52008DC0397

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni {SEG(2008) 2110} {SEG(2008) 2111} /* KUMM/2008/0397 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.7.2008

KUMM(2008) 397 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali SostenibbliPjan ta' Azzjoni

{SEG(2008) 2110}{SEG(2008) 2111}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali SostenibbliPjan ta' Azzjoni

1. INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea ħadet passi importanti biex tilħaq l-għanijiet tagħha tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi. L-Istrateġija ta’ Liżbona tat riżultati sinifikanti[1]. Inħolqu aktar minn sitt miljun impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u l-qgħad naqas b’mod sinifikanti. L-industrija Ewropea hija globalment kompetittiva, waqt li tikkontribwixxi sostanzjalment għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Permezz tal-Politika ta’ l-Industrija tagħha, il-Kummissjoni kompliet tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' qafas xierqa biex toħloq il-kummerċ fl-Ewropa.

L-isfida issa hija li nintegraw is-sostenibbiltà f’din l-istampa. L-iżvilupp sostenibbli jimmira lejn it-titjib kontinwu tal-kwalità ta’ ħajja u tal-ġid għall-ġenerazzjonijiet presenti u futuri[2]. Huwa għan ewlieni ta’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu, bidliet globali rapidi li dejjem qed jiżdiedu, mit-tidwib tal-kappi tas-silġ għad-domanda li qed tikber għall-enerġija u r-riżorsi, huma ta' sfida fir-rigward ta’ dan l-għan.

L-isfidi huma marbuta direttament mal-mod ta’ ħajja tagħna. Il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw jikkontribwixxi għat-tisħin globali, għat-tniġġis, l-użu ta’ materjal u għall-qerda tar-riżorsi naturali[3]. L-impatti tal-konsum fl-UE jinħassu globalment, billi l-UE hija dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta' l-enerġija u r-riżorsi naturali. Barra minn hekk, proporzjon li dejjem qed jiżdied ta' prodotti kkonsmati fl-Ewropa huma prodotti f’inħawi oħra tad-dinja.

Il-ħtieġa li wieħed jersaq lejn mudelli tal-konsum aktar sostenibbli qegħda dejjem tagħfas aktar milli qatt qabel.

Jista’ jsir ħafna għall-industrija u d-djar Ewropej, b’benefiċċji netti. Skond il-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima, 30 % ta’ l-enerġija użata fil-bini tista’ titnaqqas b’benefiċċji ekonomiċi netti sa l-2030. Il-pressjoni globali biex jiżdiedu l-effiċjenza tar-riżorsi, u l-isforzi għat-titjib tas-sostenibbiltà tista’ ssir sors importanti għall-innovazzjoni u assi importanti għall-kompetittività ta’ l-industrija.

Dan id-dokument jippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tappoġġja approċċ integrat fl-UE, u internazzjonalment, għal aktar konsum u produzzjoni sostenibbli u għall-promozzjoni tal-politika industrijali sostenibbli tagħha. Din l-istrateġija tikkomplementa l-linji politiċi eżistenti dwar l-użu ta’ l-enerġija, notevolment il-pakkett dwar l-enerġija u l-klima adottat mill-Kummissjoni f’Jannar 2008.

Il- qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni hija qafas dinamiku għat-titjib ta’ l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u għat-trawwim ta’ l-użu tagħhom mill-konsumaturi. Dan jinkludi t-twaqqif ta’ standards ambizzjużi fis-Suq Intern kollu kemm hu, filwaqt li jkun żgurat li l-prodotti huma mtejba permezz ta’ l-użu ta’ strateġija sistematika għal inċentivi u appalti, u t-tisħiħ tat-tagħrif għall-konsumaturi, permezz ta’ qafas ta’ tikkettjar aktar koerenti u sempliċi biex id-domanda tkun tista’ ssostni din il-politika. Din l-istrateġija għandha tindirizza prodotti li għandhom potenzjal sinifikanti fit-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali.

L-isfida hija li jinħoloq ċirku virtuż: it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodotti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, il-promozzjoni u l-istimolu tad-domanda għal prodotti u teknoloġiji ta' produzzjoni aħjar u għajnuna lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aħjar permezz ta’ ttikkettjar aktar koerenti u simplifikat.

Din l-isfida hija appoġġjata u amplifikata b’ inizjattivi biex il-produzzjoni ssir aktar effiċjenti u biex jiġu indirizzati l-aspetti internazzjonali.

2. QAFAS DINAMIKU TA’ POLITIKA GħAL KONSUM AKTAR GħAQLI U GħAL PRODOTTI AħJAR

Teżisti medda ta’ linji politiċi stabbiliti biex itejbu l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. Id-Direttiva ta’ l-Eco-disinn (EuP)[4] tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija.. Bosta atti oħra ta’ leġiżlazzjoni jindirizzaw aspetti speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti, bħal per eżempju l-iskart. L-iskemi ta’ ittikkettjar stipulati mid-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar ta’ l-Enerġija[5], ir-Regolament ta’ l-Istilla[6] ta’ l-Enerġija (Energy Star)[7], ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta u skemi oħra żviluppati mill-Istati Membri, il-bejjiegħa bl-imnut u operaturi ekonomiċi oħra jipprovdu lill-konsumaturi b’tagħrif dwar l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. L-Istati Membri qed jimplimentaw l-inċentivi u l-appalti pubbliċi biex jistimulaw prestazzjoni aħjar tal-prodotti. Ir-Regolament ta’ l-Istilla ta’ l-Enerġija jobbliga wkoll lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE u lill-awtoritjiet ta' l-Istati Membri biex jixtru tagħmir ta’ l-uffiċċju li jilħaq ċerti livelli ta’ effiċjenza enerġetika.

