52007PC0698




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.11.2007

KUMM(2007) 698 finali

2007/0248 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

(preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2007) 1472}{SEG(2007) 1473}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

- Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-iżgurar ta' livell għoli ta' ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-utenti, inklużi d-dritt għall-privatezza u l-ħarsien tad-dejta fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, huwa wieħed mill-elementi kruċjali ta' Soċjetà ta' l-Informazzjoni inklussiva, li jippermetti l-iżvilupp mingħajr intoppi u l-adozzjoni fuq skala wiesgħa ta' servizzi u applikazzjonijiet innovattivi ġodda. Il-qafas ta' l-UE għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa msejjes fuq il-premessa li suq miftuħ u kompetittiv joffri l-aħjar mezzi għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u l-għażla ta' l-utent. Madankollu, fuq il-bażi ta' l-għarfien li l-kompetizzjoni weħidha tista' ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-ħtiġiet taċ-ċittadini kollha u biex tħares id-drittijiet ta' l-utenti, l-approċċ imsejjes fuq il-kompetizzjoni adottat fil-qafas huwa kkumplimentat minn dispożizzjonijiet speċifiċi li jħarsu s-servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti, kif ukoll il-ħarsien tad-dejta personali.

Din il-proposta hija waħda minn tliet proposti ta' riforma leġiżlattiva biex jiġi emendat il-qafas regolatorju attwali. Din il-proposta ta' riforma leġiżlattiva tkopri tibdiliet fid-Direttiva Servizz Universali[1] u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika[2]. It-tieni proposta ta' riforma leġiżlattiva[3] tkopri tibdiliet fit-tliet direttivi l-oħra. Din hi kkomplimentata mit-tielet proposta leġiżlattiva biex tinħoloq Awtorità tas-Suq Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (minn hawn 'il quddiem, “l-Awtorità”)[4]. It-tliet proposti leġiżlattivi huma akkumpanjati minn Valutazzjoni ta' l-Impatt[5] u Komunikazzjoni li tiffissa l-linji politiċi ewlenin u li tirrapporta dwar il-konsultazzjoni pubblika[6].

Il-proposta ta' riforma leġiżlattiva attwali tadatta l-qafas regolatorju billi ssaħħaħ ċerti drittijiet tal-konsumaturi u l-utenti (b'mod partikolari bil-għan li ttejjeb l-aċċessibbiltà u tippromwovi Soċjetà ta' l-Informazzjoni inklussiva), u billi tiżgura li l-komunikazzjonijiet elettroniċi huma affidabbli, siguri u ta' min jorbot fuqhom kif ukoll jipprovdu livell għoli ta' ħarsien tad-dejta personali u l-privatezza ta' l-individwi. Il-proposta ma tbiddilx l-ambitu jew il-kunċett attwali tas-servizz universali fl-UE, li ser ikunu s-suġġett ta' konsultazzjoni separata fl-2008. Hija konformi mal-Programm ta' Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, li hu mfassal biex jiġi żgurat li l-interventi leġiżlattivi jibqgħu proporzjonati ma’ l-għanijiet politiċi segwiti, u tifforma parti mill-istrateġija globali tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ is-suq intern u tintlaħaq it-totalità tiegħu.

B'mod aktar speċifiku, l-għanijiet tal-proposta attwali huma tnejn:

1. Li jissaħħu u jittejbu l-ħarsien tal-konsumatur u d-drittijiet ta' l-utenti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz – fost aspetti oħra – tal-forniment lill-konsumaturi b’aktar informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-forniment, u permezz ta' l-iffaċilitar ta' l-aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-użu tagħhom, inklużi s-servizzi ta' emerġenza, għall-utenti b'diżabbiltà; kif ukoll

2. Li jitkabbar il-ħarsien tad-dejta personali u tal-privatezza ta' l-individwi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari permezz ta' tisħiħ tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà u mekkaniżmi ta' rinfurzar imtejba.

- Kuntest ġenerali

Bħala parti mill-istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, f'Ġunju ta' l-2005 l-Kummissjoni pproponiet strateġija ġdida – l-inizjattiva i2010: Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi – li tistabbilixxi orjentament politiku wiesa' għall-promozzjoni ta' ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva. Il-ħolqien ta' Spazju Uniku Ewropew ta' Informazzjoni, li huwa wieħed mill-pilastri ewlenin ta' l-inizjattiva i2010, jinkludi r-riforma ta' qafas regolatorju bħala waħda mill-isfidi prinċipali tiegħu, b'enfażi partikolari fuq is-sigurtà u l-ħarsien tad-dejta personali u tal-privatezza. Barra dan, il-garanzija ta' livell xieraq ta' forniment ta' servizz universali hi kruċjali għall-kisba ta' Soċjetà ta' l-Informazzjoni inklussiva.

F'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, il-qafas jipprovdi għal eżaminar fuq bażi perjodika biex ikun żgurat li jinżamm il-pass ma' l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Fid-29 ta' Ġunju ta' l-2006, il-Kummissjoni ppreżentat rapport[7] lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif kien qed jiffunzjona l-qafas regolatorju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-Rapport innota li l-qafas kien irrenda għadd ġmielu ta' benefiċċji għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, u l-impriżi f'termini ta' għażla aħjar, prezzijiet irħas u innovazzjoni akbar, imma kien għad hemm lok għal titjib fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi u s-sigurtà biex ikun żgurat li jibqa’ jinżamm il-pass ma' l-iżviluppi teknoloġiċi u li dan il-qafas jibqa' effettiv għall-għaxar snin li ġejjin.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-għan ta' din il-proposta hu li jiġu emendati żewġ Direttivi: id-Direttiva Servizz Universali u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika.

- Konsistenza ma' setturi politiċi u għanijiet oħra ta' l-Unjoni

Id-Direttiva Servizz Universali tistipula miżuri speċifikament relatati mas-settur li jikkomplimentaw leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur. Id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika tikkomplimenta d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta permezz ta' l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta' konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tar-rispondenti

Is-servizzi tal-Kummissjoni nidew konsultazzjoni f'żewġ fażijiet li bdiet fl-aħħar ta' l-2005. L-ewwel fażi kienet tinkludi sejħa għall-kontributi; din is-sejħa involviet smigħ pubbliku li fih ipparteċipaw 'il fuq minn 440 ruħ (dan is-smigħ sar f'Jannar ta' l-2006) u l-partijiet interesati ppreżentaw madwar 160 sottomissjoni. Fis-sejħa għall-kontributi, il-partijiet interessati ġew mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar temi ġenerali relatati mar-relogamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dawn il-fehmiet ġew ikkunsidrati fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju ta' l-2006 dwar l-Eżami[8], u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal maħruġ fl-istess ħin flimkien mal-Valutazzjoni ta' l-Impatt. Il-pubblikazzjoni ta' dawn id-dokumenti nidiet it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, li damet għaddejja sa Ottubru ta' l-2006. Ġie organizzat werkxop pubbliku f'Ottubru ta' l-2006 biex il-partijiet interessati jingħataw opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar id-dokumenti tal- konsultazzjoni. Inġabar total ta' 224 tweġiba mingħand firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, kemm mill-UE kif ukoll minn barra l-Unjoni. Waslu kummenti bil-miktub mingħand 52 assoċjazzjoni industrijali, 12-il assoċjazzjoni kummerċjali u għaqdiet tal-ħaddiema, u 15-il assoċjazzjoni ta' l-utenti, kif ukoll mingħand 18-il Stat Membru u l-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (ERG).

Sommarju tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati

B'mod ġenerali, il-proposti magħmula fil-qasam tas-Servizz Universali kienu sostnuti minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur u mill-ERG, kif ukoll mill-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Mill-banda l-oħra, l-operaturi ġeneralment kienu favur metodi awtoregolatorji u koregolatorji. B'mod partikolari, dan kien il-każ fir-rigward tat-titjib fit-trasparenza tat-tariffi u l-iffaċilitar ta' l-użu tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u t-tagħmir tas-servizzi ta' emerġenza għall-utenti b'diżabbiltà u l-aċċess għal dawn is-servizzi ta' emerġenza minn dawn l-utenti.

Fir-rigward tal-proposti biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, is-sottomissjonijiet juru appoġġ qawwi għall-għanijiet globali, imma l-opinjonijiet żvelati kellhom differenzi sottili fir-rigward tal-mezzi proposti għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. F’sens ġenerali, l-Istati Membri esprimew appoġġ kawt għall-proposti tal-Kummissjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kienu wkoll favur u l-Awtoritajiet tal-Ħarsien tad-Dejta kienu tal-fehma li l-proposti tal-Kummissjoni mhux dejjem kienu jkopru ambitu wiesa’ biżżejjed. Mill-banda l-oħra, l-industrija xaqilbet lejn alternattivi li ma kinux jinvolvu interventi regolatorji. Fil-proposta attwali r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika ġew ikkunsidrati.

- Ġbir u użu ta' kompetenza

Oqsma xjentifiċi u oqsma ta’ kompetenza kkonċernati

L-istudju “Preparing the next steps in regulation of electronic communications — a contribution to the review of the electronic communications regulatory framework” (“Inħejju għall-fażijiet li jmiss fir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — kontribuzzjoni għall-eżaminar tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”) (Hogan & Hartson, Analysys), 2006

Sommarju tal-pariri mogħtija u użati

L-istudju jikkonferma l-validità ġenerali li għandu l-qafas regolatorju, l-għanijiet tiegħu u l-approċċ globali. Madankollu, dan l-istudju indika l-ħtieġa ta’ għadd ta’ aġġustamenti li jridu jsiru f’ċerti oqsma.

L-istudju eżamina l-miżuri li jħarsu d-drittijiet ta’ l-utenti, kif ukoll il-privatezza, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni on-line. L-istudju joffri għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għall-bidla, inklużi t-titjib fit-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni għall-utenti finali, l-introduzzjoni ta’ notifika dwar ksur ta’ sigurtà skond id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, u d-dritt espliċitu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu linji gwida għas-sigurtà.

Mezzi użati biex il-pariri ta’ l-esperti jkunu disponibbli għall-pubbliku

L-istudju huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/ext_studies/index_en.htm#2006

- Valutazzjoni ta’ l-impatt

Ir-rapport tal-valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ Ġunju ta’ l-2006 jipprovdi analiżi inizjali ta’ għadd ta’ għażliet politiċi wiesgħa. Din l-analiżi ġiet raffinata wara li saret konsultazzjoni pubblika. It-tieni valutazzjoni ta’ l-impatt ippubblikata flimkien mal-proposta attwali tiffoka fuq għażliet aktar speċifiċi għal dawk il-proposti li l-effetti tagħhom huma l-iżjed effettivi.

Il-gruppi l-aktar effettwati mit-tibdiliet proposti huma l-impriżi, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iċ-ċittadini u s-soċjetà Ewropea b’mod ġenerali, għaliex dawn kollha huma utenti tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan il-grupp ta’ partijiet interessati mhux omoġenju u ħafna drabi l-membri tiegħu jkollhom interessi kunfliġġenti. Il-partijiet ewlenin effettwati mill-proposti attwali huma l-fornituri tas-servizzi u l-operaturi tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs).

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm#communication_review

3. Elementi legali tal-proposta

- 305 Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Il-mira tal-proposta hi li temenda d-Direttiva Servizz Universali eżistenti u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika.

L-emendi ewlenin proposti għad- Direttiva Servizz Universali huma dawn li ġejjin:

- it-titjib fit-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni għall-utenti finali;

- l-iffaċilitar ta’ l-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-utenti b’diżabbiltà u ta’ l-aċċess għalihom minn dawn l-utenti;

- l-iffaċilitar ta' bdil minn fornitur għal ieħor mill-utenti permezz, fost ħwejjeġ oħra; dispożizzjonijiet imsaħħa fuq il-portabbiltà tan-numri;

- it-titjib fl-obbligi relatati mas-servizzi ta’ emerġenza;

- l-iżgurar ta’ konnettività bażika u l-kwalità tas-servizz; kif ukoll

- l-immodernizzar ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva biex tintlaħaq konformità ma’ l-iżviluppi fit-teknoloġija u s-suq, inkluż it-tħassir ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet li għadda żmienhom jew li m’għadx hemm bżonnhom.

