52007DC0575

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea {KUMM(2007) 574 finali} {SEG(2007) 1278} {SEG(2007) 1279} {SEG(2007) 1280} {SEG(2007) 1283} /* KUMM/2007/0575 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.10.2007

KUMM(2007) 575 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

{KUMM(2007) 574 finali}{SEG(2007) 1278}{SEG(2007) 1279}{SEG(2007) 1280}{SEG(2007) 1283}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

1. Sommarju Eżekuttiv

L-ibħra huma n-nifs li jagħtu l-ħajja lill-Ewropa. It-territorji marittimi u l-kosti ta’ l-Ewropa huma ċentrali għall-ġid u l-prosperità tagħha – għall-Ewropa, dawn huma rotot tal-kummerċ, regolaturi tal-klima, għejun ta’ l-ikel, enerġija u riżorsi, u siti favoriti taċ-ċittadini tagħha għar-residenza u divertiment tagħhom.

L-interazzjonijiet tagħna mal-baħar huma aktar intensi, aktar varjati u, aktar minn qatt qabel, joħolqu valur għall-Ewropa. Iżda issa l-pressjoni qed tagħmel tagħha. Fir-relazzjoni tagħna ma’ l-oċeani, wasalna f’salib it-toroq.

Min-naħa, it-teknoloġija u l-għarfien jippermettulna li nkomplu nieħdu aktar valur mill-baħar, u aktar u aktar nies qed jersqu lejn il-kosti Ewropej biex jibbenifikaw minn dan il-valur. Min-naħa l-oħra, l-effett kumulattiv ta’ din l-attività kollha qed iwassal għal konflitt fl-użu ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra u għat-taħsir tiegħu; meta kollox jiddependi minn dan l-ambjent.

L-Ewropa għandha tirreaġixxi għal din l-isfida; fil-kuntest ta’ globalizzazzjoni u tibdil klimatiku rapidi, l-urġenża hija kbira.

Il-Kummissjoni Ewropea irrikonoxxiet dan, u nediet konsultazzjoni komprensiva u analiżi dwar ir-relazzjoni ta’ l-Ewropa mal-baħar[1]. Dan qajjem rispons qawwi mill-partijiet interessati, li juri b’mod ċar il-potenzjal enormi ta’ l-ibħra, u d-daqs ta’ l-isfida jekk niddeċiedu li nisfruttaw dan il-potenzjal b’mod sostenibbli. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll biżibilju ta’ ideat dwar kif l-Ewropa jista' jirnexxilha tilqa' din l-isfida.

Abbażi ta’ dan il-kontribut siewi, il-Kummissjoni tipproponi Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea, imsejsa fuq ir-rikonoxximent ċar tal-fatt li l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-oċeani u l-ibħra Ewropej huma marbuta ma' xulxin, u li biex niksbu r-riżultati mixtieqa, il-politiki li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ibħra għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt.

Dan l-approċċ integrat u intersettorjali ġie aċċettat bis-sħiħ mill-partijiet interessati kollha. L-applikazzjoni tiegħu teħtieġ il-kooperazzjoni rinfurzata u l-koordinazzjoni effettiva, tal-politiki li huma relatati mal-baħar kollha, fid-diversi livelli ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Politika Marittima Integrata għandha ttejjeb il-kapaċità ta’ l-Ewropa biex tiffaċċja l-isfidi tal-globalizzazzjoni u l-kompetittività, it-tibdil klimatiku, id-deterjorament ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra, is-sikurezza u s-sigurtà marittimi, u l-kontroll u s-sostenibbiltà ta’ l-enerġija. Din il-politika għandha tkun ibbażata fuq l-eċċellenza fir-riċerka, t-teknoloġija u l-innovazzjoni dwar l-ibħra, u għandha tkun imsejsa fuq l-Aġenda ta' Liżbona għall-impjiegi u t-tkabbir, u fuq l-aġenda ta’ Gothenburg għas-sostenibbiltà.

Politika Marittima Integrata ta’ l-UE għandha:

- Tibdel il-mod ta’ kif infasslu l-politika u nieħdu d-deċiżjonijiet – fi kwalunkwe livell, it-tfassil ta’ politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fejn elimenti diversi jitqiesu b’mod distint mhux ser jibqgħu xierqa. L-interazzjonijiet għandhom jiġu mifhmumin u meqjusin; għandhom jiġu żviluppati għodod komuni; is-sinerġiji identifikati u sfruttati; u l-konflitti evitati jew megħlubin.

- Tiżviluppa u tipproponi programm ta’ ħidma – l-azzjoni skond id-diversi politiki settorjali għandha sseħħ f’qafas koerenti ta’ politika. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jagħti idea ċara tal-varjetà u l-ammont ta' xogħol li għad irid isir. Dawn il-proġetti għandhom importanza partikolari:

- Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli

- Strateġija Ewropea għar-Riċerka ta’ l-Ibħra

- Politiki marittimi integrati nazzjonali li jridu jiġu żviluppati mill-Istati Membri

- Netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima

- Pjan ta’ Direzzjoni għall-ippjanar tat-territorju marittimu mill-Istati Membri

- Strateġija biex ittaffi l-effetti tat-Tibdil Klimatiku fuq ir-reġjuni tal-kosta.

- Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass CO2 u fit-tniġġis mill-bastimenti

- L-eliminazzjoni tas-sajd illegali u tat-tkarkir distruttiv fil-qiegħ ta’ l-ibħra internazzjonali

- Netwerk Ewropew għall-gruppi marittimi

- Reviżjoni ta’ l-eżenzjonijiet, għas-setturi tat-tbaħħir u tas-sajd, mill-liġi tax-xogħol ta’ l-UE

Din il-komunikazzjoni tqiegħed is-sisien għall-qafas ta’ governanza u għodod intersettorjali meħtieġa għal Politika Marittima Integrata ta’ l-UE u tistipula l-azzjonijiet ewlenin li l-Kummissjoni ser issegwi matul il-mandat. Dawn l-azzjonijiet għandhom isiru skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-kompetittività, permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

2. Kuntest

L-Ewropa għandha 70,000 km tul ta' kosta li tħares fuq żewġ oċeani u erba' ibħra: l-Oċean Atlantiku u dak Artiku, il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Ir-reġjuni marittimi ta’ l-UE jsarrfu f’madwar 40% tal-PGD u popolazzjoni tagħha.

