[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.9.2007 KUMM(2007) 541 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa:L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti 1. Introduzzjoni Servizzi tat-trasport effiċjenti huma kruċjali għall-kompetittività ta' l-industrija Ewropea. Minkejja li huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir, it-trasport jġib miegħu piżijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. L-ispejjeż ambjentali tat-trasport, pereżempju, huma stmati għal 1.1% tal-PGD ta' l-Ewropa[1]. Il-konġestjoni tat-toroq tkompli tikber u tikkawża telf ta' 1% aktar tal-PGD. Fil-qasam tas-Sikurezza tat-Toroq, il-mira ambizzjuża ta' l-Ewropa li l-imwiet jitnaqqsu b'50% sa l-2010 minn kif kienu fl-2001, ġiet introdotta fil- White Paper dwar il-Politika tat-Trasport [2] . Sadanittant, is-sikurezza tjiebet konsiderevolment; Madankollu b'41,600 mewt, aktar minn 4000 'il fuq mill-mira ffissata mill- White Paper, u 1.7 miljun midruba fl-2005[3], il-qagħda hija inaċċettabbli. F'Jannar 2007, il-Kummissjoni pproponiet pakkett integrat ta' l-enerġija u l-klima b'miri fir-rigward ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-enerġija li tiġġedded biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Fuq din il-bażi, fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007, il-kapijiet ta' l-istati u l-gvernijiet ta' l-UE, iffissaw il-mira soda li sa l-2020 jitnaqqsu 20% ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE[4], mira appoġġata mis-Samit tal-G8, li f'Lulju 2007, taħt il-Presidenza Ġermaniża, enfasizza l-urġenza li jiġi miġġieled it-tibdil tal-klima. Fir-rigward tat-trasport bit-triq, l-għan tal-Kummissjoni kien li tilħaq medja ta' emissjonijiet ta' CO2 ta'120g /km għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi ta' użu normali sa l-2012. Dan se jsir permezz ta' approċċ integrat fejn l-emissjonijiet tad-CO2 ta' 130g/km għandhom jinkisbu permezz ta' teknoloġija ġdida tal-vetturi motorizzati u l-10 grammi li jifdal permezz ta' miżuri teknoloġiċi oħra u aktar użu ta' bijofjuwils[5]. Is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) iżidu t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ma' l-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi. Huma maħsuba għall-ġestjoni ta' fatturi li tipikament m'għandhom l-ebda rabta bejniethom bħal vetturi, tagħbijiet u rotot biex tittejjeb is-sikurezza u jitnaqqsu l-konġestjoni tal-vetturi, il-ħinijiet tat-trasport u l-konsum tal-fjuwil. Il-kontribut potenzjali ta' l-ICT u s-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) huwa enfasizzat fl-Istudju ta' Nofs Triq dwar il- White Paper dwar il-Politika tat-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika ta' l-Enerġija[6]. L-ICT huma parti mill-Approċċ Integrat, kemm fis-sikurezza tat-triq kif ukoll mobilità aktar nadifa, immirati biex jilħqu l-għanijiet permezz ta' miżuri li jikkomplementaw u jintegraw dawk eżistenti. F'dan il-kuntest, ir-reviżjoni ta' l-2006 tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport " Inżomma l-Ewropa Miexja" tagħti l-impenn li ġej għall-2008. 'Tnedija ta' programm kbir biex is-sistemi intelliġenti tat-trasport bit-triq jinġiebu lejn is-suq u l-infrastruttura titħejja għal sistemi kooperattivi.' Peress li tentattivi preċedenti għall-aċċelerazzjoni tal-mobilitazzjoni ta' l-ITS kellhom ambitu limitat u ma wasslux għar-riżultati mistennija, infetħet inizjattiva kbira mmexxija mill-KE, abbażi ta' strateġija ta' politika ħolistika, immirata lejn il-pubblikazzjoni ta' Rotta għall-bidu ta' mobilitazzjoni ta' l-ITS li tintegra l-vettura intelliġenti u l-infrastruttura intelliġenti fis-sajf ta' l-2008. Konsultazzjoni speċifika mal-partijiet interessati hija maħsuba biex tibda fil-ħarifa ta' din is-sena. Din ir-rotta għall-ġejjieni għandha ssejjes fuq ix-xogħol magħmul fl-Inizjattiva tal-Karozza Intelliġenti i2010 għall-vetturi intelliġenti. Għadd ta' elementi fil-qasam tal-vetturi intelliġenti qed jiġu indirizzati mill-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti[7], li tnediet fl-2006 bħala qafas ta' politika għal azzjonijiet tal-Kummissjoni u partijiet interessati oħra f'dan il-qasam. Din l-inizjattiva u tibni fuq ICT avvanzat biex it-trasport bit-triq isir aktar sikur, aktar nadif u aktar intelliġenti. L-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti hija proġett minn ta' quddiem fl-i2010[8], li huwa l-qafas ta' politika strateġika tal-Kummissjoni għas-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-midja fis-snin li ġejjin, sa l-2010. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Karozzi Intelliġenti pproponiet tnax-il azzjoni speċifika fi tliet oqsma, imsejħa pilastri: Il-koordinazzjoni u l-appoġġ tax-xogħol tal-partijiet interessati rilevanti permezz tal-Forum għas-Sikurezza-e, ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (R&D) u azzjonijiet għat-tixrid ta' l-Għarfien. Dawn l-azzjonijiet huma mmirati lejn l-iżvilupp u l-mobilitazzjoni ta' Sistemi ta' Vetturi Intelliġenti bbażati fuq l-ICT fl-Ewropa. Sar ukoll progress konsiderevoli fit-tliet oqsma kollha, u l-Inizjattiva tal-Karozzi Intelliġenti diġà hija inizjattiva ta' referenza fl-Ewropa u rikonoxxuta internazzjonalment. Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-progress f'dawn l-azzjonijiet, tipproponi miżuri ġodda u tfittex appoġġ ulterjuri ta' l-Istati Membri u l-Industrija mill-implimentazzjoni minnufih tagħhom, li jikkomplementaw l-aspetti l-oħra ta' l-approċċ integrat biex jinkisbu l-għanijiet tas-sikurezza u dawk ambjentali, notevolment miżuri marbuta ma' l-infrastruttura u l-imġiba tas-sewwieqa. 2. Il-progress lejn vetturi aktar sikuri, aktar indaf u aktar intelliġenti fl-Ewropa Is-Sistemi tal-Vetturi Intelliġenti li diġà huma disponibbli llum jistgħu jwasslu għal tnaqqis ulterjuri fl-għadd ta' mwiet, tnaqqis importanti tal-konġestjoni fl-ibliet u l-konnessjonijiet bejniethom kif ukoll tnaqqis sinifikanti ta' l-emissjonijiet li jniġġsu u gassijiet b'effett ta' serra. L-Inizjattiva tal-Karozzi Intelliġenti se tkompli tuża t-tliet pilastri biex tappoġġa l-mobilitazzjoni tat-trasport intelliġenti fl-Ewropa. 2.1. Lejn Vetturi aktar Sikuri 2.1.1 Ftuħ fuq skala kbira ta' l-eCall panEwropea sa l-2010 Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Forum dwar is-Sikurezza-e[9] huwa l-ftuħ fuq skala kbira ta' l-eCall (is-sistema panEwropea għas-sejħiet ta' emerġenza minn ġewwa l-vetturi) sa l-2010. F'każ ta' inċident, is-sistema eCall awtomatikament tikkuntattja lis-servizzi ta' emerġenza u tipprovdihom bil-post eżatt tal-vettura, kif ukoll informazzjoni oħra dwar l-inċident u l-okkupanti tal-vettura. Meta tkun kompletament operattiva l-eCall tista' ssalva sa 2,500 ħajja kull sena fl-Ewropa. Il-Parlament Ewropew appoġġa bis-sħiħ l-eCall[10], u talab lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu immedjatament il-passi meħtieġa biex jimplimentaw l-eCall, fosthom l-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim (MoU) dwar l-eCall. L-iffirmar tal-MoU huwa volontarju u dan ifisser impenn ċar u appoġġ għall-implimentazzjoni f'waqtha ta' l-eCall. Disa' Stati Membri u tliet Stati Assoċjati iffirmaw il-MoU[11] filwaqt li oħrajn qed jippreparaw biex jiffirmaw. Fid-dawl ta' l-impenn ta' l-Istati Membri għall-eCall, il-Kummissjoni se tiftaħ in-negozjati dwar il-ftehim volontarju dwar l-inklużjoni ta' l-eCall bħala opzjoni standard fil-vetturi ġodda kollha mill-2010 fit-tieni semestru ta' l-2007. L-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-MoU għandhom jieħdu l-passi immedjati biex jagħmlu dan. Skond il-progress, jistgħu ikunu previsti passi regolatorji xierqa dwar l-implimentazzjoni ta' l-eCall fl-2008. Il-Grupp Diriġenti eCall[12], adotta r-rakkomandazzjonijiet finali, li ġew approvati f'Mejju 2006 mill-Forum dwar is-Sikurezza-e u inkluda r-rekwiżiti għall-istandardizzazzjoni ta' l-eCall. Il-progress fl-ETSI[13], madankollu, kien bil-mod ħafna minħabba l-proposta ta' soluzzjoni xierqa bħala alternattiva għal standard miftuħ Ewropew. L-akkuratezza meħtieġa ta' l-informazzjoni dwar il-lokazzjoni u l-kopertura meħtieġa timplika l-użu tas-Servizz Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS), permezz tal-GPS u fil-futur qrib, is-Sistema ta' Navigazzjoni bis-Satellita Galileo[14], se se toffri saħansitra akkuratezza u disponibbiltà akbar. 