Madankollu , hemm għadd ta’ nuqqasijiet li qed ifixklu l-potenzjal ta' dawn il-linji politiċi. Bosta mill-leġiżlazzjoni tal-prodotti tindirizza biss aspetti speċifiċi ta' ċiklu ta' ħajja ta' prodott. Filwaqt li d-Direttiva ta’ l-Ekodisinn tieħu perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, l-impatt ambjentali tal-prodotti li jużaw l-enerġija li huma attwalment koperti bid-Direttiva jipproduċu biss 31-36 % ta’ l-impatt ambjentali tal-prodotti[8]. It-tagħrif lill-konsumaturi skond il-politika ta’ l-UE jiffoka fuq l-effiċjenza ta’ l-enerġija għall-apparat tad-dar u t-tagħmir ta’ l-uffiċċju skond id-Direttiva ta' l-Ittikkettjar għall-Enerġija u l-Programm ta’ l-Istilla ta’ l-Enerġija, jew ikopri biss għadd limitat ta’ prodotti (bit-tikketta Ekoloġika). Fl-aħħar, l-azzjonijiet f’livell nazzjonali mhumiex koordinati.

Ġeneralment, l-istrumenti voluntarji u regolatorji mhumiex marbutin biżżejjed flimkien u s-sinerġiji potenzjali bejn l-istrumenti differenti mhumiex qed jiġu sfruttati. L-implimentazzjoni mhijiex dinamika biżżejjed u ma tħarisx 'il quddiem biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-prodotti. L-istrateġiji diverġenti nazzjonali u reġjonali jibgħatu sinjali ta’ konflitt lill-produtturi, u b’konsegwenza ta’ dan, il-potenzjal tas-Suq Intern mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ.

L-istrateġija tal-politika l-ġdida tgħaqqad il-potenzjal ta’ l-istrumenti differenti ta’ politika, u timplimentahom b’mod dinamiku .

Tiġbor fiha dawn l-azzjonijet li ġejjin:

- L-ambitu tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn tal-prodotti li jużaw l-enerġija għandu jiġi estiż biex ikopri l-prodotti kollha relatati ma’ l-enerġija. Għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi għall-prodotti b’impatti ambjentali sinifikanti, li jiffukaw fuq aspetti ambjentali ewlenin. Il-forniment tas-swieq b'tagħrif dwar prodotti li jmorru l-aħjar, il- livelli avvanzati tal-prestazzjoni ambjentali għandhom ukoll jiġu identifikati. Għandhom isiru reviżjonijiet perjodiċi ta’ rekwiżiti minimi u livelli avvanzati biex jadattaw is-swieq għall-bidla teknoloġika u jipprovdu n-negozji b’perspettiva fit-tul ta’ regolamentazzjoni futura għall-ambjent.

- L- ittikkettjar tal-prodotti skond id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għall-Enerġija u r-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jiġi aktar żviluppat u wara reviżjoni tad-Direttiva ta' l-Ekodisinn fl-2012, ikkumplementat bħala xieraq minn Direttiva tat-Tikkettjar ta’ l-Ekodisinn biex jagħti t-tagħrif lill-konsumaturi dwar il-prestazzjoni enerġetika u/jew ambjentali tal-prodotti.

- Il-kriterji ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija u l-kriterji ambjentali taħt dawn l-iskemi ta' hawn fuq għandhom jintużaw biex jistabbilixxu sisien ta' armonizzazzjoni għall- appalti pubbliċi u għall- inċentivi pprovduti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Dan għandu jirbaħ fuq il-frammentazzjoni attwali ta’ stimoli u inċentivi fis-Suq Intern.

- Għandu jkun hemm impenn għal sensiela ta’ attivitajiet oħra li jwasslu għall- konsum aktar għaqli . B’mod partikolari, l-azzjoni għandha tiġi implimentata mal-bejjiegħa bl-imnut u mal-produtturi ta’ prodotti biex irendu l-attivitajiet tagħhom u l-katini ta’ forniment dejjem aktar ekoloġiċi, kif ukoll biex ikabbru l-għarfien tal-konsumaturi b’mod ġenerali u jżidu r-rwol proattiva tagħhom.

Sensiela sħiħa ta’ sfidi ambjentali tista’ tiġi trattata permezz ta’ din il-politika. L-applikazzjoni ta’ din l-istrateġija għall-prodotti b’impatti ambjentali sinifikanti tista’ twassal għal qligħ ambjentali u ekonomiku sostanzjali. Per eżempju, l-azzjonijiet proposti jkunu jistgħu jżidu r-rati attwali ta’ manutenzjoni fid-djar li jagħmlu użu minn twieqi aħjar u iżolament aktar effiċjenti, li jwasslu għal tnaqqis fil-konsum ta’ l-enerġija fid-djar, it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet diretti u indiretti ta’ gassijiet b’effett serra u t-tnaqqis ta’ ħela fit-tisħin.

L-azzjonijiet huma deskritti fid-dettall hawn taħt.

