52007DC0716

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal /* KUMM/2007/0716 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.11.2007

KUMM(2007) 716 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal

WERREJ

1. DAĦLA 3

1.1. Kuntest 3

2. METODU U KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI 3

2.1. Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) skond l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea 3

2.2. Kriterji ta' evalwazzjoni 3

3. EVALWAZZJONI 4

4. KONKLUŻJONIJIET 8

1. DAĦLA

1.1. Kuntest

Skond l-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (minn hawn 'il quddiem "id-Deċiżjoni kwadru"), il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport bil-miktub dwar il-miżuri li l-Istati Membri jkunu ħadu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni kwadru. [1]

Il-paragrafu (1) ta' dak l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni kwadru sa l-20 ta' Jannar 2006. Skond il-paragrafu (2), sa l-istess jum, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom minn din id-Deċiżjoni kwadru. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u ta' rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, sa l-20 ta' Jannar 2008, jkun evalwa safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni kwadru.

Għalhekk il-valur ta' dan ir-rapport jiddependi, fil-biċċa l-kbira tiegħu, fuq l-informazzjoni li l-Kummissjoni tirċievi mingħand l-Istati Membri. Sa Jannar 2006, żewġ Stati Membri biss (il-Belġju u l-Awstrija) kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kwadru. Il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni relevanti permezz ta' ittra mibgħuta fit-8 ta' Ġunju 2006. Sa l-aħħar ta' April 2007, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda kontribut minn tliet Stati Membri, jiġifieri, il-Greċja, il-Portugall u Malta.

2. METODU U KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI

2.1. Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) skond l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea

Din id-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru) hija bbażata fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b).

Bħala strument legali, id-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) jistgħu l-aħjar jiġu pparagunati ma' Direttiva[2] Iż-żewġ strumenti jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi għall-implimentazzjoni. Madankollu, id-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) m'għandhomx effett dirett u l-Kummissjoni ma tistax tieħu azzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex tenforza t-traspożizzjoni ta' Deċiżjoni ta' qafas. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi fuq kwalunkwe kontroversja bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni (inkluża t-traspożizzjoni) tad-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru). Ir-rikors possibbli għal dan id-dritt jirrikjedi bażi fattwali solida, liema bażi tista' tiġi stabbilita mir-Rapport tal-Kummissjoni.

2.2. Kriterji ta' evalwazzjoni

Sabiex tevalwa b'mod oġġettiv jekk id-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru) ġietx totalment implimentata minn Stat Membru, ġew żviluppati xi kriterji ġenerali rigward id-Direttivi li għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għad-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru).

1. Il-forma u l-metodi ta' implimentazzjoni tar-riżultat li għandu jinkiseb għandhom jintgħażlu b'tali mod li jiżgura li d-Direttiva tiffunzjona effettivament fid-dawl ta' l-għanijiet tagħha[3];

2. Kull Stat Membru huwa obbligat jimplimenta d-Direttiva b'tali mod li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kjarezza u ċ-ċertezza legali u b'hekk li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva f'dispożizzjonijiet nazzjonali vinkolanti[4];

3. It-traspożizzjoni m'għandhiex neċessarjament teħtieġ li l-adozzjoni legali ssir fl-istess kliem preċiżi użati f'Direttiva. Għalhekk, per eżempju, jistgħu jkunu biżżejjed miżuri nazzjonali xierqa u li jkunu diġà jeżistu sakemm l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva sseħħ b'mod li jkun ċar u preċiż biżżejjed[5];

4. Id-Direttivi għandhom jiġu implimentati fit-terminu preskritt fihom[6].

Dan ir-rapport – fejn hu possibbli – huwa bbażat fuq il-kriterji deskritti hawn fuq fil-qosor.

3. EVALWAZZJONI

L-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Din id-Deċiżjoni kwadru għandha l-għan li tikkomplementa l-istrumenti eżistenti li l-Kunsill diġà adotta fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal[7].

