52011PC0380

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika /* KUMM/2011/0380 finali - 2011/0167 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           L-ACTA għandha l-għan li tistabbilixxi qafas internazzjonali komprensiv li se jassisti lill-UE fl-isforzi tagħha biex tiġġieled b'mod effettiv il-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali (IPR). Dan il-ksur jimmina n-negozju leġittimu l-kompetittivita tal-UE mar-riperkussjonijiet negattivi sussegwenti dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Dan jinkludi dispożizzjonijiet avvanzati dwar l-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' infurzar ċivili, kriminali, konfinali u fl-ambjent diġitali, mekkaniżmi robusti ta' kooperazzjoni fost il-Partijiet tal-ACTA li jassistuhom fl-isforzi tagħhom ta’ infurzar, u t-twaqqif tal-aħjar prassi għal infurzar effettiv tal-IPR.

2.           Minkejja li l-ACTA ma jimmodifikax l-acquis tal-UE, peress li l-liġi tal-UE diġà hija ferm aktar avvanzata mill-istandards internazzjonali attwali, dan se jdaħħal standard internazzjonali ġdid, li jkompli jsawwar il-Ftehim TRIPS (adottat fl-1994) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Għaldaqstant, dan se jipprovdi benefiċċju għall-esportaturi detenturi tad-drittijiet tal-esportazzjoni tal-UE li joperaw fis-suq dinji u li bħalissa qed isofru ksur sistematiku estensiv tad-drittijiet tal-awtur, il-marki kummerċjali, il-privattivi id-disinji u l-indikazzjonijiet ġeografiċi posseduti minnhom fis-suq globali.

3.           Fl-istess waqt, l-ACTA huwa ftehim ibbilanċjat, peress li dan jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini u l-interessi ta' partijiet interessati importanti bħall-konsumaturi, il-fornituri tal-internet u l-imsieħba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.           Wara l-adozzjoni tad-direttivi tan-negozjar mill-Kunsill fl-14 ta' April 2008, in-negozjati tnedew fit-3 ta' Ġunju 2008. Il-ftehim ġie konkluż fil-15 ta’ Novembru 2010 u t-test ġie inizjalat fil-25 ta’ Novembru, wara 11-il stadju ta' negozjati.

5.           L-Istati Membri tal-UE ġew mgħarrfa verbalment u bil-miktub dwar il-proċess tan-negozjati permezz tal-Kumitat għall-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Presidenza li ddur tal-UE mexxiet in-negozjati dwar materji ta' infurzar penali, imsejsa fuq pożizzjonijiet maqbula u adottati unanimament mill-Kunsill fil-COREPER. Il-Parlament Ewropew kien informat regolarment ukoll dwar l-iżviluppi permezz tal-Kumitat tiegħu dwar il-Kummerċ Internazzjonali (INTA) u mill-Kummissarju De Gucht fi tliet dibattiti plenarji fl-2010. Fl-24 ta' Novembru 2010, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li ssostni l-ACTA.

6.           L-ACTA tinkludi numru ta' dispożizzjonijiet dwar infurzar kriminimali li jaqa' fl-ambitu tal-Artiklu 83(2) TFUE. Dawk il-partijiet tal-ftehim, differenti minn dawk il-partijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 207, jagħmlu parti mill-qasam ta' kompetenzi komuni (l-Artikolu 2(2) TFUE). Meta kwistjoni taqa' taħt ħiliet komuni, l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membru jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti li jorbtu legalment. Fir-rigward il-firma u l-konklużjoni tal-ACTA, il-Kummissjoni għażlet li ma tipproponix li l-Unjoni Ewropea teżerċita l-ħila potenzjali tagħha fil-qasam tal-infurzar kriminali skont l-Artikolu 83(2) TFUE. Il-Kummissjoni tikkunsidra dan bħala xieraq għaliex qatt ma kienet l-intenzjoni, fir-rigward tan-negozjati tal-ACTA biex timmodifika l-acquis tal-UE jew biex tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li l-ACTA jiġi ffirmat u konkluż kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri kollha.

7.           Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ACTA u l-Artikolu 83(2) TFUE huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar eżerċizzju futur mill-UE tal-ħiliet komuni previsti mill-Artikolu 83(2) TFUE fir-rigward ta' inizjattivi oħra.

2011/0167 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[1]

Billi:

(1) Fl-14 ta' April 2008 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim plurilaterali kummerċjali kontra l-iffalsifikar, f'isem l-Unjoni Ewropea u Istati Membri tagħha.

(2) Dawk in-negozjati ġew konklużi u fil-25 ta’ Novembru 2010 ġie inizjalat il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(3) F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru .../2010/UE tal-...[2] il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni nhar il-…

(4) Il-Ftehim għandu jkun approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika[3] huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, bid-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni pprovdut f’dan il-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata. Għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika

Il-Partijiet f’dan il-Ftehim,

Filwaqt li jinnutaw li l-infurzar effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali huwa kruċjali għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku fl-industriji kollha u fil-livell globali;

Filwaqt li jkomplu jinnutaw li l-proliferazzjoni tal-oġġetti foloz u piratati, kif ukoll tas-servizzi li jqassmu materjal bi ksur tal-liġi, timmina l-kummerċ leġittimu u l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija dinjija, tikkawża telf finanzjarju sinifikanti għad-detenturi tad-drittijiet u n-negozji leġittimi, u, f'xi każijiet, tipprovdi sors ta' dħul għall-kriminalità organizzata u b’modi oħra twassal għal riskji lill-pubbliku;

Filwaqt li jixtiequ jiġġieldu dan it-tip ta' proliferazzjoni permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali mtejba u infurzar internazzjonali aktar effettiv;

Filwaqt li għandhom il-ħsieb li jipprovdu mezzi effettivi u xierqa, li jikkumplimentaw il-Ftehim TRIPS, għall-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, filwaqt li jikkunsidraw id-differenzi fis-sistemi u l-prassi legali rispettivi tagħhom;

Filwaqt li jixtiequ jiżguraw li l-miżuri u l-proċeduri li jinfurzaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jissawruwx minnhom infushom f’ostakli għall-kummerċ leġittimu;

Filwaqt li jixtiequ jittrattaw il-problema tal-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inkluż il-ksur li jseħħ fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, b’mod li jibbilanċja d-drittijiet u l-interessi tad-detenturi relevanti tad-drittijiet, il-fornituri tas-servizzi u l-utenti;

Filwaqt li jixtiequ jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet biex jindirizzaw il-ksur rilevanti fl-ambjent diġitali;

Filwaqt li jixtiequ li dan il-Ftehim jopera b’mod li jkun ta’ sostenn reċiproku għall-ħidma u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

Filwaqt li jirrikonoxxu l-prinċipji stabbiliti fid-Doha Declaration on the TRIPS Agreement and Public Health, adottat fl-14 ta’ Novembru 2001, fir-Raba’ Konferenza Ministerjali tad-WTO;

B’dan jaqblu kif ġej:

Kapitolu I: Dispożizzjonijiet Inizjali u Definizzjonijiet Ġenerali

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet Inizjali

Artikolu 1: Relazzjoni ma’ Ftehimiet Oħrajn

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jidderoga minn xi obbligi ta' Parti fir-rigward ta' kwalunkwe Parti oħra skont ftehimiet eżistenti, inkluż il-Ftehim TRIPS.

Artikolu 2: In-Natura u l-Ambitu tal-Obbligi

1.           Kull Parti għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Parti tista’ timplimenta fil-liġi tagħha infurzar aktar estensiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali minn dak mitlub permezz ta' dan il-Ftehim, sakemm dan l-infurzar ma jikkontravenix id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tkun ħielsa li tiddetermina l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħha.

2.           Xejn f'dan il-Ftehim ma joħloq xi obbligu dwar id-distribuzzjoni tar-riżorsi bejn l-infurzar ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-infurzar tal-liġi b'mod ġenerali.

3.           L-għanijiet u l-prinċipji stipulati fil-Parti I tal-Ftehim TRIPS, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8, għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għal dan il-Ftehim.

