52012DC0174

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Interim ta’ Evalwazzjoni tal-Programm Ewropew għar-Riċerka tal-Metroloġija - EMRP /* COM/2012/0174 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Interim ta’ Evalwazzjoni tal-Programm Ewropew għar-Riċerka tal-Metroloġija - EMRP

1.           Kuntest u Deskrizzjoni fil-qosor tal-EMRP

Bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-UE qablet li tipparteċipa fi programm ta' riċerka konġunt bl-isem ta' Programm Ewropew għar-Riċerka tal-Metroloġija - EMRP[1], b'kontribuzzjoni ta’ massimu ta’ EUR 200 miljun għall-perjodu 2009-2017, ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet tat-22 Stat Parteċipant[2]. Id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq (minn hawn ’il quddiem id-“Deċiżjoni EMRP”) hija bbażata fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE (dak li qabel kien l-Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE) li, waqt li jimplimenta l-Programm Qafas Multiannwali, jagħmel possibbli l-koordinazzjoni ta' programmi ta' riċerka nazzjonali, permezz ta' proċess ta' integrazzjoni volontarju bejn l-Istati Parteċipanti, u jkopri integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja. L-implimentazzjoni konġunta tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali teħtieġ it-twaqqif jew l-eżistenza ta' struttura ddedikata għall-implimentazzjoni. L-Istati parteċipanti qablu li jipproponu EURAMET e.V[3] bħala struttura ddedikata għall-implimentazzjoni tal-EMRP. L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tirċievi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u għandha tiżgura t-twettiq effiċjenti tal-EMRP.

L-attività prinċipali tal-EMRP tikkonsisti fil-finanzjament ta’ proġetti transnazzjonali b’diversi msieħba li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u tixrid (proġetti EMRP). Minħabba l-kapaċitajiet ikkonċentrati fil-metroloġija, il-parti prinċipali tal-proġetti EMRP għandha tiġi eżegwita mill-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija u l-Istituti Nominati (jiġifieri, istituti speċjalisti responsabbli għal ċerti standards nazzjonali u servizzi assoċjati li mhumiex koperti mill-attivitajiet tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija) mill-Istati parteċipanti. Sabiex iżid u jiddiversifika l-kapaċitajiet fil-metroloġija, l-EMRP jiffinanzja wkoll diversi skemi ta’ għotjiet għar-riċerkaturi li jikkumplimentaw il-proġetti EMRP.

Fid-Deċiżjoni dwar l-EMRP il-Parlament u l-Kunsill fakkru li l-metroloġija hija qasam xjentifiku interdixxiplinarju u hija komponent vitali ta’ soċjetà moderna bbażata fuq l-għarfien. Standards ta’ kejl affidabbli u komparabbli, u metodi validati xierqa ta’ kejl u ttestjar isostnu l-proċessi tal-avvanz xjentifiku u l-innovazzjoni teknoloġika u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni[4], adottata fil-kuntest tal-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE “Ewropa 2020”[5], il-Kummissjoni saħqet fuq l-importanza ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv għaċ-ċittadini tagħhna b'miri u azzjonijiet fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-isforzi kollha sabiex l-Unjoni Ewropea tinbidel f’Unjoni tal-Innovazzjoni huma importanti għall-istrateġija tal-UE.

Il-kunċett ta’ sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej sabiex jiġu raggruppati l-isforzi, jinkisbu avvanzi u jingħelbu sfidi soċjali tressaq reċentement f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni[6] lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill irrikonoxxa fil-konklużjonijiet tiegħu[7], li sħubija tista’ tiffaċilita l-aqwa użu tar-riżorsi u għalhekk tiżviluppa l-użu sħiħ tal-kapital intellettwali tal-Ewropa u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-ERA kif ukoll tnaqqas kull duplikazzjoni bla bżonn. Sħubija ġġib flimkien atturi Ewropej u nazzjonali għall-bini ta' massa kritika, viżjonijiet konġunti u aġendi strateġiċi, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà, l-iskala u l-ambitu. Bl-istess mod l-EMRP mill-2009 stabbiliet sħubija b’saħħitha bejn it-22 Stat Parteċipant.

Id-Deċiżjoni tal-EMRP teħtieġ evalwazzjoni interim tal-EMRP li titwettaq mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti tliet snin wara l-bidu tal-EMRP. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-progress lejn l-ilħiq tal-miri, kif ukoll rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw lill-EMRP dwar l-aktar modi adegwati sabiex tkompli tittejjeb l-integrazzjoni u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, inkluża l-integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja u jekk il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati parteċipanti huwiex adattat, fid-dawl tad-domanda potenzjali mid-diversi komunitajiet ta’ riċerka nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-konklużjonijiet tagħha, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha.

