52012DC0012

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali /* COM/2012/012 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

1. INTRODUZZJONI 1.1. Sfond

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008[1] (minn issa 'l quddiem ‘id-Deċiżjoni Qafas’) dwar il-protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali tistabbilixxi qafas ġenerali legiżlattiv għall-protezzjoni tad-dejta fil-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009[2].

Id-Deċiżjoni Qafas kienet meħtieġa peress li f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda strument ġenerali fil-livell Ewropew li jkopri l-ipproċessar tad-dejta fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[3]. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta jiddikjara li ma japplikax “għall-ipproċessar tad-dejta personali fil-kors ta' attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħal ma huma dawk provduti fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta' pproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat jew l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali”.

L-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa li tipprovdi livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fil-livell tal-UE meta tiġi pproċessata d-dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Fl-istess ħin, għandu jiġu garantit livell għoli ta’ sigurtà pubblika[4]. Dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla biex jipproteġu d-dejta personali li tinġabar jew tiġi pproċessata fil-livell nazzjonali[5].

Il-kamp ta’ applikazzjoni[6] tad-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għall-ipproċessar tad-dejta personali għall-iskop ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif jew teħid ta’ passi fir-rigward ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali ta' dejta li hija trażmessa jew ġiet trażmessa jew saret disponibbli:

- bejn l-Istati Membri,

- mill-Istati Membri lill-awtoritajiet jew lil sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘Kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali’); jew

- lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri minn awtoritajiet jew sistemi ta' informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Dejta personali li tkun ġiet trasferita minn Stat Membru għal ieħor tista' wkoll tiġi trasferita lil Stati terzi jew korpi internazzjonali, sakemm jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti[7].

Id-Deċiżjoni Qafas tapplika bis-sħiħ għar-Renju Unit u l-Irlanda, għax hija żvilupp tal-acquis ta' Schengen. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma parti mid-Deċiżjoni Qafas skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2000/365/KE u 2002/192/KE.

Fir-rigward tal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein, id-Deċiżjoni Qafas tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim u l-Protokolli konklużi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Unjoni Ewropea mal-Islanda u man-Norveġja, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Liechtenstein, u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill 1999/437/KE, 2008/149/ĠAI u 2008/262/ĠAI.

1.2. Il-Kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma jkoprix l-ipproċessar domestiku tad-dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jew tal-pulizija fl-Istati Membri (Artikolu 1 (2)).

B’mod ġenerali, l-istrumenti leġiżlattivi speċifiċi għas-settur għall-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u li kienu ġew adottati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas jingħataw preċedenza fuq dawn tal-aħħar (l-Artikolu 28). L-istrumenti meqjusa li jistabbilixxu “sett ta’ regoli komplet u koerenti” fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta mhumiex affettwati mid-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 39). Miżuri oħrajn speċifiċi għas-settur li fihom regoli għall-protezzjoni tad-dejta b'kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat jingħataw preċedenza fuq id-Deċiżjoni Qafas biss jekk dawn ir-regoli jkunu aktar restrittivi minn din tal-aħħar. F’kull każ ieħor tapplika d-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 40).

Id-Deċiżjoni Qafas tispeċifika l-għanijiet tal-protezzjoni tad-dejta fi ħdan il-qafas ta’ attivitajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. Tistipula regoli dwar il-legalità tal-ipproċessar ta' dejta personali biex tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi skambjata tiġi pproċessata legalment u skont il-prinċipji fundamentali tal-kwalità tad-dejta.

Tiddefinixxi wkoll id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta biex tiżgura l-protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma tipperikola l-interessi tal-investigazzjonijiet kriminali. Għal dan il-għan, is-suġġetti tad-dejta jridu jkunu infurmati u jrid ikollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali, li jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom, iridu jagħtu parir u jissorveljaw l-applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas.

1.3. L-obbligu tal-Kummissjoni li tirraporta dwar l-implimentazzjoni

Skont l-Artikolu 29(1) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni qabel is-27 ta' Novembru 2010.

Skont l-Artikolu 29(2) għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom, kif ukoll informazzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas.

Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport bl-użu tal-informazzjoni li tkun intbagħtet mill-Istati Membri. Il-Kunsill għandu, qabel is-27 ta’ Novembru 2011, jivvaluta safejn l-Istati Membri kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas.

1.4. Għejun ta’ informazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-rapport

Sad-9 ta’ Novembru 2011, 26 minn 27 Stat Membru, kif ukoll il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera, kienu bagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

Minn dawn is-26 Stat Membru, 14-il Stat Membru indika li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tagħhom timplimenta d-Deċiżjoni Qafas (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Isvezja, u r-Renju Unit). Il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Estonja u l-Isvezja ddikjaraw li kienu għadhom qed jinvestigaw jekk kienx hemmx bżonn ta’ iżjed miżuri ta' implimentazzjoni.

9 Stati Membri jistgħu jiġu kkunsidrati li implimentaw parzjalment id-Deċiżjoni Qafas, peress li huma jirrapportaw li l-leġiżlazzjoni implimentattiva għadha trid tiġi adottata.

4 Stati Membri ma rreaġixxewx għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni (ir-Rumanija) jew indikaw li huma ma implimentawx id-Deċiżjoni Qafas (il-Greċja, l-Italja[8], Ċipru).

Il-kontenut tal-informazzjoni, b’mod partikulari l-livell ta’ dettall, mogħti mill-Istati Membri b'risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni jvarja. It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali tat-tweġibiet: tirrifletti l-valutazzjoni min-naħa tal-Istati Membri dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

2. TRASPOŻIZZJONI TAD-DEĊIŻJONI QAFAS 2.1. Deċiżjoni Qafas ex-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Din id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikulari l-Artikoli 30, 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu.

Id-Deċiżjonijiet Qafas bħala strumenti legali jistgħu jiġu pparagunati l-aħjar ma' direttiva, peress li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi. Madankollu, deċiżjonijiet qafas m'għandhomx effett dirett[9].

Skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-TUE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (Nru 36), anness mat-Trattati, is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-TFUE mhumiex applikabbli (u dawk tal-ECJ jibqgħu limitati) fir-rigward tal-atti ta’ ‘dak li kien it-tielet pilastru’ għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta' ħames snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (jiġifieri sal-1 ta’ Diċembru 2014).

Hawn taħt hawn xi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ erba’ dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas kif irrappurtat mill-Istati Membri bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2010.

2.1.1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali

Id-Deċiżjoni Qafas tapplika biss għall-ipproċessar ta' dejta personali trażmessa jew li ssir disponibbli bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 1(2)). L-ipproċessar tad-dejta personali mill-pulizija u l-ġustizzja f'materji kriminali fil-livell nazzjonali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

It-Tabella 2 tal-Anness tipprovdi ħarsa ġenerali tal-miżuri implimentattivi fl-Istati Membri. Ħafna mill-Istati Membri rreferew għal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta bħala waħda mill-miżuri implimentattivi tad-Deċiżjoni Qafas u żiedu referenza għal leġiżlazzjoni settorjali applikabbli għall-awtoritajiet tal-pulizija, tal-ġustizzja, tad-dwana u tat-taxxa. Xi Stati Membi ddeċidew li ma jadottawx strumenti leġiżlattivi, iżda li jimplimentaw id-Deċiżjoni billi joħorġu ċirkulari amministrattivi (pereżempju l-Ġermanja u r-Renju Unit).

Ħafna mill-Istati Membri indikaw li l-leġiżlazzjoni ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta tapplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-pulizija u l-ġustizzja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’kuntest transkonfinali[10], madankollu ta’ spiss flimkien mal-Atti dwar il-Proċedura Kriminali u l-Atti (dwar id-Dejta) tal-Pulizija[11]. Tlettax-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Isvezja) irreferew għall-Atti dwar il-Proċedura Kriminali jew leġiżlazzjoni simili. Seba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Isvezja) irrapurtaw l-eżistenza ta’ Att (dwar id-Dejta) tal-Pulizija[12]. Tliet Stati Membri (pereżempju l-Bulgarija, il-Portugall, il-Litwanja) żiedu li huma adottaw ukoll leġiżlazzjoni speċifika biex jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas mhux koperti mil-leġiżlazzjoni ġenerali, li japplikaw biss għall-ipproċessar transkonfinali tad-dejta personali[13].

