52009DC0693

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Dwar l-Istat tal-Implimentazzjoni tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti SEG(2009)1707 /* KUMM/2009/0693 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.12.2009

KUMM(2009)693 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-Istat tal-Implimentazzjoni tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti

SEG(2009)1707

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-Istat tal-Implimentazzjoni tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti

DAħLA

Fit-18 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha "Politika Integrata dwar il-Prodotti – nibnu fuq il-Filosofija taċ-Ċiklu tal-Ħajja ambjentali"[1]. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-istat tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport tingħata analiżi dettaljata.

Il-kunċett ta' Politika Integrata dwar il-Prodotti (IPP) jimmira lejn azzjoni koerenti, billi juża l-iktar għodod ta’ politika xierqa u jinvolvi l-partijiet interessati, lejn prodotti “iktar ekoloġiċi” li jinkorporaw inqas impatti ambjentali ma’ servizzi mtejba għall-konsumaturi. Dan jitlob titjib kontinwu fil-manifattura u d-disinnjar tal-prodotti, u għall-promozzjoni tal-użu tagħhom mill-konsumaturi.

Il-kunċett tal-IPP huwa bbażat fuq l-osservazzjonijiet li ġejjin:

- Il-produzzjoni u l-użu tal-oġġetti u s-servizzi (jiġifieri l-prodotti) qed joħolqu l-maġġoranza tal-impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent. Is-sitwazzjoni qiegħda tmur għall-agħar minħabba li l-għadd ta’ prodotti li jiġu kkunsmati qiegħed dejjem jikber fl-UE u globalment.

- Il-pressjonijiet ambjentali u l-impatti tal-prodotti jidhru f’diversi stadji taċ-ċiklu ta’ ħajjithom (tul il-katina tal-produzzjoni, matul il-fażi tal-użu, fir-rimi tal-prodotti li tispiċċalhom ħajjithom). Għandhom jitfasslu azzjonijiet ta’ rimedju b’tali mod li jiġi evitat li l-piż ambjentali jgħaddi għal stadji oħra taċ-ċiklu tal-ħajja, jew għal żoni ġeografiċi oħra.

- Minħabba l-varjetà kbira ta’ prodotti u impatti, mhemm l-ebda għodda ta' politika waħdanija li tindirizzahom kollha. Fuq bażi ta’ każ b’każ, l-istrument politiku xieraq jew it-taħlita ta’ strumenti xierqa għandu/hom jintgħażel/jintgħażlu u jitħaddem/jitħaddmu b’mod koordinat, spiss fuq firxa ta' diversi oqsma ta' politika (pereżempju, leġiżlazzjoni dwar id-disinnjar tal-prodott, il-livelli massimi tal-emissjonijiet, it-tikkettar, il-miżuri fiskali, l-impenji tal-industrija stess, eċċ.). Sabiex isir l-aħjar użu ta’ dawn l-istrumenti, jeħtieġ li tkun involuta varjetà kbira ta' partijiet interessati, inklużi dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u l-konsumaturi.

Il-Komunikazjoni dwar l-IPP fl-2003 kienet preċeduta mill-istudji preparatorji fl-1998 u Green Paper dwar l-IPP[2] fl-2001. Il-Komunikazzjoni elaborat l-għan tal-IPP u stabbiliet ħames “prinċipji” tal-IPP: (1) Il-Filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja; (2) Il-ħidma mas-suq; (3) L-involviment wiesa’ tal-partijiet interessati; (4) It-titjib kontinwu tal-prodotti; (5) L-użu koordinat tal-istrumenti ta’ politika. L-IPP kellha tiġi implimentata permezz ta’ tliet azzjonijiet strateġiċi:

- Kontribuzzjoni għall-azzjonijiet ta’ politika ġenerali, partikolarment l-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli[3], is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[4] u l-Qafas ta' għaxar snin ta' programmi dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli[5].

- Suppliment għall-politiki eżistenti li huma relatati mal-prodotti billi tipprovdi qafas li bih il-problemi ambjentali jistgħu jiġu kkunsidrati bil-ħsieb taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.

- Tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-koerenza tal-istrumenti tal-politika dwar prodotti relatati mal-ambjent.

