52011PC0285

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali /* KUMM/2011/0285 finali - COD 2011/0137 */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Sfond

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli, ‘Ewropa 2020’[1] , enfasizzat l-importanza tal-innovazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi u d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (Intellectual Property Rights - IPR) huma essenzjali għal din il-prijorità ewlenija, billi jiżguraw il-benefiċċji kollha mir-riċerka, l-innovazzjoni u l-attivitajiet kreattivi. Il-ksur tal-IPR u l-kummerċ li jirriżulta ta’ oġġetti li jiksru dawn id-drittijiet huma ta’ tħassib kbir, b’mod partikolari f’ekonomija globalizzata. Minbarra l-konsegwenzi ekonomiċi għall-industrija, il-prodotti illegali jistgħu joħolqu riskji serji għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Att dwar is-Suq Uniku[2], il-Kummissjoni għalhekk fakkret li l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu jistgħu jipprovdu aktar protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz ta’ leġiżlazzjoni riveduta.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 jipprovdi għal azzjoni doganali kontra merkanzija ssuspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u huwa element importanti fl-istrateġija tal-UE għall-protezzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. F’Settembru 2008 il-Kunsill[3] stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu dan ir-Regolament u jissuġġerixxu u jevalwaw it-titjib tal-qafas legali dwar l-azzjoni kontra l-prodotti li jinsabu li jkunu kisru dawn id-drittijiet.

Il-Kummissjoni żviluppat pjan ta' azzjoni doganali ġdid biex tiġġieled kontra l-ksur tal-IPR għas-snin 2009-2012. L-elementi ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni[4], imħejji mill-Kummissjoni u approvat mill-Kunsill, ikopru l-leġiżlazzjoni, il-prestazzjoni operattiva, il-kooperazzjoni mal-industrija, il-kooperazzjoni internazzjonali u ż-żieda fl-għarfien. Ir-reviżjoni tar-Regolament kienet inkluża fil-pjan u twettqet mill-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri permezz ta’ grupp ta’ ħidma li nħoloq taħt il-Programm Dwana 2013, li kien magħmul minn esperti tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri.

Ċerti każijiet ta’ detenzjoni mill-awtoritajiet doganali ta’ kunsinni ta’ mediċini fi tranżitu fl-UE, li seħħew fl-aħħar tal-2008, ħolqu tħassib fost ċerti Membri tad-WTO, Membri tal-Parlament Ewropew, NGOs u s-soċjetà ċivili. Intqal li miżuri bħal dawn jistgħu jfixklu l-kummerċ legali ta’ mediċini ġeneriċi, li b’hekk jikkontradixxu l-impenn tal-UE li tiffaċilita l-aċċess għall-mediċini fid-dinja li qiegħda tiżviluppa, u eventwalment jiksru r-regoli tad-WTO. Il-każijiet ta’ detenzjoni kkawżaw tilwim kummerċjali kontra l-UE mill-Indja u l-Brażil, li flimkien mat-tħassib li ntwera waqt il-konsultazzjonijiet rilevanti tad-WTO bejn l-Indja u l-Brażil u l-UE, urew li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE għall-infurzar tal-proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali tista’ tibbenefika minn aktar kjarifiki sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali.

1.2.        Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Il-proposta hija konformi mal-politika u l-istrateġija tal-UE li ilha teżisti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Din il-politika kienet riflessa f’bosta Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni, bħall-Ewropa 2020 u l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku[5]. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-infurzar effettiv għandu impatt pożittiv fuq l-impjiegi, il-konsumaturi u s-soċjetà inġenerali.

L-infurzar fuq il-fruntieri tal-IPR mid-dwana jikkumplimenta l-infurzar fis-suq intern, kif ukoll inizjattivi ta’ kummerċ ma’ pajjiżi terzi u f’fora internazzjonali. Il-proposta hija parti integrali tal-qafas strateġiku deskritt fil-Komunikazzjoni l-ġdida mill-Kummissjoni dwar Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ta’ [Mejju 2011].

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-EVALWAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni pubblika

Saret konsultazzjoni pubblika biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkunu ingħataw opportunità suffiċjenti sabiex jikkontribwixxu għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003. Ir-rispons għall-konsultazzjoni pubblika kien jinkludi 89 kontribuzzjoni minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi detenturi tad-drittijiet, fornituri ta’ servizzi relatati mal-kummerċ internazzjonali, bħal burdnara u trasportaturi, avukati, istituzzjonijiet akkademiċi, NGOs, awtoritajiet pubbliċi u ċittadini.

Il-kwistjonijiet ewlenin li qajmu interess fost dawk li wieġbu kienu l-ambitu tar-Regolament fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu azzjoni u l-firxa ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mir-Regolament, il-proċedura ssimplifikata inġenerali u fir-rigward ta’ kunsinni żgħar u l-ispejjeż tal-ħażna u l-qerda tal-oġġetti.

2.2.        Valutazzjoni tal-Impatt

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt identifika u evalwa l-għażliet politiċi li jirrigwardaw il-miżuri doganali u l-proċeduri relatati mal-infurzar fuq il-fruntieri tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-oqsma ewlenin koperti kienu l-ambitu għat-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-fruntieri, għall-indirizzar tal-piżijiet amministrattivi u ekonomiċi tal-infurzar fuq id-dwana, id-detenturi tad-drittijiet u partijiet interessati oħra, u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-effikaċja u l-konsistenza mal-obbligi legali rilevanti kollha.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt eżamina tliet għażliet differenti, jekk rilevanti ma’ numru ta’ għażliet sekondarji. L-ewwel għażla kienet tipprovdi għall-hekk imsejjaħ ‘xenarju bażiku’, li fih il-Kummissjoni ma tieħu l-ebda azzjoni u jinżamm l-istatus quo. It-tieni għażla kienet tipprovdi għal ċerti miżuri mhux leġiżlattivi, fejn il-Kummissjoni tipproponi inizjattivi ta’ taħriġ u l-iżvilupp ta’ linji gwida u skambju tal-aħjar prattiki. It-tielet għażla kienet li l-Kummissjoni tipproponi xi emendi għal qafas legali eżistenti. Taħt din l-għażla jistgħu jkunu disponibbli diversi għażliet sekondarji għal kull problema identifikata.

· - Għażla 1 għandha tiġi eskluża li kieku l-Kummissjoni kellha twieġeb b’mod adegwat għat-talba tal-Kunsill li tirrevedi l-leġiżlazzjoni u għat-tħassib dwar l-ambitu u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li ntwera mill-partijiet interessati waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni.

· - Għażla 2 tindirizza biss b’mod parzjali l-problemi identifikati. Il-linji gwida u n-noti ta’ spjegazzjoni jistgħu jgħinu sabiex jiċċaraw il-proċeduri applikabbli jew kif jiġu applikati l-prinċipji ġenerali tal-liġi. Madankollu, dawn il-miżuri mhux leġiżlattivi ma jistgħux jindirizzaw xi wħud mill-miri tat-twessigħ tal-ambitu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew jagħmlu l-proċeduri obbligatorji fl-UE kollha.

· - Għażla 3 tagħti l-akbar ċertezza legali li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li mhumiex koperti mir-Regolament attwali jiġu inklużi, li l-proċeduri jiġu armonizzati u li jingħataw kjarifiki dwar il-proċeduri. Skont din l-għażla, ingħataw żewġ sub-għażliet. Sub-għażla 1 ipprovdiet għall-estensjoni tat-tipi ta’ ksur possibbli ta’ drittijiet li huma diġà koperti mir-Regolament attwali, pereżempju, fir-rigward ta’ oġġetti li jinvolvu kwalunkwe ksur ta’ drittijiet tat-trademarks, mhux biss l-iffalsifikar. It-tieni għażla sekondarja kienet tinkludi l-ewwel għażla sekondarja u wessgħet l-ambitu attwali tar-Regolament f’dak li jirrigwarda l-IPR koperti.

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-aktar soluzzjoni xierqa tkun li r-Regolament jiġi emendat sabiex iwieġeb għall-problemi kollha identifikati u sabiex jiżgura eżitu bbilanċjat għall-kategoriji kollha ta’ persuni affettwati.

