52007DC0258




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.5.2007

KUMM(2007) 258 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

RAPPORT TA' L-2007 DWAR IL-KONVERĠENZA TA' MALTA

(imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, fuq it-talba ta' Malta) {SEG(2007) 622}

1. L-GħAN TAR-RAPPORT

L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistipula li l-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jibgħatu rapporti lill-Kunsill, mill-anqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' xi wieħed mill-Istati Membri b'deroga, fuq il-progress magħmul mill-Istati Membri fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom dwar l-ilħiq ta' unjoni ekonomika u monetarja.

Dan ir-rapport tħejja fuq it-talba mressqa minn Malta fis-27 ta' Frar 2007. Evalwazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f’Malta tingħata f'anness tekniku għal dan ir-rapport (SEC(2007)622).

Il-kontenut tar-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa regolat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Dan l-Artikolu jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE (l-Istatut tas-SEBĊ). Ir-rapporti jeħtiġilhom jeżaminaw ukoll l-ilħiq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji tal-konverġenza (l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, ir-rati ta' l-imgħax fit-tul), kif ukoll iqisu bosta fatturi oħra msemmija fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 121(1). L-erba' kriterji ta' konverġenza huma żviluppati aktar fi Protokoll anness mat-Trattat (il-Protokoll Nru 21 dwar il-kriterji ta' konverġenza).

L-eżami tal-kompatibiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut ta' l-SEBĊ jeħtieġ evalwazzjoni tal-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (l-Artikolu 101 KE) u l-projbizzjoni ta' l-aċċess privileġġat (l-Artikolu 102 KE); il-konsistenza ma' l-għanijiet tas-SEBĊ (l-Artikolu 105(1) KE); l-indipendenza tal-bank ċentrali (l-Artikolu 108 KE); u l-integrazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fl-SEBĊ (bosta artikoli tat-Trattat KE u ta' l-Istatut ta' l-SEBĊ).

Il-kriterju ta' stabbiltà fil-prezzijiet ġie definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat; “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet […] dan jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik ta' t-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet”.

L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterju ta' konverġenza tistipula ukoll li “l-kriterju fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet […] ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbiltà tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 %, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”. Ir-rekwiżit tas-sostenibbiltà jimplika li r-rendiment sodisfaċenti ta' l-inflazzjoni għandu jirriżulta mill-funzjonament adegwat ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni u ta' fatturi oħrajn li jaffettwaw l-iżviluppi fil-prezzijiet b'mod strutturali, aktar milli l-influwenza ta' fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami dwar il-konverġenza jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi sottostanti ta' inflazzjoni u ta' prospetti fiż-żmien mezzan. Jevalwa wkoll jekk il-pajjiż aktarx jilħaq il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin[1].

Il-valur ta' referenza ta' l-inflazzjoni ġie kkalkolat li kien 3.0% f'Marzu 2007[2], bil-Finlandja, il-Polonja, u l-Iżvezja bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati.

It-Trattat jirreferi għall- kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121 bħala “osservanza [ta]l-marġni ta’ fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-munita ta’ xi Stat Membru ieħor”.

L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula: “Il-kriterju fuq il-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea (…) ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal ta’ l-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra xi munita ta' xi Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess għall-istess perjodu”.

Il-perjodu relevanti ta' sentejn għall-evalwazzjoni ta' l-istabbiltà tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport huwa bejn is-27 ta' April 2005 sas-26 ta' April 2007.

Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġie definit fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat bħala “pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern sostenibbli: dan jirriżulta meta ikun wasal għall-pożizzjoni fl-estimi tkun mingħajr żbilanċ eċċessiv kif stabbilit fl-Artikolu 104 (6)”. Barra minn dan, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula li dan il-kriterju għandu jfisser li “fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) ta' dan it-Trattat li jkun hemm żbilanċ eċċessiv”.

Ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat jistipula “id-durabilità tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil- livelli tar-rati ta ’ mgħax f'perjodi fit-tul .” L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati ta' mgħax (…) ifisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' mgħax nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet.. Ir-rati ta' mgħax jitqiesu abbażi ta' titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.

Il-valur ta' referenza tar-rata ta' l-imgħax ġie kkalkolat għal 6.4% f'Marzu 2007.

L-Artikolu 121 tat-Trattat jirrikjedi wkoll eżami ta' fatturi oħrajn relevanti għall-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju u s-suq tal-prodott, l-iżvilupp tal-bilanċ tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kost ta' unità lavorattiva u indiċijiet oħra ta’ prezzijiet. Dawn ta' l-aħħar huma koperti permezz tal-valutazzjoni ta' l-istabbiltà fil-prezzijiet.

