52007DC0723

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija ta' l-enerġija (SET-plan) - 'Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju' {SEC(2007) 1508} {SEC(2007) 1509} {SEC(2007) 1510} {SEC(2007) 1511} /* KUMM/2007/0723 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 22.11.2007

COM(2007) 723 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

PJAN STRATEĠIKU EWROPEW GĦAT-TEKNOLOĠIJA TA' L-ENERĠIJA (SET-PLAN) 'Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju'

{SEC(2007) 1508}{SEC(2007) 1509}{SEC(2007) 1510}{SEC(2007) 1511}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

PJAN STRATEĠIKU EWROPEW GĦAT-TEKNOLOĠIJA TA' L-ENERĠIJA (SET-PLAN)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

""Qed niffaċaw sfidi kbar li ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali. L-Unjoni Ewropea hija r-risposta tagħna għal dawn l-isfidi."

- Id-dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, Berlin 2007

1. IL-BżONN TA’ PJAN STRATEġIKU EWROPEW GħAT-TEKNOLOġIJA TA' L-ENERġIJA (SET-PLAN)

It-teknoloġija hija parti essenzjali mill-mużajk tal-Politika ta' l-Enerġija

Jeħtieġ li l-Ewropa taġixxi issa, flimkien, sabiex twassal enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva. L-isfidi interrelatati tat-tibdil fil-klima, is-sikurezza tal-provvista ta' l-enerġija u l-kompetittività għandhom bosta aspetti, u jirrikjedu risposta koordinata. Qegħdin noħolqu stampa unita u wiesgħa ħafna ta' politiki u miżuri: miri vinkolanti għall-2020 biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'20% u niżguraw 20% ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita ta' l-enerġija ta' l-UE; pjan biex innaqqsu l-użu komprensiv ta' l-UE ta' l-enerġija primarja b'20% sa l-2020; prezzar tal-karbonju permezz ta' l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet; Suq Intern kompetittiv ta' l-Enerġija; politika internazzjonali ta' l-enerġija. U issa jeħtiġilna politika dedikata biex naċċelleraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju bi nfiq effikaċi.

L-utilizzazzjoni tat-teknoloġija hija essenzjali biex nilħqu l-miri tal-Politika Ewropea ta' l-Enerġija adottata mill-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2007[1]. Biex nilħqu l-miri, jeħtiġilna nbaxxu l-ispiża ta' l-enerġija nadifa u li npoġġu l-industrija ta' l-UE fuq quddiem fis-settur, li qed jikber bil-ħeffa, tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Fil-medda aktar fit-tul, jeħtieġ li jiġu żviluppati ġenerazzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda permezz ta' kisbiet sinifikanti fir-riċerka, jekk irridu nilħqu l-ambizzjoni akbar li sa l-2050 nnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'60-80%.

Illum għadna 'l bogħod mill-mira

Ix-xejriet attwali u l-proġezzjonijiet tagħhom fil-ġejjieni juru li ma aħniex fit-triq lejn il-ilħiq tal-miri tagħna tal-politika ta' l-enerġija. Mindu l-iskossi tal-prezzijiet taż-żejt fis-Sebgħinijiet u t-Tmeninijiet, l-Ewropa gawdiet minn provvisti rħas u kbar ta' l-enerġija. Id-disponibbiltà faċli tar-riżorsi, l-ebda restrizzjonijiet tal-karbonju u l-imperattivi kummerċjali tal-forzi tas-suq mhux biss ħallewna dipendenti fuq il-karburanti fossili, imma dgħajfu wkoll l-interess fl-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija. Dan kien hemm min iddeskrivih bħal l-akbar u l-usa' falliment tas-swieq li qatt seħħ.

Il-baġits pubbliċi u privati tar-riċerka fl-enerġija fl-UE naqsu sostanzjalment mindu laħqu l-ogħla livelli tagħhom fit-Tmeninijiet, b'risposta għall-iskossi tal-prezzijiet ta' l-enerġija. Dan wassal għal kumulazzjoni ta' investiment nieqes fil-kapaċitajiet tar-riċerka fl-enerġija u fl-infrastrutturi ta' l-enerġija. Li kieku l-gvernijiet ta' l-UE llum kienu qed jinvestu bl-istess rata bħal fit-Tmeninijiet, l-infiq pubbliku totali ta' l-UE fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija kien ikun erba' darbiet il-livell attwali ta' l-investiment ta' madwar EUR 2.5 biljun fis-sena.

Dgħjufijiet intrinsiċi ta' l-innovazzjoni fl-enerġija

Il-proċess ta' l-innovazzjoni fl-enerġija, mill-kunċett inizjali għall-penetrazzjoni tas-suq, ukoll ibati minn dgħjufijiet strutturali uniċi. Huwa kkaratterizzat minn żmien twil, bosta drabi għexieren ta' snin, tat-twassil għas-suq tal-massa, minħabba d-daqs ta' investimenti meħtieġa u l-inerzja teknoloġika u regolatorja inerenti fis-sistemi eżistenti ta' l-enerġija. L-innovazzjoni tiffaċċa investimenti infrastrutturali ankrati u 'msakkra' bbażati fuq il-karbonju, atturi dominatni, l-impożizzjoni ta' prezzijiet massimi, oqfsa regolatorji li jitbiddlu u sfidi ta' konnettività tan-netwerks.

L-adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija ttellifha wkoll in-natura ta' l-enerġija bħala kommodità. Teknoloġiji ġodda ġeneralment huma ogħla minn dawk li jissostitwixxu, filwaqt li ma jipprovdux servizz aħjar ta' l-enerġija. Il-benefiċċji immedjati x'xaktarx li tgawdihom is-soċjetà, u mhux ix-xerrejja. Xi teknoloġiji jiffaċċaw kwistjonijiet ta' aċċettazzjoni soċjali, u ta' spiss jirrikjedu spejjeż addizzjonali bil-quddiem biex jintegraw fis-sistema eżistenti ta' l-enerġija. Dan il-qafas xejn favorevoli għall-innovazzjoni jkomplu jgħaqqduh ostakli ġuridiċi u amministrattivi.

Fi ftit kliem. għal dawn it-teknoloġiji la hemm aptit naturali fis-suq u lanqas benefiċċju immedjat. Din id-disparità fis-suq bejn il-provvista u d-domanda spiss isejħulha 'l-ħondoq tal-mewt' għat-teknoloġiji ta' l-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. L-intervent pubbliku biex jirfed l-innovazzjoni fl-enerġija huwa sew meħtieġ kif ukoll ġustifikat.

