9.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 85/1


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali

2009/C 85/01

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-2005, il-Kummissjoni adottat road map għal riforma fl-għajnuna mill-Istat, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat (1) (“l-iSAAP”), sabiex ittejjeb l-effettività, it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-prevedibbiltà tas-sistema tal-għajnuna mill-Istat taħt it-Trattat tal-KE. Ibbażat fuq il-prinċipju ta’ “inqas għajnuna mill-Istat u iżjed immirata”, l-għan ċentrali tal-iSAAP huwa li jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-għajnuna ġenerali tagħhom, filwaqt li jidderieġu mill-ġdid ir-riżorsi tal-għajnuna mill-Istat lejn għanijiet ta’ interess komuni orizzontali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid l-impenn tagħha għal approċċ strett fir-rigward ta’ għajnuna inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi. L-iSAAP enfasizza l-ħtieġa għal infurzar u sorveljanza mmirati aħjar rigward l-għajnuna mill-Istat li tingħata mill-Istati Membri u saħaq li t-tilwim privat quddiem il-qrati nazzjonali jista’ jwassal għal dan il-għan billi tiġi żgurata aktar dixxiplina fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (2).

2.

Qabel l-adozzjoni tal-iSAAP, il-Kummissjoni kienet diġà indirizzat ir-rwol tal-qrati nazzjonali fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ippubblikat fl-1995 (3) (“l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni tal-1995”). L-Avviż dwar il-Kooperazzjoni tal-1995 introduċa mekkaniżmi għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali.

3.

Fl-2006, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fuq livell nazzjonali (4) (“l-Istudju dwar l-Infurzar”). Dan l-istudju kien immirat sabiex iforni analiżi dettaljata dwar l-infurzar privat tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri differenti. L-Istudju dwar l-Infurzar ikkonkluda li, fil-perjodu bejn l-1999 u l-2006, it-tilwim dwar l-għajnuna mill-Istat kien żdied b’mod sinifikanti fuq livell tal-Istati Membri (5).

4.

Madankollu, l-Istudju dwar l-Infurzar żvela wkoll li numru kbir ta’ proċeduri legali fuq livell ta’ Stat Membru ma kinux immirati sabiex inaqqsu l-effett antikompetittiv tal-miżuri sottostanti għall-għajnuna mill-Istat. Dan ġara minħabba li madwar żewġ terzi tas-sentenzi analizzati kienu jikkonċernaw azzjonijiet li tressqu minn persuni li jħallsu t-taxxa li fittxew ħelsien mill-impożizzjoni ta’ piż (tat-taxxa) (6) allegatament diskriminatorju kif ukoll azzjonijiet imressqa minn benefiċjarji sabiex jisfidaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (7). In-numru ta’ sfidi legali mmirati sabiex jinfurzaw il-konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat kien relattivament baxx: l-azzjonijiet minn kompetituri kontra awtorità ta’ Stat Membru għad-danni, l-irkupru u/jew miżuri ta’ inġunzjoni bbażati fuq l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE ammontaw għal 19 % biss tas-sentenzi analizzati, filwaqt li l-azzjonijiet diretti minn kompetituri kontra l-benefiċjarji ammontaw biss għal 6 % tas-sentenzi.

5.

Minkejja l-fatt li, kif enfasizzat fl-Istudju dwar l-Infurzar, sal-lum l-infurzar privat ġenwin quddiem il-qrati nazzjonali kellu rwol relattivament limitat fl-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tqis li l-azzjonijiet ta’ infurzar privati jistgħu joffru vantaġġi konsiderevoli għall-politika dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jagħtu lill-partijiet terzi l-opportunità sabiex, direttament fuq livell nazzjonali, jindirizzaw u jirriżolvu ħafna problemi li huma relatati mal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew (QEĠ), il-qrati nazzjonali jistgħu joffru lir-rikorrenti rimedji effettivi ħafna fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, dan jista’ jikkontribwixxi għal dixxiplina ġenerali aktar b’saħħitha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

6.

Għalhekk, l-għan ewlieni ta' dan l-Avviż huwa li jinforma lill-qrati nazzjonali u lil partijiet terzi dwar ir-rimedji disponibbli fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u sabiex ifornihom bi gwida dwar l-applikazzjoni prattika ta’ dawn ir-regoli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali billi tintroduċi strumenti aktar prattiċi li jsostnu lill-ġudikanti nazzjonali fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

7.

Dan l-Avviż jieħu post l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni tal-1995 u huwa bla preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni tat-Trattat applikabbli u d-dispożizzjonijiet regolatorji tal-qrati Komunitarji. Informazzjoni addizzjonali mmirata lejn il-qrati nazzjonali se tkun disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

2.   RWOL TAL-QRATI NAZZJONALI FL-INFURZAR TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

2.1.   Kwistjonijiet Ġenerali

2.1.1.   Identifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

8.

L-ewwel kwistjoni li l-qrati nazzjonali u r-rikorrenti potenzjali jiffaċċjaw meta japplikaw l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat hija jekk il-miżura kkonċernata tikkostitwixxix fil-fatt għajnuna mill-Istat fit-tifsira tat-Trattat.

9.

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat ikopri “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

10.

Il-QEĠ iddikjarat b’mod espliċitu li, bħalma huwa l-każ għall-Kummissjoni, il-qrati nazzjonali wkoll għandhom is-setgħa li jinterpretaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (8).

11.

Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat mhux limitat għas-sussidji (9). Dan jinkludi wkoll, inter alia, konċessjonijiet ta’ taxxa u investimenti minn fondi pubbliċi magħmula f’ċirkostanzi li fihom l-investitur privat kien jirtira s-sostenn tiegħu (10). Jekk l-għajnuna ngħatatx direttament jew le mill-Istat jew minn korpi pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura minnu sabiex jamministraw l-għajnuna huwa immaterjali f’dan ir-rigward (11). Iżda, sabiex is-sostenn pubbliku jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat, l-għajnuna teħtieġ tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti (“selettività”), bil-maqlub tal-miżuri ġenerali li għalihom l-Artikolu 87(1) tat-Trattat ma japplikax (12). Barra minn hekk, l-għajnuna trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jrid ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (13).

12.

Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Komunità (14) u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni ħafna drabi indirizzaw il-kwistjoni dwar jekk ċerti miżuri jikkwalifikawx jew le bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dettaljata dwar sensiela ta’ punti kumplessi, bħall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat (15), u tat-test tal-kreditur privat (16), iċ-ċirkostanzi li taħthom il-garanziji tal-Istat għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat (17), it-trattament ta’ bejgħ ta’ art pubblika (18), il-privatizzazzjoni u azzjonijiet assimilati mill-Istat (19), għajnuna taħt il-limiti de minimis (20), il-garanzija ta' kreditu għall-esportazzjoni (21), it-tassazzjoni diretta tal-impriżi (22), l-investimenti ta’ kapital ta’ riskju (23) u għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (24). Il-ġurisprudenza, il-gwida tal-Kummissjoni u l-prattika tat-teħid ta’ deċiżjoni jistgħu jfornu għajnuna siewja lill-qrati nazzjonali u lir-rikorrenti potenzjali rigward l-għajnuna mill-Istat.

13.

Fejn hemm dubji dwar il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni għal opinjoni skont it-Taqsima 3 ta' dan l-Avviż preżenti. Dan huwa bla preġudizzju għall-possibbiltà jew l-obbligu għal qorti nazzjonali sabiex tirreferi l-każ lill-QEĠ għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 tat-Trattat.

2.1.2.   Obbligu ta’ waqfien totali

14.

Skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux jimplimentaw miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni (“l-obbligu ta’ waqfien totali”):

“Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkonsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skont it-termini tal-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 2. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura jkollha deċiżjoni finali  (25).”

15.

Madankollu, hemm diversi ċirkostanzi li fihom l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi implimentata b’mod legali mingħajr approvazzjoni mill-Kummissjoni:

(a)

Fejn il-miżura tkun koperta b’Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa maħruġ taħt il-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (26) (“ir-Regolament li Jippermetti”). Fejn miżura tissodisfa r-rekwiżiti kollha tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-Istat Membru jinħeles mill-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżura ta’ għajnuna ppjanata u l-obbligu ta’ waqfien totali ma japplikax. Fuq il-bażi tar-Regolament li Jippermetti, il-Kummissjoni oriġinarjament adottat diversi Regolamenti ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (27), li sadattant uħud minnhom ġew mibdula bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (28);

(b)

Bl-istess mod, l-għajnuna diġà eżistenti (29) mhijiex soġġetta għall-obbligu ta’ waqfien totali. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, għajnuna mogħtija taħt skema li kienet teżisti qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru fl-Unjoni Ewropea jew taħt skema li kienet ġiet approvata qabel mill-Kummissjoni (30).

16.

Il-proċedimenti f’qorti nazzjonali dwar materji relatati mal-għajnuna mill-Istat jistgħu xi drabi jirrigwardaw l-applikabbiltà tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew skema ta’ għajnuna eżistenti jew approvata, jew it-tnejn. Meta l-applikabbilità ta’ Regolament bħal dan jew skema tkun f’riskju, il-qorti nazzjonali tista' biss tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament jew skema ġewx sodisfatti. Ma tistax tivvaluta l-kompatibbilità ta' miżura ta' għajnuna fejn dan mhux il-każ, peress li din il-valutazzjoni hi r-responsabbiltà esklussiva tal-Kummissjoni (31).

17.

Jekk il-qorti nazzjonali teħtieġ tiddetermina jekk il-miżura taqax taħt skema approvata ta' għajnuna, hi tista’ biss tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni humiex sodisfatti. Fejn il-kwistjonijiet li tqajmu f'livell nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali m'għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddikjara l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità bħala invalidi (32). Fejn tinqala’ l-kwistjoni ta’ validità, il-qorti nazzjonali tista’, jew f’xi każijiet għandha, tirrinvija l-kwistjoni lill-QEĠ għal deċiżjoni preliminari (33). Ibbażata fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif interpretat mill-QEĠ, anke l-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-validità tad-deċiżjoni sottostanti tal-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni preliminari ma tibqax aktar disponibbli meta r-rikorrent seta’, mingħajr dubju, jisfida d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Komunità skont l-Artikolu 230 tat-Trattat, imma jkun naqas milli jagħmel dan (34).

18.

Il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni għal opinjoni taħt it-Taqsima 3 tal-Avviż preżenti jekk din ikollha dubji rigward l-applikabbilità tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jew approvata.

2.1.3.   Rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali

19.

L-QEĠ tenniet ripetutament li kemm il-qrati nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni għandhom rwoli essenzjali, iżda distinti, fil-kuntest tal-infurzar tal-għajnuna mill-Istat (35).

20.

Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-kompatibbilità tal-miżuri għall-għajnuna proposti mas-suq intern, ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE. Din il-valutazzjoni tal-kompatibbilità hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Kummissjoni, suġġetta għar-reviżjoni mill-qrati tal-Komunità. Skont il-ġurisprudenza stabbiltà tal-QEĠ, il-qrati nazzjonali m’għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw miżura ta’ għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mal-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat tal-KE (36).

21.