3.           BAŻI LEGALI U SUSSIDJARJETÀ

L-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali huma parti mill-qafas tal-politika kummerċjali komuni. L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi setgħat għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni ta’ politika kummerċjali komuni. Għalhekk il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament jirrigwarda l-aspetti kummerċjali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fis-sens li jittratta miżuri li jippermettu lid-dwana sabiex issaħħaħ id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-fruntieri fuq oġġetti li huma nnegozjati fuq livell internazzjonali. L-Artikolu 3(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi kompetenza esklużiva fuq l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhux sejra jkollha impatt fuq ir-riżorsi umani u fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhijiex akkumpanjata mid-dikjarazzjoni finanzjarja prevista taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Finanzjarju (Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej).

5.           EMENDI

Ir-reviżjoni identifikat ċertu titjib fil-qafas legali li kien meqjus meħtieġ għat-tisħiħ tad-dispożizzjoniet li jirrigwardaw l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw iċ-ċarezza legali tad-dispożizzjonijiet infushom. Għalhekk qed ikun propost li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, jiġi sostitwit bl-abbozz tar-Regolament il-ġdid mehmuż.

Sabiex jissaħħaħ l-infurzar, qiegħed jiġi propost li jitwessa’ l-ambitu kopert mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, billi jiġu nklużi l-ismijiet kummerċjali, it-topografiji ta’ prodotti semikondutturi u mudelli ta’ utilità. Qiegħed jiġi propost ukoll li jitwessa’ l-ambitu tar-Regolament billi jiġi nkluż ksur li jirriżulta minn kummerċ parallel u apparat li jaħrab il-miżuri teknoloġiċi, kif ukoll ksur ieħor ta’ drittijiet diġà infurzati mid-dwana.

Ir-Regolament iżomm l-abbiltà li d-dwana tikkontrolla għall-għanijiet ta’ tisħiħ, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fis-sitwazzjonijiet kollha fejn l-oġġetti jkunu taħt is-superviżjoni tagħha u d-distinzjoni bejn in-natura proċedurali tal-leġiżlazzjoni u l-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali tkun enfasizzata.

Ir-Regolament jintroduċi wkoll proċeduri li jippermettu lid-dwana, taħt ċerti kundizzjonijiet, li teqred oġġetti abbandunati mingħajr ma jkollha twettaq proċeduri legali formali u għaljin. Dawn ikunu ddifferenzjati skont it-tip ta’ ksur. Fil-każ ta’ oġġetti foloz u pirati, il-qbil tad-detentur li jeqred l-oġġetti jista’ jkun preżunt jekk il-qerda ma tkunx ġiet opposta b’mod espliċitu, filwaqt li f’sitwazzjonijiet oħrajn, id-detentur tal-oġġetti jkollu jaqbel b’mod espliċitu mal-qerda tagħhom. F’każ li ma jintlaħaq l-ebda qbil, id-detentur tad-dritt ikollu jiftaħ proċeduri legali sabiex jistabbilixxi l-ksur, inkella l-oġġetti jinħelsu.

Qiegħda tiġi proposta wkoll proċedura speċifika għal kunsinni żgħar ta’ oġġetti ssuspettati li huma foloz u pirati koperti minn applikazzjoni, li toffri l-possibbiltà li l-oġġetti jinqerdu mingħajr l-involviment tad-detentur tad-dritt.

Hemm proposti wkoll dispożizzjonijiet oħrajn li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tan-negozjanti leġittimi mill-possibbiltà ta’ abbuż mill-proċeduri ta’ infurzar tad-dwana u li jintegraw il-prinċipji tal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali fir-Regolament. Għal dan il-għan, ir-Regolament jiċċara l-iskadenzi għas-sekwestru ta’ oġġetti ssuspettati, il-kundizzjonijiet li taħthom id-dwana tista’ tagħti informazzjoni dwar kunsinni lid-detenturi tad-drittijiet, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura li tippermetti l-qerda tal-oġġetti taħt il-kontroll tad-dwana għal ksur issuspettat tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minbarra l-iffalsifikar u l-piraterija, u d-dritt għad-difiża. B’dan il-mod, ir-Regolament il-ġdid isir għodda aktar b’saħħitha ta’ infurzar li biha titjieb il-leġittimità tal-azzjonijiet tad-dwana. Il-kwistjoni tal-ispejjeż tal-ħażna u tal-qerda ta’ oġġetti illegali ġibdet l-attenzjoni ta’ diversi partijiet interessati. Ir-Regolament ikompli jipprovdi li l-ispejjeż tal-ħażna u tal-qerda li d-dwana teħel b’mod dirett jitħallsu mid-detenturi tad-drittijiet li jitolbu azzjoni doganali, għalkemm dan ma għandux iżommhom milli jieħdu azzjoni legali sabiex jirkupraw dawn l-ispejjeż mill-parti primarja responsabbli. Madankollu, qed ikun propost li tiġi introdotta eċċezzjoni importanti għall-kunsinni żgħar, li l-ispejjeż għall-ħażna u l-qerda tagħhom għandhom jitħallsu mid-dwana.

2011/0137 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea [6],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija[7], li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra oġġetti suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra oġġetti li jinstabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet[8], jiġi rivedut.

(2) Il-kummerċ ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jagħmel ħsara konsiderevoli lid-detenturi tad-drittijiet, lill-manifatturi u lill-kummerċjanti li jħarsu l-liġi. Huwa qiegħed ukoll iqarraq bil-konsumaturi, u f’ċerti każijiet jista’ jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tagħhom. Dawn l-oġġetti għandhom, safejn ikun possibbli, jinżammu barra mis-suq u għandhom jiġu adottati miżuri li jindirizzaw din l-attività illegali mingħajr ma jfixklu l-kummerċ leġittimu.

(3) Ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003 uriet li huwa meħtieġ ċertu titjib fil-qafas legali sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll sabiex tiġi żgurata ċarezza legali xierqa, biex b’hekk jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-oqsma ekonomiċi, kummerċjali u legali.

(4) L-awtoritajiet doganali għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw l-oġġetti, li huma jew kellhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni, bil-għan li jinfurzaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-infurzar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-fruntieri, kull fejn l-oġġetti huma jew kellhom ikunu, taħt ‘superviżjoni doganali’ kif spjegat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[9], jagħmel użu tajjeb mir-riżorsi. Fejn l-oġġetti jinżammu mid-dwana fil-fruntiera, tkun meħtieġa proċedura legali waħda, filwaqt li jkunu meħtieġa diversi proċeduri separati għall-istess livell ta' infurzar għall-oġġetti li jinstabu fis-suq, li jkunu ġew diżaggregati u mwassla lill-bejjigħa bl-imnut. Għandha ssir eċċezzjoni għall-oġġetti rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera taħt is-sistema ta’ użu aħħari, minħabba li dawn l-oġġetti jibqgħu taħt is-sorveljanza tad-dwana, anki jekk ikunu ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera. Ikun f'loku wkoll jekk ir-Regolament ma jiġix applikat għall-oġġetti li l-passiġġieri jkunu qed iġorru fil-bagalji personali tagħhom sakemm dawn l-oġġetti jkunu għall-użu personali u ma jkunx hemm indikazzjoni li jkun hemm involut traffiku kummerċjali.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 ma jkoprix ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u jeskludi ċertu ksur. Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-kontroll doganali għandu għalhekk jiġi estiż għal tipi oħrajn ta’ ksur, bħal ksur li jirriżulta mill-kummerċ parallel, kif ukoll ksur ieħor ta’ drittijiet diġà infurzati mill-awtoritajiet doganali iżda li m’humiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003. Għall-istess għan huwa xieraq li jkunu inklużi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-drittijiet diġà koperti mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, ismijiet kummerċjali sakemm ikunu protetti bħala drittijiet ta’ proprjetà esklużivi taħt il-liġi nazzjonali, topografiji ta’ prodotti semikondutturi, mudelli ta’ utilità u apparat li jaħrab il-miżuri teknoloġiċi, kif ukoll kull dritt ta’ proprjetà intellettwali esklużiv stabbilit mil-liġi tal-Unjoni.

(6) Dan ir-Regolament fih regoli ta’ proċedura għall-awtoritajiet doganali. Għaldaqstant, ir-Regolament ma jintrofuċi l-ebda kriterju ġdid biex ikun aċċertat li jeżisti ksur tal-liġi applikabli dwar il-proprjetà intellettwali.

(7) Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza tal-qrati, b'mod partikolari dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[10].

(8) Kull persuna, kemm jekk tkun detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll jekk le, li tista’ tiftaħ proċeduri legali f’isimha kontra ksur possibbli ta’ dak id-dritt, għandha tkun intitolata li tissottometti applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali.