L-Ewropa għandha tkun minn ta' quddiem nett fid-dinja fit-teknoloġiji ta' l-enerġija

L-Istati Membri weħidhom isibuha diffiċli joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-industrija tkun tista' tikkompeti fi swieq internazzjonali. L-atturi ewlenin, l-Istati Uniti u l-Ġappun, imma magħhom ukoll l-ekonomiji emerġenti bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, qed jiffaċċaw l-istess sfidi u qed ikattru l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw u jikkomerċjalizzaw teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija. F'dawn l-aħħar sentejn, il-Ġappun adotta pjan strateġiku għat-teknoloġija ta' l-enerġija u l-Istati Uniti adottaw programmi xjentifiċi u teknologiċi dwar tibdil fil-klima. Id-daqs tas-suq tagħhom, u l-kapaċitajiet ta' l-investiment u r-riċerka tagħhom, jisbqu bil-kbir dawk tal-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Din il-qagħda jkomplu jgħarrquha l-frammentazzjoni, strateġiji moltepliċi u mhux allineati, u kapaċitajiet li ma jilħqux massa kritika, fatturi li għadhom jikkaratterizzaw il-bażi ta' riċerka ta' l-UE.

L-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fir-reazzjoni tagħha għat-tibdil fil-klima, billi adottat miri u billi pprezzat il-karbonju permezz ta' l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet, kif ukoll billi ħolqot suq tassew intern ta' l-enerġija. Jeħtiġilna naġixxu b'determinazzjoni u ambizzjoni simili fuq politika għal teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Jeżistu l-kundizzjonijiet biex nikkatalizzaw rivoluzzjoni industrijali ġdida. F'dinja b'restrizzjonijiet fuq il-karbonju, il-ħakma tat-teknoloġija kulma jmur sejra tiddetermina l-prosperità u l-kompetittività. Jekk naqgħu lura fit-tellieqa dinjija, li qed tintensifika ruħha, biex jintrebħu s-swieq tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, jista' jkun li jkollna niddependu minn teknoloġiji importati biex nilħqu l-miri tagħna, u b'hekk inħallu jaħarbulna minn bejn is-swaba opportunitajiet kummerċjali enormi għall-azjendi ta' l-UE.

Mhemmx ħin x'naħlu

It-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju sejra ddum l-għexieren tas-snin, u tolqot kull settur ta' l-ekonomija, imma ma nistgħux niddewmu fl-azzjoni. Deċiżjonijiet li sejrin jittieħdu matul l-10-15-il sena li ġejjin sejrin ikollhom konsegwenzi profondi għas-sikurezza ta' l-enerġija, għat-tibdil fil-klima, u għat-tkabbir ekonomiku u l-impiegi fl-Ewropa. L-azzjoni sejra tqumilna ħafna, imma l-prezz tan-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-wisq ogħla. Bħala illustrazzjoni tad-daqs tal-problema, ir-rapport Stern[2] jistma li l-ispiża għall-azzjoni tista' tillimita ruħha għal madwar 1% tal-PGD globali kull sena, filwaqt li n-nuqqas ta' azzjoni jista' jwassal għat-telf ta' 5-20% tal-PGD globali kull sena.

2. L-ILħIQ TAL-VIżJONI POLITIKA

Il-viżjoni ta' Ewropa b'ekonomija prospera u sostenibbli, li tmexxi d-dinja f'portafoll divers ta' teknoloġiji nodfa, effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju bħala mutur tal-prosperità u kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impiegi. Ewropa li tkun ħatfet l-opportunitajiet li joffru t-tibdil fil-klima u l-globalizzazzjoni u li tagħti kontribut biex nilqgħu l-isfida ta' l-enerġija globali, inkluż it-twessigħ ta' l-aċċess għas-servizzi moderni ta' l-enerġija fid-dinja żviluppata.

L-effiċjenza fl-enerġija

L-ewwel u qabel kollox, jeħtiġilna bidla sostanzjali fl-effiċjenza f'dak li jirrigwarda l-konverżjoni, il-provvista u l-użu aħħari ta' l-enerġija. Fit-trasport, fil-bini u l-industrija, jeħtieġ li l-opportunitajiet disponibbli ta' l-enerġija jinbidlu f'opportunitajiet għall-azjendi. Jeħtiġilna nutilizzaw għal kollox il-potenzjal għat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-innovazzjoni fl-organizzazzjonijiet, kif ukoll li nużaw l-istrumenti bbażati fuq il-politika pubblika u fuq is-suq[3] biex nimmaniġġaw id-domanda u ninkoraġġixxu swieq ġodda. Bosta politiki u miżuri diġà qegħdin fil-post biex imexxu dan il-proċess 'il quddiem, partikolarment il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Loġistika tal-Merkanzija, u d-direttivi dwar l-ekodisinn u t-Tikkettar Enerġetiku ta' Prodotti li Jużaw l-Enerġija, dwar is-Servizzi ta' l-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Binjiet. Qed jitħejjew miżuri oħra, pereżempju dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà fil-Bliet, fażi ġdida ta' l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet, u l-inizjattivi dwar is-swieq tal-ponta, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u politika industrijali sostenibbli.

L-ilħiq tal-miri ta' l-2020

Għall-2020, it-teknoloġiji li sejrin jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-miri huma disponibbli llum, jew inkella fl-aħħar fażijiet ta' l-iżvilupp. B'mod ġenerali, it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għadhom għaljin, u jiffaċċaw ostakli fil-pentrazzjoni tas-suq. It-teknoloġiji b'użu effiċjenti ta' l-enerġija aktrax ikollhom spejjeż kbar bil-quddiem, fattur li jżommhom lura f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni mis-suq. Għaldaqstant jeħtieġ approċċ doppju: riċerka msaħħa biex jitbaxxew l-ispejjeż u titjieb il-prestazzjoni; u miżuri proattivi ta' appoġġ biex joħolqu l-opportunitajiet kummerċjali, jistimulaw l-iżvilupp tas-swieq u jindirizzaw l-ostakli mhux teknoloġiċi li jiskoraġġixxu l-innovazzjoni u t-twassil fis-suq ta' teknoloġiji effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

