52007DC0262




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.5.2007

KUMM(2007) 262 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Koperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' wara l-Konferenza Ministerjali ta' l-2007 f'Belgrad [SEG(2007) 633]

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Koperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' wara l-Konferenza Ministerjali ta' l-2007 f'Belgrad

1. Daħla

Il-proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' (EfE) huwa qafas multilaterali informali maħluq fl-1991 biex irawwem il-kuxjenza dwar l-ambjent f'pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li kienu qed joħorġu mir-reġimi preċedenti u resqin lejn ekonomija tas-suq u d-demokrazija. Il-proċess kien imfassal bi stuttura flessibbli, issorveljat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). Sa mill-bidu tiegħu, il-proċess EfE ma kellu l-ebda rabta formali ma' l-Unjoni Ewropea (UE) għalkemm il-Kummissjoni Ewropea u ħafna Stati Membri kienu u għadhom fost l-iktar donaturi u parteċipanti attivi.

Il-proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' kellu l-għan li jarmonizza l-kwalità ta' l-ambjent u l-politiki ambjentali madwar il-kontinent Ewropew u li jiżgura l-paċi, l-istabbilità u l-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest tat-tranżizzjoni għall-ekonomiji tas-suq u d-demokrazija. Dan kien ta' rilevanza partikolari fil-bidu tad-Disgħinijiet għax kien jipprovdi qafas li jpoġġi l-azzjonijiet f'ordni ta' preċedenza u jikoordina l-isforzi ta' ħafna atturi differenti ta' dak iż-żmien.

Sittax-il sena wara l-ħolqien tiegħu, il-pajsaġġ politiku tal-kontinent tagħna nbidel b'mod fundamentali. Il-maġġoranza tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li l-proċess EfE kellu fil-mira, issa ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea, b'hekk trawmu rabtiet eqreb mal-pajjiżi li issa huma l-ġirien il-ġodda ta' l-Ewropa. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja żviluppaw f'Partenarjat Strateġiku fuq firxa wiesgħa (li se jkun rifless fil-Ftehim ta' Qafas UE-Russja l-ġdid li n-negozjati dwaru huma previsti jibdew f'qasir żmien); il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni joffri l-possibbiltà ta' sħubija fl-UE lill-pajjiżi ta' l-Ewropa tax-Xlokk; l-adozzjoni u t-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat [1], l-innegozjar ta' Ftehim Imsaħħaħ ġdid ma' l-Ukraina li se jagħraf ix-xewqa Ukraina li ssaħħaħ r-relazzjoni tagħha ma' l-UE, id-Djalogu Politiku bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali, u l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed[2], kollha jipprovdu opportunitajiet ġodda għal koperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tar-reġjun UNECE.

Għalhekk, issa jeħtieġ li l-attivitajiet ambjentali jsiru parti mill-qafas strutturat u msaħħaħ mill-ġdid tal-politika barranija approvat mill-UE. Dan se jsaħħaħ ukoll koordinament aħjar tal-proċessi ambjentali eżistenti fi ħdan ir-reġjun, u b'hekk jikkontribwixxi biex l-UE u l-pajjiżi membri jagħmlu użu minn metodu iktar komprensiv u prijoritarju.

Issa l-proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' jinsab f'salib it-toroq. Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għall-Konferenza Ministerjali ta' l-EfE li għandha ssir f'Belgrad f'Ottubru ta' l-2007. Għalhekk, huwa ż-żmien propizju sabiex issir riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa' u l-istrateġija għall-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f'attivitajiet multilaterali fiż-żona pan-Ewropea għall-perjodu wara l-konferenza ta' Belgrad.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ġejjieni tal-proċess 'L-Ambjent għall-Ewropa', kif ukoll l-involviment tagħha f'attivitajiet konnessi ma' l-EfE wara Belgrad. Il-Komunikazzjoni qed tiġi offruta bħala kontribuzzjoni għad-diskussjonijiet matul il-Konferenza Ministerjali 2007 fejn il-ġejjieni tal-proċess EfE se jkun wieħed mill-punti ewlenin għad-diskussjoni.

