52007DC0643

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità - l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi - {SEG(2007) 1417} /* KUMM/2007/0643 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.10.2007

KUMM(2007) 643 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità - l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi - {SEG(2007) 1417}

WERREJ

1. Lista ta’ Akronimi 3

2. Introduzzjoni 4

3. Sfond 4

4. Lejn reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità 5

4.1. L-identifikar tal-fraġilità: kawżi u karatteristiċi 5

4.2. L-involviment f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità: l-isfidi 5

4.3. Il-Prevenzjoni tal-fraġilità: id-djalogu u l-analiżi sabiex jiġu identifikati u jingħelbu l-kawżi tal-fraġilità 6

4.4. L-indirizzar tal-fraġilità: strateġiji u prijoritajiet 7

4.5. Wara l-kriżijiet: Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Rijabilitazzjoni u l-Iżvilupp (RGħRŻ) 8

4.6. Sigurtà u fraġilità 8

4.7. It-tmexxija demokratika u d-drittijiet tal-bniedem f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità 9

5. It-titjib ta’ l-istrumenti 10

5.1. Strumenti u proċeduri finanzjarji 10

5.1.1. Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) 10

5.1.2. L-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (SKŻ) u l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u l-Partenarjat (SEVP) 11

5.1.3. Strument għall-Istabilità 11

5.1.4. Għajnuna umanitarja 11

5.1.5. L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (SEDDB) u l-Programm Tematiku “Atturi mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp” 11

5.2. Appoġġ mill-baġit 12

6. It-triq ’il-quddiem: Prijoritajiet u għotjiet possibbli 12

1. LISTA TA’ AKRONIMI

AKP: L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku

BIAf: Il-Bank ta' l-Iżvilupp Afrikan

QFDSP: Qafas Komuni għal Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi

PBSK: Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni

DSP: Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż

SKI: Strument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

DDR: Diżarmament, Demobilizzazzjoni, Reintegrazzjoni

PEV: Politika Ewropea tal-Viċinat

SEVP: Strument Ewropew għall-Viċinat u l-Partenarjat

FEŻ: Fond Ewropew għall-Iżvilupp

PESD: Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiza

FMI: Fond Monetarju Internazzjonali

LRRD: Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Rijabilitazzjoni u l-Iżvilupp

PNI: Programm Nazzjonali Indikattiv

OKŻE/K Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp / Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp

RSS: Riforma tas-Settur tas-Sigurtà

NU: Nazzjonijiet Uniti

BD: Bank Dinji

2. INTRODUZZJONI

Is-sitwazzjonijiet fraġli jikkostitwixxu sfida partikolari billi huma xkiel għall-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ġust u l-paċi, minħabba li joħolqu instabilità reġjonali, riskji ta' sigurtà fuq livell globali, flussi migratorji mingħajr kontroll, eċċ. L-UE għandha tkun kapaċi tħaddem il-bosta strumenti, kemm fil-livell ta' Stati Membri kif ukoll f'dak ta' Komunità, fi ħdan strateġija mifthiema u koordinata ta' reazzjoni li tkopri dawn is-sitwazzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tipprovdi bażi sabiex din l-istrateġija ta’ reazzjoni ta’ l-UE tiġi żviluppata flimkien mal-Kunsill u ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE.

Il-politika ta’ qafas u l-istrumenti eżistenti ta’ l-UE, id-dibattitu internazzjonali kontinwu u l-vantaġġi kumparattivi u l-esperjenza ta’ l-UE jiffurmaw il-bażi ta’ din il-Komunikazzjoni. Anness tekniku jiġbed konklużjonijiet ta’ l-involviment f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. Barra minn hekk, is-Servizzi tal-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill żviluppaw dokument Konġunt sabiex iniedu dibattitu dwar "Is-Sigurtà u l-Iżvilupp", fejn kwistjonijiet ta' rilevanza għal din il-Komunikazzjoni qed jiġu indirizzati b'mod aktar speċifiku.

Din il-Komunikazzjoni tintegra r-riżultat ta’ dibattitu miftuħ ma’ organizzazzjonijiet ewlenin tas-soċjetà ċivili u laqgħa informali tal-Ministri ta’ l-Iżvilupp ta’ l-UE f’Settembru 2007. Qiegħda tintbagħad lil istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE bil-ħsieb li titnieda diskussjoni bil-għan tal-konsolidazzjoni ta' strateġija komprensiva ta' l-UE biex tiġi indirizzata l-fraġilità u b’hekk isir kontribut għall-ħolqien ta’ żvilupp sostenibbli, stabilità, paċi u tmexxija demokratika.

3. SFOND

Kull ma jmur il-komunità internazzjonali qed turi tħassib dwar il-konsegwenzi tal-fraġilità, li qed tiggrava l-isfida li jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, tikkawża dannu għall-benesseri u l-libertajiet tan-nies u li tista’ tinvolvi riski fis-sigurtà globali. In-NU, donaturi u organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali jipprijoriatizzaw approċċi integrati għall-involviment f'sitwazzjonijiet fraġli. Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja ta’ l-Għajnuna tfakkar li l-prinċipji ta’ l-armonizzazzjoni, l-allinjament u l-ġestjoni għall kisba tar-riżultati għandhom jiġu adattati għal sitwazzjonijiet ta’ tmexxija u kapaċità dgħajfin. L-OKŻE/KAŻ approvaw “Impenn ta’ Politika u sett ta’ Prinċipji għall-Involviment Internazzjonali Tajjeb fi Stati u Sitwazzjonijiet Fraġli”, b’enfasi fuq “Approċċi amministrattivi globali”, li jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi ekonomiċi, dawk b’rabta ma’ l-iżvilupp, kif ukoll atturi diplomatiċi u oħrajn relatati mas-sigurtà.