Panel ta’ esperti appoġġa lill-Kummissjoni f’din l-evalwazzjoni bis-sejbiet tiegħu u ħareġ ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim (minn hawn ’il quddiem ir-“Rapport”) li jipprovdi analiżi fil-fond tal-EMRP fir-rigward tal-progress lejn l-għanijiet inizjali kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar l-aktar modi xierqa sabiex tissaħħaħ aktar l-integrazzjoni u l-kwalità u l-effiċjenza ta’ din l-inizjattiva.

Dan ir-Rapport jipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjonijiet dwar ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin espressi mill-esperti fir-Rapport[8].

2.           Evalwazzjoni interim tal-Grupp indipendenti ta’ esperti: L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni

Ir-Rapport tal-Grupp kopra l-aspetti relevanti kollha kif kien mitlub mid-Deċiżjoni tal-EMRP u pprovda għadd importanti ta’ fatti, kummenti u rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni tikkonsidra r-Rapport sħiħ bħala parti integrali mill-Proċess ta’ evalwazzjoni interim. Il-Kummissjoni għalhekk se tenfasizza, fis-subparagrafi li ġejjin ta’ dan il-kapitolu, l-aktar sejbiet/rakkomandazzjonijiet relevanti li jikkonċernaw l-EMRP u se tesprimi l-opinjoni tagħha rispettivament.

2.1 Kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni.

Bid-delega tal-implimentazzjoni tal-EMRP lil Struttura ta’ Implimentazzjoni Nominata (DIS) il-Kummissjoni segwiet id-dispożizzjoni tal-Artikolu 185 tat-TFUE u r-regoli li japplikaw għal ġestjoni indiretta ċentralizzata skont ir-Regolament Finanzjarju. EURAMET e.V kienet id-DIS magħżula u l-istruttura ta' governanza tagħha nstabet li kienet effiċjenti u ta' kwalità għolja għall-implimentazzjoni tal-EMRP. Filwaqt li kkunsidra mhux biss il-qawwa operazzjonali tal-EMRP iżda wkoll il-kontenut xjentifiku tiegħu, il-Panel innota li ż-żieda fil-viżibbiltà tal-EMRP lil hinn mill-komunità tal-metroloġija tkun ta’ benefiċċju għall-komunità aktar wiesa’ ta’ partijiet interessati u s-soċjetà inġenerali.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn qawwi u l-ġestjoni professjonali tal-EURAMET e.V u l-Kumitat EMRP fl-implimentazzjoni tal-EMRP fl-ewwel tliet snin tagħha mill-2009 u tinkoraġġixxi l-każijiet rilevanti kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-EMRP sabiex il-kwalità tal-implimentazzjoni u l-viżibbiltà tal-programm jitjiebu kontinwament.

Il-Kummissjoni tapprova r-rakkomandazzjoni tal-Panel biex tistabbilixxi indikatur prinċipali tal-prestazzjoni (KPI) għal żmien sal-kuntratt u tistabbilixxi miri għat-titjib sabiex tibda l-proġetti kollha mill-aktar fis possibbli wara l-għażla tagħhom.

2.2 Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti

(1) Id-Deċiżjoni dwar l-EMRP għamlet il-kontribuzzjoni tal-Unjoni dipendenti fuq l-impenn formali minn kull Stat parteċipant biex jikkontribwixxi s-sehem ta’ finanzjament tiegħu għall-EMRP u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja lill-benefiċjarji. L-impenn nazzjonali totali tat-22 Stat Parteċipant kollha kien iffissat għal mill-anqas EUR 200 miljun u kien jinkludi 10 % fi flus l-aktar biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi kollha (sa EUR 16-il miljun) tal-ġestjoni tal-EMRP u għall-bqija li kienu qed jikkontribwixxu għall-iskemi ta' għotja. Barra minn hekk il-EURAMET ipprovdiet evidenza ta’ garanziji finanzjarji adegwati mill-Istati parteċipanti lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni. L-ammonti garantiti mill-Istati parteċipanti jiġu kkalkulati skont prinċipju ta’ allokazzjoni fiss stabbilit minn qabel għal kull Stat Parteċipant. Il-garanziji ġew ikkostitwiti permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta' garanzija jew responsabbiltà mill-Istati parteċipanti jew mill-istituti nazzjonali tal-metroloġija tagħhom lejn il-Kummissjoni.

