52007DC0165

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa - /* KUMM/2007/0165 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.4.2007

KUMM(2007) 165 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

- Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa -

1. DAĦLA

Element ewlieni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjieg huwa t-titjib fit-trattament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) fl-Ewropa, għax dawn id-drittijiet, u b'mod partikolari l-privattivi, huma marbutin ma' l-innovazzjoni, li min-naħa tagħha tagħti kontribut sostanzjali lejn il-kompetittività.

Il-privattivi huma element importanti fit-tmexxija 'l quddiem ta' l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Fi studju li sar dan l-aħħar mill-Kummissjoni dwar il-valur tal-privattivi[1], imsejjes fuq stħarriġ ma' 10 000 inventur fi tmien Stati Membri[2], ġew evalwati, fost l-oħrajn, il-valur monetarju tal-privattivi, l-impatt ekonomiku u soċjali tal-privattivi, il-ħruġ ta' liċenzji għal privattivi, l-użu tal-privattivi għall-ħolqien ta' impriżi ġodda, u r-rabta li hemm bejn il-privattivi, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-innovazzjoni. Minkejja d-differenzi li hemm bejn l-Istati Membri u d-diversi setturi ta' l-industrija, il-primjum globali ta' privattiva[3] fl-Istati Membri fejn saret l-analiżi jirrappreżenta 1% tal-PGD nazzjonali għall-perjodu 1994-1996, u kien laħaq 1.16% tal-PGD matul il-perjodu 2000-2002.

Barra minn hekk, hemm min jissuġġerixxi li hemm korrelazzjoni bejn l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u bejn is-suċċess fil-qasam ta' l-innovazzjoni. Skond din l-ipoteżi, il-pajjiżi b'rendiment għoli fl-innovazzjoni ġeneralment ikunu kkaratterizzati minn livelli għoljin ta' reġistrazzjoni ta' privattivi u ta' l-użu ta' drittijiet oħrajn, bħalma huma d-drittijiet fuq id-disinji u l-marki kummerċjali ( trademarks )[4]. Din il-korrelazzjoni ssib konferma fuq il-livell settorjali: is-setturi li fihom jinħarġu aktar privattivi għandhom tendenza li jkunu aktar innovattivi.

Is-suq waħdieni għall-privattivi għadu mhux komplut. Minkejja l-insistenza kontinwa mingħand diversi Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, l-Ewropa għadha ma kinitx kapaċi toħloq privattiva Komunitarja waħdanija u bi prezz raġjonevoli. Fl-istess ħin, saru wkoll sforzi f'qafas intergovernattiv bil-għan li tittejjeb is-sistema Ewropea tal-privattivi taħt l-awspiċi ta' l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li madankollu ġew posposti.

Il-frammentazzjoni tas-suq waħdieni għall-privattivi għandha konsegwenzi serji għall-kompetittività ta' l-Ewropa quddiem l-isfidi li jippreżentaw l-Istati Uniti, il-Ġappun u potenzi ekonomiċi emerġenti bħaċ-Ċina. Fejn tidħol l-attività fil-qasam tal-privattivi, l-UE għadha lura ħafna mill-Istati Uniti u l-Ġappun. Saħansitra fl-Ewropa stess, l-Istati Uniti u l-Ġappun jirreġistraw aktar privattivi mill-UE: fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO), 137 privattiva għal kull miljun abitant jiġu mill-UE, imqabbel ma' 143 privattiva mill-Istati Uniti u 174 mill-Ġappun. In-nuqqas ta' massa kritika ta' privattivi internament ifisser li jiġu ddepożitati inqas privattivi simultanjament fl-Istati Uniti, fl-UE u fil-Ġappun (l-hekk imsejħa "privattivi trijadiċi"). Filwaqt li l-Ewropa għandha 33 privattiva trijadika għal kull miljun abitant, l-Istati Uniti għandhom 48 u l-Gappun 102; jiġifieri li l-Istati Uniti u l-Ġappun għandhom rispettivament 45% u 209% aktar privattivi trijadiċi mill-UE[5].. Meta wieħed jikkunsidra li l-privattivi trijadiċi għandhom l-akbar valur u jitqiesu bħala l-aqwa indikatur ta' innovazzjoni fil-qasam tal-privattivi, din is-sitwazzjoni hija ta' tħassib partikulari[6].

Studji li saru dan l-aħħar urew ukoll li privattiva Ewropea li tkopri 13-il pajjiż hija 11-il darba aktar għalja minn privattiva ta' l-Istati Uniti, u 13-il darba aktar għalja minn privattiva Ġappuniża, jekk jitqiesu l-ispejjeż ta' l-ipproċessar u tat-traduzzjoni. Rigward l-ispejjeż totali għal protezzjoni sa 20 snin, il-privattivi Ewropej iqumu kważi disa' darbiet aktar mill-privattivi Ġappuniżi u ta' l-Istati Uniti. Jekk l-analiżi tiffoka fuq il-pretensjonijiet għall-privattivi, id-differenzi fl-ispejjeż ikomplu jikbru[7].

Il-Kummissjoni temmen li fl-ekonomija dinjija tal-lum, li kulma jmur qiegħda ssir aktar kompetittiva, l-UE ma tistax tibqa' sejra lura f'qasam daqstant kruċjali għall-innovazzjoni bħall-politika dwar il-privattivi. Għaldaqstant, u bi sforz imġedded biex jingħeleb l-istaġnar li s-sitwazzjoni waslet fih, f'Jannar 2006 l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni wiesgħa dwar il-futur tal-politika dwar il-privattivi fl-Ewropa. L-għan ta' din il-konsultazzjoni kien li jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar is-sistema ta' privattivi li hawn bħalissa, u dwar sistema ta' privattivi għall-Ewropa li tkun tassew adattata għas-seklu XXI. Il-konsultazzjoni qajmet interess liema bħalu fost l-utenti Ewropej tas-sistema tal-privattivi, b'2515-il risposta rċevuti mingħand l-impriżi (fosthom SMEs minn prattikament kull settur ta' l-ekonomija), l-Istati Membri, riċerkaturi u akkademiċi[8].

Ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni ma jħallu l-ebda dubju rigward il-ħtieġa urġenti li hemm għal azzjoni biex tinħoloq sistema ta' privattivi fl-Ewropa li taqdi lill-utent mir-rekwiżiti kollha, tkun sempliċi, ta' kwalità għolja u effiċjenti fir-rigward ta' spejjeż, kemm għall-proċeduri ta' l-eżami u tal-ħruġ tal-privattiva kif ukoll għal dawk ta' wara l-ħruġ, inklużi l-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim.

Bosta partijiet interessati għadhom jappoġġaw il-Privattiva Komunitarja bħala strument li jġib miegħu aktar valur miżjud għall-industrija Ewropea fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. Madankollu, l-istess partijiet interessati jikkritikaw l-Approċċ Politiku Komuni adottat mill-Kunsill fl-2003[9], minħabba l-ispejjeż għoljin tat-traduzzjoni kif ukoll iċ-ċentralizzazzjoni eċċessiva tas-sistema ġurisdizzjonali proposta.

Rigward ir-riformi tas-sistema Ewropea tal-privattivi attwali fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Privattivi (EPC), bosta partijiet interessati huma favur li ssir ratifika kemm jista' jkun malajr tal-Ftehim ta' Londra[10], kif ukoll li jiġi addottat il-Ftehim Ewropew dwar it-Tilwim fil-qasam tal-Privattivi (EPLA).

Għalissa, madankollu, ftit li xejn hemm appoġġ favur l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni sostantiva dwar il-privattivi, jew ta' l-iskemi għall-għarfien reċiproku tal-privattivi nazzjonali.

Jekk l-Ewropa tixtieq tkun minn ta' quddiem fl-innovazzjoni, huwa essenzjali li tittejjeb l-istrateġija dwar il-privattivi. L-ewwel taqsima ta' din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-ħolqien tal-privattiva Komunitarja u fuq it-twaqqif ta' ġurisdizzjoni effiċjenti fil-qasam tal-privattivi li tkopri l-UE kollha. Bosta partijiet interessati jqisu li t-tisħiħ tas-sistema ġurisdizzjonali għall-privattivi huwa l-aktar kwistjoni importanti li għandha tiġi indirizzata bħala l-ewwel pass. Il-ħidma favur sistema ġurisdizzjonali fil-qasam tal-privattivi li tkopri l-UE kollha tista' tgħin biex twitti t-triq lejn il-ħolqien ta' privattiva Komunitarja li tkun ta' prezz raġjonevoli u legalment sikura. Il-Kummissjoni tawgura li s-suġġerimenti mressqa f'din il-Komunikazzjoni jservu biex jagħtu spinta ġdida lin-negozjati li ilhom staġnati mill-2004. L-għan huwa li jinħoloq dibattitu bis-saħħa tar-ritmu tal-konsultazzjoni, u li jitfittex il-kunsens dwar it-triq li għandha tittieħed.

Madankollu, huwa ċar li jridu jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet oħra marbutin mal-privattivi. Biex tkun effiċjenti, is-sistema tal-privattivi għandha titqies kumplessivament. Għalhekk, l-aħħar taqsima ta' din il-Komunikazzjoni tindirizza aspetti bħall-kwalità u l-ispejjeż tal-privattivi, l-appoġġ għall-SMEs, it-trasferiment ta' l-għarfien, u kwistjonijiet ta' infurzar inklużi metodi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim, l-assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż ta' proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-privattivi, u aspetti internazzjonali ta' l-infurzar.

Wara t-talbiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Diċembru 2006[11] u Marzu 2007[12], il-Kummissjoni biħsiebha tressaq Komunikazzjoni dwar strateġija ġenerali rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sal-bidu ta' l-2008. Id-dokument dwar l-istrateġija għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali se jikkomplementa din il-Komunikazzjoni, u ser jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin orizzontali u mhux leġiżlattivi li għad baqa' fl-oqsma kollha tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-marki kummerċjali, id-disinji, id-drittijiet ta' l-awtur, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-privattivi u l-infurzar.

2. IL-PRIVATTIVA KOMUNITARJA U SISTEMA ĠURISDIZZJONALI INTEGRATA GĦALL-PRIVATTIVI

2.1. IL-PRIVATTIVA KOMUNITARJA

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ħolqien ta' privattiva Komunitarja waħdanija għadu mira ewlenija għall-Ewropa. Il-privattiva Komunitarja tibqa' l-aqwa soluzzjoni biex tilqa' għall-isfidi li l-Ewropa għandha quddiemha fil-qasam tal-privattivi u l-innovazzjoni, bl-aktar mod xieraq fir-rigward ta' spejjeż u bl-akbar sigurtà legali. Skond ma juru l-istatistiċi, fil-kuntest tan-nefqa globali (traduzzjonijiet, miżati ta' reġistrazzjoni, eċċ.), il-privattiva Komunitarja hija ħafna aktar attraenti mill-mudelli eżistenti fis-sistema Ewropea tal-privattivi li hawn illum[13].