Ir-rwol tal-qorti nazzjonali jiddependi fuq il-miżura ta’ għajnuna li hija f’riskju u jekk din il-miżura tkunx ġiet innotifikata u approvata kif jixraq mill-Kummissjoni:

(a)

Il-qrati nazzjonali ħafna drabi jintalbu sabiex jintervjenu f’każijiet fejn awtorità ta’ Stat Membru (37) tkun tat għajnuna mingħajr ma ħarset l-obbligu ta’ waqfien totali. Din is-sitwazzjoni tinħoloq jew għaliex l-għajnuna ma kienet notifikata xejn, jew għaliex l-awtorità implimentatha qabel ma rċeviet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rwol tal-qrati nazzjonali f’każijiet bħal dawn huwa li jipproteġi d-drittijiet tal-individwi affettwati bl-implimentazzjoni tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi (38);

(b)

Il-qrati nazzjonali għandhom ukoll rwol importanti fl-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru adottati skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (39) (Ir-Regolament Proċedurali), meta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija kontra l-liġi ma tkunx kompatibbli mas-suq komuni u tingħaqad mal-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mhux kompatibbli mingħand il-benefiċjarju. L-involviment tal-qrati nazzjonali f’dawn il-każijiet ħafna drabi jirriżulta minn azzjonijiet imressqa mill-benefiċjarji għar-reviżjoni tal-legalità tat-talba għall-ħlas lura maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali. Iżda, tipi oħra ta’ azzjoni legali jistgħu jkunu possibbli, (bħal azzjonijiet minn awtoritajiet ta’ Stat Membru kontra l-benefiċjarju mmirata lejn implimentazzjoni kompleta ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-irkupru), jiddependi mil-liġi nazzjonali proċedurali.

22.

Meta jippreservaw l-interessi tal-individwi, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw ukoll b’mod sħiħ l-effettività u l-effett dirett (40) tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat kif ukoll l-interessi tal-Komunità (41).

23.

Ir-rwol tal-qrati nazzjonali f'sitwazzjonijiet bħal dawn huma stabbiliti f’aktar dettall fit-Taqsimiet 2.2 u 2.3.

2.2.   Rwol tal-qrati nazzjonali fl-infurzar tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE – Għajnuna illegali mill-Istat

24.

Bħal l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, l-obbligu ta’ waqfien totali msemmija fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat tagħti lok għad-drittijiet individwali direttament effettivi ta’ partijiet affettwati (bħall-kompetituri tal-benefiċjarju). Dawn il-partijiet affettwati jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom billi jressqu azzjoni legali quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti kontra l-Istat Membru li ta din l-għajnuna. Wieħed mill-aktar rwoli importanti tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hu li jittrattaw dawn l-azzjonijiet legali u għalhekk jipproteġu d-drittijiet tal-kompetitur taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

25.

Ir-rwol essenzjali tal-qrati nazzjonali f’dan il-kuntest jiġi wkoll mill-fatt li s-setgħat tal-Kummissjoni biex tipproteġi l-kompetituri u partijiet terzi oħra kontra għajnuna li tingħata kontra l-liġi huma limitati. L-aktar punt importanti, kif l-QEĠ kkonkludiet fis-sentenzi tagħha “Boussac” (42) u “Tubemeuse” (43), hu li l-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni finali li tordna l-irkupru, sempliċement għaliex l-għajnuna ma ġietx innotifikata skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni sħiħa tal-kompatibbilità, irrispettivament minn jekk l-obbligu ta’ waqfien totali jkunx ġie rispettat jew le (44). Din il-valutazzjoni tista’ tieħu ħafna ħin u s-setgħat tal-Kummissjoni sabiex joħorġu inġunzjonijiet preliminari ta’ rkupru huma suġġetti għal rekwiżiti legali stretti ħafna (45).

26.

Bħala riżultat, l-azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali joffru mezz importanti ta’ rimedju għall-kompetituri u l-partijiet terzi l-oħra li jkunu ġew affettwati bl-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi. Ir-rimedji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali jinkludu:

(a)

il-prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi;

(b)

l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi (minkejja l-kompatibbilità);

(ċ)

l-irkupru ta’ mgħaxijiet mill-illegalità;

(d)

kumpens għall-kompetituri u partijiet terzi oħra; u

(e)

miżuri proviżorji kontra l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi.

27.

Kull wieħed minn dawn ir-rimedji huwa stipulat f’aktar dettall fit-Taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.6.

2.2.1.   Prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi

28.

Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jipproteġu d-drittijiet ta’ individwi li jkunu ġew affettwati bil-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali. Il-qrati nazzjonali, għalhekk, għandhom jiġbdu l-konsegwenzi legali kollha xierqa, skont il-liġi nazzjonali, fejn ikun seħħ xi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat (46). Madankollu, l-obbligi tal-qrati nazzjonali mhumiex limitati għall-għajnuna mogħtija kontra l-liġi li tkun ġiet żburżata diġà. Dawn jestendu wkoll għal każijiet fejn il-ħlas kontra l-liġi jkun se jsir dalwaqt. Bħala parti mill-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, il-qrati nazzjonali għandhom iħarsu d-drittijiet tal-individwi kontra kwalunkwe ksur possibbli ta’ dawk id-drittijiet (47). Fejn għajnuna mogħtija kontra l-liġi tkun se tiġi żburżata, il-qorti nazzjonali hija, għalhekk, obbligata li tevita dan il-ħlas milli jseħħ.

29.

L-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex jevitaw il-ħlas ta’ għajnuna li tkun ingħatat kontra l-liġi jista’ jinħoloq f’varjetà ta’ ambjenti proċedurali, skont it-tipi differenti ta’ azzjoni disponibbli taħt il-liġi nazzjonali. Ħafna drabi, ir-rikorrenti jfittxu li jisfidaw il-validità tal-att nazzjonali li jagħti, kontra l-liġi, l-għajnuna mill-Istat. F’dawn il-każijiet, il-prevenzjoni tal-ħlas kontra l-liġi ħafna drabi tkun il-konsegwenza loġika tas-sejba li l-att dwar l-għoti tal-għajnuna jkun invalidu bħala riżultat ta’ ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat mill-Istat Membru (48).

2.2.2.   Rkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi

30.

Meta qorti nazzjonali tkun ikkonfrontata b’għajnuna mogħtija kontra l-liġi, din għandha tiġbed il-konsegwenzi legali kollha minn din l-illegalità skont il-liġi nazzjonali. Il-qorti nazzjonali, għaldaqstant, għandha fil-prinċipju tordna l-irkupru sħiħ mingħand il-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi (49). L-ordni tal-irkupru sħiħ ta' għajnuna mogħtija kontra l-liġi hija parti mill-obbligu tal-qorti nazzjonali li tipproteġi d-drittijiet individwali ta’ min għamel it-talba (eż. Il-kompetitur) taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. L-obbligu ta’ rkupru tal-qorti nazzjonali mhux dipendenti fuq il-kompatibbilità tal-miżura ta’ għajnuna mal-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat.

31.

Peress li l-qrati nazzjonali għandhom jordnaw l-irkupru sħiħ tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi minkejja l-kompatibbilità tagħha, l-irkupru jista’ jkun aktar mgħaġġel quddiem qorti nazzjonali milli permezz ta’ ilment imressaq quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, mhux bħal ma tagħmel il-Kummissjoni (50), il-qorti nazzjonali tista’ u għandha tillimita lilha nnifisha sabiex tiddetermina jekk il-miżura tikkostitwix għajnuna mill-Istat u jekk l-obbligu ta’ waqfien totali japplikax għaliha.

32.

Madankollu, l-obbligu ta’ rkupru tal-qrati nazzjonali mhuwiex assolut. Skont il-“ġurisprudenza SFEI” (51), jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat mill-Istat kontra l-liġi ma jkunx jixraq. L-istandard legali li għandu japplika f’dan il-kuntest għandu jkun simili għal dak applikabbli taħt l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Proċedurali (52). Fi kliem ieħor, iċ-ċirkostanzi li ma jostakolawx ordni ta’ rkupru mill-Kummissjoni ma jiġġustifikawx qorti nazzjonali milli ma tordnax l-irkupru sħiħ skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. L-istandard li l-qrati tal-Komunità japplikaw f’dan ir-rigward huwa strett ħafna (53). B’mod partikolari, il-QEĠ tenniet b’mod konsistenti li, fil-prinċipju, il-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi ma jistax iressaq aspettattivi leġittimi kontra ordni ta’ rkupru tal-Kummissjoni (54). Dan għaliex negozjant diliġenti kien ikun kapaċi jivverifika jekk l-għajnuna li huwa rċieva kinitx notifikata jew le (55).

33.

Sabiex ikun ġustifikat li l-qorti nazzjonali ma tordnax l-irkupru skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, fatt speċifiku u konkret għandu għaldaqstant ikun ħoloq aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarju (56). Dan jista’ jkun partikolarment il-każ jekk il-Kummissjoni stess tkun tat assigurazzjonijiet preċiżi li l-miżura kkonċernata ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat, jew li din ma tkunx koperta bl-obbligu ta’ waqfien totali (57).

34.

Fis-sentenza “CELF” tagħha (58) il-QEĠ iċċarat li l-obbligu tal-qorti nazzjonali sabiex tordna l-irkupru sħiħ tal-għajnuna mogħtija mill-Istat kontra l-liġi jiġi sospiż jekk, sal-mument li l-qorti nazzjonali tkun tat is-sentenza tagħha, il-Kummissjoni tkun iddeċidiet diġà li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Peress li l-għan tal-obbligu ta’ waqfien totali huwa li jkun assigurat li għajnuna kompatibbli biss tista’ tiġi implimentata, dan l-għan ma jistax jiġi aktar imfixkel fejn il-Kummissjoni tkun diġà kkonfermat il-kompatibbiltà (59). Għalhekk, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat jibqa’ mhux affettwat meta l-Kummissjoni tkun għadha ma ħadet l-ebda deċiżjoni, irrispettivament minn jekk il-proċedura tal-Kummissjoni tkunx pendenti jew le (60).

35.

Filwaqt li wara deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali ma tibqax aktar taħt l-obbligu tal-liġi Komunitarja sabiex tordna rkupru sħiħ, il-QEĠ tagħraf ukoll b’mod espliċitu li l-obbligu ta’ rkupru jista’ jeżisti taħt il-liġi nazzjonali (61). Madankollu, fejn jeżisti dan l-obbligu ta’ rkupru, dan ikun bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jimplimenta mill-ġdid l-għajnuna aktar tard.

36.

Ladarba l-qorti nazzjonali tiddeċiedi li l-għajnuna mogħtija kontra l-liġi tkun ġiet żburżata bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, din trid tikkwantifika l-għajnuna sabiex tiddetermina l-ammont li jrid jiġi rkuprat. Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Komunità dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat u l-gwida u l-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jgħinu lill-qorti f’dan ir-rigward. Jekk il-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet sabiex tikkalkula l-ammont tal-għajnuna, din tista’ titlob l-appoġġ tal-Kummissjoni, kif stipulat f’aktar dettall fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Avviż.

2.2.3.   Rkupru ta’ mgħaxijiet

37.