(9) Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jkunu infurzati madwar l-Unjoni. ikun xieraq li jkun provvedut li, fejn persuna intitolata li tissottometti applikazzjoni għal azzjoni tfittex l-infurzar ta' dritt ta' proprejtà intelletwali li jkopri t-territorju kollu tal-Unjoni, dik il-persuna tkun tista' titlob lill-awtoritajiet doganali ta' Stat Memeru li jieħdu deċiżjoni li tirrikjedi azzjoni mill-awtoritajiet doganali ta' dak l-Istati Membri u ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor fejn ikun imfittex l-infurzar tad-dritt tal-proprjetà intelletwali.

(10) Biex ikun żgurat l-infurzar pront tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jkun ipprovdut li, f’każ li l-awtoritajiet doganali jissuspettaw, fuq il-bażi ta’ provi adegwati, li l-oġġetti taħt is-sorveljanza tagħhom qegħdin jiksru xi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, dawk l-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu r-rilaxx jew iżommu l-oġġetti kemm fuq inizjattiva tagħhom jew fuq applikazzjoni, sabiex jippermettu lill-persuni intitolati li jissottomettu applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali, li jiftħu proċeduri sabiex jiddeterminaw jekk inkisirx xi dritt ta’ proprjetà intellettwali.

(11) Fejn l-oġġetti li jkunu ssuspettati bi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali ma jkunux oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati, jista’ jkun diffiċli li wieħed jiddetermina permezz ta’ sempliċi spezzjoni viżiva mill-awtoritajiet doganali jekk inkisirx xi dritt ta’ proprjetà intelletwali. Għaldaqstant huwa xieraq li jkun ipprovdut li jinbdew proċeduri, diment li l-partijiet ikkonċernati, jiġifieri d-detentur tal-oġġetti u d-detentur tad-dritt, jaqblu li jabbandunaw l-oġġetti għall-qerda. Għandu jkun f'idejn l-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed jittrattaw tali proċeduri biex jiddeterminaw jekk inkisirx xi dritt tal-proprjetà intelletwali u biex jieħdu d-deċiżjonijiet addattati dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali kkonċernati.

(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 ippermetta lill-Istati Membri li jipprovdu għal proċedura li tippermetti l-qerda ta’ ċerti oġġetti mingħajr ma jkun hemm l-obbligu li jinbdew proċeduri biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali jkunx inkiser. Kif rikonoxxut fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-falsifikazzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali[11], din il-proċedura kienet ta’ suċċess kbir fl-Istati Membri fejn kienet disponibbli. Għalhekk, proċedura bħal din għandha tkun obbligatorja għal dak il-ksur viżibbli li jkun faċli li jiġi identifikat mill-awtoritajiet kompetenti waqt sempliċi spezzjoni viżiva u għandha tiġi applikata fuq talba tad-detentur tad-dritt, meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma joġġezzjonax għall-qerda.

(13) Biex il-piż u l-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu kemm jista’ jkun, għandha tiddaħħal proċedura speċifika għal kunsinni żgħar ta’ oġġetti foloz u pirati, li tippermetti li l-oġġetti jinqerdu mingħajr il-qbil tad-detentur tad-dritt. Sabiex jiġu stabbiliti l-limiti li taħthom il-kunsinni jistgħu jitqiesu bħala kunsinni żgħar, dan ir-Regolament għandu jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa importanti li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

(14) Il-Kummissjoni għandha tiżgura, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, it-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15) Għal aktar ċarezza legali u sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kummerċjanti leġittimi mill-possibbiltà ta’ abbuż tad-dispożizzjonijiet ta’ infurzar fuq il-fruntieri, huwa xieraq li jinbidlu l-iskadenzi għas-sekwestru ta’ oġġetti ssuspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet doganali jistgħu jgħaddu informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura li tippermetti l-qerda tal-oġġetti taħt il-kontroll doganali għal ksur issuspettat tad-drittjiet ta’ proprjetà intellettwali minbarra għal oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati u li tiddaħħal dispożizzjoni li tippermetti lid-detentur tal-oġġetti li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu qabel l-amministrazzjoni tad-dwana tieħu deċiżjoni li taffettwah ħażin.

(16) Meta wieħed iqis in-natura provviżorja u preventiva tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali f’dan il-qasam u l-interessi kunfliġġenti tal-partijiet affettwati mill-miżuri, xi aspetti tal-proċeduri għandhom jiġu adattati sabiex jiżguraw applikazzjoni bla problemi tar-Regolament, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, rigward id-diversi notifiki previsti mir-Regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lill-persuna l-aktar xierqa, fuq il-bażi tad-dokumenti dwar it-trattament jew is-sitwazzjoni doganali fejn jiġu mqiegħda l-oġġetti. Il-perjodi stipulati f’dan ir-Regolament għan-notifiki meħtieġa għandhom jingħaddu miż-żmien li dawn jintbagħtu mill-awtoritajiet doganali sabiex il-perjodi kollha ta’ notifika mibgħuta lill-partijiet ikkonċernati jiġu allinjati. Il-perjodu li jippermetti dritt li jinstema’ qabel ma tittieħed deċiżjoni negattiva għandu jkun ta’ tlett ijiem ta’ xogħol, minħabba li d-detenturi ta’ deċiżjonijiet li jagħtu l-applikazzjonijiet għall-azzjoni jkunu talbu volontarjament lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu azzjoni u li d-dikjaranti jew detenturi tal-oġġetti għandhom ikunu konxji tas-sitwazzjoni partikolari tal-oġġetti tagħhom meta jitqiegħdu taħt is-sorveljanza tad-dwana. Fil-każ tal-proċedura speċifika għal kunsinni żgħar, fejn il-konsumaturi x'aktarx ikunu direttament ikkonċernati u ma jistax ikun mistenni l-istess livell ta' diliġenza bħal operaturi ekonomiċi oħra li normalment ikunu involuti fil-ksib tal-formalitajiet tad-dwana, dak il-perjodu għandu jkun estiż b'mod sinjifikanti.

(17) Skont id-"Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika" adottata fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001, il-Ftehim TRIPS jista' u għandu jiġi interpretat u implimentat b'mod li jappoġġja d-dritt tal-Membri tad-WTO li jipproteġu s-saħħa pubblika u, b'mod partikolari, li jippromwovu l-aċċess tal-mediċini għal kulħadd. B'mod partikolari fir-rigward ta' mediċini li l-mogħdija tagħhom minn dan it-territorju tal-Unjoni Ewropea, bit-trasbord jew mingħajru, magazzinaġġ, qsim tat-tagħbija, jew tibdiliet fil-mezz jew il-mod ta' trasport, huwa biss porzjon ta' vjaġġ sħiħ li jibda u jintemm lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom, meta jkunu qed jivvalutaw ir-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali, jikkunsidraw kull possibilità sostanzjali ta' bdil tar-rotta ta' dawn l-oġġetti għas-suq tal-Unjoni.

(18) Fl-interess tal-effiċjenza, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli[12].

(19) Ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali għandha tkun regolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, għalkemm l-għoti mill-awtoritajiet doganali ta’ applikazzjoni għal azzjoni m’għandux jintitola lid-detentur tad-deċiżjoni għall-kumpens f’każ li dawn l-oġġetti ma jkunux skoperti minn uffiċċju tad-dwana u jiġu rilaxxati jew ma tittieħed l-ebda azzjoni sabiex dawn jiġu sekwestrati.

(20) Minħabba li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fuq applikazzjoni minn qabel, huwa xieraq li jkun ipprovdut li d-detentur tad-deċiżjoni li tagħti applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali jirrimborża l-ispejjeż kollha mġarrba mill-awtoritajiet doganali waqt l-azzjoni sabiex jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu. Madankollu, dan m’għandux iżomm lid-detentur tad-deċiżjoni milli jfittex għal kumpens mingħand min ikun wettaq il-ksur jew mingħand persuni oħrajn li jistgħu jitqiesu responsabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. L-ispejjeż u d-danni mġarrba mill-persuni minbarra l-amministrazzjonijiet doganali bħala riżultat ta’ azzjoni doganali, meta l-oġġetti jiġu ssekwestrati fuq il-bażi ta’ talba ta’ parti terza bbażata fuq il-proprjetà intellettwali, għandhom ikunu regolati mil-leġiżlazzjoni speċifika f’kull każ partikolari.

