52010DC0636

/* KUMM/2010/0636 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 15.11.2010

KUMM(2010) 636 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020:Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli

{SEG(2010) 1323}{SEG(2010) 1324}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Għanijiet u Azzjonijiet 4

2.1. Oqsma fejn trid tittieħed azzjoni 6

2.2. Implimentazzjoni tal-Istrateġija 10

3. Konklużjoni 12

1. INTRODUZZJONI

Kull waħda minn sitt persuni fl-Unjoni Ewropea (UE) għandha diżabilità[1] li tvarja minn ħafif għal sever, li jammonta għal madwar 80 miljun li ħafna drabi huma mċaħħda milli jieħdu sehem sħiħ fis-soċjetà u l-ekonomija minħabba ostakoli ambjentali u ta' attitudni. Għal persuni b'diżabilitajiet ir-rata tagħhom ta' faqar hija 70 % ogħla mill-medja[2] parzjalment minħabba aċċess limitat għall-impieg

Aktar minn terz ta' nies ta' età 'l fuq minn 75 sena għandhom diżabilitajiet li jirrestrinġuhom sa ċertu punt, u aktar minn 20 % huma ristretti ħafna[3]. Barra minn hekk, dawn in-numri jidhru li se jogħlew hekk kif tixjieħ il-popolazzjoni tal-UE.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom mandat b'saħħtu biex itejbu s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-persuni b'diżabilità.

- L-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (il-Karta) jipprovdi li "Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun rispettata u protetta." L-Artikolu 26 jiddikjara li "l-UE tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni b'diżabiltajiet li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità". Barra minn hekk, l-Artikolu 21 jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità.

- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) jobbliga lill-Unjoni li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq d-diżabilità meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki u l-attivitajiet tagħha (Artikolu 10) u jagħti s-setgħa li tiġi adottata leġiżlazzjoni li tindirizza tali diskriminazzjoni (Artikolu 19).

- Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (il-Konvenzjoni tan-NU), l-ewwel strument internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem li huwa legalment vinkolanti, li għandhom sehem fih l-UE u l-Istati Membri tagħha, dalwaqt se jkun japplika madwar l-UE kollha[4]. Il-Konvenzjoni tan-NU titlob li l-Istati Msieħba jipproteġu u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuni b'diżabilità.

Skont il-Konvenzjoni tan-NU, il-persuni b’diżabilità jinkludu dawk li, fuq perjodu twil, għandhom limitazzjonijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi li, flimkien ma’ diversi ostakoli, jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex jindirizzaw dak kollu li jfixkel l-Ewropa milli tkun mingħajr ostakoli, billi jimplimentaw ir-riżoluzzjonijiet riċenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5]. Din l-Istrateġija tipprovdi qafas għal azzjoni fil-livell Ewropew, kif ukoll azzjoni nazzjonali biex tindirizza s-sitwazzjoni diversa ta' irġiel, nisa u tfal b'diżabilitajiet.

Il-parteċipazzjoni sħiħa ekonomika u soċjali tal-persuni b'diżabilità hija essenzjali jekk għandha tirnexxi l-istrateġija tal-UE, Ewropa 2020[6] fil-ħolqien ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Il-bini ta' soċjetà li tinkludi lil kulħadd iġib miegħu wkoll opportunitajiet tas-suq u jrawwem l-innovazzjoni. Hemm każ kummerċjali qawwi biex is-servizzi u l-prodotti jsiru aċċessibbli għal kulħadd, meta wieħed iqis id-domanda minn għadd dejjem jikber ta' konsumaturi li qed jixjieħu. Pereżempju, is-suq tal-UE għall-apparat ta' assistenza (ta' valur annwali stmat li huwa aktar minn EUR 30 biljun[7]) għadu fframmentat, u l-apparati huma għaljin. Il-politika u l-oqfsa regolatorji ma jirriflettux b'mod adegwat il-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità, lanqas ma jirriflettuhom l-iżvilupp tal-prodotti u s-servizzi. Diversi oġġetti u servizzi, kif ukoll ħafna mill-ambjent mibni, għadhom mhumiex aċċessibbli biżżejjed.