Artikolu 3: Relazzjoni ma’ Standards li jikkonċernaw id-Disponibbiltà u l-Ambitu tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali

1.           Dan il-Ftehim għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet fil-liġi tal-Parti li tirregola d-disponibbiltà, l-akkwist, l-ambitu, u l-manutenzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

2.           Dan il-Ftehim ma joħloq l-ebda obbligu fuq xi Parti li tapplika miżuri fejn dritt fuq proprjetà intellettwali mhux imħares mil-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

Artikolu 4: Il-Privatezza u l-Iżvelar ta’ Informazzjoni

1.           Xejn f’dan il-Ftehim ma jirrikjedi li xi Parti tiżvela:

a)      informazzjoni, li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-liġi tagħha, inklużi liġijiet li jħarsu d-drittijiet għall-privatezza, jew ftehimiet internazzjonali li hija parti tagħhom;

b)      informazzjoni kunfidenzjali, li l-iżvelar tagħha jkun ta’ impediment għall-infurzar tal-liġi jew inkella jkun kuntrarju għall-interess pubbliku; or

c)      informazzjoni kunfidenzjali, li l-iżvelar tagħha jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta' xi intrapriżi partikolari, sew jekk pubbliċi jew inkella privati.

2.           Meta xi Parti tipprovdi informazzjoni bil-miktub skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Parti li tirċievi l-informazzjoni għandha, bla ħsara għal-liġi u l-prattika tagħha, iżżomm lura milli tiżvela jew tuża l-informazzjoni għal xi għan għajr dak li għalih tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni, ħlief b'kunsens minn qabel tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni.

Taqsima 2: Definizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 5: Definizzjonijiet Ġenerali

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor:

a)      ACTA tfisser il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni;

b)      Kumitat tfisser il-Kumitat tal-ACTA stabbilit skont il-Kapitolu V (Arranġamenti Istituzzjonali);

c)      awtoritajiet kompetenti jinkudu l-awtoritajiet ġudizzjarji, amministrattivi jew tal-infurzar tal-liġi xierqa skont il-liġi tal-Parti;

d)      oġġetti b'marka kummerċjali iffalsifikati tfisser kull xorta ta' oġġetti, inkluż it-tgeżwir, li bla awtorizzazzjoni juru marka kummerċjali identika għal marka kummerċjali rreġistrata b’mod validu fir-rigward tat-tali oġġetti, jew marka li ma tistax tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik valida, u li għalhekk tikser id-dritt ta' sid il-marka kummerċjali inkwistjoni skont il-liġi tal-pajjiż li fih huma invokati l-proċeduri stiputali fil-Kapitolu II (Qafas Legali għall-Infurzar tad-Drittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali);

e)      pajjiż għandu jinftiehem li għandu l-istess tifsira ta' dak stipulat fin-Noti ta' Spjegazzjoni mal-Ftehim tad-WTO;

f)       tranżitu doganali tfisser il-proċedura doganali li taħtha l-oġġetti jinġarru taħt kontroll doganali minn uffiċċju doganali għal ieħor;

g)      jiem tfisser jiem kalendarji;

h)      proprjetà intellettwali tirreferi għall-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma soġġetti għat-Taqsimiet minn 1 sa 7 tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS;

i)       oġġetti fi tranżitu tfisser oġġetti suġġetti għal tranżitu doganali jew trasbord;

j)       persuna tfisser jew persuna naturali jew persuna ġuridika;

k)      oġġetti bi dritt tal-awtur pirattati tfisser kwalunkwe oġġetti li huma kopji magħmula mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt jew persuna awtorizzata b'mod xieraq mid-detentur tad-dritt fil-pajjiż tal-produzzjoni u li huma magħmula direttament jew indirettament minn xi artikolu fejn biex tkun saret dik il-kopja jkun jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-awtur jew xi dritt relatat skont il-liġi tal-pajjiż fejn hi invokata l-proċedura stipulata fil-Kapitolu II (Qafas Legali għall-Infurzar tad-Ddrittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali);

l)       detentur ta’ dritt jinkludi federazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollha piż ġuridiku li tasserixxi d-drittijiet fil-proprjetà intellettwali;

m)     territorju, għall-finijiet tat-Taqsima 3 (Miżuri Konfinali) tal-Kapitolu II (Qafas Legali għall-Infurzar tad-Drittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali), ifisser it-territorju doganali u ż-żoni ħielsa kollha[4] ta’ xi Parti;

n)      trasbord tfisser proċedura doganali li skontha oġġetti huma trasferiti taħt kontroll doganali mill-mezz tat-trasport tal-importazzjoni għall-mezz tat-trasport tal-esportazzjoni fiż-żona ta' uffiċċju doganali li huwa l-uffiċċju li jikkontrolla kemm l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni;

o)      Il-Ftehim TRIPS ifisser il- Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jinsab fl-Anness 1C mal-Ftehim tad-WTO;

p)      WTO tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; kif ukoll

q)      Il-Ftehim tad-WTO tfisser il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, magħmul fil-15 ta’ April 1994.

Kapitolu II: Il-Qafas Legali Għall-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

Taqsima 1: Obbligi Ġenerali

Artikolu 6: Obbligi Ġenerali fir-Rigward tal-Infurzar

1.           Kull Parti għandha tiżgura li proċeduri ta' infurzar jkunu disponibbli fil-liġi tagħha sabiex jippermettu azzjoni effettiva kontra kull att li jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn dan il-Ftehim, inklużi rimedji b'ħeffa sabiex ma jitħalliex isir ksur ta' dawn id-drittijiet u rimedji li jkunu ta' deterrent għal aktar ksur fil-futur. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu applikati b'tali mod li jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ leġittimu u sabiex jissalvagwardjaw l-abbuż tagħhom.

2.           Il-proċeduri adottati, miżmuma, jew applikati biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu ġusti u ekwi, u għandhom jipprevedu li jħarsu kif jixraq id-drittijiet tal-parteċipanti kollha suġġetti għal tali proċeduri. Dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu kkumplikati żżejjed jew iqumu żżejjed flus, jew ikollhom bżonn perjodu ta' żmien twil jew dewmien mhux ġustifikat.

3.           Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijet ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti għandha tqis il-ħtieġa li jkun hemm proporzjonalità bejn is-serjetà tal-ksur, l-interessi tal-partijiet terzi, u l-miżuri, ir-rimedji u l-penali applikabbli.

4.           L-ebda dispożizzjoni f’dan il-Kapitolu ma għandha tinftiehem li tirrikjedi li xi Parti tagħmel lill-uffiċjali tagħha suġġetti għal responsabbiltà għal atti li jseħħu fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

Taqsima 2: Infurzar Ċivili[5]

Artikolu 7: Id-Disponibbiltà ta' Proċeduri Ċivili

1.           Kull Parti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet proċeduri ġudizzjarji ċivili dwar l-infurzar ta’ kwalunkwe dritt tal-proprjetà intelletwali speċifikat f’din it-Taqsima.

2.           Sal-punt li kwalunkwe rimedju ċivili jista' jkun ordnat bħala riżultat ta' proċeduri amministrattivi dwar il-meriti tal-każ, kull Parti għandha tipprevedi li t-tali proċeduri għandhom jikkonformaw ma' prinċipji ekwivalenti fis-sustanza għal dawk imniżżla f'din it-Taqsima.

Artikolu 8: L-inġunzjonijiet

1.           Kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet TAl-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li joħorġu ordni kontra xi parti biex ma jwettqux xi ksur, u inter alia, xi ordni lil dik il-parti, jew fejn jixraq, lil parti terza li fuqha l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita ġurisdizzjoni, biex jiġi evitat li oġġetti li jinvolvu l-ksur ta’ xi dritt tal-proprjetà intellettwali jidħlu fil-kanali kummerċjali.

2.           Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din it-Taqsima, Parti tista’ trażżan ir-rimedji disponibbli kontra l-użu mill-gvernijiet, jew minn partijiet terzi awtorizzati minn xi gvern, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt, għall-pagament ta' remunerazzjoni, sakemm il-Parti tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS li jittratta b’mod speċifiku użu bħal dan. F'każijiet oħra, ir-rimedji f'din it-Taqsima għandhom japplikaw jew, meta dawn ir-rimedji mhumiex konsistenti mal-liġijiet ta' Parti, għandhom ikunu disponibbli sentenzi dikjaratorji u kumpens adegwat.