Skont dan, ġeneralment l-IPP stess tevita li tieħu azzjoni konkreta dwar prodotti speċifiċi[6] iżda minflok tipprovdi l-qafas, il-gwida u l-għodod kunċettwali għal varjetà kbira ta’ politiki u atturi. Il-Komunikazzjoni enfasizzat l-oqsma ta’ azzjoni possibbli u ssuġġeriet ir-responsabbiltajiet għall-gruppi ewlenin tal-partijiet interessati.

Il-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent[7] laqa’ din l-inizjattiva u appoġġaha “... l-għan li l-atturi rilevanti jiġu nkoraġġuti sabiex fil-politiki tagħhom jinkludu għanijiet li jnaqqsu l-impatti ambjentali tal-prodotti kollha u li jimmiraw għal titjib kontinwu tal-prodotti u s-servizzi ...” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Minn hemm, il-kunċett u l-għodod tal-IPP tpoġġew fil-prattika fil-livelli kollha tal-politika, bil-parteċipazzjoni tal-industrija u ta' partijiet interessati oħra f'livelli varji.

L-ISTAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Illum, il-prinċipji tal-IPP jagħmlu parti integrali minn ħafna inizjattivi, u r-riċerka li saret u l-għodod li ġew żviluppati kif imsemmija fil-Komunikazzjoni qed jintużaw ħafna. Madankollu, ir-referenzi espliċiti għall-IPP f’dawn l-inizjattivi mhumiex komuni. Għalhekk, l-użu tal-approċċ tal-IPP jeħtieġ li jiġi vvalutat mill-kontenut tal-politiki iktar milli abbażi tar-referenzi espliċiti. Barra minn hekk, l-ambizzjonijiet lejn koerenza aħjar tal-politiki relatati mal-prodotti żdiedu b’mod sinifikanti mill-bidu tagħha ’l hawn, u jagħmlu parti mill-aġenda tar-“RegolamentazzjoniAħjar”[8]. Fil-fatt, il-prinċipji tal-IPP ġew inkorporati b’suċċess fil-qafas ġenerali estensiv Il- Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli/il-Politika Industrijali Sostenibbli (PKS/SIP) mal- Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP tal-2008,[9] u jinkorporaw b’mod effikaċi kif ukoll ikomplu l-proċess li nbeda bil-Komunikazzjoni tal-IPP.

Biex nimxu ’l quddiem, huwa xieraq li nkomplu nintegraw iż-żewġ proċessi u nikkunsidraw l-IPP bħala komponent sinifikanti tal-aġenda tal-PKS/SIP.

EżEMPJI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IPP FIL-LIVELL KOMUNITARJU

Diversi inizjattivi politiċi żviluppati wara l-Komunikazzjoni tal-IPP jirriflettu l-approċċ tal-IPP lejn prodotti “iktar ekoloġiċi” bil-ħsieb taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli/il-Politika Industrijali Sostenibbli PKS/SIP jgħaqqad l-istrumenti tal-IPP f’pakkett ta’ politika koerenti lejn prodotti "iktar ekoloġiċi" u xejriet ta’ konsum iktar għaqlin. Għalhekk, huwa jagħti kontribuzzjoni ewlenija għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-IPP fil-livell Komunitarju, li fost oħrajn jinkludi: leġiżlazzjoni għat- titjib kontinwu tad- disinnjar tal-prodott , flimkien ma’ skemi riveduti tat- tikkettar li jappoġġaw id-domanda tal-konsumaturi għal prodotti bi prestazzjoni ambjentali għolja, qafas għall- Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-oġġetti u s-servizzi u l-possibbiltà ta’ inċentivi finanzjarji biex jistimulaw l-użu tat-tali prodotti. Barra minn hekk, il- “Forum tal-Bejgħ bl-Imnut” li ġie stabbilit skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP jimplimenta l-istrumenti tal-IPP tax- xiri korporattiv iktar ekoloġiku u jiżgura l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti biex jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aħjar dwar is-sostenibbiltà[10].

Id- Direttiva dwar l-Ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija kienet traspożizzjoni diretta tal-prinċipji tal-IPP fil-leġiżlazzjoni dwar id-disinnjar tal-prodotti. L-ambitu tagħha twessa’ fl-2009 għal iktar gruppi ta’ prodotti (prodotti relatati mal-enerġija) fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP. [11]

Id- Direttiva Qafas dwar l-Iskart[12] il-ġdida lil diversi elementi tal-IPP tagħmilhom legalment vinkolanti, partikolarment ir-rekwiżit li l-politika tal-iskart tikkunsidra ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-materjali fl-iżvilupp tal-politika dwar l-iskart. Il-Filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja ggwidat ukoll dispożizzjoni tad- Direttiva dwar il-Batteriji [13] li tippermetti r-rimi, minflok ir-riċiklaġġ, biss jekk ikun ta’ vantaġġ ambjentali bil-ħsieb taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja.

