52009DC0533

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010 {SEG(2009) 1333} {SEG(2009) 1334} {SEG(2009) 1335} {SEG(2009) 1336} {SEG(2009) 1337} {SEG(2009) 1338} {SEG(2009) 1339} {SEG(2009) 1340} /* KUMM/2009/0533 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 14.10.2009

KUMM(2009) 533 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010

{SEG(2009) 1333}{SEG(2009) 1334}{SEG(2009) 1335}{SEG(2009) 1336}{SEG(2009) 1337}{SEG(2009) 1338}{SEG(2009) 1339}{SEG(2009) 1340}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONILILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010

INTRODUZZJONI

Il-ħames tkabbir tal-UE għen fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Huwa kabbar l-opportunitajiet ekonomiċi u żied il-piż tal-UE fl-indirizzar ta' sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-kompetittività u r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji. Fuq dawn l-aħħar ħames snin, il-pajjiżi tal-UE mkabbra wrew il-ħila tagħhom li jaħdmu id f'id biex jindirizzaw l-isfidi importanti li qegħdin jiffaċċjaw. It-tkabbir huwa wieħed mill-aktar għodod effettivi li għandha l-UE fil-qasam tal-politika barranija.

Il-proċess ta' tkabbir kurrenti tal-Unjoni Ewropea qiegħed isir fl-isfond ta' reċessjoni profonda u mifruxa. Il-kriżi laqtet kemm lill-UE u kif ukoll lil dawk il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Fuq l-istess perjodu, l-UE rċeviet tliet applikazzjonijiet ġodda għal adeżjoni mill-Montenegro (Diċembru 2008), l-Albanija (April 2009) u l-Iżlanda (Lulju 2009). Dawn l-applikazzjonijiet joħorġu aktar fid-dawl is-setgħa tal-UE li tiġbed pajjiżi lejha u r-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità.

Il-progress bir-riformi fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir ippermettielhom li jiksbu progress fi stadji suċċessivi tal-proċess ta' adeżjoni. In-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja qegħdin joqorbu lejn il-fażi finali tagħhom. In-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija waslu fi stadju aktar impenjattiv li jitlob impetu ġdid għar-riforma. L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress sinifikanti fil-ksib tal-isfidi ewlenin tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji opinjoni dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tal-Montenegro. Qiegħda tħejji wkoll opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-Iżlanda. Hija tinsab lesta li tħejji opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija, ladarba tiġi mistiedna tagħmel dan mill-Kunsill. Għall-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, progress ulterjuri jista' jsarraf fl-għoti ta' status ta' kandidati lil dawn il-pajjiżi meta jagħtu prova tat-tħejjija tagħhom għal dan.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija għadhom jridu jwettqu, fi gradi differenti, ħidma sostanzjali biex jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti. Ħafna drabi l-pass tar-riforma jimxi bil-mod. Il-kriżi ekonomika internazzjonali kompliet iżżid mal-piżijiet. F'diversi każi, kienu kwistjonijiet bilaterali li affettwaw wisq il-proċess ta' adeżjoni.

Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, jibqa' jipprovdi t-triq 'il quddiem. Din il-politika hija msejsa fuq il-prinċipji tal-konsolidazzjoni tal-impenji, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u komunikazzjoni tajba mal-pubblika, flimkien mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda. L-UE kompliet ittejjeb il-kwalità tal-proċess tat-tkabbir. B'mod partikolari, qed tingħata aktar enfasi fi stadju bikri għall-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

Il-proċess ta' adeżjoni jipprovdi inkoraġġiment qawwi għal riforma politika u ekonomika. Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li żżomm il-momentum ta' dan il-proċess, abbażi tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet miftiehma.

Il-politika ta' tkabbir tal-UE tippermetti għal proċess ġestit b'attenzjoni fejn il-kandidati u l-kandidati potenzjali jersqu lejn l-UE skont il-pass tar-riformi politiċi u ekonomiċi tagħhom kif ukoll il-ħila tagħhom li jassumu l-obbligi tas-sħubija f'konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen. Fil-Balkani tal-Punent, il-kooperazzjoni reġjonali għadha fattur fundamentali u tikkostitwixxi element ewlieni tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

It-Trattat ta' Liżbona jwassal għar-riforma tal-istituzzjonijiet ta' Unjoni mkabbra biex jippermettilha tadatta l-politiki tagħha għal dinja li miexja b'pass imgħaġġel. B'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir, it-Trattat ser jiżgura qafas istituzzjonali li għandu jippermetti għal adattament mingħajr diffikultajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ladarba Stat Membru ġdid jissieħeb mal-UE, u ser jemenda l-proċedura ta' adeżjoni, b'mod li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jkunu nnotifikati bl-applikazzjonijiet għal adeżjoni.

Il-ħolqien ta' sistema bla ħtieġa ta' viża għall-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja fil-bidu tal-2010, imsejsa fuq il-proposta tal-Kummissjoni, ser turi li r-riformi jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni ser tressaq proposti simili għall-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina sa nofs l-2010, dejjem skont kemm dawn il-pajjiżi jirnexxielhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta' Ċipru, il-mexxejja tal-komunita' Ċiprijotta Griega u ta' dik Ċiprijotta Torka deħlin f'fażi deċiżiva ta' negozjati dwar soluzzjoni komprensiva taħt il-partoċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni tgħin fl-isforzi tagħhom u tipprovdi pariri tekniċi dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE.

Il-komunikazzjoni preżenti tistabbilixxi l-progress li sar u l-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi impenjati fil-proċess ta' tkabbir. Fih hawn ħarsa ġenerali tal-approċċ tal-Kummissjoni għall-iggwidar u s-sostenn tal-isforzi tagħhom fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, f'dokument mehmuż, il-Kummissjoni tistabbilixxi t-triq għall-Kosovo[1], biex isir aktar progress lejn l-integrazzjoni fl-UE, f'konformità mal-perspettiva Ewropea għar-reġjun.

L-ISFIDI EWLENIN

It-taqsima li ġejja tindirizza kwistjonijiet ewlenin li bħalissa qegħdin jaffettwaw il-proċess tat-tkabbir. L-UE, permezz tal-politika tat-tkabbir tagħha, tista' tgħin fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi iżda l-akbar responsabbiltà tibqa' f'idejn il-pajjiżi kkonċernati.

Il-kriżi ekonomika

Ir-reċessjoni globali laqtet, fi gradi differenti, l-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija. Issa l-UE qiegħda tgħin lill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir biex itaffu l-impatt tal-kriżi u biex iħejju t-triq għal-irkupru sod, f'koordinazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs).

L-attività ekonomika fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija naqset b'mod drastiku sa mit-tieni nofs tal-2008, b'riżultat ta' tnaqqis fid-domanda għall-esportazzjonijiet tagħhom, livell anqas ta' investimenti barrani dirett u tnaqqis fil-livell ta' self transkonfinali. Il-pożizzjonijiet fiskali marru għall-agħar fl-ekonomiji kollha. Il-qgħad, li diġà kien f'livelli għoljin f'diversi pajjiżi, kompla jiżdied aktar. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-Balkani tal-Punent u fit-Rurkija fl-2009 huwa tal-istess daqs ta' dak tal-medja tal-UE, iżda huwa anqas sever minn ta' Stati Membri tal-UE li ntlaqtu l-agħar. Madanakollu, is-sitwazzjoni makroekonomika għadha fraġli fil-pajjiżi kollha.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom anqas possibbiltà għal rispons ta' politika makroekonomika domestika b'saħħitha għall-kriżi. Jeżistu limiti sinfikanti fuq il-miżuri ta' politika monetarja u fiskali minħabba l-qagħdiet fiskali proċikliċi, krediti u ipoteki ddenominati f'valuti barranin u żbilanċi esterni kbar. F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-tweġiba għall-kriżi kienet fil-parti l-kbira tagħha xierqa f'bosta mill-pajjiżi tar-reġjun minkejja li f'xi każi kien hemm nuqqas ta' rikonoxximent inizjali tas-severità tal-isfida. Il-perspettiva tal-adeżjoni mal-UE għenet biex tinżamm il-kunfidenza fl-ekonomiji fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u aġixxiet ta' punt ta' riferiment għall-politiki ekonomiċi fil-perjodu mqalleb ta' dan l-aħħar. Fl-istess ħin xi pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir kienu kapaċi jaħsdu l-benefiċċji tar-riformi strutturali introdotti fis-snin reċenti, li għenu biex tittaffa l-kriżi. Regolamentazzjoni finanzjarja mtejba, pereżempju fil-Kroazja u fit-Turkija, ikkontribwixxiet għall-istabbilità u r-reżistenza tas-settur bankarju. Is-Serbja u l-Bożnja u Ħerzegovina kisbu għajnuna mill-FMI, billi fiż-żewġ pajjiżi l-iżbilanċi esterni komplew jiżidedu u l-finanzi pubbliċi ntlaqtu b'mod speċifiku, minħabba linji politiċi espansivi preċedenti.

L-iżvolġiment tal-kriżi fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, partikolarment l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali, inkluż fuq l-impjiegi u s-sitwazzjoni soċjali, għadu għaddej. L-irkupru ser jieħu ż-żmien, hekk kif l-attività ekonomika tas-sħab kummerċjali ewlenin hija mistennija tirranka bil-mod. L-influssi kapitali għal-istimulu tad-domanda domestika x'aktarx li se jibqgħu mrażżna. Ittieħdu miżuri fuq żmien qasir biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà. Fuq perjodu medju ta' żmien, huwa importanti ħafna li tiġi żgurata politika fiskali soda, b'enfasi fuq infiq pubbliku aktar effiċjenti u effettiv u fuq l-investiment. Huma meħtieġa politiki tal-impjiegi u miżuri ta' ħarsien soċjali biex jiġi indirizzat il-qgħad strutturali u għall-ħarsien ta' gruppi vulnerabbli.

It-tweġiba għall-kriżi jeħtieġ li tikkunsidra l-bżonn ta' żvilupp sostenibbli u l-isfida tat-tibdil fil-klima filwaqt li tagħti prijorità lil miżuri li jwasslu għal ekonomija sikura u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Riformi relatati mal-UE jikkontribwixxu għal aktar kompetittività u ftuħ u għal qafas legali li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment. Miżuri li jikkonsolidaw l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, huma essenzjali għat-titjib tal-ambjent kummerċjali.

B'rabta mas-sostenn tal-UE, l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ġiet ipprogrammata biex tgħin lis-settur bankarju, lil proġetti ta' infrastruttura, lil SMEs u l-ħolqien tal-impjiegi, inkluż f'żoni rurali. Ġew allokati € 200 miljun mill-Istrument tal-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) għal dan il-għan, li se jwasslu għal investimenti ta' mill-anqas € 1 biljun, b'kofinanzjament b'self mill-IFI. Il-Kummissjoni pproponiet li jitnaqqas ir-rekwiżit ta' kofinanzjament għal pajjiżi benefiċjarji mill-IPA. Il-Kummissjoni pprovdiet sostenn baġitarju dirett mill-IPA lis-Serbja biex dan il-pajjiż itaffi l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill li japprova l-għajnuna makrofinanzjarja fis-sura ta' € 200 miljun f'self lis-Serbja. Dawn il-possibbiltajiet huma miftuħa għall-pajjiżi l-oħra, dejjem jekk ikunu jeħtiġuhom. Fiż-żewġ każi l-għajnuna finanzjarja hija kundizzjonali, inkluż fuq ftehim mal-FMI dwar politiki makroekonomiċi sodi. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mill-qrib mal-IFIs, li kkommettew ruħhom li jżidu s-self tagħhom lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lit-Turkija għal aktar minn € 5 biljuni fl-2009.

L-istat tad-dritt

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija għadhom qegħdin jiffaċċjaw sfidi maġġuri relatati mal-istat tad-dritt, partikolarment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Dawn il-kwistjonijiet huma fundamentali għal demokrazija u ekonomija funzjonanti u jikkundizzjonaw ferm il-proċess ta' adeżjoni. Huma jaffettwaw ukoll, xi minn daqqiet b'mod sproporzjonat, il-perċezzjonijiet tal-pubbliku fir-rigward tat-tkabbir fl-UE. Il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir qegħdin iwettqu sforzi sostanzjali biex jindirizzaw il-problemi. Il-Kummissjoni ser tibqa' tagħmel użu mill-potenzjal sħiħ tal-proċess tat-tkabbir biex issostni din il-ħidma u ser tissorvelja mill-qrib ir-riżultati li jinkisbu.

Il-korruzzjoni hija mifruxa f'ħafna oqsma u tolqot il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u kif ukoll lill-ambjent kummerċjali. Fost l-oqsma li jirrekjedu attenzjoni partikolari hemm l-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni, il-ġudikatura, l-iffinanzjar ta' partiti politiċi u t-trasparenza fl-ammintrazzjoni pubblika u l-gvern. Ġudikatura indipendenti u imparzjali u prosekuturi speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità huma essenzjali, daqs kemm huma importanti forza tal-pulizija u amministrazzjoni professjonali u mingħajr influwenzi politiċi. Huma meħtieġa leġiżlazzjoni mfassla tajjeb u implimentazzjoni effettiva f'oqsma bħal dawk tal-akkwist pubbliku, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, il-kontroll finanzjarju, il-verifika, u l-ġlieda kontra l-frodi.

Huma mteħtieġa wkoll aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li għadha problema mifruxa mar-reġjun. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għandhom isiru aktar effettivi filwaqt li jaħdmu flimkien biex jegħlbu organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali.

F'konformità mal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir u b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza mill-ħames tkabbir, l-istat tad-dritt huwa prijorità ewlenija li titlob li tiġi indirizzata mill-pajjiżi kkonċernati fi stadju bikri tal-proċess ta' adeżjoni. B'għajnuna mill-UE, sar xi progress fid-dħul fis-seħħ ta' leġiżlazzjoni effettiva u kif ukoll ta' strutturi għall-ġlieda tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata iżda huma meħtieġa implimentazzjoni u infuzar rigorużi tal-liġijiet sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli. Fl-2009 ġew allokati madwar € 80 miljun f'għajnuna mill-IPA għat-tisħiħ tal-ġudikatura u għall-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni wettqet missjonijiet ta' valutazzjoni tal-pari flimkien ma' esperti mill-Istati Membri dwar il-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi kandidati u ser tintensifika tali missjonijiet. L-użu ta' kriterji ta’ referenza fin-negozjati ta' adeżjoni u fid-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża pprovda inċentivi għar-riforma.

Il-Kummissjoni ssuktat bis-sostenn tagħha għall-kooperazzjoni bejn il-ġudikatura reġjonali, il-pulizija u l-prosekuturi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Jeħtieġ li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent isaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja fir-reġjun biex jiżguraw l-iffunzjonar effiċjenti tas-sistemi tal-ġustizzja tagħhom. F'dan ir-rigward, l-indirizzar tal-problema tal-impunità ta' reati tal-gwerra u reati serji oħra huwa ta' importanza partikolari. Għal dan il-għan, il-pajjiżi għandhom jerġgħu jagħtu ħarsa lejn ir-restrizzjonijiet eżistenti fl-oqfsa legali tagħhom għall-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom u t-trasferimenti ta' proċedimenti.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi sħab tagħha kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Madanakollu, riżultati effettivi u sostenibbli jinkisbu biss jekk ikun hemm ir-rieda politika u l-impenn reali meħtieġa mill-awtoritajiet fil-pajjiżi kkonċeranti. Il-Kummissjoni ser twettaq monitoraġġ rigoruż tal-progress prattiku li jinkiseb, b'enfasi fuq ir-riżultati.

F'bosta pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, il-libertà tal-espressjoni għadha kwistjoni li tqanqal tħassib. B'mod ġenerali, filwaqt li l-elementi ewlenin tal-qafas legali għall-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u l-medja jinsabu fis-seħħ, pressjoni politika żejda fuq il-medja u l-għadd dejjem jikber ta' theddid u attakki fiżiċi fuq ġurnalisti u kif ukoll xi ostakli legali pendenti qegħdin iqanqlu tħassib serju. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b'urġenza.

Kwistjonijiet bilaterali

Il-kwistjonijiet bilaterali, fosthom kwistjonijiet dwar fruntieri, qegħdin jolqtu dejjem aktar il-proċess tat-tkabbir. Il-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu solvuti mill-partijiet ikkonċeranti u m'għandhomx iżommu lura l-proċess tal-adeżjoni.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-kwistjoni dwar il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja żammet lura n-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja.

L-oqfsa ta' negozjar mal-Kroazja u t-Turkija, miftiehma bejn l-Istati Membri kollha, jistipulaw li l-UE tistenna li l-pajjiżi kandidati jsolvu kwalunkwe tilwima f'rabta mal-fruntieri f'konformità mal-prinċipju ta' soluzzjoni paċifika għat-tilwim skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż jekk meħtieġ il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Is-sejba ta' soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli, u l-konklużjoni ta' ftehimiet, dwar kwistjonijiet pendenti ma' pajjiżi ġirien hija wkoll parti mill-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-Kummissjoni tistenna li l-partijiet kollha kkonċernati jagħmlu kull sforz biex jiksbu soluzzjoni għal kwistjonijiet bilaterali mal-ġirien tagħhom f'konformità ma' dan. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tinsab lesta li tiffaċilita s-sejba ta' soluzzjonijiet, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati. Il-ftehim fi prinċipju bejn il-Kroazja u l-Montenegro biex isibu soluzzjoni għad-demarkazzjoni tal-fruntiera fi Prevlaka permezz tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja huwa wieħed li jagħti l-qalb.

Il-partijiet involuti f'tali tilwim bilaterali għadhom ir-responsabbiltà li jsibu soluzzjonijiet fi spirtu ta' viċinat b'saħħtu filwaqt li jżommu f'moħħhom l-interessi globali tal-UE. Dan ser isaħħaħ l-effikaċja tal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir li jikkonferma li l-pass tal-progress ta' pajjiż lejn l-UE huwa ddeterminat mill-pass tar-riformi li jwettaq.

Kooperazzjoni reġjonali

F'dawn l-aħħar snin il-kooperazzjoni reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa għamlet passi ta' ġgant 'il quddiem u r-reġjun assuma aktar responsabbiltà mill-proċess. Madanakollu, il-kooperazzjoni reġjonali mhijiex tilħaq il-potenzjal kollu tagħha. Il-tilwim bilaterali u n-nuqqas ta' qbil dwar il-Kosovo qiegħed jolqot il-kooperazzjoni reġjonali eċċessivament. L-effiċjenza tal-istrutturi u l-inizjattivi reġjonali wkoll jeħtieġu titjib.

In-nuqqas ta' qbil dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'laqgħat, inizjattivi u ftehimiet reġjonali qegħdin ifixklu l-kooperazzjoni reġjonali. L-iffunzjonar normali ta' strutturi importanti bħall-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) jew l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) jista' jitqiegħed f'periklu, jekk ma tinbidildx il-prassi kurrenti. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwi lill-partijiet ikkonċernati kollha biex ifittxu soluzzjonijiet prattiċi u prammatiċi biex jiżguraw l-inklussività tal-kooperazzjoni reġjonali, mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet differenti dwar il-kwistjoni tal-istatus. Ir-rekord ta' riżultati fil-kisba tal-kooperazzjoni reġjonali hiwa vvalutat bħala parti mill-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kundizzjonalment fl-istadji kollha tal-proċess tat-tkabbir.

L-RCC ilu jiffunzjona għal aktar minn sena bħala s-suċċessur reġjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u jopera taħt l-unbrella politika tal-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropea (SEECP). Issa jeħtieġ li l-RCC jsaħħaħ l-isforzi tegħi biex jagħti riżultati konkreti. L-RCC għandu rwol strateġiku fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali u fl-identifikar u l-indirizzar ta' ħtiġijiet f'attivitajiet u strutturi reġjonali. Barra minn hekk huwa għandu rwol x'jaqdi fl-ipprogrammar tal-għajnuna Komunitarja f'rabta mal-kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni tappoġġja l-ħidma tal-RCC u tiffinanzja terz tal-baġit tas-Segretarjat għall-perjodu bejn l-2008 u l-2010. Il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogu mas-Segretarjat tal-RCC dwar il-prijoritajiet tal-organizzazzjoni, it-titjib tal-iffunzjonar u l-iżvilupp ulterjuri. Hija qiegħda tesplora wkoll l-arranġamenti għal għajnuna ġejjiena u kif din tkun tista' tintuża aħjar biex tittejjeb l-effiċjenza tal-RCC.

Il-kummerċ reġjonali huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp ekonomiku u għar-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent. Dan jista' wkoll jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi ekonomika. Ir-rwol taż-żona reġjonali ta' kummerċ ħieles stabbilita permezz tas-CEFTA huwa importanti ferm. Passi importanti ulterjuri fil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, prinċipalment fi-kummerċ agrikolu, ġew innegozjati b'suċċess fis-CEFTA liżda għadhom ma daħlux fis-seħħ, filwaqt li għaddejja ħidma dwar it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ. Id-dispożizzjonijiet dwar akkumulazzjoni djagonali bejn l-UE u xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent daħlu fis-seħħ, u b'hekk komplew isaħħu l-integrazzjoni kummerċjali reġjonali. Madanakollu, hemm ir-riskju tal-paraliżi tas-CEFTA minħabba nuqqas ta' ftehim dwar l-istatus tal-Kosovo, li diġà qiegħed ifixkel l-adozzjoni tal-protokoll dwar il-liberalizazzjoni tal-kummerċ agrikolu. Qegħdin jiżdiedu l-pressjonijiet protezzjonisti b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u dawn qegħdin wasslu għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri li huma fi ksur ta' obbligi kuntrattwali. Din ix-xejra għandha titrażżan u jeħtieġ li tali ksur jitwarrab għalkollox.

Il-kooperazzjoni reġjonali għamlet xi passi 'l quddiem fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport. Il-Komunità tal-Enerġija qiegħda tippromwovi r-riforma tas-settur tal-enerġija u t-titjib tas-sigurtà tal-provvista fir-reġjun, filwaqt li r-reġjun jiġi integrat fis-suq Komunitarju tal-enerġija. Bħalissa għadhom għaddejjin negozjati biex jiġi stabbilit Komunità tat-Trasport bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li għandhom jiġu konklużi sa tmiem din is-sena. Il-Ftehim taż-Żona tal-Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA) jikkontribwixxi għaż-żieda fit-traffiku tal-ajru bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u gradwalment jintegrahom fis-suq intern tat-trasport bl-ajru tal-UE. Il-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-ambjent u l-ġustizzja u l-affarijiet interni qiegħed jiġi intensifikat.

L-Iskola Reġjonali tal-Amminstrazzjoni Pubblika (ReSPA) żiedet l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha. Hija meħtieġa azzjoni prijoritarja f'rabta mar-ratifika tal-Ftehim Internazzjonali li tistabbilixxi l-personalità ġuridika tagħha sabiex l-iskola ssir operattiva bis-sħiħ.

Il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċess ta' Ljubljana, tappoġġja r-riabilitazzjoni tal-wirt kulturali bħala mezz importanti għar-rikonċiljazzjoni li tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-ekonomija lokali. Fil-konferenza ministerjali li jmiss ta' Ljubljana f'Novembru 2009 l-Kummissjoni ser tippromwovi aktar attivitajiet ta' riabilitazzjoni.

Il-Kummissjoni ser tħejji strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju sa tmiem l-2010, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2009. Il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir kif ukoll l-organizzazzjonijiet ikkonċernati ser jinvolvu ruħhom mill-qrib f'dan l-eżerċizzju. Fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed it-Turkija hija kommessa li tikkoopera fir-reġjun u hija parti mill-qafas tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Il-Kummissjoni tappoġġja l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-programm ta' kooperazzjoni tal-baċir tal-Baħar l-Iswed taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI).

Il-Kummissjoni ser tissokta bl-appoġġ tagħha għal attivitajiet u strutturi ta' kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta' aktar involviment tar-reġjun fl-ippjanar u l-ipprogrammar tal-programm tal-IPA li minnu se jgawdu għadd ta' benefiċjarji.

STRUMENTI TA' QABEL L-ADEżJONI: AZZJONI FUQ IL-PRIJORITAJIET EWLENIN

Vjaġġar mingħajr viża

Il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, f'konformità mal-impenji meħuda fl-Aġenda ta' Thessaloniki, jinsab f'fażi deċiżiva. Minn Jannar 2008 ġew implimentati ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża mal-pajjiżi kollha kkonċernati, b'mod parallel ma' ftehimiet ta' riammissjoni. Il-pjani programmatiċi adottati fl-2008 għal kull pajjiż fil-kuntest tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża wrew li huma ta' impetu ta' suċċess biex jiġu aċċelerati r-riformi fl-oqsma relevanti, prinċiplament fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Wara li kkunsidrat il-progress li nkiseb minn kull pajjiż fl-issodisfar tal-kriterji relevanti għal-liberalizzazzjoni tal-viża, f'Lulju tal-2009 l-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għall-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għall-Montenegro u għas-Serbja. Il-ħolqien ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża sal-bidu tal-2010 ser jikkostitwixxi kontribuzzjoni importanti għal kuntatti bejn il-persuni u juri liċ-ċittadini tal-pajjiżi kkonċernati li r-riformi marbuta mal-perspettiva Ewropea jipprovdu benefiċċji tanġibbli. Il-Kummissjoni ser tressaq proposti għall-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina sa nofs l-2010, sakemm dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti. L-istudju dwar il-Kosovo li għandu jiġi adottat flimkien ma' din il-Komunikazzjoni jipproponi li l-iffaċilitar tal-viża għandha jibqa' għaddej u li għandu jitnieda proċess simili għall-Kosovo, bil-mira aħħarija ta' liberalizzazzjoni eventwali tal-viża meta jitwettqu r-riformi meħtieġa u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

L-iżgurar tal-kwalità tat-tħejjijiet ta' qabel l-adeżjoni

Il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir kien ikkaratterizzat minn sforzi bla hedu biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess. Il-kriterji rigorużi stabbiliti bħala kundizzjonijiet għall-ftuħ u l-għeluq tal-kapitoli tan-negozjati wrew li huma strument importanti biex tiġi żgurata l-konformità mal-impenji kuntrattwali eżistenti u biex jintużaw bħala direzzjoni għar-riformi ekonomiċi, legali u amministrattivi diffiċli fil-pajjiżi li jkunu għaddejjin bin-negozjati, u b'hekk ikunu ta' kontribut għat-tħejjijiet bikrija għall-adeżjoni. Bħalissa qiegħed jitħejja studju dwar l-impatt finanzjarju tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE. Opinjonijiet futuri dwar applikazzjonijiet għall-adeżjoni ser jinkludu stimi tal-impatt tal-adeżjoni tal-applikant fuq oqsma ta' politika prijoritarji tal-UE. Għaddej ukoll djalogu politiku intensiv mal-pajjiżi biex isir monitoraġġ tal-progress, bis-Sħubijiet bħala dokumenti ta' referenza ewlenin. Id-djalogu ekonomiku ġie intensifikat aktar fil-kuntest tal-kriżi.

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li l-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jiżguraw li l-leġiżlazzjoni ġdida titħejja bir-reqqa, wara li ssir il-konsultazzjoni neċessarja mal-partijiet interessati, u tiġi implimentata b'mod adegwat. Servizzi ċivili indipendenti, ibbażat fuq il-mertu, trasparenti u responsabbli huwa neċessarju sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tal- acquis .

Il-qrubija bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni u l-UE

Aktar parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssaħħaħ il-kwalità tad-demokrazija u tikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni. L-involviment tagħhom fir-riformi mwettqa fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jikkontribwixxi għall-kwalità tal-proċess ta' adeżjoni, u kif ukoll iżomm l-appoġġ pubbliku għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni, permezz tal-implimentazzjoni tal-faċilità tas-soċjetà ċivili taħt l-IPA, iffinanzjat it-twaqqif ta' uffiċċji ta' appoġġ tekniku f'kull benefiċjarju u għadd dejjem jikber ta' żjajjar qosra lejn istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' madwar 800 persuna f'werkxops fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Il-Kummissjoni ser tissokta bl-appoġġ tagħha lil sħubijet tas-soċjetà ċivili billi tagħti prijorità lil oqsma bħall-kultura, il-minoranzi u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju.

Il-parteċipazzjoni fi programmi u aġenziji Komunitarji wriet li kienet esperjenza utli biex l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini ta' pajjiżi sieħba jersqu eqreb lejn l-UE. Il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha lil aġenziji Komunitarji biex iħejju l-pajjiżi fil-proċess tat-tkabbir għall-parteċipazzjoni tagħhom. Wara l-introduzzjoni ta' possibbiltajiet imtejba għal kofinanzjament mill-Komunità, il-pajjiżi kandidati potenzjali ssieħbu fi programmi ġodda. Il-Kummissjoni ser tissokta bl-appoġġ tagħha lil pajjiżi sħab biex dawn jibnu l-kapaċitajiet u r-riżorsi neċessarji li jiżguraw parteċipazzjoni ta' suċċess fi programmi u aġenziji Komunitarji.

F'konformità mal-enfasi fuq kwistjonijiet bażiċi ta' goverananza, il-Kummissjoni ser tibqa' tagħti attenzjoni mill-qrib biex tiżgura li jkun hemm amministrazzjoni pubblika professjonali u funzjonanti. Hija ser tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prassi u l-iskambju ta' għarfien espert bejn il-pajjiżi fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Għal dan il-għan hija ser tagħmel użu mill-istrumenti kollha disponibbli, fosthom Twinning, TAIEX u SIGMA[2], u ssaħħaħ il-kuntatti tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u ma' istituti ta' taħriġ nazzjonali, reġjonali u Ewropej li jiffokaw fuq l-amministrazzjoni pubblika.

Appoġġ lill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir permezz ta' għajnuna finanzjarja

Fl-2009, kompliet tingħata għajnuna lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija permezz tal-Istrument għall-Għajnuna Qabel l-Adeżjoni. Fl-2009 ser jiġu impenjati € 1.5 biljuni. Qed issir enfasi partikolari għall-bini tal-istat, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. L-IPA għandha tibqa' tappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali u l-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni tal-fruntiera, li jikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajba, u għat-tħejjijiet ta' adeżjoni mal-UE. Il-Kummissjoni ser tibqa' tiffoka l-għajnuna tagħha biex tappoġġja t-tħejjijiet ta' qabel l-adeżjoni bbażati fuq il-prijoritajiet tas-sħubija.

Il-pajjiżi kandidati għamlu progress fir-rigward tal-ġestjoni deċentralizzata tal-fondi. Il-proċess ta' deċentralizzazzjoni jinsab fi stadju tajjeb mal-Kroazja u t-Turkija u ż-żewġ pajjiżi jeħtiġilhom jiffokaw il-ħidma tagħhom biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet marbuta magħha. Fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, id-deċentralizzazzjoni tal-komponenti ta' żvilupp reġjonali u riżorsi umani tal-IPA nkisbet bis-sħiħ, iżda għadha trid issir aktar ħidma qabel id-dħul fis-seħħ ta' deċentralizzazzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni tibqa' tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-pajjiżi kandidati biex tgħinhom jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ġestjoni deċentralizzata ta' fondi tal-UE, b'enfasi anke fuq l-iżvilupp reġjonali, tar-riżorsi umani u kif ukoll l-iżvilupp rurali.

F'pajjiżi oħra involuti fil-proċess tat-tkabbir id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li wara l-għeluq tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni għaddejjin b'attività intensiva, huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE u qegħdin iwettqu ħidma mal-benefiċjarji biex jiżguraw li l-għajnuna tal-KE tinuża b'mod effiċjenti u effettiv. L-għajnuna deċentralizzata tibqa' għan fuq terminu ta' żmien medju, partikolarment biex tkun tista' titħejja t-triq għall-ġestjoni ġejjiena ta' strumenti li jaqgħu taħt il-politika ta' koeżjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji settorjali mill-pajjiżi benefiċjarji, sabiex jiġi ffaċilitat approċċ aktar strateġiku u bbażat fuq il-programmi fl-għoti tal-għajnuna u b'hekk jingħata sostenn biex titjieb l-effikaċja tal-għajnuna.

Kif inhu previst fir-Regolament IPA, il-Kummissjoni saħħet il-proċess ta' koordinazzjoni tad-donaturi li jinvolvi lil Stati Membri tal-UE, IFIs u donaturi oħrajn. Dan jinvolvi l-istabbiliment u l-koordinazzjoni ta' prijoritajiet u l-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni fuq il-post.

Il-Kummissjoni, imsieħba tal-IFI u l-Istati Membri qegħdin jiffinalizzaw it-termini għall-ħolqien ta' Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF). Dan huwa pass maġġuri li ser jiffaċilita l-appoġġ għal investimenti għall-infrastruttura, l-SMEs u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Għandu l-għan li jiġbor riżorsi mill-Kummissjoni, l-IFIs sħab, l-Istati Membri u donaturi oħrajn u biex issir dawn l-għotjiet ta' riżorsi jiġu konnessi ma' self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għall-iffinanzjar ta' proġetti prijoritarji fis-setturi koperti. Biex tintlaħaq din il-mira, il-Kummissjoni allokat aktar minn € 100 miljun f'għotjiet – ammont li jagħmilha l-akbar kontributur. B'mod ġenerali l-WBIF għandu jiġġenera self li jammonta għal aktar minn € 1 biljun fuq is-snin li ġejjin.

Ħidma id f'id fuq it-tibdil fil-klima

L-UE ser issaħħaħ id-djalogu regolari tagħha dwar it-tibdil fil-klima mal-pajjiżi kandidati u mal-pajjiżi kandidati potenzjali, partikolarment permezz tan-Netwerk Ambjentali Reġjonali għall-Adeżjoni (RENA) li ser jinħoloq fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni tistenna li l-pajjiżi kollha involuti fil-proċess tat-tkabbir jappoġġjaw l-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-qbil dwar ftehim ambizzjuż u komprensiv fil-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima fi tmiem l-2009. F'dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni pprovdiet € 120 miljun f'għotjiet lil faċilitajiet tal-IFI li ser jiġġeneraw investimenti ta' madwar € 600 miljun fi proġetti f'rabta mal-użu effiċjenti tal-enerġija, u li b'hekk jgħinu lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija biex inaqqsi l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra. Il-Kummissjoni ser tissokta bl-inizjattivi ta' appoġġ tagħha f'rabta mat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir.

Il-komunikazzjoni dwar it-tkabbir

Il-komunikazzjoni aħjar mal-pubbliku hija prinċipju fundamentali tal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir. Biex il-proċess tat-tkabbir tal-UE jirnexxi, huwa essenzjali li jingħata widen liċ-ċittadini u jiġu indirizzati t-tħassib u l-mistoqsijiet tagħhom. L-opinjoni pubblika tal-UE dwar it-tkabbir fil-ġejjieni huwa influwenzat minn perċezzjonijiet ta' tkabbir ieħor li sar fl-imgħoddi. Il-Kummissjoni ppreżentat studju dwar il-kisbiet u l-isfidi ekonomiċi tal-ħames tkabbir tal-UE fl-okkażjoni tal-ħames sena tiegħu, u li kkonkluda li t-tkabbir ikkontribwixxa għal tkabbir filwaqt li wassal biex l-UE jkollha rwol aktar b'saħħtu fl-ekonomija dinjija. Il-Kummissjoni qed tippromwovi dibattitu pubbliku informat dwar l-impatt tiegħu u organizzat sensiela ta' avvenimenti biex timmarka l-anniversarju tal-ħames tkabbir li jikkoinċidi mal-20 anniversarju mill-waqa' tal-purtiera tal-ħadid. Hija nediet websajt apposta u kkoproduċiet materjal awdjoviżiv.

L-iżgurar tal-appoġġ pubbliku jibqa' għan kruċjali għall-politika tat-tkabbir tal-UE u l-Kummissjoni ser tissokta bl-implimentazzjoni ta' politika ta' komunikazzjoni attiva f'dan ir-rigward. B'mod partikolari, hija ser tappoġġja u tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri, li għandhom responsabbiltà tassew importanti b'rabta ma' dan, kif ukoll lill-pajjiżi sħab u ser tiffoka fuq attivitajiet ta' komunikazzjoni immirati lejn dawk li jiffurmaw opinjonijiet, partikolarment organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, u kif ukoll fuq iż-żgħażagħ. Ser isiru sforzi partikolari biex titrawwem kuxjenza fl-UE dwar il-kulturi u l-modi differenti ta' għajxien fis-sħab involuti fil-proċess tat-tkabbir.

PROGRESS FIL-PAJJIżI INVOLUTI FIL-PROċESS TAT-TKABBIR U L-AġENDA GħALL-2009-2010

It-tmexxija tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali lejn l-UE

Fis-sena li għaddiet il- Balkani tal-Punent diġà resqu eqreb lejn adeżjoni mal-UE, hekk kif ir-reġjun għamel progress, li madanakollu kien inkonsistenti, fir-riformi u fl-issodisfar tal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti. Sar progress sostanzjali lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża, li wassal għall-proposta tal-Kummissjoni ta' Lulju 2009 biex jitneħħa l-obbligu tal-viża fir-rigward tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. In-netwerk ta' Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġie estiż ulterjorment. Ġew irċevuti żewġ applikazzjoni ta' adeżjoni mir-reġjun.

Għall-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, progress ulterjuri jista' jsarraf fl-għoti ta' status ta' kandidati lil dawn il-pajjiżi meta jagħtu prova tat-tħejjija tagħhom għal dan. Rekord ta' riżultati pożittivi fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-FSA, fosthom ta' dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, huwa element essenzjali għall-progress ta' kull pajjiż lejn adeżjoni mal-UE.

It-taqsima li ġejja toffri taqsira tal-progress u tistabbilixxi l-aġenda għall-2009-2010 għall- pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir.