Fir-rapport dwar il-Konverġenza ta' Diċembru 2004, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet li Malta ssodisfat waħda mill-kriterji dwar il-konverġenza (ta' rati ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul). Sa l-adozzjoni ta' l-abbozz ta' l-Att ġdid li jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, il-leġiżlazzjoni ta' Malta ma kenitx titqies kompatibbli bis-sħiħ ma' l-Artikolu 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-bank ċentrali mas-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro.

2. IL-KOMPATIBBILTÀ ġURIDIKA

L-inkompatibbiltajiet kollha li kien għad hemm ġew trattati f'Att li jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta li l-Parlament adottah fit-28 ta' Frar 2007 u li għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Malta. B'mod partikolari, l-Att irrrevoka jew emenda sensiela ta' Artikoli b'tali mod li jiġu kkunsidrati r-rwoli u l-kompetenzi rispettivi assenjati lill-BĊE, lis-SEBĊ u lill-Kunsill tal-KE bit-Trattat tal-KE. Dan jirrigwarda b'mod partikolari dispożizzjonijiet dwar il-funzjonijiet, l-operazzjonijiet u l-istrumenti monetarji tas-SEBĊ, dwar iż-żamma u l-ġestjoni ta' riservi barranin u dwar id-dritt ta' l-awtorizzazzjoni ta' karti tal-flus u l-volum tal-muniti.

Il-leġiżlazzjoni f'Malta, partikolarment l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, hija kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ.

3. L-ISTABBILTÀ TAL-PREZZIJIET

Ir-rispett tal-valur ta' referenza

L-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar f'Malta ilha fl-istess livell jew taħt il-valur ta' referenza minn Lulju 2005, ħlief fil-perjodu minn Mejju sa Ottubru 2006. L-inflazzjoni medja f'Malta fuq it-12-il xahar sa Marzu 2007 kienet 2.2%, taħt il-valur ta' referenza ta' 3.0%, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin[3].

Il-fatturi sottostanti u s-sostenibbiltà

L-inflazzjoni HICP f'Malta varjat madwar il-livell ta' 2.5% f'dawn l-aħħar snin. Kien hemm xi volatilità, prinċipalment minħabba li Malta għandha ekonomija miftuħa li hija vulnerabbli għal impatti minn barra (partikolarment fil-prezzijiet ta' l-ikel u l-enerġija), kif ukoll għat-tibdiliet fit-taxxi indiretti. L-inflazzjoni żdiedet b'mod konsiderevoli fil-Ħarifa ta' l-2005, l-aktar b'rifless taż-żieda qawwija fil-prezzijiet regolati għall-enerġija u prodotti relatati b'reazzjoni għal prezzijiet ogħla taż-żejt. Meta batta l-impatt tal-qabża fil-prezz ta' l-enerġija, l-inflazzjoni naqset konsiderevolment, għal anqas minn 1% fi tmiem l-2006. Minbarra l-effetti sinifikanti tal-bażi fl-inflazzjoni ta' l-enerġija, it-tnaqqis kien jirrifletti tnaqqis fil-prezzijiet ta' l-ilbies, iż-żraben u t-trasport bl-ajru.

L-inflazzjoni HICP bl-esklużjoni ta' l-enerġija u l-ikel mhux ipproċessat naqset għal 1.6% fl-2006, minn 2% fl-2005. Inflazzjoni bażi moderata tindika li l-pressjonijiet sottostanti ta' l-inflazjoni baqgħu limitati, fl-isfond ta' nuqqas fil-produzzjoni u ta' pressjonijiet minħabba pagi baxxi. Il-kost ta' unità lavorattiva ilhom neżlin mill-2005, b'rifless ta' dixxiplina qawwija fil-pagi sew fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku. Sallum ma kien hemm l-ebda sinjal ta' effetti tat-tieni fażi mill-prezzijiet ta' l-enerġija, li jagħti x'wieħed jifhem li l-previżjonijiet għall-inflazzjoni għadhom ankrati sewwa. Ir-rata effettiva tal-kambju stabbilizzat fl-2005 u l-2006, u b'hekk baqgħet ftit jew wisq newtrali fir-rigward tal-prezzijiet ta' l-importazzjoni.