2.1. Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn

Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn tistipula regoli għall-iffissar ta' rekwiżiti ta' ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija bl-għan li jkun żgurat il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fi ħdan is-Suq Intern, filwaqt li tittieħed perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja. Filwaqt li ma tintroduċix direttament rekwiżiti li jorbtu għal prodotti speċifiċi, id-Direttiva tippermetti lill-Kummissjoni, megħjuna minn Kumitat, biex tadotta miżuri ta’ implimentazjoni dwar prodotti speċifiċi u l-aspetti ambjentali tagħhom (bħall-konsum ta’ l-enerġija, il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart, il-konsum ta’ l-ilma, l-estensjoni ta' ħajjet il-prodott) wara li tkun segwiet l-istima ta' l-impatt u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Din id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn bħalissa tapplika biss għal prodotti li jużaw l-enerġija. Bl-għan li jitkabbar il-qafas biex jinkludi prodotti oħra li huma sinifikanti għall-ambjent, l-ambitu għall-prodotti għandu jiġi estiż biex ikopri l-prodotti kollha relatati ma’ l-enerġija, filwaqt li tinżamm l-eċċezzjoni tal-mezzi tat-trasport, li diġà huma soġġetti għal linji politiċi u leġiżlazzjoni separati fir-rigward tat-tnaqqis ta’ l-impatti fuq l-ambjent. Prodotti relatati ma’ l-enerġija huma dawk il-prodotti li jkollhom impatt fuq il-konsum ta’ l-enerġija waqt li qed jintużaw Dan jinkludi prodotti li jużaw l-enerġija u prodotti oħra bħal frejms tat-twieqi, li l-proprjetajiet ta' iżolament tagħhom jinfluwenzaw l-enerġija meħtieġa għat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, u mezzi li jużaw l-ilma, li l-konsum ta’ l-ilma tagħhom jinfluwenza l-enerġija meħtieġa għat-tisħin. Dan għandu jistabbilixxi qafas Komunitarju wieħed għall-iffissar ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn għal dawk il-prodotti f’livell Komunitarju u jiżgura l-effiċjenza u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni bl-użu ta’ strateġija komuni.

L-implimentazzjoni għandha ssegwi kif ġej:

- Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu żviluppati għal prodotti b’impatti sinifikanti fuq l-ambjent, b’potenzjal sinifikanti għat-titjib u b’volumi sinifikanti għall-bejgħ u l-kummerċ, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti jew l-awto-regolamentazzjoni. Għal prodotti li jużaw l-enerġija, kif kopert bid-Direttiva attwali, l-iżvilupp tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jiġu effettwati mill-Pjan ta’ Azzjoni.

- Għal prodotti li attwalment mhumiex koperti, għandu jiġi żviluppat Programm ieħor ta' Ħidma skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva wara li tiġi emendata..

- Il-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni huma soġġetti għal stimi dettaljati ta’ l-impatt u għal konsultazzjoni pubblika u għandhom jiġi msejsa fuq il-prinċipju ta’ newtralità tat-teknoloġija.

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom iqisu l-aspetti ambjentali ewlenin fuq iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodotti. Għandhom b’mod partikolari jqisu l-użu ta’ l-enerġija u tar-riżorsi tal-prodotti. Aspetti oħra, bħall-ħtieġa għat-tnaqqis ta’ materjal ta’ riskju, u riżorsi rari , għandhom jitqiesu skond kif ikun xieraq.

Għal kull grupp ta’ prodotti immirat, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom, skond id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva, jistipulaw żewġ livelli ta’ prestazzjoni:

- rekwiżiti minimi li jeħtieġ li jinżammu mill-prodott biex dan ikollu aċċess fis-Suq Intern. Fejn possibbli, għandhom jintużaw standards armonizzati ta’ l-UE, idealment imsejsa fuq standards globali, biex jgħinu lil-manifatturi fl-applikazzjoni tal-miżuri.

- livelli avvanzati ta’ prestazzjoni ambjentali, biex jipprovdu lis-swieq b’indikazzjoni minn kmieni ta’ prodotti bi prestazzjoni għolja disponibbli fis-suq u ta’ l-evoluzzjoni futura possibbli tar-rekwiżiti minimi. L-identifikazzjoni ta’ limiti hija diġà stipulata skond id-Direttiva attwali u għandu jibqa’ jissegwa b’mod sistematiku fil-ġejjieni. Bħala regola ġenerali, il-livelli għandhom jikkorrispondu mal-livell milħuq minn prodotti bl-aqwa prestazzjoni disponibbli fis-suq. Il-kisba ta’ livelli bħal dawn għandhom ikunu fuq bażi fakoltattiva għall-industrija.

Biex ikun hemm titjib kontinwu fil-prodotti, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jindikaw ukoll data għar-reviżjoni tar-rekwiżiti u l-livelli minimi fuq il-bażi tal-pass prevedibbli fil-bidla teknoloġika għall-grupp ta' prodotti kkonċernat. Dan għandu jiżgura li r-rekwiżiti u l-livelli minimi jibqgħu rilevanti maż-żmien u jipprovdu lin-negozji b’perspettiva fit-tul tar-regolazzjoni futura ta' l-ambjent.

Ir-rekwiżiti minimi u l-livelli avvanzati tal-prestazzjoni ambjentali għandhom jiddaħħlu fl-iskema ta' l-ittikkettjar, kif deskritt hawn isfel. Għal dan l-għan, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jistgħu wkoll jidentifikaw livelli intermedji ta’ prestazzjoni.

2.2. L-Ittikkettjar ta' prodotti

Id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għall-Enerġija għandha f’dan l-istadju tiġi estiża biex tkopri medda usa’ ta’ prodotti, li jinkludu l-prodotti li jużaw l-enerġija u prodotti oħra relatati ma’ l-enerġija.

Għandhom jiġu stipulati kategoriji ta’ ittikkettjar skond ir-riżultat tal-proċedura taħt id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn kif xieraq.

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva ta' l-Ittikkettjar għandhom jiddefinixxu, fejn xieraq, il-modalitajiet eżatti tat-tikketta.

