52009DC0640




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.11.2009

KUMM(2009)640 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidelAbbozz tar-rapport ta’ progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-“Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”

{SEG(2009) 1598}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel

Abbozz tar-rapport ta’ progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-“Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

L-edukazzjoni u t-taħriġ jinsabu fil-qofol tal-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u huma element ewlieni għall-istrateġija ta' warajha bil-perspettiva sal-2020. Il-ħolqien ta’ 'triangolu tal-għarfien' li jgħaqqad b'mod funzjonali l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-għajnuna liċ-ċittadini kollha ħalli jiksbu ħiliet aħjar huma aspetti kruċjali għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll għall-ekwità u l-inklużjoni soċjali. Il-kriżi ekonomika tkompli saħansitra tenfasizza aktar dawn l-isfidi għat-tul ta' żmien. Il-baġits pubbliċi u privati jinsabu taħt pressjoni qawwija, impjiegi eżistenti qed jgħosfru, u dawk ġodda spiss jirrikjedu ħiliet differenti u iktar avvanzati. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom għalhekk jinfetħu iktar u jkunu rilevanti għal ħtiġijiet iċ-ċittadini, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

Il-kooperazzjoni politika fil-livell Ewropew fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-2002 ’il hawn[1], provdiet appoġġ prezzjuż għar-riformi fl-edukazzjoni tal-pajjiżi individwali u kkontribwixxiet lejn il-mobilità tal-istudenti u l-prattikanti madwar l-Ewropa. Il-Kunsill, kompla jibni fuq din l-istrateġija, u filwaqt li jirrispetta r-responsabbiltà tal-Istati Membri għas-sistemi edukattivi tagħhom, f’Mejju 2009 approva Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020)[2].

Ir-4 rapport konġunt jiffoka fuq il-progress lejn objettivi maqbula dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-perjodu 2007-2009. Dan huwa msejjes fuq valutazzjoni dettaljata tal-prestazzjoni u r-rapporti nazzjonali fi sfond ta' sensiela ta' indikaturi u standards referenzjarji[3]. Il-punt ewlieni li hemm konċentrazzjoni fuqu huwa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-Kompetenzi Ewlenin[4]. Imma, barra minn hekk, jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar it-tagħlim tul il-ħajja, u tar-riformi mittieħda sabiex it-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali (TEV) jkunu aktar attraenti u rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jittratta wkoll il-modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja. Ir-rapport iqis ukoll l-isfidi ġodda li ġew identifikati, partikolarment dawk konnessi mal-inizjattiva ‘Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda’[5]. Filwaqt li l-Istati Membri ma ffokawx b’mod espliċitu rapporti dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jirreaġixxu għall-kriżi ekonomika, il-kwistjonijiet li jindirizzaw - partikolarment il-progress fl-implimentazzjoni ta' metoloġija msejsa fuq il-kompetenzi, u l-modernizzazzjoni tat-TEV u l-edukazzjoni għolja - jinsabu fil-qofol tal-isforzi biex l-Ewropa jirnexxielha toħroġ minn din il-kriżi.

Ifeġġu x-xejriet u l-isfidi li ġejjin:

1. Minkejja titjib ġenerali fil-prestazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, il-biċċa l-kbira tal-istandards referenzjarji jew benchmarks stabbiliti għall-2010 mhux se jintlaħqu, filwaqt li fil-każ tal-benchmark vitali tal-litteriżmu, il-prestazzjoni fil-fatt kompliet titwiegħer. Biex dawn il-benchmarks jintlaħqu jinħtieġu iktar inizjattivi nazzjonali effettivi. Il-kriżi ekonomika sservi biex tenfasizza l-urġenza tar-riformi, filwaqt li nkomplu ninvestu fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex nilħqu l-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin.

2. Għadd kbir ta’ pajjiżi qegħdin jintroduċu riformi li b’mod espliċitu jużaw il-qafas tal-Kompetenzi Ewlenin bħala punt ta' referenza. Sar progress tajjeb sabiex jiġu adattati l-kurrikuli tal-iskejjel. Iżda għad baqa' ħafna xi jsir biex jiġi sostnut l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema, biex jiġu aġġornati l-metodi tal-valutazzjoni, u biex jiddaħlu metodi ġodda ta’ kif jiġi organizzat it-tagħlim. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-istudenti kollha jibbenefikaw mill-metodoloġiji innovattivi, inklużi dawk żvantaġġati u dawk fit-TEV u l-programmi ta' tagħlim għall-adulti.

3. L-implimentazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali u t-tkabbir tal-mobilità għadhom sfidi. L-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-universitajiet, għandhom jinfetħu aktar u jsiru iżjed rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-twaqqif ta’ sħubijiet bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dik tax-xogħol.

