjeb il-governanza
tal-affarijiet marittimi u l-ħarsien ambjentali. Ir-reġjuni u
l-Istati Membri allokaw xi fondi tal-2007 sal-2013 li kienu allokati
għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-għanijiet
marittimi. Permezz tal-proġett “IMP-MED”, li qed jitwettaq fil-kuntest
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, issa qed tiġi pprovduta assistenza
teknika biex ikun appoġġat it-tkabbir li jinħoloq
mill-baħar u biex jittejjeb it-tfassil tal-politika marittima
f'pajjiżi msieħba fil-proġett li mhumiex membri tal-UE. L-Italja, is-Slovenja, il-Greċja u
l-Kroazja kkommettew ruħhom għal kooperazzjoni marittima aktar
b'saħħitha fil-livell subreġjonali fil-Baħar Adrijatiku
u fil-Baħar Jonju. Qed tiġi żviluppata strateġija
marittima sabiex jiġu ddefiniti l-oqsma prijoritarji għat-tkabbir u
sabiex jiġu allokati l-fondi tal-UE skont dan Qed isiru passi ’l quddiem ukoll fir-rigward
tal-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, wara
avveniment ta’ livell għoli organizzat mal-Bulgarija u r-Rumanija
f'Ottubru 2011 li fih kien hemm skambju tal-ideat. F'Ġunju 2012, il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u
l-Politika ta' Sigurtà adottaw Komunikazzjoni li pproponiet 28 punt ta'
azzjoni favur l-impenn kostruttiv tal-UE fl-Artiku. Din
il-Komunikazzjoni tappoġġa ġestjoni effettiva tal-Artiku
bbażata fuq l-għarfien, ir-responsabbiltà u l-impenn biex
jintlaħqu l-isfidi strateġiċi, ekonomiċi u ambjentali ta’
dan ir-reġjun, li qegħdin jiżdiedu dejjem aktar. 6. Inħarsu l-ekosistemi tal-baħar
- kundizzjoni tat-tkabbir u fattur li jwassal għalih L-UE għandha l-ikbar territorju marittimu
fid-dinja. Jeħtieġ li nħarsu s-saħħa tal-ekosistemi
tal-baħar għall-futur tal-bijodiversità tal-oċeani u biex
nappoġġaw it-tkabbir marittimu. Minħabba li l-kumpaniji
marittimi Ewropej ta’ spiss ikunu minn ta' quddiem nett fil-qasam
tat-teknoloġija ambjentali innovattiva, il-liġijiet fil-qasam
ambjentali wkoll jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku tagħna. 6.1. L-isfida ta' ekosistemi
tal-baħar b’saħħithom Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija
Marina tal-2008 hija l-pilastru ambjentali tal-PMI. L-għan globali
tagħha huwa li sal-2020 jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ilma
baħar tal-UE. Diġà ġew kompluti għadd ta'
stadji ewlenin sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fl-2010, il-Kummissjoni
adottat Deċiżjoni marbuta mal-kriterji u l-istandards
metodoloġiċi għall-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb,
li se jintużaw mill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-programmi ta'
monitoraġġ u ta' miżuri kosteffikaċi sabiex jiġi
żgurat status ambjentali tajjeb fl-ilma baħar tagħhom. Fl-2011,
il-Kummissjoni ċċarat ukoll ir-relazzjoni bejn il-valutazzjoni
inizjali tal-ilma baħar u l-kriterji għal status ambjentali tajjeb. Sar progress sinifikanti fit-twaqqif
tan-netwerk Natura 2000, iżda għadhom jeżistu xi
nuqqasijiet, speċjalment lil hinn mill-kosta. Fl-2011, il-Kummissjoni
adottat il-Linji gwida dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttivi dwar
l-Għasafar u l-Ħabitats fl-Estwarji u ż-Żoni Kostali
b’attenzjoni partikulari għall-iżvilupp tal-portijiet u
t-tħammil. L-istrument finanzjarju tal-Kummissjoni msejjaħ “LIFE+”
jikkontribwixxi għall-ġestjoni tan-Netwerk Natura 2000
fl-ambjent tal-baħar billi jiffavorixxi miżuri innovattivi
tal-ħarsien kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet. 6.2. Adattament għat-tibdil
fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha It-tibdil fil-klima jista' jkollu konsegwenzi
drammatiċi għar-reġjuni kostali, inklużi t-theddid
għad-difiżi kostali, l-erożjoni, l-għargħar u
ż-żieda fil-livell tal-baħar, u jista' jkollu impatti akbar meta
dan jitħallat ma' pressjonijiet oħrajn fuq l-ambjent tal-baħar.