Artikolu 9: Danni

1.           Kull Parti għandha tipprevedi li, fil-proċedimenti ġuridiċi ċivili li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw lil min ikun responsabbli għall-ksur li, b'għarfien jew b'raġunijiet raġonevoli ta' għarfien, impenja ruħu f'attività ta' ksur, li jħallas lid-detentur tad-dritt danni adegwati li jagħmlu tajjeb għad-dannu li jkun sofra d-detentur tad-dritt minħabba l-ksur. Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ danni għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Parti għandhu jkollhom l-awtorità li jqisu, inter alia, kwalunkwe miżura leġittima ta' valur sottomessa mid-detentur tad-dritt, li tista' tinkludi profitti mitlufa, il-valur tal-oġġetti jew is-servizzi milquta mill-ksur imkejjel skont il-prezz tas-suq, jew il-prezz bl-imnut issuġġerit.

2.           Tal-anqas f’każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-awtur jew ta' drittijiet relatati jew iffalsifikar tal-marka kummerċjali, kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw lil min ikun responsabbli għall-ksur li jħallas lid-detentur tad-dritt il-profitti li jkun għamel li jkunu attribwibbli għall-ksur. Parti tista’ tassumi li dawk il-profitti jkunu l-ammont tad-danni msemmija fil-paragrafu 1.

3.           Tal-anqas fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati li jipproteġu xogħlijiet, fonogrammi, u spettakli, u fil-każijiet tal-iffalsifikar tal-marki kummerċjali, kull Parti għandha tistabbilixxi wkoll jew iżżomm sistema li tipprevedi almenu wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      danni stabbiliti minn qabel; or

b)      suppożizzjonijiet[6] għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ danni suffiċjenti biex jikkompensa lid-detentur tad-dritt għall-ħsara kkawżata mill-ksur; or

c)      tal-anqas għad-dritt tal-awtur, danni addizzjonali.

4.           Meta Parti tipprovdi r-rimedji msemmija fis-sottoparagrafu 3(a) jew is-suppożizzjonijiet imsemmija fis-sottoparagrafu 3(b), din għandha tiżgura li jew l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jew id-detentur tad-dritt ikollhom id-dritt li jagħżlu t-tali rimedju jew il-preżunzjonijiet bħala alternattiva għar-rimedji msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

5.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha, fejn jixraq, ikollhom l-awtorità li jordnaw, mal-konklużjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji ċivili li jikkonċernaw il-ksur ta' tal-anqas dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, jew marki kummerċjali, li l-parti prevalenti tingħata ħlas mill-parti telliefa għall-ispejjeż jew miżati tal-qorti u l-miżati xierqa għad-difiża legali, jew kull spiża oħra kif tipprevedi l-liġi ta' dik il-Parti.

Artikolu 10: Rimedji Oħra

1.           Tal-anqas fir-rigward ta’ oġġetti bi dritt tal-awtur piratati u oġġetti b’marka kummerċjali ffalsifikata, kull Parti għandha tistipula li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili, fuq talba mid-detentur tad-dritt, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw li t-tali oġġetti li jikkawżaw ksur jinqerdu, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bla kumpens ta' ebda tip.

2.           Kull Parti għandha tipprevedi wkoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw li materjali u għodda użati b'mod predominanti fil-manifattura u l-ħolqien ta' oġġetti bħal dawn li jikkawżaw ksur, jinqerdu jew jiġu eliminati lil hinn mill-kanali kummerċjali, mingħajr kumpens ta' ebda tip u bla dewmien mhux neċessarju, sabiex b’hekk jitnaqqsu r-riskji ta' iktar ksur.

3.           Parti tista’ tipprevedi li r-rimedji deskritti f’dan l-Artikolu jitwettqu a spejjeż ta’ min ikun responsabbli mill-ksur.

Artikolu 11: Informazzjoni Relatata mal-Ksur

Bla ħsara għal-liġi tagħha li tirregola il-privileġġi, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-għejjun tal-informazzjoni, jew l-ipproċessar tad-dejta personali, kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità, fuq talba ġustifikata tad-detentur tad-dritt, li jordnaw lil min ikun responsabbli mill-ksur jew, bħala alternattiva, dak li allegament huwa responsabbli mill-ksur, sabiex jipprovdi lid-detentur tad-dritt jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-anqas għall-finijiet tal-kumpilazzjoni tal-evidenza, informazzjoni rilevanti kif prevista fil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha li dak responsabbli mill-ksur jew allegatament responsabbli mill-ksur ikollu fil-pussess jew il-kontroll tiegħu. Informazzjoni bħal din tista’ tinkludi informazzjoni dwar kwalunkwe persuna involuta fi kwalunkwe aspett tal-ksur jew ksur allegat u dwar il-mezz tal-produzzjoni jew il-kanali tad-distribuzzjoni tal-oġġetti jew is-servizzi tal-ksur jew li allegatament jirriżultaw fi ksur, inkluża l-identifikazzjoni tal-persuni terzi li allegatament ikunu involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tat-tali oġġetti jew servizzi u tal-kanali tad-distribuzzjoni tagħhom.

Artikolu 12: Miżuri Proviżorji

1.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw miżuri proviżorji effettivi u fil-pront:

a)      kontra parti jew, fejn jixraq, parti terza li fuqha l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita ġurisdizzjoni, biex jiġi evitat li jseħħ ksur ta' kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali, u b'mod partikolari, biex jiġi evitat li l-oġġetti li jinvolvu ksur ta' dritt tal-proprjetà intellettwali jidħlu fil-kanali kummerċjali;

b)      sabiex jippriżervaw xhieda relevanti dwar l-allegat ksur.

2.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jadottaw miżuri proviżorji inaudita altera parte fejn jixraq, partikolarment fejn kwalunkwe dewmien x'aktarx jikkawża danni irreparabbli lid-detentur tad-drittijiet, jew fejn hemm riskju li jista' jidher ta' xhieda li tkun qiegħda tinqered. Fil-proċedimenti mwettqa inaudita altera parte, kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jaġixxu bil-ħeffa fir-rigward ta' talbiet għal miżuri proviżorji u li jieħdu deċiżjoni bla dewmien żejjed.

3.           Tal-anqas f’każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati u ffalsifikar tal-marki kummerċjali, kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw is-sekwestru jew it-teħid b'xi mod ieħor f'kustodja tal-oġġetti suspettati, u ta' materjali u għodod relevanti mal-att tal-ksur, u, tal-anqas fl-iffalsifikar tal-marki kummerċjali, ix-xhieda dokumentarja, sew jekk f'għamla oriġinali jew f'kopji, rilevanti mal-ksur.

4.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jitolbu lill-applikant, fir-rigward ta’ miżuri proviżorji, biex jipprovdi kull xhieda raġonevoli disponibbli bil-ħsieb li tissodisfahom b'ċertezza biżżejjed li d-dritt tal-applikant qed jinkiser jew li ksur bħal dan huwa imminenti, u sabiex jordnaw lill-applikant jipprovdi garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti biżżejjed sabiex jipproteġi l-konvenut u sabiex jipprevjeni abbuż. It-tali garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti ma għandhomx jiskoraġġixxu b'mod mhux raġonevoli rikors għat-tali proċeduri proviżorji.

5.           Meta l-miżuri proviżorji jiġu revokati jew meta jaqgħu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew meta sussegwentement jinstab li ma kien hemm l-ebda ksur ta' xi dritt tal-proprjetà intelletwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, fuq it-talba tal-konvenut, sabiex jipprovdi kumpens xieraq lill-konvenut għal kull ħsara mwettqa b'dawn il-miżuri.

Taqsima 3: Miżuri tal-konfini[7], [8]

Artikolu 13: L-Ambitu tal-Miżuri tal-Konfini[9]

Fejn tistipula, kif jixraq, u b'mod konsistenti mas-sistema domestika tagħha tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u bla ħsara għar-rekwiżiti tal-Ftehim TRIPS, l-infurzar effettiv fuq il-fruntieri tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, Parti għandha tagħmel dan b'mod li ma jiddiskriminax bla ġustifikazzjoni bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li jevita l-ħolqien ta' ostakoli għall-kummerċ leġittimu.

Artikolu 14: Konsenji Żgħar u Bagalji Personali

1.           Kull Parti għandha tinkludi fl-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima l-oġġetti ta' natura kummerċjali mibgħuta f'konsenji żgħar.

