52009DC0469

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE) /* KUMM/2009/0469 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.9.2009

KUMM(2009) 469 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE)

1. DAħLA

Id-Direttiva 2001/42/KE[1] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (“id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali” - minn issa 'l quddiem id-“Direttiva dwar is-SEA”) teħtieġ li ċerti pjanijiet u programmi pubbliċi (P&P) jgħaddu minn valutazzjoni ambjentali qabel ma jkunu adottati.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva jeħtieġ lill-Kummissjoni tibgħat l-ewwel rapport dwar it-tħaddim u l-effettività tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel il-21 ta' Lulju 2006. Bil-għan li jkunu integrati aktar ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni ambjentali, dan ir-rapport għandu, jekk xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti għal emendi, b'mod partikolari dwar il-possibbiltà li l-ambitu tagħha jkun estiż għal oqsma/setturi oħra u għal tipi oħra ta' P&P.

Minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri (SM) u minħabba l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tagħha, it-tagħrif disponibbli fil-21 ta' Lulju 2006 ma kienx biżżejjed biex isir ir-rapport kif ippjanat. (Barra minn hekk, dan l-ewwel rapport kellu jqis l-esperjenza tal-Istati Membri l-ġodda li daħlu fl-2004 u fl-2007)

Is-sorsi ewlenin użati għal dan ir-rapport huma mniżżlin fl-Anness.

2. TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IS-SEA

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva dwar is-SEA fil-leġiżlazzjoni tagħhom sal-21.7.2004. Sa dik id-data, kienu biss disgħa mill-25 SM li fil-fatt kienu ttrasponew id-Direttiva.

F'Diċembru 2004, infetħu 15-il proċedura ta' ksur ta' nuqqas ta' komunikazzjoni minħabba n-nuqqas tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar is-SEA. Sussegwentement, ħames SM ġew ikkundannati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) talli naqsu milli jittrasponuha. Għalissa, ma hemm l-ebda każistika oħra tal-QEĠ.

Sal-2009, l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva. Il-Kummissjoni għamlet studju sabiex tiċċekkja l-konformità tat-traspożizzjoni tagħha fl-Istati Membri. Fejn xieraq, bdew jew se jinbdew proċeduri ta' ksur sabiex ikunu indirizzati l-problemi ta' traspożizzjoni mhix kompleta jew mhix korretta.

3. KWISTJONIJIET PRINċIPALI TAL-PROċEDURA TAS-SEA

3.1. Prinċipji bażiċi

Il-P&P koperti mid-Direttiva huma soġġetti għal valutazzjoni ambjentali matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom. Din tinkludi t-tfassil ta' rapport ambjentali li fih ikunu identifikati l-effetti sinifikanti li probabbli jkun hemm fuq l-ambjent u l-alternattivi raġonevoli, u t-twettiq ta' konsultazzjonijiet (mal-pubbliku, mal-awtoritajiet tal-ambjent u ma' SM oħra fil-każ ta' impatti transkonfinali). Ir-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet jitqiesu qabel l-adozzjoni. Ġaladarba l-P&P jkunu adottati, l-awtoritajiet tal-ambjent u l-pubbliku jkunu infurmati u t-tagħrif rilevanti jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom. Sabiex ikunu identifikati effetti avversi mhux mistennija fi stadju bikri, l-effetti ambjentali sinifikanti tal-P&P għandhom ikunu mmonitorjati.

Il-P&P li ġejjin, u l-modifikazzjonijiet tagħhom, huma koperti meta jkunu ppreparati u/jew adottati minn awtorità[2] u huma meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi:

1. Il-P&P ppreparati għal ċerti setturi[3] u li jistipulaw il-qafas għall-permessi għall-iżvilupp fil-futur fir-rigward ta’ proġetti taħt id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali – id-Direttiva dwar il-VIA[4].

2. Il-P&P li jeħtieġu valutazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE)[5].

3. Il-P&P li jistipulaw il-qafas għall-permessi għall-iżvilupp fir-rigward ta' proġetti (mhux limitati għal dawk imniżżlin fid-Direttiva dwar il-VIA; ara l-punt (1) hawn fuq) u li jkunu ddeterminati permezz ta' proċess ta’ skrutinju ("screening")[6] bħala proġetti li probabbli jkollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4. Il-modifikazzjonijiet minuri tal-P&P, u l-pjanijiet u l-programmi għal żoni żgħar fuq livell lokali, jekk il-proċess ta’ skrutinju jiddetermina li dawn probabbli jkollhom effetti ambjentali sinifikanti biss.