Tliet Stati Membri kkunsidraw il-kamp ta’applikazzjoni limitat tad-Deċiżjoni Qafas bħala problema. L-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi rrapurtaw diffikultajiet biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u l-ipproċessar fil-livell nazzjonali, u l-kumplessità relatata biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli ta’ pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali. Il-Polonja identifikat il-punti dgħajfa fid-Deċiżjoni Qafas b’mod ġenerali u, b’mod partikulari, enfasizzat l-appoġġ tagħha għall-għan tal-Kummissjoni biex twaqqaf qafas komprensiv u l-estensjoni tar-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[14].

2.1.2. Informazzjoni tas-suġġetti tad-dejta (l-Artikolu 16, il-premessi 26-27)

Skont id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lis-suġġetti tad-dejta, li d-dejta tagħhom qed tiġi proċessata jew trażmessa lil Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew eżekuzzjoni ta' pieni kriminali. Il-forma, il-kontenut, il-metodu u l-eċċezzjonijiet (jiġifieri l-ebda għoti jew għoti limitat ta’ informazzjoni) użati għal dan l-iskop għandhom ikunu determinati skont il-liġi nazzjonali. Din tista’ tieħu forma ġenerali, billi tingħadda liġi jew tiġi ppubblikata lista ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar. Jekk id-dejta tkun trasferita lil Stat Membru ieħor, kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex ma jinfurmax lis-suġġett tad-dejta.

It-Tabella 3 turi li kważi l-Istati Membri kollha indikaw li huma jipprovdu lis-suġġetti tad-dejta b’xi informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Franza indikat li ma tipprovdix informazzjoni. Lanqas id-Danimarka ma tagħti dan id-dritt, iżda rraportat li l-kontrollur għandu l-obbligu li jżomm reġistru u li jinforma lill-pubbliku.

Id-dritt għall-informazzjoni huwa suġġett għal limitazzjonijiet fil-maġġoranza kbira tal-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita dan id-dritt għall-għan ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew tipprovdi li l-ipproċessar tad-dejta minn kontrolluri tad-dejta speċifiċi (pulizija u/jew ġudikatura) jiġi eżentat mill-applikazzjoni ta' dan id-dritt. F’xi każijiet, huma previsti limitazzjonijiet/eżenzjonijiet mingħajr ma jiġi speċifikat għal liema attivitajiet huma maħsuba. Għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri jirraportaw li hemm limitazzjonijiet bħal dawn għall-pulizija, għall-pulizija militari, għall-qrati, għad-dwana u għall-awtoritajiet tat-taxxa.

Il-Pajjiżi l-Baxxi stqarrew li obbligu ġenerali li jinfurmaw lis-suġġett tad-dejta mhuwiex konsistenti bis-sħiħ man-natura tax-xogħol tal-pulizija u l-ġudikatura, iżda li hemm fis-seħħ ċerti arranġamenti biex issir dispożizzjoni suffiċjenti biex is-suġġett tad-dejta jiġi infurmat kif mitlub rigward l-ipproċessar tad-dejta mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji (jiġifieri l-liġijiet jinfurmaw dwar każijiet u kundizzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta; il-prosekutur pubbliku jinforma lis-suġġett tad-dejta dwar l-eżerċizzju ta’ setgħat investigattivi speċjali, jekk l-interessi tal-investigazzjoni jkunu jippermettu). Il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw ukoll li ma hemmx il-ħtieġa li din id-dispożizzjoni tkun implimentata għax l-Artikolu 16(1) sempliċement jirreferi għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi d-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni iżda ma fiha l-ebda dettalji dwar il-metodi jew dwar eżenzjonijiet possibbli. Anke jekk, skont l-Istati Membri, id-dritt għall-informazzjoni huwa ġeneralment mogħti, l-implimentazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli.