Il-Komunità u l-Istati Membri ta’ l-UE flimkien huma l-akbar donaturi ta’ għajnuna għall-iżvilupp u ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja. L-UE saret attur importanti fir-rigward tal-politika u s-sigurtà. Għandha responsabbiltajiet speċjali sabiex tindirizza l-isfidi li jinħolqu minn sitwazzjonijiet fraġli, iżda wkoll vantaġġi kumparattivi bħalma hu n-netwerk dinji ta’ Delegazzjonijiet tal-KE.

Diġà jeżisti qafas ta’ politika sabiex jiġu indirizzati d-dimensjonijiet differenti ta' fraġilità. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jipprovdi gwida dwar reazzjoni komprensiva għall-fraġilità. Huwa jagħmel parti minn qafas usa’ ta’ azzjoni esterna li jeħtieġ li jiġi attivat b’mod komprensiv sabiex l-Unjoni tindirizza l-fraġilità b’mod f’waqtu u koerenti. Dan jinkludi, l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, il-Programm ta’ l-UE għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti Vjolenti , il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-qafas strateġiku ta’ rabta bejn l-Għajnuna, ir-Rijabilitazzjoni u l-Iżvilupp, il-Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-approċċ ta’ l-UE għat-tmexxija u l-iżvilupp. Il-proċess ta’ tkabbir fih strumenti li jistgħu jkunu utli f’dan il-kuntest. L-impenji ta’ l-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u l-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE dwar il-Kumplimentarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol huma parti minn dan il-qafas.

4. LEJN REAZZJONI TA’ L-UE GħAL SITWAZZJONIJIET TA’ FRAġILITÀ

4.1. L-identifikar tal-fraġilità: kawżi u karatteristiċi

Il-fraġilità tirreferi għal dgħufija jew strutturi fallimentari u għal sitwazzjonijiet fejn il-kuntratt soċjali jinkiser minħabba n-nuqqas ta' kapaċità jew rieda min-naħa ta’ l-Istat li jkun responsabbli mill-funzjonijiet bażiċi tiegħu, l-Istat tad-dritt, l-aċċess ġust għall-poter, is-sigurtà u s-sikurezza tal-poplu u l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini.

L-istituzzjonijiet pubbliċi, il-proċessi politiċi u l-mekkaniżmi soċjali li mhumiex effettivi, inklużivi jew leġittimi jsostnu l-farġilità: ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ żvilupp istituzzjonali u finanzjarju minimu, għat-tnedija ta’ strateġiji fuq terminu twil ta’ żmien u għat-titjib gradwali ta’ l-istandards tat-tmexxija. F’dan il-kuntest, il-fraġilità għandha l-għeruq tagħha f’livelli għoljin ta’ faqar jew fid-distribuzzjonijiet inġusta tal-ġid.

F’każi estremi ħafna, l-istati jistgħu jikkollassaw jew jirtiraw minn partijiet tat-territorju, li jista’ jwassal għal insigurtà permanenti, kunflitt vjolenti kroniku u kriżijiet umanitarji. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jwasslu wkoll għal għadd ta’ riskji fis-sigurtà tranżnazzjonali u ta' nuqqas ta’ stabilità, li jistgħu jimminaw l-għanijiet u l-interessi strateġiċi ta' l-UE.

Il-fraġilità hija karrateristika f’ħafna pajjiżi bi dħul baxx u medju b’ekonomiji strutturalment dgħajfa, li huma instabbli u vulnerabbli għall-kriżijiet, xokkijiet esterni, epidemiji, traffikar tad-droga, diżastri naturali u d-degradazzjoni ambjentali, kif ukoll b’riskji għall-assi kulturali u d-diversità tagħhom. Tista’ tkun ukoll effett kollaterali kemm tal-globalizzazzjoni f’żoni mwarrba ta’ l-ekonomija dinjija, kif ukoll tad-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ għejun konvenzjonali ta' enerġija li jistgħu jxekklu l-istabilità u l-iżvilupp. Il-bidla klimatika hija mistennija tiggrava s-sitwazzjonijiet fraġli billi tintroduċi impatti ġodda u diversi f’kuntesti li ma jkunux jifilħu għalihom. Ħidma ulterjuri dwar dawn ir-rabtiet ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' reazzjonijiet innovattivi jew għall-adattament ta' l-approċċi eżistenti.

Mill-perspettiva tas-sigurtà tal-bniedem, l-aktar popolazzjonijiet milquta ħażin minn sitwazzjonijiet ta’ fraġilità huma dawk foqra u vulnerabbli, li jista’ jwassal għat-tluq tal-kapital uman, permezz ta’ migrazzjoni volontarja jew imġiegħlha li tista’ tiggrava l-fraġilità.

4.2. L-involviment f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità: l-isfidi

L-involviment effettiv tal-fraġilità jitlob riskji kkalkolati deliberatament li għandhom jiġu bbilanċjati fir-rigward ta’ riskji inerenti għan-nuqqas ta' azzjoni. L-appoġġ għall-isforzi ta’ pajjiżi msieħba għall-prevenzjoni tal-fraġilità, biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji u jingħelbu l-konsegwenzi tagħha huwa integrat fil-partenarjati ta' l-UE. Anke meta l-applikazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni tiġi parzjalment sospiża, l-UE tibqa’ involuta permezz ta’ taħlita ta’ strumenti Komunitarji u azzjoni ta’ l-UE, għal raġunijiet ta’ solidarjetà, sigurtà u effettività ta’ l-għajnuna.

In-nuqqas ta’ involviment f’sitwazzjonijiet fejn m’hemm l-ebda ostaklu politiku sinifikanti, jista’ jwassal li postijiet jiġu mċaħħda mill-għajnuna (“ aid orphans” ) u pajjiż, reġjun jew settur sħiħ jitħallew mingħajr aċċess għal riżorsi finanzjarji. Min-naħa l-oħra, l-enfasi internazzjonali għal kriżi partikolari tista' tinvolvi flussi finanzjarji enormi u mhux koordinati li jwasslu għal azzjonijiet li jikkoinċidu u nuqqas ta' effettività.