Id-Deċiżjoni kwadru tapprossimizza l-liġijiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal. Għalhekk, id-Deċiżjoni kwadru tintroduċi qafas komuni ta' dispożizzjonijiet fil-livell Ewropew sabiex tindirizza l-kriminalizzazzjoni, il-pieni u sanzjonijiet oħra, iċ-ċirkostanzi aggravanti, il-ġurisdizzjoni, il-prosekuzzjoni kif ukoll il-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi. Is-sistemi legali ta' l-Istati Membri jisgħu jkunu differenti ħafna u, f'ħafna każijiet, il-kunċetti u l-espressjonijiet legali mhux dejjem jisgħu jkunu pparagunati faċilment ma' xulxin.

Minkejja li l-evalwazzjoni tista' u ser tirreferi għal kull Artikolu tad-Deċiżjoni kwadru, dawn mhumiex ser neċessarjament jiġu ttrattati kull wieħed waħdu. L-implimentazzjoni parzjali jew in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' Artikolu jew ta' parti minn Artikolu se tirrifletti wkoll id-dispożizzjonijiet relatati, li, jekk jitqiesu independentement, jistgħu jidhru li jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru. L-evalwazzjoni ser tqis, safejn hu xieraq, l-isfond kriminali ġenerali ta' l-Istati Membri.

L-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni tvarja ħafna, b'mod partikolari mil-lat tal-kompletezza tagħha. Mhux l-Istati Membri kollha bagħtu lill-Kummissjoni t-testi rilevanti tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Greċja, minn Malta u mill-Portugall. Il-Ġibiltà ma ttrasponietx il-miżuri li jinsabu fid-Deċiżjoni kwadru iżda tinsab fil-proċess li tintroduċi l-leġiżlazzjoni li tippermettilha tagħmel dan.

Artikolu 1: Definizzjoni

L-Artikolu 1(a) fih id-definizzjonijiet u t-tifsiriet ta' bosta termini li jinsabu fid-Deċiżjoni kwadru. Id-definizzjoni ta' "minuri", li tfisser kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena, hija punt importanti ħafna. L-età ta' 18-il sena tikkonforma wkoll mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Deċiżjoni kwadru huwa li jqarreb il-livell tal-ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u mill-pornografija tat-tfal fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri.

Suġġett ieħor huwa l-età ta' kunsens sesswali (kunsens għas-sess) li tvarja fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri mill-età ta' 13-il sena fi Spanja għal 17-il sena fl-Irlanda (l-Awstrija 14, il-Belġju 16, Ir-Repubblika Ċeka 15, id-Danimarka 15, l-Estonja 14, il-Finlandja 16, Franza 15, il-Ġermanja 16, l-Ungerija 14, l-Irlanda 17, l-Italja 14, il-Latvja 16, il-Litwanja 14, il-Lussemburgu 16, l-Olanda 16, il-Polonja 15, is-Slovakkja 15, is-Slovenja 15, Spanja 13, l-Iżvezja 15, ir-Renju Unit 16).

L-età ta' kunsens għas-sess huwa rilevanti għall-obbligu li l-pornografija tat-tfal issir reat kriminali, liema obbligu huwa definit fl-Artikolu 1(b).

It-turija ta' tfal involuti f'imġiba sesswalment espliċita normalment mhijiex permessa fil-każ ta' tfal taħt it-18-il sena. Madankollu, l-Artikolu 3 jippermetti biss l-esklużjoni mir-responsabbiltà kriminali għall-pornografija tat-tfal li tinvolvi tfal li laħqu l-età ta' kunsens għas-sess f'xi każi speċifiċi biss. Għaldaqstant id-Deċiżjoni kwadru tiżgura l-ħarsien ta' protezzjoni qawwija għal kull tifel taħt l-età ta' 18-il sena mill-isfruttament fil-pornografija tat-tfal u tippermetti biss eċċezzjonijiet limitati bejn l-età ta' kunsens għas-sess u l-età ta' 18-il sena.

