52010DC0091




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.3.2010

KUMM(2010) 91 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Frar 2010, li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Frar 2010, li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

1. DAħLA

Din il-Komunikazzjoni tevalwa d-deċiżjonijiet meħuda s'issa mill-awtoritajiet Griegi sabiex jiksbu l-mira baġitarja għall-2010 b'rispons għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010, fuq il-bażi tar-" Rapport ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programm Elleniku ta' stabbiltà u tkabbir u l-miżuri addizzjonali' . Ir-rapport, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ġie trażmess mill-Greċja fit-8 ta' Marzu 2010, ġimgħa qabel l-iskadenza. Dan jirreferi mhux biss għall-miżuri fiskali li għandhom l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern fl-2010, iżda wkoll għar-riformi strutturali koperti mill-programm ta' stabbiltà.

Fid-dawl tat-tressiq tar-rapport ta' Marzu 2010 mill-awtoritajiet Griegi, is-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna mill-istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), organizzat missjoni teknika f'Atni, mit-22 sal-24 ta' Frar 2010, u ltaqgħet mal-awtoritajiet Griegi biex jiddiskuti l-istat tal-implimentazzjoni tal-programm ta' stabbiltà u r-rispons għad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Fl-1 ta' Marzu 2010 saret missjoni oħra, immexxija mill-Kummissarju Rehn.

2. IL-PROċEDURA TAL-IżBILANċ EċċESSIV: L-INDIRIZZAR TAL-KRIżI FISKALI FIL-GREċJA

Ħafna pajjiżi tal-UE bħalissa qed jiffaċċjaw żbilanċi tal-gvern ġenerali ikbar mill-valur ta’ referenza ta' 3 % tal-PGD stabbilit mit-Trattat. Id-deterjorament ta’ spiss qawwi fl-iżbilanċ u kif ukoll fid-dejn għandu jitqies fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali bla preċedent. Waqt li fil-Greċja, id-deterjorament attwali fil-finanzi pubbliċi għandu jiġi eżaminat ukoll fl-istess kuntest, l-iżbilanċi fiskali ilhom għoljin u persistenti għal ħafna snin, minkejja l-attività ekonomika favorevoli sal-2008 u, għalhekk dan jissuġġerixxi li hemm għeruq strutturali. B'mod partikolari, l-iżbilanċi pubbliċi jirriflettu nuqqas ta' kontroll xieraq fuq l-infiq pubbliku, filwaqt li l-previżjonijiet dwar id-dħul huma sistematikament ottimisti żżejjed. Il-politika fiskali kompliet tgħin biex l-iżbilanċi esterni jmorru għall-agħar u biex ikun hemm iktar telf ta' kompetittività. Barra minn hekk, problemi strutturali u endemiċi relatati maż-żamma tal-kontijiet tal-gvern Grieg, kienu wkoll ta’ detriment għal kontroll f’waqtu u effikaċi tad-dħul u l-infiq. L-iżbilanċi kbar tal-gvern wasslu għal wieħed mill-akbar proporzjonijiet ta' dejn pubbliku fl-UE, u li mhux biss huwa ogħla ferm minn 100 % tal-PGD, iżda għadu wkoll qed jiżdied b'rata mgħaġġla.

Fit-3 ta’ Frar 2010, il-Kumissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(9) tat-TFUE fejn avżat lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ, meqjusin neċessarji biex tkun irrimedjata s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv[1][2]. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE bil-għan li tintemm l-inkonsistenza mal-linji gwida wesgħin tal-politiki ekonomiċi fil-Greċja u li jitneħħa r-riskju li jiġi kompromess it-tħaddim tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja[3], u abbozz ta' Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-programm ta' stabbiltà Elleniku[4]. Fil-11 ta' Frar 2010, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill ECOFIN biex jadotta d-dokumenti li tressqu mill-Kummissjoni, u talab lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill flimkien mal-BĊE u bl-użu tal-għarfien espert tal-IMF[5].

Fis-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill ECOFIN adotta d-deċiżjoni, ir-rakkomandazzjoni u l-opinjoni msemmija fuq[6]. Il-Kunsill talab lill-Greċja 'biex iġġib fi tmiem is-sitwazzjoni preżenti ta' żbilanċ eċċessiv malajr kemm jista' jkun u, mhux iktar tard mill-iskadenza tal-2012 ' u indika t-triq għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv mill-2010 sal-2012 (l-Artikolu 1). Abbażi tal-Programm ta' Stabbiltà Elleniku, id-Deċiżjoni tal-Kunsill kien fiha lista dettaljata ta' miżuri fiskali urġenti li għandhom jittieħdu sal-15 ta' Mejju 2010 (l-Artikolu 2, it-Taqsima A), miżuri oħra li għandhom jiġu adottati sa tmiem l-2010 (l-Artikolu 2, it-Taqsima C) u miżuri li għandhom jiġu adottati sal-2012 (l-Artikolu 2, it-Taqsima D). Skont id-Deċiżjoni il-Greċja għandha wkoll tadotta serje ta' miżuri fir-rigward tal-kompilazzjoni u l-ipproċessar tal-istatistika (l-Artikolu 3). Bil-kundizzjoni li għadd ta' riskji marbuta mal-limiti tal-iżbilanċ u tad-dejn għall-2010 previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill jimmaterjalizzaw, il-Greċja ntalbet tħabbar miżuri addizzjonali biex tiżgura li l-mira baġitarja tal-2010 tintlaħaq. Skont id-Deċiżjoni, il-miżuri addizzjonali għandhom jiffukaw fuq it-tnaqqis fl-infiq, iżda jistgħu wkoll jinkludu miżuri għaż-żieda tad-dħul (l-Artikolu 2, it-Taqsima B). Dawn il-miżuri addizzjonali, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri fiskali fl-2010, għandhom jiddaħħlu f'rapport li għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jkun disponibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 4(1)). Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (l-Artikolu 4(4)), il-Kummissjoni tista' tindika l-miżuri meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-pjan ta' aġġustament stipulat fid-Deċiżjoni għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