L-isforzi kontinwi għall-kumplimentarjetà permezz tal-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE ser jgħinu sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' dawk imċaħħda mill-għajnuna. Jekk l-Istati Membri ta’ l-UE jridu jagħtu fondi addizzjonali b’mod effettiv lil stati mċaħħda mill-għajnuna, hemm bżonn issir diskussjoni dwar għażliet konkreti.

Bħala parti mill-għajnuna umanitarja, il-Komunità tindirzza din il-kwistjoni permezz tal-metodolġija tal-Valutazzjoni tal-Kriżijiet Minsija, li tiffaċilita l-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi ta’ kriżijiet li ma tantx jirċievu attenzjoni, jew f'ċerti każi saħansitra l-ebda attenzjoni, mill-midja u d-donaturi.

Teżisti l-ħtieġa ta' involviment komprensiv u koordinat f’sitwazzjonijiet fraġli permezz ta’ approċċi “amministrattivi globali”. Għandha tiġi żgurata l-komunikazzjoni miftuħa ta’ data u informazzjoni oħra, sinerġiji u artikolazzjoni tajba bejn l-atturi istituzzjonali, statali u dawk mhux statali (umanitarji, ta’ l-iżvilupp, diplomatiċi, infurzar tal-liġi, sigurtà), id-donaturi multilaterali u oħrajn involuti. Sar progress importanti iżda għad fadal tfixkil maġġuri x’jitneħħa.

Hija meħtieġa koordinazzjoni ulterjuri fi ħdan l-UE. It-taħriġ konġunt, l-ippjanar u l-valutazzjonijiet li jinvolvu persunal tal-Kummissjoni, tas-Segretarjat Ġenerali u l-Istati Membri għandhom isiru b’mod aktar sistematiku, mhux biss f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u f’dawk ta’ wara l-kunflitti, iżda wkoll meta analiżi konġunta toħroġ fid-deher sitwazzjoni ta' deterjorazzjoni li tista' tiggrava l-fraġilità.

Il-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-Kunsill jew l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jippromwovu ulterjorment il-kuntatti interni dwar il-fraġilità marbuta ma' kwistjonijiet ġeografiċi u tematiċi, kif ukoll l-informazzjoni reċiproka u l-koordinazzjoni bejn il-kapijiet ta’ missjoni ta’ l-UE f’pajjiż jew reġjun partikolari. In-NU, l-imsieħba multilaterali l-oħra, id-donaturi, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili minbarra dawk tal-gvernijiet ċentrali (il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u deċentralizzati, l-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali) għandhom jinvolvu ruħhom kif xieraq f'dan il-proċess ta' koordinazzjoni. Il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-fraġilità huma inklużi wkoll fl-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika. Id-djalogu dwar din il-kwistjoni ser jitkompla maċ-Ċina u ma' oħrajn li mhumiex imsieħba fl-OKŻE bi preżenza sinifikanti fil-pajjiżi kkonċernati.

4.3. Il-Prevenzjoni tal-fraġilità: id-djalogu u l-analiżi sabiex jiġu identifikati u jingħelbu l-kawżi tal-fraġilità

Id-donaturi, il-pajjiżi msieħba, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet żviluppaw strumenti ta’ twissija bikrija, monitoraġġ u valutazzjoni rilevanti għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità. Ħafna drabi, dawn l-istrumenti jkun jeħtieġ li jiġu kkumplimentati b’miżuri xierqa li jippermettu l-implimentazzjoni f’waqtha tar-riżultati ta’ l-analiżi.

Id-djalogu politiku mal-pajjiżi msieħba, mar-reġjuni u l-organizzazzjonijiet kontinentali huwa ta' importanza ċentrali fil-Ftehimiet tal-Partenarjat u Kooperazzjoni kollha li ġew konklużi mill-UE. Jekk l-għejun u l-konsegwenzi tal-fraġilità jiġu indirizzati f'dan id-djalogu, jkun jista' jsir kontribut għall-istrateġiji tal-pajjiżi nfushom li jwasslu għat-tmiem dejjiemi tal-fraġilità.

Jeżisti lok għal titjib fil-potenzjal tad-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż (DSP) għall-prevenzjoni tal-fraġilità: il-kawżi primarji tal-kunflitti, il-manifestazzjonijiet ta’ vjolenza, in-nuqqas ta’ sigurtà u r-riskju ta’ vulnerabilità għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku permezz ta' programmi ta’ żvilupp filwaqt li jiġi żgurat li jiġu applikati approċċi ta’ rilevanza għall-kunflitti. Bl-istess mod, il-ġestjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u l-attivitajiet ta' tħejjija għandhom ikunu marbuta ma' kunsiderazzjonijiet ta' żvilupp u mad-DSP bħala r-referenza globali ta' l-UE.

4.4. L-indirizzar tal-fraġilità: strateġiji u prijoritajiet

F’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, pajjiż, reġjun jew komunità partikolari jkunu esposti għal tensjoni u riskji eċċessivi. Kull każ jeħtieġ reazzjoni differenzjata, artikolata u ħolistika, li tgħaqqad flimkien l-azzjoni diplomatika, l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u s-sigurtà.

Id-DSP, imħejjija b’mod konġunt ma’ gvernijiet imsieħba, huma l-aktar qafas preferut sabiex tiġi indirizzata l-fraġilità. Sabiex jagħtu stampa globali aħjar tar-reazzjoni ta' l-UE, dawn għandhom ukoll jirreferu kemm għall-interventi taħt il-PBSK kif ukoll taħt l-Istrument għall-Istabilità. Id-DSP jistgħu jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ l-UE f’sitwazzjonijiet fraġli, partikolarment permezz ta’ “ipprogrammar konġunt”, li jtejjeb it-tbassir u jiffaċilità s-sinerġiji sabiex ikunu aktar rilevanti għall-ħtiġiet u l-prijoritajiet ta’ l-imsieħba. Il-ħidma permezz ta’ strumenti Komunitarji tista’ tkun ta’ valur addizzjonali minħabba li, f’ċerti każi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala aktar newtrali mill-kooperazzjoni bilaterali.