Fil-prattika, il-livell tal-protezzjoni tvarja f'kull Stat Membru skond l-età differenti ta' kunsens għas-sess. Madankollu, l-armonizzazzjoni ta' l-età ta' kunsens għas-sess, li hija konnessa ma' kwistjonijiet oħra għall-età taż-żwieġ, għadha ma ġietx identifikata bħala għan għalissa.

L-Artikolu 1(b) jiddefinixxi l-pornografija tat-tfal bħala materjal pornografiku li viżwalment ipinġi jew jirrappreżenta minuri reali involut f'imġiba sesswali espliċita jew persuna li għandha l-apparenza ta' minuri jew xbihat realistiċi ta' minuri li ma jeżistix. Il-kliem tpinġija viżwali għandhom jitqiesu li jinkludu filmati u videotapes li ma ġewx żviluppati u data maħżuna f'disk tal-kompjuter jew b'mezzi elettroniċi li tista' tiġi kkonvertita fi xbieha viżwali. Bosta Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni konsistenti mad-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal fl-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni kwadru. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja m'għandhomx definizzjoni dettaljata tal-pornografija tat-tfal.

Rigward il-paragrafu (c) (definizzjoni ta' sistema tal-kompjuter), ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u l-Polonja ma bagħtux id-dokumentazzjoni rilevanti biex l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista' tiġi evalwata b'mod xieraq.

Il-punt (d) jiddefinixxi "persuna legali". Id-definizzjoni ta' persuna legali ttieħdet mit-tieni Protokoll dwar l-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 2: Reati dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal

Meta adotta d-Deċiżjoni kwadru, il-Kunsill kien konxju mill-ħtieġa li reati kriminali serji, bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, jiġu ttrattati permezz ta' metodu komprensiv li d-dritt kriminali sostantiv, inklużi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, jifformaw parti integrali flimkien ma' l-aktar kooperazzjoni ġudizzjarja wiesgħa possibbli.

F'dan ir-rigward, l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni sensiela wiesgħa ta' miżuri legali applikabbli għal min jikkommetti r-reat. Il-Litwanja, l-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Irlanda huma konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Ungerija, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Latvja u s-Slovakkja tkopri l-punti kollha elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kwadru iżda jkunu utli aktar dettalji. Kif intqal qabel, il-Kummissjoni taħdem prinċipalment permezz ta' dokumenti tradotti u għalhekk jista' jkun hemm xi miżinterpretazzjoni.

Barra minn dan, is-sistemi legali ta' l-Istati Membri jistgħu jkunu differenti ħafna. Għal din ir-raġuni, il-kunċetti legali ma jistgħux dejjem jiġu pparagunati.

Madankollu, analiżi ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali turi li d-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri fil-biċċa l-kbira tagħhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru rigward l-obbligu li l-isfurzar jew ir-reklutaġġ ta' tfal fil-prostituzzjoni jew f'parteċipazzjoni f'rappreżentazzjonijiet pornografiċi, jew il-parteċipazzjoni ta' attivitajiet sesswali ma' tfal meta titħallas remunerazzjoni, jew l-użu ta' sfurzar jew abbuż ta' pożizzjoni rikonoxxuta ta' awtorità jew influwenza fuq tfal isiru reati kriminali.

Artikolu 3: Reati li jikkoncernaw il-pornografija tat-tfal

Dan l-Artikolu jipprovdi għall-approssimazzjoni ta' reati relatati mal-pornografija tat-tfal, li jinkludu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, id-disseminazzjoni jew it-trażmissjoni, il-kisba jew il-pussess, il-forniment jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pornografija tat-tfal

L-Artikolu 3(2) jipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għall-obbligu li tali mġiba ssir reat kriminali fil-każ li l-persuna, li jkollha l-apparenza ta' tifel/tifla, ikollha fil-fatt 18-il sena, meta l-pornografija tat-tfal tkun tinvolvi xbihat realistiċi ta' tfal li ma jeżistux u meta tkun prodotta u posseduta għall-użu privat. F'dawn il-każijiet ir-raġuni għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali hija li ma kienx hemm tfal involuti fil-produzzjoni tal-materjali pornografiċi.

