52010DC2020

EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv /* KUMM/2010/2020 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell 3.3.2010

COM(2010) 2020 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

Daħla

Is-sena 2010 timmarka bidu ġdid. Jien irrid li l-Ewropa toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja aktar b'saħħitha milli kienet.

Kif ħareġ fid-dieher bl-impatt globali tal-kriżi finanzjarja, ir-realtajiet ekonomiċi qegħdin jimxu b'ritmu ferm aktar mgħaġġel mir-realtajiet politiċi. Jeħtieġ li naċċettaw il-fatt li aktar interdipendenza ekonomika titlob tweġiba aktar deċiża u koerenti fil-livell politiku.

L-aħħar sentejn ħallew miljuni ta' nies qiegħda. Ġabu piż ta' dejn li ser nibqgħu nħossuh għal bosta snin. Tefgħu pressjonijiet ġodda fuq il-koeżjoni soċjali tagħna. Ħarġu fid-dieher ukoll ċerti veritajiet fundamentali dwar l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-ekonomija Ewropea. U sadanittant, l-ekonomija globali miexja 'l quddiem. Ir-reazzjoni tal-Ewropa ser tiddetermina l-ġejjieni tagħna.

Il-kriżi hija esperjenza li tiftħilna għajnejna għar-realtà, il-mument fejn nirrikonoxxu li jekk nibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn ser nispiċċaw fit-triq tad-deterjormant, fit-tieni grad tal-ordni globali dinji. Dan huwa l-mument tal-verità għall-Ewropa. Wasal iż-żmien li nkunu kuraġġużi u ambizzjużi.

Il-prijorità immedjata tagħna hija li noħorġu mill-kriżi b'suċċess. Dan ser ikunu diffiċli għal xi żmien, iżda ser jirnexxielna naslu. Sar progress sinifikanti fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-banek problematiċi, fil-korrezzjoni tas-swieq finanzjarji u fir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-politika fiż-żona tal-euro.

Biex niksbu ġejjieni sostenibbli, jeħtieġ li nibdew naraw lil hinn minn imneħirna. Jeħtieġ li l-Ewropa terġa' taqbad it-triq it-tajba. Wara, jeħtieġ li tibqa' miexja fuq din it-triq. Dan huwa l-iskop tal-Ewropa 2020. Tirrigwarda żidiet fl-impjiegi u għajxien aħjar. Turi kif l-Ewropa għandha l-ħila tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, li ssib it-triq tal-ħolqien ta' impjiegi ġodda u toffri sens ta' direzzjoni lis-soċjetajiet tagħna.

Bejniethom il-mexxejja Ewropej għamlu analiżi komuni dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu minn din il-kriżi. Kollha kemm aħna nħossu sens ta' urġenza fir-rigward tal-isfidi li għandna quddiemna. Issa jeħtieġ li nwettqu ħidma flimkien. L-Ewropa għandha ħafna punti ta' saħħa. Għandna ħaddiema ta' talent, għandna bażi teknoloġika u industrijali qawwija. Għandna suq intern u munita unika li rnexxielhom jgħinuna nżommu iebes fl-agħar mumenti. Għandna ekonomija soċjali tas-suq effettiva bil-provi. Jeħtieġ li nafdaw fil-kapaċità tagħna li nistabbilixxu aġenda ambizzjuża għalina nfusna u mbagħad mmiddu idejna biex inwettquha.

Il-Kummissjoni qed tipproponi ħames miri tal-UE li jistgħu jitkejlu għall-2020. Dawn ser imexxu l-proċess u ser jiġu tradotti f'miri nazzjonali: għall-impjiegi; għar-riċerka u l-innovazzjoni; għat-tibdil fil-klima u l-enerġija; għall-edukazzjoni; u għall-ġlieda kontra l-faqar. Dawn jirrapreżentaw id-direzzjoni li għandna nieħdu u jfisser li aħna nistgħu nkejlu s-suċċess tagħna.

Huma miri ambizzjużi, iżda li għandna l-kapaċità li niksbuhom. Warajhom hemm proposti konkreti biex niżguraw li nistgħu nwettquhom. L-inizjattivi ewlenin stabbiliti f'dan id-dokument juru kif l-UE tista' tagħti kontribut deċiżiv. F'idejna għandna strumenti qawwija biex insawru l-governanza ekonomika, sostnuti minn suq intern, il-baġit tagħna, il-politika kummerċjali u l-politika ekonomika esterna tagħna, u d-dixxiplina u s-sostenn tal-unjoni ekonomika u monetarja.

Il-kundizzjoni għas-suċċess hija l-appartenenza tal-mexxejja u l-istituzzjonijiet Ewropej. L-aġenda l-ġdida tagħna titlob tweġiba Ewropea kkoordinata, inkluż mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili. Jekk naħdmu id f'id inkunu nistgħu niġġieldu u noħorġu mill-kriżi aktar b'saħħitna minn qabel. Għandna strumenti ġodda u ambizzjoni ġdida. Issa jeħtieġ li nwettqu ħidma b'suċċess.

José Manuel BARROSO

WERREJ

Sinteżi Eżekuttiva 5

1. Mument ta' trasformazzjoni 8

2. Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv 11

3. Lakuni u diffikultajiet 22

4. Ħruġ mill-kriżi: l-ewwel passi lejn l-2020 26

5. Il-ksib ta' riżultati: governanza aktar b'saħħitha 29

6. Deċiżjonijiet f'idejn il-Kunsill Ewropew 32

Annessi 34

Strateġija Ewropa 2020Sinteżi eżekuttiva

L-EWROPA QIEGħDA TIFFAċċJA MUMENT TA' TRASFORMAZZJONI. IL-KRIżI ġABET FIX-XEJN SNIN TA' PROGRESS EKONOMIKU U SOċJALI U ħARġET FID-DIEHER DGħUFIJIET STRUTTURALI FL-EKONOMIJA TAL-EWROPA. FL-ISTESS ħIN, ID-DINJA QIEGħDA TINBIDEL B'PASS MGħAġġEL U L-ISFIDI FIT-TUL – IL-GLOBALIZZAZZJONI, IL-PRESSJONI FUQ IR-RIżORSI, L-ETÀ DEJJEM TIKBER TAS-SOċJETÀ – QEGħDIN JINTENSIFIKAW. ISSA HUWA L-MUMENT FEJN L-UE TIEħU R-RIEDNI TAL-ġEJJIENI TAGħHA F'IDEJHA.

L-Ewropa tista' tirnexxi jekk kulħadd jaħdem id f'id, bħala Unjoni. Neħtieġu strateġija li tgħinna noħorġu aktar b'saħħitna mill-kriżi u nittrasformaw lill-Ewropa f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali. L-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi viżjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa għas-seklu 21.

l-istrateġija Ewropa 2020 tippromwovi tliet prijoritajiet li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku:

- Tkabbir intelliġenti: l-iżviluppar ta' ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.

- Tkabbir sostenibbli: il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, aktar ekoloġika u akter kompetittiva.

- Tkabbir inklussiv: it-trawwim ta' ekonomija b'rata għolja ta' nies jaħdmu li tikseb koeżjoni soċjali u territorjali.

Jeħtieġ li l-UE tiddefinixxi fejn tixtieq tasal sal-2020. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi dawn il-miri ewlenin tal-UE li ġejjin:

- 75% tal-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 għandu jkollhom impjieg.

- 3% tal-PGD tal-UE għandu jiġi investiti fir-riċerka u l-iżvilupp.

- Il-miri tal-klima/enerġija "20/20/20" għandhom jintlaħqu (inkluż żieda ta' 30% fi tnaqqis tal-emissjonijiet jekk il-kundizzjonijiet ikunu adattati).

- Il-perċentwal ta' dawk li jispiċċaw l-edukazzjoni tagħhom kmieni għandu jkun ta' anqas minn 10% jew tal-anqas 40% tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandu jkollhom grad terzjarju.

- Il-persuni fir-riskju tal-faqar għandhom jonqsu b'20%.

Dawn il-miri huma interrelatati u essenzjali għas-suċċess ġenerali tagħna. Biex niżguraw li kull Stat Membru jadatta l-istrateġija Ewropa 2020 għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, il-Kummissjoni tipproponi li l-għanijiet tal-UE jiġu tradotti f'miri u trajjettorji nazzjonali.

Dawn il-miri huma rappreżentattivi tat-tliet prijoritajiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv iżda mhumiex eżawrjenti: ser ikunu meħtieġa firxa ta' azzjonijiet fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali biex dawn jingħataw il-pedament qawwi li jeħtieġu. Il-Kummissjoni qiegħda tressaq seba' inizjattivi ewlenin li jwasslu għal progress taħt kull tema ta' prijorità:

- "Unjoni ta' Innovazzjoni" biex jittejjbu l-kundizzjonijiet qafas u l-aċċess għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni biex ikun żgurat li ideat innovattivi jiġu ttrasformati fi prodotti u servizzi li joħolqu tkabbir u impjiegi.

- "Żgħażagħ mobbli" għat-tisħiħ tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u biex jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

- "Aġenda diġitali għall-Ewropa" biex titħaffef l-introduzzjoni ta' internet b'veloċità għolja u l-entitajiet domestiċi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji tas-suq uniku .

- "Ewropa b'użu effiċjenti ta' riżorsi" biex it-tkabbir ekonomiku jinfatam mill-użu ta' riżorsi, tiġi appoġġjata l-bidla għal ekonomija b'użu baxx ta' karbonju, jiżdied l-użu ta' għejun ta' enerġija li tiġġedded, iseħħ l-immodernizzar tas-settur tat-trasport u l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tal-enerġija.

- "Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni" biex jittejjeb l-ambjent tan-negozji, prinċipalment għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u għas-sostenn tal-iżvilupp ta' bażi industrijali b'saħħitha u sostenibbli li tkun kapaċi tikkompeti fil-livell globali.

- "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol filwaqt li n-nies jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom matul ħajjithom kollha bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jinħolqu impjiegi li tassew ikun hemm bżonnhom fis-suq, inkluż permezz tal-mobbiltà tal-impjiegi.

- "Pjattaforma Ewropa kontra l-faqar" biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b'hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jinħassu b'mod mifrux filwaqt li l-persuni li jesperjenzaw faqar u esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b'dinjità u jagħtu sehem attiv fis-soċjetà.

Dawn is-seba' inizjattivi ewlenin ser jikkommettu kemm lill-UE u kif ukoll lill-Istati Membri. L-istrumenti fil-livell tal-UE, prinċipalment is-suq uniku, opportunitajiet finanzjarji u strumenti ta' politika esterna, ser jiġu mmobilizzati bis-sħiħ biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Bħala prijorità immedjata, il-Kummissjoni tippjana dak li għandu jsir u tiddefinixxi strateġija kredibbli ta' ħruġ, tissokta bir-riforma tas-sistema finanzjarja, tiżgura l-konsolidazzjoni baġitarja għal tkabbir fit-tul, u ssaħħaħ il-koordinazzjoni mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Governanza ekonomika aktar b'saħħitha ser tirrekjedi l-ksib ta' riżultati. Ewropa 2020 ser tistrieħ fuq żewġ kolonni: l-approċċ tematiku spjegat hawn fuq, li jlaqqa' l-prijoritajiet mal-miri ewlenin; u rappurar mill-pajjiżi, li jagħti għajnuna lill-Istati Membri biex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom biex jerġgħu jaqbdu t-triq ta' tkabbir sostenibbli u finanzi pubbliċi sodi. Ser jiġu adottati linji gwida integrati fil-livell tal-UE li jkopru l-ambitu tal-prijoritajiet u l-miri tal-UE. Ser jiġu wkoll indirizzati rakkomadazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri. Fil-każ li t-tweġibiet ma jkunux adegwati, ikunu jistgħu jingħataw twissijiet ta' politika. Ir-rappurtar dwar l-Ewropa 2020 u l-evalwazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ser isiru simultanjament, iżda dawn l-istrumenti ser jinżammu separati filwaqt li tinżamm l-integrità tal-Patt.

Il-Kunsill Ewropew ser ikun responsabbli bis-sħiħ, u jkun il-punt fokali, tal-istrateġija l-ġdida. Il-Kummissjoni ser issegwi l-progress li jsir fil-ilħuq ta' dwn il-miri, tiffaċilita l-iskambju ta' politika u tagħmel il-proposti meħtieġa biex tidderieġi l-azzjoni u tippromwovi l-inizjattivi ewlenin tal-UE. Il-Parlament Ewropew ser ikollu r-rwol li jixpruna l-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u jaġixxi ta' koleġiżlatur dwar inizjattivi ewlenin. L-approċċ ta' partenarjat għandu jestendi għall-kumitati tal-UE, għall-parlament nazzjonali, għall-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali, għas-sħab soċjali u għall-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, biex kulħadd ikun involut fil-ksib ta' din il-viżjoni.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill Ewropew jikkonferma – f'Marzu – l-approċċ ġenerali tal-istrateġija u l-miri ewlenin tal-UE, u japprova – f'Ġunju – il-parametri ddettaljati tal-istrateġija, inklużi l-linji gwida integrati u l-miri nazzjonali. Il-Kummissjoni hija ħerqana wkoll li tilqa' l-fehmiet u s-sostenn tal-Parlament Ewropew biex l-istrateġija Ewropa 2020 tirriżulta f'suċċess.

1. MUMENT TA' TRASFORMAZZJONI

Il-kriżi ġabet fix-xejn il-progress riċenti li għamilna

Il-kriżi ekonomika riċenti ma għandha l-ebda preċedent fil-ġenerazzjoni tagħna. Iż-żidiet kostanti fit-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien tal-impjiegi li nkisbu f'dawn l-aħħar għaxar snin sfaw kollha fix-xejn – fl-2009 l-PGD tagħna naqas b'4%, il-produzzjoni industrijali tagħna marret lura għal-livelli tas-snin disgħin u 23 miljun ruħ - jew 10% tal-popolazzjoni tagħna - issa jinsabu qiegħda. Il-kriżi kienet xokk għal miljuni ta' ċittadini u ħarġet fid-dieher xi dgħufijiet fundamentali tal-ekonomija tagħna.

Il-kriżi wasslet ukoll biex il-biċċa xogħol li niżguraw tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni saret waħda ferm aktar diffiċli. Is-sitwazzjoni fraġli tas-sistema finanzjarja tagħna qiegħda żżomm lura l-irkupru hekk kif il-kumpaniji u l-familji qegħdin isibuha diffiċli biex jissellfu, jonfqu u jinvestu. Il-finanzi pubbliċi tagħna diġà ntlaqtu serjament, bi żbilanċi li laħqu s-7% tal-PGD u livelli ta' djun ta' aktar minn 80% tal-PGD – sentejn ta' kriżi ġabu fix-xejn għoxrin sena ta' konsolidazzjoni fiskali. Matul il-kriżi l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku tagħna tnaqqas bin-nofs. Dan ifisser li ħafna pjanijiet ta' investiment, talenti u ideat jirriskjaw li jgħibu minħabba inċertezzi, domanda baxxa u nuqqas ta' finanzjament.

Ħarġu fid-dieher id-dgħufijiet strutturali tal-Ewropa

L-isfida immedjata hija dik li noħorġu mill-kriżi, iżda l-akbar sfida hija li naħarbu r-rifless li nippruvaw immorru lura għas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi. Anke qabel il-kriżi, kien hemm ħafna oqsma fejn l-Ewropa kienet qed tagħmel anqas progress milli kien qed isir mill-bqija tad-dinja:

- Ir-rata ta' tkabbir ekonomiku tal-Ewropa kienet strutturalment anqas minn dik tas-sħab ekonomiċi ewlenin tagħna, l-aktar minħabba li fuq dawn l-aħħar għaxar snin il-lakuna fil-produttività kompliet titwessa'. Dan seħħ l-aktar minħabba differenzi fi strutturi kummerċjali flimkien ma' livelli anqas ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni, l-użu insuffiċjenti ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, nuqqas ta' ħeġġa minn partijiet mis-soċjetà biex iħaddnu l-innovazzjoni, ostakli għall-aċċess għas-suq u ambjent kummerċjali anqas dinamiku.

