52007DC0349




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.6.2007

KUMM(2007) 349 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Annwali 2007 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2006

{SEK(2007) 840}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Annwali 2007 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2006

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Qafas aħjar għall-politika dwar l-iżvilupp: Koerenza Politika 3

3. Qafas aħjar għall-politika dwar l-iżvilupp 4

4. Qafas aħjar għall-assistenza esterna – simplifikazzjoni u kjarifika tar-regolamenti 5

5. Qafas aħjar għal ħidma flimkien: effettività ta' l-għajnuna 8

6. Riżultati 9

INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea tibqa' s-sors ewlieni ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja billi tipprovdi € 46.9 biljun (56.67%) ta' assistenza uffiċċjali totali għall-iżvilupp (ODA) rapportata lill-OECD għall-2006. L-għajnuna esterna mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea ammontat għal madwar € 2.1 biljun ta' impenji ġodda fl-2006, li minnhom € 9.8 biljun huma klassifikati bħala ODA. 'Il fuq minn 160 pajjiż jibbenefikaw minn din l-għajnuna.

Fl-2006 saru tibdiliet kbar fil-mod kif l-UE tmexxi r-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja. L-ewwelnett, billi kien żgurat li politiki li jeffettwaw lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jappoġġjaw l-għanijiet ta' żvilupp; it-tieni, billi adottat strateġiji li jirriflettu l-prijoritajiet ewlenin tagħha; it-tielet, billi ssimplifikat il-medda ta' strumenti li jipprovdu l-bażi legali għal għajnuna esterna; ir-raba', billi implimentat miżuri sabiex taħdem eqreb ma' pajjiżi sħab u partijiet oħra fl-iżvilupp sabiex l-għajnuna ssir aktar effettiva; u fl-aħħarnett, billi tejbet il-mod kif jitkejlu r-riżultati u jittieħdu lezzjonijiet.

L-għan ta' dan ir-rapport hu li jippreżenta l-karatteristiċi ewlenin ta' kull waħda minn dawn it-tibdiliet.

Qafas aħjar għall-politika dwar l-iżvilupp: Koerenza Politika

Sa mill-adozzjoni f'Diċembru 2005 tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-Kummissjoni iffukat dejjem aktar fuq il-kontribut li l-politiki lil hinn mill-iżvilupp – bħall-kummerċ, il-biedja, l-ambjent, is-sigurtà, il-migrazzjoni, id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, l-impjiegi u x-xogħol diċenti, u l-ko-operazzjoni xjentifika internazzjonali, inkluża r-riċerka fis-saħħa – jistgħu jagħtu lejn il-kisba ta' l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp (MDGs).

Ħafna jaqblu li l-politika ta' żvilupp waħidha ma ġġibx biżżejjed riżultati u li għadd ta' politiki oħra jistgħu jkollhom impatt ewlieni. L-għan ta' l-UE hu li timmassimizza l-effett pożittiv tal-politiki tagħha filwaqt li timminimizza l-effett negattiv tagħhom fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Bl-ispinta tal-Presidenza Ewropea, ġie elaborat programm ta' ħidma għall-2006-2007 dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp (PCD) sabiex jidentifika prijoritajiet komuni għal azzjoni. F'Ottubru 2006, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jkopru kemm il-programm ta' ħidma ta' PCD tal-Presidenza u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' żvilupp fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għamlet progress f'għadd ta' oqsma, inkluż il-kummerċ, u b'mod partikolari fin-negozjar ta' Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku ma' pajjiżi ta' l-AKP bl-għan li jrawmu integrazzjoni kummerċjali u reġjonali bħala mezz għall-iżvilupp fit-tul. Il-ġlieda kontra l-mard li jittieħed marbut mal-faqar hi eżempju tajjeb ieħor, per eżempju permezz tal-Partenarjat Ewropew u tal-Pajjiżi li qegħdin Jiżviluppaw dwar Testijiet Kliniċi (EDCTP).

Sar ukoll progress konsiderevoli fil-qasam tal-migrazzjoni, fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika [1] bit-tnedija ta' Programm Tematiku għall-Migrazzjoni li jiswa € 380 miljun għall-2007-2013 u, fil-qasam tas-sigurtà, b'appoġġ għar-riforma fis-settur tas-sigurtà f'pajjiżi msieħba. Il-migrazzjoni hi suġġett li fih il-koerenza hija partikolarment importanti. Fil-qafas tal-ftehimiet usa' tagħha ta' kooperazzjoni, l-UE żviluppat djalogu dwar kwistjonijiet marbuta ma' migrazzjoni ma' għadd ta' pajjiżi u reġjuni fid-dinja. Il-Politika Ewropea għall-Viċinat hija eżempju, u proċessi oħra ta' djalogu jinsabu għaddejjin ma' msieħba fl-Afrika, fl-Asja, fl-Amerika Latina u fil-Karibew[2].