Il-vantaġġ ekonomiku tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi mhuwiex limitat għall-ammont nominali tagħha. Aktar minn hekk, il-benefiċjarju jikseb vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni prematura tal-għajnuna. Dan huwa dovut għall-fatt li, kieku l-għajnuna ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, il-ħlas kien isir (allegatament) aktar tard. Dan kien jobbliga lill-benefiċjarju sabiex jissellef il-fondi rilevanti mis-swieq ta’ kapital, inklużi l-imgħaxijiet b’rati kummerċjali.

38.

Dan il-vantaġġ fiż-żmien mhux dovut huwa r-raġuni għaliex, jekk mill-Kummissjoni jiġi ordnat irkupru, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Proċedurali jeżiġi li mhux biss jipprevedi l-irkupru tal-ammont nominali tal-għajnuna, iżda wkoll l-irkupru tal-imgħaxijiet mill-ġurnata li fiha l-għajnuna mogħtija kontra l-liġi tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-ġurnata meta din tiġi effettivament irkuprata. Ir-rata tal-imgħax applikabbli f’dan il-kuntest hija definita fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [93] tat-Trattat (′ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni) (62).

39.

Fis-sentenza tagħha “CELF”, il-QEĠ iċċarat li l-ħtieġa li jiġi rkuprat il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni prematura tal-għajnuna (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-imgħax mill-illegalità”) hija parti mill-obbligu tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Dan għaliex l-implimentazzjoni qabel iż-żmien, tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, mill-inqas tagħmel lill-kompetituri jsofru, skont xi jkunu ċ-ċirkustanzi, qabel il-waqt, f’termini ta’ kompetizzjoni, mill-effetti tal-għajnuna. Għalhekk, il-benefiċjarju jkun kiseb vantaġġ mhux dovut (63).

40.

L-obbligu tal-qorti nazzjonali sabiex tordna l-irkupru ta’ imgħax mill-illegalità jista’ jseħħ f’żewġ xenarji differenti:

(a)

Il-qorti nazzjonali għandha normalment tordna l-irkupru sħiħ tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Fejn dan ikun il-każ, l-imgħax mill-illegalità jeħtieġ jiżdied mal-ammont oriġinali tal-għajnuna meta jiġi stabbilit l-ammont totali tal-irkupru.

(b)

Madankollu, il-qorti nazzjonali trid ukoll tordna l-irkupru tal-imgħax mill-illegalità f’ċirkostanzi li fihom, b’mod eċċezzjonali, ma jkunx hemm obbligu li jiġi ordnat l-irkupru sħiħ. Kif konfermat fis-“CELF”, l-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex jordnaw l-irkupru ta’ imgħaxijiet mill-illegalità għalhekk jibqa’ fis-seħħ anke wara deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni (64). Dan jista’ jkun ta’ importanza kbira għar-rikorrenti potenzjali, peress li joffri wkoll rimedju tajjeb f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun iddikjarat diġà li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni.

41.

Sabiex ikunu konformi mal-obbligu tagħhom ta’ irkupru fir-rigward tal-imgħaxijiet mill-illegalità, il-qrati nazzjonali jeħtieġ jiddeterminaw l-ammont tal-imgħax li jrid jiġi rkuprat. Il-prinċipji li ġejjin japplikaw f’dan ir-rigward:

(a)

Il-punt tat-tluq huwa l-ammont nominali tal-għajnuna (65).

(b)

Meta tiġi ddeterminata r-rata tal-imgħax applikabbli u l-metodu ta’ kalkolu, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-irkupru tal-imgħax mill-illegalità mill-qorti nazzjonali jservi l-istess għan bħall-irkupru tal-imgħaxijiet mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Proċedurali. Aktar minn hekk, it-talbiet għall-irkupru tal-imgħaxijiet mill-illegalità huma talbiet tal-liġi Komunitarja bbażati direttament fuq l-Artikolu 88(3) tat-Trattat (66). Il-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effettività deskritti fit-Taqsima 2.4.1 ta’ dan l-Avviż, għalhekk, japplikaw għal dawn it-talbiet.

(ċ)

Sabiex tiżgura l-konsistenza mal-Artikolu 14 tar-Regolament Proċedurali u sabiex tkun konformi mar-rekwiżit tal-effettività, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-metodu tal-kalkolu tal-imgħax li jintuża mill-qorti nazzjonali m’għandux ikun inqas strett minn dak previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (67). Għaldaqstant, l-imgħax mill-illegalità għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta u r-rata tal-imgħax applikabbli m’għandhiex tkun iktar baxxa mir-rata ta’ referenza (68).

(d)

Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, mill-prinċipju tal-ekwivalenza jsegwi li, fejn il-kalkolu tar-rata tal-imgħax skont il-liġi nazzjonali jkun aktar strett minn dak stabbilt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tapplika wkoll ir-regoli nazzjonali aktar stretti għat-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(e)

Id-data tal-bidu għall-kalkolu tal-imgħax għandha tkun dejjem il-ġurnata li fiha l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju. Id-data tat-tmiem tiddependi fuq is-sitwazzjoni fil-mument tas-sentenza nazzjonali. Jekk, kif kien il-każ f’“CELF”, il-Kummissjoni tkun approvat diġà l-għajnuna, id-data tat-tmiem tkun id-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Inkella, l-imgħax mill-illegalità għandu jakkumula matul il-perjodu sħiħ tal-illegalità sad-data tal-ħlas lura attwali tal-għajnuna mill-benefiċjarju. Kif ġie kkonfermat f’“CELF”, imgħax mill-illegalità għandu wkoll jiġi applikat għall-perjodu bejn l-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni u l-annullament sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati tal-Komunità (69).

42.

F’każ ta’ dubju, il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni għas-sostenn tagħha skont it-Taqsima 3 ta’ dan l-Avviż.

2.2.4.   Talbiet għal danni

43.

Bħala parti mir-rwol tagħhom skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, il-qrati nazzjonali jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jilqgħu talbiet għall-kumpens minħabba d-dannu kkawżat lill-kompetituri tal-benefiċjarju u lil partijiet terzi oħra bl-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi (70). Dawn l-azzjonijiet għad-danni normalment ikunu diretti lejn l-awtorità li tagħti l-għajnuna mill-Istat. Dawn jistgħu jkunu partikolarment importanti għar-rikorrent, peress li, kuntrarju għall-azzjonijiet immirati sempliċement għall-irkupru, azzjoni b’suċċess għad-danni tforni lir-rikorrent b’kumpens finanzjarju dirett għat-telf li jkun ġarrab.

44.

Il-QEĠ tenniet ħafna drabi li l-partijiet terzi affettwati jistgħu jressqu dawn l-azzjonijiet għad-danni taħt il-liġi nazzjonali  (71). Dawn l-isfidi jiddependu fuq ir-regoli legali nazzjonali. Għalhekk, il-bażijiet legali li fuqhom ir-rikorrenti kienu jiddependu fl-imgħoddi jvarjaw b’mod sinifikanti fil-Komunità kollha.

45.

Minkejja l-possibbiltà li wieħed jitlob għad-danni skont il-liġi nazzjonali, il-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali għandu konsegwenzi diretti u vinkolanti taħt il-liġi Komunitarja. Dan għaliex skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat l-obbligu ta’ waqfien totali huwa regola applikabbli direttament tal-liġi Komunitarja li jorbot fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha (72). Il-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali jista’, għalhekk, fil-prinċipju jagħti lok għal talbiet għad-danni bbażati futat-Trattatq il-ġurisprudenza “Francovich” (73) u “Brasserie du Pêcheur” (74) tal-QEĠ (75). Din il-ġurisprudenza tikkonferma li l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkumpensaw għat-telf u għad-danni li jkunu ġew ikkawżati lil individwi minħabba l-ksur tal-liġi Komunitarja li għaliha l-Istat huwa responsabbli (76). Din ir-responsabbiltà teżisti fejn: (i) ir-regola tal-liġi li tkun ġiet miksura tkun intenzjonata sabiex tagħti ċerti drittijiet lill-individwi; (ii) il-ksur ikun serju biżżejjed; u (iii) ikun hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru u d-danni li jkunu sofrew il-partijiet milquta (77).

46.

L-ewwel rekwiżit (l-obbligu tal-liġi Komunitarja mmirat sabiex jipproteġi drittijiet individwali) jintlaħaq fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Il-QEĠ mhux biss ikkonfermat bosta drabi l-eżistenza tad-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, iżda ċċarat ukoll li l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet individwali huwa rwol ġenwin tal-qrati nazzjonali (78).

47.

Ir-rekwiżit ta’ ksur serju biżżejjed tal-liġi Komunitarja ġeneralment jintlaħaq ukoll fir-rigward tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Meta tiddetermina jekk ksur tal-liġi Komunitarja jkunx serju biżżejjed jew le, il-QEĠ tagħmel enfasi kbira fuq l-ammont ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-awtoritajiet ikkonċernati (79). Fejn l-awtorità kkonċernata ma jkollha l-ebda diskrezzjoni, il-ksur tal-liġi Komunitarja jista’ jkun biżżejjed sabiex din tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur serju biżżejjed (80). Madankollu, rigward l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, l-awtoritajiet tal-Istat Membru m’għandhom l-ebda diskrezzjoni li ma jinnotifikawx il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat. Fil-prinċipju, dawn għandhom l-obbligu assolut li jinnotifikaw dawn il-miżuri kollha qabel l-implimentazzjoni tagħhom. Għalkemm il-QEĠ xi kultant tikkunsidra l-iskużabilità tal-ksur rilevanti tal-liġi Komunitarja (81), fil-preżenza tal-għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru normalment ma jistgħux jargumentaw li ma kinux konxji mill-obbligu ta’ waqfien totali. Dan għaliex jeżistu ġurisprudenza kif ukoll gwida sostanzjali tal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 87(1) u 88(3) tat-Trattat. F’każ ta’ dubju, l-Istati Membri jistgħu dejjem jinnotifikaw il-miżura lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ ċertezza legali (82).

48.

It-tielet rekwiżit li l-ksur tal-liġi Komumitarja jrid ikun ikkawża dannu finanzjarju attwali u ċert lir-rikorrent jista’ jintlaħaq b’diversi modi.

49.

Ir-rikorrent ħafna drabi jargumenta li l-għajnuna kienet responsabbli direttament għal telf ta’ qligħ. Meta tkun ikkonfrontata b’tali talba, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Minħabba r-rekwiżiti tal-ekwivalenza u l-effettività tal-liġi Komunitarja (83), ir-regoli nazzjonali ma jistgħux jeskludu r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għat-telf ta’ qligħ (84). Skont il-liġi Komunitarja, dannu jista’ jeżisti irrispettivament jekk il-ksur ikunx il-kawża ta' telf ta' attiv min-naħa tar-rikorrent jew jekk ma ħalliex lir-rikorrent itejjeb il-pożizzjoni tal-attiv tiegħu. Jekk il-liġi nazzjonali jkollha din l-esklużjoni, il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tapplika din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ talbiet għad-danni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(b)

Li jiġi stabbilit l-ammont attwali tal-qligħ mitluf ikun ferm eħfef meta l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi tkun ippermettiet li l-benefiċjarju jirbaħ kuntratt jew opportunità speċifika ta’ negozju fuq ir-rikorrent. Il-qorti nazzjonali mbagħad tkun tista’ tikkalkula d-dħul li r-rikorrent x’aktarx kien jiġġenera taħt dan il-kuntratt. F’każijiet fejn il-kuntratt ikun twettaq diġà mill-benefiċjarju, il-qorti nazzjonali tikkunsidra wkoll il-qligħ attwali ġġenerat.