2. IL-KISBIET TAL-PROċESS 'L-AMBJENT GħALL-EWROPA'

Matul is-snin, il-proċess EfE kien apprezzat għall-mod eżawrjenti li bih kien jinkludi kollox fih u għax ta leħen lil kull pajjiż membru fil-fora multilaterali tiegħu. Ipprovda qafas bil-għan li jittejbu politiki u kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjun UNECE. Madankollu, fuq in-naħa l-waħda, dawn l-isforzi nqabżu direttament mill-UE meta l-pajjiżi kandidati ta' l-Ewropa Ċentrali tal-Lvant issieħbu ma' l-UE fl-2004, u l-Bulgarija u r-Rumanija fl-2007. Fuq in-naħa l-oħra, fil-pajjiżi Ewropej tal-Lvant l-oħra ta' l-ispazju post-Sovjetiku, il-progress fil-politiki ambjentali li qed jiżviluppaw mexa bil-mod minħabba r-restrizzjonijiet politiċi u ekonomiċi interni.

Prodotti sinifikanti tal-proċess EfE jinkludu l-kontribut mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni Ambjentali (WGEMA) ta' l-UNECE għat-tħejjija ta' l-hekk imsejħa rapporti pan-Ewropej ta' evalwazzjoni ambjentali prodotti għal kull Konferenza Ministerjali (taħt it-tmexxija ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent).

L-Istrateġija ta' l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkażu u l-Ażja Ċentrali (EECCA) li timmira li ssib soluzzjonijiet għal problemi ambjentali komuni tal-pajjiżi EECCA[3] fuq il-bażi ta' koperazzjoni mill-qrib, hija meqjusa waħda mill-inizjattivi prominenti tal-proċess EfE. L-Istrateġija ġiet adottata matul il-Konferenza Ministerjali f'Kiev fl-2003 u hemm min jiddefendiha kif ukoll min jikkritikaha. Id-difensuri normalment jargumentaw li l-Istrateġija tipprovdi qafas komuni għas-soluzzjoni tal-problemi ambjentali f'pajjiżi b'passat komuni (il-wirt ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika) u, peress li l-Istrateġija ma fihiex miri u kalendarju ċari, jirreferu għaliha bħala "dokument ta' ispirazzjoni" iktar milli qafas normattiv. Fil-fatt, m'hemmx wisq evidenza sal-lum ta' xi sforzi serji fuq livell nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija EECCA.

Il-konvenzjonijiet ambjentali ta' l-UNECE[4] mhumiex parti mill-proċess EfE per se, imma ħafna drabi ssir referenza għalihom bħala "s-suċċessi" tal-proċess. Madankollu, il-livell baxx ta' ratifikazzjoni u implimentazzjoni ta' xi wħud mill-ħames konvenzjonijiet ambjentali ta' l-UNECE u l-protokolli tagħhom, partikolarment il-pajjiżi EECCA, jibqa' kwistjoni ta' tħassib.

Il-Konferenzi Maġisterjali jiġu organizzati kull 4 jew 5 snin bil-għan li tingħata spinta fl-azzjoni fir-reġjun. Madankollu, fil-passat kien hemm ċerta tendenza li fl-aġendi tal-konferenza tiġi inkluża firxa wiesgħa wisq ta' kwistjonijiet ambjentali, xi drabi koperti minn fora multilaterali internazzjonali oħrajn li jirriżultaw f'diskuzzjonijiet li mhux dejjem kienu jkunu produttivi kif kien mistenni li jkunu. Pereżempju, f'Kiev, ħafna mill-ħin għall-innegozjar intilef fuq kwistjonijiet bħalma huma l-Bidla fil-Klima, il-GMOs u s-Sikurezza Nukleari, anki jekk deċiżjonijiet li jikkonċernaw dawk il-kwistjonijiet ma kinux u għadhom m'humiex fi ħdan il-kompetenza tal-proċess EfE u huma ttrattati b'mod effiċjenti minn korpi internazzjonali oħra.