Il-Kroazja

Il-Kroazja kompliet tagħmel progress dwar riformi politiċi fundamentali. Dan il-pajjiż għadu jissodisfa l-kriterji politiċi u sar progress f'bosta mill-oqsma, inklużi l-isforzi intensifikati fil-qasam tal-istat tad-dritt. Il-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni ġew indirizzati fil-parti l-kbira tagħhom.

Fil-komunikazzjoni tagħha Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2008-2009[3] l-Kummissjoni ppreżentat programm indikattiv biex jintlaħaq l-aħħar stadju tan-negozjati tal-adeżjoni. Il-programm stimula l-isforzi tal-Kroazja biex tissodisfa l-kriterji għall-ftuħ u l-għeluq ta' kapitoli skont l-iskeda indikatta tal-programm. Xi dewmien fil-Kroazja b'rabta ma' ċerti oqsma fisser li l-progress li kellu jsir skont il-programm dwar xi kapitoli baqa' ma sarx. Madanakollu, it-tħejjijiet imxew sew 'il quddiem b'mod ġenerali biex b'hekk issa n-negozjati tekniċi qegħdin joqorbu lejn il-fażi finali tagħhom.

Il-Kroazja ntlaqtet ferm mill-kriżi ekonomika iżda l-impatt tagħha ttaffa permezz ta' settur bankarju li kien kapaċi jirkupra u riżervi barranin b'saħħithom. Riformi strutturali msaħħa u l-adozzjoni ta' strateġija fiskali kredibbli fuq perjodu medju jkunu essenzjali biex tittejjeb il-kompetittività.

Il-kwistjoni tal-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja żammet lura n-negozjati tal-adeżjoni, b'tali mod li għadd sostanzjali ta' kapitoli la setgħu jinfetħu u lanqas jingħalqu sa Ottubru 2009, għalkemm kienu diġà iffinalizzati mil-lat tekniku. Il-Kummissjoni pprovdiet is-servizzi ta' faċilitazzjoni tagħha biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima, li għandha tibqa' kwistjoni bilaterali. Saru sforzi intensivi mill-Kummissjoni, b'appoġġ mit-Trio ta' Presidenzi, fuq perjodu ta' sitt xhur, li ħejjew it-triq għal ftehim politiku bejn iż-żewġ partijiet li ntlaħaq f'Settembru 2009. Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-progress reċenti li wassal biex għadd sostanzjali ta' kapitoli nfetħu jew ingħalqu provviżorjament fil-konferenza ta' adeżjoni f'Ottubru. In-negozjati ta' adeżjoni m'għandhomx jinżammu lura minn kwistjonijiet bilaterali.

Jeħtieġ li l-Kroazja tagħti spinta fl-isforzi tagħha ta' riforma fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inkluż ir-ritorn ta' refuġjati, u l-proċessi ta' reati tal-gwerra. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika titlob attenzjoni partikolari. Il-Kroazja teħtieġ ukoll li tiżgura li l-gvern Kroat jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isolvi l-kwistjoni tal-aċċess tal-ICTY għal dokumenti importanti. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji pakkett finanzjarju għall-adeżjoni tal-Kroazja. Jeħtieġ li l-Kroazja ttejjeb l-isforzi biex tistabbillixxi l-istrumenti meħtieġa għall-ġestjoni u l-kontroll ta' strumenti finanzjarji Komunitarji. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jistabbilixxi grupp ta' ħidma tekniku ad-hoc għall-abbuzzar tat-Trattat ta' Adeżjoni, abbażi tat-testi mħejjija mill-Kummissjoni. Jekk il-Kroazja tissodisfa l-kriterji pendenti fil-ħin, in-negozjati tad-adeżjoni, bl-inklużjoni ta' kull arranġament tranżitorju, ikunu jistgħu jiġu konklużi s-sena d-dieħla.

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Sa mill-adozzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni[4] u l-ksib tal-istatus ta' kandidat fl-2005 l-eks repubblika Jugoslave tal-Maċedonja kkonsolidat l-iffunzjonar tad-demokrazija tagħha u żgurat l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet li jiggarantixxu l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-ħidma ma tiqafx hawn.

Il-pajjiż indirizza b'mod sostanzjali l-prijoritajiet ewlenin tas-sħubija għall-adeżjoni[5]. L-elezzjonijiet presidenzjali u lokali ta' Marzu u April 2009 tmexxew b'mod konformi ma' bosta standards internazzjonali. Il-parlament qiegħed jaħdem aħjar, partikolarment permezz tal-introduzzjoni ta' regoli proċedurali parlamentari u liġi ġdida dwar il-Parlament. Il-Liġi dwar il-Pulizija ġiet implimentata, prinċipalment permezz tal-ħatra ta' kmandanti tal-pulizija reġjonali u lokali, u r-riforma tal-pulizija saret ukoll permezz tal-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Affarijiet Interni. Issa l-parti leġiżlattiva tal-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja tlestiet, il-qrati u l-entitajiet ġudizzjarji l-ġodda bdew iwettqu ħidmiethom u l-effiċjenza globali marret għall-aħjar. Sar progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, permezz tal-prosekuzzjoni ta' kawżi ta' livell għoli, it-tisħiħ tal-qafas legali speċjalment bl-adozzjoni tal-emendi għall-Liġi dwar l-Iffinanzjar tal-Partiti Politiċi u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Liġi dwar is-Servizz Ċivili ġiet emendata biex tissaħħaħ l-awtorità tal-aġenzija tas-servizz ċivili u dan huwa pass ieħor biex tinkiseb sistema ta' karrieri bbażati fuq il-mertu. Fil-qasam tal-impjiegi ngħatat spinta għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u sar titjib fl-ambjent kummerċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ ta' aġenziji regolatorji.

Il-pajjiż qiegħed jirrispetta l-impenji li ħa taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Abbażi ta' dan, f'Ottubru l-Kummissjoni għamlet proposta dwar it-tranżizzjoni għat-tieni stadju tal-Assoċjazzjoni, skont l-artikolu 5 tal-FSA.

Il-pajjiż intlaqat mill-kriżi ekonomika iżda r-ritmu baxx tat-tkabbir ittaffa minn settur bankarju stabbli u konsum privat kostanti. Politika fiskali soda u l-indirizzar tal-qgħad strutturali għandhom itejbu l-kompetittività tal-ekonomija.

Il-kwistjoni tal-isem mal-Greċja għadha ma ssolvietx. Il-pajjiż jinsab involut f'taħdidiet taħt il-patroċinju tan-NU biex tinstab soluzzjoni dwar dan. Għandhom jiġu evitati azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jolqtu b'mod negattiv ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat ma' pajjiżi oħra. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, huma essenzjali.

Il-Montenegro

Fil-Montenegro għadhom għaddejjin ir-riformi politiċi u l-elezzjonijiet parlamentari ta' Marzu 2009 ssodisfaw l-istandards internazzjonali kollha għalkemm għad fadal xi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati. Inkiseb progress fir-rigward tar-riforma tal-ġudikatura. B'mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim għaddejja mingħajr xkiel.

Il-Montenegro ntlaqat mill-kriżi ekonomika iżda l-impatt ittaffa minn staġun turistiku tajjeb u kif ukoll minn miżuri li ttieħdu kontra l-kriżi. L-issuktar tar-riformi strutturali huma importanti ferm biex tkompli titjieb il-kompetittività.

Il-Montenegro applika għal adeżjoni mal-UE f'Diċembru 2008 u f'April 2009 l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq opinjoni. Għadha għaddejja ħidma fuq it-tħejjija tal-opinjoni. Il-Montenegro ser jeħtieġlu juri riżultati konkreti dwar il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, partikolarment fir-riforma tal-ġudikatura u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-kapaċità amministrattiva u dik tal-infurzar jeħtieġu titjib ulterjuri.

L-Albanija

L-Albanija kompliet tagħmel progress dwar riformi politiċi fundamentali. L-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 laħqu bosta mill-istandards internazzjonali iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet li ġew identifikati. B'mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ din is-sena, għaddejja mingħajr xkiel.

Sa issa l-effett tal-kriżi ekonomika fuq l-Albanija kien limitat. B'rabta mal-kompetittività huwa importanti ferm li l-pajjiż jibqa' għaddej bir-riformi strutturali u bit-titjib tal-infrastruttura.

L-Albanija applikat għal adeżjoni mal-UE f'April 2009. F'Lulju 2009, il-Kunsill stqarr li ser ikompli bil-proċess tal-applikazzjoni għal adeżjoni tal-Albanija ladarba titlesta l-proċedura tal-elezzjoni Albaniża. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tibda t-tħejjijiet dwar l-opinjoni tagħha ladarba l-Kunsill jistedinha tagħmel dan. L-Albanija jeħtiġilha tagħmel progress, partikolarment fir-rigward tal-istat tad-dritt u speċjalment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll dwar l-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet tal-istat, partikolarment f'rabta mal-indipendenza tal-ġudikatura. Il-kapaċità amministrattiva u tal-infurzar jeħtieġu titjib ulterjuri.

Il-Bożnja u Ħerzegovina

Fil-Bożnja u Ħerzegovina l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim kien, fil-parti l-kbira tiegħu, sodisfaċenti. Madanakollu, il-progress tal-pajjiż fl-indirizzar ta' riformi ewlenin għadu limitat ħafna. L-ambjent politiku domestiku mar lura, u għad fadal ħafna sfidi b'rabta mal-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet x'jiġu indirizzati u ssuktat ukoll retorika xewwiexa. Ir-rekwiżiti għal tranżizzjoni mingħajr diffikultajiet mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) għal preżenza msaħħa tal-UE fil-pajjiż għadhom ma ġewx issodisfati. F'dan il-kuntest, l-UE qablet ma' arranġamenti għat-tisħiħ tal-uffiċċju u tal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (EUSR) u qiegħda tikkunsidra 'unjoni personali/arranġament b'żewġ karigi' tal-EUSR u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni, f'konformità mat-Trattati u fir-rispett tal-bilanċ istituzzjonali.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għandha ħtieġa urġenti li tgħaġġel ir-ritmu tar-riformi ewlenin. Viżjoni komuni dwar id-direzzjoni globali tal-pajjiż mill-mexxejja tiegħu u kif ukoll rieda politika biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-integrazzjoni Ewropea huma neċessarji biex jinkiseb progress. Barra minn hekk jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-OHR. L-Unjoni Ewropea ma tkunx tista' tikkunsidra applikazzjoni għall-adeżjoni mill-Bożnja u Ħerzegovina qabel ma jingħalaq l-OHR.

Qabel ma l-Kummisjoni tkun tista' tirrakkomanda l-għoti ta' status ta' pajjiżi kandidat il-Bożnja u Ħerzegovina ser ikollha tirriforma l-qafas kostituzzjonali biex l-istituzzjonijiet tagħha jkunu jistgħu joperaw b'mod effettiv. B'mod partikolari jeħtieġ li l-pajjiż jkun f'pożizzjoni li jadotta, jimplimenta u jinforza l-liġijiet u r-regoli tal-UE. Il-Kummissjoni tappella lill-Bożnja u Ħerzegovina biex tipproċedi bl-emendi kostituzzjonali meħtieġa mingħajr ebda dewmien. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġja l-isforzi tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-ksib tal-evoluzzjoni tal-kostituzzjoni tagħha u l-implimentazzjoni ta' riformi importanti oħrajn, li jpoġġu lill-pajjiż f'pożizzjoni li jagħmel progress fil-proċess ta' adeżjoni tiegħu.

Il-Bożnja u Ħerzegovina ntlaqtet ħafna mill-kriżi ekonomika u talbet għajnuna finanzjarja mill-FMI. Jeħtieġ li tkompli bir-riformi strutturali fl-ekonomija u tiżgura finanzi pubbliċi sodi.

Is-Serbja

Is-Serbja wriet l-impenn tagħha li tqarreb il-pajjiżi lejn l-UE billi tibni rekord ta' riżultati pożittivi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim mal-UE u billi twettaq riformi politiċi ewlenin f'koformità ma' standards Ewropej. Is-Serbja għamlet sforzi wkoll biex timplimenta programm ambizzjuż għall-integrazzjoni Ewropea. Is-Serbja għandha l-kapaċità amministrattiva biex tagħmel progress sostanzjali lejn l-UE. Jeħtieġ li din tintuża biex is-Serbja tkompli għaddejja bl-aġenda ta' riforma tagħha, li twassal għal riżultati tanġibbli f'oqsma prijoritajri bħat-tisħiħ tal-istat tad-dritt.

Is-Serbja ntlaqtet ħafna mill-kriżi ekonomika u talbet għajnuna finanzjarja mill-FMI u mill-UE. Jeħtieġ li l-pajjiż jaċċelera r-riformi ekonomiċi u jiżgura s-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi.

Sar progress fil-kooperazzjoni mat-Tribunal Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) iżda żewġ akkużati, Ratko Mladić u Goran Hadžić, għadhom ma nqabdux. Fid-dawl tal-kooperazzjoni kostanti mal-ICTY u l-impenn imġedded tas-Serbja favur il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni tikkunsidra li issa l-UE għandha timplimenta l-Ftehim Interim. Jeħtieġ li s-Serbja turi attitudni aktar kostruttiva fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-oqsma tal-kummerċ u l-kooperazzjoni reġjonali. Diġà qed issir koopreazzjoni mal-missjoni tal-EULEX dwar l-istat tad-dritt iżda jeħtieġ li dawn l-isforzi jissaħħu aktar, speċjalment fir-rigward tal-operazzjoni tal-EULEX fit-tramuntana tal-Kosovo.

Il-Kosovo

Il-Kosovo għadu jinsab f'qagħda stabbli, minkejja li hija stabbiltà fraġli. Wara r-rikonfigurazzjoni tal-preżenza internazzjonali, il-missjoni EULEX tal-UE dwar l-istat tad-dritt intbagħtet madwar il-Kosovo kollu u tinsab operattiva bis-sħiħ. L-awtoritajiet iffaċilitaw l-iskjerament tal-EULEX fil-Kosovo. Inċidenti reċenti li rriżultaw fi ħsara fuq proprjetà tal-EULEX qegħdin iqanqalu tħassib. Jeħtieġ li l-Kosovo jiżgura appoġġ kostanti għall-ħidma tal-EULEX. Il-Kosovo ssieħeb mal-FMI u mal-Bank Dinji. Barra minn hekk huwa adotta leġiżlazzjoni importanti. Madanakollu, għadu fadal sfidi maġġuri, inkluż l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, il-protezzjoni tal-minoranzi Serbi u minornazi oħrajn, u t-titjib tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. L-UE tħeġġeġ lis-Serbi tal-Kosovo biex jipparteċipaw fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo u fl-elezzjonijiet muniċipali ta' Novembru. Jeħtieġ li l-Kosovo juri attitudni aktar kostruttiva fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, inkluż il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-kummerċ reġjonali.

Wara l-Konferenza tad-Donaturi tal-2008, il-Kosovo qiegħed jibbenefika minn aktar għajnuna finanzjarja. Permezz tal-IPA ġew allokati kważi €500 miljun għall-Kosovo bejn l-2007 u l-2011. Il-Kosovo ntlaqat b'mod moderat mill-kriżi finanzjarja. Huwa essenzjali li l-awtoritajiet tal-Kosovo jwettqu l-impenji li ħadu fir-rigward tad-dixxiplina fiskali, il-ġestjoni tan-nefqa publka u r-riforma tal-politika ekonomika u dik soċjali.

L-UE tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, f'konformità mal-perspettiva Ewropea għar-reġjun. It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien huwa kruċjali għall-ġid tal-popolazzjoni tal-Kosovo u għall-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu. F'dan il-kuntest, u f'konformità mal-Istrateġija tat-Tkabbir 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni, fl-istess waqt ta' dan id-Dokument ta' Strateġija, approvat Komunikazzjoni bit-titolu "Il-Kosovo* – It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea Tagħha". Dan l-istudju jidentifika l-istrumenti Komunitarji li l-UE tista' timmobilizza biex tippromwovi l-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku tal-Kosovo. B'mod partikolari, huwa jipproponi approċċ strutturat biex iċ-ċittadini tal-Kosovo jersqu eqreb lejn l-UE, fosthom permezz ta' djalogu dwar il-viża bil-perspettiva ta' liberalizzazzjoni eventwali tal-viża. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll estensjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi u, ladarba l-Kosovo tissodisfa r-rekwiżiti relevanti, ser tipproponi direttivi ta' negozjar għal ftehim kummerċjali meta jkun il-waqt.

It-Turkija

It-Turkija kompliet tesprimi l-impenn tagħha għall-proċess ta' adeżjoni mal-UE. Saru elezzjonijiet lokali li kienu ħielsa u ġusti. Diġà ttieħdu passi fl-oqsma tal-ġudikatura, bl-adozzjoni ta' strateġija ta' riforma u pjan ta' azzjoni għall-ġudikatura, relazzjonijiet bejn entitajiet ċivili u militari u drittijiet kulturali. B'mod partikolari, il-parlament emenda l-leġiżlazzjoni biex fi żminijiet ta' paċi persunal militari jkunu jistgħu jinstemgħu quddiem qrati ċivili. Il-gvern fetaħ dibattitu pubbliku mifrux bil-għan li jindirizza l-kwistjoni tal-Kurdi, u t-televiżjoni pubblika beda jopera stazzjon li jxandar bil-lingwa Kurda biss.

Fir-rigward tan-negozjati ta' adeżjoni, infetħu kapitoli addizzjonali. It-Turkija adottat Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis. Il-ħatra ta' Negozjatur Ewlieni responsabbli biss min-negozjati għandu jissimplifika l-isforzi tal-gvern fil-kuntest tar-riformi relatati mal-UE. Dan huwa ta' importanza speċjali hekk kif in-negozjati ta' adeżjoni jaslu f'fażi aktar impenjattiva li jirrekjedu lit-Turkija li tagħti spinta fl-isforzi tagħha biex tilħaq il-kriterji għal aktar progress fil-ftuħ ta' kapitoli.

It-Turkija ntlaqtet ħafna mill-kriżi ekonomika iżda l-impatt ittaffa minn settur bankarju li kien kapaċi jirkupra wara l-impatt u minn miżuri li ttieħdu kontra l-kriżi. It-tkomplija ta' riformi strutturali flimkien ma' politika fiskali prudenti huma essenzjali biex tkompli tittejjeb il-kompetittività.

L-investigazzjoni tal-allegat netwerk kriminali Ergenekon wassal għal akkużi kriminali serji, li jinvolvu uffiċjali militari u ċrieki nazzjonalisti. Dan il-każ huwa opportunità biex it-Turkija ssaħħaħ il-fiduċja fl-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha u l-istat tad-dritt. Huwa importanti li l-proċedimenti f'dan il-kuntest jirrispettaw bis-sħiħ il-proċess normali tal-liġi, b'mod partikolari d-drittijiet tal-konvenuti.

Issa jeħtieġ li r-ritmu tar-riformi jingħataw spinta. Għad fadal tħassib fir-rigward ta' għadd ta' oqsma, inkluż il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tas-sindakati, il-kontroll ċivili tal-militar u d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għad fadal ħafna xi sir fir-rigward tal-impunità għal dawk involuti f'tortura u trattament ħażin. L-inizjattiva tal-gvern dwar il-kwistjoni Kurda għandha twassal għal miżuri konkreti li jiggarantixxu lċ-ċittadini Torok, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, id-drittijiet u l-libertajiet kollha u għat titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni fix-Xlokk. Il-proċess ta' riforma jista' jibbenefika minn djalogu aħjar bejn il-partiti politiċi, inkluża l-ħidma fuq riforma Kostituzzjonali.

It-Turkija esprimiet l-appoġġ tagħha għan-negozjati li għaddejjin taħt il-patroċinju tan-NU bejn il-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u dik Ċiprijotta Torka biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru. Madankollu, ma sar l-ebda progress dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. It-Turkija għadha ma implimentatx bis-sħiħ il-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għadha ma neħħietx l-ostakli kollha fuq il-moviment ħieles tal-prodotti, inkluż ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport dirett fuq rotot li jwasslu lejn Ċipru. It-Turkija għandha mill-akar fis possibbli tissodisfa l-obbligi ta' implimentazzjoni sħiħa mingħajr diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali u tagħmel progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. L-UE ser tkompli ssegwi u teżamina l-progress fuq kwistjonijiet koperti mid-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2005, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006.

Il-Greċja ressqet għadd konsiderevoli ta' ilmenti formali dwar ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru tagħha mit-Turkija, inkluż titjiriet fuq gżejjer Griegi.

Ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat bejn il-pajjiżi ġirien jibqgħu essenzjali.

It-Turkija għandha rwol ewlieni fis-sigurtà reġjonali u l-promozzjoni tad-djalogu bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet. It-Turkija ħadet inizjattivi biex tikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-Kawkasu ta' Isfel, il-Lvant Nofsani u reġjuni oħrajn. Hija tipparteċipa f'għadd ta' missjonijiet ta' żamma tal-paċi tal-UE. Saru sforzi diplomatiċi sinfikanti biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet mal-Armenja, li rrizultaw fl-iffirmar storiku ta' protokolli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom f'Ottubru 2009. Huwa importanti li dan il-protokolli jiġu ratifikati miż-żewġ pajjiżi mill-aktar fis possibbli.

F'Lulju 2009 t-Turkija ffirmat il-Ftehim Intergovernattiv dwar il-pipeline tal-gass Nabucco. Dan il-proġett huwa pass strateġiku importanti lejn kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija bejn l-UE, it-Turkija u Stati oħrajn fir-reġjun kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-għejun ta' enerġija. It-tlestija f'waqtha tal-kuridur tal-Gass tan-Nofsinhar, prinċipalment permezz tal-implimentazzjoni rapida tal-Ftehim Integovernattiv ta' Nabucco, tibqa' waħda mill-ogħla prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija.

Il-proċess ta' adeżjoni mal-UE jipprovdi inċentiv b'saħħtu biex it-Turkija tibqa' għaddejja bir-riformi, issaħħaħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bnidem u timmodernizza l-pajjiż. Il-pass tar-riformi fit-Turkija jibqa' l-kunsiderazzjoni ewlenija għall-progress dan il-proċess.

L-Iżlanda

L-Iżlanda applikat għal adeżjoni mal-UE fis-16 ta' Lulju 2009 u fis-27 ta' Lulju l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-opinjoni tagħha. L-applikazzjoni tal-Iżlanda ser tiġi vvalutata skont il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat, il-kriterji ddefinit mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 dwar il-kunsens imġedded għat-tkabbir, li jipprovdu għal kundizzjonalità rigoruża u ġusta, imsejsa fuq il-prinċipju ta' merti proprji.

L-Iżlanda hija demokrazija soda. Hija ntlaqtet b'mod negattiv ferm mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Hija integrata b'mod ġenerali fis-suq intern permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Hija wkoll membru taż-Żona ta' Schengen. L-Iżlanda hija sieħba importanti għall-UE fil-qafas tad-dimensjoni tat-Tramuntana u bil-għan tal-iżvilupp tal-politika tal-Artiku. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra dawn l-elementi kollha fl-opinjoni tagħha. Ir-rekord tal-Iżlanda fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taħt il-Ftehim taż-ŻEE ser ikun element essenzjali għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji emenda għar-Regolament tal-IPA biex tinkludi l-Iżlanda bħala pajjiż benefiċjarju.

KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Abbażi tal-analiżi annwali, il-Kummissjoni qiegħda tressaq dawn il- konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

1. Il-proċess ta' adeżjoni jagħti inkoraġġiment qawwi għal riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi li jinsabu fil-proċess tat-tkabbir u jsaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa. Huwa fl-interess tal-UE li żżomm il-momentum tal-proċess ta' tkabbir, abbażi tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet miftiehma u l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir.

2. Il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess tat-tkabbir ma rnexxielhomx jiskansaw l-effetti tar-reċessjoni ekonomika globali. L-UE qiegħda tgħinhom itaffu l-impatt tal-kriżi u tħejji għal irkupru sod. L-implimentazzjoni ta' riformi relatati mal-UE tirfed dan kollu.

3. L-istat tad-dritt, partikolarment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, iżda wkoll fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi, tibqa' sfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata mill-pajjiżi li jinsabu fil-proċess tat-tkabbir. Il-Kummissjoni ser tkompli tuża l-istrumenti kollha tal-proċess tat-tkabbir sabiex tgħinhom f'dan it-tentattiv. Il-problemi li jolqtu l-libertà ta' espressjoni u l-medja għandhom jiġu trattati b'urġenza.

4. Il-proċess ta' adeżjoni m'għandux jinżamm lura minn kwistjonijiet bilaterali. It-tilwim bilaterali għandu jiġi solvut mill-partijiet ikkonċernati, li għadhom ir-responsabbiltà jsibu soluzzjonijiet fi spirtu ta' viċinat b'saħħtu filwaqt li jżommu f'moħħhom l-interessi globali tal-UE.

5. Il-kooperazzjoni reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa tjiebet, u l-pajjiżi fir-reġjun assumew aktar responsabbiltà mill-proċess. Madanakollu, l-effiċjenza tal-istrutturi u l-inizjattivi reġjonali wkoll jeħtieġu titjib. In-nuqqas ta' qbil dwar il-Kosovo[6] m'għandux ifixkel il-kooperazzjoni reġjonali.

6. Il-ħolqien ta' sistema bla ħtieġa ta' viża għall-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja fil-bidu tal-2010, imsejsa fuq il-proposta tal-Kummissjoni, ser turi li r-riformi jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni ser tressaq proposti għall-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina sa nofs l-2010, dejjem jekk dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-programm. Il-moviment ħieles tal-persuni u l-iskambji, partikolarment ta' żgħażagħ u studenti, huma essenzjali biex il-Kosovo jingħata l-għajnuna li jeħtieġ biex jibni strutturi ekonomiċi vijabbli. F'dan l-isfond l-iffaċilitar tal-viża għandha jibqa' jiġi promoss filwaqt li jitnieda proċess għall-Kosovo, bil-mira aħħarija ta' liberalizzazzjoni eventwali tal-viża meta jitwettqu r-riformi meħtieġa u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

7. Il-Kroazja għamlet progress tajjeb fl-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fin-negozjati ta' adeżjoni. Ittieħdet nota ta' dan il-progress matul il-Konferenza ta' Adeżjoni ta' Ottubru 2009, wara l-ftehim politiku ta' Settembru 2009 bejn is-Slovenja u l-Kroazja dwar l-indirizzar tal-kwistjoni tal-fruntiera. Dan kien pass sinifikanti 'l quddiem li ta impetu ġdid għan-negozjati ta' adeżjoni. Jeħtieġ li l-Kroazja tkompli fit-triq tagħha tar-riformi, partikolarment dwar il-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, id-drittijiet tal-minoranzi, inkluż ir-ritorn ta' refuġjati, il-proċessi ta' reati li seħħew fi żmien il-gwerra. Il-Kroazja teħtieġ li ssolvi l-kwistjoni tal-aċċess ta' dokumenti għall-ICTY. Jekk il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet pendenti kollha, in-negozjati tal-adeżjoni jistgħu jiġu konklużi s-sena d-dieħla.

8. L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja indirizzat b'mod sostanzjali l-prijoritajiet ewlenin tas-sħubija għall-adeżjoni. Abbażi, u fid-dawl tal-progress globali fir-riformi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pajjiż għamel progress suffiċjenti fl-issodisfar tal-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993 u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-pajjiż resaq eqreb lejn ekonomija tas-suq funzjonanti u għamel progress f'għadd ta' oqsma marbuta mal-kapaċità tiegħu li jerfa' l-obbligi tas-sħubija fuq spallejh.Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u b'kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 u Diċembru 2006, il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, tibqa' essenzjali.

9. Il-Montenegro applika għal adeżjoni mal-UE f'Diċembru 2008 u f'April 2009 l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq Opinjoni. L-elezzjonijiet parlamenti laħqu kważi l-istandards internazzjonali kollha iżda għadhom iridu jiġu indirizzati xi nuqqasijiet. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt għadhom sfidi ewlenin għall-Montenegro.

10. L-Albanija applikat għal adeżjoni mal-UE f'April 2009 u l-Kummissjoni tinsab lesta li tħejji l-Opinjoni tagħha, ladarba tiġi mistiedna tagħmel dan mill-Kunsill. L-elezzjonijiet parlamentari laħqu kważi l-istandards internazzjonali kollha iżda għadhom iridu jiġu indirizzati xi nuqqasijiet f'elezzjonijiet ġejjiena. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-iżgurar tal-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet tal-Istat għadhom sfidi maġġuri.

11. Il-Bożnja u Ħerzegovina għandha ħtieġa urġenti li tgħaġġel ir-ritmu tar-riformi ewlenin. Viżjoni komuni dwar id-direzzjoni globali tal-pajjiż mill-mexxejja tiegħu u kif ukoll rieda politika biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-integrazzjoni Ewropea huma neċessarji biex jinkiseb progress. Barra minn hekk jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-OHR. L-Unjoni Ewropea ma tkunx tista' tikkunsidra applikazzjoni għall-adeżjoni mill-Bożnja u Ħerzegovina qabel ma jingħalaq l-OHR. Qabel ma l-Kummisjoni tkun tista' tirrakkomanda l-għoti ta' status ta' pajjiżi kandidat il-Bożnja u Ħerzegovina ser ikollha tirriforma l-qafas kostituzzjonali biex l-istituzzjonijiet tagħha jkunu jistgħu joperaw b'mod effettiv. B'mod partikolari jeħtieġ li l-pajjiż jkun f'pożizzjoni li jadotta, jimplimenta u jinforza l-liġijiet u r-regoli tal-UE.

12. Is-Serbja wriet l-impenn tagħha lejn integrazzjoni mal-UE billi bniet rekord ta' riżultati pożittivi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim mal-UE u billi twettaq riformi politiċi ewlenin f'koformità ma' standards Ewropej. Fid-dawl tal-kooperazzjoni kostanti mal-ICTY u l-impenn imġedded tas-Serbja favur il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni tikkunsidra li issa l-UE għandha timplimenta l-Ftehim Interim. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-aċċelerazzjoni tar-riformi ekonomiċi jibqgħu passi importanti. Jeħtieġ li s-Serbja turi attitudni aktar kostruttiva fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-oqsma tal-kummerċ u l-kooperazzjoni reġjonali. Diġà qed issir koperazzjoni mal-missjoni tal-EULEX dwar l-istat tad-dritt iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri, speċjalment fir-rigward tal-operazzjoni tal-EULEX fit-tramuntana tal-Kosovo.

13. Il-Kosovo għadu stabbli, minkejja li hija stabbiltà fraġli. Il-missjoni EULEX tal-UE dwar l-istat tad-dritt intbagħtet madwar il-Kosovo kollu u tinsab operattiva bis-sħiħ. Il-Kosovo għadu qiegħed iħabbat wiċċu ma' sfidi maġġuri, inkluż fl-istat tad-dritt, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, fil-protezzjoni tal-minoranzi Serbi u minoranzi oħrajn, u fit-titjib tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. Jeħtieġ li l-Kosovo jagħżel approċċ kostruttiv fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali u li jiżgura appoġġ kostanti għall-ħidma tal-EULEX. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi modi kif timmobilizza strumenti Komunitarji għall-iżvilupp ulterjuri fl-oqsma politiċi u soċjoekonomiċi tal-Kosovo, prinċipalment fil-qasam tal-viża u l-kummerċ, u biex jinkiseb progress, f'konformità mal-perspettiva Ewropea għar-reġjun, lejn l-integrazzjoni mal-UE fil-kuntest tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dwar il-kummerċ, il-Kummissjoni tipproponi estensjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi u, ladarba l-Kosovo tissodisfa r-rekwiżiti relevanti, ser tipproponi direttivi ta' nnegozjar għal ftehim kummerċjali meta jkun il-waqt.

14. Jeħtieġ li t-Turkija tibni fuq l-isforzi mġedda għal riforma politika li diġà bdew. In-negozjati ta' adeżjoni laħqu stadju aktar impenjattiv li jirrekjedi li t-Turkija tagħti spinta lill-isforzi tagħha biex tissodisfa l-kundizzjonijiet relevanti. Il-proċess ta' adeżjoni mal-UE jipprovdi inċentiv b'saħħtu biex it-Turkija tibqa' għaddejja bir-riformi, issaħħaħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bnidem u jressaq il-pajjiż eqreb lejn l-UE. It-Turkija għandha rwol ewlieni fis-sigurtà reġjonali, fil-provvista tal-enerġija u fil-promozzjoni tad-djalogu bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet. Saru sforzi diplomatiċi sinfikanti biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet mal-Armenja, li rrizultaw fl-iffirmar storiku ta' protokolli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom f'Ottubru 2009. Jeħtieġ li t-Turkija tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u mingħajr ebda diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u li tagħmel progress fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mar-Repubblika ta' Ċipru. L-UE ser tkompli ssegwi u teżamina l-progress fuq il-kwistjonijiet koperti mid-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2005, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006. Ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat bejn il-pajjiżi ġirien jibqgħu essenzjali.

15. Fir-rigward tal-kwistjoni ta' Ċipru, il-mexxejja tal-komunita' Ċiprijotta Griega u ta' dik Ċiprijotta Torka deħlin f'fażi deċiżiva ta' negozjati dwar soluzzjoni komprensiva taħt il-partoċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni tgħin fl-isforzi tagħhom u tipprovdi pariri tekniċi dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE. Qiegħed isir appell liż-żewġ mexxejja biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex it-taħdidiet dwar soluzzjoni jiġu konklużi b'suċċess mill-aktar fis u lit-Turkija biex tikkontribwixxi f'termini konkreti għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni ta' Ċipru.

16. L-Iżlanda applikat għal adeżjoni mal-UE u l-Kummissjoni qiegħda tħejji l-opinjoni li ntalbitilha mill-Kunsill. L-applikazzjoni tal-Iżlanda ser tiġi vvalutata skont il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat, il-kriterji ddefinit mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006dwar il-kunsens imġedded għat-tkabbir. L-Iżlanda hija integrata mill-qrib mal-UE f'diversi oqsma, permezz tas-sħubija tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fix-Schengen.

17. L-appoġġ pubbliku għat-tkabbir huwa kruċjali. Huwa importanti li l-awtoritajiet fl-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-istituzzjonijiet tal-UE jrawmu ambjent fejn il-pubbliku jifhem il-politika ta' tkabbir tal-UE.

ANNESS

Konklużjonijiet dwar l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo[7], it-Turkija

L-Albanija

Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) daħal fis-seħħ f'April u b'mod ġenerali l-implimentazzjoni tiegħu għaddejja mingħajr xkiel. L-Albanija kompliet tagħmel progress fl-indirizzar tal- kriterji politiċi f'konformità mas-Sħubija Ewropea. L-elezzjonijiet parlamentari f'Ġunju ġew ivvalutati mill-OSCE/ODIHR bħala li jissodisfaw il-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet f'elezzjonijiet ġejjiena. Sar progress tanġibbli dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti u fil-qafas ġenerali iżda ġew innutati nuqqasijiet fir-rigward tal-proċeduri tal-għadd tal-voti. Ir-riforma elettorali tlestiet għalkollox u ġie adottat Kodiċi Elettorali ġdid f'waqtu għall-elezzjonijiet. Inġabru listi ta' votanti ta' kwalità aħjar abbażi tar-reġistru ċivili l-ġdid, li b'mod ġenerali ssodisfaw din il-prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea. It-tqassim tal-karti tal-identità, biex iċ-ċittadini mingħajr passaport ikunu jistgħu jivvutaw, fil-biċċa l-kbira tiegħu tlesta. Madanakollu, il-kultura ta' djalogu bejn il-partiti politiċi ewlenin marret għall-agħar matul il-perjodu elettorali. Jeħtieġ li d-djalogu politiku, prijorità ewlenija tas-Sħubija Erropea, jerġa' lura fit-triq it-tajba.

Sar ċertu progress dwar it-tisħiħ tad- demokrazija u l-istat tad-dritt . Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-OSCE/ODIHR mill-elezzjonijiet ta' qabel ġew indirizzati fil-parti l-kbira tagħhom bħala parti mir-riforma elettorali globali. Il-Parlament adotta għadd ta' liġijiet importanti għall-approssimazzjoni tal-acquis tal-UE. Madanakollu, il-kultura ta' djalogu tpoġġiet wara l-aġendi tal-partiti politiċi filwaqt li r-riformi ewlenin spiċċaw iddewmu. L-Albanija għamlet ċertu progress fit-tisħiħ tal-istrutturi tal- gvern għall-koordinazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea. Minkejja dan, għad hemm il-ħtieġa għat-tisħiħ tal-kapaċità u ta' ppjanar strateġiku. Fil-qasam tal- amministrazzjoni pubblika , baqgħu jsiru ħatriet bi ksur tal-liġi tas-servizz ċivili, l-aktar permezz tal-użu ta' kuntratti temporanji. In-nuqqas ta' trasparenza u responsabbiltà fil-ħatriet jibqa' prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea li għandu jiġi indirizzat. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex jiġi stabbiliti servizz ċivili indipendenti, effiċjenti u bbażat fuq il-mertu, ħieles minn kull indħil politiku. L-infurzar sħiħ tal-liġi tas-servizz ċivili, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika ser ikunu elementi ewlenin biex jinkiseb progress.

Ftit li xejn sar progress fir-rigward tar-riforma tas- sistema ġudizzjarja . Ġie stabbilita s-sistema ta' marixxal privat. Madanakollu, għadha trid tiġi adottata strateġija komprensiva ta' riforma għall-ġudikatura. Il-liġi dwar it-tisfija ġiet adottata mingħajr konsultazzjoni u kunsens sħaħ permezz ta' vot b'maġġoranza sempliċi fil-parlament. Fi stadju sussegwenti l-implimentazzjoni tal-liġi dwar it-tisfija ġiet sospiża mill-qorti Kostituzzjonali. Il-qafas legali għar-riforma ġudizzjarja ma tlestiex għalkollox. L-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi maġġuri dwar l-iffunzjonar tal-Qorti Għolja tal-Ġustizzja u l-qrati amministrattivi għadha pendenti. Għad hemm il-problema ta' xogħol pendenti u l-infrastruttura tal-qorti mhijiex adegwata. Tentattivi mill-eżekuttiv biex tiġi limitata l-indipendenza tal-ġudikatura għadhom qed iqanqlu tħassib serju. Il-postponiment għal raġunijiet proċedurali ta' kawżi ta' livell għoli, bħas-smigħ tal-każ Gërdec, qajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-ġudikatura. Globalment, il-ġudikatura għadha mhix qiegħda tiffunzjona tajjeb u għad fadal ħafna xi jsir biex tiġi ssodisfata din il-prijoirtà ewlenija tas-Sħubija Ewropea billi jiġu żgurati l-indipendenza, it-trasparenza u l-effiċjenza.

