52007DC0847

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 35 tat-Trattat Euratom – Twettiq tal-verifika dwar l-operat u l-effiċjenza tal-faċilitajiet ta' kontroll permanenti tal-livell ta' radjoattività fl-ajru, fl-ilma u fil-ħamrija - Rapport, 1990-2007 /* KUMM/2007/0847 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.12.2007

KUMM(2007) 847 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

– B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 35 tat-Trattat Euratom –

Twettiq tal-verifika dwar l-operat u l-effiċjenza tal-faċilitajiet ta' kontroll permanenti tal-livell ta' radjoattività fl-ajru, fl-ilma u fil-ħamrija

Rapport, 1990-2007

1. INTRODUZZJONI

1.1. Dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà (sikurezza) fit-Trattat EURATOM

Il-Kapitolu 3, Saħħa u Sigurtà, tat-Titlu II tat-Trattat Euratom għandu x'jaqsam minn naħa waħda ma' l-istabbiliment tan-Normi Bażiċi ta' Sigurtà għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-membri tal-pubbliku (l-Artikoli 30 – 33), min-naħa l-oħra speċifikament mal-livelli ta' radjoattività fl-ajru, fl-ilma u fil-ħamrija kif stabbiliti fl-Artikoli 35 – 38 (sa ċertu punt l-Artikolu 34 ukoll, dwar “esperimenti ta’ natura partikolarment perikoluża”, i.e. l-ittestjar ta' l-armi). Hemm rabta ċara bejn in-Normi Bażiċi ta' Sigurtà u l-livelli ta' radjoattività, li l-għan ewlieni għall-kontroll tagħhom huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-membri tal-pubbliku.

In-Normi Bażiċi ta' Sigurtà ġew aġġornati mill-1959 'l hawn biex jitqiesu l-iżvilupp ta' l-għarfien espert xjentifiku u l-esperjenza operattiva. L-aħħar reviżjoni saret fl-1996[1]. Fir-rigward tal-livelli ta' radjoattività, minbarra r-rekwiżiti għall-istandards, il-kompiti ewlenin tal-Kummissjoni matul ħames deċenni kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 36 (il-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-dejta dwar il-livelli ta' radjoattività li għalihom huwa espost il-pubbliku kif jiġu trażmessi mill-Istati Membri abbażi tal-faċilitajiet ta' kontroll stabbiliti minnhom skond l-Artikolu 35, l-ewwel paragrafu u l-Artikolu 37 (jingħataw l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk il-pjanijiet għar-rimi ta' l-iskart radjoattiv ppreżentati mill-Istati Membri x'aktarx li jaffettwaw Stati Membri oħra).

Il-proċedura ta' l-Artikolu 37 kien importanti ħafna fiż-żmien ta' żvilupp rapidu ta' l-enerġija nukleari, b'sottomissjonijiet ta' “informazzjoni ġenerali” għal kull reattur ta' l-enerġija nuleari, impjant ta' pproċessar mill-ġdid, jew stallazzjoni nukleari oħra ġodda. Ir-regoli u l-kontenut ta' l-informazzjoni għall-preżentazzjonijiet tad-dejta ġenerali ġew ikkjarifikati f'serje ta' Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, ta' l-aħħar ġew adottati fl-1999[2]. Rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 37 jintbagħtu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew[3].

L-implimentazzjoni ta' l-Artikollu 36 iffokat fuq il-pubblikazzjoni ta' dawk id-dejta dwar livelli ta' radjoattività li huma rilevanti għall-valutazzjoni ta' l-esponiment għar-radjazzjoni tal-popolazzjoni ġenerali, sabiex tippermetti tqabbil mal-livelli ta' radjoattività fl-Istati Membri differenti. Id-domanda għal kwalità fid-dejta u l-metodu għar-rappurtar ġew stabbiliti għall-ewwel darba fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-2000[4]. Sa mill-2007, l-Istati Membri jistgħu jimportaw u jamministraw is-sett tad-dejta tagħhom stess fil-ġabra tad-dejta tal-Kummissjoni. Din il-ġabra tad-dejta, flimkien mar-Rapporti ta' Monitoraġġ annwali li jirriżultaw u pjattaforma elettronika li tippermetti l-iskambju tad-dejta minn sistemi awtomatiċi ta' monitoraġġ tar-radjazzjoni stabbiliti fl-Istati Membri, hija amministrata f'kooperazzjoni ta' suċċess bejn id-DĠ TREN u l-JRC-IES) (Ċentru Konġunt għar-Riċerka Nukleari – l-Istitut għall-Ambjent u s-Sostennibbiltà) f'konformità ma' l-Artikolu 39 tat-Trattat Euratom.