Eżenzjoni oħra, li ssemmiet aktar 'il fuq, tirrigwarda l-każijiet ta' produzzjoni u pussess ta' xbihat ta' tfal li jkunu laħqu l-età ta' kunsens għas-sess meta x-xbihat pornografiċi jkunu prodotti jew posseduti bil-kunsens tal-minuri u jkunu biss għall-użu privat. Madankollu, f'dan il-każ il-kunsens m'għandux jitqies validu, jekk, per eżempju, età, maturità, pożizzjoni, status, esperjenza jew id-dipendenza tal-vittma kienet abbużata biex jinkiseb il-kunsens. Din id-dispożizzjoni timplika restrizzjoni ta' l-iskop tal-kriminalizzazzjoni tal-pornografija tat-tfal bejn l-età ta' kunsens għas-sess u l-età ta' 18-il sena, meta l-minuri jkun ta kunsens ġenwin għall-produzzjoni u l-użu privat tal-materjal pornografiku.

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li tosserva r-rekwiżit minimu tal-kriminalizzazzjoni tal-pornografija tat-tfal, kien hemm nuqqas ġenerali ta' informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 3(2). Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni kompluta mill-Ungerija, mill-Litwanja, mill-Italja, mid-Danimarka, mill-Ġermanja u minn Ċipru biss. Għaldaqstant mhuwiex possibbli li l-livell veru ta' protezzjoni tat-tfal li huma ta' età ogħla mill-età ta' kunsens għas-sess, li hija kwistjoni sensittiva b'mod partikolari f'pajjiżi fejn l-età ta' kunsens għas-sess hija anqas minn 16-il sena, jiġi evalwat.

Artikolu 4: Tixwix, għajnuna, influwenza u attentat

Fl-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri għamlu referenza għar-regoli ġenerali dwar il-kompliċità u t-tentattivi ta' reat fis-sistema kriminali tagħhom. Ir-regoli ġenerali jkunu wkoll applikabbli għar-reati fuq minorenni, jiġifieri għall-isfruttament sesswali u r-reati konnessi mal-pornografija tat-tfal.

Artikolu 5: Pieni u ċirkostanzi aggravanti

Dan l-Artikolu huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni kwadru. Il-paragrafu wieħed ġeneralment jimplika li r-reati li jinsabu fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni kwadru għandhom, fil-każijiet kollha, jkollhom piena massima ta' priġunerija ta' mill-inqas bejn sena u tliet snin. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm armonizzazzjoni minima fil-konfront tal-pieni applikabbli għal dawk li jikkommettu r-reati. L-Istati Membri kollha jidhru li jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċizjoni kwadru. Id-dokumentazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni minn Spanja, is-Slovenja, l-Estonja u l-Lussemburgu ma ppermettietx lill-Kummissjoni tistabbilixxi stampa ċara dwar is-sistema legali li timplimenta r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni kwadru.

Artikoli 6 u 7: Responsabbiltà u sanzjonijiet fuq persuni legali

Id-Deċiżjoni kwadru tintroduċi l-kunċett tar-responsabbiltà ta' persuni legali flimkien ma' dik tal-persuni fiżiċi. Il-persuni legali ser jinżammu responsabbli għal reati kommessi għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna li taġixxi individwalment jew bħala parti mill-korp tal-persuna legali, jew, per eżempju, minn persuna li jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni. Mhuwiex meħtieġ li r-responsabbiltà tal-persuni legali tkun esklussivament kriminali. Il-pieni kontra l-persuni legali għandhom ikunu " effettivi, proporzjonati u dissważivi ". F'kull każ, għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fuq sistemi nazzjonali li tingħata lill-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri tipprovdi għall-possibbiltà ta' pieni kontra l-persuni legali, minn ta' l-anqas permezz ta' miżuri amministrattivi. L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni kwadru jipprovdi li l-obbligu minimu, għal dak li jirrigwarda l-pieni ta' persuni legali, huwa l-impożizzjoni ta' multa kriminali jew mhux kriminali. Għal dak li jirrigwarda l-miżuri amministrattivi jew kriminali, l-Artikoli 6 u 7 jidhru li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ġew implimentati.