2.1.3. Id-dritt għall-aċċess tas-suġġetti tad-dejta (l-Artikolu 17)

Id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi li suġġett tad-dejta għandu d-dritt li jikseb, mingħajr tfixkil, dewmien jew spejjeż eċċessivi, jew:

(a)        mill-inqas konferma mill-kontrollur jew mill-awtorità ta' superviżjoni nazzjonali dwar jekk dejta relatata miegħu ġietx trażmessa jew magħmula disponibbli jew le u informazzjoni dwar id-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-dejta u komunikazzjoni tad-dejta għaddejja minn ipproċessar;

(b)        mill-inqas konferma mill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali li saru l-verifiki applikabbli kollha.

L-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw restrizzjonijiet għal dan id-dritt ta’ aċċess, sabiex jevitaw li jkun hemm xkiel f’inkjesti uffiċjali jew legali, f’investigazzjonijiet jew fi proċeduri legali; li jippreġudikaw il-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali; jipproteġu s-sigurtà pubblika; jipproteġu s-sigurtà nazzjonali; u jipproteġu s-suġġett tad-dejta jew id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn (Artikolu 17(2)). Kwalunkwe rifjut mill-kontrollur li jipprovdi din l-informazzjoni għandha ssir bil-miktub (Artikolu 17(3)).

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u kkumpilata fit-Tabella 4 dwar id-dritt tal-aċċess tirrifletti s-sitwazzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-dejta. Jista’ jiġi konkluż li l-Istati Membri kollha[15] jagħtu xi forma ta' dritt għal aċċess lis-suġġetti tad-dejta. Dan id-dritt huwa ġeneralment minqux fil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-pajjiż dwar il-protezzjoni tad-dejta. Bosta Stati Membru jirregolaw ukoll dettalji tad-dritt ta’ aċċess f’leġiżlazzjoni speċifika għas-settur (bħall-Atti tal-Pulizija).

Bl-istess mod, l-Istati Membri kollha jipprovdu għal eżenzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess. Ir-raġunijiet li l-aktar jissemmew ta’ spiss għar-rifjut tad-dritt li jingħata aċċess huma:

– - il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

– - is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika;

– - l-interessi ekonomiċi u finanzjarji ta’ Stat Membru u tal-UE (inklużi kwistjonijiet monetarji, baġitarji jew ta' tassazzjoni)[16];

– - il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuni oħrajn.

Rigward il-mod li bih jingħata l-aċċess għad-dejta personali, xi Stati Membri indirizzaw din il-kwistjoni b’mod espliċitu, oħrajn le. Xi Stati Membri indikaw li huma jagħtu lis-suġġetti tad-dejta d-dritt li jibagħtu talba għal aċċess għad-dejta tagħhom direttament lill-awtorità kompetenti (jiġifieri l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Isvezja, ir-Renju Unit) filwaqt li oħrajn jippermettu biss aċċess ‘indirett’ (il-Belġju, Franza). Fil-każ tal-aħħar, hija l-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali u mhux is-suġġett tad-dejta li jkollu aċċess għad-dejta personali kollha relatata mas-suġġett tad-dejta. Fil-Finlandja u fil-Litwanja, is-suġġetti tad-dejta jingħataw għażla. Fil-Portugall, jingħata aċċess dirett bħala regola ġenerali, iżda jingħata aċċess indirett f'każijiet fejn l-ipproċessar tad-dejta personali jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-Istat jew fuq il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni tal-kriminalità . Is-sitwazzjoni hija simili fil-Lussemburgu, fejn ġeneralment l-aċċess jingħata direttament, iżda jekk tkun tapplika eżenzjoni, it-talba għall-aċċess għandha tiġi indirizzata lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta.

Id-Deċiżjoni Qafas fiha regoli ġenerali li jagħtu lis-suġġetti tad-dejta d-dritt li jiksbu aċċess għad-dejta tagħhom. Ma tispeċifikax fid-dettall x'tip ta' informazzjoni trid tingħata lis-suġġett tad-dejta. Tħalli wkoll f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk is-suġġetti tad-dejta jistgħux jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom direttament jew jekk għandhomx jużaw il-mezz indirett.

