52007PC0018




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 31.1.2007

KUMM(2007) 18 finali

2007/0019 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass (gażolju) u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant li jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni u li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE

(preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007) 55}{SEG(2007) 56}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta

Id-Direttiva 98/70/KE[1] stabbiliet speċifikazzjonijiet minimi għall-karburanti tal-petrol u tad-diżil biex jintużaw f’applikazzjonijiet mobbli tat-toroq u mhux tat-toroq. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet kienu stabbiliti għal raġunijiet sanitarji u ambjentali. Din il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 98/70/KE se tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti fit-toroq u mhux fit-toroq u se tgħin biex jiġu implimentati l-istrateġiji Komunitarji dwar il-kwalità ta’ l-arja u dwar it-tibdil fil-klima. Se twassal għal inqas emissjonijiet ta’ partikuli. Se tagħmel possibbli wkoll l-użu ta’ volumi akbar ta’ bijokarburanti filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ambjentali u sanitarji. Se tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-karburanti rregolati.

Ir-raġunijiet ewlenin għar-reviżjoni tad-Direttiva ġejjin minn teknoloġija tal-karburanti u tal-magni li qed tevolvi u miż-żieda fl-użu tal-bijokarburanti. Il-miri Komunitarji għall-kwalità ta’ l-arja, li ġew iffissati fl-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja, u l-ħtieġa kontinwa li jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-Gassijiet Serra huma l-fatturi ewlenin l-oħra li jinfluwenzaw il-ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva.

- Il-kuntest ġenerali

Id-Direttiva 98/70/KE kienet immodifikata l-aħħar mid-Direttiva 2003/17/KE[2]. Din il-modifika affetwat biss il-limiti tal-kubrit għall-petrol u għad-diżil iffissati fid-Direttiva. L-evoluzzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u r-rabtiet bejn it-teknoloġija tal-vetturi u l-kwalità tal-karburanti, tfisser li l-kwalità tal-karburanti trid tiġi riveduta parallelament.

Il-ħtieġa għal eżami u għal reviżjoni possibbli tad-Direttiva 98/70/KE hija prevista fl-Artikolu 9 tagħha. Dan jiddikjara li minħabba:

- aktar progress dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu tal-vetturi;

- l-evoluzzjoni ta’ l-istrateġija dwar is-CO2 u l-karozzi;

- u l-iżvilupp ta’ karburanti alternattivi,

għandu jitqies jekk dawn il-fatturi wasslux għal ħtieġa biex l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti jiġu riveduti. Barra min hekk, ġew identifikati kwistjonijiet speċifiċi oħra sabiex jitqiesu. Diskussjonijiet mifruxa sew mal-partijiet interessati identifikaw numru ta’ kwistjonijiet addizzjonali li għandhom jitqiesu fir-reviżjoni.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Direttiva 98/70/KE kif emendata mid-Direttiva 2003/17/KE tistabbilixxi speċifikazzjonijiet minimi għall-petrol u għad-diżil li għandhom jitqiegħdu fuq is-suq fl-UE. Inkluż fl-ambitu tagħha hemm il-limitu tal-kubrit għaż-żejt tal-gass (gażolju) li jintuża għal Makkinarju Mobbli Mhux tat-Toroq.

Id-Direttiva 1999/32/KE[3] tistabbilixxi l-limiti tal-kubrit għal ċerti karburanti likwidi u, fost l-oħrajn, tirreferi speċifikatament għall-karburant li jintuża fil-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni.

Id-Direttiva 93/12/KEE[4] qabel kienet tirregola l-kontenut tal-kubrit tal-karburanti likwidi; madankollu, wara li ġiet emendata mid-Direttivi 98/70/KE u 1999/32/KE jibqa’ fis-seħħ biss Artikolu wieħed tad-Direttiva.

- Il-konsistenza mal-politiki u ma’ l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

L-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja tistabbilixxi numru ta’ miri għat-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja fl-UE. Din il-proposta hija konsistenti ma’ dawk il-miri billi, fl-aspetti differenti tagħha, għandha l-għan li tnaqqas jew għallinqas tevita kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-aktar importanti.

Barra minn hekk, din il-proposta tifforma parti mill-istrateġija ta’ Kjoto ta’ l-UE, li hija bbażata fuq azzjoni konverġenti li tinvolvi lill-industrija, lit-trasport, lill-enerġija, lid-djar u lill-agrikoltura.

Il-proposta hija konsistenti ma’ l-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli peress li l-mira tagħha, fejn ikun possibbli, hija li jitnaqqsu jew jiġu evitati żjidiet f’emissjonijiet mhux mixtieqa ta’ sustanzi li jniġġsu li jwasslu għal impatti ambjentali u sanitarji u li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport. Madankollu, dan jeħtieġ li jsir b’mod effettiv fl-infiq filwaqt li jitqies il-benefiċċju għas-soċjetà.

Id-Direttiva proposta għandha wkoll l-għan li tiffaċilita l-ilħiq ta’ miri Komunitarji kurrenti u futuri għall-bijokarburanti. L-Istrateġija għall-Bijokarburanti tal-Kummissjoni[5] tiddikjara li “għandha tiffoka fuq … li jkun assigurat li l-użu ta’ bijokarburanti ma jqajjimx problemi ambjentali jew tekniċi”. Ir-reviżjoni tindirizza l-limiti fuq l-użu tal-bijokarburanti u l-modifiki fattibbli mingħajr ma jiżdiedu l-pressjonijiet ambjentali fl-użu. Qed jiġi rikonoxxut ukoll li tista’ tkun meħtieġa reviżjoni ulterjuri tal-limiti u ta’ l-istrumenti hekk kif jiżviluppaw it-teknoloġiji u l-volumi tal-karburanti u tal-bijokarburanti.

Il-proposta għandha implikazzjonijiet għall-istrateġija ta’ Liżbona u għas-suq intern. L-ispeċifikazzjonijiet tal-karburant jaffetwaw mhux biss lill-fornituri tal-karburant imma anki lill-manifatturi tal-vetturi, lill-makkinarju mobbli mhux tat-toroq u lill-komponenti tas-sistemi tal-karburant u ta’ l-egżost. Il-bidliet fl-ispeċifikazzjoni jistgħu jżidu jew inaqqsu l-ispejjeż għal dawk is-setturi. L-ispeċifikazzjoni għandha wkoll xi impatt fuq l-ispiża tal-karburant fornut u fuq id-daqs tas-swieq tal-karburanti u fuq l-implikazzjonijiet għall-użu totali ta’ l-enerġija, għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għal-livell ta’ l-impatti sanitarji mit-tniġġis ta’ l-arja. L-implikazzjonijiet ta’ kwalunkwe bidla fl-ispejjeż ġew ivvalutati u meqjusa, u qed jitqies li l-bidliet proposti ma jżidux l-ispejjeż totali għas-soċjetà.

Il-proposta hija konformi ma’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar peress li tinvolvi s-semplifikazzjoni ta’ l-obbligi imposti fuq l-industrija, ir-revoka ta’ direttiva, koerenza ma’ l-istrateġija dwar it-tibdil fil-klima, strateġija ta’ żvilupp sostenibbli, strateġija għall-bijokarburanti u l-mira ta’ l-Istrateġija Tematika sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja.