F’sitwazzjonijiet li ddeterjoraw tant li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq terminu twil ma tkun la possibbli u lanqas mixtieqa, normalment l-UE tapplika taħlita minn għadd ta’ azzjonijiet politiċi u diplomatiċi, flimkien ma’ ċertu livell ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet. L-għajnuna umanitarja tista’ tingħata, iżda ma tirriżultax direttament minn sitwazzjoni ta’ fraġilità minnha nnfisha, sakemm ma tfaqqax kriżi b'implikazzjonijiet umanitarji. Bħala manifestazzjoni tas-solidarjetà ta’ l-UE mal-vittmi ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, l-għajnuna hija newtrali, imparzjali u indipendenti: ma timplikax impenn politiku u ma tistax tiġi kkunisdrata bħala strument ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

B’rabta mal-ġestjoni tal-kriżijiet, l-Unjoni saħħet il-kapaċità tagħha li taġixxi aktar malajr u b'mod aktar flessibbli fir-rigward tal-kriżijiet u s-sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. Barra minn hekk, id-djalogu u l-miżuri politiċi, bħal pereżempju s-sanzjonijiet, huma parti mill-istrateġija ta' l-UE f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità. L-impenn f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità għandu jkun aktar miftuħ għal firxa usa’ ta’ parteċipanti, bħall-aġenziji tan-NU, il-Moviment tas-Salib l-Aħmar jew atturi mill-pajjiż innifsu. Il-parlamenti, l-awtoritajiet deċentralizzati u s-soċjetà ċivili għandhom potenzjal kbir sabiex iġibu bidla; potenzjal li jista’ jħalli aktar frott permezz ta’ l-iffaċilitar ta’ l-aċċess tagħhom għall-fondi.

L-istrateġiji inizjali ta’ reazzjoni għandhom jindirizzaw il-ħtiġiet immedjati tal-popolazzjoni, anke jekk hemm il-ħtieġa li r-reazzjonijiet strateġiċi jiffokaw fuq terminu itwal ta' żmien. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li wieħed jifhem kif il-fraġilità tolqot lil gruppi differenti f’soċjetà, partikolarment lin-nisa u lil gruppi vulnerabbli bħal tfal, żgħażagħ, persuni b’diżabilità u minoranzi, sabiex il-ħtiġiet tagħhom jiġu indirizzati b’mod effettiv.

Dawn il-gruppi jistgħu jkunu “katalisti għall-bidla”. In-nisa, b’mod partikolari, m'għandhomx jitqiesu bħala vittmi passivi; speċjalment fejn f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ikunu partikolarment vulnerabbli għall-kriminalità bi sfond sesswali u l-esplojtazzjoni. In-nisa u l-minoranzi għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ paċi sostenibbli u t-trawwim tas-sigurtà, iżda bosta drabi ma jkollhomx aċċess għal mekkaniżmi, setgħa u riżorsi, u jħabbtu wiċċhom ma' strutturi legali diskriminatorji. Il-perjodi ta’ tranżizzjoni jagħtu opportunità sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi, permezz ta' analiżi kostituzzjonali jew legali, ir-riforma tal-ġudikatura, u l-involviment tagħhom meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet fl-aġenda tar-rikostruzzjoni.

4.5. Wara l-kriżijiet: Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Rijabilitazzjoni u l-Iżvilupp (RGħRŻ)

Il-konsistenza fir-reazzjoni globali, il-preżenza ta’ riżorsi umani xierqa, b’esperjenza u koordinati tajjeb u fondi għal tul ta’ żmien huma ta’ importanza fundamentali. L-għajnuna, il-ġestjoni tal-kriżi, l-assitenza għar-rikostruzzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għat-tul għandhom ikunu marbuta b'mod xierqa ma' approċċ integrat ibbażat fuq il-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli. F’dan l-isfond, il-Komunità ilha tipprova timplimenta l-qafas strateġiku tar-RGħRŻ sa minn tard fis-snin disgħin. Dan huwa proċess twil u kumpless li jinvolvi ħafna atturi u strumenti finanzjarji differenti.

L-enfasi ewlenija ta’ l-approċċ tar-RGħRŻ kienet li jiġu stabbiliti strateġiji għat-tul għal setturi u atturi li huma importanti ħafna mill-perspettiva tradizzjonali ta’ l-għajnuna, bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità u jiġu ffaċilitati s-sinerġiji. Madanakollu, it-tmexxija, l-iżvilupp istituzzjonali u s-sigurtà għandhom jiġu integrati aħjar fil-qafas strateġiku. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta’ l-iffinanzjar bħal trust funds minn aġenziji internazzjonali, li ħafna drabi jintużaw f’dan il-kuntest, mhux dejjem ikunu jistgħu jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni b’mod rapidu daqskemm mistenni, u għalkemm fil-prinċipju jkunu jistgħu jgħinu fl-iżgurar tal-koordinazzjoni u l-koerenza tad-donatur, m’għandhomx jintużaw minflok l-isforz lokali u l-preżenza ta’ l-UE nnifisha.

Għad hemm il-ħtieġa ta’ sforzi kemm għall-aġġornament tal-metodi ta’ implimentazzjoni tal-qafas strateġiku tar-RGħRŻ, flimkien ma' l-integrazzjoni tat-tmexxija u l-kwistjonijiet ta' sigurtà, kif ukoll li jiġu adattati proċeduri u mekkaniżmi finanzjarji għal sitwazzjonijiet fejn il-flessibilità hija kruċjali. L-għan jibqa' l-kisba ta' armonizzazzjoni aħjar ta' l-analiżi u s-setturi politiċi, l-integrazzjoni ta' l-istrateġiji (inklużi l-koordinazzjoni, il-koerenza, u l-kumplimentarjetà), u s-sinerġiji ta' attivitajiet fuq perjodu ta' żmien, li jkopru kemm l-approċċi umanitarji kif ukoll dawk ta' żvilupp għas-sitwazzjoni.

