52008DC0418




Brussell, 2.7.2008

COM(2008) 418 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

"Impenn imġedded għal Ewropa soċjali: Insaħħu l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u għall-Inklużjoni Soċjali"

{SEC(2008) 2153}{SEC(2008) 2169}{SEC(2008) 2170}{SEC(2008) 2179}

1. INTRODUZZJONI

Din il-Komunikazzjoni tifforma parti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Aġenda Soċjali Mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21". Din tipproponi t-tisħiħ ta’ wieħed mill-iktar strumenti importanti li jappoġġja l-iżvilupp soċjali fl-UE u fl-Istati Membri, jiġifieri l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni fil-qasam tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni soċjali (minn hawn ’il quddiem, "l-OMC Soċjali"). Dan il-metodu, imniedi fis-sena 2000 bħala proċess ta’ awto-valutazzjoni volontarja, u bbażat fuq għanijiet komuni, jikkumplementa taħlita komprensiva ta’ strumenti ta’ leġiżlazzjoni u finanzjarji (inkluż il-Fond Soċjali Ewropew) kif ukoll proċessi ta’ koordinazzjoni (partikolarment l-Istrateġija ta’ Liżbona), li appoġġjaw il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà fl-UE.

Matul dawn l-aħħar tmien snin, l-Istati Membri użaw l-OMC Soċjali sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom ħalli jindirizzaw sfidi soċjali qodma u ġodda u sabiex jadattaw is-sistemi tal-ħarsien soċjali tagħhom għar-realtajiet soċjali ġodda. Huma ddefinew għanijiet komuni u ftiehmu dwar indikaturi sabiex jorjentaw il-politiki tagħhom għall-inklużjoni soċjali, għar-riforma fis-sistemi tal-pensjonijiet u fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura għal perjodu twil. Matul dan il-perjodu, l-OMC Soċjali wera kemm kien siewi billi appoġġja t-tagħlim reċiproku, billi ppromwova l-involviment aktar wiesa’ tal-partijiet interessati, billi stimola l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-ħarsien soċjali, billi żied l-għarfien tan-natura multi-dimensjonali tal-faqar u ta’ l-esklużjoni soċjali, billi fassal metodu mqassam għall-isfidi komuni, u billi ressaq fuq quddiem kwistjonijiet komuni li għadhom qed jiżviluppaw.

Madankollu, l-ilħuq ta’ għanijiet komuni - il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jiġu żgurati s-suffiċjenza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, li jiġi żgurat l-aċċess indaqs għall-kura tas-saħħa u għall-kura għal perjodu twil – jibqa’ sfida. Proċess ta’ koordinazzjoni miftuħ, ibbażat fuq kooperazzjoni volontarja bejn ħafna Stati Membri, ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jipproduċi riżultati kbar f’perjodu ta’ żmien limitat. Madankollu, jeżisti kunsens wiesa’ – kif indikat minn numru kbir ta’ skambji miktuba u orali fi ħdan il-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali (SPC) u fost il-partijiet interessati rilevanti kollha[1] - li jista’ u jeħtieġ isir ferm iżjed sabiex isir użu sħiħ mill-potenzjal ta’ l-OMC Soċjali.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi li ssaħħaħ l-OMC Soċjali billi ttejjeb il-viżibbiltà u l-metodi ta’ ħidma tiegħu, issaħħaħ l-interazzjoni tiegħu ma’ politika oħra, issaħħaħ l-għodod analitiċi u l-bażi ta’ l-evidenza tiegħu, u billi ssaħħaħ ukoll il-pussess fl-Istati Membri permezz ta’ reviżjonijiet mill-pari, tagħlim reċiproku u bl-involviment ta’ l-atturi rilevanti kollha. It-tisħiħ għandu jinkiseb b’mod partikolari billi b’mod progressiv jiġu adottati, bi ftehim ma’ l-Istati Membri, xi wħud mill-metodi ta’ suċċess li ġew applikati taħt l-istrateġija ta’ Liżbona. Dan il-metodu, li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll in-natura volontarja ta’ l-OMC, għandu joħloq stimolu ġdid fl-iżvilupp ta’ l-analiżi u tad-definizzjoni tal-politika nazzjonali. Fl-istess waqt, dan għandu jtejjeb l-effiċjenza u l-viżibbiltà tad-dimensjoni soċjali ta’ l-UE bħala parti integrali mill-Istrateġija ta’ Liżbona u jiżgura l-integrazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u dawk soċjali, kif meħtieġ mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2008.

2. L-EVOLUZZJONI U L-KISBIET EWLENIN TA’ L-OMC SOċJALI

Il-valutazzjoni ġenerali ta’ l-OMC Soċjali fost l-Istati Membri u l-partijiet interessati hija pożittiva ħafna. Dan huwa meqjus bħala għodda sabiex jippromwovi l-progress fil-qasam soċjali u bħala strument innovattiv fit-tmexxija Ewropea[2]. Dan wassal għal iżjed riformi, kattar ir-rieda sabiex wieħed jikkoopera u jitgħallem minn xulxin fit-tfittxija għall-aħjar soluzzjonijiet sabiex jinkiseb il-progress soċjali, mingħajr l-obbligu sabiex jiddefinixxi “denominatur minimu komuni”. Reviżjonijiet regolari ta’ l-impatt tiegħu fuq il-politika u dwar l-effikaċja tal-metodi ta’ ħidma tiegħu jsiru fi ħdan il-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali (SPC), fid-djalogu mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili u ma’ l-imsieħba soċjali, u fir-rapporti regolari ta’ esperti indipendenti.

