52008DC0612

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Evalwazzjoni finali tal-programm Dwani 2007 skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 li tadotta programm ta' azzjoni għad-dwani fil-Komunità (Dwani 2007) /* KUMM/2008/0612 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 7.10.2008

COM(2008) 612 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni finali tal-programm Dwani 2007 skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 li tadotta programm ta' azzjoni għad-dwani fil-Komunità (Dwani 2007)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni finali tal-programm Dwani 2007 skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 li tadotta programm ta' azzjoni għad-dwani fil-Komunità (Dwani 2007)

IL-PROGRAMM DWANI 2007

Il-programm Dwani 2007 ġie stabbilit mid-Deċiżjoni 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003. Kien it-tielet programm ta' azzjoni Komunitarju għad-dwana, u kien ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2007. Il-parteċipazzjoni fid-Dwani 2007 kienet miftuħa għas-27 Stat Membru tal-UE, kif ukoll għall-Kroazja u t-Turkija. L-ispiża tal-programm inqasmet bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi parteċipanti.

Il-programm Dwani 2007 kien primarjament immirat biex jipprovdi appoġġ u jseddaq il-koperazzjoni u kordinazzjoni fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali tad-dwana tal-Istati membri, li kienu l-benefiċjarji ewlenin tal-programm. Biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu (li kienu mfissra fil-Parti I tal-Pjan ta' Azzjoni Dwani 2007), il-programm issejjes l-aktar fuq:

- Azzjonijiet konġunti, inkluż seminars, laqgħat ta' ħdima u gruppi ta' proġett, skambji ta' uffiċjali, attivitajiet ta' taħriġ, valutar komparattiv u azzjonijiet oħra. Dawn l-azzjonijiet konġunti jirrappreżentaw madwar 20 % tal-baġit tal-programm.

- Is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), inkluż is-Sistema Kompjuterizzata Ġdida għat-Tranżiti (NCTS), kif ukoll għadd ta' sistemi b'rabta ma' tariffi (inkluż is-sistema informatika dwar it-tariffa integrata tal-Komunità – TARIC) u s-sistemi dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-informazzjoni dwaru (inkluż is-sistema elettronika tal-formola tal-informazzjoni dwar ir-riskju – RIF). Kważi 80 % tal-baġit tal-programm kien intiż għas-sistemi tal-IT.

Il-qafas finanzjarju għall-ħames snin tal-implimentazzjoni tal-progrramm ġie ffissat għal EUR 165.55 miljun.

L-GĦAN TAL-EVALWAZZJONI FINALI

L-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 253/2003/KE jistipula li l-programm Dwani 2007 "ser ikun suġġett għal valutazzjoni kontinwa[1] mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jipparteċipaw." L-evalwazzjoni finali tnediet f'Novembru 2007, u ntemmet f'Mejju 2008. Kopriet l-intenvent kollu (2003-2007). It-Termini ta' Referenza għall-evalwazzjoni finali jistipulaw li l-għan ewlieni tal-għanijiet tiegħu huwa li jiġi vvalutat:

- liema effetti (riżultati u impatti) inkisbu;

- kif ikkontribwew għall-ilħiq tal-għanijiet (effikaċja);

- u jekk dawn l-effetti nkisbux bi prezz raġonevoli (effiċjenza).

L-evalwazzjoni finali ġabret reazzjonijiet u dejta mill-gruppi kollha tal-partijiet konċernati fil-programm: il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet doganali tal-pajjiżi parteċipanti, u negozjanti (imsejħa wkoll bħala operaturi ekonomiċi). Minħabba d-diffikultà biex jinstabu indikaturi evidenti biex jitkejjel is-suċċess tal-Dwani 2007 (minħabba l-kumplessità u n-natura diversifikata tal-programm u l-firxa wiesgħa tal-għanijiet tiegħu), l-evalwazzjoni vvalutat l-effetti tal-Dwani 2007 f'sens usa', bl-użu ta' taħlita ta' informazzjoni kwalitattiva u dejta kwantitattiva (meta disponibbli) biex tiġġudika l-impatti u l-effikaċja tiegħu.

METODOLOĠIJA

Il-metodoloġija għall-ġbir tad-dejta u l-informazzjoni inkludiet li ġej:

- kwestjonarju ta' evalwazzjoni għall-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali: kwestjonarju dettaljat intbagħat lill-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) għad-Dwani 2007 fid-29 pajjiż parteċipant, li jistaqsihom biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-programm, u jissustanzjawhom billi jipprovdu dejta u informazzjoni fattwali.