L- Istrateġiji Tematiċi dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali[14] u dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart[15] approvaw il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja u s-sejħa għat-titjib kontinwu, kif ukoll il-prinċipju tal-ħidma mas-suq. Is-sejħa għall-istrateġija tal-iskart għal swieq tar-riċiklaġġ f’saħħithom fl-UE hija eżempju ta’ dan.

Immedjatament wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-IPP, il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa l- Pjattaforma Ewropea tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) , bażi tad-dejta Ewropea ta’ Referenza taċ-Ċikli tal-Ħajja kkontrollata għall-kwalità u manwal tal-LCA. Il-ħidma qed tkompli lejn gwida speċifika għall-applikazzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja f’oqsma speċifiċi tal-politika, kif ukoll lejn it-tħaddin sħiħ tad-dimensjoni internazzjonali. Barra minn hekk, żewġ proġetti pilota volontarji esploraw il-prattiċitajiet tal-kunċett tal-IPP u partikolarment il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja[16], u dawn wasslu għal impenji tal-industrija stess f'dan ir-rigward.

Sabiex jiġu megħjuna l- politiki ta’ ffukar , il-Kummissjoni vvalutat liema prodotti għandhom l-ikbar impatt ambjentali u x’għażliet hemm biex jittejbu[17]. Dan l-iffukkar fuq l-akkomodazzjoni, it-trasport u l-prodotti tal-ikel qed jitmexxa, fost l-oħrajn fit- Taħdita Ewropea tal-PKS dwar l-Ikel mal-ħafna partijiet interessati li saret reċentement (2009)[18] kif ukoll il-websajt tal-BUILD-UP[19].

L-inizjattiva tas- Suq Ewlieni tar-Riċiklaġġ timmira li tinkoraġġixxi d-domanda għal prodotti b'materjali riċiklati li jipprovdu benefiċċju ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja. Is- Suq Ewlieni tal-Prodotti b’bażi bijoloġika jimmira li jippromwovi l-iżvilupp tal-prodotti sostenibbli minn materja prima rinnovabbli, eż. kimika u plastik b'bażi bijoloġika[20].

Is-sitt u s-seba' Programmi Qafas tar-Riċerka ilhom jiffinanzjaw għadd ta' proġetti ta' riċerka bl-għan li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politiki tal-IPP, partikolarment fl-oqsma tat-titjib tal-metodoloġija tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja, l-ekodisinn, l-ekoloġija industrijali, il-prevenzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ, il-bijoraffineriji u l-konsum sostenibbli.

EżEMPJI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IPP FIL-LIVELL TAL-ISTATI MEMBRI

Il-kunċett tal-IPP ġie stabbilit sewwa f’attivitajiet tal-Istati Membri, ta’ spiss b’rabta kbira mal-attivitajiet fil-livell Komunitarju.

It-traspożizzjoni u l- implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mal-elementi tal-IPP huma kontribuzzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri għall-IPP. Xi eżempji jinkludu l-leġiżlazzjoni dwar id-disinnjar u t-tikkettar tal-prodott, u l- internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali permezz tal-iskemi tar-responsabbiltà tal-produtturi. L-inizjattivi nazzjonali biex jinternalizzaw l-ispejjeż ambjentali huma ċerti skemi tal-ekotaxxa f’diversi Stati Membri.

L-Istati Membri ħadu azzjoni biex isaħħu d-domanda għal prodotti aħjar , partikolarment fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. L-azzjoni mis-seba' Stati Membri bl-aqwa prestazzjoni kkontribwiet sabiex il-medja tal-UE tiħaq 45 % f’termini ta’ valur tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jirriżulta pereżempju f’25 % inqas emissjonijiet tas-CO2 u saħansitra tnaqqis ta’ 1 % fl-ispejjeż tul il-ħajja kollha. Sal-2010, l-Olanda qed timmira li l-akkwist sostenibbli tal-gvern nazzjonali jkun 100 %.