L-ispeċifikazzjonijiet proposti ġew iddefiniti fuq il-bażi ta’ l-aħjar tekniki disponibbli bl-għan li jitnaqqsu, kemm jista’ jkun possibbli, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet serra mingħajr ma jinħoloq dannu ambjentali ieħor. F’uħud mill-oqsma ġew ivvalutati kompromessi potenzjali, pereżempju t-tnaqqis tal-kubrit jista’ jżid l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali tal-parteċipanti

Minħabba n-natura ferm teknika tad-Direttiva, ġie organizzat proċess għall-partijiet interessati bil-partijiet interessati rilevanti fuq livell ta’ UE. Matul dan il-proċess, kien diskuss l-ambitu tar-reviżjoni u l-partijiet interessati kienu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-aspetti differenti kollha tar-reviżjoni. Ittellgħu żewġ laqgħat u ngħatat opportunità ulterjuri għal kummenti bil-miktub. Il-parti l-kbira tal-parteċipanti qablu li l-kummenti tagħhom jkunu ppreżentati fil-pubbliku u dawn ġew ippubblikati fuq http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/fuel_quality/library.

Sommarju tar-risposti u kif tqiesu

Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet koperti mir-reviżjoni, mhux possibbli li hawnhekk jingħata sommarju ġenerali tal-kummenti tal-partijiet interessati. Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tirrapporta l-fehmiet ewlenin tal-partijiet interessati għal kull aspett tar-reviżjoni, b’mod partikolari fejn il-partijiet interessati wrew fehmiet diverġenti. Fejn il-fehmiet ma qablux, il-Kummissjoni ppruvat tistabbilixxi l-aktar metodu kredibbli filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-inċertezza u jiġi evitat ir-riskju ta’ konsegwenzi ambjentali jew sanitarji mhux mixtieqa.

- Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert

L-oqsma xjentifiċi/ta’ kompetenza kkonċernati

Ir-reviżjoni tkopri kwistjonijiet prinċipalment relatati mat-tniġġis ta’ l-arja, mat-teknoloġija tal-kombustjoni u tal-magni, mar-raffinar taż-żejt, mat-teknoloġija tal-bijokarburanti u ma’ l-emissjonijet tal-gassijiet serra.

Il-metodoloġija li ntużat

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma u tinvolvi numru sinifikanti ta’ setturi industrijali. Ħafna aspetti u l-kwistjonijiet sottostanti għalihom huma ferm tekniċi.

Minħabba dawn il-fatturi, il-Kummissjoni fittxet kontribuzzjoni mingħand organizzazzjonijiet bil-kompetenza rilevanti. Din il-kontribuzzjoni kienet ipprovduta miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), proċess strutturat għall-partijiet interessati u permezz ta’ djalogu u ta’ laqgħat ma’ partijiet interessati individwali jew ma’ gruppi ta’ partijiet interessati.

Il-JRC wettaq xogħol xjentifiku b’appoġġ għal uħud mill-oqsma tekniċi fir-reviżjoni bl-appoġġ ta’ partijiet interessati differenti. Il-JRC irrapporta dwar il-progress fil-laqgħat mal-partijiet interessati u rrisponda għall-mistosijiet u għall-kummenti. Il-parir finali tal-JRC wasal fit-28 ta’ Frar 2006.

L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin li ġew ikkonsultati

Ix-xogħol sperimentali mwettaq mill-JRC kien jinvolvi anki l-organizzazzjoni ta’ riċerka ta’ l-industrija awtomotiva Ewropea (EUCAR) u l-organizzazzjoni ta’ riċerka ta’ l-industrija taż-żejt Ewropea (CONCAWE). Firxa kbira ta’ partijiet interessati pprovdew kontribuzzjoni għall-proċess u d-dettalji ta’ dawn ngħataw fl-Anness 1 għall-Valutazzjoni ta’ l-Impatt.

Sommarju tal-pariri li waslu u li ntużaw

Għal għadd kbir mill-oqsma vvalutati fir-reviżjoni, hemm ftit jew l-ebda nuqqas ta’ qbil dwar is-sejbiet. Dawn l-oqsma huma: il-Flotot Vinkolati, id-Data tat-tmiem għall-10ppm ta’ kubrit fid-diżil, ir-Reviżjoni tad-Direttiva 1999/96/KE, ir-Reviżjoni tal-politika dwar is-CO2 u l-karozzi, ir-Reviżjoni tad-Direttiva 1999/30/KE.

F’uħud mill-oqsma hemm interessi ta’ industriji waħdanija li jiffavorixxu pożizzjoni partikolari. Dawn jinkludu l-limitu fuq il-kontenut ta’ FAME fid-diżil, l-ispeċifikazzjoni tad-diżil mhux tat-toroq, id-densità tad-diżil, il-kontenut ta’ ossiġenati tal-petrol, il-pressjoni tal-fwar tal-petrol.

F’għadd ta’ oqsma oħra hemm differenza ċara ta’ opinjoni bejn is-setturi differenti, ġeneralment l-industrija tal-manifattura tal-vetturi u l-industrija taż-żejt. Dawn jinkludu l-Karta Dinjija dwar il-Karburant ( World Wide Fuel Charter ), l-Idrokarboni Poli-Aromatiċi ( Poly Aromatic Hydrocarbons ), id-deterġenti u l-additivi metalliċi. Hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-impatt ta’ l-additivi metalliċi fuq is-sistemi ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet u fuq il-limiti ta’ l-etanol u tal-pressjoni tal-fwar.

Uħud mis-setturi ta’ l-industrija jsostnu li l-additivi metalliċi jkabbru r-riskji ta’ dannu għas-sistemi ta’ kontroll ta’ l-egżost tal-vetturi filwaqt li l-manifatturi ta’ l-additivi jikkontestaw din l-affermazzjoni. S’issa ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim dwar metodu ta’ ttestjar sabiex ikun ivverifikat jekk l-additivi metalliċi jikkawżawx dannu jew le.

L-użu ta’ l-etanol f’taħlitiet mal-petrol jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li huma prekursuri ta’ l-ożonu fil-livell ta’ l-art. Taħlitiet ogħla ta’ etanol għandhom problemi ta’ kompatibbiltà ma’ wħud mill-vetturi. L-użu ta’ l-etanol, u ta’ bijokarburanti oħra, joffri l-potenzjal li jitnaqqsu l-emissjonjiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja mill-karburanti tat-toroq. Il-valutazzjoni ta’ dawn l-impatti hija kkontestata, b’mod partikolari mill-industrija tal-provvista ta’ l-etanol.

L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irriversibbli ssemmiet f’uħud mill-oqsma, pereżempju, mill-manifatturi tal-vetturi u mill-industrija taż-żejt. Dawn ir-riskji jinkludu dannu għall-vetturi u żidiet fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet serra.

Il-mezzi li ntużaw sabiex il-pariri ta’ l-esperti jkunu pubblikament disponibbli

Il-kummenti tal-partijiet interessati dwar l-aspetti differenti kollha tar-reviżjoni saru pubblikament disponibbli fuq l-Internet, kif ġie nnotat aktar ’il fuq, ħlief f’każi fejn il-partijiet interessati talbu li l-kummenti tagħhom jinżammu kunfidenzjali.

- Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni ta’ l-Impatt elenkat fil-Programm ta’ Ħidma. Dan ir-rapport huwa aċċessibbli bħala d-dokument SEG(2007) 55. Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tqis is-sittax-il qasam li ġejjin:

a) Jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti inklużi fid-Direttiva għandhomx jiġu sostitwiti b’dawk mill-Karta Dinjija dwar il-Karburant li ġew proposti mill-industrija awtomotiva.

b) Jekk fin-nuqqas ta’ limitu, fid-Direttiva għandux jiġi introdott limitu massimu fuq il-kontenut tal-FAME (bijodiżil) fid-diżil. Tali limitu għandu jillimita l-ammont ta’ FAME li jista’ jitħallat.

c) Jekk jirriżultax fi kwalunkwe benefiċċju ambjentali li fid-Direttiva jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet minimi għal-LPG, għall-Gass Naturali u għall-Bijokarburanti.

d) Jekk jirriżultax fi kwalunkwe benefiċċju ambjentali li tiġi stabbilita speċifikazzjoni speċifika għall-karburanti sabiex tintuża mill-flotot vinkolati.

e) Liema data mandatorja għandha tkun stabbilita għal kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10ppm fid-diżil. Dan il-livell ta’ kubrit huwa meħtieġ sabiex tittejjeb ħidmet it-teknoloġiji ta’ kontroll tas-sustanzi li jniġġsu.

f) Jekk wara r-reviżjoni tad-Direttiva 1999/96/KE[6] hemmx il-ħtieġa li jitbiddel kwalunkwe parametru sabiex tkun żgurata l-ħidma korretta tal-vetturi li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet aktar stretti ta’ l-emissjonijiet.

g) Jekk wara r-reviżjoni tal-ftehimiet volontarji dwar is-CO2 u l-karozzi jeħtieġx li jitbiddel kwalunkwe parametru sabiex il-manifatturi tal-karozzi jkunu jistgħu jkunu konformi ma’ l-impenji tagħhom.

h) Jekk wara r-reviżjoni tad-Direttiva 1999/30/KE[7] tkunx meħtieġa kwalunkwe emenda għall-parametri tal-karburanti sabiex il-valuri limitu tal-kwalità ta’ l-arja jkunu jistgħu jintlaħqu.

i) Jekk il-kontenut massimu ta’ l-Idrokarboni Poli-Aromatiċi (bħalissa ffissat għal 11%) fid-diżil għandux jiġi modifikat sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu tal-vetturi.

j) Jekk hijx meħtieġa kwalunkwe emenda għall-ispeċifikazzjoni taż-żejt tal-gass (gażolju) li għandu jintuża f’makkinarju mobbli mhux tat-toroq sabiex ikun jista’ jiġi introdott makkinarju li jissodisfa l-limiti l-ġodda ta’ l-emissjonijiet.

k) Jekk hix meħtieġa kwalunkwe emenda għad-Direttiva minħabba l-benefiċċju ambjentali potenzjali minn użu aktar wiesa’ tad-deterġenti fil-karburanti.

l) Jekk hix meħtieġa kwalunkwe emenda għad-Direttiva b’relazzjoni għall-użu potenzjali ta’ l-additivi metalliċi fil-karburanti peress li l-effett tagħhom fuq il-vetturi u fuq l-emissjonijiet mhux ċar.

m) Jekk għandhiex tiġi modifikata d-densità massima tad-diżil minħabba d-densità ogħla tal-FAME (bijodiżil) sabiex ikun iffaċilitat it-taħlit tiegħu fid-diżil.

n) Jekk hix meħtieġa kwalunkwe emenda għal-limiti massimi ta’ l-ossiġenati għall-petrol minħabba li hija ħaġa mixtieqa li jkun promoss l-użu tal-bijokarburanti.

o) Jekk hix meħtieġa kwalunkwe emenda għal-limitu massimu tal-pressjoni tal-fwar għall-petrol minħabba li hija ħaġa mixtieqa li jkun promoss l-użu tal-bijokarburanti peress li bidla fil-pressjoni tal-fwar tista’ twassal għal aktar emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili.

p) Jekk għandhiex issir emenda għad-Direttiva sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja mill-karburant, u b’hekk jingħata inċentiv newtrali fit-teknoloġija sabiex il-karburanti tat-trasport jiġu dekarbonizzati u jiġu żviluppati bijokarburanti ġodda u aħjar.

Għal kull qasam, l-għażliet meqjusa jvarjaw. F’(f) u (g) li ma tittieħed l-ebda azzjoni jidher li hija l-unika għażla fattibbli. Għall-oqsma l-oħra kollha, tqies li ma tittieħed l-ebda azzjoni, kif tqiesu wkoll bejn 1 u 6 għażliet oħra. Dawn l-għażliet l-oħra jinkludu azzjoni volontarja minn sezzjoni waħda jew aktar ta’ l-industrija, l-introduzzjoni ta’ jew il-limiti eżistenti fl-ispeċifikazzjoni jsiru aktar stretti, kif ukoll jiġu introdotti elementi ġodda fid-Direttiva.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Għall-parti l-kbira ta’ l-oqsma vvalutati kien konkluż li l-għażla ppreferuta kienet li ma tittieħed l-ebda azzjoni. F’għadd ta’ oqsma bidliet fid-Direttiva se jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet serra u għal inqas spejjeż totali. Il-bidliet ewlenin fid-Direttivi li ġew proposti huma:

1) Id-data mandatorja għal massimu ta’ 10ppm ta’ kubrit fid-diżil ġiet ikkonfermata bħala l-2009. Dan se jirriżulta f’inqas emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, primarjament partikuli, kif ukoll se tkun iffaċilitata l-introduzzjoni ta’ tagħmir ieħor ta’ kontroll tas-sustanzi li jniġġsu u se tkun ipprovduta ċertezza għall-industrija.

2) Mill-2009, il-kontenut massimu ta’ l-idrokarboni poli-aromatiċi fid-diżil se jitnaqqas għal 8%. Dan jista’ jirriżulta fi tnaqqis fl-emissjonijiet tal-partikuli u ta’ l-idrokarboni poli-aromatiċi; madankollu, il-livell u d-data ntgħażlu sabiex ikun żgurat li mhu se jkun hemm l-ebda spiża mill-bidla proposta.

3) Il-kontenut massimu tal-kubrit f’żejt tal-gass (gażolju) mhux tat-toroq se jitnaqqas minn 1000ppm għal 10ppm għal użi bbażati fuq l-art u minn 1000ppm għal 300ppm għal passaġġi ta’ l-ilma interni. Il-bidla għat-tagħmir ibbażat fuq l-art se tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ magni u ta’ tagħmir għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet aktar avvanzati kif ukoll se tnaqqas l-emissjonijiet tal-partikuli mit-tagħmir eżistenti. Il-bidla għall-passaġġi ta’ l-ilma interni se tiżgura li dawn il-magni jaħdmu fuq il-livelli approvati għat-tip ta’ l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

4) Sabiex fil-petrol ikun jista’ jintuża volum ogħla ta’ bijokarburanti, tiġi stabbilita taħlita separata ta’ petrol b’kontenut permess ogħla ta’ ossiġenati (inkluż sa 10 % ta’ etanol). Għall-istess raġuni, jiġi miżjud il-limitu tal-pressjoni tal-fwar għall-petrol imħallat bl-etanol. It-taħlitiet kollha disponibbli fuq is-suq se jkunu ttikkettati b’mod ċar. Dawn il-bidliet se jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq tal-bijokarburanti filwaqt li jkunu evitati r-riskji possibbli ta’ dannu għall-vetturi eżistenti. Emissjonijiet akbar ta’ komposti organiċi volatili se jkunu kkontrollati billi jinġabru l-emissjonijiet għall-karburanti kollha fil-pompi tal-petrol. Fl-2007, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għall-introduzzjoni mandatorja ta’ l-irkupru tal-fwar mill-pompi tal-petrol.

5) Mill-2009, jiġi introdott monitoraġġ mandatorju tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja. Mill-2011 dawn l-emissjonijiet iridu jitnaqqsu b’1% fis-sena. Dan se jiżgura li s-settur tal-karburanti jagħti l-kontribut tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri Komunitarji tul perjodu itwal ta’ żmien biex jitnaqqsu l-gassijiet serra u min-naħa tiegħu, is-settur tal-karburanti se jagħmel sforzi paralleli sabiex itejjeb l-effiċjenza tal-vetturi. Se jagħti wkoll stimolu għal aktar żvilupp tal-karburanti b’livell baxx ta’ karbonju u miżuri oħra sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-katina ta’ produzzjoni.