- Minkejja l-progress, ir-rati tal-persuni b'impjieg fl-Ewropa - li fuq medja huma ta' 69% għall-persuni ta' bejn il-20 u l-64 - għadhom ħafna anqas minn dawk ta' partijiet oħra tad-dinja. Huma biss 63% tan-nisa li għandhom xogħol meta mqabbel mas-76% fost l-irġiel. Huma biss 46% tal-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien (55-64) li għandhom xogħol f'paragun ma' aktar minn 62% fl-Istati Uniti u fil-Ġappun. Aktar minn hekk, fuq medja l-Ewropej jaħdmu 10% sigħat anqas mill-ħaddiema korrispondenti fl-Istati Uniti u fil-Ġappun.

- Fil-qasam demografiku, l-għadd ta' persuni ta' età avvanzata qiegħed jiżdied. Hekk kif tirtira l-ġenerazzjoni tal-"baby boom", il-popolazzjoni attiva fl-UE ser tibda tonqos mis-snin 2013/2014. L-għadd ta' persuni li għandhom aktar minn 60 sena qiegħda tiżdied darbtejn aktar milli kienet qiegħda tagħmel fl-2007 - b'madwar żewġ miljuni meta mqabbel mal-miljun tas-snin ta' qabel. Il-fatt li l-popolazzjoni li taħdem tiċkien filwaqt li jiżdied l-għadd ta' persuni rtirati ser jitfa' aktar piż fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

Jintensifikaw l-isfidi globali

Filwaqt li jeħtieġ li l-Ewropa tindirizza d-dgħufijiet strutturali tagħha, id-dinja qiegħda tinbidel b'mod rapidu u sa tmiem id-deċennju li ġej ser tkun inbidlet radikalment:

- L-ekonomiji huma dejjem aktar interkonnessi. L-Ewropa ser tkompli tibbenefika mill-fatt li hija waħda fost l-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja, iżda l-kompetizzjoni minn ekonomiji żviluppati u emerġenti qiegħda tintensifika. Pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja qegħdin jinvestu ħafna fir-riċerka u t-teknoloġija sabiex l-industriji tagħhom jimxu 'l quddiem fil-katina tal-valur u javvanzaw fl-ekonomija globali. Dan jitfa' pressjoni fuq ċerti setturi tal-ekonomija tagħna biex jibqgħu kompetittivi, iżda kull theddida hija wkoll opportunità. Aktar ma dawn il-pajjiżi jiżviluppaw, aktar jinfetħu swieq ġodda għal għadd kbir ta' kumpaniji Ewropej.

- Is-settur finanzjarju globali għad irid jitranġa. Id-disponibbiltà ta' kreditu faċli, profitti kbar f'qasir żmien u teħid ta' riskju eċċessiv fis-swieq finanzjarji madwar id-dinja wasslu għal imġiba spekulattiva, li ġabet magħha tkabbir ekonomiku li sar permezz ta' bużżieqa finanzjarja u kif ukoll żbilanċi sinifikanti. L-Ewropa hija impenjata fis-sejbien ta' soluzzjonijiet globali biex tistabbilixxi sistema finanzjarja effiċjenti u sostenibbli.

- L-isfidi klimatiċi u dawk marbuta mar-riżorsi jirrekjedu azzjoni drastika. Id-dipendenza qawwija fuq il-fjuwils fossili bħaż-żejt u l-użu ineffiċjenti ta' materja prima jesponu lill-konsumaturi u lin-negozji tagħna għal xokkijiet dannużi u prezzijiet għoljin, u huma ta' theddida għas-sigurtà ekonomika tagħna filwaqt li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. L-espansjoni tal-popolazzjoni tad-dinja minn 6 biljuni għal 9 biljuni ser tintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali, u titfa' pressjoni fuq l-ambjent. L-UE għandha tibqa' tmattar idha lejn partijiet oħrajn tad-dinja biex flimkien insibu soluzzjoni globali għall-problemi tat-tibdil fil-klima fl-istess ħin li nimplimentaw l-istrateġija dwar il-klima u l-enerġija li ftehimna dwarha madwar it-territorju kollu tal-Unjoni.

L-Ewropa għandha taġixxi biex tevita d-deterjorament

Nistgħu nieħdu diversi tagħlimiet minn din il-kriżi:

- L-ekonomiji tas-27 Stat Membru tal-UE huma interdipendenti ferm: il-kriżi tefgħet dawl fuq kemm l-ekonomiji nazzjonali tagħna, partikolarment fiż-żona tal-euro, huma marbutin flimkien u kif l-effetti mill-ewwel jinfirxu minn waħda għall-oħra. Ir-riformi, jew in-nuqqas tagħhom, f'pajjiż wieħed jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tal-oħrajn kollha, kif ħareġ biċ-ċar fl-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar; barra minn hekk, il-kriżi u r-restrizzjonijiet gravi fuq l-infiq pubbliku għamluha aktar diffiċli għal xi Stati Membri biex jipprovdu biżżejjed fondi għall-infrastruttura bażika li jeħtieġu f'oqsma bħat-trasport u l-enerġija mhux biss biex jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom iżda wkoll biex jgħinuhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq intern.

- Il-koordinazzjoni fi ħdan l-UE tagħti l-frott: it-tweġiba għall-kriżi wriet li jekk naġixxu lkoll flimkien, ikollna l-possibbiltà li nkunu ferm aktar effettivi. Dan urejnieh billi ħadna azzjoni komuni biex nistabbilizzaw is-sistema bankarja u meta adottajna l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. F'dinja globali, l-ebda pajjiż ma jista jindirizza l-isfidi b'azzjoni għal rasu;

- L-UE żżid il-valur fix-xena globali. Huwa biss permezz ta' azzjoni konġunta li l-UE ser tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta' politika globali. Jeħtieġ li r-rappreżentanza esterna aktar b'saħħitha timxi id f'id ma' koordinazzjoni interna msaħħa.

Il-kriżi ma kinitx biss ċirkostanza ta' darba li tippermettilna li nkomplu "qisu ma ġara xejn". L-isfidi li l-Unjoni tagħna qiegħda tħabbat wiċċha magħhom huma akbar minn dawk ta' qabel ir-riċessjoni, filwaqt li ma tantx fadlilna lok ta' manuvra. Barra minn hekk, il-bqija tad-dinja mhijiex wieqfa ħesrem. Ir-rwol imsaħħaħ tal-G20 wera li l-qawwa ekonomika u politika tal-pajjiżi emerġenti qiegħda tikber.

L-Ewropa fadlilha għażliet ċari iżda impenjattivi. Jew niffaċċjaw ikoll flimkien l-isfida immedjati tal-irkupru u l-isfidi fit-tul li għandha quddiemna – il-globalizzazzjoni, il-pressjoni fuq ir-riżorsi, is-soċjetà li qed tikber fl-età – biex b'hekk inpattu għat-telf li batejna dan l-aħħar, nerġgħu jiġu kompetittivi, insaħħu l-produttività u npoġġu lill-UE fit-triq tal-prosperità ("irkupru sostenibbli").

Jew inkomplu r-riformi b'pass kajman u mingħajr koordinazzjoni, li jwassal għal riskju ta' telf permanenti ta' ġid, rata ta' tkabbir dgħajfa ("irkupru kajman") li possibbilment twassal għal livelli għoljin tal-qgħad u miżerja soċjali, u tnaqqis relattiv fix-xena dinjija ("għaxar snin mitlufa").

Tliet xenarji għall-Ewropa fl-2020 |

Xenarju 1: Irkupru sostenibbli |

L-Ewropa jkollha l-ħila tirritorna bis-sħiħ fit-triq tat-tkabbir li kienet fiha qabel filwaqt li żżid il-potenzjal tagħha biex timxi aktar 'il quddiem |

Xenarju 2: Irkupru kajman |

[pic] | L-Ewropa tkun tilfet ġid b'mod permanenti u terġa' tibda tikber minn bażi mdgħajfa |

Xenarju 3: Għaxar snin mitlufa |

[pic] | L-Ewropa tkun batiet minn telfa permanenti fil-ġid u fil-potenzjal ta' tkabbir fil-ġejjieni |

L-Ewropa tista' tirnexxi

L-Ewropa għandha ħafna elementi pożittivi: aħna nistgħu niddependu fuq it-talent u l-kreattività tal-popli tagħna, fuq bażi industrijali b'saħħitha, settur tas-servizzi vibranti, settur agrikolu ta' kwalità għolja, tradizzjoni marittima b'saħħitha, is-suq uniku u l-munita komuni, il-pożizzjoni tagħna bħala l-akbar blokk kummerjċali fid-dinja u destinazzjoni ewlenija ta' investiment barrani dirett. Iżda aħna nistgħu niddependu wkoll fuq il-valuri b'saħħithom li għandna, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna, fuq koeżjoni u solidarjetà soċjali u territorjali, fuq ir-rispett għall-ambjent, id-diversità kulturali tagħna, ir-rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi - fost ħafna oħrajn. Bosta mill-Istati Membri huma fost l-aktar ekonomiji innovattivi u żviluppati fid-dinja. Iżda l-aħjar ċans li għandna biex l-Ewropa tirnexxi hija li nimxu id f'id – bħala Unjoni.

Meta ġew iffaċċjati minn avvenimenti maġġuri fl-imgħoddi, l-UE u l-Istati membri tagħha dejjem indirizzaw l-isfida b'wiċċhom minn quddiem. Fis-snin disgħin, l-Ewropa nediet l-akbar suq uniku fid-dinja li huwa sostnut minn munita komuni. Ftit taż-żmien ilu l-Ewropa ma baqgħetx maqsima hekk kif Stati Membri ġodda daħlu fl-Unjoni filwaqt li Stati oħrajn qabdu t-triq lejn l-adeżjoni jew relazzjoni aktar mill-qrib mal-Unjoni. Fuq dawn l-aħħar sentejn l-azzjoni komuni li ħadna fl-agħar mumenti tal-kriżi permezz tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku għenet fil-prevenzjoni tal-kollass ekonomiku, filwaqt li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna għenu biex iħarsu lin-nies minn diffikultajiet akbar.

L-Ewropa hija kapaċi taġixxi f' żminijiet ta' kriżi u tadatta l-ekonomiji u soċjetajiet tagħha. U llum l-Ewropej għal darba oħra qegħdin jiffaċċjaw mument ta' trasformazzjoni biex ilaħħqu mal-impatt tal-kriżi, id-dgħufijiet strutturali tal-Ewropa u l-isfidi globali li qegħdin jintensifikaw.

Permezz ta' dan, il-ħruġ tagħna mill-kriżi għandu jkun il-punt ta' dħul f'ekonomija ġdida. Biex aħna u l-ġenerazzjonijiet ġejjiena nkunu nistgħu ngwadu ħajja b'saħħitha u ta' kwalità għolja, mirfuda mill-mudelli soċjali uniċi tal-Ewropa, jeħtieġ li nxammru kmiemna u nieħdu azzjoni issa. Hemm bżonn ta' strateġija biex l-UE ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva b'livelli għoljin ta' nies b'impjieg, ta' prodittività u ta' koeżjoni soċjali. Din l-istrateġija hija Ewropa 2020. Din hija aġenda għall-Istati Membri kollha, li tqis ħtiġijiet differenti, punti ta' tluq differenti u speċifiċitajiet nazzjonali biex b'hekk tippromwovi tkabbir għal kulħadd.

2. TKABBIR INTELLIġENTI, SOSTENIBBLI U INKLUSSIV

Fejn irriduha tkun l-Ewropa fl-2020?

Tliet prijoritajiet għandhom ikunu fil-qalba tal-Ewropa 2020[1]:

- Tkabbir inelliġenti – l-iżvilupp ta' ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.

- Tkabbir sostenibbli – il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva.

- Tkabbir inklussiv – il-promozzjoni ta' ekonomija b'rata għolja ta' nies b'impjieg li tikseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Dawn it-tliet prijoritajiet isaħħu lil xulxin; huma joffru viżjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq għas-seklu 21.

Biex niggiwdaw l-isforzi tagħna u mmexxu l-progress, intlaħaq kunsens qawwi li l-UE għandha tilħaq ftehim komuni dwar għadd limitat ta' inizjattivi ewlenin għall-2020. Dawn il-miri għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tema tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Jeħtieġ li dawn ikunu jistgħu jitkejlu, li jkunu jirreflettu d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri filwaqt li jkunu msejsa fuq dejta affidabbli biżżejjed għal skopijiet ta' paragun. Dawn il-miri li ġejjin intgħażlu fuq din il-bażi – biex nirnexxu sal-2020 huwa essenzjali li niksbuhom kollha:

- Ir-rata tan-nies b'impjieg fil-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 għandha tiżdied mid-69% ta' bħalissa għal tal-anqas 75%, fosthom permezz ta' involviment akbar tan-nisa, ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-integrazzjoni aħjar ta' migranti fost il-ħaddiema;

- Bħalissa l-UE għandha l-mira li tinvesti 3% tal-PGD fir-riċerka u l-iżvilupp. Din il-mira rnexxielha titfa' enfasi fuq il-ħtieġa biex is-setturi pubbliċi u privati jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp iżda aktar tiffoka fuq il-kontribut milli fuq l-impatt. Hemm il-ħtieġa ċara li jittejbu l-kundizzjonijiet tar-riċerka u l-iżvilupp privati fl-UE, u bosta mill-miżuri pproposti f'din l-istrateġija ser jagħmlu dan. Joħroġ biċ-ċar ukoll li jekk inħarsu lejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni bħala ħaġa waħda jirnexxielna niksbu firxa aktar wiesgħa tan-nefqa. Dan ikun aktar rilevanti għal operazzjonijiet kummerċjali u għall-fatturi li jixprunaw il-produttitività. Il-Kummissjoni tipproponi li tinżamm il-mira ta' 3% filwaqt li jiġi żviluppat indikatur li jkun jirrefletti l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni;

- L-emissjonijiet ta' gass b'effett sera jitnaqqsu b'tal-anqas 20% meta mqabbel mal-livelli tal-1990 jew bi 30%, jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet[2] xierqa li jippermettu dan; il-perċentwal ta' għejun ta' enerġija tiġġedded fil-konsum tal-enerġija totali tagħna tiżdied għal 20%; u żied ta' 20% f'użu aktar effiċjenti tal-enerġija;

- Mira dwar ir-riżultati tas-sistema edukattiva li tindirizza l-problema ta' dawk l-istudenti li joħorġu mill-iskola kmieni billi r-rata ta' dawk li jagħmlu dan titnaqqas minn 15% għal 10%, filwaqt li jiżdied il-perċentwal tal-popolazzjoni bl-eta' ta' bejn it-30 u l-34 li jkunu kkompletaw edukazzjoni terzjarja minn 31% għal tal-anqas 40% fl-2020;

- L-għadd ta' Ewropej li jgħixu taħt il-livell tal-faqar fl-2008 għandu jitnaqqas b' (25%), u b'hekk aktar minn 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar[3].