(21) L-infurzar tad-dwana tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jġorr miegħu l-iskambju tad-dejta dwar deċiżjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet għall-azzjoni. Tali pproċessar ta' dejta jkopri wkoll dejta personali li għandu jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni, kif stipulat, b'mod partikolari, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali dejta[13] u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' tali dejta[14].

(22) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-formoli għall-applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali u għat-talba tal-estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-azzjoni, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni, prinċipalment sabiex jiġu stabbiliti formoli standard.

(23) Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 182/2011[15] tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Għalkemm is-suġġett tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li għandhom jiġu implimentati jaqa’ fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni, minħabba n-natura u l-impatti tal-atti implimentattivi, għandha tintuża l-proċedura konsultattiva għall-adozzjoni tagħhom.

(24) Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 għandu jiġi revokat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.           Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali meta oġġetti suspettati bi ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali jinġiebu ġewwa jew jinħarġu barra t-territorju doganali tal-Unjoni u huma, jew kellhom ikunu, soġġetti għal superviżjoni doganali fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni.

2.           Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti li jkunu ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera skont ir-reġim ta’ użu finali fis-sens tal-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.

3.           Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa bl-ebda mod il-liġijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni dwar il-proprjetà intelletwali.

4.           Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti ta’ natura mhux kummerċjali li jkunu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) ‘drittijiet ta’ proprjetà intellettwali’ tfisser:

(a) marka kummerċjali;

(b) disinn;

(c) dritt tal-awtur jew kwalunkwe dritt relatat kif previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(d) indikazzjoni ġeografika;

(e) brevetta kif prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(f) ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal oġġetti mediċinali kif previst fir-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16];

(g) ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1610/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17];

(h) dritt għal varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94[18];

(i) dritt għal varjetajiet ta’ pjanti kif previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(j) topografija ta’ prodott semikunduttur kif previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(k) mudell ta’ utilità kif previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(l) marka kummerċjali sakemm din hija protetta bħala dritt għal proprjetà intellettwali esklussiv mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru;

(m) kwalunkwe dritt ieħor li hu stabbilit bħala dritt għal proprjetà intellettwali esklussiv mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(2) ‘marka kummerċjali' tfisser:

(a) marka kummerċjali Komunitarja kif prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009[19];

(b) marka kummerċjali reġistrata fi Stat Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali;

(c) marka kummerċjali reġistrata taħt ftehimiet internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

(d) marka kummerċjali reġistrata skont ftehimiet internazzjonali li għandhom effett fl-Unjoni;

(3) ‘disinn’ tfisser:

(a) disinn Komunitarju kif previst fil-Regolament (KE) Nru 6/2002[20];

(b) disinn irreġistrat fi Stat Membru;

(c) disinn reġistrat skont ftehimiet internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

(d) disinn reġistrat skont ftehimiet internazzjonali li għandhom effett fl-Unjoni;

(4) ‘indikazzjoni ġeografika’ tfisser:

(a) indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni tal-oriġini protetta għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006[21];

(b) denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika għall-inbid kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007[22];

(c) denominazzjoni ġeografika għall-inbid armonizzat kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/1991[23];

(d) indikazzjoni ġeografika ta’ xorb alkoħoliku kif previst fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24];

(e) indikazzjoni ġeografika għal prodotti minbarra inbejjed, spirti, prodotti agrikoli jew ikel sakemm ikun stabbiliti bħala dritt esklużiv ta' proprjetà intellettwali permezz ta' leġiżlazzjoni ta' Stat Membri tal-Unjoni;

(f) indikazzjoni ġeografika kif previst fil-Ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u elenkati bħala tali f’dawn il-Ftehimiet;

(5) ‘oġġetti ffalsifikati’ tfisser:

(a) oġġetti li jkunu suġġetti ta' azzjoni li tikser il-marka kummerċjali u jkollhom marka kumerċjali mingħajr awtorizzazzjoni, li tkun identika għal marka kummerċjali li tkun irreġistrata b'mod validu fir-rigward tal-istess tip ta' oġġett, jew li ma tkunx tista' tingħaraf mill-aspetti essenzjali tagħha minn tali marka kumerċjali;

(b) oġġetti li jkunu suġġetti ta' azzjoni li tikser indikazzjoni ġeografika u jkollhom jew ikunu deskritti bl-isem jew it-terminu protett fir-rigward ta' dik l-indikazzjoni ġeografika;

(6) 'oġġetti kkuppjati' tfisser oġġetti li jkunu suġġetti ta' azzjoni li tikser il-dritt tal-awtur jew dritt relatat jew disinn u li jkunu jew ikun fihomm kopji li jkunu saru mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt tal-awtur jew dritt relatat jew disinn, ikunx irreġistrat jew le, jew ta' persuna awtorizzata minn dak id-detentur fil-pajjiż tal-produzzjoni;

(7) ‘oġġetti suspettati bi ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali’ tfisser oġġetti li dwarhom ikun hemm evidenza adegwata sabiex tissodisfa lill-awtoritajiet doganali li l-oġġetti, fl-Istat Membru fejn jinstabu dawn l-oġġetti, huma prima facie:

(a) oġġetti li jkunu suġġetti għal azzjoni li tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ dak l-Istat Membru;

(b) apparat, prodotti jew komponenti li jaħrab kwalunkwe teknoloġija, apparat jew komponent li, matul il-kors normali tal-operazzjoni tiegħu, jipprevjeni jew jillimita atti fir-rigward ta’ xogħlijiet li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-dritt ta’ kwalunkwe dritt tal-awtur jew dritt relatat mad-dritt tal-awtur u li jikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali ta’ dak l-Istat Membru;

(c) kull forma jew mamma li tkun iddisinjata jew addattata speċifikament għall-manifattura ta’ oġġetti li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali, jekk tali forma jew mamma tikser id-drittijiet tad-detentur tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ dak l-Istat Membru;

(8) ‘applikazzjoni’ tfisser talba li ssir lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu azzjoni fejn oġġetti jkunu suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(9) ‘applikazzjoni nazzjonali’ tfisser applikazzjoni li titlob lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru biex jieħdu azzjoni f’dak l-Istat Membru;

(10) ‘applikazzjoni tal-Unjoni’ tfisser applikazzjoni sottomessa fi Stat Membru u titlob lill-awtoritajiet doganali ta’ dak l-Istat Membru u ta’ Stat Membru ieħor jew aktar sabiex jieħdu azzjoni fl-Istati Membri rispettivi tagħhom;

(11) ‘applikant’ tfisser il-persuna li tissottometti applikazzjoni f’isimha;

(12) ‘detentur tal-oġġetti’ tfisser il-persuna li hi s-sid tal-oġġetti jew li għandha dritt simili biex tiddisponi minnhom jew li għandha kontroll fiżiku fuqhom;

(13) ‘dikjarant’ tfisser id-dikjarant kif imsemmi fl-Artikolu 4(18) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(14) ‘qerda’ tfisser id-distruzzjoni fiżika, ir-riċiklar jew ir-rimi ta’ oġġetti barra l-kanali kummerċjali, b’tali mod li jipprekludu l-korriment lil min ħa d-deċiżjoni li tkun tat l-applikazzjoni;

(15) ‘superviżjoni doganali’ tfisser is-superviżjoni mill-awtoritajiet doganali kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(13) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(16) ‘territorju doganali tal-Unjoni’ tfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif hemm referenza għal dan fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(17) ‘rilaxx tal-oġġetti’ tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu l-oġġetti disponibbli għall-għanijiet speċifikati għall-proċedura doganali taħt liema jkunu qegħdin

Artikolu 3

Liġi applikabbli

Bla ħsara għall-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007[25], il-liġi tal-Istat Membru fejn l-oġġetti jinstabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) għandha tapplika bil-għan li jiġi stabbilit jekk l-użu ta’ dawk l-oġġetti jagħtix lok għal suspett ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jew jekk jiksirx dritt ta’ proprjetà intellettwali.