Ir-reċessjoni ekonomika kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, li trendi aktar urġenti l-bżonn li tittieħed azzjoni. Din l-Istrateġija timmira li ttejjeb il-ħajja ta' individwi, kif ukoll li ġġib benefiċċji usa' għas-soċjetà u għall-ekonomija mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq l-indstrija u l-amministrazzjonijiet.

2. Għanijiet u Azzjonijiet

L-għan ġenerali ta' din l-Istrateġija huwa li tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom, u jibbenefikaw bis-sħiħ milli jipparteċipaw fis-soċjetà u fl-ekonomija Ewropea notevolment permezz tas-Suq Uniku. Sabiex dan jinkiseb u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU madwar l-UE hemm bżonn tal-konsistenza. Din l-Istrateġija tidentifika azzjonijiet fil-livell tal-UE biex jissupplimentaw dawk nazzjonali, u tiddetermina l-mekkaniżmi[8] meħtieġa biex jimplimentaw il-livell tal-Konvenzjoni tan-NU fl-UE, inkluż fl-istituzzjonijiet tal-UE. Hija tidentifika wkoll l-appoġġ meħtieġ għall-finanzjament, ir-riċerka, il-ħolqien ta' kuxjenza, l-istatistika u l-ġbir ta' dejta.

Din l-Istrateġija tiffoka fuq l-eliminazzjoni tal-ostakoli[9] . Il-Kummissjoni identifikat tmien oqsma ewlenin għall-azzjoni: L-Aċċessibilità, il-Parteċipazzjoni, l-Ugwaljanza, l-Impjiegi, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, il-Protezzjoni Soċjali, is-Saħħa, u l-Azzjoni Esterna. Għal kull qasam, huma identifikati azzjonijiet prinċipali, bil-għan globali tal-UE enfasizzat f'tabella. Dawn l-oqsma ntgħażlu fuq il-bażi tal-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija u tal-Konvenzjoni tan-NU, id-dokumenti tal-politika relatati mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Diżabilità 2003-2010, u l-konsultazzjoni tal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali. Ir-referenzi għall-azzjonijiet nazzjonali huma intiżi biex jissupplimentaw l-azzjoni fil-livell tal-UE, aktar milli biex ikopru l-obbligi nazzjonali skont il-Konvenzjoni tan-NU. Il-Kummissjoni se tittratta wkoll is-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità permezz tal-istrateġija Ewropa 2020, u l-inizjattivi ewlenin tagħha u t-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku.

2.1. Oqsma fejn trid tittieħed azzjoni

1 — Aċċessibilità

"Aċċessibilità" hija ddefinita fis-sens li n-nies b'diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u għat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni u sistemi (ICT), u faċilitajiet u servizzi oħra. Għad hemm ostakoli kbar f'dawn l-oqsma kollha. Pereżempju, bħala medja, fl-UE-27,5 % biss tal-websajts pubbliċi jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards ta' aċċessibilità għall-internet, għalkemm hemm aktar li huma parzjalment aċċessibbli. Ħafna xandara tat-televiżjoni għadhom jipprovdu ftit wisq programmi bis-sottotitoli u awdjo-deskritti. [10].

L-aċċessibilità hija prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà u fl-ekonomija, iżda l-UE għad baqgħalha triq twila quddiemha biex dan jinkiseb. Il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-istrumenti leġiżlattivi u oħrajn, bħall-istandardizzazzjoni, biex tottimizza l-aċċessibilità tal-ambjent mibni, u t-trasport u l-ICT f'konformità mal-inizjattivi tal-Aġenda Diġitali u tal-Unjoni ta' Innovazzjoni, hija se tesplora l-vantaġġi li tadotta miżuri regolatorji biex tiżgura l-aċċessibilità ta' prodotti u servizzi, inklużi miżuri biex jiżdied l-użu ta' akkwist pubbliku (li huwa pprovat li huma ferm effettivi fl-Istati Uniti)[11]. Hija se tinkoraġġixxi l-inkorporazzjoni ta' aċċessibilità u ta' "disinn għal kulħadd" fil-kurrikuli edukattivi u t-taħriġ għall-professjonijiet rilevanti. Hija se trawwem ukoll suq fl-UE kollha għat-teknoloġija ta' assistenza. Wara konsultazzjonijiet oħra mal-Istati Membri u partijiet interessati oħra, il-Kummissjoni se tikkunsidra għandhiex tipproponi "Att Ewropew għall-Aċċessibilità" sal-2012. Dan jista' jinkludi li jiġu żviluppati standards speċifiċi għas-setturi partikolari sabiex jittejjeb b'mod sostanzjali l-funzjonament xieraq tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli.