Il-gvern issokta bl-isforzi tiegħu biex irażżan u jiġġieled il- korruzzjoni . Ingħata bidu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea. Ġiet introdotta leġiżlazzjoni li titlob l-użu ta' proċeduri elettroniċi onlajn għall-akkwist pubbliku. Saru sforzi biex tiżdied it-trasparenza f'ċerti setturi bħall-edukazzjoni. Dawn huma żviluppi pożittivi. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u hija problema partikolarment serja. Hija meħtieġa rieda politika aktar qawwija, inkluż fir-rigward ta' kawżi ta' livell għoli, biex tinqered għalkollox il-kultura ta' impunità li għadha prevalenti. B'mod ġenerali, jeħtieġ li l-arranġamenti istituzzjonali u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jissaħħu ulterjorment. Għad hemm il-ħtieġa ta' ħidma aktar sfiqa fuq l-aspetti kollha ta' din il-kwistjoni, fosthom ir-responsabbiltà ġudizzjarja u t-trasparenza tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi.

Kompla sar progress fir-rigward tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, fejn il-qafas legali huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu fis-seħħ. Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jittejjeb l-infurzar ta' leġiżlazzjoni eżistenti f'għadd ta' oqsma.

Fir-rigward tad- drittijiet ċivili u politiċi , ittieħdet azzjoni biex jiġu indirizzati każi ta' trattament ħażin matul id-detenzjoni ta' qabel is-smigħ. Inbnew ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni ta' qabel is-smigħ għall-minorenni u pazjenti bi problemi ta' saħħa mentali. Is-sistema ta' perjodu ta' prova hija operattiva. Madanakollu, l-istandards ta' detenzjoni mhumiex tajbin, aggravati mill-iffullar ta' priġunieri, għadhom jikkawżaw tħassib serju partikolarment f'ċentri ta' detenzjoni aktar qodma. Huma meħtieġa aktar sforzi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Avukat tal-Poplu. Fir-rigward tal- aċċess għall-ġustizzja , l-aċċess għal għajnuna legali għal gruppi vulnerabbli u xi minornazi għadu jqanqal tħassib.

Il-qafas legali għall-protezzjoni tal- libertà ta' espressjoni jinsab fis-seħħ . Madanakollu, saret pressjoni kontra xi operaturi tal-medja inkluż it-tkeċċija minn bini li huwa proprjetà tal-gvern. Il-qafas legali fir-rigward tal-politika dwar il-medja għad trid tiġi kkompletata u jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata. Għandhom isiru sforzi sinifikanti għall-ikkompletar tal-qafas legali, tittejjeb it-trasparenza tas-sjieda tal-medja u għat-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolatur tax-xandir pubbliku. Ir-rispett tal-libertà tal-assemblea u tar-reliġjon għadha sodisfaċenti. Il-gvern żdied l-isforzi tiegħu li jipprovdi appoġġ lis- soċjetà ċivili . Saru sforzi biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-abbozzar ta' leġiżlazzjoni importanti. Madanakollu, il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika għandha tissaħħaħ.

Il-progress fil-qasam tad- drittijiet ekonomiċi u soċjali kien limitat. Sar xi progress fir-rigward tat-tisħiħ tad- drittijiet tan-nisa . Il-Kodiċi Elettorali jinkludi kwota ta' 30% ta' rappreżentanza bejn is-sessi li ġiet inforzata mill-parti l-kbira tal-partiti politiċi fl-elezzjonijiet ta' Ġunju. Ġie stabbiliti Kunsill Nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Madanakollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra kull forma ta' vjolenza għadha ġiet implimentata bis-sħiħ. Il-vjolenza domestika għadha kwistjoni li tqanqal tħassib serju. Baqa' jsir progress dwar id- drittijiet tat-tfal . Żdiedet l-applikazzjoni ta' pieni alternattivi għall-minorenni. Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-problemi tal-użu ta' tfal għax-xogħol u r-rati ta' tfal li ma jibqgħux jattendu l-iskola, partikolarment fost it-tfal Rom. Il-mekkaniżmi ta' appoġġ għall- persuni soċjalment vulnerabbli u dawk b'diżabbiltà għadhom limitati. Hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenziji tal-gvern. Huma meħtieġa wkoll sfrozi ulterjuri għat-tisħiħ tad- drittijiet tax-xogħol u tas-sindakati. Il-progress dgħajjef li sar fl-emenda tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol għadu qed ifixkel l-iżvilupp ta' djalogu soċjali. Barra minn hekk, għad trid tiġi adottata l-liġi kontra d-diskriminazzjoni.

Ftit li xejn sar progress dwar il-konsolidazzjoni tad- drittijiet ta' proprjetà, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea. Mapep ta' stimar tal-art, li huma meħtieġa għall-kumpens lil sidien preċedenti, tlestew għall-pajjiż kollu . Minkejja dan, għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi dwar l-aspetti kollha ta' din il-kwistjoni. Kwistjonijiet pendenti dwar proprjetà għadhom qegħdin ifixklu l-iżvilupp ta' suq tal-art li jiffunzjona, qegħdin iżommu lura l-investiment barrani u għadhom jipprovdu opportunitajiet ta' korruzzjoni. L-adozzjoni ta' strateġija komprensiva li tindirizza kwistjonijiet legali u istituzzjonali ser tkun kruċjali f'dan il-qasam.

Kompla jsir progress fir-rigward tal- protezzjoni tal-minoranzi . Saru wkoll sforzi biex il-forza tal-pulizija tirrekluta persuni li ġejjin minn minoranzi. Madanakollu, għandhom jiżdiedu l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa. Għad ma hemm l-ebda dejta preċiża dwar il-minoranzi. Iċ-ċensiment tal-popolazzjoni li jmiss, filwaqt li jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta, ser ikun kruċjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Jeħtieġ li l-qafas legali dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jiġi żviluppat u ċċarat aktar biex b'hekk il-minornanzi jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet kulturali tagħhom. Ittieħdu xi passi biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar- Roma , iżda l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar ir-Roma għaddejja bil-mod. Il-minoranza tar-Roma qed tkompli tħabbat wiċċha ma' kundizzjonijiet diffiċli ħafna u kif ukoll diskriminazzjoni.

F'rabta ma' kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali , l-Albanija kompliet bir-rwol kostruttiv tagħha għaż-żamma tal-istabbiltà reġjonali u t-trawwim ta' relazzjonijiet tajbin ma' pajjiżi oħrajn tal-Balkani tal-Punent u ma' pajjiżi ġirien tal-UE. Il-pajjiż ipparteċipa b'mod attiv fil-kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Ir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn involuti fil-proċess tat-tkabbir u ma' Stati tal-Unjoni Ewropea ġirien baqgħu pożittivi. Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-Albanija tikkonverġi l-pożizzjoni tagħha ma' dik tal-UE.

L- ekonomija tal-Albanija żammet l-istabbiltà makroekonomika tagħha fl-isfond tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. It-tkabbir ekonomiku baqa' jiżdied matul l-2008, iżda naqqas ir-ritmu tiegħu fl-2009 b'konsegwenza ta' rati aktar baxxi ta' esportazzjonijiet, remissi u żidiet fil-kreditu. Il-politika monetarja baqgħet waħda stabbli filwaqt li nżammet l-istabbiltà tal-prezzijiet. Madanakollu, politika fiskali espansiva, filwaqt li tinkludi xogħlijiet pubbliċi ferm meħtieġa fuq in-netwerk tat-toroq, irriżultat fi żbilanċ baġitarju għoli. L-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent kummerċjali qegħdin jinżammu lura minn nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, livell baxx ta' infrastruttura u mill-ekonomija informali.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , l-Albanija għamlet progress fil-ħolqien ta' ekonomija tas-suq funzjonanti. Biex l-Albanija tkun tista' tlaħħaq ma' pressjoni kompetittiva u forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju ta' żmien, hija teħtieġ riforma u tisħiħ tas-sistema legali tagħha u jeħtiġilha wkoll tindirizza dgħufijiet fl-infrastruttura u fil-kapital uman.

Il-gvern irreaġixxa għall-kriżi internazzjonali permezz tal-firxa sħiħa ta' strumenti monetarji u fiskali, kif ukoll permezz ta' miżuri regolatorji. Influssi b'saħħithom ta' kapital, li parzjalment irriżultaw mill-proċess aċċelerat ta' privatizzazzjoni, kienu aktar minn biżżejjed biex jiffinanzjaw l-iżbilanċ fil-kont kurrenti. It-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa wessgħet il-bażi tat-taxxa, żiedet il-konformità fiskali, u għenet it-tnaqqis tas-settur informali. Il-ġbir aktar effiċjenti ta' taxxi kkontribwixxa għal bilanċ favorevoli fil-bilanċ tal-baġit primarju u tejjeb it-taħlita tal-politiki fl-2008. Il-livell ta' sjieda ta' proprjetà tal-Istat fl-ekonomija kompliet titnaqqas, prinċipalment fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni. Id-dħul fis-suq ġie ffaċilitat ulterjorment u l-parteċipanti fis-suq ibbenefikaw minn reġistri ta' kwaità aħjar tal-proprjetà u tal-kreditu. F'ambjent internazzjonali diffiċli, is-settur bankarju baqa' b'aċċess tajjeb ta' kapital u likwidità. Xogħlijiet pubbliċi fuq skala kbira komplew itejbu n-netwerk tat-toroq.

Madanakollu, politika fiskali espansiva matul il-perjodu tal-elezzjoni rriżultat fi żbilanċ baġitarju għoli fl-2008 u l-iżbilanċ previst għall-2009 għadu wieħed għoli. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-proċeduri ta' falliment għadhom mhumiex qegħdin jintużaw. Il-kapaċità amministrattiva dgħajfa tkompla tfixkel l-awtorità u l-aċċettazzjoni tas-sistema legali. Metodi informali ta' infurzar ta' kuntratti, li jaqbżu s-sistema legali, għadhom mifruxin ferm. Kwistjonijiet pendenti għadhom qegħdin ifixklu l-iżvilupp ta' suq tal-art li jiffunzjona, qegħdin iżommu lura l-investiment. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti. Il-qgħad għadu għoli. Is-sistema edukattiva teħtieġ riforma mill-qiegħ. L-infrastruttura tat-trasport għadha batuta u s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għadha mhijiex żgurata minħabba n-nuqqas ta' diversifikazzjoni tal-ġenerazzjoni u kapaċità dgħajfa ta' interkonnessjoni.

L-Albanija għamlet progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-kapaċità tagħha ma' standards Ewropej . Sar progress f'bosta mill-oqsma, għalkemm dan sar b'ritmu irregolari. Baqa' jsir progress f'oqsma bħall-moviment ħieles tal-prodotti, u dwar il-politiki tal-enerġija u tal-SME. F'oqsma oħra, bħal dak tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-agrikoltura u l-kontroll veterinarju/fitosanitarju, il-progress kien wieħed limitat. Globalment, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni.

Inkiseb element ta' progress f'ċerti oqsma tas- suq intern . Fir-rigward tal- moviment ħieles tal-prodotti , inkiseb progress tajjeb fl-adozzjoni ta' standards Ewropej u fl-oqsma tal-akkreditazzjoni u l-metroloġija. Minkejja dan, jeħtieġ li l-kapaċità tal-infurzar tkompli tissaħħaħ. Il-qafas leġiżlattiv dwar il-moviment tal-kapital għamel passi 'l quddiem permezz tar-reviżjoni tar-regolamentazzjoni dwar l-attività tal-muniti barranin. Il-qafas regolatorju dwar il- protezzjoni tal-konsumatur kompla jitjieb bil-ħolqien ta' entitajiet konsultattivi u ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

Kompla jsir progress fir-rigward tal-komputerizzazzjoni u l-infrastruttura tad- dwana iżda huma meħtieġa approssimazzjoni ulterjuri mal-istandards Ewropej u kif ukoll tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva. L-uffiċjali tad-dwana m'għandhomx l-istatus ta' ħaddiema tas-servizz ċivili. Sar progress kostanti fir-rigward tat- tassazzjoni . Il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa tjiebet u l-kompjuterizzazzjoni tal-uffiċċji tat-taxxi waslet fl-aħħar fażijiet ta' tlestija. Barra minn hekk, globalment il-ġbir tat-taxxa għadu baxx. It-tassazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' karozzi użati u materjali stampati mhijiex konformi mal-impenji li ttieħdu taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Kompla jsir progress fil-qasam tal- kompetizzjoni kemm fil-qasam tal-antritrust u kif ukoll f'dak tal-għajnuna mill-Istat. Il-qafas leġiżlattiv fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa konformi tal- acquis , iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex jiġi implimentat.

Jista' jiġi rrapurtat ċertu progress fir-rigward tal- akkwist pubbliku . Il-proċeduri elettroniċi ġew estiżi għal bosta mill-kuntratti. Madanakollu, għad hemm il-ħtieġa ta' approssimazzjoni leġiżlattiva ulterjuri fir-rigward tal-konċessjonijiet, is-servizzi pubbliċi u l-proċeduri ta' reviżjoni. Il-kapaċità tal-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku tjiebet, iżda teħtieġ tisħiħ ulterjuri. Sar progress fir-rigward tad- drittijiet tal-proprjetà intelletwali u industrijali . L-għadd ta' każi ta' ksur li qed jitressqu quddiem il-qorti żdied. Madanakollu, għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi konsiderevoli. L-infurzar għadu dgħajjef, u l-kapaċitajiet tal-uffiċċji tal-Privattivi u tad-Dritt tal-Awtur u kif ukoll l-esperjenza u l-kwalifiki tal-ġudikatura għadhom batuti.

Sar progress minimu fir-rigward ta l- politiki soċjali u tal-impjiegi . Il-baġit għall-protezzjoni soċjali żdied u l-istrateġija għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol ġiet approvata. Madanakollu, l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għadhom batuti u l-kapaċità tal-ispettorat tax-xogħol għadha dgħajfa. L-approsimazzjoni leġiżlattiva mal-istandards tal-UE ssuktat f'xi oqsma tas-saħħa pubblika. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva għadha dgħajfa. Inkiseb element ta' progress dwar l-istandards Ewropej fl-oqsma tal- edukazzjoni u l-politika tar-riċerka .

Jista' jiġi rraportat progress dwar xi politiki settorjali . B'rabta mal- industrija u l-SME , sar progress tajjeb fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar. Sar ċertu progress fuq l- agrikoltura , fir-rigward tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali, iżda għad fadal dgħufijiet strutturali. Il-kapaċità tal-laboratorju tjiebet fil-qasam tal-politika veterinarja, fitosanitarja u tas-sikurezza tal-ikel iżda l-konformità mal-istandards tal-UE għadha lura u din qed tfixkel il-kapaċità ta' esportazzjoni tal-Albanija. Kompla għaddej progress fil-qasam tas- sajd fir-rigward ta' leġiżlazzjoni orizzontali, l-ispezzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali. Madanakollu, il-kontrolli fuq il-qbid u l-ħatt għadhom dgħajfa.

Fir-rigward tal- ambjent , sar xi titjib dwar il-ġestjoni tal-iskart u l-ħarsien ambjentali. Madanakollu, jeħtieġ li l-kapaċitajiet ta' tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni u l-infurzar jissaħħu ulterjorment. Dwar it- trasport , il-qafas leġiżlattiv għamel passi 'l quddiem fl-oqsma tal-ajru u tal-baħar. Madanakollu, huwa meħtieġ titjib sostanzjali ġenerali.

Sar progress fis-settur tal- enerġija . Il-fergħa tad-distribuzzjoni tal-kumpanija tal-elettriku ġiet privatizzata. Għaddejjin miżuri bil-għan li jittejbu l-kapaċitajiet ta' ġenerazzjoni tal-elettriku u l-interkonnessjoni. Madanakollu, is-settur tal-enerġija għadu dgħajjef. Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għadha inċerta. Għadhom meħtieġa aktar sforzi biex jitnaqqas it-telf u jiżdied il-ġbir ta' kontijiet.

Jista' jiġi rraportat progress limitat rigward is-soċjetà tal-informazzjoni u l-medja . Il-liberalizzazzjoni tas-suq kompliet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi iżda nżammet lura minħabba nuqqas ta' strumenti ta' salvagwardja tal-kompetizzjoni. Il-kapaċità amministrattiva għadha dgħajfa partikolarment fil-Kunsill tal-aġenzija regolatorja. Sar progress limitat dwar il- politika awdjoviżiva . Huma meħtieġa aktar sforzi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar ir-riforma tal-medja. Fir-rigward tal- kontroll finanzjarju , sar progress moderat, iżda hemm lok għal titjib ulterjuri tal-qafas legali u tal-kapaċità ta' implimentazzjoni. Kompla jsir progress fil-qasam tal- istatistika .

Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , sar progress f'bosta oqsma, għalkemm dan ma kienx progress kostanti. Fil-qafas tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, ittieħdu passi biex jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti fil-programm dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża filwaqt li ġew introdotti riformi essenzjali fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Issokta l-progress fil-qasam tal-politika tal-viża. Ittieħdu passi lejn l-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fil-programm dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-liġi dwar il-barranin daħlet fis-seħħ u l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni ġiet adottata. Bdew jintużaw reġistru ċivili u sistema ta' indirizzi vijabbli u tqassmu karti tal-identità. Ir-ritmu tat-tqassim ta' passaporti bijometriċi ngħata spinta 'l quddiem. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-konverġenza ta' standards Ewropej. L-implimentazzjoni tal ftehim ta' riammissjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Albanija baqgħet għaddejja.

Sar xi progress fil-qasam tal- ġestjoni tal-fruntieri . L-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri baqgħet għaddejja. Madanakollu, huma meħtieġa sfrozi ulterjuri għall-implimentazzjoni effettiva ta' koordinazzjoni bejn aġenziji differenti u biex jingħata taħriġ, riżorsi umani u tagħmir adegwati fuq il-fruntieri. Il-Liġi dwar il-Kontroll Statali tal-Fruntiera għad irid jiġi implimentat b'mod effettiv. Il-kooperazzjoni transkonfinali jeħtieġ li tissaħħaħ. Jista' jiġi rrapurtat progress tajjeb fir-rigward tal- ażil . Saret reviżjoni tal-Liġi dwar l-Ażil. Madanakollu, għadhom iridu jiġu implimentati firxa ta' miżuri ta' implimentazzjoni għall-konklużjoni tal-qafas legali. Issokta l-progress fil-qasam tal- migrazzjoni . L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Migrazzjoni għadha għaddejja. Huma meħtieġa aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.

Sar progress moderat fil-prevenzjoni tal- ħasil tal-flus . Il-qafas legali u l-kapaċità amministrattiva raw titjib. Minkejja dan, jeħtieġ li r-riżorsi għall-investigazzjoni u l-kapaċità tal-infurzar għall-konfiska ta' assi jkomplu jissaħħu. Il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura għadha batuta. Jista' jiġi rraportat progress limitat rigward il-ġlieda kontra d-drogi . Ir-riżultati f'dan il-qasam għandhom insuffiċjenti u b'mod partikolari jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. It-traffikar tad-drogi għadu jqanqal tħassib serju.

Sar element ta' progress dwar il-ħidma tal-pulizija , bl-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-pulizija. Sar titjib fir-rigward taż-żieda tal-persunal. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiżdied il-kapaċità ta' investigazzjoni, tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-prosekuzzjoni u għat-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani. Il-ġestjoni tal-pulizija, il-persunal, it-taħriġ, u l-istrutturi ta' kontroll intern jeħtieġ tisħiħ ulterjuri. Huma meħtieġa aktar sforzi għall-iżvilupp ta' statistika kriminali affidabbli.

Sar progress limitat fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata , li għadha kwistjoni li tikkawża tħassib. Ittieħdu miżuri biex titjieb il-protezzjoni tax-xhieda iżda dawn għadhom mhumiex biżżejjed. Il-kooperazzjoni mal-Interpol marret għall-aħjar, u ppermettiet l-eżekuzzjoni ta' għadd ta' mandati ta' arrest internazzjonali. Madanakollu, l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma mfixkla mill-korruzzjoni, il-protezzjoni dgħajfa tax-xhieda u l-użu insuffiċjenti tal-intelligence kriminali. Diffikultajiet fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi komplew inaqqsu l-effikaċja tal-investigazzjonijiet.

Jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin . Il-bażi tad-dejta onlajn dwar il-vittmi bdiet topera. Il-kapaċità amministrattiva tal-koordinatur ta' kontra t-traffikar u l-Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Riferiment marret tjiebet. Madanakollu, huma meħtieġa riżorsi addizzjonali u koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenziji sabiex tiġi implimentata l-istrateġija kontra t-traffikar, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi. L-Albanija għadha pajjiżi tal-oriġini għat-traffikar tal-bnedmin. It-traffikar intern ta' nisa u tfal kompla jiżdied.

Kompla jsir progress fir-rigward tal- protezzjoni tad-dejta personali . Il-qafas legali jinsab fis-seħħ u nħatret awtorità indipendenti ta' sorveljanza tad-dejta. Madanakollu, hemm il-ħtieġa ta' riżorsi adegwati, inkluż fit-taħriġ, biex jiġi żgurat li l-uffiċċji tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta jopera b'mod effettiv. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata ta' leġiżlazzjoni eżistenti u għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva.

Il-Bożnja u Ħerzegovina

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet progress limitat ħafna fl-indirizzar tal- kriterji politiċi . L-ambjent politiku domestiku mar lura, u għad fadal ħafna sfidi b'rabta mal-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet u r-rettorika xewwiexa li għaddejja. L-implimentazzjoni tar-riformi għaddejja bil-mod, minħabba nuqqas ta' kunsens u rieda politika, u b'riżultat ta' qafas istituzzjonali kumpless. Progress ulterjuri lejn l-Unjoni Ewropea jsir biss jekk il-mexxejja politiċi jistabbilixxu viżjoni komuni dwar id-direzzjoni tal-pajjiż u dwar riformi importanti relatati mal-UE. Il-ksib tal-għanijiet u l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR)[8] huwa essenzjali. L-Unjoni Ewropea ma tkunx tista' tikkunsidra applikazzjoni għall-adeżjoni qabel ma jingħalaq l-OHR. Qabel ma l-Kummisjoni tkun tista' tirrakkomanda l-għoti ta' status ta' pajjiż kandidat il-Bożnja u Ħerzegovina ser ikollha tirriforma l-qafas kostituzzjonali biex l-istituzzjonijiet tagħha jkunu jistgħu joperaw b'mod effettiv. Għal dan il-għan, il-mexxejja politiċi tal-pajjiżi impenjaw ruħhom f'inizjattiva konġunta mmexxija mill-UE u l-Istati Uniti, li bdiet fit-8/9 ta' Ottubru f'Sarajevo. Issa jeħtieġ li din tinbidel f'riżultati konkreti li se jagħtu lok għat-tkomplija tal-progress tal-Bożnja u Ħerzegovina lejn l-UE permezz ta' bidliet kostituzzjonali u kunsens domestiku mġedded.

Fir-rigward tad- demokrazija u l-istat tad-dritt , ftit li xejn sar progress għall-ħolqien ta' strutturi statali effiċjenti u li jiffunzjonaw u lejn riforma kostituzzjonali , li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea. Il-kostituzzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina ġiet emendata għall-ewwel darba sabiex jiġi rregolat l-istatus tad-Distrett ta' Brčko, li kien jikkostitwixxi żvilupp maġġuri u pass 'il quddiem. Madanakollu, reċentement ir-Rappreżentant Għoli ħtieġlu juża s-setgħat eżekuttivi tiegħu biex jiżgura l-ksib ta' progress fil-kwistjoni tas-soreveljanza internazzjonali tad-Distrett.

Is-sistema ta' governanza tal-Bożnja u Ħerzegovina għadha tinvolvi preżenza internazzjonali. Il-pajjiż għamel progress fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti għall-għeluq tal-OHR u t-tranżizzjoni lejn preżenza msaħħa tal-UE. Madanakollu, il-proċess ġie mfixkel minn nuqqas ta' impenn politiku. Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati l-għanijiet pendenti, jiġiferi d-distribuzzjoni ta' proprjetà bejn l-istat u l-livelli l-oħra tal-gvern, il-kwistjoni tal-proprjetà tad-diviża, u dwar l-iżgurar ta' ambjent politiku stabbli u kostruttuiv fil-pajjiż.

L-iffunzjonar tal-entitajiet eżekuttivi u leġiżlattivi fil-livell tal-istat baqa' debboli. Il- Parlament tal-Bożnja u Ħerzegovina għadu ostakolat minn riżorsi umani u tekniċi inadegwati, u l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ministri u mal-Parlamenti tal-entitajiet baqgħet batuta. L-għadd ta' liġijiet b'rabta mal-integrazzjoni Ewropea adottat mill-Parlament kien wieħed baxx. L-istituzzjoni tal- gvern , fil-livelli kollha, baqgħu jintlaqtu minn tensjonijiet politiċi interni u tfassil tal-politika frammentat u mingħajr koordinazzjoni. L-awtoritajiet ma kinux kapaċi jaħtru uffiċjali ta' livell għoli mingħajr telf ta' żmien. Il-ħidma tad-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea ġiet imfixkla mill-ambjent politiku generali u n-nuqqas ta' direttur għall-parti l-kbira tal-perjdou ta' rappurtar. Tlestew il-passi preparatorji għaċ-ċensiment fl-2011, iżda għadha ma ġietx adottata l-liġi dwar iċ-ċensiment fil-livell tal-istat; liġi li hija kruċjali għall-proċess kollu.

Inkiseb element ta' progress fil-qasam tal- amministrazzjoni pubblika , iżda għadhom meħtieġa aktar sforzi. L-istrateġija ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea, qiegħda tiġi implimentata bil-mod. Il-fond li ġie stabbiliti għall-appoġġ tar-riforma tal-amminstrazzjoni pubblika huwa operattiv u qegħdin jiġu implimentati għadd ta' proġetti. Minkejja dan, jeħtieġ li l-koordinazzjoni bejn id-diversi amministrazzjonijiet fil-pajjiż tittejjeb aktar. Huma meħtieġa sforzi kostanti biex jiġi evitat l-indħil politiku, biex jiġi llimitat ir-rwol tal-identità etnika u l-affiljazzjoni politika fil-ħatriet, u biex jiġi stabbiliti servizz ċivili professjonali, imparzjali, responsabbli, trasparenti u effiċjenti bbażat fuq il-mertu u l-ħila. Inħatru l-Ombudsmen fil-livell tal-istat, iżda dawn għadhom ma bdewx il-ħidma tagħhom minħabba r-riluttanza tal-entitajiet li gradwalment jingħalqu l-uffiċċji li jeżistu fil-livell ta' entità.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet progress limitat fit-titjib tas- sistema ġudizzjarja . Ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida u ttieħdet xi azzjoni biex jitnaqqas ix-xogħol pendenti tal-kawżi. Sar progress fit-tagħmir tal-qrati bit-teknoloġija tal-informazzjoni adegwata. Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp u s-Settur tal-Ġustizzja u l-Istrateġija dwar ir-Reati tal-Gwerra kienet waħda dgħajfa u jeħtieġ li taqbad ritmu aktar mgħaġġel. Il-kumplessità tal-qafas legali, il-frammentazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u n-nuqqas ta' baġit uniku għadhom ostakli maġġuri għar-riforma f'dan il-qasam. L-indħil politiku baqa' frekwenti. In-nuqqas ta' Qorti Suprema b'ġurisdizzjoni mifruxa mal-pajjiż kollu huwa żvantaġġ serju. Baqa' problemi fir-rigward tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata. L-awtoritajiet politiċi tal-Bożnja u Ħerzegovina naqsu milli jindirizzaw it-talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji għall-estensjoni tal-mandati ta' mħallfin u prosekuturi internazzjonali. Il-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra mill-qorti tal-Istat baqgħet waħda globalment sodisfaċenti, iżda jeħtieġ li titjieb fl-entitajiet u l-cantons. Jeħtieġ li l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tittejjeb aktar. L-awtoritajiet tar-repubblika Srpska komplew iqajmu dubji dwar il-legalità, il-ġuriżdizzjoni u l-kompetenzi tal-pulizija tal-livell tal-Istat u tal-aġenziji ġudizzjarji li joperaw fit-territorju tagħhom. Dan qed iqanqal tħassib serju.

Il-Bożnja u Ħerzegovina ftit li xejn kisbet progress fil- ġlieda kontra l-korruzzjoni , li għadha mifruxa f'ħafna żoni u titqies bħala problema serja. Ġew adottati strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014, iżda l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-2006-2009 kienet batuta. Ftit sar progress fl-issodisfar tar-rakkomadazzjonijiet imfassla mill-Grup ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Il-prosekuzzjoni għadha waħda debboli, b'għadd limitat ħafna ta' kundanni. Jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina ssaħħaħ l-impenn u l-azzjoni determinata kontra l-korruzzjoni.

Ftit li xejn sar progress fir-rigward tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi . Il-Bożnja u Ħerzegovina rratifikat il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ewlenin, iżda huma meħtieġa sforzi kostanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar. Għad hemm lok għal titjib f'rabta mal-infurzar ta' sentenzi domestiċi, inklużi dawk tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnja u Ħerzegovina. In-nuqqas ta' kompatibbiltà bejn il-qafas kostituzzjonali tal-Bożnja u Ħerzegovina u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-bniedem għandu jiġi indirizzat minnufih, qabel l-elezzjonijiet tal-2010 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA).

Id-drittijiet ċivili u politiċi huma ġeneralment irrispettati. Sar xi progress fir-rigward tal-konverġenza tal-għoti ta' pieni kriminali bejn l-istat u l-entitajiet. Ġiet adottata liġi Statali ġdida dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali. Madanakollu, jeħtieġ li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fi proċessi ċivili u kriminali, u jeħtieġ li tiġi żgurata l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi. It-trattament ħażin ta' detenuti għadu jqanqal tħassib. Il-kostruzzjoni ppjanata ta' ħabs fil-livell tal-Istat għaddejja minn dewmien serju.

Il-kostituzzjonijiet tal-Istat u tal-entitajiet jipprovdu għall- libertà tal-espressjoni u l-medja, il- libertà ta' assemblea u assoċjazzjoni u l- libertà tat-twemmin reliġjuż . Madanakollu, hija meħtieġa implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-allegazzjonijiet ta' każi ta' intimidazzjoni ta' ġurnalisti żdiedu. L-orjentazzjoni etnika tal-medja qiegħda tiżdied. L-implimentazzjoni tar-riforma tax-xandir pubbliku, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea, qiegħda tiddewwem minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni bil-mod tal-qafas legali, partikolarment fil-Federazzjoni. L-eżekuttiv jeħtieġ li jagħmel aktar sforzi biex jittejjeb id-djalogu mas-settur tas- soċjetà ċivili u biex jappoġġja l-iżvilupp tiegħu. Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet jiżguraw li l-allokazzjoni ta' fondi lil organizzazzjonijiet mhux governattivi ssir f'manjiera oġġettiva u trasparenti.

Il-progress fil-qasam tad- drittijiet ekonomiċi u soċjali kienu limitat. Il-qafas legali tal-Bożnja u Ħerzegovina jinkludi dispożizzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, iżda l-implimentazzjoni ġenerali għadha dgħajfa. Ġiet adottata liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni fil-livell tal-Istat iżda l-ambitu tagħha huwa pjuttost limitat. Għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi kostanti fir-rigward tal-ħarsien tan- nisa kontra kull forma ta' vjolenza. Fir-rigward tat- tfal , għad fadal problemi fil-qasam tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-vjolenza domestika. Is-sistemi ta' ħarsien soċjali huma milquta minn difetti li jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta' gruppi vulnerabbli , inklużi dawk li jbatu minn mard mentali. Ir-ratifika tal-verżjoni l-ġdida tal-Karta Soċjali Ewropea kien żvilupp pożittiv, iżda jeħtieġ li tittejjeb l-implimentazzjoni. Is-sistema kumplessa tal-gvern u l-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għadhom ifixklu d-djalogu soċjali madwar il-pajjiż.

Sar progress limitat fil-qasam tad- drittijiet kulturali u d-drittijiet tal-minoranzi . In-netwerk ta' Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali tlesta permezz tal-ħolqien tal-Federazzjoni tal-Kunsilli, għalkemm din għadha mhix operattiva bis-sħiħ. L-istrateġija u l-pjanijiet ta' azzjoni għall-appoġġ tal-minornanza Rom qegħdin jiġu implimentati bil-mod. Madanakollu, huma meħtieġa passi ulterjuri biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-minoranzi nazzjonali, u jeħtieġ li l-Kostituzzjoni fil-livell tal-Istat tinbidel b'mod li tippermetti l-aċċess lill-minoranzi għall-karigi politiċi kollha. Is-separazzjoni tat-tfal fl-iskejjel skont linji etniċi għadha kwistjoni miftuħa. Minkejja żieda ta' riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tar- Rom , din il-minoranza għadha tħabbat wiċċha ma’ kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u anke diskriminazzjoni. In-nuqqas ta' reġistrazzjoni ċivili għadha tfixkel l-aċċess tagħhom għal drittijiet soċjali u ekonomiċi bażiċi.

Fir-rigward tar- refuġjati u l-persuni spustati f'pajjiżhom , is-sitwazzjoni tas-sigurtà għadha stabbli, iżda ftit li xejn kompla jsir progress fit-titjib tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta' dawk li rritornaw. Għadha trid tiġi adottata strateġija mifruxa mal-pajjiż kollha bil-mira li tappoġġja l-proċess tar-ritorn u li tiżgura l-implimentazzjoni adegwata tal-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton/Pariġi.

Fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali , issuktat l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton/Pariġi. Il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) baqgħet sodisfaċenti. Madanakollu, dikjarazzjonijiet mit-tmexxija politika tar-Repubblika Srpska li jqajmu dubji dwar il-veraċità ta' massakri li seħħew matul il-gwerra li jinvolvu l-popolazzjoni ċivili jqanqlu tħassib serju.

Il-Bożnja u Ħerzegovina, flimkien mal-ġirien tagħha, għandha tindirizza l-lakuni fl-impunità reġjonali, inkluż billi tieħu passi biex jintlaħqu ftehmiet ta' estradizzjoni li jkopru każi ta' reati tal-gwerra.

Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

Il-Bożnja u Ħerzegovina kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

Ir-relazzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina mal-ġirien tagħha baqgħu stabbli, iżda ftit li xejn ittieħdet azzjoni favur il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet pendenti, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea. B'mod partikolari, kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-fruntieri mal-pajjiżi ġirien għadhom miftuħin.

Ir-ritmu tal- ekonomija tal-Bożnja u Ħerzegovina naqas b'mod sinifikanti fl-aħħar tliet xhur tal-2008 meta l-kriżi globali bdiet tħalli l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali. Din ix-xejra baqgħet sejra fl-2009, u b'riżultat ta' dan il-pajjiż daħal f'reċessjoni. Il-qgħad baqa' f'livelli għoljin ferm. Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi baqgħet sejra lura, u hija kkaratterizzata l-aktar minn żieda drammatika fin-nefqa kurrenti. Il-pajjiż sejjaħ għal programm tal-FMI u ġie nnegozjat arranġament stand-by fuq tliet snin. Minkejja li sar xi progress fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomija madwar l-Istat, l-impenn għar-riformi strutturali baqa' irregolari madwar il-pajjiż kollu.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Bożnja u Ħerzegovina ftit għamlet progress fil-kisba ta' ekonomija tas-suq funzjonanti. Għandhom isiru aktar sforzi konsiderevoli għar-riforma b'determinazzjoni biex il-pajjiż ikun jista' jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjodu twil ta' żmien.

Inżammet l-istabbiltà finanzjarja u monetarja, hekk kif il-bank ċentrali rreaġixxa b'mod xieraq għar-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja internazzjonali. L-arranġament tal-bord tal-munita kompla jgwadi minn grad għoli ferm ta' kredibbiltà. F'konformità mal-iżviluppi tal-prezzijiet internazzjonali, ir-rati tal-inflazzjoni naqsu konsiderevolment. L-iżbilanċi esterni naqsu, l-aktar b'riżultat ta' bilanċ kummerċjali li qiegħed jiġi aġġustat b'mod mgħaġġel. Filwaqt li naqas ir-ritmu tal-espansjoni tal-intermedjazzjoni finanzjarja, sa issa s-settur bankarju għeleb tajjeb l-impatt tal-kriżi globali. Jista' jiġi rreġistrat titjib limitat fl-ambjent kummerċjali, speċjalment fl-oqsma tal- permessi tal-bini, it-trasferiment ta' proprjetà, ir-reġistrazzjoni tan-negozji, u l-ħruġ mis-suq .