Djalogu bħal dan tipikament ikopri medda wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi per eżempju r-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u t-traffikar ta' persuni umani, l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' refuġjati fuq l-iżvilupp, u sforzi konġunti sabiex il-migrazzjoni ekonomika titmexxa aħjar. Jista' jwassal għall-forniment ta' għajnuna mill-UE sabiex tgħin pajjiżi msieħba jibnu l-kapaċità tagħhom biex imexxu kurrenti ta' migrazzjoni u jimmassimizzaw ir-rabtiet pożittivi bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

Fil-kuntest tal-koerenza huma wkoll indirizzati sistematikament kwistjonijiet ta' drittijiet umani u tmexxija tajba. Fl-2006 per eżempju, ġew mobilizzati 13-il Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali ta' l-UE u ntbagħtu madwar 1 400 osservatur ta' l-UE. Dawn il-missjonijiet ikkontribwew, bil-preżenza tagħhom, sabiex titnaqqas il-possibbiltà ta' frodi, manipulazzjoni u intimidazzjoni. Żiedu t-trasparenza u l-kunfidenza pubblika fil-proċess elettorali, u b'hekk appoġġjaw il-progress fid-demokrazija u t-tmexxija. F'ċerti każi, il-missjonijiet kellhom rwol fil-prevenzjoni tal-kunflitt, bħal fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), fejn l-aktar Missjoni importanti ta' l-EU li qatt intbagħtet (300 osservatur) issorveljat iż-żewġ sensiliet elettorali f'Lulju u f'Novembru. Dawn l-elezzjonijiet wittew it-triq għal ritorn lejn il-paċi ċivili, it-twaqqif mill-ġdid ta' tmexxija, żvilupp sostenibbli fir-RDK u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun sħiħ tal-Great Lakes.

Dwar tmexxija, il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid lejn "Tmexxija fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp"[3]. Dan jibni fuq evalwazzjoni ewlenija li tkopri l-perjodu 1994-2004. Dan sab li l-UE għamlet l-għażla t-tajba meta poġġiet it-tmexxija fuqnett fl-aġenda politika u ta' kooperazzjoni tagħha, u l-Kummissjoni għamlet progress sostanzjali fid-definizzjoni ta' liema huma, probabbilment, l-aktar approċċi effettivi lejn titjib sostenibbli. Il-Kummissjoni tisħaq ukoll dwar l-importanza li tkun promossa tmexxija tajba f'oqsma bħat-taxxa, il-finanzi u l-ġudikatura, u l-kooperazzjoni xjentifika.

Finalment, il-koerenza hi ta' importanza kruċjali għall-implimentazzjoni tal-politiki ta' assistenza esterna ta' l-UE. Meta tinnegozja ma' pajjiżi sħab, il-Kummissjoni tadotta tliet identitajiet ewlenin – attur politiku, aġenzija ta' żvilupp u amministrazzjoni donatriċi - u kontinwament tfittex modi kif tgħaqqad dawn it-tlieta b'mod effettiv.

Qafas aħjar għall-politika dwar l-iżvilupp

Ukoll skond il-Kunsens, il-Kummissjoni iffukat fuq li tiżgura li l-għanijiet u l-prinċipji tagħha jkunu riflessi fl-istrateġiji għal intervent fil-livell reġjonali.

B'mod partikolari, l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika hi l-ewwel applikazzjoni tal-Kunsens u l-ewwel qafas politiku Ewropew integrat sabiex itejjeb il-koordinazzjoni u l-koerenza tal-politiki u l-istrumenti ta' l-UE u l-Istati Membri. L-importanza mogħtija lill-Afrika dehret bl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija u bl-impenn ta' l-UE sabiex taħdem fuq Strateġija Konġunta UE-Afrika li għandha tkun adottata fit-tieni Samit ta' l-UE-Afrika fit-tieni nofs ta' l-2007 f'Lisbona. Eżempju ieħor kien is-sessjoni ta' ħidma konġunta bejn il- Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana, li involviet tim ta' Kummissarji Ewropew immexxija mill-President Jose Manuel Barroso li ltaqa' mal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana fil-kwartieri ġenerali tagħha f'Addis Ababa.

L-istrateġiji għar-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' reġjuni oħra siltu wkoll mill-Kunsens sabiex tkun promossa viżjoni konsistenti tad-dinja, filwaqt li tingħaraf il-ħtieġa għad-differenzjazzjoni. Is-sena 2006 kienet waħda effettiva fil-bini ta' partenarjat strateġiku bejn l-UE u l-Amerika Latina, b'żewġ prijoritajiet ewlenin għall-kooperazzjoni: li tiżdied il-koeżjoni soċjali u li tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali.