5. Id-Direttiva ma tapplikax għall-P&P fis-setturi li ġejjin: id-difiża nazzjonali, l-emerġenzi ċivili, il-kwistjonijiet finanzjarji u l-baġit.

3.2. Determinazzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva

B'mod ġenerali, ħafna mill-Istati Membri ma ltaqgħux ma' problemi fid-determinazzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA. Ħafna minnhom irrappurtaw li l-mudell tagħhom huwa bbażat fuq approċċ imħallat, li fih il-lista tal-P&P li għandhom ikunu vvalutati hija ssupplimentata minn approċċ ta' każ b'każ biex ikun iddeterminat jekk hix meħtieġa l-valutazzjoni jew le.

3.3. Determinazzjoni tal-ambitu tar-rapport ambjentali (l-Artikolu 5(4))

L-ambitu u l-livell ta' dettall tat-tagħrif li għandu jkun inkluż fir-rapport ambjentali huma ddeterminati flimkien mal-awtoritajiet tal-ambjent. Dan il-proċess huwa attwalment imsejjaħ “il-proċess tad-definizzjoni tal-ambitu" ("scoping").

Id-Direttiva dwar is-SEA tistipula rekwiżiti limitati għall-ambitu tar-rapport ambjentali. Minħabba dan, l-Istati Membri japplikaw metodi differenti għad-"definizzjoni tal-ambitu" kif ukoll għall-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-proċeduri għad-"definizzjoni tal-ambitu" ħafna drabi huma żviluppati fuq il-bażi ta' każ b'każ, peress li ħafna mill-Istati Membri ma jippreskrivux metodi speċifiċi.

Hemm differenzi bejn l-Istati Membri rigward liema awtorità tiddeċiedi dwar ir-riżultat tal-proċedura għad-"definizzjoni tal-ambitu". Ħafna drabi din hija r-responsabbiltà tal-awtorità tal-ippjanar, wara li tkun ikkonsultat mal-awtorità tal-ambjent; drabi oħra, din tkun f'idejn l-awtorità tal-ambjent.

Fi ftit SM, il-proċedura tad-"definizzjoni tal-ambitu" teħtieġ konsultazzjoni mal-pubbliku, avolja din mhijiex obbligatorja skont id-Direttiva.

3.4. Rapport Ambjentali (l-Artikolu 5 u l-Anness I)

Ir-rapport ambjentali jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa l-effetti sinifikanti li probabbli jkollhom il-P&P fuq l-ambjent u l-alternattivi raġonevoli, filwaqt li jqis l-għanijiet u l-ambitu ġeografiku tal-P&P.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha li tittrasponi tistipula rekwiżit formali li tkun ipprovduta deskrizzjoni tas-sitwazzjoni bażika. L-identifikazzjoni tal-iskala korretta tad-dejta u tal-livell ta' dettall tal-valutazzjoni huma d-diffikultajiet predominanti rrappurtati mill-Istati Membri.

Diffikultajiet oħra rrapurtati mill-Istati Membri huma n-nuqqas ta' tagħrif ta' kwalità tajba, it-tul ta' żmien li jieħu l-ġbir tad-dejta, in-nuqqas ta' kriterji omoġenji għall-ambitu u l-kontenut tal-analiżi bażika u l-assenza ta' grupp ta' kriterji ambjentali u ta’ kriterji tas-sostenibbiltà standard li fuqhom wieħed jivvaluta l-P&P.

3.5. Definizzjoni tal-alternattivi raġonevoli (l-Artikolu 5(1))

Il-kunsiderazzjoni u l-identifikazzjoni ta' alternattivi fir-rapport ambjentali hija waħda mill-ftit kwistjonijiet li wasslet għall-problemi fl-Istati Membri. Linji ta’ gwida nazzjonali estensivi ġew żviluppati minn xi SM sabiex jagħtu appoġġ għall-identifikazzjoni u l-għażla ta' alternattivi raġonevoli fi proċeduri individwali. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma wrewx b'mod ċar kif dan għandu jsir.

