4.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020

2011/C 70/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JISSOTTOLINJA li hu kompletament lest li jqiegħed il-kompetenza tal-Kunsill dwar il-linji ta' politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għas-servizz tal-Kunsill Ewropew u li jikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir u s-Semestru Ewropew;

WAQT LI JFAKKAR fl-għanijiet tal-istrateġija li jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bl-appoġġ ta' numru ta' miri ewlenin tal-UE u sensiela ta' inizjattivi ewlenin;

U FID-DAWL tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2011 tal-Kummissjoni, inkluż ir-Rapport ta' Progress dwar Ewropa 2020, ir-Rapport Makroekonomiku u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u tal-Linji Gwida Integrati ta' Ewropa 2020;

JENFASIZZA LI

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol fundamentali x'jaqdu biex jintlaħqu l-objettivi ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ta' Ewropa 2020, partikolarment billi ċ-ċittadini jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi li l-ekonomija Ewropea u s-soċjetà Ewropea jeħtieġu sabiex jibqgħu kompetittivi u innovattivi, iżda wkoll billi jgħinu biex jippromwovu l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali. Ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandu għalhekk ikun rifless b'mod sħiħ fil-ħidma tal-Kunsill matul is-“Semestru Ewropew” il-ġdid stabbilit mill-bidu tal-2011. B'mod partikolari, u bl-appoġġ tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jiżgura li kwistjonijiet bħal miżuri ta' politika u riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kontribut tagħhom għall-miri Ewropej u l-iskambju ta' politika u prattika tajba jiġu indirizzati bis-sħiħ.

IQIS LI

1.

Il-qafas “ET 2020” u l-erba' objettivi strateġiċi tiegħu (1) jikkostitwixxu pedament b'saħħtu għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u b'hekk jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-kisba tal-objettivi ta' Ewropa 2020.

2.

Il-proċess ta' Kopenħagen, li l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin ġew riveduti f'laqgħa ministerjali fi Bruges f'Diċembru 2010 (2), jisħaq li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jipprovdu ħiliet u kompetenzi rilevanti ta' kwalità għolja.

3.

Tnejn mill-inizjattivi proposti ewlenin ta' Ewropa 2020 huma ta' rilevanza speċjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ:

(i)

L-ewwel nett, l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi, li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom fit-taħriġ u l-edukazzjoni u b'hekk itejbu l-prospetti ta' impjiegi tagħhom. Hemm ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola jonqos, li ż-żgħażagħ kollha jiksbu l-ħiliet bażiċi meħtieġa għal aktar tagħlim u li jkun hemm aktar opportunitajiet biex wieħed jitgħallem iżjed 'il quddiem fil-ħajja. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jiġu mħeġġa biex itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-korsijiet li joffru, sabiex iħeġġu firxa aktar wiesgħa ta' ċittadini jidħlu fl-edukazzjoni għolja, filwaqt li l-mobbiltà tat-tagħlim għaż-żgħażagħ kollha għandha tiġi promossa fis-sistema tal-edukazzjoni kollha, kif ukoll f'kuntesti mhux formali bħax-xogħol u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Barra minn dan, għandhom jiġu mħeġġa aktar esperjenzi ta' tagħlim fuq il-post tax-xogħol u intraprenditorjali, u l-opportunitajiet għal attivitajiet volontarji, għall-impjieg indipendenti u għax-xogħol u t-tagħlim barra mill-pajjiż għandhom jitwessgħu.

(ii)

It-tieni nett, l-inizjattiva Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, li tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet u li l-impjegabbiltà tingħata spinta. Għandu jsir progress biex titjieb l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal taħriġ, tiżdied ir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-individwi għal opportunitajiet ta' tagħlim u ta' gwida tul il-ħajja, u jiġu żgurati transizzjonijiet faċli bejn id-dinjiet tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi. Biex dan jinkiseb jeħtieġ kollaborazzjoni aktar mill-qrib u sħubiji bejn is-servizzi pubbliċi, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u min iħaddem fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. It-transizzjoni lejn sistemi ta' kwalifiki bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim u validazzjoni akbar ta' ħiliet u kompetenzi miksuba f'kuntesti mhux formali u informali huma wkoll ta' importanza kbira biex tiżdied l-impjegabbiltà.

4.

L-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll għandhom kontribut sostanzjali x'jagħtu fl-inizjattivi ewlenin l-oħra, bħall-Aġenda Diġitali u l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-Ewropa jeħtieġu jipprovdu t-taħlita adatta ta' ħiliet u kompetenzi, jiżguraw provvista suffiċjenti ta' gradwati fix-xjenza, il-matematika u l-inġinerija, jgħammru lill-persuni b'ħiliet bażiċi u l-motivazzjoni u l-kapaċità biex jitgħallmu, irawmu l-iżvilupp ta' kompetenzi trasversali, inkluż dawk li jippermettu l-użu tat-teknoloġiji diġitali moderni, jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u ċ-ċittadinanza attiva, u jħeġġu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija.