It-tikkettjar għandu jintuża biex jindika fuq naħa waħda, il-konsum/in-nuqqas ta' ħela ta’ enerġija fil-fażi ta’ l-użu, u fuq in-naħa l-oħra, l-parametri oħra ambjentali rilevanti u sinifikattivi tal-prodott.

It-tikketta Ekoloġika għandha tikkumplementa t-tagħrif ipprovdut lill-konsumaturi bħala tabella fakoltattiva. Għandha taġixxi bħala “tikketta ta’ eċċellenza” biex tindika lill-konsumaturi dawk il-prodotti li l-prestazzjoni tagħhom tilħaq livelli eċċezzjonali jekk jitqiesu l-ħafna kriterji ambjentali matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja.

Ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jiġi rrevedut biex jissimplifika u jikkonforma l-proċess tal-kisba ta’ l-ekotikketta, u jestendi l-kopertura tal-prodott. Il-kriterji ta’ l-Ekotikketta għandhom ikomplu jkopru medda wiesgħa ta’ aspetti ambjentali. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ l-Ekotikketta jistgħu jiġu żviluppati biex ikopru dawk il-prodotti li għalihom ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom ma ġewx stipulati. B’mod indikattiv, il-kriterji tat-Tikketta Ekoloġika għal grupp partikolari ta’ prodotti għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jilħquhom l-10 % tal-prodotti disponibbli fis-suq f’dak il-waqt.

Fil-waqt li l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni skond ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jibqa’ distint minn dak tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-Ittikkettjar, l-implimentazzjonijiet ta’ l-iskemi għandhom ikunu marbuta mill-qrib biex jiżguraw li d-dejta u t-tagħrif xjentifiċi qed jintużaw b’mod effiċjenti u li t-tagħrif mogħti lill-konsumaturi huwa konsistenti. Notevolment, il-proċess ta’ iffissar ta’ kriterji taħt l-Ekotikketta għandu jipprovdi tagħrif lill-ħidma analitika mwettqa skond id-Direttiva ta' l-Ekodisinn għall-iffissar ta' rekwiżiti u livelli minimi tal-prestazzjoni ambjentali, u viċi-versa. Meta jiġu indirizzati l-istess gruppi ta’ prodotti, il-metodi ta’ evalwazzjoni u l-kalendarji ta’ reviżjoni għandhom ikunu konverġenti huma wkoll.

2.3. L-Inċentivi

Għadd ta’ Stati Membri, f’konformità mat-Trattat u mar-regoli ta’ l-Għajnuna għall-Istat[9], diġà qed jipprovdu l-inċentivi għall-iżvilupp u l-kisba ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja u qed irendu l-prattika relattiva tagħhom għall-appalti dejjem iktar ekoloġika biex jitrawwem l-użu ta’ prodotti bħal dawn. Madankollu, il-kriterji li dawn il-prodotti jridu jilħqu biex jibbenefikaw mill-inċentivi jew mill-appalti pubbliċi jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. Dan jista’ jirriżulta fil-frammentazzjoni ta’ l-inċentivi fis-Suq Intern għall-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, il-potenzjal ta’ l-appalti pubbliċi, ekwivalenti għal 16 % tal-PGD ta’ l-UE, ġie sfruttat biss marġinalment.

Biex din il-frammentazzjoni tintrebaħ u biex jittejjeb l-użu ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja, id-Direttiva ta’ Tikkettjar, wara stima ta' l-impatt, għandha twaqqaf bażi armonizzata għal appalti u inċentivi pubbliċi forniti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, kif spjegat hawn isfel.

Fir-rigward ta’ appalti pubbliċi , il-miżuri ta’ implimentazzjoni skond id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għandhom jidentifikaw waħda mill-klassijiet ta’ ittikkettjar bħala limitu li taħtu l-awtoritajiet pubbliċi ma jkollhomx permess ifornu l-appalti. Dan il-limitu għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-riżultat ta’ l-istimi ta' l-impatt għal gruppi ta’ prodotti rilevanti, , li għalihom l-istabbiliment ta’ limitu bħal dan għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ ekonomiji ta’ skala u għat-tnedija ta’ l-innovazzjoni. Il-limitu għandu jikkorrispondi għall-klassi li timmassimizza l-potenzjal ta’ l-appalti pubbliċi biex tistimola s-suq lejn prodotti bi prestazzjoni ogħla fir-rigward ta’ l-enerġija u l-ambjent, filwaqt li fl-istess ħin, ikun żgurat li qed jinżamm livell xieraq ta’ kompetizzjoni fis-suq waqt li titqies id-disponibbiltà tal-prodott , u jkun garantit li l-piż għall-finanzi pubbliċi b'mod ġenerali mhuwiex ogħla milli fil-prassi attwali (meta jitqies il-perjodu kollu ta’ ħajja tal-prodott).

Fir-rigward ta’ inċentivi , l-Istati Membri se jkollhom il-libertà li jagħżlu jekk iridux, u f'liema forma jridu jipprovdu inċentivi biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja, filwaqt li, fejn applikabbli, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, , b'mod partikolari r-regoli ta’ l-Għajnuna mill-Istat[10]. Madankollu, il-miżuri ta' implimentazzjoni skond id-Direttiva ta' l-Ittikkettjar, għandhom, skond ir-riżultat ta' stima ta' l-impatt, jidentifikaw waħda mill-klassijiet ta’ ittikkettjar bħala limitu li taħtu l-Istati Membri ma jitħallewx jistabbilixxu inċentivi. Dan il-livell se jiġi stipulat 'il fuq mir-rekwiżiti komunitarji applikabbli ta’ l-ambjent. Dan għandu japplika għal gruppi ta' prodotti li għalihom hemm evidenza li l-frammentazzjoni ta’ l-inċentivi jista’ jnaqqas l-effettività tagħhom. Fil-prinċipju, dan il-limitu għandu mnejn jikkorrispondi mal-limitu għall-appalti pubbliċi, li jaf ikabbar l-impatt tal-miżuri.