2.           Parti tista' teskludi mill-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima kwantitajiet żgħar ta’ oġġetti ta’ natura mhux kummerċjali li jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.

Artikolu 15: Għoti ta’ Informazzjoni mid-Detentur tad-Dritt

Kull Parti għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tagħha li jitolbu lil detentur tad-dritt li jgħaddilhom l-informazzjoni rilevanti li tassisti lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-miżuri konfinali msemmija f’din it-Taqsima. Parti tista’ tippermetti wkoll li detentur tad-dritt iforni l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 16: Miżuri tal-konfini

1.           Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri fir-rigward ta' konsenji ta' importazzjoni jew esportazzjoni li skonthom:

a)      l-awtoritajiet doganali tagħha jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom infushom biex jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti suspettati; kif ukoll

b)      fejn jixraq, detentur tad-dritt jista' jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti suspettati.

2.           Parti tista’ tadotta jew iżżomm proċeduri fir-rigward ta' oġġetti suspettati fi tranżitu jew f'xi sitwazzjonijiet oħra fejn l-oġġetti jkunu taħt kontroll doganali li skonthom:

a)      l-awtoritajiet doganali tagħha jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom infushom biex jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti suspettati jew iżommuhom; kif ukoll

b)      fejn jixraq, detentur tad-dritt jista' jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti suspettati, jew iżommuhom.

Artikolu 17: Applikazzjoni mid-Detentur tad-Dritt

1.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jirrikjedu detentur tad-dritt li jitlob il-proċeduri mfissra fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini) li jipprovdi xhieda adegwata li tissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti li, skont il-liġi tal-Parti li tkun qed tipprevedi l-proċeduri, hemm ksur prima facie tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tad-detentur tad-dritt, u li jforni informazzjoni suffiċjenti li tista' tkun mistennija b'mod raġonevoli li jkollu għarfien tagħha d-detentur tad-dritt ħalli l-oġġetti suspettati jingħarfu b'mod pjuttost faċli mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-rekwiżit dwar il-forniment ta’ informazzjoni suffiċjenti ma għandux b'mod mhux raġonevoli jiskoraġġixxi r-rikors għall-proċeduri deskritti fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini).

2.           Kull Parti għandha tipprevedi applikazzjonijiet għas-sospensjoni tar-rilaxx ta' kwalunkwe oġġett suspettat[10] li jkun taħt kontroll doganali fit-territorju tagħha, jew għall-qbid tiegħu. Parti tista' tipprevedi li t-tali applikazzjonijiet japplikaw għal konsenji multipli. Parti tista’ tipprevedi li, fuq talba tad-detentur tad-dritt, l-applikazzjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx ta’ oġġetti suspettati, jew iż-żamma tagħhom, jista' japplika għal punti ta' dħul u ħruġ magħżula taħt kontroll doganali.

3.           Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jinfurmaw lill-applikant f'perjodu ta’ żmien raġonevoli dwar jekk ikunux aċċettaw l-applikazzjoni jew le. Meta l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu aċċettaw l-applikazzjoni, dawn għandhom jinfurmaw ukoll lill-applikant dwar il-perjodu tal-validità tal-applikazzjoni.

4.           Parti tista’ tipprevedi li, meta applikant ikun abbuża mill-proċeduri mfissra fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini), jew meta jkun hemm kawża ġusta, l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jiċħdu, jissospendu, jew jannullaw l-applikazzjoni.

Artikolu 18: Garanzija jew Assigurazzjoni Ekwivalenti

Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jirrikjedu detentur tad-dritt li jitlob li jsiru l-proċeduri deskritti fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini) li jipprovdi garanzija raġonevoli jew assigurazzjoni ekwivalenti li tkun biżżejjed biex tħares lill-konvenut u lill-awtoritajiet kompetenti u biex jiġi evitat l-abbuż. Kull Parti għandha tipprevedi li t-tali garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti ma għandhomx mingħajr raġuni jiskoraġġixxu rikors għal dawn il-proċeduri. Parti tista' tistipula li t-tali garanzija tista’ tieħu l-għamla ta' bond ikkundizzjunat li jiggarantixxi li l-konvenut ma jsirulux danni minn kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżultaw minn kwalunkwe sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew iż-żamma tagħhom, f’każ li l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw li l-oġġetti mhumiex kawża ta' ksur. Parti tista', f’każijiet eċċezzjonali biss jew skont ta’ ordni ġudizzjarja, tippermetti li l-konvenut jikseb il-pussess ta’ oġġetti suspettati billi dan jirreġistra bond jew xi garanzija oħra.

Artikolu 19: Id-Determinazzjoni tal-Ksur

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri li bihom l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu jistgħu jiddeterminaw f'perjodu ta' żmien raġjonevoli mindu jibdew il-proċeduri mfissra fl-Artikolu 16 (Miżuri Konfinali), jekk l-oġġetti suspettati jiksrux xi dritt fuq il-proprjetà intellettwali jew le.

Artikolu 20: Rimedji

1.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw li jinqerdu l-oġġetti wara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 (Id-Determinazzjoni tal-Ksur) li l-oġġetti huma kawża ta' ksur. F’każijiet fejn it-tali oġġetti ma jinqerdux, kull Parti għandha tiżgura li, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn l-oġġetti jintremew lil hinn mill-kanali tal-kummerċ b'mod li jiġi evitat kull dannu għad-detentur tad-dritt.

2.           Dwar oġġetti b’marka kummerċjali ffalsifikata, is-sempliċi tneħħija tal-marka kummerċjali mwaħħla kontra l-liġi ma għandhiex tkun biżżejjed, għajr f'każijiet eċċezzjonali, sabiex jiġi permess ir-rilaxx tal-oġġetti fil-kanali ta' kummerċ.

3.           Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom l-awtorità li jimponu penali amministrattivi wara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 (Id-Determinazzjoni tal-Ksur) li l-oġġetti huma kawża ta' ksur.

Artikolu 21: Miżati

Kull Parti għandha tipprevedi li kwalunwe miżata ta’ applikazzjoni, ħażna jew qerda li trid tiġi vvalutata mill-awtoritajiet kompetenti tagħha b'rabta mal-proċeduri deskritti f’din it-Taqsima, ma għandhiex tintuża biex bla raġuni oħra tnaffar ir-rikors għal dawn il-proċeduri.

Artikolu 22: Żvelar ta’ Informazzjoni

Bla ħsara għal-liġijiet ta' Parti pertinenti għall-privatezza jew il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni :

a)      Parti tista’ tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex jipprovdu lil detentur ta’ dritt b’informazzjoni dwar kunsinji speċifiċi ta' oġġetti, li jinkludu d-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, għall-għajnuna fid-ditezzjoni tal-oġġetti li huma kawża ta' ksur;

b)      Parti tista' tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tagħha sabiex jipprovdu lil detentur tad-dritt b'informazzjoni dwar oġġetti, li tkun tinkludi, imma mhux limitata għal, deskrizzjoni u kwantità tal-oġġetti, l-isem u l-indirizz tal-kunsinnatur, l-importatur, l-esportatur, jew id-destinatarju tal-kunsinja, u, jekk ikunu magħrufa, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti, u l-isem u l-indirizz tal-manifattur tal-oġġetti, biex jassistu fid-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 (Id-Determinazzjoni ta’ Ksur);

c)      sakemm parti ma tkunx tat lill-awtoritajiet kompetenti tagħha s-setgħa mfissra fis-sottoparagrafu (b), talanqas fil-każijiet ta' oġġetti importati, meta l-awtoritajiet kompetenti tagħha jissekwestraw oġġetti suspettużi jew, minflok, jagħmlu determinazzjoni kif hemm imsemmi fl-Artikolu 19 (id-Determinazzjoni ta’ Ksur) li l-oġġetti huma kawża ta’ ksur, il-Parti għandha tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex jipprovdu lid-detentur tad-dritt, fi żmien tletin jum[11] mis-sekwestru jew id-determinazzjoni, informazzjoni dwar it-tali oġġetti, inkluż, imma mhux limitat għalihom, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, l-isem u l-indirizz tal-kusinnatur, l-importatur, l-esportatur, jew id-destinatarju, u, jekk ikunu magħrufa, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti, u l-isem u l-indirizz tal-manifattur tal-oġġetti.