Sfidi teknoloġiċi ewlenin ta' l-UE għall-10 snin li ġejjin biex jintlaħqu l-miri ta' l-2020: Li l-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni jsiru alternattivi kompetittivi għall-karburanti fossili, filwaqt li tiġi rrispettata s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tagħhom; Li nippermettu l-użu kummerċjali tat-teknoloġiji għall-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2 permezz tad-dimostrazzjoni fuq skala industrijali, inklużi l-effiċjenza tas-sistema fl-intier tagħha u r-riċerka avvanzata; Li nirduppjaw il-kapaċità għall-ġenerazzjoni ta' l-enerġija ta' l-akbar turbini tar-riħ, bir-riħ lil hinn mix-xtut bħala l-applikazzjoni ewlenija; Li niddemostraw il-preparatezza kummerċjali tal-Fotovoltajka (PV) ta' skala kbira u l-Enerġija Solari Kkonċentrata; Li nippermettu xibka Ewropea ta' l-elettriku unika u intelliġenti biex nakkommodaw l-integrazzjoni massiva tas-sorsi rinnovabbli u deċentralizzati ta' l-enerġija; Li nwasslu fis-suq tal-massa tagħmir u sistemi tal-konverżjoni ta' l-enerġija u ta' l-użu aħħari li jkunu aktar effiċjent, fil-binjiet, it-trasport u l-industrija, bħall-poliġenerazzoni u ċ-ċelloli tal-fjuwil; Li nżommu l-kompetittività fit-teknoloġiji tal-fissjoni, flimkien ma' soluzzjonijiet għar-rimi ta' l-iskart fit-tul; |

- L-ilħiq tal-viżjoni ta' l-2050

Biex nilħqu l-viżjoni ta' l-2050, lejn id-dekarbonizzazzjoni totali, jeħtiġilna niżviluppaw ġenerazzjoni ġdida ta' teknoloġiji permezz ta' suċċessi maġġuri fir-riċerka. Anke jekk uħud minn dawn it-teknoloġiji ftit se jkollhom impatt sa l-2020, huwa essenzjali li nqawwu l-isforzi tagħna llum biex niżguraw li jsiru produttivi malajr kemm jista' jkun. Jeħtiġilna nippjanaw ukoll għal tibdiliet organizzattivi u infrastrutturali kbar.

Sfidi teknoloġiċi ewlenin ta' l-UE għall-10 snin li ġejjin biex tintlaħaq il-viżjoni ta' l-2050: Li l-ġenerazzjoni li ġejja ta' teknoloġiji ta' l-enerġija rinnovabbli nwassluha għall-kompetittività fis-suq; Li nilħqu suċċessi ewlenin fl-effikaċja tan-nefqa tat-teknoloġiji għall-ħżin ta' l-enerġija; Li niżviluppaw it-teknoloġiji u noħolqu l-kundizzjonijiet li lill-industrija jħalluha tikkummerċjalizza vetturi biċ-ċelloli tal-fjuwil ta' l-idroġenu; Li nikkompletaw it-tħejjijiet għad-dimostrazzjoni ta' ġenerazzjoni ġdida (Gen-IV) ta' reatturi tal-fissjoni għal aktar sostenibbiltà; Li nikkompletaw il-kostruzzjoni tal-faċilità tal-fużjoni ITER u niżguraw il-parteċipazzjoni bikrija ta' l-industrija fil-preparazzjoni ta' azzjonijiet ta' dimostrazzjoni; Li nfasslu viżjonijiet alternattivi u strateġiji ta' tranżizzjoni lejn l-iżvilupp tan-Netwerks Transewropej ta' l-Enerġija u sistemi oħra neċessarji biex nirfdu l-ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju tal-ġejjieni; Li nirreġistraw suċċessi sinifikanti fir-riċerka li twassal għall-effiċjenza fl-enerġija: pereżempju, il-materjali, in-nanoxjenza, it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-bijoxjenzi u l-komputazzjoni. |

- Sforz kollettiv biex nipproduċu r-riżultati

L-ilħiq tal-miri ta' l-2020 u tal-viżjoni ta' l-2050 huwa sfida sinifikanti li nistgħu nindirizzawha bl-akbar effikaċja bħala sforz kollettiv.

Xi sfidi teknoloġiċi jirrikjedu massa kritika u investiment fuq skala kbira, u jġibu magħhom riskju li ma jistgħu jiffaċċawh la s-suq, la l-Istati Membri weħidhom u lanqas il-mudell attwali tar-riċerka kollaborattiva Ewropea. L-UE titsta' tirreaġixxi għal din l-isfida billi tevolvi lejn mudell ġdid ta' kooperazzjoni ffukata, bl-isfruttament sħiħ tal-potenzjal taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u tas-Suq Intern.

L-Istati Membri, il-Komunità, l-industrija u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka lkoll għandhom rwoli differenti fi ħdan sforz kollettiv u koerenti. L-ilħiq tal-miri ambizzjużi tagħna sejjer jirrikjedi bidla fundamentali mill-prattika attwali fi ħdan is-sistema kollha ta' l-innovazzjoni, bil-bilanċ ġust bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni fuq il-livelli nazzjonali, Ewropej u dinjija.

Azzjoni mis-suq privat

Is-suq privat jinsab fuq quddiem nett f'dawn l-isforzi. Ir-rivoluzzjoni industrijali li sejra tiġi kkatalizzata mill-bidla lejn it-tkabbir ekonomiku dinji b'emissjonjiet baxxi tal-karbonju tirrappreżenta opportunità unika għall-industrija Ewropea. Qafas fit-tul u stabbli ta' politika huwa essenzjali, imma biex din l-opportunità nisfruttawha bl-aħjar mod, l-industrija għandha tkun lesta żżid l-investiment tagħha u tieħu aktar riskji.

It-twaqqif ta' alleanzi strateġiċi huwa neċessarju biex l-industrija taqsam il-piż u l-benefiċċji tar-riċerka u d-dimostrazzjoni. Hemm lok għal sfruttament aħjar tas-sinerġiji bejn it-teknoloġiji (pereżempju fis-settur awtomottiv, bejn il-vetturi ibridi, iċ-ċelloli tal-fjuwil, il-bijokarburanti u l-gass). L-industrija għandha tingħaqad flimkien biex tieħu pożizzjoni aktar proattiva dwar it-tfassil ta' regolamenti u standards globali, biex tegħleb il-kwistjonjiet – spiss kumplessi – madwar l-aċċettazzjoni pubblika ta' dawn it-teknoloġiji.