Il-partijiet interessati li ħadu sehem fil-konsultazzjoni kkritikaw l-Approċċ Politiku Komuni tal-Kunsill ta' l-2003 għal żewġ raġunijiet: l-arranġamenti ġurisdizzjonali jitqiesu li mhumiex adegwati, u r-reġim lingwistiku mhuwiex sodisfaċenti. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li tista' tinkiseb privattiva Komunitarja li tkun tabilħaqq kompetittiva u attraenti, sakemm ikun hemm ir-rieda politika għaliha.

Il-partijiet interessati wrew retiċenza partikolari fir-rigward ta' korp ġurisdizzjonali li huwa wisq ċentralizzat. Dan it-tħassib għandu jiġi kkunsidrat meta ssir il-ħidma fuq is-sistema ġurisdizzjonali fil-qasam tal-privattivi li tkopri l-UE kollha, deskritta fil-paragrafi li ġejjin.

Dwar l-ispejjeż tat-traduzzjoni, il-Kummissjoni tosserva li maġġoranza kbira tal-partijiet interessati jikkritikaw l-Approċċ Politiku Komuni tal-Kunsill, li jipprevedi t-traduzzjoni tal-klejms kollha tal-privattiva Komunitarja fl-ilsna uffiċjali kollha ta' l-UE (illum 23 ilsien uffiċjali). Min-naħa l-oħra, partijiet interessati oħrajn kienu favur it-traduzzjoniji mhux biss tal-klejms iżda wkoll tad-deskrizzjonijiet. Ħafna huma favur il-proposta inizjali tal-Kummissjoni bħala bażi soda biex jintlaħaq ftehim. Il-Kummissjoni tqis li għandu jkun possibbli li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi, u ser tistudja flimkien ma' l-Istati Membri kif jista' jitjieb ir-reġim lingwistiku, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta' traduzzjoni tal-privattiva Komunitarja filwaqt li tiżdied is-sigurtà legali għal kull parti interessata, u b'mod partikolari għall-ġid ta' l-SMEs. Fost l-għażliet possibbli, jistgħu jitnaqqsu l-miżati ta' reġistrazzjoni għall-SMEs, jew jinħolqu sistemi li jippermettu ċerta flessibbiltà fil-ħtiġijiet ta' traduzzjoni.[14]

2.2. SISTEMA ĠURISDIZZJONALI INTEGRATA GĦALL-PRIVATTIVI FIS-SUQ WAĦDIENI

2.2.1. In-nuqqasijiet tal-proċeduri ġudizzjarji dwar il-privattivi fl-Ewropa

Dejjem aktar ta' spiss, il-qrati nazzjonali qed isibu ruħhom obbligati li jqisu aspetti b'dimensjoni transkonfinali meta jiġu biex isolvu każijiet ta' tilwim fil-qasam tal-privattivi. Il-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija tmur id f'id ma' l-internazzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji dwar il-privattivi. Din l-affermazzjoni tapplika b'mod partikolari għas-suq waħdieni Ewropew.

Mill-1978 'l hawn (u sa l-2005), l-EPO ħarġet kważi 800 000 privattiva Ewropea, li ħafna minnhom għadhom fis-seħħ fl-Ewropa[15]. L-EPO tmexxi proċedura waħdanija għall-ħruġ ta' privattivi. Madankollu, ladarba tkun inħarġet privattiva Ewropea, issir privattiva nazzjonali soġġetta għar-regoli nazzjonali ta' l-Istati kontraenti ta' l-EPO indikati fl-applikazzjoni. Il-privattiva Ewropea mhijiex titolu wieħed; hija effettivament pakkett ta' privattivi nazzjonali. Bħalissa ma hemmx korp ġurisdizzjonali waħdani għat-tilwim fir-rigward tal-Privattivi Ewropej li jqajmu kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri ta' stat wieħed. Kwalunkwe ksur, invalidità tal-kontrotalba jew azzjoni għar-revoka marbutin ma' pakkett ta' privattivi Ewropej jistgħu jkunu soġġetti għal diversi liġijiet u proċeduri nazzjonali.

Għaldaqstant, l-atturi u l-konvenuti għandhom ir-riskju li jkunu involuti f'diversi każijiet ta' tilwim f'għadd ta' Stati Membri minħabba l-istess kwistjoni marbuta mal-privattivi. Biex tiġi nfurzata privattiva Ewropea maħruġa għal diversi Stati, sid il-privattiva jista' jfittex lill-persuna allegatament ħatja tal-ksur fil-pajjiż fejn hija domiċiljata, jew jista' jkun li jkollu jiftaħ diversi proċeduri paralleli ta' ksur quddiem il-qrati nazzjonali ta' pajjiżi differenti. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti individwali għandu mnejn ikollhom jiddefendu ruħhom fi proċeduri simili miftuħin fi Stati differenti, li hija sitwazzjoni riskjuża ħafna u tpoġġi ċertu piż fuq l-SMEs. Biex jiksbu r-revoka ta' privattiva Ewropea, il-kompetituri jew persuni oħra interessati għandhom jiftħu kawżi ta' revoka f'kull wieħed mill-Istati li għalihom inħarġet il-privattiva Ewropea.

Din il-qagħda, bir-riskju ta' proċeduri ġudizzjarji multipli, għandha bosta konsegwenzi li jdgħajfu s-sistema Ewropea tal-privattivi[16] u jagħmluhom inqas attraenti, partikularment għall-SMEs.

Qabelxejn, is-sistema timplika wisq spejjeż għall-partijiet kollha involuti, iridu jqabbdu avukati u esperti lokali u jħallsu d-drittijiet tal-qorti f'kull wieħed mill-pajjiżi fejn tinfetaħ il-proċedura. Dan mhuwiex neċessarjament problema għall-impriżi l-kbar, iżda għal ħafna SMEs u inventuri individwali, dawn l-ispejjeż jistgħu jżommuhom lura. Jista' jagħti l-każ li SME jew inventur individwali jkun investa somom kbar biex jikseb privattiva u mbagħad sempliċement ma jkunx kapaċi jħarisha kontra l-ksur, u b'hekk il-privattiva titlef kull valur prattiku.

Barra minn hekk, is-sistemi ġudizzjarji ta' kull pajjiż ivarjaw b'mod sinifikattiv, u magħhom il-mod kif il-qrati jindirizzaw il-każijiet marbutin mal-privattivi. Bħala eżempju tajjeb tad-differenzi li hemm fil-proċeduri ġudizzjarji dwar il-privattivi fil-livell nazzjonali, fil-Ġermanja, il-każijiet ta' ksur u dawk ta' revoka jsegwu perkorsi differenti, kemm fl-istadju tal-prim'istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell, filwaqt li f'pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, Franza u l-Olanda, l-istess qorti għandha l-kompetenza biex tindirizza każijiet ta' ksur u talbiet għal dikjarazzjoni ta' invalidità. B'konsegwenza ta' dan, il-proċeduri ġudizzjarji multipli jistgħu jġibu magħhom riżultati varjati u saħansitra kontradittorji fl-Istati differenti[17]. Minkejja l-armonizzazzjoni reċenti ta' miżuri, proċeduri u rimedji fil-qasam tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali taħt id-Direttiva dwar l-Infurzar[18], għad hemm differenzi sinifikattivi bejn il-proċeduri u l-prattiċi nazzjonali minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni f'aspetti bħall-ġbir tal-provi fattwali, il-kontroeżamijiet, is-smigħ tal-kawżi, ir-rwol ta' l-esperti, eċċ.

B'mod partikulari, il-partijiet involuti ġibdu l-attenzjoni fuq id-differenzi li hemm rigward il-kwalifiki u l-esperjenza ta' l-imħallfin nazzjonali. Filwaqt li f'ċerti pajjiżi hemm għadd limitat ta' qrati li jittrattaw esklussivament każijiet marbutin mal-privattivi, f'pajjiżi oħra din l-ispeċjalizzazzjoni ma teżistix. Jidher mill-konsultazzjoni li dawn id-differenzi jagħtu lok għall-hekk imsejjaħ forum shopping , jiġifieri li dak li jkun ifittex il-qorti li taqbillu l-aktar. Il-partijiet jagħżlu li jiftħu każ f'ċerta ġurisdizzjoni għax iqisu li se jkollhom trattament aktar favorevoli milli f'ġurisdizzjonijiet oħra. Id-differenzi fl-ispejjeż (ara wkoll il-paragrafu 2.2.2) u l-veloċità tal-proċeduri għandhom influwenza sinifikanti fuq l-għażla tal-qorti.

Din is-sitwazzjoni toħloq il-possibbiltà ta' applikazzjonijiet u interpretazzjonijiet differenti tal-leġiżlazzjoni sostantiva dwar il-privattivi (stabbilita bil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (EPC)) rigward kwistjonijiet essenzjali bħal x'jista' u x'ma jistax ikun kopert minn privattiva, jew l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva Ewropea. Barra minn dan, huwa diffiċli li tinkiseb inġunzjoni transkonfinali. Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tillimita l-possibbiltajiet tal-qrati nazzjonali li jieħdu azzjoni kontra ksur li jsir minn kumpaniji varji li jagħmlu parti mill-istess grupp iżda li huma stabbiliti fi Stati Membri differenti ta' l-UE[19].

Id-diverġenza fid-deċiżjonijiet dwar is-sustanza tal-każijiet iġġib magħha nuqqas ta' ċertezza legali għal kull min hu involut fil-proċeduri dwar il-privattivi. Dan in-nuqqas ta' ċertezza jolqot deċiżjonijiet kummerċjali ta' l-akbar importanza f'dak li għandu x'jaqsam ta' l-investiment, mal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti koperti minn privattiva. Tali deċiżjonijiet spiss ikollhom jittieħdu abbażi ta' evalwazzjonijiet komplessi ta' l-eżitu potenzjali ta' għadd ta' kawżi trattati f'ġurisdizzjonijiet varji.