3. Minn Kiev għal Belgrad

Fiż-żmien tal-Konferenza Ministerjali ta' l-EfE ta' qabel li saret f'Kiev fl-2003, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet l-opinjonijiet tagħha dwar il-ġejjieni tal-proċess u r-relazzjoni tagħha miegħu f'Komunikazzjoni li ġġib l-isem "Il-Koperazzjoni Ambjentali Pan-Ewropea wara l-Konferenza ta' Kiev ta' l-2003" (COM (2003) 62 finali).

F'dak id-dokument, il-Kummissjoni enfasizzat li l-pajsaġġ politiku ġdid maħluq minn UE mkabbra għandu jinfluwenza l-orjentazzjoni u l-modalitajiet tal-ġejjieni tal-proċess EfE Konsegwentement, fl-2003 il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-proċess EfE għandu jorjenta mill-ġdid ix-xogħol tiegħu għall-ġejjieni lejn inizjattivi strateġiċi fi ħdan ir-reġjun EECCA fejn l-esperjenza u l-għarfien espert jistgħu jżidu l-valur fir-rigward tal-koperazzjoni bilaterali ma' pajjiżi donaturi individwali jew ma' l-UE.

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Kiev kienet tirrifletti dan "iċ-ċaqliq lejn il-Lvant", biex b'hekk kienet qed taqbel formalment li l-proċess EfE minn hemm 'il quddiem kien se jikkonċentra fuq ir-reġjun EECCA. Kien hemm ftehim ukoll biex jingħaqdu l-attivitajiet ta' l-EAP Task Force (il-grupp ta' ġestjoni tal-politika) u l-PPC (il-grupp ta' ġestjoni finanzjarja) fl-isforz li r-riżorsi skarsi disponibbli jiġu razzjonalizzati skond il-proċess. Minkejja dan, ta' min jinnota li d-deċiżjoni li jintgħażel Belgrad bħala l-post fejn se ssir il-Konferenza Ministerjali li jmiss, ma tirriflettix iċ-ċaqliq tal-punt fokali ġeografiku kif kien miftiehem f'Kiev.

Is-sitwazzjoni u x-xejriet identifikati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2003 intensifikaw fis-snin li wasslu għall-Konferenza Ministerjali ta' Belgrad ta' l-2007. Fost dawn ix-xejriet, tlieta minnhom jixirqilhom attenzjoni partikolari hekk kif jippuntaw lejn il-ġustifikazzjoni għall-eżistenza tal-proċess EfE u l-funzjonament tiegħu fil-ġejjieni:

- L-ewwel, l-espansjoni progressiva ta' l-UE lejn il-Lvant: Il-ħames tkabbir ta' l-UE jfisser li 27 minn 56 membru ta' l-UNECE issa huma fi ħdan l-UE u tlieta oħra (il-Kroazja, it-Turkija u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) huma kandidati għas-sħubija fl-UE. Barra minn hekk, erbgħa oħra (l-Albanija, il-Bosnija u l-Ħerżegovina, is-Serbja, u l-Montenegro) huma koperti bil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u huma kandidati potenzjali għal sħubija fl-UE. Fl-aħħar, l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (fejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina huma koperti fil-Lvant) u l-Partenarjat Strateġiku mar-Russja biddlu ħafna l-kuntest tar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-biċċa l-kbira ta' l-imsieħba ta' l-EfE li għad baqa'.

- It-tieni, il-pajjiżi EECCA qed dejjem isiru iktar u iktar differenti fil-politiki interni tagħhom kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi msieħba. Għalhekk, tista' tiġi diskussa l-validità tat-trattament tal-pajjiżi EECCA kollha bħala reġjun unifikat; u,

- It-tielet, ir-Russja u diversi pajjiżi EECCA oħrajn bħalma hu l-Każakistan, esperjenzaw tkabbir ekonomiku rapidu mill-aħħar tad-Disgħinijiet u qed jiddependu inqas minn l-għajnuna barranija għall-investiment ambjentali u l-bini tal-kapaċitajiet. Bosta donaturi naqqsu sinifikatament il-programmi ta' għajnuna tagħhom.

