52007DC0195




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2007

KUMM(2007) 195 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Reviżjoni ta’ l-2006 tal-Politika Ambjentali {SEC(2007) 487}

DAĦLA

Fl-2006, il-qafas tal-politika ambjentali fit-tul ta' l-UE ġie kkonsolidat bl-adozzjoni ta' l-Istrateġija riveduta ta' l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Regolament REACH. Għandu appoġġ qawwi min-naħa tal-pubbliku, bi 72%[1] taċ-ċittadini favur iktar teħid ta' deċiżjonijiet fuq livell ta' l-UE dwar il-ħarsien ta' l-ambjent. Din is-sena kien hemm erba' gruppi ta' kwistjonijiet ewlenin.

- Il-prezzijiet volatili taż-żejt u tal-gass, il-biża' ta' tfixkil fil-provvista, u l-impatt tat-tibdil fil-klima wasslu għal bżonn ta' politika Ewropea ta' l-enerġija iktar integrata u għal żieda fl-interess fl-effiċenzja ta' l-enerġija u s-sorsi rinnovabbli. L-analiżi Stern ( Stern Review ) dwar it-tibdil fil-klima kkonfermat li l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni jegħlbu bil-bosta l-ispejjeż għat-teħid ta' azzjoni f'waqtha.

- Il-Komunikazzjoni dwar il-Bijodiversità u l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE sa l-2010 u lilhinn tfasslu biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' bijodiversità.

- L-adozzjoni ta' l-aħħar tlieta mis-seba' Strateġiji Tematiċi - dwar l-Ambjent Urban, dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija u dwar il-Pestiċidi - se jtejbu u jissimplifikaw il-qafas għal azzjoni fil-ġejjieni.

- Iċ-ċiklu l-ġdid ta' rapportar għall-Istrateġija ta' Liżbona wera li l-Istati Membri qed jaċċettaw iktar li l-effiċjenza tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi.

Din ir-Reviżjoni tiddeskrivi l-politika ambjentali ta' l-UE matul l-2006. L-ewwelnett, tiġbor fil-qosor l-iżviluppi politiċi ewlenin għall-erba' prijoritajiet tas-Sitt Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent. Wara, teżamina l-inizjattivi tar-Regolamentazzjoni Aħjar li permezz tagħhom se jkun iktar faċli għan-negozji biex jikkonformaw, u għall-Istati Membri biex jimplimentaw, filwaqt illi jtejbu l-istandards ambjentali.

Kien hemm ukoll involviment internazzjonali attiv fil-politiki deskritti, inklużi progress importanti fit-tħejjija tal-Bulgarija u tar-Rumanija għas-sħubija fl-UE u l-integrazzjoni ta' l-ambjent fil-politika esterna tal-KE. Il-Kummissjoni pproponiet Strateġija Ambjentali[2] fit-tul sabiex tindirizza d-degradazzjoni kontinwa ta' l-ambjent Mediterranju permezz ta' kooperazzjoni iktar effettiva. Ippreżentat ukoll proposta għal Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Immaniġġjar Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali, inkluża l-Enerġija[3].

IL-KISBIET, IX-XEJRIET U L-PROSPETTIVI FL-OQSMA TA' PRIJORITÀ TAS-SITT PROGRAMM TA’ AZZJONI GĦALL-AMBJENT

It-tibdil fil-klima

Il-punti ewlenin

Is-sena 2006 kienet sena ta' dibattitu sħun dwar id-dipendenza ta' l-UE, li dejjem qed tiżdied, fuq żejt u gass impurtat, fuq prezzijiet ta' l-enerġija li qed jogħlew, u fuq strumenti biex tindirizza t-tibdil fil-klima. Ir-rabta bejn il-politiki tal-klima u ta' l-enerġija ssaħħet u ġew konklużi ftehimiet promettenti ma' l-ekonomiji prinċipali li qed jiżviluppaw

Fit-tieni fażi tal- Programm Ewropew dwar it-tibdil fil-klima , il-Kummissjoni adottat diversi proposti, pereżempju, dwar l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru fl-Iskema Ewropea ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet; u kompla jsir progress fl-analiżi ta' dan il-metodu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi; komunikazzjoni b'possibbiltà ta' proposta leġiżlattiva dwar l-Iżolament u l-Ħżin tal-Karbonju; u għażliet fil-politika għall-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Ir-reviżjoni intermedja tal- White Paper dwar it-Trasport [4] ikkonfermat li l-ħarsien ta' l-ambjent huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika dwar it-trasport.

