25.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/10


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020)

2011/C 155/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR LI

1.

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea inkorporat fit-Trattati u hija wieħed mill-objettivi u l-kompiti tal-Unjoni Ewropea, u l-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha tirrappreżenta għan ġenerali għall-Unjoni (1);

2.

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija inkorporata fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tippossedi korp sinifikanti ta' leġislazzjoni li jippromwovi l-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f'oqsma bħall-impjiegi u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi (2), rapporti annwali suċċessivi dwar “L-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel” (3) adottati mill-Kummissjoni Ewropea juru li l-progress huwa bil-mod u li l-ugwaljanza bejn is-sessi de facto għad trid tinkiseb;

4.

“Ewropa 2020”, l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (4), ser tgħin l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jilħqu livelli għoljin ta' kompetittività, produttività, tkabbir, koeżjoni soċjali u konverġenza ekonomika;

5.

L-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi l-għan ewlieni li timmira li sal-2020 jintlaħaq livell ta' 75 % tar-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel bejn 20-64 sena, li tfisser li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-indirizzar ta' ostakoli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol meta qed tiġi implimentata l-Istrateġija;

6.

Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, li jagħmlu parti mil-“Linji Gwida Integrati tal-istrateġija Ewropa 2020” (5) u huma sorveljati fi ħdan il-Qafas Konġunt ta' Valutazzjoni (6), jissottolinjaw, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u s-segwitu ta' politika dwar l-impjiegi li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol;

7.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (7) adottat mill-Kummissjoni Ewropea juri li x-xogħol part-time involontarju għadu problema f'xi Stati Membri u li n-nisa li jixtiequ jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol għadhom jaffaċaw ostakoli;

8.

L-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 ssegwi l-Pjan ta’ rotta tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) (8), li kien is-suġġett ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu (9), u l-Karta f'Isem il-Mara adottata mill-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta' Marzu 2010 (10);

9.

L-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tiffoka fuq il-ħames prijoritajiet li ġejjin: l-indipendenza ekonomika ugwali; il-ħlas ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; id-dinjità, l-integrità u t-tmiem tal-vjolenza sessista; u l-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjonijiet esterni; l-Istrateġija tindirizza wkoll sett ta' kwistjonijiet orizzontali importanti marbuta mar-rwoli tas-sessi, il-leġislazzjoni, il-governanza u l-għodod għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

10.

Fl-2006, il-Kunsill Ewropew adotta l-ewwel Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (11), u f'Marzu 2010, it-Tliet Presidenzi appellaw għall-kommemorazzjoni tal-ħames anniversarju tal-Patt;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW

11.

Fis-6 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (12), kif ukoll Konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-impenn u l-intensifikar fl-azzjoni biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u dwar ir-ri-eżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta’ Bejġing (13), li stiednu lill-Kunsill Ewropew jadatta u jtejjeb il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi fir-rebbiegħa tal-2011 fid-dawl tal-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Konklużjonijiet imsemmija;

12.

Jenħtieġu azzjonijiet adatti fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kawżi ta' diskriminazzjoni multipla u jiġu esplorati modi effettivi kif tiġi eliminata;

13.

JADOTTA l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi (2011-2020) kif imniżżel fl-Anness;

14.

JISTIEDEN lill-Kunsill Ewropew japprova l-Patt fil-Konklużjonijiet tiegħu tar-Rebbiegħa, bil-ħsieb li jindirizza l-isfidi attwali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll li jiżgura li tiġi integrata dimensjoni tal-kwistjoni tas-sessi fl-oqsma kollha ta' politika, u b'mod partikolari fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

15.

JINKORAĠĠIXXI lill-Kunsill Ewropew iqiegħed is-suġġett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq l-aġenda tiegħu qabel l-iskadenza tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn n-nisa u l-irġiel 2010-2015.


(1)  L-Artikoli 2 u 3(3) TUE u l-Artikolu 8 TFUE.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1); Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37); Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23); Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13); Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(3)  Għall-aktar rapport reċenti, ara 6571/11. Id-dokumenti ċċitati fin-noti ta' qiegħ il-paġna 3-4 u 6-12 jinstabu fir-reġistru pubbliku tal-Kunsill: http://register.consilium.eu.int/

(4)  EUCO 13/1/10 REV 1.

(5)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.

(6)  16984/10 + ADD 1.

(7)  18066/10 + ADD 1-3.

(8)  7034/06.

(9)  17495/08.

(10)  7370/10.

(11)  7775/1/06 REV 1.

(12)  16880/10.

(13)  ĠU C 345, 18.12.2010, p. 1.