Ħafna Stati Membri jimmiraw li jilħqu l -għan ta’ informazzjoni aħjar għall-konsumaturi . Barra mill-Ekotikketta Ewropea, madwar nofshom għandhom skemi nazzjonali tal-ekotikketta – fl-iktar każijiet ta’ suċċess jilħqu 10 000 prodott liċenzjat f’pajjiż wieħed. Il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-politika fil-livell nazzjonali għamlu progress f’ħafna oqsma: l-iskambju regolari tal-opinjonijiet u l-esperjenzi pprovduti mil- Laqgħat Regolari tal-IPP mmexxija mill-Kummissjoni huwa kkumplimetat minn gruppi ta' ħidma interministerjali pereżempju fil-pajjiżi Nordiċi, entitajiet nazzjonali tal-koordinazzjoni tal-IPP u d-dipartimenti speċifiċi għall-prodotti u l-konsum sostenibbli, pereżempju fi Franza u fir-Renju Unit, jew id-dipartiment speċifiku fil-gvern statali tal-Bavarja (il-Ġermanja).

L-Istati Membri mexxew ukoll azzjonijiet speċifiċi tal-prodott . Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit organnizzaw bordijiet dwar prodotti li jinvolvu partijiet interessati miċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Il-Bavarja appoġġat għadd ta’ proġetti tal-ekodisinn dwar prodotti speċifiċi. Partikolarment l-Italja, id-Danimarka, l-Olanda, il-Ġermanja, l-Iżvezja u Franza wkoll fittxew b’mod attiv ftehimiet volontarji mal-industrija dwar miri u azzjonijiet speċifiċi.

Dawn l-inizjattivi ta’ spiss ikunu appoġġati minn ħidma attiva fuq id- dejta u l-metodoloġiji taċ-ċiklu tal-ħajja . Mill-inqas terz tal-Istati Membri qed jiżviluppaw l-għodod u jippromwovu l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja b’mod attiv ħafna; uħud minnhom stabbilew iċ-ċentri tar-riċerka tal-LCA.

Fir-rigward tal-integrazzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja fi ħdan l-operat tal-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri kollha għandhom miżuri fis-seħħ li jippromwovu l- iskema tal-UE għall-immaniġġjar tal-ambjent EMAS .

EżEMPJI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IPP FIL-LIVELL TAN-NEGOZJI U PARTIJIET INTERESSATI OħRA

L-assoċjazzjonijiet tal-industrija, il-kumpaniji individwali u l-NGOs ikkooperaw mal-awtoritajiet u mar-riċerkaturi fil-livelli Komunitarji, nazzjonali u lokali. Ħafna mill- attivitajiet speċifiċi għall-prodott , inkluż il-proġetti pilota tal-Kummissjoni stess, kienu possibbli biss bl-involviment proattiv tal-industrija u tal-NGOs. L-industrija kienet ukoll, u għadha, strumentali sabiex l-informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tkun disponibbli , partikolarment billi tikkontribwixxi għall-Bażi tad-Dejta Ewropea taċ-Ċiklu tal-Ħajja.

Kien hemm żieda sinifikanti fl-għarfien dwar il- filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja . Barra minn hekk, is-setturi tal-industrija japplikaw il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja biex jgħarrfu lill-konsumaturi u l-awtoritajiet dwar l-approċċi tagħhom fir-rigward tal-politika tal-prodott u l-komunikazzjoni . Eżempju tipiku wieħed huwa l-inizjattiva tal-Ekoprofili tal-industrija tal-plastik fl-Ewropa. Eżempju ieħor huwa l-parteċipazzjoni attiva tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija, permezz tal-Forum ta’ Konsultazzjoni, fl-iżvilupp ta’ miżuri implimentattivi tad- Direttiva tal-Ekodisinn . Hemm ukoll parteċipazzjoni dejjem ikbar tan-negozju f'inizjattivi favur l- iżvilupp ta' politika bbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, pereżempju fil-Forum tal-Bejjiegħa bl-Imnut, fit-Taħdita Ewropea tal-PKS dwar l-Ikel u fl-inizjattiva BUILD-UP.