L-UE qed tibni wkoll qafas strateġiku għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja bbażat fuq djalogu politiku aktar b'saħħtu, kummerċ imtejjeb u livell sostnut ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp. Ir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni maż-żewġ pajjiżi ewlenin fir-reġjun, iċ-Ċina u l-Indja, qed jiġu żviluppati fil-qafas ta' partenarjati strateġiċi. Il-firxa ta' dawn il-partenarjati hi komprensiva, u tkopri kemm il-kooperazzjoni ekonomika kif ukoll l-aspetti politiċi.

Il-Politika Ewropea għall-Viċinat (ENP) qabdet ir-ritmu wkoll. L-ENP hi fost il-prijoritajiet ewlenin tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE. Permezz ta' din il-politika, l-UE tfittex li tippromwovi tmexxija tajba u żvilupp ekonomiku fil-viċinat tagħha. Fl-ewwel tmintax-il xahar ta' l-implimentazzjoni tagħha, il-politika qiegħdet bażi sostanzjali għal relazzjonijiet imsaħħa bejn l-Unjoni u l-ġirien tagħha. FL-4 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni stabbiliet proposti ġodda sabiex issaħħaħ u tiżviluppa aktar l-ENP. Dawn jantiċipaw offerta lil pajjiżi sħab għal prospetti mtejba ta' kummerċ u investiment, l-iffaċilitar ta' kuntatti bejn persuni u vvjaġġar leġittimu għal perjodi qosra, aktar attività fl-indirizzar ta' kunflitti staġnati, u l-ftuħ ta' aktar possibbiltajiet għall-mobilizzazzjoni ta' finanzjament.

Permezz tal-politika tagħha ta' tkabbir u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-UE tassisti pajjiżi b'perspettiva ta' sħubija sabiex gradwalment jintegraw fl-Unjoni. Fl-2006, din il-politika kopriet il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-pajjiżi Balkani tal-Punent u t-Turkija. Il-Bulgarija u r-Rumanija ingħaqdu fl-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2007. Qegħdin isiru negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja u t-Turkija, filwaqt li l-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Lvant ilkoll għamlu progress fir-"road map" stabbilita fil-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fl-2006, il-Kummissjoni stabbiliet miżuri stretti sabiex issaħħaħ il-politika ta' l-UE għall-Balkani tal-Punent u l-istrumenti tagħha, b'mod partikolari sabiex tagħmel il-perspettiva ta' l-UE aktar tanġibbli għaċ-ċittadini ta' dak ir-reġjun.

Qafas aħjar għall-assistenza esterna – simplifikazzjoni u kjarifika tar-regolamenti

Il-politiki ta' assistenza esterna ġew integrati fl-abbozz ta' strumenti ġodda li jagħmlu parti minn titjib sħiħ ta' l-istruttura ta' kooperazzjoni esterna ta' l-UE. Fl-2006 dawn l-istrumenti ġodda, li jistabbilixxu qafas simplifikat għat-twettiq ta' assistenza matul il-perjodu 2007-2013, ġew finalizzati. Dawn jipprovdu bażi konsistenti għal azzjoni, u jġibu flimkien għanijiet ċari ta' politika mal-proċeduri u l-istrumenti meħtieġa sabiex jinkisbu. Disa' strumenti finanzjarji jissostitwixxu l-medda eżistenti ta' regolamenti ġeografiċi u tematiċi.

Sitt strumenti jappoġġjaw politiki speċifiċi b'fokus ġeografiku jew tematiku:

L-Istrument ta' Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA);

- l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija (ENPI);

- l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (DCI);

- l-Istrument għall-Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Industrijalizzati (ICI);

L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

- l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC);

Tliet strumenti se jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' kriżi:

- l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS);

- l-għajnuna umanitarja eżistenti, li tinkorpora għajnuna t'emerġenza f'ikel taħt il-perspettivi finanzjarji l-ġodda;

- l-istrumenti ta' assistenza makrofinanzjarja.

Il-kooperazzjoni ser tkun implimentata permezz ta' karti ta' strateġija skond il-pajjiżi, ir-reġjuni u tematiċi u programmi indikattivi multiannwali, kif ukoll programmi annwali ta' azzjoni, li huma soġġetti għall-proċedura demokratika ġdida ta' skrutinju stabbilita taħt il-Ftehim Inter-Istituzzjonali. Din il-proċedura tbassar li l-Kummissjoni ser sistematikament tinforma u tikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill billi tibgħat abbozzi ta' karti ta' strateġija. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tidħol fi djalogu regolari mal-Parlament Ewropew dwar dawn il-karti ta' strateġija u li tqis debitament il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew meta timplimenta l-istrateġiji.