2. Kompetenzi ewlenin

Il-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja[6], jidentifika u jiddefinixxi 8 kompetenzi ewlenin neċessarji għas-sodisfazzjon personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjegabilità f’soċjetà msejsa fuq l-għarfien:

1) Il-komunikazzjoni bl-ilsien nattiv; 2) Il-komunikazzjoni b’ilsna barranin; 3) Il-kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija; 4) Il-kompetenza diġitali; 5) Il-kapaċità li wieħed jitgħallem; 6) Il-kompetenzi soċjali u ċiviċi; 7) Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija; 8) Għarfien u espressjoni kulturali.

It-taħriġ u l-edukazzjoni inizjali għandhom isostnu l-iżvilupp ta' dawn il-kompetenzi ewlenin sa livell li jattrezza liż-żgħażagħ kollha - inklużi dawk żvantaġġati - għal iktar tagħlim u għall-ħajja tax-xogħol. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti għandha tagħti opportunitajiet ta' veru lill-adulti kollha ħalli jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom.

2.1. Progress fir-riformi kurrikulari

Hemm xejra ċara madwar l-UE kollha lejn it-tagħlim imsejjes fuq il-kompetenzi, u lejn strateġija li qabelxejn tħares lejn f'hiex se jwassal it-tagħlim. Il-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin ikkontribwixxa b'mod konsiderevoli għal dan. F’xi pajjiżi, dan kien fil-qalba tar-riforma politika.

Sar progress tajjeb b'mod partikolari fil-kurrikuli tal-iskejjel. Suġġetti tradizzjonali bħall- ilsien nattiv, l-ilsna barranin jew il-matematika u x-xjenza qegħdin jiġu trattati b’mod iktar interkurrikulari, b’aktar enfasi fuq it-tiswir tal-ħiliet u l-attitudnijiet pożittivi biswit l-għarfien, u b’iktar applikazzjonijiet għall-‘ħajja reali’. Il-kompetenzi ewlenin trasversali qed isiru iktar prominenti u iktar espliċiti fil-kurrikuli. Wara dik li tqieset bħala prestazzjoni fqira minn bosta Stati Membri fl-istħarriġ PISA tal-2006, għadd ta’ pajjiżi ħolqu strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni ħalli jgħollu l-livelli bażiċi tal-ħiliet, partikolarment fil-qari, il-matematika u x-xjenza.

2.2. Jinħtieġ iktar żvilupp fl-organizzazzjoni tat-tagħlim fl-iskejjel

Filwaqt li l-bidla kurrikulari ġeneralment qed titwettaq, waħedha mhix biżżejjed. Il-metodoloġija msejsa fuq il-kompetenzi tinvolvi l-ħiliet u l-attitudnijiet li japplikaw l-għarfien kif jixraq, u l-iżvilupp ta’ attitudnijiet pożittivi lejn iktar tagħlim, ħsieb kritiku u kreattività. Din hija sfida reali għall-organizzazzjoni tat-tagħlim u tiddependi b'mod kruċjali fuq il-ħiliet tal-għalliema u ta' dawk li jmexxu l-iskejjel. Tirrikjedi wkoll li l-iskejjel ikunu responsabbli b’mod iktar espliċitu mit-tħejjija tal-istudenti għal aktar tagħlim bħala parti mill-qofol tal-missjoni tagħhom.

2.2.1. L-applikazzjoni prattika tal-kompetenzi trasversali ewlenin

Bħala parti mill- kompetenza diġitali , għaddejja attività sfiqa biex l-iskejjel jiġu attrezzati b'teknoloġiji ġodda u biex jiġi żgurat li jkun hemm il-ħiliet bażiċi fit-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT). Madankollu, it-tfal u ż-żgħażagħ qegħdin kull ma jmur jitgħallmu l-ħiliet tal-ICT b’mod informali, imma aspetti bħall-ħsieb kritiku fl-użu tat-teknoloġiji u l-midja l-ġodda, l-għarfien tar-riskji, u l-kunsiderazzjonijiet etiċi u legali qed jingħataw inqas attenzjoni. Hekk kif l-ICT qed jinfiles dejjem iktar f'ħajjet in-nies, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’mod espliċitu fit-tagħlim. Il-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex jitqawwew l-innovazzjoni u l-kreattività, iseħħu sħubijiet ġodda u jiġu personalizzati l-ħtiġijiet tat-tagħlim hemm bżonn li jiġi sfruttat aħjar.

Il- kapaċità li wieħed jitgħallem tikkonsisti f'għadd ta’ kompetenzi inklużi ta' spiss f'bosta kurrikuli, iżda l-iskejjel u l-għalliema jeħtieġu iktar appoġġ sabiex jippenetrawhom b’mod sistematiku fil-proċessi tat-tagħlim u sabiex iħeġġu l-filosofija tat-tagħlim f’kull aspett tal-iskola. Metodi innovattivi bħal pjanijiet personali għat-tagħlim u tagħlim imsejjes fuq l-inkwiżittività jistgħu jkunu siewja b’mod partikolari għal dawk li l-esperjenzi skolastiċi preċedenti tagħhom ma rnexxewx jew kienu negattivi.