- kwestjonarju ta' informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea: id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) tal-Kummissjoni pprovda dejta addizzjonali (l-aktar kwantitattiva) dwar l-inputs u r-riżultati tal-programm Dwani 2007.

- studji ta' każijiet speċifiċi: twettqu erba' studji ta' każijiet speċifiċi, kull wieħed jiffoka fuq il-prijoritajiet tal-programm. Bħala parti mill-istudji tal-każijiet, twettqu aktar minn 80 intervista ma' parteċipanti f'kampjun tal-azzjonijiet konġunti, inkluż uffiċjali tad-dwana minn 23 pajjiż parteċipant, operaturi ekonomiċi u uffiċjali tad-DĠ TAXUD.

- stħarriġ bl-internet: saru żewġ stħarriġ separati - wieħed immirat għall-uffiċjali tad-dwana li pparteċipaw f'azzjonijiet konġunti taħt id-Dwani 2007 u/jew użaw is-sitemi IT (dan l-istħarriġ ġabar 1 243 tweġiba), u l-ieħor għall-operaturi ekonomiċi li kienu involuti fl-attivitajiet tad-Dwani 2007 (133 tweġiba).

- riċerka sekondarja ('desk research'): ir-riċerka sekondarja użat sorsi eżistenti ta' evidenza, inkluż l-bażijiet dejta ART u ċ-CIRCA, u dokumenti oħra li huma jew ta' dominju pubbliku jew disponibbli għall-partijiet konċernati.

L-analiżi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' dawn l-għodod u l-metodi kienet iggwidata minn qafas analitiku ta' kriterji u indikaturi għall-ġudizzju żviluppati matul il-fażi inizjali tal-evalwazzjoni. Partijiet kbar minn dan il-qafas issejsu fuq il-loġika ta' intervenzjoni tal-programm (derivata mill-istruttura tal-għanijiet, il-prijoritajiet u s-subprijoritajiet fil-Pjan ta' Azzjoni Dwani 2007). Fejn kien xieraq u vijabbli, intużaw ukoll indikaturi kwantitattivi żviluppati fl-2003 għall-programm ta' evalwazzjoni.

RIŻULTATI U IMPATTI/EFFIKAĊJA

Dwani 2007 segwa l-erba' għanijiet ewlenin li ġejjin (cf. id-Deċiżjoni Dwani 2007 u l-Pjan ta' Azzjoni Dwani 2007, il-Parti I):

- il-ħarsien tal-interessi Komunitarji: partikolarment li tiġi pprovduta l-protezzjoni neċessarja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u jiġi pprovdut ambjent li joffri sigurtà u sikurezza għaċ-ċittadini tagħha;

- it-tħaffif fil-kummerċ: li jkun possibbli li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jissodisfaw l-esiġenzi tagħhom minħabba l-globalizzazzjoni u l-volumi dejjem akbar ta' negozju u jikkontribwixxu lejn it-tisħiħ tal-ambjent kompetittiv tal-Unjoni Ewropea;

- riżultati/infrastruttura ekwivalenti: li jkun possibbli għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri li jinteraġġixxu u jwettqu d-doveri tagħhom b'mod effiċjenti daqs li kieku kienu amministrazzzjoni waħda, u li jilħqu riżultati ekwivalenti fi kwalunkwe post fit-territorju doganali tal-Komunità;

- it-tkabbir li jittieħdu l-passi neċessarji fit-tħejjija għat-tkabbir u li tissostna l-integrazzjoni ta' Stati Membri ġodda, u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-fruntieri esterni futuri tal-UE.

Ġew ifformulati tmien evalwazzjonijiet, imsejsa fuq l-iskop tal-evalwazzjoni u l-għanijiet tal-programm. L-ewwel erba' mistoqsijiet kienu jikkonċernaw kemm Dwani 2007 ikkontribwixxa għall-ilħuq ta' kull wieħed minn dawn l-għanijiet. Il-ħames mistoqsijiet talbet valutazzjoni separata dawr kemm Dwani 2007 ikkontribwixxa biex jitlaħqu dawn l-għanijiet. Il-konklużjonijiet ewlenin dwar dawn l-elementi huma miġbura fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

Dwani 2007 ikkontribwixxa biex jiġi pprovdut ambjent li joffri sikurezza u sigurtà għaċ-ċittadini u biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità?

