52007DC0628

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat /* KUMM/2007/0628 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 24.10.2007

KUMM(2007) 628 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat

1. DAħLA

Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa mfisser bħala “kwalunkwe attività mħallsa li hija legali fin-natura tagħha imma mhux iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistema regolatorja ta’ l-Istati Membri” . Din it-tifsira[1] torbot xogħol mhux iddikjarat ma’ frodi tat-taxxa u/jew tas-sigurtà soċjali u tkopri bosta attivitajiet, minn servizzi tad-dar informali għal xogħol klandestin minn residenti illegali, iżda teskludi attivitajiet kriminali. Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu kumpless influwenzat minn firxa wiesgħa ta’ fatturi ekonomiċi, soċjali, istituzzjonali u kulturali, iżda huwa ġeneralment rikonoxxut li xogħol mhux iddikjarat għandu l-ħabta jfixkel politiki orjentati għat-tkabbir ekonomiku, baġitarji u soċjali.

Kemm dawk li jħaddmu (u l-utenti) kif ukoll l-impjegati (u dawk impjegati għal rashom) jistgħu jagħmlu xogħol mhux iddikjarat minħabba l-qligħ potenzjali - meta mqabbel mar-riskju ta’ sanzjonijiet – fl-evitar ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, drittijiet soċjali (pagi minimi, leġiżlazzjoni tal-ħarsien ta' l-impjieg, drittijiet għal ġranet frank) u l-ispiża tal-konformità mar-regolamentazzjoni (rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, regolamenti ta’ saħħa u sikurezza). Minħabba li x-xogħol mhux iddikjarat jikkompeti ma’, u anki jegħleb, attivitajiet li jikkonformaw mar-regolamenti, dan huwa s-sors ewlieni ta’ dumping soċjali. Fil-każ ta’ xogħol mhux iddikjarat imwettaq minn individwi li qed jirċievu benefiċċji li jikkumpensaw in-nuqqas ta' attività tagħhom, teżisti wkoll dimensjoni ta’ frodi soċjali.

Ix-xogħol mhux iddikjarat diġà ġie analizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1998, li ppreżentat reviżjoni tal-kawżi u l-impatti tiegħu, u enfasizzat xi esperjenzi ta' politika. Il-Komunikazzjoni wittiet it-triq għal dibattitu politiku madwar l-UE kollha dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, li wassal għall-adozzjoni ta' strateġija ta' politika komuni stipulata fil-Linji ta' Gwida dwar l-Impjieg 2003-2005[2]. Il-Linji ta’ Gwida argumentaw favur taħlita bilanċjata ta’ prevenzjoni (l-aktar permezz ta’ regolamenti tal-benefiċċju tat-taxxa u amministrattivi adattati sew) u tqajjim ta’ kuxjenza, sanzjonijiet u l-infurzar tal-liġi. Taħlita ta’ politika bħal din ġiet diskussa wkoll fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2003 dwar it-tibdil ta' xogħol mhux iddikjarat għal impjieg regolari[3], li appellat ukoll għal azzjoni mill-imsieħba soċjali. Barra minn dan, il-Komunikazzjoni kienet waħda mill-elementi li ispiraw l-esperiment imniedi fl-2000 li ppermetta t-tnaqqis tal-VAT fuq servizzi ta' xogħol intensiv speċifikati[4].

Fl-isfond tas-sinifikat kontinwu ta’ l-ekonomija informali u t-tkabbir meqjus f'ċerti setturi (kostruzzjoni) u forom ta' xogħol, jista' jitqajjem tħassib dwar il-livell ta' attenzjoni politika sostnuta mogħtija lix-xogħol mhux iddikjarat. Din il-Komunikazzjoni għandha għalhekk l-għan li tisħaq fuq ir-rilevanza politika tax-xogħol mhux iddikjarat billi tqis l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, u billi turi l-ambitu għal tagħlim reċiproku dwar prassi ta’ suċċess. L-analiżi hija appoġġjata wkoll b’evidenza ġdida minn stħarriġ armonizzat żviluppat sabiex jitfa’ aktar dawl fuq il-karatteristiċi ta’ u l-motivi għal xogħol mhux iddikjarat.

2. RILEVANZA POLITIKA GħAT-TNAQQIS TA’ XOGħOL MHUX IDDIKJARAT

L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ politiki li għandhom l-għan li jibdlu xogħol mhux formali għal forom formali ta’ impjieg se tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi mġedda.

Xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet negattivi li jaffettwaw it-tliet pilastri kollha ta' l-istrateġija ta’ Liżbona u b’mod partikolari l-għanijiet ġenerali ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (xogħol għal kulħadd, kwalità u produttività fix-xogħol u koeżjoni soċjali). Minn perspettiva makroekonomika, dan inaqqas id-dħul tat-taxxa u jnawwar il-finanzjament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Minn perspettiva mikroekonomika, ix-xogħol mhux iddikjarat għandu l-ħabta jfixkel il-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji, u jwitti t-triq għal dumping soċjali. Joħloq ukoll ineffiċjenzi produttivi, minħabba li negozji informali tipikament jevitaw l-aċċess għal servizzi u dħul formali (eż. kreditu) u jippreferu jibqgħu żgħar.