Minn mindu beda fis-sena 2000, l-OMC Soċjali għadda minn diversi riformi. Fl-2005, it-tliet proċessi ta’ koordinazzjoni (l-inklużjoni soċjali, pensjonijiet suffiċjenti u sostenibbli, u kura tas-saħħa u kura għal perjodu twil ta’ kwalità għolja u sostenibbli) ingħaqdu fl-OMC Soċjali uniku[3]. L-għanijiet komuni ġew stabbiliti u aġġornati mill-Kunsill Ewropew, li kkonferma l-validità tagħhom matul is-sessjoni tar-rebbiegħa ta’ l-2008 (ara l-Anness 1). Il-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali (SPC) ftiehem dwar indikaturi, kemm li jolqtu bosta oqsma kif ukoll speċifiċi, għal dawn it-tliet taqsimiet sabiex jiġi sorveljat il-progress lejn għanijiet maqbula b’mod komuni (ara l-Anness 2).

Barra minn hekk, il-proċess kien strutturat bħala ċiklu mifrux fuq tliet snin b’rappurtaġġ simplifikat . L-Istati Membri jissottomettu r-Rapporti Strateġiċi Nazzjonali fl-ewwel sena, li ssir sinteżi tagħhom f’Kunsill Konġunt u f’Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Dan ir-"Rapport Konġunt" jinkludi profili separati dwar kull pajjiż li jenfasizzaw it-temi ta’ prijorità kif ukoll l-isfidi nazzjonali. Is-snin sussegwenti, mingħajr l-ebda rappurtaġġ, jiġu ddedikati għal analiżi profonda u għat-tagħlim reċiproku dwar it-temi ta’ prijorità.

Ir-razzjonalizzazzjoni ta’ l-OMC Soċjali wasslet għal attenzjoni ikbar fuq l-implimentazzjoni tal-politika u għal interazzjoni pożittiva ma’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Ir-rapporti nazzjonali ta’ l-2006 kienu aktar strateġiċi, li ffokaw fuq għażla limitata ta’ prijoritajiet u metodi koerenti sabiex jinkisbu għanijiet komuni. Ir-Rapport Konġunt ta’ l-2007 ikkonkluda li l-konsiderazzjoni konġunta ta’ sett sħiħ ta’ għanijiet soċjali komuni kienet qed tgħin sabiex titjieb il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika. Barra minn hekk, iċ-ċiklu l-ġdid ikkontribwixxa għal analiżi aktar profonda u wessa’ l-proċess tat-tagħlim fuq prijoritajiet ewlenin. Ir-Rapport Konġunt ta’ l-2008, li jiffoka fuq il-faqar tat-tfal, fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa, fuq il-ħtiġijiet li qed jevolvu rigward il-kura għal perjodu twil, fuq ħajja ta’ xogħol itwal kif ukoll fuq pensjonijiet privati, ikkonferma kemm il-metodu l-ġdid huwa tassew tajjeb.

3. IL-ħTIEġA LI JISSAħħAħ L-OMC SOċJALI

Dawn ir-riżultati pożittivi ta’ l-OMC ma jwarrbux il-ħtieġa li jiġi msaħħaħ il-metodu, speċjalment sabiex jitjieb it-twettiq ta’ għanijiet miftiehma b’mod komuni u sabiex isir użu aħjar dwar l-indikaturi miftiehma b’mod komuni. Minkejja l-impenn tal-Kunsill Ewropew fis-sena 2000 "sabiex jagħmel impatt deċiżiv dwar il-qerda tal-faqar", mhemm l-ebda sinjal ta’ tnaqqis ġenerali fir-rati tal-faqar fl-UE. 16% taċ-ċittadini ta’ l-UE (78 miljun) huma f’riskju ta’ faqar. Fost dawn, it-tfal huma f’riskju ferm akbar: 19%. Ir-riformi fil-pensjonijiet ma neħħewx ir-riskju ta’ dispożizzjonijiet ta’ pensjonijiet mhux adegwati għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, filwaqt li l-inugwaljanzi fis-saħħa (ħajjiet iqsar, stat ta’ saħħa agħar fost gruppi żvantaġġati) għadhom hemm.

Li jinstabu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi hija l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, b’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kif ipprovat bis-suċċessi tiegħu stess, l-OMC kien katalist għar-riforma fl-Istati Membri; dan jista’ jkun aktar effettiv billi jsegwi l-metodu deskritt hawn taħt.

3.1 Inżidu l-impenn politiku u l-viżibbiltà

Il-mudell ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona

L- Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi riveduta, bl-attenzjoni tagħha tkun fuq l-implimentazzjoni kif ukoll bl-arranġamenti avvanzati tagħha dwar il-governanza, li tinvolvi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew f’metodu ta’ sħubija, tforni kemm mudell kif ukoll referenza importanti għat-tisħiħ ta’ l-OMC Soċjali. Is-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona f’termini ta’ prestazzjonijiet ekonomiċi u ta’ impjiegi matul dawn l-aħħar snin żvela li impenn politiku b’saħħtu ta’ l-ogħla livell, l-isforzi kkoordinati għar-riforma kif ukoll ir-reviżjonijiet mill-pari jistgħu jipproduċu riżultati konkreti u viżibbli.