Il-maġġoranza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jipprovdux definizzjoni speċifika tal-“alternattivi raġonevoli” jew ta' numru ta' alternattivi li għandhom jiġu vvalutati; l-għażla tal-“alternattivi raġonevoli” issir permezz ta' valutazzjoni ta' każ b'każ u deċiżjoni. L-Istati Membri kollha jirrappurtaw li l-alternattiva li fiha “ma jsir xejn” għandha tkun inkluża fir-rapport ambjentali fuq bażi obbligatorja.

3.6. Konsultazzjonijiet (mal-pubbliku u mal-awtoritajiet tal-ambjent) (l-Artikolu 6)

Peress li d-Direttiva dwar is-SEA ma tipprovdix speċifikazzjonijiet dettaljati dwar il-proċeduri għall-konsultazzjoni pubblika, huma wżati medda wiesgħa ta' metodi: dikjarazzjonijiet pubbliċi, pubblikazzjonijiet fil-ġurnali uffiċjali jew fl-istampa, laqgħat pubbliċi, stħarriġ fuq l-internet u kwestjonarji. Fejn jidħol it-tul tal-konsultazzjoni pubblika, kienu biss ftit l-Istati Membri li ffissaw perjodi ta' żmien fissi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jagħtu lok għal perjodi ta' konsultazzjoni ta' mill-anqas xahar, filwaqt li oħrajn jiddeċiedu fuq il-bażi ta' każ b'każ.

L-esperjenza ġenerali turi li l-konsultazzjoni pubblika, speċjalment meta tkun organizzata fi stadju bikri tal-ippjanar u meta tkun mifhuma bħala proċess, tikkontribwixxi għal approvazzjoni ogħla tal-P&P, u għalhekk għall-identifikazzjoni u s-soluzzjoni bikrija tal-kunflitti.

3.7. Konsultazzjonijiet transkonfinali (l-Artikolu 7)

Huma rrappurtati ħafna każi ta' konsultazzjonijiet transkonfinali u l-livell ta' sodisfazzjon jidher li hu għoli, bl-eċċezzjoni tal-kwistjoni tal-lingwa.

L-ispiża tat-traduzzjoni tad-dokumenti u l-fatt li d-dokumentazzjoni mhijiex tradotta b’mod sistematiku huma l-aktar kawżi ta' tħassib irrappurtati. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-NGOs) irrappurtaw li, fil-prattika, il-konsultazzjoni mhux dejjem issir fi stadju bikri, iżda meta l-P&P ikun diġa fi stadju avvanzat sew.

3.8. Monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti

L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprovdi għall-monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti tal-implimentazzjoni tal-P&P sabiex ikunu identifikati effetti avversi mhux previsti fi stadju bikri u tittieħed azzjoni ta' rimedju fejn ikun hemm bżonn.

Mill-Istati Membri, ftit wisq irrappurtaw li stabbilew metodi għall-monitoraġġ jew li fasslu linji ta’ gwida nazzjonali fuq kif wieħed għandu jistabbilixxi l-indikaturi tal-monitoraġġ. In-nuqqas ta' linji ta’ gwida nazzjonali xierqa jista' jqajjem id-domanda tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni dwar il-monitoraġġ f'ċerti SM.

4. RELAZZJONI MA' KWISTJONIJIET OħRA TAL-LEġIżLAZZJONI U TAL-POLITIKA TAL-UE

Id-Direttiva dwar is-SEA għandha rabtiet formali u espliċiti mad-Direttiva dwar il-Ħabitats u mad-Direttiva dwar il-VIA, iżda hija marbuta wkoll mill-qrib ma' direttivi oħra (id-Direttivi dwar l-Ilma, in-Nitrati, l-Iskart, l-istorbju u l-Kwalità tal-Arja)[7] li fihom rekwiżiti għall-istabbiliment u l-valutazzjoni tal-P&P f'setturi koperti mis-SEA, u għandha x’taqsam mal-protokoll dwar is-SEA[8].

L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar is-SEA jistipula li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri koordinati u konġunti f'sitwazzjonijiet fejn l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet dwar l-effetti fuq l-ambjent ikun ġej kemm mid-Direttiva dwar is-SEA kif ukoll minn leġiżlazzjoni oħra Komunitarja.

Kienu biss ftit l-Istati Membri li rrappurtaw l-eżistenza ta' linji ta’ gwida għall-koordinazzjoni ta' proċeduri konġunti għat-twettiq tar-rekwiżiti li jiggvernaw il-valutazzjonijiet skont direttivi oħra.