Għaldaqstant, il-ġid ta’ l-Ewropa huwa marbut mal-baħar b’mod intrinsiku. Il-bini tal-bastimenti u t-trasport marittimu, il-portijiet u s-sajd jibqgħu l-attivitajiet marittimi ewlenin, iżda l-enerġija offshore (inkluż l-enerġija miż-żejt, mill-gass u l-enerġiji rinnovabbli), u t-turiżmu tal-kosta u marittimu jiġġeneraw dħul enormi wkoll. Il-portijiet tal-baħar u s-settur tat-trasport marittimu ta’ l-Ewropa jgħinuha tibbenifika mit-tkabbir rapidu fil-kummerċ internazzjonali u fir-rwol ewlieni li għandha fl-ekonomija dinjija, filwaqt li l-isfruttament ta’ riżorsi minerali, l-akwakultura, il-bijoteknoloġija blu u t-teknoloġiji ġodda ta’ taħt il-baħar jirrappreżentaw opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ li dejjem qed jiżdiedu fl-importanza. Daqstantieħor sinifikanti huma l-użi rikreattivi, estetiċi u kulturali tal-baħar u l-utilità tagħhom għall-ekosistema.

Biex dawn l-industriji jibqgħu kompetittivi, primarjament, huwa meħtieġ li niżguraw li l-użu ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra jkun verament sostenibbli. Il-vulnerabbiltà dejjem tiżdied taż-żoni tal-kosta, l-iffullar dejjem akbar ta’ l-ilmijiet tal-kosta, ir-rwol ewlieni ta’ l-oċeani fis-sistema klimatika u d-deterjorament kontinwu ta' l-ambjent ta' l-ibħra, kollha jindikaw li l-oċeani u l-ibħra tagħna għandhom jingħataw aktar attenzjoni.

Is-sostenibbiltà ta’ l-oċeani, il-lum hija rikonoxxuta sfida dinjija ewlenija, b’rabta mill-qrib mat-tibdil klimatiku.

Il-kompetizzjoni dejjem akbar għat-territorju marittimu u l-impatt kumulattiv ta’ l-attivitajiet umani fuq l-ekosistemi tal-baħar jitolbu għal approċċ aktar kollaborattiv u integrat minn dak attwali għall-kwistjonijiet ta’ l-ibħra, li huwa wieħed frammentat u inadegwat. Il-politiki dwar, pereżempju, it-trasport marittimu, is-sajd, l-enerġija, is-sorveljanza u l-għassa ta’ l-ibħra, it-turiżmu, l-ambjent ta’ l-ibħra, u r-riċerka dwar l-ibħra tħallew jiżviluppaw fuq rotot differenti għal żmien twil wisq, u dan laħaq wassal għall-ineffiċjenza, inkoerenza u konflitt fl-użu tagħhom.

B’rikonoxximent ta’ dan il-fatt, il-ħsieb tal-Kummissjoni huwa li tfassal politika marittima integrata li tkopri l-aspetti kollha tar-relazzjoni tagħna ma’ l-oċeani u l-ibħra. Dan l-approċċ innovattiv u olistiku għandu jipprovdi qafas ta’ politika koerenti li jkun jippermetti l-aħjar żvilupp ta’ l-attivitajiet relatati mal-baħar b’mod sostenibbli.

3. Qafas Ta’ Governanza u Għodod għal Politika Marittima

Politika Marittima Integrata teħtieġ qafas ta’ governanza li japplika l-approċċ integrat f’kull livell, kif ukoll, għodod ta’ politika orizzontali u transversali. Din il-politika tkun teħtieġ bażi finanzjarja soda wkoll, b’kunsiderazzjoni għar-riżultati ta' miżuri preparatorji.

3.1. L-Implimentazzjoni ta’ l-Approċċ Integrat għall-Governanza Marittima

Il-Kummissjoni waqqfet funzjoni għall-politika marittima, li għandha tieħu ħsieb tanalizza l-kwistjonijiet marittimi u l-politiki li jaffettwawhom, tikkoordina l-politiki settorjali, tiżgura li l-interazzjonijiet ta’ bejniethom jiġu kkunsidrati, u tikkontrolla l-iżvilupp ta’ għodod ta’ politika transversali. Il-Kummissjoni diġà bdiet tlaqqa’ l-aġenziji ta’ l-UE li għandhom funzjonijiet relatati ma’ l-ibħra, bil-ħsieb li tiżgura li dawn jagħtu kontribut kollettiv għall-iżvilupp tal-politika marittima.

Minn kmieni, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-aħjar prinċipji ta’ regolamentazzjoni għat-tfassil tal-politika tagħha dwar kwistjonijiet marittimi: l-identifikazzjoni ta’ inizzjattivi importanti relatati mal-baħar fl-istrumenti ta' ppjannar u pproggrammar annwali, il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati, il-valutazzjonijiet ta' l-impatt u l-gruppi ta’ ħidma ta' bejn is-servizzi għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista' tfassal u tipproponi proposti verament integrati.

L-istituzzjonijiet u l-atturi l-oħra ta’ l-UE ġew mistiedna jeżaminaw kif l-aħjar japplikaw l-approċċ integrat għall-kwistjonijiet ta’ politika marittima, b’mod sistematiku. Ċerti Stati Membri bdew jiżviluppaw mekkaniżmi għall-koordinazzjoni fit-tfassil tal-politika marittima tagħhom. Il-partijiet interessati kollha għandhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ governanza u huma mistiedna li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe leġiżlazzjoni ta’ l-UE li, fil-fehma tagħhom, ittellef milli jintlaħqu l-għanijiet ta’ Politika Marittima Integrata.

- Il-Kummissjoni se:

- tistieden lill-Istati Membri biex ifasslu politiki marittimi integrati nazzjonali, bil-parteċipazzjoni mill-qrib tal-partijiet interessati, speċjalment fir-reġjuni tal-kosta;

- fl-2008, tipproponi sett ta’ linji ta’ gwida għal dawn il-politiki marittimi integrati nazzjonali u mill-2009, kull sena tirrapporta dwar il-miżuri ta’ l-UE u l-Istati Membri f’dan ir-rigward;

- torganizza struttura ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li tgħin biex il-politika marittima tiġi żviluppata aktar u tippermetti l-iskambju ta’ l-aħjar prassi.