L-Artikolu 35, it-tieni paragrafu, tikkonferixxi dritt ta' aċċess lill-Kummissjoni għall-iskop ta' twettiq ta' verifika dwar il-faċilitajiet għall-kontroll tal-livelli ta' radjoattività. Sa l-1989, meta l-Kummissjoni kient approvat inizjattiva għal-verifiki bħal dawn mill-ġdid, kienu jitwettqu b'mod sporadiku. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Diċembru 2002, li ddikjarat li mhuwiex xieraq li ssir distinzjoni artifiċjali bejn il-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali u s-sikurezza tas-sorsi tar-radjazzjoni jonizzanti, u wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra s-sikurezza nukleari bħala prijorità ewlenija, mill-2003 ħareġ ċar li mill-2004 'l quddiem il-verifiki skond l-Artikolu 35 għandhom isiru qasam prijoritarju. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 35 u tkopri l-perjodu 1990-2007. Mill-2004, dawn il-verifiki saru sistematiċi u ngħatat prijorità lill-istallazzjonijiet l-aktar sensittivi.

L-Artikolu 38 jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri rigward il-livelli ta' radjoattività u, f'każ ta' urġenza, biex toħroġ direttivi u minnufih tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f'każ ta' nuqqas ta' konformità. Dan l-Artikolu fil-prinċipju jikkonferixxi setgħat estensivi fuq il-Kummissjoni, iżda qatt ma ġie applikat ħlief bħala bażi ġuridika għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-radon fl-ilma tax-xorb[5] u għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontaminazzjoni kontinwa ta' caesium radjoativ f'ċerti prodotti ta' l-ikel mhhux ikkultivati bħala konsegwenza ta' l-inċident f'Ċernobil[6].

Il-fatt li l-Artikolu 38 qatt ma ġie applikat jirrifletti l-konformità effettiva man-normi bażiċi fl-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-Artikolu 38 joffri għodda importanti lill-Kummissjoni biex biha tkun tista' tagħti l-appoġġ xieraq għas-sejbiet u l-osservazzjonijiet li saru bħala riżultat tal-verifiki li twettqu skond l-Artikolu 35, it-tieni paragrafu.

1.2. L-Artikolu 35 tat-Trattat Euratom

L-Artikolu 35 tat-Trattat Euratom jistipola:

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-faċilitajiet meħtieġa għall-kontroll permanenti tal-livelli ta' radjoattività fl-atmosfera, fl-ilma u fil-ħamrija u għall-kontroll tal-konformità man-normi bażiċi.

Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt ta’ l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ kontroll bħal dawn u tista’ twettaq provi dwar l-operat u l-effiċjenza tagħhom.”

L-attivitajiet tal-Kummissjoni b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 35 kienu sporadiċi sa' l-aħħar tat-Tmeninijiet. Wara reviżjoni ta' l-attivitajiet tagħha fil-qasam kollu tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-Kummisjoni ħabbret lill-Kunsill fl-1986 – wara l-inċident ta' Ċernobil - l-intenzjoni tagħha li teżerċita b'mod aktar sistematiku id-dritt tagħha għat-twettiq ta' provi skond l-Artikolu 35. Il-Parlament Ewropew adotta diversi riżoluzzjonijiet bl-istess għan.

F'Diċembru 1989 il-Kummissjoni ddeċidiet li għandhom jiżdiedu l-għadd ta' verifiki.

2. PROGRAMM TA' VERIFIKA

2.1. Verifiki mill-1990 – 2007

Bejn l-1990 u l-2003 twettqu total ta' 23 verifika. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, ġie stabbilit il-programm ta' verifika sabiex tingħata stampa ġenerali tal-qagħda għal sett rappreżentattiv ta' stallazzjonijiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari u għall-faċilitajiet li jimmonitorjaw il-livelli ta' radjoattività fl-Istati Membri kollha.