Fir-rigward tad- Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi , il-proposti prinċipali huma dawn li ġejjin:

- l-introduzzjoni ta' notifika obbligatorja ta' ksur fis-sigurtà li jirriżulta mit-telf jew il-kompromess tad-dejta personali ta' l-utenti;

- it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati mas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, li jrid jiġi adottat f'konsultazzjoni ma' l-Awtorità;

- it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni u infurzar biex jiġi żgurat li jkun hemm miżuri disponibbli biżżejjed fuq il-livell ta' l-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-ispam;

- l-iċċarar li d-Direttiva tapplika wkoll għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-dejta u t-tagħmir ta' identifikazzjoni (inkluż tagħmir bla kuntatt bil-wajer bħat-Tagħmir ta' Identifikazzjoni permezz ta' Frekwenza tar-Radju);

- l-immodernizzar ta' ċerti dispożizzjonijiet li għadda żmienhom, inkluż it-tħassir ta' xi dispożizzjonijiet skaduti jew li m’għadx hemm bżonnhom.

- Bażi ġuridika

L-Artikolu 95 KE320

- Prinċipju ta' sussidjarjetà

L-azzjoni proposta tinvolvi l-emendar tal-qafas regolatorju eżistenti ta' l-UE u b'hekk tikkonċerna qasam li fih il-Komunità diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha. Għalhekk il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Il-mudell regolatorju tal-qafas huwa msejjes fuq il-prinċipju ta' regolamentazzjoni deċentralizzata fl-Istati Membri, biex l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw ir-responsabbiltà tas-sorveljanza tas-swieq nazzjonali skond għadd komuni ta' prinċipji u proċeduri.

- Prinċipju ta' proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità fis-sens li tistabbilixxi livell minimu ta' armonizzazzjoni filwaqt li tħalli d-definizzjoni tal-miżuri implimentattivi f'idejn l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Meta jkun meħtieġ livell ta' armonizzazzjoni ogħla, titfassal dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tadotta miżuri implimentattivi tekniċi dettaljati. Dan l-approċċ jippermetti li r-regolamentazzjoni ex ante tkun flessibbli biżżejjed biex twieġeb fuq bażi kontinwa għall-bidliet fis-settur fir-rigward tat-teknoloġija u s-suq filwaqt li jkunu rrispettati l-għanijiet u l-prinċipji definiti mil-leġiżlatur.

L-emendi proposti ma jmorrux lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' regolamentazzjoni aħjar tas-settur u l-iżgurar ta' livell għoli ta' ħarsien tad-drittijiet ta' l-utenti. Dawn l-emendi jikkonformaw mal-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE.

- Għażla ta' strumenti

L-istrument propost: Direttiva.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba li l-għan ta' din il-proposta hu li temenda żewġ direttivi eżistenti.

4. Implikazzjoni għall-baġit

Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

5. Informazzjoni ulterjuri

- Simplifikazzjoni

Il-proposta attwali tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi permezz tat-tneħħija ta' xi dispożizzjonijiet skaduti, bħall-obbligu biex jiġi determinat għadd minimu ta' linji mikrija u obbligi oħra taħt il-qafas preċedenti (it-tariffi bl-imnut, l-għażla jew l-għażla preliminari ta' l-operatur). Simplifikazzjonijiet oħra jiddaħħlu għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li ma jkunux iżjed obbligati li jissottomettu informazzjoni dwar il-kontrolli fuq is-suq li jkunu ġew applikati u dwar is-sistemi ta' kontabbiltà ta' l-ispejjeż użati mill-impriżi kkonċernati.

Barra minn hekk, qed jiġi propost li għandhom jitħassru dispożizzjonijiet skaduti oħrajn bħal mhuma, pereżempju, il-miżuri għall-iffaċilitar tat-tranżitu bejn il-qafas il-"antik" ta' l-1998 u l-qafas ta' l-2002.

Il-proposta attwali hija inkluża fil-programm tal-Kummissjoni li jinsab għaddej għall-aġġornar u s-simplifikazzjoni ta' l-acquis communautaire u l-Programm ta' Ħidma u Leġiżlazzjoni skond ir-referenza 2007/INFSO/001.

- Tħassir ta' leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/548/KE ta' l-24 ta' Lulju ta' l-2003 dwar l-għadd minimu ta' linji mikrija b'karatteristiċi armonizzati u standards assoċjati msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva Servizz Universali)[9].

- Klawżola ta’ eżaminar/reviżjoni/estinzjoni

Id-Direttivi li jridu jiġu emendati diġà jinkludu klawżola ta' eżaminar regolari.

- Tabella ta' korrelazzjoni

L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

- Żona Ekonomika Ewropea

L-Att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għaldaqstant għandha testendi għaż-Zona Ekonomika Ewropea.

- Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Artikolu 1: tibdiliet fid-Direttiva dwar Servizz Universali

Il-miri tat-tibdiliet proposti huma dawn li ġejjin:

It-titjib fit-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni lill-utenti

Fl-Artikolu 21, il-paragrafi (2) sa (6): il-mira hi li tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi billi jiġi impost fuq l-operaturi l-obbligu biex jippubblikaw informazzjoni komparabbli, adegwata u aġġornata f'forma li tkun aċċessibbli faċilment (il-paragrafu 2) u billi l-partijiet terzi jitħallew jużaw it-tariffi li jkunu pubblikament disponibbli (pereżempju, bil-għan li jinbiegħu jew li jintgħamlu disponibbli gwidi interattivi) u l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jagħmlu dawn il-gwidi disponibbli meta dawn ma jkunux disponibbli fis-suq (il-paragrafu 3). L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw is-setgħa li jeżiġu trasparenza akbar fit-tariffi mingħand l-operaturi (il-paragrafu 4) kif ukoll informazzjoni ċara dwar il-possibbiltà ta' restrizzjonijiet fl-aċċess għat-tipi kollha ta' kontenut u applikazzjonijiet (il-paragrafu 5). Il-possibbiltà għall-Kumissjoni li tieħu miżuri implimentattivi hija intiża biex fejn xieraq ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam (il-paragrafu 6).

L-iffaċilitar ta' l-użu tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi minn utenti b'diżabbiltà u ta' l-aċċess għal dawn il-Komunikazzjonijiet minn dawn l-utenti

Fl-Artikolu 7: dan jissostitwixxi l-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi għall-benefiċċju ta’ l-utenti b'diżabbiltà b’obbligu espliċitu biex jieħdu dawn il-miżuri.

Fl-Artikolu 22: dan jestendi s-setgħat ta' l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali biex ikunu jistgħu jeżiġu mingħand l-operaturi l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom u l-inklużjoni wkoll ta' aċċess ekwivalenti għall-utenti finali b'diżabbiltà.

Fl-Artikolu 26(4): dan jimponi fuq l-Istati Membri obbligu biex jiżguraw li utenti finali b'diżabbiltà jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi ta' emerġenza bil-għan li jintlaħaq livell sħiħ ta' komunikazzjonijiet elettroniċi inklużivi.

Fl-Artikolu 33: dan jipprovdi għal mekkaniżmu Komunitarju biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati ma' Aċċessibbiltà Elettronika sabiex jiġi żgurat li utenti b'diżabbiltà jkollhom aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi daqs kemm għandhom utenti finali oħra (il-paragrafu 4). Il-paragrafu 3 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Awtorità informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u l-proġess miksub fit-triq lejn Aċċessibbiltà Elettronika (eAccessibility).

Titjib fl-obbligi fir-rigward tal-lok ta’ min jagħmel is-sejħa f'konnessjoni ma' servizzi ta' emerġenza

Fl-Artikolu 26: dan jimmodernizza d-Direttiva b'mod li jkunu jistgħu jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq sabiex ikun żgurat li l-utenti ta' servizz li joffri sejħiet 'il barra jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi ta' emerġenza (il-paragrafu 2) u sabiex jissaħħaħ l-obbligu biex l-informazzjoni tkun mgħoddija lill-awtoritajiet ta' l-emerġenza (il-paragrafu 5). Il-possibbiltà għall-Kumissjoni li tieħu miżuri implimentattivi, fil-paragrafu 7, hija intiża biex fejn xieraq ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam.

Aċċess bażiku u kwalità ta' servizz (“newtralità netta u libertajiet”)

Fl-Artikolu 20(5): dan jipprovdi għal mekkaniżmu ta' trasparenza li jikkonċerna restrizzjonijiet possibbli fejn għandha x'taqsam l-għażla ta' l-utenti finali fir-rigward ta' kontenut u applikazzjoni legali sabiex tingħata s-setgħa lill-utent finali biex jagħmel għażla infurmata bejn servizz u ieħor ħalli b'hekk ikun jista' jikseb il-benefiċċji sħaħ ta' l-iżviluppi teknoloġiċi fis-settur tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni.

Fl-Artikolu 22: dan jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex iħarsu kontra d-degradazzjoni fil-kwalità tas-servizz billi jiġu ffissati livelli minimi ta' kwalità għas-servizzi ta' trażmissjoni netwerkjati għall-utenti finali. Il-possibbiltà għall-Kumissjoni li tieħu miżuri implimentattivi hija intiża biex fejn xieraq ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam (il-paragrafu 3).

Drittijiet oħra tal-konsumaturi u l-utenti

Fl-Artikolu 9: dan jippermetti li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jissorveljaw it-tariffi bl-imnut jekk l-ebda impriżi ma jkunu ġew maħtura bħala fornituri ta' servizz universali u jiċċara l-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' l-għażliet ta' tariffi speċjali. Id-diżabbiltà hi magħduda bħala kriterju fil-paragrafu 3.

Fl-Artikolu 20(2)(h): dan jiżgura li l-kuntratti tal-konsumaturi jipprovdu mqar minimu ta' informazzjoni dwar is-sigurtà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fl-Artikolu 20(4): dan jiżgura li l-klijenti jkunu infurmati kif xieraq mill-fornitur tagħhom tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi dwar jekk huwiex ipprovdut aċċess għas-servizzi ta' emerġenza jew le.

Fl-Artikolu 20(6): dan jiżgura li l-utenti finali jkunu infurmati b’mod ċar minn qabel dwar l-iffinalizzar tal-kuntratti (u regolarment wara) bl-obbligi tagħhom biex iħarsu d-dritt ta’ l-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll l-atti ta’ ksur l-aktar komuni u l-konsegwenzi legali tagħhom. Dan hu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku[10].

Fl-Artikolu 27(2) u (3): dan jimmira għal tisħiħ fl-iżvilupp ta' l-Ispazju Ewropew tan-NumerazzjoniTelefonika (ETNS) li joffri opportunità għall-iżvilupp ta' servizzi pan-Ewropej.

Fl-Artikolu 28(1) u (2): dan jirfed l-aċċess għal servizzi transkonfinali u b'hekk jikkontribwixxi għat-tkomplija tas-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-impriżi.

Fl-Artikolu 30: sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-portabbiltà tan-numri, id-dritt għall-portabbiltà tan-numri m'għadux aktar limitat għas-servizzi telefoniċi disponibbli pubblikament (PATS), imma minflok dan intrabat mad-dritt għal numri mill-pjani nazzjonali ta' numerazzjoni. Minbarra dan, il-limitu massimu ta' żmien għall-portabbiltà reali tan-numri ġie stipulata għal tul ta' jum tax-xogħol. Il-paragrafu 4 jintroduċi proċedura li tippermetti aġġustamenti għal żviluppi teknoloġiċi ġejjiena. Dan hu kkomplimentat b'emendi għall-Anness I, Parti C. Barra dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jridu jiggarantixxu li ma tinqatax qalb il-konsumaturi meta jiġu biex jibdlu minn fornitur tas-servizz għal fornitur ieħor meta dan ikun fl-interess tagħhom.