2.2.2. Is-sistemi nazzjonali ta' proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-privattivi fl-UE: il-fatti, iċ-ċifri u l-ispejjeż

L-istatistiċi dwar it-tilwim fil-qasam tal-privattivi

Meta wieħed jiġi biex jevalwa l-attività ta' proċeduri ġudizzjarji rigward il-privattivi fil-livell ta' l-Istati Membri, xkiel partikolari huwa n-nuqqas ta' statistiċi ppubblikati għat-tqabbil. Madankollu, mill-informazzjoni disponibbli wieħed jista' jikkonkludi li aktar minn 90% tal-kawżi attwali fil-qasam tal-privattivi fil-Komunità jsiru fit-tribunali ta' erba' Stati Membri biss (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Olanda). Barra minn hekk, skond ma juru ċ-ċifri disponibbli għall-perjodu 2003-2006, jitressqu quddiem it-tribunali ta' prim'istanza għall-privattivi medju ta' bejn 1500 u 2000 każ ta' ksur jew talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità, li minnhom 60-70% jirrigwardaw privattivi Ewropej. Abbażi tar-riċerka tagħha stess, il-Kummissjoni tikkalkula li 20-25% tad-deċiżjonijiet meħudin mit-tribunali ta' prim'istanza għall-privattivi jkunu appellati. Ta' min jinnota wkoll li bħala konsegwenza ta' l-għadd żgħir ta' każijiet marbutin mal-privattivi li jitressqu quddiem ħafna tribunali nazzjonali, hemm it-tendenza li jitwaqqfu tribunali speċjalizzati fil-livell ta' l-Istati Membri. L-istatistiċi disponibbli juru li aktarx ma hemmx ammont biżżejjed ta' każijiet biex jitwaqqfu żewġ sistemi ġudizzjarji (waħda għall-każijiet ta' ksur u oħra għat-talbiet għal dikjarazzjoni ta' invalidità) għall-privattivi Ewropej u Komunitarji, speċjalment fl-istadju ta' l-appelli.

L-Ispejjeż

Il-proċeduri ġudizzjarji marbutin mal-privattivi fl-UE jimplikaw spejjeż kbar u inutli għall-partijiet kollha involuti. Din il-problema mhijiex daqshekk gravi għall-impriżi l-kbar, iżda għall-SMEs u l-inventuri individwali, l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji jistgħu jżommuhom lura. Biex tagħqad, studji li saru fl-Istati Uniti u fl-UE wrew li l-SMEs għandhom riskju akbar li jkunu involuti f'kwistjonijiet ta' tilwim[20]. L-ispejjeż potenzjali tal-proċeduri jistgħu jkattru sostanzjalment ir-riskju marbut mal-ksib ta' privattivi ta' riċerka u żvilupp, u daqstant ieħor ir-riskju marbut ma' l-attività ta' innovazzjoni nnifisha. Għalhekk, l-istrateġija tagħna rigward il-privattivi għandha tinkludi tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji għall-SMEs fil-każ ta' tilwim.

L-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji jvarjaw ħafna skond it-tip tal-proċedura, il-kumplessità tal-każ, il-qasam tekniku u s-somom ta' flus ikkonċernati. Dawn l-ispejjeż jinkludu dawk tal-qrati, id-drittijiet ta' l-avukati, l-esperti u x-xhieda, l-istħarriġ tekniku, u l-ispejjeż marbutin ma' l-appelli. Ma' dawn għandhom jiżdiedu l-ispejjeż ta' traduzzjoni għal proċeduri li jsiru f'ġurisdizzjonijiet barranin. Id-differenzi bejn is-sistemi tal-qrati nazzjonali fl-Ewropa, flimkien man-nuqqas ta' informazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha dwar l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji (partikularment id-drittijiet ta' l-akuvati) fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed jevalwa l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim fil-qasam tal-privattivi. L-istimi li jingħataw fl-Anness IV ġew elaborati waqt il-ħidma li saret fuq il-Ftehim EPLA[21], u ġew ikkumplimentati bi studju tal-Kummissjoni li ġiet ippubblikata dan l-aħħar dwar l-assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż ta' proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim[22]. L-istimi huma msejsa fuq tagħrif irċevut mingħand il-professjonisti, u jirrigwardaw dawk l-Istati Membri fejn attwalment isiru l-aktar proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim fil-qasam tal-privattivi. Iċ-ċifri jvarjaw b'mod konsiderevoli, skond l-Istat Membru kkonċernat.

Fil-Ġermanja, in-nefqa globali għal kull parti involuta f'każ rigward privattivi fejn is-somma kkontestata hija bejn wieħed u ieħor ta' EUR 250 000 hija stmata għal madwar EUR 50 000 fl-istadju ta' prim'istanza u għal madwar EUR 90 000 fit-tieni istanza, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' talbiet għal dikjarazzjoni ta' invalidità kif ukoll mal-ksur. Fi Franza, in-nefqa għal kawża medja fil-qasam tal-privattivi, fil-firxa msemmija hawn fuq hija bejn EUR 50 000 u EUR 200 000 fl-istadju ta' prim'istanza u bejn EUR 40 000 u EUR 150 000 fit-tieni istanza. Fl-Olanda, l-istima tan-nefqa marbuta ma' kawża medja fil-qasam tal-privattivi tvarja bejn EUR 60 000 u EUR 200 000 fl-istadju ta' prim'istanza u bejn EUR 40 000 u EUR 150 000 fit-tieni istanza. Fir-Renju Unit[23], in-nefqa marbuta ma' każ simili hija stmata għal bejn EUR 150 000 (il-proċedura mħaffa) u EUR 1 500 000 fl-istadju tal-prim'istanza, u bejn EUR 150 000 u EUR 1 000 000 fit-tieni istanza. Dan ifisser li l-ispejjeż akkumulati ta' proċeduri ġudizzjarji paralleli f'dawn l-erba' Stati Membri jistgħu jvarjaw bejn EUR 310 000 u EUR 1 950 000 fl-istadju ta' prim'istanza, u bejn EUR 320 000 u EUR 1 390 000 fit-tieni istanza.

Għall-Istati Membri msemmija hawn fuq, evalwazzjoni tal-benefiċċju ekonomiku potenzjali ta' ġurisdizzjoni waħdanija għall-privattivi tista' tissejjes fuq il-kalkoli tan-nefqa marbuta ma' tilwim multiplu li jinvolvi proċeduri fil-qrati ta' tlieta mill-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati, għax il-pakketti ta' privattivi kważi qatt ma jkunu s-suġġett ta' tilwim f'aktar minn tliet Stati Membri fl-istess ħin.

Min-naħa l-oħra, l-istima tan-nefqa globali marbuta ma' proċedura fil-każ ta' tilwim quddiem Qorti Ewropea tal-Privattivi tkun tvarja bejn EUR 97 000 u EUR 415 000 fl-istadju ta' prim'istanza u bejn EUR 83 000 u EUR 222 000 fit-tieni istanza[24]. Skond liema tliet Stati Membri minn dawn l-erbgħa jkunu qed jitqiesu, l-ispejjeż marbutin ma' każ medju mismugħ minn ġurisdizzjoni unika għall-privattivi huma stmati għal 10% sa 45% inqas mill-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji paralleli attwali fl-istadju ta' prim'istanza, u għal 11% sa 43% inqas fit-tieni istanza[25].. Il-flus iffrankati jkunu saħansitra aktar fil-kawżi fejn is-somom ikkontestati huma kbar, għax dawn isiru l-aktar quddiem qrati fir-Renju Unit, fejn l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji huma l-ogħla fl-Ewropa.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, korp ġudizzjarju waħdani għandu jissarraf fi tnaqqis sinifikanti fl-infiq, sakemm dan il-korp jinħoloq b'mod effikaċi f'termini ta' spejjeż.

2.2.3. It-triq ’il quddiem

Fil-konsultazzjoni kien hemm appoġġ qawwi favur li jkun hemm privattiva Komunitarja effikaċi f'termini ta' spejjeż li tinkludi mekkaniżmi sodi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u li fl-istess ħin issaħħaħ is-sistema li hawn fl-Ewropa attwalment. F'Ottubru 2006, il-Parlament Ewropew wera l-appoġġ tiegħu għal din id-direzzjoni, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-metodi kollha possibbli biex jittejbu s-sistemi tal-ħruġ ta' privattivi u tas-soluzzjoni ta' tilwim fl-UE[26]. Għal dan il-għan, jinħtieġ sforz konġunt mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

Id-dibattiti ma' l-Istati Membri li saru dan l-aħħar juru fehmiet differenti rigward it-triq li għandha tittieħed. Bħalissa l-alternattivi proposti huma tnejn (ara isfel, taħt A u B). L-ebda waħda minnhom ma tidher realistikament li se tirnexxi, għax id-dibattitu li sar fuqhom s'issa wassal biss biex jippolarizza l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Madankollu, ħadd ma ċaħad il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja attwali f'dak li għandu x'jaqsam mat-tilwim marbut mal-privattivi. Jidher ukoll li mid-dibattiti fil-Kunsill u mill-konsultazzjoni dwar il-privattivi, ħiereġ kunsens fuq għadd ta' prinċipji marbutin ma' sistema ġudizzjarja futura fil-qasam tal-privattivi fil-livell ta' l-UE (minn issa 'l quddiem "il-ġurisdizzjoni"). Il-ġurisdizzjoni għandha tkun effiċjenti u effikaċi f'termini ta' spejjeż, u għandha toffri l-akbar ċertezza legali possibbli f'dak li għandu x'jaqsam mat-tilwim rigward il-validità u l-ksur ta' privattivi. Għandha tkun ukoll aċċessibbli kemm jista' jkun għal min juża s-sistema. Il-karattru supranazzjonali tal-ġurisdizzjoni għandu jkun rifless fl-istruttura tagħha kif ukoll fir-regoli komuni ta' proċedura.

Għaldaqstant, l-ewwel pass għandu jkun li tibda l-ħidma biex jintlaħaq kunsens fost l-Istat Membri dwar dawn l-għanijiet u karatteristiċi ġenerali (ara isfel, taħt C). Il-Kummissjoni tagħraf li t-tliet alternattivi li huma jqajmu kwistjonijiet legali speċifiċi li jkollhom jiġu indirizzati kif xieraq. Barra minn hekk, l-istruttura finali u l-irqaqat ta' kwalunkwe kompromess għandhom ikunu koerenti għalkollox mal-liġi ta' l-UE.

A – Il-Ftehim Ewropew dwar it-Tilwim fil-qasam tal-Privattivi (EPLA)

L-għan ta' l-abbozz tal-Ftehim Ewropew dwar it-Tilwim fil-qasam tal-Privattivi (EPLA) huwa li jwaqqaf ġuridsizzjoni uniformi għall-privattivi Ewropej. Grupp ta' ħidma mill-Istati kontraenti għall-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi ilu jaħdem fuq l-abbozz ta' l-EPLA sa mill-1999. Dan l-abbozz jipproponi t-twaqqif ta' organizzazzjoni internazzjonali ġdida, il-Ġudikatura Ewropea għall-Privattivi[27].