Studji riċenti juru li għad hemm lok għal tkabbir sostanzjali fil-kapital privat li qed jiġi investit fl-enerġija nadifa fl-Ewropa[4]. Is-settur finanzjarju, inklużi l-ekwità privata u l-kapital ta' riskju, jeħtieġlu jadatta l-profili tar-riskji tiegħu biex jinvesti aktar f'SMEs u azjendi li jkunu ħarġu mir-riċerka b'potenzjal tajjeb ta' tkabbir, biex igawdu mill-prospetti enormi għat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

Azzjoni fuq il-livell nazzjonali

L-Istati Membri jeħtiġilhom jipproduċu l-kontributi tagħhom għall-miri ta' 20% maqbula għall-2020, u s-sistemi ta' l-enerġija tagħhom iqabbduhom it-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni sa l-2050.

Sforz dedikat u sostanzjali fuq it-teknoloġija ta' l-enerġija jista' jgħin biex nilħqu l-miri b'mod li jkabbar kemm jista' jkun il-benefiċċji għall-Istati Membri u jillimita l-ispejjeż.

L-azzjonijiet ta' l-Istati Membri għandu jkolhom il-mira li jkabbru l-investiment u jipprovdu sinjali tas-suq ċari biex inaqqsu r-riskji u jistimulaw l-industrija biex tiżviluppa teknoloġiji aktar sostenibbli. Pereżempju, billi jfasslu skemi intelliġenti ta' inċentivi li jistimulaw l-innovazzjoni u joħolqu l-ktajjen ta' valur, minflok ma jgħawġu l-kompetizzjoni jew jissussidjaw teknoloġiji li għandhom l-ogħla potenzjal fi żmien qasir.

Inċentivi fiskali[5] u strumenti Komunitarji implimentati fuq il-livell nazzjonali, bħall-Fondi Strutturali, jistgħu jintużaw biex iqawwu l-bażi ta' riċerka, jibnu l-kapaċità ta' l-innovazzjoni, jippromwovu l-eċċellenza u jkattru r-riżorsi umani disponibbli għas-settur. It-tqawwija ta' l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-eżami tal-programmi u miżuri nazzjonali, u t-tfittxija għal aktar koerenza u allineament ma' Stati Membri oħra u ma' sforzi Komunitarji ukoll iħallu l-benefiċċji.

Azzjoni fuq il-livell Komunitarju

Approċċ Komunitarju ġdid fil-qasam tat-teknoloġiji ta' l-enerġija huwa essenzjali biex nilħqu l-miri tas-SET-Plan. Il-Komuità hija l-vettura li tista':

- Tippermetti t-tiġmigħ tar-riżorsi u l-qsim tar-riskji biex niżviluppaw teknoloġiji ġodda li joffru potenzjal enormi, imma attwalment jinsabu 'l bogħod mill-kompetittività fis-suq, u wkoll jisbqu l-mezzi ta' pajjiżi individwali.

- Tiffaċilita l-ippjanar strateġiku sew fuq il-livell teknoloġiku kif ukoll tas-sistema ta' l-enerġija biex tiżgura approċċ komuni lejn problemi li jkollhom dimensjoni transkonfinali, bħan-netwerks, ukif ukoll biex ittejjeb kemm titsta' t-tranżizzjoni lejn is-sistema ta' l-enerġija tal-ġejjieni.

- Tippermetti ġbir u qsim aħjar tad-dejta u informazzjoni biex tirfed it-tfassil sod tal-politika dwar it-teknoloġiji ta' l-enerġija u tiggwida d-deċiżjonijiet dwar l-investiment.

- Tiżgura l-koerenza u l-massa kritika fl-isforzi ta' kooperazzjoni internazzjonali.

- Tindirizza problemi komuni u ostakli mhux teknoloġiċi bħalma huma l-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji ġodda u l-għarfien pubbliku dwarhom, biex naslu għal soluzzjonijiet komuni b'applikabbiltà wiesgħa.

Il-Programmi Kwadru tar-Riċerka u l-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni huma l-għodod ewlenin li permezz tagħhom l-atturi madwar l-UE bħalissa qed jaħdmu flimkien fi proġetti ta' l-innovazzjoni teknoloġika.

Dawn il-programmi Komunitarji għandhom jintużaw aħjar biex jikkatalizzaw l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri u tas-settru privat, u b'hekk jerfgħuhom għal dimensjoni ġdida billi jevolvu lejn mudell ta' tmexxija u kofinanzjament ta' programmi konġunti, u mhux ta' proġetti. Dan jitlob bidla fil-mod li bih jiġu implimentati dawn il-programmi. L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu[6] proposta hija eżempju prim ta' bidla ta' dan it-tip, bl-użu ta' fondi mill-Programm Kwadru tar-Riċerka tal-Komunità għall-kofinanzjament ta' programm ta' riċerka u dimostrazzjoni ma' l-industrija fi sħubija ġdida, Ewropea, bejn il-pubbliku u l-privat.

Azzjoni fuq il-livell dinji

F'dinja li fiha d-domanda għall-enerġija għadha qed tikber, u fejn is-sehem ta' l-Ewropa mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandu jinżel minn 15% għal 10% sa l-2030, jeħtieġ li jkun hemm sforz dinji u kooperazzjoni globali biex nilqgħu għal dawn l-isfidi dinjija.

Il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-teknoloġija ta' l-enerġija jeħtiġilna ntellgħuha f'livell ġdid, bl-istess mod li l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissonijiet qed tintuża biex tikkatalizza l-iżvilupp ta' prezz massimu dinji u sistema ta' skambju dinjija għall-karbonju. Jekk ma jirnexxilniex noħolqu aptit fis-suq għat-teknoloġiji b'emissjonjiet baxxi tal-karbonju u niżguraw l-adozzjoni wiesgħa tagħhom, l-ilħiq tal-miri ambizzjużi tagħna jista' jwassal għal ħafna ħala ta' sforzi u riżorsi – strateġija bi spiża għalja għall-azjendi u għas-soċjetà tagħna.

3. IL-MIRI TAS-SET-PLAN

Jeħtiġilna nużaw l-ambizzjoni u l-miri tal-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa biex noħolqu politika Ewropea ġdida għat-teknoloġija ta' l-enerġija.