Wieħed mill-punti b’saħħithom ta’ l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi huwa l-fatt li din hija bbażata fuq approċċ ta’ sħubija u mmexxija minn aġenda ta’ politika li dwarha qabel kulħadd. Fl-istess waqt, il-qafas metodoloġiku sofistikat tagħha huwa ssupplimentat minn kombinazzjoni ta’ indikaturi magħżula u miri kwantitattivi, li jagħmel l-iskrutinju tal-politika aktar effettiv, trasparenti u kredibbli. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tforni valutazzjoni sistematika dwar il-progress miksub minn kull pajjiż u tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u/jew punti li jridu jiġu kkunsidrati. Dawn il-proposti jippermettu lill-Istati Membri, fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri, sabiex jilħqu kunsens dwar l-aħjar politiki li jridu jiġu ssuktati fuq livell Ewropew u nazzjonali. Barra minn hekk, l-enfasi fuq miri li jiftiehmu faċilment jiffaċilita l-komprensjoni u l-għarfien pubbliku tal-proċess.

L-importanza ta’ interazzjoni pożittiva bejn l-OMC Soċjali u l-Istrateġija ta’ Liżbona ġiet enfasizzata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-OMC ta’ l-2005: " l-OMC għandu jiffunzjona b’mod parallel u jirreaġixxi mill-qrib ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona riveduta, "li ssostni" l-għanijiet għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li l-programmi ta’ Liżbona “iwasslu” sabiex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali". Tkabbir ogħla u aktar impjiegi fihom infushom ma kinux biżżejjed sabiex jinkisbu r-riżultati tant mistennija f’termini ta’ tnaqqis fil-faqar u ta’ titjib taċ-ċirkostanzi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Għalhekk, il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid, f’Marzu 2008, "l-importanza tad-dimensjoni soċjali ta’ l-UE bħala parti integrali mill-Istrateġija ta’ Liżbona" u saħaq dwar il-ħtieġa sabiex jiġu integrati aktar il-politiki ekonomiċi, ta’ l-impjieg u dawk soċjali[4].

Għalhekk, jagħmel sens li jiġu adottati b’mod progressiv xi wħud mill-metodi u l-istrateġiji, li jintużaw taħt l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi għall-OMC Soċjali. Dan isaħħaħ l-effikaċja ta’ l-OMC Soċjali. Dan isaħħaħ ukoll l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali biex jinkisbu għanijiet soċjali komuni u biex jiżdiedu l-impenn u l-viżibbiltà. Dan għandu jkun ta’ għajnuna sostanzjali fl-Istrateġija ta’ Liżbona, b’mod konformi mal-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew, u jiżgura l-aħjar interazzjoni bejn l-impjiegi, it-tkabbir u l-politika soċjali. Fl-istess waqt, dan il-metodu jkun kompletament kumpatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u man-natura volontarja tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni. Dan jidher f’oqsma oħra ta’ koordinazzjoni miftuħa (l-edukazzjoni u l-impjiegi) li għal dawn ġew stabbiliti l-miri ta’ l-UE, bħalma huma r-rati ta’ l-impjieg, dawk li ma jkomplux bl-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, u li jżidu sostanzjalment mad-dinamiżmu ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

L-istabbiliment tal-miri

Numru ta’ indikaturi diġà ġew miftiehma bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni soċjali (ara l-Anness 2), u dawn huma b’saħħithom biżżejjed bħala bażi għall-introduzzjoni ta’ miri kwantitattivi. B’mod partikolari, dawn jistgħu jitqiesu sabiex "isir impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar ". Minkejja dan l-impenn, meħud mill-Kunsill Ewropew fis-sena 2000, għad hemm triq twila sew. Il-miri jistgħu jintroduċu dinamiżmu ġdid; dawn jistgħu jiġu stabbiliti għat-tnaqqis tal-faqar b’mod ġenerali kif ukoll għal forom speċifiċi ta’ faqar, bħalma huwa l-faqar fost it-tfal li bħalissa huwa tliet punti ogħla mir-rata tal-faqar għall-popolazzjoni totali (19 kontra 16%), u li jikkonċerna tifel/tifla minn erbgħa f’ċerti pajjiżi; il-faqar fost min għandu x-xogħol huwa ta’ 8% tal-popolazzjoni li taħdem u qed dejjem jiżdied; il-faqar persistenti fuq perjodu twil, li għal dan se jkun hemm dalwaqt indikaturi b’saħħithom; u l-faqar fost l-anzjani (65+), li wkoll huwa indikatur ta’ l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

Peress li hemm ħtieġa li tiġi sorveljata sew l-adegwatezza tal-pensjonijiet, mira għar- riforma fis-sistemi tal-pensjonijiet tista’ tiġi relatata għal livell minimu ta’ dħul li jingħata permezz ta’ pensjonijiet pubbliċi jew privati. L-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet fil-qasam tal- kura tas-saħħa u tal-kura fuq perjodu twil tista’ tiġi appoġġjata b’miri relatati ma’ l-aċċess u l-kwalità tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm miri relatati ma’ l-istat ta’ saħħa, per eżempju fuq iż-żieda fit-tul medju tal-ħajja (li jvarja fost l-Istati Membri bi 13-il sena għall-irġiel u b’7 snin għan-nisa) u tas-snin ta’ ħajja sana, u t-tnaqqis fir-rata ta’ l-imwiet tat-tfal (s’issa madwar 10 għal kull elf twelid f’ċerti Stati Membri). L-istat tas-saħħa huwa wieħed deċiżiv għall-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, għall-ħajjiet tax-xogħol itwal u għat-tnaqqis fil-faqar.