Bl-istess mod, l-isfida marbuta mal-isforz biex jiġu mgħallma l- kompetenzi soċjali u ċiviċi , sens ta' inizjattiva u ta' intraprenditorija u l- għarfien kulturali hija li wieħed imur lil hinn mill-komponent tal-għarfien għeri. L-istudenti jeħtieġu iktar opportunitajiet sabiex jieħdu inizjattivi u jitgħallmu fi skejjel miftuħa għad-dinijiet tax-xogħol, l-azzjoni volontarja, l-isports u l-kultura, inklużi attivitajiet li jinvolvu lil min jimpjega, il-gruppi taż-żgħażagħ, il-protagonisti kulturali, u s-soċjetà ċivili.

Hemm għadd li kull ma jmur qed jikber ta’ eżempji ta’ kif l-intraprenditorija titħeġġeġ permezz ta’ sħubijiet ma’ intrapriżi jew it-tiswir ta' mininegozji mmexxija mill-istudenti. L-iskambji juru li jeħtieġ li dawn iridu jkunu akkumpanjati mill-azzjoni sabiex jitrawmu l-inizjattiva, il-kreattività u l-innovazzjoni fl-iskejjel.

2.2.2. L-edukazzjoni tal-għalliema u dawk li jmexxu l-iskejjel

Il-kwalità tat-tagħlim hija l-iktar fattur importanti fi ħdan l-iskejjel meta wieħed jiġi biex jispjega l-prestazzjoni tal-istudenti. Hemm indikazzjonijiet li, f’xi pajjiżi, l- edukazzjoni inizjali tal-għalliema tħejjihom sabiex jużaw l-metodoloġija tal-kompetenzi ewlenin. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-għalliema huma dawk li diġà qed jagħtu s-servizz tagħhom. Ir-rapport nazzjonali u l-iskambji politiċi juru li ftit li xejn hemm x'jixhed li qed isiru sforzi sistematiċi sabiex jiġu aġġornati l-kompetenzi tagħhom kif jixraq.

Skont l-istħarriġ TALIS[7], l-għalliema ma tantx jingħataw inċentivi sabiex itejbu l-mod kif jgħallmu u l-iktar tipi komuni ta' attività ta' tiswir personali li huma disponibbli għalihom m’humiex l-iktar effettivi. Il-biċċa l-kbira tal-għalliema jixtiequ li jingħataw iktar formazzjoni professjonali (partikolarment dwar il-ħtiġijiet tat-tagħlim speċjali, il-ħiliet fl-ICT, u l-imġiba tal-istudenti).

Il-formazzjoni professjonali għal dawk li jmexxu l-iskejjel hija vitali peress li fuq dawn iserraħ il-ħolqien ta’ ambjent li fih l-istudenti u l-għalliema jibbenefikaw mill-iskejjel bħala komunitajiet tat-tagħlim. Madankollu, ftit pajjiżi biss għandhom taħriġ obbligatorju għall-mexxejja tal-iskejjel fi ħdan is-servizz.

2.2.3. L-iżvilupp tal-valutazzjoni u l-assessjar

L-evidenza li l-assessjar għandu s-setgħa li jikkontribwixxi għall-effettività fit-tagħlim u jtejjeb il-motivazzjoni qiegħda dejjem tikber.

L- istandards minimi u l-assessjar ċentralizzat issa qed jintużaw fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi biex jivvalutaw il-kisba tal-kompetenzi ewlenin fuq bażi paragunabbli, almenu fl-edukazzjoni ġenerali.

Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-metodi tal-assessjar użati bħalissa jenfasizzaw wisq l-għarfien u l-memorizzazzjoni u ma jolqtux biżżejjed il-ħiliet kruċjali u d-dimensjoni tal-attitudnijiet tal-kompetenzi ewlenin. Barra minn hekk, l-assessjar tal-kompetenzi trasversali ewlenin u l-assessjar fil-kuntest tal-ħidma transkurrikulari jidhru inadegwati. L-esperjenza ta’ dawk il-pajjiżi li jużaw metodoloġiji kumplemetari bħall-assessjar inter pares , il-portfolji, it-tagħlim individwali u/jew pjanijiet tal-assessjar skolastiċi, u assessjar imsejjes fuq il-proġetti għandhom jiġu mistħarrġa iktar u jinbena iktar fuqhom.