Il- Green Paper riċenti dwar il-Liġi tax-Xogħol[5] identifikat ix-xogħol mhux iddikjarat bħala l-fattur ta' kontribuzzjoni ewlieni għal dumping soċjali u għalhekk wieħed mill-kwistjonijiet prinċipali għall-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol fl-UE. B'żieda ma' dan, ix-xogħol mhux iddikjarat huwa assoċjat ma' kundizzjonijiet ħżiena ta' xogħol għall-individwi u riskji sussegwenti għas-saħħa tal-ħaddiema, prospetti baxxi għall-progress fil-karriera u kopertura ta' ħarsien soċjali insuffiċjenti. F’dan il-kuntest, l-imsieħba soċjali ta’ l-UE qed iħejju analiżi konġunta ta’ xogħol mhux iddikjarat fil-qafas tal-programm ta' ħidma tagħhom 2006-2008[6]. Il-konsultazzjoni sussegwenti dwar il- Green Paper [7] żvelat appoġġ qawwi mill-amministraturi għal kooperazzjoni amministrattiva akbar fil-livell ta' l-UE u għal skambju usa’ ta' tagħrif u prattika tajba, filwaqt li l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn ikkonfermaw il-prijoritajiet politiki stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-2003. B’mod partikolari t-trejdjunjins kienu favur qafas legali aħjar u l-infurzar fil-livell Ewropew, sabiex tkun miġġielda l-frodi soċjali transkonfinali.

Hemm qbil li qed dejjem jikber dwar l-ispiża tax-xogħol mhux iddikjarat għas-sistemi ta' sigurtà soċjali: dan mhux biss idgħajjef l-bażi finanzjarja tagħhom bit-telf tad-dħul, iżda jnaqqas ukoll l-fiduċja tal-pubbliku u l-kredibbiltà ta’ dawn is-sistemi. Fil-verità, ħaddiema mhux iddikjarati jistgħu spiss ikunu intitolati għal benefiċċju ta’ qgħad, ta' nuqqas ta' attività jew tal-familja, iżda fl-istess waqt jitilfu l-benefiċċji ta' xogħol b'kuntratt formali, bħal pensjonijiet relatati mal-qligħ, taħriġ, il-perspettiva li jagħmlu progress fil-paga u fl-istat, u jieħdu r-riskju li jibqgħu jiġu impjegati f'attivitajiet mhux iddikjarati biss. Ir-riformi tas-sistemi tal-ħarsien soċjali jistgħu jipprovdu inċentivi b’saħħithom biex jiġi ddikjarat ix-xogħol, kif enfasizzat fir-Rapport ta’ Sinteżi dwar Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli ta’ l-2006[8].

Il-problema ta’ suq tax-xogħol maqsum, fejn gruppi kbar ta’ ħaddiema huma maqbuda f’attivitajiet b’ħarsien inadegwat, qed ukoll tiġi rikonoxxuta aktar. Ix-xogħol mhux iddikjarat jippreżenta każ estrem ta' qasma fis-suq tax-xogħol[9].

Il-possibbiltà li wieħed isib xogħol mhux iddikjarat huwa fattur ewlieni li jinkoraġġixxi l-immigrazzjoni illegali. Għal residenti legali, li jaqgħu barra mis-sistema ta’ sigurtà soċjali, ix-xogħol mhux iddikjarat huwa ta’ spiss offrut taħt kundizzjonijiet li huma soċjalment inaċċettabbli u li jiksru r-regolamenti ta’ saħħa u sikurezza. Fis-16 ta’ Mejju 2007 il-Kummissjoni pproponiet direttiva li tipprevedi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b’mod illegali[10].

3. EVIDENZA TA’ XOGħOL MHUX IDDIKJARAT

A. Xi jwassal għal xogħol mhux iddikjarat

Hemm tħassib dwar l-ambitu li qed dejjem jikber għax-xogħol mhux iddikjarat fid-dawl tal-fatturi li ġejjin:

- talba li qed dejjem tikber għal servizzi tad-dar u tal-kura b’riżultat ta’ tibdil soċjodemografiku, possibilment flimkien ma’ tnaqqis fil-ħin tax-xogħol;

- ix-xejra lejn relazzjonijiet ta’ xogħol iżgħar u anqas ġerarkiċi b’sistemi ta’ ħlas jew kontabbiltà tal-ħin aktar flessibbli;

- impjieg għal rashom (inkluż impjieg għal rashom qarrieqi) u l-għoti ta' sottokuntratti u, kuntratti ġeneralment aktar flessibbli u xogħol fuq sejħa, meta dawn jintużaw ħażin u jkun hemm nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' parti mid-dħul;

- il-faċilità dejjem tikber ta’ ħolqien ta’ gruppi ta’ impriżi transkonfinali, li jeħtieġu kooperazzjoni internazzjoni effiċjenti bejn il-korpi u/jew sistemi ta’ sorveljanza u ta’ infurzar.