Dawn il-miri huma relatati ma' xulxin. Pereżempju, livelli ogħla ta' edukazzjoni jgħinu biex l-persuni ikollhom ċans akbar li jsibu xogħol u l-progress fl-għadd ta' nies b'impjieg inaqqas il-faqar. Kapaċità akbar għar-riċerka u l-iżvilupp u kif ukoll l-innovazzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija, flimkien ma' użu aktar effiċjenti ta' riżorsi jtejbu l-kompetittività u jwasslu għal aktar ħolqien ta' impjiegi. L-investiment f'teknoloġiji aktar indaf u b'użu baxx ta' karbonju ser jgħin lill-ambjent, jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u joħloq negozji ġodda u opportunitajiet ta' xogħol. L-ilħuq ta' dawn il-miri għandu jimmobilizza l-attenzjoni kollettiva tagħna. Ser ikunu meħtieġa tmexxija b'saħħitha, impenn u mekkaniżmu effettiv ta' ħidma biex l-attitudnijiet u l-prattiki tal-UE jinbidlu b'mod li jinksibu r-riżultati li jinsabu mqassra f'dawn il-miri.

Dawn il-miri huma rappreżentattivi, u mhumiex eżawrjenti. Huma jirrapreżentaw stampa globali ta' fejn il-Kummissjoni tixtieq tara lill-UE b'rabta ma' parametri prinċipali sal-2020. Dawn ma jirrapreżentawx approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd". Kull Stat Membru huwa differenti u l-UE ta' 27 hija aktar diversa milli kienet għaxar snin ilu. Minkejja d-diskrepanzi fil-livelli ta' żvilupp u fl-istandards tal-għajxien il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miri proposti huma relevanti għall-Istati Membri, kemm għall-qodma u kif ukoll għal dawk aktar ġodda. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kif ukoll fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u f'teknoloġiji b'użu effiċjenti ta' riżorsi ser ikunu ta' benefiċċju għal setturi tradizzjonali, żoni rurali u kif ukoll għal ekonomiji tas-servizzi b'livelli għoljin ta' kapaċità. Dan ser isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Biex ikun żgurat li kull Stat Membru jfassal l-istrateġija Ewropa 2020 skont is-sitwazzjoni partikolari tiegħu, il-Kummissjoni tipproponi li dawn il-miri tal-UE jiġu tradotti f'miri u trajjettorji nazzjonali li jirreflettu s-sitwazzjoni kurrenti f'kull Stat Membru u l-livell ta' ambizzjoni li kull wieħed kapaċi jilħaq bħala parti minn sforz usa' tal-UE biex jintlaħqu dawn il-miri. Minbarra l-isforzi tal-Istati Membri l-Kummissjoni ser tipproponi għadd ambizzjuż ta' azzjonijiet fil-livell tal-UE mfassla biex l-UE jirnexxielha ssib it-triq ġdida ta' tkabbir sostenibbli. It-taħlita ta' sforzi fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali għandhom isaħħu lil xulxin.

Tkabbir inelliġenti – ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni

Tkabbir intelliġenti jfisser it-tisħiħ tal-għarfien u l-innovazzjoni bħala l-fatturi li jkebbsu t-tkabbir tagħna fil-ġejjieni. Dan jirrekjedi titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tagħna, it-tisħiħ tal-prestazzjoni tagħna fir-riċerka, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u trasferiment ta' għarfien madwar l-Unjoni, l-użu sħiħ tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-iżgurar ta' ideat innovattivi li jistgħu jiġu ttrasformati fi prodotti u servizzi ġodda li joħolqu tkabbir, impjiegi ta' kwalità u għajnuna biex jiġu indirizzati l-isfidi globali tas-soċjetà madwar l-Ewropa. Iżda biex nirnexxu, dan irid isir flimkien ma' intraprenditorija, finanzi, u enfasi fuq il-ħtiġijiet tal-utenti u opportunitajiet tas-suq.

L-Ewropa għandha tieħu azzjoni:

- L-innovazzjoni: In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa tinsab taħt it-2%, meta mqabbel mat-2.6% tal-Istati Uniti u t-3.4% tal-Ġappun, prinċipalment bħala riżultat ta' livelli aktar baxxi ta' investiment privat. Mhumiex biss l-ammonti assoluti li jintefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li jgħoddu - jeħtieġ li l-Ewropa tiffoka fuq l-impatt u l-għamla tal-infiq fuq ir-riċerka u ttejjeb il-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat fl-UE. Il-perċentwali aktar baxx ta' kumpaniji ta' teknoloġija avvanzata jikkontribwixxi għal nofs id-differenza li hemm bejnna u l-Istati Uniti.

- L-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja: Kwart tal-istudenti kollha għandom livell tal-qari batut, wieħed minn kull sebgħa joħorġu kmieni mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Madwar 50% jilħqu livell ta' kwalifiki medju iżda sikwit dan ma jkunx jipparaguna tajjeb mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Anqas minn terz tal-popolazzjoni ta' bejn il-25 u l-34 sena għandhom grad universitarju meta mqabbel mal-40% tal-Istati Uniti u l-50% tal-Ġappun. Skont l-indiċi Shanghai, huma biss żewġ universitajiet fl-Ewropa li jinsabu fost l-aqwa 20.

- Is-soċjetà diġitali: Id-domanda globali għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni hija suq li jiswa EUR 2 000 biljun, iżda huwa biss kwart minn dan it-total li jiġi minn kumpaniji Ewropej. L-Ewropa qiegħda taqta' lura fil-qasam tal-internet b'veloċità għolja, li jolqot il-kapaċità tagħha ta' innovazzjoni, prinċipalment f'żoni rurali, kif ukoll tat-tixrid ta' għarfien onlajn u d-distribuzzjoni ta' oġġetti u servizzi li jinxtraw onlajn.

L-azzjoni taħt din il-prijorità ser tillibera l-kapaċitajiet innovattivi tal-Ewropa, ittejjeb l-effetti li tħalli l-edukazzjoni u l-kwalità u r-riżultati ta' istituzzjonijiet edukattivi, u l-benefiċċji li soċjetà diġitali tħalli fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà nfisha. Dawn il-politiki għandhom jitwettqu fil-livell reġjonali, nazzjonali u f'dak tal-UE.

Inizjattiva ewlenija: "Unjoni ta' Innovazzjoni"

L-għan ta' din hija li l-politika tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni tiġi ffukata mill-ġdid fuq l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà tagħna, bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, is-saħħa u t-tibdil demografiku. Għandha tissaħħaħ kull ħolqa fil-katina tal-innovazzjoni, mir-riċerka 'blue sky' sal-kummerċjalizzazzjoni.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tiffinalizza ż-Żona Ewropea ta' Riċerka, għall-iżvilupp ta' aġenda ta' riċerka strateġika ffukata fuq sfidi bħas-sigurtà tal-enerġija, it-trasport, it-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti ta' riżorsi, is-saħħa u l-popolazzjoni li qed tikber fl-età, metodi ta' produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent u l-ġestjoni tal-art, u għat-titjib ta' pprogrammar konġunt mal-Istati Membri u r-reġjuni;

- Ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni tan-negozji (jiġifieri toħloq il-Privattiv uniku tal-UE u Qorti speċjalizzata tal-Privattivi, timmoderniza l-qafas tad-dritt tal-awtur u l-marka kummerċjali, ittejjeb l-aċċess għan-negozji ta' daqs żgħir u medju għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali, tħaffef il-ħolqien ta' standards interoperabbli; ittejjeb l-aċċess għall-kapital u tagħmel użu sħiħ mill-politiki min-naħa tad-domanda, eż. permezz ta' akkwist pubbliku u regolamentazzjoni intelliġenti);

- Tniedi l-'Partenarjati Ewropej għall-Innovazzjoni' bejn l-UE u l-livelli nazzjonali biex tħaffef l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji meħtieġa għall-indirizzar tal-isfidi identifikati. L-ewwel wieħed ser jinkludi: 'nibnu l-bijoekonomija sal-2020', 'it-teknoloġiji essenzjali li jippermettulna nsawru l-ġejjieni industrijali tal-Ewropa' u 'teknoloġiji li jippermettu lil persuni aktar anzjani li jgħixu b'mod indipendenti u jkunu attivi fis-soċjetà';

- Issaħħaħ u tiżviluppa aktar ir-rwol ta' strumenti tal-UE għas-sostenn tal-innovazzjoni (eż. fondi strutturali, fondi għall-iżvilupp rurali, programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, CIP, pjan SET), inkluż permezz ta' ħidma aktar mill-qrib u s-simplifikazzjoni ta' proċeduri amministrattivi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fondi, partikolarment għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

- Tippromwovi partenarjati ta' għarfien u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-EIT, u tippromwovi l-intraprenditorija permezz ta' sostenn lil Kumpaniji Innovattivi Ġodda.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Jwettqu riforma tas-sistemi nazzjonali (u reġjonali) tar-riċerka u l-iżvilupp biex jinkoraġġixxu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, ir-riċerka u n-negozju, jimplimentaw programmar konġunt u jtejbu l-kooperazzjoni transkonfinali f'oqsma fejn azzjoni tal-UE tkun ta' valur miżjud u jaġġustaw il-proċeduri nazzjonali ta' finanzjament b'mod adegwat, biex jiżguraw it-tixrid tat-teknoloġija madwar it-territorju kollu tal-UE;

- Jiżguraw il-provvista suffiċjenti ta' gradwati fix-xjenza, il-matematika l-inġinerija u tiffoka l-kurrikula tal-iskejjel fuq il-kreattività, l-innovazzjoni, u l-intraprenditorija;

- Jipprijoritizzaw in-nefqa fuq l-għarfien, inkluż permezz ta' inċentivi fiskali u strumenti finanzjarji oħrajn biex tippromwovi investimenti akbar fir-riċerka u l-iżvilupp.

Inizjattiva ewlenija: "Żgħażagħ mobbli"

L-għan huwa li tittejjeb il-prestazzjoni u l-effett ta' ġibda tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, li jibdew ilaqqgħu l-eċċellenza u l-ekwità, billi ssir promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u ta' min jitħarreġ, u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tintegra u ssaħħaħ il-mobbiltà tal-programmi ta' mobbiltà, tal-programmi universitarji tar-riċerkaturi tal-UE (bħall-Erasmus, Erasmus Mundus, Tempus u Marie Curie) filwaqt li torbothom ma' programmi u riżorsi nazzjonali;

- Tagħti spinta lill-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (kurrikula, governanza u finanzjament) anke billi l-prestazzjoni tal-universitajiet u r-riżultati miksuba mill-edukazzjoni jiġu mkejla f'kuntest globali;

- Tesplora toroq ġodda kif tippromwovi l-intraprenditorija permezz ta' programmi ta' mobbiltà għal professjonisti żgħażagħ;

- Tippromwovi r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali;

- Tniedi qafas ta' impjiegi għaż-Żgħażagħ li jagħti stampa ġenerali ta' politiki bil-għan li jnaqqsu r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: dan għandu jippromwovi, flimkien mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali, id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol permezz ta' apprentistati, taħriġ professjonali jew esperjenzi oħrajn fil-qasam tax-xogħol, fosthom skema ("L-ewwel impjieg EURES tiegħek") bil-għan li jżid l-opportunitajiet ta' xogħol għaż-żgħażagħ billi tiffavorixxi l-mobbiltà madwar l-UE.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Jiżguraw investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fil-livelli kollha (mill-edukazzjoni preprimarja sat-tezjarja);

- Itejbu r-riżultati li tħalli l-edukazzjoni, jindirizzaw kull segment (preprimarja, primarja, sekondarja, vokazzjonali u terzjarja) f'approċċ integrat, bl-inklużjoni ta' kompetenzi prinċipali u bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' studenti li joħorġu mill-iskola kmieni;

- Isaħħu l-ftuħ u r-rilevanza tas-sistemi edukattivi billi jinbena qafas nazzjonali tal-kwalifiki filwaqt li r-riżultati li jħalli t-tagħlim jiġu aktar iffukati għas-suq tax-xogħol.

- Itejbu l-aċċess taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol permezz ta' azzjoni integrata li tkopri, fost l-oħrajn, gwida, pariri u apprentistati.

Inizjattiva ewlenija: "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"

L-għan huwa li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn Suq Diġitali Uniku msejjes fuq internet b'veloċità għolja u għolja ħafna u b'applikazzjoni interoperabbli, b'aċċess 'broadband' għal kulħadd sal-2013, aċċess lil kulħadd għal internet b'veloċità aktar għolja (30Mbps jew aktar) sal-2020, u 50% jew aktar tal-entitajiet domestiċi Ewropej b'abbonamenti għal konnessjonijiet tal-internet ta' aktar minn 100 Mbps.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tipprovdi qafas legali stabbli li jistimula l-investimenti f'infrastruttura ta' internet b'veloċità għolja miftuħa u kompetittiva u f'servizzi relatati;

- Tiżviluppa politika spektrum effiċjenti;

- Tiffaċilita l-użu ta' fondi strutturali tal-UE fl-ilħuq ta' din l-aġenda;

- Toħloq suq uniku veru tal-kontenut u servizzi onlajn (jiġifieri servizzi web mingħajr fruntieri u sikuri u swieq tal-kontenut diġitali, b'livelli għoljin ta' fiduċja u kunfidenza, qafas regolatorju bbilanċjat b'sistemi ta' drittijiet ċari, l-inkoraġġiment ta' liċenzji multiterritorjali, protezzjoni xierqa u remunerazzjoni għal detenturi ta' drittijiet u sostenn attiv għad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali għani tal-Ewropa, u ssawwar governanza globali tal-internet;

- Twettaq riforma tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u żżid is-sostenn fil-qasam tal-ICT biex issaħħaħ it-teknoloġija tal-Ewropa f'oqsma strateġiċi ewlenin u toħloq il-kundizzjonijiet għal livelli għolja ta' tkabbir tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju biex ikunu minn ta' quddiem fi swieq emerġenti u tistimula l-innovazzjoni fis-setturi kollha tan-negozju;

- Tippromwovi aċċess u l-użu tal-internet miċ-ċittadini kollha tal-Ewropa, speċjalment permezz ta' azzjonijiet għas-sostenn tal-kapaċitajiet u l-aċċessibbiltà diġitali.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Ifasslu strateġiji għal internet b'veloċità għolja, u jallokaw fondi pubbliċi bl-aħjar manjiera, inkluż fondi strutturali, fuq oqsma li ma humiex qegħdin igawdu bis-sħiħ minn investimenti privati;

- Jistabbilixxu qafas legali għall-koordinazzjoni ta' xogħolijiet pubbliċi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-introduzzjoni tan-netwerk;

- Jippromwovu l-firxa u l-użu ta' servizzi onlajn moderni u aċċessibbli (eż. gvern elettroniku, servizzi tas-saħħa onlajn, dar intelliġenti, ħiliet diġitali, sigurtà).

Tkabbir sostenibbli – il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva.