4.1. Id-Direttiva dwar il-VIA

Fil-parti l-kbira tagħhom, iż-żewġ Direttivi jikkumplimentaw lil xulxin: dik dwar is-SEA tieħu direzzjoni "minn isfel għal fuq" u tidentifika l-aqwa għażliet fi stadju bikri tal-ippjanar, u dik dwar il-VIA tieħu direzzjoni "minn fuq għal isfel" u tirreferi għall-proġetti li ġejjin fi stadju aktar avvanzat. Fit-teorija, mhux probabbli li dawn iż-żewġ proċessi jidħlu f'xulxin. Madankollu, ġew identifikati oqsma differenti li fihom l-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi tista’ tidħol f’xulxin[9].

B'mod partikolari, il-konfini bejn dak li jikkostitwixxi pjan, dak li jikkostitwixxi programm jew dak li jikkostitwixxi proġett mhumiex dejjem ċari, u għalhekk jista’ jkun hemm xi dubji dwar jekk is-“suġġett” tal-valutazzjoni jilħaqx il-kriterji ta’ waħda mid-Direttivi jew tat-tnejn li huma, jew le. F'dan ir-rigward, id-definizzjonijiet ta' xi kategoriji ta' proġetti mniżżlin fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-VIA b’rabta ma' tibdil fl-użu tal-art mhumiex ċari, u jistgħu joħolqu konfużjoni mad-Direttiva dwar is-SEA.

L-Istati Membri għażlu approċċi differenti biex isolvu n-nuqqasijiet potenzjali li jirriżultaw minn proċeduri li jidħlu f'xulxin; dawn l-approċċi jvarjaw minn proċeduri konġunti f'każijiet speċifiċi għal koordinazzjoni informali bejn l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, ħafna SM ta’ sikwit iħossu li ma għandhomx esperjenza biżżejjed biex jidentifikaw u jivvalutaw b'mod adegwat kwalunkwe kwistjoni li fiha jkun hemm affarijiet li jidħlu f’xulxin.

Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA, ħafna SM enfasizzaw il-ħtieġa għall-koordinazzjoni taż-żewġ proċeduri; madankollu, l-mekkaniżmi u l-għodda għadhom mhumiex qed ikunu żviluppati u ttestjati dejjem b'mod adegwat. Dan jista' jsir permezz ta' dokumenti ta' Gwida li għandhom jitfasslu b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill- amalgamar tad-Direttivi dwar il-VIA u dwar is-SEA sabiex tkun ikkjarifikata r-relazzjoni ta’ bejniethom u tissaħħaħ il-komplementarjetà u l-effiċjenza tagħhom permezz ta' proċess olistiku tal-valutazzjoni ambjentali. Filwaqt li din tista' tidher bħala għażla attraenti, mill-Istati Membri kienu ftit wisq dawk li rrakkomandaw l-amalgamar ta' dawn iż-żewġ Direttivi; huma enfasizzaw li kull proċess għandu jkun kompletament separat fih innifsu, peress li ż-żewġ Direttivi huma komplementari u jindirizzaw stadji u proċessi differenti.

Meta jitqies dan u l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA, ma jidhirx li hu xieraq li jkun hemm l-amalgamar taż-żewġ proċessi dal-ħin. F'dan l-istadju, jistgħu jinkisbu koordinazzjoni u koerenza aħjar billi jitranġaw l-inkonsistenzi li hemm bejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ Direttivi u billi jkunu kkjarifikati d-definizzjonijiet tal-kategoriji problematiċi tal-proġetti fid-Direttiva dwar il-VIA, billi din tiġi emendata u/jew permezz tal-iżvilupp ta' dokument ta’ Gwida kif spjegat hawn fuq.

4.2. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità[10]

Rigward id-Direttiva dwar il-Ħabitats, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha li jipprovdi għal valutazzjoni speċjali f'ċerti każi, l-Istati Membri huma tal-opinjoni li ma hemm l-ebda problema kbira x'jirrappurtaw dwar ir-relazzjoni tagħha mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar is-SEA, li jipprovdi għal proċeduri ta' valutazzjoni ko-koordinati jew konġunti. Fil-fatt, l-Istati Membri jirrappurtaw li huma ħadu passi sabiex jevitaw id-duplikazzjoni u d-dħul f'xulxin, fil-biċċa l-kbira permezz ta' approċċ koordinat, li huwa ppreferut għal approċċ konġunt [11].

Madankollu, ta’ min jinnota li l-NGOs (organizzazzjonijiet mhux governattivi) urew tħassib dwar din il-kwistjoni.