(2) Sa issa l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti ġew onorati b’rispett sħiħ tal-proċeduri stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-EMRP. Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għal proġetti magħżula saru b’rispett sħiħ tal-proċeduri miftiehma.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Istati Parteċipanti jonoraw l-impenn inizjali tagħhom kif inhuwa stipulat fid-Deċiżjoni tal-EMRP u taqbel mal-Panel li l-EMRP kiseb livell għoli ta’ integrazzjoni finanzjarja bil-mudell ta’ finanzjament tiegħu.

2.3 L-integrazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka nazzjonali tal-metroloġija

L-inizjattiva EMRP għandha l-għan li tallinja u tintegra l-attivitajiet ta' riċerka nazzjonali tal-metroloġija biex tistabbilixxi programm konġunt ta' riċerka b’integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja.

Il-livell ta’ integrazzjoni xjentifika jista’ jitqies bħala kisba kbira għall-EMRP iżda wkoll benefiċċju ewlieni għall-programmi nazzjonali tal-metroloġija involuti. L-approċċ ”Grand Challenge” rawwem sew il-kooperazzjoni interdixxiplinarja bejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka tal-metroloġija. Għalkemm partijiet terzi huma sa ċertu punt involuti fil-proġetti tal-EMRP, l-involviment u l-influwenza tagħhom fuq il-programmar xi drabi jidhru limitati u jistgħu jiżdiedu f'oqsma ta' natura multidixxiplinarja qawwija. Filwaqt li jidher xieraq li l-għan ewlieni tal-EMRP għandu jkun l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-metroloġija nazzjonali jew l-istituti dedikati speċjalizzati, il-Panel jemmen li l-esperti ta’ partijiet terzi jistgħu jżidu l-valur għal din il-komunità speċjalizzata. Barra minn hekk l-involviment ta’ komunità ta’ riċerka aktar wiesgħa jista’ jissaħħaħ aktar f’ċerti oqsma li jmorru lil hinn mill-aspetti ta’ riċerka tipiċi tal-metroloġija.

Billi jaqbel b’mod konġunt fuq suġġetti potenzjali għar-riċerka għal kull sejħa għal proposti u jiddeċiedi dwar liema suġġetti se jintgħażlu għal aktar konsiderazzjoni, il-Kumitat tal-EMRP huwa l-istanza li tieħu opinjoni strateġika konġunta dwar il-bżonnijiet tar-riċerka tal-metroloġija madwar l-Ewropa. Il-Panel enfasizza li s-suġġetti għar-riċerka ntgħażlu sew, li l-EMRP huwa rikonoxxut globalment u jista' jevita dupplikazzjonijiet li jiswew ħafna flus. Madwar 50 % tal-investiment nazzjonali issa huwa kkoordinat fi ħdan l-ambitu u s-suġġetti tal-EMRP u għalhekk huwa ċar li qed tintlaħaq integrazzjoni xjentifika konsiderevoli tal-finanzjament nazzjonali ta’ bażi.

Madanakollu, id-differenza fir-riżorsi allokati lill-EMRP bejn kontributuri kbar u żgħar hija waħda konsiderevoli kif inqabel fid-Deċiżjoni. Konsegwentement il-kompetenza xjentifika u l-infrastrutturi ta’ riċerka eżistenti huma diverġenti ħafna u b’hekk integrazzjoni xjentifika sħiħa bejn it-22 Stat Parteċipant hija xi drabi diffiċli. Ostaklu ewlieni għal istituti nazzjonali tal-metroloġija żgħar u li qed jiżviluppaw hija l-ħila limitata tagħhom biex jipparteċipaw ma' persunal espert fi proġetti tal-EMRP u r-riżorsi limitati finanzjarji tagħhom. Il-Panel jaħseb li dan joħloq riskju qawwi li d-distakk eżistenti fil-kompetenza u l-kapaċitajiet bejn l-istituti tal-metroloġija l-kbar stabbiliti sew u l-istituti ż-żgħar li għadhom qed jiżviluppaw se jkompli jikber minflok jiċkien.