Mill-informazzjoni miġbura matul l-evalwazzjoni jista' jiġi konkluż li l-programm Dwani 2007 ta' kontribut sinifikanti fil-ħarsien tal-interessi Komunitarji. Aktar minn 80 % tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali kollha indikaw li Dwani 2007 ikkontribwixxa "konsiderevolment" jew "ħafna" kemm biex jiġi pprovdut ambjent li joffri sikurezza u sigurtà għaċ-ċittadini, kif ukoll biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Dan intlaħaq permezz ta' bosta azzjonijiet ta' programm li ttrattaw is-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni, l-istandardizzazzjoni u/jew titjib ġenerali fil-leġiżlazzjoni u proċeduri doganali, kif ukoll azzjonijiet biex tiżdied il-koperazzjoni fost l-awtoritajiet doganali inġenerali.

Kumplessivament, ir-reazzjonijiet li waslu mill-partijiet konċernati jindikaw li Dwani 2007 huwa fil-biċċa l-kbira meqjus bħala faċilitatur u katalizzatur importanti ħafna għall-koperazzjoni prammatika u siewja fost l-atturi kollha rilevanti fil-qasam tal-leġiżlazzjoni, proċeduri u formalitajiet doganali (inkluż prevenzjoni ta' frodi u l-ġlieda kontra l-oġġetti foloz). Ir-riżultati konkreti ta' diversi gruppi ta' ħidma li huma jew kienu f'dan il-qasam, l-effetti wiesgħa ta' kuntatti aħjar fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali (eż. permezz ta' skambji), u sistemi IT u ta' skambju tal-informazzjoni żviluppati taħt Dwani 2007, kollha kkontribwew favur valutazzjoni kumplessivament pożittiva tal-impatti ta' Dwani 2007 dwar il-ħarsien tal-interessi Komunitarji.

Dwani 2007 ikkontribwixxa għat-tħaffif tal-kummerċ?

Kumplessivament, l-evalwazzjoni tindika li r-rwol ta' Dwani 2007 fit-tħaffif tal-kummerċ kien wieħed varjat. Hemm tendenza ċara (partikolarment matul l-aħħar tlieta sa erbgħa snin) li l-operaturi ekonomiċi jingħataw l-opportunità jipparteċipaw fil-gruppi ta' ħidma, seminars u azzjonijiet konġunti oħra, u b'hekk jikkollaboraw matul il-proċess tat-tfassil ta' regoli, proċeduri, speċifikazzjonijiet, eċċ, ġodda. L-operaturi ekonomiċi apprezzaw ħafna r-rieda u l-isforzi tal-Kummissjoni (u sa ċertu punt tal-Istati Membri wkoll) sabiex jinvolvuhom u jisimgħu serjament għat-tħassib tagħhom. Il-maġġoranza kbira tal-uffiċjali doganali laqgħu wkoll il-parteċipazzjoni mtejba tal-operaturi ekonomiċi, minkejja xi tħassib komunikat li involviment "eċċessiv" tal-operaturi ekonomiċi jista' xi kultant ikun ostaklu għat-teħid tad-deċiżjonijiet effiċjenti u effikaċi.

Mill-banda l-oħra, l-operaturi ekonomiċi kienu kemmxejn anqas entużjasti dwar l-impatti attwali tal-koperazzjoni dwar l-imminimizzar tal-piżijiet fuq il-kummerċ leġittimu u dwar is-simplifikar u l-modernizzar tal-proċeduri u formalitajiet doganali. Filwaqt illi bosta azzjonijiet imwettqa taħt il-programm Dwani 2007 għenu biex jittaffew il-piżijiet fuq in-negozjanti (eż. l-implimentazzjoni tas-Sistema Kompjuterizzata Ġdida għat-Tranżiti), kien hemm ilmenti li bosta mill-miżuri u l-inizjattivi ġodda mwettqa fl-Ewropa mill-attakki terroristi tad-9/11 iffukaw primarjament fuq materji ta' sikurezza u sigurtà, u bosta drabi jirriżultaw f'piżijiet addizzjonali għall-kummerċ. L-għadd relattivament baxx ta' azzjonijiet konġunti li espliċitament jindirizzaw l-għan tal-programm tat-tħaffif tal-kummerċ huwa indikazzjoni ulterjuri ta' ċertu sparriġġ (minkejja li għandu jiġi nnutat li għadd konsiderevoli ta' azzjonijiet oħra mhux espliċitament marbuta ma' dan l-għan x'aktarx huma wkoll ikkontribwew indirettament għat-tħaffif tal-kummerċ).

Dwani 2007 għen biex l-amministrazzjonjiet doganali nazzjonali jaħdmu daqs li kieku kienu amministrazzjoni waħda?