Kapitolu II

APPLIKAZZJONIJIET GĦAL AZZJONI MILL-AWTORITAJIET DOGANALI

Taqsima 1

Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal azzjoni

Artikolu 4

Persuni intitolati biex jissottomettu applikazzjoni

1.           Il-persuni intitolati biex jissottomettu applikazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni għandhom ikunu kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)     detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(b)     korpi amministrattivi tad-drittijiet kollettivi ta’ proprjetà intellettwali li huma rikonoxxuti regolarment li għandhom id-dritt li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati;

(c)     korpi professjonali għad-difiża li huma rikonoxxuti regolarment li għandhom id-dritt li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(d)     gruppi skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, gruppi ta’ produtturi skont l-Artikolu 118(e) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew gruppi simili ta' produtturi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jirrappreżentaw produtturi ta’ indikazzjoni ġeografika jew rappreżentanti ta’ tali gruppi; operaturi intitolati li jużaw l-indikazzjoni ġeografika; kif ukoll korpi ta' spezzjoni kompetenti għal tali indikazzjoni ġeografika;

2.           B'żieda mal-persuni stabbiliti f'paragrafu 1, kwalunkwe minn dawn li ġejjin għandu jkun intitolat biex jissottometti applikazzjoni nazzjonali:

(a)     il-persuni l-oħra kollha awtorizzati biex jużaw id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

(b)     Gruppi ta' produtturi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li tirregola l-indikazzjonijiet ġeografiċi li li jirrappreżentaw produtturi ta' indikazzjoni ġeografika jew rappreżentanti ta' tali gruppi, operaturi intitolati li jużaw indikazzjoni ġeografika, kif ukoll korpi ta' spezzjoni li huma kompetenti għal tali indikazzjoni ġeografika;

3.           Minbarra l-persuni stabbiliti fil-paragrafu 1, id-detentur ta’ liċenzja esklussiva li tkopri t-territorju doganali tal-Unjoni għandu jkun intitolat li jissottometti applikazzjoni tal-Unjoni.

4.           Kull persuna intitolata li tissottmetti applikazzjoni skont il-paragrafi 1, 2 u 3 trid tkun tista’ tibda proċedimenti għal ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Istat Membru fejn jinstabu l-oġġetti.

Artikolu 5

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-applikazzjonijiet tal-Unjoni

Applikazzjoni tal-Unjoni tista’ tkun sottomessa fir-rigward ta’ kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni.

Artikolu 6

Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet

1.           Il-persuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4 jistgħu jitolbu azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn l-użu tal-oġġetti jkun issuspettat li jkun qed jikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali billi jissottomettu applikazzjoni lid-dipartiment doganali kompetenti. L-applikazzjoni għandha ssir permezz tal-formola li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 3.

2.           Kull Stat Membru għandu jaħtar id-dipartiment doganali kompetenti biex jirċievi u jipproċessa l-applikazzjonijiet. L-Istat Membri għandu jinforma lill-Kummissjoni skont dan u l-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tad-dipartimenti doganali kompetenti maħtura mill-Istati Membri.

3.           Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi formola ta’ applikazzjoni bl-atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura konsultattiva li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 29(2).

Il-formola għandha, b'mod partikolari, titlob l-informazzjoni li ġejja mill-applikanti:

(a) dettalji tal-applikant;

(b) status tal-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 4;

(c) Dokumenti ta' appoġġ li għandhom ikunu pprovduti biex id-dipartiment tad-dwana jkun sodisfatt li l-applikant hu persuna intitolata li jippreżenta applikazzjoni;

(d) Il-poter ta persuni naturali jew ġuridiċi li jirrappreżentaw l-applikant, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun ġiet iffajljata l-applikazzjoni;

(e) Id-diritt tal-proprjetà intellettwali jew id-drittijiet li għandhom jiġu infurzati;

(f) Fil-każ ta' applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fih/fihom hija mitluba l-azzjoni;

(g) Dejta speċifika u teknika dwar oġġetti awtentiċi, inklużi stampi fejn hu xieraq;

(h) L-informazzjoni, li għandha tkun mehmuża mal-formola, teħtieġ li tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet doganali li jidentifikaw minnufih l-oġġetti in kwistjoni;

(i) Kwalunkwe informazzjoni relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kkonċernati;

(j) isem/ismijiet u indirizz/i tar-rappreżentant/i tal-applikazzjoni responsabbli minn kwistjonijiet legali u tekniċi;

(k) l-impenn tal-applikant li jinnotifika lid-dipartiment doganali kompetenti bi kwalunkwe sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 14;

(l) ir-rabta tal-applikant li jipprovdi kwalunkwe informazzjoni relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kkonċernati;

(m) ir-rabta tal-applikant li jassumi r-responsabbiltà skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26;

(n) Ir-rabta tal-applikant li jġorr il-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 27 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu;

(o) Ir-rabta tal-applikant li jaqbel li d-dejta pprovduta minnu tiġi pproċessata mill-Kummissjoni;

4.           Fejn ikun hemm sistemi kompjuterizzati disponibbli għall-għanijiet ta’ riċeviment u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-dejta.

5.           Fejn applikazzjoni tkun sottomessa wara notifika mill-awtoritajiet doganali tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti skont l-Artikolu 17(4) (miżuri ex officio), dik l-appliazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

(a)     għandha tiġi sottomessa lid-dipartiment doganali kompetenti fi żmien erbat ijiem xogħol min-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti;

(b)     Għandha tkun applikazzjoni nazzjonali;

(c)     Għandu jkun fiha l-informazzjoni mitluba f'paragrafu 3. Madankollu, l-applikant għandu jitħalla li jħalli barra dettalji msemmija f'paragrafu 3, ittri (g) sa (i).

Taqsima 2

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal azzjoni

Artikolu 7

L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet

1.           Meta, wara li jirċievi applikazzjoni, id-dipartiment doganali kompetenti jikkunsidra li ma fihiex l-informazzjoni kollha mitluba fl-Artikolu 6(3), id-dipartiment doganali kompetenti għandu jitlob lill-applikant biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa fi żmien għaxart ijiem xogħol mill-ġurnata li fiha tkun intbagħtet in-notifika.

F’każi bħal dawn, il-limitu ta’ żmien li hemm referenza għalih fl-Artikolu 8 l-ewwel subparagrafu għandu jkun sospiż sakemm tasal l-informazzjoni relevanti.

2.           Fejn l-applikant ma jipprovdix l-informazzjoni nieqsa sa tmiem il-perjodu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jiċħad l-applikazzjoni.

3.           L-applikant ma għandux jintalab ħlas biex ikunu koperti l-ispejjeż amministrattivi għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Artikolu 8

In-notifika tad-deċiżjonijiet li jagħtu jew li jiċħdu l-applikazzjoni għal azzjoni

Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li tagħti jew li tiċħad l-applikazzjoni fi żmien 30 ġurnata xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni.

Madankollu, f’każi fejn l-applikant kien ġie nnotifikat qabel dwar is-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru tal-oġġetti mill-awtoritajiet doganali, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li tagħti jew li tiċħad l-applikazzjoni fi żmien ġurnata xogħol minn meta jirċievi l-applikazzjoni.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal azzjoni

1.           Deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni nazzjonali, deċiżjonijiet li jirrevokaw tali deċiżjonijiet jew li jemendawhom, u deċiżjonijiet li jestendu l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni, għandhom jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni nazzjonali mid-data tal-adozzjoni tagħhom.

2.           Deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni tal-Unjoni, deċiżjonijiet li jirrevokaw tali deċiżjonijiet jew li jemendawhom u deċiżjonijiet li jestendu l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni, għandhom jidħlu fis-seħħ kif ġej:

(a) fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, mid-data tal-adozzjoni tagħhom ;

(b) fl-Istati Membri l-oħrajn kollha, fejn tkun mitluba azzjoni mill-awtoritajiet doganali, mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 13(2) u diment li d-detentur tad-deċiżjoni jkun issodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 27(3).

Artikolu 10

Perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni

1.           Meta japprova applikazzjoni, id-dipartiment doganali kompetenti għandu jispeċifika l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni fuq id-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

Il-perjodu għandu jibda mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni u m’għandux jaqbeż sena (1).

2.           L-applikazzjoni sottomessa wara n-notifika minn awtoritajiet doganali ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti skont l-Artikolu 17(4) (miżuri ex officio) u li ma jkollhiex id-dettalji tal-Artikolu 6(3) ittri (g) sa (i) għandha tintlaqa’ biss għal sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti.

3.           Meta dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jibqax effettiv jew meta applikant ma jibqax, għal raġunijiet oħra, il-persuna intitolata sabiex tissottometti applikazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni mill-awtorità doganali. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandha titneħħa jew għandha tiġi emendata mill-awtoritajiet doganali li laqgħu d-deċiżjoni.