Taqsima 4: Infurzar Kriminali

Artikolu 23: Reati Kriminali

1.           Kull Parti għandha tipprevedi proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati talanqas fil-każijiet ta' falsifikazzjoni apposta ta' marki kummerċjali jew piraterija tad-dritt tal-awtur jew tad-drittijiet relatati fuq skala kummerċjali[12]. Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, atti mwettqa fuq skala kummerċjali jinkludu talanqas dawk imwettqa bħala attivitajiet kummerċjali għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

2.           Kull Parti għandha tipprevedi proċeduri kriminali u penali li jiġu applikati f'każijiet ta' importazzjoni apposta[13] u użu domestiku, tul il-proċess tal-kummerċ u fuq skala kummerċjali, ta’ tikketti jew ippakkjar[14]:

a)      li tkun ġiet applikata magħhom marka mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għal marka kummerċjali reġistrata fit-territorju tagħha, jew li ma tkunx tista' tiġi distinta minnha; kif ukoll

b)      li huma intiżi biex tul il-proċess tal-kummerċ jintużaw fuq oġġetti jew b'rabta ma' servizzi li huma identiċi għal oġġetti jew servizzi li għalihom hija reġistrata t-tali marka kummerċjali.

3.           Parti tista' tipprevedi proċeduri kriminali u penali f’każijiet xierqa għal għall-ikkupjar mhux awtorizzat ta' bċejjeċ ċinematografiċi minn wirja f'faċilità tal-esebizzjoni tal-films ġeneralment miftuħa għall-pubbliku.

4.           Fir-rigward tar-reati speċifikati f'dan l-Artikolu li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti għandha tiżgura li r-responsabbiltà kriminali għall-għajnuna u l-kompliċità tkun disponibbli skont il-liġi tagħha.

5.           Kull Parti għandha tadotta t-tali miżuri kif jaf ikun neċessarju, b'mod konsistenti mal-prinċipji legali tagħha, biex tistabbilixxi r-responsabbiltà, li taf tkun kriminali, ta' persuni ġuridiċi għar-reati speċifikati f'dan l-Artikolu li għalihom il-Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali. It-tali responsabbiltà għandha tkun bla ħsara għar-responsabbiltà kriminali tal-persuni naturali li jkunu kkommettew ir-reati kriminali.

Artikolu 24: Penali

Fil-każ tar-reati speċifikati fil-paragrafi 1, 2 u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali), kull Parti għandha tipprovdi penali li jinkudu priġunerija kif ukoll multi monetarji[15] li jkunu ħorox biżżejjed biex iservu ta' deterrent għal atti ta’ ksur fil-ġejjieni, b’mod konsistenti mal-livell ta’ penali applikat għal reati ta’ serjetà korrespondenti.

Artikolu 25: Sekwestru, Konfiska, u Qerda

1.           Fir-rigward tar-reati speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jordnaw il-konfiska tal-oġġetti suspettati b’marka kummerċjali falza jew piraterija ta’ oġġetti bi dritt tal-awtur, kwalunkwe materjali jew għodod użati fil-kummissjoni tar-reat allegat, ix-xhieda dokumentata relevanti għar-reat allegat, u l-assi derivati minn, jew miksuba direttament jew indirettament permezz tal-attività tal-ksur allegat.

2.           Meta Parti tirrikjedi l-identifikazzjoni ta' oġġetti suġġetti għas-sekwestru bħala prerekwiżit għall-ħruġ tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1, dik il-Parti m'għandhiex tirrikjedi li l-oġġetti jiġu deskritti f'aktar dettall milli hu neċessarju biex dawn jiġu identifikati għall-fini tas-sekwestru.

3.           Fir-rigward tar-reati speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw il-konfiska jew il-qerda tal-oġġetti kollha b’marki kummerċjali ffalsifikati jew ta' piraterija ta’ oġġetti bid-dritt tal-awtur. F’każijiet fejn l-oġġetti b’marki kummerċjali ffalsifikati jew ta' piraterija ta’ oġġetti bid-dritt tal-awtur ma jinqerdux, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn l-oġġetti għandhom jintremew 'il hinn mill-kanali tal-kummerċ b'mod li jiġi evitat kull dannu għad-detentur tad-dritt. Kull Parti għandha tiżgura li l-konfiska jew il-qerda tat-tali oġġetti għandha sseħħ bla kumpens ta’ ebda tip għal min ikun responsabbli mill-ksur.

4.           Fir-rigward tar-reati speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jordnaw il-konfiska jew il-qerda tal-materjali u l-għodod użati predominentement fil-ħolqien tal-oġġetti b’marka kummerċjali falza jew piraterija ta’ oġġetti bi dritt tal-awtur u, talanqas fil-każ ta’ reati serji, tal-assi derivati minn, jew miksuba direttament jew indirettament permezz tal-attività ta' ksur. Kull Parti għandha tiżgura li l-konfiska jew il-qerda tat-tali materjali, għodod, jew assi għandha sseħħ bla kumpens ta’ ebda tip għal min ikun responsabbli mill-ksur.

5.           Fir-rigward tar-reati speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti tista’ tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw:

a)      is-sekwestru tal-assi li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-assi derivati mill-attività ta' ksur allegat, jew miksuba direttament jew indirettament minnha; kif ukoll

b)      il-konfiska tal-assi li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-assi derivati mill-attività ta' ksur, jew miksuba direttament jew indirettament minnha;

Artikolu 26: Infurzar Kriminali Ex Officio

Kull Parti għandha tipprevedi li, f’każijiet xierqa, l-awtoritajiet kompetenti tagħha jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess biex iniedu investigazzjoni jew azzjoni legali fir-rigward tar-reati kriminali speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom dik il-Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali.

Taqsima 5: L-Infurzar tad-drittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali fl-Ambjent Diġitali

Artikolu 27: Infurzar fl-Ambjent Diġitali

1.           Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri ta' infurzar, sal-punt stipulat fit-Taqsimiet 2 (Infurzar Ċivili) u 4 (Infurzar Kriminali), ikunu disponibbli skont il-liġi tagħha biex jippermettu azzjoni effettiva kontra att ta' ksur ta' drittijiet fuq proprjetà intellettwali li jseħħ fl-ambjent diġitali, bl-inklużjoni ta’ rimedji mħeffa biex jiġu evitati l-atti ta' ksur u rimedji li jikkostitwixxu deterrent għal aktar atti ta’ ksur.

2.           B'segwiment għall-paragrafu 1, il-proċeduri ta' infurzar ta' kull Parti għandhom japplikaw għall-ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati fuq netwerks diġitali, li jistgħu jinkludu l-użu kontra l-liġi ta' mezzi ta' distribuzzjoni estensiva għal finijiet ta' ksur. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod li jevita l-ħolqien ta' ostakli għal attività leġittima, inkluż il-kummerċ elettroniku, u, b'mod konsistenti mal-liġi ta' dik il-Parti, b'mod li jikkonserva l-prinċipji fundamentali bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u l-privatezza[16].

3.           Kull Parti għandha tirsisti biex tħeġġeġ sforzi ta’ kooperazzjoni fil-komunità kummerċjali biex l-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relati u tal-marki kummerċjali jiġi indirizzat b'mod effettiv filwaqt li li tiġi kkonservata l-kompetizzjoni leġittima u, b’mod konsistenti mal-liġi ta’ dik il-Parti, jitħarsu l-prinċipji fundamentali bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u l-privatezza.

4.           Parti tista’ tipprevedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jordnaw lill-fornituri tas-servizzi onlajn li jiżvelaw bla dewmien lil detentur ta’ dritt informazzjoni li tkun biżżejjed biex jiġi identifikat abbonat li l-kont tiegħu jkun allegatament intuża għal ksur, meta d-detentur tad-dritt ikun irreġistra klejm suffiċjentement legali ta’ ksur ta’ dritt tal-awtur jew drittijiet relatati jew ta' marka kummerċjali, u meta t-tali informazzjoni tkun qed tiġi mfittxija għall-fini ta' protezzjoni jew infurzar ta' dawk id-drittijiet. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod li jevita l-ħolqien ta' ostakli għal attività leġittima, inkluż il-kummerċ elettroniku, u, b'mod konsistenti mal-liġi ta' dik il-Parti, b'mod li jikkonserva l-prinċipji fundamentali bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u l-privatezza.