L-evalwazzjoni uriet li l-programm Dwani 2007 ikkontribwixxa konsiderevolment għal dan l-għan billi ffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-metodi ta' ħidma f'bosta oqsma differenti. Dan hu marbut mal-iżgurar ta' riżultati ekwivalenti fil-postijiet kollha tat-territorju doganali, u huwa kkonfermat min-negozjanti fit-tweġibiet għall-istħarriġ, li l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri tal-UE għamlu progress sinifikanti fit-twettieq ta' dmirijiethom daqs li kieku kienu amministrazzjoni waħda.

Dwani 2007 ikkontribwixxa b'mod ċar biex l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali jitqarrbu lejn xulxin, u favur l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u l-approċċi. Eżempji konkreti jinkludu s-sistemi IT komuni żviluppati taħt Dwani 2007 u l-approċċi ta' taħriġ komuni u għodod għat-tagħlim-e. Mil-lat anqas riġidu u aktar "uman", l-azzjonijiet Dwani 2007 jiffaċilitaw l-iskambju tal-għarfien, esperjenzi, l-aqwa prassi, u sempliċiment kuntatti personali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u b'hekk jikkontribwixxu wkoll biex ix-xogħol tal-amministrazzjonijiet doganali madwar l-Ewropa jkun aktar ikkordinat.

Dwani 2007 ipprovda appoġġ lill-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati fl-integrazzjoni tagħhom u t-tħejjija għall-adeżjoni?

Abbażi ta' reazzjonijiet mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati nfushom, il-programm Dwani 2007 kien ta' għajnuna kbira fl-integrazzjoni u t-tħejjija taħghom għall-adeżjoni fl-UE (il-maġġoranza ddikjaraw li l-programm ikkontribwixxa "ħafna" favur dan l-għan). L-istudju ta' każ speċifiku kkonferma li l-programm Dwani 2007 ġie apprezzat ħafna mill-uffiċjali tad-dwana fl-Istati Membri l-ġodda, li enfasizzaw il-valur tiegħu għall-qsim tal-għarfien, l-iskambju tal-esperjenzi u approċċi, u n-netwerking inġenerali.

L-appoġġ li Dwani 2007 ipprovda għall-adeżjoni u l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda u primarjament jirrizulta minn tliet tipi ta' inizjattivi.

- Kien hemm għadd ta' azzjonijiet immirati speċifikament lejn l-Istati Membri ġodda u/jew pajjiżi kandidati (inkluż proġetti ta' valutar kumparattiv u appoġġ tekniku). Bosta drabi dawn kellhom impatt pożittiv fuq iż-żieda tal-kapaċitajiet u l-adozzjoni ta' approċċi u proċeduri aktar effikaċi.

- Pajjiżi kandidati għandhom iċ-ċans jipparteċipaw fil-programm u l-gruppi ta' ħidma u proġetti differenti tiegħu (mhux iffukati fuq it-tkabbir), seminars, eċċ, minn stadju bikri fil-proċess tal-adeżjoni tagħhom. Dan joffri lill-Istati Membri futuri għarfien bikri tal-leġiżlazzjoni, proċeduri u formalitajiet tal-UE, u l-implimentazzjoni tagħhom, u jippermettilhom li jibdew jaħħornaw u jadattaw ir-regoli u l-proċessi tagħhom anki qabel jissieħbu uffiċjalment fl-UE.

- Is-sistemi IT varji żviluppati bl-appoġġ tad-Dwani 2007, u l-attivitajiet ta' appoġġ għall-implimentazzjoni taghom u għat-taħriġ tal-utenti, ikkontribwew ukoll għall-integrazzjoni ħarir tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri l-ġodda.

Is-sistemi IT sa fejn wasslu bl-għajnuna biex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm?

Taħt il-programm Dwani 2007, saru sforzi kbar biex tiġi żgurata l-(inter)operabbiltà ta' għadd ta' sistemi IT. Mil-lum, is-sistemi kollha li ġew ivvalutati jidhru li qed jaħdmu ħarir, u l-livelli għolja ta' sodisfazzjon tal-utenti huma indikazzjoni qawwija tal-utilità tagħhom. Madankollu, dan ma jfissirx li ma għadx fadal xi problemi; l-evalwazzjoni identifikat għadd ta' nuqqasijiet ta' sistemi IT speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati.

