52007DC0391

White paper - White paper dwar l-isport {SEC(2007) 932} {SEC(2007) 934} {SEC(2007) 935} {SEC(2007) 936} /* KUMM/2007/0391 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.7.2007

KUMM(2007) 391 finali

WHITE PAPER

WHITE PAPER DWAR L-ISPORT

(ippreżentata mill-Kummissjoni){SEC(2007) 932}{SEC(2007) 934}{SEC(2007) 935}{SEC(2007) 936}

1. INTRODUZZJONI

" L-isport huwa parti mill-wirt ta' kull raġel u mara u n-nuqqas tiegħu qatt ma jkun jista' jiġi kkumpensat." – Pierre de Coubertin[1]

L-isport[2] huwa fenomenu soċjali u ekonomiku li qed jikber u li jagħti kontribut importanti lill-għanijiet strateġiċi ta' solidarjetà u prosperità ta' l-Unjoni Ewropea. L-ideal Olimpiku li l-isport jiġi żviluppat biex jippromwovi l-paċi u l-qbil bejn in-nazzjonijiet u l-kulturi kif ukoll l-edukazzjoni taż-żgħażagħ twieldet fl-Ewropa u trawmet mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Kumitati Olimpiċi Ewropej.

L-isport jattira liċ-ċittadini Ewropej, bil-maġġoranza tan-nies jieħdu sehem f'attivitajiet sportivi fuq bażi regolari. Huwa jiġġenera valuri importanti bħall-ispirtu tat-tim, is-solidarjetà, it-tolleranza u l-korrettezza, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-kompletezza personali. Huwa jippromwovi l-kontribut attiv taċ-ċittadini ta' l-UE lejn is-soċjetà u b'hekk jgħin għat-trawwim ta' ċittadinanza attiva. Il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol essenzjali ta' l-isport fis-soċjetà Ewropea, partikolarment fejn ikollha bżonn toqrob lejn iċ-ċittadini u tittratta kwistjonijiet li jolqtuhom direttament.

Madankollu, l-isport huwa kkonfrontat minn theddid u sfidi ġodda li tfaċċaw fis-soċjetà Ewropea, bħall-pressjoni kummerċjali, l-isfruttament ta' plejers żgħar, id- doping , ir-razziżmu, il-vjolenza, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Din l-inizjattiva hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni qiegħda tindirizza kwistjonijiet relatati ma' l-isport b'mod komprensiv. L-għan kumplessiv tagħha huwa li tagħti orjentament strateġiku dwar rwol l-isport fl-Ewropa, biex tħeġġeġ li jsir dibattitu dwar problemi speċifiċi, ittejjeb il-viżibilità ta' l-isport fit-tfassil politiku ta' l-UE u biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar il-bżonnijiet u l-ispeċifiċitajiet tas-settur. L-inizjattiva għandha l-għan li tittratta kwistjonijiet importanti bħall-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE għall-isport. Hija tipprova wkoll tistabbilixxi azzjoni oħra relatata ma' l-isport fil-livell ta' l-UE.

Din il- White Paper mhix se tibda mix-xejn. L-isport huwa suġġett għall-applikazzjoni ta' l- acquis communautaire , u l-politiki Ewropej f'għadd ta' oqsma diġà għandhom impatt konsiderevoli u li qiegħed jikber fuq l-isport.

Ir-rwol importanti ta' l-isport fis-soċjetà Ewropea u n-natura speċifika tiegħu ġew rikonoxxuti f'Diċembru 2000 fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-isport u l-funzjoni soċjali fl-Ewropa, li jridu jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-politiki komuni (id-"Dikjarazzjoni ta' Nizza"). Hija tindika li l-għaqdiet sportivi u l-Istati Membri għandhom responsabilità ewlenija fl-imġiba ta' l-affarijiet sportivi, bi rwol ċentrali għall-federazzjonijiet sportivi. Hija tiċċara li l-għaqdiet sportivi jridu jeżerċitaw ħidmiethom li jorganizzaw u jippromwovu l-isport partikolari tagħhom "bir-rispett dovut għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik Komunitarja". Fl-istess waqt, hija tagħraf li, "għalkemm ma għandha l-ebda setgħa f'dan il-qasam, il-Komunità trid, fl-azzjoni tagħha skond id-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tqis il-funzjonijiet soċjali, edukattivi, u kulturali inerenti fl-isport u li jagħmluh speċjali, sabiex il-kodiċi ta' l-etika u s-solidarjetà essenzjali għall-preservazzjoni tar-rwol soċjali tiegħu jkun irrispettat u mrawwem." L-istituzzjonijiet Ewropej għarfu l-ispeċifiċità tar-rwol ta' l-isport fis-soċjetà Ewropea, abbażi ta' strutturi mmexxija b'mod volontarju, f'termini ta' saħħa, edukazzjoni, integrazzjoni soċjali u kultura.

Il-Parlament Ewropew segwa d-diversi sfidi li jiffaċċja l-isport Ewropew b'interess qawwi u ttratta kwistjonijiet sportivi regolarment fi snin reċenti.

Fit-tħejjija ta' din il- White Paper , il-Kummissjoni organizzat bosta konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fl-isport dwar kwistjonijiet ta' interess komuni kif ukoll konsultazzjoni onlajn. Huma wrew li jeżisti għadd konsiderevoli ta' aspettattivi li jikkonċernaw ir-rwol ta' l-isport fl-Ewropa u l-azzjoni ta' l-UE f'dan il-qasam.

Din il- Whiter Paper tiffoka fuq ir-rwol soċjali ta' l-isport, id-dimensjoni ekonomika tiegħu u l-organizzazzjoni tiegħu fl-Ewropa, u fuq is-segwitu li se tingħata din l-inizjattiva. Il-proposti konkreti għal azzjoni ulterjuri mill-UE nġabru fi Pjan ta' Azzjoni msemmi għal Pierre de Coubertin li fih attivitajiet li jridu jiġu implimentati jew appoġġjati mill-Kummissjoni. Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff fih l-isfond u l-kuntest tal-proposti, inklużi l-annessi dwar l-Isport u r-Regoli ta' l-UE dwar il-Kompetizzjoni, l-Isport u l-Libertajiet tas-Suq Intern, u dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati.

2. RWOL L-ISPORT FIS-SOĊJETÀ

L-isport huwa qasam ta' attività tal-bniedem li jinteressa ħafna liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u għandu potenzjal enormi biex jgħaqqadhom flimkien, u jilħaq lil kulħadd, irrispettivament mill-età jew l-oriġini soċjali. Skond stħarriġ ta' l-Ewrobarometru f'Novembru 2004[3], madwar 60 % taċ-ċittadini Ewropej jieħdu sehem f'attivitajiet sportivi fuq bażi regolari fi jew barra minn xi 700 000 klabb, li min-naħa tagħhom huma membri ta' firxa ta' assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet. Il-maġġoranza kbira ta' l-attivitajiet sportivi jsiru fi strutturi amatorjali. L-isport professjonali huwa ta' importanza dejjem tikber u jikkontribwixxi bl-istess mod għal rwol l-isport fis-soċjetà. Barra mit-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, l-isport għandu dimensjoni edukattiva u rwol soċjali, kulturali u rikreattiv. Ir-rwol ta' l-isport fis-soċjetà għandu wkoll il-potenzjal li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni.

2.1 It-tisħiħ tas-saħħa pubblika permezz ta' attività fiżika

In-nuqqas ta' attività fiżika żżid l-okkorrenza ta' ħxuna u obeżità u għadd ta' kundizzjonijiet kroniċi bħall-mard kardjovaskulari u d-dijabete, li jbaxxu l-kwalità tal-ħajja, jipperikolaw ħajjiet l-individwi u huma ta' piż fuq il-baġits tas-saħħa u l-ekonomija.

Il- White Paper tal-Kummissjoni "Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet tas-saħħa relatati man-Nutriment, il-Ħxuna u l-Obeżità"[4] tenfasizza l-importanza tat-teħid ta' passi proattivi biex tinqaleb it-tendenza li l-attività fiżika tonqos, u l-azzjonijiet issuġġeriti fil-qasam ta' l-attività fiżika fiż-żewġ White Papers se jikkumplimentaw lil xulxin.

Bħala għodda għal attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, il-moviment sportiv għandu influwenza ikbar minn kull moviment soċjali ieħor. L-isport jiġbed lin-nies u għandu immaġni pożittiva. Madankollu, il-potenzjal rikonoxxut tal-moviment sportiv biex irawwem attività fiżika li ttejjeb is-saħħa spiss ma jkunx utilizzat biżżejjed u jeħtieġ li jiġi żviluppat.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda minimu ta' 30 minuta ta' attività fiżika moderata (li tinkludi imma mhux limitata għall-isport) kuljum għall-adulti u 60 minuta għat-tfal. L-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet privati fl-Istati Membri għandhom kollha jagħtu sehemhom biex jintlaħaq dan l-għan. Studji reċenti ġeneralment juru li mhux isir progress biżżejjed.