Il-fondi disponibbli taħt l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (DCI) jammontaw għal € 10.1 biljun għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-Amerika Latina, l-Asja u l-Lvant Nofsani, u għall-Afrika t'isfel. Minbarra l-kooperazzjoni ġeografika, id-DCI fih ukoll programmi tematiċi li jissostitwixxu r-regolamenti tematiċi eżistenti.

F'Jannar 2006, il-Kummissjoni adottat Komunikat imsejjaħ "Ninvestu fin-Nies" [4] dwar il-programm tematiku għall-iżvilupp uman u soċjali. Id-DCI ser jipprovdi ftit 'il fuq minn biljun euro għal dan il-programm, sabiex jappoġġja azzjonijiet f'oqsma li jeffettwaw l-istandards ta' għixien u l-benessri tan-nies b'mod dirett, b'fokus fuq l-ifqar u l-inqas pajjiżi żviluppati u l-aktar sezzjonijiet żvantaġġjati tal-popolazzjoni. Fuq din il-bażi, tħejjiet strateġija sabiex tappoġġja l-attivitajiet taħt erba' pilastri ewlenin – Saħħa Tajba għal Kulħadd, Edukazzjoni, Għarfien u Snajja', Ugwaljanza bejn is-Sessi u Aspetti Oħra ta' l-Iżvilupp Soċjali u Uman (inkluża l-koeżjoni soċjali, l-impjiegi, ix-xogħol diċenti, it-tfal u ż-żgħażagħ, u l-kultura). Dan hu eżempju tajjeb ta' l-approċċ intregrat li tfittex li tippromwovi l-Kummissjoni.

Il-ħarsien ta' tfal u żgħażagħ, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta' tfal u żgħażagħ fl-iżvilupp huma oqsma ta' prijorità li għandhom jiġu indirizzati fil-programm tematiku tad-DCI "Ninvestu fin-Nies", kif ukoll fl-istrument il-ġdid għad-demokrazija u d-drittijiet umani. Sakemm iddaħħlu l-istrumenti simplifikati ġodda, il-Kummissjoni użat madwar 75 strument differenti marbuta ma' politiki u programmi ta' tfal, kemm fi u barra mill-fruntieri ta' l-UE. Sabiex ittejjeb il-koerenza, timmassimizza l-sinerġiji, tesplora n-nuqqasijiet u żżid l-impatt kollettiv ta' l-istrumenti fit-titjib tad-drittijiet tat-tfal, il-Kummissjoni adottat il-Komunikat "Lejn strateġija għad-drittijiet tat-tfal" fl-4 ta' Lulju 2006.

Dan il-Komunikat jiddefinixxi proċess fit-tul u profond li jżid l-impatt ta' l-azzjonijiet ta' l-UE favur it-tfal. Jipproponi wkoll mekkaniżmi ġodda sabiex jiżgura koordinazzjoni u konsultazzjoni interna (bħal Forum Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal) u jinkludi preskrizzjonijiet għall-parteċipazzjoni effettiva tat-tfal infushom. Wieħed mill-impenji tal-Komunikat hu li jkun żviluppat Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tfal fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

Għall-2007-13, il-baġit antiċipat għall-pajjiżi tal-Viċinat, fil-qafas ta' l-Istrument Ewropew dwar il-Viċinat u s-Sħubija, hu ta' madwar 12-il biljun euro, 32% aktar f'termini reali mill-perjodu ta' baġit preċedenti. Sabiex timmassimizza l-impatt u l-influwenza ta' dan il-finanzjament ta' l-UE, il-Kummissjoni pproponiet, fl-ENPI, il-ħolqien ta' żewġ mekkaniżmi ġodda, jiġifieri:

- Fond ta' Investiment għall-Viċinat, li għalih l-Istati Membri ser jiġu wkoll mistiedna jikkontribwixxu u li ser jintuża sabiex isaħħaħ self addizzjonali mill-Bank Ewropew għall-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u banek oħra ta' żvilupp. Il-kontribut mill-baġit ikun ta' 700 miljun euro. Hu stmat li dan il-fond jista' jinkoraġġixxi self ta' ħafna drabi aktar mill-ammont ta' għoti ta' finanzjament. Jekk l-Istati Membri jagħtu kontribuzzjoni ekwivalenti għal din tal-Kummissjoni, il-Fond jista' jiġġenera ammont sostanzjali f'self konċessjonali;

- Faċilità ta' Tmexxija ta' 300 miljun euro sabiex tipprovdi appoġġ addizzjonali, fuq l-allokazzjonijiet normali għall-pajjiżi, sabiex tagħraf u tappoġġja x-xogħol ta' pajjiżi sħab li jkunu għamlu l-aktar progress fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tagħhom.