L-intenzjoni hija li tinħoloq sistema waħdanija għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-privattivi Ewropej, li tkun aċċessibbli għall-partijiet kontraenti li jixtiequ jingħaqdu magħha. Il-Korp Ġudizzjarju Ewropew tal-Privattivi jkun magħmul minn Qorti ta' Prim'Istanza, Qorti ta' Appell u Reġistru. Il-Qorti ta' Prim'Istanza tkun tinkludi Diviżjoni Ċentrali, imwaqqfa fis-sede tal-Qorti Ewropea tal-Privattivi. Madankollu, jitwaqqfu Diviżjonijiet Reġjunali tal-Qorti ta' Prim'Istanza fl-Istati kontraenti. L-Istati kontraenti fl-EPLA jkunu jistgħu jressqu talba biex titwaqqaf Diviżjoni Reġjunali li tkun tista' tiggarantixxi l-preżenza lokali tal-Qorti Ewropea tal-Privattivi fil-Prim'Istanza (b'massimu ta' tliet qrati), iffinanzjati prinċipalment mill-Istati kontraenti kkonċernati. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim'Istanza jistgħu jkunu appellati fil-Qorti ta' Appell. Ir-Reġistru ta' l-EPC jieħu ħsieb il-koordinazzjoni u t-tqassim tax-xogħol f'każijiet allokati lid-Diviżjonijiet Reġjunali.

Il-Qorti Ewropea tal-Privattivi jkollha il-ġurisdizzjoni li tisma' kawżi ta' ksur kif ukoll talbiet u kontrotalbiet għar-revoka ta' privattiva Ewropea. Tkun magħmula minn imħallfin ikkwalifikati kemm fil-liġi kif ukoll f'qasam tekniku. Bażikament, il-Qorti Ewropea tal-Privattivi jkollha l-istess setgħat ta' mħallef nazzjonali fi ħdan ġurisdizzjonal nazzjonali. Ir-reġim lingwistiku jkun imsejjes fuq dak ta' l-EPO (il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż).

Ċerti Stati Membri jaraw il-proċess ta' l-EPLA bħala triq li fiha l-progress ikun jista' jsir malajr. Dawn il-pajjiżi huma favur li l-Komunità jkollha sehem attiv fil-proċess ta' l-EPLA. L-involviment tal-Komunità huwa meħtieġa għax l-EPLA, li huwa trattat internazzjonali li fih għandhom sehem membri ta' l-EPC li mhumiex pajjiżi ta' l-UE, jolqot aspetti li diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-KE (l- acquis communautaire )[28]. Għalhekk, l-Istati Membri li huma favur il-proċess ta' l-EPLA kieku jixtiequ li l-Kummissjoni titlob direttivi ta' negozjati, kif ukoll li l-Kunsill jagħti dawn id-direttivi sabiex il-Komunità tkun tista' tibda n-negozjati ma' l-EPLA.

Diversi Stati Membri huma tal-fehma li t-twaqqif ta' ġurisdizzjoni ġdida parallela għal dik tal-Komunità jkun ikkumplikat u aktarx joħloq inkonsistenzi. Fil-każ li tinħoloq il-privattiva Komunitarja, dan ikun iwassal għad-duplikazzjoni tal-qrati għall-privattivi fuq il-livell ta' l-UE.

B – Ġurisdizzjoni Komunitarja għall-privattivi Ewropej u Komunitarji

Ċerti Stati Membri jqisu li, flok ma titwaqqaf qorti ta' l-EPLA għall-privattivi Ewropej biss, ikun preferibbli li titwaqqaf struttura waħdanija ta' qorti li tkun tista' tmexxi l-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim kemm rigward il-privattivi Ewropej kif ukoll rigward il-privattivi Komunitarji futuri. Dawn l-Istati huma favur li titwaqqaf ġurisdizzjoni Komunitarja speċifika għall-proċeduri fil-qasam tal-privattivi kemm Ewropej kif ukoll Komunitarji, li tuża l-mekkaniżmi ġurisdizzjonali pprevisti fit-Trattat tal-KE.

Skond l-awturi ta' din il-proposta, ikun jinħtieġ ftehim internazzjonali li fih ikollha sehem il-Komunità, sabiex tkun tista' tingħata kompetenza lill-korp ġurisdizzjonali Komunitarju fil-qasam tal-privattivi Ewropej. Permezz tal-konċezzjoni ta' din il-kompetenza, ikun jista' jiġi garantit ir-rispett għall-prinċipji ta' l-ordinament legali Komunitarja fil-proċeduri ġudizzjarji marbutin mal-validità u mal-ksur fil-qasam tal-privattivi Ewropej, kif ukoll f'dak tal-privattivi Komunitarji ladarba dawn jinħolqu.

Barra minn dan, u abbażi ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE, jinħoloq korp ġuridiku għall-każijiet ta' tilwim fil-qasam tal-privattivi. Dan ikun jinkludi qrati ta' prim'istanza bi mħallfin speċjalizzati fl-Istati Membri, bil-possibbiltà li jsir appell lill-Qorti ta' Prim'Istanza. Għandhom japplikaw l-istess regoli proċedurali, u l-imħallfin tal-Komunità jkollhom japplikaw mhux biss il-liġi Komunitarja iżda wkoll dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Privattivi.

Jidher li diversi Stati Membri, bl-appoġġ ta' ċerti partijiet interessati, huma tal-fehma li qorti għall-privattivi fil-livell ta' l-UE mwaqqafa fil-qafas tal-Komunità, fil-prattika ma tkunx fattibbli. Hemm il-biża' li l-proċeduri jirriżultaw ineffikaċi u insuffiċjenti, u hemm dubji wkoll rigward jekk ikunx possibbli li jinħatru mħallfin ikkwalifikati teknikament li ma jkollhomx il-kwalifiki legali kompleti.

C – Il-kompromess tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-differenza ewlenija bejn l-alternattivi A u B hija l-fatt li dik ta' l-EPLA ssir barra mill-kuntest tal-Komunità, u l-abbozz attwali ta' l-EPLA jikkonċerna biss il-proċeduri ġudizzjarji marbutin mal-privattivi Ewropej. Dan ifisser li tkun tinħtieġ ġurisdizzjoni separata għall-privattivi Komunitarji tal-ġejjieni.

Il-Kummissjoni temmen li jista' jintlaħaq kunsens fuq il-bażi ta' strateġija integrata li tgħaqqad il-karatteristiċi ta' l-EPLA u dawk ta' ġurisdizzjoni Komunitarja, kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni fil-bidu. Ma għandux ikun hemm xkiel għall-ħolqien ta' privattiva Komunitarja, u ta' min tkun evitata d-duplikazzjoni ta' korpi ġurisdizzjonali ddedikati għall-privattivi fl-Ewropa. Għaldaqstant, soluzzjoni oħra tista' tkun li tiġi studjata l-possibbiltà ta' sistema ġurisdizzjonali waħdanija, ispirata mill-prinċipji li fuqhom qed joħroġ kunsens, filwaqt li nindirizzaw it-tħassib rispettiv ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati.

Dan jista' jsir billi titwaqqaf sistema ġudizzjarja unika speċjalizzata fil-privattivi, b'kompetenzi f'każijiet ta' tilwim marbut mal-privattivi Ewropej u mal-privattivi Komunitarji tal-ġejjieni. Din is-sistema tista' tkun ispirata mill-mudell ta' l-EPLA, partikolarment fejn jidħlu l-irqaqat speċifiċi tal-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim dwar il-privattivi, iżda tista' tkun prevista wkoll l-integrazzjoni armonjuża tagħha fil-ġurisdizzjoni Komunitarja.

Għandu jkun hemm garanzija li s-sistema ġurisdizzjonali għall-privattivi tkun qrib il-partijiet involuti u ċ-ċirkostanzi relattivi tal-każ li jkun. Il-ġurisdizzjoni għandha tinkludi għadd limitat ta' qrati ta' prim'istanza, kif ukoll qorti ta' l-appell totalment ċentralizzata li tiżgura interpretazzjoni konsistenti. Il-qrati jkunu jistgħu jinqdew bl-istrutturi nazzjonali eżistenti, u għandhom ikunu parti integrali mis-sistema ġurisdizzjonali waħdanija. Fil-qafas ta' din is-sistema waħdanija iżda multinazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, ir-Reġistru jkun jista' jieħu ħsieb l-allokazzjoni tal-każijiet skond regoli trasparenti u ddefiniti b'mod ċar. Dawn ir-regoli jistgħu jissejsu fuq ir-Regolament Brussell I u fuq atti oħra ta' l- acquis communautaire .

Il-korp ġurisdizzjonali jkollu l-kompetenza fuq każijiet ta' ksur u ta' invalidità, kif ukoll fuq pretensjonijiet relatati bħal danni u ħsarat, u fuq proċeduri speċifiċi li jwieġbu għall-bżonnijiet tal-partijiet interessati.

Il-qorti ta' l-appell u dawk ta' prim'istanza għandhom jaħdmu skond regoli ta' proċedura komuni bbażati fuq l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri. Għal dan il-għan jintużaw l-għarfien u l-esperjenza ta' tribunali speċjalizzati fil-privattivi fl-UE, per eżempju rigward il-ksib ta' provi, il-proċeduri orali u bil-miktub, il-miżuri ta' inġunzjoni u t-tmexxija tal-każijiet. F'dan il-kuntest, il-ħidma attwali fuq l-abbozz ta' l-EPLA toffri elementi li jistgħu jkunu utli.

Is-sistema ġurisdizzjonali għall-privattivi għandu jkollha mħallfin ikkwalifikati fil-liġi u f'qasam tekniku. L-imħallfin għandu jkollhom indipendenza ġudizzjarja sħiħa, u ma jistgħu jkunu soġġetti għal istruzzjonijiet esterni fl-ebda każ.

Fl-aħħar nett, is-sistema ġurisdizzjonali għall-privattivi għandha tirrispetta l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bħala l-arbitru aħħari f'kwistjonijiet ta' liġi Ewropea, inklużi kwistjonijiet marbutin ma' l- acquis communautaire u mal-validità tal-privattivi Komunitarji tal-ġejjieni.

Il-Kummissjoni temmen li jekk ikun hemm ir-rieda politika meħtieġa, ikun jista' jingħeleb in-nuqqas ta' qbil li hemm fost l-Istati Membri, u tkun tista' titwaqqaf struttura xierqa għal ġurisdizzjoni integrata u waħdanija fil-livell ta' l-UE.

3. MIŻURI TA' APPOĠĠ BIEX ISAĦĦU S-SISTEMA TAL-PRIVATTIVI

Il-leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja hija kundizzjoni meħtieġa għal sistema tal-privattivi li taħdem sew, iżda mhijiex biżżejjed. Flimkiem ma' l-importanza tal-kwalità, indikata biċ-ċar mill-konsultazzjoni ta' l-2006 dwar il-privattivi, jinħtieġ li jittejbu l-użu strateġiku u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kumpaniji. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni qajmet bosta kwistjonijiet fejn għandha tittieħed jew titkattar azzjoni konġunta mhux biss leġiżlattiva iżda wkoll mhux leġiżlattiva, bil-għan li tmexxi 'l quddiem l-istrateġija ta' Liżbona.