2.3. Tinħtieġ iktar azzjoni fuq il-litteriżmu u l-iżvantaġġati

Livell tajjeb ta' litteriżmu huwa l-bażi sabiex wieħed jikseb il-kompetenzi ewlenin u għat-tagħlim tul il-ħajja u għalhekk għandu jiġi żgurat mill-iktar età bikrija possibbli. Għaldaqstant, għajn ta’ tħassib kontinwu hija d- deterjorament tal-prestazzjoni fil-ħiliet tal-qari mqabbel mal-benchmark tal-UE għall-2010. Livelli inadegwati ta’ litteriżmu, partikolarment fost is-subien u l-migranti, ixekklu b'mod serju l-prospetti tagħhom għall-impjieg u l-benesseri. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom fis-seħħ miżuri speċjali biex isostnu l-kisba tal-litteriżmu, huwa ċar li hemm il-bżonn ta’ azzjoni nazzjonali aktar effettiva.

Filwaqt li l-benchmark tal-UE għall-2010 hija li nnaqqsu b'20 % il-perċentwal taż-żgħażagħ ta' 15-il sena li jaqgħu lura fil-ħiliet tal-qari, dan is-segment fil-fatt żdied minn 21.3 % fl-2000 għal 24.1 % fl-2006. Il-prestazzjoni tal-istudenti li ġejjin minn familji ta’ migranti fil-qari, il-matematika u x-xjenza hija iktar baxxa minn dik tal-istudenti nattivi tal-post (sors tad-dejta: PISA)

Xejra ċara hija metodoloġija aktar personalizzata għat-tagħlim ta’ studenti żvantaġġati. Dan spiss jiġi akkumpanjat minn azzjoni mmirata biex jiġu sostnuti dawk bi problemi ta’ litteriżmu (inklużi l-migranti) u dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali, jew dawk li qegħdin f'riskju li jabbandunaw l-istudju. Imma jidher li r-rapport nazzjonali jissuġerixxu li l-progress qed iseħħ bil-mod, u t-taqbida kontra l-iżvantaġġar għadha sfida ewlenija.

Hemm qasma ċara bejn il-pajjiżi li jipprattikaw it-tagħlim inklussiv għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali u dawk li jifirdu lill-iżvantaġġati mill-bqija: il-perċentwal ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali mgħallma f’sitwazzjonijiet mqabbel mal-għadd kumplessiv tal-istudenti fl-edukazzjoni obbligatorja jvarja bejn 0.01 % u 5.1 % (medja tal-UE: 2.1%).

Il-programmi mmirati lejn il- kisba bikrija tal-ħiliet bażiċi, speċjalment il-litteriżmu u l-ħiliet bin-numri qed ifeġġu bħala strateġija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. F’xi każijiet, dawn huma kkumplementati mill-identifikazzjoni bikrija sistematika tal-problemi tat-tagħlim u l-appoġġ sussegwenti sabiex jiġi evitat li l-istudenti jaqgħu lura jew minn programmi mmirati sabiex iżidu l-interess f'oqsma bħall-ilsna barranin jew il-matematika u x-xjenza.

Filwaqt li l-miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati huma komuni, xi pajjiżi ħolqu oqfsa leġiżlattivi ġenerali li jolqtu kemm il-massa tal-istudenti kif ukoll il-gruppi mmirati speċifikament, inkluża leġiżlazzjoni msejsa fuq il-jeddijiet.

2.4. Enfasi insuffiċjenti fuq il-kompetenzi ewlenin fit-TEV u t-Tagħlim tal-Adulti

Tradizzjonalment, it-TEV ikkonċentrat aktar fuq il-kompetenzi milli fuq l-edukazzjoni ġenerali. Madankollu, il- firxa sħiħa tal-kompetenzi ewlenin , kif imfissra fil-qafas Ewropew, hija sistematikament inqas indirizzata mill-biċċa l-kbira tas-sistemi nazzjonali tat-TEV milli hi permezz tal-edukazzjoni ġenerali. B’mod partikolari, il-komunikazzjoni bl-ilsna barranin u l-firxa sħiħa tal-kompetenzi trasversali ewlenin, li kull ma jmur qed iżidu fl-importanza tagħhom meta wieħed iqis il-ħtiġijiet tas-soċjetà u s-suq tax-xogħol li qed jevolvi, għandhom jingħataw aktar attenzjoni. L-isfida hija marbuta mall-kurrikuli, it-tagħlim u l-metodi tat-tagħlim kif ukoll mal-edukazzjoni tal-għalliema u l-ħarrieġa involuti fit-TEV.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jenfasizzaw l-importanza ta' sistema effiċjenti tat-tagħlim tal-adulti . L-għan huwa li jipprovdu lill-adulti b'ħiliet aħjar għas-suq tax-xogħol, integrazzjoni soċjali u tħejjija għal xjuħija attiva.