(ċ)

Ikunu meħtieġa valutazzjonijiet aktar ikkumplikati tad-dannu meta l-għajnuna sempliċement twassal għal telf ġenerali ta’ sehem mis-suq. Mod wieħed possibbli ta’ kif jistgħu jiġu ttrattati każijiet bħal dawn jista’ ikun billi tiġi pparagunata s-sitwazzjoni attwali tad-dħul tar-rikorrent (ibbażata fuq il-kont tal-qligħ u t-telf) mas-sitwazzjoni ipotetika tad-dħul li kieku l-għajnuna mogħtija kontra l-liġi ma ngħatatx.

(d)

Jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn id-dannu li jkun sofra r-rikorrent jaqbeż il-qligħ mitluf. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta, bħala konsegwenza tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, ir-rikorrent jitlef in-negozju tiegħu (pereżempju minħabba falliment).

50.

Il-possibbiltà li jintalbu d-danni hija, fil-prinċipju, indipendenti minn kwalunkwe investigazzjoni parallela tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-istess miżura għall-għajnuna. Investigazzjoni li tkun għadha għaddejja ma teħlisx lill-qorti nazzjonali mill-obbligu tagħha li tissalvagwardja d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat (85). Minħabba li r-rikorrent jista’ juri li hu sofra t-telf minħabba l-implimentazzjoni prematura tal-għajnuna, u, b’mod aktar speċifiku, minħabba l-vantaġġ illegali taż-żmien għall-benefiċjarju, it-talbiet għad-danni li jirnexxu lanqas ma jiġu eliminati meta l-Kummissjoni tkun approvat diġà l-għajnuna sal-mument li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet dwar dan (86).

51.

Ir-regoli proċedurali nazzjonali xi kultant jippermettu lill-qorti nazzjonali tistrieħ fuq valutazzjonijiet raġonevoli sabiex jiġi ddeterminat l-ammont attwali tad-danni li jrid jingħata lir-rikorrent. Fejn dan ikun il-każ, u sakemm jitħares il-prinċipju tal-effettività (87), l-użu ta’ dawn il-valutazzjonijiet ikun possibbli wkoll fir-rigward ta’ talbiet għad-danni li jiriżultaw skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Din tista’ tkun għodda utli għall-qrati nazzjonali li jkollhom diffikultajiet fil-kalkolu tad-danni.

52.

Il-prerekwiżiti legali tat-talbiet għad-danni skont il-liġi Komunitarja u l-kwistjonijet tal-kalkolu tad-danni jistgħu wkoll jiffurmaw il-bażi tat-talbiet għall-għajnuna mill-Kummissjoni skont it-Taqsima 3 tal-Avviż preżenti.

2.2.5.   Talbiet għad-danni kontra l-benefiċjarju

53.

Ir-rikorrenti potenzjali huma intitolati li jressqu t-talbiet għad-danni kontra l-awtorità li tagħti l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom ir-rikorrent jippreferi jitlob għad-danni direttament mingħand il-benefiċjarju.

54.

Fis-sentenza “SFEI”, il-QEĠ indirizzat b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar jekk, skont il-liġi Komunitarja, jistgħux jitressqu azzjonijiet diretti għad-danni kontra l-benefiċjarju. Ġie konkluż li, minħabba li l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ma jimponi l-ebda obbligi diretti fuq il-benefiċjarju, m’hemmx bażi ta’ liġi Komunitarja biżżejjed għal dawn it-talbiet (88).

55.

Madankollu, dan ma jippreġudika bl-ebda mod il-possibbiltà ta’ azzjoni għad-danni b’suċċess kontra l-benefiċjarju fuq il-bażi ta’ liġi nazzjonali sostantiva. F’dan il-kuntest, il-QEĠ irreferiet b’mod speċifiku għall-possibbiltà li r-rikorrenti potenzjali jistrieħu fuq ir-regoli nazzjonali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali (89).

2.2.6.   Miżuri Intermedjarji

56.

L-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiġbdu l-konsegwenzi legali neċessarji mill-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali mhuwiex limitat għas-sentenzi finali tagħhom. Bħala parti mir-rwol tagħhom skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, il-qrati nazzjonali huma meħtieġa wkoll li jieħdu miżuri provviżorji meta jkun xieraq sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-individwi (90) u l-effettività tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

57.

Is-setgħa tal-qrati nazzjonali li jadottaw miżuri provviżorji tista’ tkun ta’ importanza kbira għall-partijiet interessati meta tkun meħtieġa deċiżjoni provviżorja ta’ malajr. Minħabba l-kapaċità tagħhom li jaġixxu malajr kontra l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, il-viċinanza tagħhom kif ukoll il-varjetà ta’ miżuri disponibbli lilhom, il-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba sabiex jieħdu miżuri provviżorji meta l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi tkun tħallset diġà jew tkun se titħallas.

58.

L-iktar każijiet ċari huma dawk fejn l-għajnuna mogħtija kontra l-liġi tkun għadha ma ġietx żburżata, iżda jkun hemm ir-riskju li dawn il-ħlasijiet isiru matul il-kors tal-proċedimenti tal-qorti nazzjonali. F’dawn il-każijiet, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tevita li jinkiser l-Artikolu 88(3) tat-Trattat (91) jista’ jeħtieġ li din toħroġ ordni provviżorja li twaqqaf l-iżburżar kontra l-liġi sakemm jissolva l-mertu tal-każ.

59.

Fejn ikun sar diġà ħlas kontra l-liġi, ir-rwol tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat normalment jeħtieġ li dawn jordnaw l-irkupru sħiħ (inklużi l-imgħaxijiet mill-illegalità). Minħabba l-prinċipju tal-effettività (92), il-qorti nazzjonali tista’ ma tipposponix dan billi ttawwal il-proċeduri mingħajr ġustifikazzjoni. Fil-fatt, dan id-dewmien mhux biss jaffettwa d-drittijiet individwali li jipproteġi l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, iżda jżid ukoll direttament id-dannu kompetittiv li jiġi mill-illegalità tal-għajnuna.

60.

Madankollu, minkejja dan l-obbligu ġenerali, jista’ għaldaqstant ikun hemm ċirkostanzi li fihom is-sentenza finali għall-qorti nazzjonali tiġi mdewma. F’dawn il-każijiet, l-obbligu biex jitħarsu d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat jitlob lill-qorti nazzjonali tuża l-miżuri provviżorji disponibbli kollha tagħha skont il-qafas proċedurali nazzjonali applikabbli biex almenu ttemm l-effetti antikompetittivi tal-għajnuna fuq bażi proviżorja (“l-irkupru provviżorju”) (93). L-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali f’dan il-kuntest hija soġġetta għar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività (94).

61.

Fejn, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Komunità’ u l-prattika tal-Kummissjoni, l-imħallef nazzjonali wasal għal konvinzjoni prima facie raġonevoli li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat kontra l-liġi, ir-rimedju l-aktar espedjenti jkun, fl-opinjoni tal-Kummissjoni u suġġett għal-liġi nazzjonali proċedurali, li jordna li l-għajnuna kontra l-liġi u l-imgħax mill-illegalità jitpoġġew f'kont blukkat sakemm il-mertu tal-kwistjoni jiġi riżolt. Fl-aħħar sentenza tagħha, il-qorti nazzjonali għandha mbagħad jew tordna li l-fondi fil-kont ibblukkat jintbagħtu lura lill-awtorità li tat l-għajnuna mill-Istat, jekk l-illegalità tiġi kkonfermata, jew tordna li l-fondi jiġu rilaxxati lill-benefiċjarju.

62.

L-irkupru provviżorju jista’ jkun ukoll strument effettiv ħafna f’każijiet fejn il-proċedimenti tal-qorti nazzjonali jkunu għaddejjin parallelment ma' investigazzjoni mill-Kummissjoni (95). Investigazzjoni tal-Kummissjoni li tkun għadha għaddejja ma teżentax lill-qorti nazzjonali mill-obbligu tagħha li tipproteġi d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat (96). Il-qorti nazzjonali, għalhekk, ma tistax sempliċement tissospendi l-proċeduri tagħha sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha u sadattant tħalli d-drittijiet tar-rikorrent skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat mhux protetti. Fejn il-qorti nazzjonali tkun tixtieq li tistenna l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kompatibbilità mill-Kummissjoni qabel ma tadotta ordni ta’ rkupru finali u irriversibbli, din għandha għaldaqstant tadotta miżuri provviżorji xierqa. Għal darba oħra, l-ordni li l-fondi jitpoġġew f’kont blukkat tidher li hija rimedju xieraq. F'każijiet fejn:

(a)

il-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli, il-qorti nazzjonali tista’ tordna li l-fondi fil-kont blukkat imorru lura għand l-awtorità li tagħti l-għajnuna mill-Istat (l-għajnuna u l-imgħax mill-illegalità).

(b)

il-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli, din tista’ teħles lill-qorti nazzjonali mill-obbligu tagħha tal-liġi Komunitarja sabiex tordna l-irkupru sħiħ (97). Il-qorti għalhekk, skont il-liġi nazzjonali (98), tista’ tordna l-ammont attwali tal-għajnuna sabiex jiġi rilaxxat lill-benefiċjarju. Madankollu, kif deskritt fit-Taqsima 2.2.3, il-qorti nazzjonali tibqa’ taħt l-obbligu tal-liġi Komunitarja sabiex tordna l-irkupru tal-imgħax mill-illegalità (99). Dan l-imgħax mill-illegalità għandu għaldaqstant jitħallas lill-awtorità li tagħti l-għajnuna mill-Istat.

2.3.   Rwol tal-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet negattivi tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru

63.

Il-qrati nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw ukoll kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun ordnat diġà li jsir l-irkupru. Għalkemm ħafna mill-każijiet ikunu azzjonijiet għall-annullament ta’ ordni ta’ rkupru nazzjonali, partijiet terzi wkoll jistgħu jitolbu kumpens mill-awtoritajiet nazzjonali talli naqsu milli jimplimentaw deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni.

2.3.1.   Sfida tal-validità ta’ ordni ta’ rkupru nazzjonali

64.

Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-deċiżjonijiet ta’ rkupru mingħajr dewmien. L-irkupru jsir skont il-proċeduri disponibbli taħt il-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu t-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjoni tal-irkupru. Meta regola ta’ proċedura nazzjonali ma tippermettix l-irkupru immedjat u/jew effettiv, il-qorti nazzjonali għandha tħalli din id-dispożizzjoni mhux applikata (100).

65.

Il-validità tal-ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jimplimentaw deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni xi kultant tiġi sfidata quddiem qorti nazzjonali. Ir-regoli li jikkontrollaw dawn l-azzjonijiet huma stipulati fid-dettall fl-Avviż tal-2007 dwar l-Irkupru mill-Kummissjoni (101), li l-prinċipji ewlenin tiegħu qed jidhru fil-qosor f'din it-Taqsima.