Artikolu 11

Estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni

1.           Meta jiskadi l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni, u bla ħsara għall-ħlas lura ta’ xi ammonti dovuti mid-detentur tad-deċiżjoni lill-awtoritajiet doganali skont dan ir-Regolament, id-dipartiment doganali li ħa d-deċiżjoni inizjali jista’, fuq it-talba tad-detentur tad-deċiżjoni li laqgħet l-applikazzjoni, jestendi dak il-perjodu.

2.           Meta t-talba għal estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni ssir f’inqas minn 30 ġurnata xogħol qabel l-iskadenza ta’ dik id-deċiżjoni, id-dipartiment doganali kompetenti jista’ jiċħad l-estensjoni.

3.           It-talba għal estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni għandha tindika kull bidla fl-informazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(3).

4.           Id-dipartiment doganali kompetenti għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu dwar l-estensjoni lid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni fi żmien 30 ġurnata xogħol mill-irċevuta ta’ dik it-talba.

5.           Il-perjodu estiż li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni għandu jibda mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tilqa’ l-estensjoni u m’għandux jaqbeż is-sena (1).

Meta dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jibqax effettiv jew meta applikant ma jibqax, għal raġunijiet oħra, il-persuna intitolata sabiex tissottometti applikazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni mill-awtorità doganali. Id-deċiżjoni li tagħti l-estensjoni għandha titneħħa jew għandha tiġi emendata mill-awtoritajiet doganali li laqgħu d-deċiżjoni.

6.           Id-detentur tad-deċiżjoni ma għandux jintalab ħlas biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi għall-ipproċessar tat-talba għal estensjoni.

7.           Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi formola għal talba għal estensjoni permezz ta’ atti implimentattivi. Dawn l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura konsultattiva li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 12

L-emendar tad-deċiżjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

Id-dipartiment doganali kompetenti li adotta d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni jista’, fuq it-talba tad-detentur tad-deċiżjoni, jimmodifika l-lista tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali f’dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, kull modifika li tikkonsisti f’żieda ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun limitata għal dawk id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-Artikolu 5.

Artikolu 13

Obbligi ta' notifikazzjoni tad-dipartiment doganali kompetenti

1.           Id-dipartiment doganali kompetenti li għandu tkun ippreżentata applikazzjoni nazzjonali għandu jgħaddi d-deċiżjonijiet li ġejjin lill-uffiċċji doganali tal-Istati Membru, immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom:

(c) deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni nazzjonali;

(d) deċiżjonijiet li jirrevokaw deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni nazzjonali;

(e) deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni nazzjonali;

(f) deċiżjonijiet li jestendu l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni.

2.           Id-dipartiment doganali kompetenti li għandu tkun ippreżentata applikazzjoni tal-Unjoni għandu jgħaddi d-deċiżjonijiet li ġejjin lid-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri indikati fl-applikazzjoni tal-Unjoni:

(g) deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni tal-Unjoni;

(h) deċiżjonijiet li jirrevokaw deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni tal-Unjoni;

(i) deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet li japprovaw applikazzjoni tal-Unjoni;

(j) Deċiżjonijiet li jestendu jew jirrifjutaw li jestendu l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni;

(k) Deċiżjonijiet li jissospendu l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 15(2).

Id-dipartiment doganali kompetenti tal-Istat/i Membru/i indikati fl-applikazzjoni tal-Unjoni għandu eżatt wara immedjatament jgħaddi dawk id-deċiżjionijiet lill-uffiċċji tad-dwana.

3.           Ladarba l-bażi ta’ dejta ċentrali tal-Kummissjoni kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 31(3) tkun fis-seħħ, l-iskambji kollha ta’ dejta dwar deċiżjonijiet li jikkonċernaw applikazzjonijiet għal azzjoni, dokumenti relatati u notifiki bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom isiru permezz ta’ dik il-bażi ta’ dejta.

Artikolu 14

Obbligi ta’ notifika tad-detentur bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni

Id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandu jinnotifika lid-dipartiment doganali kompetenti li adotta dik id-deċiżjoni bi kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)          dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert mill-applikazzjoni tiegħu/tagħha ma jibqax effettiv;

(b)          id-detentur tad-deċiżjoni ma jibqax, għal raġunijiet oħra, il-persuna intitolata sabiex tissottometti l-applikazzjoni;

(c)          modofiki fl-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 6(3).

Artikolu 15

Nuqqas mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu

1.           Meta d-detentur ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni juża l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali għal skopijiet differenti minn dawk ipprovduti fl-Artikolu 19, id-dipartiment doganali kompetenti jista’:

(a)     jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni fl-Istat Membru fejn l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta jew użata sal-iskadenza tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni;

(b)     jiċħdu l-estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni.

2.           Id-dipartiment doganali kompetenti jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali sal-iskadenza tal-perjodu li matulu dawk l-awtoritajiet iridu jieħdu azzjoni, meta d-detentur tad-deċiżjoni:

(a)     ma jissodisfax l-obbligi għan-notifiki tiegħu skont l-Artikolu 14;

(b)     mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18(2) dwar ir-radd lura tal-kampjuni;

(c)     ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 27(1) u (3) fir-rigward ta’ spejjeż u traduzzjoni;

(d)     ma jibdiex proċedimenti kif previst fl-Artikolu 20(1), 23(4) jew 24(9).

Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, id-deċiżjoni li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali jiġu sospiżi, ikollha effett biss fl-Istat Membru fejn tittieħed tali deċiżjoni.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW AZZJONIJIET MILL-AWTORITAJIET DOGANALI

Taqsima 1

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ oġġetti suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali

Artikolu 16

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ oġġetti wara approvazzjoni ta’ applikazzjoni

1.           Meta l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jidentifikaw, f’waħda mis-sitwazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1), oġġeti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert minn deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għal azzjoni, huma għandhom jieħdu deċiżjoni li jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew li jżommuhom.

2.           Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jew is-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni biex jagħtihom kwalunkwe informazzjoni relevanti. L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprovdu wkoll lid-detentur tad-deċiżjoni b’informazzjoni dwar in-numru ta’ oġġetti attwali jew issupponut, in-natura u l-istampi ta’ dawk l-oġġetti kif xieraq.

3.           Qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ rilaxx jew ta’ sekwestru tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-intenzjoni lid-dikjarant jew, f’każi fejn l-oġġetti jkunu sejrin jiġu ssekwestrati, lid-detentur tal-oġġetti. Id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu fi żmien tliet ijiem xogħol minn meta tkun intbagħtet dik il-komunikazzjoni.

4.           L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-detentur bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bid-deċiżjoni tagħhom li jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew li sejrin jissekwestrawhom fi żmien ġurnata xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħhom.

In-notifika lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti għandha tinkludi informazzjoni dwar il-konsegwenzi legali previsti fl-Artikolu 20 fir-rigward ta’ oġġetti oħra li mhumiex oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati u fl-Artikolu 23 fir-rigward ta’ oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati.

5.           L-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-detentur bid-deċiżjoni li japprovaw l-applikazzjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bil-kwantità attwali jew stmata, bin-natura attwali jew issopponuta tal-oġġetti, inklużi stampi ta’ dawn l-oġġetti kif xieraq, li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

6.           Meta diversi persuni huma kkunsidrati bħala d-detenturi tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx ikunu obbligati li jinfurmaw aktar minn persuna waħda.

Artikolu 17

Sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru ta’ oġġetti wara approvazzjoni ta’ applikazzjoni

1.           Meta awtoritajiet doganali jidentifikaw, waqt l-azzjoni tagħhom f'waħda mis-sitwazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) oġġetti ssuspettati li jiksru d-dritt ta’ proprjetà intellettwali, huma jistgħu jissospendu r-rilaxx ta’ dawk l-oġġetti jew jissekwestrawhom qabel ma jkunu ġew innotifikati b’deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti.

2.           Qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ rilaxx jew sekwestru tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali jistgħu, mingħajr ma jiżvelaw ebda informazzjoni għajr in-numru ta’ oġġetti attwali jew issopponuti, in-natura jew l-istampi ta’ dawk l-oġġetti kif xieraq, jitolbu lil kwalunkwe persuna intitolata biex tissottometti applikazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali biex tipprovdilhom kull informazzjoni relevanti.

3.           Qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ rilaxx jew ta’ sekwestru tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-intenzjoni lid-dikjarant jew, f’każi fejn l-oġġetti jkunu sejrin jiġu ssekwestrati, lid-detentur tal-oġġetti. Id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu fi żmien tliet ijiem xogħol minn meta tkun intbagħtet dik il-komunikazzjoni.