Fl-Artikolu 31: sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-"obbligi ta' ridiffużjoni" (must carry) huma proporzjonati u adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, dan isaħħaħ l-obbligu ta' l-Istati Membri biex jeżaminawhom u jiġġustifikawhom.

Fl-Artikolu 33: is-subparagrafu l-ġdid jimmira lejn assigurazzjoni li l-interessi tal-konsumaturi jkunu kkunsidrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Aġġustamenti tekniċi fid-diċitura tad-Direttiva

Fl-Artikolu 1(1): dan jirrifletti l-fatt li ċerti aspetti tat-tagħmir terminali huma koperti mill-qafas. Dan hu konformi mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-użu tagħhom, inkluż it-tagħmir terminali, għall-utenti b'diżabbiltà.

Fl-Artikolu 2(c): jiċċara d-definizzjoni ta' servizz telefoniku disponibbli pubblikament (PATS). Dan hu konformi ma' l-emenda għall-Artikolu 26, billi l-obbligu ta' servizzi ta' emerġenza hu impost biss fuq ċerti fornituri. Barra dan, ġie ċċarat li, meta l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza huwa obbligatorju, l-utenti jistgħu jċemplu bla ħlas fuq in-numru “112” u mingħajr ma jeħlu ebda forma ta’ ħlas.

Fl-Artikolu 4: dan jagħmel aġġustament tekniku għall-formulazzjoni ta' servizz universali billi jifred l-aċċess mill-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan ma jeffettwax l-ambitu jew il-forniment ta' servizz universali għall-konsumaturi u l-utenti finali.

Fl-Artikolu 8(3): dan jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jivvalutaw l-effetti ta' kull trasferiment ta’ netwerk ta' aċċess lokali għal entità legali separata intiż mill-fornitur ta’ servizz universali.

Fl-Artikolu 23: din l-emenda hi konformi ma' l-introduzzjoni ta' kapitolu speċifiku dwar is-sigurtà fid-Direttiva Qafas 2002/21/KE.

Fl-Artikolu 26(1): din l-emenda hi konformi mat-tibdil fl-Artikolu 2(c).

Fl-Artikolu 37: il-proċedura tal-Kumitat hi aġġornata biex tirrifletti l-emendi għad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin ġew emendati sabiex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq:

- L-Artikoli 20(2) u (3)

- L-Artikolu 25

- L-Artikoli 27(1) u (2)

- L-Artikolu 29

- L-Artikolu 34

- L-Annessi I, II u III[11].

Tħassir ta’ dispożizzjonijiet skaduti jew qodma

Fl-Artikolu 1(2): ir-referenza għall-forniment bl-imnut ta' linji mikrija hija skaduta u għaldaqstant ġiet imħassra (ara t-tibdil fl-Artikolu 18 hawn taħt).

Fl-Artikolu 2(b): id-definizzjoni ġiet imħassra għaliex m'għadhiex aktar meħtieġa.

L-Artikolu 16 jitħassar għaliex dan jikkonċerna l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri biex tiġi ffaċilitata t-tranżazzjoni mill-pakkett regolatorju ta' l-1998 għall-qafas ta' l-2002, li issa huma obbligi skaduti.

L-Artikolu 17(3) jitħassar għax m’għadx hemm bżonnu. Din l-informazzjoni hija pprovduta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skond il-“proċedura ta’ l-Artikolu 7”. Barra dan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissottometti talbiet raġunati lill-aworitajiet regolatorji nazzjonali għall-informazzjoni (l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Qafas 2002/21/KE).

L-Artikolu 18 jitħassar għaliex mhemmx aktar il-ħtieġa li jinżamm l-obbligu għal għadd minimu ta’ linji mikrija. Dan l-obbligu kien iġġustifikat fiż-żmien meta kien daħal fis-seħħ il-qafas ta’ l-2002 minħabba li f’dak iż-żmien is-suq ma kienx għadu kompetittiv biżżejjed. Din l-emenda toħloq il-ħtieġa tat-tħassir ta’ l-Anness VII, kif ukoll ta’ aġġustament żgħir għall-Artikolu 35.

L-Artikolu 19 jitħassar għax m’għadx hemm bżonnu. Dan l-Artikolu kien inkluż fid-Direttiva Universali sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżazzjoni mill-qafas regolatorju l-qadim ta’ l-1998 għall-qafas ta’ l-2002. L-għażla ta’ l-operatur u l-għażla minn qabel ta’ l-operatur huma wieħed mill-obbligi li jista’ jiġi impost mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq l-operaturi ta’ saħħa kbira fis-suq. Huwa aktar xieraq li obbligi ta’ aċċess ta’ din ix-xorta jkunu ttrattati skond id-Direttiva dwar l-Aċċess 2002/19/KE.

Artikolu 2: tibdiliet fid-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika

Il-miri tat-tibdiliet proposti huma dawn li ġejjin:

Notifika ta’ ksur ta’ sigurtà minn operaturi tan-netwerks u Fornituri ta’ Servizz ta’ l-Internet (ISPs)

Fl-Artikolu 4(3): dan jiżgur li l-utenti finali jkunu nnotifikati dwar il-ksur ta’ sigurtà li jwassal għat-telfien tad-dejta personali tagħhom jew li din tiġi kompromessa bi kwalunkwe mod ieħor, u li jkunu infurmati dwar prekawzjonijiet disponibbli jew rakkomandabbli li jistgħu jieħdu biex jimminimizzaw il-possibbilta’ ta’ telf ekonomiku jew ħsara soċjali li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta’ dan it-tip.

Fl-Artikolu 4(4): dan jiżgura livell minimu ta’ armonizzazzjoni billi jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà, fejn ikun xieraq, li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi fl-oqsma tas-sigurtà u n-notifika ta’ ksur, fuq il-bażi ta’ pariri esperti mill-Awtorità.

Mekkaniżmi ta’ infurzar imtejba

Fl-Artikolu 13(6): dan jintroduċi l-possibbiltà partikolarment għall-Fornituri ta’ Servizz ta’ l-Internet li jieħdu azzjoni legali kontra min jispammja; din l-azzjoni għandha tiżviluppa fi strument importanti għall-ġlieda fl-Ewropa kontra komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba.

Fl-Artikolu 15a: dan itejjeb il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u infurzar li jinsabu attwalment stabbiliti, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effikaċi u effiċjenti kontra l-infrazzjonijiet. Sabiex tiżgura kundizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi ta’ dejta transkonfinali, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi f’dan il-qasam, fuq il-bażi ta’ pariri esperti mill-Awtorità.

Aġġustamenti tekniċi fid-diċitura tad-Direttiva

Fl-Artikolu 2(e): dan jadatta d-definizzjoni “sejħa” sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-Qafas Regolatorju kollu kemm hu.

Fl-Artikolu 3(1): dan jagħmilha ċara li d-Direttiva tapplika għan-netwerks tal-komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-dejta u t-tagħmir ta’ identifikazzjoni (inkluż tagħmir mingħajr kuntatt bil-wajer bħal mhu t-Tagħmir ta’ Identifikazzjoni permezz ta’ Frekwenza tar-Radju).

Fl-Artikolu 5(3): dan jiżgura li l-użu ta’ “spyware” u softwer malizzjuż ieħor jibqa’ pprojbit skond il-liġi tal-KE, ikun liema jkun il-metodu li jintuża għat-trażmissjoni u l-installazzjoni tiegħu fuq l-apparat ta’ l-utent (id-distribuzzjoni permezz ta’ dawnlowds mill-Internet jew permezz ta’ midja esterna tal-ħżin tad-dejta, bħal CD-ROMs, stikek USB, flash drives eċċ.).

Fl-Artikolu 14a: dan jintroduċi dispożizzjoni standard għall-proċedura tal-Kumitat.

Tħassir ta’ dispożizzjonijiet skaduti jew qodma

L-Artikolu 3(2) u (3) tħassru għaliex m’għadx hemm bżonnhom. Minħabba l-progress teknoloġiku, l-eċċezzjonijiet iġġustifikati minn impossibbiltà teknika jew sforz ekonomiku sproporzjonat ser jisfaw skaduti sakemm l-emendi attwali jsiru effettivi.

Artikolu 3: emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

Rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi mill-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba (spam), dan jemenda r-Regolament KE 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi[12]) sabiex tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni u l-infurzar transkonfinali konformi mal-mekkaniżmu Komunitarju eżistenti stabbilit minn dak ir-Regolament.

2007/0248 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [13],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[15],

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[16],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[17],

Billi:

(1) L-applikazzjoni tal-ħames Direttivi 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu ta' l-2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess)[18], 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu ta' l-2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)[19], 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu ta' l-2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)[20], 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu ta' l-2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)[21] u 2002/58 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju ta' l-2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)[22] li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju eżistenti għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, hija suġġetta għal eżaminar perjodiku mill-Kummissjoni, bil-għan, b'mod partikolari, li tiġi ddeterminata l-ħtieġa ta' tibdil fid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(2) F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat is-sejbiet tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta' Ġunju ta' l-2006 dwar l-Eżami tal-Qafas Regolatorju ta' l-UE għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(3) Ir-riforma tal-qafas regolatorju ta' l-UE għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi d-definizzjoni ta' strateġija effiċjenti għall-ġestjoni ta' l-ispektrum u r-rinfurzar ta' dispożizzjonijiet għall-utenti b'diżabbiltà, tirrappreżenta pass prinċipali lejn il-kisba ta' Spazju Ewropew Uniku ta' l-Informazzjoni u fl-istess ħin soċjetà ta' l-ta' l-informazzjoni inklussiva. Dawn l-għanijiet huma inklużi fil-qafas strateġiku għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni kif deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' “i2010 — Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg.”

(4) Għaċ-ċarezza u s-sempliċità, l-att preżenti jittratta biss dwar l-emendi għad-Direttivi 2002/22/KE u 2002/58/KE.

(5) Id-definizzjonijiet għandhom jiġu aġġustati sabiex ikunu konformi mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u sabiex iżommu l-pass ma' l-iżvilupp teknoloġiku. B'mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-forniment ta' servizz għandhom jinfirdu mill-elementi definizzjonali attwali ta' servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli, jiġifieri servizz li hu disponibbli għall-pubbliku u li bih il-klijenti jistgħu jagħmlu jew jirċievu sejħiet nazzjonali u/jew internazzjonali direttament jew indirettament permezz ta' għażla jew għażla minn qabel ta' operatur jew permezz ta' bejgħ mill-ġdid, fuq numru jew numri fi pjan ta' numerazzjoni telefoniku internazzjonali. Servizz li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet kollha mhux servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli.

(6) Hu meħtieġ li tiġi ċċarata l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet biex jitqiesu sitwazzjonijiet li fihom fornitur ta' servizz ibiegħ mill-ġdid jew joħloq marka ġdida għal servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti minn impriża oħra.

(7) Bħala riżultat ta' l-evoluzzjonijiet teknoloġiċi u fis-suq, in-netwerks qed jersqu dejjem eqreb lejn it-teknoloġija magħrufa bħala "Protokoll ta' l-Internet" (IP) u għall-konsumaturi dejjem qed tikber l-għażla li jistgħu jagħmlu bejn firxa ta' fornituri ta' servizzi vokali jikkompetu ma' xulxin. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jisseparaw l-obbligi ta' servizz universali għall-forniment ta' konnessjoni ma' netwerk pubbliku ta' komunikazzjonijiet f'post fiss mill-forniment ta' servizz telefoniku li jkun pubblikament disponibbli (inklużi sejħiet għal servizzi ta' emerġenza permezz tan-numru “112”). Din is-separazzjoni m'għandhiex teffettwa l-ambitu ta' l-obbligi ta' servizz universali ddefinit u eżaminat fuq livell Komunitarju. L-Istati Membri li jużaw numri ta' emerġenza nazzjonali oħrajn minbarra l-“112” jistgħu jimponu fuq l-impriżi obbligi simili għall-aċċess għal dawn in-numri ta' emerġenza nazzjonali.