Fil-prospettiva għall-ġejjieni, l-inflazzjoni ta' bażi mistennija tibqa' fuq livell moderat fiż-żmien mezzan, minkejja li mistennija żżid xi ftit mil-livelli baxxi ta' bħalissa hekk kif ibattu l-effetti favorevoli ta' bażi tal-prezzijiet għall-enerġija. Ir- riskji għall-ġejjeini jidhru li huma bbilanċjati. Ir-riskji ewlenin jorbtu mal-prezzijiet taż-żejt, u għandhom żewġ lati. Riskji oħra 'l isfel jinkludu l-liberalizzazzjoni li għadha għaddejja tas-settur ta' l-enerġija f'Malta, u riformi strutturali oħra li jtejbu l-funzjonament tas-swieq tal-prodotti. Riskji 'l fuq jistgħu jirriżultaw minn restrizzjoni tas-suq tax-xogħol hekk kif jitjiebu l-kundizzjonijiet ċikliċi.

Malta tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet.

4. IL-POżIZZJONI FINANZJARJA TAL-GVERN

Malta bħalissa hija soġġetta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004)[4].

L-iżbilanċ ġenerali tal-gvern ta' Malta fil-bidu tas-snin 2000 kien relattivament għoli, sa madwar 10% tal-PGD fl-2003 (l-aktar minħabba operazzjoni sinifikanti ta' darba). Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-iżbilanċ finanzjarju naqas konsiderevolment fil-kuntest tal-programm tal-gvern għall-konsolidament fiskali. Il-proporzjon ta' l-iżbilanċ mal-PGD laħaq 2.6% fl-2006, u skond it-tbassir tar-Rebbiegħa ta' l-2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, sejjer jilħaq 2.1% tal-PGD fl-2007. Il-proporzjon tad-dħul segwa xejra 'l fuq, filwaqt li l-infiq bħala sehem mill-PGD baqa' jiżdied sa l-2003, iżda mbagħad naqas minn hemm 'il quddiem.

Id-dejn ġenerali tal-gvern żdied b'mod sinifikanti fl-ewwel nofs tad-deċennju u laħaq il-quċċata ta' madwar 74% tal-PGD fl-2004. Madankollu, minn 2005 'l quddiem il-proporzjon tad-dejn qabad xejra 'l isfel, u laħaq madwar 66.5% tal-PGD fl-2006. It-tbassir tar-Rebbiegħa ta' l-2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta dejn ġenerali tal-gvern ta' 65.9% tal-PGD għall-2007.

Fl-Opinjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-aġġornament ta' Diċembru 2006 għall-Programm ta' Konverġenza, il-Kunsill osserva li l-proporzjon tad-dejn deher li qed jonqos b'rata sodisfaċenti lejn il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD, u li l-programm kien konsistenti ma' korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2006. Fl-istess waqt, il-Kunsill osserva li kien hemm riskji għall-prospettiva finanzjarja fil-programm, speċjalment rigward il-preżunzjonijiet makroekonomiċi favorevoli fl-2008 u l-2009. Il-Kunsill stieden lil Malta tkompli ssegwi l-progress ippjanat lejn l-MTO, tiżgura li l-proporzjon tad-dejn mal-PGD jitnaqqas skond dan, u timxi aktar 'il quddiem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kura tas-saħħa sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u tat-tbassir tar-Rebbiegħa ta' l-2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar jidhrilha li l-iżbilanċ eċċessiv ġie kkoreġut bi tnaqqis kredibbli u sostenibbli ta' l-iżbilanċ finanzjarju taħt it-3% tal-PGD, u li l-proporzjon tad-dejn mal-PGD qed jonqos lejn il-valur ta' referenza ta' 60%. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv għal Malta (COM(2007)621). Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jħassar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għal Malta, Malta tkun tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern.

5. L-ISTABBILTÀ TAR-RATI TAL-KAMBJU

Il-lira Maltija ilha tieħu sehem fl-ERM II sa mit-2 ta' Mejju 2005, jiġifieri għal 24 xahar, fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel ma ddaħħlet fl-ERM II, il-lira kienet marbuta mal-basket tal-muniti euro-dollaru-sterlina. Waqt il-perjodu ta' l-evalwazzjoni mhux kopert mill-parteċipazzjoni fl-ERM II (is-27 ta' April - l-1 ta' Mejju 2005), il-lira baqgħet qrib ir-rata ċentrali tal-ġejjieni. Mad-dħul tagħha fl-ERM II, l-awtoritajiet Maltin ħadu l-impenn, b'mod unilaterali, biex iżżommu l-lira fir-rata ċentrali. Waqt il-parteċipazzjoni tagħha fl-ERM II, il-lira baqgħet stabbli vis-à-vis r-rata ċentrali u ma għaddietx minn tensjonijet qawwija. Indikaturi oħrajn, bħal żviluppi fir-rati ta' l-imgħax b'terminu qasir u fir-riservi barranin, ma jindikawx pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju.

Malta tissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju.

6. IR-RATI TA' L-IMGħAX FIT-TUL

Ir-rata medja ta' l-imgħax fit-tul ta' Malta fis-sena sa Marzu 2007 kienet ta' 4.3%, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.4%. Ir-rati medji ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul f'Malta ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Firxiet ta' rendimenti b'terminu twil vis-à-vis iż-żona ta' l-euro varjaw f'livelli relattivament moderati dawn l-aħħar snin, u fl-ewwel kwart ta' 2007 baqgħu madwar it-30 punt ta' bażi. Firxiet ta' rendiment imrażżna jagħtu xhieda ta' riskju residwu limitat tal-pajjiż kif ivvalutat mis-swieq.

Malta tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul.

7. FATTURI OħRA

Fatturi oħrajn ġew eżaminati wkoll, inkluża l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju u l-iżviluppi tal-bilanċi tal-pagamenti. L-ekonomija Maltija hija integrata sostanzjalment ma' l-UE. B'mod partikolari, relazzjonijiet kummerċjali u ta' l-FDI ma' l-Istati Memri l-oħra huma estensivi u s-sistema finanzjarja ta' Malta hija integrata tajjeb mas-sistemi finanzjarji ta' pajjiżi oħra, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, permezz ta' ta' intermedjarji finanzjarji u provvista ta' servizzi transkonfinali. Il-bilanċ tal-kont kurrenti ta' Malta kien pjuttost volatili dawn l-aħħar snin, li jirrifletti d-daqs żgħir u l-bażi settorali limitata ta' l-ekonomija. Il-pożizzjoni esterna turi disparitajiet kbar fil-kummerċ nett ta' l-oġġetti u s-servizzi, bi żbilanċ għoli fil-kummerċ ta' l-oġġetti, parzjalment bbilanċjat minn eċċess sostanzjali fis-servizzi. L-iżbilanċ fil-kont kurrenti kiber b'mod sinifikanti dawn l-aħħar snin, u laħaq il-livell ta' 8.2% tal-PGD fl-2005. Din iż-żieda tirrifletti kundizzjonijiet diffiċli tas-suq fis-setturi dominanti ta' l-elettronika u t-turiżmu, kif ukoll, fl-2005, żieda qawwija fil-kont taż-żejt. Fl-2006, il-bilanċ tal-kont kurrenti niżel għal 6.3% tal-PGD, minħabba żieda sinifikanti fit-trasferimenti kurrenti bħala riżultat ta' aktar dħul mill-industrija tas-servizzi online , li qed tikber bil-qawwa. L-iżbilanċ fil-kont kurrenti u kapitali konġunt naqas minn madwar 4.9% tal-PGD fl-2004-2005 sa 3.2% tal-PGD fl-2006. Mil-lat tal-finanzjament, introjti netti ta' l-FDI fil-parti l-kbira koprew l-iżbilanċi negattivi fil-kont kurrenti.

* * *

Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha dwar is-sodisfar tal-kriterji tal-konverġenza, u bil-preżunzjoni li l-Kunsill sejjer isegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tħassir ta' l-iżbilanċ eċċessiv, il-Kummissjoni jidhrilha li Malta laħqet grad għoli ta' konverġenza sostenibbli.

[1] It-tbassir dwar il-valur ta' referenza huwa soġġett għal inċertiezzi sinifikanti, ġaladarba jiġi kkalkult abbażi ta' previżjonijiet ta' l-inflazzjoni għat-tliet Stati Membri li mistennija jkollhom l-aktar inflazzjoni baxxa fil-perjodu tat-tbassir, u b'hekk jikber il-marġni possibbli ta' żball.

[2] Id-data ta' l-għeluq għad- data użata f'dan ir-Rapport hija s-26 ta' April 2007.

[3] Skond it-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2007, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar f'Malta sejra tonqos għal 1.4% f'Diċembru 2007, filwaqt li l-valur ta' referenza mistenni jibqa' 2.8%

[4] 2005/186/KE, ĠU L 62, 9.3.2005, p.21.