3. AZZJONI MEħUDA MILL-GREċJA B'RISPONS GħAD-DEċIżJONI TAL-KUNSILL U BIEX TIMPLIMENTA L-PROGRAMM TA' STABBILTÀ AġġORNAT TA' JANNAR 2010

L-AħħAR AġġORNAMENT TAL-PROGRAMM TA' STABBILTÀ TAL-GREċJA, LI NTBAGħAT FIL- 15 ta' Jannar 2010, jimmira għal mira baġitarja ta' 8,7 % tal-PGD fl-2010, tnaqqis minn żbilanċ nominali ta' 12,7 % tal-PGD fl-2009. Il-programm iddeskriva pakkett dettaljat ta' miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali għall-2010, li jiffukaw l-aktar fuq iż-żieda tad-dħul pubbliku u, f'livell inqas, fuq it-tnaqqis tal-infiq pubbliku. L-aġġustament fiskali nominali fl-2010, kif ippjanat fil-programm ta' stabbiltà, jirrifletti żieda fil-proporzjon tad-dħul totali mal-PGD ta' 2,6 punti perċentwali tal-PGD u tnaqqis tal-proporzjon tal-infiq totali mal-PGD ta' 1,4 punti perċentwali tal-PGD.

Fit-2 ta' Frar 2010, il-Greċja ħabbret ġabra ta' miżuri addizzjonali minbarra dawk imħabbra fil-programm ta' stabbiltà, b'impatt ta' tnaqqis tal-iżbilanċ ta' ftit inqas minn ½% il-PGD. Din il-ġabra ta' miżuri addizzjonali kienet tikkonsisti fl-iffiżar totali tal-pagi fis-settur pubbliku (li jwassal għal iffrankar addizzjonali ta' 0,1 % tal-PGD) u żieda oħra tad-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil (li twassal għal dħul addizzjonali ta' madwar 0,3 % tal-PGD). L-awtoritajiet Griegi wkoll għamluha ċara f'dik l-okkażjoni li l-gvern kien lest iħabbar u jimplimenta aktar miżuri, jekk ikun hemm bżonn[7].

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (l-Artikolu 2, it-Taqsima A) titlob lill-Greċja " li timplimenta għadd ta' miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali, inklużi dawk stipulati fil-programm ta' stabbiltà ' sal-15 ta' Mejju 2010. Dawn il-miżuri huma marbuta kemm mat-tnaqqis fl-infiq tal-gvern kif ukoll mal-politiki għaż-żieda tad-dħul.

L-Anness I jiddeskrivi fil-qosor il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri[8].

4. VALUTAZZJONI TAR-RISKJI LILL-MIRA GħALL-IżBILANċ TAL-2010 QABEL L-AħħAR DEċIżJONIJIET POLITIċI

Il-Kummissjoni identifikat sors ta' inkwiet fil-possibbiltà ta' dewmien fl-implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali fl-2010, kif deskritti fil-programm aġġornat[9]. Barra minn hekk, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm tidher ukoll li hija soġġetta għal riskji agħar milli previsti, u s-suppożizzjonijiet ta’ tkabbir li fuqhom huwa bbażat ix-xenarju makroekonomiku ċentrali tal-programm huma ottimistiċi[10].

Ir-riskju tad-devjazzjonijiet mill-mira tal-2010 għall-iżbilanċ kien stmat mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala mill-inqas 1½% tal-PGD[11]. Dawn il-kwistjonijiet tqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju:

1. Ix-xenarju makroekonomiku ċentrali li fuqu huwa bbażat il-programm ta' stabbiltà jassumi tnaqqis fil-PGD reali ta' 0,3 % fl-2010. Il-PGD reali naqas bi 2 % fl-2009, minflok bil-1,2 % stmati fil-programm. Ir-riżultati agħar milli mistennija fl-2009 se jkollhom impatt negattiv awtomatiku fuq it-tkabbir tal-PGD reali għall-2010, u l-effett ittrasferit fil-bidu tas-sena huwa -0,9 %. Barra minn hekk, skont l-indikaturi ewlenin disponibbli, l-attività ekonomika se titlef iktar momentum fl-2010, minħabba għadd ta' fatturi, partikolarment l-aħħar żviluppi fis-swieq finanzjari u l-implimentazzjoni ta' politika fiskali restrittiva xierqa. Anki jekk ikun preżunt li l-agħar rati trimestrali ta' tkabbir reali għaddew (jiġifieri l-akbar tnaqqis fl-attività ekonomika kien fl-aħħar trimestru fl-2009), il-PGD reali annwali mistenni jonqos iktar fl-2010, b'mill-inqas 2¼ %. Dan se jkollu, fih innifsu, impatt sostanzjali fuq il-kontijiet tal-gvern.