66.

B’mod partikolari, l-azzjonijiet ta’ qorti nazzjonali ma jistgħux jisfidaw il-validità tad-deċiżjoni sottostanti tal-Kummissjoni meta r-rikorrent seta’ sfida din id-deċiżjoni direttament quddiem il-qrati tal-Komunità (102). Dan ifisser ukoll li, fejn sfida skont l-Artikolu 230 tat-Trattat tkun possibbli, il-qorti nazzjonali ma tistax tissospendi t-twettiq tad-deċiżjoni ta’ rkupru għal raġunijiet marbuta mal-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (103).

67.

Fejn mhux ċar li r-rikorrent jista’ jressaq azzjoni għal annullament taħt l-Artikolu 230 tat-Trattat (per eżempju fejn il-miżura kienet skema ta' għajnuna b’kopertura wiesgħa li għaliha r-rikorrent forsi ma jkunx jista’ juri interess individwali), il-qorti nazzjonali għandha, fil-prinċipju, toffri protezzjoni legali. Iżda, anke f’dawk iċ-ċirkostanzi, l-imħallef nazzjonali għandu jitlob deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat fejn l-azzjoni legali tikkonċerna l-validità u l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (104).

68.

Li tingħata deċiżjoni provviżorja f’dawn iċ-ċirkostanzi huwa suġġett għal rekwiżiti legali stretti ħafna li huma definiti fil-ġurisprudenza “Zuckerfabrik” (105) u “Atlanta” (106): qorti nazzjonali tista’ tissospendi biss ordnijiet ta’ rkupru taħt dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-qorti jkollha dubji serji dwar il-validità tal-att tal-Komunità. Jekk il-validità tal-att ikkontestat ma ma tkunx tressqet diġà quddiem il-QEĠ, hija stess għandha tirreferi l-kwistjoni lill-QEĠ; (ii) irid ikun hemm urġenza fis-sens li d-deċiżjoni provviżorja tkun neċessarja sabiex jiġi evitat li l-parti li qed tfittex provvediment provviżorju ssofri dannu serju u irrimedjabbli; u (iii) il-qorti għandha tikkunsidra b'mod xieraq l-interess tal-Komunità. Fil-valutazzjoni tagħha ta’ dawk il-kundizzjonijiet kollha, il-qorti nazzjonali għandha tirrispetta kwalunkwe deċiżjoni mill-qrati tal-Komunità dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew dwar l-applikazzjoni għal deċiżjoni provviżorja fuq livell ta’ Komunità (107).

2.3.2.   Danni għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru

69.

Bħall-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali, in-nuqqas mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru sabiex ikunu konformi ma’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Proċedurali jista’ jwassal għal talbiet għad-danni skont il-ġurisprudenza “Francovich” u “Brasserie du Pêcheur” (108). Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, it-trattament ta’ dawn it-talbiet għad-danni jirrifletti l-prinċipji fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali (109). Dan għaliex, (i) l-obbligu ta’ rkupru ta’ Stat Membru huwa mmirat sabiex jipproteġi l-istess drittijiet individwali bħall-obbligu ta’ waqfien totali, u (ii) id-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-Kummissjoni ma jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-ebda diskrezzjoni; il-ksur ta’ obbligu ta’ rkupru għandu għalhekk, fil-prinċipju, jitqies bħala serju biżżejjed. Għaldaqstant, is-suċċess ta’ talba għad-danni għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni għal darb’oħra jiddependi fuq jekk ir-rikorrent jistgħax juri li hu sofra telf direttament bħala riżultat tal-irkupru mdewwem (110).

2.4.   Regoli proċedurali u l-locus standi quddiem il-qrati nazzjonali

2.4.1.   Prinċipji ġenerali

70.

Il-qrati nazzjonali huma obbligati jinfurzaw l-obbligu ta’ waqfien totali u jipproteġu d-drittijiet tal-individwi kontra għajnuna mill-Istat li tingħata kontra l-liġi. Fil-prinċipju, ir-regoli proċedurali nazzjonali japplikaw għal dawn il-proċedimenti (111). Madankollu, ibbażata fuq il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali f’dawn iċ-ċirkostanzi tiddependi minn żewġ kundizzjonijiet importanti:

(a)

ir-regoli proċedurali nazzjonali li japplikaw għal talbiet skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw it-talbiet li jsiru taħt il-liġi domestika (il-prinċipju tal-ekwivalenza) (112); u

(b)

ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jistgħux jirrendu diffiċli żżejjed jew prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti bil-liġi tal-Komunità (il-prinċipju tal-effettività) (113).

71.

Minħabba s-supremazija tal-liġi tal-Komunità, il-qrati nazzjonali għandhom iħallu r-regoli proċedurali nazzjonali mhux applikati jekk kieku jsir mod ieħor, jiġu miksura l-prinċipji msemmija fil-paragrafu 70 (114).

2.4.2.   Locus standi

72.

Skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, il-prinċipju tal-effettività għandu impatt dirett fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti possibbli quddiem il-qrati nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-liġi tal-Komunità teħtieġ li r-regoli nazzjonali dwar il-locus standi ma jimminawx id-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva (115). Ir-regoli nazzjonali, għalhekk, ma jistgħux jillimitaw il-locus standi għall-kompetituri tal-benefiċjarju biss (116). Il-partijiet terzi li ma jiġux affettwati bid-distorsjoni għall-kompetizzjoni li tirriżulta mill-miżura ta’ għajnuna jista’ jkollhom ukoll interess legali biżżejjed ta’ natura differenti (kif diġà ġie rikonoxxut f’każijiet ta’ tassazzjoni) sabiex iressqu proċedimenti quddiem il-qorti nazzjonali (117).

2.4.3.   Kwistjonijiet ta' locus standi f’każijiet ta' tassazzjoni

73.

Il-ġurisprudenza msemmija fil-paragrafu 72 hija partikolarment rilevanti għall-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ eżenzjonijiet mit-taxxi u responsabbiltajiet finanzjarji oħra. F’dawn il-każijiet, jista' jiġri li persuni li ma jibbenefikawx mill-istess eżenzjoni jisfidaw il-piż fiskali tagħhom stess fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat (118).

74.

Madankollu, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Komunità, partijiet terzi li jħallsu t-taxxa jistgħu jistrieħu biss fuq l-obbligu ta’ waqfien totali meta l-ħlas tat-taxxa tagħhom ikun jifforma parti integrali minn miżura ta’ għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi (119). Dan huwa l-każ fejn, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, id-dħul fiskali jkun riżervat esklużivament għall-finanzjament tal-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi u jkollu impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat (120).

75.

Jekk eżenzjonijiet ingħataw mit-taxxi ġenerali, dawn il-kriterji mhumiex ġeneralment sodisfatti. Impriża li hi responsabbli għall-ħlas ta’ dawn it-taxxi għalhekk ma tistax tiddikjara b’mod ġenerali li l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ ħaddieħor hija kontra l-liġi taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat (121). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li jekk l-eżenzjoni minn taxxa illegali tiġi estiża għar-rikorrent dan ma jkunx ta’ rimedju xieraq għall-ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Din il-miżura ma teliminax l-effetti antikompetittivi tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, iżda għall-kuntrarju, isaħħaħhom (122).

2.4.4.   Ġbir tal-evidenza

76.

Il-prinċipju tal-effettività jista’ jinfluwenza wkoll il-proċess tal-ġbir tal-evidenza. Pereżempju, meta l-piż tal-prova rigward talba partikolari jagħmilha impossibbli jew diffiċli ħafna għar-rikorrent sabiex jissostanzja t-talba tiegħu (pereżempju fejn dan ma jkollux l-evidenza dokumentata meħtieġa), il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa tuża l-mezzi kollha disponibbli skont il-liġi proċedurali nazzjonali sabiex tagħti aċċess lir-rikorrent għal din l-evidenza. Dan jista’ jinkludi, fejn previst bil-liġi nazzjonali, l-obbligu li l-qorti nazzjonali tordna lill-konvenut jew lil parti terza sabiex jagħmlu d-dokumenti meħtieġa disponibbli għar-rikorrent (123).

3.   SOSTENN TAL-KUMMISSJONI LILL-QRATI NAZZJONALI

77.

Skont l-Artikolu 10 tat-Trattat, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tal-KE. L-Artikolu 10 tat-Trattat jimplika għalhekk li l-Kummissjoni għandha tassisti qrati nazzjonali meta japplikaw l-liġi tal-Komunità (124). Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali jistgħu jkunu obbligati sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha (125).

78.

Meta wieħed jikkunsidra r-rwol tal-qrati nazzjonali fl-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija impenjata li tgħin lill-qrati nazzjonali fejn dawn tal-aħħar isibu tali għajnuna meħtieġa meta jiġu biex jiddeċiedu dwar każ pendenti. Filwaqt li l-Avviż ta’ Kooperazzjoni tal-1995 diġà offra lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà li jitolbu l-għajnuna lill-Kummissjoni, din il-possibbiltà ma ntużatx regolarment mill-qrati nazzjonali. Il-Kummissjoni għalhekk tixtieq li tagħmel attentat ieħor sabiex tistabbilixxi kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-qrati nazzjonali billi tforni mekkaniżmi ta' sostenn aktar prattiċi u faċli biex tużahom. Filwaqt li tagħmel dan, hija tispira ruħha mill-Avviż dwar il-Kooperazzjoni għall-Antitrust (126).

79.

Is-sostenn tal-Kummissjoni lill-qrati nazzjonali jista’ jkun ta’ żewġ forom differenti:

(a)

Il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni sabiex tittrasmettilha l-informazzjoni rilevanti li għandha fil-pussess tagħha (ara t-Taqsima 3.1).

(b)

Il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni għal opinjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara t-Taqsima 3.2).

80.

Fejn tkun ta’ sostenn għall-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-obbligu tagħha tal-kunfidenzjalità professjonali u tissalvagwardja l-funzjonalità u l-indipendenza tagħha stess (127). Fit-twettiq tal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 10 tat-Trattat lejn il-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni għaldaqstant hija impenjata li tibqa’ newtrali u oġġettiva. Peress li s-sostenn tal-Kummissjoni lill-qrati nazzjonali huwa parti mill-obbligu tagħha li tiddefendi l-interess pubbliku, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda intenzjoni li taqdi l-interessi privati tal-partijiet involuti fil-każ pendenti quddiem il-qorti nazzjonali. Il-Kummissjoni għalhekk ma tisma’ lill-ebda parti involuta fil-proċedimenti nazzjonali rigward l-għajnuna tagħha lill-qorti nazzjonali.

81.

Is-sostenn offrut lill-qrati nazzjonali taħt dan l-Avviż huwa volontarju u bla ħsara għall-possibbiltà jew l-obbligu (128) għall-qorti nazzjonali li titlob lill-QEĠ għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-liġi tal-Komunità skont l-Artikolu 234 tat-Trattat.

3.1.   Trasmissjoni tal-informazzjoni lill-qrati nazzjonali

82.