Ġie rreġistrat xi progress fiż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda mhux biżżejjed biex tintlaħaq il-benchmark għall-2010 ta' 12.5 %. Fl-2008, 9.5 % tal-Ewropej bejn il-25 u l-64 sena pparteċipaw fl-erba' ġimgħat qabel l-istħarriġ, bl-adulti b'ħiliet għolja jipparteċipaw ħames darbiet aktar minn dawk b'ħiliet baxxi.

Għad hemm 77 miljun Ewropew ta’ etajiet bejn il-25 u l-64 sena (qrib it-30 %) li l-ogħla edukazzjoni li rċevew hija dik sekondarja bikrija.

Miżuri li jsostnu l-provvista tal-kompetenzi ewlenin lill-adulti jinkludu leġiżlazzjoni ġdida u reveduta, azzjoni u regolamentazzjoni mtejba, kif ukoll miżuri ta' finanzjament speċifiku. B’mod konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni għat-Tagħlim tal-Adulti[8], qed tingħata attenzjoni għal-litteriżmu, l-ilsna u l-kompetenza diġitali b'mod partikolari fost l- adulti b'ħiliet baxxi u/jew qiegħda u l-immigranti . Programmi tat-“tieni ċans” sabiex wieħed jikseb il-kwalifiki tal-iskola sekondarja huma komuni. Il-litteriżmu u l-ħiliet bin-numri xi kultant jagħmlu parti wkoll minn korsijiet ta’ orjentazzjoni vokazzjonali. It-tiżwig ta’ dawn il-miżuri mal-gwida u r-rikonoxximent tat-tagħlim, kemm dak formali, kif ukoll dak mhux formali u dak informali, hu meqjus bħala ċ-ċavetta għas-suċċess.

Madankollu, fil-każ tat-tagħlim tal-adulti huwa importanti wkoll li l-provvista tkopri l-firxa kollha tal-kompetenzi ewlenin, minflok ma jikkonċerntra fuq kompetenzi individwali bħal-litteriżmu jew il-ħiliet vokazzjonali speċifiċi. U għandu jkun indirizzat għal adulti ta’ kull livell ta’ kwalifiki, inklużi dawk b’ħiliet baxxi , adulti bi bżonnijiet edukattivi speċjali u l- anzjani . Il-kompetenzi tal-persunal involut fl-edukazzjoni tal-adulti għandhom jiġu aġġornati skont il-każ.

3. Strateġiji u strumenti għat-tagħlim tul il-ħajja

3.1. It-tagħlim tul il-ħajja huwa kunċett stabbilit

Il-pajjiżi kollha tal-UE jirrikonoxxu t-tagħlim min-"nieqa sal-qabar" bħala fattur ewlieni għat-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Aspett importanti f’dan huwa l-livell tal-parteċipazzjoni ta’ dawk ta’ età bejn l-4 snin u l-64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li qiegħed jogħla fi kważi kull pajjiż tal-UE[9].

Strateġiji espliċiti għat-tagħlim tul il-ħajja ġew adottati mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Saru sforzi partikolari biex jiġu żviluppati strumenti li jsostnu rotot tat-tagħlim flessibbli bejn il-partijiet differenti tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ.

L-implimentazzjoni tal- Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) dieħel għal fażi kruċjali. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qed jagħmlu progress sinifikanti fit-tiswir ta’ oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, li jkopru l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, u fir-referenzjar tal-oqfsa tagħhom mal-QEK sal-2010. Dan huwa marbut mal-użu usa' tal- eżiti tat-tagħlim sabiex jiddefinixxu u jiddeskrivu l-kwalifiki u tal- validazzjoni tat-tagħlim mhux formali jew informali .

Ittieħdu wkoll miżuri sabiex jitkompla l-iżvilupp tas- sistemi ta’ gwida tul il-ħajja , partikolarment għall-adulti. Is-sistemi differenti ta' gwida, madankollu, għadhom jeħtieġu li jiġu kkoordinati aħjar anki sabiex jgħinu liż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jagħmlu t-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol.

3.2. L-implimentazzjoni għadha sfida

L-implimentazzjoni u t-tkomplija tal-iżvilupp tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħaja għadhom sfida kritika. L-istrateġiji huma koerenti u komprensivi biss f’għadd ta’ każijiet u xi wħud għadhom jikkonċentraw fuq setturi jew gruppi speċifiċi, flok fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Biex ikunu effettivi, l-istrateġiji jeħtieġilhom ikopru perjodi ta' żmien twal biżżejjed, jipprovdu opportunitajiet fil-livelli ta' etajiet kollha u jkunu suġġetti għal reviżjoni u aktar żvilupp. Biex ikabbru r-rilevanza u l-impatt tagħhom, u biex jimmotivaw lill-individwi ħalli jipparteċipaw fit-tagħlim, hemm il-ħtieġa ta’ involviment akbar tal-partijiet interessati u kooperazzjoni aħjar mas-setturi politiċi lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Kwistjoni ewlenija fil-kriżi ekonomika ta’ bħalissa hija n-nuqqas ta’ mekkaniżmi adegwati biex jiġu skjerati r-riżorsi limitati b’mod strateġiku, inkluża l-kunsiderazzjoni ta' ħiliet ġodda u emerġenti.

