52009PC0423

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni /* KUMM/2009/0423 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.8.2009

KUMM(2009) 423 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi relevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli tal-eliġġibbiltà applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni [2].

Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa l-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja skont ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu.

Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjoni huma dawn:

Il-Każ EGF/2009/002 DE / Nokia

1. L-applikazzjoni waslet għand il-Kummissjoni mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi fid-6 ta' Frar 2009, u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mressqa mill-Istat Membru sal-20 ta' Mejju 2009. Hija kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet ippreżentata sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

2. Il-Ġermanja ressqet din l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm mill-anqas 1 000 sensja fuq perjodu ta' 4 xhur f'impriża inkluż ħaddiema mogħtija s-sensja mill-fornituri u mill-produtturi downstream tagħha. L-applikazzjoni turi li ngħataw total ta' 1 337 sensja f'impriża waħda: Nokia GmbH matul perjodu ta' referenza ta' 4 xhur (mit-30 ta' Lulju 2008 sad-29 ta' Novembru 2008).

3. L-analiżi tar-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja hija bbażata fuq l-informazzjoni li ġejja. Is-sensji kienu r-riżultat tad-deċiżjoni tal-grupp tat-telekomunikazzjonijiet Nokia li tagħlaq il-fabbrika tagħha f'Bochum. Il-Ġermanja tindika li s-sensji jsegwu xejra ġenerali[3] fost il-manifatturi ta' telefowns ċellulari lejn delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom jen swieq "emerġenti" fir-reġjun tal-Asja/il-Paċifiku, li huma kkaratterizzati minn rati ta' tkabbir għoljin fid-domanda għal telefowns ċellulari. Il-produzzjoni tat-telefown ċellulari ġiet delokalizzata mhux biss lejn iċ-Ċina, iżda wkoll lejn il-Korea ta' Isfel, l-Indja, il-Messiku u l-Brażil. L-applikant jiddikjara li l-pajjiżi b'salarji baxxi saru attraenti wkoll bħala postijiet fejn isiru attivitajiet ta' riċerka u żvilupp. Saret referenza għal ċentru ta' riċerka u żvilupp (R&D) għal telefowns ċellulari li n-Nokia żviluppat fiċ-Ċina, f'Hong Kong, fil-Makaw u fit-Tajwan.

4. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni:

It-territorji milquta mis-sensji huma l-belt ta' Bochum, ir-reġjun amministrattiv ta' Anrsberg fil-livell NUTS II (nomenklatura ta' unitajiet territorjali għall-istatistika) u l-Land North Rhine Westphalia fil-livell NUTS I. Il-partijiet interessati responsabbli ewlenin huma l-Uffiċċju tal-Xogħol ta' Bochum, l-uffiċċju ċentrali tal-Uffiċċju Federali tal-Impjiegi, id-direttorat reġjonali North Rhine Westphalia, il-Ministeru għax-Xogħol, Saħħa u Affarijiet Soċjali tan-North Rhine Westphalia, IG Metall North Rhine Westphalia, Nokia GmbH u l-kumpanija ta' trasferiment PEAG.

L-applikant jiddikjara li l-ħaddiema ssensjati jaqgħu taħt il-kompetenza ta' 4 uffiċċji lokali tal-impjiegi: Bochum, Gelsenkirchen, Recklinghausen u Dortmund, li tradizzjonalment kollha kemm huma għandhom rata tal-qgħad li hija tassew ogħla minn dik ta' partijiet oħra tan-North Rhine Westphalia u tal-Ġermanja. Pereżempju f'Diċembru 2008, ir-rata tal-qgħad laħqet l-10,2 % f'Bochum, it-12,3 % f'Gelsenkirchen, l-10,7 % f'Recklinghausen u 12,2 % f'Dortmund, filwaqt li fin-North Rhine Westphalia kienet 8,1 % u 7,4 % fil-Ġermanja. Fl-isfond tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali s-sitwazzjoni tal-qgħad fiż-żoni milquta tidher partikolarment vulnerabbli, meta titqies il-preżenza tal-industrija tal-karozzi (Opel) u tal-azzar f'Bochum u f'Dortmund, ir-rikonverżjoni li għada għaddejja mit-tħaffir għall-faħam għal setturi oħrajn li jirrikjedu aktar ħidma intensiva f'Gelsenkirchen u d-dipendenza ta' Recklinghausen fuq fornitur kbir wieħed għall-industrija tal-karozzi (Hella) u l-industrija kimika li tipproduċi materjali sintetiċi għall-industrija tal-karozzi.

F'dawn iċ-ċirkostanzi wieħed jista’ jikkonkludi li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali.

5. L-applikazzjoni tikkonċerna 1 337 sensja fin-Nokia GmbH, b'għajnuna mmirata għal 1 316 minnhom.

6. Fir-rigward tal-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-applikazzjoni pprovdiet l-elementi li ġejjin: L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. L-awtoritajiet Ġermaniżi taw assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristruttur ta' kumpaniji jew setturi. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imfissra hawn fuq, qed ikun propost li tiġi aċċettata l-applikazzjoni EGF/2009/002 DE/Nokia mressqa mill-Ġermanja, dwar is-sensji relatati ma' impriża waħda Nokia GmbH, billi ġew ippreżentati provi li dawn is-sensji huma kkawżati minn tibdil strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali fid-dinja li wasslu għal taqlib ekonomiku serju, li jaffettwa 'l-impjiegi u 'l-ekonomija lokali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi eliġibbli personalizzati li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 5 553 850.

Finanzjament

Il-baġit annwali totali disponibbli għall-EGF huwa ta’ EUR 500 miljun. Ammont ta’ EUR 7 523 850 diġà kien immobilizzat għal applikazzjonijiet preċedenti fl-2009 u dan iħalli ammont ta’ EUR 492 476 150.

L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-applikant.

Abbażi tal-applikazzjoni għal għajnuna mill-Fond imressqa mill-Ġermanja bħala għajnuna għall-ħaddiema ssensjati minn Nokia GmbH, l-istimi totali tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati huma kif ġej:

EGF/2009/002 DE/ NOKIA | Total: EUR 5 553 850 |

Fid-dawl tal-analiżi ta' din l-applikazzjoni[4], u wara li qieset l-għotja massima possibli mill-Fond stabbilita skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll il-possibiltà tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għas-somma totali ta' EUR 5 553 850 , li għandha tkun allokata skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

Dan l-ammont ta' sostenn jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2009, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat il-Fond, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat il-Fond u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2009 approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[7],

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) huwa intiż sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3) Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward tal-ħaddiema ssensjati minn Nokia GmbH fis-6 ta' Frar 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 5 553 850.

(4) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 5 553 850 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3] Ix-xejra kienet diġà stabbilita fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni EGF/2007/003 DE/BenQ (SEC(2007)1142) u EGF/2007/004 FI/Perlos (SEC(2007)1228) tal-Kummissjoni

[4] Il-Komunikazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni introdotta mill-Ġermanja (SEC(2009)1094) li tippreżenta l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-talba.

[5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[6] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[7] ĠU C […], […], p. […]