L-obbligu tal-Kummissjoni li tgħin lill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jinkludi l-obbligu li din tittrasmetti lill-qrati nazzjonali l-informazzjoni rilevanti fil-pussess tagħha (129).

83.

Qorti nazzjonali tista’, inter alia, titlob lill-Kummissjoni għal dawn it-tipi ta’ informazzjoni:

(a)

Informazzjoni dwar proċedura pendenti tal-Kummissjoni; din tista’, inter alia, tinkludi informazzjoni dwar jekk proċedura dwar miżura partikolari ta’ għajnuna tkunx pendenti quddiem il-Kummissjoni, jekk ċerta miżura ta’ għajnuna tkunx ġiet notifikata kif jixraq skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jekk il-Kummissjoni tkunx bdiet investigazzjoni formali, u jekk il-Kummissjoni tkunx diġà ħadet deċiżjoni (130). Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni, il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara meta din x’aktarx tkun se tiġi adottata.

(b)

Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tittrasmettilhom dokumenti li din ikollha fil-pussess tagħha. Dan jista’ jinkludi kopji ta’ deċiżjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jkunux ġew ippubblikati diġà fuq il-websajt tal-Kummissjoni, dejta fattwali, statistiċi, studji tas-suq u analiżi ekonomika.

84.

Sabiex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali tkun effiċjenti, it-talbiet għal informazzjoni se jkunu proċessati malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se tipprova tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-informazzjoni mitluba fi żmien xahar mid-data tat-talba. Fejn il-Kummissjoni jkollha bżonn tistaqsi lill-qorti nazzjonali għal aktar kjarifiki, dan il-perjodu ta’ xahar jibda mill-mument meta din tirċievi l-kjarifika. Meta l-Kummissjoni jkollha tikkonsulta partijiet terzi li jkunu affettwati direttament bit-trasmissjoni tal-informazzjoni, il-perjodu ta’ xahar jibda mill-konklużjoni ta’ din il-konsultazzjoni. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ għal ċerti tipi ta’ informazzjoni mressqa minn persuna privata (131), jew meta l-informazzjoni mressqa minn Stat Membru tkun mitluba minn qorti fi Stat Membru differenti.

85.

Meta tittrasmetti l-informazzjoni lill-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni teħtieġ twettaq il-garanziji mogħtija lil persuni fiżiċi u legali skont l-Artikolu 287 tat-Trattat (132). L-Artikolu 287 tat-Trattat jipprojbixxi li membri, uffiċjali u impjegati oħra tal-Kummissjoni jiżvelaw informazzjoni li tkun koperta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità professjonali. Dan jista’ jinkludi informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti tan-negozju.

86.

L-Artikoli 10 u 287 tat-Trattat ma jwasslux għall-projbizzjoni assoluta li l-Kummissjoni tittrasmetti lill-qrati nazzjonali informazzjoni koperta bil-kunfidenzjalità professjonali. Kif ikkonfermat mill-qrati tal-Komunità, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jeħtieġ li l-Kummissjoni tforni lill-qorti nazzjonali bi kwalunkwe informazzjoni li din tal-aħħar tkun teħtieġ (133). Dan jinkludi wkoll informazzjoni koperta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità professjonali.

87.

Meta din tkun beħsiebha tforni informazzjoni koperta mill-kunfidenzjalità professjonali lil qorti nazzjonali, il-Kummissjoni għalhekk għandha tfakkar lill-qorti dwar l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 287 tat-Trattat. Din titlob lill-qorti nazzjonali jekk tistax tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni kunfidenzjali u dawn is-sigrieti tan-negozju. Meta l-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ toffri tali garanzija, il-Kummissjoni ma tittrasmettix l-informazzjoni kkonċernata (134). Fejn, mill-banda l-oħra, il-qorti nazzjonali tkun offriet tali garanzija, il-Kummissjoni tittrasmetti l-informazzjoni meħtieġa.

88.

Jeżistu xenarji oħra li fihom il-Kummissjoni tista’ tiġi pprojbita milli tiżvela ċerta informazzjoni lil qorti nazzjonali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta milli tittrasmetti l-informazzjoni lil qorti nazzjonali meta din it-trasmissjoni tkun se tinterferixxi mat-tħaddim u l-indipendenza tal-Komunitajiet. Dan huwa l-każ meta l-iżvelar jista’ jhedded it-twettiq tal-kompiti fdati lill-Kummissjoni (135) (pereżempju informazzjoni dwar il-proċess intern tad-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni).

3.2.   Opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

89.

Meta tiġi biex tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal każ li jkun pendenti quddiemha, il-qorti nazzjonali għandha tirrispetta kwalunkwe regoli rilevanti tal-Komunità fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll il-ġurisprudenza eżistenti tal-qrati tal-Komunità. Barra minn hekk, qorti nazzjonali tista’ tfittex gwida fir-rigward tal-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-avviżi u l-linji gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat maħruġa mill-Kummissjoni. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom din l-għodda ma toffriex lill-qorti nazzjonali gwida biżżejjed dwar il-kwistjonijiet involuti. Fid-dawl tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 10 tat-Trattat u meta wieħed jikkunsidra r-rwol importanti u kumpless li l-qrati nazzjonali għandhom fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għalhekk tagħti lill-qrati nazzjonali l-opportunità sabiex dawn jitolbu l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet rilevanti li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (136).

90.

Dawn l-opinjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu, fil-prinċipju, jkopru l-kwistjonijiet ekonomiċi, fattwali jew legali kollha li jirriżultaw fil-kuntest ta’ proċedimenti nazzjonali (137). Kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja jistgħu ovvjament iwasslu wkoll lill-qrati nazzjonali sabiex titlob deċiżjoni preliminari tal-QEĠ taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat. Fejn ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju ieħor kontra d-deċiżjoni tal-qorti taħt il-liġi nazzjonali, l-użu ta’ din il-proċedura ta’ referenza preliminari hi, fil-prinċipju, mandatarja (138).

91.

Suġġetti possibbli li dwarhom il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni jinkludu, inter alia:

(a)

Jekk ċerta miżura tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87 tat-Trattat u, jekk ikun hekk, kif għandu jiġu kkalkulat l-ammont eżatt tal-għajnuna. Dawn l-opinjonijiet jistgħu jkunu relatati ma’ kull kriterju taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat (jiġifieri l-eżistenza ta’ vantaġġ, mogħti minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, distorsjoni possibbli għall-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri).

(b)

Jekk ċerta miżura għall-għajnuna tissodisfax xi rekwiżit partikolari tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa sabiex l-ebda notifika individwali ma tkun meħtieġa u l-obbligu ta’ waqfien totali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ma japplikax.

(ċ)

Jekk ċerta miżura għall-għajnuna taqax taħt skema speċifika ta’ għajnuna li tkun ġiet notifikata u approvata mill-Kummissjoni jew inkella din tikkwalifikax bħala għajnuna eżistenti. F’dawk il-każijiet ukoll l-obbligu ta’ waqfien totali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ma japplikax.

(d)

Jekk jeżistux ċirkostanzi eċċezzjonali (kif imsemmi fis-sentenza “SFEI” (139) li jistgħu jimpedixxu lill-qorti nazzjonali milli tordna l-irkupru sħiħ skont il-liġi tal-Komunità.

(e)

Meta l-qorti nazzjonali tkun meħtieġa tordna l-irkupru ta’ imgħaxijiet, din tista’ titlob lill-Kummissjoni għall-għajnuna dwar il-kalkolu tal-imgħax u r-rata tal-imgħax applikabbli.

(f)

Il-prerekwiżiti legali għat-talbiet għad-danni skont il-liġi tal-Komunità u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kalkolu tad-dannu li jkun sar.

92.

Kif intqal fil-paragrafu 20, il-valutazzjoni tal-kompatibbilità ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(2) u 87(3) tat-Trattat taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali mhumiex kompetenti li jagħmlu valutazzjoni tal-kompatibbilità ta’ miżura ta’ għajnuna. Filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax, għalhekk, tforni opinjonijiet dwar il-kompatibbilità, dan ma jipprojbix lill-qorti nazzjonali milli titlob informazzjoni proċedurali dwar jekk il-Kummissjoni tkunx diġà qed tagħmel valutazzjoni dwar il-kompatibbilità ta’ ċerta miżura għall-għajnuna (jew tkunx beħsiebha tagħmel hekk) u, jekk ikun hekk, meta x’aktarx li tiġi adottata d-deċiżjoni tagħha (140).

93.

Meta tagħti l-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tforni lill-qorti nazzjonali bl-informazzjoni fattwali jew bil-kjarifika ekonomika jew legali mitluba, mingħajr ma toqgħod tikkunsidra l-merti tal-każ pendenti quddiem il-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, kontra l-interpretazzjoni awtoritattiva tal-liġi tal-Komunità mill-qrati tal-Komunità, l-opinjoni tal-Kummissjoni ma torbotx legalment lill-qorti nazzjonali.

94.

Fl-interess li l-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali tkun effettiva kemm jista’ jkun, talbiet għal opinjonijiet mill-Kummissjoni se jiġu pproċessati malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se tipprova tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-informazzjoni mitluba fi żmien erba′ xhur mid-data tat-talba. Fejn il-Kummissjoni jkollha bżonn titlob lill-qorti nazzjonali għal aktar kjarifiki dwar it-talba tagħha, dan il-perjodu ta’ erba’ xhur jibda jgħodd mill-mument meta l-Kummissjoni tirċievi l-kjarifika.

95.

F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota, madankollu, li l-obbligu ġenerali tal-qrati nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat japplika wkoll matul il-perjodu li fih il-Kummissjoni tipprepara l-opinjoni mitluba. Dan għaliex, kif stipulat fil-paragrafu 62, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet individwali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat japplika irrispettivament minn jekk id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tkunx għadha mistennija jew le (141).

96.

Kif indikat diġà fil-paragrafu 80, il-Kummissjoni ma tismax lill-partijiet qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha lill-qorti nazzjonali. L-introduzzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni fil-proċediment nazzjonali tiddependi mir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, li jridu jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

3.3.   Kwistjonijiet prattiċi

97.

Sabiex tikkontribwixxi ulterjorment għal kooperazzjoni u komunikazzjoni aktar effettiva bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi punt ta’ kuntatt uniku, li lilu l-qrati nazzjonali jistgħu jindirizzaw it-talbiet kollha tagħhom għal sostenn skont it-Taqsimiet 3.1 u 3.2, kif ukoll kwalunkwe mistoqsijiet miktuba jew orali oħra li jistgħu jinqalgħu fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum rigward il-politika dwar l-għajnuna mill-Istat.

Kummissjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

B-1049 Brussel

Belġju

Telefon 0032 2 29 76271

Fax 0032 2 29 98330

Email ec-amicus-state-aid@ec.europa.eu

98.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju rigward il-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali skont dan l-Avviż fir-Rapport annwali tagħha dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni. Tagħmel ukoll l-opinjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħha disponibbli fuq il-websajt tagħha.

4.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

99.