Rigward il- Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità (il-PAB), ħafna SM sempliċiment iħossu li d-dispożizzjonijiet tas-SEA huma biżżejjed u jqisu l-kontenut tagħha.

Ir-Rapport ta' nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-PAB tal-2008[12] jiżvela li wisq probabbli l-UE mhix se tilħaq il-mira tagħha tal-2010 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Ir-rapport jenfasizza l-bżonn għal progress ulterjuri sabiex ikun żgurat li s-SEA u l-VIA jitwettqu sistematikament b’rabta ma' interventi ambjentali sensittivi ffinanzjati mill-Istati Membri u mill-Komunità Ewropea (l-KE).

4.3. Il-Protokoll dwar is-SEA

Il-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar il-VIA f’Kuntest Transkonfinali – li magħha ssieħbet il-KE – ġiet issupplimentata mill-Protokoll dwar is-SEA. Il-Protokoll dwar is-SEA kien adottat f'Kiev fil-21 ta' Mejju 2003 u sussegwentement ġie ffirmat minn 36 Stat u mill-Komunità Ewropea. Sabiex jidħol fis-seħħ, hemm bżonn li jkun ratifikat minn 16-il Firmatarju (sa issa, ġie ratifikat minn 10 Firmatarji).

Il-Protokoll dwar is-SEA mhuwiex limitat għall-impatti transkonfinali mill-P&P biss; għandu x’jaqsam ukoll mal-impatti mill-P&P fi ħdan l-Istati Kontraenti. Ġaladarba jidħol fis-seħħ, se jkun jeħtieġ li l-Partijiet tiegħu jevalwaw l-effetti ambjentali ta' ċerti P&P. Il-Protokoll jindirizza wkoll il-politiki u l-leġiżlazzjoni, li mhux il-każ fil-każ tad-Direttiva dwar is-SEA.

4.4. Tibdil fil-klima

In-nuqqas ta' metodoloġija stabbilita sew sabiex ikunu ddeterminati l-impatti issemma bħala problema ewlenija minn ħafna SM. Il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima huma kkunsidrati fis-SEA fuq il-bażi ta' każ b'każ, u l-biċċa l-kbira b’rabta mal-P&P li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-klima, bħall-P&P tal-enerġija jew tat-trasport. Madankollu, qed toħroġ ix-xejra li tingħata aktar attenzjoni lill-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-P u l-P l-oħrajn.

Xi SM qed jiżviluppaw metodoloġiji speċifiċi biex ikejlu l-emissjonijiet potenzjali tal-gassijiet b'effett tas-serra ta' P&P partikolari; oħrajn qed jiffissaw miri tan-"newtralità tal-karbonju" (jiġifieri l-implimentazzjoni tal-P&P ma għandhiex tirriżulta f'żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett tas-serra) jew qed jidentifikaw l-impatti fuq it-tibdil fil-klima f'termini tan-nuqqas mistenni fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett tas-serra.

Minħabba n-nuqqas ta' dokument speċifiku ta’ gwida dwar il-kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fis-SEA, għandu jkun hemm żvilupp ulterjuri ta’ linji ta' gwida speċifiċi.

5. PROGRAMMI KOFINANZJATI MILL-KE BEJN L-2007 U L-2013[13]

SKONT L-ARTIKOLU 3(9), ID-DIRETTIVA DWAR IS-SEA MA KINITX TAPPLIKA GħALL- P&P tal-perjodu ta' programmar mill-2000 sal-2006. Għall-2007 sal-2013, id-Direttiva dwar is-SEA kienet totalment applikabbli skont l-Artikolu 2(a) tagħha u skont ir-Regolamenti dwar il-Koeżjoni, l-Iżvilupp Rurali u s-Sajd li jirreferu b'mod speċifiku għall-bżonn li titwettaq is-SEA.

Fil-prattika, għal ħafna mill-Programmi Operattivi (PO) adottati fil-perjodu 2007-13, kellha titwettaq SEA skont it-termini tad-Direttiva. Dan kien ifisser li ma twettqux SEAs għal PO li ma ffissawx qafas għall-permessi għall-iżvilupp fil-futur tal-proġetti, jiġifieri għall-biċċa l-kbira tal-programmi tal-FSE. Il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-SEA kienet kundizzjoni għall-approvazzjoni tal-programmi mill-Kummissjoni.