4.           L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw bis-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti lil kull persuna intotolata biex tissottometti applikazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fi żmien ġurnata (1) mis-sospensjoni tar-rilaxx jew mis-sekwestru tal-oġġetti.

5.           L-awtoritajiet doganali għandhom japprovaw ir-rilaxx tal-oġġetti jew iwaqqfu immedjatament is-sekwestru tagħhom wara li jkunu ġew issodisfati l-formalitajiet doganali kollha fil-każijiet li ġejjin:

(a)     meta ma jkunu identifikaw l-ebda persuna intitolata li tissottometti applikazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fi żmien ġurnata xogħol waħda mis-sospensjoni tar-rilaxx jew mis-sekwestru tal-oġġetti;

(b)     meta ma jkunu rċevew jew meta jkunu rrifjutaw applikazzjoni skont l-Artikolu 6(5).

L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti bid-deċiżjoni tagħhom li jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew li jissekwestrawhom fi żmien ġurnata mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħhom.

6.           L-Artikolu ma għandux japplika għal prodotti li jeħżienu.

Artikolu 18

Spezzjoni jew teħid ta’ kampjuni ta’ oġġetti li r-rilaxx tagħhom ġie sospiż jew li ġew issekwestrati

1.           L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu lid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti l-opportunità li jispezzjonaw l-oġġetti li r-rilaxx tagħhom kien ġie sospiż jew li ġew issekwestrati.

2.           L-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu kampjuni u jistgħu jipprovdu kampjuni lid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni, fuq talba tiegħu, strettament għal skopijiet ta’ analiżi u biex tkun iffaċilitata l-proċedura sussegwenti fir-rigward ta’ oġġetti ffalsifikati u kkupjati. Kull analiżi ta’ dawn il-kampjuni għandha ssir taħt ir-responsabbiltà unika tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni.

Meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, il-kampjuni għandhom jintraddu lura wara t-tlestija tal-analiżi teknika u qabel l-oġġetti jiġu rilaxxati jew jintemm is-sekwestru.

3.           L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba u jekk ikunu magħrufa, jipprovdu lid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni bl-ismijiet u bl-indirizzi tad-destinatarju, tal-ispeditur, tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti, bil-proċedura doganali u bl-oriġini, bil-provenjenza u d-destinazzjoni tal-oġġetti ssuspettati bi ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

4.           Il-kundizzjonijiet ta’ ħażna tal-oġġetti matul il-perjodu ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru, inklużi d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ispejjeż, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat Membru.

Artikolu 19

Użu permess ta’ ċerta informazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni

Meta d-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni jkun irċieva l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 18(3), id-detentur jista’ juża dik l-informazzjoni biss għall-għanijiet li ġejjin:

(a)          biex jibda proċedimenti biex jiddetermina jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali jkunx inkiser;

(b)          biex ifittex kumpens mingħand dak li wettaq il-ksur jew minn persuni oħrajn meta oġġetti jinqerdu skont l-Artikolu 20(3) jew 23(3).

Taqsima 2

Il-bidu tal-proċedimenti u r-rilaxx antiċipat tal-oġġetti

Artikolu 20

Bidu tal-proċedimenti

1.           Meta oġġetti li mhumiex koperti mill-Artikoli 23 u 24 jkunu suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandu jibda l-proċedimenti biex jiddetermina jekk id-dritt għal proprjetà intellettwali jkunx inkiser, fi żmien 10 ijiem xogħol minn meta tintbagħat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti.

Fil-każ ta’ prodotti li jiħżienu suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-perjodu għall-bidu ta’ proċedimenti msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ta’ tlett ijiem xogħol minn meta tintbagħat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti.

2.           L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu r-rilaxx ta’ oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom immedjatament wara li jiġu ssodisfati l-formalitajiet doganali kollha meta ma kinux ġew infurmati mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni, fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, b’kull punt minn dawn li ġejjin:

(a)     il-bidu ta’ proċediment biex jiġi stabbilit jekk inkisirx dritt għal proprjetà intellettwali;

(b)     ftehim bil-miktub bejn id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni u d-detentur tal-oġġetti biex l-oġġetti jiġu abbandonati għall-qerda.

3.           F’każ ta’ ftehim biex l-oġġetti jiġu abbandonati għall-qerda li hemm referenza għalih fil-paragrafu 2(b), il-qerda għandha ssir taħt il-kontroll doganali bi spejjeż u taħt ir-responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat b’mod differenti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn l-oġġetti jinqerdu.

4.           L-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu l-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 b’massimu ta’ 10 ijiem xogħol fuq talba mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni f’każi xierqa.

Fil-każ ta’ prodotti li jeħżienu malajr, il-perjodu li hemm referenza għalih fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 m’għandux jiġi estiż.

Artikolu 21

Ir-rilaxx antiċipat tal-oġġetti

1.           Meta l-awtoritajiet doganali jkunu ġew innotifikati bil-bidu tal-proċedimenti biex jiddeterminaw jekk disinn, brevetta, mudell ta’ utlità jew dritt għal varjetà ta’ pjanti ikunx inkiser u jekk il-perjodu previst fl-Artikolu 20 skadiex, id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jista’ jitlob lill-awtoritajiet doganali biex jirrilaxxaw l-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom.

L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw l-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom biss meta dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu ġew issodisfati:

(a)     id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti pprovda garanzija;

(b)     l-awtorità kompetenti biex tiddetermina jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali nkisirx ma awtorizzatx miżuri ta’ prekawzjoni;

(c)     il-formalitajiet doganali kollha ġew issodisfati.

2.           Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun ipprovduta mid-dikjarant jew mid-detentur tal-oġġetti fi żmien 10 ijiem xogħol wara d-data li fiha l-awtoritajiet doganali jirċievu t-talba li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

3.           L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu l-garanzija f’ammont għoli biżżejjed sabiex jipproteġu l-interessi tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni.

4.           Il-provvediment ta’ garanzija ma għandux jaffettwa r-rimedji legali l-oħrajn disponibbli għad-detentur ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni.

Artikolu 22

It-trattament projbit approvat mid-dwana u l-użu ta’ oġġetti abbandunati għall-qerda

1.           Oġġetti abbandunati għall-qerda skont l-Artikoli 20, 23 jew 24 ma għandhomx:

(a)     jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera;

(b)     jinħarġu mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(c)     jiġu esportati;

(d)     jiġu esportati mill-ġdid;

(e)     jitpoġġew taħt proċedura sospensiva;

(f)      jitpoġġew f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles.

2.           Awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li tali oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jitpoġġew taħt superviżjoni doganali bejn postijiet differenti fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni bil-għan li jinqerdu taħt kontroll doganali.

Taqsima 3

Oġġetti ffalsifikati u kkupjati

Artikolu 23

Il-qerda u l-bidu tal-proċedimenti

1.           Oġġetti suspettati li huma ffalsifikati jew ikkupjata jistgħu jinqerdu taħt kontroll doganali, mingħajr ebda bżonn li jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser skont il-liġi tal-Istat Membru fejn instabu l-oġġetti, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(l) id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni informa lill-awtoritajiet doganali bil-miktub bil-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti fi żmien 10 ijiem xogħol, jew tlett ijiem xogħol fil-każ ta’ prodotti li jeħżienu malajr, mid-data minn meta tintbagħat id-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew tas-sekwestru tagħhom;

(m) id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ikkonferma bil-miktub lill-awtoritajiet doganali bil-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti fi żmien 10 ijiem xogħol, jew tlett ijiem xogħol fil-każ ta’ prodotti li jeħżienu malajr, mid-data minn meta tintbagħat id-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew tas-sekwestru tagħhom.

2.           Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu għall-qerda fil-perjodi stabbiliti fil-paragrafu 1(b) u lanqas ma jkun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu għall-qerda lill-awtoritajiet doganali li adottaw id-deċiżjoni li jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew tas-sekwestru tagħhom, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun qabel li dawn l-oġġetti jinqerdu.

L-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-detentur bid-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni.

Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti joġġezzjona għall-qerda tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-detentur bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni ta’ tali oġġezzjoni.

3.           Il-qerda għandha ssir taħt il-kontroll doganali, bi spejjeż ta’ u taħt ir-responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jinqerdu l-oġġetti. Qabel il-qerda, jistgħu jittieħdu kampjuni.

