52008DC0127




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.3.2008

KUMM(2008) 127 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea

{SEG(2008) 288}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea

I. INTRODUZZJONI

Matul dawn l-aħħar sentejn, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent[1] resqu iktar viċin l-UE. Dan jirrifletti progress, għalkemm mhux uniformi, fir-riformi u fl-ilħuq ta' kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti[2]. Saru wkoll passi importanti fil-kooperazzjoni reġjonali. Minkejja dan, il-pajjiżi sħab tagħna qed jiffaċċjaw għadd ta' sfidi fl-2008 li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet kbar għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-benessri tagħhom.

Il-ħtieġa tas-soluzzjoni ta' l-istatut tal-Kosovo ġibdet l-attenzjoni fuq ir-reġjun u r-rabtiet tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea. Fiċ-ċirkostanzi attwali huwa importanti li jinżammu l-paċi u l-isabbiltà tar-reġjun. L-aħjar mod kif dan jista' jinkiseb huwa billi tissaħħaħ iktar il-perspettiva ta' l-UE u billi ssir viżibbli u tanġibbli kemm jista' jkun għall-popli kollha tar-reġjun. Jeħtieġ ukoll li l-impenn kostruttiv tal-mexxejja politiċi fir-reġjun kollu.

Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-opinjoni pubblika fil-Balkani tal-Punent hija l-favur l-integrazzjoni fl-UE. Il-gvernijiet kollha impenjaw ruħhom għal dan il-għan u qegħdin jimplimentaw diversi riformi. Madankollu, is-soċjetajiet għadhom mifruda dwar għadd ta' kwistjonijiet ewlenin relatati mal-koeżistenza u l-integrazzjoni ta' komunitajiet differenti u, f'xi każijiet, ir-riforma kostituzzjonali. Huma meħtieġa iktar sforzi biex jinkiseb kunsens dwar dan it-tip ta' kwistjonijiet, sabiex jiġu evitati manifestazzjonijiet ta' nazzjonaliżmu li jagħmlu l-ħsara, u biex jkomplu r-riformi politiki u ekonomiċi neċessarji.

Huwa fl-interess ta' l-Unjoni Ewropea, u fl-interess ta' l-Ewropa kollha kemm hi, li r-reġjun għandu jissokta malajr kemm jista' jkun bir-riforma politika u ekonomika, ir-rikonċiljazzjoni fost il-popli u l-progress lejn l-UE. Għalhekk l-UE qed timmobilizza kull strument ta’ politika disponibbli biex tappoġġja l-kisba ta' dawn l-għanjiet. Il-Kummissjoni qed tagħti prijorità partikolari għall-appoġġ għat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, it-tmexxija tajba, ir-riforma ġudizzjarja u amministrativa u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili.

F'Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid li "l-ġejjieni tal-Balkani tal-Punent huwa fi ħdan l-Unjoni Ewropea." Iddikjara li lest jimxi 'l quddiem bil-proċess ta' qabel l-adeżjoni u saħansitra biex iħaffef il-proċess fejn dan ikun iġġustifikat bl-isforzi ta' pajjiż imsieħeb partikolari. Fi Frar 2008, il-Kunsill tenna mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jappoġġja bis-sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea għall-Balkani tal-Punent. Huwa talab lill-Kummissjoni biex jintużaw strumenti komunitarji għall-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku u politiku u biex jiġu proposti miżuri konkreti iktar wisgħin fir-reġjun sabiex isir progress f'dik id-direzzjoni.

L-UE ser tkompli trendi l-prospett ta' sħubija viżibbli u konkreta għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. B'dan il-għan, l-UE għandha tkun lesta taċċellera t-tħejjija ta' qabel l-adeżjoni mal-pajjiżi kollha tar-reġjun, ladarba jiġu sodisfatti l-kriterji meħtieġa. Il-progress ta' kull pajjiż fid-direzzjoni ta' l-UE huwa bbażat fuq ir-rendiment, skond l-merti u suċċess individwali tiegħu fl-istabbiliment ta' riżultati ta' kisbiet fl-indirizzar ta' prijoritajiet ta' riforma.

L-2008 hija s-sena li fiha r-responsabbiltà ewlenija għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali qed issir mill-imsieħba fil-Balkani tal-Punent, notevolment permezz tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali l-ġdid. Huwa importanti li l-kooperazzjoni reġjonali ġġib magħha benefiċċji liċ-ċittadin.

Għadd ta' msieħba reġjonali għandhom kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tagħhom. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex iġeddu l-isforzi tagħhom sabiex jinstabu suluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli għal dawn il-problemi. Ir-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali jibqgħu importanti fil-mixja lejn sħubija fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għar-riforma u l-kooperazzjoni reġjonali permezz ta' l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni. Ħadet inizjativa ġdid fil-qasam ta' koordinazzjoni tad-donaturi, bl-involviment ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi bilaterali. Dan għandu l-intenzjoni li jwieżen l-ammont massimu ta' għajnuna possibbli għall-ħtiġijiet ta' modernizzazzjoni u żvilupp tar-reġjun, billi jiġbor flimkien għotjiet u self.

L-iskop ta' din il-Komunikazzjoni hija li ttenni l-impenn ta' l-UE għall-perspettiva Ewropea fil-Balkani tal-Punent, u biex tindika t-triq 'il quddiem lejn l-UE għal progress imsaħħaħ fir-reġjun. Din il-Komunikazzjoni hija s-segwitu ta' l-aġenda ta' Thessaloniki u l-Komunikazzjoni ta' Salzburg, skond id-dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir ta' Novembru 2007. Dan jistabilixxi inizjativi ġodda għall-promozzjoni ta' kuntatti bejn il-popli, li jkopri oqsma bħal-liberalizzazzjoni ta' viżi u boroż ta' studju, għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u għat-tisħiħ ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun. Il-Komunikazzjoni tipprovdi wkoll analiżi fil-qosor tas-sitwazzjoni ta' kull sieħeb fid-dawl ta' żviluppi li saru mill-aħħar rapporti ta' progress f'Novembru 2007[3].

Id-deċiżjoni tal-Presidenza attwali tal-Kunsill biex issejjaħ laqgħa ministerjali mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Marzu f'Brdo (Slovenja) hija f'waqtha. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi sfond għad-diskussjoni f'din il-laqgħa.

Il-Kunsill huwa mistieden japprova l-miżuri stipulati f'dan id-dokument u jappoġġjaw l-implimentazzjoni tagħhom.

II. IL-PROGRESS LI SAR U T-TRIQ 'IL QUDDIEM

1. Iktar qrib l-UE u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali

Iktar qrib l-UE tfisser l-ilħuq ta' kriterji u kundizzjonijiet għal kull stadju. Dawn huma relatati mal-kriterji ta' Kopenħagen dwar sħubija u mal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċazzjoni, inkluż dwar il-kooperazzjoni reġjonali, relazzjonijiet tajba mal-viċinat u kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Jeħtieġ li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jindirizzaw il-prijoritajiet stipulati fis-Sħubiji ta' Adeżjoni jew Sħubiji Ewropej. Ir-rata ta' progress ta' kull pajjiż hija determinata mill-kisbiet tagħha stess f'dan ir-rigward.

Iktar passi fit-triq lejn adeżjoni eventwali ma' l-UE

In-negożjati ta' Adeżjoni mal- Kroazja huma mixjin 'il quddiem: wara li sar il-proċess ta' analiżi f'Ottubru 2006, infetħu sittax-il kapitolu ta' negozjar u tnejn ingħalqu provviżorjament fi Frar 2008. Il-progress tal-Kroazja jibgħat sinjal lill-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent dwar il-prospetti ta' sħubija tagħhom stess, ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

Jekk il-gvern jaħdem b'determinazzjoni biex jintlaħqu l-kriterji stabbilit u kundizzjonijiet oħra, il-progress sostanzjali fin-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja jkun possibbli matul is-sena li ġejja. Sabiex l-2008 tkun sena deċiżiva għall-Kroazja fil-proċess tagħha ta' adeżjoni, jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel iktar progress fir-riformi ġudizzjarji u amministrativi, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-minoranzi, u r-ritorn tar-refuġjati, kif ukoll iktar ristrutturar fis-settur tal-bini tal-bastimenti. Jeħtieġ ukoll li l-Kroazja tagħti dejjem iktar attenzjoni għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet kurrenti mal-ġirien tagħha. B'mod partikolari, jeħtieġ li tindirizza mingħajr dewmien u skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2008, il-kwistjoni taż-Żona ta' Protezzjoni Ekoloġika u tas-Sajd.

L- eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ingħatat status ta' kandidat f'Diċembru 2005. Filwaqt li b'mod ġenerali l-pass tar-riforma mexa bil mod, ,reċentement kien hemm sinjali ta' żieda fil-momentum tar-riforma.

Kooperazzjoni msaħħa fost il-partiti politiċi u bejn il-Prim Ministru u l-President wasslet għal kunsens dejjem jiżdied dwar ir-riformi relatati ma' l-UE. Dawn jinkludu ħatriet fil-Kunsill Ġudizzjarju mill-Parlament u l-adozzjoni ta' liġijiet dwar l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku, dwar il-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi u dwar il-Kompożizzjoni tal-Kumitat dwar ir-Relazzjoni Interetniċi. Sar ukoll progress fir-riforma u d-deċentralizzazzjoni tal-pulizija.

L-iżgurar ta' relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien u li jiġu nnegozjati soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli għall-kwistjonijiet pendenti mal-ġirien, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007, jibqgħu passi essenzjali.

Is-Sħubija ta' Adeżjoni adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Frar 2008[4] tidentifika tmien prijoritajiet ewlenin għall-progress fil-proċess ta' adeżjoni mill-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dawn ikopru l-implimentazzjoni xierqa ta' l-impenji kollha li ttieħdu fl-FSA, djalogu bejn il-partiti politiċi, implimentazzjoni tal-liġi dwar il-pulizija u l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll miżuri fil-politika ta' l-impjiegi u għat-tisħiħ ta' l-ambjent tan-negozju.

Jeħtieġ li l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tilħaq dawn il-kriterji stabbiliti sabiex turi kemm hi lesta tidħol fl-impenn ta' negozjati ta' adeżjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, b'determinazzjoni politika suffiċjenti, u b’kooperazzjoni bejn il-partiti kollha, il-progress meħtieġ jista' jsir fl-2008. Il-Kummissjoni għandha tevalwa dawn il-prijoritajiet ewlenin bħala kriterji stabbiliti fir-rapport regolari tal-Ħarifa. Rakkomandazzjoni dwar il-bidu ta' negozjati ta' adeżjoni tiddependi fuq ir-riżultati miksuba.

Saru wkoll passi kbar ’il quddiem bl-iffirmar ta' Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-pajjiżi oħra tar-reġjun. Ġew iffirmati ftehimiet ma' l-Albanija f'Ġunju 2006 u mal-Montenegro f'Ottubru 2007[5]; id-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ fil-Ftehimiet Temporanji ekwivalenti diġà daħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jipproċedu malajr bir-ratifika ta' dawn l-FSA sabiex jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista' jkun. L-FSA mas-Serbja u l-Bożnija u Ħerzegovina ġew iffirmati mill-Kummissjoni f'Novembru u Diċembru 2007 rispettivament. Dawn il-ftehimiet ser jiġu iffirmati malli s-Serbja u l-Bożnija u Ħerzegovina jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Riżultati sodisfaċenti, notevolment fl-implimentazzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-FSA, inklużi d-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, huwa element essenzjali għall-progress ta' kull pajjiż lejn is-sħubija.

L- Albanija kompliet tagħmel progress fir-riformi u l-approssimazzjoni ma' l-istandards ta' l-UE. Miexja sew fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Temporanju skond l-FSA u qed tibni rekord ta' riżultati tajbin. L-Albanija żammet pożizzjoni bbilanċjata dwar il-kwistjoni tal-Kosovo, u b'hekk ikkontribwiet għall-istabbiltà reġjonali.

Il-mexxejja politiċi fl-Albanija wiegħdu li jibdew relazzjoni kostruttiva dwar riformi ewlenin. Ir-riforma elettorali, partikolarment fid-dawl ta' l-elezzjonijiet parlamentarji ta' l-2009, it-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma ċentrali. Klima mtejba fil-parlament għandha tikkontribwixxi għal progress dwar kwistjonijiet bħal dawn.

L-Albanija ser tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma' l-UE sakemm iżżomm l-implimentazzjoni sodisfaċenti ta' l-FSA, tiżgura li l-elezzjonijiet jissodisfaw bis-sħiħ il-livelli internazzjonali u tkompli ssaħħaħ l-istat tad-dritt. Ikun importanti wkoll it-tisħiħ ta' l-ambjent tan-negozju u l-kompetittività ta' l-ekonomija.

Il- Montenegro għamel passi 'l quddiem importanti mill-indipendenza f'Ġunju 2006. Il-Montenegro ħadem b'mod attiv biex issaħħaħ il-ħiliet istituzzjonali u legali tiegħu. L-adozzjoni tal-kostituzzjoni u l-iffirmar ta' l-FSA kienu passi kbar għall-Montenegro u r-relazzjonijiet tiegħu ma' l-UE.

Il-kostituzzjoni tal-Montenegro hija ġeneralment konformi ma' l-istandards Ewropej. Tipprovdi qafas ġenerali sodisfaċenti għall-ġudikatura, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi. Madankollu, il-Montenegro hija mistennija żżid it-tħejjija biex timplimenta dan il-qafas. Jeħtieġ li l-prinċipji ta' indipendenza u r-responsabbiltà ġudizzjarja jiġu rrispettati bis-sħiħ. Jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. L-issuktar tar-riforma amministrativa u t-tisħiħ tal-ħiliet amministrativi tkun sfida ewlenija għall-Montenegro.

Fiż-żmien li ġej, il-Montenegro jkollu bżonn jilħaq kunsens iktar wiesa' dwar kwistjonijiet ta' bini ta' Stat u jagħmel iktar progress fl-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' integrazzjoni Ewropea. L-elezzjonijiet presidenzjali li għandhom isiru f'April 2008 għandhom jikkontribwixxu għal dan.

Ir-ratifika unanima ta' l-FSA enfasizza l-appoġġ mifrux fil-pajjiż għal futur Ewropew. L-implimentazzjoni tal-Ftehim Temporanju u t-titjib fit-tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-FSA, ladarba jiġi rratifikat, huma essenzjali għal progress fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Montenegro ma' l-UE. It-tisħiħ ta' l-istabbiltà makroekonomika u l-ambjent tan-negozju huma importanti wkoll.

Il- Bożnija u Ħerżegovina kompliet l-isforzi tagħha fil-progress dwar l-aġenda ta' integrazzjoni Ewropea. Il-mexxejja politiki impenjaw ruħhom f'Ottubru 2007 sabiex jimplimentaw ir-riforma tal-pulizija u javvanzaw l-aġenda ta' riforma globali sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iffirmar ta' l-FSA ('Dikjarazzjoni ta' Mostar').

Il-kooperazzjoni ma' l-ICTY kompliet u issa tinsab f'livell sodisfaċenti. L-iffunzjonar ta' istituzzjonijiet ta' l-Istat tjieb sa' ċertu punt, wara l-adozzjoni ta' proċeduri ta' ħidma ġodda. Dawn l-iżviluppi wasslu għall-inizjalar ta' l-FSA fl-4 ta' Diċembru 2007. Jeħtieġ li l-mexxejja tal-pajjiż jagħmlu iktar sforzi konsiderevoli, jekk il-Bożnija u Ħerzegovina ser tieħu r-responsabbiltà sħiħa għat-tmexxija tagħha u tavvanza l-aġenda ta' riforma. Fi Frar 2008, il-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi ddeċieda li jipposponi l-għeluq ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Għolja.

Issa jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Bożnija u Ħerzegovina jadottaw leġiżlazzjoni fil-livell ta' Stat dwar il-pulizija u jindirizzaw prijoritajiet ewlenin oħra. Il-Kummissjoni tqis li, b'rieda politika suffiċjenti, għandu jkun possibbli li l-Bożnija u Ħerzegovina tilħaq il-kundizzjonijiet għall-iffirmar ta' l-FSA fi ftit żmien. Il-Bożnija u Ħerzegovina teħtieġ istituzzjonijiet li jiffunzjonaw u effettivi li jkunu kapaċi jilħqu l-isfidi ta' integrazzjoni Ewropea.

Is- Serbja għandha rwol ewlieni fir-reġjun mill-aspett ekonomiku u politiku. Is- Serbja hija importanti wkoll għall-istabbiltà tar-reġjun, li jibbenefika minn Serbja stabbli u prosperuża integrata bis-sħiħ fil-familja tan-nazzjonijiet Ewropej. Bħalissa s-Serbja qed tiffaċċja għażliet strateġiċi rigward il-futur tagħha. L-elezzjonijiet presidenzjali li saru fi Frar 2008 ikkonfermaw l-aspirazzjonijiet Ewropej tas-Serbja.

L-UE qablet li twaqqaf Task Force biex jiġu eżaminati l-modi ta' twettiq rapidu ta' progress u hija impenjata li tiffirma l-FSA mas-Serbja ladarba jkunu ffinalizzati l-passi meħtieġa. Il-Kummissjoni tibqa' konvinta dwar il-benefiċċji li l-FSA ġġib kemm lis-Serbja kif ukoll lill-UE, u dwar l-impatt pożittiv li dan ikollu fuq ir-reġjun.

Il-Kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien huma iktar importanti minn qabel sabiex is-Serbja u r-reġjun kollu kemm hu jkomplu mixjin lejn l-UE.

Il-progress tas-Serbja fit-triq lejn l-UE, inkluż l-istatut ta' kandidat, jista' jiġi aċċellerat, kif iddikjarat mill-Kunsill Ewropew fl-14 ta' Diċembru 2007. Il-Kummissjoni tappella lis-Serbja biex issostni mill-ġdid l-impenn tagħha għal rabtiet iktar sodi ma' l-Unjoni Ewropea.

Il-Kosovo fid-dawl ta' l-iżviluppi fl-istatus

Fis-17 ta' Frar l-Assemblea tal-Kosovo adottat riżoluzzjoni li ddikjarat l-indipendenza tal-Kosovo. Wara l-laqgħa tiegħu fit-18 ta' Frar, il-Kunsill ħa nota dwar ir-riżoluzzjoni kkommettiet lill-Kosovo għall-prinċipji tad-demokrazija u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tagħha, għall-protezzjoni tal-minoranzi Serbi u minoranzi oħra u tal-wirt kulturali u reliġjuż, kif ukoll għas-superviżjoni internazzjonali.

Il-Kunsill innota li l-Istati Membri ser jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kosovo, skond il-prassi nazzjonali u l-liġi internazzjonali. Il-Kunsill enfasizza li l-Kosovo tikkostitwixxi każ sui generis li ma jippreġudikax il-prinċipji ta' sovranità u integrità territorjali, il-Karta tan-NU u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà, jew l-Att Finali ta' Ħelsinki. Huwa laqa' wkoll il-preżenza kontinwa tal-komunità internazzjonali, ibbażata fuq ir-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU. Il-Kunsill tenna li l-UE tinsab lesta li jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ ta' l-istabbiltà tar-reġjun.

Il-Kummissjoni, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill, tikkunsidra importanti l-fatt li Belgrad u Pristina jirrispettaw l-impenji li ħadu qabel biex jibqgħu lura minn kwalunkwe attivitajiet jew dikjarazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sitwazzjoni ta' sigurtà.

Il-Kummissjoni tilqa' l-fatt li l-Kunsil tenna mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jappoġġja bi sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea għall-Balkani tal-Punent u l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minn strumenti komunitarji biex tippromwovi l-iżviilupp ekonomiku u politiku u biex tipproponi miżuri iktar konkreti għar-reġjun b’mod ġenerali sabiex isir progress f'dik id-direzzjoni.

L-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp futur tal-Kosovo permezz ta' missjoni internazzjonali ċivili, immexxija minn Rappreżentant Speċjali ta' l-UE, missjoni tal-PESD ta' l-istat tad-dritt u appoġġ sostanzjali għall-iżvilupp ekonomiku u politiku.

Fl-4 ta' Frar, l-UE adottat azzjoni konġunta biex tuża l-missjoni tal-PESD (EULEX Kosovo) u taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-UE. Il-missjoni għandha tinkludi uffiċjali tal-pulizija, imħallfin, prosekuturi u uffiċjali tad-dwana biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-Kosovo fiż-żamma ta' l-istat tad-dritt.

Fost l-isfidi l-kbar għall-Kosovo jinsabu t-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, b'mod partikolari l-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet għar-ritorn tar-refuġjati u għall-komunitajiet ta' minoranzi u t-titjib tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. L-għajnuna globali ta' l-UE lill-Kosovo hija stmata li tammonta aktar minn €1 biljun għall-perjodu 2007-2010 u din tkopri l-appoġġ għall-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-Kosovo u l-finanzjament tal-kontribut ta' l-UE għall-preżenza internazzjonali fil-Kosovo.