LOK GħAL IKTAR AZZJONI

Kollox ma’ kollox, fl-UE sar progress sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-politiki tal-prodotti bbażati fuq l-ambjent. Madankollu, il-fatt li l-IPP hija proċess iktar milli stat finali, jibqa' ħafna spazju għal iktar attivitajiet. Xi għażliet evidenti jistgħu jinkludu:

Iktar tisħiħ tar-rwol tal-IPP fil-politiki nazzjonali . Uħud mill-Istati Membri għandhom miżuri eżemplari fis-seħħ imma ħafna Stati Membri oħra għadhom lura. Minħabba li l-IPP hija proċess kontinwu, jistgħu jidhru diversi gradi ta’ progress minħabba żviluppi usa’ matul il-perjodu ta’ rappurtar, bħat-tkabbir tal-UE. Madankollu, diversi Stati Membri ġodda għamlu progress tajjeb filwaqt li diversi Stati Membri mill-UE-15 jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom.

Għall- NGOs ambjentali, l- organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs il-parteċipazzjoni fil-proċessi tal-IPP u l-applikazzjoni tal-istrumenti tagħha jistgħu jiġu inkoraġġuti u ffaċilitati iktar. Bħala osservazzjoni ġenerali, jidher li huwa meħtieġ li jkun hemm iktar appoġġ u djalogu sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza tal-benefiċċji ambjentali li l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja tista' ġġib sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi ġenerali tal-prodotti. Ħafna bordijiet dwar il-prodotti u l-proġetti pilota wrew li dan jista’ jinkiseb partikolarment sew permezz tal-kooperazzjoni fuq każijiet konkreti.

Kif diġà ġie indikat fil-Komunikazzjoni tal-IPP, il-kunċett jista’ jiġi applikat ukoll għat-titjib ambjentali tal- prodotti u s-servizzi mhux industrijali . L-inizjattivi f’din id-direzzjoni tnedew fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP, bħal kif issemmew diġà l-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut u t-Taħdita Ewropea tal-PKS dwar l-Ikel.

“L-istrumenti tal-IPP” tat-tassazjoni u s-sussidji għadhom ma ġewx applikati fil-livell Komunitarju.

INIZJATTIVI TA’ POLITIKA MILL-IPP GħALL-PJAN TA’ AZZJONI TAL-PKS/SIP

Il-kunċett tal-IPP ġie elaborat mill-Kummissjoni fi żmien ta' inizjattivi ewlenin ġodda fil-politika ambjentali, fejn saret qabża minn azzjoni li ssir fi tmiem iċ-ċiklu għal azzjoni ta' prevenzjoni. Fil-livell Komunitarju, is-sitt EAP talab li jiġi applikat għall-politika tar-riżorsi naturali u l-iskart. Fil-livell internazzjonali, is-Sammit ta’ Johannesburg ġibed l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika fuq l-azzjoni għal xejriet tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

Meta wieħed jirrikonoxxi li ħafna problemi ambjentali huma kkawżati mill-għadd u l-varjetajiet dejjem ikbar tal-prodotti u l-materjali kkumerċjalizzati globalment, l-IPP dehret li qed tissupplimenta l-politiki ambjentali settorjali dwar l-iskart, l-ilma, l-arja u l-kimiċi.

Sentejn wara li l-Kunsill approva l-Komunikazzjoni tal-IPP, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġiji Tematiċi dwar ir-riżorsi naturali u l-iskart li bnew fuq il-prinċipju tal-IPP fl-oqsma rispettivi tagħhom. Madankollu wara li għaddew sentejn oħra, il-Kummissjoni ħarġet id-dokument konsultattiv tagħha dwar il-Pjan ta’ Azzjoni futur tal-PKS/SIP u adottat il-pjan is-sena ta' wara.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP jipprevedi li sal-2012 issir reviżjoni ta’ wħud mill-elementi tiegħu, kif ukoll tal-pjan innifsu, biex b’hekk is-sejħa għall-miżuri konkreti għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-IPP iżżomm l-importanza tagħha fuq l-aġenda politika.

KONKLUżJONIJIET

L-IPP timmira li tuża l-iktar strumenti politiċi adattati għat-titjib kontinwu tal-prodotti. Dan huwa proċess kontinwu, iktar milli stat finit. Jeħtieġ livell għoli ta' għarfien fost dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħra, u r-rieda li l-għarfien jinbidel f’azzjoni konkreta ta’ kuljum.

L-approċċ tal-IPP ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ diversi politiki ambjentali fl-oqsma tad-disinnjar tal-prodotti, l-użu tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tal-iskart. L-Istati Membri, l-industrija u partijiet interessati oħra avvanzaw b’mod attiv l-implimentazzjoni tagħha b’involviment dirett fil-livell Komunitarju, bit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, b'azzjonijiet motivati mill-ekonomija u inizjattivi oħra tagħhom stess.