6) Il-pressjoni massima permessa tal-fwar għat-taħlitiet ta’ l-etanol kienet tbiddlet sabiex fis-snin bikrija setgħet tiżviluppa l-industrija tal-bijokarburanti. Madankollu, peress li l-petrol bażi seta’ jiġi manifatturat sabiex jippermetti kontenut akbar ta’ bijokarburanti u ta’ etanol bi pressjoni aktar baxxa tal-fwar, il-kumpaniji taż-żejt ġew mistiedna jiżviluppaw dawn it-taħlitiet anki fl-Ewropa. Meta dan il-petrol bażi bi pressjoni tal-fwar aktar baxxa jkun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti, il-limitu tal-pressjoni tal-fwar jista’ jiġi rivedut.

Minbarra dan, id-Direttiva proposta tiċċara l-użu possibbli ta’ l-eżenzjoni għal-limitu tal-pressjoni tal-fwar għal temp artiku jew ikrah sabiex tkun evitata interpretazzjoni ħażina u tiżdied iċ-ċertezza legali u tiġi introdotta klawżola ġdida ta’ eżami. Id-Direttiva proposta anki taġġorna d-Direttiva 98/70/KE billi temendaha sabiex jitneħħew l-elementi żejda.

- Il-bażi ġuridika

Dan l-att għandu żewġ bażijiet ġuridiċi (l-Artikolu 95 u l-Artikolu 175), peress li jemenda att wieħed u jirrevoka ieħor, bit-tnejn li huma jkunu bbażati fuq l-Artikolu 95 (eks-Artikolu 100(a)) u jemenda att ieħor li huwa bbażat fuq l-Artikolu 175 (eks-Artikolu 130(s)).

- Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membi peress li hemm suq mifrux ma’ l-UE kollha għall-vetturi tat-toroq u aspett importanti mill-funzjonament xieraq tagħhom huwa l-kwalità tal-karburant disponibbli. Azzjoni mill-Istati Membri waħidhom tfisser li ma jkunx hemm aktar suq wieħed fil-karburanti tat-trasport fit-toroq minħabba li jkunu qed jintużaw speċifikazzjonijiet differenti. Dan ikun dannuż minn perspettiva ekonomika minbarra li jnaqqas is-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija peress li jagħmel lis-suq ta’ kull Stat Membru dipendenti biss fuq il-provvista prodotta skond l-ispeċifikazzjoni tiegħu biex b’hekk ikun ipprevenut l-iskambju bejn l-Istati Membri f’każ ta’ disturb fis-suq.

Il-benefiċċji li jiġi limitat id-dannu ambjentali u sanitarju mill-użu ta’ karburant tat-trasport fit-toroq se jkunu akbar bi spiża aktar baxxa permezz ta’ speċifikazzjoni waħda għall-karburanti ta’ l-UE. Peress li s-sustanzi li jniġġsu l-arja jinġarru min-naħa għall-oħra tal-fruntieri hija ħaġa mixtieqa li jkun żgurat li tittieħed azzjoni konċertata sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet min-naħa għall-oħra tal-Komunità.

Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

- Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Il-proposta tieħu l-forma ta’ Direttiva li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet minimi tal-karburanti għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali u sanitarja. Aspetti tekniċi oħra ta’ speċifikazzjonijiet tal-karburanti ma jiġux indirizzati fid-Direttiva, imma jitħallew biex ikunu rregolati mill-istandards Ewropej skond prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar.

Il-proposta ma żżidx il-piż finanzjarju jew amministrattiv tal-Komunità kif ukoll tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Ir-rekwiżiti b’relazzjoni għal dawn il-korpi ma nbidlux minn dawk fid-Direttiva eżistenti.

Biex jiġu żviluppati l-proposti, ġew analizzati l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ġie deskritt fid-dettall fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt. L-azzjonijiet proposti ntgħażlu sabiex ikun żgurat li l-benefiċċji dejjem ikunu akbar mill-ispejjeż. B’dan il-mod, l-ispejjeż totali għall-operaturi ekonomiċi u għaċ-ċittadini ġew minimizzati.

- L-għażla ta’ strumenti

Strument propost: id-Direttiva.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għaliex biex tkun ipprovduta ċertezza l-kwalità tal-karburant trid tkun irregolata minn leġiżlazzjoni li torbot. Dan jeskludi l-għażliet l-oħra kollha għajr Direttiva jew Regolament. Peress li hemm biss il-ħtieġa li tkun ikkontrollata l-ispeċifikazzjoni finali tal-karburant, imma mhux kif dik l-ispeċifikazzjoni tiġi żgurata, Regolament ikun strett iżżejjed.

4. L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Semplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi għal semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni billi timmodifika żewġ Direttivi eżistenti (id-Direttiva 98/70/KE u d-Direttiva 1999/32/KE[8]). Id-Direttivi li jirriżultaw huma iqsar, aktar ċari, jevitaw qasam kurrent ta’ trikkib u jħallu inqas lok għal inċertezza legali.

- Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni kurrenti

Il-proposta se twassal għar-revoka ta’ Direttiva żejda eżistenti (93/12/KEE[9]).

- Il-klawżola ta’ eżami/reviżjoni/estinzjoni awtomatika

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ eżami.

- It-tabella ta’ korelazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll tabella ta’ korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

- Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

6. DESKRIZZJONI TA’ L-ELEMENTI

Artikolu 1

Punt 1. Dan jemenda l-Artikolu 2 billi jżid paragrafu 5 ġdid li jiddefinixxi b’mod aktar ċar it-tifsira ta’ kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp ikrah.

Punt 2. Dan jemenda l-Artikolu 3. Is-sottoparagrafi (a) u (b) tal-paragrafu 2 jitħassru peress li huma żejda. Is-sottoparagrafu (c) jiġi modifikat sabiex jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ petrol konformi ma’ l-Anness V.

Il-paragrafu 3 jiġi sostitwit sabiex jinħtieġ li l-karburanti kollha li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness III u fl-Anness V jiġu ttikkettati.

Il-paragrafi 4, 5 u 6 jitħassru peress li huma żejda għaliex kwalunkwe deroga skadiet fl-2003, fl-2005 jew fl-2007.

Il-paragrafu 7 jiġi sostitwit sabiex ikun iċċarat il-kontenut massimu ta’ ċomb għall-kwantitajiet żgħar ta’ petrol biċ-ċomb li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu.

Punt 3. Dan jemenda l-Artikolu 4. Is-sottoparagrafi (a) u (b) tal-paragrafu 1 jitħassru peress li huma żejda. Is-sottoparagrafu (e) jiġi sostitwit sabiex jikkonferma d-data ta’ l-1 ta’ Jannar 2009 bħala d-data meta d-diżil kollu għandu jkun fih massimu ta’ 10mg/kg ta’ kubrit.

Il-paragrafi 2 u 3 jitħassru peress li huma żejda għaliex kwalunkwe deroga skadiet fl-2003 u fl-2007. Il-paragrafu 4 jitħassar peress li l-proċedura sabiex jiġu trattati d-derogi skond il-paragrafi 2 u 3 konsegwentement m’għadiex meħtieġa aktar.

Il-paragrafu 5 jiġi sostitwit sabiex ikunu introdotti speċifikazzjonijiet tal-kubrit aktar stretti għaż-żejt tal-gass (gażolju) li jintuża f’makkinarju mobbli mhux tat-toroq.

Jiġi miżjud il-paragrafu 6 biex sal-31 ta’ Diċembru 2009 ikun introdott kontenut massimu permissibbli ta’ kubrit aktar strett fi żjut tal-gass (gażolji) maħsuba biex jintużaw minn bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011 jiġi introdott tnaqqis ulterjuri.