(1) Il-Kummissjoni tipproponi l-iżvilupp ta' linji gwida għall-attività fiżika ma' l-Istati Membri qabel tmiem l-2008. |

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-isport li trid tiġi promossa fil-livell ministerjali fl-Istati Membri biex tiddefinixxi u timplimenta strateġiji koerenti biex jitnaqqsu l-ħxuna, l-obeżità u riskji tas-saħħa oħrajn. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw kif jippromwovu l-kunċett ta' għixien attiv permezz ta' sistemi edukattivi u ta' taħriġ nazzjonali, inkluż it-taħriġ ta' l-għalliema.

L-għaqdiet sportivi huma mħeġġa jqisu l-potenzjal tagħhom għal attività fiżika li ttejjeb s-saħħa u biex jorganizzaw attivitajiet għal din il-fini. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta' tagħrif u prassi tajba, partikolarment fir-rigward taż-żgħażagħ, b'attenzjoni partikolari fuq il-livell bażi.

(2) Il-Kummissjoni se tappoġġja netwerk ta' Attività Fiżika ta' l-UE li Ttejjeb is-Saħħa (HEPA) u, jekk ikun xieraq, netwerks iżgħar u iktar iffukati li jittrattaw aspetti speċifiċi tas-suġġett. (3) Il-Kummissjoni se tagħmel l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa l-pedament ta' l-attivitajiet tagħha relatati ma' l-isport u se tipprova tqis aħjar din il-prijorità fi strumenti finanzjarji rilevanti, fosthom: Is-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (l-aspetti tas-saħħa marbuta ma' l-istil tal-ħajja ); Il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2007-2013; Il-programmi ta' Żgħożija u Ċittadinanza (kooperazzjoni bejn l-għaqdiet sportivi, l-iskejjel, is-soċjetà ċivili, il-ġenituri u msieħba oħrajn fil-livell lokali); Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (taħriġ ta' l-għalliema u kooperazzjoni bejn l-iskejjel). |

- 2.2 Ningħaqdu fil-ġlieda kontra d-doping

Id- doping huwa theddida għall-isport mad-dinja kollha, inkluż l-isport fl-Ewropa. Huwa jimmina l-prinċipju ta' kompetizzjoni miftuħa u ġusta. Huwa fattur demotivanti għall-isport b'mod ġenerali u jpoġġi lill-professjonist taħt pressjoni eċċessiva. Huwa jaffettwa serjament l-immaġni ta' l-isport u jhedded serjament is-saħħa ta' l-individwu. Fil-livell Ewropew, il-ġlieda kontra d- doping trid tqis kemm id-dimensjoni ta' l-infurzar tal-liġi kif ukoll id-dimensjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni.

(4) Jistgħu jiġu żviluppati sħubijiet bejn l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri (gwardjani tal-fruntieri, pulizija nazzjonali u lokali, id-dwana eċċ.), laboratorji akkreditati mill-Aġenzija Dinjija ta' Kontra d-Doping (WADA) u l-INTERPOL biex jaqsmu tagħrif dwar sustanzi u prassi dopanti ġodda fil-ħin u f'ambjent sikur. L-UE tista' tappoġġja sforzi bħal dawn permezz ta' korsijiet ta' taħriġ u netwerking bejn ċentri ta' taħriġ għal uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi. |

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-kummerċ f'sustanzi dopanti illeċiti jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kummerċ fi drogi illeċiti madwar l-UE.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-atturi kollha b'responsabilità għas-saħħa pubblika biex iqisu l-aspetti tad- doping li huma ta' dannu għas-saħħa. Hija ssejjaħ lill-għaqdiet sportivi biex jiżviluppaw regoli ta' prassi tajba biex jiżguraw li sportivi żgħażagħ ikunu infurmati u edukati aħjar dwar is-sustanzi dopanti, il-mediċini bir-riċetta li jista' jkun fihom dawn is-sustanzi, u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-saħħa.

L-UE tibbenefika minn approċċ iktar koordinat fil-ġlieda ta' kontra d- doping , b'mod partikolari billi jiġu definiti pożizzjonijiet komuni relatati mal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-WADA u l-UNESCO, u permezz ta' l-iskambju ta' tagħrif u prassi tajba bejn il-Gvernijiet, laboratorji u organizzazzjonijiet anti-doping nazzjonali. L-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO kontra d- Doping fl-Isport mill-Istati Membri hija partikolarment importanti f'dan il-kuntest.

(5) Il-Kummissjoni se jkollha rwol ta' faċilitatur, per eżempju billi tappoġġja netwerk ta' organizzazzjonijiet anti-doping nazzjonali ta' l-Istati Membri. |

2.3 It-tisħiħ ta' rwol l-isport fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Permezz tar-rwol tiegħu fl-edukazzjoni formali u informali, l-isport isaħħaħ il-kapital uman ta' l-Ewropa. Il-valuri li jwassal l-isport jgħinu l-iżvilupp ta' l-għarfien, il-motivazzjoni, il-ħiliet u d-disponibilità għal sforz personali. Il-ħin mgħoddi f'attivitajiet sportivi l-iskola u l-università jipproduċu benefiċċji edukattivi u ta' saħħa li hemm bżonn li jitjiebu.

Abbażi ta' l-esperjenza miksuba matul is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni mill-Isport 2004, il-Kummissjoni tħeġġeġ l-appoġġ lill-isport u l-attivitajiet fiżiċi permezz ta' bosta inizjattivi politiċi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-iżvilupp ta' kompetenzi soċjali u ċiviċi skond ir-Rakkomandazzjoni ta' l-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.[5]

(6) L-isport u l-attivitajiet fiżiċi jistgħu jkunu appoġġjati permezz tal-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja. Il-promozzjoni għal parteċipazzjoni f'opportunitajiet edukattivi permezz ta' l-isport hija b'hekk suġġett ta' prijorità għal sħubijiet fl-iskejjel appoġġjati mill-programm Comenius, għal azzjonijiet strutturati fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali permezz tal-programm Leonardo da Vinci, għal netwerks tematiċi u mobilità fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla appoġġjata mill-programm Erasmus, kif ukoll proġetti multilaterali fil-qasam tat-taħriġ ta' l-adulti appoġġjat mill-programm Grundtvig. (7) Is-settur ta' l-isport jista' japplika wkoll għall-appoġġ permezz tas-sejħiet individwali għall-proposti dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u s-Sistema Ewropea ta' Kreditu għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Is-settur ta' l-isport kien involut fl-iżvilupp ta' l-EQF u ntgħażel għal appoġġ finanzjarju fl-2007/2008. Minħabba l-mobilità professjonali għolja ta' l-isportivi, u bla ħsara għad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, jista' jkun identifikat ukoll bħala settur pilota għall-implimentazzjoni ta' l-ECVET biex iżid it-trasparenza ta' sistemi ta' kwalifika u kompetenza nazzjonali. (8) Il-Kummissjoni se tintroduċi l-għoti ta' tikketta Ewropea għall-iskejjel involuti b'mod attiv fl-appoġġ u l-promozzjoni ta' attivitajiet fiżiċi f'ambjent ta' skola. |

Sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' sportivi professjonisti fis-suq tax-xogħol fi tmiem il-karriera sportiva tagħhom, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li jitqies fi stadju bikri l-bżonn li sportivi żgħażagħ jingħataw taħriġ ta' "karriera doppja" u li jkun hemm ċentri ta' taħriġ lokali ta' kwalità għolja biex jitħarsu l-interessi morali, edukattivi u professjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni nediet studju dwar it-taħriġ ta' sportivi żgħażagħ fl-Ewropa, li r-riżultati tiegħu jistgħu jitqiesu għall-politiki u l-programmi ta' hawn fuq.

L-investiment fil-promozzjoni tat-taħriġ ta' sportivi żgħażagħ b'talent f'kundizzjonijiet xierqa huwa kruċjali għal żvilupp sostenibbli ta' l-isport fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistemi tat-taħriġ għal sportivi żgħażagħ b'talent għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd u ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni fost iċ-ċittadini ta' l-UE abbażi ta' nazzjonalità.