2.1.2. Disponibbiltà akbar ta' l-ESC f'karozzi ġodda Il-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbiltà (ESC) huwa teknoloġija għas-sikurezza tal-vetturi li jista' jevita l-ħbit billi jnaqqas il-periklu miż-żliq, li huwa l-kawża ewlenija ta' għallinqas 40% ta' l-inċidenti tat-traffiku fatali. Skond il-EuroNCAP[15], kull sena nistgħu insalvaw 4,000 ħajja fuq it-toroq Ewropej jekk il-karozzi kollha jkollhom il-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbiltà u 100,000 inċident serju jkunu jistgħu jiġu evitati[16]. L-isfida attwali fl-Ewropa hija li d-disponibbiltà ta' l-ESC (f'karozzi ġodda għadu baxx, 40% fl-UE-25 fl-2005 u jvarja ferm minn suq għall-ieħor minħabba l-istrateġiji kummerċjali differenti fost il-manifatturi u l-appoġġ varjat mill-awtoritajiet (85% fl-Iżvezja u 31% fl-Italja). Meta l-ESC huwa offert fuq għażla għal karozza ġdida, kemm-il darba jiġi inkluż ma' għażliet addizzjonali u għoljin. Din il-prassi kummerċjali li tintuża minn bosta produtturi tal-karozzi għandha t-tendenza li xxekkel l-adozzjoni ta' l-ESC għal karozzi ġodda. Fl-Istati Uniti, in- ipproponiet regolament f'Settembru 2006 li kellu jesiġi li l-produtturi kollha jibdew jattrezzaw il-vetturi tal-passiġġieri bl-ESC, għall-mudelli mis-sena 2009 'il quddiem. Għall-mudelli tas-sena 2012, l-ESC ikun mandatorju fuq il-karozzi ġodda kollha għas-suq ta' l-Istati Uniti. Fl-Ewropa, il-mira hija li tinkiseb disponibbiltà ta' 100% ta' l-ESC, ukoll għall-mudelli tas-sena 2012. Sa issa l-Ewropa pproponiet approċċ volontarju, li jindirizza speċifikament id-domanda ta' l-utenti bħala triq aktar mgħaġġla lejn is-suq. Ftehim internazzjonali dwar Regolament Tekniku Globali, inklużi r-rekwiżiti tekniċi ta' l-ESC qed jiġi negozjat ma' l-Istati Uniti bħala fażi ta' tħejjija għall- istallazzjoni ta' l-ESC f'karozzi ġodda għall-passiġġieri. Fir-rigward tal-vetturi tqal , hemm proposta biex id-dispożizzjonijiet għall-ESC jiġu implimentati fir-Regolament 13 UNECE[17], li x'aktarx jidħol fis-seħħ fil-ħarifa 2008. eSafetyAware![18] hija pjattaforma ta' komunikazzjoni li tfittex li taċċellera l-introduzzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ta' karozzi intelliġenti billi jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni u avvenimenti għall-utenti aħħarin. Hija forum ta' membri indipendenti, ppresjeduta mill-Fondazzjoni FIA[19] u sponsorizzata parzjalment mill-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel kampanja ta' l-eSafetyAware!, għaddejja bħalissa, tirrigwarda l-ESC. Il-ftuħ tuffiċjali tal-kampanja kien seħħ f'Mejju 2007. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni, fl-2007 se tniedi konsultazzjoni bl-internet dwar kif jista' jkun disponibbli b'rata aktar mgħaġġla, l-ESC fuq firxa wiesgħa ta' vetturi, inkluż it-tagħmir mandatorju tiegħu. 2.1.3 Adozzjoni aktar mgħaġġla tas-sistemi għall-evitar ta' l-inċidenti (ADAS) L-ICTs huma l-komponenti ewlenin tas-sistemi preventivi u attivi tas-sikurezza, li jipprovdu għajnuna fil-ħin reali lis-sewwieq biex l-inċidenti jkunu jistgħu jiġu evitati, u l-konsegwenzi tagħhom mitigati. Pereżempju, studju reċenti ssuġġerixxa li jekk sewwieq tal-karozzi tal-passiġġieri jkollhom ħin ta' twissja ta' nofs sekonda aktar, madwar 60% tal-ħabtiet minn wara jistgħu jiġu evitati. Sekonda żejda ta' twissija tista' tevita madwar 90% tal-ħabtiet minn wara. Studju bbażat fuq simulatur mill-istess manifattur[20] irrapporta li ħabtiet minn wara b'veloċità ta' 80 km fis-siegħa setgħu jitnaqqsu b'75% b'teknoloġija tal-"brake assist"[21] u għall-evitar tal-ħabtiet. Il-Kummissjoni se tikkonsulta dwar proposta għall-attrezzar mandatorju ta' sistemi li jikkombinaw it-teknoloġija tal-"brake assist" ma' dik għall-evitar tal-ħabtiet fl-2007. Sistemi għal viżjoni mtejba[22] li jinkludu fanali adattivi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu 30% tal-fatalitajiet tan-nies mexjin u 15% taċ-ċiklisti, skond