Tkabbir sostenibbli jfisser ekonomija b'użu effiċjenti tar-riżorsi, sostenibbli u kompetittiva, li tagħmel użu mir-rwol prominenti tal-Ewropa fit-tiġrija biex jiġu żviluppati proċessi u teknoloġiji ġodda, fosthom teknoloġiji ekoloġiċi, titħaffef l-introduzzjoni ta' netwerks intelliġenti bl-użu tal-ICT, jintużaw netwerks fuq skala tal-UE, jissaħħu l-vantaġġi kompetittivi tan-negozji tagħna, partikolarment fil-manifattura u għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju tagħna, kif ukoll billi tingħata għajnuna lill-konsumaturi biex jivvalorizzaw l-użu aktar effiċjenti ta' riżorsi. Tali approċċ ser jgħin lill-UE tkattar il-ġid tagħha f'dinja b'użu limitat ta' karbonju u ta' riżorsi filwaqt li tipprevjeni d-degradazzjoni ambjentali, it-telf ta' bijodiversità u l-użu mhux sostenibbli ta' riżorsi. Dan ser jirfed ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

L-Ewropa għandha tieħu azzjoni:

- Kompetittività: L-UE mxiet 'il quddiem permezz tal-kummerċ, l-esportazzjoni madwar id-dinja u bl-importazzjoni kemm ta' oġġetti għall-produzzjoni u kif ukoll ta' oġġetti lesti. Issa li qegħdin inħabbtu wiċċna ma' pressjoni intensa fuq is-swieq tal-esportazzjoni u fuq firxa dejjem tikber ta' oġġetti aħna għandna ntejbu l-kompetittività tagħna fil-konfront tas-sħab kummerċjali tagħna permezz ta' livelli aktar għoljin ta' produttività. Ser ikun hemm il-ħtieġa li aħna nindirizzaw il-kompetittività relattiva fiż-żona tal-Euro u fl-UE kollha kemm hi. L-UE kienet fost l-ewwel atturi fil-qasam tas-soluzzjonijiet ekoloġiċi, iżda l-kompetituri tagħha qegħdin joqorbu, prinċipalment iċ-Ċina u l-Amerika ta' Fuq. L-UE għandha tibqa' minn ta' quddiem fis-suq tat-teknoloġiji ekoloġiċi bħala mezz biex tiżgura l-użu effiċjenti ta' riżorsi fl-ekonomija kollha kemm hi, filwaqt li jingħelbu d-diffikultajiet f'netwerks ta' infrastruttura prinċipali, u b'hekk il-kompetittività industrijali tingħata spinta 'l quddiem.

- Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: Il-ksib tal-għanijiet klimatiċi tagħna jfisser li nnaqqsu l-emissjonijiet ħafna aktar malajr fl-għaxar snin li ġejjin milli għamilna fl-għaxar snin li għaddew billi nużaw b'mod sħiħ il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda bħall-qbid ta' diossidu tal-karbonju u l-possibbiltajiet ta' sekwestru tal-karbonju. Jekk intejbu l-użu effiċjenti tar-riżorsi nnaqqsu l-emissjonijiet b'mod sinifikanti, niffrankaw il-flus u nsaħħu t-tkabbir ekonomiku. Dan jolqot lis-setturi kollha, mhux biss lil dawk b'emissjonijiet intensivi. Aħna għandna wkoll insaħħu l-kapaċità ta' rkupru tal-ekonomiji tagħna mir-riskji klimatiċi, u l-kapaċità tagħna ta' prevenzjoni u rispons fis-segwitu ta' katastrofi.

- Enerġija nadifa u effiċjenti: Jekk nilħqu l-għanijiet tagħna fil-qasam tal-enerġija nkunu nistgħu niffrankaw EUR 60 biljun f'importazzjonijiet ta' żejt u gass sal-2020. Dan mhuwiex biss iffrankar finanzjarju; iżda huwa essenzjali għas-sigurtà tagħna fil-qasam tal-enerġija. Aktar progress bl-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-enerġija li jżid il-PGD tagħna b'bejn 0.6% u 0.8%. L-ilħuq l-għan tal-UE ta' 20% ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu waħdu jista' jwassal għall-ħolqien ta' aktar minn 600,000 fl-UE. Jekk inżidu l-mira ta' 20% f'użu effiċjenti tal-enerġija, jista' jkun li nżidu aktar minn 1 miljun impjieg ġdid.

L-azzjoni taħt din il-prijorità tirrekjedi l-implimentazzjoni ta' impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'tali mod li jsir l-aħjar użu mill-benefiċċji filwaqt li jinqatgħu l-ispejjeż, inkluż billi jinfirxu soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi. Barra minn hekk, aħna għandna jkollna l-għan li noftmu t-tkabbir mill-użu tal-enerġija u nsiru ekonomija b'użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, li mhux biss jagħti vantaġġ kompetittiv lill-Ewropa, talli jnaqqas ukoll id-dipendenza fuq sorsi barranin ta' materja prima u prodotti oħrajn.

Inizjattiva ewlenija: "Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi"

L-għan huwa s-sostenn tal-qalba lejn ekonomija b'użu aktar effiċjenti ta' riżorsi u b'użu limitat ta' karbonju li tagħmel tuża r-riżorsi kollha b'effiċjenza. L-għan huwa li t-tkabbir ekonomiku tagħna jinfatam mill-użu tar-riżorsi u tal-enerġija, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, tissaħħaħ il-kompetittività u ssir aktar promozzjoni b'saħħitha dwar is-sigurtà tal-enerġija.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Timmobilizza l-istrumenti finanzjarji tal-UE (eż. żvilupp rurali, fondi strutturali, programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, TENs, BEI) bħala parti minn strateġija ta' finanzjament konsistenti, li tiġbor il-finanzjament pubbliku u privat;

- Issaħħaħ qafas għall-użu ta' stumenti bbażati fuq is-suq (eż. skambju tal-kwoti ta' emissjonijiet, reviżjoni tat-tassazzjoni tal-enerġija, inkoraġġiment ta' użu aktar wiesa' ta' akkwisti pubbliċi ekoloġiċi);

- Tippreżenta proposti għall-immodernizzar u dekarbonizzar tas-settur tat-trasport biex b'hekk isir kontribut li jżid il-kompetittività. Dan jista' jsir permezz ta' taħlita ta' miżuri eż. miżuri ta' infrastruttura bħall-użu bikri ta' infrsturutturi ta' netwerks għal mobbiltà elettrika, ġestjoni intelliġenti tat-traffiku, loġistika aħjar, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 tal-vetturi kollha tat-triq, għas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu, inkluż it-tnedija ta' inizjattiva Ewropea dwar karozza "ekoloġika" li ser tgħin il-promozzjoni ta' teknoloġiji ġodda fosthom karozzi elettriċi u ibridi permezz ta' taħlita ta' riċerka, standards komuni u l-iżviluppar tal-infrastruttura ta' sostenn meħtieġa;

- Tħaffef l-implimentazzjoni ta' proġetti strateġiċi fejn rwol Ewropew ikun ta' valur miżjud biex tindirizza diffikulatjiet kritiċi, partikolarment sezzjonijiet transkonfinali u punit ta' konġunzjoni intermodali (bliet, portijiet, pjattaformi loġistiċi);

- Tiffinalizza s-suq intern tal-enerġija u timplimenta l-pjan tat-teknoloġiji strateġiċi tal-enerġija (SET), il-promozzjoni ta' għejun ta' enerġija li tiġġeddded f'suq uniku ukoll hija ta' prijorità;

- Tippreżena inizjattiva għall-aġġornament tan-netwerks tal-Ewropa, inkluż in-Netwerks ta' Enerġija Trans-Ewropej, lejn supergrid Ewropea, "netwerks intelliġenti" u interkonnessjonijiet partikolarment ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded man-netwerk (bis-sostenn ta' fondi strutturali u tal-BEI). Dan jinkludi l-promozzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura ta' importanza strateġika maġġuri għall-UE fir-reġjuni tal-Baltiku, tal-Balkani, tal-Mediterran u tal-Ewrasja;

- Tadotta u timplimenta verżjoni riveduta tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Użu Effiċjenti tal-Enerġija u tippromwovi programm sostanzjali għall-użu effiċjenti tal-enerġija (b'għajuna lil impriżi ta' daqs żgħir u medju u kif ukoll lil entitajiet domestiċi) permezz tal-użu ta' fondi strutturali u fondi orħrajn biex tikseb finanzjamenti ġodda permezz ta' mudelli eżistenti ta' skemi innovattivi ta' investimenti li rnexxew ferm; dan għandu jippromwovi tibdil fix-xejriet tal-konsum u l-produzzjoni;

- Tistabbilixxi viżjoni ta' tibdil strutturali u teknoloġiku li hija meħtieġa għall-qalba lejn ekonomija b'użu limitat ta' karbonju, b'użu effiċjenti tar-riżorsi u reżistenti għat-tibdil fil-klima sal-2050 li jwassal biex l-UE tilħaq il-miri tagħha fit-tnaqqis tal-emissjonijiet; dan jinkludi l-prevenzjoni u r-rispons għall-katastrofi, l-użu tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni, agrikola, tal-iżvilupp rurali u dik marittima biex tindirizza t-tibdil fil-klima, partikolarment permezz ta' miżuri ta' adattament msejjes fuq użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, li ser jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tas-sigurtà alimentari globali.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Gradwalment ineħħu s-sussidji ambjentali li huma dannużi, b'eċċezzjonijiet għal persuni bi ħtiġijiet speċjali;

- Jużaw strumenti bbażati fuq is-suq bħal inċentivi fiskali u akwwisti biex jadattaw il-metodi ta' produzzjoni u konsum;

- Jiżvluppaw infrastruttura tal-enerġija intelliġenti, msaħħa u totalment interkonnessa u jagħmlu użu sħiħ mill-ICT;

- Jiżguraw implimentazzjoni koordinata ta' proġetti ta' infrastruttura, fi ħdan in-netwerk ewlieni tal-UE, li jikkontribwixxu b'mod kruċjali għall-effikaċja tas-sistema talt-trasport globali tal-UE.

- Jiffokaw fuq id-dimensjoni urbana tat-trasport fejn huma ġġenerati l-akbar parti tal-konġestjoni u l-emissjonijiet;

- Jużaw regolamentazzjoni, jibnu standards ta' prestazzjoni u strumenti bbażati fuq is-suq bħal tassazzjoni, sussidji u akkwist biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u jużaw fondi strutturali biex jinvestu f'bini pubbliku b'użu effiċjenti ta' enerġija u f'riċiklaġġ aktar effiċjenti;

- Jagħtu inċentivi għal strumenti ta' ffrankar tal-enerġija li jistgħu jżidu l-effiċjenza f'oqsma b'użu intensiv ta' enerġija, bħal dawk ibbażati fuq l-użu ta' ICTs.

Inizjattiva ewlenija: "Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni"

L-industrija, u b'mod speċjali l-impriżi ta' daqs żgħir u medju ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika u s-setturi kollha qegħdin jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni biex jaġġustaw il-proċessi ta' produzzjoni u l-prodotti tagħhom għal ekonomija b'użu limitat ta' karbonju. L-impatt ta' dawn l-isfidi ser ikun differenti bejn settur u ieħor, xi setturi ser ikollhom jagħmlu bidliet radikali iżda għal oħrajn dawn l-isfdi ser jippreżentaw opportunitajiet ġodda ta' negozju. Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati fis-setturi differenti (negozji, sindakati, akkademiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tal-konsumatur) u ser tfassal qafas għal politika industrijali moderna, biex tappoġġja l-intraprenditorija, tiggwida u tgħin l-industrija biex tiġi aktar b'saħħitha u tiffaċċja l-isfidi, tippromwovi l-kompetittività tal-industriji primarji, tal-manifattura u tas-servizzi tal-Ewropa u tgħinhom jaħtfu l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija ekoloġika. Il-qafas ser jindirizza l-elementi kollha tal-katina tal-valur, li hija dejjem aktar internazzjonali, mill-aċċess għall-materja prima għas-servizzi ta' wara l-bejgħ.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tistabbilixxi politika industrijali li toħloq l-aħjar ambjent biex tħares u tiżviluppa bażi industrijali b'saħħitha, kompetittiva u ddiversifikata fl-Ewropa u kif ukoll tappoġġja t-tranżizzjoni tas-setturi tal-manifattura lejn użu aktar effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi.

- Tiżviluppa approċċ orizzontali għall-politika industrijali li jlaqqa' strumenti ta' politika differenti (eż. regolamentazzjoni "intelliġenti", akkwist pubbliku mmodernizzat, regoli dwar il-kompetizzjoni u l-iffissar ta' standards);

- Ittejjeb l-ambjent kummerċjali, speċjalment tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju, fosthom permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' tranżizzjoni ta' negozju li jsir fl-Ewropa, il-promozzjoni ta' raggruppamenti u t-titjib ta' aċċess raġonevoli għall-finanzi.

- Tippromwovi r-ristrutturar tas-setturi li jinsabu f'diffikultà għal attivitajiet orjentati lejn il-ġejjieni, fosthom permezz tar-riallokazzjoni ta' kapaċitajiet lejn setturi u swieq emerġenti b'possibbiltajiet kbar ta' tkabbir u appoġġ mis-sistemi ta' għajnuna mill-Istat u/jew il-Fond ta' Aġġustament tal-Globalizzazzjoni;

- Tippromwovi teknoloġiji u metodi ta' produzzjoni li jnaqqsu l-użu ta' riżorsi naturali, u żżid l-investiment fl-assi naturali eżistenti tal-UE.

- Tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

- Tiżgura li n-netwerks ta' trasport u loġistika jippermettu lill-industrija madwar l-Unjoni li jkollhom aċċess effettiv għas-Suq Uniku u għal swieq internazzjonali lil hinn minnu;

- Tiżviluppa politika effettiva tal-ispazju li tipprovdi l-istrumenti li jindirizzaw għadd mill-isfidi globali ewlenin u partikolarment it-tlestija ta' Galileo u GMES;

- Issaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew;

- Tirrevedi r-regolamenti dwar is-sostenn tat-tranżizzjoni tas-setturi tas-servizzi u l-manifattura għal użu aktar effiċjenti ta' riżorsi, fosthom riċiklaġġ aktar effettiv; ittejjeb il-mod kif jiffunzjona l-istabbiliment ta' standards fl-Ewropa biex tagħmel pressjoni fuq standards Ewropej u internazzjonali għall-kompetittività fit-tul tal-industrija Ewropea. Dan ser jinkludi l-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ewlenin li jagħtu l-kapaċitajiet meħtieġa;

- Iġġedded l-istrateġija tal-UE għall-promozzjoni tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji bħala element fundamentali li jiżgura l-fiduċja fit-tul tal-impjegati u l-konsumaturi.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Itejbu l-ambjent tan-negozju speċjalment għal impriżi ta' daqs żgħir u medju innovattivi, fosthom permezz ta' akkwist tas-settur pubbliku għas-sostenn ta' inċentivi ta' innovazzjoni;

- Itejbu l-kundizzjonijiet tal-infurzar tal-proprjetà intellettwali;

- Inaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji, u ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni dwar in-negozju;

- Jaħdmu mill-qrib ma' partijiet interessati f'setturi differenti (negozji, sindakati, akkademiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tal-konsumatur) biex jiġu identifikati diffikultajiet u jiżviluppaw analiżi kondiviża dwar kif l-aħjar titħares bażi industrijali u tal-għarfien b'saħħitha u jpoġġu lill-UE fi rwol prinċipali fi żvilupp sostenibbli globali.

Tkabbir inklussiv – ekonomija b'rata għolja ta' nies jaħdmu li tikseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Tkabbir inklussiv ifisser li n-nies jingħataw is-setgħa permezz ta' livelli għolja ta' impjegar, isir investiment fil-kapaċitajiet u s-swieq tax-xogħol, is-sistemi ta' taħriġ u protezzjoni soċjali jiġu mmodernizzati biex in-nies jiġu megħjuna jantiċipaw u jlaħħqu mal-bidla, u tinbena soċjetà b'aktar koeżjoni. Huwa essenzjali wkoll li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jinfirxu mal-partijiet kollha tal-Unjoni, anke fl-aktar reġjuni mbiegħda, u b'hekk tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali. Dan huwa marbut mal-iżgurar ta' aċċess u opportunitajiet għal kulħadd tul ħajjithom. Jeħtieġ li l-Ewropa tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' xogħol tagħha biex tiffaċċja l-isfidi ta' popolazzjoni li qed tikber fl-età u l-kompetizzjoni globali. Ser ikunu meħtieġa politiki għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex jiżdied in-numru ta' persuni f'impjieg u li jikkontribwixxu għal aktar tkabbir u koeżjoni soċjali.