B. Evidenza statistika fil-livell ta’ l-UE

Problemi ta’ kejl

Il-fatt li xogħol mhux iddikjarat mhux osservat jew irreġistrat, u li jista’ jkun imfisser b’mod differenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali , jagħmilha aktar diffiċli li jinkisbu stimi ta’ min joqgħod fuqhom dwar kemm huwa mifrux fl-Istati Membri. Iżda l-evalwazzjoni tal-limitu u l-fatturi ta’ xogħol mhux iddikjarat hija indispensabbli sabiex jiġu stabbiliti miżuri ta’ politika xierqa.

Ix-xogħol mhux iddikjarat jista’ jitkejjel kemm direttament kif ukoll indirettament. Metodi indiretti huma msejjsa fuq it-tqabbil ta’ ċifri aggregati makroekonomiċi (bħal kontijiet nazzjonali, konsum ta’ l-elettriċità, tranżazzjonijiet ta' flus). Metodi indiretti (speċjalment dawk monetarji) jistgħu jestimaw il-livell ta’ xogħol mhux iddikjarat bħala ogħla milli fil-fatt hu, u ma tantx jitkellmu dwar il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tiegħu. Kuntrarju għal dan, il-metodi diretti huma msejsa fuq stħarriġ statistiku u għandhom vantaġġi f'termini ta' tqabbil u dettall, izda għandhom l-ħabta jirrappurtaw livell anqas ta’ xogħol mhux iddikjarat. Ftehim tajjeb tal-limitu ta’ xogħol mhux iddikjarat u l-kawżi tiegħu jeħtieġ għalhekk il-kombinazzjoni taż-żewġ metodi. B’żieda ma’ dan, jeżisti ħafna tagħrif amministrattiv li mhux sfruttat b'mod sistematiku u li jista’ jintuża biex jikkomplimenta sejbiet minn analiżi diretti u indiretti (eż. statistiċi minn spezzjonijiet).

Stimi nazzjonali

L-aqwa stimi disponibbli s’issa, imsejsa fuq metodi indiretti, ta’ livell ġenerali ta’ xogħol mhux iddikjarat fl-Istati Membri nkisbu permezz ta’ studju mwettaq għall-Kummissjoni fl-2004[11]. Il-limitu u l-karatteristiċi ta’ xogħol mhux iddikjarat jidher li huwa differenti ħafna fl-Istati Membri, bl-ogħla livell jilħaq l-20 % tal-PGD jew aktar f'xi pajjiżi fin-nofsinhar u l-lvant ta' l-Ewropa. Rendikont riċenti mwettaq minn esperti tan-netwerk Osservatorju Ewropew ta’ l-Impjiegi[12] indika li x-xogħol mhux iddikjarat għadu qed jiżdied f’bosta Stati Membri[13], filwaqt li f’għadd ta’ Stati Membri ġodda l-ħolqien ta' xogħol fis-snin riċenti u l-feġġ ta’ nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, wasslu għal tnaqqis f’dan il-fenomenu.

C. Karatteristiċi u forom ta' xogħol mhux iddikjarat skond l-Eurobarometer

Barra mill-istudju ta' l-2004, fit-tieni kwart ta' l-2007 fl-UE-27 twettaq stħarriġ dwar xogħol mhux iddikjarat permezz ta' metodi diretti bħala stħarriġ speċjali ta’ l-Ewrobarometru (Nru 284). Dan iffoka fuq l-opinjonijiet pubbliċi dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, id-daqs tat-talba u tal-forniment, ir-raġunijiet għal involviment f’xogħol mhux iddikjarat, u l-karatteristiċi soċjoekonomiċi ta' produtturi u konsumaturi.

Meta wieħed iqis is-sensittività tas-suġġett, il-fatt li l-istħarriġ kien bi prova, u l-għadd baxx ta' dawk li wieġbu li rrappurtaw involviment f'xogħol mhux iddikjarat, ir-riżultati għandhom jiġu interpretati b'attenzjoni kbira. B’mod partikolari, ir-riżultati kwantitattivi probabbilment jipprovdu verżjoni baxxa tal-valuri attwali. Minħabba li l-istħarriġ ta’ l-Eurobarometer huwa msejjes fuq kampjun stabbilit, dan ma setax jipprovdi evidenza ta’ min joqgħod fuqha dwar il-qagħda ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment jew ċittadini mill-Istati Membri l-ġodda li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet temporanji għall-moviment ħieles. Madankollu, ir-riżultati jindikaw pereżempju:

- l-eżistenza ta’ suq kbir ta’ xogħol mhux iddikjarat madwar l-UE, b’mod speċjali fis-servizzi tad-dar;

- aktar milli l-ħtieġa, dak li prinċipalment iwassal għal xogħol mhux iddikjarat huwa l-evitar tat-taxxa u tal-piżijiet amministrattivi (b'mod partikolari fil-każ ta' xogħol atipiku eż. attivitajiet staġjonali);

- l-importanza ta' ħlas fl-idejn ( envelope wages) [14], b'mod speċjali fis-settur tal-kostruzzjoni;

- il-prevalenza fost l-istudenti, dawk impjegati għal rashom u dawk qiegħda;

- kuxjenza baxxa tas-sanzjonijiet fil-każ li jinqabdu.