studju li sar fl-Iżvezja[23]. Minkejja dan il-potenzjal kbir, ir-riżultati tal-Forum tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Rotot lejn is-Sikurezza-e[24], u r-riżultati preliminari tal-proġett eIMPACT[25] jindikaw li jekk ma jsir xejn ir-rati ta' penetrazzjoni għas-sistemi u l-applikazzjonijiet tal-karozzi intelliġenti jkunu baxxi ħafna fil-konfront tal-potenzjal li għandhom biex isalvaw il-ħajjiet.. Il-Forum dwar is-Sikurezza-e adotta rakkomandazzjonijiet lill-partijiet interessati kollha għall-aċċelerazzjoni ta' l-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji għall-evitar ta' l-inċidenti u għandhom jippromwovu attivament l-iżvilupp ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet lejn pjan realistiku għat-tnedija sa tmiem l-2008. 2.1.4 It-tneħħija ta' ostakli fl-implimentazzjoni fis-suq Avveniment ewlieni ta' l-ewwel pilastur tal-Karozza Intelliġenti fl-2007 kien il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sikurezza-e, organizzat mill-Presidenza Ġermaniża f'Berlin fil-5-6 ta' Ġunju. Il-Konklużjonijiet ta' dan il-Grupp ta' Ħidma jagħtu tagħlim siewi fl-implimentazzjoni tas-servizzi fuq livell Ewropew ta' Informazzjoni fil-Ħin Reali dwar it-Traffiku u l-Ivjaġġar (RTTI) u l-eCall, u fl-indirizzar ta' l-Interazzjoni bejn il-Bnedmin u l-Magni (HMI) u kwistjonijiet legali[26]. Il-Forum dwar is-Sikurezza-e u l-Kodiċi ta' Prattika Ewropew għall-iżvilupp u t-testjar ta' Sistemi Avvanzati ta' Għajnuna għas-Sewwieqa (ADAS) prodotti mir-RESPONSE[27]. L-ADAS jappoġġaw lis-sewwieqa u jistgħu jgħinu biex jiġu evitati l-inċidenti jew jiġu mitigati l-konsegwenzi tagħhom. Sfortunatament, diversi ostakli ġuridiċi bħar-responsabbiltà qed ixekklu l-adozzjoni ta' dawn is-sistemi. Il-proġett RESPONSE, ipproduċa Kodiċi ta' Prattika għal introduzzjoni mgħaġġla ta' l-ADAS fis-suq. Dan għandu jgħin lill-manufatturi jintroduċu applikazzjonijiet ġodda ta' sikurezza permezz ta' perspettiva integrata fir-rigward ta' aspetti umani, sistemiċi u ġuridiċi. Il-Kodiċi ta' Prattika huwa fil-proċess ta' l-adozzjoni mill-industrija tal-karozzi. Il- privatezza tad-data trid tkun indirizzata kif jixraq sabiex jiġi żgurat li l-utenti jafdaw is-sistemi telematiċi abbord il-vetturi. Il-Kummissjoni organizzat grupp ta' ħidma ma' l-uffiċjali Ewropej għall-protezzjoni tad-data fi Frar 2007. Abbażi tal-grupp ta' ħidma, il-Forum dwar is-Sikurezza-e se jħejji kodiċi ta' prattika fl-2007. Il-Forum dwar is-Sikurezza-e stabilixxa Grupp ta' Ħidma ġdid dwar is-Sigurtà-e f'Jannar 2007, biex jinvestiga l-ħtiġijiet tas-sigurtà tas-sistemi ta' kontroll abbord il-vetturi. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi rakkomandazzjonijiet rigward il-ħtiġijiet ta' riċerka f'netwerks, arkitettura, sistemi u komponenti u l-interazzjoni bejniethom u biex jinvestiga d-dispożizzjonijiet legali u l-ħtiġijiet ta' standardizzar. L-ewwel Komunikazzjoni dwar il-Karozzi Intelliġenti semmiet l- inċentivi bħala mezz possibbli għal mobilitazzjoni aktar mgħaġġla tas-sistemi tal-vetturi intelliġenti. Fir-rapport tagħhom dwar l-Istudju ta' Nofs Triq tal-Programm ta' Azzjoni Ewropew rigward is-Sikurezza fit-Toroq[28], il-Parlament Ewropew jappella lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-inċentivi ma jkunux limitati biss lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet iżda wkoll ikopru l-fatturi tas-sikurezza tal-vetturi. Il-Forum dwar is-Sikurezza-e investiga l-possibbiltà li jintroduċi skemi ta' inċentivi fuq il-livell nazzjonali b'appoġġ għax-xiri ta' vetturi mgħammra b'funzjonijiet ta' sikurezza avvanzati. Dan ix-xogħol juri li l-introduzzjoni ta' inċentivi ta' taxxa fuq il-livell nazzjonali hija possibbli, f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, u li din tista' tgħaġġel l-implimentazzjoni tas-suq ta' dawn it-teknoloġiji li jsalvaw il-ħajja. Fid-dawl tal-potenzjal kbir ta' skemi bħal dawn, il-Kummissjoni se tinvestiga proposti konkreti għall-implimentazzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-rotta għall-mobilitazzjoni ta' l-ITS. Sa issa id-dimostrazzjonijiet intużaw biex tiġi