(9) Ir-regoli li jitolbu li t-timijiet jinkludu ċerta kwota ta' plejers imħarrġa lokalment tista' tiġi aċċettata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni jekk ma jwasslu għal ebda diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità u jekk jista' jkun effetti diskriminatorji indiretti li jiġu minnhom jistgħu jkunu ġustifikati bħala proporzjonati għal għan leġittimu mixtieq, bħat-tisħiħ u l-ħarsien tat-taħriġ u l-iżvilupp ta' plejers żgħażagħ b'talent. L-istudju li għaddej bħalissa dwar it-taħriġ ta' sportivi żgħażagħ fl-Ewropa se jipprovdi kontribut prezzjuż għal din l-analiżi. |

2.4 Il-promozzjoni ta' volontarjat u ċittadinanza attiva permezz ta' l-isport

Il-parteċipazzjoni f'tim, prinċipji bħall-korrettezza, il-konformità mar-regoli tal-logħba, ir-rispett lejn l-oħrajn, is-solidarjetà u d-dixxiplina kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sport amatorjali bbażat fuq klabbs li ma jagħmlux profitti u l-volontarjat isaħħu ċ-ċittadinanza attiva. Il-volontarjat f'għaqdiet sportivi joffri ħafna okkażjonijiet ta' edukazzjoni informali li jridu jiġu rikonoxxuti u msaħħa. L-isport jipprovdi wkoll possibilitajiet attraenti għaż-żgħażagħ biex jimpenjaw u jinvolvu ruħhom fis-soċjetà u jista' jkollu l-effett tajjeb li jgħin biex iżomm lin-nies 'il bogħod mid-delinkwenza.

Hemm tendenza dejjem tikber li wieħed jieħu sehem fi sport b'mod individwali, minflok b'mod kollettiv u fi struttura organizzata, li qed iwassal għal tnaqqis fil-bażi volontarja għall-klabbs sportivi amatorjali.

(10) Flimkien ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni se tidentifika l-isfidi ewlenin għall-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitti u l-karatteristiċi ewlenin ipprovduti minn dawn l-għaqdiet. (11) Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isport bażi permezz tal-programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini. (12) Il-Kummissjoni barra minn hekk se tipproponi li tħeġġeġ il-volontarjat fl-isport fost iż-żgħażagħ permezz tal-programm iż-Żgħażagħ Jaġixxu fl-oqsma bħall-iskambji fost iż-żgħażagħ u s-servizz volontarju għall-avvenimenti sportivi. (13) Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa skambju ta' tagħrif u l-aħjar prassi dwar il-volontarjat fl-isport li jinvolvi l-Istati Membri, l-għaqdiet sportivi u l-awtoritajiet lokali. (14) Sabiex jinftiehem aħjar x'jitlob u x'jeħtieġ speċifikatament is-settur ta' l-isport volontarju fit-tfassil tal-politika nazzjonali u Ewropea, il-Kummissjoni se tniedi studju Ewropew dwar il-volontarjat fl-isport. |

2.5 L-użu tal-potenzjal ta' l-isport għal inklużjoni soċjali, integrazzjoni u opportunitajiet indaqs.

L-isport jagħti kontribut importanti għal koeżjoni ekonomika u soċjali u għal soċjetajiet iktar integrati. Ir-residenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-isport. Il-bżonnijiet speċifiċi u l-qagħda tal-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed għalhekk hemm bżonn li jiġu indirizzati, u r-rwol speċjali li l-isport jista' jkollu għaż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilitajiet u nies li kellhom ħajja inqas privileġġjata jrid jitqies ukoll. L-isport jista' jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-migranti u l-persuni ta' oriġini barranija kif ukoll jappoġġja d-djalogu interkulturali.

L-isport jippromwovi sens komuni ta' appartenenza u parteċipazzjoni u jista' għalhekk ikun ukoll għodda importanti għall-integrazzjoni ta' l-immigranti. Minħabba f'hekk huwa importanti li jkun hemm spazji disponibbli għall-isport u li jiġu appoġġjati l-attivitajiet marbuta ma' l-isport biex l-immigranti u s-soċjetà ospitanti jkunu jistgħu jinteraġixxu flimkien b'mod pożittiv.

Il-Kummissjoni temmen li jista' jsir użu aħjar mill-potenzjal ta' l-isport bħala strument għall-inklużjoni soċjali fil-politiki, l-azzjonijiet u l-programmi ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri. Hija tinkludi sehem l-isport fil-ħolqien ta' l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku u r-rivitalizzazzjoni, partikolarment f'żoni żvantaġġati. Attivitajiet sportivi li ma jagħmlux profitti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi vulnerabbli jistgħu jitqiesu bħala servizzi soċjali ta' interess ġenerali.

Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinament dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali se jkompli jinkludi l-isport bħala għodda u indikatur. L-istudji, is-seminars, il-konferenzi, il-proposti politiċi u l-pjanijiet ta' azzjoni se jinkludu l-aċċess għall-isport u/jew is-sehem fi strutturi sportivi soċjali bħala element essenzjali għall-analiżi ta' esklużjoni soċjali.

(15) Il-Kummissjoni se tissuġġerixxi lill-Istati Membri li l-programm PROGRESS u l-programmi ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, iż-Żgħażagħ Jaġixxu u l-Ewropa għaċ-Ċittadini jappoġġjaw azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali permezz ta' l-isport u jiġġieldu d-diskriminazzjoni fl-isport. Fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu rwol l-isport fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs bħala parti mill-programmazzjoni tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u huma mħeġġa jippromwovu azzjoni taħt il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni. |

Il-Kummissjoni barra minn hekk tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-għaqdiet sportivi jaddattaw l-infrastrutturi sportivi biex iqisu l-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilitajiet. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom jiżguraw li l-istrutturi sportivi u l-akkomodazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilitajiet. Kriterji speċifiċi għandhom ikunu adottati għall-iżgurar ta' aċċess ugwali fl-isport għall-istudenti kollha, u speċifikatament għat-tfal b'diżabilitajiet. Se jkun promoss taħriġ ta' kontrolluri, voluntiera u staff ospitanti ta' klabbs u organizzazzjonijiet sabiex jilqgħu lill-persuni b'diżabilitajiet. Fil-konsultazzjonijiet tagħha mal-partijiet interessati fl-isport, il-Kummissjoni qagħdet partikolarment attenta li żżomm djalogu mar-rappreżentanti ta' l-isportivi b'diżabilitajiet.

(16) Il-Kummissjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija għad-Diżabilità ta' l-Unjoni Ewropea, se tqis l-importanza ta' l-isport għall-persuni diżabbli u se tappoġġja l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam. (17) Fil-qafas tal-Pjan tagħha għal Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010, il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet dwar is-sessi fl-attivitajiet tagħha kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-isport, b'fokus speċifiku dwar l-aċċess għall-isport għan-nisa immigranti u nisa minn minoritajiet etniċi, l-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-isport u r-rappurtaġġ mill-mezzi tax-xandir tan-nisa fl-isport. |

2.6 It-tisħiħ tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-vjolenza

Il-vjolenza f'avvenimenti sportivi, speċjalment fil-grawnds tal-futbol, għadha problema inkwetanti u tista' tieħu forom differenti. Hija bdiet timxi minn ġewwa l-istadji għall-barra, inklużi żoni urbani. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti sehemha għall-prevenzjoni ta' inċidenti billi tippromwovi u tiffaċilita d-djalogu ma' l-Istati Membri, u l-għaqdiet internazzjonali (eż. il-Kunsill ta' l-Ewropa), l-għaqdiet sportivi, is-servizzi ta' l-infurzar tal-liġi u partijiet interessati oħrajn (eż. għaqdiet tal-partitarji u l-awtoritajiet lokali). L-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ma jistgħux jittrattaw il-kawżi li jsejsu l-vjolenza fl-isport waħedhom.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' prassi tajba u ta' tagħrif operattiv dwar partitarji riskjużi fost is-servizzi tal-pulizija u/jew l-awtoritajiet sportivi. Se tingħata importanza partikolari għat-taħriġ tal-pulizija dwar il-ġestjoni tal-folla u l-ħuliganiżmu.

L-isport jinvolvi liċ-ċittadini kollha irrispettivament mis-sess, ir-razza, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon u t-twemmin, l-orjentament sesswali u l-isfond soċjali u ekonomiku. Il-Kummissjoni kkundannat ripetutament il-manifestazzjonijiet kollha ta' razziżmu u ksenofobija li huma inkompatibbli mal-valuri ta' l-UE.

(18) Fir-rigward ta' mġiba razzista u ksenofobika, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi djalogu u skambju ta' l-aħjar prassi f'oqfsa ta' kooperazzjoni eżistenti bħan-netwerk il-Futbol kontra r-Razziżmu fl-Ewropa (FARE). |

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li federazzjonijiet sportivi jkollhom proċeduri biex jittrattaw l-abbużi razzjali waqt il-logħob ibbażati fuq inizjattivi eżistenti. Hija tirrakkomanda wkoll it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni fis-sistemi ta' l-għoti tal-liċenzji lill-klabbs (ara l-punt 4.7).