Dan l-Avviż inħareġ sabiex jgħin lill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Ma jorbotx lill-qrati nazzjonali jew jaffettwa l-indipendenza tagħhom. Barra minn dan, l-Avviż ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u tal-persuni fiżiċi jew legali taħt il-liġi Komunitarja.

100.

Dan l-Avviż jieħu post l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni tal-1995.

101.

Il-Kummissjoni beħsiebha terġa′ teżamina dan l-Avviż ħames snin wara l-adozzjoni tiegħu.


(1)  Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat. Għajnuna mill-Istat li hija inqas fl-ammont u mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-Għajnuna mill-Istat 2005-2009 (COM(2005) 107 finali.

(2)  SAAP, paragrafi 55 u 56.

(3)  ĠU C 312, 23.11.1995, p. 8.

(4)  Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/studies_reports/studies_reforms.cfm. L-istudju kopra biss l-UE-15.

(5)  Żieda totali minn 116-il kawża għal 357 kawża.

(6)  51 % tas-sentenzi kollha.

(7)  12 % tas-sentenzi kollha.

(8)  Il-Kawża 78/76, Steinike & Weinlig, [1997] Ġabra 595, paragrafu 14; il-Kawża C-39/94, SFEI et, [1996] Ġabra I-3547, paragrafu 49; Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, [1991] Ġabra I-5505, paragrafu 10; u l-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, [2006] Ġabra I-9957, paragrafu 39.

(9)  Każ C-308/01, GIL Insurance and Others, [2004] Ġabra I-4777, paragrafu 69; Każ C-387/92, Banco Exterior de España v Ayuntamiento de Valencia, [1994] Ġabra I-877, paragrafu 13; Każ C-295/97, Piaggio, [1999] Ġabra I-3735, paragrafu 34; Każ C-39/94, SFEI, ċitat aktar ′l fuq fin-nota numru 8 f’qiegħ il-paġna paragrafu 58; Każ C-237/04, Enirisorse [2006] ECR I-2843, paragrafu 42; u Każ C-66/02, Italy v Commission [2005] Ġabra I-10901, paragrafu 77.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja v Il-Kummissjoni, [1994] Ġabra I-4103, paragrafu 28: “Għajnuna mill-Istat hija mogħtija kull meta Stat Membru jagħmel disponibbli lil intrapriża fondi li fil-kors normali tal-affarijiet ma jkunux ipprovduti minn investitur privat li japplika kriterji kummerċjali normali u li jwarrab konsiderazzjonijiet oħra ta’ natura soċjali, politika u filantropika”.

(11)  Kawża 290/83, Il-Kummissjoni v Franza, [1985] Ġabra 439, paragrafu 14; u l-kawża C-482/99 Franza v Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafi 36 u 42.

(12)  Analiżi ċara ta’ din id-distinzjoni tinsab fl-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-Kawżi Magħquda C-72/91 u C-73/91, Sloman Neptun v Bodo Ziesemer, [1993] Ġabra I-887.

(13)  Ara, inter alia, Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05 Air Liquide Industries Belgium, [2006] Ġabra I-5293, paragrafi 33 sa 36; Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio de Firenze et, [2006] Ġabra I-289, paragrafi 139 sa 141; u Kawża C-310/99, L-Italja v Il-Kummissjoni, [2002] Ġabra I-2289, paragrafi 84 sa 86.

(14)  Eżempju tajjeb huwa l-Kawża Altman tal-QEĠ, Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, [2003] Ġabra I-7747.

(15)  Dwar it-test tal-investitur privat in ġenerali, ara Kawża C-142/87, Belgium v Commission (Tubemeuse) [1990] Ġabra I-959; Kawża C-342/89, l-Italja vs il-Kummissjoni (Alfa Romeo), [1991] Ġabra I-1603, paragrafi 19 u 20. Dwar ir-raġunijiet dettaljati tagħha, ara l-Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, Westdeutsche Landesbank Girozentrale v Commission, [2003] Ġabra II-435, paragrafi 245 et seq. Ara wkoll il-Bullettin KE 9-1984, riprodotti fil-“Competition law in the European Communities”, Volum IIA, u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE lil impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura, (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3). Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruporti, ara l-linji gwida tal-Komunita’ dwar il-finanzjament tal-ajruporti u għajnuna start-up lil linji tal-ajru li jitliqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, paragrafi 42 sa 52, p. 1).

(16)  Kawża C-342/96, Spanja v Il-Kummissjoni, [1999] Ġabra I-2459, paragrafu 34; u l-Kawża C-256/97, DM Transport , [1999] Ġabra I-3913, paragrafu 25.

(17)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea għal għajnuna mill-Istat f'forma ta' garanziji, (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(18)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (ĠU C 209, tal-10.7.1997, p. 3).

(19)  Rapport XXIII dwar Politika tal-Kompetizzjoni, paragrafi 401 sa 402 u Kawża C-278/92, Spanja v. Il-Kummissjoni, [1994] Ġabra I-4103.

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 tal-24 ta' Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u r-Regolament li jemenda (KE) Nru 1860/2004 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-settur ta’ produzzjoni agrikolu (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35).

(21)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu [93(1)] tat-Trattat tal-KE li japplika l-Artikoli [92] u [93] tat-Trattat għall-assikurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni f’terminu ta’ żmien qasir (ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4), kif emendata l-aħħar bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri li temenda l-komunikazzjoni skont l-Artikolu [93(1)] tat-Trattat tal-KE li japplika l-Artikoli [92] u [93] tat-Trattat għall-assikurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni f’terminu ta’ żmien qasir (ĠU C 325, 22.12.2005, p. 22).

(22)  Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(23)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju (ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2).

(24)  Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u żvilupp u innovazzjoni (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).

(25)  L-Obbligu ta’ Waqfien Totali huwa mtenni fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [93] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1) (“ir-Regolament Proċedurali”). Fir-rigward taż-żmien eżatt tal-għotja tal-għajnuna, ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5) fil-preambolu 10.

(26)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(27)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna għat-taħriġ (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol (ĠU L 337, 13.12.2002, p. 3); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna għall-investiment nazzjonali u reġjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29). Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa dwar l-SMEs, it-taħriġ u x-xogħol kien ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2008 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1976/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2204/2002, (KE) Nru 70/2001 u (KE) Nru 68/2001 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ applikazzjoni (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 85). Regolamenti speċifiċi ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa japplikaw fis-setturi tas-sajd u l-agrikoltura. Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-Istat lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 16); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-Istat lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

(28)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3. Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħ li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awissu 2008. Ir-regoli li jirregolaw it-transizzjoni għar-reġim il-ġdid jinsabu fl-Artikolu 44 tiegħu.

(29)  Ara l-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(30)  Dan ma japplikax meta l-iskema nnifisha tipprevedi rekwiżit ta’ notifika individwali għal ċerti tipi ta' għajnuna. Dwar il-kunċett ta’ għajnuna ġja eżistenti, ara wkoll Kawża C-44/93 Namur-Les assurances du crédit v Office national du ducroire and Belgian State [1994] Ġabra I-3829, paragrafi 28 sa 34.

(31)  Ara paragrafu 20.

(32)  Ara Kawża C-119/05 Lucchini [2007] Ġabra I-6199, paragrafu 53.

(33)  Il-Kawża T-330/94, Salt Union v Il-Kummissjoni, [1996] Ġabra II-1475, paragrafu 39.

(34)  Il-Kawża C-188/92, TWD Textilwerke Deggendorf v Il-Ġermanja, [1994] Ġabra I-833, paragrafi 17, 25 u 26; Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-346/03 u C-529/03, Atzeni et , [2006] Ġabra I-1875, paragrafu 31; u l-Kawża C-232/05, Il-Kummissjoni v Franza, (“Scott”), [2006] Ġabra I-10071, paragrafu 59.

(35)  Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 37; Kawżi Magħquda C-261/01 u C-262/01, Van Calster u Cleeren, [2003] Ġabra I-12249, paragrafu 74; u l-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 41.

(36)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, [2008] Ġabra I-469, paragrafu 38; Kawża C-17/91, Lornoy et v L-Istat tal-Belġju, [1992] Ġabra I-6523, paragrafu 30; u l-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14.

(37)  Dan jinkludi l-awtoritajiet fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

(38)  Il-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 38 u 44; il-Kawżi Magħquda C-261/01 u C-262/01, Van Calster u Cleeren, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 35 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 75; u l-Kawża C-295/97, Piaggio, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 31.

(39)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(40)  Il-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 11 u 12; u l-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 39 u 40.

(41)  Il-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 48.

(42)  Il-Kawża C-301/87, Franza v Il-Kummissjoni, (“Boussac”), [1990] Ġabra I-307.

(43)  Il-Kawża C-142/87, Il-Belġju v Il-Kummissjoni, (“Tubemeuse”), [1990] Ġabra I-959.

(44)  Il-Kawża C-301/87, Franza v Il-Kummissjoni, (“Boussac”), imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 42 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 17 sa 23; Kawża C-142/87, Il-Belġju v Il-Kummissjoni, (“Tubemeuse”), imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 43 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 15 sa 19; Il-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14; u l-Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 38.

(45)  Cf. l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Proċedurali, li jesiġi li ma jkun hemm ebda dubju dwar il-karattru tal-għajnuna tal-miżura kkonċernata, li hemm urġenza għall-azzjoni u li hemm riskju serju ta’ dannu sostanzjali u irrimedjabbli għall-kompetitur.

(46)  Il-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 12; Il-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 40; Il-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 47; u l-Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 41.

(47)  Ara r-referenzi msemmija fin-nota 38 ta’ qiegħ il-paġna.

(48)  Dwar l-invalidità tal-att dwar l-għoti ta’ għajnuna f’każijiet fejn l-Istat Membru jkun kiser l-Artikolu 88(3) KE, ara l-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 12; ara wkoll, bħala eżempju, il-Qorti Federali tal-Ġustizzja tal-Ġermanja (“Bundesgerichtshof”), is-sentenza tal-4 ta’ April 2003, V ZR 314/02, VIZ 2003, 340, u s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2004, XI ZR 53/03, NVwZ 2004, 636.

(49)  Il-Kawża C-71/04, Xunta de Galicia, [2005] Ġabra I-7419, paragrafu 49; Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 40 u 68; u l-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 12.

(50)  Li trid twettaq analiżi tal-kompatibbiltà qabel ma tordna l-irkupru, ara r-referenzi msemmija fin-nota 45 ta’ qiegħ il-paġna.

(51)  Il-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 70 u 71, li tirreferi għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’din il-kawża, paragrafi 73 sa 75; ara wkoll il-Kawża 223/85, RSV vs Il-Kummissjoni, [1987] Ġabra p. 4617, paragrafu 17; u l-Kawża C-5/89, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, [1990] Ġabra I-3437, paragrafu 16.

(52)  Dwar l-istandard applikat f’dan ir-rigward, ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 75.

(53)  L-Artikolu 14 jipprovdi biss għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ rkupru tal-Kummissjoni meta l-irkupru jmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità. L-uniku każ li fih Stat Membru jista’ jonqos milli jimplimenta deċiżjoni għal irkupru mill-Kummissjoni huwa fejn dan l-irkupru jkun oġġettivament impossibbli, ara l-Kawża C-177/06, Il-Kummissjoni v Spanja, [2007] Ġabra I-7689, paragrafu 46. Ara wkoll il-paragrafu 17 tal-Avviż mill-Kummissjoni dwar implimentazzjoni effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri jirkupraw għajnuna inkompatibbli u li kienet ingħatat kontra l-liġi (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4).