(8) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut għal dawk is-servizzi li jaqgħu taħt l-ambitu ta' l-obbligi ta' servizz universali anke meta Stat Membru ma jkunx għadu awtorizza impriża biex tipprovdi servizz universali.

(9) L-obbligi li m'għadx hemm bżonnhom imfassla biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju l-qadim ta' l-1998 għal dak ta' l-2002 għandhom jitħassru, flimkien ma' dispożizzjonijiet oħrajn li huma f'sovrappożizzjoni ma' dawk stabbiliti fid-Direttiva 2002/1/KE, jew li jidduplikawhom.

(10) Ir-rekwiżit għall-forniment ta' għadd minimu ta' linji mikrija fuq il-livel ta' bejgħ bl-imnut, li kien meħtieġ biex ikun żgurat li ma jkunx hemm interruzzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju ta' l-1998 fil-qasam tal-linji mikrija, li ma kienx għadu kompetittiv biżżejjed fiż-żmien meta kien daħal fis-seħħ il-qafas ta' l-2002, mhux aktar meħtieġ u għandu jitħassar.

(11) Jekk l-għażla jew l-għażla minn qabel ta' l-operatur ser ikomplu jiġu imposti direttament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jista' jagħti l-każ li jiġi mfixkel il-progress teknoloġiku. Dawn ir-rimedji għandhom minflok jiġu imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b'riżultat ta' analiżi tas-suq skond il-proċeduri fid-Direttiva 2002/21/KE.

(12) Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jiżguraw li l-klijenti tagħhom ikunu infurmati kif xieraq dwar jekk l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza hux ipprovdut jew le, u li jingħataw informazzjoni ċara u trasparenti fil-kuntratt tal-klijenti inizjali u f’intervalli regolari wara dan il-kuntratt, pereżempju bħala parti mill-informazzjoni li tidher mal-kont. Il-klijenti għandhom ukoll jinżammu infurmati tajjeb dwar x’azzjonijiet jista’ jieħu fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jilqa’ kontra theddid ta’ sigurtà biex jirreaġixxi għal inċident ta’ sigurtà jew integrità, minħabba li azzjonijiet bħal dawn jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq id-dejta, il-privatezza tal-klijent jew fuq aspetti oħra tas-servizz ipprovdut.

(13) Id-dritt ta’ l-abbonati biex joħorġu mill-kuntratti tagħhom mingħajr penali jirreferi għal tibdiliet fil-kundizzjonijiet kuntrattwali li huma imposti mill-fornituri tan-netwerk u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

(14) Suq kompetittiv għandu jiżgura li l-utenti finali jkunu jistgħu jaċċessaw u jiddistribwixxu kwalunkwe kontenut legali u jużaw kwalunkwe applikazzjonijiet u/jew servizzi legali skond l-għażla tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE. Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-konsumaturi u l-impriżi, l-utenti fi kwalunkwe każ għandhom ikunu infurmati b’mod sħiħ dwar kull restrizzjonijiet u/jew limitazzjonijiet imposti fuq l-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-fornitur tas-servizz u/jew tan-netwerk. Meta jkun jeżisti nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jużaw ir-rimedji disponibbli lilhom fid-Direttiva 2002/19/KE biex jiżguraw li l-aċċess ta’ l-utenti għal tipi partikolari ta’ kontenut jew applikazzjonijiet ma jkunx ristretti mingħajr raġuni.

(15) Id-disponibbiltà ta’ tariffi trasparenti, aġġornati u komparabbli hija l-element ewlieni għall-konsumaturi fi swieq kompetittivi b’diversi fornituri joffru s-servizzi. Il-konsumaturi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jqabblu faċilment il-prezzijiet ta’ diversi servizzi offruti fis-suq fuq bażi ta’ informazzjoni dwar it-tariffi ppubblikata f’forma aċċessibbli mingħajr diffikultà. Sabiex il-komsumatur ikun jista’ faċilment iqabbel il-prezzijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jeżiġu iktar trasparenza fit-tariffi mingħand il-fornituri u li jiżguraw li partijiet terzi jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas it-tariffi pubblikament disponibbli pprubblikati minn impriżi li jipprovdu s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għandhom ukoll jagħmlu disponibbli gwidi tal-prezzijiet meta dawn ma jkunux ipprovduti mis-suq. L-operaturi ma jkunu intitolati għall-ebda remunerazzjoni għal dan l-użu ta’ tariffi li diġà kienu ġew ippubblikati u għalhekk jappartjenu għad-dominju pubbliku. Barra minn hekk, l-utenti għandhom ikunu infurmati kif xieraq dwar il-prezz involut jew it-tip ta’ servizz offrut qabel ma jixtru s-servizz, b’mod partikolari jekk numru li fuqu jsiru telefonati bla ħlas ikun suġġett għal kwalunkwe ħlasijiet ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi biex tiżgura li l-utenti finali jibbenefikaw minn approċċ konsistenti fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi fil-Komunità.

(16) Suq kompetittiv għandu jiżgura li l-utenti jkun jista’ jkollhom il-kwalità ta’ servizz li jiħtieġu, imma f’każi partikolari jista’ jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li n-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jiksbu l-livelli minimi ta’ kwalità biex ikunu evitati d-degradazzjoni tas-servizz, l-imblukkar ta’ l-aċċess u t-tnaqqis ta’ l-attività fit-traffiku fuq in-netwerks. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta miżuri implimentattivi bil-għan li tidentifika l-istandards ta’ kwalità li għandhom jużaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

(17) Fin-netwerks IP tal-ġejjieni fejn il-forniment ta’ servizz jista’ jinfired mill-forniment tan-netwerk, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema huma l-passi l-iżjed xierqa li għandhom jittieħdu biex tkun żgurata d-disponibbiltà tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti li jużaw netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoniet u aċċessibbiltà bla interruzzjoni għal servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ ħsara katastrofika fin-netwerk jew f’każi ta’ force majeure .

(18) Is-servizzi ta’ assistenza mill-operejter ikopru firxa ta’ diversi servizzi għall-utenti finali. Il-forniment ta’ servizzi bħal dawn għandu jitħalla għal negozjati kummerċjali bejn il-fornituri ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u s-servizzi ta’ assistenza mill-operejter, bħal mhu l-każ għal kull servizz ieħor ta’ sostenn għall-klijenti, u mhemmx għalfejn jitkompla l-forniment mandatarju tagħhom. Għaldaqstant, l-obbligu korrispondenti għandu jitħassar.

(19) L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jaqbdu mas-servizzi ta’ emerġenza pprovduti u jaċċessawhom billi jużaw kwalunkwe servizz telefoniku li hu kapaċi joriġina sejħiet vokali permezz ta’ numru jew numri fil-pjani ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali. L-awtoritajiet ta’ emerġenza għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw u jwieġbu telefonati fuq in-numru “112” bi prontezza u effiċjenza almenu daqs fil-każ ta’ telefonati fuq numri ta’ emerġenza nazzjonali oħra. Huwa importanti li jiżdied l-għarfien tan-numru “112” sabiex jittejjeb il-livell ta’ ħarsien u sigurtà għaċ-ċittadini waqt l-ivvjaġġar tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, iċ-ċittadini għandhom jintgħamlu konxji li n-numru “112” jista’ jintuża bħala numru ta’ emerġenza uniku waqt l-ivvjaġġar f’kull Stat Membru, b’mod partikolari permezz ta’ informazzjoni pprovduta fil-vendi internazzjonali tal-karozzi tal-linja, fl-istazzjonijiet ferrovjarji, fil-portijiet jew l-ajruporti u fid-direttorji tat-telefown, fil-kjoskijiet tat-telefown u l-materjal mibgħut lill-abbonati inklużi l-kontijiet. L-obbligu biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata għandu jissaħħaħ sabiex jitkabbar il-ħarsien taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-operaturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata lis-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ metodu ‘push’ (“push mode”). Sabiex tirreaġixxi għall-iżviluppi teknoloġiċi, inkluż dawk li jwasslu għal preċiżjoni eżatta dejjem tikber ta’ l-informazzjoni dwar il-post, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tan-numru “112” fil-Komunità għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

(20) L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li s-servizzi ta’ emerġenza, inkluż in-numru “112”, ikunu aċċessibbli ugwalment għall-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari għal dawk l-utenti torox, b'impediment fis-smigħ, jew fid-diskors u dawk torox-għomja. Dan jista’ jinvolvi l-forniment ta’ apparat terminali speċjali għal utenti b'impediment fis-smigħ, servizzi ta’ trażmissjoni testwali, jew tagħmir speċifiku ieħor.

(21) Il-pajjiżi li ġew assenjati l-kodiċi internazzjonali “3883” mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet iddelegaw ir-resonsabbiltà amministrattiva għall-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS) lill-kumitat tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ECC) tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT). L-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq juru li l-ETNS joffri opportunità lis-servizzi pan-Ewropej biex jiżviluppaw, imma attwalment dan mhux jitħalla jirrealizza l-potenzjal tiegħu minħabba rekwiżiti proċedurali burokratiċi żżejjed u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Sabiex jintrifed l-iżvilupp ta’ l-ETNS, l-amministrazzjoni tiegħu (li tinkludi l-assenjazzjoni, is-sorveljar u l-iżvilupp) għandha tiġi ttrasferita lill-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […][23], minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”. L-Awtorità għandha tiżgura l-koordinazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi li jaqsmu l-kodiċi “3883” imma li mhumiex Stati Membri f’isem l-Istati Membri li lilhom ġie assenjat il-kodiċi “3883”.

(22) Is-suq uniku jimplika li l-utenti finali jista’ jkollhom aċċess għan-numri kollha inklużi fil-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni ta’ Stati Membri oħra, u għas-servizzi, inklużi s-servizzi ta’ Soċjetà Ta' l-Informazzjoni, li jużaw numri li mhumiex ġeografiċi fl-ambitu tal-Komunità, inklużi, fost oħrajn, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum. L-utenti finali għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS) u numri ta’ telefonati bla ħlas internazzjonali universali (UIFN). L-aċċess transkonfinali għar-riżorsi ta’ numerazzjoni u għas-servizz assoċjat m’għandux jiġi ostakolat ħlief f’każi ġustifikati b’mod oġġettiv, bħal meta dan ikun meħtieġ għall-ġlieda kontra l-frodi, u l-abbuż pereżempju f’konnessjoni ma’ ċerti servizzi ta’ rati primjum, jew meta n-numru jkun definit bħala li għandu ambitu nazzjonali biss (pereżempju kodiċi qasir nazzjonali). L-utenti għandom jingħataw informazzjoni sħiħa bil-quddiem b’mod ċar dwar kwalunkwe ħlasijiet applikabbli għan-numri ta’ telefonati bla ħlas, bħall-ħlasijiet għal sejħiet internazzjonali aċċessibbli permezz ta’ kodiċi standard ta’ ddajljar internazzjonali. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali jkollhom aċċess effikaċi għal numri u servizzi fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta miżuri implimentattivi.