Kumplessivament, ir-riżultati tal-evalwazzjoni jissuġġerixxu li s-sistemi IT għenu konsiderevolment biex isir progress fl-ilħuq tal-għanijiet tal-programm II (tħaffif tal-kummerċ) u III (riżultati/infrastruttura ekwivalenti). Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, is-Sistema Kompjuterizzata Ġdida għat-Tranżiti (NCTS) jidher li tat l-akbar kontribut għas-simplifikar u l-għaġġil tal-proċedura tat-tranżitu kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-amministraturi fil-pajjiżi parteċipanti. Uħud mis-sistemi b'rabta mat-tariffi – partikolarment s-sistemi informatiċi dwar it-tariffa integrata tal-Komunità (TARIC) u s-sistema informatika Ewropea dwar it-tariffa vinkolanti (EBTI) – ħallew ukoll impatt fuq it-tħaffif tal-kummerċ billi jtejbu d-disponibbiltà tal-informazzjoni u ż-żieda taċ-ċertezza legali għan-negozjanti.

Fir-rigward tal-għanijiet tal-programm I (il-ħarsien tal-interessi tal-Komunità), kien hemm qbil wiesgħa li s-sistemi IT (speċjalment is-sistemi b'rabta mat-tariffi), tejbu d-disponibbiltà tad-dejta li tikkontribwixxi favur il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunità. Mill-banda l-oħra, il-ġlieda kontra l-frodi ma kinitx iċ-ċentru tal-attenzjoni tas-sistemi IT, għaliex l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi IT iddedikati għall-ġlieda kontra l-frodi huma koperti bi strumenti legali oħra[2]. Madankollu, is-sistema elettronika tal-formola tal-informazzjoni dwar ir-riskju (RIF) hija mistennija li ssir dejjem aktar utli biex jittejbu l-kontrolli doganali u għalhekk għall-prevenzjoni tal-frodi fil-ġejjieni, fl-istess waqt li jimxi 'l quddiem l-iżvilupp ta' qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju.

EFFIĊJENZA, UTILITÀ U SOSTENIBBILTÀ

L-aħħar tliet mistoqsijiet tal-evalwazzjoni indirizzaw l-effiċjenza, l-utilità u s-sostenibbiltà tal-programm Dwani 2007. Il-konklużjonijiet ewlenin dwar dawn l-aspetti huma miġbura fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

Jista' Dwani 2007 ikun aktar effiċjenti u jikseb l-istess riżultati u impatt b'anqas spejjeż?

Kumplessivament, ir-riżultat tal-evalwazzjoni jindika li l-programm Dwani 2007 huwa effiċjenti. Fil-livell tal-azzjonijiet konġunti, l-għodod li huma meqjusa l-aktar effikaċi mill-benefiċjari (partikolarment il-gruppi ta' ħidma, il-gruppi ta' proġetti u skambji) huma dawk li huma l-aktar użati, u li fuqhom tintefaq l-akbar parti tal-baġit. Fuq kampjun ta' 20 azzjoni li ġew ivvalutati fid-dettall, l-istudji dwar każijiet speċifiċi ssuġġerew ukoll li kien hemm ftit potenzjal għall-iffrankar tal-ispejjeż. Il-kosteffikaċja tal-iżvilupp u l-appoġġ permezz ta' Dwani 2007 għal bosta sistemi IT doganali hija aktar diffiċli biex tivvalutaha; madankollu, ir-reazzjonijiet mill-utenti u l-benefiċjarji jissuġġerixxu sodisfazzjon wiesa’ bis-sistemi IT, u apprezzament li l-impatti jiġġustifikaw l-ispiża tagħhom.

L-istrutturi u l-proċeduri tal-ġestjoni tal-programm kienu wkoll aġġudikati li jiffunzjonaw tajjeb mill-benefiċjarji tal-programm. Madankollu, għal bosta pajjiżi parteċipanti l-ammont ta' riżorsi (speċjalment riżorsi umani) disponibbli fil-livell nazzjonali għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni tqiesu insuffiċjenti biex jiġi żgurat li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċji potenzjali ta' Dwani 2007.

Finalment, madwar 60 % biss tal-baġit intiż għal Dwani 2007 intefaq sa tmiem l-2007. Minkejja xi nfiq addizzjonali ta' fondi impenjati skont Dwani 2007 huwa previst għall-2008 u 2009 (skont kuntratti fit-tul konklużi taħt Dwani 2007, primarjament għal servizzi b'rabta mal-IT), l-ammont totali se jibqa' konsiderevolment taħt l-allokazzjoni baġitarja massima disponibbli. Dan primarjament minħabba l-fatt li l-infiq fuq l-iżvilupp u l-appoġġ tas-sistemi IT kien sostanzjalment anqas milli previst. Ir-raġunijiet għal dan huma x'aktarx taħlita ta' diversi fatturi, li jagħmluha diffiċli biex tasal għal konklużjonijiet defenittivi fir-rigward tal-effiċjenza tal-programm. Madankollu, ta' min jinnota li Dwani 2007 laħaq l-għanijiet tiegħu mhux b'EUR 165.55 miljun, imma b'madwar EUR 95 miljun sal-lum, barra l-infiq addizzjonali stmat li jkun madwar bejn 10 u 15-il miljun ippjanati għas-snin li ġejjin.