2.2. Verifiki mill-2004-2007

Mill-2004 sa l-2007 twettqu 25 verifika. Sa mill-2004/2005 ingħatat prijorità għall-istallazzjonijiet l-aktar sensittivi u għall-Istati Membri ġodda. Sa tmiem l-2006, twettqu verifiki fl-Istati Membri kollha. Ir-Rumanija u l-Bulgarija huma mdaħħla fil-programm għall-2007.

L-Istati Membri u siti nukleari rispettivi fejn saru żjarat fil-qafas ta' l-Arikolu 35 huma elenkati fl-Anness, Tabella 1.

2.3. Il-proċeduri ewlenin għall-verifiki

Il-verifiki twetqqu f'konformità mal-linji tal-protokolli li kienu miftiehma individwalment mill-15-il Stat Membru bejn l-1990 u l-1993. Sa mill-pubblikazzjoni ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[7] fl-4 ta' Lulju 2006 din saret il-bażi tal-verifiki kollha. Il-protokolli u l-Komunikazzjoni jipprevedu l-verifika kemm tal-faċilitajiet ta' kontroll fis-sens strett kif ukoll il-monitoraġġ ta' tnixxijat meħtieġ għall-valutazzjoni ta' l-impatt tagħhom fuq il-pubbliku li jiġi espost Il-verfiki jistgħu jkunu marbuta mal-firxa madwar sit speċifiku u/jew it-territorju nazzjonali ta' l-Istat Membru in ġenerali jew parti minnu.

Filwaqt li skond it-termini ta' l-Artikolu 35 il-Kummissjoni tingħata aċċess għall-faċilitajiet, għal kontroll fattwali ta' l-operat u l-effiċjenza tagħhom, il-verifiki attwalment jibdew b'verifika ta' l-attivitajiet ta' monitoraġġ u spezzjoni mill-awtoritajiet rilevanti kif ukoll tal-qafas legali. Il-verifiki fattwali fuq il post jirrappreżentaw l-arranġamenti globali u mhumiex neċessarjament eżawrjenti.

Rapport ta' Verifika Teknika

- Ir-rapport tekniku jagħti stampa ġenerali komprensiva tar-rekwiżiti regolatorji, ta' l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-livelli ta' radjoatttività u għall-valutazzjoni ta' l-impatt tat-tnixxijat. Il-produzzjoni ta' din l-istampa ġenerali tirrikjedi sinteżi tal-ħafna dokumenti għal dehra ċara tal-miżuri ta' l-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 35, l-ewwel paragrafu. Ir-rapport jagħti wkoll deskrizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet ta' verifika li twettqu fuq il-post u l-madwar tiegħu, u ta' l-oservazzjonijiet li dawn qajmu.

Ir-rapport tal-Konklużjonijiet Ewlenin tal-Verifika

- Il-konklużjonijiet ewlenin tal-verifika huma bbażati fuq l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet elenkati fir-rapport tekniku, u juru l-oqsma fejn jonqos it-titjib.

- Fil-każijiet kollha l-missjonijiet ta' verifika ġew konklużi permezz tat-trażmissjoni tar-riżultati ewlenin u r-rapport tekniku.

Għall-verfiki kollha li twettqu mill-1999 'l hawn, kemm ir-rapport tekniku u l-konklużjonijiet ewlenin, kif ukoll kwalunkwe kumment uffiċjali mogħti mill-Istat Membru li kellu żjara, tqiegħdu fuq is-sit tal-web EUROPA:

ec.europa.eu / energy / nuclear / radioprotection / verification_en.htm

3. VALUR MIżJUD TAL-VERIFIKI

L-esperjenza miksuba s'issa tat prova li l-verifiki jagħtu valur miżjud sinifikanti, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Għall-Kummissjoni, f'ħafna każijiet ippermettew li kwistjonijiet sensittivi jiġu vvalutati indipendentement. Il-verifiki ħallew ukoll li titfassal atmpa ġenerali wiesgħa tal-metodi nazzjonali differenti u l-mod kif dawn jiġu implimentati, u inkoraġġixxew metodu komuni għal monitoraġġ imtejjeb.