ANNESS

Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali għall-Unjoni Ewropea u li politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi hija vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività. Ħames snin wara l-adozzjoni tal-ewwel Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, jinħtieġ impetu ġdid, partikolarment sabiex tiġi affermata mill-ġdid u appoġġata rabta mill-qrib bejn l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 u “Ewropa 2020: l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. IL-KUNSILL għalhekk jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jilħaq l-ambizzjonijiet tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi kif imsemmi fit-Trattat u b'mod parikolari li:

(1)

jelimina d-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi u l-protezzjoni soċjali, inkluża d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, bil-ħsieb li jilħaq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fi tliet oqsma ta' rilevanza kbira għall-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, u b'hekk jikkontribwixxi għall-potenzjal għat-tkabbir tal-forza tax-xogħol Ewropea;

(2)

jippromwovi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja għan-nisa u l-irġiel matul il-ħajja, sabiex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi, jiżdied is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jsir kontribut biex jingħelbu l-isfidi demografiċi; u

(3)

jiġġieled kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa sabiex jiżgura li n-nisa jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u biex jikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż bil-ħsieb ta' tkabbir inklussiv.

IL-KUNSILL iħeġġeġ azzjoni fil-livell tal-Istat Membru u, kif adatt, fil-livell tal-Unjoni fl-oqsma li ġejjin:

 

Miżuri biex jitneħħew id-disparitajiet bejn is-sessi u tiġi miġġielda s-segregazzjoni skont is-sess fis-suq tax-xogħol:

(a)

il-promozzjoni tal-impjieg tan-nisa fil-kategoriji kollha ta' età u l-eliminazzjoni tad-disparitajiet bejn is-sessi fl-impjieg, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

(b)

l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fil-ħajja tax-xogħol, sabiex titnaqqas is-segregazzjoni skont is-sessi fis-suq tax-xogħol;

(c)

il-ħlas ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;

(d)

il-promozzjoni tat-tisħiħ tan-nisa fil-ħajja politika u ekonomika u l-avvanz intraprenditorjali tan-nisa;

(e)

l-inkoraġġiment tal-imsieħba soċjali u l-intrapriżi biex jiżviluppaw u jimplimentaw b'mod effettiv inizjattivi favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol; u

(f)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ mit-talenti kollha.

 

Miżuri biex jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja għan-nisa u l-irġiel:

(a)

it-titjib fl-għoti ta' servizzi li jieħdu ħsieb lit-tfal adegwati, bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità għolja għal tfal ta' età iżgħar minn l-età tal-obbligu skolastiku bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona f'Marzu 2002, b'kont meħud tad-domanda għal servizzi li jieħdu ħsieb lit-tfal u f'konformità max-xejriet nazzjonali tal-għoti ta' servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal;

(b)

it-titjib fil-proviżjoni ta' faċilitajiet ta' kura għal dipendenti oħra; u

(c)

il-promozzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli u diversi forom ta' leave kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

 

Miżuri biex jittrattaw il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa:

(a)

l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' strateġiji fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni bil-ħsieb li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa;

(b)

it-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-ħarsien ta' vittmi u vittmi potenzjali, inklużi nisa mill-gruppi żvantaġġati kollha; u

(c)

l-enfasi tar-rwol u r-responsabbiltà tal-irġiel u s-subien fil-proċess tal-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa.

 

Governanza, implimentazzjoni u monitoraġġ:

L-aspetti rilevanti ta' dan il-Patt, u tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar “L-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel”, għandu jittieħed kont tagħhom kif adatt fil-mekkaniżmi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

IL-KUNSILL jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-governanza permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi l-perspettiva dwar is-sessi tiġi integrata fl-oqsma ta' politika kollha inklużi azzjonijiet esterni tal-UE, filwaqt li jieħu kont tar-rwol kritiku tal-irġiel u s-subien fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi jiġi żgurat li l-effetti tal-ugwaljanza bejn is-sessi jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjonijiet tal-impatt ta' politika ġdida tal-UE. IL-KUNSILL jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, partikolarment permezz tal-Eurostat, biex jiżviluppaw aktar l-istatistika u l-indikaturi eżistenti mqassmin skont is-sess u jutilizzaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Meta jiżviluppaw u jimplimentaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom, l-Istati Membri huma inkoraġġuti japplikaw perspettiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jippromwovu politika ta' ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fir-rigward tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, u huma mistiedna jagħmlu użu adatt mill-indikaturi maqbula ta' ugwaljanza bejn is-sessi żviluppati fi ħdan il-Qafas Konġunt ta' Valutazzjoni u fis-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing fl-oqsma ta' politika u l-proċessi kollha rilevanti.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill huma wkoll mistiedna jinkorporaw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, l-Opinjonijiet tal-Pajjiżi u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Il-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi għandu jiġi diskuss mill-ministri kull sena, fil-livell tal-Kunsill.