L-implimentazzjoni tal-IPP f’termini tal-integrazzjoni tal-politika hija diffiċli li tiġi ddokumentata minħabba li l-politiki rari jirreferu b’mod espliċitu għal-IPP. Madankollu, sar progress ġenerali sinifikanti fl-użu tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja mill-industriji ewlenin u minn dawk li jfasslu l-politika, u d-disponibbiltà tad-dejta taċ-ċiklu tal-ħajja u l-kunsens fuq il-metodoloġija avvanzaw ħafna. Sar ukoll progress tajjeb fl-identifikar tal-prodotti bl-ikbar potenzjali għat-titjib u l-miżuri possibbli għat-titjib.

L-informazzjoni għall-konsumaturi, il-leġiżlazzjoni tal-ekodisinn, il-produzzjoni nadifa u l-akkwist/ix-xiri pubbliku ekoloġiku issa huma l-qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PKS/SIP qed ikompli fuq il-proċess mibdi mill-Komunikazzjoni tal-IPP bl-għan li jkompli jiftaħ il-potenzjali tas-suq għal iktar prodotti sostenibbli u li jippromwovi konsum iktar għaqli. L-analiżi tal-Pjan ta’ Azzjoni previst fl-2012 se tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex l-iżvilupp tal-IPP jiġi vvalutat iktar.

[1] COM(2003) 302.

[2] COM(2001) 68.

[3] L-Istrateġija Rinnovabbli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tad-9 ta’ Ġunju 2006 nru 10117/06.

[4] COM(2001) 31.

[5] Ara http://www.un.org/esa/dsd/dsd_aofw_scpp/scpp_tenyearframprog.shtml

[6] Madankollu, twettqu żewġ proġetti pilota biex jittestjaw il-validità tal-approċċ u jiksbu l-esperjenza fl-implimentazzjoni tiegħu. Intgħażlu t-telefowns ċellulari u s-siġġijiet tal-ġonna magħmula mill-injam tropikali, mingħajr preġudizzju għall-importanza tal-impatti ambjentali tal-prodotti magħżula jew tal-grad ta' titjib mistenni. Ara http://ec.europa.eu/environment/ipp/pilot.htm.

[7] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2003 dwar il-Politika Integrata dwar il-Prodotti.

[8] COM(2005) 97.

[9] COM (2008) 397.

[10] Minħabba li huma l-intermedjarji kruċjali bejn il-produtturi u l-konsumaturi, il-bejjiegħa li jikkooperaw mal-produtturi se jkunu meħtieġa li jiżguraw li t-tikkettar u l-informazzjoni fuq il-prodotti jkunu adegwati sabiex jikkontribwixxu għal bidla lejn prodotti iktar sostenibbli. L-informazzjoni ambjentali ppreżentata għandha tkun tinftiehem, mhux ambigwa u kemm jista’ jkun ma tiżgwidax jew ma tfixkilx lill-konsumaturi

[11] Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija

[12] Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart

[13] Id-Direttiva 2008/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi

[14] COM (2005) 670.

[15] COM (2005) 666.

[16] Ara http://ec.europa.eu/environment/ipp/pilot.htm.

[17] Ara: http://ipts.jrc.ec.europa.eu/activities/sustainable_development/susproc.cfm

[18] Fil-websajt tal-Build-up, l-esperti tal-bini, l-awtoritajiet lokali u l-okkupanti tal-bini jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar kif jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, ara l-websajt http://www.buildup.eu/. Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ukoll Azzjoni Miftiehma mar-rappreżentanti tal-Istati Membri sabiex ikun hemm skambju tal-aqwa prattiki dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini (id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. ĠU L 1/65, 4.1.2003).

[19] It-Taħdita Ewropea tal-PKS dwar l-Ikel hija proċess li jinvolvi ħafna partijiet interessati li jimmira li: i) jidentifika metodoloġiji ta’ valutazzjoni ambjentali affidabbli mil-lat xjentifiku u uniformi għall-prodotti tal-ikel u tax-xorb tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti; ii) jidentifika l-għodod tal-komunikazzjoni adegwati għall-konsumaturi u għal partijiet interessati oħra; iii) jippromwovi t-titjib ambjentali kontinwu tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb fil-katina tal-provvista.

[20] COM (2007) 860.