3.2. Għodod għat-tfassil ta’ politika integrata

Qafas ta’ governanza integrat għall-kwistjonijiet marittimi jeħtieġ għodod ta’ ppjanar orizzontali li jolqtu trasversalment lill-politiki settorjali relatati ma’ l-ibħra u jappoġġjaw it-tfassil ta’ politika konġunt. Dawn it-tliet għodod huma importanti ħafna: is-sorveljanza marittima, li hija kruċjali għall-użu sikur tat-territorji tal-baħar; l-ippjanar tat-territorju marittimu, li huwa għodda importanti ta’ ppjanar biex it-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun wieħed sostenibbli; u sors ta’ dejta u informazzjoni komprensiv u aċċessibbli.

3.2.1. Netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima

Is-sorveljanza marittima hija wieħed mill-aktar elementi importanti biex jiġi żgurat l-użu sikur ta' l-ibħra u biex jitħarsu l-fruntieri marittimi Ewropej. It-titjib u l-aħjar użu ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza marittima, u l-interoperabbiltà fil-livell Ewropew, huma importanti biex l-Ewropa tilqa’ l-isfidi u t-theddid relatati mas-sikurezza tan-navigazzjoni, tniġġis ta’ l-ibħra, infurzar tal-liġijiet u s-sigurtà ġenerali.

L-attivitajiet ta’ sorveljanza jsiru mill-Istati Membri, għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ l-attivitajiet u tat-theddid indirizzati minnhom ikunu tat-tip transnazzjonali. Fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, l-attivitajiet ta’ sorveljanza li jikkonċernaw is-sajd, l-ambjent, l-għassa ta’ l-ibħra jew għall-immigrazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ diversi aġenziji ta’ infurzar li joperaw idipendentament minn xulxin. Spiss, dan iwassal biex ir-riżorsi, li diġà huma skarsi, ma jintużawx bl-aħjar mod possibbli.

Għalhekk, il-Kummissjoni tisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm livell ogħla ta’ koordinazzjoni fis-sorveljanza marittima, u dan permezz ta’ kooperazzjoni aqwa fost u bejn il-gwardji tal-kosta ta' l-Istati Membri u aġenziji rilevanti oħrajn.

Il-ħolqien gradwali ta’ netwerk integrat ta’ sistemi għat-traċċar ta’ bastimenti u ta’ navigazzjoni elettronika għall-ilmijiet tal-kosta Ewropej u għall-ibħra internazzjonali, inkluż il-monitoraġġ permezz tas-satellita u s-sistemi ta’ identifikar u traċċar mill-bogħod (LRIT), għandu jipprovdi għodda imprezzabbli lill-aġenziji pubbliċi.

- Il-Kummissjoni se:

- tippromwovi kooperazzjoni aqwa bejn il-gwardji tal-kosta ta’ l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti;

- tieħu miżuri biex is-sistema ta’ sorveljanza tkun aktar interoperabbli, ħalli s-sistemi ta’ monitoraġġ u traċċar eżistenti li jintużaw għas-sikurezza u sigurtà marittima, għall-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra, għall-kontroll tas-sajd, għall-kontroll ta’ fruntieri esterni u għal attivitajiet oħrajn ta’ infurzar tal-liġi jintużaw aktar flimkien.

3.2.2. L-Ippjanar tat-Territorju Marittimu u l-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta (ICZM)

L-oqfsa eżistenti ta’ ppjanar jiffokaw l-aktar fuq l-art, u spiss, ma jindirizzawx l-effett ta' l-iżvilupp tal-kosta fuq il-baħar, u viċiversa. Għandna nindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-użu kompetittiv ta’ l-ibħra, li dejjem qed jiżdied u li jvarja bejn trasport marittimu, sajd, akwakultura, attivitajiet ta’ divertiment, produzzjoni ta’ enerġija offshore u forom oħrajn ta’ sfruttament ta’ qiegħ il-baħar.

Għaldaqstant, l-ippjanar tat-territorju marittimu huwa għodda fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tar-reġjuni tal-kosta, u għar-restawr ta’ l-ambjent ta' l-ibħra Ewropej.

Wara Rakkomandazzjoni mill-UE[2], l-Istati Membri bdew jużaw l-ICZM biex jirregolaw it-tqassim tat-territorju għal attivitajiet ekonomiċi u biex jistabbilixxu sistemi ta’ ppjanar tat-territorju għall-ilmijiet tal-kosta Ewropej. Dawn iż-żewġ strumenti jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ l-impenji li jirriżultaw mill-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ambjent ta’ l-Ibħra[3], u permezz tagħhom, meta l-operaturi jippjanaw l-investimenti futuri tagħhom ikunu jistgħu jbassru l-possibbiltajiet aħjar. Ser tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ l-aħjar prassi fost l-awtoritajiet involuti fl-ippjanar tat-territorju marittimu u fl-ICZM.

Il-kompetenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam hija responsabbiltà ta’ l-Istati Membri. Huwa meħtieġ impenn fil-livell Ewropew għal prinċipji u linji ta’ gwida komuni, biex il-proċess jitħaffef b’mod flessibbli u biex jiġi żgurat il-ħarsien ta’ l-ekosistemi ta’ l-ibħra reġjunali li jmorru ‘l hinn mill-fruntieri marittimi nazzjonali.

- Il-Kummissjoni se:

- tiżviluppa pjan ta’ direzzjoni fl-2008 biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ l-ippjanar tat-territorju marittimu mill-Istati Membri.

3.2.3. Dejta u Informazzjoni

Id-disponibbiltà u l-aċċess faċli għal firxa wiesgħa ta’ dejta dwar attività umana u naturali fl-oċeani huma l-bażi għat-teħid strateġiku ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika marittima. Minħabba l-kwantità enormi ta’ dejta li tinġabar u tinżamm madwar l-Ewropa kollha għal varjetà wiesgħa ta’ għanijiet, it-twaqqif ta’ infrastruttura xierqa għad-dejta u informazzjoni dwar l-ibħra huwa importanti ħafna.

Din id-dejta għandha tinġabar f’sistema komprensiva u kompatibbli, u tkun aċċessibbli bħala għodda għall-governanza aqwa, għall-espansjoni ta’ servizzi b’valur miżjud u għall-iżvilupp marittimu sostenibbli. Din hija biċċa xogħol konsiderevoli li għandha ħafna dimensjonijiet, u li teħtieġ li tkun żviluppata skond pjan ċar u koerenti fuq perjodu ta’ snin.