4. It-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali

4.1. Indirizzati l-kwalità u kemm dan it-taħriġ huwa attraenti

Il-mira ċentrali tal-proċess ta’ Kopenħagen – li tittejjeb il-kwalità tas-sistemi tat-TEV filwaqt li dawn isiru iktar attraenti – qed tiġi indirizzata, speċjalment permezz tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-assikurazzjoni tal-kwalità b’mod konformi mal-Qafas Referenzjarju Ewropew għall-Assikurazzjoni tal-Kwalità fit-TEV[10], li ġie adottat dan l-aħħar. Din hija prijorità fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. Qed tingħata attenzjoni partikolari lill-professjonalizzazzjoni tal-għalliema u l-ħarrieġa involuti fit-TEV. Il-pajjiżi qegħdin kull ma jmur jużaw il-modularizzazzjoni sabiex il-provvista tat-TEV ssir iktar flessibbli u reattiv għall-ħtiġijiet ta' min jitgħallem u tan-negozji.

4.2. Il-provvista tat-TEV trid tkun iktar rilevanti

Kif stipulat fl-inizjattivi Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda, għad baqa’ sfidi ewlenin. In-nuqqas ta' qbil bejn il-livelli tal-ħiliet u r-rekwiżiti tal-impjiegi aktarx li se jikbru sal-2020 jekk is-sistemi tat-TEV ma jkunux jistgħu jirrispondu b’aktar ħeffa u flessibbiltà għat-tkabbir mistenni fil-ħtiġijiet ta' kwalifiki u ħiliet.

Biex tittejjeb ir-rilevanza tat-TEV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-taħriġ abbażi tax-xogħol qiegħed kull ma jmur jikkumplementa t-taħriġ abbażi tal-iskejjel. Għadd ta’ pajjiżi mingħajr tradizzjoni qawwija f'dawn l-oqsma qed jistabbilixxu skemi ġodda ta' apprentistat u qed jiżviluppaw il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali għall-ippjanar u l-aġġornament tal-provvediment tat-TEV. Madankollu, ir-relazzjonijiet dejjem iktar mill-qrib mad-dinja tan-negozju u iktar espansjoni tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol huma kruċjali sabiex is-sistemi tat-TEV jadattaw għall- ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu tas-suq tax-xogħol . Jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex jissawru għodod effettivi għall-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet.

Filwaqt qed tingħata dejjem iktar attenzjoni biex jinfetħu t-toroq bejn it-TEV u l-edukazzjoni għolja, il-progress jeħtieġ li jitħaffef. L-istudenti miktuba fit-TEV għadhom jeħtieġu perspettivi ta' kwalifiki u opportunitajiet ta’ mobilità iktar attraenti, u aktar sostenn permezz ta’ gwida u tagħlim tal-ilsna.

5. L-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja

5.1. Xi progress fit-titjib tal-aċċess u d-diversifikazzjoni tal-finanzjament

Qed jikber l-għarfien politiku li l-mezzi biex l-istudenti mhux tradizzjonali jkollhom aċċess għall-edukazzjoni jinsabu fil-qofol tal-kisba tat-tagħlim tul il-ħajja. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ħadu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-istudenti bi status soċjoekonomiku baxx, inklużi inċentivi finanzjarji.

Fl-Ewropa, 24 % tal-popolazzjoni adulta (25-64 sena) għandhom livell ta’ edukazzjoni għoli ħafna (jiġifieri livell terzjarju), li huwa proporzjon ferm aktar baxx mill-Istati Uniti u l-Ġappun (b'40 %).

Id-diversifikazzjoni tal-flussi tad-dħul finanzjarju fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja qiegħda tiżdied, bil-miżati tal-lezzjonijiet ikunu l-għajn ewlenija. Il-kuntratti msejsa fuq il-prestazzjoni u l-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż għall-finanzjament pubbliku, qegħdin jiżdiedu wkoll.

5.2. L-investiment u t-twassil tat-tagħlim tul il-ħajja għadhom sfidi

Iż-żieda fl- investiment kemm minn riżorsi pubbliċi kif ukoll privati għadu sfida, partikolarment fi kriżi ekonomika. L-inizjattivi ta’ xi pajjiżi tal-UE li jżidu u jimmiraw ir-riżorsi lejn investiment akbar fl-edukazzjoni huma milqugħa tajjeb; għandu jkun hemm aktar diversifikazzjoni sabiex din tinfluwenza t-twassil ta’ iktar fondi.