L-introduzzjoni ta’ dawn il-miri kwantifikati, appoġġjati bl-indikaturi miftiehma b’mod komuni, u bbażati fuq għodda analitiċi b’saħħithom, għandha tgħin lill-Istati Membri sabiex isostnu l-impenn tagħhom u jaħdmu b’mod aktar konkret sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet komuni. Sabiex jiġu kkunsidrati d-diversità tagħhom, il-kuntest nazzjonali partikolari u l-punti differenti ta’ tluq, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-miri nazzjonali .

Il-miri nazzjonali jistgħu jkunu parti minn divrenzjar fl-għażliet, li jagħmluha possibbli għal gruppi ta’ pajjiżi b’sitwazzjoni jew problemi simili, sabiex jaħdmu flimkien. Dan il-metodu diġà qed jiġi implimentat għall-flessigurtà fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona u, sa ċertu punt, intuża f’analiżi tematika dwar il-faqar fost it-tfal fl-2007. S’issa l-esperjenza, għalkemm għadha waħda limitata, tissuġġerixxi li din hija bażi tajba għal analiżi ta’ u parir dwar politika magħmula apposta u tista’ torbot b’mod realistiku lill-Istati Membri individwali permezz ta’ għanijiet komuni. Il-Kummissjoni għandha tesplora l-iżvilupp, fil-kuntest ta’ l-OMC, ta’ l-għażliet kif ukoll il-prinċipji komuni dwar l-analoġija tal-proposti tagħha dwar il-flessigurtà approvata mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2007.

Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni

Id-diskussjonijiet fil-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali jkopru sensiela wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-ħarsien soċjali u ma’ l-inklużjoni soċjali. Is-suġġetti li huma parti mill-OMC jistgħu jiġu kkonsolidati iżjed billi tiġi formalizzata l-konverġenza ta’ l-opinjonijiet kull meta din tinqala’. Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għal dan billi tagħmel, fejn xieraq, użu mir- Rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 211 tat-Trattat, billi tistabbilixxi prinċipji komuni, billi tforni bażi għall-monitoraġġ u r-reviżjoni mill-pari. L-approvazzjoni politika mill-Istitituzzjonijiet l-oħra għandha tagħti saħħa u viżibbiltà lil dawn il-prinċipji komuni. Il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa dan il-metodu b’mod gradwali, waqt li tibni fuq l-esperjenza tar-Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta f’Ottubru 2008 bħala bażi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.

Rappurtaġġ, komunikazzjoni u disseminazzjoni aħjar

Fuq il-bażi tal-metodu spjegat aktar ’il fuq, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kapaċità tagħha sabex tevalwa u timmonitorja l-progress kemm fuq livell ta’ UE u livell nazzjonali. Monitoraġġ imsaħħaħ għandu jiġi rifless fir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, li jiġi ppubblikat perjodikament u li jikkostitwixxi l-bażi għall-kontribuzzjoni tal-Kunsill ta’ l-EPSSCO għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa. Il-Parlament Ewropew se jiġi informat fuq bażi regolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tuża r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni Soċjali, imħejji kull sena taħt l-Artikolu 143 tat-Trattat, sabiex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha stess dwar ix-xejriet kurrenti u l-progress rigward l-għanijiet komuni għall-istituzzjonijiet l-oħra, bil-ħsieb li jitwessa’ u jissaħħaħ id-dibattitu politiku. L-Istati Membri huma mistiedna li jkomplu jirrappurtaw kull tliet snin dwar il-progress miksub fi ħdan l-OMC b'mod integrat, soġġett għal diskussjonijiet fil-ġejjieni dwar il-futur ta' l-Istrateġija ta' Liżbona.

Il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati se jkunu aktar effettivi permezz ta’ l-iżvilupp kontinwu ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni proattiva li tirrikorri għall-possibbiltajiet kollha previsti bil-programm PROGRESS. Dan huwa parti integrali mill-OMC Soċjali bħala mezz sabiex jiġi ddisseminat l-għerf, sabiex jistimola "kompetizzjoni pożittiva" fost il-pari u sabiex jikkontribwixxi għall-mobilizzazzjoni u l-impenn sostnuti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha sabiex tagħmel l-informazzjoni relatata mas-suċċessi ta’ l-OMC Soċjali aktar aċċessibbli, komprensibbli u utli. Is-sit ta’ l-internet imġedded dwar il-ħarsien u l-inklużjoni soċjali[5] se jkun għodda importanti f’dan ir-rigward.