B’mod iktar speċifiku, rigward il- PO tal-Politika ta' Koeżjoni , l-esperjenza tas-SEA wasslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

- Il-kontenut tal-programmi kien influwenzat b'mod ċar mill-proċess tas-SEA, peress li kellhom jitqiesu r-rekwiżiti ambjentali fl-istadju tal-ippjanar, għalkemm huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi sa fejn dan kien il-każ.

- Il-livell ta' parteċipazzjoni mill-pubbliku f'għadd ta' SM ma kienx għoli daqs kemm seta' kien. Fil-fatt, l-iskeda qasira sabiex il-programmi jiġu adottati wasslet biex diversi awtoritajiet tal-ippjanar wettqu l-proċess tal-implimentazzjoni tas-SEA f'perjodu qasir taż-żmien. Min-naħa l-oħra, ta’ min jinnota li l-Artikolu 11 (is-sħubija) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili fl-istadji tal-preparazzjoni tal-programm.

- L-awtoritajiet tal-ambjent ġew ikkonsultati u involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, anke jekk f'xi każijiet kien diffiċli li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħhom.

- Il-kwalità tar-rapporti ambjentali ma kinitx uniformi, u f'xi każijiet kienet relattivament baxxa.

Il-valutazzjoni tal- Programmi tal-Iżvilupp Rurali wasslet għall-osservazzjonijiet li ġejjin rigward is-SEA:

- Il-kwalità tas-SEA tvarja b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri differenti.

- Fil-maġġoranza tal-każi, għadd kbir ta' partijiet interessati ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika, anke jekk, f'xi każijiet, ma kienx hemm biżżejjed opportunitajiet għall-pubbliku biex ikun involut minħabba metodi ta' konsultazzjoni mhux adegwati.

Ġew magħmula osservazzjonijiet simili rigward il-PO ffinanzjati mill- Fond Ewropew għas-Sajd.

Kollox ma' kollox, minkejja l-inċertezzi dwar l-ambitu tal-influwenza tas-SEA fuq il-kontenut tal-programmi, huwa essenzjali li wieħed jenfasizza l-effett b'mod ġenerali pożittiv tal-ewwel applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA fuq il-programmi kofinanzjati tal-Komunità. Għalkemm hemm lok għal titjib, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA wasslet għal integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-kontenut tal-programmi. L-awtoritajiet tal-ambjent huma involuti b'mod aħjar fil-fażijiet kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

6. EFFIKAċJA TAD-DIRETTVA

Il-valutazzjoni tal-effikaċja tad-Direttiva dwar is-SEA ġiet ibbażata fuq kemm il-proċeduri u d-deċiżjonijiet ta' ppjanar u ta’ pprogrammar ġew influwenzati mill-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, u sa fejn il-P&P ġew emendati bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-proċedura tas-SEA.

6.1. Impatt tas-SEA fuq il-proċess tal-ippjanar

Il-maġġoranza tal-Istati Membri semmew b'mod partikolari l-kontribut li tat is-SEA biex ikun hemm titjib fl-organizzazzjoni u fl-istuttura tal-proċedura kollha tal-ippjanar, xi ħaġa li ġiet ikkunsidrata bħala element pożittiv. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti formali tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-ambjent u mal-pubbliku wasslu għal żieda fit-trasparenza tal-proċeduri tal-ippjanar.

6.2. Impatt tas-SEA fuq il-kontenut tal-P&P

Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw li, f'ħafna każi, is-SEA biddlet il-kontenut tal- P&P. L-esperjenzi f'dan ir-rigward kienu differenti. B'mod ġenerali, ġie rrappurtat li s-SEA ma biddlitx l-għanijiet prinċipali jew l-allokazzjoni finanzjarja bejn l-għanijiet ta' finanzjament; li biddlet kienu ċerti għanijiet, skemi jew kriterji ta' finanzjament. Madankollu, esperjenzi oħra wrew li, fuq il-livell tal-akbar pjanijiet nazzjonali, għadd sinifikanti ta' sejbiet tas-SEA influwenzaw sew il-kontenut tal-pjanijiet, inkluża l-għażla tal-alternattivi jew billi inkorporaw suġġerimenti importanti mis-SEA.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw ukoll li l-kontenut tal-P&P qed ikun immodifikat b'mod gradwali bħala konsegwenza tal-proċess imtenni li bih qed titwettaq is-SEA, flimkien mal-preparazzjoni tal-P&P. B'mod speċifiku, huma jsemmu li miżuri ta' mitigazzjoni li jqumu ħafna flus li kienu adottati qabel, issa jista' jkun li m’għadx hemm bżonnhom bħala konsegwenza diretta tal-inklużjoni bikrija tal-kunsiderazzjonjiet ambjentali fil-P&P.