Għall-Istati Membri, il-verifiki tal-Kummissjoni ppermettew validazzjoni indipendenti ta' l-approċċ u d-dejta tagħhom, biex iserħħu moħħ kemm tal-popolazzjoni tagħhom kif ukoll ta' l-Istati Membri viċinati. Għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, iż-żjarat kienu opportunità biex jiddiskutu r-responsabbiltajiet tagħhom f'perspettiva aktar wiesgħa. Fir-rigward ta' l-utilitajiet u l-laboratorji li nżaru, ta' sikwit dan kien opportunità għalihom biex biex jiġu rikonoxxuti l-isforzi tagħhom għat-titjib fil-prestazzjoni. Kumplessivament, il-verifiki tal-Kummissjoni żgur li tejbu l-istatus tal-programmi għall-monitoraġġ tar-radjoattività.

Il-verifiki tal-Kummissjoni kienu opportunità għal xi Stati Membri ġodda biex jistabbilixxu programmi nazzjonali u biex jibdew jimplimentaw is-sistemi korrispondenti għall-monitoraġġ tal-livelli tar-radjoattività fit-teritorji tagħhom.

Il-verifiki tal-Kummissjoni tmexxew bir-rispett dovut lejn is-sussidjarjetà. L-ebda sitwazzjoni ma nqalgħet fejn idduplikaw il-kompitu ta' l-ispettorati nazzjonali. F'ħafna mill-każijiet ir-riżultati wrew il-ħtieġa għal seprazzjoni aħjar tal-funzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri u għat-trasparenza tal-proċeduri. L-osservazzjonijiet tat-tim tal-verifiki ppermettew lill-awtoritajiet isaħħu l-proċeduri ta' verifika tagħhom stess.

Barra minn hekk, il-verifiki huma mezz importanti għall-iżgurar ta' l-implimentazzjoni xierqa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat Euratom u għad-diskussjonijiet bilaterali dwar jekk in-netwerks stabbiliti għall-monitoraġġ tal-livelli tar-radjoattività humiex adegwati (jekk ikoprux it-territorju nazzjonali u jipprovdux dejta rappreżentattiva tal-livelli attwali tar-radjoattività).

3.1. Ir-Riżultati u s-Segwitu tal-missjonijet ta' verifika tal-passat

F'għadd ta' każijiet kellhom jinħarġu osservazzjonijiet relatati ma' nuqqas ta' assikurazzjoni kumplessiva tal-kwalità fil-faċilitajiet u fil-laboratorji u għal ħtieġa għat-tisħiħ tal-funzjoni superviżorja ta' l-awtorità kompetenti. Ta' sikwit instab li kien jeħtieġ li jsir titjib fiż-żamma tar-rekords sabiex jiffaċilita kemm il-verifiki interni ta' kwalità kif ukoll verifika mill-uffiċjali nazzjonali jew Komunitarji. Programmi ta' teħid ta' kampjuni mhux dejjem kienu qegħdin jiġu aġġornati jew l-implimentazzjoni prattika ta' dawk il-programmi ma kinux jissodisfaw kompletament ir-rekwiżiti regolatorji.

Saru rakkomandazzjonijiet tekniċi speċifiċi f'ħafna okkażjonijiet. B'mod ġenerali, reazzjonijiet sussegwenti kkomunikati mill-awtoritajiet nazzjonali kkonfermaw li n-nuqqasijiet tranġaw. Rakkomandazzjonijiet mhux tekniċi, eż. rakkomandazzjonijiet ta' ġestjoni jew rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ ta' superviżjoni regolatorja, huma anqas tanġibbli u għalhekk aktar diffiċli biex jissegwew.

Żjarat ta' verfika tmexxew speċifikament biex jissodisfaw lill-Kummissjoni li r-rakkomandazzjonijiet li saru matul missjoni ta' qabel ingħataw l-attenzjoni xierqa:

- Sit li qabel kien sit ta' pproċessar mill-ġdid u li fl-1993 u fl-1999 saret żjara għalih kien l-iskop ta' żjara ta' segwitu f'Settembru 2004.

Fl-1999 serje ta' kwistjonijiet kienu ffukaw l-attenzjoni fuq dan il-kumpless nukleari li waslu għal verifika ta' sikurezza mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza. L-attivitajiet ta' verifika indirizzaw f'dettall dawk l-aspetti tar-rapport ta' verifika li kellhom implikazzjonijiet għall-monitoraġġ ta' tnixxijat radjoattivi jew għal-livelli ta' radjoattività.