3.2 Insaħħu l-interazzjoni pożittiva ma’ politiki oħra ta’ l-UE

L-Integrazzjoni

Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Soċjali Mġedda ħolistika u trasversali, huwa ġeneralment magħruf li l- kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali għandhom jiġu integrati wkoll fil-politiki kollha ta’ l-UE (pereżempju l-kompetizzjoni, is-suq intern, il-politika ekonomika, is-saħħa, l-immigrazzjoni, il-kummerċ, l-agrikoltura, eċċ.). Il-Kummissjoni se tissokta bl-isforzi tagħha sabiex tipproduċi stimi ta’ l-impatt b’saħħithom dwar kull inizjattiva ta’ politika ġdida, u f’dan il-kuntest se tagħti attenzjoni speċjali għall- impatti soċjali. Il-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali diġà ta aktar attenzjoni għall-integrazzjoni ta’ l-għanijiet soċjali, filwaqt li jirrikorri wkoll għall-esperjenza speċifika li kiseb diġà fl-UE rigward l-integrazzjoni bejn is-sessi[6]. Il-Kummissjoni se taħdem aktar mal-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali sabiex issaħħaħ il-kapaċità maqsuma ta’ l-istima ta’ l-impatt.

Il-koordinazzjoni orizzontali

L-OMC Soċjali sar iżjed punt ta’ referenza għal skala wiesgħa ta’ kwistjonijiet soċjali li huma minn ta’ quddiem fuq l-aġendi ta’ l-Istati Membri u li jolqtu oqsma ta’ politiki differenti, bħalma huma l-impatt soċjali fuq il-migrazzjoni; l-inklużjoni soċjali ta’ minoritajiet etniċi jew żvantaġġati, inkluż il-komunitajiet Roma; il-faqar fl-inħawi rurali; il-kura għal perjodu twil u l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabbiltà; il-konsegwenzi soċjali tal-bidla fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u x-xejriet fil-prezzijiet ta’ l-enerġija; l-iżvantaġġ edukattiv u l-aċċess mhux ugwali għat-taħriġ kontinwu u għat-tagħlim ta’ tul il-ħajja; l-edukazzjoni finanzjarja u l-aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi; id-diviżjoni diġitali u l-esklużjoni soċjali; it-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

Il-ftuħ ta’ l-OMC Soċjali għal kwistjonijiet trasversali żied b’mod viżibbli r-rilevanza u l-impatt tiegħu, u witta t-triq għal koordinazzjoni orizzontali aħjar. Bejn il-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali u Kumitati rilevanti oħra, inkluż il-Kumitat ta’ l-Impjiegi u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, ġiet stabbilita kooperazzjoni li ħalliet il-frott u din għandha tissaħħaħ iżjed. L-istess jista’ jingħad għall-proċess li għadu għaddej fl-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ oqsma ta’ politika relatati mill-qrib, bħalma huma l-OMC dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-Istrateġija dwar is-Saħħa ta’ l-UE[7] u l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni tal-Migranti. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll metodi sabiex issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-KPS u Kumitati oħra u gruppi ta’ Livell Għoli; din se tiżgura wkoll l-effiċjenza tal-grupp permanenti tagħha ta’ bejn is-servizzi għall-integrazzjoni ta’ l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali.

3.3 Insaħħu l-għodod analitiċi

Il-programm PROGRESS se jappoġġja t-tisħiħ tal- kapaċità statistika u tal-ġbir tad-dejta , partikolarment f’oqsma fejn jeżisti nuqqas ta’ dejta komparabbli jew fejn din hija insuffiċjenti. Pereżempju, l-istħarriġ mifrux ma’ l-UE li hemm fis-seħħ għandu jiġi rivedut sabiex ikopri l-privazzjoni materjali (inkluża l-esklużjoni diġitali), il-ġid tal-familja, is-sitwazzjoni tal-migranti, it-tranżizzjoni mill-impjieg għall-irtirar; sabiex tinġabar dejta dwar il-medja tal-ħajja skond l-istat soċjo-ekonomiku; u sabiex itejjeb id-disponibbiltà u l-analiżi ta’ dejta sparpaljata skond is-sess.

Il-programm PROGRESS se jappoġġja wkoll l-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar u l-Istħarriġ dwar il-Familja Ewropea, kif ukoll analiżi profonda dwar suġġetti speċifiċi, li jgħinu lill-Istati Membri sabiex itejbu l-politiki tagħhom f’oqsma li huma partikolarment kritiċi. Involviment akbar tal-komunità xjentifika u rabtiet aktar b’saħħithom ma’ attivitajiet ta’ riċerka oħra li għadhom għaddejjin , fi ħdan il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, se jikkontribwixxu aktar sabiex jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-għerf u l-evidenza.

3.4 Pussess imtejjeb permezz ta’ reviżjonijiet mill-pari ( peer reviews ), tagħlim reċiproku u bl-involviment ta’ l-atturi rilevanti kollha

Reviżjonijiet mill-pari

Ir-reviżjonijiet mill-pari wrew li kienu eżerċizzji utli u inkoraġġanti sabiex jissaħħaħ it-tagħlim reċiproku. Dawn għandhom jintużaw b’mod aktar estensiv fl-OMC Soċjali u f’manjiera aktar strateġika. Informazzjoni aħjar dwar il-kuntest, bażi analitika aktar b’saħħitha u disseminazzjoni aktar wiesgħa tar-riżultati jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin u sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-politika. Li jiġi żgurat involviment akbar ta’ uffiċjali fuq livelli lokali u reġjonali fir-reviżjonijiet mill-pari wkoll għandu jkun importanti. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali, se jeżaminaw kif jaġġornaw il-modalitajiet tar-reviżjonijiet mill-pari tas-sessjoni 2009.