In-nuqqas ta’ flessibbiltà strutturali u kulturali għadu jirrappreżenta l-iktar ostakli sinifikanti għat-tisħiħ tar-rwol tal-edukazzjoni għolja fit- tkomplija tal-iżvilupp professjonali u personali ta' dawk li diġà qed jaħdmu. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jirċievu inċentivi sabiex jiżviluppaw modi ta' attendenza u kurrikuli iktar flessibbli u sabiex jespandu l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti. L-edukazzjoni għolja għandha tinfiles sew fl-iżvilupp tal-oqfsa nazzjonali ġenerali tal-kwalifiki.

Awtonomija mtejba tal-universitajiet u titjib fir-regolamentazzjoni u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet huma kruċjali sabiex jippermettulhom jinfetħu għal studenti mhux tradizzjonali u jiddiversifikaw id-dħul finanzjarju tagħhom. Sħubijiet bejn l-universitajiet u n-negozji[11] jistgħu joħolqu kundizzjonijiet xierqa għal parti ikbar ta’ finanzjament mis-settur privat permezz tal-intrapriżi u – b’mod konformi mal-inizjattivi “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” – għajnuna lill-universitajiet fit-tiswir ta’ kurrikuli u kwalifiki li jkunu aktar rilevanti għall-kompetenzi meħtieġa għas-suq tax-xogħol u għall-istudenti[12].

6. It-triq għall-ġejjieni

6.1. Inqawwu l-kooperazzjoni fl-UE - l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku l-ġdid

Dan ir-Rapport Konġunt tal-2010 jirreġistra progress f’għadd ta' oqsma importanti u juri kif il-kooperazzjoni Ewropea kkontribwiet għar-riforma nazzjonali[13]. Fl-istess waqt, iżda, jidentifika wkoll l-isfidi kritiċi, partikolarment dawk marbuta mal-implimentazzjoni sħiħa tal-kompetenzi ewlenin u mat-titjib tal-ftuħ u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li teħtieġilhom iktar azzjoni politika kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali.

Il-qafas strateġiku ET 2020 jipprovdi l-mezzi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Is-segwiment tagħhom għandu jifforma parti mill-oqsma ta' ħidma prijoritarja previsti speċifikament matul l-ewwel ċiklu ta' ħidma tal-ET 2020 tal-2009-2011, b’rabta mal-implimentazzjoni tal-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda u l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ[14].

6.2. Il-kompetenzi ewlenin għal kulħadd fuq bażi ta' tagħlim tul il-ħajja

Bosta pajjiżi qed jirriformaw l-kurrikuli espliċitament abbażi tal-qafas ta' Kompetenzi Ewlenin, b'mod partikolari fis-settur skolastiku. Imma jeħtieġ li l-metodoloġiji innovattivi għat-tagħlim jiġu żviluppati u implimentati fuq bażi usa’, sabiex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja.

- Hemm bżonn ta’ iktar sforzi ta' sostenn għall-kisba tal-kompetenzi ewlenin għal dawk li jinsabu f'riskju li jaqgħu lura fil-kisbiet edukattivi tagħhom . Għandhom jiddaħħlu fin-norma l-isforzi eżistenti mmirati lejn il-provvediment ta' fondi addizzjonali għall-istudenti żvantaġġati, lejn il-ħtiġijiet edukattivi speċjali f’sitwazzjonijiet inklussivi jew il-miżuri mmirati lejn l-evitar li ż-żgħażagħ iħallu l-iskola qabel il-waqt. L-għadd li kull ma jmur qed jikber ta' persuni b'livelli baxxi ta' litteriżmu fil-qari jikkawża l-akbar tħassib. Hemm bżonn ta' azzjoni komprensiva kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew li tkopri l-livelli kollha tat-tagħlim minn dak ta' qabel il-primarja sat-TEV u l-edukazzjoni għall-adulti.

- Hi neċessarja wkoll aktar azzjoni sabiex jiġu żviluppati metodi ta’ tagħlim u valutazzjoni b’mod konformi mal-istrateġija tal-kompetenza. It-tagħlim irid jattrezza lil dawk li jitgħallmu mhux biss bl-għarfien imma wkoll bil-ħiliet u l-attitudnijiet rilevanti. Jinħtieġu sforzi partikolari għal dawk il-kompetenzi trasversali ewlenin li huma kruċjali għal aktar kreattività u innovazzjoni u għas-suċċess fid-dinja tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi. It-tkomplija tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel kollha tirrikjedi li dawn jiġu attrezzati bil-kompetenzi pedagoġiċi u oħrajn neċessarji sabiex jassumu r-rwoli ġodda impliċiti f'din l-istrateġija. Jeħtieġ ukoll li l-professjoni tal-għalliema ssir waħda iktar attraenti.