Il-Kummissjoni se: (19) Tippromwovi, b'konformità mar-regoli domestiċi u ta' l-UE applikabbli, l-iskambju ta' tagħrif operattiv u kompetenzi u esperjenzi prattiċi fil-prevenzjoni ta' inċidenti vjolenti u razzjali bejn is-servizzi ta' l-infurzar tal-liġi u ma' għaqdiet sportivi; (20) Tanalizza l-possibilitajiet għal strumenti ġuridiċi ġodda u standards oħrajn mifruxa ma' l-UE għall-prevenzjoni tad-diżordni pubblika waqt avvenimenti sportivi; (21) Tippromwovi approċċ multidixxiplinarju għall-prevenzjoni ta' mġiba anti-soċjali, b'fokus speċjali fuq l-azzjonijiet soċjo-edukattivi bħat-taħriġ tal-partitarji (ħidma fit-tul mal-partitarji biex tiġi żviluppata attitudni pożittiva u mhux vjolenti); (22) Issaħħaħ il-kooperazzjoni regolari u strutturata fost is-servizzi ta' l-infurzar tal-liġi, l-għaqdiet sportivi u partijiet interessati oħrajn; (23) Tħeġġeġ l-użu tal-programmi li ġejjin biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-vjolenza u r-razziżmu fl-isport: Iż-Żgħażagħ Jaġixxu, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, DAPHNE III, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità; (24) Torganizza konferenza ta' livell għoli li tiddiskuti l-miżuri għall-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-vjolenza u r-razziżmu f'avvenimenti sportivi mal-partijiet interessati. |

2.7 Naqsmu l-valuri tagħna ma' partijiet oħra tad-dinja

L-isport jista' jkollu rwol li jirrigwarda aspetti differenti tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE: bħala element tal-programmi ta' assistenza esterna, bħala element ta' djalogu ma' pajjiżi sħab bħala parti tad-diplomazija pubblika ta' l-UE.

Permezz ta' azzjonijiet konkreti, l-isport għandu potenzjal konsiderevoli bħala għodda biex jippromwovi l-edukazzjoni, is-saħħa, id-djalogu inter-kulturali, l-iżvilupp u l-paċi.

(25) Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' l-isport bħala għodda tal-politika ta' l-iżvilupp tagħha. B'mod partikolari, hija se: Tippromwovi l-isport u l-edukazzjoni fiżika bħala elementi essenzjali għal edukazzjoni ta' kwalità u bħala mezz biex l-iskejjel ikunu aktar attraenti u titjieb l-attendenza; Timmira azzjoni lejn it-titjib ta' l-aċċess tal-bniet u n-nisa għall-edukazzjoni fiżika u l-isport, bl-għan li tgħinhom jibnu l-fiduċja fihom innifishom, itejbu l-integrazzjoni soċjali, jegħlbu l-preġudizzji u jippromwovu stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa kif ukoll l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni; Tappoġġja l-promozzjoni tas-saħħa u l-kampanji tat-tqajjim ta' kuxjenza permezz ta' l-isport. |

- Fl-indirizzar ta' l-isport fil-politiki ta' żvilupp tagħha, l-UE se tagħmel mill-aħjar li tista' biex toħloq sinerġiji ma' programmi eżistenti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-entitajiet privati. Hija se timplimenta azzjonijiet li huma kumplimentarji jew innovattivi fir-rigward ta' programmi u azzjonijiet eżistenti. Il-memorandum ta' ftehim iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-FIFA fl-2006 biex il-futbol ikun forza għall-iżvilupp fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u l-Paċifiku huwa eżempju ta' dan ir-rispett.

(26) L-UE se tinkludi, fejn xieraq, kwistjonijiet relatati ma' l-isport bħat-trasferimenti internazzjonali tal-plejers, l-isfruttament tal-plejers ta' taħt l-età, id-doping, il-ħasil tal-flus permezz ta' l-isport, u s-sigurtà waqt avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin fid-djalogu politiku tagħha u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab. |

Proċeduri rapidi għall-viża u l-immigrazzjoni, b'mod partikolari, għall-isportivi importanti minn pajjiżi li mhumiex fl-UE huma element importanti biex titjieb id-dehra internazzjonali ta' l-UE. Barra mill-proċess li għaddej biex jiġu konklużi ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża ma' pajjiżi terzi u l-konsolidazzjoni tar-reġim tal-viża applikabbli għall-membri tal-familja Olimpika waqt il-Logħob Olimpiku, l-UE teħtieġ li tiżviluppa iżjed il-mekkaniżmi ta' ammissjoni (temporanja) għall-isportivi minn pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lis-settur ta' l-isport: (27) Fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni li ġiet ippreżentata reċentement dwar il-migrazzjoni ċirkulari u s-sħubijiet ta' mobilità ma' pajjiżi terzi; (28) Fl-elaborazzjoni ta' skemi armonizzati għall-ammissjoni ta' diversi kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal finijiet ekonomiċi abbażi tal-Pjan Politiku 2005 dwar il-Migrazzjoni Legali. |

2.8 Nappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli

L-attivitajiet, il-faċilitajiet u l-avvenimenti sportivi kollha għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Importanti li tiġi promossa ġestjoni ambjentalment razzjonali, adatta biex tindirizza inter alia appalti ħodor, emissjonijiet ta' gass b'effett serra, effiċjenza fl-enerġija, rimi ta' skart u t-trattament tal-ħamrija u l-ilma. Għaqdiet sportivi u organizzaturi ta' avvenimenti sportivi Ewropej għandhom jadottaw miri ambjentali biex l-attivitajiet tagħhom isiru ambjentalment sostenibbli. Bit-titjib tal-kredibilità tagħhom fi kwistjonijiet ambjentali, l-għaqdiet responsabbli jistgħu jistennew benefiċċji speċifiċi meta japplikaw biex jospitaw xi avvenimenti sportivi kif ukoll benefiċċji ekonomiċi relatati ma' użu iktar razzjonali tar-riżorsi naturali.

Il-Kummissjoni se: (29) Tuża d-djalogu strutturat tagħha ma' għaqdiet sportivi ewlenin internazzjonali u Ewropej u partijiet interessati fl-isport oħrajn biex tħeġġeġ lilhom u lill-membri tagħhom jieħdu sehem fl-Iskema ta' Verifika ta' l-Ekoġestjoni (EMAS) u l-iskemi ta' Għoti ta' Eko-Tikketta Komunitarja, u tippromwovi dawn l-iskemi volontarji waqt avvenimenti sportivi ewlenin; (30) Tippromwovi appalt aħdar fid-djalogu politiku tagħha ma' Stati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn; (31) Tqajjem kuxjenza, premezz ta' gwida żviluppata b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti (min ifassal il-politika, l-SMEs, il-komunitajiet lokali), dwar il-bżonn ta' ħidma flimkien bi sħubija fil-livell reġjonali biex jiġu organizzati avvenimenti sportivi b'mod sostenibbli; (32) Tqis l-isport bħala parti mill-komponent "Tagħrif u Komunikazzjoni" tal-programm ġdid LIFE+. |

3. ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TA' L-ISPORT

L-isport huwa settur dinamiku u li qed jikber malajr b'impatt makro-ekonomiku sottovalutat, u li jista' jikkontribwixxi għall-objettivi ta' Liżbona ta' tkabbir u ħolqien ta' l-impjiegi. Huwa jista' jservi ta' għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali, ir-riġenerazzjoni urbana jew l-iżvilupp rurali. L-isport għandu sinerġiji mat-turiżmu u jista' jistimula l-modernizzazzjoni ta' l-infrastruttura u l-emerġenza ta' sħubijiet ġodda għall-finanzjament ta' faċilitajiet sportivi u tad-divertiment.

Minkejja in-nuqqas ġenerali ta' data affidabbli u komparabbli dwar il-piż ekonomiku ta' l-isport, l-importanza tiegħu hija kkonfermata mill-istudji u l-analiżi tal-kontijiet nazzjonali, l-ekonomiji ta' avvenimenti sportivi fuq skala kbira, u l-ispejjeż ta' inattività fiżika, anke fil-każ tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Studju ppreżentat waqt il-Presidenza Awstrijaka fl-2006 ssuġġeriet li l-isport f'sens usa' ġġenera valur miżjud ta' 407 biljun euro fl-2004, li kien responsabbli għal 3.7 % tal-PGD ta' l-UE, u impjiegi għal 15-il miljun ruħ jew 5.4 % tal-forza tax-xogħol.[6] Dan il-konribut ta' l-isport għandu jkun iktar viżibbli u promoss fil-politiki ta' l-UE.

Parti tal-valur ekonomiku li qiegħda tikber hija marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn id-drittijiet għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet ta' l-awtur, il-komunikazzjonijiet kummerċjali, it- trademarks , u d-drittijiet ta' l-immaġni u l-mezzi tax-xandir. F'settur iktar u iktar globalizzat u dinamiku, l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar id-dinja qiegħda ssir parti essenzjali tas-saħħa ta' l-ekonomija ta' l-isport. Huwa importanti wkoll li d-detenturi jkunu garantiti l-possibbiltà li jkollhom aċċess mill-bogħod ta' l-avvenimenti sportivi f'livell transkonfinali fi ħdan l-UE.