Fil-bidu ta' l-2006, intemm l-ewwel ċiklu ta' konformità ta' l- Iskema Ewropea ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet . Madwar 10 000 stallazzjoni li jużaw ħafna enerġija – li jirrapreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet tas-CO2 ta' l-Ewropa – kellhom jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom għall-2005. F'April, il-prezz tal-kwoti waqa' peress li l-informazzjoni wriet inqas emissjonijiet milli kien mistenni u b'hekk dan irriżulta f'bilanċ pożittiv ta' kwoti. F'Ġunju, l-Istati Membri kellhom jikkomunikaw il-Pjan Nazzjonali ta' Allokazzjoni (NAP) għall-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2012, it-tieni perjodu ta' kummerċjalizzazzjoni, bi spjega ta' kif huma se jallokaw il-kwoti ta' l-emissjonijiet lill-industrija. F'Novembru, il-Kummissjoni adottat Deċiżjonijiet fuq 10 pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni, u b'hekk naqqset l-ammont medju ta' emissjonijiet proposti mill-Istati Membri bi kważi 7%.

Internazzjonalment, l-UE kellha rwol importanti, matul laqgħat relatati ma' l-UNFCCC u l- Protokoll ta' Kjoto sar progress fuq: programm ta' ħidma mifrux fuq 5 snin għall-adattament għall-klima, il-promozzjoni tal-fond ta' l-effiċjenza globali ta' l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli (GEEREF), u prinċipji ta' tmexxija għall-fond ta' adattament. L-UE stabbilixxiet ftehimiet bilaterali dwar it-tibdil fil-klima ma' pajjiżi terzi ewlenin bħalma hi ċ- Ċina u bdiet djalogu bilaterali ma' sħab oħra ewlenin. L-Istati Membri qed jinvestu ħafna fi proġetti ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-effiċjenza ta' l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l- Istrateġija Ewropea dwar l-Enerġija[5] , jiġifieri l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista, u l-kompetittività. F'Ottubru, il-Kummissjoni pproponiet Pjan ta' Azzjoni[6] biex jitnaqqas l-użu ta' l-enerġija bl-20% sa l-2020 f'qagħda fejn kollox jimxi bħas-soltu. Fil-bidu ta' l-2007, il-Kummissjoni pproponiet pakkett integrat dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima[7] għal Politika ġdida ta' l-Enerġija għall-Ewropa . L-Istati Membri huma mitluba jaqblu ma' mira ta' tnaqqis tat-30% fl-emissjonijiet tal-gassijiet ta' l-effett serra sa l-2020 (meta mqabbel ma' l-1990), jekk pajjiżi industrijalizzati oħra jikkommettu ruħhom li jiksbu miri daqstant ambizzjużi. Hemm bżonn li l-pajjiżi żviluppati kollha jagħmlu sforz bħal dan sabiex jiġi limitat it-tisħin globali għal żieda ta' 2° Celsius. Il-Kummissjoni pproponiet tnaqqis unilaterali fl-UE ta' 20% sakemm jintlaħaq ftehim. Il-pakkett jinkludi wkoll ideat għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment għall-adattament permezz ta' "Alleanza Globali tal-Politika dwar il-Klima"[8].

Sejbiet Ġodda

- L-iktar informazzjoni riċenti dwar l-emissjonijiet ta' l-UE-15 uriet tnaqqis ta' 0.9% biss mill-1990, filwaqt illi l-emissjonijiet ta' l-UE-10 baqgħu taħt il-livelli tas-sena bażi b'31.9%. Huwa maħsub li l-emissjonijiet ta' l-UE-10 se jiżdiedu, iżda se jibqgħu 12% taħt l-livelli fl-1990 sa l-2010[9]. Għalkemm, bil-miżuri li qed jitħejjew, bl-użu tal-mekkaniżmi ta' Kjoto u l-bjar tal-karbonju, l-UE-15 għandhom jilħqu l-miri tagħhom ta' Kjoto sa l-2010, se jkun hemm bżonn ta' iktar sforzi għall-perjodu ta' wara Kjoto. Għandna niftiehmu dwar miri ambizzjużi ġodda fit-tul[10].

- In-nirien fil-foresti li dejjem qed isiru iktar frekwenti fl-Ewropa tal-Grigal jistgħu jkunu r-raġuni ewlenija għat-tniġġis minn partiċelli tal-karbonju fl-Artiku, li qed iwassal biex il-glaċieri u s-silġ tal-baħar jinħallu iktar malajr[11].

- L-impatti negattivi tan-nixfiet fuq livell ta' l-UE żdiedu ħafna f'dawn l-aħħar 30 sena. L-ispejjeż annwali medji rduppjaw bejn il-perjodu 1976-1990 u l-perjodu 1991-2006 biex laħqu l-€5.3 biljun fis-sena fil-perjodu 2001-2006[12].

- Huwa maħsub li l-impatti fiżiċi u l-ispejjeż ta' l-għoli fil-livell tal-baħar se joħolqu ħsara sinifikanti. L-adattament għall-għoli fil-livell tal-baħar jista' jnaqqas l-ispejjeż totali b'7% sa 50% fuq perjodu ta' żmien medju u b'iktar minn 70% fuq perjodu ta' żmien twil[13].

Il-prospettivi għall-2007

Il-Kummissjoni sejra:

- tippreżenta proposta biex ittejjeb il-funzjonament tad- Direttiva dwar l-Iskema ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet għat-tielet perjodu ta' impenn li jibda fl-2013.