- L-ewwel żjara tl-2000 ta' reattur ta' riċerka kien segwit fl-2005.

Fiż-żewġ okkażjonijiet l-attivitajiet ta' verifika li segwew indikaw li r-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati b'mod sodisfaċenti.

Missjoni ta' verifika waħda biss (2002) wasslet għal riżultati ta' verifika mhux sodisfaċenti f'sens ġenerali li indikaw nuqqasijiet legali fundamentali li kellhom jiġu indirizzati. Reattur ta' Riċerka wieħed kien qed jiġi operat mingħajr awtorizzazzjoni jew superviżjoni, b'kontravenzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar in-Normi Bażiċi ta' Sigurtà. Għalhekk infetħet proċedura ta' ksur.

F'Novembru 2006 tmexxiet missjoni ta' verifika b'segwitu. Għalkemm sar titjib notevoli, għadd ta' kwistjonijiet kienu għadhom ma ġewx riżolti b'mod sodisfaċenti waqt iż-żmien tal-verfika; madankollu l-proċedura ta' liċenzjar inklużi l-awtorizzazzjonijiet ta' rilaxx għat-tnixxijat kemm fl-arja kif ukoll f'forma likwida tlestiet f'Awissu 2007.

4. PERSPECTTIVI

4.1. Programm ta' verifika

Skema ta' verifika strutturata u kredibbli:

- tkopri l-istallazzjonijiet nukleari kbar kollha bi frekwenza aċċettabbli;

- tagħti ħarsa ġenerali rappreżentattiva tal-qagħda fir-rigward ta' tipi oħra ta' stallazzjonijiet;

- tippermetti li tiġi ssorveljata l-qagħda fir-rigward ta' l-industriji mhux nukleari li jitfgħu radjoattività naturali u fir-rigward ta' sptarijiet u ċentri ta' riċerka;

- tippermetti li tinkiseb stampa rappreżentattiva ta' l-arranġamenti għar-radjoattività fir-reġjuni 'l bogħod mill-istallazzjonijiet li jitfgħu r-radjoatttività;

- tivverifika l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta' spezzjoni fl-Istati Membri fuq bażi regolari.

Bħalissa qed jitmexxew madwar ħames jew sebgħa verfiki fis-sena sabiex issir madwar kontroll jew verifika waħda (wieħed??) f'kull Stat Membru kull ħames snin. Dan jippermetti li jiġi stabbilit programm ta' verifika kredibbli u rappreżentattiv li jkun jinkludi l-istallazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi. Għandha tiżdied il-frekwenza li fiha jkunu jistgħu jsiru żjarat fl-istallazzjonijiet importanti. Bir-riżorsi li hemm bħalissa jistgħu jiġu ppjanati massimu ta' madwar għaxar verifiki f'sena waħda biss liema tkun. Naturalment, huwa essenzjali li tinżamm talanqas ftit flessibbiltà sabiex l-arranġamenti jkunu jistgħu jsiru biex jirrispondu għal talbiet ad-hoc jew biex issir l-użu tad-dritt ta' l-aċċess tal-Kummissjoni f'ċirkostanzi speċjali.

4.2. Differenzi mill-attivitajiet ta' salvagwardja

Taħt it-Titolu II, Kapitolu III tat-Trattat Euratom il-Kummissjoni għandha d-dritt ukoll ta' spezzjoni ta' stallazzjonijiet nukleari. Dawn l-ispezzjonijiet huma differenti mill-verifiki ta' l-Artikolu 35. Jikkonċernaw is-salvagwardji tal-materjali nukleari (Salvagwardji Euratom) u r-rekwiżiti speċifiċi deskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) 302/2005 tat-8 ta' Frar 2005.

Minbarra l-fatt li l-ambitu taż-żewġ verifiki huwa differenti, sinerġija possibli qed tkun ostakolata mill-fatt li l-operaturi nukleari għandhom responsabbiltajiet diretti lejn il-Kummissjoni u l-ispetturi tas-salvagwardji għandhom aċċess dirett għall-materjal nukleari u għall-istallazzjonijiet. Skond l-Artikolu 35, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat Euratom, il-verifiki għandhom x'jaqsmu ma' kif l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jaqdu dmirijiethom skond l-ewwel paragrafu ta' l-istess Artikolu. Il-Kummissjoni ma għandh l-ebda aċċess għall-istallazzjonijiet jew għall-faċilitajiet ta' kontroll.