2. Skont il-programm ta' stabbiltà, l-infiq fuq l-interessi mistenna jiżdied bi ¼ ta' punt perċentwali tal-PGD fl-2010, meta mqabbel mal-2009. L-informazzjoni disponibbli dwar il-kompożizzjoni u l-maturità tad-dejn, kif ukoll dwar ir-rati tal-interessi tal-ħruġ riċenti tad-dejn jissuġġerixxu li l-infiq fuq l-interessi għandu jiżdied iktar mill-estimi uffiċjali.

3. Ir-riforma tat-taxxa se tibda f'Marzu 2010. Din hija impenn ambizzjuż. Mistennija li tibda tipproduċi dħul addizzjonali mit-taxxi wara t-tieni trimestru tas-sena. B'mod partikolari, l-awtoritajiet qed jistennew li l-isforzi biex titwessa' l-bażi fiskali għat-taxxi fuq id-dħul tal-familji u l-kumpaniji (bl-impożizzjoni ta' skala unika tat-tassazzjoni u l-eliminazzjoni tal-eżenzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul) iżidu d-dħul mit-taxxa b'madwar ½ % tal-PGD. Filwaqt li l-Kummissjoni taqsam l-intenzjonijiet ta' dawn il-miżuri u temmen li jistgħu jżidu l-ġbir tat-taxxi, in-nuqqasijiet amministrattivi u d-dewmien possibbli fil-fażijiet inizjali tar-riforma jistiednu biex wieħed ikun prudenti fl-istima tad-dħul mit-taxxi.

4. Fil-kuntest tar-riforma tas-sistema tat-taxxi, il-gvern nieda għadd ta' azzjonijiet amministrattivi bil-għan li jintensifika l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet soċjali, itejjeb il-ġbir u jżid il-konformità. Il-gvern mistenni jżid id-dħul pubbliku b'iktar minn ½% tal-PGD, anki fl-2010, b'riżultat tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Mistenni wkoll jiġi ammont simili mill-ġlieda kontra l-evażjoni tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Fid-dawl tal-esperjenza fil-Greċja u fi Stati Membri oħra tal-UE, u jekk wieħed iżomm f'moħħu li dan it-tip ta' miżuri jista' jieħu iktar ħin biex jipproduċi r-riżultati mistennija, speċjalment f'perjodi ta' riċessjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jistmaw li anki jekk ikun hemm xi riżultati fit-terminu qasir, dawn jistgħu jkunu ħafna iżgħar milli stmati uffiċjalment.

5. Il-gvern Grieg għandu wkoll mira ambizzjuża biex jaċċellera l-assorbiment tal-fondi tal-UE fl-2010. Partikolarment, huwa jassumi li, fi tmiem l-2010, l-assorbiment tal-fondi strutturali se jilħaq 15 % tal-fondi disponibbli għall-perjodu 2007-13. Abbażi ta' din l-ipoteżi, id-dħul mill-fondi strutturali fl-2010 mistenni jiżdied b'iktar minn ½% tal-PGD. Skont is-servizzi tal-Kummissjoni, din hija ipoteżi pjuttost ottimista.

5. IL-MIżURI MħABBRA MILL-GREċJA WARA D-DEċIżJONI TAL-KUNSILL TAS-16 TA' FRAR

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 indikat (l-Artikolu 2, it-Taqsima B) li, 'bil-kundizzjoni li għadd ta' riskji jimmaterjalizzaw,' il-Greċja għandha tħabbar miżuri addizzjonali.

Fit-3 ta' Marzu 2010, l-awtoritajiet Griegi – wara li kienu ddiskutew mas-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna mill-BĊE u mill-IMF – ħabbru uffiċjalment għadd ta' miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tal-iżbilanċ, li jammontaw għal 2 % tal-PGD (jew EUR 4,8 biljun) li għandhom jiġu implimentati fl-2010[12]. Il-miżuri addizzjonali mħabbra fit-3 ta' Marzu huma ambizzjużi; dawn jinkludu tnaqqis sinifikanti tal-infiq u, partikolarment, tfaddil fil-kont tal-pagi pubbliċi, li huma essenzjali biex jinkisbu effetti permanenti ta' konsolidazzjoni fiskali u biex tiġi rrestawrata l-kompetittività (l-Anness II).

Il-miżuri mħabbra u ppreżentati fir-rapport jikkonsistu f'sehem indaqs ta' miżuri permanenti għaż-żieda tad-dħul (1 % tal-PGD jew EUR 2,4 biljun) u t-tnaqqis permanenti fl-infiq (1 % tal-PGD jew EUR 2,4 biljun). Il-biċċa l-kbira tal-miżuri hija ppreżentata b'mod preċiż u l-informazzjoni kwantitattiva mogħtija hija biżżejjed. L-abbozz tal-liġi li jinkludi l-miżuri fiskali addizzjonali kollha tressaq fl-istess ġurnata mal-aħbar u ġie adottat mill-Parlament fil-5 ta' Marzu 2010. Dan l-abbozz inkluda wkoll għadd ta' miżuri li tħabbru diġà iżda li għadhom ma ġewx adottati. Xi wħud mill-miżuri, partikolarment dawk marbuta maż-żidiet fir-rati tat-taxxi, se jidħlu fis-seħħ mill-15 ta' Marzu 'l quddiem.