Madanakollu, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi marru għall-agħar. L-infiq kurrenti, speċjalment fuq salarji u benefiċċji soċjali, żdiedu drammatikament fl-2008, u s-sehem tal-gvern ġenerali fil-PGD għadu għoli. Ir-ristrutturar ta' impriżi pubbliċi, il-liberalizzazzjoni ta' industriji tan-netwerk u l-privatizzazzjoni waqfu. Il-kapaċità produttiva dgħajfa u r-riġiditajiet strutturali – rati ta' kontribuzzjonijiet soċjali għolja, mekkaniżmi distorti ta' ffissar ta' salarji, trasferimenti soċjali għolja u mmirati ħażin u mobblità batuta tal-ħaddiema – għadhom qegħdin ifixklu l-ħolqien tax-xogħol u l-iffunzjonar tas-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad għadha għolja ferm u s-settur formali għadu joffri sfida importanti. L-ambjent kummerċjali għadu milqut minn ineffiċjenzi amministrattivi. FDI u investimenti pubbliku aktar baxxi naqqsu r-ritmu tat-tiġdid tal-infrastruttura.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet progress limitat fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħha ma' standards Ewropej . Inkiseb ċertu progress fl-oqsma bħat-trasport, id-dwana, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, u f'għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Għadhom meħtieġa sforzi partikolari fir-rigward tal-moviment ta' prodotti, persuni u servizzi, il-politiki soċjali u tal-impjiegi, l-għajnuna mill-Istat, l-enerġija u l-ambjent.

B'mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim (FI) kienet sodisfaċenti. Madanakollu, it-tħejjijiet għall-issodisfar ta' rekwiżiti taħt il-FI u l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) – prijorità ewlenija tas-sħubija Ewropea, għandhom jiġu aċċelerati. Il-kapaċità amministrattiva tal-Bożnja u Ħerzegovina għandha tissaħħaħ aktar sabiex tikseb rekord b'saħħtu fl-implimentazzjoni tal-FSA. Il-pajjiż jeħtieġ ukoll jagħmel sforzi ulterjuri biex tinkiseb żona ekonomika unika li tiffunzjona fit-territorju tagħha, f'konformità mas-Sħubija Ewropea.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet ċertu progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea fl-oqsma tas- suq intern . Fir-rigward tal- moviment ħieles tal-prodotti , inkiseb progress limitat fl-oqsma tal-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq. Huma neċessarji aktar sforzi għall-approssimazzjoni tal-qafas legali mal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam u għall-iżviluppar tal-kapaċità amministrattiva meħtieġa.

Sar progress limitat fir-rigward tas- servizzi, id-dritt ta' stabbiliment u l-liġi tal-kumpaniji . Il-leġiżlazzjoni tal-entitajiet dwar il-kiri ġiet armonizzata, iżda għadha ma ġietx stabbilita aġenzija statali unika ta' sorveljanza għas-settur bankarju. L-inizjattivi leġiżlattivi mill-entitajiet f'dan il-qasam għadhom mhumiex koordinati biżżejjed.

Kien hemm xi żviluppi fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital . Ir-Repubblika Srpska adottat leġiżlazzjoni dwar operazzjonijiet ta' muniti barranin. Sar xi progress fil-qasam tad-dwana, għalkemm hemm lok għal titjib fil-konverġenza leġiżlattiva u l-kapaċità amministrattiva. L-istrateġiji tad-dwana – speċjalment fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, it-taħriġ u t-teknoloġija tal-informazzjoni – għadhom ma ġewx iddefiniti. Fil-qasam tat- tassazzjoni , ġiet adottata liġi ġdida dwar is-sisa biex tittejjeb is-sosntebbiltà fiskali.

Fir-rigward tal- kompetizzjoni , il-Bożnja u Ħerzegovina għamlu progress moderat fil-qasam tal-antitrust. Ma sar l-ebda progress tanġibbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Statali adegwata u l-ħolqien ta' awtorità indipendenti u operattiva dwar l-għajnuna mill-Istat għadha pendenti. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku mal-pajjiż kollu. Sar progress limitat b'rabta mal-infurzar tad- drittijiet ta' proprjetà intellettwali , għalkemm ġew ratifikati konvenzjonijiet internazzjonali addizzjonali. Il-qafas leġiżlattiv f'dan il-qasam jeħtieġ li jiġi kkompletat filwaqt li tissaħħaħ ulterjorment l-kapaċità ta' infurzar.

Ftit li xejn sar progress dwar il- politiki soċjali u tal-impjiegi u l-politika tas-saħħa pubblika. Il-leġiżlazzjoni u l-politiki soċjali u tal-impjiegi, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa pubblika, għadhom frammentati ferm. In-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn id-diversi livelli tal-gvern għadu jikkostitwixxi żvantaġġ serju għall-iżvilupp tal-approċċi kkoordinati meħtieġa.

Inkiseb ċertu progress dwar l-istandards Ewropej fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura . B'mod partikolari, il-Bożnja u Ħerzegovina rratifikat il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali. Il-Konferenza ta' Ministri tal-Edukazzjoni kkontribwixxiet għall-iżgurar ta' koordinazzjoni bażika bejn l-erbatax-il ministeru kompetenti fil-pajjiż. Madanakollu, l-armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni fil-livell ta' entità u canton għadha ma tlestietx u l-implimentazzjoni madwar il-pajjiż baqgħet irregolari. Il-kapaċità amministrattiva ta' diversi aġenziji tal-edukazzjoni jeħteġ li tissaħħaħ. B'rabta mar- riċerka , il-Bożnja u Ħerzegovina assoċjat ruħha mas-Seba' Programm Qafas tal-KE għar-Riċerka u l-Iżvilupp iżda fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità ta' riċerka fil-livell nazzjonali hemm il-ħtieġa ta' sforzi sostanzjali.

In-negozjati għal-sħubija mad-WTO komplew, iżda l-proċess għadu ma ġiex ikkompletat.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet ċertu progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet tas-istandards Ewropej dwar għadd ta' politiki settorjali .

Il-progress fil-qasam tal- industrija kien limitat. Għadha ma ġietx żviluppata politika industrijali komprensiva. Fir-rigward tal- impriżi ta' daqs żgħir u medju (SME) ġie adottat qafas strateġiku mal-pajjiż kollu. Issa jeħtieġ li dan jiġi implimentat.

Sar ċertu progress fil-qasam tad- agrikoltura u s-sajd . Ġie adottat qafas strateġiku għall-armonizzazzjoni tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-Liġi fil-livell tal-Istat dwar l-agrikoltura, l-ikel u l-iżvilupp rurali għaddejja bil-mod. Ma sar l-ebda progress b'rabta mal-ħolqien ta' Ministeru tal-Agrikoltura fil-livell tal-Istat, il-kompetenzi fir-rigward tal-agrikoltura għadhom fil-livell ta' entità. Inkiseb progress limitat fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u dwar il-politika veterinarja u fitosanitarja. Għad fadal problemi minħabba riżorsi umani u finanzjarji mhux adegwati u koodinazzjoni dgħajfa bejn is-servizzi tal-istat u tal-entitajiet.

It-tħejjijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-qasam tal- ambjent għadhom fi stadju bikri. Ma sar l-ebda progress sinifikanti matul il-perjodu ta' rappurtar. Għadha ma ġiet adottata l-ebda liġi ambjentali fil-livell tal-Istat biex jinħoloq qafas armonizzat ta' ħarsien ambjentali mifrux mal-pajjiż kollu , u lanqas ma ġiet stabbilita aġenzija ambjentali fil-livell tal-Istat.

Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet ċertu progress fis- settur tat-trasport . Kien hemm xi żviluppi dwar in-netwerks ta' trasport trans-Ewropej u t-traffiku ta' tranżitu, iżda l-progress kien pjuttost limitat fis-setturi tat-toroq, ferrovija u passaġġi ta' ilma interni. Il-Bożnja u Ħerzegovina saret membru sħiħ tal-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (JAA). Huma meħtieġa sforzi kostanti għall-applikazzjoni konsistenti tal-Ftehim dwar Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni (ECAA). Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex titlesta r-riorganizzazzjoni tal-organizzazzjoni istituzzjonali u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għall-ftuħ tas-suq fil-modi kollha ta' trasport.

Ma sar l-ebda progress fil-qasam tal- enerġija . Bħala parti mit-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija, jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina timplimenta l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE dwar l-enerġija, iżda baqgħet lura f'għadd ta' oqsma relatati mal-enerġija. Ir-riformi fis-settur tal-gass ġew imdewma b'mod partikolari. L-iżvilupp tas-settur tal-elettriku għadu ostakolat minn diversi fatturi. Il-ħidma tal-kumpanija nazzjonali ta' trażmissjoni (TRANSCO) ġiet imfixkla serjament minn indħil politiku u ġestjoni batuta. Ma ġiet żviluppata l-ebda strateġija komprensiva dwar l-enerġija. Ir-riżervi ta' enerġija li huma disponibbli fil-każ ta' emerġenza huma limitati ħafna.

Il-progress fl-oqsma tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja kien wieħed skars. L-armonizzazzjoni tal-qafas legali għax-xandir pubbliku fil-Bożnja u Ħerzegovina ma nkisbitx bis-sħiħ filwaqt li r-riforma tas-sistema tax-xandir pubbliku ddewmet. L-indipendenza tal-Awtoritajiet Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet (CRA) qiegħda tiddgħajjef ħafna minħabba n-nuqqas ta' direttur ġenerali u Kunsill maħtura kif xieraq. Għad fadal sfidi f'rabta mal-indipendenza tas-CRA.

Inkiseb progress limitat fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . Id-dokumenti ta' politika fil-livell tal-Istati u mill-entitajiet diġà tħejjew, iżda għadhom ma ġewx adottati. Huma meħtieġa sforzi aktar b'saħħithom biex jittejjeb il-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi u s-segwitu ta' rapporti ta' verifika.

Inkiseb ċertu tekniku fil-qasam tal- istatistika . Madanakollu, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istatistika tal-pajjiżi fil-livell ta' Stat u entità għadha insuffiċjenti. Il-produzzjoni ta' statistiki u l-kwalità tagħhom jeħtieġ li jitjiebu, b'attenzjoni partikolari fuq kontijiet u statistiki nazzjonali f'setturi prinċipali, inkluż il-kummerċ, in-negozju u l-agrikoltura. Huwa ta' importanza kruċjali ċ-ċensiment tal-popolazzjoni li se jsir fl-2001 .

Sar aktar progress fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Fil-qafas tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, ittieħdu passi biex jiġu ssodisfati l-kriterji kollha stabbiliti fil-programm dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża filwaqt li ġew introdotti riformi essenzjali fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Issokta l-progress fil-qasam tal-politika tal-viża. Ġiet adottata leġiżlazzjoni supplimentari biex jiġu speċifikati proċeduri dwar il-ħruġ ta' viżi prevista fl-acquis ta' Schengen. Il-fażi ta' prova għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi ġodda diġà bdiet. Ġiet stabbilita aġenzija ġdida għal t'apposta li tiżgura l-ġestjoni sikura u effettiva tas-sisema ta' dokumenti ta' identifikazzjoni personali. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-konverġenza ta' standards Ewropej. L-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni mal-KE ssokta mingħajr intoppi.

Ittieħdet azzjoni konkreta wkoll fl-oqsma tal- ġestjoni tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni. Ġiet adottata strateġija nazzjonali dwar l-ażil u l-migrazzjoni filwaqt li ġie stabbilit il-profil tal-migrazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina. Bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM) u ttieħdu inizjattivi fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien. Madanakollu, hija meħtieġa aktar ċarezza fir-rigward tad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-postijiet fejn jinqasmu l-frunieri u l-ġestjoni ta' dawn il-postijiet.

Sar progress addizzjonali dwar il-prevenzjoni tal- ħasil tal-flus . Ġiet adottata liġi ġdida dwar il-ħasil tal-flus filwaqt li ssoktat il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. Ġew adottati strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra, u l-prevenzjoni, tal-ħasil tal-flus . Il-leġiżlazzjoni domestika għadha ma ġietx armonizzata, kemm internament u kif ukoll ma' konvenzjonijiet internazzjonali. Il-leġiżlazzjoni dwar il-qbid ta' assi mhijiex konformi mal-istandards internazzjnali u lanqas mhi armonizzata fil-pajjiż innifsu.

Ittieħdu xi passi pożittivi fil-ġlieda kontra d- drogi . Ġiet adottata l-istrateġija nazzjonali dwar id-drogi illegali filwaqt li ġie adottat ukoll il-pjan ta' azzjoni korrispondenti. Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi bdiet l-operat tagħha. Madanakollu, it-traffikar tad-drogi għadu problema serja li titlob sforzi kostanti.

Ftit li xejn sar progress fir-rigward tal-ħidma tal- pulizija u l-implimentazzjoni tar-riforma tal-pulizija, li hija prijorità prinċipali tas-Sħubija Ewropea. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li ġiet adottata fl-2008 saret bil-mod u għad hemm aġenziji fil-livell tal-Istat previsti f'dawn il-liġi li ma bdewx il-ħidma tagħhom. Il-frammentazzjoni tal-forzi tal-pulizija tal-Bożnja u Ħerzegovina għadha tfixkel l-effiċjenza u l-ksib ta' riżultati.

Bl-appoġġ tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE (EUPM), il-Bożnja u l-Ħerzegovina ħadet xi inizjattivi dwar il- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata , li minkejja dan kollu għadha kwistjoni li tqanqal tħassib serju, billi tolqot l-istat tad-dritt u l-ambjent tan-negozju. Ġie adottat qafas legali u strateġiku ġdid għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iżda l-prosekuzzjoni effettova tal-organizzazzjonijiet kriminali jeħtieġ li titjieb. Il-Bożnja u Ħerzegovina qiegħda timplimenta l-pjan ta' azzjoni nazzjonali 2008-2012 kontra t- traffikar tal-bnedmin . Madanakollu, huma meħtieġa li jinkisbu riżultati aħjar fir-rigward tal-prosekuzzjoni u s-sentenzi. B'rabta ma' dan, l-adozzjoni u l-implimantazzjoni ta' liġi adegwarta dwar il-protezzjoni tax-xhieda hija essenzjali. Fir-rigward tal- protezzjoni tad-dejta , l-aġenzija tal-Istat għall-protezzjoni tad-dejta bdiet topera, iżda l-persunal tagħha mhuwiex adegwat u jeħtieġ li ttejjeb il-ħidma tagħha.

Il-Kroazja

Il-Kroazja għadha tissodisfa l- kriterji politiċi . Sar progress f'bosta oqsma u ġew intensifikati l-isforzi fil-qasam tal-istat tad-dritt. Madanakollu, jeħtieġ li l-isforz għar-riforma jinżamm kostanti, partikolarment f'oqsma bħar-riforma ġudizzjarja u amministrattiva, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-minoranzi u r-ritorn ta' refuġjati. Il-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni ġew indirizzati fil-parti l-kbira tagħhom.

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt komplew jiġu msaħħa. B'mod ġenerali, kemm il- gvern u kif ukoll il- parlament iffunzjonaw tajjeb. Madanakollu, huwa essenzjali li jsir titjib sinifikanti fil-ġudikatura, fl-amministrazzjoni pubblika u fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, mhux tal-anqas biex jinħoloq pedament sod għall-implimentazzjoni sħiħa tal- acquis . Ir-riforma tal-pulizija, inkluż it-tneħħija tal-influwenza politika fuq karigi ewlenin u t-titjib tal-professjonaliżmu, jeħtieġ li titkompla.

Sar ċertu progress dwar ir-riforma tal- amministrazzjoni pubblika . Ġiet adottata Liġi ġdida dwar Proċeduri Amministrattivi Ġenerali (LPAĠ). Ġiet stabbilita kariga ġdida ta' Ministru tal-Amministrazzjoni. Il-kapaċità tal-Ministeru tal-Amministrazzjoni li għadu kemm inħoloq (qabel kien magħruf bħala l-Uffiċċju Statali Ċentrali għall-Amministrazzjoni) kompliet tittejjeb filwaqt li ssuktaw il-miżuri ta' taħriġ. Madanakollu, għad baqa' dgħufijiet importanti fil-proċeduri amministrattivi u l-implimentazzjoni tal-LPAĠ il-ġdida għadha ma bdietx. Is-servizzi ċivili għadu jbati minn nuqqasijiet, bħall-influwenza politika, salarji baxxi, u ġestjoni dgħajfa tar-riżorsi umani. Barra minn hekk, is-salarji tas-servizz ċivili tnaqqsu biex jittaffew l-effetti tal-kriżi finanzjarja u r-reklutaġġ ġie ffriżat. L-amministrazzjoni pubblika għadha msejsa fuq il-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-prinċipji u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti tjiebet. Għad hemm il-ħtieġa li jinħoloq servizz ċivili professjonali, ibbażat fuq il-mertu, responsabbli u trasparenti.

L-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja kompliet u ġie adottat volum kbir ta' leġiżlazzjoni ġdida. Issaħħaħ id-direttorat għall-iżvilupp strateġiku fil-Ministeru tal-Ġustizzja. Ġiet introdotta proċedura ġdida ta' għażla għal rekluti ġudizzjarji. L-għadd ta' kawżi pendenti kompla jitnaqqas. Ittieħdu passi għar-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-qorti. Il-programmi ta' taħriġ professjonali komplew jiġu estiżi. Il-preġudizzju etniku fil-kawżi ta' reati tal-gwerra qiegħed jitnaqqas. Il-kwistjoni tal-għoti ta' verdetti in absentia mis-snin disgħin ġiet indirizzata parzjalment.

Madanakollu, il-proċedura tal-għażla għall-imħallfin u prosekuturi għadha debboli. B'mod ġenerali l-għadd ta' kawżi li għadhom pendenti għadu wieħed kbir u t-tul ta' żmien tal-proċeduri ġudizzjarji għadu eċċessiv. Għad fadal problemi b'rabta mal-infurzar tas-sentenzi tal-qorti. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-qorti għadha fi stadju bikri ferm. Il-monitoraġġ tal-miżuri ta' riforma għadu ma laħaqx livell xieraq. Huwa meħtieġ ukoll titjib ulterjuri fil-ġestjoni tal-każi u fir-responsabbiltà, l-indipendenza, il-professjonaliżmu u l-kompetenza tal-ġudikatura. L-impunità għal reati tal-gwerra għadha problema, speċjalment fejn il-vittmi kienu Serbi etniċi. Il-prosekuzzjoi ta' ħafna reati għadha ma saritx. Għad ma hemm l-ebda rekord tal-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' analiżi ġodda għal kawżi in absentia . B'mod ġenerali, ir-riformi fil-ġudikatura baqgħu għaddejjin iżda r-riżultati konkreti qegħdin idumu wisq biex jinkisbu.

Inkiseb ċertu progress fil- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Il-qafas legali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni kompla jitjieb, inkluż fir-rigward tal-qbid ta' assi. Inbdiet il-ħidma ta' uffiċċju nazzjonali tal-pulizija għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Ġew stabbiliti dipartimenti speċjali kontra l-korruzzjoni f'erba' qrati ewlenin. L-uffiċċju dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadu attiv u ħareġ akkużi u qata' verdetti - notevolment fil-kawża tal-Fond ta' Privatizzazzjoni tal-Kroazja (Maestro) – f'xi kawżi ewlenin. Huwa beda wkoll jinvestiga l-possibbiltà ta' korruzzjoni f'livell għoli bl-involviment ta' eks ministru tal-gvern. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. L-istrutturi legali u amministrattivi li ġew imġedda dan l-aħħar għadhom iridu jiġu ppruvati fil-prattika. Filwaqt li l-għadd totali ta' każi ta' korruzzjoni li ġie investigat sa issa żdied, l-għadd reali ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għadu baxx. L-investigazzjoni ta' korruzzjoni f'livell għoli kienet waħda limitata. Għadu jinħass in-nuqqas ta' kultura ta' responsabbiltà politika. Il-kapaċità amministrattiva ta' entitajiet statali responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadha teħtieġ titjib. Ftit li xejn sar progress fil-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess.

Inkiseb element ta' progress fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. Id-drittijiet tal-bniedem huma ġeneralment irrispettati iżda għad fadal ċerti sfidi importanti fir-rigward tal-implimentazzjoni. Huma meħtieġa sforzi kostanti fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi u r-ritorn ta' refuġjati.

Bdiet l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali. Madanakollu, l-aċċess għall-ġustizzja qiegħed jiġi mfixkel minn ħafna problemi fl-implimentazzjoni, inkluż il-kumplessità tal-proċedura ta' applikazzjoni nfisha. Ittieħdu aktar passi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil- kundizzjonijiet fil-ħabsijiet. Madanakollu, għadha tippersisti l-problema ta' nuqqas ta' persunal fil-ħabs u kif ukoll dwar kemm jesgħu. Fir-rigward tat- trattament ħażin , l-Ombudsman baqa' jirċievi għadd ta' ilmenti dwar l-użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija.

Il-libertà tal-espressjoni, fosthom il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, hija prevista fil-liġi Kroata u hija rrispettata b'mod ġenerali. Madanakollu, qegħdin jiżdiedu t-theddid kontra ġuranlisti li jwettqu ħidma dwar kawżi ta' korruzzjoni jew kriminalità organizzata. L-edituri u l-ġurnalisti għadhom jilmentaw minn pressjoni politika żejda.

Fir-rigward tad- drittijiet tan-nisa u t-tfal , l-indirzzar ta' każi ta' vjolenza domestika mar għall-aħjar. L-ombudsmen żammew ir-rwol importanti tagħhom. Madanakollu, is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha waħda diffiċli; Għad ma hemmx dejta skont is-sess, u dan qiegħed ifixkel il-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Jeħtieġ li l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal tiġi aċċelerata.

L-Uffiċċju l-ġdid tal-Ombudsman għall-Persuni b'Diżabbiltajiet irnexxielu jirbaħ rwol viżibbli għalih innifsu. L-entitajiet pubbliċi u l-impriżi privati rreaġixxew għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti fir-rigward tal- persuni soċjalment vulnerabbli u l-persuni b'diżabbiltajiet. Jeħtieġ li jinkiseb aktar progress fil-qasam tat-tneħħija mill-itituzzjonijiet, inkluż f'każi ta' saħħa mentali jew għal tfal b'diżabbiltà.

L-implimentazzjoni tal- liġi l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni tinsab f'fażi bikrija L-ombudsman beda jeżerċita r-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu. Madanakollu, l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi l-ġdida hija pperikolata minn qtugħ baġitarju li sar dan l-aħħar. Id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi għadha problema partikolari (ara aktar 'l isfel). Fil-prattika l-livell ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-prosekuzzjoni ġudizzjarja tagħha mhijiex konformi mal-istandards tal-UE.

Sar ċertu progress fir-rigward tal- minoranzi . Komplew isiru espressjonijiet pubbliċi ta' livell għoli għar-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi. Il-minoranza Rom kompliet tingħata attenzjoni, u nkiseb titjib partikolarment fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola. Madanakollu, il-minoranzi għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ħafna problemi. Il-minoranzi għadhom qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fil-qasam tax-xogħol, kemm f'termini ta' nuqqas ta' rappreżentanza fl-amministrazzjoni Statali, il-ġudikatura u l-pulizija u kif ukoll fis-settur pubbliku usa'. Jeħtieġ li l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali u programmi ssir b'aktar determinazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat monitoraġġ xieraq. Jeħtieġ li l-Kroazja tħeġġeġ it-tolleranza tal-minoranza Serba u tieħu miżuri xierqa biex tipproteġi lil dawk li jistgħu jkunu suġġetti għal theddid jew azzjonijiet ta' diskriminazzjoni, ostilità jew vjolenza. Il-minoranza Rom għadha qiegħda tħabbat wiċċha ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli u għad fadal sfidi x'jiġu indirizzati f'ħafna oqsma.

Sar ċertu progress fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar ir- ritorn ta' refuġjati . Sar progress fl-ilħuq tal-miri tal-gvern għall-għoti ta' djar lil dawk li preċedentement kienu detenturi ta' drittijiet ta' okkupanza u kera, u ħafna appartamenti qegħdin isiru disponibbli. Għalkemm il-mira għadha ma ntlaħqitx, inkiseb progress tajjeb fl-ilħuq tal-mira tal-2008 li jiġu pprovduti 1,400 unità ta' akkomodazzjoni. Madanakollu, il-ħidma għall-ilħuq tal-mira tal-2009 għadha fi stadju bikri. Diversi eluf ta' djar għadhom iridu jkunu disponibbli għal refuġjati li jirritornaw lura. Barra minn hekk, madwar 8,000 appell għar-rikostruzzjoni ta' djar għadhom pendenti. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-validazzjonijiet tad-drittijiet għall-pensjoni kienet irregolari. Jeħtieġ li l-isforzi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali meħtieġa għas-sostenibbiltà tar-ritorn tar-refuġjati jiġu aċċelerati. Il-Kroazja għandha tiżgura li l-qtugħ fil-baġit neċessarju fil-kuntest tal-kriżi ekonomika ma jolqtox b'mod negattiv il-kwistjonijiet dwar ir-ritorn tar-refuġjati.

Fir-rigward tal- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , il-Kroazja kompliet tikkoopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Madanakollu, il-problemi b'rabta mal-aċċess tal-ICTY għal dokumenti importanti fil-Kroazja għadhom ma ġewx solvuti. Jeħtieġ li l-Kroazja tiżgura li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tissolva din il-kwistjoni.

Il-Kroazja kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Sar progress lejn is-sejba ta' soluzzjoni tal-kwistjoni bilaterali dwar il-fruntiera bejn il-Kroazja u l-Montenegro. Iż-żewġ pajjiżi qegħdin jikkooperaw flimkien fit-tħejjija tas-sottomissjoni tagħhom quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-delimitazzjoni tal-fruntiera fi Prevlaka. Madanakollu, huwa meħtieġ progress ulterjuri fis-sejbien ta' soluzzjonijiet definittivi għal diversi kwistjonijiet bilaterali li għadhom miftuħa, partikolarment fir-rigward tal-fruntiera. Huma meħtieġa aktar sforzi għall-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni u ta' relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien. Il-Kroazja, flimkien mal-ġirien tagħha, għandha tindirizza l-lakuni fl-impunità reġjonali, inkluż billi tieħu passi biex jintlaħqu ftehmiet ta' estradizzjoni li jkopru każi ta' reati tal-gwerra. Ir-relazzjonijiet mas-Slovenja ntlaqtu mill-kwistjoni dwar il-fruntiera li għadha ma ssolvietx. Il-kwistjoni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi żammet lura n-negozjati tal-adeżjoni, b'tali mod li għadd sostanzjali ta' kapitoli la setgħu jinfetħu u lanqas jingħalqu sa Ottubru 2009, għalkemm kienu diġà iffinalizzati mil-lat tekniku. Il-Kummissjoni pprovdiet is-servizzi tagħha biex tiffaċilita s-sejbien ta' soluzzjoni għal din it-tilwima. Saru sforzi intensivi mill-Kummissjoni, b'appoġġ mit-Trio ta' Presidenzi, fuq perjodu ta' sitt xhur, li ħejjew it-triq għal ftehim politiku bejn iż-żewġ partijiet li ntlaħaq f'Settembru 2009. Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjoni l-progress reċenti li wassal biex għadd sostanzjali ta' kapitoli nfetħu jew ingħalqu provviżorjament fil-konferenza ta' adeżjoni f'Ottubru.

L- ekonomija tal-Kroazja ntlaqtet b'mod qawwi mill-kriżi globali. Il-pajjiż daħal f'reċessjoni fl-ewwel nofs tal-2009 u l-qgħad żdied. L-istabbiltà makroekonomika nżammet permezz ta' politika monetarja prudenti. Saru xi sforzi biex jerġa' jinkiseb il-bilanċ tal-baġit, iżda l-iżbilanċ fiskali żdied konsiderevolment. Is-settur bankarju baqa' sod u rreżista l-kriża. Livell għoli ta' dejn estern u obbligi li dan jitħallas lura b'pagamenti għoljin fuq perjodu qasir huma dgħufijiet prinċipali tal-ekonomija. Il-proċess ta' ristrutturar ekonomiku u privatizzazzjoni baqa' baxx u sar biss titjib limitat fl-ambjent kummerċjali.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Kroazja hija ekonomija tas-suq funzjonanti. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, dejjem jekk tkompli timplimenta l-programm tagħha ta' riforma komprensiva b'determinazzjoni sabiex tnaqqas id-dgħufijiet strutturali.

Ir-reazzjoni ta' politika makroekonomika kienet fil-parti l-kbira tagħha xierqa biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi. B'mod partikolari, il-politika monetarja rnexxielha tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja l-aktar billi taffiet il-limiti fuq il-likwidità f'muniti barranin permezz ta' tibdil regolatorju. F'reazzjoni għal pressjonijiet fiskali li qegħdin jiżdiedu, ġew adottati xi aġġustamenti fl-infiq u kif ukoll miżuri li jpattu għal tnaqqis fid-dħul fil-kuntest ta' reviżjonijiet baġitarji suċċessivi. Il-bażi legali għal ippjanar u rappuratar baġitarju strateġiku u multiannwali ġiet imtejba. Ġiet adottata riforma tas-saħħa biex tittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja fis-settur tas-saħħa. L-iżbilanċi esterni tnaqqsu, inżammet l-istabbiltà tar-rata tal-kambju filwaqt li l-pressjonijiet inflazzjonarji naqsu. Is-settur bankarju baqa' reżistenti gax-xokkijiet u naqset iż-żieda tal-kreditu. L-ekonomija tal-Kroazja hija integrata tajjeb ma' dik tal-UE.

Madanakollu, xi minn daqqiet il-politika ekonomika tal-gvern ma kellhiex orjentazzjoni ċara fuq perjodu medju ta' żmien. Xi kultant il-koordinazzjoni tal-politika fil-gvern u bejn il-gvern u l-bank ċentrali tkun dgħajfa. B'mod ġenerali r-riformi strutturali mxew 'il quddiem bil-mod, b'mod partikolari fir-rigward tar-ristrutturar ta' impriżi li kienu qed jagħmlu telf. Is-suq tax-xogħol ibati minn rati baxxi ta' impjegar u parteċipazzjoni, li marru għall-agħar bħala kawża tal-kriżi. Inkiseb biss progress limitat fir-riformi mmirati biex jindirizzaw ir-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol. Fil-kuntest tal-kriżi, immaterjalizzaw riskji sinfikanti ta' infiq akbar u tnaqqis ulterjuri fid-dħul. L-iżbilanċ fiskali kiber b'mod sinifikanti. Ir-reazzjoni ta' politika saret tard wisq u ħarġet fid-dieher dgħufijiet fil-proċess ta' ppjanar baġitarju. Barra minn hekk, ftit li xejn inkiseb progress fir-rigward taż-żieda tal-effiċjenza fl-infiq pubbliku. It-trasferimenti soċjali baqgħu għoljin u mhux immirati tajjeb u għadd kbir ta' impriżi pubbliċi u tal-Istat baqgħu jirċievu appoġġ mill-Istat permezz ta' sussidji u garanziji. Għaldaqstant, it-tfassil ta' strateġija fiskali kredibbli bil-għan li jitnaqqsu r-riġiditajiet baġitarji u li titjieb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku għadu sfida prinċipali. Sar aktar progress fl-iffaċilitar tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni tan-negozji, iżda l-ambjent tal-investiment baqa' jbati minn piżijiet regolatorji kbar u minn għadd kbir ta' taxxi parafiskali.

Il-Kroazja saħħet il- ħila tagħha li tassumi l-obbligi li ġġib magħha l-adeżjoni. It-tħejjijiet għall-issodisfar tar-rekwiżiti tal-UE komplew jimxu 'l quddiem sew, u hemm grad ta' konverġenza mar-regoli tal-UE f'bosta mis-setturi. Sar progress tajjeb f'bosta mill-oqsma, prinċipalment f'termini ta' konverġenza leġiżlattiva iżda wkoll fir-rigward tal-bini ta' kapaċità amministrattiva. Madanakollu, għad fadal aktar sforzi xi jsiru fil-ġejjieni, partikolarment dwar aktar tisħiħ tal-istrutturi amministrattivi u l-kapaċità meħtieġa għall-implimentazzjoni adegwata tal- acquis . Barra minn hekk, hija meħtieġa viġilanza biex jiġi żgurat li l-qtugħ baġitarju fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ma jaffettwax b'mod sproporzjonat it-tħejjijiet għall-adeżjoni mal-UE.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-prodotti . Il-konverġenza tinsab fi stadju avvanzat, iżda għad fadal xi elementi li għadhom mhumiex fis-seħħ, speċjalment fir-rigward tal-konformità tal-valutazzjoni, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq. Huma meħtieġa sforzi kostanti biex titlesta l-konverġenza mal- acquis u biex tinbena l-kapaċità ta' implimentazzjoni meħtieġa. Sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-ħaddiema . Intlaħaq livell sodisfaċenti ta' konverġenza legali. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti biex tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva, b'mod partikolari għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Sar element ta' progress fir-rigward tad -dritt ta' stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta' servizzi. B'mod globali, jeżisti livell raġonevoli ta' konverġenza mal- acquis . Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-konverġenza. Il-kapaċità amministrattiva wkoll teħtieġ tisħiħ.

Sar ċertu progress dwar il-moviment ħieles tal-kapital, l-aktar fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-beni immobbli u tibdiliet leġiżlattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML). B'mod ġenerali ntlaħaq livell raġonevoli ta' konverġenza. Ser ikunu meħtieġa aktar sforzi speċjlament fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-AML, u fir-rigward tal-ikkompletar tal-liberalizzazzjoni ta' movimenti kapitali u l-konverġenza mal- acquis dwar is-servizzi ta' ħlas.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- akkwist pubbliku , partikolarment fir-rigward tat-tlestija tal-organizzazzjoni istituzzjonali meħtieġa. B'mod globali, it-tħejjijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Madanakollu, il-konverġenza leġiżlattiva għadha ma tlestietx għalkollox u l-kapaċità amministrattiva għandha tissaħħaħ fil-livelli kollha tas-sistema tal-akkwist, b'mod partikolari bil-għan li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tkun waħda effettiva u biex jiġu indirizzati irregolaritajiet u indħil politiku potenzjali.

Sar xi progress fil-qasam tal- liġi tal-kumpaniji . Il-konverġenza mal- acquis tinsab fi stadju tajjeb. Fadal xi jsir fil-qasam tal-verifika fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali ġodda u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva. Jista' jiġi rrapporat progress fil-qasam tal- liġi tal-proprjetà intellettwali , kemm fir-rigward tal-konverġenza leġiżlattiva u kif ukoll dawr l-infurzar. Il-konverġenza mal- acquis tinsab f'livell tassew għoli. Is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fis-soċjetà għandha tiżdied u għandha wkoll tingħata attenzjoni għall-involviment dejjem jikber ta' gruppi ta' kriminalità organizzata f'reati relatati mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Sar progress sinifikanti fir-rigward tal- politika tal-kompetizzjoni partikolarment dwar l-adozzjoni tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u l-pubblikazzjoni ta' sejħiet għall-offerti għat-tarzni li jinsabu f'diffikultà bil-għan li jiġu ristrutturati permezz tal-privatizzazzjoni. B'mod ġenerali, intlaħaq livell raġonevoli ta' konverġenza. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti għall-ikkompletar tar-ristruttura tat-tarzni. Fadal ukoll xi jsir biex jittejjeb ir-rekord tal-infurzar kontra l-kartelli tal-Aġenzija tal-Kompetizzjoni, għall-konverġenza tal-Att dwar ix-Xandir Kroat, u fis-settur tal-azzar.

Jista' jiġi rrapportat progress sinifikanti fil- servizzi finanzjarji . Il-konverġenza leġiżlattiva tinsab fi stat avvanzat, iżda huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-implimentazzjoni. Huma meħtieġa sforzi biex il-kapaċità ta' sorveljanza tal-awtoritajiet tkompli tissaħħaħ fit-twettiq tal-kunzjoni ta' sorveljanza tagħhom u għandha tittejjeb ukoll l-interazzjoni konsultattiva mas-settur finanzjaru.

Sar progress tajjeb fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja . Intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità tar-regolaturi nazzjonali biex jimplimentaw il-qafas legali b'mod korrett, biex ukoll biex tkun tista' tiġi sostnuta l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-komunikazzjoni elettroniċi.

Inkiseb progress dwar l- agrikoltura u l-iżvilupp rurali , partikolarment fir-rigward tal-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta agrikola. It-tħejjijiet b'mod ġenerali jinsabu fi stat moderament avvanzat. Madanakollu, għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi sostanzjali għall-ħolqien ta' aġenzija tal-ħlas u Sistema Integrata tal-Amminstrazzjoni u l-Kontroll/Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba'. Huwa essenzjali li ssir konverġenza ulterjuri tal-iskemi ta' appoġġ mal-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex b'hekk titħejja t-triq għal tranżizzjoni mingħajr tfixkil għall-PAK. Fl-iżvilupp rurali, huma meħtieġ titjib tal-kapaċità ta' assorbiment ta' fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE.

Sar progress tajjeb dwar is-sikurezza tal-ikel u l-politika veterinarja u fitosanotarja , b'mod partikolari bl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida. Globalment, It-tħejjijiet jinsabu fi stat avvanzat. Huma meħtieġa sforzi kostanti għall-iffinalizzar tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal- acquis partikolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għat-tiġdid tal-istabbilimenti għall-oriġini tal-annimali u biex tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva u ta' kontroll neċessarja.

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb fil-qasam tas- sajd . Globalment, it-tħejjijiet jinsabu fi stat avvanzat. Il-Kroazja jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tagħlaq il-lakuni li għad fadal fl-oqsma tal-ġestjoni tal-flotta, l-ispezzjoni u l-kontroll, l-azzjoni strutturali u l-għajnuna mill-Istat.

Inkiseb ċertu progress fil-qasam tat- trasport . B'mod globali, hemm livell reġonevoli ta' konverġenza. Huwa meħtieġ titjib ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva fis-settur tat-trasport marittimu, fl-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili partikolarment bil-għan tas-sikurezza fl-avjazzjoni, u fl-awtorità regolatorja tal-ferroviji. Hija meħtieġa konverġenza leġiżlattiva ulterjuri partikolarment fis-setturi tal-avjazzjoni u tal-kabotaġġ marittimu. Sar progress tajjeb dwar il-kapitolu tal- enerġija. Il-konverġenza mal- acquis tinsab fi stadju avvanzat sew. Huma meħtieġa sforzi biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva, għal iffunzjonar aħjar tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u biex jintlaħqu l-miri b'rabta mal-enerġija li tiġġedded.