Il-Kummissjoni taqbel mal-Panel li n-nuqqas ta’ kapaċità bejn il-Pajjiżi Parteċipanti tidher li qed tiżdied f’ċerti każijiet u taqbel mal-opinjoni tal-Panel li s-Sistema ta’ Għotjiet għar-Riċerkaturi tista’ tintuża b’mod aktar effettiv sabiex jiżdiedu aktar il-possibbiltajiet għal pajjiżi b'kapaċitajiet limitati ta' riċerka tal-metroloġija. Il-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Panel li tesplora l-grad ta' flessibbiltà li jista' jiġi applikat għall-ġestjoni tal-għotjiet ta' mobbiltà sabiex jingħeleb l-ostaklu ta' rilokazzjoni.

L-integrazzjoni ta' ġestjoni nkisbet fil-EURAMET e.V, u dan wera li hi organizzazzjoni professjonali li qed taħdem tajjeb. Fejn meħtieġ, it-titjib sar u għadu jsir, għalhekk l-EMRP jista’ jitqies effettiv fl-implimentazzjoni tiegħu. L-istruttura attwali ta’ ġestjoni hija meqjusa effiċjenti u integrata.

Madanakollu, il-Panel ra l-ħtieġa li jesplora modi kif inaqqas u jissimplifika l-proċeduri burokratiċi mhux meħtieġa. Il-piż amministrattiv għall-koordinaturi u l-parteċipanti fi proġetti huwa kkunsidrat għoli u l-eżekuzzjoni tal-proġetti tista’ tiddewwem minħabba d-diffikultajiet relatati mal-kuntratti ta’ għotja. Il-kuntratt ta’ mudell ta’ Għotjiet għar-Riċerkaturi ġie mtejjeb fl-2011 u mill-2012 ikopri biss l-aspetti essenzjali tal-għotja. Minkejja dan it-titjib, il-Panel irrapporta li l-opinjoni għadha li s-sistema ta’ Għotjiet għar-Riċerkaturi mhix qed taħdem kif suppost u għandha titqies mill-ġdid.

Tħassib ieħor espress minn diversi membri tal-Kumitat tal-EMRP u mill-Panel huwa l-ħtieġa ta' koordinaturi ta' proġetti suffiċjenti u kompetenti, li jibdew il-proġetti mill-aktar fis possibbli wara d-deċiżjoni tal-għażla. Il-Panel ikkonkluda li jidher li hemm nuqqas ġenerali ta’ ħila professjonali fil-ġestjoni ta’ proġetti kumplessi ta’ riċerka internazzjonali.

Il-Kummissjoni għalhekk taqbel mal-Panel li jarmonizza aktar il-proċeduri ta' ġestjoni u tinkoraġġixxi l-EURAMET e.V. biex tipprovdi taħriġ ta' ġestjoni ta’ proġetti ta' riċerka Ewropej għal koordinaturi ta' proġetti u sħab potenzjali fi proġetti.

L-integrazzjoni finanzjarja tal-EMRP qiegħda f’livell għoli u l-Panel ikkonkluda li jkun diffiċli biex tinkiseb aktar integrazzjoni finanzjarja minħabba n-natura ta’ finanzjament block tal-istituzzjonijiet nazzjonali li jikkorrispondu mal-impenji nazzjonali tal-Istati Parteċipanti. L-EMRP juża sistema ta’ "fond komuni virtwali” flimkien ma’ mekkaniżmu xieraq ta’ finanzjament ta’ riserva li jippermetti proġetti ta’ finanzjament daqs sistema ta' "fond komuni reali". Il-governanza tal-EMRP u l-integrazzjoni finanzjarja għolja tagħha jiżguraw li l-fondi disponibbli għal kull sejħa jaqblu dejjem mal-ħtieġa min-naħa tal-proponent. B’dan il-mod l-ordni tal-listi ta’ mertu tal-evalwazzjonijiet ċentrali u indipendenti ġiet rispettata b'mod sħiħ għat-tliet sejħiet kollha mingħajr l-ebda eċċezzjoni.

2.4 Progress lejn l-għanijiet

Sabiex janalizza l-progress lejn l-għanijiet tal-EMRP, il-Panel mar lura għall-valutazzjoni tal-impatt ex-ante[9] li ddeskriviet l-għanijiet ġenerali ta’ politika, l-għanijiet speċifiċi u l-għanijiet operazzjonali tal-EMRP.