Azzjoni tal-UE għandha tappoġġja u tissupplimenta l-attivitajiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' aċċessibilità u biex jitneħħew l-ostakoli eżistenti, u biex tittejjeb id-disponibbiltà u l-għażla ta' teknoloġiji ta' assistenza.

Tkun żgurata l-aċċessibilità għal prodotti, servizzi inklużi servizzi pubbliċi u apparat ta' assistenza għal persuni b'diżabilità. |

2 — Parteċipazzjoni

Għad hemm ħafna ostakoli li jimpedixxu lill-persuni b'diżabilità milli jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom - inklużi d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni - u li jillimitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għall-moviment ħieles, id-dritt li jagħżlu fejn u kif jgħixu, u li jkollhom aċċess sħiħ għal attivitajiet kulturali, rikreattivi, u sportivi. Pereżempju, persuna b'diżabilità rikonoxxuta li tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE tista' titlef l-aċċess għall-benefiċċji nazzjonali, bħat-trasport pubbliku b'xejn jew imraħħas.

Il-Kummissjoni se taħdem biex:

- jingħelbu l-ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom bħala individwi, konsumaturi, studenti, u atturi ekonomiċi u politiċi; jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-mobbiltà intra-UE, u jiġi ffaċilitat u promoss l-użu tal-mudell Ewropew ta' karta għall-parkeġġ għal persuni b'diżabilità;

- tiġi promossa t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità billi: isir użu mill-Fondi Strutturali u l-Fond għall-Iżvilupp Rurali biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fil-komunità; u titqajjem kuxjenza għas-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità li jgħixu f'istituzzjonijiet residenzjali, b'mod partikolari t-tfal u l-anzjani;

- tittejjeb l-aċċessibilità għall-isports, ir-rikreazzjoni, l-organizzazzjonijiet kulturali u rikreattivi, l-attivitajiet, l-avvenimenti, l-postijiet; oġġetti u servizzi inklużi dawk awdjoviżwali, tiġi promossa l-parteċipazzjoni fl-avvenimenti sportivi u l-organizzazzjoni ta' dawk b'diżabilità speċifika; jiġu esplorati metodi biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-lingwa tas-sinjali u tal-Braille fit-trattament tal-istituzzjonijiet tal-UE; tiġi indirizzata l-aċċessibiltà għall-vot sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini; jitrawwem it-trasferiment transkonfinali ta' xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur f'format aċċessibbli; jiġi promoss l-użu tal-ambitu għall-eċċezzjonijiet provduti mid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur[12].

Azzjoni mill-UE se tappoġġja attivitajiet nazzjonali biex:

- tinkiseb it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali u l-Fond għall-Iżvilupp Rurali għat-taħriġ tar-riżorsi umani u l-adattament tal-infrastruttura soċjali, jiġu żviluppati skemi ta' finanzjament għall-assistenza personali, il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet tajba tax-xogħol għall-carers professjonali u l-appoġġ għall-familji u l-carers informali.