Ħafna huma l-kumpaniji li għadhom mhux qegħdin jisfruttaw għalkollox il-possibiltajiet li hemm biex iħarsu l-proprjetà intellettwali tagħhom. Din is-sitwazzjoni għandha mnejn tkompli xxekkel il-progress lejn ekonomija msejsa fuq l-għarfien. L-SMEs u l-universitajiet spiss ma jkunux konxji ta' kif jistgħu jagħmlu l-aqwa użu mid-drittijiet imnissla mill-privattivi biex iħarsu u jisfruttaw l-invenzjonijiet tagħhom. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm miżuri ta' appoġġ għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, flimkien ma' miżuri biex l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ikun prattiku u effikaċi. Dan huwa l-uniku mod biex is-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tkun tista' tipprovdi l-protezzjoni meħtieġa għat-titjib ta' l-investiment fl-innovazzjoni. Uħud mill-miżuri ta' appoġġ li jissemmew hawn isfel huma deskritti f'aktar dettall fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għall-innovazzjoni[29], u se jkunu s-suġġett ukoll ta' Komunikazzjoni dwar l-istrateġija rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għandha toħroġ dalwaqt.

3.1. IL-KWALITÀ, L-ISPEJJEŻ U L-EFFIĊJENZA TAS-SISTEMA TAL-PRIVATTIVI

Filwaqt li l-kwalità tal-privattivi Ewropej ġeneralment titqies għolja meta mqabbla ma' dawk ta' reġjuni oħra tad-dinja, dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni ta' l-2006 saħqu fuq l-importanza ta' eżami rigoruż, fuq it-tiftix tat-teknika li kien hemm qabel, u fuq l-applikazzjoni stretta tal-kriterji rigward x'jista' u x'ma jistax ikun kopert minn privattiva. Madankollu, hemm ċertu tħassib li domanda dejjem togħla għal privattivi tista' tagħti lok għal żieda fil-ħruġ ta' privattivi ta' kwalità baxxa. Din hija waħda mir-raġunijiet li jistgħu jwasslu għat-tfaċċar ta' "patent thickets" (għoqod ta' privattivi)[30] u "patent trolls" (parassiti ta' privattivi)[31] fl-Ewropa. Sistema ta' privattiva ta' kwalità għolja fl-UE tkun strument fondamentali biex l-ixkiel għall-innovazzjoni u l-imġiba qerrieda jkunu evitati fl-Ewropa.

Flimkien mal-kwistjoni tal-kwalità, għandhom ikomplu l-isforzi biex jindirizzaw il-problemi ta' l-ispejjeż u taż-żmien meħtieġ għall-ħruġ ta' privattiva. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispejjeż, il-qabża li hemm meta mqabbla ma' dawk fil-Ġappun u l-Istati Uniti għandha titnaqqas b'mod konsiderevoli, speċjalment għall-SMEs. Rigward iż-żmien meħtieġ għall-ħruġ ta' privattiva, l-għan għandu jkun li titnaqqas għal tliet snin il-medja tad-dewmien għall-ħruġ jew għaċ-ċaħda ta' privattiva, kif ġie miftiehem fost l-Istati ta' l-EPC fil-Konferenza Intergovernattiva ta' Pariġi ta' l-1999[32]. L-għoti fi żmien raġjonevoli tad-drittijiet eżaminati huwa ta' l-ikbar importanza meta wieħed iqis id-domanda dejjem tikber għall-privattivi. Ngħidu aħna, bejn l-2004 u l-2005 l-EPO rrappurtaw żieda fl-applikazzjonijiet għal privattivi sa kważi 193 000[33], u fl-2006 rekord ta' 145 000 applikazzjoni ġew irċevuti fil-qafas tat-Trattat tal-Kooperazzjoni fil-qasam tal-privattivi, li jfisser żieda ta' 6.4% fuq is-sena ta' qabel[34]. Jekk dawn il-livelli ta' tkabbir ikunu ripetuti fis-snin li ġejjin, l-għadd totali ta' applikazzjonijiet jista' jirdoppja f'madwar għaxar snin.

Bid-domanda dejjem tikber għall-privattivi, il-piż dejjem jiżdied fuq l-eżaminaturi u l-iżviluppi fit-teknoloġija, huwa importanti li l-uffiċċji tal-privattivi fl-Ewropa jikkollaboraw, per eżempju, biex jaqsmu r-riżultati ta' l-eżamijiet u biex jiżguraw li l-privattivi li jinħarġu jibqgħu ta' kwalità għolja. Għaldaqstant il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattivi li saru dan l-aħħar biex titjieb il-kwalità, bħall-Istandard għas-Sistema Ewropea tat-Tmexxija tal-Kwalità li ġie elaborat mill-Grupp ta' Ħidma mwaqqaf mill-Kunsill Amministrattiv ta' l-EPO. Dan l-istandard jipprovdi rotta ideali biex tinżamm il-kwalità tad-drittijiet tal-privattivi u biex ikunu indirizzati l-aktar oqsma problematiċi.

3.2. APPOĠĠ SPEĊIFIKU LILL-SMEs

Hemm tagħrif li jindika li l-SMEs ma japplikawx għal privattivi u ma jużawx drittijiet oħrajn ta' proprjetà intellettwali minħabba nuqqas ta' pariri tekniċi ta' kwalità[35], jew minħabba l-ispejjeż għoljin li jimplika l-ksib ta' privattivi. Huwa fondamentali li l-SMEs ikunu f'qagħda li jkollhom għarfien biżżejjed biex jieħdu deċiżjoni infurmata, sew jekk jagħżlu li japplikaw għal privattiva sew jekk jagħżlu forom oħra ta' ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Għaldaqstant, strateġija tal-privattivi għall-Ewropa għandha tinkludi attivitajiet biex iqajmu kuxjenza dwar il-vantaġġi u l-benefiċċji tas-sistema tal-privattivi, partikularment għall-SMEs. Kif tispjega l-Komunikazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni[36], il-Kummissjoni ser tippromwovi l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi tidentifika mal-partijiet interessati l-aqwa miżuri li jistgħu jittieħdu biex jingħata appoġġ lill-SMEs. Hija kwistjoni mhux biss ta' użu aħjar tas-servizzi ta' appoġġ attwali, iżda wkoll tat-tfassil ta' servizzi ġodda li jkunu aktar adattati sewwasew għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs. Il-Kummissjoni għadha kemm nediet proġett fil-qafas ta' l-inizjattiva PRO INNO Europe bil-għan li tinforma lill-SMEs dwar dawn il-kwistjonijiet, fuq kollox f'dak li għandu x'jaqsam mal-privattivi. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll sejħa għal proposti fil-kuntest tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) sabiex jiġi implimentat Proġett għall-Għarfien u l-Infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' tliet snin, bil-għan li jiżdiedu b'mod sinifikattiv il-kuxjenza u l-għarfien fost l-SMEs dwar il-kwistjonijiet marbutin ma' dawn id-drittijiet, kif ukoll li jittejbu r-reġistrazzjoni u l-infurzar ta' dawn id-drittijiet u li tiġi indirizzata l-frodi. Rigward il-problema ta' l-ispejjeż, l-adozzjoni tal-privattiva Komunitarja ovvjament tkun l-aktar żvilupp importanti[37].

3.3. IT-TRASFERIMENT TA' L-GĦARFIEN

Ġeneralment jitqies li l-Ewropa qiegħda taqa' lura u li teħtieġ ittejjeb ir-riżultati tagħha fejn jidħol it-trasferiment ta' l-għarfien. Konkretament, għandhom jittejbu t-trasferiment tranżnazzjonali tat-teknoloġija bejn l-impriżi f'pajjiżi Ewropej differenti, kif ukoll it-trasferiment ta' l-għarfien[38] bejn ir-riċerka pubblika ta' l-UE[39] (eż. l-universitajiet) u bejn l-industrija.

Il-Kummissjoni ser tressaq Komunikazzjoni[40], akkumpanjata b'linji ta' gwida dwar prattiċi tajba (volontarji), dwar it-titjib tat-trasferiment ta' l-għarfien bejn iċ-ċentri pubbliċi ta' riċerka u l-industrija madwar l-Ewropa. Din għandha tikkontribwixxi lejn it-tneħħija ta' l-ixkiel amministrattiv eżistenti, u tipprovdi pariri dwar l-aqwa mod biex il-pussess u l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali korrispondenti jiġu kkombinati ma' l-għanijiet fondamentali ta' l-organizzazzjoni pubbliċi ta' riċerka. B'mod partikulari, il-Komunikazzjoni se tipproponi li jkun hemm interazzjoni akbar bejn ir-riċerkaturi tas-settur pubbliku u bejn l-industrija, kif ukoll kwalità ogħla tas-servizzi għat-trasferiment ta' l-għarfien fl-Ewropa.

3.4. L-INFURZAR TAD-DRITTIJIET IMNISSLA MILL-PRIVATTIVI

Qafas legali xieraq u inċentivi biex jintużaw il-privattivi għandu jkollhom is-sostenn ta' infurzar effettiv u aċċessibli tad-drittijiet mogħtija. Ta' spiss, min ikun intitolat għad-drittijiet ta' privattivi ikun nieqes mir-riżorsi legali u finanzjarji biex jeżerċitahom fil-każ ta' allegazzjoni ta' ksur minn ħaddieħor. Barra minn hekk, f'ekonomija globali bħalma għandna llum, huwa essenzjali li l-impriżi fl-Ewropa jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom barra mit-territorji ta' l-UE. Min-naħa l-oħra, l-SMEs b'mod partikulari jsibuha bi tqila jkomplu l-attivitajiet tagħhom meta jkunu akkużati mingħajr raġuni mill-industriji l-kbar ta' ksur ta' privattivi, u qegħdin ifittxu mezzi eħfef u orħos biex jiddefendu ruħhom.

3.4.1. Metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR)

Is-soluzzjoni tradizzjonali tat-tilwim transkonfinali marbut mal-privattivi tinvolvi proċeduri multipli f'ġurisdizzjonijiet multipli, u ġġib magħha r-riskju li l-proċeduri jittawlu ħafna, iwasslu għal riżultati kontradittorji u jitolbu spejjeż kbar. Ġurisdizzjoni għall-privattivi fil-livell ta' l-UE, kif deskritta aktar 'il fuq, kieku ttejjeb is-sitwazzjoni fl-Ewropa b'mod konsiderevoli, f'kull wieħed minn dawn l-aspetti.