4. POLITIKI GħAT-TNAQQIS TA' XOGħOL MHUX IDDIKJARAT

Fir-rigward tal-kumplessità u l-eteroġenjetà ta’ xogħol mhux iddikjarat, ma hemm l-ebda soluzzjoni sempliċi biex ikun miġġieled. Hija meħtieġa strateġija ta’ politika bilanċjata magħmula minn miżuri biex dan jitnaqqas jew jiġi prevenut u l-infurzar tagħhom, bl-involviment ta’ l-imsieħba soċjali. Strateġija bħal din ġiet stipulata fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-2003 dwar it-tibdil ta’ xogħol mhux iddikjarat għal xogħol regolari, li appellat għal:

- tnaqqis fil-ġibda finanzjarja ta’ xogħol mhux iddikjarat li toħrog mit-tfassil ta’ sistemi ta' taxxa u ta' benefiċċji, u t-tolleranza tas-sistema ta’ ħarsien soċjali fir-rigward tat-twettiq ta’ xogħol mhux iddikjarat;

- riforma u simplifikar amministrattivi, bil-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-konformità mar-regolamenti;

- tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u sanzjoni, bl-involviment ta' ispettorati tax-xogħol, uffiċċji tat-taxxa u msieħba soċjali;

- kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn l-Istati Membri, u

- attivitajiet li jqajmu kuxjenza.

L-iżviluppi ta’ politika ewlenin, fl-oqsma msemmija hawn fuq, huma diskussi hawn taħt u huma murija b'eżempji ta' prassi innovattivi[15] introdotti fl-Istati Membri.

A. Il-ġibda finanzjarja tax-xogħol mhux iddikjarat

L-evidenza disponibbli tikkonferma li l-livell, id-diżinn u l-implimentazzjoni meqjusa ta' tipi differenti ta' tassazzjoni (b’mod partikolari t-taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali) huma kawżi importanti ta’ xogħol mhux iddikjarat. Madankollu, fatturi oħrajn għandhom irwol ukoll, inkluża per eżempju l-fiduċja tan-nies fis-sistemi fiskali u ta' ħarsien soċjali.

F'dan ir-rigward, bosta Stati Membri tejbu l-inċentivi finanzjarji għal xogħol regolari, l-aktar billi żiedu l-bażi ħielsa mit-taxxa għad-dħul u bl-istabbiliment xieraq ta' pagi minimi, dan permezz ta’ leġiżlazzjoni jew ftehimiet kollettivi. L-istatistiċi jikkonfermaw it-tnaqqis ġenerali iżda bil-mod tal-piż tat-taxxa fuq xogħol li mhux imħallas ħafna. Fl-UE, it-taxxa totali fuq ix-xogħol naqset b’medja ta’ madwar 1.2 punti perċentwali bejn l-2000 u l-2005[16]. Madankollu, minħabba li l-livell medju gross baqa’ madwar 40 %, dan it-tnaqqis jista’ jkun li għadu mhux konvinċenti meta tqis l-għażla tax-xogħol mhux iddikjarat (l-aktar meta dan jingħaqad mal-benefiċċji). Barra minn hekk, l-effett ta' dan it-tnaqqis jista' jiġi miċħud fil-każ ta' xogħol ta’ sahra, li huwa suġġett għal tassazzjoni sinifikament ogħla f’bosta Stati Membri.

Żidiet sinifikanti fil-pagi minimi ġew introdotti, b’mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda. Dawn kienu normalment stabbiliti b’mod kawtel (anqas minn nofs il-paga medja) biex ikun evitat it-tħassir ta’ xogħol regolari u s-sostituzzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat. B’żieda ma’ dan, f’bosta Stati Membri ġodda fejn il-prattika ta’ ħlas fl-idejn hija mifruxa, pagi minimi ogħla jnaqqsu l-marġni għan-negozjar ta' pagi bħal dawn.

Il-benefiċċji relatati max-xogħol u dawk soċjali minimi għandhom jiġu stabbiliti b'mod li jippermettu kundizzjonijiet ta’ għixien diċenti, filwaqt li x-xogħol regolari jibqa' finanzjarment aktar attraenti minn xogħol mhux iddikjarat flimkien mal-benefiċċji. Kontrolli aktar stretti fuq dawk li jirċievu l-benefiċċji ġew introdotti f’bosta Stati Membri.

Il-qasam importanti ta’ impjieg għal rashom f’xi Stati Membri jindika distorsjonijiet possibbli bejn is-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali għall-impjegati u għal dawk impjegati għal rashom, li joħorġu minn rati tat-taxxa korporattivi aktar baxxi meta mqabbla mat-tassazzjoni fuq id-dħul mix-xogħol u t-trattament differenti ta’ impjegati u ta’ dawk impjegati għal rashom fis-sistemi ta' sigurtà soċjali. L-introduzzjoni ta' rata tat-taxxa fissa minima fis-SK u EE tista' titqies bħala attentat li jitneħħew distorsjonijiet bħal dawn.