L-ENPI għandha wkoll komponent speċifiku ta' kooperazzjoni fuq il-fruntieri, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda tfasslu sabiex jindirizzaw nuqqasijiet tal-passat u biex jagħmlu din it-tip ta' kooperazzjoni eħfef u aktar effettiva.

L-ipprogrammar għall-pajjiżi Asjatiċi, Latino-Amerikani u pajjiżi tal-viċinat kien kważi tlesta u tnieda djalogu informali bejn l-istituzzjonijiet dwar l-abbozzi ta' strateġiji ENPI u DCI, wara ftehim politiku dwar l-istrumenti, sabiex il-pass ta' l-għoti ta' assistenza fl-2007 jitnaqqas mill-inqas possibbli. Bid-dħul formali fis-seħħ ta' l-istrumenti kollha, id-djalogu għal dawn l-istrateġiji ser ikompli fl-2007, bi skrutinju demokratiku mill-Parlament Ewropew. F'Jannar kien approvat sett ta' Komunikati dettaljati, li jiddefinixxu l-approċċ u kontenuti ta' kull programm tematiku. Dan kien segwit minn proċess dettaljat ta' programmar għal kull programm tematiku, proċess li ser jitlesta kmieni fl-2007 sabiex jippermetti l-implimentazzjoni sussegwenti f'qasir żmien.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) għadha primarjament iffinanzjata taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda f'Diċembru 2005 li l-EDF għandu jkompli jiġi iffinanzjat separatament mill-baġit. Bi 22.7 biljun finanzjament, l-għaxar EDF (2008-2013) jistabbilixxi l-bażi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-AKP.

Tħejjew linji gwida ta' programmar għall-għaxar EDF fuq il-bażi tal-Kunsens, inkluża d-definizzjoni ta' oqsma ta' azzjoni Komunitarja u l-prinċipju ta' konċentrazzjoni fil-livell tal-pajjiżi. Kmieni din is-sena tnieda l-ipprogrammar għall-pajjiżi ta' l-AKP. Id-djalogu dwar l-ipprogrammar qed iseħħ u għandu jilħaq il-qofol tiegħu fil-Karti ta' Strateġija għall-Pajjiżi u r-Reġjuni lesti għall-iffirmar qabel it-tmiem ta' l-2007, bl-implimentazzjoni li tibda f'Jannar ta' l-2008.

Qafas aħjar għal ħidma flimkien: effettività ta' l-għajnuna

L-effettività ta' l-għajnuna tinsab fiċ-ċentru ta' l-aġenda politika ta' l-UE u tissemma fl-inizjattivi kollha tagħha għall-2006. Kemm l-Istqarrija Konġunta dwar il-Politika għall-Iżvilupp u l- Istrateġija Ġdida għall-Afrika jenfasizzaw l-importanza li titwassal mhux biss aktar għajnuna, iżda aktar għajnuna Ewropea effettiva. Il-ftehim ta' l-għaxar EDF fih ukoll stqarrija ċara li tappoġġja l-effettività ta' l-għajnuna.

Sabiex l-impenji jsiru azzjonijiet, ġie approvat Pjan ta' Azzjoni (" L-Għajnuna ta' l-UE: inwasslu aktar, aħjar u b'aktar ħeffa ") f'April 2006, b'lista komprensiva ta' disa' għanijiet għat-twettiq li għandhom ikunu implimentati sa l-2010. Dawn jinkludu it-tifsil regolari ta' l-għajnuna ta' l-UE fil-livelli globali, reġjonali u lokali (l-Atlas ta' Donaturi[5]) , kif ukoll proposta għal Qafas Konġunt għall-Ipprogrammar ta' l-UE (JPF). Illum, l-Atlas ta' Donaturi sar għodda utli għas-sorveljanza ta' l-għajnuna u t-titjib tal-koordinazzjoni u l-qsim tax-xogħol fl-għajnuna ta' l-UE, filwaqt li l-JPF qed jiddaħħal f'għadd ta' pajjiżi fl-ipprogrammar ta' l-għaxar EDF li għaddej.

Il-frammentazzjoni eċċessiva ta' assistenza għall-iżvilupp mill-komunità internazzjonali wasslet għat-tixrid, id-duplikazzjoni u anke l-kontradizzjoni f'attivitajiet ta' għajnuna, u b'hekk għat-tnaqqis ta' l-impatt potenzjali minħabba l-akkumulazzjoni ta' spejjeż amministrattivi bla ħtieġa, u ż-żieda tal-piż fuq il-pajjiżi sħab. L-Atlas ta' Donaturi ta' l-UE juri dawn in-nuqqasijiet u d-duplikazzjonijiet. Kumplimentarjetà akbar ta' attivitajiet hi fattur ewlieni sabiex tiżdied l-effettività ta' l-għajnuna. Fl-2006 ġew adottati linji gwida dwar l-effettività ta' l-għajnuna u ngħataw korsijiet ta' taħriġ kemm fil-Kwartieri Ġenerali kif ukoll madwar id-dinja.