Għodod ġodda għat-tagħlim reċiproku

Il-programm PROGRESS joffri appoġġ sabiex jiġu ppruvati għodod ġodda għat-tagħlim reċiproku u sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, pereżempju proġetti għall-ippuljar temporanju u għat-trasferiment ta’ esperti bejn l-Istati Membri; taħriġ dwar l-ippjanar strateġiku, l-integrazzjoni, il-koordinazzjoni, u l-involviment tal-partijiet interessati, is-sorveljanza u l-valutazzjoni fil-proċess ta’ l-OMC Soċjali. PROGRESS jista’ jgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ l-"esperimentazzjoni soċjali" bħala mezz sabiex jiġu ppruvati ideat innovattivi qabel ma wieħed jimpenja ruħu fi programmi soċjali ta’ skala kbira, pereżempju fil-qasam tad-dħul minimu, il-benefiċċji tat-tfal, jew il-kura għal perjodu twil; il-programm għandu jappoġġja l-istudju, it-tixrid u l-valutazzjoni ta’ proġetti li jikkonċernaw l-esperimentazzjoni soċjali.

L-involviment ta’ atturi lokali

L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti aħjar fil-ħarsien soċjali u fl-inklużjoni soċjali; l-involviment tagħhom fil-proċess jibqa’ limitat f’ħafna mill-Istati Membri. Diversi pajjiżi għamlu progress sostanzjali fl-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati fil-fażi ta’ l-ippjanar tal-politika, iżda dan rarament jitkompla fil-fażi ta’ l-implimentazzjoni. L-esperjenza turi li l-koordinazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ l-atturi rilevanti fiċ-ċiklu sħiħ tal-politika huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel aktar dawn l-aspetti ta’ tmexxija bħala s-suġġett ta’ sforzi ta’ tagħlim reċiproku fi ħdan l-OMC Soċjali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji ta’ gwida volontarji għall-Istati Membri.

4. TAQSIRA U KONKLUżJONI

Sabiex isir użu sħiħ mill-potenzjal ta’ l-OMC Soċjali, il-Komunikazzjoni preżenti stabbiliet numru ta’ oqsma fejn il-metodu jista’ jitjieb, jissaħħaħ jew jiġi żviluppat aktar. Dawn il-miżuri jduru madwar erba’ għanijiet: l-ewwel, li jiżdiedu l-impenn politiku u l-viżibbiltà tal-proċess; it-tieni, li tissaħħaħ l-interazzjoni pożittiva ma’ politiki oħra ta’ l-UE; it-tielet, li jissaħħu l-għodod analitiċi li jsaħħu l-proċess, bil-ħsieb li wieħed jimxi lejn id-definizzjoni ta’ miri kwantifikati u li jissaħħaħ it-tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza; ir-raba’, li tiżdied l-appartenenza fl-Istati Membri, billi jissaħħu l-implimentazzjoni kif ukoll it-tagħlim reċiproku.

Uħud mill-miżuri jwasslu sabiex jiġu kkonsolidati l-prattiki eżistenti. Oħrajn, partikolarment l-istabbiliment tal-miri, jimplikaw bidliet aktar sostanzjali u jeħtieġu l-bini ta’ kunsens bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Għalhekk, il-Kummissjoni tipprevedi metodu gradwali li s-sekwenzjalità u l-prijoritizzazzjoni meħtieġa tiegħu għandhom jiġu diskussi ma’ l-Istati Membri u ma’ partijiet interessati ewlenin oħra.

OMC imsaħħaħ fil-qasam tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni soċjali għandu jforni kontribuzzjoni importanti għall-implimentazzjoni ta’ Aġenda Soċjali Mġedda u għandu jsaħħaħ l-impenn imġedded għal Ewropa soċjali.

ANNESS 1

L-GĦANIJIET TA’ L-OMC GĦALL-ĦARSIEN SOĊJALI U

L-INKLUŻJONI SOĊJALI

L-għanijiet li jolqtu bosta oqsma ta’ l-OMC għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali huma li jippromwovu:

- (a) il-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz ta’ sistemi ta’ ħarsien soċjali u politiki ta’ inklużjoni soċjali li jkunu adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament sostenibbli, adattabbli u effiċjenti;

- (b) l-interazzjoni effettiva u reċiproka bejn l-għanijiet ta’ Liżbona għal aktar tkabbir ekonomiku, iktar impjiegi li jkunu wkoll aħjar kif ukoll koeżjoni soċjali akbar, u ma’ l-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli ta’ l-UE;

- (c) tmexxija tajba, trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politika.