Mill-banda l-oħra, minkejja l-importanza ekonomika ġenerali ta' l-isport, il-maġġoranza vasta ta' l-attivitajiet sportivi jsiru fi strutturi li ma jagħmlux profitti, li ħafna minnhom iserrħu fuq appoġġ pubbliku biex jipprovdu aċċess għall-attivitajiet sportivi liċ-ċittadini kollha.

3.1 Lejn politiki sportivi bbażati fuq l-evidenza

It-tnedija ta' azzjonijiet politiċi u kooperazzjoni msaħħa fl-isport fil-livell ta' l-UE hemm bżonn li tkun sostnuta minn bażi ta' għarfien soda. Il-kwalità u l-komparabilità tad- data hemm bżonn li titjieb biex tippermetti ppjanar strateġiku u tfassil ta' politika aħjar fil-qasam ta' l-isport.

Partijiet interessati governattivi u mhux governattivi talbu ripetutament lill-Kummissjoni biex tiżviluppa definizzjoni statistika Ewropea ta' l-isport u biex tikkoordina l-isforzi ħalli jiġu prodotti statistiki sportivi u relatati ma' l-isport fuq dik il-bażi.

(33) Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, se tipprova tiżviluppa metodu statistiku Ewropew għall-kejl ta' l-impatt ekonomiku ta' l-isport abbażi tal-kontijiet statistiċi nazzjonali għall-isport, li maż-żmien jistgħu jwasslu għal kont satellita Ewropew għall-isport. (34) Barra minn hekk, stħarriġ speċifiku tat-tagħrif relatat ma' l-isport għandu jkompli jseħħ darba kull tant snin (eż. stħarriġ ta' l-Ewrobarometru), b'mod partikolari biex jipprovdi tagħrif mhux ekonomiku li ma jistax ikun ipprovdut abbażi ta' kontijiet statistiċi nazzjonali għall-isport (eż. ir-rati ta' parteċipazzjoni, data dwar il-volontarjat, eċċ.). (35) Il-Kummissjoni se tniedi studju biex tivvaluta l-kontribut dirett tas-settur ta' l-isport (f'termini ta' PGD, tkabbir u impjiegi) u kontribut indirett (permezz ta' l-edukazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u dehra aħjar ta' l-UE) għall-Aġenda ta' Liżbona. (36) Il-Kummissjoni se torganizza l-iskambju ta' l-aħjar prassi fost l-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi rigward l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi ikbar, bil-ħsieb li tippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-kompetittività u l-impjiegi. |

3.2 Il-ħolqien ta' bażi iktar sikura għall-appoġġ pubbliku għall-isport

L-għaqdiet sportivi għandhom ħafna sorsi ta' dħul, fosthom il-miżati tal-klabb u l-bejgħ tal-biljetti, ir-reklamar u l-isponsorizzazzjonijiet, id-drittijiet tax-xandir, ir-ridistribuzzjoni tad-dħul fi ħdan il-federazzjonijiet sportivi, il- merchandising , l-appoġġ pubbliku eċċ. Madankollu, xi għaqdiet sportivi għandhom aċċess konsiderevolment aħjar għar-riżorsi mill-operaturi tan-negozju minn oħrajn, anki jekk f'ċerti każijiet ikun hemm sistema ta' ridistribuzzjoni li taħdem sew fis-seħħ. Fl-isport bażi, opportunitajiet indaqs u aċċess miftuħ għall-attivtajiet sportivi jistgħu jkunu garantiti biss permezz ta' involviment pubbliku b'saħħtu. Il-Kummissjoni tifhem l-importanza ta' appoġġ pubbliku għal sport bażi u sport għal kulħadd, u hija favur appoġġ ta' din ix-xorta sakemm tingħata b'konformità mal-liġi Komunitarja.

F'ħafna mill-Istati Membri l-isport huwa parzjalment iffinanzjat permezz ta' taxxa jew imposta fuq servizzi ta' lotterija jew logħob ta' l-azzard immexxija jew liċenzjati mill-istat. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq kif l-aħjar iżommu u jiżviluppaw mudell ta' finanzjament sostenibbli biex jingħata appoġġ fit-tul lill-għaqdiet sportivi.

(37) Bħala kontribut għar-riflessjoni dwar il-finanzjament ta' l-isport, il-Kummissjoni se twettaq studju indipendenti dwar il-finanzjament ta' l-isport bażi u l-isport għal kulħadd fl-Istati Membri kemm minn sorsi pubbliċi kif ukoll minn sorsi privati, u dwar l-impatt tal-bidliet li għaddejjin f'dan il-qasam. |

Fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-leġiżlazzjoni tal-VAT ta' l-UE tinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, li għandha l-għan li tiżgura li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar il-VAT ma xxekkilx il-kompetizzjoni u ma ttellifx il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi. Id-Direttiva tipprevedi kemm il-possibilità għall-Istati Membri biex jeżentaw ċerti servizzi marbuta ma' l-isport kif ukoll, fejn l-eżenzjoni ma tapplikax, il-possibilità biex jiġu applikati rati mnaqqsa f'ċerti każijiet.

(38) Minħabba r-rwol importanti ta' l-isport fis-soċjetà u l-fatt li jinsab ankrat sew lokalment, il-Kummissjoni se tiddefendi ż-żamma tal-possibilitajiet eżistenti ta' rati ta' VAT imnaqqsin għall-isport. |

4. L-ORGANIZZAZZJONI TA' L-ISPORT

Id-dibattitu politiku dwar l-isport fl-Ewropa spiss jattribwixxi importanza konsiderevoli lill-hekk imsejjaħ "Mudell Sportiv Ewropew". Il-Kummissjoni tqis li ċerti valuri u tradizzjonijiet ta' l-isport Ewropew għandhom ikunu promossi. Fid-dawl tad-diversità u l-kumplikazzjonijiet ta' l-istrutturi sportivi Ewropej hija tqis, madankollu, li mhux realistiku li wieħed jipprova jiddefinixxi mudell unifikat ta' l-organizzazzjoni ta' l-isport fl-Ewropa. Barra minn hekk, żviluppi ekonomiċi u soċjali li huma komuni għall-parti l-kbira ta' l-Istati Membri (kummerċjalizzazzjoni li tiżdied, sfidi għall-infiq pubbliku, għadd dejjem jikber ta' parteċipanti u waqfa fl-għadd ta' ħaddiema volontarji) wasslu għal sfidi ġodda għall-organizzazzjoni ta' l-isport fl-Ewropa. L-emerġenza ta' partijiet interessati ġodda (parteċipanti fi sports li mhumiex dixxiplini organizzati, klabbs sportivi professjonistiċi, eċċ.) qiegħda tponi mistoqsijiet ġodda fir-rigward tal-ġestjoni, id-demokrazija u r-rappreżentanza ta' l-interessi fi ħdan il-moviment ta' l-isport.

Il-Kummissjoni jista' jkollha r-rwol li tinkoraġġixxi l-qsim ta' l-aħjar prassi fil-ġestjoni ta' l-isport. Hija tista' tgħin ukoll fl-iżvilupp ta' sett komuni ta' prinċipji għal ġestjoni tajba fl-isport, bħat-trasparenza, id-demokrazija, il-kontabilità u r-rappreżentanza ta' partijiet interessati (assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet, plejers, klabbs, ligs, partitarji, eċċ.). Fit-twettiq ta' dan il-Kummissjoni se tibbaża fuq xogħol preċedenti[7]. Għandha tingħata attenzjoni wkoll għar-rappreżentanza tan-nisa fil-ġestjoni u l-pożizzjonijiet ta' tmexxija.

Il-Kummissjoni tagħraf l-awtonomija ta' l-għaqdiet sportivi u l-istrutturi rappreżentattivi (bħal-ligs). Barra minn hekk, hija tagħraf li l-ġestjoni hija primarjament ir-responsabilità ta' l-entitajiet li jmexxu l-isport u, sa ċertu punt, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali. Madankollu, id-djalogu ma' l-għaqdiet sportivi wassal għadd ta' oqsma għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, li qegħdin jiġu indirizzati hawn taħt. Il-Kummissjoni tqis li ħafna mill-isfidi jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' awto-regolamentazzjoni li tirrispetta l-prinċipji ta' ġestjoni tajba, sakemm il-liġi ta' l-UE tkun rispettata, u hija lesta li jkollha rwol ta' faċilitatur jew taġixxi jekk ikun hemm bżonn.

4.1 L-ispeċifiċità ta' l-isport

L-attivitajiet sportivi huma suġġetti għall-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE. Dan huwa deskritt fid-dettall fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff u l-annessi tiegħu. Il-liġi tal-kompetizzjoni u d-dispożizzjonijiet tas-Suq Intern japplikaw għall-isport meta jifforma attività ekonomika. L-isport huwa suġġett ukoll għal aspetti importanti oħra tal-liġi ta' l-UE, bħall-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità, dispożizzjonijiet rigward iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi.