4.6. Sigurtà u fraġilità

Ħafna drabi r-rabta bejn il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp, fi ħdan pajjiż u bejn il-fruntieri, hija ta' importanza primarja f'sitwazzjoni fraġli. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħti kontribut essenzjali għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità billi tinidirizza l-manifestazzjonijiet ta’ vjolenza u l-kawżi primarji tal-kunflitti.

L-UE għandha kapaċitajiet qawwija għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni ta' kriżijiet. Hija tista’ taġixxi b’mod aktar rapidu u flessibbli dwar kriżijiet u sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. L-użu konġunt ta’ strumenti Komunitarji, inklużi dawk speċifiċi bħall-Faċilità ta’ Paċi għall-Afrika u l-Istrument għall-Istabilità, l-istrumenti tal-PBSK/PESD, jiffaċilita t-tisħiħ ta’ l-approċċi nazzjonali, reġjonali u kontinentali għall-fraġilità.

Approċċ wiesa’ ta’ żvilupp għas-sigurtà, li jintegra l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-bniedem fi programmi b'rabta mat-tmexxija bħall-RSS u d-DDR jista' jiżgura li tiġi ffukata l-attenzjoni fuq is-sigurtà ta' l-individwi u l-ħtiġiet u d-drittijiet bażiċi tagħhom. Approċċ “Amministrattiv Globali” integrat għall-RSS huwa l-bażi ta' strateġiji ta' bini ta' stati u l-leġittimità politika f'ambjenti ta' wara l-kunflitti.

4.7. It-tmexxija demokratika u d-drittijiet tal-bniedem f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità

Ħafna drabi l-fraġilità tiġi kkawżata minn nuqqasijiet u fallimenti fit-tmexxija, fis-sura ta’ nuqqas ta’ leġittimità politika flimkien ma’ kapaċitajiet istituzzjonali limitati ħafna marbuta mal-faqar. L-appoġġ għal tmexxija demoktarika, il-bini ta’ l-istat, il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-promozzjoni ta’ rieda politika għal riforma permezz ta' djalogu u inċentivi, u mhux permezz ta' kundizzjonalitajiet u sanzjonijiet, għandhom ikunu l-gwida ta' azzjoni ta' l-UE.

Riformi li jkunu aċċettati mill-komponenti kollha tas-soċjetà, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, huma kruċjali f’sitwazzjonijiet fraġli. Bħala riżultat tad-djalogu ta’ pprogrammar, il-pajjiżi ta’ l-AKP għandhom aċċess għal fondi addizzjonali, skond ir-rilevanza, l-ambizzjoni u l-kredibilità tal-pjani ta’ azzjoni tat-tmexxija, li huma vvalutati b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' wara l-kriżi u l-fraġilità. Dan l-approċċ jista’ jiġi estiż għal reġjuni oħra u jintuża mill-Istati Membri ta’ l-UE fil-kooperazzjoni bilaterali tagħhom. Il-Komunità żviluppat ukoll il-Faċilità ta’ Tmexxija fil-kuntest tal-PEV.

Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mhux dejjem tiġi żgurata f’sitwazzjonijiet fraġli, fejn dawn ta’ spiss jinkisru. Barra mill-appoġġ dirett lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u istituzzjonijiet nazzjonali bħall-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem jew l-Ombudsman, u l-impenn ma’ Parlamenti u awtoritajiet deċentralizzati, id-djalogu huwa kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet.

Il-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni tirrikjedi l-prijoritizzazzjoni tal-ħtiġiet. L-elezzjonijiet huma neċessarji iżda mhumiex biżżejjed sabiex isseħħ il-bidla lejn l-iżvilupp demokratiku. Hija meħtieġa ħidma diffiċli għall-promozzjoni ta' soċjetà politika inklużiva u sistemi b'aktar minn partit wieħed li jiffunzjonaw, b'enfasi fuq l-iżvilupp istituzzjonali kif ukoll ħidma favur il-kurrent għall-promozzjoni ta’ l-iffunzjonar effettiv ta’ istituzzjonijiet eletti. Barra minn hekk, l-enfasi esklużiva fuq il-proċess elettorali tista’ tkun kontroproduttiva jekk twassal għall-iritirar bikri mill-ħidma tad-donaturi.

Fl-aktar każi estremi, il-gvern ċentrali mhuwiex marbut li jmexxi b’mod demokratiku. Hija neċessarja ħidma ma’ atturi oħra, bħas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali jew il-parlamenti. Kollox ma’ kollox, id-djalogu dwar kwistjonijiet li mhumiex daqshekk kontroversjali, bħall-għoti ta' servizzi u l-ħolqien ta' l-impjiegi, għandu jibqa’ għaddej mal-gvernijiet, sabiex gradwalment tiġi stabbilita r-rieda politika sabiex isiru r-riformi. Il-prijoritajiet f’sitwazzjonijiet fraġli, fejn ħafna drabi jkun hemm tensjoni bejn l-għanijiet tal-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali u l-iżgurar ta' aċċess għas-servizzi, huma li jerġgħu jibdew jingħataw is-servizzi bażiċi u l-ħolqien ta' l-impjiegi, u s-sostituzzjoni ma tistax tiġi evitata.

Il-paċi sostenibbli teħtieġ qasam tal-ġustizzja li jkun leġittimu u effettiv, qasam li huwa wieħed partikolarment dgħajjef f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. F’ambjenti ta’ wara l-kunflitti, huwa fundamentali li jkun hemm sistema ta’ ġustizzja tranżitorja u ta’ l-Istat tad-dritt b’responsabbiltà nazzjonali, li tinvolvi istituzzjonijiet uffiċjali u mhux governattivi. L-iżvilupp parallel ta’ inizjattivi ta’ ġustizzja u rikonċiljazzjoni kkontribwixxa għall-istabilizzazzjoni ta’ soċjetajiet diviżi wara kunflitt. Fl-istess ħin, l-UE u l-pajjiżi msieħba għandhom jiżguraw b’mod konġunt li l-aktar reati serji li jikkonċernaw il-komunità internazzjonali ma jintesewx iżda jingħataw smigħ.