L-Ewropa għandha tieħu azzjoni:

- Impjiegi: Minħabba bidla demografika, l-għadd ta' ħaddiema b'xogħol qiegħed jonqos. Bħalissa huma biss żewġ terzi tal-popolazzjoni bl-età li jaħdmu li huma impjegati, meta mqabbel ma' aktar minn 70% fl-Istati Uniti u fil-Ġappun. Ir-rata ta' nisa li jaħdmu u ta' ħaddiema aktar anzjani hija partikolarment baxxa. Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi, u rata tal-qgħad fosthom telgħet għal aktar minn 21%. Hemm riskju kbir li dawk il-persuni li mhumiex jaħdmu jew li ma tantx għandom rabtiet b'saħħithom mad-dinja tax-xogħol jibdew jinqatgħu mis-suq tax-xogħol.

- Il-kapaċitajiet: Madwar 80 miljun ruħ għandhom livelli baxxi jew bażiċi ta' kapaċitajiet, iżda t-tagħlim tul il-ħajja jħalli benefiċċji lil dawk li għandhom livelli ogħla ta' edukazzjoni. Sal-2020, 16-il miljun impjieg ieħor ser ikunu jitolbu kwalifiki aktar għoljin, filwaqt li d-domanda għal ħiliet ta' livell baxx ser taqa' taħt it-12-il miljun impjieg. Il-fatt li ż-żmien li persuna tagħmel taħdem qiegħed jitwal ser jirrekjedi wkoll il-possibbiltà li din takkwista u tiżviluppa ħiliet ġodda tul il-ħajja.

- Il-ġlieda tal-faqar: 80 miljun ruħ kienu jinsabu fir-riskju ta' faqar qabel il-kriżi. 19-il miljun minnhom huma tfal. 8 fil-mija tal-persuni b'xogħol ma jaqilgħux biżżejjed flus b'mod li jaqbżu l-livell tal-faqar. Il-persuni qiegħda huma partikolarment esposti għal dan ir-riskju.

Azzjoni taħt din il-prijorità tirrekjedi l-immodernizzar, it-tisħiħ tal-politiki tax-xogħol, tal-edukazzjoni u t-tat-taħriġ tagħna u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali billi tiżdied il-parteċipazzjoni tax-xogħol u jitnaqqas il-qgħad strutturali, kif ukoll billi titrawwem aktar responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fil-komunità tan-negozju. L-aċċess għal faċilitajiet ta' kura tat-tfal u l-kura ta' persuni dipendenti oħrajn ser ikun importanti f'dan ir-rigward. L-implimentazzjoni ta' prinċipji ta' flessigurtà u l-fatt li persuni jingħataw il-possibbiltà li jakkwistaw ħiliet ġodda biex jadattaw għal kundizzjonijiet ġodda u bidliet potenzjali ta' karrieri ser ikunu essenzjali. Ser ikun meħtieġ sforz maġġuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi biex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jibbenefika mit-tkabbir. Ser ikun importanti wkoll li jkollna l-ħila li nindirizzaw l-isfida tal-promozzjoni ta' popolazzjoni anzjana li tkun b'saħħitha u attiva biex tkun tista' tinkiseb koeżjoni soċjali u livelli ogħla ta' produttività.

Inizjattiva ewlenija: "Aġenda għal kapaċitajiet u impjiegi ġodda"

L-għan huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol bil-għan li jiżdiedu l-livelli tax-xogħol u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudelli soċjali tagħna. Dan ifisser li l-persuni jingħataw il-possibbiltà li jakkwistaw kapaċitajiet ġodda li jippermettu lill-ħaddiema ta' issa u ta' għadda li jadattaw għal kundizzjonijiet ġodda u għal bidliet potenzjali fil-karrieri, jitnaqqas il-qgħad filwaqt li tiżdied il-produttività tax-xogħol.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tiddefinixxi u timplimenta t-tieni fażi tal-aġenda ta' flessigurtà, flimkien mal-imsieħba soċjali Ewropej, biex tidentifika l-aħjar modi kif tista' tamministra tranżizzjonijiet ekonomiċi u biex tiġġieled il-qgħad u żżid ir-rati ta' attività;

- Tadatta l-qafas leġiżlattiv, f'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni "intelliġenti", tevolvi mudelli ta' xogħol (eż. ħin tax-xogħol, allokazzjoni tal-ħaddiema) u riskji ġodda għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

- Tiffaċilita u tippromwovi aktar mobbiltà ta' xogħol fl-UE filwaqt li l-provvista ta' ħaddiema tkun taqbel aktar mad-domanda b'sostenn finanzjarju xieraq mill-fondi strutturali, speċjalment mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u tippromwovi politika komprensiva ta' migrazzjoni tal-ħaddiema u li tħares 'il quddiem u li tirrispondi b'mod flessibbli għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol;

- Issaħħaħ il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal li għandu d-djalogu soċjali għas-soluzzjoni għall-problemi fil-livelli kollha (UE, nazzjonali/reġjonali, settorjali, kumpanija), u tippromwovi kooperazzjoni msaħħa bejn istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fosthom is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istati Membri;

- Tagħti spinta qawwija lill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ bl-involviment tal-partijiet interessati kollha. Prinċipalment dan għandu jirriżulta fl-implimentazzjoni ta' prinċipji ta' tagħlim tul il-ħajja (f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u esperti) inkluż permezz ta' toroq ta' tagħlim flessibbli bejn setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti għal aktar persuni. L-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew għandhom jiġu kkonsultati bil-għan li tiġi żviluppata inizjattiva tagħhom stess f'dan il-qasam;

- Tiżgura li l-kompetenzi meħtieġa biex isir aktar tagħlim u fis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jiġu jinkisbu u jiġu rikonoxxuti fl-oqsma tal-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali, għolja u tal-adulti u tiġi żviluppata lingwa komuni u strumenti operazzjonali għall-edukazzjoni/it-taħriġ u x-xogħol: Qafas Ewropew ta' Kapaċitajiet, Kompetenzi u Xogħol (ESCO).

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Jimplimentaw il-metodi nazzjonali tagħhom ta' flessigurtà, kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, biex inaqqsi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja.

- Jirrevedu u jwettqu monitoraġġ regolari tal-effiċjenza tas-sistema tat-taxxi u benefiċċji biex in-nies iktar ikun jaqblilhom jaħdmu, b'enfasi speċjali fuq dawk b'anqas kapaċitajiet, filwaqt li jitneħħew il-miżuri li jiskoraġġixxu n-nies li jaħdmu għal rashom.

- Jippromwovu forom ġodda ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u politiki attivi dwar il-ħaddiema aktar anzjani u tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi;

- Jippromwovu u jwettqu monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tar-riżultati li joħorġu mid-djalogu soċjali;

- Jagħtu impetu qawwi għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, permezz tal-ħolqien ta' oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki;

- Jiżguraw li l-kompetenzi meħtieġa biex isir tagħlim ulterjuri u għas-suq tax-xogħol jiġu akkwistati u rikonoxxuti fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni, jiġifieri l-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u anke dik tal-adulti, inkluż it-tagħlim mhux formali u informali;

- Jiżviluppaw partenarjati bejn id-dinjatal-edukazzjoni/taħriġ u dik tax-xogħol, partikolarment billi jinvolvu l-imsieħba soċjali fl-ippjanar tal-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Inizjattiva ewlenija: "Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar"

L-għan huwa li niżguraw koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tibni fuq is-sena Ewropea kurrenti li tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali biex titqajjem kuxjenza u jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jingħataw il-possibbiltà li jgħixu b'dinjità u jkollhom sehem attiv fis-soċjetà.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ser tistinka biex:

- Tittrasforma l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar l-esklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali fi pjattaforma għall-kooperazzjoni, analiżi bejn il-pari u skambju tal-aħjar prassi, u fi strument li jrawwem l-impenn minn atturi pubbliċi u privati biex titnaqqas l-esklużjoni soċjali, u tittieħed azzjoni konkreta, anke permezz ta' sostenn immirat sew mill-fondi strutturali, speċjalment mill-FSE;

- Tfassal u timplimenta programmi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali għal dawk li huma fost l-aktar nies vulnerabbli, partikolarment billi jingħataw opportunitajiet innovattivi ta' edukazzjoni, taħriġ u impjiegi għall-aktar komunitajiet li huma nieqsa minn affarijiet, għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (eż. d-diżabbli), u tiżviluppa aġenda ġdida għall-integrazzjoni ta' migranti biex ikunu jistgħu jittieħdu l-aħjar vantaġġi mill-potenzjal tagħhom;

- Twettaq valutazzjoni tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet tagħhom, u tidentifika modi biex jiżguraw aċċess aħjar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa:

- Jippromwovu responsibbiltà kollettiva u individwali kondiviża fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

- Jiddefinixxu u jimplimentaw miżuri li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' gruppi li jinsabu f'riskju partikolari (bħall-familji b'ġenitur wieħed, nisa anzjani, minoranzi, Roma, persuni b'diżabbiltà u dawk mingħajr dar fejn joqogħdu);

- Jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet tagħhom biex jiżguraw sostenn għad-dħul adegwat u aċċess għall-kura tas-saħħa.

3. LAKUNI U DIFFIKULTAJIET

Il-politiki, l-istrumenti u l-atti legali kollha tal-UE, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji tagħha, għandhom jiġu mmobilizzati biex titwettaq ħidma fuq l-għanijiet tal-istrateġija. Il-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ l-politiki u l-istrumenti ewlenin tagħha, bħas-suq uniku, il-baġit u l-aġenda eknomika esterna tal-UE biex tiffoka fuq il-ksib tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-proposti operazzjonali li jiżguraw il-kontribut sħiħ tagħhom għall-istrateġija ser ikunu parti integrali mill-istrateġija Ewropa 2020.

3.1. Suq uniku għas-seklu 21

Suq uniku aktar b'saħħtu, aktar wiesa' u estiż huwa ta' importanza vitali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Madanakollu, ix-xejriet kurrenti juru sinjali ta' integrazzjoni għajjiena u diżillużjoni dwar is-suq uniku. Il-kriżi żiedet it-tentazzjonijiet ta' nazzjonaliżmu ekonomiku. Il-kontroll tal-Kummissjoni u sens ta' responsabbiltà bejn l-Istati Membri kollha rnexxielhom iwaqqfu l-kurrent li kien se jwassal għad-diżintegrazzjoni. Iżda mbuttatura ġdida – impenn politiku ġenwin – hija meħtieġa biex is-suq uniku jingħata enerġija ġdida, permezz tal-adozzjoni mingħajr telf ta' żmien tal-inizjattivi msemmija hawn taħt. Dan l-impenn politiku ser jitlob taħlita ta' miżuri li jimlew il-lakuni tas-suq uniku.

Ta' kuljum in-negozji u ċ-ċittadini qegħdin iħabbtu wiċċhom mar-realtà li għad fadal tfixkil fir-rigward tal-attività transkonfinali minkejja li jeżisti s-suq uniku. Huma jirrealizzaw li n-netwerks mhumiex interkonnessi biżżejjed u li l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku għadu irregolari. Ta' sikwit, in-negozji u ċ-ċittadini għadhom isibu ma' wiċċhom 27 sistema legali differenti għall-istess tranżazzjoni. Filwaqt li l-kumpaniji tagħna għadhom ikkonfrontati mir-realtà ta' kuljum ta' regoli frammentati u diverġenti, il-kompetituri tagħhom miċ-Ċina, l-Istati Uniti jew il-Ġappun jistgħu jibbażaw ruħhom tajjeb fuq is-swieq kbar tagħhom.

Is-suq uniku ġie maħsub qabel ma wasal l-Internet, qabel ma t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni saret wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir u qabel ma s-servizzi saru parti daqstant dominanti tal-ekonomija Ewropea. L-emerġenza ta' servizzi ġodda (eż. kontenut u medja, saħħa, kejl intelliġenti tal-enerġija) joffri potenzjal enormi, iżda l-Ewropa tista' tuża dan il-potenzjal biss jekk tegħleb il-frammentazzjoni li bħalissa qiegħda timblokka l-fluss ta' kontenut onlajn u l-aċċess għall-konsumaturi u l-kumpaniji.

Sabiex tħejji lis-suq uniku biex jaqdi l-miri tal-Ewropa 2020, hemm il-bżonn ta' swieq konnessi tajjeb bejniethom, fejn il-kompetizzjoni u l-aċċess għall-konsumatur jistimulaw it-tkabbir u l-innovazzjoni. Suq uniku miftuħ għas-servizzi għandu jinħoloq abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi li jingħataw lill-konsumaturi. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tista' żżid in-negozju fis-servizzi kummerċjali b'45% u l-investiment Barrani Dirett b'25%, u rwassal għal żieda ta' bejn 0.5% u 1.5% fil-PGD.

L-aċċess tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jittejjeb. L-intraprenditorija għandha tiġi żviluppata permezz ta' inizjattivi ta' politika konkreti, fosthom simplifikazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji (il-proċeduri ta' falliment, l-istatut ta' kumpaniji privata, eċċ.), u inizjattivi li jippermettu lill-imprendituri biex jerġgħu jibdew wara l-falliment ta' negozju. Iċ-ċittadini għandhom jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq wieħed. Dan jitlob li jissaħħu l-abbiltà u l-fiduċja tagħhom biex jixtru prodotti u servizzi transkonfinali, partikolarment onlajn.

Permezz tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni l-Kummissjoni ser tiżgura li s-suq uniku jibqa' suq miftuħ, li jingħataw opportunitajiet ugwali għall-kumpaniji u tiġġieled il-protezzjoniżmu nazzjonali. Iżda l-politika tal-kompetizzjoni ser tagħti kontribut akbar għall-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-politika tal-kompetizzjoni tiżgura li s-swieq jipprovdu l-aħjar ambjent għall-innovazzjoni, pereżempju billi jiġi żgurat li ma jsir l-ebda abbuż mill-privattivi u d-drittijiet tal-proprjetà. Il-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq u ftehimiet li jmorru kontra l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tipprovdi riassigurazzjoni biex tiġi inċentivata l-innovazzjoni. Il-politika tal-għajnuna mill-Istat tista wkoll tikkontribwixxi b'mod attiv u pożittiv għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi tinċita u tappoġġja inizjattivi għal teknoloġiji innovattivi, effiċjenti u aktar ekoloġiċi, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal appoġġ pubbliku għall-investiment, kapital tar-riskju u ffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni ser tipproponi azzjoni biex tegħleb id-diffikultajiet fis-suq uniku billi:

- Issaħħaħ l-istrutturi tal-implimentazzjoni ta' miżuri tas-suq uniku fil-ħin stipulat u b'mod korrett, inkluż regolamentazzjoni dwar in-netwerks, id-Direttiva tas-Servizzi u u l-pakkett leġiżlattiv u superviżorju tas-swieq finanzjarji, issaħħaħhom b'mod effettiv u meta jinqalgħu l-problemi, issolvihom bla dewmien;

- Tkompli għaddejja bl-aġenda tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti, fosthom billi tikkunsidra użu aktar estiż ta' regolamenti u mhux ta' direttivi, tniedi evalwazzjoni ex-post ta' leġiżlazzjoni eżistenti, twettaq monitoraġġ tas-suq, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, jitneħħew l-ostakli fiskali, ittejjeb l-ambjent kummerċjali, partikolarment għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u tappoġġja lill-intraprenditorjat;

- Tadatta l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali għall-era diġitali biex tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut b'livelli għolja ta' fiduċja għall-konsumaturi u l-kumpaniji. Dan jirrekjedi li jsir aġġornament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà, il-garanziji, il-forniment u r-riżoluzzjoni ta' tilwim;

- Tagħmilha possibbli li n-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti ma' sħab f'pajjiżi oħra tal-UE b'mod anqas diffiċli u b'anqas spejjeż, prinċipalment billi toffri soluzzjonijiet armonizzati għal kuntratti tal-konsumatur, klawsoli ta' kuntratti b'mudell tal-UE u billi tagħmel progress lejn Liġi Ewropea tal-Kuntratti li tkun fuq bażi fakultattiva;

- Tagħmilha possibbli li n-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jinforzaw kuntratti b'mod aktar faċli u b'anqas spejjeż u li s-sentenzi u d-dokumenti tal-qorti jkunu rikonoxxuti f'pajjiżi oħra tal-UE.