- tipproponi qafas regolatorju għall-promozzjoni tat-teknoloġiji ta' l-Iżolament tal-Karbonju u l-Ħżin Ġeoloġiku .

- tniedi konsultazzjoni wiesgħa permezz ta' Green Paper dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima .

- tippreżenta Deċiżjoni dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli , immirat lejn it-tranżizzjoni u l-pajjiżi u t-territorji li qed jiżviluppaw.

- toħroġ komunikazzjoni dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfiet sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa għal azzjoni fuq livell ta' l-UE.

In-Natura u l-bijodiversità

Il-punti ewlenin

Il-qafas ġenerali ta' politika ta' l-UE dwar il-bijodiversità ġie ftit jew wisq stabbilit. Madankollu, it-telf tal-bijodiversità qed ikompli għaddej b'rata li qatt ma rajna qabel. Konsegwentement, xi żewġ terzi tas-servizzi ta' l-ekosistema tad-dinja qabdu it-triq tan-niżla – servizzi li huma vitali għall-prosperità u l-benesseri. Jeħtieġu sforzi sinifikanti biex jintlaħqu l-miri biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sa l-2010, u biex ir-rata ta' telf tal-bijodiversità madwar id-dinja tonqos sostanzjalment sa l-2010.

Il- Komunikazzjoni dwar il-Bijodiversità[14] turi kif għandhom jintlaħqu dawn il-miri u kif jista' jitrawwem irkupru fuq perjodu ta' żmien twil. Tistipula għanijiet prijoritarji, miri u miżuri ewlenin ta' appoġġ fi Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE u tħeġġeġ integrazzjoni aħjar tal-bijodiversità u s-servizzi ta' l-ekosistema fil-politiki settorjali u orizzontali. Il-Bijodiversità kienet it-tema tal- Green Week fl-2006.

Natura 2000 attwalment tkopri kważi 17% tal-medda ta' art ta' l-UE-25 u 140 000 km2 medda ta' baħar. Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE għall-ħarsien tan-natura fl-Istati Membri l-ġodda, iżda għad baqa' lakuni kbar. Il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar il-Foresti[15] biex jappoġġja u jtejjeb l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tal-foresti, anki permezz ta' miżuri ta' bijodiversità u ta' sistema Ewropea ta' Monitoraġġ tal-Foresti.

Intlaħaq ftehim politiku fil-Kunsill dwar Direttiva tal-ġejjieni dwar l-Istrateġija Marittima li se tippermetti lill-UE terġa' ttejjeb is-saħħa ekoloġika ta' l-oċeani u l-ibħra tagħha.

Il-Kummissjoni adottat Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija , inkluża proposta għal Qafas ta' Direttiva [16] , li tistipula l-qafas komuni ta' l-UE għal azzjoni biex il-ħamrija li qed tiddeterjora b'rata mgħaġġla tiġi kkonservata, protetta u rijabilitata. Tippermetti lill-Istati Membri jkunu flessibbli biex jimplimentawha b'tali mod li jkun l-iktar wieħed adattat għas-sitwazzjonijiet lokali.

It-tieni Prospettiva Globali dwar il-Bijodiversità hija l-ewwel evalwazzjoni bir-reqqa, u turi li t-telf tal-bijodiversità qed ikompli jseħħ b'pass mgħaġġel, skond xejriet kważi fl-indikaturi kollha tal- Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), u b'hekk qed ipoġġi f'riskju l-ilħiq ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. Tikkonkludi li l-mira globali ta' l-2010 li titnaqqas, b'mod sinifikanti, ir-rata tat-telf, hija sfida konsiderevoli u huma meħtieġa sforzi ikbar, għalkemm id-deċiżjonijiet meħuda fit-tmien Konferenza tal-Partijiet f'Marzu jipprovdu gwida soda.

Il-Konferenza ta' Pariġi dwar "L-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp" enfasizzat il-kontribut essenzjali tas-servizzi ta' l-ekosistema għall-benesseri tal-bniedem, partikolarment għall-foqra, u stabbilixxiet li l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u t-tqassim ekwu tal-benefiċċji mill-bijodiversità huma temi fil-qalba ta' l-iżvilupp.

Intlaħaq ftehim fit-tielet laqgħa taħt il- Protokoll ta' Cartagena dwar is-Sikurezza Bijoloġika dwar dokumentazzjoni biex jiġu identifikati l-OMĠ fi trasportazzjonijiet internazzjonali ta' merkanzija agrikola. B'hekk b'din id-Deċiżjoni, il-Protokoll jopera bis-sħiħ.

L-UE nediet negozjati mal-Malażja, ma' l-Indoneżja u mal-Gana għall-ewwel serje ta' Ftehimiet bilaterali Volontarji ta' Sħubija dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresta, il-Tmexxija u l-Kummerċ (FLEGT) sabiex tikkumbatti l-qtugħ illegali ta' siġar u l-kummerċ relatat.