L-impatti kkorrispondew għall-ħtiġijiet identifikati u l-problemi li kellhom jissolvew?

L-evalwazzjoni sabet li fil-biċċa l-kbira l-impatti miksuba mill-programm jikkorrispondu għall-ħtiġijiet identifikati u l-problemi li kellhom jissolvew, minħabba li:

a) l-erba' għanijiet ewlenin kollha tal-programm Dwani 2007 huma rilevanti u jindirizzat ħtiġjiet u prijoritajiet importanti għall-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u l-pajjiżi parteċipanti; jidher li ma hemm l-ebda ħtieġa konsiderevoli oħra tal-pajjiżi parteċipanti li l-programm kellu jkopri;

b) l-impatti ta' Dwani 2007 ikkontribwew (sa ċertu punt) għall-ilħiq tal-erba' għanijiet tal-programm (ara hawn fuq).

Għaldaqstant, il-programm kien utli ħafna. Billi joffri mekkaniżmi, għodod u proċessi għall-atturi kollha rilevanti madwar l-UE fil-qasam tad-dwana biex flimkien jindirizzaw, jiddibattu u jsolvu kwistjonijiet importanti marbuta mal-leġiżlazzjoni u proċeduri doganali, Dwani 2007 bla dubju għen l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali biex jagħmlu progress fl-isforzi tagħhom biex jaħdmu bħallikieku kienu amministrazzjoni waħda. Il-programm ta kontribut importanti wkoll għat-tħejjija għat-tkabbir u l-integrazzjoni ta' Stati Membri ġodda, kif ukoll għall-protezzjoni tal-interessi Komunitarji. Finalment, minkejja mhux ċar jekk il-miżuri adottati skont Dwani 2007 għenux biex jitħaffef il-kummerċ, ma hemmx dubju li l-programm kien utli biex inaqqas il-piżijiet fuq il-kummerċ leġittimu f'ċerti oqsma, u biex jillimita l-piżijiet addizzjonali imposti permezz ta' xi miżuri ġodda mmirati lejn it-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà.

L-effetti miksuba minn Dwani 2007 se jwasslu sat-terminu l-medju u fit-tul?

Il-programm Dwani 2007 bla dubju pproduċa għadd ta' riżultati konkreti li l-effetti tagħhom se jwasslu sat-terminu medju u fit-tul. Eżempji ewlenin ta' tali impatti li jdumu għat-tul jinkludi l-abbozzi tat-testi żviluppati minn gruppi ta' ħidma taħt Dwani 2007 li saru parti minn leġiżlazzjoni li kient jew li waslet biex tiġi adottata; sensiela ta' sistemi IT operattivi li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom kienet mgħejjuna b'mod kruċjali mill-attivitajiet taħt Dwani 2007; u l-moduli tat-tagħlim-e li ġew żviluppati u li diġà qed jintużaw f'bosta Stati Membri.

Madankollu, is-seħħ sħiħ tal-impatti pożittivi potenzjali se jiddependi fuq it-tkomplija tal-programm. Il-programm jipprovdi mekkaniżmu vitali biex jakkumpanja, isir dibattitu konġunt u jiġu żviluppati inizjattivi għaddejjin bħalissa u oħrajn ġodda li għandhom jitvaraw fil-qasam tad-dwana (kemm jekk ta' natura ġuridika, proċedurali, teknoloġika, politika jew oħra), u fl-aħħar nett itejjeb il-kwalità, l-effikaċja, il-koerenza u l-aċċettabbiltà tagħhom għall-pajjiżi parteċipanti u l-operaturi ekonomiċi. It-twaqqif tal-programm Dwani joħloq tħassib kbir fost il-benefiċjarji u l-partijiet konċernati li l-koperazzjoni u l-kordinazzjoni fosthom tbati, għad-detriment ta' progress futur lejn l-għanijiet kollha ta' Dwani 2007.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkommandazzjonijiet Ġenerali