5.

Bi tweġiba għall-għanijiet tal-inizjattiva Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar, jinħtieġu wkoll sforzi akbar biex jingħata appoġġ u jinfetħu opportunitajiet għal studenti mhux tradizzjonali u dawk żvantaġġati. Fatturi bħal aċċess aħjar għal edukazzjoni u servizzi li jieħdu ħsieb lit-tfal fit-tfulija bikrija ta' kwalità għolja, l-għoti ta' opportunitajiet innovattivi ta' edukazzjoni u taħriġ għal gruppi żvantaġġati huma importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u biex ikun possibbli għaċ-ċittadini kollha li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

JISĦAQ LI

I.   L-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020

1.

L-investiment effiċjenti f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, modernizzati u riformati huwa urġenti kemm għax dan iqiegħed is-sisien għall-prosperità fit-tul tal-Ewropa kif ukoll, billi jagħti iktar ħiliet u kompetenzi aħjar lin-nies, huwa jgħin biex iwieġeb fil-perijodu qasir għall-effetti tal-kriżi.

2.

It-tisħiħ tal-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd u f'kull livell ta' edukazzjoni u taħriġ huwa essenzjali, partikolarment billi jagħmel l-ETV aktar attraenti u rilevanti u billi jżid il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti, u r-rilevanza tiegħu.

3.

L-indirizzar bħala kwistjoni ta' urġenza tal-qagħda ta' nisa żagħżagħ u rġiel żagħżagħ li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet eċċezzjonali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol minħabba s-severità tal-kriżi.

4.

It-titjib tar-reattività ta' sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għal domandi u xejriet ġodda , biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet għal ħiliet tas-suq tax-xogħol u l-isfidi soċjali u kulturali ta' dinja globalizzata.

II.   Ser jinħtieġu aktar sforzi sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin fl-edukazzjoni

5.

L-ilħiq taż-żewġ miri ewlenin tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ - jiġifieri li jitnaqqas is-sehem ta' dawk li jieqfu mill-iskola kmieni għal inqas minn 10 %, u li jiżdied il-proporzjon ta' dawk ta' bejn 30-34 sena li jiggradwaw mill-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għal mill-inqas 40 % – ser ikollu effett pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir. Barra minn hekk, il-miżuri meħuda fis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ ser jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri f'oqsma oħra, bħaż-żieda fir-rati tal-impjiegi, il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, u t-tnaqqis tal-faqar.

6.

Fir-rigward tal-ewwel minn dawn iż-żewġ miri, it-tluq kmieni mill-iskola huwa fenomenu kumpless influwenzat minn fatturi edukattivi, individwali u soċjoekonomiċi. It-trattament tal-problema jeħtieġ miżuri preventivi u kumpensatorji, bħal “edukazzjoni li 'tagħti ċans ieħor”, kif ukoll koordinazzjoni mill-qrib bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ma' oqsma relatati ta' politika oħrajn. Miżuri ta' politika li jistgħu jagħmlu differenza jistgħu jinkludu edukazzjoni aħjar fit-tfulija bikrija, kurrikuli aġġornati, edukazzjoni aħjar għall-għalliema, metodi ta' tagħlim innovattivi, appoġġ individwalizzat – l-iktar għal gruppi żvantaġġati, fosthom il-migranti u r-Rom – u kooperazzjoni aktar qawwija mal-familji u l-komunità lokali.

7.

It-tieni mira wkoll teħtieġ approċċ multidimensjonali. Sabiex ikunu attraenti u effiċjenti, sistemi ta' edukazzjoni terzjarji jew ekwivalenti jeħtieġu livell għoli ta' investiment effiċjenti, kurrikuli modernizzati u governanza aħjar. L-innovazzjoni għandha tiġi promossa kemm fil-livell sistemiku kif ukoll f'dak istituzzjonali, filwaqt li għandu jsir użu aktar effettiv tal-finanzjament, u jeħtieġ li jinstabu sorsi aktar varjati ta' finanzjament. Jinħtieġu wkoll inċentivi biex jiġu stabbiliti rabtiet aħjar mad-dinja aktar wiesgħa, permezz ta' sħubijiet man-negozji u r-riċerka, u biex ikun hemm ftuħ għal studenti mhux tradizzjonali, billi jiġu mogħtija inċentivi adegwati u billi jiġu promossi l-validazzjoni, l-iskemi ta' appoġġ u s-servizzi ta' gwida.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, SA FEJN HUMA KKONĊERNATI KWISTJONIJIET MARBUTA MAL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ, BIEX

1.

Jadottaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR), li huma mmirati lejn u bbażati fuq l-azzjoni, u li ser jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, inklużi l-miri ewlenin tal-UE.

2.

Jieħdu azzjonijiet ta' politika f'konformità ma' miri nazzjonali, filwaqt li jieħdu kont tal-pożizzjonijiet inizjali relattivi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tal-Istati Membri, u skont proċeduri nazzjonali tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

3.

Jikkooperaw b'mod orizzontali u mill-qrib ma' setturi oħra rilevanti involuti fil-proċess Ewropa 2020 fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari mal-ministeri tal-impjiegi, iżda anke ma' partijiet interessati oħra bħall-imsieħba soċjali, meta jkunu qed ifasslu u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika nazzjonali dwar l-impjiegi fid-dawl tal-Linji Gwida Integrati nru 8 u 9 (3).

4.

Jippromwovu kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, l-istituti tar-riċerka u l-intrapriżi bil-għan li jissaħħaħ it-trijangolu tal-għarfien bħala l-bażi għal ekonomija iktar innovattiva u kreattiva, f'konformità mal-Linja Gwida Integrata nru 4 (4).

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Isaħħu l-kooperazzjoni orizzontali u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi u prattika tajba fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-PNR, u jinkludu dawn l-aspetti f'attivitajiet futuri ta' tagħlim bejn il-pari, fejn hu adatt.

2.

Ikomplu jippromwovu l-opportunitajiet għat-tagħlim dwar il-politika, partikolarment fl-oqsma koperti mill-Istrateġija Ewropa 2020, u jagħmlu l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) aktar rilevanti għall-ħtiġijiet u l-interessi tal-Istati Membri, billi jagħmlu użu aktar effettiv tar-riżultati tal-kooperazzjoni Ewropea, iżidu t-trasparenza u jappoġġjaw kollaborazzjoni aktar konċentrata.

3.

Isaħħu r-rabtiet bejn il-miri u l-objettivi ta' Ewropa 2020, partikolarment billi jsaħħu l-bażi ta' evidenza f'dan il-qasam u billi jinvolvu s-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar mill-qrib fl-identifikazzjoni ta' ostakoli għat-tkabbir u l-impjiegi.

4.

Kif imfisser fl-inizjattiva Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi, isaħħu l-kapaċità li jiġu antiċipati u ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet, kif ukoll li jipprovdu t-taħlita adatta ta' ħiliet, fosthom il-kompetenzi trasversali bħall-kompetenzi diġitali u intraprenditorjali, u jiżviluppaw strateġija komprensiva biex jittejjeb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Issaħħaħ aktar – bi qbil sħiħ mal-Istati Membri – rabtiet bejn l-arranġamenti tal-implimentazzjoni għall-qafas strateġiku “ET 2020” u dawk għall-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment f'dawk li huma ċikli ta' ħidma, rappurtaġġ u ffissar tal-objettivi. Għandu jittieħed kont partikolari tal-miri ewlenin u ta' miżuri adatti meħudin taħt l-inizjattivi Żgħażagħ Attivi u Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi, meta jkunu qed jiġu proposti l-prijoritajiet ta' nofs it-terminu għaċ-ċiklu li jmiss ta' “ET 2020”.

2.

Tħeġġeġ li r-rapporti ta' progress konġunti dwar “ET 2020” biex jieħdu kont mistħoqq tal-objettivi ta' Ewropa 2020, filwaqt li tirrikonoxxi l-valur miżjud distint li joffru dawk ir-rapporti peress li jipprovdu ħarsa aktar fil-fond lejn il-linji ta' politika nazzjonali dwar l-edukazzjoni tal-Istati Membri.

3.

Tipprovdi analiżi profonda tal-progress li sar lejn il-miri ewlenin u l-punti ta' riferiment ta' “ET 2020”, bħala l-bażi għal skambju ta' fehmiet fil-Kunsill matul kull Semestru Ewropew.

4.

Issaħħaħ il-viżibbiltà u t-trasparenza ta' miżuri meħudin fil-kuntest tal-MMK, billi tiżgura koordinazzjoni operattiva effettiva li tinvolvi l-Istati Membri u tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti.

5.

Tipprovdi analiżi biex tappoġġja l-iskambju fil-qafas tal-MMK dwar ir-rabta bejn l-investiment edukattiv u l-approċċi ta' politika bil-għan li jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009.

(2)  Komunikat ta' Bruges dwar kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-ETV: http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/vocational/bruges_en.pdf

(3)  

Nru 8:

L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol b'ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja.

Nru 9:

It-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti.

(4)  

Nru 4:

L-ottimizzazzjoni tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tat-trijanglu tal-konoxxenza u l-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija diġitali.