(23) Sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jibdlu minn fornitur għal ieħor meta jkun fl-interess tagħhom li jagħmlu dan. Hu essenzjali li jiġi żgurat li dan ikunu jistgħu jagħmluh mingħajr ma jiġu mfixkla minn ostakli legali, tekniċi jew prattiċi, inklużi kundizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet eċċ. kuntrattwali. Dan ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ perjodi kuntrattwali minimi raġonevoli fil-kuntratti tal-konsumaturi. Il-portabbiltà tan-numri huwa faċilitatur ewlieni ta’ l-għażliet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni effikaċi fis-swieq kompetittivi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, u għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien żejjed. Sabiex tkun tista’ tadotta l-portabbiltà tan-numri bil-pass ta’ l-evoluzzjoni teknoloġika u tas-suq, inkluża l-possibbiltà ta’ portabbiltà tad-direttorji personali u l-informazzjoni dwar il-profil maħżuna fin-netwerk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu miżuri implimentattivi tekniċi f’dan il-qasam. Il-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet teknoloġiċi u tas-suq humiex tali li jippermettu l-portabbiltà tan-numri bejn netwerks li jipprovdu servizzi f’post fiss u netwerks spustabbli għandha b’mod partikolari tqis il-prezzijiet għall-utenti u l-ispejjeż għall-bdil tal-fornituri għall-impriżi li jipprovdu servizzi f’postijiet fissi u netwerks spustabbli.

(24) Xandira televiżiva hija servizz lineari tal-midja awdjoviżiva kif definit fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] 2007, li huwa pprovdut minn fornitur tas-servizzi tal-midja għal wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda tal-programmi; fornitur ta’ servizz tal-midja jista’ jipprovdi għadd ta’ skedi ta’ programmi awdjo jew awdjoviżivi (kanali). Jistgħu jiġu applikati “obbligi ta’ ridiffużjoni” legali, imma għal kanali tax-xandir speċifikati biss ipprovduti minn fornitur ta’ servizz tal-midja speċifikat. L-Istati Membri għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni ċara għall “obbligi ta’ ridiffużjoni” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li dawn l-obbligi huma trasparenti, proporzjonati u definiti kif xieraq. F’dan ir-rigward, l-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom jitfasslu b’mod li jiġu pprovduti inċentivi suffiċjenti għal investiment effiċjenti fl-infrastruttura. L-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom ikunu eżaminati perjodikament sabiex jinżammu aġġornati ma’ l-evoluzzjoni teknoloġika u tas-suq biex jiġi żgurat li jkomplu jkunu proporzjonati għall-għanijiet li jridu jinkisbu. Meta titqies il-bidla mgħaġġla fil-kundizzjonijiet tat-teknoloġija u s-suq, ikun meħtieġ li dan l-eżaminar komprensiv jitwettaq mill-inqas darba kull tliet snin u tkun meħtieġa wkoll konsultazzjoni pubblika mal-partijiet kollha interessati. Kanal tax-xandir, wieħed jew aktar, jistgħu jiġu kkomplimentati minn servizzi li jgħinu biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-utenti b’diżabbiltà; dawn is-servizzi jkunu jinkludu servizz ta’ test bil-vidjow, servizz ta’ sottotitli, deskrizzjoni awdjo jew lingwa tas-sinjali.

(25) Sabiex jintgħelbu n-nuqqasijiet eżistenti f'termini ta' konsultazzjonijiet mal-konsumaturi u sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-interessi taċ-ċittadini, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżu ta' konsultazzjoni xieraq. Dan il-mekkanimu jista' jieħu l-forma ta' entità li, indipendentement mill-awtorità regolatorja nazzjonali kif ukoll mill-fornituri tas-servizzi, twettaq riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-konsumatur, bħall-imġiba tal-konsumaturi u mekkaniżmi għall-bdil minn fornitur għal ieħor, u li topera b'mod trasparenti u tikkontribwixxi għall-mekkaniżmi eżistenti għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet interesati. Meta jkun hemm il-ħtieġa biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni ta' aċċess għas-servizzi u l-użu tal-komunikazzjonijiet eletroniċi u t-tagħmir terminali għall-utenti b'diżabbiltà, u bla ħsara għad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom[24] u b'mod partikolari r-rekwiżiti ta' diżabbiltà skond l-Artikolu tagħha 3(3)(f), il-Kummissjoni għandha tkun tista' tadotta miżuri implimentattivi.

(26) L-obbligi imposti fuq impriża nominata bħala waħda b'obbligi ta' servizz universali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

(27) Il-liberalizzazzjoni ta' swieq ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel flimkien taw spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-kompetizzjoni u rriżultaw f'diversità għanja ta' servizzi għall-utenti finali aċċessibbli permezz ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi u l-utenti jingħataw l-isess livell ta' ħarsien tal-privatezza u d-dejta personali, irrispettivament mit-teknoloġija użata għall-forniment ta' servizz partikolari.

(28) Il-progress teknoloġiku jippermetti l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ġodda bbażati fuq tagħmir għall-ġbir tad-dejta u l-identifikazzjoni, li jista' jkun tagħmir li ma jkollux kuntatt bil-wajer li juża frekwenzi radju. Pereżempju, it-Tagħmir ta' Identifikazzjoni permezz ta' Frekwenza tar-Radju (RFID) juża frekwenzi radju biex jaqbad dejta minn tabelli esklużivament identifikati, li mbagħad tista' tiġi ttrasferita fuq netwerks ta' komunikazzjonijiet eżistenti. L-użu wiesa' ta' dawn it-teknoloġiji jista' jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi u soċjali kbar u b'hekk tingħata kontribuzzjoni b'saħħitha għas-suq intern jekk l-użu tagħhom ikun aċċettabbli għaċ-ċittadini. Biex jinkiseb dan, hu meħtieġ li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali ta' l-individwi, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza u l-ħarsien tad-dejta, jkunu mħarsa. Meta dan it-tagħmir jiġi kkunnettjat ma' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, jew meta jagħmel użu minn servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi bħala infrastrutura bażika, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/58/KE, inklużi dawk dwar id-dejta tas-sigurtà, it-traffiku u l-lokazzjoni u d-dejta dwar il-kunfidenzjalità.

(29) Ksur ta' sigurtà li jwassal għat-telf jew għal stat kompromettenti tad-dejta personali ta' abbonat individwali jista', jekk ma jiġix indirizzat b'mod xieraq u fil-waqt, jirriżulta f'telf ekomoniku u dannu soċjali, inkluż frodi ta' l-identità. Għaldaqstant, l-abbonati kkonċernati minn inċidenti ta' sigurta bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien u infurmati sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji. In-notfika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-fornitur biex jindirizza l-ksur, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-utenti effettwati.

(30) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea billi, fost affarijiet oħra, jikkontribwixxi fl-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien tad-dejta persunali u l-privatezza. Għal dan il-għan, irid ikollhom il-mezzi meħtieġa biex jesegwixxu dmirijiethom, inkluża dejta komprensiva u fattibbli dwar inċidenti ta' sigurtà attwali li jkunu rrendew id-dejta personali ta' individwi fi stat kompromettenti.

(31) Għandu jkun hemm dispożizzjoni biex ikunu jistgħu jiġu implimentati miżuri għall-istipular ta' għadd ta' rekwiżiti komuni għall-ksib ta' livell xieraq ta' ħarsien tal-privatezza u sigurtà ta' dejta personali trażmessa jew ipproċessata f'konnessjoni ma' l-użu ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern.

(32) Waqt l-iffissar ta' regoli dettaljati fir-rigward tal-format u l-proċeduri applikabbli fin-notifika ta' ksur tas-sigurtà, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkustanzi tal-ksur, speċjalment dwar jekk id-dejta personali kenitx imħarsa jew le minn kriptaġġ jew permezz ta' mezzi oħra, li kienu jillimitaw b'mod effettiv il-probabbiltà li jitwettqu frodi ta' l-identità jew forom oħra ta' użu ħażin. Barra dan, dawn ir-regoli u proċeduri għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi f'każi fejn skoperturi bikrija jistgħu jfixklu mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi ta' ksur partikolari.

(33) L-Awtorità tista' tikkontribwixxi għal livell ogħla ta' ħarsien tad-dejta personali u l-privatezza fil-Komunità billi, fost affarijiet oħra, tipprovdi l-kompetenza u l-pariri, tippromwovi l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi fil-ġestjoni tar-riskju, u tistabbilixxi metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tar-riskji. B'mod partikolari, għandha tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà tekniċi u organizzattivi xierqa.

(34) Is-softwer li bil-moħbi jissorvelja l-azzjonijiet ta' l-utent u/jew jimmina l-operazzjoni tat-tagħmir terminali ta' l-utent għall-benefiċċju ta' parti terza (l-hekk imsejjaħ “spajwer”) joħloq theddida serja għall-privatezza ta' l-utenti. Jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli u ugwali ta' ħarsien ta' l-isfera privata ta' l-utenti, irrispettivament jekk il-programmi ta' l-ispijar mhux mixtieqa kinux ġew dawnlowdjati involontarjament permezz ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew kinux fornuti u installati moħbija f'softwer li jkun tqassam fuq midja esterna ta' ħżin tad-dejta bħalma huma s-CDs, is-CD-Roms jew l-istikek tal-USB.

(35) Il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jridu jagħmlu investimenti sostanzjali biex issir il-ġlieda kontra komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba (“spam”). Huma jinsabu wkoll f’pożizzjoni aħjar mill-utenti finali biex ikollhom l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex jikxfu u jidentifikaw lil min jispammja. Il-fornituri tal-servizzi ta’ korrispondenza elettronika u fornituri oħra ta’ servizzi għandu għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jniedu azzjoni legali kontra min jispammja u għalhekk jiddefendu l-interessi tal-klijenti tagħhom, kif ukoll l-interessi kummerċjali leġittimi tagħhom stess.

(36) Il-ħtieġa biex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-privatezza u d-dejta personali trażmessa u pproċessata f’konnessjoni ma’ l-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità teżiġi implimentazzjoni effikaċi u setgħat għall-infurzar sabiex ikunu pprovduti inċentivi xierqa għall-konformità. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom setgħat u riżorsi suffiċjenti biex jinvestigaw każi ta’ nuqqas ta’ konformità b’mod effettiv, speċjalment il-possibbiltà biex jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom bżonn, biex jiddeċiedu dwar l-ilmenti u biex jimponu sanzjonijiet f’każi ta’ nuqqas ta’ konformità.

(37) Il-kooperazzjoni u l-infurzar transkonfinali għandhom jiġu nfurzati b'mod konformi mal-mekkaniżmi Komunitarji ta' infurzar transkonfinali eżistenti bħal dak stabbilit fir-Regolament KE 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi)[25] permezz ta' emenda għal dak ir-Regolament.

(38) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Servizz Universali u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

(39) B’mod partikolari, is-setgħa għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni biex jiġu adottati miżuri implimentattivi għat-trasparenza tat-tariffi, il-kwalità minima tar-rekwiżiti tas-servizzi, l-implimentazzjoni effikaċi tas-servizzi bin-numru “112”, l-aċċess effikaċi għan-numri u s-servizzi, it-titjib ta’ l-aċċessibbiltà minn utenti finali b’diżabbiltà kif ukoll l-emendi biex jiġu adottati l-Annessi għall-progress tekniku jew il-bidliet fid-domanda tas-swieq. Din is-setgħa għandha wkoll tiġi konferita biex jiġu adottati miżuri implimentattivi fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni u n-notifika kif ukoll il-kooperazzjoni transkonfinali. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla bħala suppliment ta’ din id-Direttiva permezz taż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, iridu jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Meta, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunx possibbli li jkun hemm konformità magħhom, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni.

(40) Id-Direttivi 2002/22/KE u 2002/58/KE għandhom għalhekk jiġu emendati f'dan is-sens.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva Servizz Universali)

Id-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva Servizz Universali) hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1. Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru), din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' kwalità tajba permezz ta' kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta maċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġiet ta' l-utenti finali ma jitħarsux b'mod sodisfaċjenti mis-suq. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir terminali fil-postijiet fejn joperaw l-konsumaturi.

2. Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet ta’ l-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta' l-assigurazzjoni ta' forniment ta' servizz universali fl-ambjent ta' swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifikata li għhaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista' jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi mandatarji.’

(2) Fl-Artikolu 2:

1. Il-punt (b) jitħassar.

2. Il-punt (ċ) jiġi sostitwit b'li ġej:

‘(ċ) “servizz telefoniku pubblikament disponibbli” jfisser servizz disponibbli għall-pubbliku li joriġina u jirċievi sejħiet nazzjonali u/jew internazzjonali direttament jew indirettament permezz ta’ għażla jew għażla minn qabel ta’ operatur jew permezz ta’ bejgħ mill-ġdid, bl-użu ta’ numru jew numri li jinsabu fil-pjan telefonoku ta’ numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;’

(3) L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 4

Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet għandhom jintlaqgħu mill-inqas minn impriża waħda.

2. Il-konnessjoni pprovduta għandha tkun kapaċi ssostni l-kumunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-dejta, b'rati tad-dejta li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet meta jitqiesu t-teknoloġiji prevalenti użati mill-maġġoranza ta' l-abbonati u l-fattibbiltà teknoloġika.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għall-forniment ta' servizz telefoniku fuq il-konnessjoni tan-netwerk imsemmija fil-paragrafu 1, li jippermetti lill-abbonati joriġinaw u jirċievu sejħiet nazzjonali u internazzjonali u jagħmlu sejħiet għal servizzi ta' emerġenza permezz tan-numru “112”, għandhom jiġu ssodisfati mill-inqas minn impriża waħda.’

(4) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

‘2. Fid-direttorji li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jidhru, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/EC, l-abbonati kollha tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.’

(5) L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 7

Miżuri speċjali għall-utenti b'diżabbiltà

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi għall-utenti b'diżabbiltà biex jiżguraw li għal dawn l-utenti l-aċċess tekniku u finanzjarju għas-servizz telefoniku pubblikament disponibbli, inkluż l-aċċess għas-servizzi ta' emergenza, is-servizzi ta' informazzjoni ralatata mad-direttorju u s-servizzi tad-direttorji, ikun daqs dak li jgawdu utenti finali oħrajn.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali, biex jiżguraw li utenti finali b'diżabbiltà jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-opportunità disponibbli għall-maġġoranza ta' l-utenti finali li jagħżlu bejn impriża u oħra jew fornitur tas-servizzi u ieħor.’

(6) Fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3. Meta operatur innominat skond il-paragrafu 1 ikun bi ħsiebu jagħmel parti sostanzjali mill-assi tiegħu (jew kollha kemm huma) tan-netwerk lokali ta' aċċess disponibbli għal entità legali separata taħt sjieda differenti, għandu jinforma bil-quddiem lill-awtorità regolatorja nazzjonali b'mod f'waqtu sabiex l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun tista' tivvaluta l-effett tat-tranżazzjoni intiża fuq il-forniment ta' aċċess għal post fiss u ta' servizzi telefoniċi skond l-Artikolu 4. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista' timponi kundizzjonijiet skond l-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 2002/20/KE (id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).’

(7) Fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b'li ġej:

‘1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw li l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 jkunu jaqgħu taħt l-obbligi ta' servizz universali u li jkunu pprovduti minn impriżi nominati, jew jekk l-ebda impriżi ma jkunu ġew nominati fir-rigward ta' dawn is-servizzi, li jkunu disponibbli fis-suq mod ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell nazzjonali tal-prezzijiet u l-introjtu tal-konsumatur.

2. L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impriżi nominati jipprovdu għażliet jew pakketti ta' tariffi lill-konsumaturi li jitbiegħdu minn dawk ipprovduti taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux imċaħħda mill-użu ta' u mill-aċċess għan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew għas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4(3), 5. 6 u 7 li jaqgħu taħt l-obbligi ta' servizz universali u pprovduti minn impriżi nominati.

3. L-Istati Membri jistgħu, barra minn kwalunkwe dispożizzjoni biex l-impriżi notifikati jipprovdu għażliet ta' tariffi speċjali jew biex jikkonformaw mal-limiti massimi tal-prezzijiet jew medjar ġeografiku jew skemi simili oħrajn, jiżguraw li jiġi pprovdut sostenn għall-konsumaturi identifikati bħala li għandhom dħul baxx, diżabbiltà jew bżonnijiet soċjali speċjali.’

(8) It-titolu tal-Kapitolu III jiġi sostitwit b'li ġej:

‘KONTROLLI REGOLATORJI FUQ IMPRIŻI B'SETGĦA KBIRA FIS-SUQ FI SWIEQ SPEĊIFIĊI TA' BEJGĦ BL-IMNUT ’

(9) L-Artikolu 16 jitħassar.

(10) L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

3. Il-paragrafu 1 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu obbligi regolatorji xierqa fuq dawk l-impriżi li jkunu ġew identifikati bħala li għandhom setgħa qawwija fis-suq fir-rigward ta' suq partikolari għall-bejgħ bl-imnut skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru):

(a) meta, bħala riżultat ta' analiżi tas-suq imwettaq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru), awtorità regolatorja nazzjonali tiddetermina li suq partikolari ta' bejgħ bl-imnut identifikat skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru) ma jkunx effettivament kompetittiv, u

(b) meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi imposti skond id-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva ta’ l-Aċċess), ma jkunux ser jirriżultaw fil-kisba ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru).’

4. Il-paragrafu 3 jitħassar.

(11) L-Artikoli 18 u 19 jitħassru.

(12) L-Artikoli 20 u 21 jiġu sostitwiti b'li ġej:

‘Artikolu 20

Kuntratti

1. Dan l-Artikolu japplika bla ħsara għar-regoli Komunitarji tal-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KE u 97/7/KE, u r-regoli nazzjonali f'konformità mal-liġi Komunitarja.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni ma' netwerk ta' komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli, il-konsumaturi għandhom dritt għal kuntratt ma' impriża jew impriżi li jipprovdu servizzi u/jew konnessjonijiet bħal dawn. Il-kuntratt għall-inqas għandu jispeċifika:

(a) l-identità u l-indirizz tal-fornitur;

(b) is-servizzi pprovduti, il-livelli ta' kwalità ta' servizzi offruti, kif ukoll meta tkun ser issir il-konnessjoni tal-bidu;

(ċ) it-tipi ta' servizzi ta' manutenzjoni offruti;

(d) dettalji dwar prezzijiet u tariffi u l-mezzi li bihom tista' tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi applikabbli u l-ħlasijiet għall-manutenzjoni kollha;

(e) it-tul ta' żmien tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt, inlużi l-ħlasijiet diretti għall-portabbiltà ta' numri u identifikaturi oħra;

(f) kwalunkwe kumpens u arranġamenti għal rimborż li japplikaw jekk il-livelli ta' kwalità tas-servizzi kkuntrattati ma jkunux ġew issodisfati;

(g) il-metodu tat-tnedija ta' proċeduri għal riżolviment ta' tilwimiet skond l-Artikolu 34;

(h) l-azzjoni li tista' tittieħed mill-impriża li tipprovdi l-konnessjoni u/jew is-servizzi b'reazzjoni għal inċidenti ta' sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet.

L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru utenti finali oħra.

3. L-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 għandha wkoll tiġu inkluża fil-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi barra minn dawk li jipprovdu konnessjoni għal netwerk ta' komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli. L-Istati Membri jistgħu jestendu dan l-obbligu biex ikopru utenti finali oħra.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu konklużi kuntratti bejn l-abbonati u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermettu komunikazzjoni verbali, l-abbonati jkunu infurmati b’mod ċar dwar jekk l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza huwiex ipprovdut jew le. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jiżguraw li l-klijenti jingħataw informazzjoni ċara dwar in-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt u wara li jiġi konkluż il-kuntratt, l-informazzjoni tibqa’ tingħata fuq bażi regolari.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu konklużi kuntratti bejn l-abbonati u l-impriżi li jipprovdu servizzi u/jew netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-abbonati għandhom jingħataw informazzjoni ċara qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kif ukoll wara li jiġi konkluż, dwar kwalunkwe limitazzjonijiet imposti mill-fornitur għal kemm l-abbonati jkunu jistgħu jaċċessaw jew jiddistribwixxu kontenut legali jew iħaddmu applikazzjonijiet u servizzi legali ta’ l-għażla tagħhom.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu konklużi kuntratti bejn l-abbonati u l-impriżi li jipprovdu servizzi u/jew netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-abbonati għandhom jingħataw informazzjoni ċara qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kif ukoll wara li jiġi konkluż, dwar l-obbligi tagħhom biex jirrispettaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku, dan jinkludi l-obbligu li l-abbonati jridu jiġu infurmati dwar l-atti ta’ ksur l-iżjed komuni u dwar x’inhuma l-konsegwenzi legali tagħhom.

7. L-abbonati għandu jkollhom id-dritt li joħorġu mill-kuntratti tagħhom mingħajr ma jeħlu penali hekk kif jingħataw notifika ta’ modifiki fil-kundizzjonijiet kuntrattwali li jiġu proposti mill-operaturi. L-abbonati għandhom jiġu avżati mhux anqas minn xahar qabel l-introduzzjoni ta’ dawn il-modifiki u fl-istess żmien għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-dritt tagħhom li joħorġu mill-kuntratt, mingħajr ma jeħlu penali, jekk jagħżlu li ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet il-ġodda.’

‘Artikolu 21

Trasparenza u pubblikazzjoni ta’ l-informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni trasparenti, komparabbli, xierqa u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, u dwar termini u kundizzjonijiet standard, fir-rigward ta' aċċess għas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7, u l-użu tagħhom, tkun disponibbli għall-utenti finali u l-konsumaturi, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-netwerks u/jew is-servizzi pubbliċi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jippubblikaw informazzjoni komparabbli, xierqa u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli fir-rigward ta' aċċess għas-servizzi tagħhom u l-użu ta' dawn is-servizzi pprovduti lill-konsumaturi. Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata f'forma li tkun faċilment aċċessibbli.

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta' informazzjoni biex l-utenti finali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni indipendenti ta' l-ispiża fuq pakketti ta' użu alternattivi, permezz ta' gwidi interattivi jew teknika simili. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu disponibbli dawn il-gwidi jew medodi tekniċi meta dawn ma jkunux disponibbli fis-suq. Partijiet terzi għandu jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas it-tariffi ppubblikati mill-impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi bil-għan li jbiegħu jew jagħmlu disponibbli dawn il-gwidi interattivi jew metodi tekniċi simili.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi biex ifornu informazzjoni dwar it-tariffi applikabbli lill-klijenti fil-post u l-ħin tax-xiri biex ikun żgurat li l-klijenti jkollhom l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet ta' l-ipprezzar.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu servizzi u/jew netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi biex ifornu lill-klijenti bl-informazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 20(5) f'forma ċara, komprensiva u faċilment aċċessibbli.

6. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn approċċ konsistenti lejn trasparenza fit-tariffi, kif ukoll lejn il-forniment ta' l-informazzjoni skond l-Artikolu 20(5) fil-Komunità, il-Kummissjoni tista', wara li tikkonsulta ma' l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”), tieħu l-miżuri implimentattivi tekniċi xierqa f'dan il-qasam, bħal, pereżempju, l-ispeċifikazzjoni ta' metodoloġija jew proċeduri. Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 37(3).’

(13) L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

5. Il-paragrafu 1 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jkunu qiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati, ikunu jistgħu jobbigaw lill-impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli biex jippubblikaw informazzjoni komparabbli, xierqa u aġġornata għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom, inkluż aċċess ekwivalenti għall-utenti finali b'diżabbiltà. L-informazzjoni għandha wkoll, meta tintalab, tingħata lill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma tiġi ppubblikata.’

6. Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3. Sabiex tħares kontra d-degradazzjoni tas-servizz u r-rallentar tat-traffiku fuq in-netwerks, il-Kummissjoni tista', wara li tkun ikkonsultat lill-Awtorità, tadotta miżuri implimentattivi tekniċi li jikkonċernaw kwalità minima ta' rekwiżiti tas-servizz li trid tiġi ffissata mill-awtorità regolatorja nazzjonali għall-impriżi li jipprovdu netwerks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi. Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 37(3).’

(14) L-Artikolu 23 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 23

Disponibbiltà tas-servizzi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti fuq netwerks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi fl-eventwalità ta' ħsara katastrofika fin-netwerk jew f'każi ta' force majeure . L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw aċċess mingħajr interruzzjoni għas-servizzi ta' emerġenza.’

(15) L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

7. It-titolu jiġi sostitwit b’li ġej:

‘Servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefown’

8. Il-paragrafu 3 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali kollha pprovduti b'servizz telefoniku li jkun pubblikament disponibbli jista' jkollhom aċċess għas-servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefown skond l-Artikolu 5(1)(b).’

9. Il-paragrafu 5 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘5. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-dejta personali u l-privatezza u, b'mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE.’

(16) L-Artikoli 26, 27 u 28 jiġu sostitwiti b'li ġej:

‘Artikolu 26

Servizzi ta' emerġenza u n-numru uniku Ewropew għal sejħiet ta' emerġenza

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’żieda ma’ kull numri oħra nazzjonali għal sejħiet ta’ emerġenza speċifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-utenti finali kollha tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi l-utenti ta’ telefowns pubbliċi bi ħlas, ikunu jistgħu jċemplu lis-servizzi ta’ emerġenza mingħajr ħlas u mingħajr ma jkollhom għalfejn jużaw kwalunkwe mezz ta’ ħlas, billi jużaw in-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza, in-numru “112”.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizz li joriġina sejħiet nazzjonali u/jew internazzjonali permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali, jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejħiet fuq in-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” għandhom jitwieġbu b'mod xieraq u ttrattati bil-mod l-aktar adattat għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza. Dawn is-sejħiet għandhom jitwieġbu u jiġu ttrattati bi prontezza u effikaċja almenu daqs li kieku kienu sejħiet fuq in-numru jew numri nazzjonali ta’ emerġenza, fejn dawn ikunu għadhom jintużaw..

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, il-miżuri mittieħda jistgħu jinkludu l-assigurazzjoni ta’ konformità ma’ l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa tkun disponibbli mingħajr ħlas lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-emerġenzi għas-sejħiet kollha fuq in-numru uniku “112”.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa tkun ipprovduta awtomatikament hekk kif is-sejħa ta’ emerġenza tasal għand l-awtorità responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-emerġenza..

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati kif xieraq dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta’ emerġenza “112”, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi li jimmiraw speċifikament lil persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport annwali lill-Kummissjoni u lill-Awtorità dwar il-miżuri adottati f’dan ir-rigward.

7. Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tas-servizzi ta’ “112” fl-Istati Membri, inkluż l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorità, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 37(3).’

‘Artikolu 27

Prefiss telefoniku Ewropej ta' aċċess

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prefiss “00” hu l-prefiss standard ta' aċċess għan-netwerk telefoniku internazzjonali. Jistgħu jintgħamlu jew jitkomplew arranġamenti speċjali biex isiru sejħiet bejn lokalitajiet transkonfinali qrib xulxin bejn Stati Membri. L-utenti finali fil-lokalitajiet ikkonċernati għandhom jingħataw informazzjoni sħiħa dwar arranġamenti bħal dawn.

2. Dawk l-Istati Membri li ġew assenjati l-prefiss internazzjonali “3883” mill-ITU għandhom jafdaw ir-responsabbiltà esklużiva tal-ġestjoni ta' l-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika f'idejn l-Awtorità.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jiġġestjonaw is-sejħiet kollha lil u mingħand l-ispazju Ewropew tan-numerazzjoni telefonika, b'rati li ma jaqbżux l-ogħla rata li japplikaw għas-sejħiet lil u minn Stati Membri oħra.’

‘Artikolu 28

Aċċess għal numri u servizzi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiggarantixxu li:

(a) l-utenti finali jkun jista' jkollhom aċċess għas-servizzi u jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom, inklużi s-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, ipprovduti fil-Komunità; kif ukoll

(b) l-utenti finali jkun jista' jkollhom aċċess għan-numri kollha pprovduti fil-Komunità, inklużi dawk fil-pjani nazzjonali ta' numerazzjoni ta' l-Istati Membri, dawk mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika u n-Numri għal Sejħiet bla Ħlas Internazzjonali Universali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimblukkaw fuq bażi każ b'każ, l-aċċess għal numri jew servizzi meta dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta' frodi jew użu ħażin.

2. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali jkollhom aċċess effikaċi għan-numri u s-servizzi fil-Komunità, il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni ma' l-Awtorità, tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 37(3).

Kull miżura implimentattiva teknika ta' dan it-tip tiġi eżaminata perjodikament biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.’

(17) L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

10. Il-paragrafu 1 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi kollha li joperaw servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli u/jew netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, biex jagħmlu disponibbli lill-utenti finali l-faċilitajiet ulterjuri elenkati fl-Anness 1, Parti B, bla ħsara għall-fattibbiltà u l-vijabbiltà ekonomika.’

11. Il-paragrafu 3 jiġu sostitwit b’li ġej:

‘3. Bla ħsara għall-Artikolu 10(2), l-Istati Membri jistgħu jimponu l-obbligi fl-Anness 1, Parti A, il-punt (e), li jikkonċerna l-iskonnettjar bħala ħtieġa ġenerali fuq l-impriżi kollha li jipprovdu aċċess għal netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.’

(18) L-Artikolu 30 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 30

Iffaċilitar ta' bdil minn fornitur għal ieħor

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni jistgħu jżommu, jekk jitolbu dan, in-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness 1, parti C.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ipprezzar għall-interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabbiltà tan-numru tkun orjentata lejn l-ispejjeż u li l-ħlasijiet diretti, jekk ikun hemm, li l-abbonati jiġu mitluba jħallsu, ma’ jservux ta’ diżinċentiv għall-użu ta’ dawn il-faċilitajiet.

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabbiltà tan-numri b’mod li tiġi mfixkla l-kompetizzjoni, bħal, pereżempju, billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni.

4. Il-portabbiltà tan-numri u l-attivazzjoni sussegwenti tagħhom għandhom jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli, mhux aktar tard minn jum ta’ xogħol minn meta tkun saret it-talba inizjali mill-abbonat.

5. Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità u wara li tkun qieset il-kundizzjonijiet teknoloġiċi u fis-suq, temenda l-Anness 1 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2).

Din l-emenda tista’, b’mod partikolari, tipprovdi għal:

(a) il-portabbiltà ta’ numri minn fuq netwerk fiss għal fuq wieħed spustabbli;

(b) il-portabbiltà ta’ identifikaturi ta’ l-abbonati u informazzjoni relatata, f’liema każ id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw ukoll għal dawn l-identifikaturi.

6. Bla ħsara għal kull perjodu kuntrattwali minimu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ma jservux ta’ diżinċentiv għall-bdil minn fornitur ta’ servizzi għal ieħor.'

(19) Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

‘1. L-Istati Membri jistgħu jimponu "obbliġi ta' ridiffużjoni" raġonevoli għat-trażmissjoni ta' kanali u servizzi speċifiċi tax-xandir bir-radju u t-televiżjoni u servizzi ta' aċċessibbiltà, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jipprovdu netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi użati għad-distribuzzjoni ta' xandir bir-radju jew bit-televiżjoni lill-pubbliku fejn numru kbir ta' utenti finali ta' dawn in-netwerks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali biex jirċievu xandir bir-radju u t-televizjoni. Dawn l-obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jilħqu għanijiet ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar u speċifiku minn kull Stat Membru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.

L-obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn sena wara <il-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' l-att li jemenda>, ħlief meta l-Istat Membru jkun implimenta dan l-eżaminar fis-sentejn preċedenti.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-"obbligi ta' ridiffużjoni" mill-inqas kull tliet snin.’

(20) L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

12. Fil-paragrafu 1, jiżdied li ġej bħala t-tieni subparagrafu:

‘B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali joħolqu mekkaniżmu ta' konsultazzjoni biex jiġi garantit li fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jagħmlu jqisu b'mod xieraq l-interessi tal-konsumaturi fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

13. Jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

3. L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport annwali lill-Kummissjoni u lill-Awtorità dwar il-miżuri meħuda u l-progress irreġistrat fit-titjib ta' interoperabbiltà u l-użu tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u ta' tagħmir terminali u l-aċċess għalihom mill-utenti finali b'diżabbiltà.

4. Bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/5/KE u b'mod partikolari tar-rekwiżiti fir-rigward tad-diżabbiltà skond l-Artikolu 3(3)(f) tagħha, u sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà għas-servizzi u t-tagħmir ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mill-utenti finali b'diżabbiltà, il-Kummissjoni tista', wara li tikkonsulta ma' l-Awtorità, tieħu l-miżuri implimentattivi tekniċi xierqa biex tindirizza l-kwisjonijiet imqajma fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, wara li tkun saret konsultazzjoni pubblika. Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 37(3).’

(21) L-Artikolu 34(1) jiġi sostitwit b'li ġej:

‘1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri estraġudizzjarji sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-ittrattar ta' tilwim bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, li dwaru ma jkunx intlaħaq riżolviment, li jkun dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u/jew il-prestazzjoni ta' kuntratti li jikkonċernaw il-forniment ta' dawn in-netwerks u servizzi. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li dawn il-proċeduri jippermettu li t-tilwim ikollu riżolviment ġust u ta' malajr u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta' rimborż u/jew kumpens. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru disputi li jinvolvu utenti finali oħra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli biex jittrattaw dan it-tilwim jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni u lill-Awtorità għal għanijiet statistiċi.’

(22) L-Artikolu 35 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 35

Adozzjoni ta' annessi

L-emendi meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi I, II, III, u VI għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fid-domanda tas-suq għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2).’

(23) Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

‘2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-obbligi imposti fuq l-impriżi nnominati bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali. Kwalunkwe tibdil li jeffettwa l-obbligi imposti fuq l-impriżi jew ta' l-impriżi effettwati taħt id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

(24) L-Artikolu 37 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 37

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru).

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.’

(25) L-Annessi I, II u III jiġu sostitwiti bl-Annessi I, II u III ta' din id-Direttiva.

(26) L-Anness VII jitħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

Id-Direttiva 2002/58/KE (Id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) tiġi emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2(e) jiġi sostitwit b’li ġej:

‘(e) “sejħa” tfisser konnessjoni stabbilita permezz ta’ servizz telefoniku pubblikament disponibbli li jippermetti komunikazzjoni li taħdem f’żewġ direzzjonijiet;’

(2) L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

‘Artikolu 3

Servizzi kkonċernati

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-dejta u l-apparat ta’ identifikazzjoni.’

(3) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

14. It-titolu jiġi sostitwit b’li ġej:

‘Sigurtà ta' pproċessar’

15. Jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

‘3. F’każ ta’ ksur ta’ sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni, il-kxif ta’ jew l-aċċess għal dejta personali mingħajr awtorizzazzjoni, imxandra, maħżuna jew ipproċessata xort’oħra f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubblikament disponibbli fil-Komunità, il-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-abbonat ikkonċernat u lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar dan il-ksur. In-notifika lill-abbonat għandha għall-inqas tiddeskrivi n-natura tal-ksur u tirrakkomanda miżuri biex jitnaqqsu l-effetti negattivi li jistgħu jinqalgħu. In-notifika lill-aworità regolatorja nazzjonali għandha, barra minn dan, tiddeskrivi l-konsegwenzi tal-miżuri meħuda mill-fornitur biex jittratta l-ksur.

4. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”), u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, tadotta l-miżuri implimentattivi tekniċi li jikkonċernaw inter alia ċ-ċirkustanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għar-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni u n-notifikazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 14a (3).’

(4) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

‘3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin ta’ l-informazzjoni, jew il-ksib ta’ l-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kundizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skond id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet ta’ l-ipproċessar mill-kontrollur tad-dejta. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni jew faċilitazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ biex jiġi pprovdut servizz ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent.’

(5) Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

‘6. Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia skond l-Artikolu 15a(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull individwu jew persuna legali li għandhom interess leġittimu biex jiġġieldu kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond dan l-Artikolu, inkluż fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jħares l-interessi kummerċjali leġittimi jew l-interessi tal-klijenti tiegħu, jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra dan il-ksur quddiem il-qrati.’

(6) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

‘Artikolu 14a

Kumitat

1. Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) għandu jgħin lill-Kummissjoni.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li tiġi kkunsidrata d-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 8 tiegħu.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.’

(7) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:

‘Artikolu 15a

Implimentazzjoni u infurzar

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill- u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li teffettwahom.

2. Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju li jista’ jkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tordna l-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħat u r-riżorsi investigattivi kollha meħtieġa, inkluż il-possibbiltà li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilvanti li jistgħu jkunu jeħtieġu biex jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.

4. Sabiex tiżgura kooperazzjoni effikaċi transkonfinali fl-infurzar tal-liġijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u toħloq kundizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi transkonfinali tad-dejta, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi, wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità u l-awtoritajiet regolatorji rilevanti.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 14a (3).’

Artikolu 3 Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi [26]), għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

‘17. Rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva 2002/58/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika: Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.07.2002, p.37).’

Artikolu 4 Traspożizzjoni

(1) L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw […] għall-anqas il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikawhom minn […].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

(2) L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 5 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi […] jum wara dak li fih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta ’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 6 Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10 (KONTROLL TA’ L-INFIQ) U L-ARTIKOLU 29 (FAĊILITAJIET ULTERJURI)

Taqsima A

Il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10:

(a) Kontijiet dettaljati

L-Istati Mambri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, suġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-dejta personali u l-privatezza, ikunu jistgħu jistabbilixxu l-livell bażiku ta’ kontijiet dettaljati li jridu jinħarġu minn impriżi nnominati (kif stabbilit fl-Artikolu 8) lill-konsumaturi mingħajr ħlas sabiex dawn ikunu jistgħu:

(i) jivverifikaw u jiċċekkjaw il-ħlasijiet għall-użu ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss u/jew li jkunu relatati ma’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli, u

(ii) jissorveljaw b’mod xieraq l-użu u l-ispejjeż li jagħmlu u b’hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta’ kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.

Meta jkun xieraq, jistgħu jiġu offruti lill-abbonati livelli ulterjuri ta' dettall għal ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.

Is-sejħiet li jkunu mingħajr ħlas mill-abbonat li jagħmel is-sejħa, inklużi s-sejħiet lil linji ta’ għajnuna, ma jridux ikunu identifikati fil-kont dettaljat ta' l-abbonat li jagħmel is-sejħa.

(b) Imblukkar selettiv ta’ sejħiet 'il barra (outgoing calls), mingħajr ħlas

jiġifieri l-faċilità li permezz tagħha l-abbonat jista’, wara li jitlob lil impriża nnominata biex tipprovdi servizzi telefoniċi, jimblokka, mingħajr ma jħallas, sejħiet 'il barra ta’ tipi definiti jew lejn tipi definiti ta’ numri.

(ċ) Sistemi ta’ ħlas minn qabel

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi nnominati biex jipprovdu mezzi kif il-konsumaturi jħallsu għall-aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u għall-użu ta’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli fuq bażi ta’ termini ta’ ħlas minn qabel.

(d) Pagament bin-nifs tal-ħlasijiet għall-konnessjoni

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi nnominati biex jippermettu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jħallsu għall-konnessjoni ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fuq bażi ta’ pagamenti bin-nifs għal tul ta’ żmien.

(e) Kontijiet li ma jitħallsux

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi, li għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppubblikati, biex ikopru l-kontijiet li ma jitħallsux lil operaturi nnominati skond l-Artikolu 8. Dawn il-miżuri jridu jiżguraw li għandha tingħata twissija xierqa minn qabel lill-abbonat ikkonċernat dwar interruzzjoni jew qtugħ tas-servizz b’konsegwenza ta’ kont li ma jitħallasx. Normalment, kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz għandha tiġi ristretta għas-servizz ikkonċernat. F’każi eċċezzjonali, bħal f’każi ta’ frodi, ħlas tard b’mod persistenti, jew ħlas li ma jsir qatt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollha s-setgħa li jawtorizzaw il-qtugħ minn man-netwerk bħala riżultat ta’ kontijiet li ma jitħallsux għal servizzi pprovduti permezz tan-netwerk. Il-qtugħ tas-servizz b’konsegwenza ta’ kontijiet li ma jitħallsux għandu jseħħ biss wara li tkun ingħatat twissija xierqa lill-abbonat. L-Istati Membri jistgħu jippermettu perjodu ta’ forniment ta’ servizz limitat qabel ma jitwettaq qtugħ komplet, li matulu huma permessi biss servizzi li ma jiswewx flus lill-abbonat (pereżempju, is-sejħiet fuq in-numru “112”).

Taqsima B

Lista ta’ faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 29:

(a) Iddijaljar bit-ton jew DTMF (operazzjoni b'ton doppju multi-frekwenza)

jiġifieri n-netwerk pubbliku ta’ tat-telefown isostni l-użu ta’ toni DTMF kif definit fl- ETSI ETR 207 għall-issinjalar minn tarf sa tarf man-netwerk kollu kemm fi Stat Membru partikolari kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor.

(b) Identifikazzjoni tal-linja ta’ mnejn dieħla t-telefonata

jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi ppreżentat lill-persuna msejħa qabel ma s-sejħa tiġi stabbilita.

Din il-faċilità għandha tiġi pprovduta skond il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-dejta personali u l-privatezza, b’mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE.

Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom ijfornu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta ta' l-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta' ddajaljar minn naħa għall-oħra tal- konfini ta' l-Istati Membri.

Taqsima Ċ

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-portabbiltà tan-numri msemmija fl-Artikolu 30

Ir-rekwiżit li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerifikazzjoni, li jitolbu dan, jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz għandu japplika:

(a) fil-każ ta’ numri ġeografiċi, f’post speċifiku; kif ukoll

(b) fil-każ ta’ numri mhux ġeografiċi, fi kwalunkwe post.

Dan il-paragrafu ma japplikax għall-portabbiltà ta’ numri bejn netwerks li jipprovdu servizzi f’post iffissat u netwerks spustabbli.

ANNESS II

INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA SKOND L-ARTIKOLU 21 (TRASPARENZA U PUBBLIKAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI)

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-informazzjoni f’dan l-Anness tiġi ppubblikata skond l-Artikolu 21. Hi r-responsabbiltà ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-impriżi li jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli u liema informazzjoni għandha tkun ippubblikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Meta l-informazzjoni tiġi ppubblikata mill-impriżi li jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tispeċifika l-mod li bih tkun trid tiġi ppubblikata l-informazzjoni sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni sħiħa.

1. Isem/ismijiet u indirizz(i) ta’ l-impriża/i

jiġifieri l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-uffiċċju prinċipali ta’ l-impriżi li jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli.

2. Deskrizzjoni tas-servizzi offruti

2.1. Ambitu tas-servizzi offruti

2.2. Tariffi Standard b’indikazzjoni dwar x’inhu inkluż f’kull element tat-tariffa (pereżempju, ħlasijiet għall-aċċess, it-tipi kollha ta’ ħlasijiet għall-użu, ħlasijiet għall-manutenzjoni), kif ukoll l-inklużjoni ta’ dettalji dwar roħs standard applikati u dwar skemi speċjali u skemi ta’ tariffi fil-mira.

2.3. Politika ta’ kumpens/refużjoni, inklużi dettalji speċifiċi dwar kwalunkwe skemi ta’ kumpens/refużjoni li jkunu qed jiġu offruti.

2.4. Tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni li jkun qed jiġi offrut.

2.5. Kundizzjonijiet ta’ kuntratt standard, inklużi kwalunkwe perjodu kuntrattwali minimu, terminazzjoni ta’ kuntratt, proċeduri u ħlasijiet diretti relatati mal-portabbiltà tan-numri u identifikaturi oħrajn, jekk dan ikun rilevanti.

3. Mekkaniżmi ta’ riżolviment ta’ tilwim inklużi dawk żviluppati mill-impriża.

4. Informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta’ servizz universali, inklużi, meta jkun xieraq, il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I.

ANNESS III

PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ

TUL TA’ ŻMIEN GĦALL-FORNIMENT U PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ, TIFSIRIET U METODI TA’ KEJL IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 11 U 22

Għal impriża nominata biex tipprovdi aċċess għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet

PARAMETRU (Nota 1) | TIFSIRA | METODU TA’ KEJL |

Tul ta’ żmien għall-konnessjoni inizjali | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Rata ta’ ħsara għal kull linja ta’ aċċess | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħin tat-tiswija tal-ħsara | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Għal impriża nominata biex tipprovdi servizz telefoniku pubblikament disponibbli

Ħin biex tiġi stabbilita sejħa (Nota 2) | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħin biex tingħata risposta b’servizzi ta’ l-operejter | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħin biex tingħata risposta b’servizzi ta’ konsultazzjojni tad-direttorju | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Proporzjon tat-telefowns pubbliċi bi ħlas bil-muniti jew bil-kard li jkunu jaħdmu | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ilmenti dwar żbalji fil-kontijiet | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Proporzjon ta’ sejħiet li ma jirnexxux (Nota 2) | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

In-numru tal-verżjoni ta’ l-ETSI EG 201 769-1 hu 1.1.1 (April 2000)

Nota 1

Il-parametri għandhom iħallu lok għall-analiżi tal-prestazzjoni fuq livell reġjonali (jiġifieri mhux inqas mil-livell 2 fin-Nomenklatura ta’ l-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) stabbilita mill-Eurostat.

Nota 2

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li tinżamm informazzjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni għal dawn iż-żewġ parametri, jekk ikun hemm provi disponibbli li juru li l-prestazzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma tkun sodisfaċenti.

[1] Id-Direttiva 2002/22/EC tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-7 ta' Marzu ta' l-2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi ĠU L 108, 24.4.2002.

[2] Id-Direttiva 2002/58/EC tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta' Lulju ta' l-2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika ĠU L 201, 31.7.2002.

[3] KUMM(2007)697.

[4] KUMM(2007)699.

[5] SEG(2007) 1472.

[6] KUMM(2007)696.

[7] KUMM(2006)334 finali.

[8] Ara n-nota 7 ta' qiegħ il-paġna.

[9] ĠU L186, 25.07.2003, p.43.

[10] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

[11] Tqies ukoll kemm għadhom jgħoddu d-dispożizzjonijiet fl-Anness VI dwar l-interoperabbiltàbbiltà tat-tagħmir diġitali tal-konsumatur. Madankollu, billi l-eżaminar għadu għaddej, id-disponibbiltàbbiltà tas-setgħat komitoloġiċi tippermetti lill-Kummissjoni temenda dawn id-dispożizzjonijiet b'mod iżjed mgħaġġel (l-Artikoli 35 u 37).

[12] ĠU L 364, 9.12.2004, p.1

[13] ĠU C , , p. .

[14] ĠU C , , p. .

[15] ĠU C , , p. .

[16] ĠU C , , p. .

[17] ĠU C , , p. .

[18] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

[19] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

[20] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

[21] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

[22] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

[23] ĠU C […], […], p. […].

[24] ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[25] ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

[26] ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.