Miżuri eżistenti li tħaddmu f'dawn l-aħħar snin ipprovdew pedament għal aktar azzjoni ta' l-UE. Il-ħolqien ta' Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej laqqa' flimkien partijiet interessati biex jiddefinixxu aġendi komuni tar-riċerka u strateġiji ta' l-mplimentazzjoni. L-istrument taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) ERA-Net ta bidu għal bidla lejn il-programmazzjoni komuni tar-riċerka bejn l-Istati Membri. In-Netwerks ta' l-Eċċellenza liċ-ċentri tar-riċerka tawhom l-opportunità li jaħdmu flimkien f'oqsma partikolari.

Huwa u jissokta fuq dan il-momentum, is-SET-Plan sejjer jiffoka, jqawwi u jagħti l-koerenza lill-isforz globali fl-Ewropa, bil-għan li jaċċellera l-innovazzjoni fit-teknoloġiji Ewropej l-aktar avvanzati b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. B'hekk ikun qed jiffaċilita l-ilħiq tal-miri ta' l-2020 u l-viżjoni ta' l-2050 tal-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa.

Is-SET-Plan jipproponi li jwassal dawn ir-riżultati: (i) ppjanar strateġiku konġunt ġdid, (ii) implimentazzjoni aktar effikaċi, (iii) żieda fir-riżorsi, u (iv) approċċ ġdid u msaħħaħ lejn il-kooperazzjoni internazzjonali.

4. PPJANAR STRATEġIKU KONġUNT

Mod ġdid ta' ħidma fil-livell Komunitarju jirrikjedi mezzi inklussivi, dinamiċi u flessibbli għat-tmexxija ta' dan il-proċess, għad-definizzjoni tal-prijoritajiet u għas-sottomissjoni ta' proposti ta' azzjoni – approċċ kollettiv lejn l-ippjanar strateġiku. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri, l-industrija, u l-komunitajiet tar-riċerka u tal-finanzi jeħtiġilhom jibdew jikkomunikaw flimkien, u jieħdu deċiżjonijiet b'mod aktar strutturat u orjentat lejn missjoni, huma u jfasslu kunċetti ta' azzjoni u jimplimentawhom mal-KE fi ħdan qafas kooperattiv. Neħtieġu struttura ġdida ta' governanza.

Grupp ta' Tmexxija tal-Komunità Ewropea dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija

Biex imexxi l-implimentazzjoni tas-SET-Plan, filwaqt li jsaħħaħ il-koerenza bejn l-isforzi nazzjonali, Ewropej u dinjija, fl-ewwel parti ta' l-2008, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi Grupp ta' Tmexxija dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija. Il-Grupp, li sejra tippresedih il-Kummmissjoni, sejjer ikun magħmul minn rappreżentanti b’pożizzjoni għolja fil-Gvern mill-Istati Membri. Il-mandat tal-grupp sejjer ikun li jfassal azzjonijiet konġunti, billi jikkoordina l-politiki u l-programmi, li jqiegħed riżorsi għad-dispożizzjoni ta' min jeħtieġhom u jirrevedi l-progress b'mod sistematiku, għal kollox orjentat lejn l-ilħiq tal-miri komuni tagħna.

Il-kummissjoni sejra torganizza Samit Ewropew dwar it-Teknoloġiji ta' l-Enerġija fl-ewwel nofs ta' l-2009. L-għan ikun li jitlaqqgħu flimkien u jkunu involuti l-persuni interessati kollha fis-sistema sħiħa ta' l-innovazzjoni, mill-industrija sal-klijenti, kif ukoll rappreżentanti ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, il-komunità finanzjarja u s-sħab internazzjonali tagħna. Dan l-avveniment ikunilna opportunità biex nirrevedu l-progress li jkun sar, inxxerrdu r-riżultati u nħallu li setturi differenti jiddakkru reċiprokament.

Sistema Ewropea għall-Informazzjoni dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija

L-ippjanar strateġiku effikaċi fil-Grupp ta' Tmexxija jirrikjedi informazzjoni u dejta regolari u affidabbli. Biex tirfed id-definizzjoni ta' miri dwar it-teknoloġij ta l-enerġija, kif ukoll biex tibni qbil wiesa' madwar il-programm tas-SET-Plan, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi sistema ta' aċċess miftuħ għall-informazzjoni u ta' ġestjoni ta' l-għarfien. Sejra tinkludi 'mapep tat-teknoloġija' (l-aktar għarfien riċenti, ostakli u l-potenzjal tat-teknoloġiji) kif ukoll 'mapep tal-kapaċitajiet' (riżorsi umani u finanzjarji) żviluppati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni [7]. Is-sistema sejra tgħin fir-rappurtar regolari tal-progress fis-SET-Plan, u tinforma t-tfassil tal-politiki permezz ta' l-Osservatorju tas-Suq ta' l-Enerġija u r-Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija ta' kull sentejn.

5. IMPLIMENTAZZJONI EFFIKAċI – NAħDMU FLIMKIEN FIL-LIVELL KOMUNITARJU

Biex naċċelleraw il-proċessi ta' żvilupp u introduzzjoni fis-suq, neħtieġu mekkaniżmi aktar iffukati u b'saħħithom li jistgħu jingaġġaw il-potenzjal ta' l-intervent pubbliku, l-industrija Ewropea u r-riċerkaturi.

5.1. Inizjattivi Industrijali Ewropej

L-Inizjattivi Industrijali Ewropej għandhom l-għan li jsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni ta' l-industrija fl-enerġija bili jimmobizzaw il-massa kritika meħtieġa ta' attivitajiet u atturi. Orjentata lejn miri li jistgħu jitkejlu f'termini ta' tnaqqis ta' spejjeż jew ta' prestazzjoni mtejba, sejrin jiffukaw u jallinjaw l-isforzi tal-Komunità, ta' l-Istati Membri u ta' l-industrija biex nilħqu miri komuni. Sejrin jimmiraw lejn is-setturi li fihom il-ħidma fuq il-livell Komunitarju l-aktar li żżid il-valur – teknoloġiji li fihom l-ostakli, l-iskala ta' l-investiment u r-riskju involut jistgħu jiġu ttrattati l-aħjar kollettivament.

Abbażi tar-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni biħsiebha tvara l-inizjattivi prijoritarji ġodda li ġejjin, b'bidu mill-2008:

- Inizjattiva Ewropea dwar ir-Riħ: tiffoka fuq il-validazzjoi u d-dimostrazzjoni tat-turbini kbar u s-sistemi kbar (rilevanti għal applikazzjonijiet sew fuq l-art kif ukol fil-baħar).

- Inzjattiva Ewropea dwar ix-Xemx: tiffoka fuq id-dimostrazzjoni fuq skala kbira għall-fotovaltajka u l-enerġija solari kkonċentrata.

- Inzjattiva Ewropea dwar il-Bijoenerġija: tiffoka fuq 'bijokarburanti tal-ġenerazzjoni li jmiss' fi ħdan il-kuntest ta' strateġija komprensiva dwar l-użu tal-bijoenerġija.

- Inizjattiva Ewropea dwar il-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO 2 : tiffoka fuq ir-rekwiżiti tas-sistema sħiħa, inklużi l-effiċjenza, is-sikurezza u l-aċċettazzjoni mill-pubbliku, biex tagħti prova tal-vijabbiltà fuq l-iskala industrijali ta' impjanti ta' l-enerġija b'emissjonijiet żero filwaqt li jaħdmu bil-karburanti fossili.

- Inizjattiva Ewropea dwar ix-xibka ta' l-elettriku: tiffoka fuq l-iżvilupp tas-sistema intelliġenti ta' l-elettriku, inkluż il-ħżin, u fuq il-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-implimentazzjoni ta' programm ta' riċerka għan-netwerk Ewropew ta' trażmissjoni.

- Inizjattiva dwar il-fissjoni nukleari sostenibbli: tiffoka fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-Ġenerazzjoni IV.

L-Inizjattivi Industrijali Ewropej sejrin jiġu implimentati b'modi differenti, skond in-natura u l-ħtiġijiet tas-settur u tat-teknoloġiji. Għal teknoloġiji b'bażi industrijali suffiċjenti ma' l-Ewropa kollha kemm hi, jistgħu jieħdu s-sura ta' sħubijiet pubbliċi-privati, filwaqt li għal teknoloġiji oħra li huma pprijoritizzati minn xi ftit pajjiżi, jistgħu jieħdu s-sura ta' pprogrammar konġunt minn koalizzjonijiet ta' dawk l-Istati Membri interessati. Fejn dan ikun f'loku, strumenti ta' 'mbuttatura teknoloġika' u 'ġibda mis-suq' jistgħu jintużaw flimkien. Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej sejrin jgħinu fil-fażi ta' tħejjija.

Żewġ programmi li jinsabu għaddejjin iservu ta' eżempji illustrativi ta' l-inizjattivi tas-SET-Plan: il-programm Ewropew ta' riċerka dwar il-fużjoni u l-proġett ewlieni tiegħu 'ITER' u l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-"Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu' proposta. Inizjattivi oħra relatati huma l-programm ta' riċerka dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru tas-Sema Uniku Ewropew (SESAR) li sejjer itejjeb l-effiċjenza enerġetika tas-sistema ta' l-avjazzjoni, kif ukoll l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta 'Sema Nadif'[8] proposta, li għandha l-mira li ttejjeb l-effiċjenza tal-muturi ta' l-avjazzjoni fl-użu ta' l-enerġija.

5.2. Il-ħolqien ta' Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija

L-Ewropa għandha Istituti Nazzjonali ta' Riċerka dwar l-Enerġija li huma b'saħħithom, kif ukoll timijiet eċċellenti ta' riċerka jaħdmu fl-universitajiet u ċ-ċentri speċjalizzati. Madankolli, anke jekk qed jaħdmu lejn miri jixtiebhu, jiddefinixxu strateġiji u pjanijiet ta' ħidma individwalment. Ma għadhomx biżżejjed l-istrumenti tradizzjonali (pereżempju proġetti u netwerks) biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom. Aktar kooperazzjoni fil-livell tal-Komunità sejra twassal għal użu aktar effikaċi tar-riżorsi.

Il-Kummisjsoni tipproponi l-ħolqien ta' Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija. Biex tvara l-proċess, il-Kumissjoni, fl-ewwel nofs ta' l-2008, sejra tiftaħ djalogu strutturat mal-Kapijiet Eżekuttivi ta' l-Istituti Nazzjonali ta' Riċerka u ta' kopri ta' karattru simili (pereżempju stabbilimenti ta' l-edukazzjoni ogħla) bi programmi sinifikanti. Il-mandat sejjer idaħħal bidla mill-mudell ta' llum, dak tal-kollaborazzjoni fi proġetti, lejn mudell ġdid ta' l-implimentazzjoni ta' programmi. Il-miri huma li dawn il-programmi jiġu allineati mal-prijoritajiet tas-SET-Plan, li l-kapaċitajiet eżistenti imma mferrxin jiġu integrati f'netwerk, u li jinbnew sħubijiet dejjiema ma' l-industrija.

Eżempji ta' programmi konġunti potenzjali li jistgħu jkunu inkanalati permezz ta' l-Alleanza jinkludu x-xjenza bażika dwar l-enerġija, teknoloġiji ta' ffaċilitar u ta' avvanz sinifikanti kif ukoll l-effiċjenza enerġetika avvanzata. L- Istitut Ewropew tat-Teknoloġija jista' jipprovdi vettura adegwata biex tintlaħaq din l-ambizzjoni, permezz ta' Komunità ta' l-Għarfien u l-Innovazzjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima.

5.3. Netwerks Transewropej ta' l-Enerġija u sistemi tal-ġejjieni

L-ilħiq ta' sistema ta' l-enerġija Ewropea sostenibbli u interkonnessa sejjer jirrikjedi tibdil enormi fl-infrastruttura ta’ l-enerġija, kif ukoll l-innovazzjoni organizzattiva. Se sjeħħ fuq medda ta' għexieren ta' snin u jittrasforma l-industrija u l-infrastrutturi ta' l-enerġija, u jirrappreżenta wieħed mill-investimenti l-aktar importanti tas-seklu 21. Se jintlaqtu setturi diversifikati ħafna, mhux biss l-enerġija, l-ambjent u t-trasport, imma wkoll it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-agrikoltura, il-kompetizzjoni, il-kummerċ u oħrajn. Dan sejjer jirrikjedi approċċ pluridixxiplinari rigward kwistjonijiet li kulma jmur dejjem qed ikunu aktar interkonnessi.