Fl-istess ħin, l-isport għandu ċerti karatteristiċi speċifiċi, li spiss jissemmew bħala "l-ispeċifiċità ta' l-isport". L-ispeċifiċità ta' l-isport Ewropew jista' jiġi avviċinat minn żewġ angolazzjonijiet:

- L-ispeċifiċità ta' l-attivitajiet sportivi u tar-regoli sportivi, bħal kompetizzjonijiet separati għall-irġiel u n-nisa, limitazzjonijiet ta' l-għadd ta' parteċipanti fil-kompetizzjonijiet, jew il-bżonn li tkun żgurata l-inċertezza tar-riżultati u li jiġi priżervat il-bilanċ kompetittiv bejn il-klabbs li jieħdu sehem fl-istess kompetizzjonijiet;

- L-ispeċifiċità ta' l-istruttura ta' l-isport, inkluża l-awtonomija u d-diversità ta' l-għaqdiet sportivi, struttura forma ta' piramida għall-kompetizzjonijiet mil-livell bażi għall-aqwa livell u mekkaniżmi ta' solidarjetà organizzati bejn il-livelli u l-operaturi differenti, l-organizzazzjoni ta' l-isport fuq bażi nazzjonali, u l-prinċipju ta' federazzjoni unika għal kull sport.

Il-każistika tal-Qrati Ewropej u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea juru li l-ispeċifiċità ta' l-isport ġiet rikonoxxuta u meqjusa. Huma jipprovdu wkoll gwida ta' kif l-liġi ta' l-UE tapplika għall-isport. B'konformità mal-każistika stabbilita, l-ispeċifiċità ta' l-isport se tkompli tkun rikonoxxuta, imma ma tistax tiġi interpretata b'tali mod li tiġġustifika eżenzjoni ġenerali mill-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE.

Kif ġie spjegat fid-dettall fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff u l-annessi tiegħu, jeżistu regoli sportivi organizzattivi li - abbażi ta' l-objettivi leġittimi tiegħhom - x'aktarx li ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet ta' kontra l-monopolji tat-Trattat tal-KE, sakemm l-effetti anti-kompetittivi tagħhom, jekk ikun hemm, ikunu inerenti u proporzjonati għall-objettivi mixtieqa. Eżempji ta' regoli bħal dawn huma r-"regoli tal-logħba" (eż. regoli li jiffissaw it-tul tal-logħob jew l-għadd ta' plejers fil-grawnd), regoli li jikkonċernaw il-kriterji ta' l-għażla għall-kompetizzjonijiet sportivi, regoli ta' "logħob home u away ", regoli li jipprevjenu proprjetà multipla f'kompetizzjonijiet tal-klabbs, regoli li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tat-timijiet nazzjonali, regoli anti-doping u regoli dwar żmien it-trasferimenti.

Madankollu, fir-rigward ta' l-aspetti regolatorji ta' l-isport, il-valutazzjoni ta' jekk regola sportiva hix kompatibbli mal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-UE tista' ssir biss skond il-każ, kif kien ikkonfermat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fid-deċiżjoni tagħha ta' Meca-Medina.[8] Il-Qorti pprovdiet kjarifika rigward l-impatt tal-liġi ta' l-UE fuq ir-regoli sportivi. Hija rrifjutat il-kunċett ta' "regoli purament sportivi" bħala irrilevanti għall-kwistjoni ta' l-applikabilità tar-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-UE għas-settur ta' l-isport.

Il-Qorti rrikonoxxiet li l-ispeċifiċità ta' l-isport trid titqies fis-sens li effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li huma inerenti fl-organizzazzjoni u l-imġiba xierqa ta' l-isport kompettitiv ma jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-UE, sakemm dawn l-effetti jkunu proporzjonati għall-interess sportiv ġenwin u leġittimu mixtieq. Il-bżonn ta' test tal-proporzjonalità jimplika l-bżonn li jitqiesu l-fatturi individwali ta' kull każ. Dan ma jippermettix il-formulazzjoni ta' linji gwida ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni għas-settur ta' l-isport.

4.2 Moviment liberu u nazzjonalità

L-organizzazzjoni ta' l-isport u l-kompetizzjonijiet fuq bażi nazzjonali hija parti mill-isfond storiku u kulturali ta' l-approċċ Ewropew għall-isport, u jaqbel max-xewqat taċ-ċittadini Ewropej. B'mod partikolari, it-timijiet nazzjonali għandhom rwol essenzjali mhux biss f'termini ta' identità imma anki biex tkun żgurata s-solidarjetà ma' sports bażi, u għalhekk ħaqqhom ikunu appoġġjati.

Diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità hija pprojbita mit-Trattati, li jistabbilixxu d-dritt għal kull ċittadin ta' l-Unjoni biex jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri. It-Trattati għandhom ukoll l-għan li jabolixxu kull diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-impjiegi, ir-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħrajn tax-xogħol u ta' l-impjiegi. L-istess projbizzjonijiet japplikaw għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-provvista tas-servizzi. Barra minn hekk, is-sħubija fi klabbs sportivi u s-sehem f'kompetizzjonijiet huma fatturi rilevanti għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tar-residenti fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti.

Trattament l-istess jikkonċerna wkoll liċ-ċittadini ta' Stati li ffirmaw ftehimiet ma' l-UE li fihom klawżoli kontra d-diskriminazzjoni, u li huma impjegati legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri.

(39) Il-Kummissjoni sejħet lill-Istati Membri u lill-għaqdiet sportivi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fl-isports kollha. Hija se tiġġieled id-diskriminazzjoni fl-isport permezz ta' djalogu politiku ma' l-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet, djalogu strutturat mal-partijiet interessati fl-isport, u l-proċeduri tal-ksur meta jkun xieraq. |

Il-Kummissjoni terġa' tikkonferma l-aċċettazzjoni ta' restrizzjonijiet limitati u proporzjonati (b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' l-UE u d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea) għall-prinċipju tal-moviment liberu b'mod partikolari fir-rigward ta':

- Id-dritt ta' l-għażla ta' atleti nazzjonali għall-kompetizzjonijiet tat-timijiet nazzjonali;

- Il-bżonn li jkun limitat l-għadd ta' parteċipanti f'kompetizzjoni;

- It-tfassil ta' limiti taż-żmien għat-trasferimenti tal-plejers fi sports b'timijiet.

(40) Fir-rigward ta' l-aċċess għal kompetizzjonijiet individwali għal min m'għandux iċ-ċittadinanza tal-post, il-Kummissjoni bi ħsiebha tniedi studju li janalizza l-aspetti kollha ta' din il-kwistjoni kumplessa. |

4.3 It-trasferimenti

Fin-nuqqas ta' regoli rigward it-trasferimenti, l-integrità tal-kompetizzjonijiet sportivi jistgħu jkunu kompromessi minn klabbs li jġibu plejers ġodda matul staġun partikolari biex jegħlbu lill-kompetituri tagħhom. Fl-istess ħin, kull regola dwar it-trasferiment tal-plejers trid tirrispetta l-liġi ta' l-UE (dispożizzjonijiet rigward il-kompetizzjoni u regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema).

Fl-2001, fil-kuntest ta' kawża li kienet tikkonċerna allegat ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-futbol impenjaw ruħhom li jirrevedu r-Regolamenti tal-FIFA dwar it-trasferimenti internazzjonali tal-futbol, abbażi ta' kumpens għall-ispejjeż ta' taħriġ li ġarrbu l-klabbs sportivi, il-ħolqien ta' perjodi tat-trasferimenti, il-ħarsien ta' l-edukazzjoni skolastika ta' plejers taħt l-età, u aċċess garantit għall-Qrati nazzjonali.

Il-Kummissjoni tqis sistema bħal din bħala eżempju ta' prassi tajba li tiżgura ekwilibru kompetittiv bejn il-klabbs sportivi filwaqt li tqis ir-rekwiżiti tal-liġi ta' l-UE.

It-trasferiment tal-plejers iqajjem ukoll tħassib dwar il-legalità tal-flussi finanzjarji involuti. Biex tiżdied it-trasparenza fil-flussi tal-flus relatati mat-trasferimenti, sistema ta' tagħrif u verifika tat-trasferimenti tista' tkun soluzzjoni effettiva. Il-Kummissjoni tqis li sistema bħal din għandu jkollha biss funzjoni ta' kontroll; tranżazzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu direttament bejn il-partijiet involuti. Is-sistema tista' titmexxa mill-għaqda sportiva Ewropea rilevanti jew minn sistemi nazzjonali ta' tagħrif u verifika fl-Istati Membri, jiddependi minn liema sport ikun.