L-evalwazzjoni finali kkonfermat li l-programm Dwani 2007 kellu impatt pożittiv fuq il-ħidma tad-dwani fl-Ewropa. Dan huwa apprezzat mill-benefiċjarji u l-partijiet konċernati tiegħu, u jikkontribwixxi effikaċement (f'ċerti każijiet sostanzjalment) favur l-għanijiet kollha ewlenin tiegħu. Għalhekk, l-evalwazzjoni finali tirriafferma dak li kien diġà indikat fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu – il-ħtieġa għat-tkomplija tal-programm Dwani 2007. Biex jiġi żgurat li programmi suċċessuri jiffunzjonaw kemm jista' jkun ħarir u effikaċement, għandhom:

- iżommu l-approċċ ta' ġestjoni bbażat fuq l-għanijiet, b'hekk jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha jsewgu set ta' għanijiet iddefiniti ċar f'armonija mal-għanijiet kumplessivi tal-programm, u jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

- jirrevedu l-lista ta' prijoritajiet u subprijoritajiet bil-ħsieb li tiġi żgurata l-validità dejjiema tal-approċċ ibbażat fuq l-għanijiet imsejjes fuq ġerarkija ċara ta' miri rilevanti u vijabbli. Xi prijoritajiet ta' Dwani 2007 jistgħu ma jkunx għadhom rilevanti, filwaqt li oħrajn ikunu jidhru wisq mifruxa jew wisq speċifiċi.

- itejbu l-viżibbiltà u l-utilità tal-Programm Annwali ta' Ħidma (AWP) billi jużawh biex jistipulaw prijoritajiet kruċjali ċari ħafna għas-sena li tkun ġejja (aktar milli jillimitawh għal li jitratta l-għanijiet u l-prijoritajiet kollha tal-Pjan ta' Azzjoni).

- ikomplu jagħmlu użu wiesgħa tal-gruppi ta' proġetti/ħidma u skambji, li nstabu li kienu l-aktar tipi ta' azzjonijiet effikaċi mill-benefiċjarji, u meta ffukati sew, irriżulta li kienu kapaċi jipproduċu riżultati utli ħafna, tanġibbli u konkreti;

- tipi oħra ta' azzjonijiet konġunti (inkluż seminars, valutazzjoni komparattiva, eċċ) jistgħu jkunu wkoll utli f'ċirkostanzi speċifiċi, imma s-suċċess tagħhom jiddependi ħafna fuq il-mod li bih ikunu organizzati. Il-linji gwida ta' Dwani 2007 għall-valutazzjoni komparattiva partikolarment għandhom jiġu riveduti biex jindirizzaw l-użu ta' din l-għodda identifikata fl-evlawazzjoni.

Oqsma Speċifiċi ta' Kwistjoni

L-evalwazzjoni identifikat għadd ta' kwistjonijiet marbuta ma' oqsma speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati. Sabiex jitkompla l-bini fuq il-progress sal-lum, u jinkiseb suċċess fl-indirizzar tal-kwistjonijiet li huma l-aktar importanti għall-partijiet konċernati, programmi suċċessuri ta' Dwani 2007 għandhom:

- jenfasizzaw dejjem aktar it-tħaffif tal-kummerċ. Dan huwa għan kruċjali għall-kummerċjanti kif ukoll għall-amministrazzjonijiet doganali tal-pajjiżi parteċipanti, imma ngħata relattivament anqas attenzjoni taħt Dwani 2007 (meta mqabbel ma' għanijiet prinċipali oħra). Biex jgħin sabiex jiġu mminimizzati l-piżijiet fuq il-kummerċ leġittimu, se jkun partikolarment importanti li:

- jiġi żgurat t-twettiq f'waqtu tal-inizjattiva Dwana-e u jiġi evitat it-tnaqqis tal-aċċellarazzjoni tal-proċess qabel ma jibdew jimmaterjalizzaw il-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi;

- jiġu prijoritazzati l-attivitajiet dwar l-awtorizzazzjonijiet singoli, inkluż l-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) u l-Awtorizzazzjoni Singola għall-Proċeduri Simplifikati (SASP), u ssir ħidma favur rikonoxximent u applikazzjoni tassew uniformi ta' dawn il-kunċetti madwar l-UE kollha;

- jibqgħu jiġu involuti l-operaturi ekonomiċi f'azzjonijiet konġunti rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet, l-esperjenzi u l-opinjonijiet tan-negozjanti jkunu rikonoxxuti u meqjusa fl-iżvilupp ta' regoli, proċeduri, għodod ġodda, eċċ;