2.1.4. L-Awtoritajiet ta’ Superviżjoni nazzjonali (l-Artikolu 25)

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 tirrikonoxxi li t-twaqqif fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa “komponent essenzjali tal-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri” (il-premessa 33). Id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni diġà stabbiliti fl-Istati Membri skont id-Direttiva "għandhom ikunu jistgħu wkoll" jassumu din ir-responsabbiltà (il-premessa 34). L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977 jirrifletti parti importanti tad-dispożizzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Artikolu 28 (pararafi 1-4, 7) fid-Direttiva 95/46/KE dwar is-setgħat tal-awtorità, l-obbligazzjoni tagħha li taġixxi b’indipendenza sħiħa u d-dmir ta' segretezza professjonali. Kull awtorità jrid ikollha numru ta’ setgħat, li jinkludu setgħat investigattivi (inkluż aċċess għad-dejta u l-ġbir ta’ informazzjoni meħtieġa), setgħat effettivi ta’ intervent (bħall-ħruġ u l-ippubblikar ta’ opinjonijiet qabel l-ipproċessar ta’ operazzjonijiet; l-ordni ta’ twaqqif, tħassir jew qerda ta’ dejta; impożizzjoni ta’ projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar; theddida jew twissija lill-kontrollur; referenza tal-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew lil istituzzjonijiet politiċi oħrajn) u s-setgħa li tidher fi proċedimenti legali.

It-Tabella 5 turi li, f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali inkarigati biex jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta huma wkoll responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977.

L-Isvezja tindika li l-Bord tal-Ispezzjoni tad-Dejta tagħha għad irid jinħatar bħala awtorità ta’ superviżjoni kompetenti skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas.

Xi Stati Membri qajmu espressament il-kwistjoni tas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta mill-ġudikatura[17]. Id-Danimarka indikat li l-Qorti Amministrattiva hija responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta mill-ġudikatura u l-Awstrija innutat li l-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta mhijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti ta' ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' dejta mill-ġudikatura. Fil-Lussemburgu s-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta hija ġeneralment il-kompetenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta. L-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa fil-qafas ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta konvenzjoni internazzjonali huma sorveljati minn awtorità li hija komposta minn Procureur Général d'Etat jew id-delegat tiegħu u żewġ membri tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta li jkunu ġew proposti minnu u nnominati mill-Ministru.

2.1.5. Kwistjonijiet oħrajn li tqajmu mill-Istati Membri

Mis-26 Stat Membru, 20 – li 8 minnhom ma weġbux għal din il-mistoqsija (il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, Ċipru u l-Awstrija) – ma rrapurtawx li sabu xi problemi partikulari bid-Deċiżjoni Qafas. .. Kif jidher fit-Tabella 6, 6 Stati Membri kkummentaw dwar kwistjonijiet li huma preokkupanti għalihom, bħall-kwistjonijiet li ġejjin:

- il-Polonja kkunsidrat li d-Deċiżjoni Qafas kien fiha diversi punti dgħajfa li għandhom jiġu rimedjati, u esprimiet l-appoġġ tagħha għal riforma sabiex titwaqqaf sistema tad-dejta komprensiva u koerenti fil-livell tal-UE;

- l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi sabu diffikultà biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u l-ipproċessar fil-livell nazzjonali, u d-diffikultà relatata biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli ta’ pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali;

- l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Pajjiżi l-Baxxi ikkritikaw ir-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali inklużi fid-Deċiżjoni Qafas. B’mod partikulari, l-Italja qalet li kien meħtieġ li jiġi pprovdut livell xieraq u aktar uniformi ta’ protezzjoni ta’ dejta fit-trasferimenti tad-dejta lil pajjiżi terzi. Il-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidraw bħala problema n-nuqqas ta’ kriterji fid-Deċiżjoni Qafas biex jiġi determinat il-livell ta’ protezzjoni xieraq ta’ pajjiż terz, li wassal għal implementazzjoni varjabbli mill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka kkunsidrat li r-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali fid-Deċiżjoni Qafas “mhumiex realistiċi”;

- Franza rreferiet għal problema speċifika fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-perjodi ta’ ħażna ta’ dejta personali trażmessa lil pajjiż terz u rċevuta mingħandu meta dan il-pajjiż terz ikollu rekwiżiti differenti f’dak ir-rigward; - is-Slovakkja qalet li kien meħtieġ li ssir aktar distinzjoni bejn l-ipproċessar tad-dejta mill-pulizija u mill-ġudikatura (proċedimenti tal-qorti).