4.4 L-aġenti tal-plejers

L-iżvilupp ta' suq tal-plejers verament Ewropew u l-għoli fil-livell tas-salarji tal-plejers f'ċerti sports wasslu għal żieda fl-attivitajiet ta' l-aġenti tal-plejers. F'ambjent ġuridiku iktar u iktar kumplikat, ħafna plejers (imma anke klabbs sportivi) jitolbu s-servizzi ta' l-aġenti biex jinnegozjaw u jiffirmaw il-kuntratti.

Hemm rapporti ta' prassi ħażina fl-attivitajiet ta' xi aġenti li wasslu għal każijiet ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u sfruttament ta' plejers taħt l-età. Prassi bħal dawn huma ta' dannu għall-isport b'mod ġenerali u jqajmu mistoqsijiet serji rigward it-tmexxija. Is-saħħa u s-sigurtà tal-plejers, partikolarment tal-minorenni, għandhom ikunu mħarsa u għandu jkun hemm ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali.

Barra minn hekk, l-aġenti huma suġġetti għal regolamenti li jvarjaw fi Stati Membri differenti. Xi Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni speċifika dwar l-aġenti tal-plejers filwaqt li f'oħrajn il-liġi applikabbli hija l-liġi ġenerali rigward l-aġenziji ta' l-impjiegi, imma b'referenzi għall-aġenti tal-plejers. Barra minn hekk, xi federazzjonijiet internazzjonali (il-FIFA, il-FIBA) introduċew regolamenti tagħhom stess.

Għal dawn ir-raġunijiet, saru sejħiet ripetuti lill-UE biex tirregola l-attività ta' l-aġenti tal-plejers permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva ta' l-UE.

(41) Il Kummissjoni se twettaq stima ta' l-impatt biex tkun provduta ħarsa ġenerali ċara ta' l-attivitajiet ta' l-aġenti tal-plejers fl-UE u valutazzjoni dwar jekk hemmx bżonn ta' azzjoni fil-livell ta' l-UE, li se tanalizza wkoll l-għażliet differenti possibbli. |

4.5 Il-ħarsien tal-minorenni

L-isfruttament tal-plejers żgħar għadu għaddej. Il-problema l-iktar serja tikkonċerna lit-tfal li ma jintgħażlux għall-kompetizzjonijiet u jiġu abbandunati f'pajjiż barrani, li b'hekk ħafna drabi jispiċċaw f'qagħda irregolari li trawwem iktar sfruttament minnhom. Għalkemm f'ħafna każijiet dan il-fenomenu ma jaqax fid-definizzjoni tal-liġi ta' traffikar fil-bnedmin, huwa inaċċettabbli fid-dawl tal-valuri fundamentali rikonoxxuti mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Dan imur ukoll kontra l-valuri ta' l-isport. Miżuri protettivi għal minorenni mhux akkumpanjati fil-liġijiet ta' l-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri għandhom jiġu applikati b'rigorożità. Irid ikun hemm ġlieda wkoll kontra l-abbuż u l-fastidju sesswali tal-minorenni fl-isport.

(42) Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Ħarsien taż-Żgħażagħ fuq il-Post tax-Xogħol. Il-Kummissjoni reċentement nediet studju dwar ix-xogħol tat-tfal biex jikkumplimenta s-sorveljanza minnha ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-kwistjoni tal-plejers żgħar li taqa' fl-ambitu tad-Direttiva se titqies fl-istudju. (43) Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Istati Membri u lill-għaqdiet sportivi biex jikkooperaw għall-ħarsien ta' l-integrità morali u fiżika taż-żgħażagħ permezz tat-tixrid tat-tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti, it-twaqqif ta' standards minimi u skambju ta' l-aħjar prassi. |

4.6 Il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u forom oħra ta' delitti finanzjarji

Il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u forom oħra ta' delitti finanzjarji qegħdin jaffettwaw l-isport fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali. Minħabba l-grad għoli ta' internazzjonalizzazzjoni, il-korruzzjoni fis-settur ta' l-isport spiss ikollu aspetti transkonfinali. Problemi ta' korruzzjoni b'dimensjoni Ewropea għandhom jiġu ttrattati fil-livell Ewropew. Il-mekkaniżmi ta' ħasil tal-flus ta' l-UE għandhom japplikaw b'mod effettiv anki fis-settur ta' l-isport.

(44) Il-Kummissjoni se tappoġġja sħubijiet pubbliċi-privati li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-isports u awtoritajiet ta' kontra l-korruzzjoni, li jidentifikaw il-vulnerabilitajiet għall-korruzzjoni fis-settur ta' l-isport u jgħinu fl-iżvilupp ta' strateġiji preventivi u ripressivi effettivi biex jiġġieldu din il-korruzzjoni. (45) Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE ta' kontra l-ħasil tal-flus fl-Istati Membri fir-rigward tas-settur ta' l-isport. |

4.7 Sistemi ta' għoti ta' liċenzji għall-klabbs

Il-Kummissjoni tagħraf l-utilità ta' sistemi ta' liċenzji robusti għall-klabbs professjonistiċi fil-livelli Ewropej u nazzjonali bħala għodda biex tippromwovi ġestjoni tajba fl-isport. Sistemi ta' għoti ta' liċenzji ġeneralment ikollhom l-għan li jiżguraw li l-klabbs kollha jirrispettaw l-istess regoli bażiċi dwar il-ġestjoni finanzjarja u t-trasparenza, imma jistgħu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni, il-vjolenza, il-ħarsien tal-minorenni u t-taħriġ. Sistemi bħal dawn iridu jkunu kompatabbli mad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tas-Suq Intern u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu bżonnjuż biex jintlaħaq għan leġittimu marbut ma' l-organizzazzjoni u l-imġiba xierqa fl-isport.

L-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-implimentazzjoni u t-tisħiħ gradwali ta' sistemi ta' l-għoti tal-liċenzji. Fil-każ tal-futbol, fejn sistema ta' l-għoti tal-liċenzji dalwaqt issir obbligatorja għall-klabbs li jidħlu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, l-azzjoni trid tkun ikkonċentrata fuq il-promozzjoni u l-inkoraġġiment għall-użu ta' sistemi ta' għoti tal-liċenzji fuq livell nazzjonali.

(46) Il-Kummissjoni se tippromwovi djalogu ma' l-għaqdiet sportivi biex tindirizza l-implimentazzjoni u t-tisħiħ ta' sistemi awto-regolatorji għall-għoti tal-liċenzji. (46) Nibdew mill-futbol, il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza konferenza mal-UEFA, l-EPFL, il-Fifpro, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u l-ligs nazzjonali dwar is-sistemi ta' l-għoti tal-liċenzji u l-aħjar prassi fil-qasam. |

4.8 Il-mezzi tax-xandir

Kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn is-settur ta' l-isport u l-mezzi tax-xandir ta' l-isport (b'mod partikolari t-televiżjoni) saru kruċjali peress li d-drittijiet tat-televiżjoni huma s-sors ewlieni tad-dħul għall-isport professjonistiku fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet għax-xandir ta' l-isports huwa sors deċiżiv ta' kontenut għal ħafna operaturi tax-xandir.

L-isport kien wassal għall-emerġenza ta' servizzi ġodda tax-xandir u tat-televiżjoni interattiva. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja d-dritt għat-tagħrif u l-aċċess wiesa' għaċ-ċittadini għal xandiriet ta' avvenimenti sportivi, li huma meqjusa ta' interess kbir jew ta' importanza maġġuri għas-soċjetà.

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni tat-Trattat tal-KE dwar il-bejgħ tad-drittijiet tax-xandir ta' avvenimenti sportivi tqis għadd ta' karatteristiċi speċifiċi f'dan il-qasam. Id-drittijiet tax-xandir ta' l-isport xi kultant jinbigħu kollettivament minn assoċjazzjoni sportiva f'isem il-klabbs individwali (minflok ma d-drittijiet jinbigħu individwalment mill-klabbs). Minkejja li l-bejgħ konġunt tad-drittijiet tax-xandir iqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni aċċettatu b'ċerti kundizzjonijiet. Il-bejgħ kollettiv jista' jkun importanti għar-ridistribuzzjoni tad-dħul u għalhekk jista' jkun għodda biex tinkiseb solidarjetà ikbar fl-isports.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza ta' ridistribuzzjoni ekwa tad-dħul bejn il-klabbs, inklużi l-iżgħar klabbs, u bejn l-isports professjonistiċi u dawk amatorjali.

(48) Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-għaqdiet sportivi biex jagħtu l-attenzjoni meħtieġa għall-ħolqien u ż-żamma ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà. Fil-qasam tad-drittijiet tax-xandir ta' l-isports, mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jieħdu l-forma ta' sistema ta' bejgħ kollettiv tad-drittijiet tax-xandir jew inkella, ta' sistema ta' bejgħ individwali mill-klabbs, biż-żewġ każijiet marbuta ma' mekkaniżmu robust ta' solidarjetà. |

5. SEGWITU

Il-Kummissjoni se tkompli fuq l-inizjattivi ppreżentati f'din il- White Paper tul l-implimentazzjoni ta' djalogu strutturat mal-partijiet interessati fl-isport, kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, u l-promozzjoni ta' djalogu soċjali fis-settur ta' l-isport.