Sejbiet Ġodda

- Il-ħsara fl-ekosistema fl-UE toħloq telf serju, pereżempju n-nirien fil-foresti fil-Portugall jikkawżaw telf annwali fil-produzzjoni primarja ta' madwar €300 miljun[17].

- Għadd ta' dokumenti enfasizzaw li t-tibdil fil-klima qed joħloq tħeddida, li qed tkompli tikber, għall-bijodiversità, pereżempju taħt forma ta' estinzjonijiet tal-massa ta' speċijiet Ewropej ta' pjanti[18] u wissew li l-evoluzzjoni mhux se tkun kapaċi twaqqafha[19].

- Bosta ekosistemi u speċijiet Ewropej qed ikomplu jonqsu, imma xi speċijiet fil-mira tal-konservazzjoni qed jirkupraw[20]. It-tkabbir ta' meded mibnija madwar il-kosti Ewropej qed ikunu ta' ħsara għall-ekosistemi ta' mal-kosta[21].

- L-ekosistemi marittimi ddominati mill-bniedem qed jitilfu l-popolazzjonijiet u l-ispeċijiet b'rata iktar mgħaġġla b'konsegwenzi mhux magħrufa[22]. Matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin kien hemm tnaqqis serju fid-diversi speċijiet ta' ħut tal-baħar fond minħabba l-prattiċi tas-sajd[23].

Il-prospettivi għall-2007:

- Il-Kummissjoni se tiffinalizza l- Linji ta' Gwida Marittimi għall-implimentazzjoni tan-Natura 2000 fl-ambjent marittimu.

- Skond il- KDB , se jissuktaw negozjati dwar regoli internazzjonali dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u t-tqassim tal-benefiċċji.

- L-14-il Konferenza tal-Partijiet għall- Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet fil-Periklu se tintuża biex tiġi kkunsidrata t-tħejjija ta' elenku ta' l-ispeċijiet il-ġodda għall-kontrolli kummerċjali.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta alternattivi FLEGT oħra għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali ta' siġar u biex l-injam miksub illegalment jinżamm milli jidħol fis-suq ta' l-UE, u se tibda tinnegozja Ftehimiet bilaterali Volontarji ta' Sħubija ma' iktar pajjiżi.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal pożizzjoni komuni dwar is-sajd kummerċjali tal-balieni u se taħdem iktar fuq il-fattibbiltà ta' iktar leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ ta' prodotti mill-foki.

L-Ambjent u s-Saħħa

Il-punti ewlenin

Dejta tajba hija essenzjali għal politiki tajbin dwar il-ħarsien tas-saħħa. Il-Kummissjoni, taħt il-kappa tal- Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa għall-2004-2010 , ħejjiet tnedija ta' proġett pilota ta' l-UE dwar il-Bijomonitoraġġ tal-Bniedem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni u s-sistemi ta' monitoraġġ li huma stabbiliti u ppreżentat l- Analiżi ta' l-Informazzjoni dwar l-Ambjent u s-Saħħa u l-Pjan ta Implimentazzjoni [24] . Għalkemm il-metodi li jistmaw l-impatti ta' l-ambjent fuq is-saħħa tal-bniedem jeħtieġu iktar żvilupp, l-indikazzjonijiet huma li l-impatt magħruf ta' l-ambjent fuq is-saħħa huwa limitat fil-kuntest ġenerali tas-saħħa pubblika Ewropea.

Kull sena 370 000 persuna fl-Ewropa jmutu qasir il-għomor b'mard marbut mat-tniġġis ta' l-arja. Għalhekk il-Kummissjoni qed tipprepara biex tirrevedi d- Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali ta' Emissjonijiet , biex tistipula limiti li għandhom jibdew japplikaw minn 2020 għall-erba' sustanzi li diġà huma regolati, u possibbilment għall-emissjonijiet primarji ta' PM2.5 ukoll. Fl-2006, komplew in-negozjati mal-Kunsill u mal-Parlament fuq id- Direttiva ta' Qafas dwar il-Kwalità ta' l-Arja .

Ir-ristrutturar regolatorju tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma tkompla bl-adozzjoni tad- Direttivi dwar l-Ilma għall-Għawm u dwar l-Ilma ta' taħt l-Art .

Il-Kummissjoni adottat Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi ,[25] li tiffoka fuq prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jistgħu jiġu estiżi biex jinkludu l-bijoċidi. Il-miżuri jinkludu pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni, taħriġ, u projbizzjonijiet jew limiti fuq l-użu ta' pestiċidi f'żoni speċifiċi.

Il-Kummissjoni, taħt il-kappa ta' l- Istrategija dwar il-Merkurju , adottat proposti għal Direttiva[26] li tirrestrinġi l-użu tal-merkurju f'ċertu tagħmir u għal Regolament[27] dwar il-projbizzjoni ta' l-esportazzjonijiet mill-UE u l-ħżin sikur tal-merkurju.