Fir-rigward tal-għanijiet tal-politika ġenerali, il-Panel ikkonkluda li l-EMRP għamel progress sostanzjali fil-moviment ħieles tal-għarfien fiż-ŻER. Ġiet iġġenerata kooperazzjoni qawwija bejn l-atturi ewlenin ta’ riċerka fil-qasam għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-għarfien u t-tkabbir għall-appoġġ tal-kompetittività Ewropea fuq skala globali. Il-punt fokali parzjali dwar l-isfidi l-kbar relatati mal-enerġija, l-ambjent u s-saħħa qed jippermetti aktar kollaborazzjoni interdixxiplinarja fil-komunità tal-metroloġija sabiex jiġi indirizzat il-bżonn tas-soċjetà. Il-Panel ikkonkluda li l-EMRP jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) billi jimplimenta “Żona Ewropea tar-Riċerka tal-Metroloġija” (MERA).

Fir-rigward tal-għanijiet speċifiċi l-Panel jenfasizza l-effett strutturali b’rabta mal-integrazzjoni finanzjarja li seħħet diġà fl-ewwel snin tal-EMRP. Ġie osservat ukoll effett strutturali ieħor utli, li huwa evidenti permezz tal-proċess annwali elaborat tal-iffissar ta' prijoritajiet għal Sejħiet Konġunti, li jidher li qed jinfluwenza l-prijoritajiet nazzjonali f'ċerti pajjiżi. L-effett strutturali u d-deframmentazzjoni huma biċ-ċar akbar f'dawk il-pajjiżi li joperaw fis-sistema metroloġika ċentralizzata. Għadu kmieni wisq għal stima tal-effetti strutturali fuq l-industrija, is-soċjetà u l-esplojtjazzjoni ta' teknoloġiji ġodda iżda l-Panel jidher konvint li livell ta’ massa kritika, li kien ikun impossibbli mingħajr l-EMRP, qed jinkiseb.

L-għanijiet operazzjonali tal-EMRP ikopru suġġetti relatati ma’ sfidi kbar, bini tal-kapaċità, aċċess miftuħ għall-infrastrutturi, żieda fil-kollaborazzjoni mal-komunità xjentifika aktar wiesgħa, modernizzazzjoni, mobbiltà ta' riċerkaturi żgħażagħ, koordinazzjoni aħjar ta' affarijiet internazzjonali, appoġġ għar-regolamenti u l-istandards u appoġġ għall-industrija u t-tkabbir ekonomiku. Skont din id-Deċiżjoni l-EMRP huwa mistenni li jikseb dawn l-għanijiet operazzjonali bil-mod li ġej:

a) Raggruppament tal-eċċellenza fir-riċerka dwar il-metroloġija - bil-ħolqien ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka kompetittivi (minn hawn ’il quddiem imsejħa "proġetti EMRP") li jorganizzaw il-kapaċità ta’ massa kritika suffiċjenti min-netwerks tal-istituti nazzjonali tal-metroloġija u istituti nominati mill-Istati parteċipanti biex jindirizzaw l-isfidi prinċipali tal-metroloġija ffaċċjati fuq livell Ewropew;

b) Ftuħ tas-sistema għall-aħjar xjenza – biż-żieda tal-parteċipazzjoni mill-komunità aktar wiesgħa tar-riċerkaturi Ewropej permezz ta’ għotjiet għar-riċerkaturi;

c) Żvilupp tal-kapaċità - billi tiżdied il-kapaċità tal-komunità tar-riċerkaturi Ewropej dwar il-metroloġija permezz ta’ għotjiet għall-mobbiltà tar-riċerkaturi mmirati lejn dawk il-Pajjiżi Membri tal-EURAMET b’kapaċità ta’ riċerka metroloġika limitata.

Il-Panel enfasizza b'sodisfazzjon kbir li r-raggruppament tal-eċċellenza fir-riċerka tal-metroloġija nkiseb fil-komunità Ewropea tal-metroloġija. Skont il-Panel il-EURAMET e.V. u l-Kumitat EMRP għandhom ikun imfaħħra talli ffaċilitaw il-koordinazzjoni xjentifika. Il-Panel inkoraġġixxa titjib possibbli fil-proċess tal-għa¿la għal Suġġetti ta' Riċerka Strateġika għal kull Sejħa, li jistgħu jkunu aktar ta' appoġġ għall-ftuħ tal-EMRP għall-ħtiġijiet kollha tal-partijiet interessati. Tali approċċ għandu jkun aktar ta’ appoġġ għall-esplojtjazzjoni tar-ri¿ultati fuq livell industrijali u regolatorju u jista’ jitlob tkabbir tal-ħiliet e¿istenti ta’ riċerka metroloġika fl-istituti nazzjonali u lil hinn.