5.1 Djalogu strutturat

L-isport Ewropew huwa kkaratterizzat minn għadd ta' strutturi kumplikati u varjati li jgawdu minn tipi differenti ta' stati ġuridiċi u livelli ta' awtonomija fl-Istati Membri. Kuntrarjament għal setturi oħra u minħabba n-natura nnifisha ta' l-isport organizzat, l-istrutturi ta' l-isport Ewropew, bħala regola, huma inqas żviluppati mill-istrutturi sportivi fil-livelli nazzjonali u internazzjonali. Barra minn hekk, l-isport Ewropew ikun ġeneralment organizzat skond l-istrutturi kontinentali u mhux fil-livell ta' l-UE.

Il-partijiet interessati jaqblu li l-Kummissjoni għandha rwol importanti fil-kontribuzzjoni għad-dibattitu Ewropew dwar l-isport billi tipprovdi pjattaforma għad-djalogu mal-partijiet interessati fl-isport. Konsultazzjoni wiesgħa mal-"partijiet interessati" hija waħda mid-dmirijiet tal-Kummissjoni skond it-Trattati.

Fid-dawl tal-kulturi sportivi kumplikati u varjati fl-Ewropa, il-Kummissjoni bi ħsiebha tinvolvi partikolarment lill-atturi li ġejjin fid-djalogu strutturat tagħha:

- Il-Federazzjonijiet Sportivi Ewropej;

- Għaqdiet rappreżentattivi Ewropej għall-isport, partikolarment il-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC), il-Kumitat Paralimpiku Ewropew (EPC) u għaqdiet sportivi mhux governattivi;

- Għaqdiet sportivi rappreżentattivi nazzjonali u Kumitati Olimpiċi u Paralimpiċi nazzjonali;

- Atturi oħrajn fil-qasam ta' l-isport rappreżentati fil-livell Ewropew, inklużi l-imsieħba soċjali;

- Għaqdiet Ewropej u internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari l-istrutturi tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-isport u l-entitatjiet tan-NU bħall-UNESCO u d-WHO.

(49) Il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza djalogu strutturat kif ġej: Forum Sportiv ta' l-UE: laqgħa annwali tal-partijiet interessati fl-isport; Diskussjonijiet tematiċi b'għadd limitat ta' parteċipanti. (50) Il-Kummissjoni se tipprova wkoll tippromwovi viżibilità Ewropea ikbar fl-avvenimenti sportivi. Il-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri ta' l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej ta' l-Isport. |

- 5.2 Kooperazzjoni ma' l-Istati Membri

Il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-isport fil-livell ta' l-UE ssir f'laqgħat ministerjali informali, kif ukoll fil-livell amministrattiv mid-Diretturi ta' l-Isport. Fl-2004 il-Ministri ta' l-Isport Ewropej adottaw Aġenda Rikorrenti għall-isport biex jiġu definiti t-temi prijoritarji għad-diskussjonijiet dwar l-isport fost l-Istati Membri.

(51) Biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet elenkati f'din il-White Paper, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-kooperazzjoni eżistenti fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |

Abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jsaħħu l-mekkaniżmu ta' l-Aġenda Rikorrenti, pereżempju:

- Biex jiddefinixxu flimkien il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni fil-politika sportiva;

- Biex isir rapport regolarment lill-Ministri ta' l-Isport ta' l-UE dwar il-progress.

Kooperazzjoni iktar mill-qrib se teħtieġ l-organizzazzjoni regolari ta' laqgħat tal-Ministri ta' l-Isport u d-Diretturi ta' l-Isport taħt kull Presidenza, li jitqiesu mit-timijiet ta' Presidenza ta' 18-il xahar tal-ġejjieni.

(52) Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni "Pierre de Coubertin" permezz tal-mekkaniżmu ta' l-Aġenda Rikorrenti. |

5.3 Djalogu soċjali

Fid-dawl ta' għadd dejjem jikber ta' sfidi għall-ġestjoni ta' l-isport, id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew jista' jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat it-tħassib komuni ta' min iħaddem u ta' l-atleti, inklużi ftehimiet dwar relazzjonijiet ta' impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE.

Il-Kummissjoni appoġġjat proġetti għall-konsolidazzjoni tad-djalogu soċjali fis-settur ta' l-isport b'mod ġenerali kif ukoll fis-settur tal-futbol. Dawn il-proġetti ħolqu bażi għad-djalogu soċjali fil-livell Ewropew u l-konsolidazzjoni ta' l-għaqdiet ta' livell Ewropew. Kumitat Settorjali għad-Djalogu Soċjali jista' jkun stabbilit mill-Kummissjoni abbażi ta' talba konġunta mill-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni tqis li djalogu soċjali Ewropew fis-settur ta' l-isport jew fis-sotto-setturi tiegħu (eż. il-futbol) ikun strument li jippermetti lill-imsieħba soċjali jikkontribwixxu għall-iffurmar tar-relazzjonijiet ta' l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol b'mod attiv u parteċipattiv. F'dan il-qasam, djalogu soċjali bħal dan jista' jwassal ukoll għat-twaqqif ta' karti jew kodiċi ta' mġiba maqbula komunement, li jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mat-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-ħarsien taż-żgħażagħ.

(53) Il-Kummissjoni tilqa' u tħeġġeġ kull sforz li jwassal għat-twaqqif ta' Kumitati Ewropej għad-Djalogu Soċjali fis-settur ta' l-isport. Hija tkompli tagħti l-appoġġ kemm lil min iħaddem kif ukoll lill-impjegati u se tkompli bid-djalogu miftuħ tagħha ma' l-għaqdiet sportivi kollha fuq din il-kwistjoni. |

L-appoġġ li l-Istati Membri għandhom jagħtu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-azzjonijiet konġunti ta' l-imsieħba soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew fir-reġjuni ta' konverġenza għandhom jintużaw ukoll għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-imsieħba soċjali fis-settur ta' l-isport.

6. KONKLUŻJONI

Il- White Paper fiha għadd ta' azzjonijiet li jridu jiġu implimentati jew appoġġjati mill-Kummissjoni. Flimkien dawn l-azzjonijiet jiffurmaw il-Pjan ta' Azzjoni "Pierre de Coubertin" li se jiggwida lill-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha marbuta ma' l-isport fis-snin li ġejjin.

Il- White Paper ħadet vantaġġ sħiħ mill-possibilitajiet offruti mit-Trattati ta' issa. Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 ta mandat għall-Konferenza Intergovernattivi, li jipprevedi dispożizzjoni fit-Trattat dwar l-isport. Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista' tiġi lura għal din il-kwistjoni u tindika passi oħrajn fil-kuntest tad-dispożizzjoni l-ġdida fit-Trattat.

Il-Kummissjoni se torganizza konferenza biex tippreżenta l- White Paper mal-partijiet interessati fl-isport fil-Ħarifa ta' l-2007. Is-sejbiet tagħha se jiġu ppreżentati lill-Ministri ta' l-Isport ta' l-UE sa tmiem l-2007. Il- White Paper se tiġi ppreżentata wkoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

[1] Pierre de Coubertin (1863-1937), pedagogu u storiku Franċiż, fundatur tal-Logħob Olimpiku modern.

[2] Għall-finijiet ta' ċarezza u sempliċità, din il- White Paper se tuża d-definizzjoni ta' "sport" stabbilita mill-Kunsill ta' l-Ewropa: "kull forma ta' attività fiżika li, permezz ta' partiċipazzjoni każwali jew organizzata, għandha l-għan li tesprimi jew ittejjeb il-kundizzjoni fiżika u l-benessri mentali, tifforma relazzjonijiet soċjali jew tikseb riżultati f'kompetizzjoni fil-livelli kollha."

[3] Ewrobarometru Speċjali (2004): Iċ-Ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-Isport.

[4] COM(2007) 279 finali tat-30.5.2007

[5] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (Ġurnal Uffiċjali L 394 tat-30.12.2006).

[6] D. Dimitrov / C. Helmenstein / A. Kleissner / B. Moser / J. Schindler: Die makroökonomischen Effekte des Sports in Europa , Studie im Auftrag des Bundeskanzleramts, Sektion Sport, Wien, 2006

[7] Eż. il-konferenza dwar ir-"Regoli tal-Logħba" organizzata fl-2001 mill-FIA u l-EOC u r-Reviżjoni Sportiva Ewropea Indipendenti li saret fl-2006.

[8] Il-Kawża C-519/04P, Meca Medina vs. il-Kummissjoni , ECR 2006, I-6991. Għal aktar dettalji, ara d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff.