52008DC0013




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.1.2008

KUMM(2008) 13 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili

{SEG(2008) 47}{SEG(2008) 48}

WERREJ

1. Daħla 3

2. L-Ispejjeż u l-benefiċċji tat-teknoloġiji tas-CCS 4

3. Negħlbu l-ostakli għat-teknoloġiji tas-CCS 6

4. Struttura ta' l-UE li tixpruna t-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti ta' l-enerġija 7

5. It-tħeġġiġ tal-finanzi għat-teknoloġiji tas-CCS 8

5.1. Il-ġbir ta' impenn deċiżiv mill-industrija se jkun kruċjali 9

5.2. It-twittija tat-triq għal involviment qawwi min-naħa ta l-Istati Membri 10

5.3. L-identifikazzjoni ta' sorsi ta' finanzjament fil-livell ta' l-UE 11

6. Tħejjija bikrija għall-użu fuq skala wiesgħa 11

7. Konklużjonijiet 12

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAħLA

Waqt li għarfet li l-attivitajiet tal-bniedem jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tibdil fil-klima, l-UE adottat għanijiet ambizzjużi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet li joħolqu l-effett tas-serra fis-snin li ġejjin. Dawn l-għanijiet mhux se jintlaħqu jekk mhux se jkun hemm tnaqqis sostanzjali ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur ta' l-enerġija, fejn l-użu tal-fjuwils fossili, l-aktar tal-faħam u tal-gass, fil-produzzjoni ta' l-enerġija jikkawża madwar 40% ta' l-emissjonijiet kollha tas-CO2 fl-UE.

Minħabba li l-fjuwils fossili jibqgħu ingredjent importanti fit-taħlita ta' l-enerġija ta' l-UE u dik dinjija, l-istrateġiji li jindirizzaw it-tibdil fil-klima jridu jinkludu soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija mill-fjuwils fossili li jkollhom livell imnaqqas ħafna ta' emissjonijiet ta' dijossidu tal-karbonju. F'dan il-kuntest, it-teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tas-CO2 (it-teknoloġiji tas-CCS) jirrappreżentaw element kruċjali f'firxa ta' teknoloġiji li diġà jeżistu u li qed jinħolqu bil-potenzjal li jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet tas-CO2 sabiex jintlaħqu l-għanijiet lil hinn mis-sena 2020[1].

L-applikazzjoni fuq skala wiesgħa tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti ta' l-enerġija tista' tkun kummerċjalment vijabbli fi żmien 10 jew 15-il sena, hekk li sas-sena 2020 jew ftit wara, it-teknoloġiji tas-CCS ikunu jistgħu jeżistu waħedhom f'sistema bbażata fuq Skema ta' Skambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet (ETS) bħala strument kruċjali għat-tneħħija ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils fossili fil-produzzjoni ta' l-enerġija.

Dan mhux se jseħħ jekk ma jibdewx jittieħdu l-passi ta' tħejjija meħtieġa mill-ewwel; it-turija minn kmieni hija meħtieġa b'mod partikulari għat-teknoloġiji tas-CCS, li huma diġà żviluppati u użati f'applikazzjonijiet oħrajn fid-dinja kollha, sabiex ikunu adattati b'mod xieraq għal applikazzjoni fuq skala wiesgħa fil-produzzjoni ta' l-enerġija.

Waqt li tkellem favur il-permess għall-produzzjoni ta' l-enerġija mill-fjuwils fossili b'livell baxx ta' emissjonijiet tas-CO2 sas-sena 2020, f'Marzu 2007 l-Kunsill Ewropew approva l-ħsieb tal-Kummissjoni li tixpruna l-bini u t-tħaddim sas-sena 2015 ta' 12-il impjant jew inqas ta' turija tat-teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils fossili fil-produzzjoni kummerċjali ta' l-enerġija.

F'Novembru tas-sena 2007, il-Pjan Strateġiku ta' l-UE għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (il-pjan SET)[2] għaraf li t-turija ta' l-użu tat-teknoloġiji CCS fil-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili għandu jkun wieħed mill-aspetti li fuqu l-iżvilupp teknoloġiku Ewropew għandu jiffoka r-riżorsi tiegħu. Dan se jippermetti lill-Ewropa li tisfrutta l-kisbiet li għamlet sal-lum u li taqleb it-tmexxija attwali tagħha fl-iżvilupp tat-teknoloġiji CCS f'opportunitajiet kummerċjali għan-negozji Ewropej, u fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda li jirrikjedu ħiliet avvanzati.

Waqt li tikkumplimenta l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tas-CO2 li toħloq il-qafas legali għat-teknoloġiji tas-CCS fl-UE, din il-Komunikazzjoni tmexxi 'l quddiem l-isforzi dwar it-teknoloġiji tas-CCS, u għandha l-għan li titwaqqaf struttura biex tikkoordina u tappoġġa b'mod effettiv it-turija fuq skala kbira tat-teknoloġiji tas-CCS u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal investimenti industrijali kuraġġużi f'għadd ta' impjanti. Dawn l-investimenti se jkunu jeħtieġu appoġġ għal perjodu ta' żmien pjuttost twil, li jibda mil-lum u jintemm fis-sena 2020 jew anke wara.

Huwa essenzjali li mill-aktar fis possibbli jinbdew l-isforzi Ewropej fit-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fi ħdan qafas ta' politika integrata, li jinkludu sforzi ffukati fuq l-Iżvilupp u r-Riċerka (l-R&D) u miżuri li jkabbru l-għarfien u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-pubbliku. Dewmien ta' seba' snin fit-turija, li jwassal għal xi dewmien fl-introduzzjoni globali tat-teknoloġiji tas-CCS, jista' jfisser ir-rilaxx mad-dinja kollha, sas-sena 2050, ta' 'l fuq minn 90 tG ta' emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jiġu evitati[3], jiġifieri daqs iktar minn 20 darba l-ammont ta' emissjonijiet tas-CO2 attwali fis-sena fl-UE kollha.

2. L-ISPEJJEż U L-BENEFIċċJI TAT-TEKNOLOġIJI TAS-CCS

L-investimenti sabiex it-teknoloġiji tas-CCS jiddaħħlu fis-suq huma sostanzjali. Iridu jintefqu madwar biljun Euro bejn issa u s-sena 2020 fuq ħidma ta' l-R&D sabiex it-teknoloġiji tas-CCS ikunu f'qagħda li fiha jkunu jistgħu jintużaw kummerċjalment fuq skala wiesgħa[4].

Barra minn hekk, it-turija minn kmieni tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti ta' l-enerġija ta' skala industrijali se jkollha bżonn iktar infiq ta' biljuni ta' ewro: bil-prezzijiet tat-teknoloġija kif inhuma llum, l-investiment bil-quddiem għall-impjanti mgħammra bit-teknoloġiji tas-CCS huwa dovut għall-ispejjeż għall-elementi tal-ġbir u għat-tagħmir tat-trasport u tal-ħżin, madwar 30-70% (jiġifieri għadd ta' mijiet ta' miljuni ta' ewro għal kull impjant) iktar milli għall-impjanti standard; barra minn hekk, l-ispejjeż tat-tħaddim huma attwalment 25-75% iktar milli huma fl-impjanti li jitħaddmu bil-faħam u mhux bit-teknoloġiji tas-CCS, l-iktar minħabba n-nuqqas ta' effiċjenza u l-ispejjeż tal-ġbir u tat-trasport tas-CO2.

Madanakollu, il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Impjanti ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili b'Emissjonijiet Żero (ETP-ZEP), li tinkludi l-kumpaniji ta' l-enerġija, il-fornituri tat-tagħmir u n-negozji taż-żejt/tal-gass ta' l-Ewropa kif ukoll l-NGOs, tistima li, bi sforz iffukat fuq l-R&D u fuq it-turija, l-ispejjeż tat-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jitnaqqsu bin-nofs bejn issa u s-sena 2020, u b'hekk jitħaffef l-użu kummerċjali tagħhom[5]. L-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-kapital u tat-tħaddim marbuta mat-teknoloġiji tas-CCS huma mistennija jonqsu iktar wara dan permezz ta' l-effetti tal-kurva tat-tagħlim u l-ekonomiji ta' l-iskala kif jiġri ġeneralment fl-iżvilupp teknoloġiku industrijali.

L-investiment fl-iżvilupp u fl-użu tat-teknoloġiji tas-CCS se jkollu benefiċċji kbar. Bl-użu ta' diversi xenarji b'kundizzjonijiet varjati sas-sena 2050, l-analiżi ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija (l-IEA) juru li t-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jikkontribwixxu bejn 20% u 28% tat-tnaqqis dinji ta' l-emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jintlaħqu[6], hekk li jikkumplimentaw dawk mill- effiċjenza u mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

Fl-UE biss, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fil-qasam ta' l-enerġija permezz tat-teknoloġiji tas-CCS se jilħaq, f'xenarju bbażat fuq is-suq, 161 tM fl-2030 u bejn 800 u 850 tM fl-2050[7], li jirrappreżentaw 3.7% u bejn 18% u 20% tal-livelli globali attwali ta' emissjonijiet tas-CO2 rispettivament. Barra l-użu tagħhom fil-produzzjoni ta' l-enerġija, it-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-industriji li jużaw ħafna enerġija, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet minn dawn is-setturi industrijali wkoll.

It-teknoloġiji tas-CCS se jkunu importanti wkoll fil-ġestjoni, fil-ġejjieni, ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, li huma diġà l-pajjiżi li l-iktar jużaw faħam u li l-iktar jirrilaxxaw emissjonijiet[8]. Iż-żamma tal-post attwali ta' l-UE fuq quddiemnett fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS u l-introduzzjoni bikrija tagħhom fis-swieq fl-UE se joħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda għan-negozji Ewropej f'dawn il-pajjiżi.

Jekk l-isforzi biex it-teknoloġiji tas-CCS ikunu kummerċjalment vijabbli fl-UE sas-sena 2020 ma jkollhomx l-appoġġ tal-politiki, impjanti ġodda ta' l-enerġija li jitħaddmu bil-faħam jistgħu jinbnew mingħajr il-karatteristiċi għat-teknoloġiji tas-CCS jew għal adattament għalihom wara. Dan iġib miegħu ir-riskju li jorbot lit-teknoloġiji b'livelli għoljin ta' karbonju għal għadd ta' deċennji għal ammont ta' kapaċità installata fl-10 jew fil-15-il sena li ġejjin li tista' tlaħħaq is-70 GW, ammont li jirrappreżenta 'l fuq minn terz tal-kapaċità attwali ta' l-impjanti li jitħaddmu bil-faħam.

3. NEGħLBU L-OSTAKLI GħAT-TEKNOLOġIJI TAS-CCS

L-ewwel passi biex it-teknoloġiji tas-CCS ikunu jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta' l-enerġija jistgħu jittieħdu mingħajr wisq spejjeż addizzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar it-teknoloġiji tas-CCS għandha l-għan li ssolvi l-kwistjonijiet leġiżlattivi l-kbar kollha marbuta mat-teknoloġiji tas-CCS u li tipprovdi qafas regolatorju komprensiv li jiżgura s-sigurtà ta' l-użu tat-teknoloġiji tas-CCS. Bit-tnaqqis tar-riskji, jistgħu jiġu indirizzati l-ostakli legali għat-teknoloġiji tas-CCS, u l-proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-ETS attwali, qabel is-sena 2012, tista' tagħraf is-CO2 miġbur u maħżun b'mod sikur bħala mhux rilaxxat[9].

Bis-sehem attiv tal-Kummissjoni Ewropea, dan l-aħħar seħħew tibdiliet f'reġimi internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS[10]. Dawn il-bidliet juru li l-UE tista' tkun fuq quddiemnett fit-tfassil ta' regolamentazzjoni internazzjonali għat-teknoloġiji tas-CCS. Malli jiġu ratifikati l-emendi, jistgħu jibdew jintużaw il-kapaċitajiet kbar ta' ħażna taħt qiegħ il-baħar fil-Baħar tat-Tramuntana.

Sabiex tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa lill-operaturi u tikseb il-kunfidenza tal-pubbliku fis-sigurtà tat-teknoloġiji tas-CCS, se jkun kruċjali li l-proposti tal-Kummissjoni jiġu adottati u trasposti malajr u li l-bidliet fir-reġimi internazzjonali jiġu ratifikati malajr mill-Istati Membri kkonċernati. It-turija, ir-riċerka kontinwa u t-trasparenza fit-tagħrif ukoll se jserrħu ras il-pubbliku dwar is-sigurtà globali tal-proċess. Se jkunu meħtieġa attivitajiet miftuħa u kkoordinati ta' tagħrif.

L-ostakli ekonomiċi għat-teknoloġiji tas-CCS jieħdu iktar fit-tul sabiex jingħelbu. Anke bit-tnaqqis fl-ispejjeż mistenni mir-riċerka u mit-turija, l-użu tat-teknoloġiji tas-CCS se jfisser spejjeż ikbar fissi kif ukoll varjabbli meta mqabbla mal-produzzjoni ta' l-enerġija mingħajr l-użu tat-teknoloġiji tas-CCS. Madanakollu, l-esperti ta' l-industrija u dawk indipendenti kollha huma tal-fehma[11] li, bil-prezzijiet tas-CO2 madwar jew saħansitra inqas mill-€35/tCO2, u jekk wieħed jassumi li jkun hemm għarfien sħiħ tat-teknoloġiji tas-CCS fl-ETS, l-impjanti ta' l-enerġija li jużaw it-teknoloġiji tas-CCS ma jkollhom l-ebda żvantaġġ kompetittiv wara s-sena 2020 meta mqabbla ma' impjanti ta' l-enerġija standard[12], minħabba li l-ispejjeż ta' l-evitar tas-CO2 permezz tat-teknoloġiji tas-CCS se jkunu talanqas daqs, jekk mhux inqas mill-ispejjeż biex jinkisbu d-drittijiet ta' l-emissjonijiet.

Sabiex tipprovdi ċarezza fit-tul dwar il-ġejjieni ta' l-ETS, il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll proposta leġiżlattiva għall-ETS ta' wara s-sena 2012. Din il-proposta tinkludi l-għarfien tat-teknoloġiji tas-CCS bħala teknoloġija leġittima li tnaqqas l-emissjonijiet, u b'hekk toħloq bażi soda għall-ekonomija fit-tul tat-teknoloġiji tas-CCS fl-UE.

4. STRUTTURA TA' L-UE LI TIXPRUNA T-TURIJA TAT-TEKNOLOġIJI TAS-CCS FL-IMPJANTI TA' L-ENERġIJA

Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007, il-Pjan SET joħloq qafas li fi ħdanu jista' jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS. Dan jidentifika t-teknoloġiji tas-CCS bħala teknoloġiji strateġiċi ta' l-enerġija u jistabbilixxi l-mira tas-sena 2020 għall-użu tagħhom fil-produzzjoni ta' l-enerġija bħala għażla realistika, waqt li jagħraf li l-Ewropa għandha bżonn tkompli turi dawn it-teknoloġiji fil-produzzjoni ta' l-enerġija fuq skala wiesgħa waqt li ttejjibhom permezz ta' R&D kontinwu. Għaldaqstant, it-turija tat-teknoloġiji tas-CCS jista' jkun każ ġdid ta' inizjattiva Ewropea taħt il-pjan SET, li juri l-merti ta' sforz Ewropew konġunt.

It-teknoloġiji tas-CCS diġà jintużaw fl-industrija imma se jkollhom jiġu adattati għall-użu fl-impjanti ta' l-enerġija fuq skala wiesgħa, u mtejba permezz ta' R&D avvanzat. L-industrija Ewropea hija involuta biċ-ċar[13] u l-ħtiġijiet strateġiċi tar-riċerka huma definiti sew[14]. Iktar minn 20 proġett potenzjali ta' turija tħabbru mill-industrija Ewropea fl-aħħar 12 sa 18-il xahar[15].

Sabiex għadd suffiċjenti minnhom jitwettqu fiż-żmien meħtieġ, hemm bżonn ħidma konġunta mill-industrija Ewropea, l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea. Għadd ta' pajjiżi Ewropej ħabbru inizjattivi biex jappoġġaw proġetti ta' turija fit-territorji tagħhom[16].

Ħidma koerenti u kkoordinata fil-livell ta' l-UE tista' żżid il-valur u ttejjeb l-impatt globali, waqt li tirrispetta l-awtonomija ta' l-inizjattivi nazzjonali. Kif spjegat fil-Pjan SET u sabiex tixpruna t-turija effettiva tat-teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils fossili fil-produzzjoni kummerċjali ta' l-enerġija fil-livell ta' l-UE, il-Kummissjoni pproponiet li tniedi Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar il-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO 2 mis-sena 2008 'l quddiem. Waqt li tixpruna t-turija fuq skala wiesgħa, din l-Inizjattiva se jkollha wkoll l-għan li tindirizza b'mod integrat il-bżonn ta' riċerka kontinwa u l-bżonn li jitkabbar l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku.

Biex tiżgura effett immedjat ta' din l-Inizjattiva, fis-sena 2008 l-Kummissjoni se twaqqaf Ħidma ta' Appoġġ taħt l-FP7 biex toħloq u tħeġġeġ netwerk ta' proġetti ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS. Il-Kummissjoni se tistieden proġetti li jissodisfaw kriterji minimi ta' kwalifika[17] biex minn issa 'l quddiem jippreżentaw irwieħhom sabiex jibbenefikaw mill-ħidma Ewropea.

B'dan il-mod, il-Kummissjoni se tipprovdi lil dawk li jaġixxu l-ewwel b'mezz ta' koordinazzjoni, skambju ta' tagħrif u esperjenza u identifikazzjoni ta' l-aħjar prassi. It-tagħrif miġbur se jgħin biex jiffoka l-politiki li jistabbilixxu katina fit-tul tal-valur tas-CO2 u se jiggwida l-interazzjoni koerenti u effettiva ta' proġetti li jkunu qed jieħdu sehem ma' R&D relatat imwettaq fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-verifika u l-aċċettazzjoni tal-proġetti fin-netwerk iseħħu b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, ma' esperti mill-industrija Ewropea u ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Talli jaqsmu t-tagħrif dwar il-progress u l-esperjenza tagħhom, il-proġetti li jidħlu fin-netwerk ta' proġetti se jiksbu l-viżibbiltà u identità li tista' titqiegħed fis-suq (" logo Ewropew ") bħala parti minn inizjattiva mmexxija mill-UE. L-għarfien tal-kontribut lejn kawża Ewropea komuni tista' tħaffef l-aċċess tal-proġetti għall-appoġġ finanzjarju fil-livelli nazzjonali, tal-Komunità u internazzjonali. Il-ħidmiet biex jitkabbar l-għarfien tal-pubbliku u l-interazzjoni ma' l-imsieħba f'terzi pajjiżi magħmulin b'mod kollettiv u koordinat se jkun iktar effiċjenti f'termini ta' nfiq u jkollu impatt akbar, u b'hekk jipprovdi benefiċċji ċari għall-proġetti kollha.

L-istrumenti ta' Governanza spjegati fil-Pjan SET se jiġu applikati sabiex jitmexxew il-ħidmiet u l-iżvilupp 'il quddiem ta' l-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar it-teknoloġiji tas-CCT[18]. B'mod partikulari, il-Grupp ta' Tmexxija tal-Komunità Ewropea dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija, f'ħidma mill-qrib ma' l-inizjattivi tal-partijiet interessati bħall-ETP-ZEP, se jkun kruċjali fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà tat-twessigħ ta' l-iskop ta' l-Inizjattiva Industrijali Ewropea lil hinn minn netwerk ta' proġetti u biex jiġu ddeterminati l-għażliet dwar il-finanzjament ta' dan it-tip ta' twessigħ ta' l-iskop.

Minħabba l-importanza tat-teknoloġiji tas-CCS fuq skala dinjija, se jkun importanti li tiġi inkluża dimensjoni internazzjonali, billi tiġi żviluppata u mgħaġġla l-kollaborazzjoni Ewropea li qed issir maċ-Ċina dwar it-turija tat-teknoloġiji tas-CCS u billi titwessa' sabiex tinkludi ekonomiji emerġenti ewlenin oħrajn[19]. Kooperazzjoni sistematika ma' ekonomija avvanzati oħrajn li qed jiżviluppaw teknoloġiji tas-CCS għall-użu fil-produzzjoni ta' l-enerġija hija daqstant ieħor importanti.

5. IT-TħEġġIġ TAL-FINANZI GħAT-TEKNOLOġIJI TAS-CCS

It-turija minn kmieni se jkollha tkopri ħtiġijiet ta’ kapital addizzjonali sostanzjali u spejjeż akbar tat-tħaddim[20].

In-negozji Ewropej ta' l-enerġija involuti fil-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-fjuwils fossili se jiksbu permezz tat-teknoloġiji tas-CCS strument importanti li jgħinhom jibqgħu parteċipanti importanti fix-xenarju Ewropew ta' l-enerġija u li jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għan-negozju. Għaldaqstant, b'mod ġust huma jistgħu jkunu mistennija jiddedikaw b'mod sinifikanti riżorsi minn tagħhom stess fl-interess tat-turija minn kmieni. Jista' jkun hemm bżonn ukoll ta' fondi pubbliċi għal xi proġetti, ukoll jekk dawn ikunu għal żmien limitat waqt il-perjodu tat-turija u f'livelli li jiddependu fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-ETS fil-ġejjieni.

Minħabba li l-ħtiġijiet finanzjarji tat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS jirrappreżentaw ostaklu kbir, id-disponibbiltà ta' dan it-tip ta' riżorsi jista' jillimita l-għadd ta' proġetti tat-teknoloġiji tas-CCS imwettqa fl-Ewropa u jiddetermina fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess tat-teknoloġiji tas-CCS fl-Ewropa. Filwaqt li l-Kummissjoni żiedet b'mod sinifikanti r-riżorsi disponibbli għall-Faħam Nadif u t-teknoloġiji tas-CCS[21], taħt iċ-ċirkustanzi attwali tal-baġit din tista' biss tipprovdi parti minima mill-appoġġ meħtieġ biex tiżgura li l-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-fjuwils fossili tiddaħħal fis-suq.

5.1. Il-ġbir ta' impenn deċiżiv mill-industrija se jkun kruċjali

Permezz ta' l-ETP-ZEP, l-industrija ta' l-enerġija wriet inizjattiva essenzjali dwar it-teknoloġiji tas-CCS u ilha għadd ta' snin tiddedika riżorsi għall-proġetti ta' l-R&D u għal proġetti pilota. Madanakollu, kien inqas l-impenn ċar ta' riżorsi sostanzjali għat-turija fuq skala wiesgħa.

F'Ottubru tas-sena 2007, l-ETP-ZEP ħarġet il-viżjoni tagħha ta' Programm Prinċipali, li għandu l-għan, b'mod partikulari, li sas-sena 2015 jinbnew u jibdew jitħaddmu, b'mod koordinat, sett ta' proġetti ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS. Fid-dettalji tal-programm intgħarfet il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju, imma ħafna mill-partijiet interessati ta' l-industrija għadhom ma tawx dettalji dwar kemm u meta huma lesti li jimpenjaw ruħhom finanzjarjament għal proġetti individwali.

Sabiex il-fjuwils fossili jkomplu bir-rwol importanti tagħhom fit-taħlita ta' l-enerġija, huwa kruċjali li l-industrija Ewropea marbuta magħhom timpenja ruħha biċ-ċar, minn kmieni u b'mod deċiżiv. Barra mill-qasam ta' l-enerġija, jista' jkun li l-industriji li jużaw ħafna enerġija wkoll ikunu jridu jressqu l-ideat tagħhom dwar l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS fis-setturitagħhom. Il-fatt li t-teħid ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima ma jistax jiġi evitat joffri l-possibbiltà ta' benefiċċju kummerċjali reali lill-produtturi ta' l-enerġija u lil negozji oħrajn li huma lesti li jidħlu fis-suq tat-teknoloġiji tas-CCS minn kmieni.

L-għotja ta' riżorsi sostanzjali min-naħa tan-negozji hija prerekwiżit għall-ixprunar ta' teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils fossili fil-produzzjoni kummerċjali ta' l-enerġija. Jekk ma jkunx hemm deċiżjonijiet kuraġġużi ta' finanzjament min-negozji ma' l-ewwel opportunità, jista' jkun li ma jingħatawx il-fondi pubbliċi kumplimentari.

Iktar ma ddum ma tibda tħaddan it-teknoloġija tas-CCS l-industrija ta' l-enerġija, iktar dawk li jfasslu l-politika se jkollhom iqisu l-possibbiltà ta' l-applikazzjoni obbligatorja tat-teknoloġija tas-CCS bħala l-unika pass possibbli 'l quddiem.

5.2. It-twittija tat-triq għal involviment qawwi min-naħa ta l-Istati Membri

Minħabba li l-fjuwils fossili jirrappreżentaw parti dominanti mit-taħlita ta' l-enerġija f'għadd ta' Stati Membri u huma mistennija jkolhom rwol fit-tul minħabba s-sigurtà ta' forniment u ta' kompetittività tagħhom, għadd ta' pajjiżi ta' l-UE għandhom interess ċar li jiżguraw l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS. Huwa f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi kif se jappoġġa, minbarra l-R&D, it-turija tat-teknoloġiji tas-CCS, u li jindirizza l-ispejjeż ogħla bil-quddiem u tat-tħaddim tagħhom.

Xi Stati Membri diġà identifikaw strateġiji possibbli (inklużi tariffi ta' alimentazzjoni (" feed-in tariffs ") jew għotjiet ta' investiment bil-quddiem). Madanakollu, kemm il-miżuri konkreti huma adattati hi ħaġa li tista' tiġi eżaminata biss każ każ, u huwa wkoll f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi kif tista' tiġi ffinanzjata l-iskema tiegħu ta' appoġġ. Jista' jkun xieraq l-użu ta' xi dħul li jiġi minn irkantar taħt l-ETS. Il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni ta' l-UE jistgħu jkunu sors parzjali ta' finanzjament f'xi Stati Membri[22].

Xi miżuri nazzjonali ta' appoġġ biex jgħinu l-proġetti ta' turija, li żgur li jirrappreżentaw l-ogħla spiża ta għajnuna għall-użu tat-teknoloġiji tas-CCS, wisq probabbli se jinkludu għajnuna mill-istat. Il-Kummissjoni tistenna li dan l-appoġġ ikun temporanju[23], sa ma ssir kompetittiva din it-tip ta' teknoloġija. Il-Kummissjoni qed tindika, fir-reviżjoni tal-linji ta' gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ta' l-ambjent[24], il-bażi legali għad-dikjarazzjoni ta' għajnuna kompatibbli mill-istat għall-impjanti ta' l-enerġija ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS[25].

Minħabba l-importanza ta' turija minn kmieni tat-teknoloġiji tas-CCS fil-produzzjoni ta' l-enerġija, u minħabba li xi wħud minn dawn il-proġetti se jeħtieġu xi fondi pubbliċi, il-Kummissjoni hija lesta, mingħajr preġudizzju għall-proċedura xierqa u għall-mertu individwali ta' kull proġett, li tħares b'mod favorevoli lejn l-użu ta' għajnuna mill-istat biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali marbutin mat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fil-proġetti ta' produzzjoni ta' l-enerġija.

5.3. L-identifikazzjoni ta' sorsi ta' finanzjament fil-livell ta' l-UE

Il-Pjan SET jipproponi li jeżamina modi biex jinġabru fondi addizzjonali għall-prijoritajiet identifikati fil-Pjan. Il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS fil-Komunikazzjoni ppjanata taħt il-Pjan SET għas-sena 2008 dwar il-finanzjament ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. L-identifikazzjoni ta' riżorsi addizzjonali se tkun kruċjali, l-aktar jekk l-Inizjattiva Ewropea favur it-teknoloġiji tas-CCS se ssir azzjoni komuni li tmur lil hinn mill-istruttura ta' koordinazzjoni ta' netwerk ta' proġetti.

Se jkun strumentali wkoll l-użu ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Dal-ħin, il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (il-BEI) qiegħed jeżamina l-possibbiltà li jiżviluppa prodotti ġodda għall-finanzjament tat-teknoloġiji tas-CCS, minbarra dawk li diġà jeżistu taħt il-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (l-RSFF)[26]. L-għarfien ta' l-identità Ewropea ta' proġett tista' tħaffef l-aċċess għal dan it-tip ta' finanzjament, kif qed jiġri dal-ħin fil-prattika fil-każ tal-proġetti tan-Netwerks Trans-Ewropej ta' l-Enerġija (il-proġetti tat-TEN). Għall-proġetti f'terzi pajjiżi, jistgħu jintużaw mezzi speċifiċi bħall-Faċilità ta' l-Iffinanzjar tat-Tibdil fil-Klima tal-BEI[27].

Waqt li l-Kummissjoni ma tistax timmira li tiffinanzja spejjeż sinifikanti ta' l-investiment mill-FP7, jista' jingħata finanzjament limitat ta' l-istadji ta' tħejjija lil xi ftit proġetti li l-iktar ikun jistħoqqilhom, per eżempju, lill-iktar innovattivi jew lil dawk li jibdew kmieni u jidhru promettenti. Fl-ewwel sejħa għall-proposti taħt l-FP7, il-Kummissjoni offriet il-possibbiltà li tappoġġa studji dwar il-fattibbiltà u l-inġinerija ta' proġetti ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS fuq skala wiesgħa. Fis-sejħa għall-proposti tas-sena 2008, se tkun possibbli l-għażla ta' suġġett simili.

6. TħEJJIJA BIKRIJA GħALL-UżU FUQ SKALA WIESGħA

Se jkun meħtieġ il-bini ta' infrastrutturi ġodda fl-Ewropa sabiex titħaffef il-bidla b'suċċess lejn sistema ta' enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. Fil-każ speċifiku tal-produzzjoni ta' l-enerġija permezz tat-teknoloġiji tas-CCS, dan ifisser ħtieġa bikrija għal infrastruttura għat-trasport u l-ħżin tas-CO2 u għar-rabta ma' għejun ta' emissjonijiet, b'regoli ta' aċċess mhux diskriminatorji, li jistgħu jitqabblu ma' dawk li diġà jeżistu dal-ħin għall-infrastruttura ta' l-elettriku u tal-gass.

Se jkun importanti li tiġi żviluppata d-dimensjoni Ewropea f'dawn in-netwerks. Jista' jkun meħtieġ xi appoġġ finanzjarju addizzjonali ffukat (per eżempju għad-definizzjoni tan-netwerks u għal studji dettaljati dwar kemm jistgħu jitwettqu l-proġetti infrastrutturali individwali fin-netwerk). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-linji ta' gwida tat-TEN-E sabiex dawn ikunu jinkludu wkoll l-infrastruttura marbuta mas-CO2 (il-pajpijiet u s-siti għall-ħażna).

7. KONKLUżJONIJIET

L-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati mit-teknoloġiji tas-CCS jagħmluhom prijorità ta' importanza strateġika fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija għall-Ewropa. Turija effettiva kmieni tal-vijabbiltà teknoloġika tas-CCS fil-produzzjoni ta' l-enerġija, kemm fl-Ewropa kif ukoll internazzjonalment, hija pass importanti fit-triq lejn l-użu mifrux tagħhom. B'inizjattivi kuraġġużi u f'waqthom ta' l-industrija u tal-pubbliku u bi stimuli qawwija bbażati fuq is-suq biex jiġu evitati l-emissjonijiet tas-CO2, it-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jkunu kummerċjalment vijabbli sas-sena 2020 jew ftit wara.

Biex tixpruna l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS fl-Ewropa, il-Kummissjoni qed tipproponi flimkien ma' din il-Komunikazzjoni qafas regolatorju li jippermetti l-użu ta' dawn it-teknoloġiji tas-CCS u l-inklużjoni tagħhom fl-ETS. Il-linji ta' gwida reveduti tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ta' l-ambjent iħarsu b'mod favorevoli lejn it-teknoloġiji tas-CCS u jindikaw il-bażi legali li permezz tagħha l-proġetti ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mill-istat. Fl-2008, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-linji ta' gwida tat-TEN-E sabiex dawn ikunu jinkludu wkoll l-infrastruttura marbuta mas-CO2.

Fil-qafas tal-Pjan SET, il-Kummissjoni tipproponi li tniedi Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar it-teknoloġiji tas-CCT bħala bażi għall-koordinazzjoni, it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-proġetti ta' turija. B'dan il-mod, l-UE se tkun fuq quddiemnett fit-turija fuq skala wiesgħa mad-dinja kollha u se tisfrutta bl-akbar mod possibbli l-benefiċċji tat-turija minn kmieni. F'dan il-kuntest, fl-2008 l-Kummissjoni se twaqqaf netwerk ta' proġetti li jippermetti lil dawk li jaġixxu kmieni jaqsmu t-tagħrif u l-esperjenza tagħhom, ikabbru l-impatt fuq iktar R&D u fuq it-tfassil tal-politika, itejbu l-ispejjeż permezz ta' ħidmiet kollettivi maqsuma bejniethom (per eżempju f'dak li għandu x'jaqsam mal-pubbliku jew ma' pajjiżi terzi), u jiksbu għarfien bħala parti minn inizjattiva kruċjali mifruxa ma' l-UE kollha ("logo Ewropew").

It-turija minn kmieni mhix se tkun possibbli mingħajr impenji finanzjarji kbar. Għall-qasam privat, il-fatt li t-teħid ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima ma jistax jiġi evitat joffri l-possibbiltà ta' benefiċċju kummerċjali reali lill-produtturi ta' l-enerġija u lil negozji oħrajn li huma lesti li jidħlu fis-suq tat-teknoloġiji tas-CCS minn kmieni. Iktar ma jdumu ma jinbdew dawn l-azzjonijiet, iktar dawk li jfasslu l-politika se jkollhom iqisu l-possibbiltà ta' l-applikazzjoni obbligatorja tat-teknoloġija tas-CCS bħala l-uniku pass possibbli 'l quddiem.

Impenn ċar u deċiżiv mill-industrija Ewropea se jkun meħtieġ sabiex ikun hemm il-ħsieb ta' kontribut kumplimentari mill-fondi pubbliċi. B'mod partikulari, dawk l-Istati Membri li beħsiebhom iserrħu fuq il-faħam fit-taħlita ta' l-enerġija tagħhom fil-ġejjieni għandhom jimplimentaw miżuri ta' appoġġ għat-turija minn kmieni tat-teknoloġiji tas-CCS. It-tagħrif miġbur mill-Inizjattiva Industrijali Ewropea se jħaffef l-analiżi tal-kompatibbiltà ta' dan it-tip ta' miżuri mar-regoli ta' l-UE dwar l-għajnuna mill-istat. Il-ġbir ta' riżorsi addizzjonali jista' jkun meħtieġ u se jkun meqjus iktar fil-kuntest tal-Pjan SET, bil-ħsieb li l-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar it-teknoloġiji tas-CCT titwessa' lil hinn mill-iskop ta' netwerk ta' proġetti.

[1] Waqt li jrid ikun hemm bilfors titjib fl-effiċjenzi tal-kombustjoni, dan waħdu mhux se jwassal għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet tas-CO2.

[2] Il-pjan SET jipprovdi orjentament politiku għall-isforzi Ewropej ta' l-R&D, u jidentifika għadd ta' teknoloġiji ewlenin meħtieġa sabiex tintlaħaq il-viżjoni tiegħu ta' Ewropa b'ekonomija b'saħħitha u sostenibbli li żżomm il-mexxejja dinjin f'firxa wiesgħa ta' teknoloġiji ta' l-enerġija nodfa, effiċjenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.

[3] L-IAES.

[4] Stimi ta' l-industrija; ara wkoll l-IAES għal aktar dettalji.

[5] www.zero-emissionplatform.eu.

[6] L- IEA Energy Technology Perspectives 2050 (Il-Perspettivi tat-Teknoloġija ta' l-Enerġija għas-sena 2050 ta' l-IEA) u l-i Stern Review (l-analiżi ta' Stern).

[7] Il-Valutazzjonijiet ta' l-Impatt għad-Direttiva tat-teknoloġiji tas-CCS u għall-Pjan SET.

[8] Żewġ terzi miż-żieda fl-użu tal-faħam fid-dinja se jiġi miċ-Ċina u mill-Indja. Anke llum, kull ġimgħa qed jibda jiġi użat xi mkien fid-dinja impjant ġdid ta' l-enerġija li jitħaddem bil-faħam.

[9] Il-proġetti tat-teknoloġiji tas-CCS jistgħu jintgħażlu mis-sena 2008 sas-sena 2012.

[10] Per eżempju, wara l-emendi għall-Protokoll ta' l-1996 dwar il-Konvenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis Marittimu mir-Rimi ta' l-Iskart u ta' Materjal Ieħor (il-"Protokoll ta' Londra"), intlaħaq ftehim f'Ġunju 2007 bejn il-partijiet li ffirmaw il-Konvenzjoni għall-Ħarsien ta' l-Ambjent Marittimu ta' l-Atlantiku tal-Majjistral ("il-konvenzjoni OSPAR") li permezz tiegħu jistgħu jitqiesu t-teknoloġiji tas-CCS taħt din il-Konvenzjoni.

[11] L-ETP-ZEP, l-IEA, l-i Stern Review (l-Analiżi ta' Stern), u oħrajn (l-IAES).

[12] Matul il-perjodu sa madwar is-sena 2020, l-ispejjeż dejjem jiżdiedu mġarrba mill-proġetti ta' turija kmieni tat-teknoloġiji tas-CCS ikunu jikkorrispondu ma' prezzijiet tas-CO2 li jkunu ferm ogħla (sa €70/tCO2).

[13] Il-kumpaniji ta' l-enerġija, il-fornituri tat-tagħmir u n-negozji taż-żejt/tal-gass ta' l-Ewropa kif ukoll l-NGOs huma involuti b'mod attiv fl-ETP-ZEP.

[14] Il-prijoritajiet għall-R&D Ewropew dwar it-teknoloġiji tas-CCS ġew identifikati abbażi ta' R&D appoġġat mill-UE u ta' għarfien u esperjenza fl-ETP-ZEP (l-IAES).

[15] L-IAES.

[16] Ir-Renju Unit, l-Olanda u n-Norveġja; f'fażi ta' tħejjija fil-Polonja, il-Ġermanja u Spanja.

[17] Ara l-IAES għal opinjoni preliminari dwar il-kriterji li għandhom jintużaw.

[18] B'mod partikulari, il-Grupp ta' Tmexxija tal-Komunità Ewropea dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija u s-Sistema għall-Informazzjoni dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija. Barra minn hekk, l-Alleanza għar-Riċerka tista' torganizza l-ħidmiet ta' l-R&D fl-oqsma relevanti li diġà jeżistu fl-Ewropa.

[19] Barra mill-impenn kontinwu tagħha maċ-Ċina (b'mod partikulari permezz tal-"Proġett għal Emissjonijiet Kważi Żero mill-Faħam - l-NZEC", wara s-sħubija ta' l-UE maċ-Ċina fl-2005 dwar it-tibdil fil-klima u l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat sussegwentement fl-2006), fl-2007 l-Kummissjoni qiegħdet ukoll il-pedamenti għall-kollaborazzjoni dwar it-teknoloġiji tas-CCS ma' l-Indja u ma' l-Afrika t'Isfel.

[20] It-tagħmir ta' impjant ġdid ta' l-enerġija bl-elementi meħtieġa għat-turija kmieni tal-katina kollha tal-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2 tfisser spejjeż dejjem jiżdiedu li jkunu jeħtieġu (għal impjant ta' 300MW) jew allokazzjoni tal-kapital addizzjonali ta' madwar €300-500m bil-quddiem jew inkella dħul addizzjonali kontinwu ta' €45-125m fis-sena tul kemm idum il-proġett.

[21] Waqt li ma kien hemm l-ebda ħidma favur il-"Faħam Nadif" fl-FP6, il-ħidma favur it-teknoloġiji tas-CCS kellha allokazzjonijiet ta' bejn il-€15 u l-€20m kull sena. Fl-FP7, l-allokazzjonijiet ikkombinati għall-ħidmiet favur il-"Faħam Nadif" u "t-teknoloġiji tas-CCS" se jużaw aktar mid-doppju ta' dak l-ammont. Barra minn hekk, parti mill-ammont annwali ta' madwar €9m allokati għar-riċerka marbuta mal-faħam mill-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar se tingħata għal R&D kumplimentari.

[22] Għalkemm l-ebda Stat Membru ma ħoloq dispożizzjonijiet speċifiċi fil-pjanijiet ta' ħidma tiegħu għall-perjodu mis-sena 2007 sas-sena 2013, xi għajnuna għall-impjanti ta' l-enerġija ta' turija tat-teknoloġiji tas-CCS tista' taqa' fi ħdan l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li huma ppjanati. Wara analiżi strateġika tal-programmi jista' jkun hemm ukoll opportunità li jiġu emedati sabiex ikopru dawn it-tipi ta' impjanti b'mod speċifiku.

[23] Wara l-perjodu ta' turija, it-teknoloġiji tas-CCS huma mistennija jikkompetu fi ħdan l-ETS fil-ġejjieni fuq bażi kummerċjali.

[24] KUMM(2008) XXX adottata fl-istess waqt.

[25] Il-linji ta' gwida jsemmu li l-użu tat-teknoloġiji tas-CCS fil-produzzjoni ta' l-enerġija, li sal-lum prattikament ma jeżistix, probabbilment se jkun limitat l-iktar għal proġetti ta' turija fl-għaxar snin li ġejjin. Sakemm il-proġetti ma jkunux suġġetti għal linji ta' gwida oħrajn dwar l-għajnuna mill-istat, il-Kummissjoni temmen li dikjarazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta' l-għadd limitat ta' każijiet ta' għajnuna mill-istat marbuta ma' dawn it-tipi ta' proġetti tista' tingħata l-aħjar direttament taħt id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni primarja Ewropea. L-Artikoli 87(3) (b) jew (c) u 88(3) tat-Trattat tal-KE.

[26] L-RSFF hija inizjattiva konġunta tal-BEI u l-Kummissjoni li għandha l-għan li tipprovdi finanzjament ta' riskju għal teknoloġiji ġodda u għal proġetti ta' implimentazzjoni ta' l-R&D.

[27] Fi żvilupp marbut ma' dan, il-BEI iffirma Kreditu ta’ Qafas rigward it-Tibdil fil-Klima maċ-Ċina fil-marġini ta' l-għaxar Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fit-28 ta' Novembru 2007, u qed jaħsibha jużahx sabiex jappoġġa t-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fiċ-Ċina, skond il-proposti mill-awtoritajiet Ċiniżi.