Il-Kummissjoni tapprova r-rakkomandazzjoni tal-Panel u tinkoraġġixxi l-EURAMET e. V biex tesplora l-valur potenzjali miżjud tal-organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma ta’ partijiet interessati biex tagħti prijorità lis-Suġġetti Strateġiċi ta’ Riċerka, speċjalment is-Sejħiet ta' Sfida Kbira fejn tkun mixtieqa kultura aktar moħħa miftuħ.

Il-Kummissjoni taqbel ukoll mar-rakkomandazzjoni tal-Panel li ċerti suġġetti ta’ riċerka jistgħu jibbenefikaw minn ippeżar akbar tal-kriterji tal-impatt relatati mal-esplojtjazzjoni mgħaġġla tar-riżultati fl-Ewropa.

B’kuntrast mas-suċċess kbir ta' ġmigħ ta' eċċellenza fil-komunità ewlenija tal-metroloġija nfisha, il-ftuħ tas-sistema għall-aħjar xjenza s’issa kien ferm limitat. Il-Panel jirrapporta perċezzjoni esterna ċara li l-EMRP xorta għadu jidher pjuttost magħluq għal komunità ta’ riċerka Ewropea aktar wiesgħa.

Il-Kummissjoni għaldaqstant tinkoraġġixxi l-EURAMET e.V kif irrakkomandat mill-Panel sabiex tesplora modi kif tuża aħjar skemi ta’ għotja sabiex trawwem rabtiet mal-aħjar ċentri ta’ eċċellenza madwar l-Ewropa.

           

Fl-anali¿i ulterjuri tiegħu l-Panel fl-aħħar jikkonkludi li l-EMRP mhux qed ikollu l-effett mixtieq f’termini ta’ bini ta’ kapaċità f’dawk il-pajji¿i bla ebda ħila ta’ riċerka fil-metroloġija jew b’ħila limitata. Filwaqt li ċerti pajji¿i ħadu vantaġġ mill-programm sabiex jibnu kapaċità f’oqsma strateġiċi ta’ interess, id-diskrepanza fil-kapaċità fil-pajji¿i fejn ir-riċerka hija intensiva ħafna tidher li qed ti¿died.

Għandu jiġi nnotat ukoll li l-mekkani¿mi fl-EMRP e¿istenti relatati mal-ftuħ tas-sistema għall-aħjar xjenza u l-bini tal-kapaċità kienu bba¿ati l-aktar fuq is-sistema ta' għotjiet fl-EMRP. Jidher li l-kapaċità finanzjarja ta’ għotjiet tas-sistema nfisha mhix il-problema prinċipali. Il-Panel fakkar li l-EMRP e¿istenti tfassal permezz tad-Deċi¿joni EMRP bħala programm ta' riċerka li jħabrek lejn eċċellenza xjentifika fil-proċessi speċifiċi operazzjonali tiegħu u l-istrumenti finanzjarji u t-tmexxija li l-EMRP ma jistax imantni faċilment flimkien mal-kwistjoni kumplessa tal-bini tal-kapaċità. F’dan ir-rigward il-Panel offra rakkomandazzjonijiet interessanti u importanti għal futur potenzjali fuq medda itwal tal-EMRP.

Il-Kummissjoni għandha l-istess opinjoni tal-Panel dwar il-progress lejn l-għanijiet kif irrappurtat u l-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni sabiex tuża faċilitaturi esperti biex tinkoraġġixxi inklużjoni aħjar f’dawk il-pajjiżi b’kapaċità limitata ta’ riċerka tal-metroloġija bl-għan li tnaqqas id-distakk minn mal-pajjiżi aktar avvanzati.

2.5. Valur miżjud Ewropew tal-EMRP

Il-Panel esprima l-opinjoni qawwija tiegħu li l-EMRP huwa mudell eċċellenti ta’ x’jista’ jinkiseb bil-koordinazzjoni ta’ programmi nazzjonali R&D b’finanzjament ta’ bażi Il-Panel enfasizza tliet aspetti partikolari tal-EMRP li jipprovdi valur miżjud sostanzjali Ewropew.

· L-EMRP jippermetti massa kritika li tindirizza suġġetti anke kumplessi u interdixxiplinarji bħall-isfidi kbar soċjali, li jkunu lil hinn mill-kapaċitajiet ta' pajjiż wieħed.

· L-EMRP qed jirraggruppa riżorsi sostanzjali u jġib flimkien sforzi ta’ riċerka fil-qasam tal-metroloġija minn 22 pajjiż. Il-Panel jikkalkula li madwar 50 % tal-finanzjament totali dedikat għall-metroloġija fl-Ewropa huwa issa kkordinat permezz tal-EMRP, li flimkien mal-kontribuzzjoni tal-UE jammonta għal EUR 400 miljun fi programm konġunt wieħed.