Il-Kosovo għamel aktar progress lejn soċjetà demokratika u multijetnika. L-elezzjonijiet ġenerali ta' Novembru 2007 kienu ħielsa u ġusti u fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkonformaw ta' standards internazzjonali. Il-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid jinkludi ministri mill-komunità Serba u dik Torka u għamel impenni dwar il-benesseri tal-minoranzi, b'mod partikolari s-Serbi tal-Kosovo. Il-gvern enfasizza wkoll l-importanza li jagħti r-riformi li huma skond l-aġenda Ewropea.

Il-Kosovo, bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent, għandu perspettiva ta' l-UE ċara u tanġibbli. Il-Kosovo hu impenjat fi djalogu regolari mal-Kummissjoni dwar ir-riformi u hemm monitoraġġ regolari tal-progress. Il-Kummissjoni se tintensifika s-sostenn tagħha għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet u se torganizza konferenza tad-donaturi biex torganizza l-iffinanzjar meħtieġ għall-aktar bżonnijiet urġenti tal-Kosova. Se tipprova wkoll tinkoraġġixxi l-kuntatti bejn in-nies u l-involviment tal-Kosovo fil-kooperazzjoni reġjonali.

Progress dwar il-kooperazzjoni reġjonali - il-Kunsill Reġjonali għall-Kooperazzjoni[6] l-ġdid

Sar progress sinifikanti rigward il- kooperazzjoni reġjonali , b'żieda kontinwa fir-responsabbiltà fil-proċess mill-pajjiżi tax-Xlokk ta' l-Ewropa. It-tranżizzjoni mill-Patt ta' Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni b'pussess reġjonali, li beda fis-samit tal-Proċess ta' Kooperazzjoni għax-Xlokk ta' l-Ewropa (SEECP) f'Żagreb f'Mejju 2007, fil-parti l-kbira tlesta fi Frar 2008. Il-qafas il-ġdid jaħdem taħt il-gwida politika tas-SEECP u jinkludi l-Kunsill Reġjonali għall-Kooperazzjoni (KRK) l-ġdid li ġie stabbilit. Inħatar is-Segretarju Ġenerali u s-Segretarjat ibbażat f'Sarajevo beda jaħdem f'Jannar 2008. Dalwaqt għandu jitwaqqaf uffiċju ta' kollegament fi Brussell. Is-Segretarjat huwa kofinanzjat mill-pajjiżi tar-reġjun, il-Kummissjoni u donaturi internazzjonali oħra. L-UE hija rrappreżentata fuq il-Bord RCC.

Il-KRK għandu jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-Patt ta' Stabbiltà, li bejn l-1999 u l-2007 kien ta' impetu imprezzabbli għall-attivitajiet reġjonali u koordinazzjoni tad-donaturi fl-Ewropa tal-Lvant. Dan il-ħidma tiegħu ser tkompli, b'għadd ta' inizjattivi u proġetti effiċjenti. Il-Kummissjoni ser tipprovdi appoġġ għall-KRK u tistieden lill-pajjiżi tar-reġjun, l-Istati Membri u donaturi oħra biex jikkontribwixxu.

2. Kuntatti bejn il-popli; il-familjarizzazzjoni tal-popli ma' l-UE

Il-promozzjoni ta' kuntatti bejn il-popli fil-Balkani tal-Lvant u l-UE hija ta' importanza ewlenija: ċittadini mir-reġjun jikseb għarfien aħjar ta' l-Unjoni Ewropea, il-valuri tagħha u r-regoli tagħha, u l-istil ta' ħajja. Il-kuntatti bejn il-popli tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant jġibu magħhom ir-rikonċiljazzjoni. Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tal-kuntatti bejn il-popli u stieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tippromovihom, b'mod partikolari fl-oqsma ta' visas u boroż ta' studju[7].

Lejn vjaġġar ħieles minn viżi

Is-safar mingħajr il-ħtieġa ta' viżi lejn l-UE hija ta' importanza konsiderevoli għall-popli tal-Balkani tal-Lvant. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant, minbarra l-Kroażja, għad għadhom bżonn viżi biex jidħlu fl-UE. Il-mixja lejn reġim mingħajr il-ħtieġa ta' viżi hija parti mit-tħejjijiet għal adeżjoni ma' l-UE, li tinkludi eventwalment adeżjoni fiż-Żona ta’ Schengen. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-passi lejn il-liberalizzazzjoni ta’ l-ivvjaġġar jikkunsidraw is-sigurtà interna u l-interessi dwar il-migrazzjoni ta' l-UE. Għalhekk, huma jiddependu fuq ir-riformi neċessarji min-naħa tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant.

Bħala l-ewwel pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-viżi, il-Kummissjoni nnegozjat ftehimiet ta' faċilitazzjoni ta' viżi mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant. Dawn ġew iffirmati f'Settembru 2007 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008. Dawn il-ftehimiet itejbu sostanzjalment il-kundizzjonijiet sabiex jinkisbu l-viżi għall-ivvjaġġar lejn l-UE. jistabilixxu tnaqqis fil-ħlas għall-kisba ta' viżi (€35 minflok €60) u jeżentaw kategoriji wiesgħa ta' persuni minn dawn il-miżati. Jistipulaw limiti ta' żmien għall-ħruġ ta' viżi (normalment 10 ijiem) u jissimplifikaw u jiċċaraw il-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal ċertu kategoriji ta' persuni. Il-ftehimiet ta' faċilitazzjoni huma marbuta ma' ftehimiet ta' rijammissjoni li ġew innegozjati u konklużi b'mod parallel[8], u l-introduzzjoni ta' bijometriċi.

Jeħtieġ li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant u l-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni xierqa tal-faċilitazzjoni tal-viżi u ftehimiet ta' rijammissjoni. Ser jitwaqqfu kumitati konġunti biex isegwu l-implimentazzjoni; għandhom jiltaqgħu fir-Rebbiegħa 2008. Dawn il-kumitati għandhom jadottaw linji gwida għall-konsulati ta' l-Istati Membri sabiex jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-ftehimiet.

Skond l-aġenda ta' Thessaloniki u l-konklużjoniji tal-Kunsill () ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni qed tieħu passi lejn tħejjija għal liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Balkani tal-Lvant. Fid-dokument tagħha ta' strateġija għat-tkabbir f'Novembru 2007, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni li tibda djalogu ma' kull pajjiż sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' rotta dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għat-tneħħija tal-ħtieġa għall-visa.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta' Jannar 2008, il-Kunsill laqa' tajjeb l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tniedi dalwaqt djalogu dwar viżi mal-pajjiżi kollha tar-reġjun. Esprima li lest ikompli jiddiskuti din il-kwistjoni, ibbażat fuq din il-Komunikazzjoni, bil-għan li jiġu definiti pjanijiet ta' rotta dettaljati li jistabilixxu kriterji ċari li għandhom jiġu sodisfatti mill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex jimxu bil-mod 'il mod lejn liberalizzazzjoni tal-viżi.

Il-Kummissjoni bdiet id-djalogi ta' liberalizzazzjoni ta' viżi mas-Serbja f'Jannar u ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro fi Frar. Id-djalogu ma' l-Albanija ser jibda kmieni f'Marzu. Wara jibda tal-Bożnija u Ħerzegovina.

Il-pjanijiet ta' ħidma għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Kunsill. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Lvant għandhom jipprovdu kontribut f'dan il-kuntest. Il-pjanijiet ta' ħidma għandhom ikopru erba pakketti ta' kwistjonijiet: is-sigurtà tad-dokumenti, il-migrazzjoni illegali, l-ordni pubblika u s-sigurtà kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni. Il-pjanijiet ta' ħidma għandhom jitfasslu speċifikament biex jippermettu lil kull pajjiż jiffoka fuq sforzi ta' riforma u jindirizzaw ir-rekwiżiti ta' l-UE. L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tiffinalizza l-pjanijiet ta' ħidma mill-aktar fis possibbli wara l-bidu ta' kull djalogu, sabiex ir-riformi neċessarju jibdew jiġu implimentati minnufih.

Ir-rata ta' moviment lejn il-liberalizzazzjoni ta' viżi tiddependi fuq il-progress ta' kull pajjiż fil-kisba tall-kriterji. F'dak li jirrigwarda l-proċess sħiħ, tiġu kkunsidrata wkoll il-ħila tal-pajjiż li jiżgura implimentazzjoni korretta u effettiva tal-faċilitazzjoni tal-viżi u ftehimiet ta' rijammissjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill se jsegwu mil-viċin il-progress fir-riformi relevanti. Ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal kull pajjiż, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill it-tneħħija ta' obbligi ta' viżi rispettivi, billi temenda r-Regolament tal-Kunsill 539/2001[9].

Iktar boroż ta' studju għal studenti mill-Balkani tal-Punent

Il-Kummissjoni qed toffri numru dejjem akbar ta' boroż ta' studju lil studenti mill-Balkani tal-Punent taħt il-programm Erasmus Mundus : 100 borża mis-sena akkademika 2007/2008 għal studenti postuniversitarji li jsegwu korsijiet li jwasslu għal master's (il-"Western Balkans window") u sa 500 borża għas-sena akkademika 2008/2009 għal studenti f'kull livell jew għall-persunal akkademika (taħt l-"external cooperation window"). Ġew riservati sa €10 miljun fis-sena f'appoġġ mill-Komunità għal dawn l-attivitajiet.

Wara l-laqgħa tal-Kunsill tat-28.1.2008, il-Kummissjoni bi ħsiebha tirdoppja din l-allokazzjoni annwali, li għandha tippermetti bosta mijiet oħra ta' studenti jirċievu boroż ta' studju sa mis-sena akkademika 2009/2010.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu n-numru ta' boroż ta' studju li jingħataw taħt il- programmi bilaterali ta' boroż ta' studji tagħhom stess għal studenti mill-Balkani tal-Punent.

Il-parteċipazzjoni fi programmi u aġenziji Komunitarji

Pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali huma intitolati jipparteċipaw fil- Programmi Komunitarji fuq il-bażi ta' Ftehimiet Qafas. Il-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi huwa mezz importanti ta' faċilitazzjoni ta' l-integrazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp tal-politika. Il-Komunità tipprovdi appoġġ u, f'xi uħud mill-każijiet, termini favorevoli għall-parteċipazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni ilha taħdem mill-qrib mal-pajjiżi fir-reġjun sabiex jiġu identifikati l-programmi Komunitarji li fihom hemm interess u kapaċità u, fejn meħtieġ, il-partijiet jitħejjew għall-parteċipazzjoni. Mill-2007, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent huma assoċjati mas-7 Programm Qafas għar-Riċerka; xi uħud minnhom jipparteċipaw ukoll fil-programmi "Kultura", "Progress", "Kompetizzjoni u Innovazzjoni", "Dwana" u "Fiscalis". Iktar programmi ser ikunu disponibbli għal iktar pajjiżi fil-Balkani tal-Punent fl-2008-2009.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistgħu jipparteċipaw ukoll f' aġenziji tal-Komunità fuq bażi ta' każ b'każ. It-tħejjija għall-parteċipazzjoni f'ċerti aġenziji huma għaddejjin, b'mod partikolari għall-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Għadd ta' aġenziji Komunitarji jirċievu appoġġ mill-IPA biex iħejju għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Fl-2008, il-Kummissjoni ser tadotta Komunikazzjoni li permezz tagħha pajjiżi kandidati potenzjali jipparteċipaw fuq termini indaqs ma' pajjiżi kandidati fil-programmi Komunitarji, inkluż f'dak li jirrigwarda r-rata ta' kofinanzjament mill-Komunità għall-parteċipazzjoni tagħhom, li ser tiżdied (minn 75 sa 90%).

Attivitajiet oħra fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-midja

Qed tiġi intensifikata l-kooperazzjoni ma' l-UE u fi ħdan il-Balkani tal-Punent fil-qasam tax- xjenza u riċerka . Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed ikunu dejjem iktar involuti f'attivitajiet taħt is-7 Programm Qafas dwar ir-riċerka: l-għadd ta' proġetti ppreżentati mir-reġjun żdied b'mod sostanzjali u ġie stabbilit strument ġdid ta' kooperazzjoni għall-Balkani tal-Punent (Inco.net).

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, appoġġjati mill-Kummissjoni, qed ifasslu politika integrata ta' riċerka, skond iż-Żona Ewropea ta' Riċerka. Attivitajiet taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta huma miftuħa għal xjentisti mill-Balkani tal-Punent. F'Ġunju 2006, tnediet “Pjattaforma ta' riċerka għall-Balkani tal-Punent”, li tinvolvi l-partijiet interessati kollha u li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tar-riċerka fir-reġjun; minn dak iż-żmien iltaqgħat darbtejn dis-sena.

L-attivitajiet fil-qasam ta' l- edukazzjoni u l-kultura fil-Balkani tal-Punent qed jinkoraġġixxu l-iżvilupp tar-riżorsi umani u jikkontribwixxu għar-rikonċiljazzjoni. Dawn jinkludu t-twaqqif, fl-2007, ta' Inizjattiva għar-Riforma fl-Edukazzjoni fix-Xlokk ta' l-Ewropa u u x-xogħol tal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ fir-reġjun. Qed iseħħ kooperazzjoni estensiva fil-qasam ta' l-edukazzjoni għolja bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi mill-Balkani tal-Punent u l-Istati Membri ta' l-UE taħt il-programm Tempus . L-appoġġ Komunitarju annwali lill-Balkani tal-Punent taħt dan il-programm huwa ta' €20 miljun.

F'Mejju se tinżamm konferenza f'Ljubljana dwar “Politiki u Prattiċi Kulturali fir-Relazzjonijiet Barranin ta' l-UE” fil-qafas ta' l-2008 bħala s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali. Se tiffoka, b'mod partikolari, fuq il-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni qed timplimenta, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, programm reġjonali biex jitħares il- wirt kulturali fix-Xlokk ta' l-Ewropa li s'issa jkopri 177 binjiet u siti.

Il-Kummissjoni tipparteċipa wkoll f'inizjattivi dwar ir- riforma tal-midja u tagħtihom l-appoġġ tagħha. Se tinżamm konferenza dwar il-midja tax-xandir f'Ġunju 2008 f'Istanbul.

Jingħata sostenn għal attivitajiet taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent (skambji ta' żgħażagħ, proġetti tas-Servizz Volontarju Ewropew, taħriġ u networking ) permezz ta' possibbiltà speċjali tal-programm ta' l-UE Youth in Action . Dawn l-attivitajiet, li nbdew fl-2007, se jiġu żviluppati aktar fl-2008.

Kooperazzjoni transkonfinali

Il-kooperazzjoni transkonfinali tgħin sabiex ikun hemm rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajba ta' viċinat, filwaqt li tiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji fl-UE. Dan hu partikolarment rilevanti f'reġjun bi storja riċenti ta' kunflitt. Il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali jsostnu l-kuntatti bejn in-nies billi jinvolvu l-partijiet interessati lokali f'attivitajiet konġunti u billi jgħinu fl-iżvilupp ta' investimenti transkonfinali.

L-għajnuna tal-Komunità għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-Balkani tal-Punenti taħt l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni ( Instrument for Pre-Accession Assistance – IPA) ġiet estiża sabiex tkopri l-konfini fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, minbarra dawk tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bi Stati Membri ta' l-UE bħala ġara. Din l-għajnuna ġiet miżjuda sostanzjalment u se tammonta għal total ta' madwar €50 miljun kull sena għall-perjodu 2007-2011, meta mqabbla mal-medja annwali ta' €20 miljun għall-perjodu 2004-2006.

3. Żvilupp u djalogu tas-soċjetà ċivili - Faċilità ġdida għas-soċjetà ċivili

Is-soċjetà ċivili hija element essenzjali tal-ħajja pubblika demokratika. L-involviment attiv tagħha fil-proċess ta' riforma politika, soċjali u ekonomika fil-Balkani tal-Punent isaħħaħ id-demokrazija u r-rikonċiljazzjoni. Minkejja xi passi pożittivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jibqgħu dgħajfa u jeħtieġu taħriġ biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi preżenti. Għalhekk huwa importanti li jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għal iktar tkabbir ta' l-attivitajiet tagħhom.

L-għajnuna ta' l-UE għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu fil-Balkani tal-Punent ġiet ipprovduta taħt strumenti preċedenti u għandha tingħata attenzjoni speċjali taħt l-IPA. Firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet irċevew appoġġ, b'mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet interetniċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, inklużi r-Roma, it-tnaqqis fil-faqar, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp soċjali.

L-appoġġ globali għas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent skond il-programmi nazzjonali u reġjonali ammontaw għal €27 miljun fil-perjodu 2005-2007. Għajnuna addizzjonali hija pprovduta taħt il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali, kif ukoll taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)[10].

Fid-dokument tagħha ta' strateġija Novembru 2007, il-Kummissjoni ħabbret li ser tistabilixxi faċilità ġdiida biex tippromwovi l-iżvilupp u d-djalogu tas-soċjetà ċivili. Il-kooperazzjoni ser tinkludi d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa, l-ambjent, il-promozzjoni u r-rappreżentanza tan-negozju, il-midja, il-kultura u l-politika tal-konsumatur. Il-faċilità ser tkopri tliet oqsma ta' attività:

- appoġġ għal inizjativi lokali tas-soċjetà ċivili u bini ta' ħiliet, li jsaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili;

- programmi biex il-ġurnalisti, politiċi żgħażagħ, mexxejja ta' trejdjunjins, għalliema, eċċ. jidħlu f'kuntatt ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UE;

- appoġġ għall-bini ta' sħubiji u l-iżvilupp ta' netwerks bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji, it-trejdjunjins u sħab soċjali oħra u organizzazzjonijiet professjonali fil-pajjiżi benefiċjarji u l-kontropartijiet tagħhom fl-UE biex jippromwovu t-trasferiment ta' għarfien u esperjenza.

Il-proġetti jkunu żviluppati kemm fil-programmi nazzjonali kif ukoll fil-programmi multibenefiċjarji taħt l-IPA. Programm multibenefiċjarju IPA għandu jappoġġja l-partijiet kollha tal-faċilità b'assistenza teknika. L-assistenza teknika tkun ipprovduta wkoll għat-taħriġ, biex tistimola l-bini ta' ħiliet u n-netwerking u biex ixxerred ir-riżultati. Il-finanzjament ta' attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent matul il-perjodu 2008-10 ser jittripplikaw bejn wieħed u ieħor meta mqabbla mal-perjodu 2005-07. F'April 2008 sSer issir konferenza fi Brussell dwar is-soċjetà ċivili biex tniedi l-faċilità l-ġdida.

Il-Kummissjoni ser tibda djalogu mal-knejjes u l-gruppi reliġjużi, minħabba l-potenzjal tagħhom fit-tmexxija tar-rekonċiljazzjoni. Dan għandu jiffamiljarizza dawn il-gruppi ma' l-istrutturi u l-proċeduri ta' l-UE u jippermetti skambju ta' opinjonijiet.

4. Governanza tajba

Id-Dokument ta' Strateġija dwar it-Tkabbir 2007 tal-Kummissjoni ta prijorità għolja lil kwistjonijiet bażiċi ta' governanza, inkluż il-bini ta' l-istituzzjonijiet, ir-riforma ġudizzjarja u amministrattiva u l-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) tibqa' kundizzjoni fit-triq lejn l-UE għall-pajjiżi kkonċernati.

Kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà[11]

Il-kooperazzjoni u riformi fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, notevolment fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, ir-riforma tal-ġudikatura u l-pulizija, kif ukoll it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri, huma ta' importanza partikolari għall-Balkani tal-Punent, u prijorità ta' qofol għall-aġenda Ewropea tagħhom. Parti sostanzjali ta' l-għajnuna globali tal-Komunità għar-reġjun ser tkompli tkun riservata għal dan il-qasam.

Il- Proċess Ohrid dwar il-ġestjoni ta' sigurtà fil-fruntieri (sponsorizzat b'mod konġunt mill-Kummissjoni) intemm b'suċċess fl-aħħar ta' l-2007. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha tkompli taħt il-KRK.

Il-Balkani tal-Punent hija żona ta' prijorità għal Europol . Ġew iffirmati tehimiet strateġiċi mal-Europol fl-2007 mill-Albanija, il-Bosnija u Ħerzegovina u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, filwaqt li fthimiet simili qed jiġu nnegozjati mal-Montenegro u s-Serbja. Ftehim operattiv iktar avvanzat bejn l-Europol u l-Kroazja ilu fis-seħħ mill-2006. Il-Kroazja ffirmat ukoll ftehim ta' kooperazzjoni mal- Eurojust[12] f'Novembru 2007.

L-UE tappoġġja kooperazzjoni iktar fil-qrib bejn l-Europol u SECI[13], iċ-Ċentru Reġjonali biex Jiġġieled il-Kriminalità bejn il-Fruntieri , ibbażat f'Bukarest. Ftehim ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandu jiġi konkluż ladarba l-Konvenzjoni SECI l-ġdida (SELEC - Ċentru Ewropew għall-Infurzar tal-Liġi fix-Xlokk ta' l-Ewropa), li jipprovdi regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali, ġie adottat. Dan b'konformità mal-konklużjonijiet dwar iktar żvilupp taċ-Ċentru SECI, adottat fil-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern (JHA) ta' Diċembru 2006.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattiva tal-Presidenza Slovena għall- Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Organizzata fix-Xlokk ta' l-Ewropa (SEE-OCTA ) li għandhom jitfasslu mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bl-għajnuna taċ-Ċentru SECI u l-Europol. Konferenza dwar SEE-OCTA ser issir fi Vjenna f'Marzu 2008. Ir-riżultati inizjali ta' dawn il-valutazzjonijiet ser jiġu ppreżentati fil-Kunsill JHA f'Ġunju 2008.

Ser tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-oqsma ta' ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-traffikar . L-aġenzija ta' l-UE li tikkoordina x-xogħol fuq is-sigurtà tal-fruntieri (FRONTEX) qed tintensifika l-kooperazzjoni ma' bosta' pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fuq bażi ta' arranġamenti ta' ħidma.

Il-Kummissjoni ser tkompli tipprovdi għajnuna sostanzjali għal proġetti reġjonali relatati ma' kwistjonijiet ta' JLS, inkluż il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-prosekuturi, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija u s-servizzi doganali u azzjoni fil-qasam ta' politika dwar l-ażil, il-migrazzjoni u l-viżi.

Skola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA)

L- Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) inħolqot f'Mejju 2006 fuq inizjativa tal-Kummissjoni. Bdiet taħdem f'Novembru 2006 bħala netwerk li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika, biex isaħħaħ il-ħiliet amministrativi u biex jiżviluppa r-riżorsi umani f'dan il-qasam. Bdew isiru għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ mill-aħħar ta' l-2006.

L-għan huwa li tiġi stabbilita skola reġjonali sħiħa ta' amministrazzjoni pubblika fil-bidu ta' l-2009. Ix-xogħol ta' tħejjija beda sew u, f'Jannar 2008, il-Kumitat ta' Tmexxija ta' l-ReSPA għażel Danilovgrad (Montenegro) bħala s-sede futur ta' l-iskola. It-tħejjijiet għall-iffirmar tal-ftehim tal-pajjiż ospitanti, li jipprovdi għall-persunalità legali tar-ReSPA, bdew u l-proċeduri għall-ħatra ta' direttur u r-reklutaġġ tal-persunal ser jiġu mnedija matul l-2008. F'Mejju 2008, Memorandum ta' Ftehim ser jiġi ffirmat fost il-benefiċjarji.

L-Istitut Ewropew għall-Amministrazzjoni Pubblika ser ikun involut fil-qrib fil-fażi l-ġid tal-proġett ReSPA. Qed tintalab ukoll kooperazzjoni attiva ma' l-iskejjel nazzjonali ta' amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tappoġġja t-twaqqif ta' l-ReSPA u tipprovdi l-fondi għall-istadji preparatorji tal-proġett. L-ispejjeż ta' tħaddim ta' l-Iskola ser ikunu koperti mill-Istati parteċipanti.

Attivitajiet ta' Ġemellaġġ, tat-TAIEX u ta' SIGMA – sessjonijiet ta' għarfien dwar l-UE għall-partijiet interessati fil-pajjiżi tal-Balkan tal-Punent

L-attivitajiet[14] tal-ġemellaġġ u tat-TAIEX[15], li għandhom l-għan li jiffamiljarizzaw l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali ma' l- acquis ta' l-UE u ma' l-istandards Ewropej jagħmlu parti sostanzjali mill-għajnuna tal-Komunità lir-reġjun.

Il-ġemellaġġ hu disponibbli għall-Balkani tal-Punent għas-setturi kollha ta' l- acquis . Minn Marzu 2006 sal-lum, nbdew ħmistax-il proġett ġdid ta' ġemellaġġ fir-reġjun, b'baġit totali ta' €16.5 miljun, li jkopru l-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-finanzi pubbliċi u s-suq intern (inklużi d-dwana u t-tassazzjoni), is-settur soċjali u l-agrikoltura. Dawn l-attivitajiet se jkomplu.

L-attivitajiet tal-Kummissjoni tat- TAIEX fil-Balkani tal-Punent ikopru l-oqsma kollha tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE b'enfażi speċjali fuq is-suq intern, l-agrikoltura u l-ġustizzja u l-affarijiet interni. It-traduzzjoni ta' l- acquis u kwistjonijiet ta' terminoloġija huma wkoll koperti. Minn Marzu 2006, madwar 14,000 uffiċjal mir-reġjun ibbenfikaw direttament mill-għajnuna tat-TAIEX u ġew organizzati aktar minn 530 avennimenti ta' taħriġ u informazzjoni. L-attivitajiet tat-TAIEX se jiġu wkoll estiżi għal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, il-bini ta' l-Istat, il-governanza tajba u r-riforma soċjo-ekonomika. Bl-għajnuna ta' l-istrument tat-TAIEXC, se jitnedew faċilità speċjali għall-bini ta' istituzzjonijiet għall-Kosovo u programm biex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent jitlaqqgħu mal-korrispettivi tagħhom ta' l-UE (ara hawn fuq).

It-TAIEX se jorganizza sensiela ta' seminars magħmulin apposta għal kull pajjiż kandidat potenzjali li se jkopru l-kwistjonijiet ġenerali dwar il-politiki, l-istrutturi u l-proċessi ta' qabel l-adeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll oqsma ewlenin tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna taħt l-istrument SIGMA[16] għall-bini ta' l-istituzzjonijiet li tkopri oqsma orizzontali tal-ġestjoni pubblika (ir-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika, il-ksib pubbliku, l-etika tas-settur pubbliku u l-kontroll finanzjarju intern u estern).

5. Kooperazzjoni parlamentari

L-involviment attiv tal-parlamenti fit-tħejjija tal-pajjiż għall-UE huwa fattur determinant ewlieni tal-progress.

Il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kompliet permezz tal- Kumitati Parlamentarji Konġunti mal-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l- laqgħat Interparlamentarji ma' l-Albanija, il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja. Laqgħat informali ta' dan it-tip saru wkoll mal-Kosovo. Il-kooperazzjoni ser tkompli, b'seminars u laqgħat interparlamentarji. Il-Parlament Ewropew (Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin - AFET) qed jikkunsidra jappoġġja l-KRK fl-attivitajiet tiegħu fil-qasam ta' kooperazzjoni parlamentari.

Segretarjat Reġjonali għall-Kooperazzjoni Parlamentari fix-Xlokk ta' l-Ewropa, ospitat mill-Parlament Bulgaru, twaqqaf fl-2007. B'dan il-għan, Memorandum ta' Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Interparlamentari fix-Xlokk ta' l-Ewropa, li ġie inizjalat f'Diċembru 2007, ser jiġi ffirmat fir-Rebbiegħa 2008. Il-kooperazzjoni parlamentari reġjonali kompliet ukoll fil-laqgħat annwali tal-Konferenza dwar il-Kumitati għall-Integrazzjoni Ewropea ta' l-Istati li jipparteċipaw fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (Il-Balkani tal-Punent COSAP) u fil-Forum Parlamentari Cetinje.

6. Integrazzjoni tal-kummerċ - il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA)

Il-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali ( Central European Free Trade Agreement – CEFTA ), kif estiż u emendat, ġie ffirmat f'Diċembru 2006 u daħal fis-seħħ għall-partijiet kollha f'Novembru 2007. Se jikkontribwixxi biex jattira l-investiment dirett barrani, biex jinkoraġġixxi l-kummerċ intrareġjonali u jintegra r-reġjun fl-isfond kummerċjali globali. L-integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali permezz tas-CEFTA tikkomplementa l-integrazzjoni kummerċjali fir-reġjun u fl-UE taħt il-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u l-Miżuri Awtonomi tal-Kummerċ ( Autonomous Trade Measures – ATM). Sa April 2008 se jkun stabbilit fi Brussell Segretarjat ġdid li jappoġġja l-Presidenza li talterna tas-CEFTA.

Il-Kummissjoni ser tkompli tipprovdi assistenza teknika u finanzjarja lill-partijiet. Għandha wkoll tappoġġja s-Segretarjat finanzjarjament għall-ewwel tliet snin.

Qed jiġu stabbiliti regoli ta' kumulu djagonali tar-regoli ta' oriġini [17] ta' l-UE u l-Balkani tal-Punent għall-pajjiżi interessati fir-reġjun. Id-dispożizzjonijiet neċessarji, inkluż il-kumulu, mat-Turkija, għall-prodotti koperti mill-Unjoni Doganali, ġew inklużi fl-FSAs jew fi Protokolli Addizzjonali li ġew negozjati fl-2007. Se jsiru effettivi mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet Temporanji u Protokolli Addizzjonali relevanti. F'Ottubru 2007, il-Ministri tal-Kummerċ tal-Euro-Med approvaw l-estensjoni ta' l-iskema Pan-Euro-Med ta' kumulu djagonali għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Għaddejjin il-preparattivi tekniċi għal dan l-għan u huma mistennija d-deċiżjonijiet formali matul l-2008. Il-Kummissjoni qed tistudja kif ser tiżgura applikazzjoni iktar rapida ta' kumulazzjoni djagonali bejn il-Balkani tal-Punent, it-Turkija, l-EFTA u l-UE. Il-Kummissjoni ser tkompli tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju għall-amministrazzjonijiet tad-dwana u t-taxxa, b'mod partikolari fid-dawl tad-dħul fis-seħħ fiż-żona ta' kumulazzjoni djagonali.

Id-dħul fil-WTO huwa fundamentali għall-tħaddin ta' riformi ekonomiċi u kummerċali. Il-Kummissjoni tkompli tipprovdi assistenza teknika għall-Bożnija u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja għan-negozjati ta' adeżjoni tagħhom ma' l-WTO. Miżuri oħra għall-appoġġ ta' integrazzjoni kummerċjali jinkludu parteċipazzjoni f'offerti taħt l-istrumenti ġodda ta' preadeżjoni u viċinat (IPA u ENPI) u appoġġ finanzjarju sinifikanti u kontinwu għall-alinjament tal-pajjiżi Balkani tal-Punent mal-partijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE relatati mal-kummerċ.

7. Żvilupp ekonomiku u soċjali

Żieda fil-kompetittività, it-tnaqqis ta' livelli għolja ta' qgħad, it-tħaddi ta' l-iżvilupp uman u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-bini ta' infrastrutturi u l-iżgurar ta' koeżjoni soċjali huma sfidi ewlenin fil-Balkani tal-Punent kollha. Il-Kummissjoni tappoġġja sforzi għall-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u għal għarfien dwar l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Din l-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg u tħejji l-UE biex tiffaċċja l-isfidi tal-globalizzazzjoni, popolazzjoni li qed tixjiħ u t-tibdil fil-klima. L-agrikultura u l-iżvilupp rurali huma wkoll ċentrali, u għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lir-rwol taħghom fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun. Il-Kummissjoni tikkoopera fil-viċin ma' l-IFIs u d-donaturi l-oħra biex tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi tar-reġjun f'termini ta' żviupp ekonomiku u soċjali.

Apoġġ għall-istabilizzazzjoni ekonomika u riformi fir-reġjun

Il-pajjiżi Balkani tal-Punent ikomplu jaħdmu biex jiksbu l-kriterji ekonomiċi ta' Kopenħagen, li jeħtieġu l-eżistenza ta' eknomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li tiffaċċja presssjoni kompetittiva u pressjonijiet tas-suq fl-UE. Jeħtieġu wkoll li jħejju għall-parteċipazzjoni futura fis-sorveljanza multilaterali u proċeduri ta' koordinazzjoni ta' politika ekonomika bħala parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tagħhom. Il-pajjiżi kandidati żviluppaw programmi ekonomiċi ta' preadeżjoni li jfasslu l-proposti tagħhom għar-riforma. Barra minn hekk, minn Diċembru 2006, il-pajjiżi kandidati potenzjali jħejju programmi ekonomiċi u fiskali annwali li huma evalwati mill-Kummissjoni. Qed isir djalogu ekonomiku bilaterali regolari bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi rispettivi. Il-pajjiżi Balkani tal-Punent jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-għajnuna makrofinanzjarja tal-KE.

Kooperazzjoni ma' l-IFI għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali

Il-Kummissjoni hija impenjata f'koordinazzjoni iktar fil-qrib ma' l-EIB, l-EBRD u IFI oħra li jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni u l-IFI qed jiffokaw fuq tliet oqsma ta' prijorità: intrapriżi ta' daqs mikro, żgħar u medji (SMEs), effiċjenza fl-enerġija u infrastruttura.

F'Marzu 2007, twaqqaf grupp konsultatti IFI li jkopri t-trasport reġjonali, l-enerġija u l-proġetti ambjentali, il-muniċipalitajiet u s-sħubiji pubbliċi-privati kif ukoll kwistjonijiet soċjali inkluż is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u s-suq tax-xogħol.

F'Novembru 2007, il-Kummissjoni qablet ma' l-EIB, l-EBRD u l-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropea dwar il-ħolqien ta' Faċilità għal Proġetti ta' Infrastruttura għall-Balkani tal-Punent. Il-Faċilità qed tiġi mnedija b'baġit ta' €16 miljun. Din ser tgħin fit-tħejjija ta' proġetti ta' investiment li ser jiġu ffinanzjati minn għotjiet u self fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-infrastruttura soċjali. Il-Faċiilità dalwaqt ser tiġi estiża biex tinkludi donaturi interessati oħra u forom addizzjonali ta' kooperazzjoni. Il-Kummissjoni, l-EIB, l-EBRD u l-Bank ta' l-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa huma impenjati biex jistabilixxu Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent sa l-2010 ma' IFI u donaturi oħra biex ikomplu jsaħħu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni f'investimenti għall-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun.

Intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SME)

Il- Fond Ewropew għax-Xlokk ta' l-Ewropa (EFSE) jipprovdi l-banek kummerċjali u istituzzjonijiet non-bankarji b'faċilitajiet ta' self biex jappoġġja l-iżvilupp ta' intrapriżi mikro u familji. L-EFSE pprovda mikrokreditu għal iktar minn 65 000 intrapriżi żgħar fir-reġjun matul dawn l-aħħar sentejn. Il-Fond irnexxilu wkoll jiġbed kapital privat għall-mikroself. Il-Kummissjoni ilha tipparteċipa fl-EFSE mill-2006. Il-Kummisjsoni qed tanaliżża l-fattibiltà ta' inizjattivi futuri għall-appoġġ ta' negozji żgħar fir-reġjun.

Qed iseħħu għadd ta' attivitajiet li jinvolvu l-evalwazzjonijiet ta' politika u laqgħat reġjonali fil-qafas tal- Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar , li ġiet imġedda sa l-2009 għall-Balkani tal-Punent. Il-pajjiżi fir-reġjun bħalissa qed jiġu integrati fin- Netwerk Ewropa Intrapriża, in-netwerk ta' l-UE għas-servizzi ta' għajnuna għall-SMEs.

Kwistjonijiet soċjali u ta' politika dwar l-impjieg

Saru għadd ta' inizjattivi reġjonali fil-qasam tal-politika ta' l-impjieg, kwistjonijiet soċjali u djalogu soċjali matul dawn l-aħħar sentejn bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Taħt il-"Proċess ta' Bucharest", komplew ir-reviżjonijiet tal-politika ta' impjieg ta' kull pajjiż u beda x-xogħol dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħok u fuq servizzi ta' netwerking ta' impjieg pubbliku. Saru bosta laqgħat u konferenzi reġjonali dwar impjieg, djalogu soċjali u kwistjonijiet ta' protezzjoni soċjali. F'Ottubru 2007, intlaħaq qbil dwar prijoritajiet ta' politika komuni bejn il-ministri Balkani tal-Punent għall-impjieg, ix-xogħol u l-kwistjonijiet soċjali ("il-konklużjonijiet Budva"). Ġiet iffirmata wkoll dikjarazzjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mill-ministri ta' l-affarijiet soċjali ("Dikjarazzjoni Tirana"). L-għajnuna Komunitarja qed tiġi pprovduta għal programm dwar koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali. Dawn l-attivitajiet se jkomplu. Laqgħa informali tal-ministri għax-xogħol u l-kwistjonijiet soċjali dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ ser isir f'Ġunju 2008.

L-Enerġija

Il-provvista ta' l-enerġija hija importanti ħafna għas-sostenn ta' l-iżvilupp ekonomiku fix-Xlokk ta' l-Ewropa.

L-għan ta' Tratta Komunitarju dwar l-Enerġija, li daħal fis-seħħ f'Lulju 2006, huwa li jitwaqqaf qafas tas-suq regolatorju stabbli li jkun kapaċi jiġbed l-investiment fil-ġenerazzjoni, trasmissjoni u netwerks ta' l-enerġija. Qasam regolatorju waħdieni fir-reġjun, allinjat mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, ser jgħin jissupera l-frammentazzjoni tas-suq, jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jikkontribwixxi għat-titjib ta' l-istat ta' l-ambjent. Dan ifisser li partijiet ewlenin ta' l -aquis ta' l-enerġija issa japplikaw bis-sħiħ fil-Balkani tal-Punent.

L-istituzzjonijiet kollha previsti mit-Trattat twaqqfu u huma operazzjonali. Il-partijiet l-aktar ikkonċernati tas-setturi ta' l-elettriku u tal-gass qed jiltaqgħu regolarment. Fl-2007, saret konferenza dwar l-investiment fl-infrastruttura ta' l-enerġija u ġiet adottata lista ta' proġetti ta' infrastruttura ta' l-enerġija ta' prijorità. Barra minn hekk, ġie ffirmat Memorandum ta' Ftehim biex jindirizza b'mod aħjar l-aspett soċjali tal-Komunità ta' l-Enerġija.

Fl-2007, twaqqfet faċilità ġdida għall-enerġija għall-Balkani tal-Punent taħt l-IPA b'kooperazzjoni ma' l-IFIs. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tkabbar din il-faċilità.

It-trasport

L-iżvilupp ta' netwerk affidabbli ta' trasport hija kundizzjoni essenzjali għall-progress ekonomiku u l-integrazzjoni soċjali tar-reġjun, ukoll għal aċċess iktar faċli għan-netwerk ta' trasport ta' l-UE u għas-suq intern.

Il-Kummissjoni qed tipproponi direttivi ta' negozjazzjoni għal Trattat Komunitarju għat-Trasport mal-Balkani tal-Punent. L-għan huwa li ssir ħidma lejn suq integrat għat-toroq, ferroviji, passaġġi ta' l-ilma interni u trasport marittimu fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-proposta ssegwi taħdidiet esploratorji dwar kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport li ġew imnedija fil-bidu ta' l-2007 mal-pajjiżi kollha li huma ġirien ta' l-UE u ġew konklużi b'suċċess mal-Balkani tal-Punent[18].

L-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk ta' l-Ewropa (SEETO) u s-Segretarjat għall-Memorandum ta' Ftehim (2004) għall-iżvilupp tan- Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk ħejjew pjanijiet multiannwali, u indikaw prijoritajiet għar-reġjun. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika sabiex isir iktar xogħol f’dan il-qasam.

Il-Ftehim dwar Żona Komuni Ewropeja għall-Avjazzjoni (ECAA) ġie ffirmat f'Ġunju 2006. L-għan huwa li l-pajjiżi Balkani tal-Punent jiġu integrati fis-suq intern ta' avjazzjoni ta' l-UE. Skond l-ECAA, il-pajjiżi Balkani tal-Punent ser jimplimentaw il-liġi ta' l-avjazzjoni Komunitarja bis-sħiħ, inkluż l-istandards għolja ta' sikurezza u sigurtà, filwaqt li l-kumpaniji ta' l-ajru tagħhom ser ikollhom aċċess miftuħ għas-suq waħdieni ta' l-avjazzjoni ta' Ewropea mkabbra. Il-Kummissjoni tħeġġeġ il-partijiet kontraenti sabiex jirratifikaw il-ftehim malajr kemm jista' jkun sabiex dan jidħol fis-seħħ mill-iktar fis. Il-Kummissjoni ser tipprovdi għajnuna teknika għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim.

Il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri

In-nirien kbar fil-foresti fis-sajf ta' l-2007 u l-għargħar frekwenti fir-reġjun juru l-ħtieġa li l-pajjiżi tax-Xlokk ta' l-Ewropa jibnu l-ħiliet tagħhom u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tad-diżastri. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni ta' ġestjoni ta' diżastri, l-akkwist ta' tgħamir u għodod ta' komunikazzjoni ta' emerġenza, it-tisħiħ tal-kapaċità u t-titjib ta' l-interoperabilità tas-servizzi tal-protezzjoni ċivili, is-servizzi tat-tifi tan-nar, is-servizzi idroloġiċi u meteoroloġiċi u s-settur tas-saħħa. Il-Kummissjoni ser ikollha l-għan li tinvolvi lill-pajjiżi kandidati mill-qrib u tassoċja bis-sħiħ il-pajjiżi kandidati potenzjali fl-attivitajiet tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

Fl-2008, il-Kummissjoni ser tniedi Inizjattiva għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri biex tħejji strateġija reġjonali u tiżviluppa l-kapaċità ta' ġbir, proċessar u qsim ta' data, fil-pajjiżi Balkani tal-Punent u t-Turkija. Il-programm ser jiġi implimentat f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati f'dan il-qasam - il-Bank Dinji, in-NU, il-KRK u l-Inizjattiva għat-Tħejjija għad-Diżastri u l-Prevenzjoni tagħhom għax-Xlokk ta' l-Ewropa (DIPPI SEE) - u jikkumplementa l-attivitajiet tagħhom. B'mod partikolari, għandhu jiffoka fuq sinerġiji mal-Bank Dinji/NU "Inizjattiva għall-Mitigazzjoni ta' Riskju tad-Dizastri u Adattazzjoni".

Il- Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili jiffaċilita t-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi maġġuri, filwaqt li l- Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili tal-Komunità jipprovdi bażi legali għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' l-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Mill-2007 dawn iż-żewġ istrumenti kienu miftuħa għall-parteċipazzjoni mill-pajjiż kandidati u jippermettu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi kandidati potenzjali.

Il-Kummissjoni tappoġġja parteċipazzjoni sħiħa u f'waqtha mill-pajjiżi kandidati fl-istrumenti tal-protezzjoni ċivili. Il-pajjiżi parteċipanti jkunu jisgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet Komunitarji kollha fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, inkluż sejħiet għal proposti, programmi ta' taħriġ, eżerċizzji ta' simulazzjoni u r-rispons f'ħin reali għal sejħiet għal għajnuna minn protezzjoni ċivili permezz tal-Mekkaniżmu.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll il-pajjiżi kandidati potenzjali li jagħmlu użu xieraq mill-possibbiltà li jikkooperaw taħt il-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili. Din il-kooperazzjoni tista' tkopri oqsma li jaqgħu taħt l-ambitu taż-żewġ istrumenti. inkluż it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u s-sistemi ta' allarm bikri, l-għodod ta' komunikazzjoni f'emerġenza, żieda fil-kapaċità operattiva u titjib fl-interoperabilità tas-servizzi tal-protezzjoni ċivili. Il-pajjiżi kandidati potenzali għandhom ikunu integrati gradwalment fl-iżvilupp ta' ħiliet ta' rispons rapidu ta' l-UE bbażati fuq moduli ta' protezzjoni ċivili. F'każ ta' diżastru, dawn il-pajjiżi jistgħu wkoll jibbenefikaw minn għajnuna tal-protezzjoni ċivili ta' l-Istati Membri ta' l-UE li tingħata taħt il-Mekkaniżmu.

Il-pajjiżi kandidati li qed jinnegozjaw l-adeżjoni huma eliġibbli għal għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE. F'każ ta' diżastru, il-pajjiżi Balkani tal-Punent kollha jistgħu wkoll jirċievu għajnuna taħt l-Għajnuna Umanitarja.

L -Inizjattiva għat-Tħejjija għad-Diżastri u l-Prevenzjoni tagħhom għax-Xlokk ta' l-Ewropa (DIPPI SEE) , li bdiet taħt il-Patt ta' Stabbiltà, qed tiżviluppa qafas istituzzjonali u qed tintensifika l-attivitajiet tagħha f'oqsa bar-rispons għall-għargħar, il-perikli sismiċi u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li tinħoloq Unità Konġunta ta' Rispons għall-Emerġenzi u programm ta' taħriġ għall-ġestjoni tad-diżastri. F'April 2008 f'Sofija ser issir konferenza ta' livell għoli dwar it-tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni tagħhom li ser tiġi ospitata u ppreseduta mill-Bulgarija. Il-Kummissjoni ser tkompli tikkoopera mad-DPPI SEE u l-Kunsill Reġjonali għall-Kooperazzjoni. Ser tipprova tiżgura li l-inizjattivi reġjonali huma konsistenti bis-sħiħ ma' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

Id-Danubju: protezzjoni ambjentali u navigazzjoni

Il-Kummissjoni tappoġġja firxa wiesgħa ta' inizzjativi u organizzazzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni ambjentali, l-użu aħjar tal-ħiliet ta' trasport minn passaġġi ta' l-ilma interni u livell għoli ta' prevenzjoni ta' diżastri fid-Danubju. B'mod partikolari, qed tittieħed azzjoni taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju (ICPDR): id-dikjarazzjoni konġunta reċenti dwar in-navigazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali għad-Danubju ser tkun ta' kontribuzzjoni effettiva fl-iżvilupp ta' strateġija integrata għal kull proġett speċifiku. Il-Kummissjoni qed tmexxi negozjati għad-dħul tal-Komunità fil-Kummissjoni tad-Danubju, li tirregola n-navigazzjoni fix-xmara.

8. Appoġġ finanzjarju mill-Komunità u koordinazzjoni ta' donaturi

Mill-2007, l-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Balkani tal-Punent permezz ta' Strument ġdid ta' Għajnuna għall-qabel l-Adeżjoni (IPA)[19].

L-IPA jissimplifika l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni b'qafas waħdieni. Dan jiffoka iktar fuq il-pussess ta' l-implimentazzjoni mill-pajjiżi benefiċjarji, dwar appoġġ għal kooperazzjoni transkonfinali, u fuq il-prinċipju "titgħallem billi tagħmel". Dan jipprepara lill-pajjiżi kandidati biex jimplimentaw il-fondi ta' koeżjoni reġjonali, soċjali, u żvilupp rurali fil-mument ta' l-adeżjoni.

Il-Balkani tal-Punent ser jirċievu madwar €4 biljun taħt l-IPA għall-perjodu 2007-2011. Dan huwa l-ekwivalenti ta' €30 per capita fis-sena, l-ammont l-iktar għoli li qatt ġie pprovdut mill-KE lil kwalunkwe reġjun fid-dinja.

Enfażi partikolari ser tingħata għall-bini ta' l-istati, l-istat tad-dritt, ir-rikonċiljazzjoni, ir-riforma amministrattiva u ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-riformi ekonomiċi, oqsma li l-Kunsill saħaq li għandhom jiġu indirizzati fi stadju bikri fil-proċess ta' adeżjoni.

Il-Bank Ewropew għall-Investiment ser iżid is-self tiegħu lir-reġjun (minn total ta' €1.9 biljun għall-2005-2007, għal madwar €2.8 biljun għall-perjodu 2008-2010). Dan jinkludi s-self kopert mill-garanzija tal-baġit tal-Komunità u s-self għar-riskju ta' l-EIB. L-attivitajiet ta' self ta' l-EIB fil-Balkani tal-Punent jiffokaw primarjament fuq proġetti fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, l-ambjent, l-infrastruttura muniċipali, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Qed isir sforz maġġuri fl-appoġġ tal-Kosovo. Iktar minn €1 biljun minn strumenti finanzjarji differenti ta' l-UE huma ppjanati biex jgħinu fl-iżvilupp tal-Kosovo u biex tiġi ffinanzjata l-preżenza internazzjonali għall-perjodu 2007-2010.

Il-Koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u donaturi oħra hija importanti ħafna biex ikunu żgurati l-kumplimentarjetà, il-koerenza, l-effettività u l-effiċjenza ta' l-għajnuna. Il-Kummissjoni qed tirdoppja l-isforzi tagħha f'dan il-qasam, bl-involviment ta' l-EIB, l-EBRD, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u donaturi bilaterali. Dan għandu l-intenzjoni li jwieżen l-ammont massimu ta' għajnuna possibbli, biex jiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' modernizzazzjoni u żvilupp tar-reġjun, billi jiġbor flimkien għotjiet u self.

Fl-2006, il-Kummissjoni ffirmat Memorandum ta' Ftehim ma' bosta IFIs[20] dwar koordinazzjoni u kooperazzjoni fl-appoġġ ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali. Fil-livell lokali, mekkaniżmu ta' konsultazzjoni dwar il-programmazzjoni IPA ġie stabbilit fl-2007 ma' l-ambaxxati ta' l-Istati Membri, l-uffiċji lokali ta' l-IFIs u d-donaturi non-UE fil-pajjiżi benefiċjarji. Din il-koordinazzjoni ser tkompli u tiġi intensifikata.

Involviment minn kmieni u konsultazzjoni tal-benefiċjarji matul iċ-ċiklu sħiħ ta' programmazzjoni ser ikompli jiġi żgurat kemm fil-livell lokali kif ukoll permezz ta' l-organizzazzjoni ta' laqgħat reġjonali regolari.

F'Diċembru 2007 l-Kummissjoni ltaqgħet mad-donaturi bilaterali kollha li għandhom programmi ewlenin fil-Balkani tal-Punent kif ukoll ma' rappreżentanti ta' l-IFIs. Dan waqqaf qafas ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib fl-għoti ta' assistenza lir-reġjun. F'Ġunju 2008, il-Kummissjoni ser torganizza laqgħa ta' segwitu ta' livell għoli. L-għan huwa li tiġi koordinata l-implimentazzjoni ta' assistenza mill-atturi ewlenin kollha fir-reġjun, kemm skond il-pajjiż kif ukoll skond is-settur.

Il-Kummissjoni qed tħejji konferenza ta' donaturi għall-Kosovo li ser ikollha l-għan li tiżgura għajnuna finanzjarja biex il-Kosovo tingħata għajnuna fl-implimentazzjoni ta' l-istatus tagħha u biex tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku għall-komunitajiet kollha. L-Istati Membri ta' l-UE u d-donaturi internazzjonali oħra ser jiġu mistiedna biex jagħtu l-kontribut tagħhom.

III. KONKLUŻJONIJIET

Il-Kunsill u l-Parlament huma mistiedna jieħdu nota ta' dawn il-konklużjonijiet.

- Il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-UE. L-UE ttenni l-importanza tal-paċi, stabbiltà u sigurtà f'din il-parti ta' l-Ewropa, u tilqa' l-isforzi kollha tal-pajjiżi Balkani tal-Punent biex jersqu iktar qrib l-UE, billi jilħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-Balkani tal-Punent għandhom il-potenzjali li jħaffu l-mixja tagħhom lejn sħubija eventwali ma' l-UE, sakemm isegwu t-triq tar-riforma u r-rikonċiljazzjoni, u sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. L-UE ser tagħti l-appoġġ tagħha f'din ħidma.

- Din is-sena hija waħda ta' importanza kbira għall-Balkani tal-Punet. Fl-aħħarnett, huma l-mexxejja tar-reġjun eletti b'mod demokratiku li ser jiddeterminaw jekk il-pajjiżi tagħhom humiex ser jimxu 'l quddiem b'mod deċiżiv lejn l-istabbilità u futur Ewropew.

- Jista' jsir progress sostanzjali mal-Kroazja din is-sena, li tista' tkun waħda deċiżiva għan-negozjati ta' adeżjoni tal-Kroazja, sakemm il-pajjiż jagħmel progress sinifikanti f'għadd ta' oqsma ewlenin ta' riforma u jilħaq il-kriterji stabbiliti. Jeħtieġ li l-Kroazja tindirizza mingħajr dewmien il-kwistjoni taż-Żona ta' Protezzjoni Ekoloġika u tas-Sakd, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill.

- Jeħtieġ li l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tilħaq il-prijoritajiet ewlenin, li ġew stabbiliti bħala il-kriterjit, sabiex turi kemm hi lesta tidħol fl-impenn ta' negozjati ta' adeżjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, b'determinazzjoni politika suffiċjenti, u sforzi kontinwi, il-progress meħtieġ jista' jsir fl-2008. Kwalunkwe rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ser ikunu bbażati fuq ir-rapport ta' progress tal-Ħarifa.

- Żieda fil-progress ta' l-Albanija lejn l-UE tiddependi b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li tiżgura li l-elezzjonijiet futuri jilħqu l-istandards internazzjonali u saħħaħ l-istat tad-dritt, speċjalment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

- Il-progress tal-Montenegro lejn l-UE jiddependi fuq it-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, speċjalment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-tisħiħ tal-ħila amministrattiva u kunsens mifrux dwar il-bini ta' l-istat. Implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa essenzjali.

- Malli l-Bożnija u Ħerzegovina tilħaq il-kriterji li għad fadal, jista' jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li bir-rieda politika u l-kunsens meħtieġa, dan jista' jinkiseb dalwaqt.

- Is-Serbja għandha rwol ewlieni fl-iżgurar ta' stabbiltà, relazzjonijiet tajba mal-viċinat u kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tfakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007 li l-progress fit-triq lejn l-UE, inkluż l-istatus ta' kandidat, jista' jiġi aċċellerat. Hija tappella lis-Serbja biex issostni mill-ġdid l-impenn għal ġejjieni fl-Unjoni Ewropea.

- L-UE tibqa impenjata biex tappoġġja l-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-Kosovo. Il-Kosovo, bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent, għandu perspettiva ta' l-UE ċara u konkreta. B'dan il-għan, il-Kummissjoni ser tuża l-istrumenti disponibbli, b'mod partikolari biex tippromwovi r-riformi demokratiċi, relazzjonijiet tajba mal-viċinat u progress ekonomiku.

- Kwistjonijiet bażiċi ta' bini ta' stat, governanza tajba, riforma amministrattiva u ġudizzjarja, l-istat tad-dritt inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rikonċiljazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, huma prijoritajiet ewlenin ta' riforma għall-Baljani tal-Punent. Il-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (ICTY) tibqa' kundizzjoni fit-triq lejn l-UE għall-pajjiżi kkonċernati.

- Il-Kummissjoni ser tibda djalogu mal-pajjiżi tar-reġjun kollha kkonċernati sabiex tistabilixxi malajr kemm jista' jkun pjan ta' rotta dwar il-kundizzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-ħtiġa ta' viża. Il-progress f'dan il-proċess ser jiġi segwit mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

- Il-Kummissjoni ser tkompli żżid in-numru ta' boroż ta' studju li jingħataw lil studenti mill-Balkani tal-Punent biex jistudjaw fl-UE.

- Ser jiżdiedu l-isforzi biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi Balkani tal-Punent fil-programmi u l-aġenziji Komunitarji.

- L-appoġġ tal-Kummissjoni fl-iżvilupp u d-djalogu tas-soċjetà ċivili ser jiżdied b'mod sostanzjali. B'dan il-għan qed tiġi stabbilita Faċilità finanzjarja ġdida.

- Il-Kummissjoni tappoġġja l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) u l-iżvilupp tagħha b'mod sħiħ li għandha tiġi stabbilita fi Danilovgrad, fil-Montenegro, kmieni fl-2009.

- Il-koordinazzjoni ma' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, b'mod partikolri l-EIB u EBRD, u ma' donaturi bilaterali għandha tiżdied sabiex jiġu mmobilizzati għotjiet u self għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp. Il-Kummissjoni, l-EIB, l-EBRD u l-Bank ta' l-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa huma impenjati biex jistabilixxu Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent sa l-2010 ma' IFI u donaturi oħra. Inizjattiva ta' Infrastruttura fil-Balkani tal-Punent qed tiġi mnedija mill-Kummissjoni u għadd ta' IFI u donaturi bilaterali. Il-Kummissjoni qed tanalizza l-fattibbiltà ta' iktar inizjativi li jistgħu jżidu l-vantaġġ ta' l-azzjonijiet fl-appoġġ ta' l-għanijiet strateġiċi ta' l-UE fir-reġjun.

- Il-Kummissjoni tipproponi inizjativa ġdida għat-tnaqqis ta' riskju ta' diżastri. Din għandha tgħin il-pajjiżi fir-reġjun biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni ser timmira wkoll li tassoċja l-pajjiżi Balkani tal-Punent fil-mekkaniżmu u l-istrument tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

- Il-kooperazzjoni parlamentari fost il-pajjiżi Balkani tal-Punent, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandha tintensifika. L-għan huwa li jiġu trasferiti l-aħħjar prassi sabiex titħaddan ir-rikonċiljazzjoni.

- Iktar żvilupp fil-kooperazzjoni reġjonali hija parti integrali ta' l-aġenda tal-Balkani tal-Punent. It-tranżizzjoni reċenti tal-Patt ta' Stabbiltà għall-Kooperazzjoni Reġjonali tal-Kunsill (KRK) huwa pass 'il quddiem importanti. Il-Kummissjoni tappoġġja l-KRK u oqfsa oħra ta' kooperazzjoni, inkluż is-CEFTA, it-Trattat tal-Komunità dwar l-Enerġija u l-Ftehim dwar Żona ta' Avjazzjoni Ewropea Komuni. Tipproponi wkoll in-negozjazzjoni ta' Trattat Komunitarju dwar it-Trasport fil-Balkani tal-Punent.

- Il-Kooperazzjoni reġjonali ġġib magħha benefiċċji konkreti għall-popli tal-Balkani tal-Punent u tgħinhom jersqu iktar viċin l-UE. Hija teħtieġ appoġġ kontinwu mill-UE u għandha tiġi segwita mill-qrib mill-Kummissjoni.

[1] L-Albanija, il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll il-Kosovo skond ir-Riżoluzzjoni 1244/99 ta' l-UNSC.

[2] Il-Kummissjoni rrapurtat dwar il-progress li sar fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fid-dokumenti -Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir ta' l-2006 u l-2007 – KUMM(2006) 649, 8.11.2006 u KUMM(2007) 663, 6.11.2007.

[3] Il-Komunikazzjoni tkopri żviluppi ewlenin fl-aġenda Ewropea u reġjonali tal-Balkani tal-Punent, b'attenzjoni fuq inizjativi ġodda. Lista iktar informattiva ta' l-attivitajiet tinsab fid-dokument annċillari SEG(2008) 288. Din tkopri perjodu ta' sentejn mil-laqgħa ta' Salzburg f'Marzu 2006.

[4] Publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali pendenti.

[5] L-FSA ma' l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kroazja ilhom fis-seħħ mill-2004 u l-2005, rispettivament.

[6] Attivitajiet settorjali reġjonali speċifiċi, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-enerġija u t-trasport, huma imsemmija f'sezzjonijiet sussegwenti.

[7] fl-aġenda ta' Thessaloniki f'Ġunju 2003, u iktar reċentement fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 u fil-konklużjonijiet KAĠRE ta' Ġunju 2007, Diċembru 2007 u Jannar 2008.

[8] Ftehim ta' rijammissjoni ma' l-Albanija ilu fis-seħħ minn Mejju 2006.

[9] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka t-terzi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżas waqt li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni u li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan l-obbligu (ĠU L 81, 21.3.2001).

[10] Għajnuna EIDHR għall-Balkanbi tal-Punent kienet ta' €9.0 miljun għall-perjodu 2005-2007. Għall-2008, allokazzjoni EIDHR ta' €5.7 miljun hija prevista għall-Balkani tal-Punent.

[11] Għal visas, ara s-Sezzjoni 2.

[12] Entità ta' l-UE stabbilita fl-2002 biex issaħħaħ l-effettività ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkollhom x'jaqsmu ma' l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' kriminalità organizzata transkonfinali serja.

[13] SECI – Inizjattiva għal Kooperazzjoni fix-Xlokk ta' l-Ewropa.

[14] L-istrument ta' ġemellaġġ tnieda mill-Kummissjoni fl-1997 u kellu l-mira ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest tat-tkabbir biex jgħin lill-amministrazzjonijiet ta' dawk li dak iż-żmien kienu l-pajjiżi kandidati fl-introduzzjoni u l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Il-ġemellaġġ żviluppa bħala strument speċifiku għal għajnuna amministrattiva mill-pari, li tinvolvi esperti mill-Istati Membri ta' l-UE.

[15] TAIEX: Technical Assistance and Information Exchange Instrumen – Strument ta' Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni.

[16] SIGMA: Support for Improvement in Governance and Management – Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni. Inizjattiva implimentata ma' l-OECD u ffinanzjata permezz ta' sensiela ta' ftehimiet ta' kontribuzzjoni li jammontaw għal madwar €5 miljun kull sena.

[17] Il-kumulu djagonali tar-regoli ta' oriġini huwa sistema li tiffaċilita l-integrazzjoni reġjonali tal-kummerċ. Tippermetti pajjiż jittrasforma u jesporta prodott suġġett għal trattament kummerċjali preferenzjali lill-UE minkejja li parti mill-kontenut jew mix-xogħol li jwasslu għall-prodott kienet toriġina f'pajjiż ieħor li jipparteċipa fl-iskema.

[18] Din il-proposta hija inkluża f'pakkett adottat f'parallel ma' din il-Komunikazzjoni.

[19] L-IPA jkopri l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali kollha, jiġifieri l-Balkani tal-Punent u t-Turkija.

[20] L-EIB, l-EBRD, l-IBRD u l-IFC, il-Bank Nordiku ta' Investiment, il-Korporazzjoni Nordika għall-Finanzji Ambjentali, il-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Bank għall-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Baħar l-Iswed.