Sejbiet Ġodda

- Fl-Olanda, stimi approssimattivi jindikaw li 2-5% tal-mard kollu jista' jkun ikkawżat mit-tniġġis ta' l-arja, l-istorbju, ir-radon, it-total ta' raġġi UV naturali u l-umdità fid-djar. Dan il-perċentwal jista' jiżdied jekk jiġu inklużi l-effetti inċerti ta' l-esponiment għall-PM[28].

- Huwa mistenni li n-nanoteknoloġiji se jagħtu spinta lill-innovazzjoni u lill-kompetittività u jistgħu joffru soluzzjonijiet ġodda għall-problemi ambjentali; minkejja dan, huwa importanti li kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-ambjent jew is-saħħa li ġej mill-użu tan-nanomaterjali jiġi rikonoxxut, evalwat u mmaniġġjat.

Il-prospettivi għall-2007:

- Ir- REACH jidħol fis-seħħ u l-Kummissjoni se tgħin fl-implimentazzjoni u se tħejji t-twaqqif ta' l-Aġenzija Ewropea tal-Kimiċi.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta reviżjoni intermedja tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ambjent u s-Saħħa.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta ġdida għar-reviżjoni tad- Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali ta' Emissjonijiet u għall-analiżi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-emissjonijiet industrijali. Se jiġi ppreżentat ukoll Pjan Komunitarju ta' Implimentazzjoni dwar is-Sustanzi Organiċi Persistenti li jniġġsu .

- Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta biex tirrevedi d- Direttiva dwar il-ħarsien ta' l-annimali tal-laboratorju biex taġġorna l-ħarsien ta' l-annimali u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-industriji u r-riċerkaturi.

- L-UE se tinvolvi ruħha fi ftehim internazzjonali vinkolanti dwar iktar azzjoni internazzjonali dwar il- merkurju fi ħdan il-qafas ta' l-UNEP.

L-użu tar-riżorsi

Il-punti ewlenin

Ir-riżorsi huma s-sinsla ta' l-ekonomija, iżda d-domanda globali li qed tkompli tiżdied, qed tagħmel pressjoni ikbar minn qatt qabel fuq l-ambjent. It-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi u fit-tfassil ta' modi ta' produzzjoni u konsum iktar sostenibbli, se jirriżulta f'benefiċċjiambjentali filwaqt li se jitjiebu r-rendiment ekonomiku u l-kompetittività.

Il-Kummissjoni għamlet progress permezz ta' l-implimentazzjoni ta' l- Istrateġija Tematika għal Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali billi waqqfet ic-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar l-Ambjent għar-riżorsi naturali, Bord Internazzjonali biex jipprovdi pariri xjentifiċi u Forum ta' Livell Għoli biex jiggwida l-iżvilupp ta' miżuri nazzjonali.

F'Ġunju, il-Kunsill ta' l-Ambjent appoġġja l-viżjoni fit-tul ta' "Soċjetà Ewropea li tirriċikla" ta' l- Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ ta' l-iskart . L-elementi prinċipali ta' l-Istrateġija jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-iskart, b'mod speċifiku l-metodu taċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodott u proposti sabiex jidħlu fis-seħħ politiki dwar il-prevenzjoni ta' l-iskart u ħidma lejn standard komuni ta' riċiklaġġ. Il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kunsill u fil-Parlament. Iktar miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija jinkludu Komunikazzjoni dwar il-prodotti sekondarji u l-iskart industrijali, it-tħejjija ta' kriterji għal meta flussi speċifiċi ta' skart jiġu riċiklati u ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala skart, u t-titjib fl-għarfien.

Id- Direttivi ta' RoHS (Restrizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti Sustanzi Perikolużi) u ta' WEEE (l-iskart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku) huma mfassla sabiex jittrattaw l-ammont ta' skart tat-tagħmir elettriku u elettroniku li qed jikber b'rata mgħaġġla. Il-WEEE titratta l-immaniġġjar ta' l-iskart billi tistipula miri għall-ġbir separat, l-irkupru u r-riċiklaġġ. Ir-RoHS tirrikjedi s-sostituzzjoni ta' xi wħud mis-sustanzi perikolużi f'tagħmir ġdid li jitqiegħed fis-suq wara l-1 ta' Lulju 2006. Id- Direttiva dwar Vetturi li ma għadhomx jintużaw u d- Direttiva dwar l-Imballaġġ fihom projbizzjoni simili tal-metalli. Ġiet adottata Direttiva ġdida dwar il-Batteriji li tipprojbixxi l-merkurju mill-batteriji kollha, u l-kadmju fil-maġġoranza l-kbira ta' dawk li jinġarru.