Sar progress tajjeb dwar it-tassazzjoni , prinċipalment dwar il-konverġenza leġiżlattiva.

Id-dazji tas-sisa diskriminatorji fuq is-sigaretti tneħħew u saret aktar konverġenza tal-leġiżlazzjoni mal-acquis tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, dazji tas-sisa u VAT.

Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi għal aktar konverġenza tal-leġiżlazzjoni Kroata, l-aktar fil-qasam tal-VAT. Għandhom jissuktaw l-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, fosthom fil-konnettività tal-IT.

Sar progress sinifikanti fil-qasam tal- politika ekonomika u monetarja . Il-koverġenza ġenerali mal- acquis f'dan il-qasam tinsab fi stadju avvanzat ferm. Il-ħidma biex l-indipendenza tal-bank ċentrali tiġi stabbilita fis-sod fil-leġiżlazzjoni tal-Kroazja jeħtieġ li tissokta. Huma meħtieġa aktar sforzi dwar il-koordinazzjoni tal-politika.

Sar progress sostanzjali war l- istatistika . F'dan il-qasam intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza legali. Madanakollu, għandhom jissoktaw l-isforzi biex l-istatisika Kroata tiġi allinjata iżjed mar-rekwiżiti tal-UE.

Sar progress tajjeb fir-rigward ta l- politiki soċjali u tal-impjiegi . F'dan il-qasam intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza, għalkemm għad fadal xi lakuni, speċjalment fir-rigward tal-liġi dwar ix-xogħol. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biżżejjed żmien qabel l-adeżjoni biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa.

Inkiseb ċertu progress fir-rigward tal- politika dwar l-impriżi u l-industrija. B'mod globali, il-koverġenza mal- acquis f'dan il-kapitolu tinsab fi stadju avvanzat ferm. Madankollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex il-valutazzjoni tal-impatt regolatorja ta' leġiżlazzjoni ġdida titpoġġa fil-prattika u biex jittejjeb l-ambjent tal-SME.

Sar progress tajjeb fir-rigward tal-iżvilupp tan-netwerks tat-trasport u l-enerġija f'konformità mal-pjan u l-għanijiet tat- TENs – In-netwerk tat-Trasport u n-netwerk tal-Enerġija. B'mod globali, il-konverġenza mal- acquis tinsab fi stadju avvanzat sew.

Sar ċertu progress dwar il- politika reġjonali , speċjalment fit-tħejjija tal-implimentazzjoni ta' dawk il-komponenti tal-IPA li jseru ta' prekursuri għall-Fondi Strutturali. B'mod ġernali, il-Kroazja hija parzjalment allinjata mal- acquis . Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji u operazzjonali tal-politika ta' koeżjoni tal-Komunità. Minbarra t-titjib tal-kapaċità amministrattiva u t-tħejjija ta' riżerva ta' proġetti, jeħtieġ li l-Kroazja tibni ulterjorment il-ġestjoni finanzjarja u l-kapaċità ta' kontroll tagħha.

Il-Kroazja għamlet ċertu progress fir-rigward tal- ġudikatura u d-drittijiet fundamentali . Ir-riformi fil-ġudikatura ssuktaw iżda għad fadal sfidi sinfikanti, partikolarment b'rabta mal-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura. L-isforzi kontra l-korruzzjoni pproduċew riżultati inizjali, iżda l-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u l-istrumenti għadhom mhumiex jintużaw b'mod vigoruż biżżejjed, speċjalment fil-konfront tal-korruzzjoni politika. Id-dispożizzjonijiet legali dwar id-drittijiet fundamentali huma fil-biċċa l-kbira tagħhom xierqa, iżda minkejja li sar xi progress, għad fadal għadd ta' sfidi importanti b'rabta mal-implimentazzjoni, speċjalment fil-konfront ta' minoranzi. Hija meħtieġa attenzjoni partikolari fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u theddid kontra ġurnalisti.

Il-Kroazja kisbet ċertu livell ta' progress fil-kapitolu ġustizzja, libertà u sigurtà , partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra d-drogi, l-indirizzar tal-problema tat-traffikar tal-bnedmin, u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Madanakollu, jeħtieġ li l-Kroazja żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li r-rekwiżiti tal-UE jiġu ssodisfati sa mid-data tal-adeżjoni, prinċipalment l-iżviluppar tal-kapaċità amministrattiva, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-iżviluppar ta infrastruttura, tagħmir u riżorsi għal ġestjoni effettiva tal-fruntiera esterna.

Sar progress tajjeb dwar ix-xjenza u r-riċerka u t-tħejjijiet jinsabu bi stadju avvanzat sew. Madanakollu għadhom meħtieġa sforzi ulterjuri biex jiġu żgurati l-assoċjazzjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kroazja fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura . F'dan il-qasam intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza legali. Il-Kroazja għandha tissokta bl-isforzi tagħha biex tħelli għall-ġestjoni tal-programmi ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ f'Azzjoni. Għandha tingħata wkoll l-attenzjoni xierqa għall-edukazzjoni tal-adulti.

Sar progress tajjeb fl- ambjent , speċjalment fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, il-kontroll u l-ġestjoni tar-riskju tat-tniġġis industrijali, u t-tibdil fil-klima. Globalment, it-tħejjijiet tal-Kroazja mexjin 'il quddiem. Madanakollu, għadhom meħtieġa sforzi konsiderevoli fil-ksib ta' konverġenza mal- acquis fis-settur tal-ilma u l-ħarsien ambjentali. L-implimentazzjoni tal- acquis orizzontali, mhux tal-anqas il-valutazzjoni ambjentali strateġika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, jeħtieġ li tissaħħaħ. Jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva tissaħħaħ aktar kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'dak lokali.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. F'dan il-qasam intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza legali. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti għat-tisħiħ addizzjonali tal-kapaċità amministrattiva.

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb il-qasam tal- unjoni doganali , u f'dan il-qasam il-leġiżlazzjoni tagħha hija allinjata tajjeb mal- acquis . Il-Kroazja rnexxielha ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha u kif ukoll l-interkonnettività tal-IT, u bdiet timplimenta politika koerenti kontra l-korruzzjoni fid-Dwana. Huma meħtieġa sforzi fl-oqsma l-oħra ta' konverġenza politika, fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija kontra l-Korruzzjoni u fl-interkonnettività tal-IT.

Il-Kroazja għamlet ċertu progress tajjeb fil-qasam tas- relazzjonijiet esterni . It-tħejjijiet għall-politika kummerċjali komuni tal-UE jinsabu fi stadju tajjeb. Madanakollu, il-Kroazja għandha tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha fl-użu ta' miżuri ta' difiża tal-kummerċ. Għadhom meħtieġa sforzi fir-rigward tal-politika tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb u laħqet livell globali tajjeb ta' konverġenza fil-qasam tal- Politika Barranija, tas-Sigurtà u tad-Difiża. Il-Kroazja għadha tipparteċipa f'diversi missjonijiet tal-UE PESD. Issa l-Kroazja jeħtiġilha ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontroll tal-armi inkluż it-trasparenza ta' informazzjoni relatata mal-armi, u li ttejjeb aktar il-kapaċità għal implimentazzjoni sħiħa tal-PESK-PESD.

Sar progress fil-qasam tal-kontroll finanzjarju. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tas-sistema ġenerali tal-PIFC kemm fil-livell ta' gvern ċentrali kif ukoll fuq dak ta' gvern lokali. L-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-Uffiċċju Statali tal-Verifika għandha tissejjes fil-Kostituzzjoni.

Sar progress tajjeb fil-qasam tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji , b'titjib fil-kapaċità istituzzjonali. Globalment, il-Kroazja laħqet livell tajjeb ta' konverġenza, għajr id-dazji fuq iz-zokkor. Għandhom jissuktaw it-tħejjijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tar-riżorsi proprji.

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

L-elezzjonijiet presidenzjali u lokali tal-2009 ssodisfaw il-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali u bosta mir-rakkomadazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR minn elezzjonijiet ta' qabel ġew implimentati. Id-djalogu politiku mar għall-aħjar: il-koalizzjoni fil-gvern hija stabbli, il-klima politika hija aktar kooperattiva u l-parlament huwa aktar effettiv. Il-prijoritajiet ewlenin tas-Sħubija għall-Adeżjoni dwar ir-riforma tal-pulizika, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-korruzzjoni ġew indirizzati sostanzjalment. Abbażi ta' dan, u fid-dawl tal-progress ġenerali fir-riformi, il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż jissodisfa l- kriterji politiċi.

L-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid tibqa' element essenzjali tad- demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż. Sar progress dwar l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ilsna, dwar id-diċentralizzazzjoni u r-rappreżentanza ekwa. Abbażi ta' dan, huma meħtieġa aktar sforzi fi spritu kostruttiv biex jiġu jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim.

L-elezzjonijiet presidenzjali u lokali tal-2009 tmexxew b'mod konformi mal-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali. Il-jiem tal-elezzjoni kienu mingħajr inkwiet, il-klima politika kienet kalma u l-mod kif saret il-votazzjoni wera titjib sostanzjali fuq l-elezzjonijiet parlamentari tal-2008. In-nuqqasijiet identifikati mill-OSCE/ODIHR jeħtieġ li jiġu indirizzati. Id-djalogu politiku, li huwa prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni, mar għall-aħjar. Il-koalizzjoni tal- gvern kienet stabbli. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea huwa ppresedut mill-partit ewlieni fl-oppożizzjoni. L-operat tal- parlament issaħħaħ, partikolarment permezz tal-introduzzjoni ta' regoli proċedurali, u ġiet adottata liġi ġdida dwar il-Parlament. Huma meħtieġa sforzi kostanti, partikolarment għat-titjib tar-rwol tal-parlament.

Sar element ta' progress fir- riforma tal-amministrazzjoni pubblika , inkluż ir-riforma tas-servizz ċivili, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni. L-emendi li saru fuq il-liġi dwar is-servizz ċivili adottata f'Settembru saħħew id-dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu u l-promozzjoni ta' ħaddiema tas-servizz ċivili. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-amministrazzjoni pubblika. Jeħtieġ li r-rispett tad-dispożizzjonijiet u l-ispirtu tal-liġi jiġi żgurat fil-prattika. Ir-riforma tal-pulizija, li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni, kompliet turi progress. Is-sistema ġdida ta' kmandanti fil-livell lokali u reġjonali hija funzjonanti bis-sħiħ, il-ġestjoni marret għall-aħjar u l-liġi dwar l-affarijiet interni introduċiet sistema ta' karrieri fis-servizz tal-pulizija. L-uffiċjali tal-pulizija nżammu milli jkollhom karigi f'partiti politiċi.

Kompla jinkiseb progress fir-rigward tar- riforma ġudizzjarja , li hija prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni. Inħatru l-ewwel gradwati mill-Akkademja tal-Imħallfin u l-Prosekuturi, il-qrati u l-entitajiet ġudizzjarji l-ġodda qgħdin jiġu allokati l-persunal meħtieġ u qegħdin jibdew joperaw, u l-baġit żdied b'mod sinifikanti. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, partikolarment permezz tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatriet u l-promozzjonijiet.

Kompla jinkiseb progress fir-rigward tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-qafas kontra l-korruzzjoni , li huwa prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni. Il-kodiċi elettorali u l-liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi ġew emendati biex tissaħħaħ it-trasparenza, saru aktar akkużi u ngħataw kundanni f'kawżi ta' livell għoli u l-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tjiebet. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa u għadha problema partikolarment serja f'bosta oqsma. Huma meħtieġa sforzi kostanti, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-qafas legali.

Fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-qafas tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi jinsab fis-seħħ. Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tittejjeb l-implimentazzjoni f'għadd ta' oqsma.

L-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin naqsu drastikament wara l-iżbandament ta' unitajiet speċjali tal-pulzija, saru investigazzjoni profondi u ttieħdu miżuri dixxiplinari. Madanakollu, għadu ma ġiex stabbilit mekkaniżmu estern indipendenti li jsegwi każi ta' mġiba ħażina tal-pulizija, f'konformità mak-ġurisprudenza tal-ECHR. Ġiet adottat pjan għal analiżi tal-infrastruttura tal- ħabs iżda għadhom ma ttieħdux miżuri fuq terminu qasir biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet inumani u degradanti. Għadha ma ġietx stabbilita ġestjoni professjoni tal-ħabsijiet.

Fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, is-sitwazzjoni ġenerali hija waħda sodisfaċenti. Madanakollu, għad hemm tħassib dwar l-indħil politiku fil-medja.

Fir-rigward tad- drittijiet tan-nisa , bdiet l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-vjolenza domestika. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żviluppata l-kapaċità amminstrattiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dwar id- drittijiet tat-tfal , l-attendenza fl-iskejjel żdiedet; kważi l-istudenti kollha tal-iskejjel primarji jkomplu l-istudji tagħhom fl-iskejjel sekondarji. Il-liġi dwar il-ġustizzja tal-minorenni daħlet fis-seħħ f'Ġunju.

Rigward id- drittijiet kulturali u tal-minoranzi , sar aktar progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' rappreżentanza ekwa, f'konformità mal-Ftehim Qafas ta' Ohrid, u l-għadd ta' ħaddiema tas-servizzi ċivili minn komunitajiet etniċi f'minoranza fil-livell ċentrali żdied għal 26% sa Settembru 2009. Il-Liġi dwar l-Ilsna, li tipprovdi għaż-żieda fl-użu tal-Albaniż, bdiet l-implimentazzjoni tagħha fil-parlament. Ġiet stabbilita aġenzija speċjalizzata għall-ħarsien tad-drittijiet ta' komunitajiet iżgħar iżda din għadha ma bdietx topera.

Il-kulleġġi fil-muniċipalità ta' Stuga reġgħu daħħlu parzjalment l-edukazzjoni b'etniċitajiet imħallta fil-bidu tas-sena skolastika 2009-10. Madanakollu, jeħtieġ li l-awtoritajiet jagħmlu sforzi ulterjuri biex jippromwovu l-integrazzjoni tal-komunitajiet etniċi tal-pajiż, partikolarment fl-edukazzjoni. It-tħassib tal-iżgħar minoranzi etniċi għadhom ma ġewx indirizzati b'mod xieraq.

Ftit li xejn jista' jiġi rraportat progress dwar ir- Rom . L-erba' pjanijiet ta' azzjoni fil-qafas tad-Deċennju tal-Inklużi tar-Rom 2005-2015 baqa' jiġi implimentat bil-mod, għalkemm ġew allokati fondi tal-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni. Jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva tal-uffiċju tal-ministru għar-Rom mingħajr portafoll u tal-unità għall-implimentazzjoni tal-istratġija tar-Rom tissaħħaħ. Ir-Rom għadhom iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u kif ukoll diskriminazzjoni.

Rigward il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , l-eks Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja għadha għaddejja b'kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Is-sistema legali domestika qiegħda tipproċessa erba' każi riferuti mill-ICTY lill-awtoritajiet nazzjonali.

Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

Il-pajjiż kompla jipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

Ġeneralment l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi fir-reġjun. Madanakollu, ir-relazzjoni mal-Greċja għadhom milquta mill-kwistjoni tal-isem li għadha pendenti. Il-pajjiż jinsab involut f'taħdidiet taħt il-patroċinju tan-NU biex tinstab soluzzjoni dwar dan. Għandhom jiġu evitati azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jolqtu b'mod negattiv ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat ma' pajjiżi oħra. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċettabbli miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, tibqa' essenzjali.

Ir-ritmu tal- ekonomija tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja batta u fl-2009 naqset ftit, hekk kif l-ambjent internazzjonali ddeterjora. L-inflazzjoni naqset b'mod sinifikanti, l-aktar minħabba prezzijiet aktar baxxi tal-prezzijiet tal-enerġija internazzjonali u tal-prodotti bażiċi. Inkiseb element ta' progress fl-indirizzar tal-qgħad strutturali u fit-tnaqqis tat-tfixkil fil-qasam tax-xogħol. Madanakollu, ir-rata għola tal-qgħad, partikolarment fost iż-żgħażagħ u fost il-persuni bi ftit edukazzjoni għadha tikkawża tħassib. Id-dgħufijiet fl-amministrazzjoni u fl-istat tad-dritt għadhom jolqtu l-ambjent kummerċjali b'mod negattiv.

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress tajjeb fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi . Hija kompliet toqrob lejn li ssir ekonomija tas-suq funzjonanti. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjdou medju ta' żmien, dejjem jekk tkompli timplimenta b'mod vigoruż il-programm tagħha ta' riforma sabiex tnaqqas id-dgħufijiet strutturali.

Il-pajjiż żamm kunsens wiesa' dwar l-elementi essenzjali tal-politiki ekonomiċi. Il-privatizzazzjoni tlestiet fil-parti l-kbira tagħha. Il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet u tan-negozju tlesti kważi għalkollox. Id-dħul u r-reġistrazzjoni fis-suq komplew fit-triq it-tajba u l-qafas regolatorju ġie ssimplifikat aktar. Il-proċeduri ta' falliment tqassru u r-reġistrazzjoni ta' proprjetà tinsab fi stadju avvanzat. L-awtoritajiet żiedu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-qgħad strutturali u ttieħdu miżuri biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. L-indipendenza finanzjarja tal-aġenziji ta' sorveljanza u dawk regolatorji ssaħħet. L-intermedjazzjoni finanzjarja naqset ftit iżda sa issa s-settur inġenerali rnexxielu jegħleb il-kriżi finanzjarja internazzjonali b'mod tajjeb. Ittieħdu miżuri ulterjuri biex tittejjeb il-kwalità tal-kapital uman.

Madanakollu, fil-kuntest tal-perjodu tal-elezzjoni u tal-kriżi ekonomika globali, it-taħlita ġenerali ta' politiki ddeterjorat. Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi marret lura, b'żieda b'saħħitha fl-infiq pubbliku, prinċipalment fi trasferimenti ta' introjtu u sussidji u pensijiet, li għolew ferm aktar mill-inflazzjoni. Dan ikkontribwixxa għal żieda drastika fl-iżbilanċi esterni, filwaqt li l-iffinanzjar tas-settur pubbliku ġibed fondi li kienu jkunu utli għall-investiment privat. Id-dejn tas-settur pubbliku żdied, iżda għadu relattivament baxx. L-influssi ta' investiment barrani dirett naqsu drastikament, l-aktar minħabba d-deterjorament tal-ambjent internazzjonali. Il-fondi biex jiġi indirizzat il-qgħad strutturali għadhom limitati ferm, filwaqt li r-rata tal-qgħad għadha għolja ħafna. Jeħtieġ li d-dgħufijiet isitituzzjonali u l-istat tad-dritt jittejjbu biex b'hekk l-ekonomija tas-suq tkun tista' topera mingħajr intoppi. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura, sabiex isir titjib taċ-ċertezza legali u tal-ambjent kummerċjali. Xi minn daqqiet l-aġenziji regolatorji u ta' sorveljanza għadhom nieqsa mill-indipendenza u r-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv. Minkejja sforzi biex titnaqqas l-ekonomija mhux irreġistrata, il-kwistjoni għadha titqies bħala sfida importanti.

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress tajjeb fit-titjib tal- kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tal-adeżjoni , partikolarment fir-rigward tat-trasport, id-dwana u t-tassazzjoni u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Inkiseb element anqas ta' progress f'ċerti oqsma bħall-enerġija, l-ambjent, ix-xogħol u l-politika soċjali. B'mod ġenerali, sar aktar progress fl-issodisfar tal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u biex jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. F'konformità mal-prijoritajiet ewlenin relevanti tas-Sħubija għall-adeżjoni, l-impenji li ttieħdu fil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġew implimentati.

Sar element ta' progress fil-qasam tal- moviment ħieles tal-prodotti . Parti sinfikanti tal- acquis orizzjontali u settorjali għadha ma ġietx ittrasposta. Sar ċertu progress fil-qasam tal- libertà tal-moviment tal-ħaddiema , fejn il-konverġenza tal- acquis għadha f'fażi bikrija. Il-progress dwar id-dritt ta' stabbiliment u libertà għall-forniment ta' servizzi xejn ma kien regolari. Hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-diversi entitajiet responsabbli mill-awtorizzazzjoni ta' servizzi transkonfinali. Il-progress fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital sar l-aktar b'rabta mal-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus. L-obbligi li joħorġu mill-ewwel stadju tal-FSA ġew issodisfati fl-2008.

Sar progress tajjeb il-qasam tal- akkwist pubbliku , fejn ittieħdu passi sinifikanti lejn il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni mal- acquis . Hija meħtieġa ħidma ulterjuri biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha. Sar progress tajjeb fil-qasam tal- liġi tal-kumpaniji , għalkemm il-konverġenza tal-qafas legali għall-kontabbiltà u l-verifika għadha lura. Inkiseb ċertu progress fit-tisħiħ tal-qafas legali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-kooperazzjoni istituzzjonali fil-qasam tal- liġi dwar il-proprjetà intellettwali . L-infurzar, għalkemm ittejjeb, għadu mhux sodisfaċenti.

Sar xi progress fil-qasam tal- kompetizzjoni . Inkiseb rekord kredibbli fl-infurzar, partikolarment fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għalkemm il-ġlieda kontra l-kartelli għandha tissaħħaħ. L-għadd ta' deċizjonijiet ex ante ta' għajnuna mill-Istat żdied. Ir-riżorsi umani u finanzjarji tal-awtorità tal-kompetizzjoni għadhom inadegwati.

Sar element ta' progress fil-qasam tas- servizzi finanzjarji , l-aktar b'rabta ma' żviluppi leġiżlattivi fis-settur bankarju, is-swieq tal-garanziji, is-servizzi ta' investiment u l-pensjonijiet. Madanakollu, is-suq tal-assigurazzjoni għadu mhux irregolat u ssorveljat kif għandu jkun.

Inkiseb progress fil-qasam tas-servizzi tal-komunikazzjoniet elettroniċi u tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-kompetizzjoni fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi żdiedet b'riżultat tal-proċess ta' liberalizzazzjoni, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Fil-qasam tal-politika awdjoviżiva, il-Kunsill tax-Xandir u s-servizz tax-xandir pubbliku għadhom suġġetti għal indħil politiku. B'mod ġenerali, il-progress fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja jinsab fi stadju avvanzat.

Sar progress fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali . Il-kapaċità amministrattiva tal-aġenziji tal-ħlas u l-istrutturi operazzjonali responsabbli mill-fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE ssaħħew, għalkemm f'oqsma amministrattivi oħrajn il-kapaċità għadha waħda dgħajfa. Il-konverġenza mal- acquis teħtieġ sforzi kostanti partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni adottata. Inkiseb ċertu progress fil-qasam tas- sikurezza tal-ikel u dwar il-politika veterinarja u fitosanitarja , l-aktar dwar it-tħejjija leġiżlattiva. Madankollu, il-kapaċità amministrattiva f'termini tal-għadd ta' persunal u l-ħiliet tiegħu, għadha mhix b'saħħitha biżżejjed biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal- acquis .

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- politika tat-trasport , partikolarment fir-rigward tat-trasport, inkluż in-nollijiet tat-toroq. B'mod ġenerali, il-konverġenza leġiżlattiva għaddejja tajjeb fis-setturi kollha. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva f'kull settur tat-trasport hija insuffiċjenti, kemm fl-għadd u kif ukoll f'termini ta' kwalifiki. L-oqsma tat-trasport ferrovjarju u bl-ajru għadhom mingħajr entitajiet regolatorji indipendenti u mingħajr awtoritajiet dwar is-sikurezza.

Sar xi progress fis- settur tal-enerġija . Madanakollu, l-emendi għal-Liġi dwar l-Enerġija, kif ukoll l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni, huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi taħt it-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija. Għad irid jiġi stabbilit suq tal-elettriku funzjonati. Jeħtieġ li l-grad ta' indipendenza tar-regolatur tal-enerġija u tar-regolatur tal-protezzjoni mir-radjazzjoni jittejjeb aktar.

Sar progress tajjeb dwar it-tassazzjoni . Il-livell ta' konverġenza leġiżlattiva fit-tassazzjoni indiretta huwa avvanzat sew. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri dwar it-tassazzjoni diretta. Il-kapaċità ta' operazzjoni tal-Uffiċju tad-Dħul Pubbliku ssaħħaħ filwaqt li tjieb il-ġbir tat-taxxi.

Sar ċertu progress fil-konverġenza leġiżlattiva u l-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal- politika ekonomika u monetarja. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba. Sar progress tajjeb fit-titjib tas-settur tal- istatistika u l-konverġenza ta' klassifikazzjonijiet mal- acquis . L-infrastruttura tal-istatistika ġiet imsaħħa, iżda s-sitwazzjoni tar-riżorsi għadha dgħajfa.

Inkiseb progress limitat fil-qasam tal- politika soċjali u x-xogħol . Il-pajjiż għad m'għandux djalogu soċjali effettiv u rappreżentattiv. Bil-mod il-mod il-kapaċità amministrattiva ġiet imsaħħa, iżda għadha mhix biżżejjed biex timplimenta b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni u l-politiki adottati. Inkiseb progress tajjeb, għalkemm irregolari, fil-qasam tal- politika tal-impriżi u l-politika industrijali . Ir-riżorsi finanzjarji u l-kapaċità amministrattiva tal-entitajiet pubbliċi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali huma modesti. Il-koverġenza mal- acquis f'dan il-kapitolu tinsab fi stadju moderat ta' progress.

Sar progress fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej. It-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fi stadju avvanzat. Jista' jiġi rraportat xi progress fil-qasam tal- politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali , prinċipalment fis-sura ta' aktar sforzi u tħejjijiet għall-imlimentazzjoni tal-komponenti tal-IPA li jservu ta' prekursuri għall-Fondi Strutturali. Il-konverġenza ġenerali mal- acquis f'dan il-qasam qiegħda tavvanza.

Fir-rigward tad- drittijiet ġudizzjarji u d-drittijiet fundamentali , sar progress tajjeb fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u sar xi progress dwar ir-riforma tal-ġudikatura u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali. L-istituzzjonijiet ġodda u l-għadd ikbar ta' riżorsi baġitarji tejbu l-effiċjenza globali tal-ġudikatura, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-indipendenza. Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jista' jiġi rrappurtat aktar progress b'rabta mal-prosekuzzjoni ta' kawżi ta' livell għoli, dwar it-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Il-kodiċi elettorali u l-liġi dwar l-iffinajzjar tal-partiti politiċi ġew emendati biex tissaħħaħ it-trasparenza. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa u għadha problema partikolarment serja f'bosta oqsma. Għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi. Bosta mill-miżuri leġiżlattivi u ta' politika dwar id-drittijiet fundamentali jinsabu fis-seħħ, iżda l-implimentazzjoni tagħhom mhix kostanti, u huma meħtieġa aktar sforzi.

Il-pajjiż kompla jindirizza sfidi ewlenin fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, il-pajjiż għamel progress importanti fl-oqsma koperti mill-programm u ssodisfa l-kriterji ta' riferiment. Abbażi tal-progress miksub, f'Lulju tal-2009 l-Kummissjoni pproponiet it-tneħħija tal-obbigu tal-viża minn fuq iċ-ċittadini tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja[9]. Jista' jiġi rrapportat progress tajjeb dwar l-ażil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u d-drogi, kif ukoll dwar il-fruntieri esterni u Schengen. Ġiet imtejba l-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-pulizija, iżda din għadha qiegħda titfixkel min-nuqqas ta' żvilupp tal-ġestjoni tar-riżorsi umani. Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-użu ta' tekniki investigattivi speċjali, il-protezzjoni tax-xhieda u l-azzjoni tal-pulizija permezz ta' intelligence komplew imorru għall-aħjar. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri, partikolarment biex tiġi stabbilita sistema integrata ta' intelligence. Il-pajjiż kiseb livell akbar ta' konverġenza mal- acquis kemm għall-kapaċità leġiżlattiva u kif għall-kapaċità amministrattiva tiegħu. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba.

Sar ċertu progress fil-qasam tax- xjenza u r-riċerka . Il-kapaċità amministrattiva biex tappoġġja l-parteċipazzjoni fil-Programmi Qafas għadha mhijiex żviluppata biżżejjed. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba. Sar ċertu progress fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji. Madanakollu, il-baġit għall-edukazzjoni għadu mhux biżżejjed biex tiġi implimentata l-istrateġija ta' riforma nazzjonali. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura jinsabu fi stadju avvanzat.

Sar progress lejn traspożizzjoni ulterjuri tal- acquis tal-UE fil-qasam tal- ambjent , parikolarment fil-każi ta' leġiżlazzjoni orizzontali u l-ġestjoni tal-iskart. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għadha toffri sfida konsiderevoli. Il-kapaċità amministrattiva għadha dgħajfa kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'dak lokali. Huma meħtieġa aktar sforzi għall-konverġenza mal- acquis tal-UE f'dan is-settur u, barra minn hekk, biex jiġu żgurati l-investimenti meħtieġa. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet fil-qasam tal-ambjent jinsabu fi stadju moderatament avvanzat.

Sar ċertu progress fil-qasam tal- ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. Fir-rigward tal-politika tal-konsumatur, għad ma hemmx fis-seħħ sistema ta' sorveljanza effettiva u trasparenti tas-suq. Fil-qasam tas-saħħa pubblika, ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għadhom mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni, l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni.

Sar progress sostanzjali fil-qasam tal- unjoni doganali , partikolarment fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva u tal-operat. Il-leġiżlazzjoni doganali hija allinjata biżżejjed mal- acquis , għajr fil-qasam tat-tranżitu. Il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjoni doganali għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għall-indirizzar tal-kriminalità transkonfinali qiegħda titjieb. It-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba.

Sar progress dwar il-konverġenza mal-politika tar- relazzjonijiet esterni tal-UE. B'mod ġenerali, it-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba. Inkiseb element ta' progress fil-qasam tal-politika tas-sigurtà barranija u d-difiża , parikolarment fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva. Il-pajjiż ikkonverġa ma' bosta mid-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni tal-UE u wera impenn kontinwu għall-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet tal-PESD.

Inkiseb ċertu progress fir-rigward tal-konverġenza u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . Il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet responsabbli kompliet tiġi msaħħa. Sar element ta' progress fir-rigward tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji . Sar titjib għall-kapaċità operattiva tal-awtorità doganali u tal-Uffiċċju tad-Dħul Pubbliku, partikolarment fil-ġlieda kontra l-frodi doganali u tal-VAT.

Il-Montenegro

Il-Montenegro kompla jagħmel progress fl-indirizzar tal- kriterji poltiċi . F'konformità mas-Sħubija Ewropea, huwa kompla fuq triqtu għall-ikkompletar tal-qafas legali tiegħu u saħħaħ il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali. B'mod ġenerali l-kostituzzjoni ġiet implimentata b'mod effettiv. Issuktat ir-riforma ġudizzjarja u din bdiet tipproduċi riżultati. Madankollu għadha tippersisti l-influwenza politika fuq il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għandha titwettaq b'aktar determinazzjoni. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tibqa' sfida maġġuri. Il-kunsens politiku dwar kwistjonijiet relatati mal-UE għadu b'saħħtu. Jeħtieġ li l-kapaċità tal-Parlament li jiskrutinizza l-leġiżlazzjoni u jsegwi l-implimentazjoni tar-riformi tiġi msaħħa.

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt komplew jiġu msaħħa. B'mod globali, l-implimentazzjoni tal-kostituzzjoni ssuktat mingħajr problemi. Madanakollu, ċerti liġijiet ewlenin għadhom ma ġewx allinjati magħha. L-iffunzjonar tal-istituzzjonjiet Statali tjieb partikolarment fl-oqsma relatati mal-integrazzjoni Ewropea. Għad fadal il-ħtieġa għal aktar rieda politika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment il-korruzzjoni f'livelli għolja.

Inkiseb ċertu progress fl-iffunzjonar tal- parlament . L-attività leġiżlattiva baqgħet intensa filwaqt li l-kapaċità amministrattiva tiegħu issaħħet. Madanakollu, jeħtieġ li l-parlament itejjeb sostanzjalment l-effiċjenza tiegħu bħala entità leġiżlattiva u l-kapaċitajiet ta' sorveljanza tiegħu. L-elezzjonijiet parlamentari li saru f'Marzu 2009 kienu jissodisfaw l-impenji kollha tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa. Madanakollu, l-OSCE-ODIHR identifikaw għadd ta' sfidi u nuqqasijiet li għadhom iridu jiġu indirizzati. Jeħtieġ li ssir il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni elettorali mal-kostituzzjoni.

Il- gvern kompla bil-ħolqien ta' strutturi amministrattivi ġodda li segwew il-kisba tal-indipendenza tal-pajjiż. Il-qafas għall-koordinazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea mar għall-aħjar u kompla jiffunzjona tajjeb. Sar progress fir-riformi tal- amministrazzjoni pubblika permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni importanti, it-tiġdid tal-kapaċità amministrattiva u t-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani. Madanakollu, in-nuqqas ta' riżorsi umani u finanzjarji, flimkien ma' dgħufijiet strutturali u korruzzjoni qegħdin ikomplu jfixklu l-effikaċja globali tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kapaċità amministrattiva għadha limitata. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex jiġi stabbiliti servizz ċivili professjonali, responsabbli u bbażat fuq il-mertu u ħieles minn kull indħil politiku. Ittieħdet azzjoni dwar il-parti l-kbira tal-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċċju tal-Ombudsman. Madanakollu, il-Liġi dwar l-Ombudsman għadha ma ġietx allinjata għalkollox mal-kostituzzjoni u l-jeħtieġ li l-kapaċitajiet tal-uffiċċju jiġu msaħħa.

Huma meħtieġa sforzi akbar biex jinħolqu entitajiet regolatorji u ta' sorveljanza indipendenti u b'biżżejjed setgħa li joperaw b'mod effettiv.

Il-Montenegro għamel progress moderat fir- riforma ġudizzjarja . Il-qafas legali kompla jiġi msaħħaħ permezz tal-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali ġdid. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tal-prosekuzzjoni. Il-kapaċità tal-prosekuzzjoni biex twettaq il-kompiti ġodda tagħha taħt il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali għandha tiġi msaħħa. Hija meħtieġa aktar konsolidazzjoni tar-responsabbiltà, l-integrità u l-effiċenza fis-sistema ġudizzjarja.

Sar progress tajjeb fil-bini tal-qafas legali u amministrattiv għall- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Kompli jsir progress dwar it-tisħiħ tal-entitajiet preventivi u investigattivi kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u hija problema partikolarment serja. Jeżisti tħassib dwar kemm l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam saret b'mod komprensiv u effettiv. Filwaqt li hemm xejriet pożittivi, il-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u l-koordinazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi huma dgħajfa, u dan jirriżulta f'għadd żgħir ta' kundanni. Is-sorveljanza fl-oqsma tal-iffinanzjar tal-paritit politiċi u l-kunflitt ta' interessi għadha mhix biżżejjed.

Sar aktar progress fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoranzi , qasam fejn b'mod ġenerali l-Montenegro huwa konformi mal-istandards Ewropej.

Globalment, sar ċertu progress fil-qasam tad- drittijiet ċivili u politiċi . Madanakollu, huma eħtieġa sforzi ulterjuri biex titjieb l-implimentazzjoni ta' liġijiet fl-oqsma tat- tortura u t-trattament ħażin , is- sistema tal-ħabsijiet u l-aċċess għall-ġustizzja .

Il-libertà tal-espressjoni għadha tqajjem tħassib. Sar progress fl-investigazzjonijiet ta' vjolenza kontra ġurnalisti. Madanakollu, ġew irrapportati inċidenti ġodda. Dikjarazzjonijiet intimidanti minn uffiċjali tal-Istat dwar ir-rwol tal-medja u l-NGOs qegħdin jikkawżaw tħassib. Jeħtieġ li l-gvern jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Ir-rispett tal- libertà tal-assemblea u tar-reliġjon għadhom fil-parti l-kbira tagħhom sodisfaċenti. Madanakollu, ir-restituzzjoni tal-proprjetà tal-knisja għad trid tiġi indirizzata u l-entitajiet tal-Istat għandhom jibqgħu imparzjali fir-rigward ta' tilwim bejn il-knejjes Orotodossi Serbi u Montenegrini fil-Montenegro.

Huma meħtieġa sforzi kostanti fil-qasam tad- drittijiet tan-nisa , partikolarment fir-rigward tal-ħarsien insuffiċjenti tan-nisa kontra kull forma ta' vjolenza, hekk kif il-vjolenza domestika għadha mifruxa ferm. Leġeżlazzjoni prinċipali bħal-liġi dwar il-protezzjoni mill-vjolenza fil-familja għad trid tiġi adottata. Leġiżlazzjoni maġġuri bħal liġi kontra d-disrkiminazzjoni għadha ma ġietx adottata. Huma meħtieġa sforzi determinati biex issir l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u strateġiji dwar it-titjib tad- drittijiet tat-tfal u ta' gruppi soċjalment vulnerabbli. Fir-rigward tad- drittijiet tal-proprjetà , fl-2008 ġie rreġistrat għadd iżgħar ta' ilmenti dwar id-drittijiet tal-proprjetà. Madanakollu, għad fadal tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-restituzzjoni.

Il-Montenegro għamel ċertu progress fl-implimentazzjoni tal-qafas għall- protezzjoni tal-minoranzi. Il-Kunsilli tal-Ministri bdew joperaw u ġew allokati fondi. Ittieħdu xi passi biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-komunitajiet Rom , Ashkali u Eġizzjani (RAE). Ir-relazzjonijiet interetniċi baqgħu tajbin. Madanakollu, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta' persuni spustati u tal-popolazzjoni RAE għadha kwistjoni li tqanqal tħassib serju. Huma għadhom iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u kif ukoll diskriminazzjoni. L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u strateġiji għandha ssir b'aktar determinazzjoni. Huma meħtieġa aktar riżorsi finanzjarji. Il-Liġi dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Minoranzi għadha ma ġietx armonizzata mal-Kostituzzjoni dwar ir-rappreżentanza ta' minoranzi.