- isiru aċċessibbli l-attivitajiet u l-organizzazzjonijiet tal-isports, tar-rikreazzjoni, kulturali u rikreattivi, u jintużaw il-possibilitajiet għal eċċezzjonijiet fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

Tinkiseb il-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà billi: - tippermettilhom igawdu l-benefiċċji kollha ta' ċittadinanza Ewropea; - jitneħħew l-ostakoli amministrattivi u attitudinali għall-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali; -jiġu pprovduti servizzi ta' kwalità bbażati fil-komunità, inkluż l-aċċess għall-għajnuna personali. |

3 — L-ugwaljanza

Aktar minn nofs l-Ewropej iqisu li d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' diżabilità jew età li hija mifruxa sew fl-UE[13]. Kif mitlub mill-Artikoli 1, 21 u 26 tal-Karta tal-UE u mill-Artikoli 10 u 19 tat-TFUE, il-Kummissjoni se tippromwovi t-trattament ugwali ta' persuni b'diżabilità permezz ta' approċċ fuq żewġ binarji. Dan se jinvolvi l-użu tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex tiġi pprovduta l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni, għall-implimentazzjoni ta' politika attiva għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs fil-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni wkoll għall-impatt kumulattiv ta' diskriminazzjoni li persuni b'diżabilità jistgħu jesperjenzaw għal raġunijiet oħra, bħal nazzjonalità, età, razza jew etniċità, sess, reliġjon jew twemmin, jew orjentazzjoni sesswali.

Hija se tiżgura wkoll li d-Direttiva 2000/78/KE[14] li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjiegi tiġi implimentata għal kollox; se tippromwovi d-diversità u tiġġieled id-diskriminazzjoni permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'livell tal-UE u livell nazzjonali, u tappoġġja l-ħidma ta' NGOs fil-livell tal-UE li huma attivi fil-qasam.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja u tissupplimenta l-politiki nazzjonali u programmi li jippromwovu l-ugwaljanza, pereżempju billi tippromwovi l-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fuq il-kapaċità legali mal-Konvenzjoni tan-NU.

Tiġi eradikata d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità fl-UE. |

4 — L-impjieg

L-impjiegi ta' kwalità jiżguraw l-indipendenza ekonomika, irawmu l-kisbiet personali, u joffru l-aħjar ħarsien kontra l-faqar. Madankollu, ir-rata ta' impjieg għal persuni b'diżabilità hija biss madwar 50 %[15]. Biex jintlaħqu l-miri tat-tkabbir tal-UE, jeħtieġ li aktar persuni b'diżabilità jkunu f'impjieg bi ħlas fis-suq tax-xogħol miftuħ. Il-Kummissjoni se tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda tagħha għal ħiliet u xogħolijiet ġodda billi tipprovdi l-Istati Membri b'analiżi, gwida politika, skambju ta' informazzjoni u appoġġ ieħor. Hija se ttejjeb l-għarfien tal-qagħda tal-impjieg ta' nisa u rġiel b'diżabilità, tidentifika l-isfidi u tipproponi r-rimedji. Hi se tagħti attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ b'diżabilità fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjieg. Hija se tindirizza l-intra-mobilità fl-impjiegi fis-suq tax-xogħol miftuħ u fil-workshops protetti, permezz ta' skambju ta' informazzjoni u tagħlim reċiproku. Se tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-impieg indipendenti u l-impjiegi ta' kwalità, inklużi aspetti bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol u avvanz fil-karriera, bl-involviment tal-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni se tintensifika l-appoġġ tagħha għall-inizjattivi volontarji li jippromwovu l-immaniġġjar tad-diversità fuq il-post tax-xogħol, bħal karti tad-diversità ffirmati minn min iħaddem u Inizjattiva tan-Negozju Soċjali.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja attivitajiet nazzjonali biex: tiġi analizzata l-qagħda tas-suq tax-xogħol ta' nies b'diżabilità; jiġu miġġielda dawk il-kulturi ta' benefiċċju għad-diżabilità u nases li jiskoraġġixxuhom milli jidħlu fis-suq tax-xogħol tiġi megħjuna l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz tal-użu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE); jiġu żviluppati strateġiji politiċi attivi tas-suq tax-xogħol; il-postijiet tax-xogħol isiru iktar aċċessibbli; jiġu żviluppati servizzi għas-sejbien tax-xogħol, strutturi ta' appoġġ u taħriġ fil-post tax-xogħol; jiġi promoss l-użu tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa[16] li jippermetti li tingħata għajnuna statali mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