Xi tagħlimiet ta' politika:

- mill-perspettiva ta' xogħol mhux iddikjarat, il-bilanċ ta' inċentivi u diżinċentivi fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali jista’ jitjieb billi jkunu żgurati livelli xierqa ta’ appoġġ għad-dħul, rikonoxximent tar-rabta bejn id-drittijiet u l-kontribuzzjonijiet, kontrolli fuq il-benefiċjarji soċjali u sanzjonijiet finanzjarji xierqa għall-frodi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

- il-punti li għandhom jitqiesu jinkludu (i) it-tassazzjoni ta’ xogħol ta’ sahra, (ii) ir-rispett tal-pagi minimi jew pagi stabbiliti bi ftehimiet kollettivi u l-irwol possibbli tagħhom bħala livelli ta’ referenza għal ħlas fl-idejn, (iii) distorsjonijiet bejn l-istat ta' l-impjegat u dawk impjegati għall-rashom, u (iv) it-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq impjiegi ta’ produttività baxxa.

B. Riforma u simplifikazzjoni amministrattivi

Flimkien mat-tassazzjoni fuq ix-xogħol, il-piż amministrattiv, l-aktar għal xogħol atipiku u staġjonali, jidher li huwa l-aktar kawża b’saħħitha għal xogħol mhux iddikjarat. F’xi każi estremi, il-kombinazzjoni ta’ produttività baxxa ma' piż amministrattiv u/jew ta’ taxxa trendi lil xi attivitajiet mhux ekonomikament vijabbli fl-ekonomija formali.

Sistemi simplifikati għar-reġistrazzjoni ta’ ħaddiema ġew introdotti f’EL (għal ħaddiema tal-familja), FR (għal ħaddiema staġjonali fl-agrikultura, lukandi u ristoranti), NL (għat-tindif tad-djar) u DE (“mini-jobs”) b’ħolqien ta’ impjiegi konsiderevoli. F’ES, fejn tqabbil reġjonali jiżvela korrelazzjoni bejn l-inċidenza ta’ kuntratti temporanji u xogħol mhux iddikjarat, il-ftehim ta’ l-Imsieħba Soċjali konkluż fl-2005, immirat biex inaqqas impjieg temporanju, jista’ jitqies bħala pass promettenti lejn ir-regolarizzazzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat ukoll.

Fl-2001 ġew introdotti vawċers u faċilitajiet ta' servizz għat-twettiq ta' servizzi domestiċi regolari f’BE, AT u ES, filwaqt li tnaqqsu f’DK. Ta’ spiss kien hemm impatt sinifikament pożittiv fuq il-ħolqien ta’ l-impjiegi, iżda r-riżultati f’termini baġitarji huma mħalta.

Minħabba li xogħol mhux iddikjarat jista’ jseħħ flimkien ma' l-evażjoni ta' taxxi indiretti, xi Stati Membri ħatfu l-possibbiltà offerta mid-Direttiva 1999/85/KE biex inaqqsu l-VAT fuq servizzi ta' xogħol intensiv speċifikati. Teżisti evidenza limitata li l-impjieg ħoloq effett ta’ tnaqqis ta’ darba tal-VAT. Għar-rinovazzjoni u l-manutenzjoni tal-bini, bosta Stati Membri (eż. FI, SE, IT) għażlu tnaqqis mill-bażi tat-taxxa għall-konsumatur bħala strument aktar effettiv.

Mas-sħubija ta’ 10 Stati Membri ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004, UK, IE u SE fetħu s-swieqi tax-xogħol tagħhom għal ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li oħrajn applikaw arranġamenti tranżitorji għal ħaddiema minn 8 minnhom.

Fir-rapport tagħha dwar it-tħaddim ta' arranġamenti trażitorji stipulati fit-Trattat tas-Sħubija ta' l-2003, il-Kummissjoni stqarret li r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol jista' jżid ix-xogħol mhux iddikjarat[17].

Sa mill-1 ta’ Mejju 2006, Stati Membri oħra mill-UE-15 (FI, ES, PT, EL, IT, NL u daqt LU) neħħew kompletament ir-restrizzjonijiet tagħhom, filwaqt li oħrajn issimplifikawhom, fil-kuntest ta' swieq tax-xogħol aktar stretti. Riċentament DE u AT ħabbru l-liberalizzazzjoni ta’ l-aċċess għal speċjalisti bi kwalifiki għolja. Fl-1 ta' Jannar 2007, għaxar Stati Membri mill-UE-25 (CZ, EE, CY, LV, LT, PL, SI, SK, FI u SE) illiberalizzaw l-aċċess tal-ħaddiema Bulgari u Rumeni għas-swieq tax-xogħol tagħhom taħt il-liġi nazzjonali.

Xi tagħlimiet ta' politika:

- jeżisti ambitu għal aktar titjib tal-liġi tax-xogħol u sistemi amministrattivi sabiex ikunu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet fuq terminu ta' żmien qasir u n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol;

- jeżisti ambitu usa’ għal strateġiji speċifiċi għas-settur biex jittrasformaw ix-xogħol mhux iddikjarat f’xogħol regolari (b’mod speċjali fil-lukandi u r-ristoranti, fl-agrikultura u fis-servizzi tad-dar);

- l- aquis Komunitarju dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema għandu jiġi ġeneralment infurzat u ffaċilitat (l-aktar permezz ta' EURES);

- il-possibilitajiet ta’ e-government, reġistrazzjoni onlajn u skambju ta’ tagħrif bejn id-databases amministrattivi għandhom jiġu sfruttati aktar.

C. Sorveljanza u sanzjonijiet

Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Liġi tax-Xogħol[18] saħqet fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar effettiva fil-livell nazzjonali bejn l-aġenziji differenti tal-gvern, bħal ispettorati tax-xogħol, awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa, u semmiet li "it-titjib fir-riżorsi u l-għarfien espert ta’ dawn l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi, u l-kooperazzjoni tagħhom ma’ l-imsieħba, jista' jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-inċentivi tax-xogħol mhux iddikjarat”.

Liġijiet ġodda u Pjanijiet ta’ Azzjoni mmirati lejn l-identifikazzjoni aħjar ta' xogħol mhux iddikjarat ġew applikati f’bosta Stati Membri (DE, FI, FR, IT, SK eċċ.). F’bosta każi, it-tifsira ta’ xogħol mhux iddikjarat ġiet aġġornata biex tirrifletti l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol (xogħol ta’ aġenżija, l-għoti ta' sottokuntratti eċċ.) u ġew adottati kriterji għall-identifikazzjoni ta’ impjieg għal rashom qarrieqi.

It-titjib tal-kapaċità tas-sorveljanza u l-kontroll ta’ organiżmi ta’ sigurtà soċjali, l-ispettorati tax-xogħol u t-trejdjunjins saru prijorità f’bosta Stati Membri. Strutturi ta’ koordinazzjoni interministerjali ġew stabbiliti fi FR, BE, IE u IT. Ġew stabbiliti tranżazzjonijiet bejn id-databases rilevanti (eż. f’PT).

L-obbligu għal min iħaddem li jirreġistra l-ħaddiema mill-ewwel jum ta’ impjieg ġie ġeneralizzat. Barra minn hekk, tpoġġiet responsabbiltà fuq l-utenti potenzjali ta’ xogħol mhux iddikjarat fil-DE (obbligu sa mill-2004 għad-djar li jżommu riċevuti dwar servizzi ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni) u fl-AT (obbligu ta’ kontabbiltà aġġornata fuq bażi ta’ flus fil-lukandi u r-ristoranti).

Ftehimiet ta’ Imsieħba Soċjali ġew konklużi f'bosta pajjiżi, l-aktar fis-settur tal-kostruzzjoni (DE, FI, IT). F’IT, il-Liġi dwar il-Baġit tgħid li fl-2007 il-Ministeru tax-Xogħol, f'kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, se jintroduċi sistema normattiva biex jestima l-għadd ta' siegħat fil-fatt maħduma ("indici di congruità").

Ġew introdotti sanzjonijiet għal min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b’mod illegali (eż. FI, DE, NL, UK), u, b’bosta każi, ġew imsaħħa, inkluż permezz ta’ projbizzjonijiet fuq xiri pubbliku. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni riċentament ipproponiet direttiva biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jintroduċu u jinfurzaw sanzjonijiet simili kontra min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b'mod illegali bħala parti minn politika ta' migrazzjoni komprensiva ta' l-UE[19].

Xi tagħlimiet ta' politika:

- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-ħaddiema hija prerekwiżit għall-identifikazzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat. Eżenzjonijiet mill-prattika ta’ kuntratti tax-xogħol bil-miktub għandha tiġi limitata għal minimu;

- Jeżisti ambitu konsiderevoli għal soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur għall-kontroll u r-regolarizzazzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat bl-involviment ta’ l-imsieħba soċjali;

- Is-suċċess ta' politiki li jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat jiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn il-korpi differenti responsabbli mit-taxxa, mix-xogħol u mill-immigrazzjoni, kif ukoll fuq l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u sanzjonijiet.

D. Kooperazzjoni transkonfinali fl-UE

Ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali ġew konklużi fil-kuntest tad-Direttiva 96/71 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema bejn, fost oħrajn, FR, BE u DE, u huma ppjanati oħrajn (bejn IT, ES, PL u CZ). B’żieda ma’ dan, grupp ta’ Stati Membri stabbilew kooperazzjoni bil-għan li jippromwovu u jaqsmu l-għarfien espert dwar aġenda ta’ politika usa’ relatata max-xogħol mhux iddikjarat[20].

Il-Kummissjoni kkonkludiet li kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri għandha titjieb, b’mod partikolari fil-qasam ta’ ħaddiema stazzjonati[21]. F’dan il-kunstest, il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta Rakkomandazzjoni bil-għan li tinforza kooperazzjoni bħal din permezz ta' l-użu ta' Sistema ta' Tagħrif tas-Suq Intern, kif ukoll Deċiżjoni li tistabbilixxi Kumitat ta’ livell għoli. Dan il-Kumitat għandu jappoġġja u jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw u jaqsmu prassi tajba fir-rigward tal-kontroll u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni għal ħaddiema stazzjonati.

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni ta’ l-2006 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula l-proċedura għar-Regolament ta' implimentazzjoni 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi ta’ sigurtà soċjali (li se jieħu post ir-Regolament 1408/71 hekk kif r-regolament ta’ implimentazzjoni jiġi adottat) fiha wkoll dispożizzjonijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri.

Tagħlima ta’ politika:

- Il-qafas istituzzjonali għall-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ ħaddiema jeħtieġ li jibqa' jiġi adottat għall-pass imgħaġġel u l-kumplessità ta’ negozju transkonfinali.

E. Kuxjenza

Saru bosta kampanji b’suċċess biex titqajjem kuxjenza (eż. il-kampanja Daniża “fair play”). Fl-Istati Membri l-ġodda, dawn ta' spiss kienu fuq skala kbira u ffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi bħal ħlas fl-idejn (eż. "Il-Kuntratt tax-Xogħol Jaħdem" f’LV).

Tagħlimiet ta’ politika:

- Jeżisti ambitu għat-tqajjim ta’ kuxjenxa fost il-pubbliku dwar ir-riskji marbuta max-xogħol mhux iddikjarat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sanzjonijiet (ara r-riżultati ta’ l-Ewrobarometru); l-imsieħba soċjali għandhom irwol ewlieni f’dan ir-rigward;

- Huwa importanti li ngħarrfu liċ-ċittadini dwar l-effetti pożittivi tal-ħlas sħiħ tat-taxxi u dwar l-assigurazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali.

5. KONKLUżJONIJIET U SEGWITU

Ma jeżistu l-ebda sinjali konvinċenti li x-xogħol mhux iddikjarat naqas b'mod notevoli fis-snin riċenti. Ix-xogħol mhux iddikjarat jibqa' għażla finanzjarja attraenti, b'mod speċjali meta kkombinata mal-frodi tal-VAT u l-possibbiltajiet li topera fuq skala usa' ta' l-UE. Ittieħdu azzjonijiet ta’ politika frammentarji madwar l-Istati Membri, iżda kien hemm nuqqas apparenti tal-valutazzjoni tar-riżultati u t-tqassim ta' għarfien espert. Wasal il-waqt li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat.

- Minkejja li sar xi progress (tassazzjoni tax-xogħol mhux imħallas ħafna) jeħtieġ li jsir aktar, b’qies għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, sabiex titnaqqas aktar it-tassazzjoni tax-xogħol, permezz tat-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi, l-aktar l-effiċjenza ta' l-ispiża pubblika u s-sistemi ta’ tassazzjoni, billi jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol li mhux marbuta mal-paga, u billi l-piż tat-taxxa jitmexxa fuq sorsi ta' dħul alternattivi[22]. Jeżisti wkoll ambitu għat-tnaqqis tal-kumplessitajiet amministrattivi fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċju, li jista’ jkun fih inċentivi għal xogħol mhux iddikajarat, l-aktar għal dawk impjegati għall-rashom u kumpaniji żgħar;

- Il-Kummissjoni tqis l-arranġamenti tranżitorji li jillimitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda bħala fattur li jfixkel ir-rikors ta’ xogħol iddikjarat, u għalhekk jista' jżid il-prattika ta’ xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol attwali joħolqu opportunitajiet aħjar għal xogħol regolari. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappella biex l-Istati Membri, li huma responsabbli minn dawn l-arranġamenti, sabiex jirriveduhom malajr kemm jista’ jkun, jew fi kwalunkwe każ, fi tmiem it-tieni fażi tat-30 ta’ April 2009 fil-każ ta’ l-UE-8, u fi tmiem l-ewwel fażi fil-31 ta’ Diċembru 2008 fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija;

- L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu l-attenzjoni mistħoqqa lix-xogħol mhux iddikjarat meta jiddeċiedu t-triqat li beħsiebhom jieħdu biex jimplimentaw il-prinċipji komuni tal-flessigurtà.

- Il-Kummissjoni tappella biex l-imsieħba soċjali jaqblu dwar inizjattivi konkreti fil-qasam tax-xogħol mhux iddikjarat fil-kuntest tal-programmi ta' ħidma konġunti tagħhom, fil-livelli transindustrijali, settorali u nazzjonali Ewropej.

- Sorveljanza u rinfurzar effettivi huma komponenti importanti ta’ strateġija ta’ politika komprensiva. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tfakkar il-proposta leġiżlattiva tagħha dwar sanzjonijiet għal min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b’mod illegali.

- Il-Kummissjoni se tinvestiga il-prattikabbiltà tal-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għal kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol, u korpi oħra rilevanti ta’ sorveljanza u rinfurzar.

- Sabiex tkun possibbli s-sorveljanza tal-progress fit-tibdil ta' xogħol mhux iddikjarat għal xogħol regolari, l-Istati Membri għandhom flimkien mal-Kummissjoni jesploraw l-aktar metodoloġija adattata għall-ikkwantifikar ta' l-eżistenza ta' xogħol mhux iddikjarat. Se jsir studju dwar dan taħt il-programm PROGRESS fl-2008.

- Il-Kummissjoni se tqis ix-xogħol mhux iddikjarat bħala prijorità fil-programm ta’ Tagħlim Reċiproku tagħha. Dawk kollha interessati se jkollhom l-opportunità, taħt il-programm PROGRESS, li jibagħtu proposti għall-kampanji ta' tagħrif, attivitajiet ta' stħarriġ u valutazzjoni u inizjattivi għall-iskambju ta' tagħrif u prassi tajba.

[1] COM98 (219)

[2] ĠU L 197 tal-5.8.2003 (linja ta’ gwida speċifika nru 9 dwar xogħol mhux iddikjarat).

[3] ĠU C 260/1 tad-29.10.2003.

[4] Id-Direttiva 1999/85/KE, ĠU L 277, 28.10.1999 li ppermettiet lill-Istati Membri jnaqqsu l-VAT fuq servizzi ta’ xogħol intensiv speċifikati, bħar-rinovazzjoni fuq djar privati, kura tax-xagħar, it-tindif tat-twieqi, servizzi tal-kura fid-dar u tiswijiet żgħar. Dan l-esperiment iġġedded sal-31.12.2010 mid-Direttiva 2006/18/KE, ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12.

[5] L-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-Seklu 21, COM(2006) 708 tat-22 ta' Novembru 2006.

[6] Programm ta’ Ħidma għall-Imsieħba Soċjali Ewropej 2006-2008.

[7] Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni "L-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-Seklu 21" (COM(2007) xxx).

[8] SEC(2006) 304.2

[9] “Lejn prinċipji komuni ta' flessigurtà”, COM(2007) 359 tas-27.6.2007.

[10] Ara COM(2007) 249 tas-16.05.2007.

[11] “Xogħol mhux iddikjarat f'Unjoni Mkabbra”; Mejju 2004, http://ec.europa.eu/employment_social/incentive_measures/activities_en.htm.

[12] www.eu-employment-observatory.net.

[13] In-nuqqas huwa magħmul mill-effetti ta’ kampanji riċenti ta’ regolarizzazzjoni dwar ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b'mod illegali f’IT, ES u PT.

[14] Jiġifieri ammont mill-pagi totali li jitħallas flus fl-idejn u li ma jkunx iddikjarat.

[15] L-eżempji ma jirriflettux ordni ta’ preferenza, u r-referenzi għall-pajjiż mhumiex eżawrjenti. Lista aktar estensiva ta’ prassi innovattivi hija ppreżentat fuq il-websajt ta’ l-Osservatorju Ewropew ta’ l-Impjiegi (www.eu-employment-observatory.net) u fid-dokumentazzjoni ppreżentata waqt konferenza internazzjonali dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa li saret fi Brussell fil-21-22 ta’ Ġunju 2007 (http://socialsecurity.fgov.be/european_congress/).

[16] Ara l-Eurostat, Indikaturi Strutturali, taxxa għal dawk b’paga baxxa.

[17] COM(2006) 48 finali tat-8.2.2006 dwar il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006. Rapport ieħor huwa mistenni qabel it-tmiem tat-tieni fażi fit-30 ta' April 2009, u t-tmiem ta' l-ewwel fażi fil-31 ta' Diċembru 2008 fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija.

[18] COM(2006) 708 li ssemmiet qabel.

[19] Ara COM(2007) 249 tas-16 ta’ Mejju 2007.

[20] ENUW (Netwerk Ewropew dwar ix-Xogħol mhux Iddikjarat) stabbilit bejn l-imsieħba pubbliċi ta’ ħames Stati Membri (DE, FR, IT, BE u RO) u koordinat mill-Ministeru Taljan għax-Xogħol.

[21] COM(2007) 304 Finali tat-13 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi:

[22] Ara l-Linji ta’ Gwida Integrati Nri 2, 3, 5 u 22. Il-Linji ta’ Gwida dwar l-Impjieg kellhom referenzi dwar kif il-piż tat-taxxa tax-xogħol jista' jitmexxa fuq tassazzjoni indiretta jew ambjentali (ara eż. l-edizzjoni 2001). Ara wkoll il-Green Paper dwar l-istrumenti msejsa fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta’ politika relatati, COM(2007) 140 tat-28.3.2007, u l-Komunikazzjoni “Valuri Ewropej fid-Dinja Globalizzata", COM(2005) 525 tat-3.11.2005.