L-għanijiet li ġejjin japplikaw għall-faxex differenti tax-xogħol:

Impatt deċiżiv rigward il-qerda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiġi żgurat:

- (d) aċċess għal kulħadd għar-riżorsi, għad-drittijiet u għas-servizzi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, filwaqt li tiġi evitata u indirizzata l-esklużjoni, u ssir ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni li jwasslu għall-esklużjoni;

- (e) l-inklużjoni soċjali attiva ta’ kulħadd, kemm billi tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll billi jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni;

- (f) li l-politiki ta’ l-inklużjoni soċjali jkunu kkoordinati tajjeb u jinvolvu l-livelli kollha ta’ gvern u atturi rilevanti, inkluż persuni li qed jgħixu fil-faqar, li dawn ikunu effiċjenti u effettivi u integrati fil-politiki pubbliċi rilevanti kollha, inkluż politiki ekonomiċi, baġitarji, ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll fi programmi ta’ fondi strutturali (partikolarment l-ESF).

Pensjonijiet adegwati u sostenibbli billi jiġi żgurat:

- (g) dħul ta’ l-irtirar adegwat għal kulħadd u aċċess għall-pensjonijiet li jippermettu lil persuni sabiex iżommu, b’mod raġonevoli, il-livell ta’ l-għajxien tagħhom wara li jirtiraw, fl-ispirtu tas-solidarjetà u l-ġustizzja bejn u fil-ġenerazzjonijiet;

- (h) is-sostenibbiltà ta’ skemi ta’ pensjonijiet pubbliċi u privati, li jikkunsidraw il-pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjonijiet, u fil-kuntest ta’ l-istrateġija minn tliet naħat sabiex jiġu ttrattati l-implikazzjonijiet baġitarji tat-tixjiħ, partikolarment billi: jiġu appoġġjati ħajja ta’ xogħol itwal u t-tixjiħ attiv; billi jiġu bbilanċjati l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji f’manjiera xierqa u soċjalment ġusta; u billi titmexxa ’l quddiem l-affordabbiltà u s-sigurtà ta’ skemi finanzjati u privati;

- (i) li s-sistemi tal-pensjonijiet ikunu trasparenti, adattati tajjeb għall-ħtiġijiet u għall-aspirazzjonijiet tan-nisa u l-irġiel, u għar-rekwiżiti ta’ soċjetajiet moderni, għat-tixjiħ demografiku u għall-bidla strutturali; li persuni jirċievu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jippjanaw l-irtirar tagħhom u li r-riformi jitwettqu fuq il-bażi ta’ l-iktar kunsens wiesa’ possibbli.

Kura tas-saħħa u kura għal perjodu twil aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u sostenibbli billi jiġi żgurat:

- (j) aċċess għal kulħadd għal kura tas-saħħa u għal kura għal perjodu twil li jkunu adegwati u li l-ħtieġa għall-kura ma twassalx għall-faqar u għad-dipendenza finanzjarja; u li l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura u fl-effetti fuq is-saħħa jiġu indirizzati;

- (k) il-kwalità fis-saħħa u fil-kura għal perjodu twil u billi l-kura tiġi adattata, inkluż billi tiġi żviluppata kura preventiva, għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u għall-preferenzi tas-soċjetà u ta’ l-individwi, partikolarment billi jiġu żviluppati standards ta’ kwalità li jirriflettu l-aħjar prattika internazzjonali u billi tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa kif ukoll tal-pazjenti u ta’ dawk kollha li jieħdu l-kura;

- (l) li kura tas-saħħa u kura għal perjodu twil li jkunu adegwati u ta’ kwalità għolja jibqgħu li wieħed jiflaħ għalihom u finanzjarjament sostenibbli billi jitmexxa ’l quddiem l-użu razzjonali tar-riżorsi, partikolarment permezz ta’ inċentivi xierqa għall-utenti u l-fornituri, tmexxija u koordinazzjoni tajba bejn is-sistemi tal-kura u l-istituzzjonijiet privati. Is-sostenibbiltà għal perjodu twil u l-kwalità jeħtieġu l-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u attivi kif ukoll riżorsi umani tajbin għas-settur tal-kura.

ANNESS 2

INDIKATURI LI JOLQTU BOSTA OQSMA GĦAS-SORVELJANZA TA’ L-OMC SOĊJALI

1a – Ir-rata fir-riskju ta’ faqar (total, tfal u anzjani) + livell minimu illustrattiv – l-UE Is-sehem ta’ persuni bi dħul taħt is-60% tad-dħul medju nazzjonali[8].

1b – Id-distakk medju relattiv fir-riskju ta’ faqar – l-UE Id-differenza bejn l-introjtu medju ta’ persuni li qed jgħixu taħt il-livell minimu tar-riskju ta’ faqar u l-livell minimu nnifsu, imfisser bħala persentaġġ tal-livell minimu tar-riskju ta’ faqar.

1c – Ir-rata persistenti ta’ dawk li huma f’riskju ta’ faqar (disponibbli biss mill-2010 ’il quddiem) – l-UE Persuni li huma f’riskju ta’ faqar fis-sena kurrenti u mill-inqas sentejn matul it-tliet snin ta’ qabel.

2 – L-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tad-dħul (S80/S20) – l-UE Il-proporzjon ta’ l-introjtu totali li tkun irċeviet 20% tal-popolazzjoni tal-pajjiż bl-ogħla dħul għal dak li tkun irċeviet l-20% tal-popolazzjoni tal-pajjiż bl-inqas dħul.