Tippermetti lil ħafna aktar nies b'diżabilità li jaqilgħu l-għixien tagħhom fis-suq miftuħ tax-xogħol. |

5 — L-edukazzjoni u t-taħriġ

Fil-grupp ta' età bejn is-16 u d-19-il sena, ir-rata ta' nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni hi ta' 37 % għal persuni konsiderevolment ristretti, u 25 % għal dawk ristretti sa ċertu punt, rigward 17 % għal dawk mhux ristretti[17]. L-aċċess għall-edukazzjoni regolari għat-tfal b'diżabilità serja hija diffiċli, u xi kultant tiġi ssegregata. Persuni b'diżabilità, b'mod partikolari t-tfal, jeħtieġu li jiġu integrati b'mod xieraq fis-sistema edukattiva ġenerali u, fejn meħtieġ, jiġu pprovduti bl-appoġġ individwali, fl-aħjar interess tat-tfal. B'rispett sħiħ għar-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi, il-Kummissjoni se tappoġġja l-għan ta' edukazzjoni u taħriġ inklussivi ta' kwalità, taħt l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Hija se żżid l-għarfien dwar il-livelli ta' edukazzjoni u l-opportunitajiet għall-persuni b'diżabilità, u se żżid il-mobilità tagħhom billi tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja l-isforzi nazzjonali permezz ta' ET 2020, il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ[18], biex jitneħħew l-ostakoli ġuridiċi u organizzattivi għall-persuni b'diżabilità għall-edukazzjoni ġenerali u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja; tipprovdi appoġġ f'waqtu għall-edukazzjoni inklussiva u t-tagħlim personalizzat, u l-identifikazzjoni bikrija ta' ħtiġijiet speċjali; tipprovdi taħriġ u appoġġ adegwati għall-professjonisti li jaħdmu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; u tirrapporta dwar ir-rati ta' parteċipazzjoni u r-riżultati.

Tippromwovi edukazzjoni inklussiva u t-tagħlim tul il-ħajja għal studenti u studenti b'diżabilità. |

6. – Il-protezzjoni soċjali

Il-parteċipazzjoni baxxa fl-edukazzjoni ġenerali u fis-suq tax-xogħol twassal għal inugwaljanzi tad-dħul finanzjarju u l-faqar għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll għall-esklużjoni soċjali u l-iżolament. Dawn jeħtieġu li jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistemi ta' ħarsien soċjali u programmi ta' tnaqqis tal-faqar, l-għajnuna relatata mad-diżabilità, programmi għall-akkomodazzjoni u servizzi pubbliċi oħra ta' għajnuna, u programmi ta' rtirar u benefiċċju. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni lil dawn il-kwistjonijiet permezz tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar. Dan se jinkludi evalwazzjoni tal-adegwatezza u s-sostennibilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali u tal-appoġġ permezz tal-FSE. B'rispett sħiħ għall-kompetenza tal-Istati Membri, l-UE se tappoġġja miżuri nazzjonali biex jiżguraw il-kwalità u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta ħarsien soċjali għal persuni b'diżabilità, notevolment permezz ta' skambju ta' politika u tagħlim reċiproku.