6.3. Perċezzjoni tal-benefiċċji tas-SEA

L-Istati Membri identifikaw għadd ta' benefiċċji tas-SEA, pereżempju:

- L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f'P&P li huma aktar ekoloġiċi.

- L-introduzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u tal-konsultazzjoni magħhom; dan jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti (tal-ippjanar, tal-ambjent u tas-saħħa).

- Iż-żieda fit-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, minħabba l-involviment ta' diversi livelli tas-soċjetà.

- Il-kontribut tas-SEA għal iktar konformità mar-rekwiżiti tal-politika ambjentali speċifika kkonċernata.

7. OPPORTUNITAJIET GħAT-TITJIB TAD-DIRETTIVA

Fit-tul, jistgħu jitqiesu xi emendi sabiex jitqies id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll dwar is-SEA, jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva dwar is-SEA (sabiex ċerti kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u r-riskji jkunu indirizzati aħjar), u jissaħħu s-sinerġiji ma' atti leġiżlattivi ambjentali oħrajn. F'dan ir-rigward, jistgħu jkunu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

- Id-dħul fis-seħħ tal- Protokoll dwar is-SEA jista' jirriżulta f'tibdil fid-Direttiva dwar is-SEA. Jistgħu jkunu kkunsidrati emendi potenzjali addizzjonali għad-Direttiva dwar is-SEA. X’uħud minn dawn l-emendi jistgħu jkunu inkorporati bħala parti mill-analiżi tad-Direttiva dwar il-VIA, pereżempju permezz ta' emendi għall-Annessi tagħha.

- Il-Protokoll dwar is-SEA jmur lil hinn mid-Direttiva dwar is-SEA, fis-sens li jinkoraġġixxi wkoll l-applikazzjoni potenzjali f’ċerti politiki u proposti leġiżlattivi . Il-fatt li d-Direttiva dwar is-SEA ma tapplikax għal politiki li jistipulaw il-qafas tal-P&P joħloq il-bżonn li tkun ikkunsidrata l-inklużjoni possibbli ta' politiki u leġiżlazzjoni fl-applikazzjoni tad-Direttiva bħala alternattiva għall-futur.

- Hemm il-bżonn li tkun żviluppata l-kapaċità fl-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-SEA. Sabiex dan isir, il-bini tal-kapaċità għandu jkun inkorraġġit b'qawwa, b'mod partikolari permezz ta' kampanji mmirati lejn ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-esperti dwar is-SEA u permezz ta’ dokumenti ta' gwida dwar is-SEA.

- Fl-aħħar nett, xi SM enfasizzaw il-bżonn li jkun hemm dokument ta ’ gwida ulterjuri , b'mod partikulari dwar l-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti prinċipali tad-Direttiva (il-kriterji tal-proċess ta’ skrutinju, l-identifikazzjoni ta' alternattivi, il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u/jew il-proċeduri konġunti għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti għall-valutazzjoni skont Direttivi oħra, dokument ta’ gwida speċifiku dwar ir-rabta bejn is-SEA u l-VIA). Jista' jkun żviluppat dokument ta’ gwida tal-UE dwar il-kunsiderazzjoni tal-integrazzjoni aħjar tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità fis-SEA mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

8. KONKLUżJONIJIET

L-istampa ġenerali tal-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar is-SEA fl-Istati Membri kollha hija varjata f'termini tal-arranġamenti istituzzjonali u legali tal-proċedura tas-SEA, u f'termini ta' kif l-Istati Membri jipperċepixxu r-rwol tagħha. Din l-istampa varjata tiddetermina wkoll il-mod ta’ kif l-Istati Membri jaraw il-benefiċċji u l-iżvantaġġi u x'miżuri x'aktarx itejbu l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva.