3 – Stennija tal-ħajja b’saħħitha – NAT In-numru ta’ snin li persuna meta titwieled, ta’ 45 sena, ta’ 65 sena tkun għadha mistennija li tgħix f’kundizzjoni ta’ saħħa (mhux imfixkla f’attivitajiet ta’ ħajja ta’ kuljum). Din trid tiġi interpretata b’mod konġunt ma’ l-istennija tal-ħajja

4 – Dawk li jħallu l-iskola kmieni – l-UE Is-sehem ta’ persuni bejn it-18 sa 24 sena li jkollhom biss edukazzjoni sekondarja inferjuri u ma jkunux ħadu edukazzjoni jew taħriġ fl-erba’ ġimgħat qabel l-istħarriġ.

5 – Persuni li jgħixu f’familji mingħajr impjieg – l-UE Is-sehem ta’ adulti (18-59 u mhux studenti) u tfal li jgħixu f’famlji fejn ħadd ma jaħdem

6 – L-infiq soċjali pubbliku totali proġettat – NAT Projezzjonijiet relatati ma’ l-età ta’ l-infiq soċjali pubbliku totali (pensjonijiet, kura tas-saħħa, kura għal perjodu twil, edukazzjoni u trasferimenti tal-qgħad), il-livell kurrenti u l-bidla proġettata fis-sehem tal-PGD

7a – L-introjtu relattiv medju ta’ persuni anzjani – l-UE L-introjtu medju ta’ persuni li għandhom iktar minn 65 sena bħala proporzjon ta’ l-introjtu medju ta’ persuni li għandhom bejn 0-64 sena

7b – Il-proporzjon tas-sostituzzjoni aggregat – l-UE Il-pensjonijiet individwali medji ta’ persuni bejn 65-74 sena relattivi għall-introjtu individwali medju ta’ persuni bejn 50-59 sena, esklużi l-benefiċċji soċjali

8 – Il-ħtieġa mhux milħuqa awto-rappurtata għall-kura medika – NAT + l-utilizzazzjoni tal-kura – NAT It-total ta’ ħtieġa mhux milħuqa awto-rappurtata għall-kura medika minħabba "ostakli finanzjarji" jew "perjodi sabiex tistenna" jew "’il bogħod wisq biex tivvjaġġa", skond il-livell tad-dħul. Dan irid jiġi analizzat flimkien man-numru ta’ żjajjar għand it-tabib jew speċjalista matul l-aħħar 12-il xahar.

9 - Ir-rata fir-riskju ta’ faqar ankrata f’mument partikolari ta’ żmien – l-UE Is-sehem ta’ persuni b’introjtu taħt il-livell minimu tar-rata fir-riskju ta’ faqar ikkalkulat fis-sena tad-dħul 2004, aġġustat għall-inflazzjoni tul is-snin.

10 – Ir-rata ta’ l-impjiegi ta’ ħaddiema anzjani – l-UE Persuni li huma impjegati li jaqgħu fi gruppi ta’ 55 - 59 u 60 – 64 sena bħala parti mill-istess grupp ta’ età

11 – Ħaddiema f’riskju ta’ fqar – l-UE Individwi li huma klassifikati bħala impjegati u li huma f’riskju ta’ faqar.

12 – Ir-rata ta’ l-attività – l-UE Is-sehem ta’ persuni impjegati jew qiegħda f’popolazzjoni totali ta’ età li tista’ taħdem (15-64 sena)

13 – Id-disparitajiet reġjonali – il-koeffiċjent tal-varjazzjoni fir-rati ta’ l-impjieg – NAT Id-devjazzjoni standard tar-rati reġjonali ta’ l-impjieg diviżi bil-medja nazzjonali mwieżna.

14 – In-nefqa totali għas-saħħa per capita – NAT In-nefqa totali għas-saħħa per capita f’PPP

[1] Ara l-Istima ta’ l-Impatt għad-dettalji.

[2] L-Istima ta’ l-Impatt tikkunsidra sew id-dibattitu xjentifiku u pubbliku dwar l-OMC Soċjali.

[3] Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar: Qafas ġdid għall-koordinazzjoni miftuħa tal-ħarsien soċjali u tal-politiki ta’ inklużjoni fl-Unjoni Ewropea, COM(2005) 706 finali.

[4] Ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku ta’ Novembru 2007 ukoll saħqet dwar dan il-metodu integrat, filwaqt li enfasizzat li l-ftuħ tas-suq u r-riformi soċjali jistgħu u għandhom imorru flimkien. Ara: Suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21. COM(2007) 724 finali, ta’ l-20.11.2007.

[5] http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/social_protection_en.htm

[6] L-Artikolu 3(2) tat-Trattat tal-KE jeħtieġ li l-UE telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha.

[7] L-indikatur tas-snin ta’ ħajja b’saħħitha fl-istrateġija ta’ Liżbona huwa eżempju ta’ l-integrazzjoni tad-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ saħħa aħjar.

[8] Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-indikaturi tal-faqar f’din il-lista huma relatati ma’ l-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-familji, definit bħala l-introjtu disponibbli totali tal-familja (wara l-benefiċċji u t-taxxi) aġġustat sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u l-kompożizzjoni tagħha. Ara l-lista sħiħa ta’ indikaturi fuq: http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/common_indicators_en.htm