· Il-Panel jirrikonoxxi “deframmentazzjoni" tal-isforzi tar-riċerka u osserva li jinkiseb tnaqqis f’dupplikazzjon mhux meħtieġa permezz ta’ ppjanar elaborat u l-implimentazzjoni ta’ kull sejħa konġunta (programmar konġunt).

F’dan l-isfond il-Panel jinkoraġġixxi l-EURAMET e. V, sabiex tikkonsidra kif ir-riżultati tal-proġett EMRP jistgħu jiġu esplojtjati b’ħeffa mill-Industrija Ewropea u jissuġġerixxi li tingħata aktar attenzjoni lill-attivitajiet ta' trasferiment ta' innovazzjoni u għarfien fuq medda itwal ta' żmien.

Dominju ieħor li għandu valur miżjud Ewropew u nazzjonali huwa l-EMRP fl-appoġġ tiegħu għar-regolazzjoni inġenerali bħal pereżempju r-regolazzjoni ambjentali bħad-Direttiva Qafas Ewropea dwar l-Ilma. Il-Panel fakkar li l-iżvilupp u d-definizzjoni ta’ aspetti ta’ metroloġija ta’ tali regolamenti huma eżempji fejn il-komunità ta' riċerka tal-metroloġija li qed tikkollabora taħt l-awspiċji tal-EMRP u l-EURAMET e.V. għandha tieħu rwol prinċipali fl-iżvilupp ta' metodi ġodda fundamentali ta' kejl. Il-Panel jaħseb li dan jeħtieġ livell wiesa' ta’ attivitajiet ta’ tbassir u involviment bikri ma' dawk responsabbli mill-politika u l-awtoritajiet regolatorji fuq livell nazzjonali u Ewropew. Jekk jinkiseb biss dan il-livell ta' kooperazzjoni l-EMRP se jkun kapaċi jesplojtja l-potenzjal kollu tiegħu b'appoġġ għall-politiki tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-EURAMET e.V. abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Panel biex tesplora għażliet għal gruppi ta' ħidma ta' tbassir ma' ministeri/aġenziji regolatorji u d-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni.

Barra mill-attivitajiet possibbli ta’ tbassir lejn kwistjonijiet regolatorji, il-Panel innota li l-aspetti tal-metroloġija fir-rigward ta’ “teknoloġiji ġodda” huma qasam li fih il-komunità tal-metroloġija tista' ssostni t-tkabbir ta' setturi emerġenti, fejn hemm b¿onn ta' ¿vilupp ta' metodoloġiji ta' kejl ġodda u aktar preċi¿i. It-“Teknoloġiji ġodda” għaldaqstant jidhru li huma qasam fejn għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni mal-komunità ta' riċerka aktar wiesgħa jew direttament fil-proġetti tal-EMRP i¿da wkoll potenzjalment permezz ta' koordinazzjoni ma’ proġetti u atturi tal-FP7 kumplimentari.

Il-Kummissjoni tilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Panel sabiex tesplora l-valur miżjud potenzjali tal-ħolqien ta' inċentivi sabiex tippermetti d-dakkir bejn l-atturi kumplimentari tal-EMRP u l-FP7 u l-proġetti.

2.6 L-iżvilupp futur tal-EMRP lil hinn mill-FP7 u l-esperjenza miksuba għal programmi konġunti futuri inġenerali

Il-Panel jaħseb li minbarra t-titjib possibbli msemmi hawn fuq għat-tmexxija tal-EMRP, hemm ukoll għadd ta’ tagħlimiet għal programmi konġunti futuri inġenerali. Dawn it-tagħlimiet jinkludu xi wħud li huma ġeneriċi u oħrajn li huma speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Metroloġija – pere¿empju, l-u¿u estensiv ta' finanzjament nazzjonali “istituzzjonali jew blokk”.

Il-Kummissjoni tilqa’, mingħajr ma tinfluwenza l-ebda deċiżjoni dwar il-futur tal-EMRP lil hinn mill-FP7, l-inizjattiva tal-Panel li jagħti parir dwar ħdax-il kwistjoni possibbli li għandhom jitqiesu għat-tfassil ta' kwalunkwe inizjattiva futura li għandha tippermetti lill-EURAMET e.V. biex tilħaq livelli ogħla ta’ integrazzjoni Ewropea.