Il-partijiet involuti, u b'mod partikulari l-SMEs, ikunu qed ifittxu dejjem metodi alternattivi orħos u aktar effikaċi biex isolvu t-tilwim li jkollhom dwar privattivi jew tipi oħrajn ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għalhekk, qegħdin isiru sforzi f'livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali biex ikunu stabbiliti sistemi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR, Alternative Dispute Resolution ), kif ukoll biex il-partijiet ikunu mħeġġa jew imġiegħla biex jirrikorru għall-medjazzjoni, għall-konċiljazzjoni jew għall-arbitraġġ qabel ma jagħżlu r-rimedi ġudizzjarji.

Fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni ta' l-2006 dwar il-privattivi, bosta partijiet interessati, fuq kollox SMEs, semmew il-possibbiltà li jiddaħħlu metodi ta' ADR fis-sistema futura tal-privattivi fl-Ewropa. Is-suġġerimenti varjaw bejn zewġ estremi: fuq naħa, li jintużaw sistemi eżistenti bħaċ-Ċentru ta' Arbitraġġ u Medjazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali; u fuq in-naħa l-oħra, li tinħoloq sistema Komunitarja sui generis għas-soluzzjoni tat-tilwim b'metodi alternattivi.

Minkejja li l-Kummissjoni diġà fasslet proposta ta' Direttiva f'Ottubru ta' l-2004 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[41], se tkompli teżamina l-utilità u l-valur miżjud tas-sistema ta' ADR fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikulari fejn jidħlu l-privattivi. Dan l-eżami se jiffoka fuq l-iffrankar ta' ħin u spejjeż li l-ADR aktarx iġġib magħha, kif ukoll fuq benefiċċji oħrajn li jaqdu l-karatteristiċi speċifiċi tat-tilwim marbut mal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tilwim rigward il-privattivi.

3.4.2. Assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż ta' proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta' tilwim fil-qasam tal-privattivi

Mezz possibbli biex ikun garantit għall-SMEs l-aċċess għal difiża xierqa f'proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-privattivi jista' jkun l-assigurazzjoni fil-każ ta' tilwim (PLI, Patent Litigation Insurance ). Madankollu, s'issa t-tentattivi li saru mis-settur privat biex jipprovdi sistemi ta' assigurazzjoni ftit li xejn kienu ta' suċċess.

Is-servizzi tal-Kummissjoni talbu studju dwar il-PLI fl-2001, u f'Ġunju 2006 ħareġ studju ta' segwiment. Il-31 ta' Diċembru 2006 ngħalqet konsultazzjoni pubblika fuq dan l-aħħar studju, bi 28 tweġiba li bħalissa qed jiġu analizzati. Madankollu, wieħed jista' jikkonkludi li r-reazzjoni ġenerali tal-partijiet interessati rigward is-sistema obbligatorja pproposta fl-istudju ta' segwiment hija waħda ta' xettiċiżmu.

3.4.3. Aspetti internazzjonali

L-infurzar tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali għadu problema kbira fil-livell internazzjonali. Skond ma jindikaw ir-riżultati preliminari ta' studju importanti magħmul mill-OECD, il-valur tal-merkanzija falza jew ta' kuntrabandu li nbiegħet madwar id-dinja fl-2004 kien ta' EUR 140 biljun[42]. Minkejja li diġà saret ħafna ħidma biex jitressqu l-istandards internazzjonali lejn dawk li hemm fis-seħħ fl-UE, il-Kummissjoni ser tkompli tiffoka fuq l-azzjonijiet ta' prijorità biex jitħarsu dawk li jgawdu drittijiet, inklużi s-sidien ta' privattivi, f'territorji barra mill-UE.

Il-presidenza Ġermaniża tal-Grupp G8 tal-pajjiżi l-aktar industrjalizzati fid-dinja dan l-aħħar ipproponiet strateġija ta' tliet linji biex iġġib 'il quddiem l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq livell dinji. Din l-istrateġija tikkonsisti filli (1) tinġieb 'il quddiem għall-2007, u jekk possibbli tiġi finalizzata, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' San Petersburgu tas-16 ta' Lulju 2006 dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar u l-Kuntrabandu[43]; (2) ikunu involuti l-komunitajiet kummerċjali tal-pajjiżi tal-G8 fl-isforzi għall-infurzar tad-drittijiet; u (3) jiġi mistieden il-grupp O5 ta' ekonomiji emerġenti (l-Affrika t'Isfel, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u l-Messiku) għal "djalogu kostruttiv" fil-laqgħa għolja li jmiss ta' Heiligendamm.

Barra minn hekk, il-presidenza attwali ta' l-UE tqis ir-relazzjonijiet tranżatlantiċi bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. L-inizjattiva l-ġdida fuq Sħubija Tranżatlantika Ekonomika tkopri, fost l-oħrajn, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Din mistennija li tkompli tibni fuq inizjattivi attwali bħal-laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti li saret fi Vjenna f'Ġunju 2006, fejn iż-żewġ partijiet nedew Strateġija ta' Azzjoni biex tiġġieled kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar f'pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma li jinħtieġ li jittejjeb id-djalogu, kemm regolatorju kif ukoll li mhux, mas-sħab internazzjonali tal-Komunità, bi sforzi koordinati biex titħares il-proprjetà intellettwali. Il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-kuntrabandu ta' prodotti għandhom ikunu intensifikati f'livell internazzjonali.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tas-sistema tal-privattivi hija fundamentali jekk l-Ewropa tixtieq tiżviluppa l-potenzjal tagħha għall-innovazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni fasslet il-proposti tagħha dwar liema triq għandha tittieħed biex issir riforma tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa, u qiegħda tipproponi miżuri ta' appoġġ f'din il-Komunikazzjoni. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li terġa' tqajjem id-dibattitu dwar is-sistema tal-privattivi fl-Ewropa, b'mod li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu favur l-ilħiq ta' kunsens u progress reali f'dan il-qasam. Jekk il-privattiva Komunitarja ssir realtà u fl-istess ħin tittejjeb is-sistema frammentata eżistenti għas-soluzzjoni ta' tilwim rigward il-privattivi, is-sistema tal-privattivi ssir ħafna aktar aċċessibbli, u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-partijiet kollha involuti. B'mod parallel ma' dan, miżuri ta' appoġġ biex iżommu u, fejn meħtieġ, itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema attwali, flimkien ma' miżuri mmirati biex itejbu l-aċċess ta' l-SMEs għas-sistema, għandhom jiżguraw li s-sistema Ewropea tal-privattivi tiżvolġi r-rwol tagħha biex tagħti spinta u tkabbar l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa. L-UE għandha timpenja ruħha wkoll biex tiftiehem mas-sħab internazzjonali tagħha bil-għan li flimkien ikattru l-kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u dwar l-infurzar xieraq u bbilanċjat tagħhom. Billi tipprovdi s-sisien biex l-Istati Membri jaqblu fuq azzjonijiet konkreti, il-Kummissjoni timmira li tipprovdi bażi soda għall-progress fir-riforma tal-privattivi f'oqsma oħra, partikularment f'dal li għandu x'jaqsam mal-privattiva Komunitarja u mas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim.

Il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-Kunsill u mal-Parlament biex jinbena kunsens dwar it-triq li għandha tittieħed. Meta jintlaħaq kunsens wiesa', il-Kummissjoni ser tieħu l-passi meħtieġa biex timplimenta l-istrateġija miftiehma u tressaq il-proposti rilevanti.

ANNESS I

Struttura ta' l-Ispejjeż relatati mal-preżentazzjoni ta' talbiet għal privattivi diretti u ż-żamma tagħhom, 2003

EPO-31 | EPO-132 | USPTO | JPO |

Ipotesi | EURO | EURO | US$ | Yen Ġappuniż |

Tip ta’ ditta Numru medjan ta’ talbiet Żmien li għandu jingħata (għadd ta' xhur) Pajjiżi denominati għall-protezzjoni Għadd ta' traduzzjonijiet3 | kollha 18 44 3 2 | kollha 18 44 13 8 | kbir 23 27 1 0 | kollha 7 31 1 0 |

Ħlasijiet proċedurali Preżentazzjoni ta' talba Riċerka Disinn. Stati (75 kull pajjiż, sa 7) It-tielet sena ta' applikazzjoni Ir-raba' sena ta' applikazzjoni Eżami Għotja Taxxa fuq it-klejm4 Spiża amministrattiva Spiża għat-traduzzjoni5 Spiża għall-validità Spiża TOTALI tal-proċedura | 160 690 225 380 405 1,430 715 320 250 3,400 95 8,070 | 160 690 525 380 405 1,430 715 320 250 13,600 1,700 20,175 | 225 375 150 1,300 54 300 2,404 | 16000 168,600 28,000 212,600 |

EURO | EURO | EURO | EURO |

Spejjeż proċedurali mingħajr it-traduzzjoni Spejjeż proċedurali bit-traduzzjoni inkluża | 4,670 8,070 | 6,575 20,175 | 1,856 1,856 | 1,541 1,541 |

Spiża għas-servizzi esterni7 | 12,500 | 19,500 | 8,000 | 4,000 |

Wara l-għotja Spejjeż marbuta maż-żamma 10 snin (ħlasijiet) Spejjeż marbuta maż-żamma 20 sena (ħlasijiet) | 2,975 22,658 | 16,597 89,508 | 2,269 4,701 | 2,193 11,800 |

TOTAL għall-proċess ta' preżentazzjoni ta' talba6 TOTAL ta' 10 snin TOTAL ta' 20 sena | 20,570 23,545 43,228 | 39,675 56,272 129,183 | 9,856 12,125 14,556 | 5,541 7,734 17,341 |

Sors: Van Pottelsberghe u François (ara n-nota nru 7 f'qiegħ il-paġna).

1. Il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza huma t-tliet pajjiżi membri ta' l-EPC li jiġu denominati ta' spiss.

2. Skond ir-rapport annwali ta' l-EPO (Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi) ta' l-2003, 13-il pajjiż li huma effettivament denominati għall-protezzjoni b'iktar minn 60 fil-mija ta' l-applikazzjonijiet tal-privattivi: il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, Spanja, l-Olanda, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, il-Belġju, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Irlanda.

3. Se jkunu meħtieġa tmien traduzzjonijiet biss għall-protezzjoni effettiva fi 13-il pajjiż peress li xi wħud mill-pajjiżi jaċċettaw applikazzjonijiet miktuba bl-Ingliż jew għandhom lingwa komuni ma' pajjiżi oħra (l-Olanda, il-Belġju, l-Iżvizzera).

4. L-ispiża għal kull talba hija ta' € 40 jekk iktar minn 10 talbiet jiġu inklużi f'applikazzjoni għall-privattivi ta' l-EPO; US$ 18 jekk iktar minn 20 talba jiġu inklużi fl-applikazzjoni għall-privattivi ta' l-UPSTO; u 4000 Yen għat-talbiet inklużi fl-applikazzjoni għall-privattivi fil-JPO.