4.           Meta ma jkunx hemm qbil dwar il-qerda, id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandu jibda proċedimenti, biex jistabbilixxi jekk ikunx inkiser dritt għal proprjetà intellettwali, fi żmien 10 ijiem xogħol, jew tlett ijiem xogħol fil-każ ta’ prodotti li jeħżienu malajr minn meta tkun ntbagħtet id-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew għas-sekwestru tagħhom.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu l-perjodi msemmija fl-ewwel subparagrafu b’massimu ta’ 10 ijiem xogħol fuq talba mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni f’każi xierqa.

Fil-każ ta’ prodotti li jeħżienu malajr dawn il-perjodi ma għandhomx jiġu estiżi.

5.           L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu r-rilaxx ta’ oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom, kif xieraq, immedjatament wara li jkunu ġew sodisfatti l-formalitajiet doganali kollha, meta ma jkunux irċevew l-informazzjoni mingħand id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni dwar xi punt minn dawn li ġejjin:

(n) il-qbil tiegħu għall-qerda fil-perjodi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1(a);

(o) il-bidu tal-proċedimenti biex jiġi stabbilit jekk inkisirx dritt ta’ proprjetà intellettwali fi ħdan il-perjodu msemmi fil-paragrafu 4.

Artikolu 24

Proċedura speċifika għall-qerda ta’ oġġetti f’kunsinni żgħar

1.           Dan l-Artikolu japplika għal oġġetti fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha huma ssodisfati:

(p) oġġetti suspettati li huma foloz jew ikkupjati;

(q) prodotti/oġġetti li ma jeħżinux;

(r) oġġetti koperti minn deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni;

(s) oġġetti trasportati f’kunsinni żgħar.

2.           L-Artikolu 16 (3), (4) u (5) u l-Artikolu 18(2) ma għandhomx japplikaw.

3.           Meta tiġi nnotifikata, fi żmien ġurnata xogħol wara l-adozzjoni tagħha, id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew tas-sekwestru tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti b’dan li ġej:

(a)     l-intenzjoni tal-awtoritajiet doganali li jeqirdu l-oġġetti,

(b)     id-drittijiet tad-dikjarant jew tad-detentur tal-oġġetti skont il-paragrafi 4 u 5.

4.           Id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu fi żmien 20 jum xogħol minn meta tkun intbagħtet id-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti.

5.           L-oġġetti kkonċernati jistgħu jinqerdu meta, fi żmien 20 jum xogħol minn meta tkun intbagħtet id-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti, id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ikkonferma mal-awtoritajiet doganali bil-qbil tiegħu għall-qerda tal-oġġetti.

6.           Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu għall-qerda fil-perjodu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 5, u lanqas ma jkun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu għall-qerda lill-uffiċċju doganali li adotta d-deċiżjoni għas-sospensjoni tar-rilaxx jew tas-sekwestru tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti qabel mal-qerda tal-oġġetti.

7.           Il-qerda tista’ ssir taħt il-kontroll doganali bi spejjeż tal-awtoritajiet doganali.

8.           Meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti joġġezzjona għall-qerda tal-oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lid-detentur bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għal tali oġġezzjoni u bin-numru ta’ oġġetti u n-natura tagħhom, inklużi stampi ta’ dawk l-oġġetti fejn xieraq.

9.           L-awtoritajiet doganali għandhom jawtorizzaw ir-rilaxx tal-oġġetti jew itemmu s-sekwestru tagħhom, kif xieraq, immedjatament wara li jkunu ġew issodisfati l-formalitajiet doganali kollha meta ma jkunux irċevew informazzjoni mingħand id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni dwar il-bidu tal-proċedimenti biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali inkisirx, fi żmien 10 ijiem xogħol minn meta tintbagħat l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 8.

10.         Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30 dwar il-limiti li jiddefinixxu kunsinni żgħar għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU IV

RESPONSABBILTÀ, SPEJJEŻ U PENALI

Artikolu 25

Responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali

Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Istati Membri, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni ma għandhiex tintitola lid-detentur ta’ dik id-deċiżjoni għal kumpens f’każ li ma jinstabux oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali mill-uffiċċju doganali u dawn jiġu rilaxxati, jew ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ sekwestru tagħhom.

Artikolu 26

Responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni

Meta proċedura li tinbeda kif xieraq skont dan ir-Regolament ma titkompliex minħabba att jew ommissjoni mid-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni jew meta l-oġġetti kkonċernati sussegwentament jinstabu li mhumiex qegħdin jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali, id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandu jkun responsabbli għall-persuna involuta fis-sitwazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jinstabu l-oġġetti.

Artikolu 27

Spejjeż

1.           Meta mitlub mill-awtoritajiet doganali, id-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għandu jrodd lura l-ispejjeż kollha mġarrba mill-amministrazzjoni doganali għas-sekwestru tal-oġġetti taħt superviżjoni doganali skont l-Artikolu 16 u 17 u għall-qerda tal-oġġetti skont l-Artikoli 20 u 23.

2.           Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għad-dritt tad-detentur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni biex jikseb kumpens mingħand dak li wettaq il-ksur jew mingħand persuni oħra skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jinstabu l-oġġetti.

3.           Id-detentur ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni tal-Unjoni għandu jipprovdi u jħallas għal kull traduzzjoni li jkunu jeħtieġu l-awtoritajiet doganali li għandhom jieħdu azzjoni fuq l-oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

Artikolu 28

Sanzjonijiet amministrattivi

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet amministrattivi previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien kull b’emenda sussegwenti li taffettwawhom.

KAPITOLU V

KUMITAT, DELEGAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Proċedura tal-Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikoli 247a u 248a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

L-eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24(10) għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.           Id-delega tas-setgħat li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24(10) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 24(10) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Skambju ta’ dejta dwar deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni għal azzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1.           Id-dipartimenti doganali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn li ġejjin:

(a)     Applikazzjonijiet għal azzjoni, inklużi ritratt(i), stampa(i), fuljett(i);

(b)     deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-applikazzjonijiet;

(c)     kull deċiżjoni li testendi l-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni jew kull deċiżjoni li tirrevoka d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni jew li temendaha;

(d)     kull sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni.

2.           Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 24(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97, meta r-rilaxx tal-oġġetti jkun sospiż jew l-oġġetti jiġu ssekwestrati, l-awtoritajiet doganali għandhom jgħaddu kull informazzjoni relevanti lill-Kummissjoni, inklużi dettalji dwar il-oġġetti, id-dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-proċeduri u t-trasport.

3.           L-informazzjoni kollha li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinżamm f’bażi ta’ dejta ċentrali tal-Kummissjoni.

4.           Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri f’forma elettronika l-informazzjoni relevanti li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 1 u 2 .

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta

1.           L-ipproċessar ta' dejta personali fil-bażi tad-dejta ċentrali tal-Kummissjoni għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001[26] u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

2.           L-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jsir skont i—Direttiva 95/46/KE[27] u taħt is-superviżjoni tal-awtorità pubblika indipendenti tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 33

Perjodi, dati u limiti ta’ żmien

Ir-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill[28] għandhom japplikaw.

Artikolu 34

Għajnuna amministrattiva reċiproka

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 515/97 għandhom japplikaw.

Artikolu 35

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 huwa revokat b’effett minn XX-XX-20XX.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet transizzjonali

L-applikazzjonijiet għal azzjoni approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 għandhom jibqgħu validi għall-perjodu speċifikat fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni li matulha l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni u m’għandhomx jiġu estiżi.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, Artikolu 24(1) sa (9) għandhom japplikaw minn XX.XX.20XX.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Europa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Brussell - COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011: Att dwar is-Suq Uniku - COM(2011)206.

[3]               Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew komprensiv għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (ĠU C 253, 4.10.2008, p. 1).

[4]               Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2009 dwar Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tal-IPR għas-snin 2009-2012 (ĠU C 71, 25.3.2009 p.1).

[5]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2010: ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku, COM(2010) 608 finali/2.

[6]               ĠU C

[7]               ĠU C253, 4.10.2008, p. 1.

[8]               ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

[9]               ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[10]             ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[11]             Riżoluzzjoni 2008/2133/INI

[12]             ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1.

[13]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[14]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[15]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[16]             ĠU L 152, 16.6.2009, p. 1.

[17]             ĠU L 198, 8.8.1996, p. 30.

[18]             ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

[19]             ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

[20]             ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1.

[21]             ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

[22]             ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.

[23]             ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1.

[24]             ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

[25]             ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[26]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[27]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[28]             ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.