L-iżmuntaġġ mhux sikur ta' bastimenti huwa kwistjoni ambjentali, ekonomika u soċjali li qed toħloq ċerta pressjoni fuq livell internazzjonali. Ħafna drabi l-bastimenti jiġu żmuntati f'bajjiet fl-Asja f'kundizzjonijiet ħżiena fejn il-ħaddiema jisfaw midruba jew saħansitra jmutu f'aċċidenti jew jiġu esposti għal sustanzi tossiċi. It-tniġġis ta' l-ilma u tal-ħamrija f'dawn iż-żoni ta' madwar il-kosta jaffettwa l-ħabitat naturali u ż-żoni tas-sajd. Il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa Strateġija Ewropea għall-Iżmuntaġġ ta' Bastimenti li tiffoka fuq is-sikurezza u l-ħarsien ta' l-ambjent.

Sejbiet Ġodda

- Ir-rimi kriminali ta' skart perikoluż fil-Kosta ta' l-Ivorju fl-2006 wera li diversi Stati Membri mhux qed jinfurzaw kif suppost ir-regoli ta' l-UE dwar it-trasportazzjoni ta' l-iskart, speċjalment f'portijiet marittimi. Matul l-2005, spezzjonijiet urew rati għolja ta' trasportazzjonijiet illegali ta' skart, li xi drabi laħqu anki t-48%.

- Is-setturi ta' l-ikel u x-xorb, tat-trasport privat u tad-djar huma responsabbli flimkien għal 70-80% ta' l-impatt ambjentali tal-konsum ta' prodotti mill-bidu sa tmiem iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom[29].

Il-prospettivi għall-2007

Il-Kummissjoni sejra:

- tħejji Green Paper lejn Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli , billi tibni fuq strumenti bħalma huma l-politika integrata tal-prodott li tinkludi t-tikketta ekoloġika ( eco-label ), l-iskemi ta' mmaniġġjar ambjentali, il-politiki dwar ir-riżorsi u l-iskart, u l-innovazzjoni.

- tiżviluppa miżuri dwar politika industrijali li tirrispetta l-ambjent – ibbażati fuq elementi bħalma huma s-suq intern, id-Direttiva EuP, is-swieq ewlenin u appoġġ ieħor għall-eko-innovazzjoni u l-koperazzjoni internazzjonali. .

- tipproponi miri volontarji ma' l-UE kollha għal Xiri Pubbliku li jirrispetta l-Ambjent u tagħti iktar gwida lill-Istati Membri dwar il-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni tagħhom.

- tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal- Pjan ta' Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP) billi tkopri l-ewwel riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

- tappoġġja l-użu ta' teknoloġiji ambjentali u innovazzjoni ekoloġika permezz tal- Programm ta' Qafas ta' l-UE dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka, l-Iżvilupp ta' Teknoloġiji u l-attivitajiet ta' Dimostrazzjoni .

- tnedi inizjattivi biex tirrinforza l-implimentazzjoni tar-regolament dwar it-trasportazzjoni ta' l-iskart u d- Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-port biex jilqa' konsenji , inklużi proposti leġiżlattivi fejn ikunu meħtieġa.

- tippreżenta Green Paper dwar l-Iżmuntar ta' Bastimenti .

IL-POLITIKA DWAR L-AMBJENT U R-REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR

Il-punti ewlenin

L-użu ta' regolamentazzjoni aħjar għal implimentazzjoni u riżultati ambjentali aħjar

Il-politika ambjentali diġà tat riżultati ambjentali tajbin, iżda implimentazzjoni iktar faċli u effettiva saħansitra se ttejjibhom iktar. Aspett importanti għal regolamentazzjoni aħjar huwa li jkun żgurat li r-rekwiżiti amministrattivi biex jipprovdu informazzjoni, imposti mil-leġiżlazzjoni, jkunu fi proporzjon ma' dak li hu meħtieġ għal infurzar kif suppost.

Filwaqt illi l-ispejjeż amministrattivi ta' leġiżlazzjoni ambjentali jirrapreżentaw biss frazzjoni żgħira mill-benefiċċji kollha li jirriżultaw minnha, spejjeż mhux meħtieġa qed ifixklu implimentazzjoni tajba u hemm bżonn jiġu indirizzati.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tkompli tapplika prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politika ambjentali, bil-għan li ttejjeb it-tifsil ta' leġiżlazzjoni eżistenti u tal-ġejjieni.

Is-Simplifikazzjoni

Fl-2006, il-Kummissjoni kompliet tirrevedi leġiżlazzjoni bħalma huma d-Direttivi ta' RoHS , WEEE u IPPC (il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis) bħala parti mill- Programm ta' Simplifikazzjoni [30]. Parti mill-programm il-ġdid[31] hija l-proposta għar-reviżjoni tad- Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart [32] . L-adozzjoni tagħha tista' tgħaqqad tliet Direttivi eżistenti u tiċċara xi leġiżlazzjoni prinċipali imma li hija implimentata ħażin.

Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva biex tipproteġi l-ilma tal-wiċċ [33] mit-tniġġis – billi tistipula limiti għal 41 sustanza perikoluża – li tirrevoka ħames Direttivi u tneħħi r-rekwiżiti ta' rapportar. Bdiet ukoll analiżi dettaljati biex tissimplifika u ttejjeb l-iskemi ta' l- EMAS (L-Immaniġġjar Ekoloġiku u s-Sistema ta' Verifika ta' l-UE) u l- Ecolabel (prodott) billi tħares lejn rabtiet ma' leġiżlazzjoni oħra u tagħmilhom iktar attraenti għall-intrapriżi ż-żgħar.