Fir-rigward tal- persuni spustati mill-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja, il-qafas legali li jindirizza l-istatus tagħhom iddaħħal fis-seħħ iżda għad trid tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-Montenegro jeħtieġ li jsib soluzzjoni dwar l-istatus ta' persuni spustati mill-Kosovo u jwettaq ħidma biex itejjeb l-aċċess tagħhom għal drittijiet ekonomiċi u soċjali, li għadu limitat. Is-sitwazzjoni tagħhom għadha kawża ta' tħassib.

Fir-rigward tal- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , il-kooperazzjoni tal-Montenegro mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) hija sodisfaċenti. Inkiseb progress fl-investigazzjoni u l-proċedimenti tal-qorti fl-għadd limitat ta' każi ta' reati tal-gwerra domestiċi fil-Montenegro. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien f'dan il-qasam għamlet titjib. Il-każ tas-superstiti u familji ta' persuni ċivili Bożnijaċi ddeporati fl-1992 ġie solvut barra mill-qorti.

Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

Il-Montenegro kompla jipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Matul l-2009 l-Montenegro għandu f'idejh il-presidenza tas-CEFTA. L-Iskola Reġjonali tal-Amminstrazzjoni Pubblika (ReSPA) f'Danilovgrad qrib Podgorica bdiet l-operat tagħha.

Ir-relazzjoni ma' pajjiżi oħrajn involuti fit-tkabbir u ma' Stati membri ġirien komplew imorru għall-aħjar filwaqt li l-kooperazzjoni bilaterali f'oqsma speċifiċi ġiet intensifikata. B'mod partikolari, inkiseb progress fis-sejba ta' soluzzjoni ta' kwistjonijiet bilaterali dwar il-fruntiera bejn il-Montenegro u l-Kroazja, li qegħdin jikkooperaw fit-tħejjija tas-sottomissjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-fruntiera fi Prevlaka.

Fl-2009 naqas ir-ritmu tal- ekonomija tal-Montenegro. B'riżultat ta' dan, il-finanzi pubbliċi ġew taħt presjoni kbira u l-iżbilanċ pubbliku kompla jikber. Madanakollu, l-ekonomija ma spiċċatx f'reċessjoni profonda, u r-riskji ta' finanzjament estern ma mmaterjalizzawx għalkollox. Minkejja l-kriżi ekonomika, il-gvern ta' spinta fuq sensiela ta' riformi strutturali. It-titjib tal-istat tad-dritt u t-tiġdid tal-infrastruttura għadhom sfidi ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-pajjiż għamel progress ulterjuri fil-ħolqien ta' ekonomija tas-suq funzjonanti. Sabiex ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju, huwa għandu jkompli b'riformi komprensivi biex jitnaqqsu d-dgħufijiet strutturali.

L-iżbilanċi esterni u l-inflazzjoni tnaqqsu b'riżultat tat-tnaqqis fl-attività ekonomika. L-indikaturi tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu, minkejja t-tnaqqis fit-tkabbir. Il-banek b'sidien barranin sostnew il-finanzjament lis-sussidjarji lokali tagħhom, u b'hekk għenu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fin-nuqqas ta' sellief tal-aħħar istanza. L-iżbilanċ baġitarju tnaqqas billi trażżan l-infiq u minn dħul mill-privatizzazzjoni ta' sistemi ta' netwerks kbar. Id-dejn pubbliku kiber, iżda baqa' f'livelli moderati. Ġiet adottata l-leġiżlazzjoni biex tittejjeb iċ-ċertezza dwar id-drittijiet tal-proprjetà. Is-simplifikazzjoni leġiżlattiva kompliet bil-għan li jitneħħew l-ostakli kummerċjali u l-għadd ta' każi ta' falliment pendenti naqas. Ir-rwol tal-Istat fl-ekonomija kiber, fi tweġiba għall-kriżi li kienet għadha qed tiżviluppa, iżda kien limitat għall-għoti ta' self u garanziji fuq self għal setturi ewlenin tal-ekonomija.

Madanakollu, il-kundizzjonijiet tas-settur tal-manifattura tal-Montenegro marru drastikament għall-agħar, billi l-pajjiż intlaqat minn tnaqqis tad-domanda esterna u kif ukoll minn tnaqqis fil-prezzijiet internazzjonali tal-azzar u l-aluminju. Ir-ristrutturar tal-impjanti tal-aluminju u tal-azzar għadu joffri sfida konsiderevoli. Fi tmiem l-2008 u l-bidu tal-2009 s-sistema finanzjarja ntlaqtet minn tnaqqis kbir ta' likwidità minħabba depożiti u prelevazzjonijiet kbar. Ir-rati tal-imgħax għadhom għolja minkejja injezzjonijiet ta' likwidità fis-sistema bankarja. Il-finanzi pubbliċi spiċċaw taħt pressjoni severa filwaqt li l-garanziji fuq self tal-gvern komplew jiżdiedu. Is-swieq tal-kapital għaddew minn korrezzjoni qawwija, u ġarrbu telf sostanzjali. Għad fadal differenzi bejn il-provvista u d-domanda ta' ħaddiema, u b'hekk l-impjegaturi kellhom jimpjegaw ħaddiema barranin għalkemm ir-rata tal-qgħad hija għolja. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Il-Montenegro għamel progress sinifikanti fil-konverġenza ma' standards Ewropej . Limplimentazzjoni tal-Ftehim Interim kompliet għaddejja mingħajr intoppi u qiegħed jinbena rekord dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-pajjiż taħt l-FSA. Inkiseb progress tajjeb fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u r-riċerka f'ċerti oqsma tas-suq intern u tal-ġustizzja, il-libertà u l-ġustizzja. Inkiseb element ta' progress fil-moviment ħieles tal-kapital, id-dwana u t-tassazzjoni, l-impjiegi, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-enerġija, l-istatistika u f'oqsma pendenti taħt il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. F'dawn l-oqsma għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi kostanti. Huma meħtieġa sforzi partikolari fit-titjib tal-kapaiċtà ta' implimentazzjoni. Il-progress fl-oqsma tal-ambjent, it-trasport, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-medja kien wieħed irregolari. Sar progress limitat fl-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità, fil-metroloġija, fis-sorveljanza tas-suq u fil-politika industrijali.

Il-Montenegro għamel ċertu progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet ta' prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea fir-rigward tas- suq intern . Kompliet it-tħejjija fil-qasam tal- moviment ħieles tal-prodotti . Inkiseb progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur. Is-sorveljanza tas-suq għandha tittejjeb aktar. Huwa meħtieġ titjib fir-rigward tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi, il-kooperazzjoni interistituzzjonali u t-traspożizzjoni tal- acquis speċifiku għal ċerti prodotti.

Fil-qasam tal- moviment ħieles ta' persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment, Il-Montengro jissodisfa parzjalment il-prijoritajiet ta' konverġenza. Ġiet adottata l-Liġi dwar ix-Xogħol u x-Xogħol tal-Barranin, li tipprevedi permessi tax-xogħol u kwoti għall-forza tax-xogħol u għas-servizzi transkonfinali. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi kompliet tavvanza. Il-qafas istituzzjonali għas-sorveljanza tas-settur finanzjarju bankarju u mhux bankarju kompla jitjieb iżda jeħtieġ tisħiħ ulterjuri. Ġiet adottata strateġija għas-servizzi postali. Regoli ġodda dwar ir-rappurtar kummerċjali u r-rekwiżiti ta' sorveljanza tejbu t-trasparenza tal-kontabbiltà u l-effikaċja tal-verifika. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjui biex jissaħħaħ il-progress f'dawn l-oqsma.

Il-progress fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital inkiseb bl-adozzjoni tal-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tal-Proprjetà u l-Liġi dwar il-Proprjetà tal-Istat. Għadu mhuwiex jingħata trattament ugwali lill-barranin fir-rigward tax-xiri ta' art agrikola, u f'dan ir-rigward il-liġi l-ġdida tipprovdi l-għażla ta' kiri fit-tul.

Il-konverġenza tal- leġiżlazzjoni doganali u fiskali mal- acquis tinsab fit-triq it-tajba. Madanakollu, hija meħtieġa aktar konverġenza fl-oqsma tal-oriġini, it-tranżitu u proċeduri ssimplifikati, l-istimar u d-drittijiet doganali. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indirizzar tal-ekonomija informali għadhom sfidi maġġuri.

Fil-qasam tal- kompetizzjoni , issuktat il-konveġrenza mal- acquis . Huma meħtieġa tisħiħ ulterjuri tal-qafas tal-kompetizzjoni u t-tiġdid tal-kapaċitajiet amministrattivi, speċjalment fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

Fil-qasam tal- akkwist pubbliku , il-Montenegro ssokta bil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal- acquis . Twettqu attivitajiet ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni. Madanakollu, hemm il-ħtieġa ta' aktar konverġenza tal-leġiżlazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva.

Jista' jiġi rrapportat element ta' progress fil-qasam tad- drittijiet ta' proprjetà intellettwali . Il-Liġi l-ġdida dwar il-Privattivi saħħet il-qafas leġiżlattiv. Il-proċedura tar-rikonoxximent tad-drittijiet fil-livell nazzjonali ġiet imtejba. Madanakollu, it-tħejjijiet għadhom fi stadju bikri, u l-kapaċità istituzzjonali u tal-infurzar u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku għandhom jiġu żviluppati aktar.

Il-Montenegro kompla jagħmel progress fil-qasam tal- politika soċjali u x-xogħol . Madanakollu, għadha meħtieġa aktar konverġenza tal-leġiżlazzjoni mal-istandards Ewropej u l-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-politiki soċjali u l-impjiegi, partikolarment għall-implimentazzjoni effettiva ta' leġiżlazzjoni ġdida, teħtieġ titjib. Huma meħtieġa aktar sforzi għat-tisħiħ amministrattiv u l-kapaċità istituzzjonali fil-qasam tal- politika tas-saħħa pubblika .

Sar progress ulterjuri fl-oqsma tal- edukazzjoni u l-kultura . Sar progress tajjeb dwar ir- riċerka , partikolarment dwar it-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u permezz tal-parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Il-Montenegro adotta l-leġiżlazzjoni neċessarja bil-għan li jissieħeb mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Fir-rigward tal- poltiki settorjali , fil-qasam tal- politika industrijali l-Montenegro beda jindirizza l-prijoritajiet ta' konverġenza filwaqt li qiegħed jissodisfahom parzjalment fir-rigward tal- politika tal-SMEs . Huma meħtieġa aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli kummerċjali eżistenti, jitħaffu l-liċenzji u l-permessi , u biex isseħħ l-implimentazzjoni sħiħa ta' miżuri, bħal garanziji ta' kreditu lil SME, inkubaturi u raggrupamenti.

Jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali , kif ukoll fis- sajd , fir-rigward tar-riforma ta' leġiżlazzjoni u l-adozzjoni ta' programmi u strateġiji nazzjonali. Madanakollu, l-implimentazzjoni jeħtieġ li tissaħħaħ. Fir-rigward tas -sikurezza tal-ikel u l-politika veterinarja u fitosanitarja , inkiseb ċertu progress l-aktar fuq it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv, iżda għadha ma ġietx stabbilita sistema integrata dwar is-sikurezza tal-ikel. Il-progress dwar it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru tal-Agrikoltura, il-forestrija u l-Ġestjoni tal-Ilma għadu limitat u jeħtieġ titjib anke bil-għan tat-tħejjija għall-IPARD.

Il-progress fil-qasam tal- ambjent għadu irregolari. Filwaqt li jista' jiġi rraportat progress dwar l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni orizzontali, l-implimentazzjoni u l-infurzar jeħtieġu tisħiħ ulterjuri. L-Aġenzija dwar il-Ħarsien Ambjentali għandha titgħammar bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha. Livelli baxxi ta' ħarsien ambjentali, speċjlament f'żoni mal-kosta u parkijiet nazzjonali, għadhom iqajmu tħassib.

Fir-rigward tal- politika tat-trasport , it-tħejjijiet jinsabu moderatament avvanzati fit-toroq u l-ferrovija iżda għadhom fi stadju bikri fit-trasport bl-ajru u dak marittimu. Il-progress dwar l-aspetti ta' sikurezza tal-modi kollha ta' trasport kien wieħed limitat. Il-Montenegro għandha tiżviluppa strateġija koerenti għall-iżvilupp tas-settur tat-trasport tagħha. Huma meħtieġa sforzi konsiderevoli biex tiġi stabbilita kapaċità amministrattiva xierqa.

Jista' jiġi rraportat ċertu progress fir-rigward tas-setturi tal- enerġija . Ittieħdu passi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija iżda meħtieġa aktar sforzi. Il-promozzjoni tal-użu effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi ta' enerġija li tiġġedded għadhom jingħataw prijorità.

Sar ċertu progress dwar is- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja fejn l-aġenzija għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi postali bdiet twettaq ħidmietha. Madanakollu, għad fadal tħassib dwar l-indipendenza tal-Aġenzija tal-Komunikazzjonijiet elettroniċi u l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġiet imdewma. L-awtoritajiet Montenegrini relevanti għandhom jindirizzaw b'urġenza u jsolvu l-kwistjoni tal-kompetenza u l-proċedura tal-allokazzjoni ta' frekwenzi tax-xandir. F'dan il-qasam il-leġiżlazzjoni u l-prattika għandhom jinġiebu f'konformità ma' standards Ewopej.

It-tħejjijiet tal-montenegro fil- Kontroll Intern tal-Finanzi Pubbliċi (PIFC) u l-verifika esterna jinsabu fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tagħhom. Seħħet l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni bażika dwar il-PIFC. Qegħdin jiżdiedu l-awdituri u l-verifiki Statali kkwalifikati u l-Istituzzjoni Statali tal-Verifika qiegħda tiżviluppa l-kapaċitajiet amministrattivi tagħha.

L-istrateġija tal-gvern bejn l-2009 u l-2012 dwar l- istatistika tagħti rwol ta' koordinazzjoni lill-uffiċċju Montenegrin tal-Istatistika biex jiżviluppa sistema ta' statistika konformi mal-Kodiċi ta' Prattika Ewropew dwar l-Istatistika. Sar progress fl-istatistiċi settorjali u makroekonomiċi, filwaqt li l-progress dwar il-klassifikazzjonijiet u r-reġistri kien wieħed limitat. Il-qafas leġiżlattiv u l-kapaċità amministrattiva jeħtieġu titjib ulterjuri.

Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , il-Montenegro kompla jindirizza sfidi ewlenin. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti biex titwettaq l-implimentazzjoni tar-riformi. Fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Montenegro għamel sforzi sinifikanti fl-oqsma kollha inklużi fil-programm speċifiku. Abbażi tal-progress li nkiseb, f'Lulju tal-2009 l-Kummissjoni pproponiet it-tneħħija tal-obbligu tal-viża minn fuq iċ-ċittadini Montenegrini, fuq kundizzjoni li l-Montenegro jissodisfa l-kriterji pendenti tal-programm qabel ma l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

Inkiseb ċertu progress limitat fil-qasam tal- politika dwar il-viża . Kompliet għaddejja l-implimentazzjoni ta' ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u dwar ir-riammissjoni. Daħlu fis-seħħ Liġi ġdida dwar il-Barranin u Regolament ġdid dwar il-Viża msejsa fuq ir-regoli ta' Schengen. Madanakollu, l-Montenegro għandu jagħmel aktar sforzi biex itejjeb is-sistema tal-viża tiegħu u jġibha konformi mal-istandards Ewropej. Jeħtieġ li l-kapaċitajiet amministrattivi u tekniċi tiegħu għall-ħruġ ta' viżi jiġu msaħħa sostanzjalment.

Fir-rigward tal- ġestjoni tal-fruniteri , il-Montenegro għamel progress tajjeb fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri. L-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri baqgħet għaddejja. Sar ċertu titjib b'rabta mat-tagħmir fil-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera. Madanakollu għadha ma ġietx adottata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kontroll tal-fruntieri tal-Istat, inkluż dwar is-sorveljanza tal-fruntieri. Il-konnessjoni tal-postijiet kollha fejn tinqasam il-fruntiera f'netwerk onlajn b'aċċess għal bażi ta' dejta nazzjonali u tal-Interpol hija ħtieġa li għandha tiġi indirizzata bi prijorità.

Jista' jiġi rrapportat element ta' progress fil-qasam tal- ażil u l-migrazzjoni . Fil-qasam tal- ażil , il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali jinsab kważi kkompletat għalkollox. Madanakollu, għandha tiġi zgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni. Fil-qasam tal- migrazzjoni , ġiet adottata l-leġiżlazzjoni prinċipali. Għadu jrid jinbena ċentru ta' detenzjoni għall-migranti irregolari. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni. Il-kapaċità amministrattiva u l-kooperazzjoni istituzzjonali għandhom jiġu msaħħa. Għandu jiġi indirizzat l-istatus ta' persuni spustati.

Il-Montenegro kompla jagħmel ċertu progress fil-qasam tal- ħasil tal-flus , madanakollu t-tnaqqis fl-għadd ta' investigazzjonijiet u tranżazzjonijiet suspettużi għadu jqajjem tħassib. Huma meħtieġa sforzi ddeterminati biex jittejbu l-kompetenzi u l-kapaċitajiet investigattivi tal-awtoritajiet, partikolarment fl-unità tal-intelligence finanzjarja. Il-ħasil tal-flus għadu jikkawża tħassib serju u huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra din il-problema.

Il-Montenegro għamel ċertu progress fil- politika kontra d-drogi . L-istrateġija u nazzjonali fi tweġiba għad-drogi illegali u l-pjan ta' azzjoni assojċat magħha qegħdin jiġu implimentati. Il-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mad-drogi ġiet imsaħħaħ u żdied il-livell tal-qbid. Madanakollu, it-traffikar tad-drogi minn gruppi kriminali organizzati għadu kwistjoni ta' tħassib serju. Il-Montenegro jeħtieġ li jintensifika l-isforzi tiegħu fil-qasam tal-politika kontra d-drogi.

Jista' jiġi nnutat progress fil-qasam tal-pulzija, permezz tat-tkomplija tar-riforma tal- pulizija u l-ħolqien ta' rekord ta' riżultati pożittivi fil-qasam tal-kontroll intern. Madanakollu, jeħtieġ li l-kapaċità professjonali, it-tagħmir u l-infrastruttura jiġu mtejba aktar.

Il-kapaċità istituzzjonali, legali u amministrattiva fil- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġiet imsaħħa. Madanakollu, il-kriminalità organizzata għadha tqajjem tħassib serju li jolqot l-istat tad-dritt u l-ambjent kummerċjali b'mod negattiv. Il-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni għadhom insuffiċjenti, u jirriżultaw f'kundanni finali rari f'kawżi ta' kriminalità organizzata. It-titjib tar-riżorsi umani u tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji għadhom jiġu indirizzati minnufih. Inkiseb progress tajjeb fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin . Il-Montenegro għadu jintuża l-aktar bħala pajjiż ta' tranżitu. Saru investigazzjonijiet ta' każi dwar it-traffikar ta' bnedmin u ngħataw kundanni f'dan ir-rigward. Huma meħtieġa miżuri ulterjuri biex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet responsabbli biex jiġu identifikati vittmi potenzjali.

Sar ċertu progress fil-qasam tal- protezzjoni ta' dejta personali bl-adozzjoni ta' qafas legali. Madanakollu, il-liġi għadha mhjiex konformi bis-sħiħ mal- acquis u għadha ma ġietx stabbilita awtorità ta' sorveljanza.

Is-Serbja

Is-Serbja għamlet progress fl-issodisfar tal- kriterji politiċi u fl-indirizzar tal-prijoritajiet ewlenin tas-Sħubija Ewropea. Il-gvern wera l-impenn tiegħu li jqarreb lill-pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea billi ħa r-responsabbiltà li jwettaq għadd ta' inizjattivi fosthom l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim. Sar progress fil-kooperazzjoni mat-Tribunal Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) iżda l-akkużati Ratko Mladić u Goran Hadžić għadhom ma nqabdux.

Ittieħdu għadd ta' inizjattivi biex jissaħħu d- demokrazija u l-istat tad-dritt . Madanakollu, huma meħtieġa aktar riformi biex jiġi żgurat li l-qafas kostituzzjonali jiġi implimentat f'konformità ma' standards Ewropej, partikolarment fil-qasam tal-ġudikatura.

Il-Parlament irreveda r-regoli proċedurali u dan wassal għal titjib fil-ħidma tiegħu u fil-proċess leġiżlattiv. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta' Liġi ġdida dwar il-Partiti Politiċi stabbilixxiet regoli aktar ċari u stretti dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti. Madanakollu, il-leġiżlazjzoni dwar l-elezzjoni għadha ma ġietx riveduta biex issir totalment konfomri ma' standards Ewropej. Il-Parlament ma użax biżżejjed is-setgħat ta' sorveljanza tiegħu fuq l-eżekuttiv u l-kapaċità ta' kumitati parlamentari għadha dgħajfa.

Il- gvern wera grad għoli ta' impenn lejn l-integrazzjoni Ewropea u kien attiv fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni f'firxa ta' qosma u fl-implimentazzjoni ta' programm nazzjonali dwar l-integrazzjoi Ewropea. Madanakollu, ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni għall-implimentazzjoni effettiva ta' liġijiet eżistenti u ta' valutazzjonijiet tal-impatt. L-ippjanar tal-gvern jeħtieġ li jissaħħaħ u li jkun żgurat livell akbar ta' koordinazzjoni bejn il-ministeri.

B'mod ġenerali l-kapaċità tal- amministrazzjoni pubblika kienet tajba. L-Uffiċċju Serb dwar l-Integrazzjoni Ewropea qiegħed jopera tajjeb, iżda minkejja dan, jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva dwar l-integrazzjoni Ewropea tal-ministeri kompetenti tiġi msaħħa. Ir-riforma ġenerali saret bil-mod. It-trasparenza, l-imparzjalità professjonali u r-responsabbiltà għandhom jittejbu u għandha tingħata aktar prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jingħata appoġġ lill-ħidma ta' entitajiet indipendenti. L-entitajiet indipendenti u regolatorji jiffunzjonaw relattivament tajjeb, fil-limiti imposti fuqhom minħabba riżorsi limitati.

Sar ċertu progress fir-rigward tal- kontroll ċivili tal-forzi tas-sigurtà , b'involviment akbar mill-kumitat parlamentari għas-sigurtà u d-difiża. Ir-riforma leġiżlattiva għadha ma tlestietx għalkollox.

Fir-rigward tas- sistema ġudizzjarja , ġie adottat pakkett ta' liġijiet, li introduċa riforma wiesgħa tal-ġudikatura u riorganizzazzjoni tas-sistema tal-qorti. Ġew stabbiliti żewġ entitajiet ġodda – il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli u l-Kunsill Statali tal-Prosekuzzjoni. Madanakollu, għad fadal tħassib dwar kif qed issir il-proċedura tal-ħatra għall-imħallfin kollha u dwar ir-riskju li n-nuqqas ta' trasparenza jista' jwassal għall-ippolitiċizzar tas-sistema ġudizzjara għal żmien twil. Il-kawżi pendenti fil-qorti baqgħu na tnaqqsux u l-proċeduri tal-qorti għadhom iridu jiġu ssimplifikati filwaqt li jeħtieġ li tiġi introdotta sistema effiċjenti ta' ġestjoni tal-qorti.

Is-Serbja għamlet ċertu progress fil- ġlieda kontra l-korruzzjoni . L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi wrew impenn ikbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u dan wassal għal għadd ta' arresti ta' diversi individwi suspettati, filwaqt li nfetħu għadd ta' kawżi ta' profil għoli. Il-Parlament eleġġa l-bord eżekuttiv tal-Aġenzija l-ġdida kontra l-Korruzzjoni li ser tibda topera fl-2010. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u għadha problema serja. Is-setturi tal-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni huma setturi partikolarment vulnerabbli. Il-kundanni finali f'każi ta' korruzzjoni huma rari. Jeżistu nuqqasijiet fil-Liġi dwar l-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni filwaqt li s-sorveljanza tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi u ta' każi fejn jista' jkun hemm kunflitt ta' interess hija insuffiċjenti.

Il-qafas legali u istituzzjonali għad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi jinsab fis-seħħ u d-drittijiet ċivili u politiċi huma ġeneralment irrispettati . Madanakollu, il-garanziji kostituzzjonali u legali eżistenti għadhom jiddaħħlu totalment fis-seħħ.

Sar ċertu titjib fil-qasam tal- prevenzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin . L-Ombudsman tal-Istat irrapporta tnaqqis fl-għadd ta' każi ta' trattament ħażin. Madanakollu, xi allegazzjonijiet kontra l-pulizija għadhom ma ġewx investigati bis-sħiħ. Fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, ma sar l-ebda progress fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u fil-ħolqien ta' sistema komprensiva ta' għajnuna legali mingħajr ħlas. Fir-rigward tar-riforma tas- sistema ta' ħabsijiet , ittieħdu l-ewwel passi biex tiġi introdotta sistema ta' sanzjonijiet alternattivi, iżda l-effetti prattiċi ta' dawn il-miżuri kien limitat. L-iffullar ta' priġunieri, il-vjolenza u l-abbuż mid-droga għadhom iqanqlu tħassib.

Ġeneralment, il-libertà tal-espressjoni hija mħarsa taħt il-Kostituzzjoni u d-diskors ta' mibegħda huwa pprojbit. Fil-prattika, kien hemm xi inċidenti li jinvolvu diskors ta' mibegħda, theddid u attakki fiżiċi fuq ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-popolazzjoni liżbjana, gay u transgender (LGBT), u min ikkommetta dawn l-azzjonijiet għadu ma tressaqx quddiem il-ġustizzja. Fir-rigward tal- medja , il-Liġi dwar l-Informazzjoni pubblika ġiet emendata bl-introduzzjoni ta' regolamentazzjoni ulterjuri dwar il-medja. Madanakollu, xi assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza u n-nuqqas ta' konsultazzjoni pubblika qabel l-adozzjoni tal-emendi. Barra minn hekk hemm tħassib dwar il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet ġodda, bħall-pieni ħorox għall-ksur tan-normi professjonali, jistgħu jmorru kontra l-libertà tal-medja. Il-Kostituzzjoni tipprovdi għall- libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni u dawn komplew jissaħħu permezz tal-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet. Ġeneralment dawn il-libertajiet huma mħarsa, madanakollu Pride Parade ppjanata f'Belgrad kellha titħassar fl-aħħar minuta f'Settembru 2009 minħabba theddid ta' vjolenza kontra l-ogranizzaturi u l-parteċipanti minn gruppi estremisti.

Is-soċjetà ċivili għad għandha rwol attiv fil-ħajja soċjali, ekonomika u soċjali tas-Serbja. Il-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet iċċarat l-istatus legali tal-NGOs. L-amministrazzjoni Serba għamlet sforzi biex titjieb il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili iżda jeħtieġ li din tiġi żviluppata aktar.

Hemm garanziji kostituzzjonali fis-seħħ li jippermettu l- libertà tat-twemmin reliġjuż , u d-diskriminazzjoni fuq bażi reliġjuża hija pprojbita. Madanakollu, l-implimentazzjoni fl-2006 tal-Liġi dwar il-Knejjes u l-Komunitajiet Reliġjużi ħolqot effetti diskriminatorji fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-hekk imsejħa "komunitajiet mhux tradizzjonali".

Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar id- drittijiet ekonomiċi u soċjali jinsabu fis-seħħ. Jeħtieġ li ssir aktar enfasi biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni Ġiet adottata strateġija nazzjonali biex tittejjeb il-pożizzjoni tan- nisa u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess hija pprojbita. Madanakollu, għadha ma ġietx adottata liġi speċifika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jeħtieġ li l-ħarsien tan-nisa kontra l-vjolenza tissaħħaħ konsiderevolment. B'rabta mad- drittijiet tat-tfal , ġiet adottata strateġija nazzjonali għall-ħarsien tat-tfal mill-vjolenza. Huma meħtieġa aktar sforzi kkoordinati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta' gruppi u persuni vulnerabbli u biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa. Ġiet adottata Liġi dwar il-Projbizzjoni tad- Diskriminazzjoni li tiżviluppa ulterjorment il-qafas legali għall-ħarsien mid-diskriminazzjoni. Madanakollu, fil-prattika d-diskriminazzjoni għadha ssir, partikolarment kontra gruppi vulnerabbli bħar-Rom, persuni b'diżabbiltà u l-popolazzjoni LGBT.

B'rabta mad- drittijiet ta' proprjetà , in-nuqqas ta' bażi legali ċara dwar ir-restituzzjoni ta' proprjetà għadu jfixkel it-tnedija xierqa tal-proċess.

Il-qafas legali li jipprovdi drittijiet lill-minoranzi u drittijiet kulturali jinsab fis-seħħ. Il-Liġi l-ġdida dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Minoranzi ġiet adottata wkoll. Il-Ministeru għad-Drittijiet Umani u tal-Minoranzi, u kif l-ombudsmen Statli u provinċjali, għandu rwol importanti fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, Minbarra l-Kostituzzjoni, leġiżlazzjoni ġdida kontra d-diskriminazzjoni tipprojbixxi b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni kontra minoranzi etniċi.

Fir-rigward tal- Vojvodina , għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim fil-livell nazzjonali dwar l-adozzjoni ta' Statut ġdid. Intlaħaq ftehim dwar ir-ristrutturar tal-Entità Governattiva ta' Koordinazzjoni għan-nofsinhar tas-Serbja. Madanakollu, is-sitwazzjoni fin-nofsinhar tas-Serbja marret għall-agħar f'Lulju 2009 wara li saru għadd ta' attakki fuq il-ġendarmerija Serba. Is-sitwazzjoni f' Sandžak hija instabbli; għad hemm diviżjonijiet fil-komunità Musulman u kien hemm diversi każi ta' vjolenza.

L-għadd ta' reefuġjati u persuni spustati internament (IDPs) fis-Serbja għadu għoli ferm. Is-sitwazzjoni tal-IDPs għadha diffiċli ferm u huma qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ħafna ostakli fl-eżerċitar tad-drittijiet soċjali tagħhom.

Matul il-Presidenza Serba tad-deċennju dwar ir- Rom , is-Serbja adottat strateġija nazzjonali għat-titjib tal-istatus tar-Rom. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħha. Il-popolazzjoni tar-Rom qed tkompli tħabbat wiċċha ma' kundizzjonijiet diffiċli ħafna u kif ukoll minn diskriminazzjoni ta' sikwit.

Fir-rigward tal- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali s-Serbja kompliet tagħmel progress fil-kooperazzjoni tagħha mal-ICTY. Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'Ġunju 2009, il-Prosekutur Kap tal-ICTY iddikjara li l-awtoritajiet Serbi rrispondew b'mod xieraq u f'waqtu għal talbiet speċifiċi għal għajnuna u li l-kooperazzjoni għandha tissokta u twassal għal aktar riżultati konkreti u pożittivi. Saru għadd ta' operazzjonijiet ta' tfittix, iżda l-akkużati tal-ICTY, Ratko Mladić u Goran Hadžić, għadhom ma nqabdux. Il-kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY tibqa' obbligu internazzjonali u prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea.

Is-Serbja, flimkien mal-ġirien tagħha, għandha tindirizza l-lakuni fl-impunità reġjonali, inkluż billi tieħu passi biex jintlaħqu ftehmiet ta' estradizzjoni li jkopru każi ta' reati tal-gwerra.

Is-Serbja kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Ir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn involuti fil-proċess tat-tkabbir u ma' Stati tal-Unjoni Ewropea ġirien marru għall-aħjar. Madanakollu, huwa meħtieġ progress ulterjuri fis-sejbien ta' soluzzjonijiet definittivi għal diversi kwistjonijiet bilaterali li għadhom miftuħa, partikolarment fir-rigward tal-fruntiera. Madanakollu, il-kooperazzjoni reġjonali ntlaqtet mill-approċċ tas-Serbja fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora internazzjonali.

Is-Serbja tikkontesta d-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo[10] u qiegħda tieħu miżuri legali u diplomatiċi b'rabta ma' dan, inkluż permezz tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ). Il-gvern Serb m'għandu l-ebda kuntatt uffiċjali mal-awtoritajiet tal-Kosovo, u jinsisti li jittratta biss mal-UNMIK u l-EULEX. Il-gvern żamm strutturi paralleli fil-Kosovo u saru elezzjonijiet straordinarji filwaqt li fl-istess ħin, skoraġġew is-Serbi tal-Kosovo milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali organizzati mill-awtoritajiet tal-Kosovo. B'rabta mal-kummerċ, il-gvern Serb ma jirrikonoxxix it-timbri doganali tal-Kosovo li ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea u li huma, skont l-UNMIK, konformi mad-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1244. Ir-rifjut tas-Serbja li jirrikonoxxi t-timbri doganali tal-Kosovo qiegħed iqajjem tħassib serju. Jeħtieġ li s-Serbja u l-Kosovo jsibu soluzzjonijiet prammatiċi biex b'hekk fora reġjonali ewlenin ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom u jinkiseb progress fil-kooperazzjoni u l-iżvilupp reġjonali.

Il-gvern Serb għamel l-ewwel passi lejn il-kooperazzjoni mal-missjoni tal-UE tal-istat tad-dritt (EULEX) iżda dawn l-isforzi għandhom jissaħħu aktar. F'Settembru 2009 l-EULEX u s-Serbja ffirmaw protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-pulizija.

L- ekonomija tas-Serbja tlaqtet b'mod qawwi mill-kriżi ekonomika globali attwali. Ir-ritmu tat-tkabbir naqas sa tmiem l-2008 u l-ekonomija daħlet f'reċessjoni fl-2009. B'riżultat ta' dan, l-istabbiltà makroekonomika ddeterjorat. Barra minn hekk, politiċi espansivi preċedenti u n-nuqqas ta' dixxiplina wasslu għal deterjorazzjoni fiskali sinifikanti.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , is-Serbja għamlet biss progress limitat fil-ħolqien ta' ekonomija tas-suq funzjonanti. Huma meħtieġa aktar sforzi biex is-Serbja tkun tista' tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq tal-UE fuq terminu medju. Jeħtieġ li r-riformi strutturali jiġu aċċelerati.

Il-likwidità tas-sistema bankarja Serba nżammet u l-banek Serbi għandhom biżżejjed kapital u b'mod ġenerali jagħmlu profitti. Fuq in-naħa esterna, l-ekonomija tas-Serbja għaddejja minn proċess ta' aġġustament estern mgħaġġel. Dan huwa rifless fit-tnaqqis sostanzjali fl-iżbilanċ tal-kont kurrenti. Ir-riżervi ta' muniti barranin baqa' stabbli. Inżamm kunsens dwar il-fatturi fundamentali ta' ekonomija tas-suq, iżda l-gvern m'għandux strateġija ta' riforma strutturali fuq terminu medju.

Fi tweġiba għall-kriżi ekonomika li qiegħda tmur għall-agħar, is-Serbja talbet għajnuna mill-FMI u l-UE u qablet li tieħu għadd ta' miżuri fiskali biex tnaqqas in-nefqa globali. Madanakollu, hekk kif il-kriżi aggravat, saret reviżjoni tal-programm tal-FMI. Ma ttieħdux miżuri għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu medju. Il-qafas tal-politika monetarja għall-inflazzjoni għadu diffiċli wisq biex jiġi implimentat u dan qed jhedded il-kredibbiltà tal-bank ċentrali. L-inflazzjoni baqgħet relattivament għolja. Sar ċertu progress fil-privatizzazzjoni ta' kumpaniji kollettivi, iżda mhux dwar il-kumpaniji proprjetà tal-Istat, u b'hekk intlaqat id-dinamiżmu tas-settur privat. Il-qgħad baqa' f'livell għoli ferm. Ir-rekwiżiti amministrattivi eċċessivi għadhom ifixklu d-dħul u l-ħruġ mis-suq. Jeħtieġ li tittejjeb il-prevedibbiltà legali, partikolarment fir-rigward tal-infurzar effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Is-Serbja għamlet progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħha ma' Standards Ewropej filwaqt li bdiet timplimenta l-Ftehim Interim skont id-dispożizzjonijiet u l-iskedi stabbiliti f'dak il-Ftehim. Id-dazji doganali tnaqqsu b'effett mit-30 ta' Jannar 2009, u ttieħdu miżuri relevanti fl-oqsma tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat u t-traffiku ta' tranżitu. Aktar minn hekk, is-Serbja adottat leġiżlazzjoni importanti f'għadd ta' oqsma fosthom l-agrikoltura, l-ambjent, l-impjiegi, il-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Il-kapaċità amministrattiva ttejbet f'oqsma ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Madanakollu, jeħtieġ li s-Serbja tagħmel aktar sforzi biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' leġiżlazzjoni relatata mal-UE.

B'rabta mas- suq intern, is-Serbja għamlet progress tajjeb fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tagħha, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali. Sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-prodotti ; l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità stabbilixxiet il-bażi għal aktar konverġenza mal- acquis . Il-kapaċitajiet istituzzjonali tal-Istitut tal-Istandardizzazzjoni u l-Entità ta' Akkreditazzjoni ġew imtejba u s-Serbja żiedet l-għadd ta' standards Ewropej li ġew adottati. Sar ċertu progress fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-kummerċ elettroniku. Minkejja dan, jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva tkompli tissaħħaħ. Il-leġiżlazzjoni dwar l-akkreditazzjoni u l-metroloġija għadha ma ġietx adottata. Jeħtieġ li s-Serbja żżid l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi sistema ta' sorveljanza tas-suq. Għadha ma ġiet adottata l-ebda leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Is-Serbja għamlet progress moderat fl-oqsma tal- moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment. Sar ċertu progress fir-rigward tal-konverġenza leġiżlattiva fil-qasam tas-servizzi postali. B'rabta mas-servizzi finanzjarji, tħejja programm bil-għan li ssir l-implimentazzjoni tar-regolamenti bankarji ġodda. Madanakollu, għad jonqos għadd ta' liġijiet u oħrajn għadhom mhumiex konformi ma' standards Ewropej, prinċipalment fl-oqsma tar-regolamentazzjoni bankarja. Fil-qasam tal-moviment ħieles tal-kapital, jeħtieġ li s-Serbja tissokta bl-isforzi tagħha biex tilliberalizza bis-sħiħ it-tranżazzjonijiet tal-kont kurrenti u tneħħi r-restrizzjonijiet fuq kreditu fuq żmien qasir u investimenti f'portafoll.