F'Marzu 2012, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma Ewropea
għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, li hija l-aktar websajt
komprensiva għall-informazzjoni dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u
l-vulnerabbiltajiet fl-Ewropa. Din il-pjattaforma għandha l-għan li
tappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika fl-iżvilupp ta’
miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż
fiż-żoni kostali. 6.3. Nindirizzaw
it-tniġġis tal-arja li ġej mill-bastimenti L-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHGs) mit-trasport
marittimu internazzjonali bħalissa
jirrappreżentaw madwar 3 % tal-emissjonijiet globali tal-GHGs. Dan
l-ammont x'aktarx jiżdied minħabba ż-żieda fil-kummerċ
dinji u fid-domanda għat-trasport marittimu. Fl-2011, il-Kummissjoni
stabbiliet l-għan li l-emissjonijiet tal-GHGs mit-trasport marittimu fl-UE
jitnaqqsu b'40 % sal-2050. Il-proġetti ta' kooperazzjoni biex
jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet tal-GHGs mill-bastimenti fl-Ewropa
tnedew mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima,
mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, mill-Istitut Meteoroloġiku
tal-Finlandja u mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta
għal emenda tad-Direttiva 1999/32/KE biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti
l-emissjonijiet tal-kubrit li ġejjin mit-trasport marittimu u biex
jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-problemi tal-kwalità tal-arja
fl-UE li jaffettwaw is-saħħa umana u tal-aċidifikazzjoni. 7. Ġestjoni aħjar tal-affarijiet
marittimi Ġestjoni tajba, flimkien ma'
koordinazzjoni tajba fl-Istati Membri, fir-reġjuni kostali, fl-industriji
u fil-partijiet interessati u bejniethom, hija essenzjali biex tiġi
żviluppata l-ekonomija marittima bl-iktar mod effiċjenti u
sostenibbli possibbli. Il-fluss tal-informazzjoni, tad-dejta u tal-aqwa prattiki
jista' jaċċellera l-investiment u l-innovazzjoni, filwaqt li
jikkontribwixxi għal ħarsien aħjar tal-ambjent. 7.1. Żviluppi fl-Istati
Membri Kulma jmur, l-Istati Membri qegħdin
japplikaw dejjem aktar approċċi kkoordinati għall-iżvilupp
tal-ekonomija marittima tagħhom permezz ta' strateġiji nazzjonali,
bħalma jiġri, pereżempju fi Franza, il-Portugall u
l-Ġermanja, jew permezz ta' inizjattivi speċifiċi bħall-Att
tal-Baħar tar-Renju Unit, l-Istrateġija Marittima tad-Danimarka u
l-istrateġija tax-xjenza tal-Irlanda. Fl-2011, il-Ġermanja adottat
ukoll pjan sabiex tixpruna l-ekonomija marittima tagħha. Għadd ta' Stati Membri stabbilixxew
koordinazzjoni interministerjali jew ħolqu pożizzjonijiet
fil-ministeri, bħal Ċipru, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja.
Xi reġjuni marittimi, bħal Schleswig-Holstein, Västra Götaland u
Bretagne, komplew jiżviluppaw l-istrateġiji marittimi reġjonali
tagħhom mill-2009 'l hawn. Fl-2010, 17-il Stat Membru u pajjiżi
assoċjati nedew l-Inizjattiva ta' Pprogrammar Konġunt bl-isem
“Oċeani u Ibħra b'saħħithom u produttivi” sabiex
jippromwovu s-sinerġiji bejn ir-riżorsi u l-kapaċitajiet
tar-riċerka. 7.2. Żviluppi fil-livell
tal-UE F'Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew
adotta riżoluzzjoni dwar il-PMI, li kkonfermat il-validità tal-approċċ
integrat fir-rigward tal-affarijiet marittimi, u huwa stieden lill-Kummissjoni
tiżviluppa dimensjoni marittima fl-istrateġija Ewropa 2020. F'Diċembru 2011, daħal
fis-seħħ ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li
jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp
ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata. Dan jipprovdi lill-PMI bl-ewwel
programm operattiv tagħha għall-2012 sal-2013; l-implimentazzjoni
tiegħu hija deskritta fid-dettall fil-punt 6.2.5 tad-dokument SEC li
jakkumpanja ’l dan ir-rapport. Il-bażijiet legali multipli tar-Regolament
jirrikonoxxu l-approċċ orizzontali tal-PMI. Taħt il-Presidenza Svediża
(f’Novembru 2009), il-Presidenza Spanjola (f’Ġunju 2010) u dik
Pollakka (f’Diċembru 2011), il-Kunsill għall-Affarijiet
Ġenerali adotta Konklużjonijiet li jirrigwardaw il-PMI u li
jinvolvu diversi oqsma tal-politika. Dawn jipprovdu ħarsa ġenerali
lejn l-iżviluppi riċenti, filwaqt li jiddikjaraw l-appoġġ
tal-Kunsill fir-rigward tal-inizjattivi li għaddejjin bħalissa, u
jagħtu spinta lill-iżviluppi futuri. F'Jannar 2011, il-Kumitat