- Kemm ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li seta’ jkun hemm konfużjoni fl-infurzar tal-liġi minħabba l-ħtieġa li jkun hemm konformità ma’ regoli ta’ protezzjoni tad-dejta multipli fil-livell internazzjonali (bħall-Kunsill tal-Ewropa), fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.

3. IX-XOGĦOL LI GĦAD IRID ISIR

Dan ir-rapport jevalwa l-istat tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

Id-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom għadd ta’ Stati Membri biex jiddistingwu bejn ir-regoli għall-ipproċessar domestiku u dawk għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dejta jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ sett uniku ta’ regoli li jkopri l-ipproċessar tad-dejta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’kuntest transkonfinali. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżenzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE fir-rigward tad-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni jistħoqqilhom aktar kjarifiki. Permezz ta’ kriterji armonizzati minimi fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-dejta għandhom jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta filwaqt li jipprovdu wkoll eżenzjonijiet sabiex jippermettu lill-pulizija u lill-ġustizzja li jagħmlu xogħolhom sewwa.

Skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiżgura d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, issa hemm il-possibbiltà li jitwaqqaf qafas komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta li jiżgura kemm livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta tal-individwi fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, kif ukoll skambju bla xkiel tad-dejta personali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, biex b’hekk jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

[1]               ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[2]               Artikolu 30.

[3]               Il-Premessa 5 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[4]               Artikolu 1.

[5]               Artikolu 1(5).

[6]               Artikolu 1(2).

[7]               Artikolu 13.

[8]               L-Italja infurmat lill-Kummissjoni li għadhom ma ġewx adottati formalment strumenti implimentattivi speċifiċi. Hi tirreferi għall-Kodiċi ta’ Protezzjoni ta’ Dejta Personali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u atti oħra li jinkludu diżpozzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar f’oqsma oħra. Stati Membri oħrajn ħadu approċċ differenti u indikaw li r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fis-seħħ japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-Pulizija u l-Ġustizzja fil-livell nazzjonali kif ukoll għall-ipproċessar transkonfinali mill-Pulizija u l-Ġustizzja f’materji kriminali. Barra minn hekk, infurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri implimentattivi addizzjonali li attwalment qed jiġu ppreparati.

[9]               Ara l-Kawża C-105/03, Pupino, sentenza tas-16.5.2005, para. 34, 43-45, 47, 61, li fiha l-ECJ ikkonkludiet li fl-interpretar tal-liġijiet nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma obbligati jistinkaw biex jiksbu interpretazzjoni konsistenti, anke ma' deċiżjonijiet qafas.

[10]             Dan diġà kien il-każ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2005) 1241 tal-4.10.2005, punt 5.1.2.).

[11]             Ara t-Tabella 2.

[12]             Ara t-Tabella 2.

[13]             Ara l-kummenti min-naħa tal-Pajjiżi l-Baxxi.

[14]             Ara wkoll il-kontribut tal-Polonja (il-Ministeru tal-Intern) għall-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni fl-aħħar tal-2010 (li ssir referenza għaliha fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju): http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/0006/contributions/public_authorities/pl_min_pl.pdf.

[15]             Wieħed jista’ jasal għal din il-konklużjoni din il-konklużjoni minkejja li xi Stati Membri ma pprovdewx speċifikazzjonijiet (ara d-dettalji fit-Tabella 3).

[16]             Din mhix eżenzjoni li hija msemmija espressament fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Madankollu, tirrifletti eżenzjoni elenkata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

[17]             Ara l-premessa 35, l-aħħar sentenza, tad-Deċiżjoni Qafas, li tistqarr li s-setgħat ta' awtoritajiet superviżorji "m'għandhomx jinterferixxu ma’ regoli speċifiċi stipulati għall-proċedimenti kriminali jew għall-indipendenza tal-ġudikatura".