Artikolu 8: Ġurisdizzjoni u Prosekuzzjoni

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni kwadru jelenka l-każi li fihom l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4. Ir-regola ewlenija hija l-prinċipju tat-territorjalità, li skondu kull Stat Membru jrid jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reati kommessi, totalment jew parzjalment, fit-territorju tiegħu. L-Artikolu 8(3) ġie sostitwit mid-Deċiżjoni fuq il-mandat ta' arrest Ewropew[8]. L-Istati Membri huma konformi mar-rekwiżit tal-priniċipju tat-territorjalità ta' l-Artikolu 8(1)(a) tad-Deċiżjoni kwadru.

L-Artikolu 8(1)(b) jistabbilixxi r-regola tal-ġurisdizzjoni extra-territorjali meta min jikkommetti r-reat ikun ċittadin tal-pajjiż ikkonċernat. Din id-dispożizzjoni hija ta' importanza partikolari biex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni effettiva ta' l-hekk imsejjaħ turiżmu għas-sess, li jseħħ meta kwalunkwe att ta' sfruttament sesswali tat-tfal jiġi kommess barra mill-pajjiż. Fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-istess livell ta' protezzjoni għat-tfal irrispettivment minn jekk humiex residenti f'pajjiż jew f'ieħor. Fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sistemi legali differenti, l-Artikolu 8(1)(b) jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx, jew li japplikaw biss f'każi jew ċirkustanzi speċifiċi, ir-regoli ta' ġurisdizzjoni meta reat jiġi kommess barra mit-territorju tagħhom. Iżda, rigward il-ġurisdizzjoni extra-territorjali, l-Istati Membri ma offrewx biżżejjed informazzjoni biex jiġi evalwat safejn implimentaw din ir-regola.

Artikolu 9: Protezzjoni ta' u assistenza lill-vittmi

L-Artikolu 9 jirregola tliet kwistjonijiet differenti. L-ewwel paragrafu jipprovdi li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati koperti mid-Deċiżjoni kwadru m'għandhomx jiddependu fuq ir-rapport jew l-akkuża magħmula mill-vittma meta tkun tapplika r-regola tal-ġurisdizzjoni territorjali. Il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri ġeneralment tirrispetta dan l-obbligu.

L-Artikolu 9(2) jirreferi għat-tfal vittmi ta' l-isfruttament sesswali, li huma kkunsidrati bħala vittmi partikolarment vulnerabbli għall-iskop tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali[9]. Is-sottomissjonijiet ta' l-Istati Membri lill-Kummissjoni huma fframmentati u mhx kompluti u ma jiffaċilitawx l-analiżi globali. L-Iżvezja, id-Danimarka, l-Olanda, l-Italja, il-Ġermanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit issodisfaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Kwadru b'mod sodisfaċenti. Fl-2007, ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida f'Ċipru li tinkludi qafas komprensiv għar-rikonoxximent, ir-riferiment għal servizzi u l-protezzjoni tal-vittmi li tirrispetta kompletament ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali fir-rigward ta' tfal sfruttati sesswalment.

L-Artikolu 9(3) jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għall-protezzjoni speċifika ta' u għal għall-assistenza lill-familja tal-vittma, fid-dawl ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali. Il-Ġermanja, il-Latvja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Awstrija u l-Estonja taw lill-Kummissjoni informazzjoni li turi li huma jirrispettaw id-Deċiżjoni kwadru. L-Istati Membri l-oħra ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar dan il-punt.

4. KONKLUŻJONIJIET

Mhux l-Istati Membri kollha bagħtu lill-Kummissjoni t-testi rilevanti tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom fil-ħin stipulat. Għaldaqstant l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet tar-Rapport jistgħu xi drabi jkunu bbażati fuq informazzjoni mhux kompluta.

Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill ġew sodisfatti minn kważi l-Istati Membri kollha jew b'riżultat ta' liġijiet nazzjonali li kienu diġà jeżistu, inkella permezz ta' l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni speċifika ġdida. Il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri ġeneralment tiżgura livell għoli ta' ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u mill-abbuż u tipprovdi għal livell xieraq ta' pieni. Dwar il-pornografija tat-tfal, ir-rekwiżit dwar il-kriminalizzazzjoni tal-produzzjoni ta' materjal pornografiku li jinvolvi tfal huwa ġeneralment sodisdatt, għalkemm mhuwiex possibbli li tingħata evalwazzjoni preċiża tas-sensiela ta' eżenzjonijiet mir-responsabbiltà kriminali rigward pornografija tat-tfal li tinvolvi tfal bejn l-età ta' kunsens għas-sess u t-18-il sena.

Fejn id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill ma ddaħħlitx fis-seħħ fid-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri rilevanti biex jikkoreġu din is-sitwazzjoni mill-aktar fis permezz ta' l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni implimentattiva. Minkejja dan, b'riżultat tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill, l-Istati Membri issa ġeneralment għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt kriminali li jinkriminaw l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u li jipprovdu għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Kif intqal ukoll fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/629 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Mejju 2006, huwa diffiċli li tingħata evalwazzjoni eżawrjenti dwar leġiżlazzjoni li tirrigwarda vittmi partikolarment vulnerabbli, minħabba l-informazzjoni limitata rċevuta mill-Istati Membri. Metodu li jirrispondi tajjeb għall-bżonnijiet tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali, flimkien ma' livell xieraq ta' assistenza soċjali lill-vittmi matul u wara l-proċedimenti kriminali, huwa kruċjali sabiex tiġi evitata vittimazzjoni sekondarja u sabiex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni effettiva tar-reati. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jerġgħu jqisu bir-reqqa l-leġiżlazzjoni tagħhom bl-għan li jsaħħu l-protezzjoni soċjali u li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tat-tfal vittmi.

Fid-dawl ta' żviluppi reċenti, b'mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni elettronika, qamu kwistjonijiet ġodda, per eżampju t-tħajjir frawdolenti tat-tfal għal għanijiet illeċiti permezz ta' l-internet ("grooming"). Fl-istess ħin, qed jiġu żviluppati metodi ġodda bl-għan li jiskopru reati bħal dawn u jidentifikaw it-tfal vittmi permezz ta' unitajiet speċjalizzati ta' l-infurzar tal-liġi. Fid-dawl tar-riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-bżonn li taġġorna u ssaħħaħ aktar din id-Deċiżjoni kwadru dwar l-isfruttar tat-tfal u reati relatati, b'mod partikolari reati kommessi permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika u sistemi ta' l-informatika.

[1] ĠU L 13/44 – 20 ta' Jannar 2004.

[2] L-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE

[3] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi: kawża 48/75 Royer [Ġabra 1976, p. 497, punt 518]

[4] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi: kawża C-239/85, il-Kummissjoni vs il-Belġju, Ġabra 1986, p. 3645, punt 3659 Ara wkoll il-kawża C-300/81, il-Kummissjoni vs l-Italja, Ġabra 1983, p. 449, punt 456.

[5] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi, ngħidu aħna, il-kawża 29/84, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, Ġabra 1985, p. 1661, punt 1673.

[6] Ara l-ġurisprudenza sostanzjali dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi, per eżempju: kawża 52/75, il-Kummissjoni vs l-Italja, Ġabra 1976, p. 277, punt 284. Ara, b'mod ġenerali, ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni li jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarji, ngħidu aħna COM(2001) 309 finali.

[7] ĠU L 322, 12.12.1996, p. 7; ĠU L 342, 31.12.1996, p. 4; ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4. ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1; ĠU L 191, 7.7.1998, p. 1; ĠU L 33, 6.2.1999, p. 1; ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.

[8] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri

[9] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali; ĠU L 82, 22.3.2001