5. Wieħed jassumi li l-ispejjeż tat-traduzzjoni huma ta' € 1,700 għal kull lingwa. Dan l-ammont jinkludi t-traduzzjoni u l-intermedjazzjoni ta' l-avukat.

6. Dawn l-istimi ta' l-ispejjeż għall-EPO jikkorrispondu għall-ispiża ta' l-hekk imsejħa applikazzjonijiet diretti tal-PE (privattiv applikat direttament fl-EPO). Għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-inqas limitu tal-privattiv medju, peress li ma jinkludux l-ispejjeż assoċjati ma' l-applikazzjonijiet nazzjonali ta' prijorità (minn stat membru ta' l-EPC jew minn barra) jew bl-applikazzjonijiet PCT.

7. Ma jeżisti l-ebda paragun ta' l-ispejjeż tas-servizzi esterni ta' l-Istati Uniti, tal-Ġappun u ta' l-Ewropa. L-istħarriġ Roland Berger (2005), ara n-nota 44 f'qiegħ il-paġna, jipprovdi stima affidabbli ta' l-applikazzjonijiet ta' l-EPO (ara t-tabella A1 fl-appendiċi). Il-bażi tas-suppożizzjoni hija ta' € 8,000 għal privattiv u € 1,500 għal kull stat denominat (għall-EPO). Peress li l-privattivi applikati fil-JPO huma ħafna iżgħar (7 talbiet kontra 18), wieħed jassumi nofs l-ispiża bażi, i.e. € 4,000.

ANNESS II

MUDELLI TA' L-ISPIŻA TAT-TRADUZZJONI

Mudell | Spejjeż tat-traduzzjoni |

Spiża għal kull privattiv[44] (f'euros) | Perċentwal imqabbel ma' l-ispejjez attwali tat-traduzzjoni tal-PE |

Privattiv Ewropew (skond is-sistema attwali għall-PE medju) | 12448[45] | 100 % |

Sistema ta' privattivi Ewropej skond il-Ftehim ta' Londra għall-PE medju)[46] | 8800[47] (preżentazzjonijiet ta' talbiet bid-DE jew bil-FR) | 71 % |

8800[48] (preżentazzjonijiet ta' talbiet bl-EN) | 71 % |

Privattiv Komunitarju (skond il-Metodu politiku komuni ta' Marzu 2003)[49] | 7140[50] | 57 % |

Privattiv Komunitarju (Proposta tal-Kummissjoni: traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi l-oħra ta' l-EPO) | 680[51] | 5 % |

ANNESS III – L-IPR U R-RENDIMENT TA' L-INNOVAZZJONI

Fuq bażi tar-riżultati tas-Sommarju ta' l-Indiċi ta' Innovazzjoni u r-rata tat-tkabbir tagħhom, il-pajjiżi Ewropej jistgħu jinqasmu f'erba' gruppi [52].

- L-Iżvizzera, il-Finlandja, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Ġermanja jiffurmaw il-grupp ta' “mexxejja ta' l-innovazzjoni”.

- Franza, l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Olanda, il-Belġju, l-Awstrija, l-Iżlanda huma kollha “segwaċi ta' l-innovazzjoni” .

- Il-pajjiżi li “ qegħdin ilaħħqu” huma s-Slovenja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Latvja, il-Greċja, il-Polonja u l-Bulgarija .

- Il-pajjiżi “ li għadhom lura” huma l-Estonja, Spanja, l-Italja, Malta, l-Ungerija, il-Kroazja u s-Slovakkja.

Ċipru u r-Rumanija jiffurmaw il-ħames grupp separat ta' pajjiżi li qegħdin jikbru malajr u li qegħdin ilaħħqu. Dan mhuwiex ikkunsidrat bħala grupp fil-verità peress li Ċipru huwa wieħed mill-iżgħar pajjiżi ta' l-UE u r-Rumanija għadha tibda minn livell baxx ħafna ta' rendiment ta' l-innovazzjoni. Il-Lussemburgu, in-Norveġja u t-Turkija ma jidħlu fl-ebda minn dawn il-gruppi.

[pic]

L-assi vertikali juru r-rendiment attwali kif imkejjel mill-SII. L-assi orizzontali juru r-rendiment ta' tkabbir għall-UE25 ta' l-SII. Dan joħloq 4 kwadranti: pajjizi 'l fuq kemm mit-tendenza medja ta' l-UE25 kif ukoll mill-SII medja ta' l-UE25, qed javvanzaw iktar mill-UE25, pajjiżi taħt l-SII medja imma b'rendiment 'il fuq mill-medja qegħdin ilaħħqu, pajjiżi taħt l-SII medja u taħt t-tendenza medja qed jaqgħu lura, u pajjiżi 'l fuq mill-SII medja u taħt it-tendenza medja se jibqgħu fuq quddiem iżda se jikbru b'rata inqas mgħaġġla.

Sabiex ikun jista' jsir paragun bejn ir-rendiment ta' innovazzjoni u l-attività tal-privattivi, iċ-ċifra t'hawn taħt turi l-valur aggregat tal-privattivi fi Stati Membri magħżula bħala preċentwal ta' PGD fuq perjodi minn l-1994 sa l-2002[53]. Rendiment aħjar ta' l-innovazzjoni fi Stat Membru ġeneralment jikkorrelata ma' valur ikbar tal-privattivi f'dak il-pajjiż.

[pic]

ANNESS IV

Spejjeż ta' litigazzjoni dwar privattivi fi Stati Membri magħżula

Stat Membru | Spiża ta' l-ewwel Istanza (€) | Spiża tat-tieni Istanza (€) |

IR-RENJU UNIT * | 150,000 sa 1,500,000 | 150,000 sa 1,000,000 |

FRANZA | 50,000 sa 200,000 | 40,000 sa 150,000 |

L-OLANDA | 60,000 sa 200,000 | 40,000 sa 150,000 |

IL-ĠERMANJA** | 50,000 | 90,000 |

Iċ-ċifri għal Franza, l-Olanda u l-Ġermanja jirr elataw ma' każ medju bis-somma disputata ta' +/- 250,000 €

*Każ medju. Is-somma disputata > 1,000,000 €

**Spiża kemm għall-validità kif ukoll għall-ksur. Fil-Ġermanja, l-invalidità u l-azzjonijiet ta' ksur jinstemgħu quddiem qrati separati.

Sors: Il-valutazzjoni ta' l-impatt EPLA (ara n-nota nru 16 f'qiegħ il-paġna, p. 10 at seq.)

[1] Gambardellea et al., studju dwar il-privattivi: "What are patents actually worth? - the value of patents for today's economy and society", disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/docs/patent/studies/final_report_lot2_en.pdf.

[2] Id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, ir-Renju Unit, Spanja u l-Ungerija.

[3] Il-"premium ta' privattiva" huwa l-valur ta' l-invenzjoni koperta minn privattiva bit-tnaqqis tal-valur ta' l-invenzjoni li kieku ma kinitx koperta minn privattiva.

[4] Dwar ir-rabta bejn il-proprjetà intellettwali u l-innovazzjoni, ara l-Anness III.

[5] MERIT u JRC, Analiżi komparattiva tar-riżultati fil-qasam ta' l-innovazzjoni, ta' l-iScoreboard ta’ l-Innovazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea 2006, p. 35.

[6] Guedou, " Le système de brevet en Europe ", tresor-eco Nru 9, Jannar 2007, p. 3.

[7] Bruno Van Pottelsberghe de la Potterie and Didier François, "The Cost Factor in Patent Systems", Université Libre de Bruxelles, Dokument ta' Ħidma WP-CEB 06-002, Brussell 2006, ara mill-p. 17 'il quddiem.

[8] Għal aktar tagħrif dwar il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-privattivi, żur http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/consultation_en.htm.

[9] Wara l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar il-Kompetittività tat-3 ta' Marzu 2003, kompla x-xogħol fil-livell tal-gruppi ta' ħidma biex ġew inkorporati l-prinċipji ta' l-approċċ politiku komuni fil-proposta ta' Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja. Fuq din il-bażi, il-21 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti rigward it-twaqqif ta' organu ġurisdizzjonali fil-qasam tal-privattivi Komunitarji. Għal aktar tagħrif dwar l-approċċ politiku komuni, l-iżviluppi fil-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar ir-Regolament, u t-test tal-proposti tal-Kummissjoni dwar is-sistema ġurisdizzjonali, ara http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm#patent.

[10] Għaxar Stati kontraenti ta' l-EPC (id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, Monaco, l-Olanda, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Iżvizzera) iffirmaw il-Ftehim bid-data tas-17 ta' Ottubru 2000 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 ta' l-EPC, magħruf bħala l-Ftehim ta' Londra u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-EPO Nru 549 [2001]. L-għan ta' dan l-istrument opzjonali huwa li jnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjonijiet għall-Privattiva Ewropea. L-istrument kieku jnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni għal privattiva Ewropea medja bi 31% sa 46%, jiġifieri li jiġu ffrankati madwar EUR 2,400 sa EUR 3,600 għal kull privattiva (ara l-Anness II). Għal aktar tagħrif dwar, per eżempju, il-qagħda rigward ir-ratifika tal-Ftehim ta' Londra u l-adeżjoni miegħu, ara: http://patlaw-reform.european-patent-office.org/london_agreement/status/index.en.

[11] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (14/15 ta' Diċembru 2006), punt 29, http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/92202.pdf.

[12] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (8/9 ta' Marzu 2007), punt 13,

http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/93135.pdf.

[13] Ara l-Anness II.

[14] Barra minn hekk, il-proġetti pilota dwar it-traduzzjoni awtomatika tal-klejms tal-privattivi, bħal dawk li jintużaw bħalissa fl-EPO u fl- Institut National de la Propriété Industrielle (INPI) ta' Franza, aktarx li jnaqqsu l-ispejjeż f'fażi inizjali, u għaldaqstant jistħoqqilhom aktar konsiderazzjoni.

[15] Għal statistiċi ddettaljati, ara r-Rapport Annwali ta' l-EPO ta' l-2005, disponibbli fl-indirizz http://annual-report.european-patent-office.org/2005/index.en.php.

[16] Ara wkoll l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-Ftehim Ewropew dwar it-Tilwim fil-qasam tal-Privattivi, disponibbli fl-indirizz http://www.european-patent-office.org/epo/epla/pdf/impact_assessment_2006_02_v1.pdf.

[17] Il-każ Epilady huwa turija ċara ta' kif il-qrati fi Stati differenti ta' l-EPC waslu għal riżultati konfliġġenti dwar l-istess privattiva. Minħabba l-interpretazzjonijiet differenti tal-klejms dwar il-privattivi, il-qrati tal-Ġermanja, ta' l-Olanda u ta' l-Italja qiesu li kien hemm ksur, filwaqt li l-qrati tar-Renju Unit u ta' l-Awstrija ma rawhx. Ara r-referenzi u l-analiżi ta' dawn il-każijiet fi J. Pagenberg, 24 IIC 314-345 (1993).