Id-degradazzjoni ambjentali u l-aċċess u l-kontroll ta’ riżorsi naturali għandhom rwol ċentrali f’ċerti kunflitti, b’implikazzjonijiet fuq is-soluzzjoni tal-kunflitti u r-rikostruzzjoni li tiġi wara. B’mod partikolari, l-impatt pożittiv jew negattiv ta’ l-abbundanza tar-riżorsi naturali jiddependi fuq l-orjentazzjoni tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tar-riżorsi. Filwaqt li ta’ spiss jiġri li d-donaturi jkollhom influwenza finanzjarja u politika limitata fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, l-istrateġiji ta’ reazzjoni għandhom ikunu sensittivi fil-konfront tagħhom sabiex ma jerġgħux jikkawżaw xi kunflitt ieħor. Ir-rwol ta’ atturi mis-settur privat ukoll jista’ jkun wieħed kruċjali. L-UE ser tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali kontra l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni tal-ġestjoni trasparenti u ġusta tagħhom.

Id-disponibilità ta’ informazzjoni statistika ewlenija ta’ spiss hija essenzjali sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ tmexxija, il-proċess demokratiku, l-għoti ta' serivizzi u l-aċċess għal riżorsi naturali. Sistema statistika effettiva hija indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ġust.

5. IT-TITJIB TA’ L-ISTRUMENTI

5.1. Strumenti u proċeduri finanzjarji

Il-ħidma effettiva fir-rigward tal-fraġilità tinvolvi t-teħid ta’ riskji u teħtieġ rapidità u flessibilità fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi u li dawn ikunu tassew operattivi fil-qasam, filwaqt li fl-istess ħin issir ħidma oħra fuq it-tfixkil li jħabbtu wiċċhom miegħu il-pajjiżi msieħba, ħafna drabi f’termini ta’ kapaċitajiet limitati. F’dan l-isfond, huma meħtieġa wkoll proċeduri aktar flessibbli u mgħaġġla, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi aktar rapidi li jiggarantixxu t-trasparenza u r-responsabbiltà, u jikkontribwixxu għal approċċ orjentat lejn il-ġestjoni skond ir-riżultati.

L-UE għandha ttejjeb l-użu tal-firxa wiesgħa tagħha ta’ strumenti sabiex is-setturi politiki jiddaħħlu fis-seħħ, ikun hemm il-kundizzjonijiet għal reazzjoni fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' fraġilità u ssolvi n-"nuqqas ta' implimentazzjoni". Għad hemm il-ħtieġa għal sforzi sostanzjali sabiex ikun hemm rabta u artikolazzjoni aħjar bejn il-possibbiltajiet mogħtija minn firxa ta' strumenti Komunitarji (ġeografiċi, ta' stabilità, umanitarji, tematiċi), mill-mekkaniżmi tal-PBSK/PESD, iżda wkoll mill-għajnuna bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE u strumenti ta' donaturi oħra.

Din il-Komunikazzjoni ma teħtieġx il-mobilizzazzjoni ta’ sorsi ġodda ta' ffinanzjar minbarra l-Qafas Finanzjarju eżistenti għall-2007-2013. Madanakollu, l-għan tagħha huwa t-trawwim ta’ sinerġiji aħjar bejn l-istrumenti finanzjarji eżistenti, u li, fejn applikabbli, jiġi stabbilit sehem xieraq u bilanċjat ta' ffinanzjar mal-FEŻ.

5.1.1. Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou dwar l-għajnuna umanitarja u ta’ emerġenza jipprevedi “mekkaniżmi flessibbli” għal azzjoni ta’ wara l-emerġenza u t-tranżizzjoni għall-fażi ta’ żvilupp. Dawn ġew applikati b’suċċess f’għadd ta’ każi. Attwalment il-Kummissjoni qed taħdem fuq sett ta’ proċeduri ta’ implimentazzjoni aktar effettivi li jiġu applikati f’sitwazzjoni ta’ fraġilità. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-użu ta’ allokazzjonijiet mill-pajjiżi għal ħtiġiet mhux previsti joffru opportunitajiet addizzjonali għal aktar flessibilità. Barra minn hekk, il-faċilità ta’ l-AKP għad-diżastri (li għadha ma ġietx approvata) għandha l-għan li tnaqqas il-vulnerabilità ta’ pajjiżi b’tendenza li jkunu vittmi ta’ diżastri, b’konformità mal-“qafas għall-azzjoni ta’ Hyogo 2005/2015”.

5.1.2. L-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (SKŻ) u l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u l-Partenarjat (SEVP)

“Is-sitwazzjonijiet ta’ wara l-kriżi u l-istati fraġli” jissemmew b’mod espliċitu taħt il-programmi ġeografiċi għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja fl-SKŻ. F’ċirkostanzi bħal kriżijiet, sitwazzjonijiet ta’ wara kunflitti jew riskji għad-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, proċedura speċjali ta’ emerġenza tipprevedi l-analiżi ta’ dokumenti ta’ strateġija ġeografiċi u programmi indikattivi multijannwali, sabiex issir it-tranżizzjoni lejn il-kooperazzjoni u l-iżvilupp fuq medda twila ta’ żmien. Barra minn hekk, il-miżuri speċjali mhux previsti f’dawn l-istrateġiji u programmi jistgħu jiġu implimentati f’każi ta’ diżastri naturali, inkwiet jew kriżijiet ċivili, meta ma jsir l-ebda internvent kemm mill-Istrument ta' Stabilità u lanqas ta' Għajnuna Umanitarja. L-SEVP jinkludi dispożizjonijiet simili.