Is-Serbja għamlet progress tajjeb fil-qasam tad- dwana . Il-kapaċità tal-amministrazzjoni doganali tagħha ttejbet filwaqt li ġiet adottata ġabra ta' atti legali sabiex jiġi implimentat il-Ftehim Interim. Madanakollu, hija meħtieġa konverġenza ulterjuri mal-Kodiċi Doganali tal-UE, partikolarment fir-rigward tat-tranżitu u l-analiżi tar-riskju. Is-Serbja ħadet passi biex tkompli tiżviluppa l-qafas leġiżlattiv tagħha fil-qasam tat- tassazzjoni . Il-proċeduri tal-ġbir tat-taxxi tjiebu u dan jgħodd ukoll għall-kapaċitajiet ta' infurzar tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li tjiebu wkoll. Is-Serbja għandha tkompli ttejjeb il-ġbir ta' djun irreġistrati u tissokta bil-konverġenza til-qasam tad-dazji tas-sisa u l-VAT.

Is-Serbja għamlet progress tajjeb fil-qasam tal- kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat billi adottat leġiżlazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni jeħtieġ li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li twettaq analiżi ekonomika. Barra minn hekk, għadha ma ġietx stabbilita indipendenti dwar l-għajnuna mill-Istat.

Is-Serbja għamlet progress tajjeb fil-qasam tal- kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat billi adottat leġiżlazzjoni ġdida. Madanakollu, għadu ma nħatar l-ebda membru tal-Kummissjoni l-ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Offerent Rebbieħ. Is-Serbja ssuktat tagħmel progress fl-infurzar tad- drittijiet ta' proprjetà intellettwali . Il-kapaċità amministrattiva tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali kompliet titjieb. Madanakollu, jeħtieġ li jissolvew il-kwistjonijiet ta' indipendenza finanzjarja filwaqt li l-problema tan-nuqqas ta' mħallfin kompetenti tiġi indirizzata biex jiġi żgurat l-infuzar effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Fil-qasam tal- politika tax-xogħol sar progress tajjeb bl-adozzjoni ta' diversi liġijiet importanti u tal-Istrateġija Nazzjonali għax-Xogħol għall-2009. Ir-rekord tal-implimentazzjoni ta' miżuri dwar ix-xogħol tjieb, iżda jeħtieġ li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ma' politiki oħrajn. Jista' jiġi nnutat ċertu progress fil-qasam tal- politiki soċjali għalkemm jeħtieġ li l-qafas leġiżlattiv jkompli jiġi żviluppat aktar filwaqt li ssir l-implimentazzjoni xierqa ta' leġiżlazzjoni eżistenti. Inkiseb element ta' progress fil-qasam tal- politika tas-saħħa pubblika , l-aktar fir-riforma ts-saħħa primarja u l-prevenzjoni tal-mard. Huma meħtieġa aktar sforzi għall-konverġenza ma' standards Ewropej.

Sar progress fl-oqsma tal- edukazzjoni u l-kultura . Fil-qasam tax- xjenza u r-riċerka u l-innovazzjoni s-Serbja għamlet sforzi importanti fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-parteċipazzjoni fi proġetti taħt is-Seba' Programm Qafas tal-KE għar-riċerka u l-Iżvilupp. Madanakollu, is-Serbja jeħtiġilha tagħmel sforzi sostanzjali biex issaħħaħ il-kapaċità nazzjonali ta' riċerka u biex tiżgura aktar integrazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

It-tħejjijiet tas-Serbja biex tissieħeb mad- WTO huma avvanzati sew u ġew adottati għadd ta' liġijiet li huma kompatibbli mad-WTO.

Fir-rigward ta' politiki settorjali , fl-oqsma tal- industrija u l-SMEs , il-qafas istituzzjonali ġie mtejjeb u s-Serbja bdiet timplimenta l-għanijiet ta' strateġija tal-SME. Madanakollu, għadha ma ġietx adotta strateġija ta' politika tal-industrija konformi mal-approċċ tal-UE.

Sar progress fil-konverġenza mal- acquis fl-oqsma tal- agrikoltura u l- iżvilupp rurali bl-adozzjoni tal-liġijiet qafas importanti. Dan jgħodd ukoll għas-sikurezza tal-ikel, madanakollu ftit li xejn sar progress dwar it-tiġdid tal-istabbiliment tal-ikel u ta' stabbilimenti relatati mal-ikel. Sar ċertu progress fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji iżda sar biss progress limitat fit-tiġdid ta' laboratorji għall-kontroll tas-sikurezza tal-katina tal-ikel.

Is-Serbja għamlet progress tajjeb fil-qasam tal- ambjent , notevolment bl-adozzjoni ta' pakkett kbir ta' liġijiet u bir-ratifika ta' konvenzjonijiet internazzjonali. Madanakollu l-kapaċità istituzzjonali u r-riżorsi tekniċi u umani għadhom dgħajfa, speċjalment fil-livell lokali. Jeħtieġ li jiġu investiti aktar sforzi fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni relatata mal-ilma u l-bini ta' kapaċitajiet ambjentali inġenerali.

Fil-qasam tat- trasport , ġiet adottata Liġi ġdida dwar is-Sikurezza fit-Toroq u n-nollijiet tat-toroq għal vetturi domestiċi u barranin ġew armonizzati. Il-Ftehim taż-Żona tal-Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA), il-Konvenzjoni ta' Montreal u l-Ftehim Orizzontali dwar Ċerti Aspetti tas-Servizzi tal-Ajru ġew ratifikati. Madanakollu, inqalgħu problemi dwar il-konformità tas-Serbja mal-obbligi ta' aċċess għas-suq skont l-ECAA. B'mod aktar ġenerali, huma meħtieġa aktar sforzi għall-implimentazzjoni tal-ewwl fażi tranżitorja tal-ECAA u għat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-Ministeru tal-Infrastruttura u d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili. It-trasport ferrovjarju jeħtieġ ristrutturar maġġuri.

Is-Serbja għamlet ċertu progress fis- settur tal-enerġija . Huma meħtieġa aktar sforzi għall-konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija, u sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti rigward l-aspetti ambjentali fis-settur tal-enerġija u s-sikurezza nukleari. B'rabta mas-sigurtà tal-provvista, sar ċertu progress fir-rigward taż-żieda tar-riżervi tal-gass, iżda l-interkonnessjonijiet ta' gass naturali bejn is-Serbja u pajjiżi oħrajn tar-reġjun għadhom limitati.

Fl-oqsma tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja , sar progress permezz tal-adozzjoni ta' diversi liġijiet. Is-Serbja rratifikat ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Televiżjoni bejn Fruntiera u oħra. Il-kapaċità istituzzjonali u regolatorja għadha limitata u progress jiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Sar progress fil-qasam tal- kontroll finanzjarju. Il-gvern adotta dokument ta' politika komprensiv dwar il-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi (PIFC). Il-Liġi dwar is-Sistema tal-Baġit, li tinkludi wkoll il-bażi legali għall-PIFC, iddaħħlet fis-seħħ. Madanakollu, it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta' sistema moderna u effettiva ta' kontroll finanzjarju pubbliku għadhom fi stadju bikri. L-Istituzzjoni Statali tal-Verifika li ġiet stabbilita dan l-aħħar għadha mhijiex operattiva.

Ġiet adottata strateġija ta' żvilupp ġdida għall- istatistika . Ġie rrapportat progress ukoll fil-qasam tal-istatistika settorjali bit-tħejjija u t-twettiq ta' stħarriġ u ċensimenti. Madanakollu, is-Serbja għad trid tagħmel aktar sforzi għall-ħolqien ta' reġistru kummerċjali operattiv bis-sħiħ u għat-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva.

Sar progress sinifikanti fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Baqgħet għaddejja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u dwar ir-riammissjoni bejn is-Serbja u l-Komunità Ewropea. Is-Serbja għamlet sforzi sinifikanti fl-oqsma kollha tal-programm tal-liberalizzazzjoni tal-viża, partikolarment dwar l-introduzzjoni ta' passaporti bijometriċi ġodda. Abbażi tal-progress tas-Serbja, f'Lulju tal-2009 l-Kummissjoni pproponiet it-tneħħija tal-obbligu tal-viża minn fuq iċ-ċittadini Serbi, fuq kundizzjoni li s-Serbja tissodisfa l-kriterji pendenti qabel ma l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu.[11]

Inbdiet l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il- kontroll tal-fruntieri , iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jittejbu l-istandards tekniċi u t-tagħmir ta' ċerti postijiet fejn tinqasam il-fruntiera u l-kontroll tal-fruntiera mal-Kosovo.

Is-Serbja għamlet ftit progress fil-qasam tal- ażil . Minkejja xi dgħufijiet, fil-biċċa l-kbira tagħhom il-proċeduri tal-ażil huma sodisfaċenti. Madanakollu, ftit li xejn sar ippjanar bil-quddiem biex tiġi indirizzata ż-żieda potenzjali fl-għadd ta' applikazzjonijiet u ma teżisti l-ebda entità ta' koordinazzjoni għall-integrazzjoni ta' dawk li jfittxu ażil. Sar progress tajjeb fil-qasam tal- migrazzjoni bl-adozzjoni tal-istrateġija ta' ġestjoni tal-migrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Barranin. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-implimentazzjoni ta' strateġiji li ġew adottati dan l-aħħar u biex jittejjeb il-monitoraġġ tal-flussi migratorji.

Il-ħasil tal-flus għadu qasam li jqajjem tħassib. Ġiet adottata l-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar ta' Terroristi. Madanakollu, ir-rapporti dwar tranżazzjonijiet dubbjużi huma limititi l-aktar għas-settur bankarju u l-għadd ta' investigazzjonijiet u kundanni f'kawżi ta' ħasil ta' flus għadu baxx.

Is-Serbja hija pajjiżi ta' tranżitu maġġuri għall-kuntrabandu ta' drogi lejn l-Ewropa. Ġiet adottata strateġija għall-ġlieda kontra d-droga u kif ukoll pjan ta' azzjoni. L-awtoritajiet tal-infurzar qabdu ammont kbir ta' drogi. Madanakollu, it-traffikar ta' drogi mis-Serbja għadu jqajjem budji serji.

Inkiseb ċertu progress b'rabta mar- riforma tal-pulizija. Il-bini ta' kapaċità u t-taħriġ żdiedu u żdiedet ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali u dik nazzjonali. Madanakollu, jeħtieġ li l-ippjanar strateġiku u l-kontroll intern jiġu mtejba. Ġiet adottata strateġija nazzjonali fil-ġlieda kontra l- kriminalità organizzata . Ittieħdu l-ewwel passi biex jittejjeb il-qafas istituzzjonali u legali għal investigazzjonijiet finanzjarji u l-qbid ta' assi. Madanakollu, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' Kodiċi ta' Proċedura Kriminali rivedut ġdid komplew jiddewmu. Il-kapaċitajiet investigattivi għadhom dgħajfa, u dan wassal għal għadd anqas ta' kundanni f'dan il-qasam. Huma meħtieġa aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li għadha tikkawża tħassib serju.

Is-Serbja għamlet ċertu progress fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin . Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-traffikar ta' bnedmin ġiet ratifikata u ġie adottat pjan ta' azzjoni. Il-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati, fosthom NGOs, fil-ġlieda kontra t-traffikar ġiet imtejba. Madanakollu, l-għadd ta' kundanni finali f'dan il-qasam għadu baxx, filwaqt li l-perċentwal ta' vittmi minorenni kompla jikber.

Sar element ta' progress dwar il-ħolqien ta' qafas legali u istituzzjonali għall- protezzjoni ta' dejta personali . Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi għal konverġenza sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti ma' standards Ewropej u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet relevanti.

Il-Kosovo

Il-Kosovo għamel ċertu progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea, partikolarment permezz tat-tisħiħ tal-qafas legali tiegħu fir-rigward tal- kriterji politiċi . Il-prijorità li jmiss hija dik tal-implimentazzjoni. Fit-tieni sena wara d-dikjarazzjoni ta' indipendenza, l-istituzzjonijiet tal-Kosovo jinsabu fis-seħħ u jaqdu dmirijiethom f'kooperazzjoni mal-organizzazzjoni internazzjonali relevanti. Madanakollu, il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika u tal-assemblea teħtieġ li tissaħħaħ b'mod partikolari. Huma meħtieġa sforzi dwar ir-riforma tal-ġudikatura u biex tingħata spinta fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. Il-kooperazzjoni fil-prattika mal-missjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt (EULEX) mhix fl-istess livell tal-impenji politiċi li ttieħdu u jeħtieġ li tittejjeb f'għadd ta' oqsma fi ħdan il-mandat tagħha.

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Kosovo hija stabbli iżda fraġli. Seħħu għadd ta' inċidenti, fosthom vandaliżmu fuq proprjetà tal-EULEX. B'mod ġenerali, l-ordni pubbliku nżamm b'suċċesss. L-awtoritajiet tal-Kosovo ma jeżerċitawx kontroll sħiħ fit-territorju kollu tal-Kosovo, partikolarment fit-tramuntana tal-pajjiż. Għadhom jiġu operati strutturi paralleli u dan l-aħħar saru elezzjonijiet muniċipali straodinarji paralleli. Jeħtieġ li l-gvern tal-Kosovo jintegra aħjar il-komunitajiet kollha, partikolarment is-Serbi tal-Kosovo, u li jikkonsolida l-istat tad-dritt, bl-appoġġ tal-EULEX. Il-Komunità Serba fil-Kosovo għandha timpenja ruħha b'mod aktar kostruttiv fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo biex jittejbu l-benefiċċji tal-appoġġ tal-UE u tal-perspettiva Ewropea. L-elezzjonijiet ġenerali u d-deċentralizzazzjoni estiża li ġejjin ser ikunu ta' relevana partikolari f'dan il-kuntest. L-għajnuna minn Belgrad hija mistennija f'dan ir-rigward. Sforzi akbar ta' rikonċiljazzjoni jikkontribwixxi għat-titjib tal-istabbiltà fir-reġjun u għall-iżvilupp soċjoekonomiku.

Fir-rigward tad- demokrazija u l-istat tad-dritt , l-awtoritajiet tal-Kosovo rrispettaw il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali fil-ħidma tagħhom. Madanakollu, sar biss progress limitat fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Kosovo.

Fl-2009 ġie adottat il-pjan ta' ħidma annwali tal- assemblea li huma konformi mal-istrateġija leġiżlattiva tal-gvern. Madanakollu, il-kapaċità tal-assemblea li tagħmel skrutinju tal-abbozzi ta' leġiżlazzjoni u ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha għadhom dgħajfa. Il-kontroll parlamentari fuq l-eżekuttiv huwa limitat. B'mod partikolari, il-kapaċità tal-Kumitat dwar l-Integrazzjoni Ewropea li jissorvelja l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni kompatibbli mal-istandards tal-UE jeħtieġ li tittejjeb.

L-istrutturi prinċipali tal- gvern jinsabu fis-seħħ u l-istabbiltà politika fil-Kosovo nżammet b'suċċess. Jista' jiġi nnutat ċertu progress fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni tal-gvern lokali. F'Awwissu ġie adottat Pjan ta' Azzjoni rivedut u mtejjeb dwar Sħubija Ewropea. Issa l-Kosovo għandu jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ulterjuri tiegħu. Il-koordinazzjoni bejn il-ministeri għall-progress tal-aġenda ta' riforma Ewropea għall-Kosovo għadha dgħajfa. L-istrutturi ta' amministrazzjoni effettiva f'dan il-qasam huma essenzjali għat-twettiq tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo. L-Aġenzija għall-Koordinazzjoni tal-Iżvilupp u l-Integrazzjoni Ewropea saħħet il-kapaċità ta' koordinazzjoni tagħha, iżda jonqosha appoġġ politiku ta' livell għoli li jmexxi l-proċess erali ta' integrazzjoni Ewropea 'l quddiem.

Inkiseb ċertu progress fil-qasam tar- riforma tal-amministrazzjoni pubblika . L-analiżi tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fl-amministrazzjoni pubblika tlestiet u r-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati fil-maġġoranza tagħhom. Madanakollu, għadhom iridu jiġu adottati ċeerti atti legali prinċipali. L-indħil politiku fis-servizz ċivili u fil-proċess tal-ħatriet pubbliċi għadu jqajjem tħassib. Huma meħtieġa sforzi kostanti għat-tisħiħ tal-kapaċità mal-amministrazzjoni pubblika kollha tal-Kosovo u għall-ħolqien ta' qafas għal servizzi ċivili professjonali, responsabbli, indipendenti u bbażat fuq il-mertu kapaċi li jimplimenta b'mod effettiv il-politiki tal-gvern. Jeħtieġ li l-uffiċċju tal-Ombudsman jiġi msaħħaħ aktar. L-amministrazzjoni pubblika fil-Kosovo għadha dgħajfa.

Sar progress limitat fir-rigward tas- sistema ġudizzjarja . Il-proċess ta' riforma għadu fi stadju bikri. Il-Qorti Kostituzzjonali ġiet stabbilita u nħatru l-membri tagħha. Is-sistema informatika ġdida tal-qorti beda jopera f'bosta mill-qrati. Il-qorti f'Mitrovica reġgħet infetħet għal kważi kriminali, bl-appoġġ tal-EULEX. Saret il-ħatra tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo. Inkiseb ċertu progress fir-rigward tal-qtugħ ta' sentenzi f' kawżi ta' reati tal-gwerra.

Madanakollu, huma meħtieġa sforzi maġġuri biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura fil-Kosovo. Hemm għadd konsiderevoli ta' kawżi pendenti, relatati kemm mal-ġustizzja ċivili u kif ukoll ma' dik kriminali. Ma għad hemm fis-seħħ l-ebda mekkaniżmu effettiv għal proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin. Jeħtieġ li l-gvern u l-komunità Serba tal-Kosovo jagħmlu sforzi kostruttuvi biex jiżguraw li dawn tal-aħħar jintegraw fis-sistema ġudizzjarja. Il-ġudikatura tal-Kosovo għadha dgħajfa u ineffiċjenti. L-istat tad-dritt ma huwiex effettiv madwar il-Kosovo kollu, speċjalment fit-tramuntana tal-pajjiż.

L-aġenzija ta' kontra l-korruzzjoni hija operattiva u saħħet il-kapaċità tagħha, iżda s-setgħat tagħha huma limitati. Minkejja ċerti miżuri li ttieħdu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u hija problema partikolarment serja. Il-qafas leġiżlattiv f'dan il-qasam għadu mhuwiex komplut. Ma teżisti l-ebda liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi. L-aġenzija u l-pjan ta' azzjoni ta' kontra l-korruzzjoni għadhom ma ġewx adottati. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-atturi involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni tittejjeb b'mod sinifikanti. Jeħtieġ li tiġi garantita l-indipendenza tal-aġenzija involuta fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kosovo jeħtieġ li jiżviluppa rekord ta' investigazjonijiet, ħruġ ta' akkużi, prosekuzzjonijiet u kundanni f'kawżi ta' korruzzjoni.

Il-kostituzzjoni tiggarantixxi d- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi u telenka l-ftehimiet u l-istrumenti internazzjonali ewlenin li huma direttament applikabbli fil-Kosovo. Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet jitħarsu fil-prattika, inkluż passi ddeterminati għall-integrazzjoni tal-komunitajiet kollha fil-Kosovo.

Ir-retiċenza tal-komunità Serba fil-Kosovo, partikolarment fit-tramuntana, li tipparteċipa fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo hija ostaklu maġġuri. Huma meħtieġa sforzi kostanti biex din tiġi indirizzata kemm mill-gvern u kif ukoll mill-komunità Serba fil-Kosovo. Huwa meħtieġ ukoll approċċ aktar kostruttiv min-naħa tas-Serbja.

Sar progress limitat fir-rigward tad- drittijiet ċivili u politiċi . Fir-rigward tal- aċċess għall-ġustizzja , is-sistema ta' għajnuna legali qiegħda tiffunzjona, iżda tirrekjedi li tissaħħaħ aktar. Sar ċertu progress fir-rigward tal-ħabsijiet u faċilitajiet korrettivi oħrajn. Madanakollu, għad hemm għadd ta' sfidi, prinċipalment fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni ta' dawk li jwettqu reati li jkunu jew ibatu minn problemi ta' saħħa mentali jew ikunu minorenni, u l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid wara li jinħelsu. Sar progress limitat fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin u l-ġlieda kontra l-impunità.

Il-libertà tal-espressjoni għadha mhijiex garantita fil-prattika. Kien hemm każi ta' indħil politiku fil-ħidma tal-medja. Il-qafas legali fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea komplew jiġu żviluppati.

Jeħieġ li s- soċjetà ċivili tiġi integrata aħjar fit-tfassil u l-fl-implimentazzjoni tal-politika. Sar progress ulterjuri b'rabta mal- libertà tat-twemmin reliġjuż , prinċipalment f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikostruzzjoni ta' siti reliġjużi. Għad fadal xi jsir għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet reliġjużi differenti. Ma hemm l-ebda liġi dwar il- persuni nieqsa . Jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kumpens għall-familji ta' persuni nieqsa.

Id-drittijiet ekonomiċi u soċjali mhumiex garantiti bis-sħiħ. Il-protezzjoni tan- nisa kontra kull forma ta' vjolenza għandha tissaħħaħ konsiderevolment. It-traffikar u t-tħaddim tat-tfal għadhom jikkawżaw tħassib. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu garantiti d- drittijiet tat-tfal . Il-gvern adotta pjan ta' azzjoni għall-persuni b'diżabbiltà. Madanakollu, l-integrazzjoni u l-protezzjoni ta' gruppi soċjalment vulnerabbli u ta' persuni b'diżabbiltajiet mhumiex żgurati bis-sħiħ. Id-disrkiminazzjoni għadha kwistjoni li tikkawża tħassib u jeħtieġ li l-gvern jorganizza aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni. Il-liġijiet u l-istrateġiji jinsabu fis-seħħ iżda l-implimentazzjoni tagħhom hija dgħajfa. Il-qafas istituzzjonali u legali fil-qasam tad- drittijiet ta' proprjetà ġie msaħħaħ. L-inkapaċità tal-awtoritajiet li jimplimentaw id-deċiżjonijiet tagħhom madwar il-Kosovo għadha tfixkel il-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà. Is-sigurtà tal-proprjetà reliġjuża hija ġeneralment żgurata.

Fir-rigward tad- drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet kulturali u l-protezzjoni tal-minoranzi , il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprovdi għal ambjent protettivi ferm għad-drittijiet tal-minoranzi u tad-drittijiet kulturali. Madanakollu, dawn mhumiex garantiti b'mod xieraq fil-prattika. Ftit li xejn sar progress fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. Din hija sfida maġġuri għall-awtoritajiet. L-għadd ta' ritorni volontarji ta' refuġjati u persuni spustati internament għadu baxx. Għadha ma nstabitx soluzzjoni għal tilwim dwar art ikkontestata bejn xi muniċipalitajiet u l-Knisja Ortodossa Serba.

Il-minoranzi Rom, Ashkali u Eġizzjani qed ikompli jħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u kif ukoll minn diskriminazzjoni frekwenti. Huma meħtieġa sforzi urġenti għar-rilokazzjoni ta' familji rom li qegħdin jgħixu f'kundizzjonijiet perikolużi u inaċċettabbli f'żoni mniġġsa biċ-ċomb fit-tramuntana tal-Kosovo. L-awtoritajiet għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jilħqu l-minornazi kollha u biex jiżguraw il-protezzjoni u l-integrazzjoni tagħhom.

Rigward il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , matul il-perjodu ta' rappurtar il-Kosovo ssokta l-kooperazzjoni tiegħu mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). L-UE tkompli tenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali għandha tkun inklużiva sabiex tirnexxi u jiddispjaċiha li n-nuqqas ta' ftehim dwar il-manjiera tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora reġjonali rriżulta fin-nuqqas ta' preżenza tal-Kosovo f'avvenimenti reġjonali ewlenin. Il-Kosovo adotta timbri doganali ġodda, li ġew innotifikati lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissjoni Ewropea u lill-imsieħba fl-EFTA b'mod konformi mal-UNSCR 1244/99. Is-Serbja ma rrikonoxxietx il-validità ta' dawn it-timbri, u qed tqajjem dubji dwar il-validità tagħhom mal-UNSCR 1244/99. Jeħtieġ li l-Kosovo u s-Serbja jsibu soluzzjonijiet prammatiċi biex b'hekk fora reġjonali ewlenin ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp reġjonali.

Sa issa l- ekonomija tal-Kosovo ntlaqtet b'mod moderat mill-kriżi globali. Il-PGD kompla jikber, għalkemm dan sar minn bażi baxxa ferm, iżda l-livell tal-qgħad għadu għoli. L-inflazzjoni għolja nbidlet f'deflazzjoni, wara tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet. L-iżvilupp ekonomiku għadu mfixkel serjament minn dgħufija fl-istat tad-dritt, kapaċità ta' produzzjoni limitata u ftit li xejn diversifikata, u infrastruttura tat-trasport u l-enerġija dgħajfa. Il-politiki fiskali huma kkaratterizzati minn domanda ad-hoc u nuqqas ta' konnessjoni sistemika mal-qafas ta' politika fuq terminu medju. L-istabbiltà tal-provvista tal-enerġija tjiebet, u dan żied l-ispejjeż ta' sussidji mill-baġit.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Kosovo ftit li xejn għamel progress fil-ħolqien ta' ekonomija tas-suq funzjonanti. Għandhom isiru riformi u investimenti konsiderevoli biex il-pajjiż ikun jista' jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjodu twil ta' żmien.

Inżamm kunsens wiesa' dwar il-politiki ta' suq ħieles. L-użu tal-euro, in-nuqqas ta' ammonti sinfikanti ta' dejn estern u l-livell baxx ħafna ta' esportazzjonijiet ħarsu lill-ekonomija mill-effetti negattivi tar-reċessjoni globali. Is-settur bankarju baqa' sod, baqa' jagħmel profitt u b'aċċess tajjeb għal kapital. It-tkabbir ekonomiku tmexxa minn espansjoni kontinwa tal-kreditu u minn livelli akbar ta' għajnuna barranija. Wara bilanċ favorevoli sinifikanti fis-sena ta' qabel, il-baġit tal-2008 rreġistra żbilanċ żgħir. Id-dħul fiskali żdied ftit. F'Ġunju, il-Kosovo ssieħeb mal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji.

Madanakollu, l-iżbilanċ kumerċjali li diġà kien kbir kompla jikber, prinċipalment minħabba l-importazzjonijiet sostanzjali ta' makkinarju u tagħmir tat-trasport għal programm maġġuri ta' kostruzzjoni ta' toroq. Kemm il-kont fiskali u kif ukoll dak estern saru anqas sostenibbli milli kienu, l-aktar b'riżultat ta' ppjanar ta' politika u implimentazzjoni dgħajfa. L-esportazzjonijiet naqsu drastikament fl-2009, minn bażi li diġà kienet baxxa ħafna, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika. L-istatistiki ekonomiċi għadhom inadegwati. Il-valur tal-finanzi baqa' għoli, hekk kif il-banek baqgħu jagħtu self kummerċjali bi primjums ta' riskju għoli. Is-sussidji u t-trasferimenti baġitarji żdiedu. Id-dgħufija tal-istat tad-dritt, il-korruzzjoni, mifruxa f'ħafna oqsma, u l-inċertezza dwar drittijiet ta' proprjetà baqgħu l-impedimenti maġġuri tal-iżvilupp ekonomiku. Il-qgħad għadu għoli ħafna. Ftit li xejn sar progress lejn aktar integrazzjoni tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ tal-Kosovo fis-suq tax-xogħol. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Il-progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Kosovo ma' standards Ewropej għadu mħallat. Il-qafas legali ġie żviluppat aktar fl-oqsma tad-dwana, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni u l-pulizija. L-approssimazzjoni tinsab fi stadju bikri fir-rigward tal-ambjent, il-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali u l-moviment ħieles ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital. L-implimentazzjoni ta' standards Ewropej għadu limitat għall-oqsma tal-kontroll finanzjarju u l-istatistika, il-protezzjoni tad-dejta u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata.

Fil-qasam tas- suq intern tal-UE, inkiseb progress dwar il- moviment ħieles tal-prodotti. Madanakollu, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' prattiki u leġiżlazzjoni Ewropej tinsab fi stadju bikri ferm. Il-kapaċità amministrattiva għadha dgħajfa Iil-konverġenza fl-oqsma tal- moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment hija insuffiċjenti . Huma meħtieġa sforzi kostanti għall-progress fil- moviment ħieles tal-kapital , prinċipalment għat-tisħiħ tar-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju.

Id-dħul mid- dwana żdied b'riżultat tat-titjib fl-effikaċja tal-amministrazzjoni tad-dwana. Ġie adottat il-Kodiċi Doganli u tas-Sisa. Id-dispożizzjonijiet legali dwar id-dwana huma kompatibbli ma' standards Ewropej. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva għandha tissaħħaħ aktar filwaqt li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadnha tiġi intensifikata fil-qasam tad-dwana. Id-dazji doganali fit-tramunatana tal-Kosovo għadhom ma jinġabrux. L-uffiċjali doganali tal-EULEX jissorveljaw iż-żewġ postijiet ta' dħul fit-tramuntana, u dan naqqas l-attività ta' kuntrabandu hemmhekk. Il-qafas legali fir-rigward tat- tassazzjoni kompla jiġi żviluppat u daħlu fis-seħħ rati tat-taxxa aktar baxxi. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva f'dan il-qasam biex jitnaqqas id-daqs tal-ekonomija informali.

L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l- akkwist pubbliku tlestiet fil-parti l-kbira tagħha u ġiet stabbilita l-Entità tal-analiżi tal-Akkwisti. Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-liġi fil-prattika għadha tagħti lok għal tħassib. Jeħtieġ li l-awtoritajiet jinvestigaw b'mod effettiv ta' każi ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' kuntratt ta' akkwisti jeħtieġ li jissaħħaħ ulterjorment. L-uffiċjali responsabbli mill-akkwist fil-Kosovo għadhom vulnerabbli għal indħil u intimidazzjoni.

Ma teżisti l-ebda strateġija dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali . Il-mekkaniżmi ta' infurzar għad-drittijiet industrijali, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huma dgħajfa. Ġiet stabbilita Kummissjoni dwar il- Kompetizzjoni u din investigat każi ta' allegat ksur ta' regoli tal-kompetizzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni tal-Kosovo mhix allinjata bis-sħiħ mal-istandards Ewropej.

Jeħtieġ li l-awtoritajiet jissimplifikaw id-diversi strateġiji li jindirizzaw ix- xogħol u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u fil-qasam tas-servizzi soċjali jeħtieġ li tittejjeb. Fis- settur tas-saħħa pubblika , il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali jeħtieġ li tissaħħaħ biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Ftit li xejn jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tad- djalogu soċjali . Il-konverġenza mal-istandards Ewropej fir-rigward tal- edukazzjoni għadha għaddejja. Madanakollu, ir-riforma istituzzjonali f'dan il-qasam għadha tlestietx u jeħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet ta' politika jiġu tradotti fil-prattika. Fil-qasam tar- riċerka , l-awtoritajiet qegħdin jieħdu inizjattivi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-UE, bħall-ħatra tal-koordinatur tal-Kosovo għas-Seba' Programm Qafas.

Fir-rigward tal- politiki settorjali , il-qafas istituzzjonali u legali fil-qasam tal-industrija u l-SMEs għadu ma tlestiex għalkollox. Saru sforzi fl-agrikoltura, b'xi progress fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-art u d-diversifikazzjoni tal-irziezet. Madanakollu, il-kapaċità għall-implimentazzjoni tal-politiki hija insuffiċjenti. Ġew adottati għadd ta' liġijiet fil-qafas ambjentali. Huma meħtieġa sforzi maġġuri biex dawn jiġu implimentati u biex jintlaħqu l-istandards ambjentali tal-UE.

Fit-trasport, il-Kosovo beda programm maġġuri ta' bini ta' toroq, li jikkuntrasta mal-livelli baxxi ta' investiment fis-settur ferrovjarju. Il-Kosovo għadu jipparteċipa b'mod attiv fin-Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk u fl-Ossevatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa. Madanakollu, fil-qasam tal-avjazzjoni ġiet adottata leġiżlazzjoni li mhijiex kompatibbli mal-istandards Ewropej. Il-bord tar-regolatur ferrovjarju għadu ma nħatarx. Il-bord tar-regolatur tal-avjazzjoni nħatar, iżda għadu ma bediex il-ħidma tiegħu.

Għadhom iridu jiġu adottati diversi liġijiet importanti fis-settur tal-enerġija, li għadu jiffaċċja problemi serji. Il-qtugħ tal-elettriku għadu jiġri sikwit. It-telf kontinwu u l-livelli baxxi ta' ġbir ta' kontijiet, minkejja li sar xi titjib, jillimitaw il-vjabbiltà finanzjarja tas-settur. Il-gvern ħa deċiżjoni li jibni impjant ġdid tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li taħdem bil-lignite, u li ser ikollha tirrispetta l-istandards Ewropej. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fl-Kosovo għadu jħabbat wiċċu ma' diffikultajiet biex jipparteċipa bħala sieħeb sħiħ f'mekkaniżmi kummerċjali reġjonali.

Fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-mejda, huma meħtieġa aktar sforzi għall-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u strateġiji eżistenti. Il-kapaċità amministrattiva u finanzjarja u l-indipendenza politika tal-awtoritajiet regolatorji, bħall-Aġenzija Regolatorja tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Kummissjoni Indipendenti tal-Medja, jirrekjedu tisħiħ ulterjuri. Jeħtieġ li ssir il-ħatra tal-bord tax-xandar tas-servizz pubbliku.

Jista' jiġi rraportat progress limitat rigward tal-kontroll finanzjarju u tal-istatistika. Huma meħtieġa sforzi kontinwi għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' verfika interna u esterna. L-infrastruttura tal-istatistika għadha dgħajfa.

Sar progress limitat fir-rigward tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-aġenziji relevanti fil-qasam tal- ġestjoni tal-fruntieri . Madanakollu, il-fruntieri għadhom porużi, u r-riżorsi tal-pulizija u l-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-fruntiera jeħtieġu tisħiħ. Il-kapaċità tal-Kosovo li twettaq ħidma fuq l-applikazzjonijiet ta' azil għadha limitata. Ir-riintegrazzjoni ta' persuni li jirritornaw lejn il-pajjiż għadha limitata. Jeħtieġ li jiġi żviluppat qafas ta' riammissjoni adegwat.

Il-kapaċità tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi li jindirizzaw il-kwistjoni tal- ħasil tal-flus għadha dgħajfa. Il-ħasil tal-flus mhuwiex definit bħala reat fil-leġiżlazzjoni relevanti. Il-qafas leġiżlattiv eżistenti għadu inadegwat u mhuwiex qed jiġi implimentat bis-sħiħ. Ma hemm l-ebda struttura permanenti li tikkoordina dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rappurtar liċ-Ċentru ta' Intelligence Finanzjarja huwa limitat. Il-kooperazzjoni bejn dan iċ-Ċentru u l-awtorità fiskali għadha insuffiċjenti.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien hemm żieda fil-kwantitajiet ta' drigi maqbuda, fl-għadd ta' każi investigati u fl-għadd ta' persuni arrestati u jinbdew proċeduri kriminali kontrihom. Il-Kosovo adotta strateġija u pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t- traffikar tad-drogi. Madanakollu, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi f'dan il-qasam għadu dgħajjef. Il-ħżin sikur tad-drogi maqbuda għadu mhuwiex żgurat bis-sħiħ. B'mod ġenerali, it-traffikar tad-drogi għadu jqanqal tħassib serju.

Il-qafas leġiżlattiv bażiku dwar il- pulizija jinsab fis-seħħ. Il-funzjonijiet tal-ordni pubblika ġew żgurati fil-biċċa l-kbira tagħhom. Il-parti l-kbira mill-uffiċjali tal-pulizija mill-komunità Serba tal-Kosovo min-nofsinhar tax-xmara Iber, li kienu ħallew is-servizz wara d-dikjarazzjoni ta' indipendenza, irritornaw lejn l-istazzjonijiet tagħhom. Madanakollu, seħħu għadd ta' inċidenti vjolenti, fosthom vandaliżmu mmirat fuq proprjetà tal-EULEX. In-nuqqas ta' unità ta' pulizija tal-ordni pubbliku multietnika fir-reġjun ta' Mitrovica jnaqqas il-kapaċità tal-pulizija li tittratta kull diżordni pubbliku li jseħħ fit-tramuntana. Id-deskrizzjonijiet ta' xogħol tal-uffiċjali tal-pulizija f'karigi għolja ta' ġestjoni, li wieħed minnhom huwa Serb tal-Kożovo, ġew imdewma. Jeżistu nuqqasijiet serji fir-rigward tal-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u intelligence li jsiru mill-pulizija. Ma hemm l-ebda strateġija għall-ġbir ta' armi mingħand il-popolazzjoni ċivili. Is-sigurtà tal-evidenza tal-pulizija għadha mhijiex żgurata bis-sħiħ. Huma meħtieġ progress ulterjuri fl-għoti ta' aċċess lill-EULEX għal bażijiet ta' dejta ewlenin biex ikunu jistgħu jiwettqu investigazzjonijiet tal-EULEX b'mod effettiv taħt il-mandat eżekuttiv tal-missjoni.