5.           Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkumvenzjoni tal-miżuri teknoloġiċi effettivi[17] li jintużaw mill-awturi, il-persuni tal-ispettaklu jew il-produtturi ta' fonogrammi f'konnessjoni mal-eżerċitazzjoni ta’ drittijiethom, u li jrażżnu l-atti fir-rigward ta’ ħidmiethom, l-ispettakli u l-fonogrammi tagħhom, li mhumiex awtorizzati mill-awturi, il-persuni tal-ispettaklu jew il-produtturi tal-fonogrammi kkonċernati jew permessi mil-liġi.

6.           Biex jiġu pprovduti l-protezzjoni legali adegwata u r-rimedji legali effettivi msemmija fil-paragrafu 5, kull Parti għandha talanqas tipprovdi protezzjoni kontra:

a)      sal-punt provdut mil-liġi tagħha:

i)        iċ-ċirkumvenzjoni mhux awtorizzata ta’ miżura teknoloġika effettiva mwettqa apposta jew abbażi ta' raġunijiet li jwasslu b’mod raġjoneveoli lil wieħed x'jifhem li twettqet apposta; kif ukoll

ii)       l-offerta lill-pubbliku permezz ta' tqegħid fis-suq ta’ xi apparat jew prodott, inklużi programmi tal-kompjuter, jew ta’ xi servizz, bħala mezz biex tiġi ċirkumventa xi miżura teknoloġika effettiva; kif ukoll

b)      il-manifattura, l-importazzjoni, jew id-distribuzzjoni ta' xi apparat jew prodott, inklużi programmi tal-kompjuter, jew forniment ta' servizz li:

i)        huwa mfassal jew manifatturat primarjament għall-għan li jiċċirkumventa miżura teknoloġika effettiva; jew

ii)       għandu biss għan kummerċjalment sinifikanti limitat għajr dak li jiċċirkumventa miżura teknoloġika effettiva. [18]

7.           Biex tipproteġi l-informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi[19], kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra kull persuna li twettaq apposta u bla awtorità kwalunkwe att fost dawn li ġejjin bil-konsapevolezza, jew fir-rigward tar-rimedji ċivili, b'raġunijiet raġjonevoli li tkun taf li dan l-att jippermetti, jiffaċilita, jaħbi jew iwassal għal ksur ta’ kwalunkwe dritt tal-awtur jew drittijiet relatati:

a)      it-tneħħija jew it-tibdil ta’ xi informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi;

b)      it-tqassim, l-importazzjoni għad-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' kopji ta' ħidmiet, spettakli, jew fonogrammi, bl-għarfien li l-informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi tneħħie’ jew tbiddlet bla awtorità.

8.           Fil-provvediment ta' protezzjoni legali adegwata u ta’ rimedji legali effettivi skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 7, Parti tista' tadotta jew iżżomm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet xierqa għall-miżuri ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5, 6, u 7. L-obbligi stipulati fil-paragrafi 5, 6, u 7 huma bla ħsara għad-drittijiet, il-limitazzjonijiet, l-eċċezzjonijiet, jew id-difiżi tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati skont il-liġi ta’ Parti.

Kapitolu III: Prattiki ta' Infurzar

Artikolu 28: Għarfien Espert, Informazzjoni u Koordinament Domestiku tal-Infurzar

1.           Kull Parti għandha tħeġġeġ l-iżvilupp ta' għarfien espert speċjalizzat fl-awtoritajiet kompetenti tagħha responsabbli mill-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali.

2.           Kull Parti għandha tħeġġeġ il-ġbir u l-analiżi ta’ dejta statistika u informazzjoni oħra relevanti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll il-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prassi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ksur.

3.           Kull Parti għandha, kif jixraq, tħeġġeġ koordinament intern fost l-awtoritajiet kompetenti tagħha responsabbli mill-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, u tiffaċilita azzjonijiet konġunti bejniethom.

4.           Kull Parti għandha tirsisti biex tħeġġeġ, fejn jixraq, it-twaqqif u ż-żamma ta’ mekkaniżmi formali jew informali, bħal gruppi konsultattivi, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu jistgħu jirċievu l-opinjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet u ta' partijiet interessati relevanti oħra.

Artikolu 29: L-Immaniġġjar tar-Riskji fil-Fruntieri

1.           Biex titqawwa l-effettività tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali fil-fruntieri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti jistgħu:

a)      jikkonsultaw mal-partijiet interessati relevanti, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Partijiet oħra responsabnbli mill-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jidentifikaw u jindirizzaw riskji sinifikanti, u jħeġġu azzjonijiet li jtaffu dawk ir-riskji; kif ukoll

b)      jaqsmu informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Partijiet oħra dwar l-infurzar fuq il-fruntieri tad-drittijiet fuq proprjetà intellettwali, inkluża informazzjoni relevanti biex jiġu identifikati u mmirati aħjar l-ispezzjonijiet ta' kunsinji suspettati li fihom oġġetti ta' ksur.

2.           Meta Parti tissekwestra oġġetti importati li jiksru dritt fuq proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet kompetenti tagħha jistgħu jipprovdu l-Parti tal-esportazzjoni bl-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-partijiet u l-oġġetti involuti fl-esportazzjoni tal-oġġetti sekwestrati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni jistgħu jieħdu azzjoni kontra dawk il-partijiet u kunsinji futuri skont il-liġi ta' dik il-Parti.

Artikolu 30: It-Trasparenza

Biex tħeġġeġ t-trasparenza fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali tagħha, kull Parti għandha tieħu miżuri xierqa, skont il-liġi u l-politiki tagħha, biex tippubblika jew b'xi mod ieħor tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar:

a)      il-proċeduri disponibbli skont il-liġi tagħha għall-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet kompetenti tagħha responabbli mit-tali infurzar, u l-punti ta' kuntatt disponibbli għall-assistenza;

b)      il-liġijiet, ir-regolament, id-deċiżjonijiet ġuridiċi finali relevanti, u d-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali pertinenti għall-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; kif ukoll

c)      l-isforzi tagħha biex tiżgura sistema effettiva ta’ infurzar u protezzjoni tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali.

Artikolu 31: Il-Kuxjenza Pubblika

Kull Parti għandha, kif xieraq, tħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri li jkattru l-kuxjenza pubblika dwar l-importanza tar-rispett għad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali u dwar l-effetti negattivi tal-ksur tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali.

Artikolu 32: Konsiderazzjonijiet Ambjentali fir- rigward tal-Qerda tal-Oġġetti ta’ Ksur

Il-qerda ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali għandha ssir b’mod konsistenti mal-liġijiet u r-regolament dwar kwistjonijiet ambjentali tal-Parti fejn isseħħ il-qerda.

Kapitolu IV

Il-Kooperazzjoni Internazzjonali

Artikolu 33: Il-Kooperazzjoni Internazzjonali

1.           Kull Parti tirrikonoxxi li l-kooperazzjoni internazzjonali hija vitali biex tirnexxi l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali u li din għandha titħeġġeġ bla ma titqies l-oriġini tal-oġġetti li jiksru d-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, jew il-lokalità jew in-nazzjonalità tad-detentur tad-dritt.

2.           Biex jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari l-iffalsifikar tal-marki kummerċjali jew piraterija tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, il-Partijiet għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni, fejn jixraq, fost l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali. Kooperazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tinkludi kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ infurzar kriminali u miżuri konfinali koperti minn dan il-Ftehim.

3.           Il-kooperazzjoni skont dan il-Kapitolu għandha titwettaq b'mod konsistenti mal-ftehimiet internazzjonali relevanti u tkun suġġett għal-liġijiet, il-politiki, l-allokament tar-riżorsi, u l-prijoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' kull Parti.

Artikolu 34: Il-Qsim ta’ Informazzjoni

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 (L-Immaniġġjar tar-Riskji fil-Fruntieri), kull Parti għandha tistinka biex tiskambja mal-Partijiet l-oħrajn:

a)      informazzjoni li l-Parti tiġbor skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III (Prattiki ta’ Infurzar), inklużi dejta statistika u informazzjoni dwar l-aħjar prattiki;

b)      informazzjoni dwar il-miżuri leġiżlattivi u regolatorji tagħha marbuta mal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; kif ukoll

c)      informazzjoni oħra kif jixraq u jkun maqbul reċiprokament.