3.2. Investiment fit-tkabbir: politika ta' koeżjoni, l-immobilizzar tal-baġit tal-UE u ta' finanzi privati

Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ser jibqa' jkollha rwol ċentrali għall-istrateġija Ewropa 2020 biex jiġi żgurat li l-enerġija u l-kapaċitajiet kollha jiġu mmobilizzati u ffokati biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-istrateġija. Il-politika ta' koeżjoni u l-fondi strutturali tagħha, filwaqt li huma importanti, huma mekkaniżmi ewlenin għall-ksib tal-prijoritajiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Istati Membri u r-reġjuni.

Il-kriżi finanzjarja kellha impatt maġġuri fuq il-kapaċità tan-negozji u l-gvernijiet Ewropej li jiffinanzjaw investiment u proġetti ta' innovazzjoni. Biex jinkisbu l-għanijiet fl-istrateġija Ewropa 2020, huwa importanti li jkun hemm ambjent regolatorju li jwassal biex is-swieq finanzjarji jkunu aktar effettivi u sikuri. L-Ewropa għandha tagħmel minn kollox biex tuża l-mezzi finanzjarja tagħha, taqbad toroq ġodda fl-użu ta' finanzi privati u pubbliċi, u toħloq strumenti innovattivi biex tiffinanzja l-investimenti meħtieġa, anke permezz tal-partenarjati pubbliċi-privati (PPPs). Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment jistgħu jikkontribwixxu biex jappoġġjaw "ċirku ta' ġid" fejn l-innovazzjoni u l-intraprenditorija jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati tajjeb minn stadju bikri tal-investiment sal-elenkar tal-indiċi tal-borża, fi sħubija mal-bosta inizjattivi u skemi pubbliċi li joperaw fil-livell nazzjonali.

Jeħtieġ ukoll li l-qafas finanzjarju multiannwali jirrefletti l-prijoritajiet ta' tkabbir fit-tul. Ladarba jintlaħaq ftehim dwarhom, il-Kummissjoni biħsiebha tinkludi dawn il-prijoritajiet fil-proposti tagħha għall-qafas finanzjaru multiannwali, li mistenni għas-sena d-dieħla. Id-diskussjoni ma għandhiex tkun biss dwar il-livelli ta' finanzjament, iżda wkoll dwar kif l-istrumenti ta' finanzjament differenti bħall-fondi strutturali, il-fondi tal-iżvilupp agrikolu u rurali, il-programm qafas dwar ir-riċerka, u l-programm qafas tal-kompetittività u l-innovazzjoni (CIP) jinħasbu b'mod li jinksibu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 biex jiġi mmassimizzat l-impatt, tiġi żgurata l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE. Ser ikun importanti li jinstabu mezzi kif jista' jiżdied l-impatt tal-baġit tal-UE - li filwaqt li huwa żgħir, meta jiġi mmirat sew xorta jista' jħalli effetti importanti ta' bidla.

Il-Kummissjoni ser tipproponi azzjoni biex tiżviluppa soluzzjonijiet ta' finanzjament innovattivi biex issostni l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi:

- Tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-baġit eżistenti tal-UE permezz ta' prijoritizzazzjoni aktar qawwija u livelli ogħla ta' konverġenza bejn in-nefqa tal-UE u l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tindirizza l-frammentazzjoni attwali tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE (eż. riċerka u żvilupp u innovazzjoni, investimenti ewlenin fl-infrastruttura f'netwerks transkonfinali tal-enerġija u t-trasport, u teknoloġija b'użu baxx ta' karbonju). Tagħmel użu sħuħ mill-opportunità tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju biex tiżviluppa l-potenzjal ta' strumenti finanzjarji innovattivi, filwaqt li tiżgura ġestjoni finanzjarja soda;

- Tfassal strumenti finanzjarji ġodda, partikolarment f'kooperazzjoni mal-BEI/FEI u s-settur privat, li jirrispondu għall-ħtiġijiet tan-negozji li sa issa għadhom ma ġewx indirizzati. Bħala parti mill-pjan ta' riċerka u innovazzjoni li dalwaqt joħroġ, il-Kummissjoni ser tikkoordina inizjattiva mal-BEI/FEI biex tiġbor kapital addizzjonali għall-finanzjament ta' negozji innovattivi u li qegħdin jikbru;

- Tittrasforma s-suq Ewropew ta' kapital ta'risku f'realtà, u b'hekk tiffaċilita ħafna l-aċċess dirett tan-negozji għas-swieq tal-kapital u tesplora inċentivi għal fondi mis-settur privat li joffru finanzi għal kumpaniji ġodda, u għal impriżi ta' daqs żgħir u medju innovattivi.

3.3. L-użu tal-istrumenti ta' politika esterna tagħna

It-tkabbir globali ser jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-esportaturi tal-Ewropa u anke aċċess kompetittiv għal importazzjonijiet essenzjali. L-istrumenti kollha tal-politika ekonomika esterna jeħtieġ li jintużaw biex jitrawwem tkabbir Ewropew permezz tal-parteċipazzjoni tagħna fi swieq miftuħa u ekwi madwar id-dinja. Dan japplika għall-aspetti esterni tad-diversi politiki interni tagħna (eż. l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-iżvilupp) iżda dan jgħodd b'mod partikolari għall-kummerċ u għall-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika internazzjonali. Ewropa miftuħa, li topera fi ħdan qafas internazzjonali msejjes fuq regoli, hija l-aħjar triq biex jitgawdew il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni li ser jagtħu spinta 'l quddiem lit-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istess ħin, l-UE għandha tasserixxi ruħha b'mod aktar effettiv fuq ix-xena dinjija, bi rwol prinċipali fit-tiswir tal-ordni ekonomika globali tal-ġejjieni permezz tal-G20, u tħares l-interessi Ewropej permezz tal-użu effettiv tal-istrumenti li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.

Parti mit-tkabbir li l-Ewropa hija meħtieġa tiġġenera fuq l-għaxar snin li ġejjin ser ikollu jiġi mill-ekonomiji emerġenti hekk kif il-klassijiet tan-nofs jiżviluppaw u jimportaw oġġetti u servizzi b'vantaġġ komparattiv għall-Unjoni Ewropea. Bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, l-UE timxi 'l quddiem billi tiftaħ għad-dinja u tagħti attenzjoni partikolari għal dak li qegħdin jagħmlu l-ekonomiji emerġenti biex tantiċipa jew tadatta għal xejriet ġejjiena.

Għan ewlieni għandu jkun dak ta' azzjoni permezz tad-WTO u anke bilateralment sabiex tiżgura n- negozji tal-UE, fosthom impriżi ta' daqs żgħir u medju, ikollhom aċċess aħjar għas-swieq u kif ukoll kundizzjonijiet indaqs fil-konfront tal-kompetituri esterni. Barra minn hekk, aħna għandna niffokaw fuq djalogi regolatorji, partikolarment f'oqsma ġodda bħall-klima u t-tkabbir ekoloġiku, fejn hu possibbli billi nestendu l-involviment globali tagħna billi nippromwovu l-ekwivalenza, ir-rikonoxximent reċiproku u l-konverġenza dwar kwistjonijiet regolatorji, u kif ukoll permezz tal-adozzjoni tar-regoli u l-istandards tagħna.

L-istrateġija Ewropa 2020 mhijiex biss rilevanti fl-UE, tista' wkoll toffri potenzjal konsiderevoli għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi ġirien u tkun ta' punt ta' riferiment għall-isforzi ta' riforma tagħhom. L-espansjoni taż-żona fejn japplikaw ir-regoli tal-UE ser toħloq opportunitajiet ġodda kemm għall-UE u kif ukoll għall-ġirien tagħha.

Aktar minn hekk, wieħed mill-għanijiet kritiċi tagħna fil-ftit snin li ġejjin huwa li nibnu relazzjonijiet strateġiċi ma' ekonomiji emerġenti biex niddiksutu kwistjonijiet li jolqtu lill-partijiet kollha, nippromwovu kooperazzjoni fil-qasam regolatorju u f'oqsma oħrajn u nsibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet bilaterali. L-istrutturi li jirfdu dawn ir-relazzjonijiet ser ikollhom ikunu flessibbli u politiċi u mhux b'enfasi teknika.

Fl-2010 l-Kummissjoni ser tfassal strateġija kummerċjali għall-Ewropa 2020 li ser tinkludi:

- Enfasi fuq il-konklużjoni ta' negozjati multilaterali u bilaterali li jinsabu għaddejjin, partikolarment dawk bl-aktar potenzjal ekonomiku qawwi, u kif ukoll fuq infurzar aħjar ta' ftehimiet eżistenti, b'enfasi fuq ostakli mhux tariffarji fuq il-kummerċ;

- Inizjattivi li jiftħu l-kummerċ għal setturi tal-ġejjieni, bħal prodotti u teknoloġiji "ekoloġiċi", prodotti u servizzi ta' teknoloġija avvanzata, u dwar standardizzazzjoni internazjzonali partikolarment f'oqsma ta' tkabbir;

- Proposti għal djalogi strateġiċi ta' livell għoli ma sħab ewlenin, biex issir diskussjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi li jvarjaw mill-aċċess għas-suq, il-qafas regolatorju, l-iżbilanċi globali, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, l-aċċess għal materja prima, il-faqar globali, sal-edukazzjoni u l-iżvilupp. Hija ser twettaq ħidma biex issaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku mal-Istati Uniti, id-Djalogu Ekonomiku ta' Livell Għoli maċ-Ċina u tapprofondixxi r-relazzjoni tagħha mal-Ġappun u r-Russja;

- B'bidu fl-2011 u mbagħad kull sena qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, ser tippreżenta rapport dwar l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment li jidentifika modi kif jista' jittejjeb l-aċċess għas-suq u l-ambjent regolatorju għall-kumpaniji tal-UE.

L-UE hija attur globali u tieħu r-responsabbiltajiet internazzjonali tagħha b'serjetà. Hija qiegħda tiżviluppa partenarjat reali mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex teqred il-faqar, biex tippromwovi t-tkabbir u tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs). Aħna għandna relazzjoni mill-qrib ħafna mal-Afrika u fil-ġejjieni ser ikun meħtieġ li ninvestu aktar biex niżviluppaw dan is-sħubija mill-qrib. Dan ser iseħħ fil-kuntest tal-isforzi aktar wiesa' li jinsabu għaddejjin biex tiżdied l-għajnuna għall-iżvilupp, tittejjeb l-effiċjenza tal-programmi ta' għajnuna tagħna prinċipalment permezz tal-qsim tax-xogħol mal-Istati Membri u billi nirreflettu aħjar l-għanijiet ta' żvilupp f'politiki oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

4. Ħruġ mill-kriżi: l-ewwel passi lejn l-2020

L-istrumenti ta' politika ntużaw b'mod deċiż u massiv biex niġġieldu l-kriżi. Fejn possibbli l-politika fiskali kellha rwol espansiv u kontraċikliku; ir-rati tal-imgħax tnaqqsu għal minimi storiċi filwaqt li s-settur finanzjarju ngħata likwidità b'mod mingħajr ebda preċedent. Il-gvernijiet taw appoġġ enormi lill-banek, kemm permezz ta' garanziji, rikapitalizzazzjoni u permezz tat-"tindif" tal-karti tal-bilanċ tagħhom minn assi danneġġati; setturi oħrajn tal-ekonomija ġew megħjuna taħt qafas temporanju u eċċezzjonali ta' għajnuna mill-Istat. Dawn l-azzjonijiet kollha kienu, u għadhom, iġġustifikati. Iżda ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ b'mod permanenti. Livelli għoljin ta' dejn pubbliku ma jistgħux jiġu sostnuti indefinittavament. L-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun imsejjes fuq strateġija ta' ħruġ kredibbli fir-rigward tal-politika baġitarja u monetarja fuq in-naħa l-waħda, u fuq l-appoġġ dirett li ngħata mill-gvernijiet lil setturi ekonomiċi, partikolarment fis-settur finanzjarju, fuq in-naħa l-oħra. Is-sekwenza ta' kif noħorġu minn dawn id-diversi skemi huwa importanti. Il-koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, partikolarment fiż-żona tal-euro għandha tiżgura ħruġ globali b'suċċess.

4.1. Id-definizzjoni ta' strateġija ta' ħruġ kredibbli

Minħabba l-inċertezzi li għad fadal dwar il-prospetti u dgħufijiet ekonomiċi fis-settur finanzjarju, il-miżuri ta' appoġġ għandhom jitneħħew ladarba l-irkupru ekonomiku jkun jista' jitqies li jkun sostenibbli u ladarba titreġġa' lura l-istabbiltà finanzjarja[4]. It-tneħħija ta' miżuri temporanji għal kontra l-kriżi għandha tiġi kkoordinata u tikkunsidra tal-konsegwenzi negattivi possibbli fl-Istati Membri u kif ukoll l-interazzjonijiet bejn strumenti ta' politika differenti. Id-dixxiplina tal-għajnuna mill-Istat għandha titreġġa' lura, u dan jibda billi jintemm il-qafas temporanju ta' għajnuna mill-Istat. Jeħtieġ li dan l-approċċ ikkoordinat jistrieħ fuq il-prinċipji li ġejjin:

- It-tneħħija tal-istimulu fiskali għandu jibda hekk kif l-irkupru jkun stabbilit sew. Madanakollu, iż-żmien eżatt ta' dan jista' tkun differenti bejn pajjiż u ieħor, għalhekk hemm il-ħtieġa għal livell ogħla ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew;

- L-appoġġ fuq żmien qasir għall-qgħad għandu jibda jitneħħa gradwalment ladarba t-tkabbir tal-PGD ikun stabbilit sew u b'hekk l-impjegar, bl-intervall normali tiegħu, jerġa' jibda jiżdied;

- L-iskemi ta' appoġġ settorjali għandhom jitneħħew gradwalment minn kmieni billi dawn jitfgħu piż fuq il-baġit, u b'mod ġenerali qiegħed jitqies li laħqu l-għanijiet li ġew stabbiliti għalihom, u minħabba l-effett ta' distorsjoni li possibbilment iħallu fuq is-suq uniku;

- L-appoġġ ta' aċċess għall-finanzi għandu jissokta sakemm jidhru sinjali ċari li l-kundizzjonijiet ta' finanzjament għan-negozji jkunu reġgħu lura għan-normal;

- It-tneħħija tal-appoġġ għas-settur finanzjarju, l-ewwel nett tal-iskemi ta' garanzija tal-gvern, ser tiddependi fuq l-istat globali tal-ekonomija u partikolarment fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

4.2. Ir-riforma tas-sistema finanzjarja

Prijoirtà kruċjali fuq żmien qasir huwa li jerġa' jiġi stabbiliti settur finanzjarju solidu, stabbli u b'saħħtu li jkun jista' jiffinanzja l-ekonomija reali. Dan ser jirrekjedi l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-impenji tal-G20. B'mod partikolari ser ikollhom jintlaħqu ħames għanijiet:

- L-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma tas-sorveljanza tas-settur finanzjarju;

- Is-sejba ta' soluzzjoni għal-lakuni regolatorji, il-promozzjoni tat-trasparenza, l-istabbiltà u r-responsabbiltà fir-rigward tad-derivati u l-infrastruttura tas-suq;

- L-ikkompletar tat-tisħiħ tar-regoli prudenzjali, tal-kontabbiltà u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-forma ġabra unika ta' regoli Ewropej li tkopri s-setturi finanzjarji u swieq kollha b'mod adegwat;

- It-tisħiħ tal-governanza ta' istituzzjonijiet finanzjarji, sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet indentifikati matul il-kriżi finanzjarja fil-qasam tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju;

- L-għoti ta' impetu għal politika ambizzjuża li fil-ġejjieni tippermettilna nimpedixxu, u jekk ikun meħtieġ nikkontrollaw, kriżijiet finanzjarji li jistgħu jseħħu, u li - b'kunsiderazzjoni tar-responsabbiltà speċifika tas-settur finanzjarju fil-kriżi ta' bħalissa - ser tesplora l-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet xierqa mis-settur finanzjarju.