Jiġu promossi kundizzjonijiet ta' għixien deċenti għall-persuni b'diżabilità. |

7 — Is-saħħa

Il-persuni b'diżabilitajiet jista’ jkollhom aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa, inkluż it-trattamenti mediċi ta' rutina, li jwasslu għal inugwaljanzi tas-saħħa relatati mad-diżabilitajiet tagħhom. Huma intitolati għal aċċess ugwali għal kura tas-saħħa, inkluża kura tas-saħħa preventiva, u servizzi speċifiċi ta' kwalità u affordabbli ta' rijabilitazzjoni u tas-saħħa li jqisu l-ħtiġijiet tagħhom, inkluż ħtiġijiet ibbażati fuq is-sess. Dan huwa prinċipalment il-kompitu tal-Istati Membri, li huma responsabbli biex jorganizzaw u jipprovdu servizzi tas-saħħa u kura medika. Il-Kummissjoni se tappoġġja żviluppi ta' politika għall-aċċess ugwali għal kura tas-saħħa, inklużi servizzi ta' kwalità tas-saħħa u ta' rijabilitazzjoni maħsuba għal persuni b'diżabilità. Hija se tagħti attenzjoni speċifika lill-persuni b'diżabilità waqt l-implimentazzjoni tal-politiki biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi tas-saħħa; tippromwovi azzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol biex jitnaqqsu r-riskji ta' diżabilitajiet li jiżviluppaw matul il-ħajja tax-xogħol u biex tittejjeb l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema b'diżabilitajiet[19]; u taħdem biex jiġu evitati dawk ir-riskji.

L-azzjoni mill-UE se tappoġġja miżuri nazzjonali biex jitwasslu servizzi aċċessibbli, faċilitajiet u servizzi tas-saħħa mhux diskriminatorji; jiġi promoss l-għarfien tad-diżabilitajiet fl-iskejjel mediċi u fil-kurrikuli għall-professjonisti tas-saħħa; jiġu pprovduti servizzi xierqa ta' rijabilitazzjoni; jiġu promossi s-servizzi tas-saħħa mentali u l-iżvilupp tal-intervenzjoni bikrija u s-servizzi ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet.

Jitrawwem aċċess ugwali għal servizzi tas-saħħa u faċilitajiet relatati għal persuni b'diżabilità. |

8. — Azzjonijiet esterni

L-UE u l-Istati Membri għandhom jippromwovu d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità fl-azzjoni esterna tagħhom, inkluż il-programmi tat-tkabbir tal-UE, tal-viċinat u tal-żvilupp. Il-Kummissjoni se taħdem fejn xieraq fi ħdan qafas usa' ta' ebda diskriminazzjoni biex tenfasizza d-diżabilità bħala kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tal-UE. titqajjem kuxjenza tal-Konvenzjoni tan-NU u l-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilitajiet, inkluża l-aċċessibilità, fil-qasam ta' emerġenza u għajnuna umanitarja; tikkonsolida n-netwerk ta' korrispondenti tad-diżabilità, biex b'hekk iżżid il-kuxjenza ta' kwistjonijiet ta' diżabilità fid-delegazzjonijiet tal-UE tiżgura li pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali jagħmlu progress fil-promozzjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità; u tiżguraw li l-istrumenti finanzjarji għall-qabel l-adeżjoni huma użati biex itejbu l-qagħda tagħhom.

L-azzjoni tal-UE se ssostni u tikkomplementa inizjattivi nazzjonali sabiex tindirizza kwistjonijiet dwar diżabilità fi' djalogi ma' pajjiżi mhux membri, u fejn xieraq, għandha tinkludi d-diżabilità u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU waqt li tqis l-impenji ta’ Accra dwar effettività tal-għajnuna. Se trawwem ftehim u impenn dwar kwistjonijiet ta' diżabilità fil-fora internazzjonali (in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD).

Tippromwovi d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità fl-azzjoni esterna tal-UE. |

2.2. Implimentazzjoni tal-Istrateġija

Din l-Istrateġija tirrikjedi impenn konġunt u mġedded tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha. L-azzjonijiet fl-oqsma ewlenin ta' hawn fuq jeħtieġu li jiġu sostnuti mill-istrumenti ġenerali li ġejjin:

1. — Il-ħolqien ta' kuxjenza

Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li persuni b'diżabilità jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom, b'attenzjoni speċjali għal aċċessibilità ta' materjali u mezzi ta' informazzjoni. Hija se tippromwovi l-għarfien ta' approċċi ta “disinn għal kulħadd” għall-prodotti, servizzi u ambjenti.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja u tissupplimenta kampanji nazzjonali ta' kuxjenza pubblika dwar il-kapaċitajiet u l-kontribuzzjonijiet ta' persuni b'diżabilità u tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba fil-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diżabilità (DHLG).

Tqajjem il-kuxjenza tas-soċjetà dwar kwistjonijiet ta' diżabilità u trawwem għarfien akbar fost in-nies b'diżabilità tad-drittijiet tagħhom u kif għandhom jeżerċitawhom. |

2. — Appoġġ finanzjarju

Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li programmi tal-UE fl-oqsma ta' politika rilevanti għal persuni b'diżabilità joffru possibilitajiet ta' finanzjament, pereżempju fil-programmi ta' riċerka. L-ispiża ta' miżuri biex tippermetti lill-persuni b'diżabilità jieħdu sehem fi programmi tal-UE għandha tkun eliġibbli għal rimborż. L-istrumenti ta' finanzjament tal-UE, partikolarment il-Fondi Strutturali, jeħtieġu li jiġu implimentati b'mod aċċessibbli u non-diskriminatorju.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja u tissupplimenta l-isforzi nazzjonali sabiex tittejjeb l-aċċessibilità u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni permezz ta' finanzjament ġenerali, l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Fondi Strutturali Ġenerali[20], u billi jiġu mmassimizzati r-rekwiżiti fir-rigward tal-aċċessibilità fil-kuntratti pubbliċi. Il-miżuri kollha għandhom jiġu implimentati skont il-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea, b'mod partikolari r-regoli dwar għajnuna mill-Istat.

Isir użu ottimizzat tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-aċċessibilità u ebda diskriminazzjoni u tiżdied il-viżibbiltà ta' possibilitajiet ta' fondi rilevanti mad-diżabilità fil-programmi wara l-2013. |

3 — Statistika u ġbir ta' dejta u l-monitoraġġ

Il-Kummissjoni se taħdem biex tissimplifika l-informazzjoni dwar id-diżabilità miġbura permezz ta' stħarriġiet soċjali tal-UE (Statistika tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet, modulu ad hoc tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, l-Istħarriġ b’Intervista dwar is-Saħħa Ewropea) u tiżviluppa stħarriġ speċifiku dwar l-ostakoli għall-integrazzjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità. Dak se jippermetti li jiġu ppreżentati sett ta' indikaturi li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tagħhom b'referenza għall-miri ewlenin Ewropa 2020 (edukazzjoni, impjieg u tnaqqis tal-faqar). L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali hija mitluba biex tikkontribwixxi għal dan il-kompitu, fil-qafas tal-mandat tagħha, permezz ta' ġbir ta' dejta, tar-riċerka u tal-analiżi.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll għodda fuq l-Internet li jagħti ħarsa ġenerali tal-miżuri prattiċi u l-leġiżlazzjoni użati biex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU.

L-azzjoni tal-UE se tappoġġja u tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri biex jinġabru statistika u dejta li jirriflettu l-ostakoli li jipprevjenu persuni b'diżabilità milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Se jiġi ssupplimentat il-ġbir ta' statistiċi perjodiċi relatati mad-diżabilità bil-ħsieb li tiġi mmonitorjata l-qagħda ta' persuni b'diżabilità. |

4 — Mekkaniżmi meħtieġa mill-Konvenzjoni tan-NU

Il-qafas ta' governanza mitlub skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU (il-punti fokali, il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, il-mekkaniżmu indipendenti u l-involviment ta' persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet tagħhom) jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq żewġ livelli: rigward l-Istati Membri fil-firxa wiesgħa ta' politiki tal-UE, u f’istituzzjonijiet tal-UE. Fil-livell tal-UE, il-mekkaniżmi għal koordinazzjoni bbażati fuq il-faċilitajiet eżistenti se jiġu stabbiliti kemm bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Membri. L-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija u tal-Konvenzjoni tan-NU se tiġi regolarment diskussa id-DHLG dwar id-Diżabilità mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u punti fokali nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni, persuni b'diżabilità u organizzazzjonijiet tagħhom u partijiet interessati oħra. Hija se tkompli tipprovdi rapporti ta' progress għal-laqgħat ministerjali informali.