Artikolu 35: Tiswir tal-Kapaċità u l-Assistenza Teknika

1.           Kull Parti għandha tistinka biex tipprovdi, fuq talba u skont termini u kundizzjonijiet maqbula reċiprokament, assistenza fit-tiswir tal-kapaċità u l-assistenza teknika fit-titjib tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali lil Partijiet oħra kontraenti f'dan il-Ftehim u, fejn jixraq, lil Partijiet prospettivi. It-tiswir tal-kapaċità u l-assistenza teknika jafu jkopru oqsma bħal:

a)      it-titjib tal-għarfien pubbliku dwar id-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali;

b)      l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali;

c)      it-taħriġ ta’ uffiċjali fl-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; kif ukoll

d)      operazzjonijet koordinati li jsiru fil-livelli reġjonali u multilaterali.

2.           Kull Parti għandha tistinka biex taħdem mill-qrib mal-Partijiet l-oħra u, fejn jixraq, ma' non-Partijiet ta’ dan il-Ftehim għall-għan li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

3.           Parti tista’ timpenja ruħha għall-attivitajiet imfissra f'dan l-Artikolu flimkien mas-settur privat relevanti jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Kull Parti għandha tirsisti biex tevita dupplikazzjoni bla bżonn bejn l-attivitajiet imfissra f’dan l-Artikolu u attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali oħrajn.

Kapitolu V

Arranġamenti Istituzzjonali

Artikolu 36: Il-Kumitat tal-ACTA

1.           Il-Partijiet permezz ta’ dan jistabbilixxu l-Kumitat tal-ACTA. Kull Parti għandha tkun irrappreżentata fuq il-Kumitat.

2.           Il-Kumitat għandu:

a)      jirrevedi l-implimentazzjoni u l-operat ta’ dan il-Ftehim;

b)      iqis kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' dan il-Ftehim;

c)      iqis kwalunkwe emendi proposti għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 42 (Emendi);

d)      jiddeċiedi, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 43 (Adeżjoni), dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni f’dan il-Ftehim ta’ kull Membru tad-WTO; kif ukoll

e)      iqis kwalunkwe kwistjoni oħra li taf tolqot l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-Ftehim.

3.           Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li:

a)      jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta' ħidma ad hoc biex jassistu lill-Kumitat fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu skont il-paragrafu 2, jew biex jassisti lil xi Parti prospettiva wara rikjesta min-naħa tagħha biex taderixxi ma’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 43 (Adeżjoni)

b)      ifittex il-pariri ta’ persuni jew gruppi nongovernattivi;

c)      jagħmel rakkommandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, inkluż billi japprova linji gwida dwar l-aħjar prattika marbuta miegħu;

d)      jaqsam informazzjoni u l-aħjar prattika ma' partijiet terzi dwar it-tnaqqis ta’ ksur tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, inklużi tekniki għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-piraterija u l-iffalsifikar; kif ukoll

e)      jieħu azzjonijiet oħra fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

4.           Id-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat għandhom jittieħdu b’kunsens, ħlief meta l-Kumitat jaf jiddeċiedi mod ieħor b’kunsens. Il-Kumitat għandu jitqies li jkun aġixxa b’kunsens dwar xi kwistjoni sottomessa għall-konsiderazzjoni tiegħu, jekk l-ebda Parti preżenti fil-laqgħa meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni ma toġġezzjona formalment kontra d-deċiżjoni proposta. Il-lingwa ta’ ħidmet il-Kumitat għandha tkun l-Ingliż u d-dokumenti ta' appoġġ għal ħidmietu għandhom ikunu bil-lingwa Ingliża.

5.           Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli u l-proċeduri tiegħu f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u għandu jistieden lil dawk il-Firmatarji li mhumiex Partijiet f'dan il-Ftehim sabiex jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar dawk ir-regoli u l-proċeduri. Ir-regoli u l-proċeduri:

a)      għandhom jindirizzaw kwistjonijiet bħall-presidenza u l-ospitar tal-laqgħat, u l-prestazzjoni tal-kompiti organizzattivi relevanti għal dan il-Ftehim u t-tħaddim tiegħu; kif ukoll

b)      jistgħu jindirizzaw ukoll tali kwsitjonijiet bħall-għoti ta’ status ta’ osservatur, u kwalunkwe kwistjoni oħra li l-Kumitat jiddeċiedi li hija neċessarja għat-tħaddim sew tiegħu.

6.           Il-Kumitat jista’ jemenda r-regoli u l-proċeduri.

7.           Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, matul l-ewwel ħames snin mindu jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat li jadotta jew jemenda r-regoli u l-proċeduri għandhom jittieħdu b’kunsens tal-Partijiet u ta' dawk il-Firmatarji li mhumiex Partijiet f'dan il-Ftehim.

8.           Wara l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 7, il-Kumitat jista’ jadotta jew jemenda r-regoli u l-proċeduri abbażi ta' kunsens tal-Partijiet f'dan il-Ftehim.

9.           Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, il-Kumitat jista' jiddeċiedi li l-addozzjoni jew l-emenda ta' xi regola jew proċedura partikolari tirrikjedi l-kunsens tal-Partijiet u ta' dawk il-Firmatarji li mhumiex Partijiet f'dan il-Ftehim.

10.         Il-Kumitat għandu jiltaqa' talanqas darba fis-sena sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat għandha ssir f'perjodu ta' żmien raġjonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

11.         Għal aktar ċertezza, il-Kumitat mhux se jissorvelja jew jimmonitorja l-infurzar domestiku jew internazzjonali jew l-investigazzjonijiet kriminali ta’ każijiet speċifiċi ta’ proprjetà intellettwali.

12.         Il-Kumitat għandu jistinka biex jevita dupplikazzjoni bla bżonn bejn l-attivitajiet tiegħu u sforzi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali.

Artikolu 37: Punti ta' Kuntatt

1.           Kull Parti għandha twaqqaf punt ta' kuntatt li jiffaċilita l-komunikazzjonijiet bejn il-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni koperta minn dan il-Ftehim.

2.           Fuq talba ta’ Parti oħra, il-punt ta' kuntatt ta' xi Parti partikolari għandu jidentifika uffiċċju jew uffiċjal xieraq li jista’ jiġi indirizzat mill-Parti li tkun għamlet it-talba, u għandu jassisti, skont il-ħtieġa, fl-iffaċilitar tal-komunikazzjoni bejn l-uffiċċju jew l-uffiċjal ikkonċernat u l-Parti li tkun għamlet it-talba.

Artikolu 38: Konsultazzjonijiet

1.           Parti tista’ titlob bil-miktub konsultazzjoni ma' Parti oħra fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni li tolqot l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Parti li tagħmel it-talba għandha tagħti konsiderazzjoni pożittiva lil tali rikjesta, tipprovdi tweġiba, u tforni opportunità adegwata għal konsultazzjoni.

2.           Il-konsultazzjonijiet, inklużi pożizzjonijiet partikolari mittieħda mill-Partijiet konsultattivi, għandhom jibqgħu kunfidenzjali u bla ħsara għad-drittijiet jew il-pożizzjonijiet ta’ kull waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe proċediment ieħor, inkluż xi proċediment taħt l-awspiċi tal-Understanding on Rules and Procedures Governing the Settlement of Disputes li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim tad-WTO.

3.           Il-Partijiet konsultattivi jistgħu, b'kunsens reċiproku, jinnotifikaw lill-Kumitat dwar ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet tagħhom skont dan l-Artikolu.

Kapitolu VI: Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 39: Iffirmar

Dan il-Ftehim għandu jibqa’ miftuħ għall-iffirmar mill-parteċipanti fin-negozjati tiegħu[20] u minn kwalunkwe Membru ieħor tad-WTO li l-parteċipanti jafu jaqblu dwaru b’kunsens, mill-31 ta' Marzu 2011 sal-31 ta' Marzu 2013.

Artikolu 40: Dħul fis-seħħ

1.           Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin juim wara d-data tad-depożitu tas-sitt strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni bejn dawk il-Firmatarji li ddepożitaw l-istrumenti rispettivi tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni.

2.           Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ għal kull Firmatarju li jiddepożita l-istrument tiegħu tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni wara d-depożitu tas-sitt strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni, tletin jum wara d-data tad-depożitu mit-tali Firmatarju tal-istrument tiegħu tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni.