Biex nippjanaw u niżviluppaw infrastrutturi u politiki tal-ġejjieni, huwa essenzjali li nifhmu sewwa l-implikazzjonijiet kollha u l-loġistika ta' l-alternattivi l-ġodda tat-teknoloġiji ta' l-enerġija.

Fl-2008, il-Kumissjoni biħsiebha tibda azzjoni dwar Netwerks infrastrutturali Ewropej ta' l-enerġija u l-ippjanar tat-tranżizzjoni bejn is-sistemi. Sejra tgħin biex ittejjeb kemm jista' jkun u tarmonizza l-iżvilupp ta' sistemi ta' l-enerġija integrati b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju fl-UE kollha kemm hi u fil-pajjiżi ġirien tagħha. Sejra tgħin fl-iżvilupp ta' għodod u mudelli għall-previżjoni fil-livell Ewropew f'oqsma bħalma huma xbieki intelliġenti u bidirezzjonali ta' l-elettriku, it-trasport u l-ħżin tas-CO2 u d-distribuzzjoni ta' l-idroġenu.

6. RIżORSI

Huwa essenzjali li nindirizzaw id-diverġenza bejn id-daqs enormi ta' l-isfida ta' l-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-livelli attwali ta' l-isforz ta' riċerka u innovazzjoni.

L-implimentazzjoni tas-SET-Plan sejra tgħinna negħilbu l-frammentazzjoni tal-bażi tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa, u twassal għal bilanċ komprensiv aħjar bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni. L-inkoraġġiment ta' aktar iffukar u koordinament bejn l-iskemi u s-sorsi differenti tal-finanzament sejjer jgħin biex nottimizzaw l-investimenti, nibnu l-kapaċitajiet u niżguraw kontinwità ta' finanzjament għal teknoloġiji f'fażijiet differenti ta' l-iżvilupp.

Jeħtiġilna nindirizzaw żewġ sfidi: il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali , għar-riċerka u l-infrastrutturi relatati, dimostrazzjoni fuq skala industrijali u proġetti tar-replikazzjoni tas-swieq; u l-edukazzjoni u t-taħriġ biex ikollna l-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi umani meħtieġa biex nisfruttaw għall-aħħar l-opportunitajiet teknoloġiċi li sejra toħloq il-politika Ewropea ta' l-enerġija.

It-tkattir ta' l-investiment

Studji riċenti (pereżempju r-Rapport Stern, ir-rapporti tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija) jikkonfermaw li żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni ta' l-enerġija, sa talanqas id-doppju tal-livelli attwali, twettaq benefiċċji sostanzjali. L-inċentivi għall-implimentazzjoni wkoll għandhom mnejn jeħtiġilhom jikbru b'sa hħames darbiet il-livell attwali.

Il-baġits imkabbra tas-Seba' Programmi Kwadru tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll il-Programm Ewropew għall-Enerġija Intelliġenti, huma pass fid-direzzjoni t-tajba. F'ta' l-ewwel, il-baġit annwali medju ddedikat għar-riċerka fl-enerġija (KE u Euratom) se jkun €886 miljun, imqabbel mal-€574 miljun tal-programm preċedenti. L-impenn tal-Komunità favur il-programm ta' fużjoni ITER kien strumentali biex tinkiseb din iż-żieda fil-baġit. Bl-istess mod, aktar żidiet fir-riżorsi huma meħtieġa għall-finanzjament ta' l-Inizjattivi Industrijali Ewropej Industrijali u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija.

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment ukol qed jiddedika aktar riżorsi għal proġetti ta' l-enerġija (€5-7 biljun fis-snin li ġejjin). L-ewwel riżultati mill-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju jikkonfermaw li qed tiftaħ opportunitajiet usa' ta' finanzjament għal proġetti ta' riċerka u dimostrazzjoni fis-setturi ta' l-enerġija rinnovabbli u ta' l-effiċjenza fl-enerġija.

Xi Stati Membri diġà qegħdin iżidu progressivament il-finanzjament nazzjonali tar-riċerka fl-enerġija. Jistgħu jsegwuhom oħrajn, bil-għan li fi tliet snin nirduppjaw l-isforz globali fl-UE. Il-Kumissjoni sejra tissorvelja l-progress lejn l-ilħiq ta' din il-mira fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' Liżbona.

Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-finanzjament ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju fi tmiem l-2008. Il-Komunikazzjoni sejra tindirizza ħtiġijiet u sorsi ta' riżorsi, teżamina l-modi kollha li bihom jista' jitqajjem l-investiment privat, inklużi l-ekwità privata u l-kapital ta' riskju, ittejjeb il-koordinazzjoni bejn is-sorsi tal-finanzjament u tiġġenera fondi ġodda. B'mod partikolari, sejra teżamina l-opportunità li jinħoloq mekkaniżmu/fond Ewropew ġdid għad-dimostrazzjoni fuq skala industrijali u r-replikazzjoni fis-suq ta' teknoloġiji avvanzati b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u sejra tqis l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' inċentivi fiskali għall-innovazzjoni.

Fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni sejra tutilizza l-għarfien tal-gvernijiet, l-industrija, u l-komunitajiet tar-riċerka, ta' l-enerġija u tal-finanzi.

Espansjoni tal-bażi tar-riżorsi umani

Biex intejbu l-kwalità u l-nkattru l-għadd ta' l-inġiniera u riċerkaturi li kapaċi jaffrontaw l-isfidi ġodda ta' l-innovazzjoni fl-enerġija, il-Kummissjoni sejra tuża b’mod partikolari l-Azzjonijiet Marie Curie tal-Programm Kwadru tar-Riċerka, biex tagħti spinta lit-taħriġ tar-riċerkaturi fil-qasam ta' l-enerġija. L-azzjonijiet tas-SET-Plan, bħalma huma l-Inizjattivi Industrijali Ewropej u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija, sejrin jiġġeneraw aktar opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, bil-għan li joħolqu ambjent ta' ħidma attraenti għall-aqwa riċerkaturi fl-Ewropa u minn madwar id-dinja.

L-azzjonjiet ta' l-Istati Membri biex iqawwu l-bażi tar-riżorsi umani għandhom ikunu kkoordinati aħjar, biex inkabbru s-sinerġiji kemm jista' jkun u nżidu l-mobbiltà f'settur li diġà jinsab taħt pressjoni gravi minħabba n-nuqqas ta' żgħażagħ li jidħlu fil-qasam. Il-kofinanzjament ta' prgrammi konġunti għandu jkun prijoritizzat.

7. KOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-Kooperazzjoni internazzjonali, pereżempju fir-riċerka jew id-definizzjoni ta' standards internazzjonali, hija essenzjali biex nistimolaw l-iżvilupp globali, il-kummerċjalizzazzjoni, l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-aċċess għalihom.

Mal-pajjiżi żviluppati, fejn il-kompetizzjoni hija element ewlieni, huwa essenzjali li niżguraw aktar kooperazzjoni fir-riċerka 'ta' ġid pubbliku', bħal dik dwar is-sikurezza u l-aċċettazzjoni mill-pubbliku, kif ukoll fir-riċerka fundamentali aktar fit-tul.

Għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti, l-interess Komunitarju qiegeħd f'li ngħinu lil dawk il-pajjiżi jiżviluppaw u jikbru b'mod aktar sostenibbli, filwaqt li nibnu opportunitajiet ta’ swieq ġodda għall-industrija ta' l-UE u niżguraw kollaborazzjoni effikaċi fl-aċċess u l-iżvilupp tar-riżorsi. Alternattivi għal aktar ingaġġament u kooperazzjoni ma' pajjiżi bħal dawn jinkludu: it-tixbik taċ-ċentri tat-teknoloġija ta' l-enerġija f'netwerks; it-twaqqif ta' proġetti ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira dwar teknoloġiji bl-akbar potenzjal f'dawk il-pajjiżi; iż-żieda fl-użu ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament, bħall-Fond Dinji għall-Effiċjenza fl-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli; tisħiħ ta' l-użu tal-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kjoto, partikolament il-Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp Nadif għal investimenti fi proġetti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, jekk jintlaħaq ftehim dinji dwar aktar tnaqqis tas-CO2 għal wara l-2012.

Il-miżuri proposti fis-SET-Plan (jiġifieri l-Grupp ta' Tmexxija, l-Inizjattivi Industrijali Ewropej u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija) għandhom iwasslu għal strateġija msaħħa ta' kooperazzjoni internazzjonali. Jeħtiġilna wkoll niżguraw li l-UE titkellem dejjem aktar b'leħen wieħed fil-fora internazzjonali, fejn dan ikun f'loku, biex nilħqu effett ta' sħubija aktar koerenti u aktar qawwi.

8. IMMEXXU L-ħIDMA 'L QUDDIEM

Illum, il-proċess ta' l-innovazzjoni fit-teknoloġija ta' l-enerġija jissejjes fuq programmi u inċentivi nazzjonali, bl-użu ta' riżorsi naturali biex jintlaħqu għanijiet u miri nazzjonali. Dan il-mudell kien jgħodd għal żmien, illum fl-imgħoddi, ta' enerġija rħisa u l-ebda restrizzjonijiet tal-karbonju. Biex inwettqu t-tibdiliet drammatiċi fix-xenarju makroskopiku ta' l-enerġija li sejjer ikun neċessarju fis-Seklu 21, jeħtiġilna nsegwu politika ġdida.

Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew biex:

- Jaffermaw mill-ġdid li t-teknoloġija ta’ l-enerġija hija pilastru fundamentali tal-politiki Ewropej dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, u li hija essenzjali biex nilħqu l-miri tagħna dwar id-dekarbonizazzjoni.

- Japprovaw mira Komunitarja biex konġuntement u strateġikament nippjanaw sforzi ta' riċerka u innovazzjoni fl-enerġija u f'konformità ma' l-għanijiet tal-politika ta' l-UE dwar l-enerġija. Fl-2008 sejra titwaqqaf struttura ta' governanza.

- Jikkonfermaw li implimentazzjoni aħjar u aktar effikaċi ta' l-isforzi attwali ta' riċerka u innovazzjoni fl-enerġija hija fundamentali, u b'mod speċifiku:

- Jimpenjaw irwieħhom li jistabbilixxu sensiela ta' Inizjattivi Industrijali Ewropej ewlenin, b'bidu mill-2008;

- Japprovaw il-ħtieġa li jsaħħu l-kapaċitajiet tar-riċerka Ewropej bili jintegraw aħjar iċ-ċentri tar-riċerka ta' l-UE dwar l-enerġija f'Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija. Biex jintlaħaq dan il-għan, sejjer jinbeda djalogu strutturat fl-2008.

- Japprovaw il-proposta tal-Kummissjoni li tinbeda azzjoni biex tippjana strateġikament it-tranżizzjoni għal netwerks u sistemi ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju fl-Ewropa.

- Jikkonfermaw li użu aħjar tar-riżorsi, u tkattir tagħhom, sew finanzjarji kif ukoll dawk umani, huma meħtieġa biex naċċelleraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-ġejjieni b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

- Jilqgħu l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni biex fl-2008 tħejji Komunikazzjoni dwar il-finanzjament ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

- Jaqblu dwar il-ħtieġa li nsaħħu l-kooperazzjoni internazzonali – biex nimplimentaw strateġija koerenti u differenzjata b'relazzjoni ma' eknomiji żviluppati, dawk li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti.

[1] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati abbażi tal-Pakket dwar l-enerġija tal-Kummissjoni, eż. il-Komunikazzjonijiet: 'Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa' COM(2007)1, Il-limitazzjoni tat-tibdil fil-klima globali għal 2 gradi Celsius' [titlu mhux uffiċjali] COM(2007)2 u 'Lejn Pjan Strtaeġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija' [titlu mhux uffiċjali] COM (2006)847.

[2] Stern Review on the Economics of Climate Change (Ir-Rapport Stern dwar l-Ekonomiji tat-Tibdil fil-Klima) – UK HM Treasury.

[3] COM(2007)140, 28.3.2007, Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq.

[4] Pereżempju 'Global Trends in Sustainable Energy Investment 2007' (Xejriet Globali fl-Investiment fl-Enerġija Sostenibbli 2007), United Nations Environment Programme and New Energy Finance Ltd.

[5] COM(2006)728, 22.11.2006, dwar l-użu ta' l-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp.

[6] COM (2007) 571, -9.10.2007

[7] Ara d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2007)1510 'Technology Map' u SEC(2007)1511 'Capacities Map'

[8] SESAR COM(2005)602, 25.11.2005; L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu COM(2007)571, 9.10.2007; u L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar is-'Sema Nadif' COM(2007)315, 13.06.2007.