Punt 4. Dan ibiddel it-titolu u jintroduċi paragrafu ġdid fl-Artikolu 6 li jesiġi li l-Istati Membri li jixtiequ jużaw id-deroga għall-pressjoni tal-fwar fis-Sajf f’kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp ikrah bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

Punt 5. Dan idaħħal żewġ Artikoli ġodda. L-ewwel Artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jobbligaw lill-fornituri tal-karburanti biex jirrappurtaw dwar emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja mill-karburant li jfornu. Il-metodoloġija tal-mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ għandha tkun stabbilita f’koordinazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30/KE. Rekwiżit addizzjonali li jidħol fis-seħħ aktar tard jeħtieġ li jitnaqqsu l-emissjonijiet irrappurtati.

It-tieni Artikolu jipprevedi li l-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2), għandha tadotta l-miżuri għall-modifiki ta’ l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw it-taħlit ta’ l-etanol fil-petrol, u b’mod partikolari, il-pressjoni tal-fwar.

Punt 6. Dan idaħħal Artikolu ġdid li jeħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa metodoloġija xierqa ta’ ttestjar għall-użu ta’ l-additivi metalliċi fil-karburanti.

Punt 7. Dan jissostitwixxi l-Artikolu oriġinali li jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrappurta dwar id-Direttiva fuq bażi regolari. Sal-31 ta’ Diċembru 2012 huwa previst l-ewwel rapport u kull tliet snin huma previsti aktar rapporti. Fejn ikun xieraq, ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti. F’dan l-Artikolu ġew speċifikati l-elementi li, fost l-oħrajn, għandhom ikunu inklużi fir-rapport.

Punt 8. Dan jissostitwixxi l-Artikolu 11 oriġinali (kif ġie elenkat fil-punt 80 ta’ l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1882/2003[10]) sabiex issir referenza għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

Punt 9. Dan iħassar l-Artikolu 14 li huwa żejjed.

Punt 10. Dan iħassar l-Anness I għad-Direttiva 98/70/KE li huwa żejjed.

Punt 11. Dan iħassar l-Anness II għad-Direttiva 98/70/KE li huwa żejjed.

Punt 12. Fl-Anness III jiġi miżjud il-limitu massimu tal-pressjoni tal-fwar għat-taħlitiet ta’ l-etanol.

Punt 13. Fl-Anness IV il-kontenut massimu permess ta’ l-Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi ( Polycyclic Aromatic Hydrocarbon ) fid-diżil jitbiddel għal 8% u n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna tiġi modifikata minħabba l-konferma ta’ l-1 ta’ Jannar 2009 bħala d-data biex id-diżil kollu jkun fih massimu ta’ 10mg/kg ta’ kubrit.

Punt 14. Jiġi miżjud Anness V ġdid li jinkludi l-ispeċifikazzjoni ta’ petrol li fih sa 10% ta’ l-etanol, inkluża żieda fil-kontenut massimu ta’ l-ossiġenati kollha u kontenut totali ta’ ossiġenati ta’ 3.7%.

Punt 15. Jiġi miżjud Anness VI ġdid li jinkludi żieda fil-livell tal-pressjoni permessa tal-fwar għal taħlitiet differenti ta’ l-etanol.

Artikolu 2

Id-Direttiva 1999/32/KE tinkludi referenzi għall-karburant li għandu jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni. F’din il-proposta, il-bidliet fl-ispeċifikazzjoni tal-karburant għal dawn il-bastiment teħtieġ bidla konsegwenti f’dik id-Direttiva.

Artikolu 3

Il-bidliet li saru qabel fid-Direttiva 93/12/KEE kemm mid-Direttiva 1998/70/KE kif ukoll mid-Direttiva 1999/32/KE ħallew biss paragrafu wieħed ta’ l-Artikolu 2 minn dik id-Direttiva fis-seħħ. Dan huwa żejjed u għalhekk id-Direttiva tiġi revokata.

Artikolu 4

Id-data tat-traspożizzjoni hija ffissata għal mhux akar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008.

2007/0019 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass (gażolju) u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant li jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni u li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 95 u 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[11],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14],

Billi:

(1) Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE[15] tistabbilixxi speċifikazzjonijiet minimi għall-karburanti tal-petrol u tad-diżil għall-użu f’applikazzjonijiet mobbli tat-toroq u mhux tat-toroq għal raġunijiet sanitarji u ambjentali.

(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Strateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja[16] stabbiliet miri biex, sa l-2020, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu. Dawn il-miri rriżultaw minn analiżi estensiva ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji. B’mod partikolari ġew stabbiliti miri biex l-emissjonijiet ta’ l-SO2 jitnaqqsu bi 82%, l-emissjonijiet tan-NOx b’60%, il-komposti organiċi volatili (VOCs) b’51% u l-PM2.5 primarji b’59% relattivament għall-emissjonijiet fis-sena 2000. Il-konsegwenzi ta’ l-emendi għad-Direttiva 98/70/KE dwar l-emissjonijiet tal-VOCs minn pompi tal-petrol għandhom jiġu indirizzati fil-leġiżlazzjoni futura.

(3) Skond il-protokoll ta’ Kjoto, il-Komunità impenjat ruħha rigward il-miri ta’ l-emissjonijiet tal-Gassijiet Serra għall-perjodu 2008-12. It-trasport intern bħalissa huwa responsabbli għal kważi 20% minn dawn l-emissjonijiet. Il-Komunità qed tqis liema livell ta’ tnaqqis ta’ gassijiet serra għandu jkun segwit lilhinn mill-impenn ta’ Kjoto. Is-setturi kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-miri futuri.

(4) Aspett wieħed ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport ġie ttrattat permezz tal-politika Komunitarja dwar is-CO2 u l-karozzi. L-użu tal-karburant fit-toroq jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet Komunitarji totali tal-gassijiet serra. Il-monitoraġġ u t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja mill-karburanti jistgħu jikkontribwixxu sabiex jgħinu lill-Komunità tilħaq il-miri tagħha ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra permezz tad-dekarbonizzazzjoni tal-karburant tat-trasport.

(5) Il-Komunità adottat regolamenti li jillimitaw l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu minn Vetturi tat-Toroq Li Jifilħu Ftit u Li Jifilħu Ħafna Strapazz. L-ispeċifikazzjoni tal-karburant hija waħda mill-fatturi li tinfluwenza l-faċilità li biha tali limiti ta’ emissjoni jkunu jistgħu jiġu sodisfatti.

(6) Id-Direttiva 2003/30/KE tat-8 ta’ Mejju 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport[17] għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti fi ħdan il-Komunità. L-Istrateġija Komunitarja dwar il-Bijokarburanti ġiet ulterjorment elaborata fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-2006 – Strateġija ta’ l-UE għall-Bijofjuwils[18]. Filwaqt li tindika r-rieda tajba biex ikunu żviluppati aktar il-bijokarburanti u t-teknoloġija tal-bijokarburanti, il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara li ż-żjieda fil-bijokarburanti m’għandhiex twassal għal żieda fid-dannu ambjentali u enfasizzat il-ħtieġa li jittejjeb it-tnaqqis tal-gassijiet serra. Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jingħata inkoraġġiment lil żvilupp ulterjuri fit-teknoloġija tal-bijokarburanti.

(7) Id-Direttiva 98/70/KE torbot deroga għall-pressjoni massima tal-fwar tal-petrol fis-Sajf ma’ l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp ikrah. Peress li l-applikazzjoni ta’ dan tat lok għal inċertezza legali, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ dik id-deroga jeħtieġ li jiġu ċċarati.

(8) Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq[19] tiffissa limiti ta’ emissjoni għal magni li jintużaw f’makkinarju mobbli mhux tat-toroq. Għat-tħaddim ta’ dan il-makkinarju jeħtieġ li jkun ipprovdut karburant li jippermetti l-funzjonament xieraq ta’ dawn il-magni.

(9) Il-kombustjoni tal-karburant tat-trasport fit-toroq hija responsabbli għal madwar 20% mill-emissjonijiet Komunitarji tal-Gassijiet serra. Metodu wieħed sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet huwa billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja ta’ dawn il-karburanti. Dan jista’ jsir b’għadd ta’ modi. Minħabba l-ambizzjoni Komunitarja li jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rwol importanti li għandhom l-emissjonijiet tat-trasport fit-toroq, huwa xieraq li ssir ħidma fuq mekkaniżmu li jeħtieġ li l-fornituri tal-karburanti jirrappurtaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja tal-karburant li jfornu u li jnaqqsu dawk l-emissjonijiet b’ammont fiss kull sena mill-2010 ’il quddiem. Peress li waħda mill-konsegwenzi ta’ din id-direttiva se tkun il-possibbiltà akbar ta’ użu tal-bijokarburanti, il-mekkaniżmu tar-rappurtaġġ u tat-tnaqqis tal-gassijiet serra se jkun żviluppat f’koordinazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30/KE.

(10) Peress li firxa sħiħa ta’ setturi tan-negozju huma involuti fil-provvista ta’ karburanti differenti li se jikkontribwixxu sabiex il-karburant tat-trasport jiġi dekarbonizzat, se tiġi żviluppata konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati f’koordinazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30/KE.

(11) Il-Kummissjoni stabbiliet mira li, sa l-2020, tilħaq sehem minimu ta’ 10% ta’ bijokarburant fil-karburanti tat-trasport. Progress tekniku kontinwu fl-oqsma tat-teknoloġija awtomotiva u tal-karburanti flimkien max-xewqa kontinwa biex ikun żgurat li l-livell ta’ protezzjoni ambjentali u sanitarja jkun ottimizzat jeħtieġu reviżjoni perjodika ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti bbażata fuq studji u analiżijiet ulterjuri ta’ l-impatt tal-komponent ta’ l-additivi u tal-bijokarburanti fuq l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu. Għaldaqstant, għandhom isiru rapporti regolari dwar il-possibbiltà li tkun iffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni tal-karburanti tat-trasport.

(12) L-użu tad-deterġenti jista’ jikkontribwixxi sabiex il-magni jinżammu nodfa u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu. S’issa għadu ma ġie stabbilit l-ebda mod sodisfaċenti ta’ kif jiġu ttestjati l-kampjuni tal-karburanti għall-karatteristiċi ta’ deterġenza tagħhom. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà sabiex il-konsumaturi tagħhom jkunu informati dwar il-benefiċċji tad-deterġenti u dwar l-użu tagħhom qiegħda f’idejn il-fornituri tal-karburanti u tal-vetturi. Minkejja dan, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk żviluppi ulterjuri jippermettux metodu aħjar sabiex l-użu u l-benefiċċju tad-deterġenti jkunu ottimizzati.

(13) Id-dettalji li jikkonċernaw it-taħlit ta’ l-etanol fil-petrol, b’mod partikolari il-limiti fuq il-pressjoni tal-fwar u l-alternattivi possibbli sabiex ikun żgurat li t-taħlitiet ta’ l-etanol ma jaqbżux il-limiti aċċettabbli tal-pressjoni tal-fwar, għandhom ikunu riveduti fuq il-bażi ta’ l-esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttiva 98/70/KE.

(14) It-taħlit ta’ l-etanol fil-petrol iżid il-pressjoni tal-fwar tal-karburant li jirriżulta filwaqt li l-pressjoni tal-fwar għat-taħlitiet tal-petrol trid tiġi kkontrollata sabiex ikunu limitati l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja.

(15) It-taħlit ta’ l-etanol fil-petrol jirriżulta f’bidla mhux lineari tal-pressjoni tal-fwar tat-taħlita ta’ karburanti li tirriżulta. Sabiex ikun żgurat li l-pressjoni tal-fwar tal-petrol li tirriżulta mit-taħlit ta’ kwalunkwe żewġ taħlitiet legali ta’ petrol u ta’ etanol tibqa’ fi ħdan il-limitu legali tal-pressjoni tal-fwar, huwa meħtieġ li tkun iddefinita r-rinunzja permessa tal-pressjoni tal-fwar għal tali taħlitiet sabiex tikkorrispondi għaż-żjieda effettiva fil-pressjoni tal-fwar li tirriżulta miż-żjieda ta’ perċentwal partikolari ta’ etanol mal-petrol.

(16) Sabiex jinkoraġġixxu l-użu ta’ karburanti b’livell baxx ta’ karbonju filwaqt li jirrispettaw il-miri għat-tniġġis ta’ l-arja, ir-raffinaturi tal-petrol, idealment, għandu jkollhom disponibbli petrol b’livell baxx ta’ pressjoni tal-fwar fil-volumi meħtieġa. Peress li bħalissa dan mhuwiex il-każ, ġie miżjud il-limitu tal-pressjoni tal-fwar għat-taħlitiet ta’ l-etanol sabiex is-suq tal-bijokarburanti jitħalla jiżviluppa.

(17) Id-Direttiva 98/70/KE tipprovdi li ċerti miżuri għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[20].

(18) Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta’ ambitu ġenerali maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku li kien adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inkluż billi tħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument ġie mogħni biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali.

(19) Fil-qafas tat-twaqqif ta’ mekkaniżmu ġdid għall-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet tal- gassijiet serra, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-metodoloġija li għandha tintuża fir-rappurtaġġ dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja mill-karburant tat-trasport fit-toroq u mill-karburant li jintuża għal makkinarju mobbli mhux tat-toroq. Peress li dawk il-miżuri, kif ukoll dawk għall-adattament tal-metodi analitiċi permessi provduti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/70/KE, huma ta’ ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jissupplimentaw din id-Direttiva biż-żjieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju provduta fl-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(20) Id-Direttiva 98/70/KE tipprovdi għal għadd ta’ speċifikazzjonijiet ta’ karburanti li wħud minnhom issa huma żejda. Barra minn hekk, tagħti dettalji dwar numru ta’ derogi li skadew. Sabiex kollox ikun aktar ċar, għalhekk jixraq li dawn l-elementi jitħassru.

(21) It-teknoloġiji tal-bijokarburanti qed jevolvu. Hija meħtieġa iktar riċerka dwar il-metodi kollha possibbli sabiex il-bijomassa tinbidel f’karburant tat-trasport. Għalhekk huwa xieraq li metodu bbilanċjat għandu jittieħed sal-limiti ffissati fid-Direttiva sabiex jiżdied, jekk ikun xieraq, l-użu ta’ bijokarburanti differenti. Dawn jinkludu: il-metanol, l-etanol, l-alkoħols ta’ ordni ogħla, l-eteri u ossiġenati oħra.

(22) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE [21] tistabbilixxi wħud mill-aspetti ta’ l-użu tal-karburanti fit-trasport fuq passaġġi ta’ l-ilma interni. Id-delimitazzjoni bejn dik id-Direttiva u d-Direttiva 98/70/KE jeħtieġ li tiġi ċċarata. Iż-żewġ Direttivi jistabbilixxu limiti għall-kontenut massimu ta’ kubrit taż-żejt tal-gass (gażolju) li jintuża fil-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni. Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, għalhekk jixraq li dawk id-Direttivi jiġu aġġustati sabiex att wieħed biss jistabbilixxi dan il-limitu.

(23) Għalhekk, id-Direttiva 98/70/KE u d-Direttiva 99/32/KE għandhom jiġu emendati skond dadan.

(24) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi[22] matul iż-żmien ġiet emendata b’mod estensiv u b’konsegwenza ta’ dan m’għadha tinkludi l-ebda element ta’ sustanza. Għalhekk għandha tiġi revokata.