Rigward it-tagħlimiet għal programmi konġunti futuri, il-Panel esprima l-opinjoni tiegħu li l-EMRP jista’ jkun f’xi każijiet eżempju għal attivitajiet tal-Programm Konġunt u inizjattivi oħra, fil-każ li huma jagħmlu użu mill-Artikolu 185 tat-TFUE għall-implimentazzjoni ta’ programm konġunt. Il-Panel ikkonkluda li mhux l-Istati Membri interessati kollha jista' jkun li għandhom diġà programmi li jinsabu għaddejja sabiex jintegrawhom fi programm konġunt jew il-programmi mhumiex flessibbli biżżejjed biex dan isir. Jeħtieġ li wieħed iqis li f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE, finanzjament kompetittiv limitat huwa disponibbli għall-koordinazzjoni fuq livell Ewropew.

Fl-opinjoni tal-panel ta’ esperti, huwa diffiċli b’mod partikolari li tinkiseb integrazzjoni finanzjarja skont l-inizjattivi tal-Artikolu 185, u l-EMRP huwa wirja ta’ kif “fond komuni virtwali” bbażat fuq kontribut in natura jista’ jikseb livell għoli ħafna ta' integrazzjoni finanzjarja.

Il-Kummissjoni tilqa’ r-riflessjonijiet tal-Panel rigward il-programmi konġunti futuri u se ġġedded l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tagħha bejn l-inizjattivi tal-Artikolu 185 li jinsabu għaddejja, sabiex tislet l-esperjenza miksuba għall-futur biex tipprovdi appoġġ għal sħubijiet pubbliċi pubbliċi potenzjali skont l-Orizzont 2020.

3.           Konklużjoni

Il-prestazzjoni operazzjonali tal-EMRP, li beda fl-2009, kisbet maturità bħala programm konġunt ta’ riċerka bejn 22 Stat Parteċipant, implimentat mill-EURAMET e.V. L-integrazzjoni bejn il-programmi nazzjonali parteċipanti hija waħda għolja. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tappoġġa l-programm attwali kif previst fid-Deċiżjoni tal-EMRP.

Wara 3 snin l-EMRP qiegħed jaħdem tajjeb fil-biċċa l-kbira tal-għanijiet operazzjonali inizjali tiegħu li jikkonċernaw kważi 85 % tar-riżorsi tal-EMRP, jiġifieri r-raggruppament ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-metroloġija. Madanakollu, hemm diskrepanzi sinifikanti bejn l-aspettattivi u r-realtà fir-rigward ta’ tliet indikaturi kwalitattivi ta’ impatt. il-bini tal-kapaċità, l-interazzjoni mal-komunità xjentifika aktar wiesgħa u l-mobbiltà.

EURAMET e.V u l-Kumitat EMRP bħala l-ogħla istanzi fit-tmexxija tal-EMRP huma mistiedna li jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex itejbu din is-sitwazzjoni fil-perjodu li baqa’ tal-programm. Filwaqt li l-ebda bidla mhi kkunsidrata meħtieġa għad-Deċiżjoni tal-bidu, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Panel imsemmija hawn fuq għandhom jiġu implimentati mill-EURAMET e.V kif ukoll kwalunkwe miżura addizzjonali li l-membri tal-EURAMET jaraw li tkun utli jew meħtieġa għat-titjib fil-bini tal-kapaċità, l-interazzjoni mal-komunità xjentifika aktar wiesgħa u l-mobbiltà fl-EMRP.

Finalment, il-Kummissjoni matul is-snin li ġejjin se tkun miftuħa għal involviment mal-EURAMET e.V. f’diskussjonijiet preliminari dwar is-segwitu possibbli għall-EMRP attwali fil-kuntest tal-perjodu ta’ programmar li jmiss, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar ORIZZONT 2020 u l-Qafas Finanzjarju Multiannwali, filwaqt li tqis il-kuntest politiku aktar wiesa' tal-istrateġija EWROPA 2020.

[1]               Id-DEĊIŻJONI Nru 912/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta' riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija meħud b’impenn minn diversi Stati Membri (ĠU L 257, 30.09.2009, p. 12).

[2]               Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, kif ukoll in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija.

[3]               Assoċjazzjoni bla ebda skop ta' lukru, skont il-liġi Ġermaniża

[4]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6.10.2010, dwar “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni” COM(2010)546 finali

[5]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3.3.2010, "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020 finali

[6]               COM(2011) 572 finali Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

[7]               IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2011 18349/11 RECH

[8]               http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm

[9]               SEC(2008) 2949 Rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt