21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 311/13


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ

(2007/C 311/10)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA

1.

l-appell tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tar-Rebbiegħa 2000 sabiex jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ b'rispons għad-domanda ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien u ż-żieda fl-isfidi soċjo-ekonomiċi u demografiċi li qed jikkonfrontaw lill-Unjoni f'dinja globalizzata (1);

2.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona ta' Marzu 2002, li stabbilixxew il-mira ġenerali li jagħmlu lis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ Ewropej “referenza ta' kwalità dinjija sa l-2010” u li, fid-dawl ta' dak l-għan, endorsjaw sett ta' objettivi komuni għat-titjib ta' dawk is-sistemi (2);

3.

il-programm ta' ħidma dettaljat dwar is-segwitu ta' dawk l-objettivi komuni — ġeneralment imsejjaħ bħala l-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” — li inkluda lista indikattiva ta' indikaturi li għandhom jintużaw għall-kejl tal-progress lejn l-implimentazzjoni tat-tlettax-il objettiv konkret permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

4.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Mejju 2003, li stabbilixxew sett ta' livelli ta' referenza ta' ħidma medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (punti ta' referenza) li għandu jintuża bħala “wieħed mill-għodda għall-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dettaljat” (3);

5.

il-komunikazzjoni ta' Maastricht ta' l-14 ta' Diċembru 2004, fil-kuntest tal-proċess ta' Copenhagen, li għamel prijorità t-titjib ta' l-għan, il-preċiżjoni u l-affidabbiltà ta' l-istatistiċi VET, fejn argumenta li data u indikaturi adegwati huma ewlenin biex jinftiehem x'qed isir fil-VET u li interventi u teħid ta' deċiżjonijiet addizzjonali huma meħtieġa mill-partijiet kollha involuti (4);

6.

il-komunikazzjoni ta' Bergen tad-19-20 ta' Mejju 2005, fil-kuntest tal-proċess ta' Bologna, li talab għal data komparabbli dwar il-mobbiltà ta' persunal u studenti, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta' studenti fil-pajjiżi parteċipanti, bħala bażi għal rendikonti futuri (5);

7.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-24 ta' Mejju 2005, li stiednu lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta lura lill-Kunsill dwar “il-progress li sar lejn l-istabbiliment ta' qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza għal segwitu fuq l-objettivi ta' Lisbona fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ” (6);

8.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2006, li stiednu lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta lura lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta' Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (7);

9.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2006, li sejħu lill-Kummissjoni biex tiddedika “attenzjoni għall-iżvilupp tal-komponenti tal-VET fi ħdan il-qafas koerenti ta' l-indikaturi u l-punti ta' referenza”;

10.

il-messaġġi prinċipali tal-Kunsill fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007, li enfasizza li “l-linji politiċi u l-prattiki edukattivi jeħtieġu bażi aktar soda ta' evidenza” u li “jeħtieġ li tiġi żviluppata kultura ta' evalwazzjoni u riċerka” (8);

11.

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2007 intitolata “qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ”, li tipproponi 20 indikatur ċentrali li l-Kummissjoni tikkonsidra koerenti ma' l-objettivi ta' politika taħt il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” (9);

JIEĦU NOTA ta'

ir-rapport dwar il-progress li sar fl-iżvilupp ta' Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika, kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2007 bit-titolu “Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi” (10), inkluż l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura li, qabel rounds sussegwenti ta' testijiet, l-istħarriġ ikopri l-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE mgħallma fl-Unjoni Ewropea;

JIKKUNSIDRA li

il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” jikkostitwixxi l-qafas strateġiku għall-ħidma tal-Kunsill fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;

id-diskussjonijiet dwar orjentazzjonijiet ta' politika futuri b'segwitu għall-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” qegħdin issa jibdew u għandhom jiżdiedu fis-snin li ġejjin;

l-identifikazzjoni, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas koerenti ta' indikaturi huwa proċess għaddej, li jrid jiġi ssinkronizzat mal-qafas strateġiku previst mill-programm ta' ħidma 2010 u s-suċċessur eventwali tiegħu;

JAFFERMA MILL-ĠDID li

l-iżvilupp ta' indikaturi ġodda għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom u m'għandhomx jimponu piżijiet amministrattivi u finanzjarji żejda fuq l-organizzazzjoni u l-istituzzjonijiet ikkonċernati;

il-monitoraġġ perjodiku tal-prestazzjoni u l-progress permezz ta' l-użu ta' indikaturi u punti ta' referenza huwa parti essenzjali mill-proċess ta' Lisbona, li jippermetti li jiġu identifikati l-punti b'saħħithom u dgħajfa bil-ħsieb li tiġi pprovduta gwida strateġika għall-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”;

il-ħames punti ta' referenza adottati mill-Kunsill f'Mejju 2003 huma ta' rilevanza kontinwa fil-gwida ta' l-azzjonijiet ta' politika fil-programm ta' ħidma 2010;

hemm il-ħtieġa li titkompla tittejjeb il-kwalità tad-data prodotta mis-Sistema Statistika Ewropea, b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata data valida, komparabbli internazzjonalment u, fejn xieraq, data speċifika skond is-sessi;

hemm ħtieġa parallela li titkompla tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn attivi f'dan il-qasam, sabiex tittejjeb il-koerenza u l-komparabbiltà tad-data internazzjonali, biex tiġi evitata duplikazzjoni u tissodisfa l-ħtiġiet dwar id-data ta' l-UE li ma jistgħux jiġu sodisfatti fi ħdan is-Sistema Statistika Ewropea (ESS);

JIRRIKONOXXI

l-importanza ta' sforzi miftiehma u kontinwi sabiex jiġi żviluppat qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza f'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ” bħala pass importanti lejn l-istabbiliment ta' tali qafas;

li d-definizzjoni ta' qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza huwa proċess kontinwu u konsultattiv, rigward kemm is-selezzjoni ta' indikaturi ġodda kif ukoll id-definizzjoni ta' l-indikaturi konkreti individwali;

Għaldaqstant JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI

tagħmel użu minn, jew tiżviluppa ulterjorment, sittax mill-indikaturi ċentrali proposti, kif spjegat hawn taħt:

a)

fir-rigward ta' dawk l-indikaturi li jistgħu jiġu bbażati b'mod ġenerali fuq data eżistenti u li d-definizzjoni tagħhom diġà hija stabbilità b'mod wiesgħa,

li tagħmel użu sħiħ mill-indikaturi li ġejjin:

parteċipazzjoni f'edukazzjoni pre-skolastika,

dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien,

litteratiżmu fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza,

rati ta' żgħażagħ li jtemmu l-edukazzjoni superjuri,

gradwati fl-edukazzjoni ogħla,

parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja,

mobbiltà trans-nazzjonali ta' studenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla,

livell edukattiv tal-popolazzjoni,

u tirrapporta lura lill-Kunsill fil-każ ta' kwalunkwe żviluppi ġodda maġġuri;

b)

fir-rigward ta' dawk l-indikaturi li jistgħu jiġu bbażati b'mod ġenerali fuq data eżistenti u li d-definizzjoni tagħhom għadha teħtieġ aktar kjarifika,

li tissottometti lill-Kunsill, għal aktar konsiderazzjoni, informazzjoni dwar id-definizzjoni ta' l-indikaturi li ġejjin:

edukazzjoni għal dawk bi bżonnijiet speċjali,

ħiliet fit-TIK,

investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

inklużi l-kompożizzjoni, is-sorsi tad-data, l-ispejjeż u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħrajn tagħhom;

c)

fir-rigward ta' dawk l-indikaturi li għadhom fil-proċess ta' żvilupp f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn;

li ssegwi l-iżvilupp ta' l-indikaturi dwar:

ħiliet ċiviċi,

ħiliet ta' l-adulti,

żvilupp professjonali ta' l-għalliema u ta' min iħarreġ,

u li tirrapporta lura lill-Kunsill fi żmien debitu, b'mod partikolari dwar il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-kopertura ta' ħtiġijiet ta' data ta' l-UE;

d)

fir-rigward ta' dawk l-indikaturi li għadhom fil-proċess ta' żvilupp u li ser ikunu bbażati fuq stħarriġ ġdid ta' l-UE,

li teżamina aktar l-iżvilupp ta' l-indikaturi dwar:

ħiliet lingwistiċi,

ħiliet dwar kif wieħed jagħraf jitgħallem,

u li tirrapporta lura lill-Kunsill dwar ir-riżultati fi żmien debitu.

Qabel tkompli bi kwalunkwe stħarriġ ġdid relatat ma' l-indikaturi msemmija fit-taqsimiet ċ) u d) ta' hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapporti rilevanti lill-Kunsill għall-konsiderazzjoni. Dawn ir-rapporti għandhom ikopru l-aspetti li ġejjin, kif xieraq:

ir-rilevanza politika ta' l-indikaturi,

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta' kwalunkwe stħarriġ ġdid propost,

id-disponibbiltà u r-rilevanza ta' data eżistenti fil-livell nazzjonali,

il-komparabbiltà tad-data,

skeda ta' żmien għall-iżvilupp tal-ħidma li għandha ssir,

stima ta' l-infrastruttura meħtieġa għal tali ħidma ta' żvilupp u ġbir ta' data sussegwenti, kif ukoll ta' l-ispejjeż probabbli li ser jaqgħu fuq il-Komunità u fuq l-Istati Membri involuti,

strutturi xierqa ta' ġestjoni u ta' appoġġ, li jippermettu lill-Istati Membri jkunu involuti fil-ħidma metodoloġika u ta' żvilupp.

li tkompli l-ħidma tagħha dwar l-iżvilupp ta' qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza billi tagħmel użu mill-kompetenza esperta tal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Referenza, il-Bord Konsultattiv dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika u gruppi ta' esperti rilevanti oħrajn ta' rappreżentanti nazzjonali, u li tirrapporta lura b'mod regolari lill-Kunsill.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza, inkluż it-titjib tal-bażi statistika;

jaħdmu b'risq l-objettiv li l-indikaturi f'dak il-qafas għandhom ikopru l-Istati Membri kollha.


(1)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, Lisbona, 23-24 ta' Marzu 2000 (SN 100/00, paragrafu 2).

(2)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, Barċellona, 15-16 ta' Marzu 2002 (SN 100/02, paragrafu 43).

(3)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar livelli ta' referenza tal-ħidma medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Punti ta' referenza), ĠU C 134, 7.6.2003, p. 3.

(4)  Il-komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali dwar il-prijoritajiet futuri ta' kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (Proċess ta' Copenhagen), Maastricht, 14 ta' Diċembru 2004.

(5)  Il-komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej Responsabbli mill-Edukazzjoni Ogħla -“Il-Qasam ta' l-Edukazzjoni Ogħla Ewropea — ilħieq ta' l-objettivi” (Proċess ta' Bologna), Bergen, 19-20 ta' Mejju 2005, Bergen, 19-20 ta' Mejju 2005.

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-24 ta' Mejju 2005 dwar indikaturi ġodda fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ĠU C 141, 10.6.2005, p. 7.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika, ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1.

(8)  Kontribut tal-Kunsill (fil-qasam ta' l-edukazzjoni) lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, (dok. 5625/07, p. 3.)

(9)  (1) Parteċipazzjoni fl-edukazzjoni pre-skolastika; (2) Edukazzjoni għal dawk bi bżonnijiet speċjali; (3) Dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien; (4) Litteratiżmu fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza; (5) Ħiliet lingwistiċi; (6) Ħiliet fit-TIK; (7) Ħiliet ċiviċi; (8) Ħiliet dwar kif wieħed jagħraf jitgħallem; (9) Rati ta' żgħażagħ li jtemmu l-edukazzjoni superjuri; (10) Tmexxija ta' l-iskola; (11) Skejjel bħala ċentri ta' tagħlim lokali għal diversi għanijiet; (12) Żvilupp professjonali ta' l-għalliema u ta' min iħarreġ; (13) Stratifikazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ; (14) Gradwati fl-edukazzjoni ogħla; (15) Mobbiltà trans-nazzjonali ta' studenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla; (16) Parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja; (17) Ħiliet ta' l-adulti; (18) Livell edukattiv tal-popolazzjoni; (19) Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ; (20) Nies li jerġgħu jibdew jitgħallmu u jitħarrġu.

(10)  Dok. 8387/07 — COM (2007) 184 finali.