4.3. Mezzi komplementari għat-tisħiħ ta' l-implimentazzjoni

L-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rapportar tal-livelli ta' radjoatività skond l-Artikolu 36 (2000/473/EURATOM) kien il-punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' aktar gwida. Rakkomandazzzjoni dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' tnixxijat minn stallazzjonijiet nukleari ġiet adottata fit-18 ta' Diċembru 2003[8]. Aktar żviluppi ta' dan it-tip se jiffaċilitaw l-iżvilupp ta metodoloġija ċara għat-tmexxija ta' verifiki u ta' kriterji trasparenti għall-ġudizzju tal-konformità mr-rekwiżit ġenerali stabbilit fl-Artikolu 35, l-ewwel paragrafu.

Il-Grupp ta' Esperti stabbilit skond l-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom kien adotta gwida dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 45 tan-Normi Bażiċi ta' Sigurtà, minħabba l-valutazzjoni realistika ta' l-esponiment tal-popolazzjoni. Dan se jifforma l-bażi għall-evalwazzjoni ta' l-adegwatezza tal-programmi ta' monitoraġġ fil-viċinanza ta' stallazzjonijiet nukleari fir-rigward tal-valutazzjoni ta' dożi lil gruppi ta' referenza tal-popolazzjoni. Gwida bħal din se tiġi inkorporata fi proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar Normi Bażiċi ta' Sigurtà

Dawn il-miżuri kollha se jirrinfurzaw b'mod konsiderevoli l-effiċjenza u l-kredibbiltà tal-verifiki skond l-Artikolu 35.

5. KONKLUżJONI

Din il-Komunikazzjoni turi l-kisbiet sinifikanti ta' l-attivitajie ta' verifika li twettqu, speċjalment dawn l-aħħar snin.

Il-Kumissijoni onorat bis-sħiħ l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 35 tat-Trattat Euratom, u b'hekk żgurat li, flimkien mar-rekwiżiti leġiżlattivi u l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 36-37 tat-Trattat Euratom, livelli ta' radjoattività fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija ġew sorveljati u kkontrollati b'mod adegwat.

ANNESS

VERIFIKI SKOND L-ARTIKOLU 35 TAT-TRATTAT EURATOM

Verifiki mill-1990 – 2007

Il-lista ta' verifiki li twettqu sa llum qed tingħata f' Tabella 1. Il-Figura 1 tipprovdi istogramma ta' għadd ta' verifiki li jitwettqu kull sena.

Wieħed għandu josserva li minħabba l-ambitu usa' tal-verifiki lmissjonijiet jirreferu għal reġjun fejn il-livelli ta' radjoattività jiġu sorveljati u li jinkludi għalhekk l-istallazzjonijiet maġġuri li jitfgħu f'dan ir reġjun.

Il-verifiki li twettqu s'issa kienu ppjanati essenzjalment bil-għan tal-ksib ta' stampa rappreżentattiva tal-metodu ta' sorveljanza adottat fl-Istati Membri. Xi ftit mill-verifiki twettqu b'risposta għat-talbiet minn Stati Membri oħra jew bħala reazzjoni għat-tħassib dwar ċerti stallazzjonijiet.

Id-distribuzzjoni fost l-Istati Membri hija kif ġej: 6 fi Franza (inkluża l-Polineżja), 6 fir-Renju Unit, 3 fl-Italja, 2 fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, fi Spanja u fil-Portugall, 1 fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fl-Olanda u fl-Iżvezja, kif ukoll 1 f'kull wieħed mill-Istati Membri l-ġodda ħlief għall-Bulgarija (ippjanata għall-ħarifa ta' l-2007).

L-istallazzjonijiet inklużi fl-attivitajiet ta' verifika huma 3 impjanti ta' pproċessar mill-ġdid (u 2 siti ta' rimi ta' skart maġenbhom), 20 impjant ta' l-enerġija nukleari (li minnhom 3 ma kinux operattivi aktar), 5 istituti ta' riċerka, 2 NORM (Materjal Radjoattiv li Jokkorri fin-Natura) stallazzjonijiet relatati, minjiera 1 ta' l-uranju u 7 sptarijiet f'4 Stati Membri. Saru żjarat f'diversi Stati Membri li ma għandhom l-ebda stallazzjoni nukleari fit-territorji tagħom iżda li għandhom programm estensiv ta' monitoraġġ, u fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri biċċiet mis-sistemi nazzjonali għall-monitoraġġ tal-livelli ta' radjoattivtà fit-territorju tagħhom ġew verifikati fil-kuntest ta żjara speċifikament għas-sit.

Fi'każ wieħed ta' impjant ta' l-enerġija nukleari, qrib il-fruntiera ta' pajjiż ieħor, il-verifiki ġew estiżi għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' monitoraġġ fuq territorju bħal dan.

Is-suġġett tal-programmm ta' verifika dwar stallazzjonijiet nukleari ma jfissirx li dawn huma aktar importanti f'termini ta' l-impatt ta' tnixxijat radjoattivi. Il-verifiki twettqu f'industriji li jipproċessaw materjali radjoattivi li jokkorru fin-natura (NORM) bħal industriji tal-fosfat jew minjieri tal-faħam. Id-dipartimenti ta' mediċina nukleari f'diversi sptarijiet ġew verifikati f'4 Stati Membri Ingħatat attenzjoni speċjali lir-rimi ta' materjali radjoattivi, b'mod partikolari l-faċilitijaet ta' kontroll u l-metodu ta' monitoraġġ li jintuża minn dawn l-isptarijiet.

Tabella 1 : Stampa ġenerali tal-missjonijiet ta' verifika bejn 1990 - Ġunju 2007

PAJJIŻ | STALLAZZJONI | DATA |

1. Il-Ġermanja | NPP Philipsburg | 10 – 12.10.1990 |

2. Il-Lussemburgu | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 12.3.1991 |

3. Ir-Renju Unit | Dounreay (sit) | 10 – 14.5.1993 |

4. L-Olanda | NPP Borssele Bilthoven (RIVM institute) | 27 – 29.9.1993 30.9 – 1.10.1993 |

5. Ir-Renju Unit | NFRP Sellafield Drigg repository | 6 – 10.12.1993 |

6. Franza | NPP Belleville-sur-Loire [9] | 14 – 17.2.1994 |

7. Danimarka | RR Risø + laboratorji | 22 – 24.8.1994 |

8. Spanja | NPP Vandellos-2 | 7 – 10.11.1994 |

9. L-Italja | NPP Caorso | 22 – 24.3.1995 |

10. Franza | Il-Polineżja Franċiża (Mururoa) | 1.9 – 6.10.1995 |

11. Il-Belġju | NPP Tihange | 10 – 14.6.1996 |

12. Franza | NFRP La Hague Centre de stockage de la Manche | 22 – 26.7.1996 |

13. L-Irlanda | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 10 – 13.9.1996 |

14. L-Iżvezja | NPP Barsebäck | 26 – 30.5.1997 |

15. Il-Finlandja | NPP Olkiluoto | 31.8 – 4.9.1998 |

16. Ir-Renju Unit | Dounreay (sit) | 15 – 18.3.1999 |

17. Il-Ġermanja | NPP Krümmel | 13 – 17.9.1999 |

18. Franza / Il-Belġju | NPP Chooz | 22 – 26.11.1999 |

19. Il-Greċja | RR Democritos (Athens); Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 23 – 25.5.2000 |

20. Ir-Renju Unit | NPP Dungeness A+B | 6 – 11.11.2000 |

21. L-Awstrija | RR Seibersdorf Vjenna AKH (sptar) | 25 – 29.6.2001 |

22. Il-Portugall | RR Sacavém (Liżbona); Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 14 – 17.5.2002 |

23. Franza | NPP Belleville-sur-Loire | 17 – 21.9.2003 |

24. Ir-Renju Unit | NFRP Sellafield | 8 – 12.3.2004 |

25. Spanja | NPP Trillo; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 27.6. – 2.7.2004 |

26. Ir-Renju Unit | Dounreay (sit) Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 28 – 30.9. 2004 |

27. L-Ungerija | NPP Paks; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 8 – 12.11.2004 |

28. Il-Litwanja | NPP Ignalina; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 21 – 25.2.2005 |

29. Ir-Repubblika Ċeka | NPP Temelín; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 14 – 18.3.2005[10] |

30. Is-Slovakkja | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 10 – 15.4.2005 |

31. Il-Greċja | RR Democritos (Athens); Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 12 – 16.9.2005 |

32. L-Estonja | Sillamäe, Paldiski; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 19 – 23.9.2005 |

33. Franza | NFRP La Hague; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 10 – 14.10.2005 |

34. Il-Latvja | RR Salaspils; Baldone radioactive Waste; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 21 – 24.3.2006 |