- Il-Kummissjoni se:

- tieħu miżuri fl-2008 biex tħejji għal Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u [4]d-Dejta ta’ l-Ibħra, u tippromwovi t-tfassil ta’ mapep multidimensjonali ta’ l-ilmijiet ta’ l-Istati Membri, biex jittejjeb l-aċċess għal dejta ta’ kwalità għolja.

4. OQSMA TA’ AZZJONI GħALL-POLITIKA MARITTIMA INTEGRATA TA’ L-UE

Il-Politika Marittima Integrata ta’ l-UE għandha tiffoka l-azzjoni tagħha l-aktar fuq dawn il-ħames oqsma:

4.1. Il-kisba ta’ l-aktar Użu Sostenibbli ta’ l-Oċeani u l-Ibħra possibbli

L-għan ewlieni tal-Politika Marittima Integrata ta’ l-UE huwa li toħloq l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-użu sostenibbli ta’ l-oċeani u l-ibħra, li jiffaċilitaw it-tkabbir tas-setturi marittimi u tar-reġjuni tal-kosta.

F’ħafna mill-Istati Membri, it-tkabbir riċenti ta’ l-ekonomija marittima kien akbar minn dak ta’ l-ekonomija ġenerali, partikolarment fir-reġjuni li huma attivi fil-loġistika marittima. Mis-sena 2000, it-trasport marittimu tal- containers kiber konsiderevolment, u sa l-2020 mistenni li jittripplika. Ir-reġjuni attivi fi swieq oħra li għaddejjin minn tkabbir qawwi, bħal tat-tagħmir li jintuża fuq il-baħar, l-enerġija offshore mir-riħ, in-navigazzjoni sportiva u l- cruises , ukoll ser ikomplu jibbenifikaw minn dan it-tkabbir. Il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ prodotti marittimi ġodda avangardisti minn industriji Ewropej, li jista’ jwassal għal swieq dinjija, huwa konsiderevoli wkoll, meta jitqies l-għarfien espert konsiderevoli li l-Ewropa kisbet fit-teknoloġija marittima.

Iżda ħafna minn dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat. Sabiex niksbu tkabbir sostenibbli fl-attivitajiet relatati mal-baħar, huwa essenzjali li jkun hemm viżjoni strateġika aġġornata għall-iżvilupp ta’ trasport marittimu, portijiet u setturi relatati li jkunu kompetittivi u sikuri, filwaqt li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet marittimi ma jipperikolax lill-ekosistemi ta’ l-ibħra.

It-trasport marittimu huwa vitali għall kummerċ internazzjonali u domestiku ta ’ l-Ewropa u jibqa’ s-sinsla tal-grupp marittimu. Madankollu, il-prosperità ta ’ din l-industrija tista ’ tiżdied biss jekk l-Unjoni tibqa' taħdem biex tistabbilixxi livell għoli ta' sikurezza u sigurtà marittima, u b’hekk tgħin fil-ħarsien ta’ ħajjet in-nies u ta’ l-ambjent, fl-istess waqt li tippromwovi kundizzjonijiet ta’ kompetenza ndaqs.

Għalkemm it-trasport marittimu huwa sors inkwetanti ta’ tniġġis ta’ l-arja u ta’ emissjonijiet tal-gass CO2, fir-rigward ta’ l-enerġija, xorta jibqa’ konsiderevolment aktar effiċjenti mit-trasport fuq l-art. Għal din ir-raġuni, u minħabba l-ħtieġa li jitnaqqas l-ammont ta’ trakkijiet mit-toroq iffullati ta’ l-Ewropa, il-Politika Marittima Integrata tiffavorixxi bis-sħiħ il-promozzjoni ta’ trasport marittimu sikur. Il-programmi Komunitarji attwali (TEN-T u MARCO POLO) ser ikomplu jappoġġjaw il-ħolqien tat-Toroq tal-Baħar/Netwerks ta’ Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira. L-iżvilupp futur tat-TEN għandu jikkunsidra wkoll l-użu dejjem akbar ta' l-ibħra fil-qasam ta' l-enerġija.

Minkejja dan, meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport, dak marittimu jinsab fi żvantaġġ. Dan għaliex dawn il-mezzi jgawdu minn investiment pubbliku akbar. Barra minn hekk, bastiment li jivvjaġġa bejn żewġ portijiet fl-UE huwa suġġett għal proċeduri aktar kumplessi u li jieħdu aktar żmien minn dawk applikabbli għal trakk, għaliex s’issa, fl-Ewropa għad ma hemmx suq intern reali għat-trasport marittimu. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu ta’ l-industrija tat-trasport marittimu ta’ l-Ewropa, dan l-iżvantaġġ tat-trasport marittimu fil-konfront ta’ mezzi oħra ta’ trasport jeħtieġ li jiġi eliminat permezz tas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi u doganali għas-servizzi marittimi intrakomunitarji.

- Bl-għan li ttejjeb l-effiċjenza tat-trasport marittimu fl-Ewropa u li tiżgura l-kompetittività tiegħu għal żmien twil, il-Kummissjoni ser:

- tipproponi Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli;

- tipprepara strateġija ta’ trasport marittimu komprensiva għall-perjodu 2008-2018.

Il- portijiet Ewropej huma ħolqa oħra essenzjali fil-katina ta’ loġistika li fuqha tiddependi l-ekonomija Ewropea.

Il-globalizzazzjoni tfisser li aħna qegħdin nesperjenzaw tkabbir fil-kummerċ internazzjonali li qatt ma konna rajna qabel. Minħabba li 90% tal-kummerċ estern ta’ l-Ewropa u kważi 40% tal-kummerċ intern tagħha jgħaddi mill-portijiet tagħha, huwa faċli li wieħed jifhem l-isfida kbira li għandhom il-portijiet Ewropej meta jiffaċċaw iż-żieda kontinwa fid-domanda. Il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw għandha tirrifletti t-tkabbir fil-kummerċ domestiku u internazzjonali ta’ l-Ewropa u sseħħ b’tali mod li tkun kompatibbli ma’ l-għanijiet relatati ta’ politika ta’ l-UE, speċjalment ma’ l-għanijiet ambjentali u kompetittivi tagħha.