tar-Reġjuni adotta Opinjoni li enfasizzat l-importanza li jiġi
ggarantit is-suċċess tal-PMI għal raġunijiet ambjentali,
ekonomiċi u soċjali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
adotta Opinjoni dwar il-PMI fi Frar 2011 li tappoġġa
s-sinerġiji transsettorjali u transkonfinali għall-attivitajiet
marittimi. 7.3. Żviluppi fil-livell
internazzjonali F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar
id-dimensjoni internazzjonali tal-PMI, il-Kummissjoni saħħet
l-isforzi tagħha fix-xena marittima internazzjonali. Fil-livell globali, l-UE talbet għal
aktar ambizzjoni fir-Riżoluzzjonijiet dwar l-Oċeani u l-Liġi
tal-Baħar u dwar is-Sajd Sostenibbli, filwaqt li ppromwoviet sħubija
globali fi strumenti ta' governanza marittima bħal, pereżempju,
il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (“UNCLOS”). Suċċess partikulari ta’ din il-ħidma
kien it-tnedija ta' proċess, fil-livell tan-NU, li, fl-aħħar
mill-aħħar, għandu jwassal għan-negozjar ta' ftehim ta'
implimentazzjoni tal-UNCLOS għall-ħarsien u l-użu sostenibbli
tal-bijodiversità tal-baħar f'żoni li jinsabu lil hinn
mill-ġurisdizzjoni nazzjonali. Fil-Konferenza
tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f'Rio de Janeiro
f’Ġunju 2012, l-UE saħqet ukoll fuq il-progress fil-ħarsien
tal-oċeani u tal-ibħra u fuq il-progress fil-governanza marittima. Azzjoni esterna aktar kuraġġuża qed
twassal għal suċċess, bi prestazzjoni aħjar
tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u żieda
fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra s-sajd
illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-affarijiet marittimi saru suġġett
li jiġi diskuss b’mod regolari mas-sieħba tal-UE
bħaċ-Ċina, ir-Russja, il-Ġappun, il-Kanada u l-Istati
Uniti. Il-firxa tad-djalogi settorjali bdiet
tespandi bil-mod il-mod biex tilqa' fi ħdanha kooperazzjoni aktar vasta
fir-rigward tal-affarijiet marittimi globali. 7.4. Viżibbiltà tal-Ewropa
marittima u l-għarfien pubbliku dwarha Wieħed mill-għanijiet ewlenin
tal-PMI kien li jżid il-viżibbiltà tal-identità marittima tal-Ewropa
u l-potenzjal ekonomiku tagħha fost l-Ewropej. L-għarfien pubbliku
huwa essenzjali f'oqsma fejn l-interessi marittimi jikkompetu ma' setturi
oħrajn għall-appoġġ politiku jew għall-investiment jew
fis-suq tax-xogħol. Sa minn meta tnediet il-Politika Marittima
Integrata, il-Eurostat kien involut fil-produzzjoni ta’ statistika
maħsuba biex tappoġġa l-politika, bil-għan li tittejjeb
id-dejta ekonomika dwar is-setturi u r-reġjuni marittimi. L-inizjattivi
marittimi ġew inklużi fil-programmi ta' ħidma tal-Eurostat. Sa
mill-2009 ’l quddiem ġiet ippubblikata statistika dwar ir-reġjuni
kostali u s-setturi marittimi b'mod regolari. Għodod interattivi bħall-Forum
Marittimu jew l-Atlas tal-Baħar jiffaċilitaw
l-aċċess għal informazzjoni marbuta mal-baħar u jgħinu
sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-Ewropa marittima. Il-Jum
Marittimu Ewropew, li jiġi ċċelebrat
fl-20 ta' Mejju, huwa avveniment ewlieni li permezz tiegħu
jiżdied l-għarfien dwar il-potenzjal tal-Ewropa marittima. 8. Konklużjoni Il-Politika Marittima Integrata nħolqot
biex tafferma mill-ġdid id-dimensjoni marittima tal-Unjoni Ewropea. Bdiet
minn din il-viżjoni u żviluppat f'għodda li trendi
benefiċċji konkreti għat-tkabbir u s-sostenibbiltà marittima
fl-Ewropa. Kif juri dan ir-Rapport, il-kontribut qawwi tas-setturi marittimi
għall-ekonomija Ewropea u għall-għanijiet tal-istrateġija
Ewropa 2020 jissaħħaħ permezz ta' azzjoni kkoordinata biex
jitnaqqsu l-ispejjeż, tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi,
jitnaqqsu r-riskji, tiġi appoġġata l-innovazzjoni u jsir
użu aħjar mill-flus pubbliċi. Il-Kummissjoni qed toħloq l-aqwa
kundizzjonijiet possibbli biex mill-baħar jiġi żvilupp ekonomiku
sostenibbli. Abbażi ta' dawn il-kisbiet, l-għan għas-snin li
ġejjin huwa t-Tkabbir Blu. Il-Konferenza Ministerjali informali
dwar il-PMI, li se ssir matul il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill, se
tkun pass importanti ħafna lejn l-ilħiq ta’ dan l-għan. It-Tkabbir
Blu se jiftaħ kapitlu ġdid tal-Politika Marittima Integrata –
it-tieni wieħed, biex b'hekk tinkiseb ekonomija marittima
b'saħħitha li tkun sors ta' innovazzjoni, tkabbir u sostenibbiltà
għaċ-ċittadini Ewropej. [1] Id-dettalji u r-referenzi ta’ kull inizjattiva msemmija
fir-Rapport jinsabu fid-dokument SWD(2012) 255 finali li jakkumpanjah.