6. KONKLUżJONIJIET U L-PASSI LI JMISS

B'konklużjoni, il-Greċja qed timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 u l-miżuri previsti fil-Programm ta' Stabbiltà Grieg.

Abbażi ta' din l-informazzjoni disponibbli, il-miżuri fiskali mħabbra mill-awtoritajiet Griegi fit-3 ta' Marzu 2010, adottati mill-Parlament fil-5 ta' Marzu u inklużi fir-rapport mogħti lill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu, jidhru li huma biżżejjed biex jissalvagwardjaw il-miri baġitarji tal-2010 mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta Frar 2010 u fil-programm ta' stabbiltà.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni, ' Il-Greċja għandha tissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u tagħmel pubbliku, mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2010, rapport li jiddeskrivi l-miżuri politiċi biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. ' Il-kontentut tar-rapport li għandu jasal qabel il-15 ta' Mejju għandu jkun konsistenti mal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni u jippreżenta bid-dettalji kollha l-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali li għandhom jiġu implimentati fl-2010, inkluż kalendarju dettaljat tal-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra kollha, iżda wkoll il-passi preparatorji li għandhom isiru għall-miżuri rispettivi li għandhom jittieħdu fl-2011 u l-2012. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll dejta dwar l-eżekuzzjoni kull xahar tal-baġit tal-Istat, l-implimentazzjoni infraannwali tal-baġit mis-sigurtà soċjali, mill-gvernijiet lokali u l-fondi extrabaġitarji, il-ħruġ u r-rimbors tad-dejn pubbliku, l-impjiegi pubbliċi, l-arrettrati tal-infiq pubbliku u s-sitwazzjoni finanzjarja fl-intrapriżi pubbliċi. Wara, il-Greċja għandha tissottometti u tagħmel dawn ir-rapporti pubbliċi fuq bażi trimestrali.

Barra minn hekk, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, 'Il-Greċja hi mistiedna li tirrapporta dwar il-miżuri li ttieħdu b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, u fuq il-kalendarju tal-implimentazzjoni tal-miżuri strutturali, imsemmija fl-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà ta' Jannar 2010, fil-kuntest tar-rapporti ta’ kull tliet xhur stabbiliti bl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 ', inklużi r-riformi biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija fil-qasam tal-pensjonijiet, tas-saħħa, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-funzjonament tas-swieq tal-prodotti, tas-suq tax-xogħol, tal-assorbiment tal-fondi strutturali, tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju u tal-istatistika.

Għalhekk, filwaqt li f'dan ir-rapport il-valutazzjoni tal-azzjonijiet meħuda mill-Greċja b'rispons għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 ffukat fuq il-miżuri fiskali li jiżguraw it-tnaqqis tal-iżbilanċ tal-gvern għal 8,7 % tal-GPD fl-2010, il-valutazzjoni li qed tagħmel bħalissa l-Kummissjoni se titwessa' progressivament biex tinkludi r-riformi strutturali u l-pjanijiet fiskali għall-2011 u l-2012.

ANNESS I : MIŻURI FISKALI URĠENTI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU SAL-15 TA' MEJJU 2010, skont l-Artikolu 2, it-Taqsima A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010

Miżura | Il-progress li sar u kummenti oħra |

Infiq |

'(a) tmexxi 10 % tal-approprjazzjonijiet baġitarji (barra mill-pagi u l-pensjonijiet) tad-dipartimenti tal-gvern fil-baġit għall-2010 għal riżerva ta’ kontinġenza, sakemm issir riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet fost id-dipartimenti u l-identifikazzjoni ta’ programmi ta’ nfiq li għandhom jiġu razzjonalizzati, sabiex ikun hemm tnaqqis permanenti mdaqqas fl-infiq;' | Id-deċiżjoni ministerjali relevanti ġiet iffirmata. Għadd ta' miżuri amministrattivi qed jiġu implimentati biex jinfurzawha. Għadu kmieni biex jiġi identifikat tfaddil speċifiku li jirriżulta mir-riżerva ta' kontinġenza, u ebda tfaddil mir-riżerva ta' kontinġenza ma ġie inkluż fil-pjanijiet tal-programm ta' stabbiltà. |

'(b) tnaqqas il-kont tal-pagi, inkluż bl-iffriżar tal-pagi nominali fil-gvern ċentrali, il-gvernijiet lokali, l-aġenziji statali u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn u bl-implimentazzjoni ta' tnaqqis fl-impjiegi; twaqqaf ir-reklutaġġ ġdid fl-2010 u tneħħi l-karigi battala fis-settur tal-gvern ġenerali, inklużi kuntratti temporanji, partikolarment billi ma tissostitwix uffiċjali li jirtiraw;' | Deċiżjoni dwar l-iffriżar tal-pagi pubbliċi għal pagi li huma ogħla minn ċertu limitu (sussegwentement l-iffriżar tal-pagi ġie estiż għall-pagi kollha; ara taħt); iffriżar fir-reklutaġġ u tnaqqis fl-iskemi ta' impjiegi temporanji ġew deċiżi mill-Kunsill tal-Ministri. Ġew deċiżi wkoll regoli aktar stretti fir-rigward tas-sahra u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Il-liġi rispettiva ġiet adottata mill-Parlament fil-5 ta' Marzu u applikata retroattivament mill-1 ta' Jannar 2010. Madankollu, kif ippjanat fil-programm ta' stabbiltà, l-iffriżar tar-reklutaġġ mhux qed jiġi estiż għal staff tas-sigurtà, nersis u għalliema. |