Il-mossa lejn forniment ta' għajnuna f'forma ta' appoġġ baġitarju dirett, sabiex tkun immexxija kompletament mis-sistemi tal-pajjiż sieħeb, hija kontribut sinifikanti lejn it-tisħiħ ta' "proprjetà" ta' pajjiż sieħeb u lejn kunfidenza fil-pajjiżi donaturi li jistgħu jużaw is-sistemi ta' tmexxija tal-pajjiż sieħeb stess ("allinjament"). Il-Kunsens Ewropew jidentifika l-appoġġ baġitarju bħala "l-modalità preferuta meta l-kundizzjonijiet ikunu jippermettu". Il-Kummissjoni żiedet l-użu tagħha ta' sistemi ta' pajjiżi permezz ta' appoġġ baġitarju ftit 'il fuq minn 40% ta' l-għajnuna programmata bejn l-2003 u l-2005.

Il-Kummissjoni hi involuta mill-qrib fl-appoġġ ta' stati "fraġli". Per eżempju, fil-Palestina, ħadmet mill-qrib mal-Bank Dinji sabiex tfassal u ddaħħal Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju (TIM) sabiex iżżomm għaddej il-forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali u tipproteġi Palestinjani ordinarji mill-effetti tal-kriżi bil-kontribut ta' 14-il Stat Membru u n-Norveġja. Fl-2006 t-TIM ħallas aktar minn 88 miljun f'benefiċċji soċjali lil impjegati tas-settur pubbliku u pensjonanti bi dħul baxx, u kważi 24 miljun tħallsu direttament lil Palestinjani foqra u vulnerabbli effettwati direttament mill-kriżi.

B'mod ġenerali l-Kummissjoni tappoġġja l-użu ta' Fondi Fiduċjarji, spiss immexxija min-Nazzjonijiet Uniti jew il-Bank Dinji, bħala mod kif titwassal l-għajnuna f'sitwazzjonijiet bħal dawn. Tgħin sabiex ikun żgurat li l-għajnuna (partikolarment għar-rikostruzzjoni) tkun koordinata u titwassal kif xieraq mill-aktar fis possibbli. Fl-2006 l-ammonti totali ta' għajnuna mwassla mill-Kummissjoni permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji baqgħu madwar 1.5 biljun. Tul is-sena, ġew iffirmati ftehimiet maż-żewġ organizzazzjonijiet dwar il-viżibilità li għandha tingħata lill-kontribut tal-Kummissjoni għal dawn l-attivitajiet, mhux l-inqas fid-dawl tal-ħsieb ta' ħafna li l-kontribut Ewropew lejn it-taffija tat-tbatija u l-appoġġ tal-paċi fid-dinja għandhom ikunu aktar evidenti għaċ-ċittadini Ewropej.

Sebgħin fil-mija ta' l-ifqar nies tad-dinja jgħixu f'pajjiżi bi dħul medju. Il-Kummissjoni tagħraf li t-tkabbir ekonomiku hu pre-kondizzjoni essenzjali għall-iżvilupp soċjali u għal strateġiji ta' tnaqqis ta' faqar f'dawn il-pajjiżi. Madanakolli, it-tkabbir waħdu mhux biżżejjed. F'ħafna pajjiżi bi dħul medju li qed jikbru b'rata mgħaġġla, il-bidla teknoloġika, il-globalizzazzjoni, id-demografija u d-domanda għal xogħol tas-sengħa ikkontribwew fit-twessigħ tal-qabża fid-distribuzzjoni tad-dħul, għaliex it-tkabbir ma kienx akkumpanjat b'aġenda fiskali effettiva u li tappoġġja lill-fqir. Ir-riskju li pajjiż bi dħul medju ma jirnexxilux jisfrutta l-opportunitajiet li jkollu u li jerġa' lura għall-faqar qatt m'għandu jkun sottovalutat. F'dan ir-rigward hi meħtieġa aktar għajnuna għall-iżvilupp li hija mmirata tajjeb u bbbażata fuq politika/prestazzjoni f'ħafna pajjiżi fraġli jew f'pajjiżi bi dħul medju potenzjalment instabbli, sabiex jistabilizzaw l-ekonomiji tagħhom, tkun appoġġjata r-riforma u jiġu promossi l-iżvilupp, l-integrazzjoni kummerċjali u l-koeżjoni soċjali.