35. Malta | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 25 – 27.4.2006 |

36. Ċipru | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività fertilizzanti tal-pjanti (phosphor-gypsum) – industrija NORM | 8 – 12.5.2006 |

37. L-Italja | NPP Caorso (decomm.); Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 15 – 19.5.2006 |

38. L-Italja | NPP Latina (decomm.); Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 15 – 19.5.2006 |

39. Is-Slovenja | NPP Krško; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 12 – 16.6.2006 |

40. Il-Polonnja | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività Il-minjiera tal-faħam ta' Piast (industrija NORM). | 13 – 17. 11.2006 |

41. Il-Portugall | RR Sacavém – qfas ġuridiku; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività. Minjiera ta' l-uranju | 22 – 24.11.2006 |

42. Il-Lussemburgu | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività Diversi sptarijiet (dipartimenti nukleari) | 5 – 8.3.2007 |

43. Il-Finlandja | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 20 – 23.3.2007 |

44. L-Irlanda | Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività sptarijiet (dipartimenti nukleari) | 1 – 4.5.2007 |

45. Ir-Rumanija | NPP Cernavoda; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 4 – 8.6.2007 |

46. Il-Ġermanja | Reġjun fis-Sassonija li qabel kien tat-tħaffir għall-uranju | 27 – 31.08.2007 |

47. Spanja | NPP Cofrentes; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 22 – 26.10.2007 |

48. Il-Bulgarija | NPP Kozloduj; Sistema ta' monitoraġġ nazzjonali tal-livelli ta' radjoattività | 26 – 30.11.2007 |

Grafika 1 : Stampa ġenerali tal-missjonijiet ta' verifika bejn 1990 - Ġunju 2007

[pic]

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi l-istandards bażiċi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti – ĠU L159, 29/06/96, p. 1

[2] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 99/829/EURATOM tas-6 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom – ĠU L324, 16/12/99, p. 23.

[3] Rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, Lulju 1994 sa Diċembru 2003, COM (2005)85 finali, 14.03.2005.

[4] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2000/473/EURATOM tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat Euratom li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza tal-livelli ta' radjoattività fl-ambjent għall-iskop tal-valutazzjoni tal-popolazzjoni in ġenerali – ĠU L191, 27/07/2000, p. 37.

[5] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/928/EURATOM ta' l-20 ta' Diċembru 2001 dwar il-ħarsien tal-pubbliku mill-esponiment għar-radon fil-provvisti ta' l-ilma – ĠU L344, 28/12/2001, p. 85.

[6] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/274/Euratom ta' l-14 ta' April 2003 dwar il-protezzjoni u l-informazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' l-esponiment li jirriżulta minn kontaminazzjoni kontinwa tas- caesium radjoattiv f'ċerti prodotti ta' l-ikel mhux ikkultivati bħala konsegwenza ta' l-inċident fl-impjant ta' l-enerġija f'Ċernobil – ĠU L99, 17/04/2003, p. 55.

[7] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Verifiki tal-livelli tal-faċilitajiet ta' kontroll tar-radjoattività skond l-Artikolu 35 tat-Trattat EURATOM – Arranġamenti prattiċi għat-tmexxija taż-żjarat ta' verifika fl-Istati Membri; ĠU C155, 04.07.2006, p.2.

[8] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2003 dwar l-informazzjoni standardizzata ta' tnixxijat fl-arja u f'forma likwida minn reatturi ta' l-enerġija nukleari u impjanti ta' pproċessar mill-ġdid f'operat normali- ĠU L2, 06/01/2004, p. 36

[9] Verifika mhux konkluża b'rapport tekniku approvat

[10] L-ewwel żjara li tmexxiet fid-9.6.2004 b'ambitu ristrett ġiet inkorporata fir-rapport ta' verifika komprensiva