Artikolu 41: Irtirar

Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub lid-Depożitarju. L-irtirar għandu jkollu effett 180 jum wara li d-Depożitarju jirċievi n-notifika.

Artikolu 42: Emendi

1.           Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Ftehim lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar jekk jippreżentax emenda proposta lill-Partijiet għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni.

2.           Kwalunkwe emenda għandha tidħol fis-seħħ disgħin jum wara d-data li l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrumenti rispettivi tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni mad-Depożitarju.

Artikolu 43: Adeżjoni

1.           Wara li jiskadi l-perjodu previst fl-Artikolu 39 (Iffirmar), kwalunkwe Membru tad-WTO jista’ japplika biex jaderixxi ma’ dan il-Ftehim.

2.           Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni għal kull applikant.

3.           Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ għall-applikant tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta' adeżjoni tiegħu abbażi tal-kundizzjonijiet tal-adeżjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 44: It-Testi tal-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’oriġinal waħdieni bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Spanjola, b'kull verżjoni tkun awtentika b'mod ugwali.

Artikolu 45: Depożitarju

Il-Gvern tal-Ġappun għandu jkun id-Depożitorju ta' dan il-Ftehim.

[1]               ĠU C, , p. .

[2]               ĠU: jekk jogħġbok daħħal in-numru u r-referenza tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni.

[3]               ĠU: jekk jogħġbok, fin-nota tal-qiegħ 1 daħħal ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-Ftehim.

[4]               Għal aktar ċertezza, il-Partijiet jirrikonoxxu li żona ħielsa tfisser parti mit-territiroju tal-Parti fejn kwalunkwe dħul ta' oġġetti, sa fejn jikkonċerna taxxi u dazji ta' importazzjoni, jitqiesu li qegħdin barra mit-territorju tad-dwana.

[5]               Parti tista' teskludi privattivi u protezzjoni ta' informazzjoni mhix żvelata mill-ambitu ta' din it-Taqsima.

[6]               Is-suppożizzjonijiet imsemmija fis-sottoparagrafu 3(b) jistgħu jinkludu suppożizzjoni li l-ammont ta’ danni huwa: (i) il-kwantità tal-oġġetti li jiksru d-dritt tad-detentur tad-drittijiet intellettwali inkwistjoni u li attwalment huma assenjati lil terzi persuni, immultiplikata bl-ammont tal-profitt għal kull unità ta' oġġetti li kellhom jinbiegħu mid-detentur tad-dritt li kieku ma kienx hemm l-att ta' ksur; jew (ii) royalty raġonevoli; jew (iii) somma f’salt abbażi ta' elementi bħal tal-anqas l-ammont ta' royalties jew miżati dovuti li kieku dak responsabbli mill-ksur talab awtorizzazzjoni għall-użu tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni.

[7]               Fejn Parti tkun żarmat sostanzjalment il-kontrolli kollha fuq il-moviment tal-oġġetti lil hinn mill-fruntiera tagħha ma' Parti oħra li magħha tifforma parti f’unjoni doganali, ma għandux jintalab li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima f'dik il-fruntiera.

[8]               Huwa mifhum li ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu li jiġu applikati il-proċeduri stipulati f’din it-Taqsima għall-oġġetti mqiegħda fis-suq ta’ pajjiż ieħor mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

[9]               Il-Partijiet jaqblu li l-privattivi u l-protezzjoni ta' informazzjoni mhix żvelata ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din it-Taqsima.

[10]             Ir-rekwiżit li jiġu previsti applikazzjonijiet bħal dawn huwa suġġett għall-obbligi li jiġu pprovduti l-proċeduri msemmija fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini).

[11]             Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, jum tfisser jum ta' negozju.

[12]             Kull Parti għandha tittratta l-importazzjoni jew l-esportazzjoni apposta ta' oġġetti b'falsifikazzjoni tal-marka kummerċjali jew piraterija ta' oġġetti mħarsa minn dritt tal-awtur fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet illegali suġġetti għall-proċedimenti kriminali skont dan l-Artikolu. Parti tista’ tikkonforma mal-obbligazzjoni tagħha marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti b'falsifikazzjoni tal-marka tal-kummerċ jew piraterija ta’ oġġetti mħarsa bid-dritt tal-awtur billi tali oġġetti jiġu pprovduti għad-distribuzzjoni, għall-bejgħ jew għal offerta għall-bejgħ fuq skala kummerċjali billi tqishom bħala attivitajiet kontra l-liġi suġġetti għal penali kriminali.

[13]             Parti tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha marbuta mal-importazzjoni ta’ tikketti jew ippakkjar permezz tal-miżuri tagħha rigward id-distribuzzjoni.

[14]             Parti tista' tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-paragrafu billi tipprevedi proċeduri kriminali u penali li għandhom jiġu applikati għal tentattivi ta’ twettiq ta’ reati konnessi mal-marki tal-kummerċ.

[15]             Huwa mifhum li ma hemm l-ebda obbligi għal Parti biex tistipula l-possibilità ta' ħabs u multi monetarji li jkunu imposti b'mod parallel.

[16]             Pereżempju, bla ħsara għal-liġi ta’ Parti, l-addozzjoni jew iż-żamma ta' sistema li tipprevedi limitazzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-fornituri ta' servizzi onlajn, jew fuq ir-rimedji disponibbli kontriehom, filwaqt li jitħarsu l-interessi leġittimi tad-detentur tal-dritt.

[17]             Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, miżuri teknoloġiċi tfisser kwalunkwe teknoloġija, apparat, jew komponent li, fil-proċess normali tat-tħaddim tiegħu, tfassal biex jipprevjeni jew irażżan atti, fir-rigward ta' ħidmiet, spettakli, jew fonogrammi li mhumiex awtorizzati mill-awturi, persuni tal-ispettaklu jew produtturi ta' fonogrammi, kif previst mil-liġi ta’ xi Parti. Bla ħsara għall-ambitu tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati li jinsabu fil-liġi tal-Parti, miżuri teknoloġiċi għandhom jitqiesu effettivi meta l-użu ta' ħidmiet, spettakli, jew fonogrammi protetti huwa kkontrollat mill-awturi, il-persuni tal-ispettaklu jew il-produtturi tal-fonogrammi permezz tal-applikazzjoni ta' kontroll tal-aċċess relevanti jew proċess ta' protezzjoni, bħall-ikkriptar jew l-iscrambling, jew mekkaniżmu tal-kontroll tal-ikkuppjar, li jikseb l-oġġettiv tal-protezzjoni.

[18]             Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 5 u 6, l-ebda Parti ma għandha tkun obbligata tirrikjedi li d-disinn ta', jew id-disinn u selezzjoni tal-partijiet u komponenti għal, prodotti elettroniċi tal-konsum, tat-telekomunikazzjonijiet, jew tal-kompjuter jipprovdu għal rispons għal kwalunkwe miżura teknoloġika partikolari, sakemm il-prodott ma jkunx mill-banda l-oħra jikser il-miżuri tiegħu li jimplimentaw dawn il-paragrafi.

[19]             Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet tfisser:

(a)           informazzjoni li tidentifika l-ħidma, l-ispettaklu, jew il-fonogramm; l-awtur tal-ħidma, il-persuna li twettaq l-ispettaklu, jew il-produttur tal-fonogramm; jew is-sid ta’ kwalunkwe dritt fil-ħidma, l-ispettaklu, jew il-fonogramm;

(b)           informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ħidma, l-ispettaklu, jew il-fonogramm; jew

(c)           kwalunkwe numri jew kodiċi li jirrappreżentaw l-informazzjoni deskritta f'(a) u (b) hawn fuq; fejn kwalunkwe minn dawn l-entitajiet ta’ informazzjoni hija mehmuża ma' xi ħidma, spettaklu, jew fonogramm, jew tidher f'konnessjoni mal-komunikazzjoni jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħidma, spettaklu, jew fonogramm għall-pubbliku.

[20]             L-Awstralja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kanada, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Elennika, ir-Repubblika tal-Ungerija, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika tal-Latvija, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' Malta, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika ta' Singapor, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Renju tal-Isvezja, il-Konfederazzjoni Svizzera, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u l-Istati Uniti tal-Amerika.