ttestjata l-imġiba teknika u funzjonali tas-sistemi bbażati fl-ICT iżda kemm-il darba dawn kienu ristretti u fuq skala limitata. Hija meħtieġa analiża u valutazzjoni f'ambjent reali b'sewwieqa normali għal perjodu ta' żmien li jippermetti l-ġbir u l-ipproċessar tad-data b'mod statistikament affidabbli. Din hija l-idea tal- Kontrolli Operattivi fit-Triq , FOTs. Ix-xogħol fuq l-FOTs beda bl-ewwel sejħa ta' l-FP7 għaż-żieda fl-FOTs, u se jitkompla fis-sejħiet li se jsiru 'l quddiem. Huwa maħsub li waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-penetrazzjoni bil-mod tas-Sistemi tal-Vetturi Intelliġenti hija n-nuqqas tad-domanda min-naħa tal-konsumaturi. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ il- pilastru ta' l-għarfien dwar il-Karozza Intelliġenti billi taħdem ma' l-eSafetyAware! f'kampanji fil-ġejjieni, billi twaqqaf portal web apposta u billi tippromwovi l-produzzjoni ta' dokumentarji mmirati u azzjonijiet oħra għat-titjib ta' l-għarfien permezz ta' strumenti xierqa ta' appoġġ fl-FP7. AZZJONIJIET GĦAL VETTURI AKTAR SIKURI: 1. L-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Memorandum ta' Ftehim għall-eCall għandhom ilestu l-proċess ta' ffirmar sa tmiem l-2007. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu testijiet sperimentali fuq l-eCall fil-perjodu 2007-2009, u jaġġornaw l-infrastruttura tas-salvataġġ ta' emerġenza biex dan ikun jista' jieħu ħsieb l-eCalls sa l-2010. 3. L-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni ETSI u CEN[29] għandhom jikkontemplaw l-istandards meħtieġa għat-tnedija ta' l-eCall PanEwropea sa nofs l-2008. L-Istati Membri u l-industrija għandhom jaħdmu flimkien biex jiksbu dawn l-istandards f'dan il-perjodu ta' żmien. 4. Il-Kummissjoni Ewropea se tibda n-negozjati ma' l-ACEA[30], JAMA[31] u KAMA[32] fuq l-inklużjoni volontarja tat-tagħmir ta' l-eCall bħala tagħmir standard fil-vetturi ġodda kollha mill-2010, u se tirrapporta dwar ir-riżultati sa nofs l-2008. 5. Skond il-progress tal-miżuri msemmija hawn fuq, azzjonijiet regolatorji ġodda dwar l-implimentazzjoni ta' l-eCall jistgħu ikunu previsti għall-2008. 6. Il-Kummissjoni, fl-2007 se tniedi konsultazzjoni dwar passi ulterjuri biex l-ESC isir disponibbli b'rata aktar mgħaġġla, l-ESC fuq firxa wiesgħa ta' vetturi, inkluż bħala tagħmir mandatorju. 7. Bħala parti mir-rotta għall-mobilitazzjoni ta' l-ITS, il-Kummissjoni se tipproduċi ġabra ta' linji gwida dwar inċentivi għas-sistemi tal-vetturi intelliġenti sa nofs l-2008, li se jesploraw il-possibbiltà biex l-Istati Membri jintroduċi skemi ta' taxxi bħal dawn u jwaqqfu mappa tar-rotta għall-implimentazzjoni ta' skemi ta' inċentivi f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-taxxi dwar l-għajnuna mill-Istat. 8. Il-Kummissjoni se tibda l-Kontrolli Operattivi fit-Triq (FOTs) fl-FP7 sa nofs l-2008. Il-Kummissjoni se tassigura approċċ integrat għall-bini, it-tħaddim u l-evalwazzjoni ta' l-FOTs fl-Ewropa u l-koordinazzjoni ma' l-Istati Membri. 9. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-pjattaforma eSafetyAware! fit-twaqqif ta' kampanji ulterjuri wara li ChooseESC!, se twaqqaf il-portal web għall-Karozzi Intelliġenti u se tippromwovi l-produzzjoni ta' dokumentarji mmirati dwar is-Sistemi ta' Karozzi Intelliġenti. 2.2. Lejn Vetturi aktar Nodfa 2.2.1 Valutazzjoni tar-rwol ta' l-ICT fir-rigward ta' l-għanijiet Komunitarji tat-tibdil tal-klima Id-domanda dejjem tikber għall-mobilità tirrappreżenta sfida għall-politiki ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea. Madankollu, sar ċertu progress importanti. Pereżempju, l-emissjonijiet ta' ħsara mit-trasport tat-triq naqsu ferm fl-aħħar ftit snin. L-użu tal-karozzi, madankollu, għadu sors sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra, u jirrappreżenta mdwar 12% ta' l-emissjonijiet globali ta' l-UE tad-CO2[33]. Fir-rigward tal-konsum ta' l-enerġija, it-trasport huwa responsabbli għal 30% tal-konsum totali ta' l-enerġija u 71% tal-konsum totali taż-żejt fl-UE, li minnu t-trasport tat-triq jikkonsma 60%[34]. Fi Frar 2007[35], il-Kummissjoni adottat strateġija riveduta