- jinvolvu aktar xogħol fuq l-analiżi u l-ġestjoni tar-riskju, li huwa qasam kruċjali għat-titjib u l-istandardizzazzjoni tal-kontrolli u proċeduri doganali u għall-ġlieda effikaċi kontra l-frodi. Aktar ħidma fuq il-profili tar-riskju, indikaturi, regoli, eċċ. kif ukoll dwar modi li jiffaċilitaw u jimmasimizzaw l-użu tagħhom mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali kollh, għandha tiffoka fuq:

- l-identifikar ta' elementi politikament sentittivi ta' ġestjoni tar-riskju (parzjalment minħabba l-fatt li dak li huwa legali fi Stat Membru wieħed jista' jkun illegali f'ieħor), u l-indirizzar tagħhom fil-livelli rilevanti;

- it-tkomplija tal-enfasi fuq l-attivitajiet u l-eżerċizzji prattiċi direttament immirati lejn aktar armonizzazzjoni tal-approċi tal-ġestjoni tar-riskju madwar l-UE.

- it-tkomplija tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' approċċ komuni ġdid għat-taħriġ filwaqt li jiġi żgurat li l-produzzjoni tal-moduli ta' tagħlim-e / tagħlim imħallat ma ssirx għan fiha nnifisha, u li ma jintnesewx oqsma oħra ta' azzjoni. Dan jinkludi:

- djalogu miftuħ u inklussiv bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti sabiex jiġu deċiżi l-prijoritajiet tas-snin ġejjiena (inkluż liema oqsma oħra marbuta mat-taħriġ il-pajjiżi parteċipanti jkunu jixtiequ li jiġu indirizzati mill-programm);

- reviżjoni u, fejn meħtieġ, adattament tal-kontenut, frekwenza, tul u struttura tal-laqgħat tal-Grupp tal-Ġestjoni tat-Taħriġ, sabiex ikun possibli li jkollu rwol aktar attiv fil-kordinazzjoni tal-attivitajiet tal-programm fil-qasam tat-taħriġ;

- tkomplija tal-bini fuq il-progress li sar fir-rigward tas-sistemi IT, permezz tal-esplorazzjoni u l-indirizzar tal-oqsma għal titjib u/jew azzjonijiet ġodda bħal:

- l-indirizzar ta' sfidi u dgħjufijiet speċifiċi identifikati fl-evalwazzjoni li taffettwa bosta sistemi IT użati bħalissa fil-livell tal-UE;

- ħidma favur armonizzazzjoni pan-Ewropea tal-proċeduri doganali kollha fir-rigward tal-interkonnessjonijiet man-negozjanti. Il-Kummissjoni pproponiet linji gwida għall-armonizzazzjoni ta' tali interkonnessjonijiet madwar l-UE fl-imgħoddu, u l-evalwazzjoni sabet li madwar nofs il-pajjiżi parteċipanti jaħsbu li Dwani 2007 seta' jew għandu jappoġġa aktar l-armonizzazzjoni tal-interkonnesjonijiet fil-livell Ewropew.

Miżuri anċillari

Fl-aħħar nett, hemm xi miżuri "anċillari" li l-evalwaturi rrakkomandaw għall-kunsiderazzjoni biex tittejjeb l-effikaċja tal-programm, u b'hekk tikkontribwixxi favur il-kapaċità tiegħu li jikseb għanijietu:

- il-pajjiżi parteċipanti jitħeġġu jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani għall-kordinazzjoni, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-programm fil-livell ta' kull amministrazzjoni doganali nazzjonali;

- jiġu żviluppati attivitajiet ta' komunikazzjoni mmirati għal udjenzi istituzzjonali rilevanti (partikolarment il-ministeri nazzjonali rispettivi responsabbli mid-dwana) sabiex jitgħolla l-profil ta' Dwani 2007 u l-kuxjenza dwar ir-rwol tiegħu, l-opportunitajiet li jipprovdi u l-effetti li ħalla (u b'hekk, fost l-oħrajn, itejjeb iċ-ċans li biżżejjed riżorsi jkunu disponibbli);

- jiġu analizzati l-indikaturi u l-miżuri ta' suċċess żviluppati fil-bidu tal-programm Dwani 2007, bil-ħsieb li tiġi deċiża lista definittiva ta' indikaturi rilevanti u vijabbli li tista' tiġi użata għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm fil-futur.

[1] L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tlestiet f'Diċembru 2005. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Impjegati tal-Kummissjoni: Rapport mill-Kummissjoni: Mid-term evaluation of the Customs 2007 programme, SEC (2006) 35.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, dwar l-użu tat-teknoloġija informatika għall-iskopijiet tad-dwana ffirmat fis-26.7.1995 (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 34-47).