(54)  Il-Kawża C-5/89, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 51 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14; Kawża C-169/95, Spanja v Il-Kummissjoni, [1997] Ġabra I-135, paragrafu 51; u l-Kawża C-148/04, Unicredito Italiano, [2005] Ġabra I-11137, paragrafu 104.

(55)  Kawża C-5/89, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 51 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14; Kawża C-24/95, Alcan Deutschland, [1997] Ġabra I-1591, paragrafu 25; u l-Kawżi Magħquda C-346/03 u C-529/03, Atzeni et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 34 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 64.

(56)  Cf. l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 73; u l-Kawża 223/85, RSV v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 51 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 17.

(57)  Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03 Il-Belġju u Forum 187 v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-5479, paragrafu 147;

(58)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 45, 46 u 55; u Kawża C-384/07, Wienstrom, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, għadha mhux ippubblikata, paragrafu 28.

(59)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 49.

(60)  Is-sentenza tikkonferma b’mod espliċitu l-obbligu ta’ rkupru impost mill-QEĠ fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, cf. il-Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 41.

(61)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 53 u 55.

(62)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Rigward il-metodu sabiex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza u ta’ skont, ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6) (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza”).

(63)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 50 sa 52 u 55.

(64)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 52 u 55.

(65)  Ara il-paragrafu 36. Taxxi mħallsa fuq l-ammont nominali tal-għajnuna jistgħu jitnaqqsu għar-raġunijiet tal-irkupru, ara Kawża T-459/93 Siemens v il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-1675, paragrafu 83.

(66)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 52 u 55.

(67)  Ara l-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(68)  Ara n-nota 62 ta’ qiegħ il-paġna.

(69)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 69.

(70)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 53 u 55; Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 56; u Kawża C-334/07 P, il-Kummissjoni v Freistaat Sachsen, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, għadha mhux ippubblikata, paragrafu 54.

(71)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 53 u 55; Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 56; u l-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 75.

(72)  Kawża 6/64, Costa v E.N.E.L., [1964] Ġabra 1141; Kawża 120/73, Lorenz GmbH v Bundesrepublik Deutschland et, [1973] Ġabra 1471, paragrafu 8; u l-Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 11.

(73)  Il-Kawżi Magħquda C-6/90 u C-9/90, Francovich u Bonifaci v L-Italja, [1991] Ġabra I-5357.

(74)  Il-Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur u Factortame, [1996] Ġabra I-1029.

(75)  Il-fatt li l-ksur tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat Membru direttament fuq il-bażi tal-liġi Komunitarja ġie kkonfermat fil-Kawża C-173/03 Traghetti del Mediterraneo v l-Italja, [2006] Ġabra I-5177, paragrafu 41.

(76)  Il-Kawżi Magħquda C-6/90 u C-9/90, Francovich u Bonifaci v L-Italja, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 73 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 31 sa 37; u l-Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur u Factortame, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 75 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 31.

(77)  Ara Kawża C-173/03, Traghetti del Mediterraneo v l-Italja, imsemmija aktar ′l fuq fin-nota 75 f’qiegħ il-paġna, paragrafu 45.

(78)  Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 12 sa 14; Kawżi Magħquda C-261/01 u C-262/01, Van Calster u Cleeren, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 35 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 53; u l-Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 38.

(79)  Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur u Factortame, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 74 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 55.

(80)  Kawża C-278/05, Robins et, [2007] Ġabra I-1053, paragrafu 71; Kawża C-424/97, Haim, [2000] Ġabra I-5123, paragrafu 38; u l-Kawża C-5/94, Hedley Lomas, [1996] Ġabra I-2553, paragrafu 28.

(81)  Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur u Factortame, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 74 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 56.

(82)  Għalkemm il-ksur tal-Artikolu 88(3) KE, għalhekk, għandu ġeneralment jitqies bħal serju biżżejjed, jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jostakolaw talba għad-danni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rekwiżit ta’ ksur serju biżżejjed jista’ ma jintlaħaqx. Ara l-paragrafi 32 u 33.

(83)  Ara t-Taqsima 2.4.1.

(84)  Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur u Factortame, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 75 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 87 u 90.

(85)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 44.

(86)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 53 u 55.

(87)  Ara t-Taqsima 2.4.1.

(88)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 72 sa 74.

(89)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 75. F’sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta’ liġijiet, il-liġi applikabbli hija determinata bir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).

(90)  Kawża C-354/90, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires et v Franza, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 12; Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 52; u l-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 46.

(91)  Ara t-Taqsima 2.2.1.

(92)  Ara t-Taqsima 2.4.1.

(93)  Ara wkoll il-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 52; u l-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 46.

(94)  Ara t-Taqsima 2.4.1.

(95)  Ara Taqsima 2.3.1 għal gwida dwar mizuri provviżorji f’każijiet ta’ rkupru.

(96)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 44.

(97)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 46 u 55.

(98)  Ara il-paragrafu 35.

(99)  Kawża C-199/06, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 52 u 55.

(100)  Kawża C-232/05, Il-Kummissjoni v Franza, (“Scott”), imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 34 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 49 sa 53.

(101)  Avviż mill-Kummissjoni - Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli u li ngħatat kontra l-liġi, ċċitata fin-nota 53 ta’ qiegħ il-paġna aktar ’il fuq, paragrafi 55 sa 59.

(102)  Ara r-referenzi msemmija fin-nota 35 ta’ qiegħ il-paġna.

(103)  Kawża C-232/05, Il-Kummissjoni v Franza, (“Scott”), imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 34 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 59 u 60.

(104)  Ara Kawża C-119/05 Lucchini ċitat aktar ′l fuq fin-nota 33 f’qiegħ il-paġna, paragrafu 53.

(105)  Il-Kawżi Magħquda C-143/88 u C-92/89, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest v Hauptzollamt Itzehoe and Hauptzollamt Paderborn, [1991] Ġabra I-415, paragrafu 33.

(106)  Il-Kawża C-465/93, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et v Bundesamt für Ernährung und Forstwirtschaft, [1995] Ġabra I-3761, paragrafu 51.

(107)  Għal aktar gwida, c.f. l-Avviż ta’ Rkupru tal-2007, paragrafu 59.

(108)  Ara r-referenzi msemmija fin-nota 77 ta’ qiegħ il-paġna.

(109)  Ara t-Taqsima 2.2.4.

(110)  Ara l-paragrafi 48 sa 51.

(111)  Il-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 45; u l-Kawża C-526/04, Laboratoires Boiron, [2006] Ġabra I-7529, paragrafu 51.

(112)  Il-Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 45; il-Kawżi Magħquda C-392/04 u C-422/04, i-21 Germany, [2006] Ġabra I-8559, paragrafu 57; u l-Kawża 33/76, Rewe, [1976] Ġabra 1989, paragrafu 5.

(113)  Kawża C-368/04, Transalpine Ölleitung in Österreich, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 45; Kawża C-174/02, Streekgewest, [2005] Ġabra I-85, paragrafu 18; u l-Kawża 33/76, Rewe, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 112 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 5.

(114)  Kawża 106/77, Amministrazione delle finanze dello Stato v Simmenthal, [1978] Ġabra 629, paragrafi 21 u 24.

(115)  Kawża C-174/02, Streekgewest, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 18.

(116)  Kawża C-174/02, Streekgewest, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 14 sa 21.

(117)  Kawża C-174/02, Streekgewest, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 19.

(118)  Ara l-Istatistiċi fil-paragrafu 3. L-impożizzjoni ta’ piż ta’ tassazzjoni fuq setturi jew produtturi speċifiċi tista’ ukoll issarraf f’għajnuna mill-Istat favur kumpanniji oħra, ara Kawża C-487/06 P British Aggregates Association v il-Kummissjoni, sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, għadha mhux ppubblikata, paragrafi 81 sa 86.

(119)  Kawża C-174/02, Streekgewest, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 19.

(120)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 13 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 46; Il-Kawżi Magħquda C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Casino France et, [2005] Ġabra I-9481, paragrafu 40; u l-Kawża C-174/02, Streekgewest, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 26.

(121)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 13 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 48; u l-Kawżi Magħquda C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Casino France et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 120 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 43 u 44.

(122)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 13 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 45.

(123)  Il-Kawża C-526/04, Laboratoires Boiron, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 111 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 55 u 57.

(124)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 50; Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, [1990] Ġabra I-3365, paragrafi 16 sa 22; u l-Kawża C-234/89, Delimitis v Henninger Bräu, [1991] Ġabra I-935, paragrafu 53.

(125)  Kawża C-94/00, Roquette Frères, [2002] Ġabra I-9011, paragrafu 31.

(126)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 54), paragrafi 15 sa 30.

(127)  Digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, [1990] Ġabra I-4405, paragrafi 10 u 11; u l-Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, [1996] Ġabra II-921, paragrafu 93.

(128)  Bbażata fuq l-Artikolu 234 KE, qorti nazzjonali li d-deċiżjoni tagħha mhix soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja ulterjuri hi taħt obbligu li tibda referenza preliminarja lill-QEĠ f’ċerti ċirkostanzi.

(129)  Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 50; Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 124 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 17 sa 22; Kawża C-234/89, Delimitis v Henninger Bräu, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 124 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 53; u l-Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 64 u 65.

(130)  Meta tirċievi din l-informazzjoni, il-qorti nazzjonali tista’ ssaqsi għal aġġornamenti regolari dwar l-istat ta' fatt.

(131)  Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 91.

(132)  Kawża C-234/89, Delimitis v Henninger Bräu, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 124 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 53; u l-Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 90.

(133)  Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 64; u Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, imsemmija aktar ’il fuq fin-nota 124 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 16 sa 22.

(134)  Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 93; u Digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafi 10 u 11.

(135)  Digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990 fil-Kawża C-2/88 Imm., Zwartveld et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 11; Kawża C-275/00, First u Franex, [2002] Ġabra I-10943, paragrafu 49; u l-Kawża T-353/94, Postbank v Il-Kummissjoni, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 127 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 93.

(136)  Ara l-Kawża C-39/94, SFEI et, imsemmija aktar ′il fuq fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 50.

(137)  Madankollu, jekk jogħġbok innota l-paragrafu 92.

(138)  Fejn l-interpretazzjoni tal-liġi tal-KE tista’ tiġi dedotta b'mod ċar minn każistika eżistenti jew fejn ma tħallix ambitu għal dubju raġonevoli, qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali mhix meħtieġa li tirreferi l-kawża għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hi libera li tagħmel dan. Ara Kawża 283/81 Cilfit and others [1982] Ġabra 3415, paragrafi 14 sa 20, u Kawżi Magħquda C-428/06 sa C-434/06 Unión General de Trabajadores de la Rioja [2008] Ġabra I-0000, sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafi 42 u 43.

(139)  Ara r-referenzi msemmija fin-nota 51 ta’ qiegħ il-paġna.

(140)  Ara l-paragrafu 83.

(141)  Dan jista’ jinkludi miżuri provviżorji kif imfisser fit-Taqsima 2.2.6.