- Il-Kummissjoni se:

- tipproponi politika tal-portijiet ġdida, li tqis ir-rwoli multipli tal-portijiet u l-kuntest usa’ tal-loġistika Ewropea;

- tressaq proposti biex jitnaqqsu l-livelli ta’ tniġġis ta’ l-arja mill-bastimenti fil-portijiet, billi jitneħħew l-iżvantaġġi fiskali għall-forniment ta’ elettriku ma’ l-ixtut;

- tippubblika linji ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja rilevanti għall-iżvilupp tal-portijiet.

Il-katina tal-loġistika marittima ta' l-Ewropa teħtieġ ukoll l- industriji tal-bini tal-bastimenti, tiswija u tagħmir tal-baħar avangardisti , u l-Unjoni Ewropea ser tkompli tibni fuq inizjattivi li rnexxew[5] biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ dawn l-industriji u speċjalment tal-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju.

Aktar investiment fir-riċerka u t-teknoloġija marittimi jkun strumentali biex it-tkabbir ekonomiku jibqa’ għaddej mingħajr ma’ jkompli jiggrava d-deterjorament ta’ l-ambjent. Dan l-investiment joħloq opportunitajiet ġodda wkoll. It-teknoloġiji bbażati fuq l-ambjent li jippermettu l-prosperità ta’ l-attivitajiet marittimi, filwaqt li jħarsu l-ambjent ta’ l-ibħra, għandhom jagħtu vantaġġ lill-kummerċ Ewropew, hekk kif ikomplu jogħlew l-istandards dinjija u jiżviluppaw industriji ġodda u promettenti, bħal dawk tal-bijoteknoloġija blu, ta’ l-enerġiji offshore li jiġġeddu, tat-teknoloġija u tagħmir ta’ taħt l-ilma u l-akwakultura ta’ l-ibħra.

It-teknoloġija tippermetti wkoll lill-Ewropa tibbenifika mill-potenzjal sħiħ ta' l-ibħra bħala sors taż-żejt u l-gass[6], kif ukoll ta' l-enerġiji li jiġġeddu, u biex tiffaċilita t-trasport ta' l-enerġija filwaqt li tiddiversika r-rotot tat-trasport ta’ l-enerġija u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-forniment. Is-sitwazzjoni ta’ l-enerġija fl-Ewropa tindika li l-iskop għas-sinerġija bejn il-politika tagħha għall-enerġija u dik marittima ser ikompli jiżdied[7]. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2007[8] dwar Strateġija ta’ l-Enerġija għall-Ewropa irrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar l-użu ta’ l-oċeani u l-ibħra għall-promozzjoni ta’ l-għanijiet ta’ enerġija ta’ l-UE.

L-integrazzjoni u l-kompetittività ta’ l-impriżi fis-settur marittimu jitjiebu ħafna permezz tal-formazzjoni ta’ gruppi multi-settorjali[9] . Dawn il-gruppi huma strumentali biex l-Ewropa tibqa żżomm l-għarfien marittimu tagħha u għalhekk se jkollhom post ċentrali fil-Politika Marittima. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat f’ċentri ta’ eċċellenza marittima joħloq ukoll qafas tajjeb biex l-interazzjonijiet bejn id-diversi industriji u setturi jiġu mifhmuma u maħsuba minn qabel bis-sħiħ.

- Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta’ gruppi multisettorjali u ċentri reġjunali ta’ eċċellenza marittima, u tippromwovi netwerk Ewropej ta’ gruppi marittimi.

L-għan tal-Kummissjoni huwa wkoll li jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta' impjiegi marittimi għaċ-ċittadini Ewropej. It-tnaqqis fl-impjiegi relatati mat-tbaħħir huwa inkwetanti, u jeħtieġ li jitreġġa’ lura, minħabba li l-esperjenza tal-baħħara hija fundamentali anke għall-industriji tal-kosta.

Titjib fil-politiki ta’ l-għażla tal-persunal u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluż tas-saħħa u tas-sikurezza), bl-għajnuna ta’ sforz kollettiv mill-partijiet interessati kollha, flimkien ma’ qafas regolatorju effiċjenti li jqis il-kuntest globali tiegħu, huma kollha neċessarji biex iħajru lill-Ewropej jaħdmu f’dan is-settur. Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ id-djalogu soċjali dwar l-integrazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-ILO dwar l-istandards tax-xogħol marittimu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-Kummissjoni ser tippromwovi wkoll it-tfassil ta’ sistema li toffri, lill-Ewropej, prospetti aqwa u usa’ ta’ karriera fis-settur marittimu. Dan ser jinkludi t-twessigħ ta’ l-ambitu ta’ l-istudji marittimi u t-titjib tal-kapaċitajiet u kwalifikazzjonijiet għall-professjonijiet marittimi.

- Il-Kummissjoni se:

- tivvaluta mill-ġdid, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-imsieħba soċjali, l-esklużjonijiet li jaffetwaw is-setturi marittimi fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol ta’ l-UE[10];

- tippromwovi Ċertifikat ta’ Eċċellenza Marittima.

Minkejja l-isforzi li saru fil-passat, iż-żieda fl-attività ekonomika fil-kosti u l-ibħra ta’ l-Ewropa kienet assoċjata mat-taħsir tal- kwalità ta ’ l-ambjent ta ’ l-ibħra . Il-Kummissjoni diġà proponiet Strateġija Marittima ta’ l-UE li tinkludi Direttiva[11] biex din ix-xejra titwaqqaf u titreġġa’ lura u biex tipprovdi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb status ambjentali tajjeb ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.

L-impatt qawwi li t-tibdil fil-klima jista’ jħalli fir-reġjuni kostali jagħmel din l-isfida aktar iebsa. Il-ħżin tal-karbonju taħt qiegħ il-baħar hija attività innovattiva oħra li għandha potenzjal kbir li ttaffi t-tibdil klimatiku. L-UE għandha tibqa’ minn ta’ quddiem f'din it-teknoloġija, u b’hekk tipprovdi qafas ta' politika koerenti biex dan il-potenzjal jiġi sfruttat bis-sħiħ.