4.3. Inwettqu konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti għal tkabbir fit-tul

Biex inreġġgħu lura l-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u impjiegi neħtieġu finanzi pubbliċi fis-sod, u għalhekk neħtieġu strateġija komprensiva ta' ħruġ. Din ser tinvolvi t-tneħħija progressiva ta' appoġġ għall-kriżi li ngħata fuq perjodu qasir ta' żmien u l-introduzzjoni ta' riformi fuq perjodu medju u twil li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir.

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-aħjar qafas għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' ħruġ fiskali u l-Istati Membri qegħdin jistabbilixxu dawn l-istrateġiji fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom. Għall-bosta pajjiżi, normalment il-bidu tal-konsolidazzjoni fiskali għandha sseħħ fl-2011. Bħala regola, il-proċess biex id-defiċit tal-pajjiżi jaqa' għal taħt it-3% tal-PGD għandu jitlesta sal-2013. Madanakollu, f'għadd ta' pajjiżi, jista' jkun li l-fażi ta' konsolidazzjoni jkollha tibda qabel l-2011 u dan jimplika li t-tneħħija tal-appoġġ temporanju għall-kriżi u l-konsolidazzjoni fiskali jistgħu, f'dawn il-każijiet, iseħħu fl-istess ħin.

Sabiex jingħata appoġġ għall-potenzjal tal-UE ta’ tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà tal-mudelli soċjali tagħna, il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tinvolvi l-iffissar ta' prijoritajiet u għażliet ibsin: il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE tista' tkun ta' għajnuna biex l-Istati Membri jwettqu dan il-kompitu u tgħin biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi. Barra minn dan, l-għamla u l-kwalità tan-nefqa tal-Gvern huma relevanti: il-programmi ta’ konsolidazzjoni baġitarja għandhom jagħtu prijorità lil ‘fatturi li jwasslu għat-tkabbir’ bħall-edukazzjoni u l-kapaċitajiet, ir-riċerka u l-iżvilupp l-innovazzjoni u l-investiment f’netwerks, bħal pereżempju, internet ta' veloċità għolja, interkonessjonijiet fil-qasam tal-enerġija u tat-trasport – jiġifieri, l-oqsma tematiċi ewlenin fl-istrateġija Ewropa 2020.

In-naħa tad-dħul tal-baġit hija importanti wkoll u għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kwalità tas-sistema ta' dħul/taxxa. Fejn hemm il-possibbiltà li jkollhom jogħlew it-taxxi, dan għandu, fejn hu possibbli, jsir flimkien ma' miżuri li jwasslu biex is-sistemi tat-taxxa jkunu "jgħinu t-tkabbir". Pereżempju, iż-żieda tar-rati tat-taxxi fuq ix-xogħol, kif ġara fl-imgħoddi u li wasslet għal telf ta' impjiegi, għandha tiġi evitata. Min-naħa l-oħra l-Istati Membri għandhom ineħħu l-piż fiskali minn fuq ix-xogħol u jitfgħuh fuq l-enerġija u l-ambjent bħala parti minn approċċ ta' sistemi fiskali aktar "ekoloġiċi".

Jeħtieġ li l-konsolidazzjoni fiskali u s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul jimxu id f'id ma' riformi strutturali importanti, partikoarment fis-sistema tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa, tal-protezzjoni soċjali u tas-sistema edukattiva. L-amministrazzjoni pubblika għandha tuża din is-sitwazzjoni bħala opportunità biex ittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizz. Il-politika ta' akkwist pubbliku għandha tiżgura l-aktar użu effiċjenti ta' fondi pubbliċi u s-swieq ta' akkwist għandhom jinżammu miftuħa madwar l-UE kollha.

4.4. Koordinazzjoni mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Il-munita komuni aġixxiet ta' tarka tassew siewja kontra t-turbulenzi tar-rata tal-kambju għal dawk l-Istati Membri li jużaw l-euro. Iżda l-kriżi ħarġet di-dieher ukoll l-interdipendenza li teżisti bejn l-ekonomiji fi ħdan iż-żona tal-euro, jiġifieri fid-dominju finanzjarju, u din żiedet il-possibbiltà ta' konsegwenzi negattivi minn ekonomija għal oħra. Xejriet ta' tkabbir diverġenti jwasslu f'xi każijiet għall-kumulu ta' djun tal-gvern li ma jkunux sostenibbli li min-naħa tagħhom jitfgħu pressjoni fuq il-munita unika. Għalhekk il-kriżi amplifikat ċerti sfidi li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom iż-żona tal-euro, eż. is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-potenzjal tat-tkabbir, iżda wkoll ir-rwol ta' destabilizzanti tal-iżbilanċi u tad-diverġenzi fil-kompetittività.

Huma ferm importanti u urġenti li jirnexxielna negħlbu dawn l-isfidi fiż-żona tal-euro sabiex niżguraw l-istabbiltà, tkabbir sostnut u l-impjiegi. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jitlob li l-koordinazzjoni tal-politika tkun aktar b'saħħitha u mill-qrib u tinkludi:

- Qafas għal sorveljanza aktar profonda u wiesgħa għall-pajjiżi li jinsabu fiż-żona tal-euro: apparti t-tisħiħ tad-dixxiplina fiskali, l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-iżviluppi fil-kompetittività għandhom ikunu parti integrali mis-sorveljanza ekonomika, partikolarment bil-għan li niffaċilitaw aġġustament permezz tal-politika.

- Qafas għall-indirizzar għal riskji imminenti għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

- Rappreżentanza esterna xierqa taż-żona tal-euro sabiex l-isfidi ekonomiċi u finanzjarji globali jiġu indirizzati b'mod effettiv.

Il-Kummissjoni ser tagħmel proposti biex tmexxi dawn l-ideat 'il quddiem.

5. IL-KSIB TA' RIżULTATI: GOVERNANZA AKTAR B'SAħħITHA

Biex tikseb bidla trasformattiva, ser ikun meħtieġ l-istrateġija Ewropa 2020 tkun immirata aħjar, tkun aktar ċara u jkollha kriterji trasparenti biex jiġi vvalutat il-progress. Dan ser jirrekjedi qafas ta' governanza aktar b'saħħitha li juża bis-sħiħ l-istrumenti li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex tiġi żgurata implimentazzjoni f'waqtha u effettiva.

5.1. L-arkitettura proposta għall-istrateġija Ewropa 2020

L-istrateġija għandha tkun organizzata madwar approċċ tematiku u sorveljanza aktar iffukata tal-pajjiżi. Dan jibni fuq is-saħħa ta' strumenti ta' koordinazzjoni li diġà jinsabu fis-seħħ. B’mod aktar speċifiku:

- Approċċ tematiku ser jiffoka fuq it-temi identifikati fit-Taqsima 2, partikolarment tat-twettiq tal-ħames miri ewlenin. L-istrument prinċipali jkun il-programm Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tiegħu, li jirredkjedu azzjoni kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri (ara t-Taqsima 2 u l-Annessi 1 u 2). L-approċċ tematiku jirrefletti d-dimensjoni tal-UE, juri biċ-ċar l-interdipendenza bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri, u jippermetti aktar selettività dwar inizjattivi konkreti li jimbuttaw l-istrateġija 'l quddiem u jgħinu biex l-UE tikseb il-miri nazzjonali ewlenin.

- Rappurtar tal-pajjiżi jikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jgħin lill-Istati Membri jiddefinixxu u jimplimentaw strateġiji ta' ħruġ, ireġġa' lura l-istabbiltà makroekonomika, jidentifika diffikultajiet nazzjonali filwaqt li l-ekonomiji tagħhom jerġgħu lura fit-triq tat-tkabbir sostenibbli u finanzi pubbliċi. Dan ma jkunx jinkludi biss politiki fiskali, iżda kwistjonijiet makroekonomiċi ċentrali relatati mat-tkabbir u l-kompetittività (jiġifieri makrożbilanċi). Dan ikollu jżgura approċċ integrat għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, li huwa kruċjali biex jingħata sostenn għall-għażliet li l-Istati Membri ser ikollhom jagħmlu, minħabba restrizzjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi. Ser tingħata enfasi speċjali dwar il-funzjonament taż-żona tal-euro, u l-interdipendenza bejn l-Istati Membri.

Biex jinkiseb dan, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-Ewropa 2020 u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) issir simultanjament biex b'hekk jitlaqqgħu flimkien il-mezzi u l-miri, filwaqt li l-istrumenti u l-proċeduri jinżammu separati u tinżamm l-integrità tal-PST. Dan ifisser li l-programmi annwali ta' stabbiltà jew konverġenza u programmi ta' riforma ssimplifikati li kull Stat Membru ser ifassal biex jistabbilixxi miżuri għar-rappurtar dwar il-progress fil-ksib tal-miri tagħhom jiġu proposti fl-istess ħin, u ma dawn jiġu inklużi wkoll ir-riformi strutturali ewlenin għall-indirizzar tad-diffikulatajiet li hemm biex isir tkabbir. Dawn iż-żewġ programmi, li għandhom jiġbru fihom il-kontroreferenzi neċessarji, għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra matul l-aħħar tliet xhur tas-sena. Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) għandu jirrapporta regolarment dwar ir-riskji makrofinanzjarji: dawn ir-rapporti ser ikunu kontribut importanti għall-valutazzjoni globali. Il-Kummissjoni ser tivvaluta dawn il-programmi u tirrapporta dwar il-progress li jsir bl-implimentazzjoni tagħhom. Ser tingħata attenzjoni speċifika għall-isfidi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Dan jipprovdi lill-Kunsill Ewropew bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jieħu d-deċiżjonijiet. Fil-fatt, ikollu analiżi tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi, l-istampa baġitarja sħiħa, il-kundizzjonijiet makrofinanzjarji u l-progress dwar l-aġendi tematiċi għal kull Stat Membru, u barra minn hekk ikun jista' janalizza l-qagħda globali tal-ekonomija tal-UE.

Linji gwida integrati

L-istrateġija Ewropa 2020 ser tiġi stabbilita istituzzjonalment f'ġabra żgħira ta' linji gwida integrati 'Ewropa 2020' (linji gwida integrati dwar il-qgħda tal-impjiegi u l-politika ekonomika ġenerali), li tissostitwixxi l-24 linja gwida eżistenti. Dawn il-linji gwida ġodda ser jirreflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew u jintegraw miri miftiehma. Wara l-opinjoni tal-Parlament Ewropew b'rabta mal-linji gwida dwar l-impjiegi kif prevista mit-Trattat, il-linji gwida għandhom jiġu approvati politikament mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju qabel ma jiġu adottati mill-Kunsill. Ladarba jiġu adottati, ġeneralment dawn għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 biġi tiġi żgurata enfasi fuq l-implimentazzjoni.

Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

Ir-rakkomandazzjonijiet ta' politika ser jiġu indirizzati lill-Istati Membri kemm fil-kuntest tar-rappurtar tal-pajjiżi kif ukoll taħt approċċ tematiku tal-istrateġija Ewropa 2020. Fir-rigward tas-sorveljanza tal-pajjiżi, dawn ser jieħdu s-sura ta' Opinjonijiet dwar programmi ta' stabbiltà/konverġenza taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 akkumpanjati minn rakkomdazzjonijiet taħt il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomija (BEPGs, Artikolu 121.2). Il-parti tematika tkun tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-Inpjiegi (Artikolu 148) u rakkomdazzjonijiet tal-pajjiżi dwar kwistjonijiet tematiċi magħżul oħrajn (pereżempju dwar l-ambjent tan-negozju, l-innovazzjoni, il-funzjonament tas-suq uniku, enerġija/tibdil fil-klima eċċ), li t-tnejn li huma jistgħu jiġu indirizzati wkoll safejn ikollhom implikazzjonijiet makroekonomiċi fir-rakkomandazzjonijiet taħt il-BEPGs kif indikat hawn fuq. Din l-istruttura għar-rakkomdazzjonijiet tgħin ukoll l-iżgurar tal-koerenza bejn il-qafas makro/fiskali u l-aġendi tematiċi.

Ir-rakkomandazzjonijiet taħt is-sorveljanza tal-pajjiżi tkun tindirizza kwistjonijiet mingħajr implikazzjonijiet makroekonomiċi u fuq il-finanzi pubbliċi, filwaqt li r-rakkomadazzjonijiet taħt l-approċċ tematiku jipprovdu pariri ddettaljati dwar l-isfidi mikroekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi. Dawn ir-rakkomadazzjoni jkunu preċiżi biżżejjed u normalment jipprovdu perjodu ta' żmien li matulu l-Istat Membru kkonċernat ikun mistenni jaġixxi (eż. sentejn). Imbagħad l-Istat Membri jistabbilixxi liema azzjoni jkollu jieħu biex jimplimenta r-rakkomandazzjoni. Jekk Stat Membru, wara li tagħlaq l-iskadenza, ma jkunx wieġeb b'mod xieraq għal rakkomdazzjoni ta' politika tal-Kunsill jew jiżviluppa politiki li jmorru kontra l-pariri li jingħata, il-Kummissjoni tkun tista' toħroġ twissija ta' politika (Artikolu 121.4).

5.2. Min jagħmel xiex?

Huwa essenzjali li naħdmu id f'id biex nilħqu dawn l-għanijiet. Fl-ekonomiji interkonnessi tagħna, it-tkabbir u l-impjiegi jitreġġgħu lura biss jekk l-Istati Membri kollha jimxu fl-istess direzzjoni, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Neħtieġu aktar responsabbiltà. Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi gwida globali għall-istrateġija, imsejsa fuq il-proposti tal-Kummissjoni fuq prinċipju fundamentali wieħed: valur miżjud ċar tal-UE. F'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Parlament Ewropew għandu importanza partikolari. Il-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u reġjonali u tas-sħab soċjali jeħtieġ li jissaħħaħ. L-Anness 3 jinkludi fih stampa ġenerali taċ-ċiklu u l-iskedar tal-istrateġija Ewropa 2020.

Responsabbiltà sħiħa mill-Kunsill Ewropew

Bil-kontra tas-sitwazzjoni attwali fejn il-Kunsill Ewropew huwa l-aħħar element fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istrateġija, il-Kunsill Ewropew għandu jidderieġi l-istrateġija billi huwa l-korp li jiżgura l-integrazzjoni tal-politiki u jamministra l-interdipendenza bejn l-Istati Membri u l-UE.

Filwaqt li huwa responsabbli mis-sorveljanza orizzontali mill-implimenetazzjoni tal-programm Ewropa 2020, fil-laqgħat tiegħu fil-ġejjieni l-Kunsill Ewropew jista' jiffoka fuq temi speċifiċi (eż. ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kapaċitajiet), jipprovdi gwida u jagħti l-ispinti neċessarji.

Il-Kunsill tal-Ministri

Il-formazzjonijiet rilevanti tal-kunsill iwettqu ħidma biex jimplimentaw il-programm Ewropa 2020 u biex jiksbu l-miri fl-oqsma li jkunu responsabbli minnhom. Bħala parti minn inizjattivi ewlenin, l-Istati Membri ser jiġu mistiedna jistabbilixxu l-iskambju tagħhom ta' informazzjoni ta' politika dwar prassi tajba fid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni Ewropea

Kull sena l-Kummissjoni Ewropea ser issegwi s-sitwazzjoni abbażi ta' ġabra ta' indikaturi li juru l-progress ġenerali li jsir f-għan ta' ekonomija intelliġenti, ekoloġika u inklussiva li twassal għal livelli għolja ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali.

Hija ser toħroġ rapport kull sena dwar il-ħidma fuq l-istrateġija Ewropa 2020 li tiffoka fuq il-progress li jsir biex jintlaħqu l-miri ewlenin, u tivvaluta r-rapporti tal-pajjiżi u l-programmi dwar l-istabbiltà u l-konverġenza. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni ser tippreżenta rakkomandazzjonijiet u twissijiet ta' politika, ser tagħmel proposti ta' politika biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija u ser tippreżenta valutazzjoni speċifika tal-progress li jinkiseb fiż-żona tal-euro.

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol importanti f'din l-istrateġija, mhux biss fil-kapaċità tiegħu ta' koleġiżlatur, iżda wkoll bħala l-mutur wara l-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u tal-parlamenti nazzjonali tagħhom. Il-Parlament jista, pereżempju, juża l-laqgħa li jmiss mal-parlamenti nazzjonali biex jiddiskuti l-kontribut tiegħu għall-istrateġija Ewropa 2020 u jikkomunikaw b'mod konġunt il-fehmiet tagħhom lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

Awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali

L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jimplimentaw il-partenarjat, bl-assoċjazzjoni mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tal-imsieħba soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u b'hekk jikkontribwixxu għall-elaborazzjoni ta' programmi nazzjonali ta' riforma u kif ukoll għall-implimentazzjoni tagħhom.

Jekk jistabbilixxi djalogu permanenti bejn id-diversi livelli tal-gvern, il-prijoritajiet tal-Unjoni jitqarrbu aktar lejn iċ-ċittadini, u b'hekk tissaħħaħ ir-responsabbiltà meħtieġa biex jinkisbu r-riżultati tal-istrateġija Ewropa 2020.

Partijiet interessati u soċjetà ċivili

Barra minn hekk, il-Kumitat Ekonomikuu Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib. L-iskambju tal-aħjar prassi, l-istabbiliment ta' kriterji u n-netwerking - kif ġie ssuġġerit minn diversi Stati Membri - wrew li huma strumenti utli oħrajn li javvanzaw ir-responsabbiltà u d-dinamiżmu fil-ħtieġa ta' riforma.

Għadaqstant is-suċċess tal-istrateġija l-ġdida ser ikunu jiddependi kruċjalment fuq il fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati membri u r-reġjuni jispjegaw b'mod ċar ir-raġuni għaliex ir-riformi huma tant meħtieġa, u inevitabbli, biex inħarsu l-kwalità tal-għajxien u l-mudelli soċjali tagħna – dwar fejn jixtiequ jaslu l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha sal-2020, u dwar x'inhu l-kontribut li qegħdin jistennew miċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżenawhom. Filwaqt li tirrokonoxxi l-ħtieġa li tqis iċ-ċirkostanzi u t-tradizzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni ser tipproponi għadd ta' strumenti ta' komunikazzjoni komuni għal dan il-għan.

6. Deċiżjonijiet F'IDEJN IL-KUNSILL EWROPEW

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tar-Rebbiegħa 2010:

- jilħaq ftehim dwar il-prijoritajiet tematiċi għall-istrateġija Ewropa 2020;

- jistabbilixxi ħames miri ewlenin kif ġie propost fit-taqsima 2 ta' dan id-dokument: dwar l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija/it-tibdil fil-klima, ir-rata ta' impjegar, ut-tnaqqis tal-faqar, jiddefinixxi d-destinazzjoni tal-Ewropa sal-2020; jistieden lill-Istati Membri fi djalogu mal-Kummissjoni Ewropea biex jittraduċu dawn il-miri tal-UE f'miri nazzjonali biex jittieħdu deċiżjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u għall-punti ta' tluq differenti tagħhom;

- jistieden lill-Kummissjoni jressaq proposti għall-inizjattivi ewlenin, u jitlob lill-Kunsill (u lill-formazzjonijiet tiegħu) biex abbażi ta' dan jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom;

- jaqbel mat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-promozzjoni ta' effetti pożittivi bejn is-swieq differenti u jgħin biex l-Unjoni tkun tista' tindirizza l-isfidi b'mod aktar effettiv; għal dan il-għan, huwa japprova t-taħlita ta' valutazzjonijiet tematiċi u tal-pajjiżi hekk kif proposti f'din il-komunikazzjoni filwaqt li l-integrità tal-Patt tinżamm b'mod strett; huwa ser jagħti wkoll attenzjoni speċjali għat-tisħiħ tal-UEM;

- isejjaħ lill-partijiet u l-partijiet interessati kollha (eż. parlamenti nazzjonali/reġjonali, awtoritajiet reġjonali u/jew lokali, imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, iżda l-aħħar iżda mhux l-anqas liċ-ċittadini tal-Ewropa) biex jgħinuh implimenta l-istrateġija, f'ħidma flimkien, permezz ta' azzjoni f'oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom;

- jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-progress u tirrapporta kull sena lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, tipprovdi stampa ġenerali tal-progress lejn l-ilħuq tal-miri, inkluż l-istabbiliment ta' kriterji internazzjonali, u dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin.

Fil-laqgħat sussegwenti tiegħu:

- japprova l-linji gwida integrati proposti li jikkostitwixxu l-pedament istituzzjonali ta l-istrateġija wara l-opinjoni tal-Parlament Ewropew;

- jivvalida l-miri nazzjonali fis-segwitu ta' proċess ta' verifika reċiproka biex tiġi żgurata l-konsistenza;

- jiddiskuti temi speċifiċi li tivvaluta l-qagħda tal-Ewropa u kif il-progress ikun jista' jiġi aċċelerat. L-ewwel diskussjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tista' ssir fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru abbażi tal-kontribut tal-Kummissjoni.

ANNESS 1 - EWROPA 2020: ĦARSA GLOBALI |

MIRI EWLENIN |

Ir-rata ta' impjieg tal-popolazzjoni li taqa' bejn 20-64 sena għandha tiżdied mir-rata attwali ta' 69% għal minn tal-inqas 75%; Għandha tinkiseb il-mira ta' investiment ta' 3% tal-PGD fir-Riċerka u l-Iżvilupp b'mod partikolari billi jitjiebu l-kundizzjonijiet għar-Riċerka u l-Iżvilupp fis-settur privat, u għandu jiġi żviluppat indikatur ġdid biex titkejjel l-innovazzjoni. Għandhom jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju b'minn tal-inqas 20% meta mqabbla mal-livelli preżenti fl-1990 jew b'30% jekk il-kundizzjonijiet huma favorevoli, u għandu jiżdied is-sehem tal-enerġija li tista' tiġġedded fil-konsum finali tagħna, għal 20%, u tinkiseb żieda fl-effiċjenza tal-enerġija ta' 20%. Għandu jonqos is-sehem ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt għal 10% mir-rata attwali ta' 15% u għandu jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni li taqa' bejn 30-34 li jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom l-università, minn 31% sa minn tal-inqas 40%. Għandu jonqos in-numru ta' Ewropew li jgħixu fil-limiti tal-faqar b'25%, biex b'hekk 20 miljun persuna ma tkunx qed tgħix fil-faqar iżjed. |

TKATTIR INTELLIġENTI | TKABBIR SOSTENIBBLI | TKABBIR INKLUSSIV |

L-INNOVAZZJONI L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Unjoni ta' Innovazzjoni" biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-qafas u l-aċċess għall-finanzi għar-riċerka u l-innovazzjoni u biex tissaħħaħ il-katina tal-innovazzjoni u l-livelli ta' investiment fl-Unjoni Ewropea. | IL-KLIMA, L-ENERĠIJA U L-MOBBILTÀ L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Ewropa b'użu effiċjenti ta' riżorsi" li se tgħin biex it-tkattir ekonomiku jinfatam mill-użu ta' riżorsi, filwaqt li żżid l-użu tal-enerġija li tiġġedded, timmodernizza s-settur tat-trasport tagħna u tippromwovi aktar is-sigurtà fl-enerġija | IMPJIEGI U ĦILIET L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tax-xogħol u l-iżvilupp ta' ħiliet matul il-ħajja tan-nies bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fix-xogħol u jinħolqu impjiegi li tassew ikun hemm il-bżonn fis-suq. |

L-EDUKAZZJONI L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Żgħażagħ mobbli" biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u biex l-edukazzjoni ogħla tal-Ewropa ssir aktar attraenti fix-xena internazzjonali. |

KOMPETITTIVITÀ L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni" biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, prinċipalment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u għas-sostenn tal-iżvilupp ta' bażi industrijali b'saħħitha u sostenibbli li tkun kapaċi tikkompeti fix-xena globali. | IL-ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar" biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b'hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jinħassu b'mod mifrux filwaqt li l-persuni li għaddejjin minn faqar u esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b'dinjità u jagħtu sehem attiv fis-soċjetà. |

SOĊJETÀ DIĠITALI L-inizjattiva ewlenija tal-UE "Aġenda diġitali għall-Ewropa" biex titħaffef l-installazzjoni ta' internet ta' veloċità għolja u biex l-entitajiet domestiċi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji marbutin ma' suq diġitali uniku. |

ANNESS 2 - EWROPA 2020 ARKITETTURA

Struttura istituzzjonali ġenerali | Linji gwida integrati li jistabilixxu l-ambitu tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE, inklużi l-miri ewlenin li l-UE għandha tilħaq sal-2020 u li għandhom jiġu mfissrin f'miri nazzjonali. |

Kunsinna | Rappurtar min-naħa tal-pajjiżi: | Approċċ tematiku: |

Għan: Għajnuna għall-Istati Membri biex jiddefinixxu u jimplimentaw starteġiji ta' ħruġ għall-istawr tal-istabbiltà makroekonomika, jiddentifikaw konġestjoni nazzjonali u jġibu l-ekonomiji tagħhom lura lejn tkattir sostenibbli u finanzi pubbliċi. | Għan: It-twettiq ta' miri ewlenin miftiehma fuq livell tal-UE li jikkombinaw azzjonijiet konkreti fl-livell nazzjonali u tal-UE. |

Approċċ: Evalwazzjoni msaħħa tal-isfidi prinċipali makro-ekonomiċi li qegħdin jaffaċċjaw l-Istati Membri b'kunsiderazzjoni għal tendenzi simili bejn Stat Membru u ieħor u bejn oqsma tal-politika. | Approċċ: Rwol strateġiku tal-formazzjonijiet settorali tal-Kunsill għall-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-progress lejn il-miri miftiehma. |

Strumenti: Rappurtar min-naħa tal-Istat Membru permezz tal-programmi dwar stabbilità u konverġenza tagħhom, segwit minn rakkomandazzjonijiet separati iżda sinkronizzati dwar il-politika fiskali fl-Opinjonijiet tal-Programm dwar l-Istabbiltà u l-Konverġenza u dwar żbilanċji makroekonomiċi u konġestjoni marbuta mat-tkattir skont il-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika. (art.121.2). | Strumenti: Rappurtar min-naħa tal-Istati Membri permezz ta' programmi nazzjonali ssimplifikati li jinkludi informazzjoni dwar konġestjoni marbuta mat-tkattir u l-progress lejn il-miri, segwit minn konsulenza dwar il-politika fil-livell tal-UE li għandha tingħata fil-forma ta' rakkomandazzjonijiet skont il-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika (art. 121.2) u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. (art. 148). |

ANNESS 3 – L-ISKEDA PROPOSTA FL-2010 SAL-2012

2010 |

Il-Kummissjoni Ewropea Proposti dwar l-approċċ ġenerali EWROPA 2020 |

Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa Ftehim dwar l-approċċ ġenerali u l-għażla ta' miri ewlenin tal-UE |

Il-Kummissjoni Ewropea Proposti dwar il-linji gwida integrati EWROPA 2020 |

Il-Parlament Ewropew Dibattitu dwar l-istrateġija u l-opinjoni dwar il-linji gwida integrati |

Kunsill tal-Ministri Għandhom jiġu rfinuti l-parametri ewlenin (il-miri tal-UE/nazzjonali, l-inizjattivi ewlenin u l-linji gwida integrati) |

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju L-approvazzjoni tal-istrateġija EWROPA 2020, il-validazzjoni ta' miri nazzjonali u tal-UE, u l-approvazzjoni tal-linji gwida integrati. |

Il-Kummissjoni Ewropea Gwida dwar tħaddim għal passi li jmiss f' EWROPA 2020 |

Kunsill Ewropew tal-Ħarifa Diskussjoni fil-fond dwar kwestjoni tematika magħżula (pe. ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjon) |

Stati Membri Programmi dwar Stabbiltà u Konverġenza u Programmi Nazzjonali dwar Riforma |

2011 |

Il-Kummissjoni Ewropea Rapport Annwali dwar is-Samit Ewropew tar-Rebbiegħa, Opinijonijiet dwar l-Istabbiltà u l-Konverġenza u proposti għal Rakkomandazzjonijiet |

Il-Kunsill tal-Ministri Reviżjoni tal-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet, ECOFIN għal SGP |

Il-Parlament Ewropew Dibattitu plenarju u l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni |

Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa Evalwazzjoni dwar il-progress u orjentazzjonijiet strateġiċi |

Stati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet, l-implimentazzjoni tar-riformi u tar-rappurtar |

2012 |

L-istess proċedura b'enfasi partikolari fuq il-monitoraġġ tal-progress. |

[1] Dawn it-temi ntlaqgħu tajjeb ħafna minn bosta bnadi fil-konsultazzjoni pubblika li twettqet mill-Kummissjoni. Għad-dettalji tal-fehmiet li ngħataw matul il-konsultazzjoni ara: http://ec.europa.eu/eu2020/index_en.htm

[2] Il-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009 kkonkluda li bħala parti minn ftehim globali u komprensiv għall-perjodu wara l-2012, l-UE ttenni l-offerta kundizzjonali tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet bi 30% sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, sakemm pajjiżi żviluppati oħrajn jikkommettu rwieħhom għal tnaqqis komparabbli tal-emissjonijiet u li l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp jikkontribwixu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

[3] Il-livell nazzjonali tal-faqar huwa ddefinit bħala 60% tal-introjtu disponibbli medju f'kull Stat Membru.

[4] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10/11 ta' Diċembru 2009.

Tkabbir qabel il-kriżi

Livell ta' produzzjoni

snin