[18] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

[19] Il-Każ C-4/03, Gesellschaft für Antriebstechnik mbH & Co. KG v Lamellen und Kupplungsbau Beteilungs KG; Il-Każ C-539/03, Roche Nederland BV and Others v Frederick Primus, Milton Goldenberg, sentenzi tat-13 ta' Lulju 2006 [ECJ] I-6509 u I-6535.

[20] Gambardellea et al., studju dwar il-privattivi: "What are patents actually worth? - the value of patents for today's economy and society", disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/docs/patent/studies/final_report_lot2_en.pdf (ara l-p. 71 tar-rapport tekniku).

[21] Dokument ta' l-EPO WPL/11/05 Rev. 1 tas-16.02.2006, Anness I http://www.european-patent-office.org/epo/epla/pdf/impact_assessment_2006_02_v1.pdf.

[22] "Patent Litigation Insurance – A Study for the European Commission on the feasibility of possible insurance schemes against patent litigation risks", Appendiċi għar-Rapport Finali to the Final Report, Ġunju 2006, ta' CJA Consultants Ltd, European Policy Advisers, Britain and Brussels , Appendiċi 3: "Cost of Litigation per Patent in Force in 2004 by Country", mill-p. 47 'il quddiem, http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/docs/patent/studies/pli_appendices_en.pdf.

[23] L-ispejjeż għall-proċeduri ġudizzjarji marbutin mal-privattivi fir-Renju Unit huma sostanzjalment ogħla minn dawk tal-Ġermanja, l-Olanda u Stati Membri oħra. Minbarra r-rati ogħla ta' l-avukati (speċjalizzati jew le fil-privattivi), skond l-awturi ta' l-istudji msemmija, iċ-ċifri għoljin marbutin mar-Renju Unit aktarx li huma influwenzati minn karatteristiċi partikolari tas-sistema ġudizzjarja komuni. Barra minn hekk, hemm ċerta tendenza li kumpaniji internazzjonali kbar jressqu l-kawżi importanti tagħhom fir-Renju Unit, filwaqt li l-SMEs is-soltu jagħzlu t-tliet Stati l-oħra għall-każijiet tagħhom marbutin mal-privattivi Ewropej.

[24] Ara d-dokument imsemmi fin-nota 16 ta' l-Anness 2.

[25] Għal aktar dettalji, ara d-dokument ta' l-EPO msemmi fin-nota 16 aktar 'il fuq.

[26] Ir-Reżoluzzjoni P6_TA(2006)0416 dwar azzjonijiet futuri fil-qasam tal-privattivi, http://www.europarl.europa.eu/registre/seance_pleniere/textes_adoptes/definitif/2006/10-12/0416/P6_TA(2006)0416_EN.pdf.

[27] Għal aktar tagħrif fuq il-proċess ta' l-EPLA, ara http://www.european-patent-office.org/epo/epla/index.htm.

[28] Per eżempju, id-Direttiva tal-Parlament u l-Kunsill Nru 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tall-proprjetà intelletwali; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (Brussell I), ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[29] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – "Nipprattikaw l-għarfien: strateġija wiesgħa għall-innovazzjoni għall-UE”, COM (2006) 502.

[30] "Għoqda ta' privattivi" tirreferi għall-problema li tista' tinqala' meta għadd kbir ta' privattivi jkunu meħtieġa għall-manifatturar ta' prodott u l-innovazzjoni fis-settur tonqos għal xi żmien minħabba l-biża' ta' sospensjoni jew ta' tilwim għall-ksur ta' privattiva.

[31] Dan huwa metodu ġdid biex jinkiseb benefiċċju minn privattiva. "Parassiti ta' privattivi" huma sidien ta' privattivi (spiss investituri li jixtru privattivi mingħand kumpaniji li jkunu fallew) li jużaw dawn id-drittijiet biex jheddu lill-kumpaniji b'azzjonijiet ta' ksur jew ta' inġunzjoni, sabiex iġegħluhom jaċċettaw li jħallsu ċertu ammont biex jevitaw l-ispejjeż għoljin ta' proċedura ġudizzjarja. Theddidiet ta' dan it-tip jistgħu saħansitra jolqtu settur industrjali sħiħ.

[32] Ir-Rapport tal-Konferenza Intergovernattiva ta' l-Istati kontraenti ta' l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi dwar ir-riforma tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa, Pariġi, l-24/25 ta' Ġunju 1999, OJEPO 545 [1999], disponibbli fl-indirizz http://www.european-patent-office.org/epo/pubs/oj_index_e.htm.

[33] Ara r-Rapport Annwali ta' l-EPO ta' l-2005, disponibbli fl-indirizz http://annual-report.european-patent-office.org/2005/review/index.en.php.

[34] Ara s-sit tal-WIPO: http://www.wipo.int/edocs/prdocs/en/2007/wipo_pr_2007_476.html.

[35] It-tagħrif l-aktar komplet li hemm dwar l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-SMEs jinsab fl-Istħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja (CIS). Is-CIS-4, li jkopri l-perjodu bejn l-2002 u l-2004, juri li l-SMEs qegħdin jirrappurtaw dejjem inqas użu tal-proprjetà intellettwali formali u tal-metodi mhux formali ta' approprjazzjoni milli l-impriżi l-kbar.

[36] L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Strateġija Komuni, COM(2005) 488 finali.

[37] Ta' min wieħed jinnota wkoll li l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea adottaw leġiżlazzjoni li naqqset bin-nofs l-ispejjeż marbutin mal-ksib ta' privattivi għall-SMEs, imqabbla ma' dawk li jħallsu l-impriżi l-kbar.

[38] Ir-riċerka b'kuntratt, ir-riċerka kollaborattiva u kooperattiva, il-ħruġ ta' liċenzji, il-qsim ta' riżorsi, il-pubblikazzjonijiet u l-iskambju ta' riċerkaturi kkwalifikati bejn is-setturi pubbliċi u privati.

[39] L-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka jirrappreżentaw madwar terz ta' l-attività totali ta' riċerka u żvilupp fl-Ewropa. Qabel it-tkabbir ta' l-2004, 80% tal-fondi għar-riċerka u żvilupp pubbliku ntefaq fl-1500 università ta' riċerka ta' l-Istati Membri (ara Kummissjoni Ewropea (2001), "Benchmarking Industry-Science Relations – The Role of Framework conditions", Rapport Finali, Vienna/Mannheim, u Mark O. Sellenthin, "Who should own University Research – An exploratory study of the impact of patent rights regimes in Sweden and Germany on the incentives to patent research results", Ġunju 2004).

[40] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – "Improving knowledge transfer between research institutions and industry across Europe: embracing open innovation", COM(2007) 182.

[41] COM (2004) 718 finali, 22.10.2004.

[42] Rapport ta' John Dryden, il-Viċi-Direttur għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Industrija għall-OECD, lit-Tielet Kungress dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar u l-Kuntrabandu, Ġinevra, 30 ta' Jannar 2007; iċ-ċifra li ġiet ikkwotata oriġinalment kienet US$ 176 biljun.

[43] Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar u l-Kuntrabandu hija disponibbli fl-indirizz http://en.g8russia.ru/docs/15.html.

[44] Il-kalkoli jassumu li privattiv medju jikkonsisti f'16-il paġna ta' deskrizzjonijiet u 4 paġni ta' talbiet, bl-ispiża tat-traduzzjoni ta' € 76 għal kull paġna għad-deskrizzjoni u € 85 għal kull paġna tat-talbiet (ibbazati fuq ċifri fiż-żmien tal-metodu politiku komuni ta' Marzu 2003; L-istudju ta' l-EPO ta' Awwissu 2004 mħejji minn Roland Berger Market Research huwa disponibbli fuq is-sit http://www.european-patent-office.org/epo/new/cost_anaylsis_2005_study_en.pdf, ara l-paġni 141 sa 150). Wieħed jassumi b'dan li Privattiv Ewropew medju jiddenomina 13-il Stat (l-Istati denominati minn maġġoranza ta' applikanti għal Privattiv Ewropew): DE (denominat minn 98 % tal-EP), FR (93 %), UK (92 %), IT (76 %), ES (61 %), NL (59 %), SW (57 %), CH (55 %), BE (54 %), OS (53 %), DK (51 %), IE u FIN (50 %), b' NL, SW u DK jagħzlu l-Ingliż bħala l-lingwa ppreferuta skond il-Ftehim ta' Londra. EP li tkopri l-Istati Membri kollha ta' l-UE tkun teħtieġ traduzzjoni fil-21 lingwa l-oħra li tiġi tiswa 32676 euros.

[45] 4 paġni tat-talbiet x 85 euros x 8 lingwi (2 mit-3 lingwi EPO + IT, ES, NL, SW, DK, FIN) + 16-il paġna tad-deskrizzjonijiet x 76 euros x 8 lingwi.

[46] Peress li l-IT, ES, BE, OS u FIN mhumiex firmatarji fil-Ftehim ta' Londra, xorta jkunu jeħtieġu traduzzjoni sħiħa. Wieħed jassumi li l-NL, SW u DK jagħżlu l-Ingliż bħala l-lingwa ppreferuta skond il-Ftehim.

[47] 4 paġni tat-talbiet x 85 euros x 8 lingwi + 16 –il paġna tad-deskrizzjoni x 76 euros x 5 lingwi (IT, ES, FIN, EN, FR jew DE).

[48] 4 paġni tat-talbiet x 85 euros x 8 lingwi + 16–il paġna tad-deskrizzjoni x 76 euros x 5 lingwi (IT, ES, FIN, FR, FR jew DE).

[49] Mill-1 ta' Jannar 2007, il-privattiv Komunitarju jkun ikopri 27 Stat Membru. It-talbiet ikunu disponibbli f'kull lingwa Komunitarja uffiċjali (minbarra, skond il-perjodu tranżitorju attwali, fil-lingwa Irlandiża). Għalhekk, kull privattiv Komunitarju jkun jeħtieġ traduzzjoni tat-talbiet biss fil-21 lingwa.

[50] 4 paġni tat-talbiet x 85 euros x 21lingwa.

[51] 4 paġni tat-talbiet x 85 euros x 2 lingwi.

[52] European Innovation Scoreboard 2006 ippubblikat minn Pro Inno Europe, inizjattiva tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija (ara http://www.proinno-europe.eu).

[53] "Study on evaluating the knowledge economy what are patents actually worth? The value of patents for today's economy and society" – rapport mill-Fondazzjoni CERM (l-Italja) għad-DĠ għas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea, li jinsab fuq is-sit: http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm#studies.