Minħabba f’hekk, huwa neċessarju li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-ambjent, speċjalment tad-Direttiva proposta għal Strateġija għall-Ambjent ta’ l-Ibħra u tad-Direttiva dwar il-Ħabitats[12]. L- acquis tal-Komunità dwar is-sikurezza marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis mill-bastimenti, f’dan ir-rigward, huwa rilevanti wkoll. L-adozzjoni rapida tal-proposti inklużi fit-tielet Pakkett Marittimu għandha tkun kontribut importanti għal dan l- acquis .

- Il-Kummissjoni se:

- tniedi azzjonijiet pilota biex it-tibdil klimatiku jħalli inqas impatt fuq iż-żoni tal-kosta u biex dawn iż-żoni jadattaw aħjar għal dan it-tibdil;

- tappoġġja attivament l-isforzi internazzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja kkawżat mill-bastimenti u, jekk ma jseħħx progress f’dawn l-isforzi, tressaq proposti f'livell Ewropew;

- tappoġġja attivament l-isforzi internazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett tas-serra minn bastimenti, u, jekk ma jseħħx progress f'dawn l-isforzi, tikkunsidra l-għażliet ta’ miżuri ta’ l-UE possibbli f’dan ir-rigward;

- filwaqt li tikkunsidra kif xieraq ix-xogħol li qiegħed isir fil-livell internazzjonali, tressaq proposti biex il-bastimenti li ma għadhomx jintużaw jiġu żarmati b’mod effiċjenti, sikur u ambjentalment sostenibbli.

Il-ġestjoni tas-sajd għandha tagħti aktar kas tal-benessri tal-komunitajiet tal-kosta, ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra u ta’ l-interazzjoni tas-sajd ma’ attivitajiet oħrajn. L-irkupru ta’ l-istokkijiet tal-ħut ser isir b'aktar determinazzjoni, u allura jkun jeħtieġ informazzjoni xjentifika u infurzar tajbin tal-bidla għall-ippjanar multijannwali. Il-Kummissjoni ser tieħu azzjoni biex tiżgura li l-Politika tas-Sajd Komuni tkun tirrifletti l-approċċ, ibbażat fuq l-ekosistema, ta’ l-Istrateġija għall-Ambjent ta’ l-Ibħra, u ser taħdem biex telimina s-sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat mill-ilmijiet tagħha u mill-ibħra internazzjonali.

Il-ġestjoni ta’ l-istokkijiet tal-ħut b’Rendiment Sostenibbli Massimu għandha toffri futur aħjar għall-komunità tas-sajd Ewropea u tiżgura l-kontribut tagħha għas-sigurtà ta’ l-ikel ta’ l-Ewropa; dan għandu jintlaħaq sa l-2015, kif mistenni minn impenji internazzjonali.

Jeħtieġ ukoll li t-titjib tas-sikurezza tas-sajjied fuq ix-xogħol jiġi indirizzat fil-kuntest usa’ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol marittimi u tal-politika soċjali, u li l-esperjenza u l-għarfien tas-sajjieda dwar il-baħar jiġu utilizzati f’isem is-soċjetà b’mod ġenerali.

It-tkabbir ta’ l-akwakultura biex ilaħħaq mad-domanda dinjija għall-frott tal-baħar, li dejjem qed tiżdied, għandu jsir fl-ambitu ta’ qafas regolatorju li jħajjar l-intraprenditorja u l-innovazzjoni u jiżgura l-konformità ma’ standards ambjentali u ta’ saħħa pubblika għoljin.

- Il-Kummissjoni se:

- tieħu miżuri sodi għall-eliminazzjoni ta’ skart[13] u ta’ prassi tas-sajd li jagħmlu l-ħsara, bħas-sajd bit-tkarkir mal-qiegħ f’ħabitats sensittivi ta’ ibħra internazzjonali[14];

- tieħu miżuri sodi għall-eliminazzjoni tas-sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (IUU) [15];

- tippromwovi l-iżvilupp ta’ industrija ta’ l-akwakultura fl-Ewropa, li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

4.2. Il-ħolqien ta’ bażi ta’ għarfien u innovazzjoni għall-politika marittima

Ix-xjenza ta’ l-ibħra, it-teknoloġija u r-riċerka huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ attivitajiet marbuta mal-baħar.

Billi jgħinuna nifhmu aħjar l-impatt li l-attivitajiet tal-bniedem iħallu fuq is-sistemi ta’ l-ibħra, ir-riċerka xjentifika u t-teknoloġija jindikaw kif għandna nisseparaw l-iżvilupp ta’ attivitajiet marbuta mal-baħar mit-taħsir ta' l-ambjent.

It-tisħiħ ta’ l-approċċ interdixxiplinarju għax-xjenza ta’ l-ibħra jista’ jgħina nifhmu aħjar l-interazzjonijiet bejn l-attivitajiet marittimi, u għalhekk, għandu jkun komponent indispensabbli tal-politika marittima integrata. Huwa kruċjali wkoll biex inbassru u ntaffu l-effetti tat-tibdil klimatiku kemm jista' jkun.

Ir-riċerka marittima u ta’ l-ibħra tqum ħafna flus: ma hemmx lok għall-ineffiċjenza. Biex l-Ewropa tagħmel l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi tagħha, jeħtieġ li titfassal strateġija ċara li torbot il-prijoritajiet politiċi ma’ dawk tar-riċerka, tindirizza l-isfidi intersettorjali, toħloq l-akbar sinerġiji possibbli bejn l-isforzi ta’ l-Istat Membru u l-Komunità, tevita x-xogħol doppju u ttejjeb id-djalogu bejn l-atturi interessati. L-Ewropa jeħtiġilha wkoll li tesplora kif ir-riċerka tista' tikkontribwixxi aktar għall-innovazzjoni u kif l-għarfien u l-kapaċitajiet jistgħu jinbidlu fi prodotti u servizzi industrijali b’mod aktar effiċjenti.

L-iżvilupp tan-Netwerk għall-Osservazzjoni u d-Dejta ta’ l-Ibħra[16] ser ikun għodda importanti għal din l-istrateġija.

- Il-Kummissjoni se:

- tippreżenta Strateġija Ewropea għar-Riċerka Marittima u ta’ l-Ibħra, fl-2008;

- tniedi sejħiet trasversali konġunti, u konformi mas-7 Programm Kwadru għar-Riċerka, biex tippromwovi approċċ integrat u ttejjeb il-fehim ta’ kwistjonijiet marittimi;

- tappoġġja r-riċerka biex l-effetti tat-tibdil klimatiku fuq l-attivitajiet marittimi, l-ambjent ta’ l-ibħra, iż-żoni tal-kosta u l-gżejjer ikunu jistgħu jitbassru u jitaffew aħjar u jiġu adattati b’inqas dannu.

- Tappoġġja l-ħolqien ta’ partnerjat Ewropew tax-xjenza ta’ l-ibħra għal djalogu bejn il-komunità xjentifika, l-industrija u dawk li jfasslu l-politika.

4.3. L-Aħjar Kwalità tal-Ħajja fir-Reġjuni tal-Kosta

Iż-żieda fil-popolazzjoni fir- reġjuni tal-kosta u l-gżejjer f’dawn l-aħħar għaxar snin kienet id-doppju tal-medja ta’ l-UE. Il-komunitajiet tal-kosta huma wkoll id-destinazzjoni tal-biċċa l-kbira tat-turisti fl-Ewropa; għalhekk, f’dawn ir-reġjuni, il-ħtieġa ta' rikonċiljazzjoni bejn l-iżvilupp ekonomiku, is-sostenibbiltà ambjentali u l-kwalità tal-ħajja hija kbira ħafna.

L-awtoritajiet reġjunali u l-komunitajiet tal-kosta għandhom rwol importanti xi jwettqu fir-regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet tal-kosta u dawk marittimi. Għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni, ir-reġjuni tal-kosta u n-netwerks tagħhom huma soċji importanti fl-iżvilupp tal-Politika Marittima Integrata ta’ l-UE.

Minħabba l-portijiet u l-industriji marittimi tagħhom, dawn ir-reġjuni għandhom importanza strateġika għall-Ewropa. Huma joffru servizzi importanti għaż-żoni interni tal-pajjiż u jservu ta’ bażi għall-għassa tal-fruntieri tal-baħar u l-ilmijiet tal-kosta. Id-domanda konsegwenti fuq l-infrastruttura hija waħda konsiderevoli u għalhekk, meta jiġu allokati r-riżorsi tal-Komunità, din id-domanda għandha tiġi kkunsidrata. It-tibdil klimatiku jolqot ir-reġjuni tal-kosta b’mod partikolari, u l-ġestjoni tar-riskju tista’ tħalli impatt drammatiku fuq il-baġit u l-ekonomija tagħhom.

Il-baħar huwa element determinanti għat-turiżmu marittimu u tal-kosta, li kien katalista ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku taż-żoni tal-kosta Ewropej. Il-Kummissjoni ser taħdem aktar mal-partijiet interessati fl-iżvilupp ta’ politika sostenibbli tat-turiżmu li tqis aktar it-turiżmu marittimu u tal-kosta.

Is-sorsi ta’ finanzjament huma disponibbli, iżda l-partijiet interessati jaħsbu li għad ma għandhomx biżżejjed aċċess għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni ser taħdem, bil-mezzi li jagħtuha l-istrumenti kollha ta’ finanzjament Komunitarju, biex ittejjeb l-appoġġ għal proġetti marittimi fir-reġjuni tal-kosta u l-gżejjer kemm jista’ jkun.

Il-ħtieġa għal dejta soċjoekonomika aħjar dwar is-setturi marittimi u r-reġjuni tal-kosta tinħass ħafna wkoll, għaliex id-diffikultajiet biex tinkiseb din l-informazzjoni qed jillimitaw il-kapaċità tal-partijiet interessati reġjunali fl-iżvilupp ta’ pjanijiet u investimenti razzjonali għal żmien twil.

Il-kollaborazzjoni interreġjunali hija essenzjali wkoll għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-kosta Ewropej, b’kunsiderazzjoni għad-diversità u speċifiċitajiet tagħhom. B’konsegwenza, il-Kummissjoni ser tisfrutta bis-sħiħ il-Programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali biex tappoġġja l-iżvilupp marittimu interreġjunali.

Ir-reġjuni u l-gżejjer l-aktar imbiegħda jbatu minn żvantaġġi ekonomiċi, iżda jgawdu minn potenzjal qawwi fl-attivitajiet marittimi u fir-riċerka dwar l-ibħra. Iż-żoni marittimi kbar tagħhom joffru servizzi ta' ekosistema ta' interess konsiderevoli għall-Unjoni. Il-Kummissjoni ser tippromwovi, fl-ambitu tal-qafas tal-Komunikazzjoni reċenti dwar ir-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda ta’ l-UE, kemm l-iżvilupp tal-potenzjal marittimu tagħhom kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom mal-ġirien reġjunali.

- Il-Kummissjoni se:

- fl-inizjattiva li jmiss għat-turiżmu, tippromwovi it-turiżmu fil-kosti u dak marittimu;

- tipprepara database dwar il-finanzjament Komunitarju disponibbli għall-proġetti marittimi u r-reġjuni tal-kosta, u sa l-2009 ser tiżviluppa database dwar dejta soċjoekonomika għas-setturi marittimi u r-reġjuni tal-kosta;

- tipproponi Strateġija Komunitarja għall-Prevenzjoni ta’ Diżastri li tindika b’mod ċar ir-riskji li r-reġjuni tal-kosta huma esposti għalihom;

- tippromwovi l-iżvilupp tal-potenzjal marittimu tar-reġjuni u l-gżejjer l-aktar imbiegħda.

4.4. Il-Promozzjoni tal-pożizzjoni minn ta’ quddiem ta’ l-Ewropa fi Kwistjonijiet Marittimi Internazzjonali

L-UE ser taħdem għal governanza internazzjonali aktar effiċjenti tal-kwistjonijiet marittimi u għal infurzar effettiv tal-liġi marittima internazzjonali, filwaqt li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw l-istrumenti rilevanti. Ser tippromwovi l-koordinazzjoni ta’ l-interessi Ewropej f’fora internazzjonali importanti.

L-aċċess għal swieq internazzjonali lill-industriji u servizzi marittimi Ewropej, l-isfruttament xjentifiku u kummerċjali sostenibbli ta’ l-ibħra internazzjonali, il-protezzjoni tal-bijodiversita ta’ l-ibħra dinjija, it-titjib fis-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tnaqqis fit-tniġġis mill-bastimenti u l-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fl-ilmijiet internazzjonali ser ikunu l-prijoritajiet esterni għall-Politika Marittima Integrata ta' l-Unjoni.

Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tat-tibdil klimatiku. F’dan il-kuntest, fl-2008, il-Kummissjoni ser tippreżenta rapport dwar kwistjonijiet strateġiċi relatati ma’ l-Oċean Artiku.

Il-kwistjonijiet marittimi ser ikunu suġġett regolari fid-diskussjonijiet ma’ l-imsieħba ta’ l-UE li diġà ħadu miżuri lejn approċċ marittimu integrat, bħall-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, in-Norveġja u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, kif ukoll ma’ imsieħba oħra, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u r-Russja.

L-UE ser tiżviluppa wkoll responsabbiltà konġunta fir-rigward ta’ l-ibħra li hija taqsam ma’ l-eqreb pajjiżi ġirien tagħha. B’mod partikolari, l-UE ser tressaq proposti għal aktar kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-Baħar Mediterran u dak Baltiku. Hija ser tippromwovi l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet marittimi fl-ambitu tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tal-politika ta’ relazzjonijiet esterni tagħha u tintroduċi l-kwistjonijiet marittimi fl-aġenda ta’ l-UE ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, fosthom, stati li qed jiżviluppaw ta’ gżejjer żgħar. F’dan il-kuntest, hija ser tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità fis-settur tal-politika marittima u tal-liġi tal-baħar f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-Kummissjoni ser tipproponi Ftehim ta’ Implimentazzjoni ta’ l-UNCLOS[17] dwar il-bijodiversità ta’ l-ibħra f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali u ser taħdem għal konklużjoni pożittiva ta' negozjati internazzjonali dwar iż-Żoni Marittimi Protetti fl-ibħra internazzjonali.

- Il-Kummissjoni se:

- tippromwovi l-kooperazzjoni fl-ambitu tal-Politika tat-Tkabbir u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, biex tkopri l-kwistjonijiet ta’ politika marittima u tal-ġestjoni ta’ l-ibħra li hija taqsam ma’ pajjiżi oħrajn;

- tipproponi strateġija għall-projezzjoni esterna tal-Politika Marittima ta’ l-Unjoni permezz ta’ djalogu strutturat ma’ l-imsieħba ewlenin.

4.5. Titjib tal-Viżibbiltà ta’ l-Ewropa Marittima

Il-partijiet interessati esprimew b’mod ċar il-fehma tagħhom li l-proċess ta’ żvilupp tal-Politika Marittima ta’ l-UE kien utli biex jitrawwem l-għarfien pubbliku dwar il-valur ta’ l-ekonomija u wirt marittimi, u li dan il-proċess qed jiġġenera bejniethom sens ta’ għan u identità komuni.

Politika Marittima Integrata għandha timmira li żżid il-viżibbiltà ta’ l-Ewropa Marittima, u li ttejjeb l-immaġni ta' l-attivitajiet marittimi u tal-professjonijiet tat-tbaħħir.

Għandha tippromwovi wkoll il- patrimonju marittimu ta ’ l-Ewropa , filwaqt li tappoġġja l-komunitajiet marittimi, inkluż il-bliet tal-portijiet u l-komunitajiet tradizzjonali tas-sajd, l-għodda u l-kapaċitajiet tradizzjonali tagħhom, u tippromwovi r-rabtiet bejniethom li jżidu l-għarfien u l-viżibbiltà tagħhom.

- Il-Kummissjoni se:

- tniedi Atlas Ewropew ta’ l-Ibħra bħala għodda edukattiva u bħala mezz li juri l-patrimonju marittimu komuni tagħna;

- tipproponi li mill-2008, jiġi ċċelebrat Jum Marittimu Ewropew kull sena, li jżid il-viżibbiltà tal-kwistjonijiet marittimi u jippromwovi rabtiet bejn organizzazzjonijiet tal-patrimonju marittimu, mużewijiet u akkwarji.

5. KONKLUżJONI

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007 laqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu wiesa’ fl-Ewropa, dwar il-Politika Marittima futura. Il-Kapijiet ta’ Stat u l-Gvernijiet stiednu lilll-Kummissjoni biex f’Ottubru tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew. B’kunsiderazzjoni għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jesplora l-potenzjal kollu ta’ l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-baħar b’mod li jkun ambjentalment sostenibbli.

Il-Kummissjoni qegħdha tirrispondi għal din it-talba tal-Kunsill Ewropew permezz ta’ din il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni mehmuż magħha, b’kunsiderazzjoni għall-opinjonijiet espressi mill-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri, il-Parlamenti u minn għadd kbir ta' partijiet interessati.[18]

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewopew, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjunali u lill-partijiet interessati l-oħra biex jirreaġixxu b’mod proattiv għal din il-politika.

[1] Ara r-Rapport dwar il-proċess ta’ Konsultazzjoni KUMM(2007) 574. Ara wkoll: Green Paper dwar Politika Marittima Futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea ta’ l-Oċeani u l-Ibħra. KUMM(2006) 275.

[2] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta fl-Ewropa (2002/413/KE).

[3] Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent tal-Baħar (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima - KUMM(2005) 505).

[4] Bini, inter alia , fuq l-inizjattiva GMES.

[5] Bħall- Waterborne Platform u LeaderShip 2015 .

[6] Skond l-OGP, 40% taż-żejt u 60% tal-gass ikkunsmati fl-Ewropa attwalment jiġu minn impjanti offshore .

[7] Ara d-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni intitolat " Energy policy and maritime policy: ensuring a better fit".

[8] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew: Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa KUMM(2007) 1.

[9] Ara d-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

[10] Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rivalutazzjoni tal-qafas regolatorju soċjali għal aktar xogħol ta’ tbaħħir aħjar fl-UE [traduzzjoni mhux uffiċċjali] KUMM(2007) 591.

[11] KUMM(2005) 504 u KUMM(2005) 505.

[12] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

[13] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta’ ħut fis-sajd Ewropew KUMM(2007) 136.

[14] Il-Komunikazzjoni u l-proposta għar-Regolament huma mistennija li jsiru fis-17 ta’ Ottubru.

[15] Il-Komunikazzjoni u l-proposta għar-Regolament huma mistennija li jsiru fis-17 ta’ Ottubru.

[16] Ara t-Taqsima 3.2.3.

[17] Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

[18] Għad-dettalji, ara l-Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea, KUMM(2007) 574 ta’ l-10.10.2007.