- Jeħtieġilna li nsaħħu dawk il-kompetenzi rekwiżiti sabiex wieħed jidħol għal iktar tagħlim u s-suq tax-xogħol li spiss huma relatati ma' xulxin mill-qrib. Dan ifisser li jkun hemm iktar żvilupp tal-istrateġija tal-kompetenzi ewlenin lil hinn mis-settur skolastiku, fit-TEV u t-tagħlim għall-adulti, u li jiġi żgurat li r-riżultati tal-edukazzjoni għolja jkunu iktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan ifisser ukoll l-iżvilupp ta’ metodi għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' kompetenzi, ħiliet u attitudnijiet trasversali li huma relevanti għall-aċċess għax-xogħol u għal iktar tagħlim. Jeħtieġ li tissawwar 'lingwa' komuni li sservi ta' pont bejn id-dinja tal-edukazzjoni/it-taħriġ u dik tax-xogħol ħalli jsir iktar faċli għaċ-ċittadini u għal dawk li jħaddmu li jaraw kif il-kompetenzi ewlenin u r-riżulati tat-tagħlim huma rilevanti għall-inkarigi tal-ħidma u l-okkopazzjonijiet. Dan ikun ifisser li tiġi ffaċilitata l-mobilità okkupazzjonali u ġeografika taċ-ċittadini.

6.3. It-twessigħ tal-istrateġija ta’ sħubija

Sabiex jissaħħu l-kompetenzi taċ-ċittadini, u n-nies jiġu attrezzati aħjar għall-ġejjieni, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll jeħtieġilhom li jiġu estiżi iktar u jsiru iktar rilevanti għad-dinja esterna.

- Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja esterna, speċjalment dik tax-xogħol, għandha titqawwa fil-livelli kollha. Dan it-tip ta' sħubija għandu jwassal biex il-prattikanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, in-negozji, l-entitajiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jkollhom aġenda komuni fi ħdan perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja. Is-sħubijiet għandhom joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għall-mobilità fit-tagħlim.

- Jinħtieġu wkoll iktar inċentivi sabiex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jitħeġġu jwessgħu l-aċċess għal studenti mhux tradizzjonali u gruppi żvantaġġati, inklużi, permezz ta' sħubija, ma' entitajiet esterni.

- L-istudenti għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta' natura aħjar sabiex jiksbu esperjenza prattika u intuwizzjoni tal-ħajja professjonali, ċivika u kulturali. Għal dan il-għan, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, l-apprentistati u l-iskemi ta' azzjoni volontarja għandhom jingħataw rwol ferm ikbar mhux biss fit-TEV u l-edukazzjoni tal-adulti, iżda anki fl-iskejjel u l-edukazzjoni għolja.

- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati u l-fornituri u jinkludu l-kooperazzjoni mas-setturi politiċi lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ.

6.4. Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-istrateġija tal-UE għal wara l-2010

L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa kruċjali bħala mezz biex noħorġu mill-kriżi ekonomika, kemm bħala parti mir-riformi strutturali fuq medda twila ta' żmien kif ukoll biex jittaffa l-impatt soċjali immedjat. Aktar minn qatt qabel, is-suċċess tal-Ewropa fil-kompetizzjoni globali jserraħ fuq il-ħiliet u l-kapaċitajiet innovattivi tagħha u fuq tranżizzjoni mħaffa lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien b'użu baxx tal-karbonju.

Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala s-sisien tat-triangolu tal-għarfien għandu jiġi rinforzat. L-innovazzjoni u t-tkabbir se jkunu debboli mingħajr pedament estensiv ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi li jħeġġu t-talent u l-kreattività minn età bikrija u li jiġu aġġornati tul il-ħajja adulta.

It-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità provvduti permezz ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja huma essenzjali biex jippermettu li kulħadd jikseb il-ħiliet rilevanti mhux biss għas-suq tax-xogħol, imma wkoll għall-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. Il-Qafas Strateġiku ET 2020 flimkien mal-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda, li għandhom rwol ċentrali fl-istrateġija futura għat-tkabbir u l-impjiegi, se jagħmlu kontribut importanti għar-realizzazzjoni ta’ dan l-objettiv kumplessiv.

[1] ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

[2] ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

[3] SEC(2009) 1598 u SEC(2009) 1616.

[4] ĠU L 394 30.12.2006, p. 10.

[5] COM (2008) 868.

[6] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

[7] OECD 2009.

[8] COM(2007) 558 u ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10.

[9] Ara SEC(2009) 1616, kapitolu 1, tabella 1.2.

[10] ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

[11] COM (2009) 158.

[12] Ara l-Ewrobarometru Nru 260.

[13] Ara wkoll SEC(2009) 1598

[14] COM (2009) 200.