(25) Peress li l-għanijiet li jkun żgurat suq wieħed għall-karburant tat-trasport fit-toroq u għall-makkinarju mobbli mhux tat-toroq u li jkun żgurat ir-rispett ta’ livelli minimi ta’ protezzjoni ambjentali mill-użu ta’ dan il-karburant ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, sabiex ikun żgurat suq wieħed għal dawn il-karburanti u bil-faċilitazzjoni ta’ tali suq għall-vetturi u għall-makkinarji li jużawhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ġie stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ġie stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-emendi għad-Direttiva 98/70/KE

Id-Direttiva 98/70/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1. Fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2, għandu jiżdied il-punt 5 li ġej:

"5. Kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp ikrah xitwi tfisser temperaturi medji xitwin matul il-perjodu minn Ottubru sa April fir-reġjun jew fl-Istat Membru kkonċernat li jkunu taħt il-medja għall-Komunità".

2. L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) għandhom jitħassru.

(b) Fil-paragrafu 2(ċ) il-kelmiet “jew l-Anness V” għandhom jiżdiedu fi tmiem is-sentenza.

(c) Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"3. Il-karburant li jissodisfa l-ispeċifikazzjoni stabbilita fl-Anness III għandu jkun immarkat “Petrol b’livell baxx ta’ bijokarburanti” fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali.

Il-karburant li jissodisfa l-ispeċifikazzjoni stabbilita fl-Anness V għandu jkun immarkat “Petrol b’livell għoli ta’ bijokarburanti” ( "High biofuel petrol" ) fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali.

(ċ) Il-paragrafi 4, 5 u 6 għandhom jitħassru.

(d) Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“7. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ petrol biċ-ċomb b’kontenut ta’ ċomb li ma jaqbiżx iż-0.15 g/l sa massimu ta’ 0.5 % mill-bejgħ totali li jrid jintuża minn vetturi qodma ta’ natura karatteristika u li jrid jitqassam permezz ta’ gruppi ta’ interess speċjali”.

3. L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

1. Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

i. Il-punti (a) u (b) għandhom jitħassru.

ii. Fil-punt (d), il-kelmiet “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-sottoparagrafu ċ)” għandhom jitħassru.

iii. Il-punt (e) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(e) Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karburant tad-diżil ikun jista’ jiġi kummerċjalizzat fit-territorju tagħhom biss jekk ikun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet ambjentali stabbiliti fl-Anness IV”.

2. Il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jitħassru.

3. Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut tal-gass (gażolji) maħsuba biex jintużaw minn makkinarju mobbli mhux tat-toroq u minn trakters agrikoli u tal-foresterija kkummerċjalizzati fi ħdan it-territorju tagħhom wara l-1 ta’ Jannar 2008 ikun fihom inqas minn 1 000mg/kg ta’ kubrit. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, il-kontenut massimu permissibbli ta’ kubrit fiż-żjut tal-gass (gażolji) maħsuba biex jintużaw minn makkinarju mobbli mhux tat-toroq u minn trakters agrikoli u tal-foresterija, għajr il-bastimenti ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni, għandu jkun ta’ 10mg/kg.

(d) Għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, il-kontenut massimu permissibbli ta’ kubrit fiż-żjut tal-gass (gażolji) maħsuba biex jintużaw mill-bastimenti ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni jkun ta’ 300mg/kg. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan jitnaqqas għal 10mg/kg sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011”.

4. L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) It-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ karburanti bi speċifikazzjonijiet ambjentali aktar stretti u bi pressjoni ogħla tal-fwar”.

(b) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 1(a) li ġej:

“1(a) B'deroga mill-Anness III, Stat Membru jista’ jieħu miżuri biex jiżgura li fit-totalità tat-territorju tiegħu jew f’żoni speċifiċi, fejn dawn ikunu suġġetti għal temperaturi medji xitwin ferm kesħin, tkun permessa pressjoni tal-fwar ogħla minn dik speċifikata bħala l-massimu għall-perjodu sajfi kif ġie stabbilit fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-Anness III u fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-Anness V”.

(c) Fil-paragrafu 2, it-terminu “paragrafu 1” għandu jinbidel bit-terminu “paragrafu 1 jew 1(a)”.

5. Jiddaħħal l-Artikolu 7(a) u 7(b) li ġej:

“Artikolu 7(a) It-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-Gassijiet serra

1. Mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u għall-makkinarju mobbli mhux tat-toroq li jitqiegħdu fis-suq jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja minn dawn il-karburanti.

2. Mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u għall-makkinarju mobbli mhux tat-toroq li jitqiegħdu fis-suq inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn dawk il-karburanti. It-tnaqqis għandu jkun daqs 1% mill-emissjonijiet fl-2010 kull sena għal kull sena kalendarja sa u inkluża l-2020. Il-livell ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja għal kull unità ta’ enerġija rrappurtat fl-2020 ma għandux ikun akbar minn 90% tal-livell irrappurtat fl-2010.

3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-monitoraġġ, tar-rappurtaġġ u tal-verifika ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja bbażati fuq definizzjoni preċiża ta’ l-elementi li għandhom jitqiesu għall-kalkolu ta’ dawn l-emissjonijiet sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 7(b) L-etanol imħallat fil-petrol

Il-miżuri li għandhom x’jaqsmu mad-dettalji li jikkonċernaw it-taħlit ta’ l-etanol fil-petrol u, b’mod partikolari, mal-pressjoni tal-fwar kif ġie stabbilit fl-Anness VI u l-alternattivi possibbli, u maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, fost l-oħrajn billi jissupplimentawha, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2)”.

6. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 8(a) li ġej:

“Artikolu 8(a) L-additivi metalliċi

Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa metodoloġija xierqa ta’ ttestjar li tikkonċerna l-użu ta’ l-additivi metalliċi fil-karburant”.

7. L-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“ Artikolu 9 Ir-rapport

Sal-31 ta’ Diċembru 2012, u kull tliet snin minn dakinhar ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposta.

B’mod partikolari, dak ir-rapport għandu jqis dan li ġej :

4. l-użu tal-bijokarburanti fil-qafas ta’ din id-Direttiva u l-użu u l-evoluzzjoni tat-teknoloġija awtomotiva, fejn titqies il-mira li jintlaħaq minimu ta’ 10 % ta’ użu ta’ bijokarburanti fil-karburant tat-trasport sa l-2020, stabbilita fl-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tal-Kummissjoni*, u l-mira tad-dekarbonizzazzjoni tal-karburanti tat-trasport;

5. il-politika Komunitarji dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi tat-trasport fit-toroq;

6. il-limiti ta’ pressjoni tal-fwar għall-etanol imħallat fil-petrol;

7. il-limiti ta’ l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu għal magni li jintużaw f’applikazzjonijiet ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni fuq il-bażi ta’ eżami ta’ l-impatti tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet serra;

8. iż-żieda fl-użu tad-deterġenti fil-karburanti;

9. l-użu ta’ additivi metalliċi fil-karburanti.

* KUMM(2007) 1, 10.1.2007”.

8. L-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11 Il-Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5(a)(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, fejn jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha”.

9. L-Artikolu 14 għandu jitħassar.

10. L-Anness I għandu jitħassar.

11. L-Anness II għandu jitħassar.

12. L-Anness III għandu jiġi emendat kif ġej:

In-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna għandha tiġi modifikata biż-żieda tat-test li ġej: “Fejn il-karburant ikun fih l-etanol, il-pressjoni massima Sajfija tal-fwar tista’ taqbeż is-60kPa bl-ammont indikat fit-tabella fl-Anness VI”.

13. L-Anness IV għandu jiġi emendat kif ġej:

10. fil-filliera għall-“Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi ( Polycyclic Aromatic Hydrocarbons )”, l-annotazzjoni fil-kolonna “Massimu” tiġi sostitwita bi “8”.

11. In-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna għandha tinbidel b’dan li ġej:

“(3) Sal-31 ta’ Diċembru 2008, il-karburant tad-diżil b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10mg/kg għandu jiġi kkummerċjalizzat u jkun disponibbli fuq bażi ġeografika bbilanċjata b’mod xieraq fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru. Mill-1 ta’ Jannar 2009, il-karburanti kollha tad-diżil li ġew ikkummerċjalizzati fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru għandu jkollhom kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10mg/kg”.

14. Għandu jiżdied l-Anness V kif ġie stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

15. Għandu jiżdied l-Anness VI kif ġie stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2 L-emendi għad-Direttiva 1999/32/KE

L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 1999/32/KE jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jitħassar.

(b) Fil-paragrafu 2, il-punt (b) għandu jitħassar.

(c) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 2(a) li ġej:

“2(a) Fejn bastimenti ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni li għandhom ċertifikat li jixhed il-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ l-1974 għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, kif emendata, ikunu fuq il-baħar, dawn jistgħu jużaw karburant li l-ispeċifikazzjoni tiegħu ġiet stabbilita f’din id-Direttiva.

Fejn dawk il-bastimenti ma jkunux fuq il-baħar, għandhom jużaw karburant kif speċifikat fid-Direttiva 98/70/KE”.

Artikolu 3 Ir-revoka

Id-Direttiva 93/12/KEE qed tiġi revokata.

Artikolu 4 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2008]. Minnufih għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istat Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 6 Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, […]

G ħall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS ANNESS V

SPEĊIFIKAZZJONIJIET AMBJENTALI GĦAL KARBURANTI TAS-SUQ LI GĦANDHOM JINTUŻAW GĦAL VETTURI MGĦAMMRA B’MAGNI POSITIVE-IGNITION

Tip: Petrol b’livell għoli ta’ bijokarburant

Parametru (1) | Unità | Limiti (2) |

Minimu | Massimu |

Numru ottan tar-riċerka | 95 | — |

Numru ottan tal-mutur | 85 | — |

Pressjoni tal-fwar, perjodu Sajfi (3) | kPa | — | 60.0 (4) |

Distillazzjoni: |

— perċentwal evaporat f’100 ºC | % v/v | 46.0 | — |

— perċentwal evaporat f’150 ºC | % v/v | 75.0 | — |

Analiżi ta’ l-idrokarboni: |

— olefini | % v/v | — | 18.0 |

— aromatiċi | % v/v | — | 35.0 |

— benżin | % v/v | — | 1.0 |

Kontenut ta’ ossiġnu | % m/m | — | 3.7 |

Ossiġenati |

— Metanol | 3 |

— Etanol (jistgħu jkunu meħtieġa aġenti stabbilizzanti) | % v/v | 10 |

— Alkoħol iso-propil | % v/v | — | 12 |

— Alkoħol tert-butil | % v/v | — | 15 |

— Alkoħol iso-butil | % v/v | — | 15 |

— Eteri li fihom ħames atomi jew iktar tal-karbonju għal kull molekula | % v/v | — | 22 |

— Ossiġenati oħra (5) | % v/v | — | 15 |

Kontenut ta’ kubrit | mg/kg | — | 10 |

Kontenut ta’ ċomb | g/l | — | 0.005 |

(1) Il-metodi ta’ l-ittestjar għandhom ikunu dawk speċifikati fl-EN 228:1999. L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-metodu analitiku speċifikat minflok l-istandard EN 228:1999 jekk ikun jista’ jintwera li jipprovdi għallinqas l-istess akkuratezza u għallinqas l-istess livell ta’ preċiżjoni bħall-metodu analitiku li jkun qed jissostitwixxi.

(2) Il-valuri kkwotati fl-ispeċifikazzjoni huma ‘valuri reali’. Fl-istabbiliment tal-valuri limitu tagħhom, ġew applikati t-termini ta’ l-ISO 4259 ‘Prodotti tal-petroleum – Determinazzjoni u applikazzjoni ta’ data ta’ preċizjoni b’relazzjoni għall-metodi ta’ ttestjar’ u fl-iffissar ta’ valur minimu, tqieset differenza minima ta’ 2R ’il fuq miż-żero (R = riproduċibilità). Ir-riżultati tal-kejl individwali għandhom ikunu interpretati fuq il-bażi tal-kriterji deskritti fl-ISO 4259 (li kien ippubblikat fl-1995).

(3) Il-perjodu tas-Sajf għandu jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju u m’għandux jintemm qabel it-30 ta’ Settembru. Għall-Istati Membri b’kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp xitwi ikrah, il-perjodu tas-Sajf għandu jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju u m’għandux jintemm qabel il-31 ta’ Awissu.

(4) Għall-Istati Membri b’kundizzjonijiet artiċi jew ta’ temp xitwi ikrah, il-pressjoni massima tal-fwar m’għandhiex taqbeż is-70.0kPa. Fejn il-karburant ikun fih l-etanol, il-pressjoni massima permessa tal-fwar fis-Sajf tista’ taqbeż is-60kPa bl-ammont indikat fit-tabella fl-Anness VI

(5) Mono-alkoħols u eteri oħra b’punt finali ta’ togħlija li ma jkunx ogħla minn dak iddikjarat fl-EN 228:1999.

ANNESS VI

RINUNZJA TAL-PRESSJONI TAL-FWAR PERMESSA GĦAL PETROL LI FIH L-ETANOL

Kontenut ta’ etanol (%v/v) | Rinunzja ta’ pressjoni tal-fwar permessa (kPa) |

0 | 0 |

1 | 3.65 |

2 | 5.95 |

3 | 7.20 |

4 | 7.80 |

5 | 8.0 |

6 | 8.0 |

7 | 7.94 |

8 | 7.88 |

9 | 7.82 |

10 | 7.76 |

Ir-rinunzja tal-pressjoni tal-fwar permessa għal kontenut intermedju ta’ etanol bejn il-valuri elenkati, għandha tkun iddeterminata b’estrapolazzjoni f’linja dritta bejn il-kontenut ta’ l-etanol immedjatament ’il fuq u dak immedjatament taħt il-valur intermedju.

[1] Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE.

[2] Id-Direttiva 2003/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2003 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil.

[3] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE.

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi.

[5] Stateġija ta' l-UE għall-Bijofjuwils - KUMM(2006) 34, 8.2.2006.

[6] Id-Direttiva 1999/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dawk li huma miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-ħruġ ta' tniġġis forma ta' gass jew partiċelli minn compression ignition engines għall-użu f'inġenji, u l-ħruġ ta' gassijiet li jniġġsu minn positive ignition engines li jaħdmu b'gass naturali jew gass tal-pitrolju likwidu għall-użu f'inġenji u li jemenda id-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE u l-konferma ta’ l-istandard mandatorju għall-emissjonijiet tan-NOx għal magni li jifilħu ħafna strapazz.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE dwar il-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f' partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali.

[8] In-noti 1 u 3 t’aktar ’il fuq.

[9] In-nota 4 t’aktar ’il fuq.

[10] ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1.

[11] ĠU C , , p. .

[12] ĠU C , , p. .

[13] ĠU C , , p. .

[14] ĠU C , , p. .

[15] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta’ ċerti karburanti likwidi (ĠU L 74, 27.3.1993, p. 81).

[16] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Strateġija Tematika dwar it-tniġġis ta’ l-arja - KUMM(2005) 446.

[17] ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42.

[18] Strateġija ta’ l-UE għall-Bijofjuwils - KUMM(2006) 34, 8.2.2006.

[19] Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1) kif emendata bid-Direttiva 2004/26/KE (ĠU L 146, 30.4.2004, p. 1).

19 ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[20] Id-Direttiva 1999/32/KE tal-Kunsill tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).

[21] ĠU L 74, 27.3.1993, p. 81, id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/32/KE.