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea kellha rwol dejjem ikbar f'inizjattivi globali fis-saħħa u l-edukazzjoni, b'ħidma flimkien ma' Stati Membri ta' l-UE u donaturi u partijiet interessati oħra. Sa minn Mejju 2006, il-Kummissjoni għandha l-viċi-presidenza tal-Fond Globali għall-Ġlieda Kontra l-HIV/AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja (GFATM). Minn Lulju 2006 l-Kummissjoni għandha wkoll il-kopresidenza ta' "Edukazzjoni għal Kulħadd – Inizjattiva b'Ħeffa" (FTI). Iż-żewġ inizjattivi ffukaw fuq approċċi mmexxija mid-domanda, l-armonizzazzjoni tad-donaturi u l-effettività ta' l-għajnuna.

Riżultati

Sa minn meta tnediet ir-riforma fit-tmexxija ta' programmi ta' assistenza esterna fis-sena 2000, żdiedet l-enfasi fuq it-titjib tal-ħeffa u l-kwalità fit-twassil ta' l-għajnuna. Il-livelli ta' implimentazzjoni miksuba fl-2006 juru li, għal darb'oħra, il-ħeffa tat-twassil qed titjieb.

B'kollox ġew kommessi 9.832 biljun mill-Kummissjoni fl-2006, u tħallsu 8.130. Mill-ammont ta' impenji li jistgħu jkunu allokati ġeografikament, jiġifieri 7 982 biljun, kważi nofs (3.553 biljun) kienu għal pajjiżi ta' l-AKP, li rċevew 2.848 biljun tat-total komparabbli ta' 6.8 biljun ħlas.

Sabiex tkun evalwata l-kwalità tat-twassil, il-Kummissjoni introduċiet proċeduri sabiex tiżgura li impenji ġodda għal proġetti u programmi tħejjew bl-akbar reqqa possibbli u jirriflettu l-aħjar prattika fis-settur konċernat. Fl-2002 iddaħħlet sistema għas-sorveljanza tar-riżultati ta' proġetti. Is-sorveljanza hi bbażata fuq evalwazzjonijiet regolari fuq il-post ta' proġetti li jkunu għaddejjin minn esperti indipendenti, u dawn jingħataw marki sempliċi fuq kriterji miftiehma internazzjonalment. Fl-aħħar ħames snin, il-klassifiki globali juru titjib sod u statistikament sinifikattiv. Il-proġetti u l-programmi sorveljati fl-2006 kellhom prestazzjoni globalment tajba. Il-kisba globali fl-effiċjenza fl-aħħar snin rat tnaqqis ħafif fl-2006, imma baqgħet fit-triq it-tajba. B'mod globali, ir-riżultati għall-2006 kienu sodisfaċenti

It-teħid ta' tagħlimiet minn azzjonijiet li ġew finanzjati hu parti ewlenija mill-mod kif l-għajnuna ssir aktar effettiva. L-Unità ta' Evalwazzjoni tad-Direttorati-Ġenerali ewlenin li jindirizzaw l-għajnuna għall-iżvilupp twettaq evalwazzjonijiet ta' strateġiji ta' pajjiżi, kwistjonijiet tematiċi u aspetti strateġiċi oħra tal-programmi tal-KE, bl-użu ta' esperti indipendenti.

B'mod ġenerali l-indikaturi varji juru li sar ħafna progress fit-tmexxija ta' l-assistenza esterna mis-sena 2000. Dan, mhux l-inqas, huwa r-riżultat ta' tibdiliet istituzzjonali ewlenin, bħat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta' programmi lid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, u r-ristrutturar tas-servizzi fil-Kwartieri Ġenerali.

Xi stejjer importanti u viżibbli ta' suċċess jagħtu kuraġġ. Iżda għad baqa' ħafna xi jsir, speċjalment fejn il-Kummissjoni jingħad li hi kajmana jew mhix flessibbli, għaliex il-forma ta' l-assistenza esterna fil-futur tkun dejjem aktar ibbażata fuq il-flessibilità u l-modi intensifikati ta' ħidma ma' donaturi oħra[6]. Bl-istrumenti u r-Regolamenti Finanzjarji l-ġodda, il-Kummissjoni issa hi mgħammra aħjar sabiex tiffaċċja dawn l-isfidi.

Fl-2006, l-azzjoni esterna tal-Kummissjoni kienet intiża sabiex tikseb l-għanijiet li ġejjin:

Tassisti pajjiżi li ssieħbu, oħrajn kandidati u pajjiżi potenzjalment kandidati sabiex jersqu aktar lejn l-UE permezz ta' l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-tkabbir u l-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-Balkani tal-Punent. Kisbiet: tiżgura l-adeżjoni b'suċċess tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-UE; tiffirma l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-Albanija u n-negozjati ta' tali ftehimiet mas-Serbja, l-Montenegro, il-Bożnja u Ħerzegovina; l-adozzjoni ta' l-Istrument għal Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni; l-adozzjoni ta' Komunikat dwar il-Balkani tal-Punent kif ukoll tal-karta ta' strateġija annwali dwar it-tkabbir.

- Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Politika Ewropea għall-Viċinat. Kisbiet: tliet Pjanijiet ta' Azzjoni ġodda ma' l-Armenja, l-Azerbaijan u l-Georgia; il-finalizzazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ma' l-Eġittu u l-Libanu; - l-adozzjoni ta' l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija; il-preżentazzjoni informali tal-Karti ta' Strateġija għall-Kumitat ta' l-ENPI u l-Parlament; tħejjija għat-tnedija tad-dokumenti tal-programm dwar il-Kooperazzjoni fuq il-Fruntieri, ENPI; adozzjoni ta' Komunikat dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea għall-Viċinat.

- Tiżgura l-involviment kostruttiv fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, permezz ta' l-istruttura Quartet u b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet. Kisbiet: il-ħolqien tal-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali (TIM): l-appoġġ tal-KE għall-poplu Palestinjan laħaq it- 339 miljun.

- Appoġġ kontinwat għall-istabilità reġjonali kif ukoll għar-rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni politika fl-Iraq. Kisbiet: tħejjija tal-Kumpatt Internazzjonali għall-Iraq; imnedija negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ u Ko-operazzjoni; approvat u implimentat il-Programm ta' Assistenza 2006.

- It-tkomplija tar-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni b'rispons għad-diżastru tat-tsunami. Kisbiet: it-tħaffif konsiderevoli fil-pass ta' l-implimentazzjoni; 80 miljun fl-attivitajiet ta' rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni kommessi, l-aktar għall-Indoneżja, is-Sri Lanka u l-Maldiives.

- Implimentazzjoni ta' politika ġdida ta' żvilupp sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, fuq il-bażi tal-qafas propost fl-2005 u r-reviżjoni ta' l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp, inkluż rispons speċifiku għall-Afrika. Kisbiet: kontenut ta' politika tal-Kunsens integrat fl-Istrument ta' Żvilupp u Ko-operazzjoni (DCI), linji gwida ta' programmazzjoni u strateġiji reġjonali (per eżempju l-istrateġija ta' l-UE għall-Afrika).

- Affermazzjoni mill-ġdid ta' impenn sod lejn id-drittijiet tal-bniedem. Kisbiet: strument imġedded għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem adottat fl-aħħar tas-sena.

Flimkien ma' l-għanijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet progress fl-oqsma li ġejjin, li għalihom ħabbret inizjattivi ewlenin fl-2006:

- Il-kisba ta' progress sostanzjali fin-negozjati ta' Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku ma' sitt reġjuni ta' l-AKP sabiex jippermettu d-dħul fis-seħħ fl-2008. Kisbiet: in-negozjati kollha mxew 'il quddiem, l-analiżi u l-azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità pprovduti, ir-rabta bejn il-proċess ta' negozjar u l-ipprogrammar tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp żgurata.

- Kontribuzzjoni għall-inizjattivi ewlenin ta' segwitu dwar l-iżvilupp, notevolment fil-finanzi, il-koerenza, l-Afrika u l-beni pubbliċi internazzjonali, b'riżultat tas-Samit tal-G8 ta' din is-sena u l-laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli dwar l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp. Kisbiet: pjan ta' azzjoni dwar l-effettività ta' l-għajnuna (" Għajnuna mill-UE: inwasslu aktar, aħjar u b'aktar ħeffa ") approvat b'lista ta' disa' għanijiet għat-twettiq li għandhom ikunu implimentati sa l-2010.

Tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons tal-Kummissjoni għal diżastri umanitarji, tisħiħ ta' l-istrateġija tagħha għall-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri, u l-indirizzar tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-Fond Globali ta' Saħħa għall-AIDS/HIV, il-Malarja u t-Tuberkolożi. Kisbiet: konsultazzjoni ta' sħab u Stati Membri ta' l-UE mnedija sabiex tikkontribwixxi f'komunikat dwar 'Lejn Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja' li għandu jinħareġ fl-2007; Kontribut annwali ta' 90 miljun għall-Fond Globali.

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[1] l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex jħaffef l-iżvilupp ta’ l-Afrika. KUMM(2005) 489 finali

[2] Hu għaddej ukoll djalogu b'mod parallel mal-grupp AKP (l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) bħala tali.

[3] COM(2006) 421 tas-30.8.2006.

[4] COM(2006)18 finali tal-25.1.2006

[5] http://ec.europa.eu/development/body/publications/descript/pub7_29_en.cfm

[6] Rapport Annwali 2007 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2006, Taqsima 6.2: Evalwazzjoni: Reviżjoni tal-Programm ta' Ħidma 2006