Il- leġiżlazzjoni REACH (Reġistrazzjoni, Evalwazzjoni u Awtorizzazzjoni tal-Kimiċi) ġiet adottata f'Diċembru 2006. Se tieħu post 40 att legali eżistenti, se toħloq sistema waħdanija għas-sustanzi kimiċi kollha, u se tintroduċi Aġenzija ġdida tal-Kimiċi.

It-tifsil ta' politiki ġodda

Il-politika ambjentali fetħet it-triq għal diversi modi ta' tifsil ta' politiki ġodda effettivi u effiċjenti mil-lat ta' spejjeż, li issa saru prattika standard. L-evalwazzjoni ta' l-impatt hija eżempju wieħed; huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proposti ta' politika ewlenin kollha tagħha. Il-Politika Ambjentali pproduċiet iktar minn 20 Valutazzjoni ta' l-Impatt – madwar wieħed minn tmienja tat-total ta' evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Il-proċess tal-valutazzjoni ta' l-impatt itejjeb l-għażla ta' strumenti ta' politika. Pereżempju, id- Direttiva li tistabbilixxi l-Infrastruttura għal Informazzjoni dwar l-Ispazji ta' l-UE (INSPIRE) , li dwarha ntlaħaq ftehim fl-2006, kienet ibbażata fuq għażla li rriżultat fil-wisa' fl-istess benefiċċji imma kienet 25% orħos minn l-ewwel alternattiva li ġiet kkunsidrata. Il- Bord il-ġdid ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt imwaqqaf mill-Kummissjoni jikkontrolla l-kwalità ta' l-abbozzi ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt.

L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

L-ambjent jista' jkun protett sewwa jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni kif għandu jkun. Fl-aħħar ta' l-2006, kien hemm 420 każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Il-Kummissjoni qed tkompli ttejjeb il-ġestjoni ta' dawn il-każijiet. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib ukoll ma' partijiet interessati biex tidentifika d-diffikultajiet possibbli, pereżempju fl-2006 bir-Regolament REACH. Saru sforzi simili permezz tad- Direttiva ta' Responsabbiltà Ambjentali u tad- Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma , li wrew li metodu komuni huwa essenzjali għal kwistjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, in- netwerk informali GreenEnforce ta' dawk li jaħdmu fin-natura u fil-foresti ġie mwaqqaf biex isaħħaħ id-djalogu dwar l-implimentazzjoni.

Sejbiet Ġodda

- Xi studji urew li, għal każijiet analizzati, ħafna drabi l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni ambjentali ta' l-UE huma meqjusa ogħla milli fil-fatt ikunu, probabbilment minħabba li l-innovazzjoni li jġibu magħhom il-politika u fatturi oħra, hija sottovalutata[34].

- Il-leġiżlazzjoni ambjentali timponi madwar 4% ta' l-ispejjeż amministrattivi fuq in-negozji meta mqabbla ma' kull leġiżlazzjoni li toriġina mil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali[35].

- L-istandards ta' l-emissjonijiet ta' l-UE qed isiru standards mondjali, pereżempju iktar minn 3 biljun persuna fl-Asja jibbenefikaw minn vetturi li jissodisfaw l-istandards Ewropej ta' l-emissjonijiet tal-vetturi[36].

- Il-flotta Ewropea tal-karozzi hija darbtejn-tliet darbiet iktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil mill-flotta Amerikana tal-karozzi, parzjalment minħabba taxxi ogħla fuq il-fjuwil li appoġġjaw titjib teknoloġiku importanti.[37]

Il-prospettivi għall-2007

Il-Kummissjoni sejra:

- tressaq Komunikazzjoni dwar Sistema ta' Informazzjoni Ambjentali Kondiviża marbuta ma' INSPIRE. Is-sistema se tiżgura d-disponibbiltà ta' l-informazzjoni filwaqt illi taqta' r-rapportar u l-monitoraġġ mhux meħtieġa.

- toħroġ Green Paper dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq għal skopijiet politiċi relatati ma' l-ambjent u l-enerġija. Se tħares lejn elementi possibbli għar-reviżjoni ppjanata tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u lejn alternattivi għal iktar użu ta' strumenti ekonomiċi fl-oqsma differenti tal-politika ambjentali[38].

- tirrevedi l- linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna ta' l-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent biex jiġu adattati r-regoli għall-isfidi fil-politika ambjentali. Bil-għan li tiġi ssimplifikata l-evalwazzjoni, jista' jagħti l-każ li ċerta għajnuna ta' l-Istat għall-ambjent b'inqas xkiel tista' tiġi inkluża fil-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali.

- tressaq Programm ta' Għajnuna għall-Konformità biex jgħin lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-ambjent.