5.1.3. Strument għall-Istabilità

Il-komponent fuq terminu qasir ta’ żmien ta’ l-Istrument ta’ Stabilità jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ strateġiku għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi potenzjali jew reali u jagħti bidu għall-għajnuna li mbagħad tiġi segwita minn appoġġ għal tul ta' żmien taħt l-istrumenti Komunitarji. Jista’ jintuża bħala reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew kriżijiet emerġenti, għall-istabilizzazzjoni politika inizjali ta' wara l-kriżijiet, u bħala għajnuna bikrija wara diżastri naturali jew biex jitkompla jew jibda jingħata appoġġ taħt l-istrumenti esterni ġenerali Komunitarji. Il-komponent għal tul ta’ żmien jittratta r-riskji tranżreġjonali li jinkludu l-kontroll tax-tixrid tal-kriminalità organizzata.

5.1.4. Għajnuna umanitarja

L-għan ta’ l-għajnuna umanitarja huwa li tiġi salvata l-ħajja u għall-għoti ta’ għajnuna immedjata lill-vittmi tal-kriżijiet, irrelevanti mil-livell ta’ fraġilità u l-kawżi tal-kriżijiet. Il-proċeduri eżistenti għall-mobilizzazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja huma adattati għal dan l-approċċ.

5.1.5. L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (SEDDB) u l-Programm Tematiku “Atturi mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp”

F’bosta sitwazzjonijiet diffiċli, l-istrateġija tad-donaturi tvarja bejn ħidma flimkien mal-gvernijiet u appoġġ lil atturi oħra li jistgħu jġibu bidla. Il-proċeduri stabbiliti taħt il-programm tematiku “Atturi mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp” u l-SEDDB huma adatti b’mod tajjeb għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, li jappoġġjaw atturi alternattivi f’sitwazzjonijiet li ma jkunux favorevoli għal żvilupp permezz tal-parteċipazzjoni jew għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem . Barra minn hekk, huwa previst appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-qafas istituzzjonali rilevanti.

L-SEDDB huwa rilevanti ħafna għal sitwazzjonijiet fraġli, minħabba enfasi speċjali fuq sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju fil-libertaijiet fundamentali u fis-sigurtà tal-bniedem, f’postijiet fejn id-difensuri tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari, iħabbtu wiċċhom ma’ l-ogħla livelli ta’ tensjoni, u fejn ma tantx hemm pluraliżmu politiku. L-SEDDB għandu jkollu l-għan li jirfed il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni, u jikkontribwixxi għall-konċiljazzjoni paċifika ta’ l-interessi tal-gruppi. L-appoġġ tranżnazzjonali u reġjonali ser jiffoka fuq id-djalogu u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni prattiċi bl-għan li jiġu indirizzati l-għejun ta' kunflitti dejjiema jew kunflitti vjolenti potenzjali. Waħda mill-ispeċifiċitajiet ta' l-SEDDB hija li tista' tiffinanzja attivitajiet mingħajr l-approvazzjoni tal-gvern tal-pajjiż. Dan jista’ jkun vantaġġ adizzjonali f’ċerti sitwazzjonijiet fraġli. Madanakollu, l-SEDDB jista’ jaġixxi biss f’kumplimentarjetà mal-programmi ġeografiċi applikabbli.

5.2. Appoġġ mill-baġit

Flimkien mal-proġetti, u skond l-għejun ta' fraġilità, jista' jingħata wkoll appoġġ mill-baġit sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġiet finanzjarji urġenti, biex jiġu kkonsolidati l-funzjonijiet ewlenija ta' l-Istat (ġestjoni finanzjarja pubblika) u tinżamm l-istabilità soċjali (il-ħlas tas-salarji jew l-iffinanzjar ta' l-importazzjonijiet). Dan jista’ wkoll jibbilanċja b’mod effettiv id-djalogu politiku ta’ l-RSS, id-DDR jew ir-riforma tas-servizz ċivili meta dawn iħallu impatt fuq l-istabilità makroekonomika.

Il-Kummissjoni għamlet użu minn appoġġ baġitarju fil-każ ta' bosta pajjiżi li kienu għadhom kemm ħarġu minn kunflitti, sabiex jingħata appoġġ għall-proċess ta' rkupru. Ir-riskji, espressi f'termini politiċi, ta' żvilupp, ta' fiduċja jew ta' reputazzjonii huma tassew għoljin fis-sitwazzjonijiet fraġli kollha, iżda dawn jeħtieġu jitqabblu mal-benefiċċji mistennija u mal-konsegwenzi ta’ kriżijiet ġodda. L-appoġġ baġitarju huwa mfassal għall-ġestjoni ta’ tali riskji (fil-mira tiegħu hemm l-infiq kritiku, l-arretrati verifikati eċċ) u bbażat fuq valutazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni makroekonomika, tar-riformi tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u tar-riżultati ta’ l-istrateġija ta’ l-iżvilupp.

6. IT-TRIQ ’IL-QUDDIEM: PRIJORITAJIET U GħOTJIET POSSIBBLI

Fejn pajjiżi msieħba qed jagħmlu sforzi biex jindirizzaw il-kawżi u l-konsegwenzi tal-fraġilità, l-UE teħtieġ li tiżgura li l-Komunità, l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-Istati Membri jkunu aktar reattivi, aktar lventi u aktar flessibbli fl-appoġġ tagħhom għall-isforzi tal-pajjiżi msieħba biex jindirizzaw il-fraġilità. Il-Kummissjoni tipproponi li tistimula d-dibattitu li jinvolvi s-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra kif ukoll biex twettaq l-azzjonijiet ta' hawn taħt sabiex tniedi t-tħejjija ta' strateġija ta' reazzjoni ta' l-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità:

- L-UE għandha tapprova formalment il-Prinċipji dwar l-Involviment Internazzjonali Tajjeb fi Stati u Sitwazzjonijiet Fraġli ta’ l-OKSE/KAŻ u hi impenjata li timplimentahom fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ fraġilità.