Il-kriminalità organizzata għadha tqajjem tħassib serju u tolqot l-istat tad-dritt u l-ambjent kummerċjali b'mod negattiv. Ġew adottati strateġija u pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iżda l-qafas leġiżlattiv għadu ma tlestiex għalkollox. In-nuqqas ta' liġi dwar il-protezzjoni tax-xhieda u l-kapaċità limitata li tingħata protezzjoni lix-xhieda tfixkel l-isforzi tal-pulizija f'dan il-qasam. Il-Kosovo għadu sors u post ta' tranżitu ta' attivitajiet tal-kriminalità organizzata. Huwa għadu wkoll is-sors, id-destinazzjoni u r-rotta ta' tranżitu għal persuni traffikati. L-identifikazzjoni ta' vittmi u l-investigazzjoni ta' rati ta' traffikar mill-infurzar tal-liġi tal-Kosovo għadhom jikkawżaw tħassib. Il-kriminalità organizzata hija sfida partikolari madwar il-Kosovo kollu, partikolarment fit-tramuntana. Fir-rigward tat- terroriżmu , il-Kosovo adotta strateġija u pjan ta' azzjoni, iżda l-qafas leġiżlattiv għadu mhuwiex fis-seħħ.

Il-Kosovo għad m'għandux leġiżlazzjoni fil-qasam tal- protezzjoni tad-dejta . Għad m'hemmx awtorità ta' sorveljanza indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta.

It-Turkija

It-Turkija għadha tissodisfa l- kriterji politiċi . Saru elezzjonijiet muniċipali ħielsa u ġusti madwar il-pajjiż kollu. Inkiseb ċertu progress fl-oqsma tar-riforma tal-ġudikatura, ir-relazzjonijiet bejn is-soċjetà ċivili u l-militar, u d-drittijiet kulturali. Il-gvern beda proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-partiti politiċi u mas-soċjetà ċivili bil-għan tal-indirizzar tal-kwistjoni tal-Kurdi. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi sinifikanti ulterjuri fl-oqsma relatati mal-kriterji politiċi, - partikolarment fid-drittijiet fundamentali – u fir-rigward tar-riformi kostituzzjonali.

Fir-rigward tad- demokrazija u l-istat tad-dritt , l-investigazzjoni tal-allegat netwerk kriminali Ergenekon wassal għal akkużu kriminali serji, li fost l-oħrajn jinvolvu jinvolvu uffiċjali militari. Dan il-każ huwa opportunità biex it-Turkija ssaħħaħ il-fiduċja fl-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha u l-istat tad-dritt. Madanakollu, huwa importanti li l-proċedimenti f'dan il-kuntest jirrispettaw bis-sħiħ il-proċess normali tal-liġi, b'mod partikolari d-drittijiet tal-konvenuti. Il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jwettaq riformi relatati mal-UE, ħatar Negozjatur Ewlieni responsabbli biss min-negozjati u approva l-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal- acquis . Madanakollu, in-nuqqas ta' djalogu u ta' spirtu ta' kompromess bejn il-partiti politiċi huwa ta' detriment għat-twettiq tar-riformi. It-Turkija għadha ma kkonverġietx il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-partiti politiċi mal-istandards Ewropej.

Fir-rigward tar- riforma tal-amministrazzjoni pubblika , huma meħtieġa sforzi konsiderevoli, partikolarment dwar il-modernizzazzjoni tas-servizz ċivili. It-tnaqqis tal-burokrazija u l-promozzjoni tas-simplifikazzjoni amministrattiva, kif ukoll l-iżviluppar ta' servizzi ċivili professjonali, indipendenti, responsabbli, trasparenti u bbażat fuq il-mertu għadhom kollha prijoritajiet.

Fir-rigward tal- kontroll ċivili tal-forzi tas-sigurtà , sar ċertu progress partikolarment fuq it-trażżin tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati militari. Madanakollu, membri għoljin tal-forzi armanti baqgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar kwistjonijiet kurrenti li jmorru lil hinn mill-mandat tagħhom, u jeħtieġ li jiġi żgurat il-kontroll tal-ħtiġiet tan-nefqa fuq id-difiża. L-allegat involviment ta' persunal militari f'attivitajiet li jmorru kontra l-gvern, żvelati mill-investigazzjoni Ergenekon, iqajmu tħassib serju.

Fil-qasam tal- ġudikatura , l-adozzjoni mill-Gvern tal-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja wara proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha titqies bħala pass pożittiv. Il-miżuri biex jiżdied il-persunal u l-finanzjament ukoll huma sinjali pożittivi. Madanakollu, jeħtieġ li dawn l-isforzi ma jiqfux, u għad hemm tħassib fir-rigward tal-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudikatura bħall-kompożizzjoni tal-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi u l-ħolqien ta' qrati reġjonali tal-appell.

Ittejjeb il-qafas leġiżlattiv ddisinjat li jipprevjeni l-korruzzjoni. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. It-Turkija jeħtieġ li tiffinalizza strateġija kontra l-korruzzjoni u tiżviluppa rekord ta' investigazzjoni, ħruġ ta' akkużi, prosekuzzjonijiet u kundanni.

Sar xi progress b'rabta mad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , iżda għad fadal lok għal sforzi sinifikanti. Inkiseb element ta' progress fir-rigward tal- osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem . Madanakollu, ir-ratifika tal-protokoll fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura tan-NU (OPCAT) u l-implimentazzjoni ta' xi sentenzi tal-EctHR li jirrekjedu emendi leġiżlattivi għadhom ma sarux. Il-qafas istituzzjonali għall-promozzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem għandu jissaħħaħ. Għadha ma ġietx stabbilita l-istituzzjoni tal-Ombudsman.

Filwaqt li l-qafas legali Tork jinkludi sensiela komprensiva ta' salvagwardji kontra t-tortura u t-trattament ħażin, l-isforzi biex jiġi implimentat u għall-applikazzjoni sħiħa ta' politika li ma tittollerax dawn ir-reati kienu limitati. L-allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin, u impunità għal min iwettaq reati għadhom jikkawżaw tħassib kbir. Sabiex issir valutazzjoni bir-reqqa tal-progress f'dan il-qasam ikun ta' għajnuna jekk l-awtoritajiet Torok jawtorizzaw minnufih il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT) tal-Kunsill tal-Ewropa.

Fir-rigward tal-ħabsijiet, sar ċertu progess fir-rigward tat-titjib tal-infrastruttura u t-taħriġ, u fir-reklutaġġ ta' persunal addizzjonali. Madanakollu, għandha tiġi indirizzata l-problema tal-iffullar u tal-proporzjoni għolja ta' ħabsin li qed jinżammu f'detenzjoni ta' qabel il-proċess.

L-Artikolu 301 tal-Kodiċi Kriminali Tork m'għadux jintuża sistematikament biex joħnoq il- libertà tal-espressjoni . Madanakollu, hemm prosekuzzjonijiet u kundanni bbażati fuq artikoli oħrajn tal-Kodiċi Kriminali. Il-liġi Torka ma tiggarantix b'mod suffiċjenti l-libertà tal-espressjoni b'mod konformi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) u l-każistika tal-ECtHR Il-pressjonijiet politiċi fuq il-medja u l-inċertezza legali jaffettwaw l-eżerċitar tal-libertà tal-istampa fil-prattika.

B'rabta mal- libertà tal-espressjoni , il-qafas legali huwa fil-parti l-kbira tiegħu konformi mal-istandards Ewropej. Madanakollu, jeħtieġ li jsir progess konsiderevoli fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu; l-assoċjazzjonijiet jiffaċċjaw skrutinju sproporzjonat tal-attivitajiet tagħhom li f'ċerti każi wassal għal proċedimenti ġudizzjarji.

B'rabta mal- libertà tat-twemmin reliġjuż , l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-fondazzjonijiet saret mingħajr tfixkil. Il-Gvern daħal fi djalogu mal-komunitajiet Alevi u komunitajiet reliġjużi oħra li mhumiex ta' twemmin Musulman. Madanakollu, il-problemi speċifiċi tagħhom għadhom ma ġewx indirizzati. Il-liġi dwar il-fondazzjonijiet ma tindirizzax il-kwistjoni tal-proprjetà li nqabdet u nbiegħet lil partijiet terzi, jew ta' prorjetà ta' fondazzjonijiet li ġiet inkorporata qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Għadhom isiru attakki fuq reliġjonijiet minoritarji. Għadu ma ġiex stabbilit qafas legali konformi mal-ECHR, sabiex il-komunitajiet kollha li mhumiex Musulmani u l-komunità Alevi jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr impedimenti żejda, inkluż fir-rigward tat-taħriġ tal-kleru. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jinħoloq ambjent li jwassal għar-rispett sħiħ tal-libertà tar-reliġjon fil-prattika.

Il-qafas legali ġenerali li jiggarantixxi d- drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab fil-parti l-kbira tiegħu fis-seħħ. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi sinifikanti ulterjuri biex il-qafas legali jsir realtà u biex jitnaqqsu d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fi-rigward tal-parteċipazzjoni u l-opportunità ekonomiċi, is-setgħa politika, u l-aċċess għall-edukazzjoni. Il-vjolenza domestika, il-qtil ta' unur u ż-żwiġijiet bikrija u sfurzati għadhom problemi serji f'xi żoni tal-pajjiż. Hemm il-ħtieġa għal aktar taħriġ u sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel.

Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi fl-oqsma kollha tad- drittijiet tat-tfal , fosthom il-kapaċità amminstrattiva, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sistema ta' ġustizzja tal-minorenni u t-tħaddim ta' tfal. Każi ta' minorenni pproċessati bħala adulti taħt il-liġi ta' kontra t-terroriżmu, u li jiffaċċjaw sentenzi sproporzjonati jqajmu tħassib serju.

Għad hemm il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni li tiżgura li d- drittijiet tas - sindakati jiġu rrispettati bis-sħiħ f'konformità mal-istandards tal-UE u tal-konvenzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation – ILO), partikolarment id-drittijiet ta' organizzazzjoni, tal-istrajk u tan-negozjati kollettivi.

Is-sitwazzjoni tad- drittijiet tal-minoranzi baqgħet l-istess. Sar xi progress fir-rigward tad- drittijiet kulturali , speċjalment fis-sura tal-ftuħ ta' stazzjoni nazzjonali tat-televiżjoni li jxandar bil-lingwa Kurda. Madanakollu, għad fadal restrizzjonijiet, partikolarment dwar l-użu ta' lingwi għajr dik Torka fix-xandir privat fuq it-televiżjoni u r-radju, fil-ħajja politika, fl-edukazzjoni, u fil-kuntatti ma' servizzi pubbliċi. Il-qafas legali dwar l-użu tal-lingwi għajr il-lingwa Torka jagħti lok għal interpretazzjonijiet restrittivi, u l-implimentazzjoni mhijiex konsistenti. Ma sar l-ebda progress dwar is-sitwazzjoni tar- Rom , li sikwit iħabbtu wiċċhom ma trattament diskriminatorju. It-twaqqigħ ta' distretti Rom mingħajr ma jingħataw djar alternattivi baqa' għaddej.

Fir-rigward tal- Lvant u x-Xlokk , il-gvern fetaħ dibattitu pubbliku wiesa' - li jkopri kwistjonijiet kulturali, poltiċi u ekonomiċi - dwar il-kwistjoni Kurda. Huwa kruċjali li dan id-dibattitu jiġi segwit minn miżuri konkreti. L-adozzjoni ta' Liġi dwar it-tneħħija tal-mini mal-Fruntiera Sirjana huwa pass pożittiv ieħor. Madanakollu, l-interpretazzjoni wiesgħa ta' leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu rriżultat f'restrizzjonijiet żejda fuq l-eżerċitar ta' drittijiet fundamentali. Is-sistema ta' għassies tal-villaġġ għandha titneħħa gradwalment.

L-attakki terroristiċi mill-PKK, li jinsab imniżżel fuq il-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE, baqgħu jsiru u qatlu ħafna nies.

Issokta l-kumpens tal- persuni spustati internament (IPDs). Madanakollu, il-gvern għad m'għandux strateġija nazzjonali globali li tindirizza l-kwistjoni tal-IDP, u jeħtieġ li jżid l-isforzi tiegħu biex jindirizza l-ħtiġiet tal-IDPs.

Fir-rigwar tal- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , it-Turkija esprtimiet appoġġ għan-negozjati li għaddejjin taħt il-patroċinju tan-NU biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall- problema ta' Ċipru . Madanakolu, ma sar l-ebda progress dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. It-Turkija għadha ma implimentatx bis-sħiħ il-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għadha ma neħħietx l-ostakli kollha fuq il-moviment ħieles tal-prodotti, inkluż ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport dirett fuq rotot li jwasslu lejn Ċipru.

Fir-rigward tal-Greċja , saru aktar taħdidiet esploratorji iżda ma ntlaħaq l-ebda ftehim f'rabta ma' kwistjonijiet dwar il-fruntiera. Ittieħdu passi ulterjuri ta' bini ta' fiduċja. Il-Greċja ressqet għadd konsiderevoli ta' ilmenti formali dwar ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru tagħha mit-Turkija, inkluż titjiriet fuq gżejjer Griegi. Ir-relazzjonijiet mal- Bulgarija baqgħu pożittivi. Ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat bejn il-pajjiżi ġirien jibqgħu essenzjali.

It-Turkija għad għandha rwol pożittivi fil- Balkani tal-Punent.

Minn Ġunju 2009, it-Turkija qiegħda tippresedi l-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa.

L- ekonomija tal-Ewropa naqset wara l-waqgħa fid-domanda esterna u domestika, parikolarment fl-investiment. Madanakollu, l-impatt tal-kriżi kien limitat l-aktar għas-settur reali tal-ekonomija anke minħabba riformi strutturali preċedenti u miżuri kontraċikliċi. L-istabbiltà makroekonomika nżammet b'suċċess. L-inflazzjoni naqset drastikament, l-aktar minħabba pressjonijiet li kienu ġejjin minn inputs tal-enerġija u għaliex l-attività ekonomika li kienet għaddejja b'ritmu tajjeb naqset. Il-qgħad żdied b'mod sinifikanti. F'ambjent ekonomiku diffiċli, il-proċess ta' riformi strutturali naqqas kemxejn, partikolarment fl-ewwel nofs tal-2009. In-nuqqas ta' pjani u ankri fiskali kredibbli żiedu mal-inċertezza fil-klima tal-investiment.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , it-Turkija hija ekonomija tas-suq funzjonanti. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjdou medju ta' żmien, dejjem jekk tkompli timplimenta il-programm komprensiv tagħha ta' riforma sabiex tindirizza d-dgħufijiet strutturali.

Il-kunsens dwar l-element essenzjali tal-politika ekonomika inżamm anke fiċ-ċirkostanzi diffiċli ta' bħalissa. It-Turkija akkomodat domandi ta' politiki espansivi biex tibbilanċja t-tnaqqis ekonomiku sostanzjali u poġġiethom fi sfond ta' strateġija ta' żvilupp usa' li tinvolvi livell akbar ta' investiment pubbliku, ħolqien ta' impjiegi u riformi settorjali. Sar xi progress fit-titjib tal-kapital uman u fiżiku tal-pajjiż, għalkemm il-kriżi ekonomika hija ta' sfida għal dan il-proċess. L-aċċess għal finanzjament estern baqa' miftuħ u r-riżervi uffiċjali naqsu moderatament minn livell li kien għoli ferm. L-iżbilanċi esterni tnaqqsu b'mod sinifikanti u l-pressjonijiet inflazzjonarji naqsu wkoll. Il-privatizzazzjoni baqgħet għaddejja u saru xi operazzjonijiet maġġuri f'dan ir-rigward, partikolarment fis-settur tal-enerġija. Minkejja diversi mumenti ta' instabbiltà finanzjarja globali, is-settur finanzjarju Tork kien tassew kapaċi li jirreżisti. It-Turkija ddiversifikat il-kummerċ tagħha lejn swieq ġodda, u b'hekk taffiet parzjalment għall-impatt tal-kriżi.

Madanakollu, filwaqt li l-miżuri fiskali kontra l-kriżi taffew it-tnaqqis ekonomiku, jekk dawn il-miżuri ma jitneħħewx fil-waqt, jistgħu jkunu ta' riskju fuq li benefiċċji li nkisbu wara snin preċedenti ta' konsolidazzjoni fiskali u politiki sostenibbli fuq terminu medju Il-miżuri biex tiżdied it-trasparenza fiksali twaqqfu temporanjament filwaqt li f'ċerti każi uħud minnhom tneħħew għalkollox. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol problematiku u l-qgħad żdied drastikament. Il-ħolien tax-xogħol għadu mfixkel, prinċiplament minn differenza bejn il-ħiliet tal-ħaddiema u postijiet tax-xogħol rispettivi adegwati, rati ta' kontribuzzjonijiet soċjali relattivament għolja u mir-riġidità tal-prattiki ta' xogħol. Minkejja diversi inizjattivi ġodda mill-gvern Tork, il-kriżi ekonomika qiegħda tikkomplika l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u qed tnaqqas ir-ritmu tat-trasformazzjoni settorjali tal-ekonomija Torka. L-allokazzjoni tal-għajnuna għadha waħda xejn trasparenti. Filwaqt li d-dħul fis-suq ibbenefika mill-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida, għad fadal ostakoli fir-rigward tal-ħruġ mis-suq. L-ambjent legali, u b'mod partikolari l-proċeduri tal-qorti, jimponu sfidi prattiċi u joħolqu tfixkil għal ambjent kummerċjali aħjar. It-Turkija adottat pjan ta' azzjoni komprensiv biex titnaqqas l-ekonomija informali, li għadha toffri sfida importanti.

It-Turkija kompliet ittejjeb il- ħila tagħha li tassumi l-obbligi li ġġib magħha l-adeżjoni. Sar progress, li xi minn daqqiet kien żbilanċ jat, f'bosta mill-oqsma. Il-konverġenza hija avvanzata sew f'ċerti oqsma, bħall-moviment ħieles ta' oġġetti, il-proprjetà intellettwali, il-politika tal-antitrust, il-politika tal-impriżi u l-politika industrijali, il-protezzjoni tal-konsumatur, in-Netwerks Trans-Ewropej, ix-xjenza u r-riċerka. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tissokta l-konverġenza f'oqsma bħall-ambjent, l-għajnuna mill-Istat, il-politika soċjali u x-xogħol, il-liġi tal-kumpaniji, l-akkwist pubbliku, is-sikurezza tal-ikel, il-politiki veterinarji u fitosanitarji u l-moviment ħieles ta' servizzi. Fir-rigward tal-Unjoni Doganali u r-relazzjonijiet esterni, jeħtieġ li tiġi kkompletata l-konverġenza, partikolarment f'rabta mal-koordinazzjoni ta' pożizzjonijiet mad-WTO. Għadha ma nstabitx soluzzjoni għal ħafna problemi kummerċjali li ilhom għaddejjin żmien twil filwaqt li nħolqu oħrajn ġodda. Huwa importanti ferm li t-Turkija tirrispetta l-impenji tagħha taħt l-Unjoni Doganali. F'bosta mill-oqsma huwa kruċjali li t-Turkija ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha biex tkun konformi mal- acquis .

Il-qafas leġiżlattiv tal- moviment ħieles ta' prodotti huwa avvanzat sew, iżda sar biss progress limitat fil-perjodu ta' rappurtar. Il-kummerċ qiegħed ikun dejjem aktar imfixkel minn ostakli tekniċi relatati mal-valutazzjoni tal-konformità u l-istandardizzazzjoni. Il-konverġenza fl-oqsma tad- dritt ta' stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta' servizzi tinsab fi stadju bikri. Ma ġie rreġistrat l-ebda progress fil-qasam tas-servizzi postali, u lanqas dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki personali. It-Turkija għamlet element ta' progress fir-rigward tal- moviment ħieles tal-kapital, fir-rigward tal-pjanijiet ta' azzjoni dwar il-movimenti ta' kapital u dwar il-ħasil tal-flus. It-Turkija għamlet progress dwar il-liberalizzazzjoin tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-assigurazzjoni. Madanakollu, il-konverġenza mal- acquis dwar il-movimenti kapitali u l-ħlasijiet għadha limitata. Ftit li xejn sar progress fil-qasam tal- libertà ta' moviment ħieles tal-ħaddiema . Il-konverġenza tinsab fi stadju bikri.

Jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal- akkwsit pubbliku , partikolarment fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva; Xi awtoritajiet kontraenti jindikaw prattiki ta' akkwist tajba. Madanakollu, l-istrateġija għar-riformi meċessarji biex tiġi żgurata l-konverġenza leġiżlattiva u l-bini ta' kapaċità istituzzjonali għadha pendenti . Qegħdin jiżdiedu d-derogi mid-dispożizzjonijiet ġenerali, bħal ma huma preferenzi domestiċi, li jnaqqsu l-kompetizzjoni u l-effiċjenza f'sejħiet għal offerti pubbliċi. Fir-rigward tal- liġi tal-kumpaniji ma sar l-ebda progress sostanzjali fil-perjodi ta' rappurtar. Il-Kodiċi Kummerċjali ġdid għadu ma ġiex adottat. Il-konverġenza dwar il- liġi tal-proprjetà intellettwali tinsab relattivament avvanzata. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi differenti relatati mal-IPR u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom imxew 'il quddiem. Madanakollu, l-infurzar għadu insuffiċjenti. L-adozzjoni tal-liġijiet allinjati u aġġornati li jirregolaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u industrijali, inkluż sanzjonijiet kriminali, hija kruċjali.

It-Turkija qiegħda turi livell għoli ta' konverġenza fil-qasam tal- anti-trust , inkluż ir-regoli dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet. Madanakollu, ma ssuktatx il-konverġenza legali fil-qasam tal- għajnuna mill-Istat, u l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat li tant ilha mistennija għadha ma saritx.

Inkiseb ċertu progress fil-qasam tas- servizzi finanzjarji . Il-leġiżlazzjoni tat-Turkija hija parzjalment allinjata mal- acquis fit-tliet sottosetturi kollha tas-servizzi finanzjarji. Fir-rigward tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-medja , jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madanakollu, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat impatt effettiv fuq il-liġi primarja fis-suq. Sar ftit progress fil-qasam tal- politika awdjoviżiva .

Il-konveġrenza mal- acquis għadha limitata fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali . Il-politika ta' appoġġ agrikolu u t-tfassil ta' politika strateġika, kif inhuma bħalissa, huma aktar u aktar diżassoċjati minn mal-PAK, filwaqt li d-dewmien fl-iskeda tal-akkreditazzjoni tal-istrutturi tal-IPARD toħroġ fid-dieher diffikultajiet fil-ħolqien ta' strutturi u proċeduri amministrattivi u organizzattivi funzjonanti għall-ġestjoni ta' fondi tal-iżvilupp rurali f'konformità mal-istandards tal-UE. L-ostakli tekniċi fuq il-kummerċ ta' prodotti bovini, bi ksur ta' impenji bilaterali, għadhom kwistjoni urġenti. B'mod ġenerali, il-progress f'dan il-qasam kien limitat. It-Turkija għamlet progress limitat dwar is- sikurezza tal-ikel u dwar il-politika veterinarja u fitosanitarja . Issuktaw l-isforzi, iżda t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal- acquis f'dan il-qasam għadhom fi stadju bikri. Fil-qasam tas- sajd sar xi progress dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u tal-flotta u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali. Madanakollu, ma sar l-ebda progress dwar il-konverġenza leġiżlattiva f'dan il-kapitolu.

It-Turkija għamlet progress limitat dwar il-konverġenza fis- settur tat-trasport . Il-kapaċità ta' implimentazzjoni għadha lura fis-settur tat-toroq u ma sar l-ebda progress fis-settur ferrovjarju. Sar progress limitat dwar it-trasport bl-ajru. In-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn iċ-ċentri ta' kontroll tat-traffiku fit-Turkija u r-Repubblika ta' Ċipru għadha tikkomprometti serjament is-sikurezza fl-ajru. It-Turkija għadha mhix tagħmel sforzi biex tintegra fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Il-progress fis-settur marittimu kien limitat, filwaqt li l-fatt li t-Turkija ġiet inkluża fil-white list tal-MoU ta' Pariġi jikkonferma l-prestazzjoni tajba tal-pajjiż bħala pajjiż tal-bandiera ( flag state ).

Sar ċertu progress fis- settur tal-enerġija li madankollu kien żbilanċjat. L-iżviluppi dwar l-enerġija li tiġġedded, l-użu effiċjenti tal-enerġija u s-suq tal-elettriku kienu inkoraġġanti. Madanakollu, fil-każi tal-gass naturali, l-enerġija nukleari, is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, jeħtieġ li t-Turkija timplimenta l-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji tagħha.

Fir-rigward tat- tassazzjoni sar progress lejn konverġenza leġiżlattiva, partikolarment għat-tnaqqis tat-tassazzjoni diskriminatorja fuq ix-xarbiet alkoħoliċi. Madanakollu, jeħtieġ li jiġu indirizzati diversi diskrepanzi qabel ma tintlaħaq konverġenza sħiħa.

It-Turkija għamlet ċertu progress fir-rigward tal- politika ekonomika u monetarja . Il-konverġenza mal- acquis fil-qasam tal-politika monetarja għadha ma tlestietx. Għad fadal nuqqasijiet fil-qafas legali, pereżempju fir-rigward tal-indipendenza sħiħa tal-Bank Ċentrali, il-projbizzjoni tal-iffinanzjar monetarju tas-settur pubbliku u l-projbizzjoni ta' aċċess privileġġjat tas-settur pubbliku għal swieq finanzjarji.

It-Turkija għamlet progress limitat fil-qasam tal- politika soċjali u x-xogħol . Il-ħolqien ta' Kummissjoni Parlamentari dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel huwa pass pożittiv. It-tħejjijiet għall-parteċipazzjoni fil-Fond Soċjali Ewropew ġew aċċelerati. Madanakollu, il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol, is-saħħaħ u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u dwar in-nuqqas ta' disrkiminazzjoni mhijiex konformi mal-istandards tal-UE. Ma sar l-ebda progress lejn il-ksib ta' drittijiet sħaħ lis-sindakati skont l-istandards tal-UE u l-Konvenzjonijiet tal-ILO. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija baxxa ħafna. Jeħtieġ li tingħata spinta lill-isforzi fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-esklużjoni soċjali.

It-Turkija kompliet tagħmel progress fil-qasam tal- politika tal-impriżi u l-politika industrijali , partikolarment fit-tħejjija ta' strateġija industrijali ġdida u strateġiji settorjali ġodda, li issa jeħtieġ li jitlestew u jiġu ppubblikati. Hemm ukoll għażla usa' fl-istrumenti tal-politika tal-impriżi u tal-politika industrijali u sar xi titjib fl-ambjent kummerċjali. It-Turkija kisbet livell suffiċjenti ta' konverġenza mal- acquis fil-qasam tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali.

It-Turkija għamlet ċertu progress fil-qasam tan- netwerks trans-Ewropej. F'Lulju 2009 t-Turkija ffirmat il-Ftehim Intergovernattiv dwar il-pipeline tal-gass Nabucco. Dan il-proġett huwa pass strateġiku importanti lejn kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija bejn l-UE, it-Turkija u Stati oħrajn fir-reġjun kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-għejun ta' enerġija. It-tlestija f'waqtha tal-kuridur tal-Gass tan-Nofsinhar, prinċipalment permezz tal-implimentazzjoni rapida tal-Ftehim Integovernattiv ta' Nabucco, tibqa' waħda mill-ogħla prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija. Jista' jiġi rrapportat ċertu progress fil-qasam tal- politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' strumenti strutturali. Il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-komponenti III u IV tal-IPA ġew iffinalizzati, bl-involviment ta' partijiet interessati lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-proġetti filwaqt li ġew stabbiliti aġenziji ta' żvilupp oħrajn. Madanakollu, huwa meħtieġ tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva. B'mod globali, il-koverġenza tat-Turkija mal- acquis f'dan il-kapitolu għadha limitata.

B'rabta mal- ġudikatura , l-adozzjoni mill-gvern tal-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja hija pass pożittiv. Il-miżuri meħuda biex jiżdiedu l-persunal u r-riżorsi huma wkoll pożittivi, u jeħtieġ li jitkomplew. Madanakollu, it-tħassib dwar l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudiaktura għadu ma ġiex indirizzat. Fir-rigward tal- ġlieda kontra l-korruzzjoni , sar ċertu progress dwar it-tisħiħ tal-organizzazzjoni leġiżlattiva u istituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni effetttiva tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni ser tkun kruċjali.

Sar xi progress irregolari fir-rigward tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. It-Turkija kisbet progress limitat dwar il-fruntieri esterni u Schengen, kif ukoll fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Fid-dawl ta' żieda drastika ta' persuni li jfittxu ażil, huma meħtieġa aktar sforzi għar-riorganizzazzjoni tas-sistema. Fi żmien reċenti t-Turkija aċċettat li tkompli n-negozjati formali bejn il-KE u t-Turkija dwar ftehim ta' riammissjoni.

Fil-qasam tar -riċerka, it-Turkija għamlet sforzi sostanzjali biex iżżid il-parteċipazzjoni tagħha taħt is-Seba' Programm Qafas tal-KE għar-riċerka u l-Iżvilupp u għat-titjib tal-kapaċità ta' riċerka tagħha. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-integrazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Dwar l- ambjent , it-Turkija għamlet progress fil-qasam tal-kimiki u dwar leġiżlazzjoni orizzontali bl-iffirmar tal-Protokoll ta' Kyoto. Jista' jiġi rrapportata xi progress dwar l-iskart, il-kwalità tal-arja, it-tniġġis industrijali, il-ġestjoni tar-riskju u l-kimiki. Madanakollu, il-livell ġenerali tal-konverġenza għadu insuffiċjenti. It-Turkija m'għamlet l-ebda progress fl-oqsma tal-kwalità tal-ilma, il-ħarsien tan-natura u l-GMOs.

Sar ċertu progress dwar il- ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa . Madanakollu, fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur, huma meħtieġa aktar sforzi, partikolarment dwar kwistjonijiet relatati man-nuqqas ta' sikurezza u biex jiġi żgurat l-infurzar adegwat tal-ħarsien tal-konsumatur inġenerali. Fil-qasam tas-saħħa pubblika, jista' jiġi rrapportat xi progress, partikolarment dwar il-kontroll tat-tabakk u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva dwar il-mard li jittieħed.

It-Turkija kisbet livell għoli ta' konverġenza fil-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali , grazzi għall-Unjoni Doganali tagħha mal-UE. Madanakollu, huwa meħtieġ livell ogħla ta' konverġenza mal-UE f'ċerti oqsma, bħaż-żoni ta' kummerċ ħieles u l-eżenzjoni minn dazji doganali. It-Turkija kisbet livell għoli ta' konverġenza fir- relazzjonijiet esterni, madanakollu, partikolarment f'rabta mal-koordinazzjoni ta' pożizzjonijiet mad-WTO, jeħtieġ li l-konverġenza titlesta għalkollox. Għad fadal xi problemi kummerċjali li ilhom biex jiġu solvuti u li jkomplu jfixklu l-iffunzjonar xieraq tal-Unjoni Doganali.

Il-konverġenza tat-Turkija mal- politika estera u ta' sigurtà komuni baqgħet għaddejja. It-Turkija kompliet issaħħaħ il-kontribut tagħha għall-istabilizzazzjoni ta' reġjuni bħall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Lvant Nofsani. It-Turkija saħħet ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-Iraq, inkluż kuntatti mal-gvern reġjonali Kurd. Sar sforzi diplomatiċi sinifikanti biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet mal-Armenja.

It-Turkija qiegħda tagħti kontribut sostanzjali għall-PESD u qiegħda tfittex involviment akbar fl-attivitajiet tal-PESD. Madanakollu, it-Turkija toġġezzjona kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO li tkun tinvolvi l-Istati Membri kollha tal-UE. It-Turkija mhix allinjata mal-pożizzjoni tal-UE dwar is-sħubija fil-Ftehim ta' Wassenaar.

Jista' jiġi rrapportat progress limitat fil-qasam tal- kontroll finanzjarju , fejn il-konverġenza hija tabilħaqq avvanzata. Il-leġiżlazzjoni li timplimenta l-ġestjoni u l-kontroll tal-finanzi pubbliċi (PFMC) tinsab fis-seħħ, iżda għadd ta' emendi dwar il-kontroll intern għadhom neqsin u r-reviżjoni tad-dokument ta' politika u l-pjan ta' azzjoni tal-PIFC għadha ma saritx. Il-Liġi dwar il-Verifika Esterna, li ġġib lil verifiki esterni konformi mal-istandards internazzjonali relevanti, għadha ma ġietx adottata. L-istruttura tal-kooperazzjoni kontra l-frodi għad trid tiġi żviluppata. It-Turkija reġgħet ħarġet muniti ġodda biex telimina similaritajiet mal-muniti tal-Euro. Il-konverġena tat-Turkija mal-prinċipji u l-istituzzjonijiet bażiċi tal- acquis fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji huma avvanzati sew.

[1] Taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU 1244/99.

[2] Għajnuna fuq perjodu medju ta' żmien li tkopri oqsma relatati mal- acquis tingħata permezz ta' proġetti ta' Twinning li jitabbilixxu qafas għal kooperazzjoni bejn amministrazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji u l-kontrapartijiet tagħhom fl-Istati Membri. Għajnuna disponibbli f'kull ħin tingħata minn TAIEX (Għajnuna Teknika u Skambju ta' Informazzjoni), li l-attivitajiet tagħha huma implimentati minn uffiċjali tal-Istati Membri. Għajnuna fuq perjodu qasir fil-qafas kwistjonijiet ta' governanza orizzjontali u riforma tal-amministrazzjoni pubblika tingħata permezz ta' SIGMA (Appoġġ għat-Titjib tal-Governanza u l-Ġestjoni), proramm tal-OECD li huma appoġġjat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tkabbir.

[3] COM(2008) 674.

[4] Fl-opinjoni - COM(2005) 562 – dwar l-applikazzjoni tal-pajjiż għall-adeżjoni adottata f'Novembru 2005, il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej: 'L-eks Repubblika Jugoslave tal-Maċedonja hija demokrazija li tiffunzjona, b'istituzzjonijiet stabbli, li ġeneralment jiggarantixxu l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-pajjiż iffirma Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) fl-2001 u, minn dakinhar 'l hawn ġeneralment issodisfa l-obbligi relatati b'manjiera sodisfaċenti. L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja implimentat b'suċċess l-aġenda leġiżlattiva tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid li kkontribwixxa għal titjib maġġuri fl-oqsma tal-politika u tas-sigurtà fil-pajjiż. Issa jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni ġdida tiġi infurzata. Il-pajjiż jibqa' impenjat favur il-kooperazzjoni reġjonali. L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tħetieġ li tagħmel aktar sforzi b'mod partikolari fl-oqsma tal-proċess elettorali,tair-riforma tal-pulizija, tar-riforma tal-ġudikatura u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Abbażi tal-progress globali tar-riformi li saru, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pajjiż għamel progress tajjeb fl-issodisfar tal-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993 u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

[5] Il-prijoritajiet ewlenin tas-sħubija għall-adeżjoni mal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ("il-kriterji") huma dawn li ġejjin:- L-żgurar tal-implimentazzjoni tal-impenji kollha li daħlet għalihom fil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.- Il-promozzjoni ta'djalogu kostruttiv u inklużiv, partikolarment f'oqsma li jirrekjedu kunsens bejn il-partiti politiċi kollha, fil-qafas tal-istituzzjonijiet demokratiċi.- L-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi dwar il-pulizija.- Il-ksib ta' rekord ta' riżultati pożittivi dwar l-implimentazzjoni ta' riformi tal-ġudikatura u t-tisħiħ tal-indipendenza u l-kapaċità globali tas-sistema ġudizzjarja. - L-implimentazzjoni tar-riforma tal-prosekuzzjoni u l-iffinalizzar tal-ħatra tal-Kunsill Ġusizzjarju.- Il-ksib ta' rekord ta' riżultati pożittivi dwar l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra l –korruzzjoni.

- L-iżgurar li r-reklutaġġ u l-avvanz tal-karriera ta' ħaddiema tas-servizz ċivili ma jkunx suġġett għal indħil politiku, l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema ta' karrieri fuq il-bażi ta' mertu u l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar il-ħaddiema tas-servizz ċivili.- It-tnaqqis tat-tfixkil fil-ħolqien ta' impjiegi u l-indirizzar, b'mod partikolari, tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-qgħad fit-tul.- It-tisħiħ tal-ambjent kummerċjali inġenerali permezz tat-titjib ulterjuri tal-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-indipendenza ta' aġenziji regolatorji u superviżorji, l-aċċelerazzjoni ta' proċeduri legali u l-issuktar tar-reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà.

* Taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU 1244/99

[6] Taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU 1244/99.

[7] Taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU 1244.

[8] Dawn jinkludu ħames għanijiet: 1) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-kwistjoni tad-distribuzzjoni ta' proprjetà bejn l-Istat u livelli oħra tal-gvern; 2) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli dwar il-proprjetà tad-difiża; 3) L-ikkompletar tad-dfinizzjoni tal-istatus finali ta' Brcko; 4) Is-sostenibbiltà fiskali (promossa minn ftehim dwar metodoloġija ta' koeffiċjenti tal-ITA permanenti u l-l-ħolqien ta' Kunsill Fiskali Nazzjonali); U 5) L-istabbiliment sod tal-istat tad-dritt (muri permezz tal-adozzjoni ta; Strateġija Nazzjonali dwar ir-Reati tal-Gwerra, Liġi dwar il-barranin u l-ażil u Strateġija Nazzjonali għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja), kif ukoll żewġ kundizzjonijiet speċifiċi: 1) l-iffirmar tal-FSA u 2) sitwazzjoni politika stabbli.

[9] COM(2009) 366.

[10] Taħt il-UNSCR 1244/99.

[11] COM(2009) 366.