Billi l-prezz huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jiddetermina l-għażliet ta’ xiri, l-istrumenti msejsa fuq is-suq jistgħu wkoll jgħinu biex il-prezzijiet ikunu xierqa u fl-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ l-ambjent, u b’hekk jappoggjaw it-teħid ta’ l-enerġija u ta’ prodotti li huma effiċjenti għall-ambjent. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed teżamina, inter alia , l-għażliet għar-reviżjoni tal-qafas tat-tassazzjoni fuq l-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tanalizza dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-mekkaniżmi ta’ inċentivi fiskali possibbli f'livell ta' l-UE. Dan għandu jipprovdi bażi li fuqu tista’ tiġi evalwata l-ħtieġa għal inizjattivi addizzjonali għall-prodotti li b’mod partikolari huma koperti mid-Direttiva ta' l-Ekodisinn u ta' l-Ittikkettjar jew ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta.

Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu amplifikati u appoġġjati minn:

2.4. Dejta u metodi konsistenti fir-rigward tal-prodotti

Għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika, jeħtieġu dejta u metodi konsistenti u affidabbli biex jevalwaw il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodotti, il-penetrazzjoni tagħhom fis-suq u għas-sorveljanza tal-progress. Id-dejta dwar il-prodotti u impatti ambjentali relatati meħtieġa u miġbura taħt l-għodod differenti għandha tinqasam fejn utli. Metodi bħal dawn jeħtieġu wkoll li jqisu l-ispejjeż u li jkunu sempliċi fl-applikazzjoni tagħhom, kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għall-industrija.

.Fejn possibbli, l-użu ta’ standards armonizzati Ewropej, idealment imsejsa fuq standards Internazzjonali għandhom jiġu studjati, biex jiżguraw żieda fil-kompetittività għall-industrija u relazzjoni tajba ma’ pajjiżi terzi u mal-manifatturi tagħhom.

2.5. Il-promozzjoni ta’ l-Ekoloġija fl-Appalti Pubbliċi

L-Ekoloġija fl-Appalti Pubbliċi (EAP) għandha tissaħħaħ aktar permezz ta’ mizuri volontarji, li għandhom jaġixxu ta’ komplement għall-miżuri obbligatorji msemmija hawn fuq, konsistenti mar-regoli tas-Suq Intern. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u għodod għall-awtoritajiet pubbliċi biex jaħsbu fl-aspett ekoloġiku fil-prassi tagħhom, fir-rigward ta’ l-appalti. Dan jinkludi t-twaqqif ta’ miri indikattivi msejsa fuq il-livell ta’ l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni u l-għoti ta’ mudelli ta’ speċifikazzjonijiet għall-offerti, li huma konformi mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern. Jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ proċess ta’ kooperazzjoni ma' l-Istati Membri biex jidentifikaw u jaqblu dwar kriterji komuni għall-ekoloġija fl-appalti pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi għall-approvazzjoni fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u ta' gwida dwar l-ekoloġija ta' appalti pubbliċi. Is-sorveljanza tal-miri għandha tissejjes fuq il-konformità ma' dawn il-kriterji. Għandhom jiġu stipulati kriterji komuni volontarji għall-ekoloġija fl-appalti pubbliċi għas-servizzi u għal dawk il-prodotti li għalihom mhumiex se jiġu stabbiliti jew għadhom ma ġewx stabbiliti livelli obbligatorji, kif previst fit-Tasima 2.3.

Kriterji komuni għall-ekoloġija ta’ l-appalti pubbliċi għandhom jiġu msejsa fuq il-limiti tal-prestazzjoni ambjentali u t-tikketti rilevanti. Komunikazzjoni separata dwar l-Appalti Pubbliċi Ekoloġiċi tiddiskrivi dawn il-miżuri fid-dettall.

2.6. Il-ħidma mal-Bejjiegħa bl-Imnut u mal-Konsumaturi

Il-bejjiegħa bl-imnut jinsabu f’qagħda tajba biex jinfluwenzaw konsum aktar sostenibbli permezz tal-ħidmiet tagħhom, tal-ktajjen tal-provvista u u l-imġiba tal-konsumatur. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi qegħdin dejjem aktar jirrikonoxxu s-sostenibbiltà bħala opportunità konsiderevoli għat-tkabbir, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fil-kummerċ tagħhom. Madankollu, jeħtieġ aktar sforz biex jitnaqqas il-pass ambjentali tas-settur ta’ l-imnut u tal-katina ta' provvista tieghu, għall-promozzjoni ta' prodotti aktar sostenibbli, u għal tagħrif aħjar lill-konsumatur. Biex jinkiseb dan, iridu jkunu involuti partijiet interessati oħra, bħal produtturi kif ukoll organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u oħrajn mhux governattivi..

Qed jiġi stabbilit Forum dwar il-kummerċ bl-imnut. Għandu jservi ta’ pjattaforma biex:

- jidentifika l-oqsma ewlenin li għandhom jiġu ttrattati u jiddefinixxi l-linja bażi ta’ inizjattivi eżistenti;

- jaqsam l-aħjar prattika, jestendi l-kopertura ġeografika ta’ inizjattivi eżistenti u jfittex li jniedi inizjattivi ġodda; kif ukoll

- jirrapporta dwar il-progress ta’ l-azzjonijiet tagħhom fuq bażi individwali.

L-għan huwa li l-bejjiegħa bl-imnut kbar individwali jidħlu għall-impenn ta’ sensiela ta’ ambizzjonijiet u azzjonijiet konkreti b'għanijiet ċari, perjodi ta' żmien, fornimenti, u indikaturi ta' sorveljanza.

Dawn l-impenji jwieġbu għas-sejħa tal-Kummissjoni dwar in-negozju biex tħaffef ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2006[11].

Il-politika tal-konsumatur ta’ l-UE tista’ tipprovdi l-għodod tas-suq biex issaħħaħ liċ-ċittadini, bħala konsumaturi, biex jagħmlu għażliet ambjentali sostenibbli. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tappoġġja wkoll azzjonijiet biex iżżid l-għarfien tal-konsumaturi u tgħinhom jagħmlu għażliet aktar bil-għaqal. Dan jista’ jsir, per eżempju, permezz ta’ l-iżvilupp ta’ għodod li jgħarrfu liż-żgħażagħ u li jżidu l-għarfien tagħhom[12] u permezz ta’ moduli ta’ edukazzjoni onlajn għall-adulti[13] dwar il-konsum sostenibbli.

3. INRAQQU L-PRODUZZJONI

Il-qafas regolatorju għall-proċessi ta' produzzjoni huwa stabbilit sew f’livell Ewropew. Dan jinkludi l-issettjar regolatorju bħal dwar l-emissjonijiet ambjentali mill-industri (id-Direttiva IPPC)[14] u l-Iskema ta’ l-Iskambju ta’ l-Emissjonijiet għal gassijiet b’effett serra[15]. Madankollu, jeħtieġ li tingħata aktar spinta fir-rigward tar-riżorsi ta’ proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti u eko-innovattivi, għat-tnaqqis tad-dependenza fuq il-materja prima u biex tinkoraġixxi l-aħjar użu ta’ riżorsi u ta’ riċiklaġġ.

F'dan il-pjan ta' Azzjoni qed tiġi proposta sensiela ta' azzjonijiet integrati biex taħdem b'sinerġija ma' u biex tikkumplementa l-politika għal konsum aktar bil-għaqal u għal prodotti aħjar, kif spjegat fit-taqsima ta’ qabel, permezz ta’ l-estensjoni, l-amplifikazzjoni u t-tħaffif ta’ l-impatt tagħha.

L-azzjoni għandha tiffoka fuq it-tliet miri li ġejjin:

3.1. Spinta lill-effiċjenza tar-riżorsi

L-effiċjenza tar-riżorsi tikkontribwixxi għall-għan tal-ħolqien ta’ aktar valur filwaqt li tuża inqas riżorsi. Fl-UE, il-produttività tar-riżorsi (imkejla mill-PGD għal kull użu ta’ riżors, €/kg) tjiebet bi 2.2 % fis-sena f’termini reali matul dawn l-aħħar 10 snin. Dan ifisser li l-UE rnexxielha tistabbilizza l-użu tar-riżorsi fl-ekonomija li qed tikber, fil-parti l-kbira minħabba titjib fl-effiċjenza fil-produzzjoni kif ukoll minħabba ż-żieda fir-rwol tas-servizzi fl-ekonomija. It-titjib fil-produttività tar-riżorsi għandu jissokta mill-inqas bl-istess pass ta’ din il-medja ta' l-UE.

Għandhom jiġu żviluppati aktar għodod biex jissorveljaw, jimmarkaw u jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi, filwaqt li titqies il-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja u inkluż il-kummerċ. Għandhom jiġu indirizzati fi stadju aktar tard analiżi u miri ddetaljati bbażati fuq materjal, imsejsa fuq is-sinifikat ambjentali u fuq l-aċċess għar-riżorsi naturali.

3.2. L-appoġġ ta’ l-eko-innovazzjoni

L-innovazzjoni f’dan il-qasam ta’ prodotti u servizzi ambjentali hija ċentrali għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dan il-Pjan, u għandha rwol ewlieni fil-politika ta' l-innovazzjoni. Wieħed mill-indikaturi disponibbli għall-kejl tal-livell ta' innvoazzjoni huwa l-għadd ta' privattivi f'qasam partikolari. Skond l-OECD, il-privattivi ta’ l-eko-innovazzjoni fl-UE qed jiżdiedu u l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni qed jagħtu 3.5 privattivi fis-sena għal kull biljun PGD (f’Ewro).

Għandhom jiġu żviluppati għodda biex jissorveljaw, jimmarkaw u jagħtu spinta lill-eko-innovazzjoni u lill-użu tagħha fl-UE, bħala parti minn politika ta’ riċerka u innovazzjoni usa’ fl-UE u l-istrumenti tagħha.

Għandha tiġi stabbilita skema ta’ verifika ta’ teknoloġija ambjentali ma’ l-UE kollha biex tipprovdi verifika affidabbli tal-partijiet terzi tal-prestazzjoni u ta’ l-impatti potenzjali fuq l-ambjent ta’ teknoloġiji ġodda. Għandha tkun skema volontarja, parzjalment finanzjata minnha nnifisha, imsejsa fuq qafas regolatorju. Għandha tgħin biex tipprovdi fiduċja fit-teknoloġiji l-ġodda li qed ifiġġu fis-suq.

3.3. It-titjib tal-potenzjal ambjentali ta' l-industrija

Reviżjoni tar-Regolament EMAS

L-iskema Komunitarja ta’ immaniġġjar u verifika ta’ l-ambjent, EMAS[16], tgħin lill-kumpaniji biex itejbu kemm jistgħu l-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent u jsir użu aktar effettiv tar-riżorsi. L-EMAS taħdem bħala skema volontarja ta’ immaniġġjar u verifika ta’ l-ambjent.

Biex tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tagħha għal titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-proċessi ta’ produzzjoni, għandha ssir reviżjoni sinifikanti ta’ l-iskema biex jiżdied is-sehem tal-kumpaniji, u jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju.

L-iżvilupp ta’ inizjattivi għall-politika industrijali għal industriji ambjentali

L-industriji ambjentali[17] jikkontribwixxu għat-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali ta’ l-ekonomija.

Għal aktar kompetittività fl-industriji ambjentali u biex wieħed jiffavorixxi l-użu tagħhom fl-industriji tradizzjonali, għandhom jiġu żviluppati inizjattivi għal industriji ambjentali. Dawn l-inizjattivi jagħmlu parti mill-implimentazzjoni tal-politika industrijali tal-Kummissjoni Ewropea[18]. Għal dan l-għan, għandha titwettaq analiżi komprensiva ta' ostakoli regolatorji u ta’ fallimenti fis-suq li jxekklu l-kompetittività ta' l-industriji ambjentali u l-użu tagħhom minn setturi oħra ta' l-ekonomija. Dan għandu jindirizza kwistjonijiet bħas-Suq Intern u Regolamentazzjoni Aħjar, standardizzazzjoni u aċċess għall-finanzi. Il-potenzjal tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni għat-twassil ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għandu jiġi sfruttat[19]. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-oqsma ta’ prijorità identifikati mill-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni.

Għajnuna lill-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

In-nuqqas ta’ l-informazzjoni, l-għarfien espert insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ riżorsi tal-bniedem jagħmluha diffiċli għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju biex jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet kummerċjali mogħtija minn amministrazzjonmi ambjentali soda.

Bejn l-2005 u l-2007, il-Kummissjoni introduċiet għadd ta’ miżuri politiċi għall-appoġġ ta' l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta' Daqs Medju Ewropej, inkluż it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom[20]. Aktar miżuri ġew inklużi fil-Komunikazzjoni għal ‘Att għan-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa[21]. Notevolment, in-Netwerk Ewropew ta’ l-Intrapriżi għandu jikkontribwixxi biex iqajjem l-għarfien u jxerred it-tagħrif u l-għarfien espert miksuba permezz ta' programmi u inizjattivi oħra ta' l-UE fil-qasam ta’ l-ambjent u ta’ l-enerġija.

4. ĦIDMA LEJN SWIEQ GLOBALI GħAL PRODOTTI SOSTENIBBLI

Flimkien mal-linji ewlenin ta’ azzjoni deskritti hawn fuq, għandha titwettaq attività fuq livell globali. Din għandha tibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali; il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli; u r-Regolament dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ. Flimkien ma' dawn l-azzjonijiet il-Kummissjoni se timpenja ruħha biex:

- Tippromwovi l-istrateġiji settorjali fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima bħala element ta’ u komplement għall-ftehim komprensiv internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu wara l-2012. Il-gvern u l-industriji qed jibdew jiżviluppaw strateġiji settorjali u jimpenjaw ruħhom għall emissjonijiet jew għal limiti speċifiċi ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija. . Dan għandu jippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jieħdu azzjoni f'setturi speċifiċi li tkun tista' tnaqqas it-tkabbir ta’ l-emissjonijiet biex l-emissjoni settorjali tkun tista’ tiddevja sostanzjalment mil-linja bażi settorjali. Dan għandu wkoll jgħin lill-industrija biex tikkontrolla l-emissjonijiet, u biex tindirizza b’mod potenzjali it-tħassib dwar ħruġ ta' karbonju.Il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji bħal dawn fil-kuntest tan-negozjar internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima. L-attivitajiet għandhom jinkludu l-formazzjoni ta' kapaċitajiet f'ekonomiji ewlenin emerġenti u li jiddeterminaw l-elementi ewlenin meħtieġa fil-bini ta’ strateġiji settorjali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima wara l-2012.

- Tippromwovi prattika tajba internazzjonalment. Għandhom jiġu promossi politiki ta' Konsum u Produzzjoni Sostenibbli, bħala parti mill-Qafas ta’ Programmi Deċennali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (il-Proċess ta’ Marrakesh). L-azzjonijiet addizzjonali għandhom isaħħu s-sħubijiet, bħal per eżempju permezz tas-sħubija bejn l-UE-l-Ażja (il-Programm SWITCH) u tad-diskussjonijiet u l-panels internazzjonali u ta' appoġġ. Flimkien ma’ dan, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-G8 kif ukoll iċ-Ċina, l-Indja u l-Korea ta’ Isfel, fis-7 ta’ Ġunju 2008, ħadu d-deċiżjoni li jistabbilixxu b’mod konġunt is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza ta’ l-Enerġija (“IPEEC”).

- Tippromwovi l-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ambjentali tista’ tgħin fit-tixrid ta’ teknoloġija ekoloġika u għalhekk tappoġġja l-adattament għal ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju filwaqt li tibni fuq u tiżviluppa aktar il-kompetittività Ewropea fl-oqsma ambjentali. L-UE qed tissokta bl-isforzi tagħha biex tilliberalizza l-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi ambjentali fin-negozjati mad-WTO skond l-Aġenda ta’ l-Iżvilupp ta’ Doha, u fil-kuntest ta' negozjati kummerċjali bilaterali. Dan għandu, fejn hu possibbli, fuq il-bażi ta’ standards internazzjonali. Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn għandha tiżviluppa standards ambjentali u ta’ effiċjenza enerġetika għal għadd ta’ prodotti. Dan jista’ jwitti t-triq għall-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u jgħin fil-ħolqien ta’ swieq ta’ esportazzjoni għal kumpaniji ewlenin fl-Ewropa. Il-politika kummerċjali u d-djalogu industrijali għandhom jikkontribwixxu għal dan il-proċess.

5. KONKLUżJONI U PJAN

Din il-Komunikazzjoni tistipula pakkett integrat ta’ miżuri biex toħloq konsum u produzzjoni aktar sostenibbli, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. Hija tibni fuq għadd ta’ linji politiċi ta’ l-UE. Notevolment, l-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli identifikat il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli bħala waħda mill-isfidi ewlenin għall-Ewropa. Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għall-2008-2010 jinkludi l-promozzjoni ta’ politika industrijali mmirata lejn konsum u produzzjoni aktar sostenibbli bħala waħda mill-orjentazzjonijiet ewlenin tiegħu.

Id-dokumenti li ġejjin jakkumpanjaw dan il-Pjan ta’ Azzjoni:

- Proposta għall-estensjoni tad-Direttiva ta’ l-Ekodisinn

- Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament ta' l-Ekotikketta

- Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament ta' l-EMAS

- Komunikazzjoni dwar Appalti Pubbliċi Ekoloġiċi

Dawn għandhom jissegwew minn

- Proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva ta' l-Ittikkettjar ta’ l-Enerġija.

- Proposta għal Regolament għal skema ta’ Verifika ta’ Teknoloġija Ambjentali.

- L-azzjonijiet li fadal għandhom isegwu aktar tard fl-2008/2009: il-promozzjoni ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi; il-promozzjoni ta’ l-eko-innovazzjoni; l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ politika industrijali għal industriji ambjentali; strateġiji settorjali; il-promozzjoni ta’ prattika tajba internazzjonalment; il-promozzjoni ta’ kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fl-2012.F’din l-okkazzjoni, il-Kummissjoni partikolarment se tanalizza jekk hemmx bżonn ta’ aktar azzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni ta’ l-enerġija u dik ambjentali tal-prodotti, b’mod partikolari billi testendi d-Direttivi ta’ l-Ekodisinn u t-Tikkettjar biex ikopru l-prodotti li mhumiex relatati ma’ l-enerġija.

[1] Proposta għall-Programm Komunitarju ta’ Liżbona 2008-2010- COM(2007) 804.

[2] L-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE, Kunsill ta' l-UE 10917/06.

[3] L-Impatt Ambjentali tal-PROdotti (EIPRO), Ċentru Konġunt ta’ Riċerka – IPTS; Il-Matriċi Nazzjonali tal-Kontabilità mal-Kontabilità ta’ l-Ambjent (NAMEA), ŻEE. Dawn l-istudji juru li fl-UE, l-oqsma tal-konsum ta' l-ikel u x-xorb, tad-djar (inklużi: it-tisħin, l-ilma, it-tagħmir domestiku), u l-ivvjaġġar jikkawżaw bejn 70 % sa 80 % ta' l-impatti ambjentali kollha .

[4] Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija (ĠU L 101, 22.7.2005, p. 29).

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar, ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16).

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettjar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta’ l-uffiċċju (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1).

[7] Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar l-iskema riveduta ta' l-għoti ta' l-Ekotikketta Komunitarja (ĠU L 237, 20.9.2000, p. 1).

[8] Ara d-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff SEC(2008) 2110 L-istima ta’ l-impatt għall-abbozzar mill-ġdid tad-Direttiva 2005/32/KE, Tabella 3.

[9] Notevolement, il-linjigwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

[10] Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

[11] Nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva -COM(2006) 136.

[12] Bl-għajunua tad-Djarju EUROPA.

[13] Bħala parti minn DOLCETTA, għodda għall-edukazzjoni tal-konsumaturi msejsa fuq il-web ta' l-UE.

[14] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u kontroll sħiħ tat-tniġġiż) - COM(2007) 844 21.12..2007

[15] Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità , (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

[16] Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja mill-organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja ta' mmaniġġjar u verifika ta' l-ambjent (EMAS) (ĠU L 114, 24.4.5001, p. 1)

[17] Industriji ambjentali huma “attivitajiet li jipproduċu prodotti u servizzi ta' kejl, ħarsien, limitazzjoni, minimizzazzjoni jew korrezzjoni tad-dannu ambjentali lill-ilma, l-arja u l-art, kif ukoll tal-problemi marbuta ma' l-iskart, il-ħoss u l-ekosistemi” (Eurostat/OECD (1999). Dan jinkludi industriji bħall-iskart u l-ġestjoni ta’ l-ilma użat, sorsi ta’ l-enerġija li jiġġeddu, konsultazzjoni ambjentali, it-tniġġis ta’ l-arja u l-kontroll, l-eko-kostruzzjoni eċċ.

[18] L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Liżbona tal-Komunità: Qafas ta' politika għat-Tisħiħ tal-Manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-Politika Industrijali - COM(2005) 474.

[19] L-indirizzar ta’ l-isfida ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija permezz ta’ Teknoloġiji ta’ Tagħrif u ta' Komunikazzjoni, COM(2008)241 finali.

[20] Żgħar, nodfa u kompetittivi. Programm biex jgħin l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali - COM(2007) 379.

[21] L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir - ‘Att għan-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa– COM(2008) 394.