- Il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fraġilità ser jiġu inklużi b'mod aktar sistematiku fid-djalogu politiku regolari mal-pajjiżi msieħba li qed juru sinjali ta' fraġilità.

- Għandhom isiru skambji regolari ta’ analiżi tar-riskju u tar-reazzjonijiet rilevanti ta’ l-UE fil-livell ta' qasam permezz ta’ laqgħat tal-Kapijiet ta' Missjoni u fil-kwartieri ġenerali permezz ta’ djalogi interni bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri u bejn il-gruppi tal-Kunsill sabiex jiġu żgurati approċċi amministrattivi globali.

- L-appoġġ ta’ l-UE lil pajjiżi li jħabbtu wiċċhom ma’ fraġilità għandhom konsistentement jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi kemm perspettiva tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll l-inklużjoni soċjali.

- Il-Kummissjoni tiffaċilita l-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Pajjiżi u Tematiċi ad hoc, li jinvolvu s-Segretarjat tal-Kunsill u l-Istati Membri biex jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ fraġilità, bil-għan ta’:

- l-żvilupp ulterjuri ta’ approċċi kunċettwali u analitiċi għall-fraġilità u l-kunflitti, inlużi l-RSS u l-espansjoni tal-qafas strateġiku ta’ l-RGħRŻ għal reazzjonijiet integrati għal wara l-kriżijiet u metodi ta’ implimentazzjoni għall-kwistjonijiet ta’ tmexxija u sigurtà;

- tisħiħ tal-vantaġġi komparattivi ta’ l-UE f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, inkluż fil-perspettiva tas-servizz estern ġejjieni ta' l-UE;

- progress lejn azzjoni aktar koerenti u koordinata fuq il-livell ta’ pajjiż, partikolarment permezz ta’ l-użu tal-possibbiltajiet kollha għal analiżi unika konġunta u pprogrammar konġunt kif previst fil-Qafas Komuni għal Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiżi (QKDSP), li għandu jiġi analizzat skond l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni.

- L-ipprogrammar ta’ modalitajiet ta’ għajnuna bilaterali u ta’ l-UE taħt il-pilastri differenti ser jitwettaq sabiex tiġi determinata l-kapaċità tagħhom li jirrispondu b'mod xieraq għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u għall-valutazzjoni ta' l-impatt u l-effett reċiproku tagħhom fil-prattika. Ser tingħata attenzjoni partikolari għall-kumplimentarjetà bejn strumenti b’rabta mal-ġestjoni tal-kriżijiet bħall-azzjonijiet konġunti tal-PBSK/PESD, l-Istrument għall-Istabilità, il-Faċilità Afrikana għall-Paċi u strumenti ta’ kooperazzjoni għal tul twil ta’ żmien.

- Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-isforżi ta’ assistenza ta’ l-UE biex ittaffi u timpedixxi r-riskji tas-sigurtà, ser tagħmel proposti biex ittejjeb l-effikaċja u l-koerenza ta’ l-għajnuna esterna ta’ l-UE f’sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ sigurtà u ser tipproponi modi biex tikkumplimenta l-azzjonijiet fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali b’qafas speċifiku ta’ reazzjonijiet għal sfidi ta' natura globali jew tranżreġjonali.

- B’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta ta' l-UE dwar il-Kumplimentarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol, wara li tidentifika azzjonijiet li jikkoinċidu jew nuqqasijiet fil-livell ta’ pajjiż, l-UE talloka fondi eżistenti u addizzjonali b’mod kumplimentari. Il-kumplimentarità għandha tiġi diretta kemm f'pajjiż wieħed kif ukoll bejn pajjiżi differenti, billi tittieħed deċiżjoni min se jwettaq ħidma f'liema pajjiż. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tesplora l-għażliet li ġejjin biex l-Istati Membri jagħtu fondi żejda lil pajjiżi fraġli, b’kunsiderazzjoni partikolari għal dawk imċaħħda mir-riżorsi.

- iż-żieda ta’ l-allokazzjonijiet tal-pajjiżi, meta jkun jeżisti qafas strateġiku bilaterali ta’ kooperazzjoni;

- iż-żieda mill-ġdid tad-DSP ffirmati mill-Kummissjoni u l-pajjiżi msieħba u minfuqa fil-qafas tal-PNI ġestiti mill-Kummissjoni, meta ma jkunx jeżisti qafas bilaterali ta’ kooperazzjoni jew meta riżorsi finanzjarji komuni jkollhom impatt akbar.

- Ser issir analiżi komprensiva tal-valutazzjoni u ta’ l-istrumenti analitiċi dwar it-tmexxija, il-kunflitti u l-monitoraġġ tad-diżastri.

- Il-fraġilità ser tiġi integrata fil-proċess ta’ analiżi dwar l-Inizjattiva dwar it-Tmexxija għall-pajjiżi ta’ l-AKP, li ser tinvolvi kooperazzjoni regolari fuq il-livell ta’ esperti u rapport mill-Kummissjoni fl-2008.

- Il-Kummissjoni ser ittejjeb il-kapaċità tagħha li tagħti appoġġ baġitarju, b'kunsiderazzjoni għar-riskji speċifiċi u l-benefiċċji mistennija f'sitwazzjonijiet fraġli. Il-koordinazzjoni mal-BD, l-FMI u u l-BIAf ser tissaħħaħ.

- Il-Kummissjoni tħejji linji gwida li jiċċaraw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu l-użu ta’ proċeduri flessibbli taħt strumenti ġeografiċi fuq terminu twil ta’ żmien.

- L-UE ser tfittex li ssaħħaħ ulterjorment il-partenarjat man-NU u l-atturi multilaterali l-oħrajn għall-ħidma f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. F’dan ir-rigward, il-konsolidazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni tal-Paċi, u t-tkomplija ta' appoġġ attiv ta’ l-UE għal riforma tan-NU li għandha l-għan li tgħammar lin-NU biex tkun tista' tindirizza s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità b'mod effettiv, huma ta’ importanza fundamentali.