Il-Konferenza Ministerjali ta' l-EfE li ser issir f'Belgrad se tipprovdi opportunità biex jiġu evalwati l-kisbiet tiegħu u ssir riflessjoni fuq ir-rwol potenzjali tiegħu fil-ġejjieni f'kuntest ġeopolitiku ġdid.

Bosta Stati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni Ewropea kienu impenjati u għadhom impenjati sew fil-proċess EfE. Madankollu, dan l-aħħar, issemma l-bżonn għal iktar effiċjenza u orjentazzjoni stretta fuq l-attivitajiet li l-iktar li jrendu benefiċċji ambjentali, pereżempju, fl-implimentazzjoni ta' strumenti li diġà jeżistu iktar milli fid-diskussjoni ta' ideat għal oħrajn ġodda. Il-Kummissjoni Ewropea esprimiet l-appoġġ tagħha għal dawn l-opinjonijiet.

4. IL-PROPOSTA GħALL-ġEJJIENI

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-proċess EfE ta kontribut importanti għat-tranżizzjoni ambjentali tas-CEE/SEE/EECCA sa mill-1991. Madankollu, ir-rwol tiegħu naqas progressivament bl-iżvilupp ta' osqfa u inizjattivi oħrajn.

Illum, il-leġiżlazzjoni ta' l-UE u l-istandards tal-qasam ta' l-ambjent ikopru l-ħtiġijiet normattivi ta' l-Istati Membri l-iktar ġodda fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Maġġoranza kbira tal-pajjiżi li fadal fir-reġjun UNECE stabbilixxiet rabtiet sodi ma' l-UE permezz tal-ftehimiet ta' qabel l-adeżjoni, ta' l-istabilizzazzjoni u ta' l-assoċjazzjoni kif ukoll permezz ta' Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, li kollha jippromwovu l-protezzjoni ta' l-ambjent permezz ta' regolamentazzjoni aħjar ta' l-ambjent inklużi l-leġiżlazzjoni u l-istituzzjonijiet. Din il-koperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi mhux membri ta' l-UE tar-reġjun UNECE toffri, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, strument iktar dirett biex il-mira tiffoka fuq l-isfidi ambjentali ta' kull pajjiż u b'hekk tkun iffukata wkoll l-għajnuna minn l-UE, filwaqt illi tiġi promossa wkoll koperazzjoni tal-proċessi ambjentali eżistenti li turi biċ-ċar żieda fil-valur.

L-UE tassew tagħti appoġġ u tinvolvi ruħha attivament f'fora ambjentali multilaterali fejn qed jiġu diskussi l-kwistjonijiet li huma fuq l-aġenda tal-konferenza ta' Belgrad. Dan huwa l-każ għall-eżempju tal-bijodiversità, li huwa ta' prijorità għolja għall-UE u l-Kummissjoni tappoġġja internazzjonalment Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika sostanzjalment imsaħħa u żiedet il-finanzjament għall-Fond Dinji għall-Ambjent[5].

Eżempju ieħor huwa l-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli, fejn l-Istrateġija Tematika ta' l-UE dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali wkoll għandha dimensjoni esterna li tipprovdi, fost miżuri oħra, għat-twaqqif ta' Bord Internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali li qed jitwaqqaf f'koperazzjoni mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent (UNEP). Se jipprovdi parir xjentifiku indipendenti dwar l-impatti ambjentali ewlenin ta' l-użu tar-riżorsi. Elementi importanti tax-xogħol se jinkludu kontribut għall-istrateġiji għat-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali f'ekonomiji li qed jikbru malajr, b'mod partikolari permezz ta' tibdil fil-mudelli mhux sostenibbli ta' konsum u produzzjoni, u l-bini ta' l-għarfien u l-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Filwaqt illi, fuq in-naħa l-waħda, jitqiesu r-relazzjonijiet bilaterali ambjentali ta' l-UE li qed ikomplu jkunu dejjem iktar attivi, u, fuq in-naħa l-oħra, il-globalizzazzjoni tal-koperazzjoni ambjentali li qed tkompli tiżdied, il-Kummissjoni taħseb li, wara l-Konferenza ta' Belgrad, ir-rwol ċentrali ta' l-UNECE għandu jkun li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-reġjun, b'mod notevoli fir-rigward ta' l-ambitu transkonfinali ta' dawn il-konvenzjonijiet. Skond l-opinjoni tal-Kummissjoni wkoll, l-UNECE għandha tkompli bir-rwol importanti tagħha li tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Johannesburg għall-Implimentazzjoni ta' l-2002 fuq livell reġjonali, u tkompli bix-xogħol tagħha fuq l-Analiżi tar-Rendiment Ambjentali, li jipprovdu gwida importanti għall-politika għall-pajjiżi fil-mira kif ukoll analiżi importanti tad-donaturi potenzjali.

Skond dawn il-parametri, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkonċentra l-involviment tagħha fil-proċess EfE wara l-konferenza ta' Belgrad, fuq dawk l-inizjattivi u l-attivitajiet li ma setgħux jintlaħqu biżżejjed permezz ta' koperazzjoni bilaterali ta' l-UE.

B'mod iktar ġenerali, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' l-attivitajiet, biex tkun żgurata l-koerenza max-xogħol bilaterali ta' l-UE u biex l-allokazzjoni tar-riżorsi tiġi mtejba, safejn huwa kkonċernat il-proċess EfE, il-Kummissjoni se tikkonċentra l-involviment tagħha fuq:

- Il-parteċipazzjoni attiva tagħha fix-xogħol ta' implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ambjentali eżistenti ta' l-UNECE,

- Il-kontribut fl-Analiżi tar-Rendiment Ambjentali ta' l-UNECE,

- L-iffaċilitar u l-appoġġ tan-netwerk ta' Ċentri Ambjentali Reġjonali ta' l-EECCA (sakemm dawn jista' jkollhom rwol potenzjali fil-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi tal-viċinat kif ukoll fl-istati ta' l-Asja Ċentrali)

- Il-parteċipazzjoni f'inizjattivi subreġjonali magħżula ta' rilevanza għall-proċess EfE, partikolarment dawk iffukati fuq l-Asja Ċentrali.

- Il-kontribut, ma' l-Istati Membri ta' l-UE, għal titjib fis-settur ta' l-ilma fir-reġjun EECCA fir-rigward ta' l-għanijiet ta' l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Ilma (EUWI).

[1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006) 726 finali) tipproponi grupp ta' miżuri biex tissaħħaħ il-Politika, inklużi l-promozzjoni ta' kuntatti bejn in-nies, it-tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali, u t-trawwim ta' dimensjoni tematika tal-PVE li tkun tkopri diversi oqsma bħalma huma l-ambjent, it-trasport u l-enerġija. Tenfasizza l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet u l-proċessi multilaterali, kemm eżistenti kif ukoll dawk ġodda.

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Sineġija tal-Baħar l-Iswed – Inizjattiva ta' Koperazzjoni Reġjonali Ġdida (COM(2007) 160 finali).

[3] E astern E urope, C aucasus and C entral A sia (L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkażu u l-Ażja Ċentrali) : L-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorgja, il-Każakistan, il-Kirgistan, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Federazzjoni Russa, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Użbekistan.

[4] Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis fuq Medda Kbira ta’ l-Ajru Transkonfinali (CLRAP); il-Konvenzjoni dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali ("il-Konvenzjoni Espoo"); il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi ta' l-Ilma Transkonfinali u Lagi Internazzjonali; il-Konvenzjoni dwar l-Effetti Transkonfinali fuq l-Inċidenti Industrijali; il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-tfassil tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta' Aarhus")

5 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010 – u lil hinn. It-tisħiħ tas-servizzi ta’ l-ekosistema għall-ġid tal-bniedem" COM(2006) 216 final