sabiex tasal għall-għan fit-tul ta' l-UE, ta' 120 g CO2/km permezz ta' Approċċ Integrat. Il-qafas leġiżlattiv propost[36] jiffoka fuq tnaqqis mandatorju ta' l-emissjonijiet tad-CO2 biex jintlaħaq l-għan ta' 130 g/km għall-flotta ta' karozzi ġodda fil-medja, permezz ta' titjib fit-teknoloġija tal-magni tal-vetturi u tnaqqis ulterjuri ta' 10g/km ta' CO2 jew ekwivalenti, jekk meħtieġ teknikament, permezz ta' titjib teknoloġiku ieħor (tajers b'reżistenza baxxa u monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers, l-arja kkundizzjonata, indikaturi tal-qlib tal-gerijiet, vannijiet kummerċjali ħfief u b'żieda fl-użu tal-bijofjuwils. Minbarra l-istrateġija ta' l-UE li tiffoka fuq it-titjib fil-vetturi, l-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti, permezz tal-Forum għas-Sikurezza-e, qed jipproponi mezz ġdid biex isir kontribut għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Dan l-approċċ mhux biss jindirizza l-vettra, iżda s-sistema tat-trasport bit-triq kollha kemm hi. Fil-qafas tal-Forum dwar is-Sikurezza-e, Grupp ta' Ħidma ġdid dwar l-"ICT għall-mobilità nadifa u effiċjenti" inħoloq fl-2006. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jikkontribwixxi għax-xogħol tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija biex jiġi kkwantifikat l-impatt ta' l-ICT fuq it-tnaqqis tad-CO2 fis-settur tat-trasport bit-triq. Jekk ikun xieraq, wara dan tkun tista' ssir valutazzjoni tar-rwol ta' l-ICT u l-karozzi intelliġenti fir-rigward ta' l-għanijiet Komunitarji tat-tibdil tal-klima 2.2.2 Pjanijiet għat-teknoloġiji l-aktar effiċjenti għal vetturi nodfa Kif diġà ntwera permezz ta' diversi proġetti ta' riċerka, is-sistemi bbażati fuq l-ICT diġà wrew potenzjal għal impatt konsiderevoli fuq il-mobilità aktar nadifa u aktar effiċjenti, u potenzjalment jistgħu jiġu offruti bħala għodda oħra biex jitnaqqas id-CO2 fl-EU Pereżempju, l-Adaptive Cruise Control (ACC) iwassal għal-tnaqqis kumplessiv tal-konsum tal-fjuwil ta' 3%[37]. Studju ieħor sab li l-konsum tal-fjuwil jonqos bi 8.5% u t-tniġġis b'bejn 8 u 18% meta biss 10% tal-vetturi kienu mgħammra bl-ACC, mingħajr effetti negattivi fuq il-fluss tat-traffiku[38]. Is-sistema Moderna għall-Kontroll tat-Traffiku Urban tista' twassal għal 30% inqas dewmien u sa 13% żieda fil-veloċità medja tal-vetturi, permezz ta' ġestjoni aħjar tat-traffiku, u dan jirriżulta f'konsum imnaqqas tal-fjuwil kif ukoll emissjonijiet aktar baxxi[39]. Wara l-iżvilupp tal-metodoloġija għall-kejl ta' l-impatt ta' l-ICTs fuq id-CO2, il-Kummissjoni Ewropea, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, se tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni għall-aktar teknoloġiji effettivi ta' l-ICT, kemm għall-vetturi kif ukoll għall-infrastruttura. AZZJONIJIET GĦAL VETTURI AKTAR NODFA: 10. Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-ICT għall-mobilità nadifa għandu jikkontribwixxi għax-xogħol tal-Kummissjoni billi jidentifika l-benefiċċji potenzjali tas-sistemi ta' l-ICT fil-qasam ta' mobilità aktar effiċjenti mil-lat ta' enerġija għan-nies u l-oġġetti fl-Ewropa, u billi jipproponi metodoloġija biex jitkejjel l-impatt ta' l-ICT fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-CO2 sa l-2008. 11. Abbażi ta' dan il-kontribut, il-Kummissjoni se tindirizza, bl-għajnuna tal-partijiet interessati l-oħra, l-aqwa triq 'il quddiem għat-tnedija ta' l-aktar ICT effettivi b'teknoloġiji ta' CO2 baxx kemm għall-vetturi kif ukoll għall-infrastruttura. Dan il-kontribut se jiġi rifless fir-rotta ta' l-2008 għall-mobilitazzjoni ta' l-ITS. 2.3. Lejn Vetturi aktar Intelliġenti 2.3.1 Nassiguraw użu aktar sikur u interfejsis standardizzati għat-tagħmir nomadiku [40]. Sistemi ta' informazzjoni tal-vetturi u ta' komunikazzjoni jridu jkunu affidabbli, faċli għall-użu u sikuri. Iridu wkoll jirrispettaw il-privatezza tad-data. Qasam ewlieni tal-Karozza Intelliġenti kien it-titjib ta' l -Interazzjoni bejn il-Bnedmin u l-Magni , HMI. F'Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat aġġornament ta' l-Istqarrija Ewropea ta' Prinċipji dwar sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni abbord il-vetturi[41]. Fil-medda ta' żmien 2006-2008, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tagħha. Fl-aħħar ftit snin rajna proliferizzjoni tat-tagħmir tan-navigazzjoni fl-Ewropa. Is-suq għal tagħmir ta' navigazzjoni integrat ġewwa l-karozzi qed jikber b'rata stabbli, filwaqt li tassew kien hemm splużjoni fil-qasam tat-Tagħmir għan-Navigazzjoni Personali (PNDs) u Smart Phones bin-navigazzjoni, fejn is-suq kiber minn 3.8 miljun apparat fl-2005 għal aktar minn 9 miljun fl-2006. Fl-isfond ta' din il-penetrazzjoni hemm il-finanzjament RTD tal-Programmi Kwadru ta' l-UE. Dan l-iżvilupp, fil-prinċipju huwa pożittiv, iżda jġib miegħu żewġ sfidi: - L-użu sikur u l-installazzjoni sikura ta' apparat "retro-fitted" fl-ambjent ta' ġewwa l-vettura - Ir-relazzjoni mas-sistemi ta' ġewwa l-vettura Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti biex tindirizza dawk l-isfidi u ttejjeb ir-rendiment tas-sikurezza tat-triq ta' dak it-tagħmir f'konformità mal-miri tal-politika tat-trasport. 2.3.2 Sistemi kooperattivi għal trasport aktar sikur u aktar effiċjenti Sistemi Kooperattivi huma bbażati fuq komunikazzjonijiet bejn Vettura u Oħra (V2V) u bejn il-Vettura u l-Infrastruttura (V2I) għat-trasferimenti ta' l-informazzjoni fil-ħin reali. Jidher li għandhom il-potenzjal għal titjib kbira fl-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, is-sikurezza ta' l-utenti kollha tat-triq u biex il-mobilità ssir aktar komda. Ix-xogħol fuq is-Sistemi Kooperattiv beda fl-Ewropa taħt il-5 u s-6 Programm Kwadru. L-industrija stabbiliet il-konsorzja Car2Car[42], għall-promozzjoni ta' approċċ komuni għall-industrija kollha. Il-prerekwiżiti ewlenin u l-għanijiet ewlenin tal-Kummissjoni huma l-iżvilupp ta' arkitettura ta' sistema armonizzata u interoperabbli, Arkitetturi ta' Komunikazzjoni komuni li taqdi l-ħtiġijiet kemm tas-servizz pubbliku kif ukoll tal-privat, u d-disponibbiltà ta' spektrum adegwat. Għal dan l-għan, l-azzjoni ta' appoġġ COM Sikurezza-e[43], iffinanzjata mill-FP6, stabilixxiet Grupp ta' Ħidma għall-Arkitetturi tal-Komunikazzjoni. Dan il-Grupp ta' Ħidma jikkoordina u jikkonsolida x-xogħol tal-proġetti Ewropej u nazzjonali flimkien ma' inizjattivi oħra ewlenin, u jservi bħala punt ta' komunikazzjoni għall-istandardizzazzjoni li qed isseħħ fi ħdan l-ISO u korpi oħra ta' l-istandardizzazzjoni. Is-Sistemi Kooperattivi jeħtieġu investimenti ulterjuri fl-R&D. F'konformità ma' l-Aġenda Strateġika ERTRAC[44], il-Forum dwar is-Sikurezza-e adotta Aġenda għar-Riċerka Strateġika f'Diċembru 2006 fil-qasam ta' l-ICT għall-mobilità, li jenfasizza dawn il-ħtiġijiet ta' R&D u tistabbilixxi l-bażi għar-riċerka fil-ġejjieni f'dan il-qasam. Is-Sistemi Kooperattivi jeħtieġu spektrum għal komunikazzjonijiet fuq distanzi qosra, b' latency baxxa. L-industrija talbet medda fil-firxa tal-5.9 GHz, u dan qed jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Ispektrum tar-Radju[45]. Il-Kummissjoni qed tappoġġa r-rekwiżiti ta' l-industrija, minħabba l-benefiċċji soċjoekonomiċi tas-Sistemi Kooperattivi. AZZJONIJIET GĦAL VETTURI AKTAR INTELLIĠENTI: 12. Il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-partijiet interessati rilevanti biex jaħdmu flimkien għall-iżviluppar ta' proposti dwar l-użu u l-istallar sikur ta' l-apparat nomadiku, u biex jiġi stabbilit interfejs standardizzat bejn is-sistemi integrati fil-vettura u l-apparat mhux integrat. Il-Kummissjoni Ewropea se tuża dan il-kontribut biex tipproponi azzjonijiet xieraq fir-rotta ta' l-2008 għall-mobilitazzjoni ta' l-ITS. 13. Il-partijiet interessati għandhom jaħdmu għal Arkitettura ta' Komunikazzjoni miftuħa, panEwropea, standardizzata u interoperabbli għal Sistemi Kooperattivi fl-Ewropa. 14. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa R&D ulterjuri permezz tal-prijorità ICT dwar is-Sistemi Kooperattivi matul il-perjodu 2009-2010. 15. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Kumitat dwar l-Ispektrum tar-Radju biex issolvi l-kwistjonijiet li jibqa' għall-armonizzazzjoni u l-allokazzjonijiet ta' l-ispektrum ta' l-ITS għas-Sistemi kooperattivi fil-medda ta' frekwenzi 5.9GHz. 3. Konklużjonijiet u l-Passi li Jmiss L-Iniżjattiva għall-Karozzi Intelliġenti tibdi fuq tliet pilastri għall-promozzjoni ta' Sistemi ta' Karozzi Intelliġenti: il-Forum dwar is-Sikurezza-e, l-R&D u l-Għarfien ta' l-Utenti. Matul l-ewwel sena ta' l-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti sar progress konsiderevoli fit-tliet oqsma kollha. Din il-Komunikazzjoni ssaħħaħ l-Inizjattiva Pijuniera tal-Karozza Intelliġenti i2010 billi terġa' tagħti ħarsa lejn il-passi li l-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jieħdu biex jinkisbu vetturi u mobilità aktar sikuri, aktar nodfa u aktar intelliġenti fl-Ewropea. Il-Kummissjoni se ssegwi tkompli ssegwi l-mobilitazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet u tipproduċi rapporti regolari dwar il-qagħda ta' l-implimentazzjoni. L-iżvilupp tar-rotta għall-mobilitazzjoni ta' l-ITS li tintegra l-vetturi u l-infrastruttura se tkun inizjattiva kbira mmexxija mill-KE, għall-iżvilupp ta' konsensus fost il-partijiet interessati għat-tnedija ta' l-ITS kif imħabbar fl-istudju ta' l-2006 tal- White Paper dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport. Din se tkun ippubblikata fis-sajf ta' l-2008 wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li hija prevista għall-ħarifa ta' din is-sena. [1] COM (2006) 314 [2] COM (2001) 370 [3] COM (2006) 74 [4] http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/index_en.htm [5] COM(2007)19 u COM(2007)22 [6] COM (2007) 1 [7] COM (2006) 59 [8] COM(2007) 146 [9] COM(2005)431 u COM(2006)723 [10]Rapport tal-PE dwar is-Sikurezza fit-triq: Inwasslu l-eCall liċ-ċittadini: ref. A6-0072/2006, [11] Il-Finlandja, l-Iżvezja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, Ċipru, is-Slovenja, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda (il-qagħda fl-aħħar ta' Awwissu 2007) [12] http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/forum/ecall/index_en.htm [13] Istitut ta' l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni Ewropej, [14] http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/galileo/index_en.htm [15] European New Car Assessment Programme, http://www.euroncap.com [16] http://www.chooseesc.eu/en/media/information_about_the_campaign_/ [17] Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti – Taqsima tat-Trasport, Grupp ta' Ħidma 29 [18]www.esafetyaware.eu/ [19] www.fiafoundation.com [20] Daimler-Chrysler Hightech Report ħarġa 2/2005 [21] Massimizzar tal-potenzjal ta' bbrejkar ta' vettura, tnaqqis tad-distanzi tal-waqfien [22] Jipprovdu viżjoni mtejba tar-rotta tal-vettura billi jtejbu viżibilità tal-kamp viżiv f'kundizzjonijiet ħżiena. [23] Short description of ITS safety applications and their potential safety benefits (Deskrizzjoni qasira ta' l-applikazzjonijiet tas-sikurezza ITS u l-benefiċċji potenzjali tas-sikurezza), Lind et al. 2003 [24]www.esafetysupport.org/en/esafety_activities/esafety_working_groups/implementation_road_map.htm [25]www.eimpact.info [26] www.esafetysupport.org [27] www.prevent-ip.org [28] http://ec.europa.eu/transport/transport_policy_review/index_en.htm [29] Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni [30] Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tal-Karozzi [31] Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ġappuniżi tal-Karozzi [32] Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Koreani tal-Karozzi [33] COM(2007)22 u COM(2007)19 [34] COM (2006) 314 [35] COM (2007) 22 [36] COM (2007) 19 [37] G. Bootsma; L. Dekker, Rijkswaterstaat, NL, Road to the Future, April 2007 [38] http://repositories.cdlib.org/its/path/reports/UCB-ITS-PRR-2001-13/ [39] http://www.smart-nets.napier.ac.uk/finalbrochure_120804.pdf [40] Tagħmir mobbli li jintuża fil-karozza minn sewwieq, għall-appoġġ, għajnuna, komunikazzjoni jew għad-divertiment, [41] Rakkomandazzjoni 2007/78/KE, 22 ta' Diċembru 2006. [42] www.car-to-car.org [43] www.comesafety.org [44] www.ertrac.org [45] http://ec.europa.eu/information_society/policy/radio_spectrum/activities/rsc_work/index_en.htm