- tippreżenta Komunikazzjoni dwar l- Implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma .

- tniedi, flimkien ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, is- Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar l-Ilma biex isir titjib fid-disponibilità u l-kwalità tad-dejta dwar l-ilma.

KONKLUŻJONIJIET

Il-Kummissjoni qed tkompli tagħmel ħilitha biex ittejjeb l-mod li bih hija mfassla u implimentata l-politika ta' l-ambjent. Issa l-politiki huma ftit jew wisq implimentati u adattati għal metodu regolatorju iktar sempliċi, filwaqt illi jżommu livell għoli ta' protezzjoni.

It-tibdil fil-klima jinsab fil-quċċata ta' l-aġenda politika. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa iktar il-proposti tagħha sabiex tittrasforma lill-UE f'ekonomija li tagħmel użu baxx mill-karbonju u biex tikseb miri fit-tul ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE u globalment. Iżda anki jekk l-emissjonijiet jitnaqqsu, l-effetti probabbli tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu antiċipati u għandhom jittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi mminimizzata l-ħsara. Għalhekk, il-Kummissjoni se tniedi dibattitu dwar politika Ewropea ta' adattament.

Prijorità oħra ta' importanza kbira hija t-trażżin tat-telf tal-bijodiversità. Ġew proposti miżuri importanti u issa jeħtieġ li jiġu implimentati. Fuq livell internazzjonali, se ssir enfażi partikolari fuq l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali ta' siġar u l-kummerċ assoċjat.

Jeħtieġ li l-mudelli ta' konsum u produzzjoni jkunu iktar sostenibbli. Il-Kummissjoni se tipproponi metodi għall-promozzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, id-disinn ekoloġiku, l-innovazzjoni ekoloġika u teknoloġiji nodfa. Se jkun hemm iktar sforz sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

L-isfidi ambjentali issa daħlu f'kull qasam politiku. Għandha tingħata attenzjoni kontinwa għal kif il-politiki settorjali jaġixxu ma' l-ambjent u għall-impatt li dawn iħallu fuqu. L-assigurazzjoni ta' suq globali miftuħ għat-teknoloġiji, investiment u għarfien espert ambjentali hija eżempju ta' kif l-oqsma l-oħra tal-politika jistgħu jikkontribwixxu Huwa essenzjali li naħdmu mas-sħab internazzjonali tagħna, kemm bilateralment kif ukoll permezz ta' azzjoni multilaterali, biex nikkonservaw ir-riżorsi komuni u s-sistemi ta' appoġġ għall-ħajja. L-ambjent għandu bżonn li kollha kemm aħna nikkommettu ruħna.

[1] 2006 Eurobarometer.

[2] COM(2006)475.

[3] COM(2006)20.

[4] COM(2006)314.

[5] COM(2006)105.

[6] COM(2006)545.

[7] COM(2007)1, COM(2007)2.

[8] Dokument tal-Kunsill 15164/04 ibbażat fuq COM(2003)85.

[9] Rapport tekniku ta' l-EEA Nru 6/2006.

[10] COM(2006)658.

[11] Journal of Geophysical Research (Ġurnal dwar ir-Riċerka Ġeofiżika), vol.111, 2006.

[12] DĠ Ambjent (2006), L-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfiet, l-ewwel Rapport interim .

[13] http://peseta.jrc.es

[14] COM(2006)216

[15] COM(2006)302

[16] COM(2006)231

[17] IEEP (2006) Il-Valur tal-Bijodiversità.

[18] Thuiller, W. et al. (2005) Climate change threats to plant diversity in Europe [It-Theddid li t-tibdil fil-klima qed tikkawża għad-diversità ta' pjanti fl-Ewropa].

[19] Parmesan, C. (2006) Ecological and evolutionary responses to recent climate change [Ir-reazzjonijiet ekoloġiċi u evoluzzjonarji għall-bidla reċenti fil-klima].

[20] Rapport ta' l-EEA Nru 5/2006.

[21] Rapport ta' l-EEA Nru 6/2006.

[22] Science (2006) 314, 787-790.

[23] UN (2006) The Impacts of Fishing on Vulnerable Marine Ecosystems [L-Impatti tas-Sajd fuq l-Ekosistemi Marittimi Vulnerabbli].

[24] SEC(2006)1461

[25] COM(2006)327

[26] COM(2006)69.

[27] COM(2006)636.

[28] RIVM (2005).

[29] IPTS (2006) Environmental Impact of Products [L-Impatt Ambjentali ta' Prodotti].

[30] COM(2005)535.

[31] COM(2006)690.

[32] COM(2005)667.

[33] COM(2006)397.

[34] IVM (2006), DEFRA (2006).

[35] Stima bbażata fuq sejbiet mid-DK, NL u UK, ara wkoll COM(2006)691.

[36] Kunsill Internazzjonali dwar it-Trasportazzjoni Nadifa.

[37] Rapport ta' l-EEA Nru 1/2006.

[38] COM(2007) 140 finali