'(c) taqta’ l-benefiċċji speċjali mħallsin lil uffiċjali taċ-ċivil (inklużi dawk minn kontijiet mhux tal-baġit) li twassal għal tnaqqis fir-rimunerazzoni totali tas-settur tal-gvern ġenerali, bħala l-ewwel pass biex ittejjeb is-sistema tal-pagi pubbliċi u tissimplifika x-xibka tal-pagi pubbliċi;' | Il-Kunsill tal-Ministri ddeċieda fuq tnaqqis ta' 10 % fil-konċessjonijiet (minbarra dawk tal-familja u dawk marbuta mal-benefiċċji tat-tfal). Il-liġi rispettiva, inkluż it-tnaqqis addizzjonali ta' 2 % mħabbar fit-3 ta' Marzu, ġiet adottata mill-Parlament fil-5 ta' Marzu u applikata retroattivament mill-1 ta' Jannar. |

'(d) tadotta tnaqqis nominali fit-trasferimenti mħallsa mis-sigurtà soċjali, inkluż permezz ta' miżuri biex jirrestrinġu l-indiċjar tal-benefiċċji u l-intitolamenti;' | L-iffriżar tal-pensjonijiet, u tnaqqis fil-finanzjament tal-gvern għas-sigurtà soċjali se jiġu implimentati f'Marzu 2010, retroattivament mill-1 ta' Janar. |

Dħul |

'(e) timplimenta skala progressiva ta’ taxxa għas-sorsi kollha ta’ dħul u trattament unifikat orizzontali ta’ dħul iġġenerat minn xogħol u minn assi kapitali;' | Ġiet adottata riforma tat-taxxa mill-Kunsill tal-Ministri; il-liġi rispettiva hija mistennija tiġi adottata mill-Parlament f'Marzu 2010 u applikata retroattivament mill-1 ta' Jannar; It-taxxi fuq il-wirt u l-legati qed jiżdiedu permezz ta' skala ta' tassazzjoni progressiva introdotta minn liġi adottata mill-Parlament f'Jannar 2010. |

'(f) tneħħi l-eżenzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ tassazzjoni awtonomi kollha fis-sistema tat-taxxa, inkluż id-dħul minn konċessjonijiet speċjali mħallsin lill-uffiċjali ċivili;' |

'(g) tintroduċi tassazzjoni preżuntiva għal min ikun jaħdem għal rasu;' |

'(h) tintroduċi imposti permanenti fuq bini u żżid ir-rati ta’ taxxa fuq proprjetà immobiljari meta mqabblin mar-rati kif kienu fil-31 ta’ Diċembru 2009;' |

'(i) iżżid id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, l-alkoħol u l-fjuwil, meta mqabblin mar-rati kif kienu fil-31 ta' Diċembru 2009;' | Il-liġi rispettiva ġiet adottata mill-Parlament u mdaħħla fis-seħħ f'Jannar 2010. Ir-rati tat-taxxi rispettivi żdiedu f'żewġ okkażjonijiet fil-bidu ta' Frar u l-bidu ta' Marzu (ara taħt) |

'(j) tispjega fid-dettall u timplimenta, sal-aħħar ta’ Marzu 2010, ir-riformi tas-sistema tat-taxxa kif ippjanati attwalment, filwaqt li tuża l-kisbiet potenzjali fl-effiċjenza biex tkompli tnaqqas id-defiċit.' | Ara fuq minn (e) sa (h). |

ANNESS II: TABELLA SOMMARJA TAL-MIŻURI FISKALI ADDIZZJONALI MĦABBRA FIT-3 TA' MARZU 2010

miljuni ta' EUR | % tal-PGD | Kumment |

(kif imħabbra mill-Greċja) |

Dħul |

Żieda fir-rati tal-VAT (minn 4,5 %, 9 % u 19 % għal 5 %, 10 % u 21 % rispettivament) | 1300 | 0,5% | Id-dħul totali mill-VAT fl-2009 laħaq madwar 6,9 % tal-PGD (jew EUR 16,5 biljun). L-istima mogħtija mill-Greċja tidher li hija realistika, sakemm il-miżura tidħol fis-seħħ mill-15 ta' Marzu. L-impatt baġitarju għas-sena sħiħa ta' din il-miżura jkun ¾% tal-PGD. Il-bidliet fil-bażi fiskali – f'relazzjoni mat-tnaqqis tad-domanda interna – u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jirriżultaw f'inqas riżultati milli mistennija. |

Żidiet fit-taxxi tas-sisa (minbarra dawk li diġà ġew ivvutati fil-Parlament), li minnhom: | 1100 | 0,5% | L-awtoritajiet Griegi diġà bdew biż-żidiet fid-dazji tas-sisa, kif ippreżentati fil-programm ta' stabbiltà u mħabbra fit-2 ta' Frar. |

(i) Żieda fit-taxxa tas-sisa tal-petrol b'EUR 0,08 (żieda fil-prezz ta' madwar 0,10) u fid-diżil b'EUR 0,03 (żieda fil-prezz ta' madwar 0,04) | 450 | 0,2% | Iż-żieda addizzjonali fid-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tal-fjuwil tressaq il-prezz finali tal-fjuwil eqreb għall-medja tal-UE, u dan jimplika żieda fid-dħul mid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil b'madwar 10 %. Żieda fid-dazji tas-sisa, simili għaż-żieda kumulata mħabbra fit-2 ta' Frar u t-3 ta' Marzu, ġiet implimentata fl-2009 u rriżultat f'żieda fid-dħul ta' madwar 20 %. Ir-riżultati mistennija huma komparabbli ma' dawk taż-żidiet riċenti fid-dazji tas-sisa fl-2009 u jidhru li jistgħu jinkisbu. Madankollu, l-implikazzjonijiet fuq id-dħul mit-taxxi ta' tnaqqis fid-domanda ma għandhomx jiġu injorati. |

(ii) Żieda f'(a) it-taxxa tas-sisa tas-sigaretti minn 63 % għal 65 % u f'(b) is-sisa fuq l-alkolħol b'20 % ( żieda kull flixkun ta' EUR 1,20 u ta' EUR 0,60 għall-ouzo u t-tsipouro) | 300 | 0,1% | (a) Iż-żieda riċenti fid-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, minn 57,5 % għal 63 %, imressqa quddiem il-Parlament f'Jannar li għadda u stmata li se tirriżulta f'madwar 0,1 % tal-PGD fl-2010. Iż-żieda addizjonali tad-dazji tas-sisa fuq it-tabakk imħabbra fit-3 ta' Marzu, minn 63 % għal 65 % (madwar nofs dik preċedenti) hija mistennija tipprovdi dħul addizzjonali ta' madwar 0,5 % tal-PGD, u dan jidher li jista' jinkiseb. (b) Iż-żieda riċenti fid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol (ta' EUR 0,9 kull flixkun u EUR 0,45 għall-prodotti tradizzjonali) imressqa quddiem il-Parlament f'Jannar hija stmata li tirriżulta f'madwar 0,03 % tal-PGD fl-2010. Iż-żieda addizzjonali tad-dazji tas-sisa mħabbra fit-3 ta' Marzu (EUR 1,2 kull flixkun u EUR 0,6 għall-prodotti tradizzjonali) hija mistennija tipprovdi dħul addizzjonali ta' madwar 0,5 % tal-PGD, u dan jidher li jista' jinkiseb. Wieħed għandu jinnota, madankollu, li ż-żidiet fil-prezz finali tal-prodotti tat-tabakk u l-alkoħol jista' jkollhom effetti sinifikanti fuq id-domanda (kif ukoll fuq l-evażjoni tat-taxxa) u jirriżultaw f'inqas dħul milli mistenni. |

(iii) Introduzzjoni tat-taxxa tas-sisa fuq l-elettriku (2,5 EUR/MWh fil-konsum industrijali u 5 EUR/MWh fil-konsum domestiku - minbarra l-elettriku prodott minn riżorsi rinnovabbli tal-enerġija) u t-tneħħija tal-eżenzjoni tat-taxxa tas-sisa għad-diżil użat mill-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika | 250 | 0,1% | It-taxxa tas-sisa l-ġdia fuq l-elettriku hija mistennija tirriżulta f'0,1 % tal-PGD. Billi din it-taxxa għandha tinġabar mill-kontijiet tal-elettriku, jidher li l-implimentazzjoni ta' din il-miżura mhux se jkollha problemi. Il-konsum tal-elettriku fl-2010 fil-Greċja huwa previst li jilħaq 67.175GWh. L-impatt baġitarju stmat jidher realistiku. |

(iv) Żieda fit-taxxa tas-sisa għal prodotti ta' lussu (li tkopri l-karozzi li jiswew iktar minn EUR 35 000, il-jottijiet, eċċ.) | 100 | >0,1% | Minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni ma jistax ikun hemm valutazzjoni bir-reqqa s'issa, għalkemm id-dħul addizzjonali stmat huwa pjuttost żgħir. |

Infiq |

Tnaqqis fil-pagi nominali tas-settur pubbliku u l-pensjonijiet (minbarra t-tnaqqis fil-pagi mħabbra diġà) li minnu: | 1700 | 0,7% | L-awtoritajiet Griegi kienu diġà ħabbru tnaqqis fil-konċessjonijiet imħallsa lill-impjegati taċ-ċivil u dan wassal għal tnaqqis fil-kont totali tal-pagi pubbliċi. Bosta miżuri addizzjonali wasslu wkoll għal tnaqqis fit-total tal-impjiegi pubbliċi. It-tnaqqis imħabbar fit-3 ta' Marzu huwa iktar minn dak imħabbar fil-programm u fit-tħabbir fit-2 ta' Frar [13]. |

(i) Tnaqqis ta' 30 % fil-bonus tal-Milied, ta' 30 % fil-bonus tal-Għid u ta' 30 % fil-bonus tas-sajf | 610 | 0,3% | L-eliminazzjoni sħiħa tal-14-il paga (imħallsa lill-impjegati tas-settur pubbliku kollha), tirriżulta fi ffrankar ta' madwar EUR 1 biljun. L-impatt baġitarju stmat tal-miżuri mħabbra mill-gvern huwa realistiku. |

(ii) Tnaqqis ta' 2 % fis-supplimenti tal-pagi (minbarra l-10 % li tħabbru diġà) | 130 | >0,1% | Qabel ma tħabbru l-miżuri fit-3 ta' Marzu, l-awtoritajiet kienu diġà naqqsu l-konċessjonijiet imħallsa lill-impjegati taċ-ċivil b'10 %, u dan irriżulta fi ffrankar ta' madwar 0,3 % tal-PGD (jew EUR 650 miljun). L-aħbar tat-3 ta' Marzu żżid ma' dan u timplika tnaqqis ulterjuri ta' 2 % fil-konċessjonijiet. It-total tat-tnaqqis fil-konċessjonijiet għalhekk jilħaq it-12 % u l-istima tal-impatt baġitarju tidher li hija realistika. |

(iii) Tnaqqis ta' 7 % fil-pagi fl-intrapriżi pubbliċi u tnaqqis ta' 30 % fil-bonus tal-Milied, tal-Għid u tas-sajf rispettivament. | 360 | 0,2% | Għall-intrapriżi pubbliċi, din il-miżura fiha nnifisha ma kellhiex impatt baġitarju dirett, billi l-intrapriżi pubbliċi mhumiex parti mill-gvern ġenerali. Madankollu, tista' timplika tnaqqis fis-sussidji mħallsa mill-istat lill-intrapriżi pubbliċi u twassal indirettament għal tnaqqis fl-infiq. |

(iv) Tnaqqis fis-sussidji lill-Korporazzjoni Pubblika tal-Enerġija u l-fondi tal-pensjonijiet ta' OTE (telekomunikazzjonijiet), li jwassal għal tnaqqis fl-allokazzjonijiet rilevanti tal-baġit | 150 | >0,1% | Il-miżura tidher realistika, għalkemm hemm bżonn ta' iktar informazzjoni biex tissosstanzja l-istima tal-iffrankar. |

(v) Iffriżar fil-pensjonijiet kollha tas-settur pubbliku u privat bl-eliminazzjoni taż-żidiet imħabbra inkorporati fil-baġit, u li jwassal għal iffrankar fl-allokazzjonijiet tal-baġit | 450 | 0,2% | Skont tħabbir preċedenti mill-awtoritajiet, iż-żidiet fil-pensjonijiet fl-2010 ikunu iktar mill-inflazzjoni (madwar 1,5 % punti). L-aħbar tat-3 ta' Marzu tiffriża l-pensjonijiet kollha u dan jirriżulta fi ffrankar ta' madwar 0,2 % tal-PGD (l-ammont jikkorrispondi għaż-żieda li kieku tingħata lil dawk li jieħdu l-pensjoni). L-istima tal-impatt baġitarju uffiċjali tidher realistika. |

Tnaqqis fl-infiq kurrenti u kapitali fis-settur pubbliku | 700 | 0,3% | Fil-programm ta' stabbiltà l-awtoritajiet Griegi diġà ħabbru tnaqqis fl-infiq operazzjonali u s-sussidji lill-intrapriżi pubbliċi. Preċedentement kienu ħabbru żieda fl-investiment u l-infiq fl-edukazzjoni fl-2010. It-tnaqqis imħabbar fit-3 ta' Marzu huwa iktar minn dak imħabbar fil-programm u jikkanċella xi żidiet fl-infiq ippjanati. |

(i) Tnaqqis fil-Programm ta' Investiment Pubbliku | 500 | 0,2% | Skont il-programm ta' stabbiltà, il-formazzjoni tal-kapital fiss gross fl-2010 se jiżdied b'0,3 % tal-PGD (jew EUR 800 miljun). Huwa fid-diskrezzjoni tal-gvern li jikkanċella l-approprjazzjonijiet rilevanti bi kwalunkwe ammont. Jekk id-deċiżjonijiet xierqa jittieħdu, it-tnaqqis imħabbar jidher li jista' jsir. |

(ii) Tnaqqis fl-infiq fuq l-edukazzjoni (EUR 100 miljun mill-Programm ta' Investiment Pubbliku u EUR 100 miljun mill-kanċellazzjoni tad-dispożizzjonijiet għal programmi edukattivi ġodda) | 200 | 0,1% | Skont il-programm ta' stabbiltà, l-infiq fuq l-edukazzjoni fl-2010 se jiżdied b'madwar 0,2% tal-PGD (jew EUR 500 miljun). Huwa fid-diskrezzjoni tal-gvern li jikkanċella l-approprjazzjonijiet rilevanti bi kwalunkwe ammont, inkluż il-Programm ta' Investiment Pubbliku. Jekk id-deċiżjonijiet xierqa jittieħdu, it-tnaqqis imħabbar jidher li jista' jsir. |

TOTAL | 4800 | 2,0% |

[1] COM(2010) 93 (http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/pdf/30_edps/104-09_commission/2010-02-03_el_126-9_commission_en.pdf). Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Greċja jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/index_en.htm.

[2] Il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv li għaddejja għall-Greċja nbdiet fit-18 ta' Frar 2009, meta l-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 104(3) tat-TKE, u li fuq il-bażi tiegħu, u skont l-Artikolu 104(4) tat-TKE - SEC(2009) 197 - il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC) ifformola opinjoni fis-27 ta' Frar 2009. Fl-24 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 104(5) TEC, adottat l-opinjoni tagħha li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja – SEC(2009) 263. Fis-27 ta’ April 2009, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-TKE, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja – id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/415/KE (ĠU L 135, 30.5.2009, p. 21). Fl-istess ħin, skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjonijiet lill-Greċja biex iġġib fit-tmiem is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv sal-2010. Fil-11 ta’ Novembru 2009 il-Kummissjoni evalwat l-azzjoni meħuda mill-Greċja bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009, u kkonkludiet li l-azzjoni meħuda mill-Greċja ma kinitx adegwata u indirizzat rakkomandazzjoni għal deċiżjoni lill-Kunsill. Il-Kunsill iddeċieda skont dan fit-2 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE.

[3] COM(2010) 95.

[4] COM(2010) 94. L-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà Elleniku ntbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u sar disponibbli għall-pubbliku fil-15 ta' Jannar 2010.

[5] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/112856.pdf

[6] http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st06/st06147.en10.pdf, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st06/st06145.en10.pdf and http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st06/st06560.en10.pdf

[7] Fl-istess okkażjoni, il-Greċja ħabbret li, fil-ġimgħat li ġejjin, se titressaq quddiem il-Parlament riforma komprensiva tas-sistema tal-pensjonijiet.

[8] Ir-rapport mibgħut mill-Greċja fit-8 ta' Marzu 2010 jagħti lista iktar kompluta ta' miżuri adotti biex jimplimentaw il-programm ta' stabbiltà.

[9] Ara l-memoranda spjegatorji li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni għad-Deċiżjoni, ir-Rakkomandazzjoni u l-Opinjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 - COM(2010) 93, 94 u 95.

[10] Mid-dejta disponibbli tal-likwidità dwar l-eżekuzzjoni baġitajra ta' Jannar 2010 għall-gvern ċentrali jidher li kemm id-dħul kif ukoll l-infiq kienu konformi mal-miri, u l-iktar sinjal promettenti kien it-tnaqqis tal-infiq primarju. Madankollu, f'Jannar inġabar xi dħul ta' darba (marbut mat-taxxa straordinarja imposta fuq kumpaniji bi qligħ kbir ħafna u b'ħafna proprjetajiet). Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-infiq kapitali u l-ħlasijiet tal-interessi fuq bażi likwida jistgħu wkoll ikunu marbutin ma' bidla fix-xejra staġjonali tal-infiq.

[11] Skont ir-rapport mibgħut mill-Greċja fit-8 ta' Marzu, id-distakk tal-aġġustament fiskali qabel il-miżuri mħabbra fit-3 ta' Marzu 2010 kien 'bejn 1 u 1,5 % tal-PGD.'

[12] Il-President tal-Kummissjoni 'feraħ bl-aħbar tal-Gvern Grieg li se jintroduċi ġabra ta' miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni u li se jikkonferma l-impenn tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm'. Il-President tal-Eurogroup kien tal-istess fehma. Il-BĊE 'apprezza ħafna dak li kien ġie deċiż u qies li kienet azzjoni xierqa', filwaqt li l-IMF 'laqa' tajjeb il-pakkett fiskali b'saħħtu ħafna għall-2010', u nnota wkoll li l-implimentazzjoni tal-programm fiskali se tkun pass kruċjali 'l quddiem fi proċess multiannwali.

[13] Il-kont tal-pagi tal-gvern ċentrali fl-2008 ammonta għal EUR 22 871 miljun (9,6 % tal-PGD). Dan żdied bi 11½ % għal EUR 25 492 miljun (10,6% tal-PGD) fl-2009. Skont il-baġit tal-2010, kif imressaq mill-Parlament Grieg f'Ottubru 2009, il-kont tal-pagi tal-gvern ċentrali jiżdied bi 2,8 % għal EUR 26 213 (10,7 % tal-PGD) fl-2010. Jekk jitqies it-tnaqqis fl-impjiegi pubbliċi temporanji u t-tnaqqis ta' 10 % fil-konċessjonijet (il-programm ta' stabbiltà), l-iffriżar sħiħ tar-rimunerazzjonijiet (it-2 ta' Frar), it-tnaqqis addizzjonali ta' 2 % fil-konċessjonijiet (it-3 ta' Marzu), u t-tnaqqis fil-bonusijiet tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied (magħrufa wkoll bħala 'il-pagi tat-13 u l-14-il xahar'), il-kont tal-pagi tal-gvern ċentrali huwa mistenni jonqos b'4,6 % meta mqabbel mal-2009. It-tnaqqis fir-rimunerazzjonijiet nominali laħaq it-8½% meta mqabbel mal-2009, jekk wieħed iqis li l-konċessjonijiet kienu jiġu ntaxxati bi skala fiskali iktar baxxa u, minn issa 'l quddiem, se jiġu inklużi fil-kategorija tad-dħul normali u, għalhekk, intaxxati b'rata ogħla.