Barra minn hekk, se jiġi stabbilit qafas ta' monitoraġġ inkluż mekkaniżmu wieħed jew aktar indipendenti biex jippromwovi, jipproteġi u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU. Wara li l-Konvenzjoni tan-NU tiġi konkluża u wara li jitqies ir-rwol possibbli ta' għadd ta' korpi eżistenti tal-UE u tal-istituzzjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi qafas ta' tmexxija mingħajr piż ammistrattiv żejjed biex jiffaċilta l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU fl-Ewropa.

Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress miksub permezz ta' din l-Istrateġija, li jkopri l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet, il-progress nazzjonali u r-rapport tal-UE lill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità[21]. Il-Kummissjoni se tuża l-istatistika u l-ġbir tad-dejta biex turi bidliet fid-differenzi bejn persuni b'diżabilità u l-popolazzjoni kollha kemm hi, u biex tistabbilixxi indikaturi relatati mad-diżabilità marbuta mal-miri tal-Ewropa 2020 għall-edukazzjoni, l-impjieg u t-tnaqqis tal-faqar. Dan se jipprovdi opportunità biex jiġu rreveduti l-Istrateġija u l-azzjonijiet. Rapport ieħor huwa skedat għall-2016.

3. Konklużjoni

Din l-Istrateġija hija maħsuba biex tisfrutta l-potenzjal magħqud tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Konvenzjoni tan-NU, u biex tagħmel użu sħiħ mill-Ewropa 2020 u l-istrumenti tagħha. Din tagħti bidu għal proċess biex jingħata poter lill-persuni b'diżabilità, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor. Hekk kif tixjieħ il-popolazzjoni fl-Ewropa, dawn l-azzjonijiet se jkollhom impatt tanġibbli fuq il-kwalità tal-ħajja ta' proporzjon kbir li kull ma jmur dejjem jiżdied ta' nies tagħha. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri huma msejħa sabiex jaħdmu flimkien taħt din l-Istrateġija biex jibnu Ewropa mingħajr ostakoli għal kulħadd.

[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Modulu ad hoc tal-Istħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol dwar l-impjieg ta' persuni b'diżabilità (LFS AHM), 2002.

[2] L-Istatistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien, (EU-SILC), 2004.

[3] LFS AHM u EU- SILC 2007.

[4] Miftehma fl-2007 u ffirmata mill-Istati Membri kollha u l-UE; ratifikati sa mill-2010 minn 16-il Stat Membru (BE, CZ, DK, DE, ES, FR, IT, LV, LT, HU, AT, PT, SI, SK, SE, UK) filwaqt li l-bqija huma fil-proċess li jagħmlu dan. Il-Konvenżjoni tan-NU se torbot fl-UE u se tifforma parti mill-ordni legali tal-UE.

[5] Resoluzzjonijiet tal-Kunsill (SOC 375 tat-2 ta' Ġunju 2010) and 2008/C 75/01 and European Parliament resolution B6-0194/2009, P6_TA(2009)0334.

[6] COM(2010) 2020.

[7] Deloitte & Touche, Access to Assistive Technology in the EU, 2003, u BCC Research, 2008.

[8] L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU.

[9] Eurobarometru tal-2006 fuq id-diskriminazzjoni: 91% jħossu li għandhom jintnefqu aktar flus biex jitneħħew l-ostakoli fiżiċi għal persuni b'diżabilità.

[10] EC (2007), SEC (2007) 1469, p. 7.

[11] It-Taqsima 508 tar-Rehabilitation Act and Architectural Barriers Act.

[12] Id-Direttiva 2001/29/KE. Memorandum ta' Ftehim tal-Partijiet Interessati dwar din il-kwistjoni ġie ffirmat fl-14.09.2009

[13] Ewrobarometru Speċjali 317.

[14] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

[15] LFS, AHM, 2002

[16] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

[17] LFS, AHM, 2002

[18] Konklużjonijiet tat-12 ta' Mejju 2009 dwar l-ET 2020, ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

[19] Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xoghol - COM(2007) 62

[20] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25;

[21] L-Artikoli 35 and 36 tal-Konvenzjoni tan-NU.