Is-sejbiet ġenerali ta' dan l-ewwel rapport jissuġġerixxu li l-applikazzjoni tas-SEA fl-Istati Membri għadha fl-ewwel żminijiet tagħha, u li hija meħtieġa aktar esperjenza qabel ma jkun deċiż jekk id-Direttiva għandhiex tiġi emendata jew le, u, jekk iva, kif dan għandu jsir. L-Istati Membri donnhom jippreferu l-istabbiltà tar-rekwiżiti leġiżlattivi, sabiex is-sistemi u l-proċessi tas-SEA jitħallew jistabbilixxu rwieħhom u sabiex jipprovdu l-opportunità sabiex jiġu stabbiliti modi b'saħħithom ta' kif jintużaw is-SEAs biex jitjieb il-proċess tal-ippjanar. Ir-rapport ta' evalwazzjoni li jmiss għandu jkun ippreparat fl-2013.

Kollox ma' kollox, wieħed jista' jikkonkludi li d-Direttiva dwar is-SEA tikkontribwixxi għall-kunsiderazzjoni sistematika u strutturata tal-kwistjonijiet ambjentali fil-proċessi tal-ippjanar u għall-integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-direzzjoni minn isfel għal fuq. Barra minn hekk, permezz tar-rekwiżiti tagħha (ir-rapport ambjentali, il-konsultazzjoni u t-tagħrif tal-awtorijiet u l-pubbliku kkonċernati, eċċ.), tiżgura proċeduri ta’ ppjanar aħjar u armonizzati, u tikkontribwixxi għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet trasparenti u parteċipattivi.

Anness

Sorsi prinċipali ta' tagħrif

- Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni dwar ir-rapport dwar it-tħaddim u l-effettività tad-Direttiva dwar is-SEA: http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/study0309.pdf

- Ir-risposti tal-Istati Membri fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar it-tħaddiem u l-effettività tad-Direttiva dwar is-SEA.

- Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni dwar " Ir-Relazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-VIA u dik dwar is-SEA" (2005): http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/final_report_0508.pdf.

- Manwal dwar is-SEA għall-Politika ta' Koeżjoni mill-2007 sal-2013 (2007, GRDP).

- Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE (2003): http://ec.europa.eu/environment/eia/sea-support.htm

- L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva dwar is-SEA u l-applikazzjoni tagħha għall-Programmi kkofinanzjati mill-UE bejn l-2007 u l-2013 matul dak il-perjodu.

[1] ĠU L 197/30, 21.7.2001, p. 30. Il-kelma “strateġika” ma tidhirx fid-Direttiva. Hawnhekk qed tintuża għal raġunijiet ta' konvenjenza biss.

[2] Il-kunċett ta' "awtorità" ingħata ambitu kbir fil-każistika tal-QEĠ. Ikopri l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi semi-pubbliċi jew il-kumpaniji li jipprovdu servizzi essenzjali privatizzati li ngħataw ir-responsabbiltà li jipprovdu servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-Istat u li għandhom poteri speċjali għal dan il-għan. Għal aktar dettalji ara l-punti 3.12 u 3.13 tal-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA.

[3] L-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar tal-bliet u tal-irħula, u l-użu tal-art.

[4] Id-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti [il-valutazzjoni tal-impatt] ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).

[5] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.92, p. 7).

[6] Permezz ta' analiżi każ b'każ jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta' P&P jew billi jintużaw iż-żewġ approċċi flimkien

[7] Id-Direttiva 2000/60 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1). Id-Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9). Id-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12). Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).

[8] Il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (Kiev, 2003). Approvat bid-Deċiżjoni 2008/871/KE, ĠU L 308, 19.11.08, p. 33.

[9] - F’każ fejn proġetti kbar ikunu magħmulin minn proġetti sekondarji jew fejn il-proġetti jkollhom sinifikat li jmur lil hinn minn dak lokali. - Proġetti li jkunu jeħtieġu emendi fil-pjanijiet tal-użu tal-art (li jkunu jeħtieġu SEA) qabel ma żviluppatur ikun jista' japplika għall-permess għall-iżvilupp u jwettaq il-VIA. - P&P li jistipulaw kriterji vinkolanti għall-kunsens għall-iżvilupp sussegwenti ta’ proġetti. - Rabtiet ġerarkiċi bejn is-SEA u l-VIA ("l-użu ta’ livelli differenti”).

[10] COM(2006)216.

[11] Il-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tas-SEA ma' valutazzjoni(jiet) oħra(jn) u l-proċedura konġunta ma' valutazzjoni waħda individwali li tilħaq ir-rekwiżiti taż-żewġ Direttivi.

[12] COM(2008)864.

[13] Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25); Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p.1); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd] (ĠU L 358, 31.12.2002, p.59).