52007DC0086

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament ewropew u l-qorti Ewropea ta’ l-awdituri Rapport ta' Progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern {SEG(2007) 311} /* KUMM/2007/0086 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.3.2007

KUMM(2007) 86 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U L-QORTI EWROPEA TA’ L-AWDITURI

Rapport ta' Progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern

{SEG(2007) 311}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U L-QORTI EWROPEA TA’ L-AWDITURI

Rapport ta' Progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern

Parti 1: MESSAġġI EWLENIN

Il-"Pjan ta' Azzjoni lejn Qafas Integrat tal-Kontroll Intern[1]" ambizzjuż tal-Kummissjoni, adottat f'Jannar 2006, huwa bbażat fuq rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri (Opinjoni ECA Nru 2/2004[2]) u jenfasizza d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja u tikseb qafas ta' kontroll effettiv u effiċjenti. Il-Pjan mhux maħsub sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha ta' kontroll intern fil-Kummissjoni, iżda sabiex jindirizza problemi identifikati fil-qafas. Matul l-2006 seħħew żviluppi importanti oħrajn fir-rigward tal-kontroll intern. B'mod partikolari, billi adottat ir-rapport ta' Sinteżi dwar il-Ġestjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni refgħet ir-responsabbiltà politika sħiħa tagħha għall-ġestjoni mid-Diretturi-Ġenerali u Kapijiet tas-Servizzi tagħha, fuq il-bażi ta' l-assigurazzjoni u r-riżervi maħruġa lilhom fl-AAR.

Sena wara l-adozzjoni tal-Pjan, huwa ż-żmien li jiġi evalwat il-progress u jsiru aġġustamenti għall-azzjonijiet f'ċerti oqsma. Parti 1 ta' dan ir-rapport tippreżenta dan il-progress fil-qosor. Aktar dettalji dwar is-16-il azzjoni oriġinali fil-Pjan jinsabu fil-Parti 2, u t-taqsira bl-indikaturi ta' meta l-ħidma tkun tlestiet tinsab fl-anness.

Il-Kummissjoni għamlet progress konkret fil-Pjan ta' Azzjoni.

Il-miżuri li ġejjin ġew implimentati matul is-sena li għaddiet:

- Evalwazzjoni mtejba tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-fondi strutturali . Ġiet stabbilita evalwazzjoni tal-komponenti tal-kontroll għal kull Stat Membru, flimkien ma' indikaturi tal-legalità u irregolarità li se jikkontribwixxu għall-analiżi globali tal-kontrolli u l-assigurazzjoni miksuba.

- Definizzjoni u attribuzzjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta' kontroll fil-ġestjoni maqsuma . Il-leġiżlazzjoni 2007-2013 għall-agrikoltura u l-miżuri strutturali tinkludi numru ta' dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jipprovdu struttura ta' kontroll aktar affidabbli b'definizzjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fl-għoti ta' l-assigurazzjoni. Dawn jinkludu rappurtar aħjar tar-riżultati tal-verifika mill-Istati Membri u koordinazzjoni aħjar tal-ħidma tal-verifika bejn id-DĠ bl-użu ta' sistemi u proċeduri komuni. S'issa ġew iffirmati żewġ "kuntratti ta' kunfidenza" li jkopru l-kwalità tas-sistemi nazzjonali ta' kontroll, l-istrateġiji tal-verifika u r-rappurtar. Għal dikjarazzjonijiet tal-ġestjoni, il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Perspettivi Finanzjarji u r-Regolament Finanzjarju revedut jobbligaw lill-Istati Membri sabiex jipprovdu taqsiriet tal-verifiki u dikjarazzjonijiet disponibbli. Fl-agrikoltura, dan l-obbligu l-ġdid diġà ġie implimentat fir-regoli speċifiċi għas-settur.

- Sorveljanza aħjar għall-aġenziji li jħallsu u li jiċċertifikaw taħt il-ġestjoni maqsuma. Fl-agrikoltura, l-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati Membri l-ġodda ġew akkreditati ma' l-adeżjoni. Minbarra dan, taħt ir-regoli l-ġodda applikabbli sa mis-sena finanzjarja 2007, kull aġenzija tal-ħlas fl-UE-27 hija soġġetta għal mekkaniżmu ta' reviżjoni li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti għall-akkreditazzjoni sabiex iżommu lill-aġenziji tal-ħlas tagħhom taħt superviżjoni kontinwa u li jinfurmaw lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar ir-riżultati ta' dik is-superviżjoni, inkluż jekk l-aġenziji tal-ħlas ikunux għadhom konformi mal-kriterji ta' l-akkreditazzjoni. Għall-Fondi Strutturali għall-perjodu l-ġdid, kull Stat Membru se jkun obbligat li jakkredita s-sistema ta' ġestjoni u kontroll inkluża l-awtorità tal-ġestjoni u l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni. Dan il-proċess se jiġi ripetut fuq bażi annwali permezz ta' l-opinjoni annwali ta' l-awtorità tal-verifika, li taħdem skond strateġija ta' verifika approvata mill-Kummissjoni. Fiż-żewġ oqsma, il-Kummissjoni tista', fuq il-bażi ta' l-istima tagħha tar-riskju, tivverifika l-konformità mal-kriterji ta' l-akkreditazzjoni u, jekk meħtieġ, tissospendi l-finanzjament jew tapplika korrezzjonijiet finanzjarji.

- Preżentazzjoni aħjar ta' l-assigurazzjoni fir-Rapporti Annwali ta' l-Attività tad-DĠ. Ġie żviluppat għall-użu fir-rapporti annwali ta' l-attività tas-servizzi ta' l-2006, format konċiż sabiex jagħmel possibbli preżentazzjoni konsistenti ta' l-istrateġiji ta' kontroll u sorsi ta' assigurazzjoni. L-Istrateġiji ta' kontroll, riżultati, indikaturi dwar il-legalità u r-regolarità u l-assigurazzjoni globali fuq il-livell tad-DĠ għandhom ikunu ppreżentati b'mod standard, biex jiġi ffaċilitat il-proċess lejn assigurazzjoni globali b'riżervi fejn ġustifikat.

- Teħid ta' kampjuni fuq il-bażi ta' standards internazzjonali. Sistema ġdida ta' teħid ta' kampjuni[3] għas-Sitt Programm ta' Qafas tar-Riċerka għandha l-għan li tagħti prijorità lill-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' l-iżbalji sistematiċi fost il-benefiċjarji ewlenin filwaqt li tkopri kampjun rappreżentattiv xieraq tal-popolazzjoni li ssirilha l-verifika.

- Validazzjoni tal-metodoloġiji ta' l-ikkalkular ta' l-ispejjeż. Sabiex jiġi solvut sors ewlieni ta' żbalji fi programmi preċedenti, il-Kummissjoni fasslet proċeduri għas-Seba' Programm ta' Qafas sabiex tivverifika l-metodoloġiji tal-benefiċjarji għall-ikkalkular ta' l-ispejjeż fil-bidu tal-proġetti. Din l-azzjoni hija maħsuba sabiex tnaqqas l-iżbalji fl-użu ta' l-ispejjeż medji.

- Proċeduri obbligatorji għaċ-ċertifikazzjoni tal-verifika. Sabiex tkun assigurata l-kwalità konsistenti taċ-ċertifikazzjoni tal-verifika, il-Kummissjoni żviluppat "proċeduri miftiehma" għall-użu mill-awdituri ta' l-infiq għas-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka.

- Koordinazzjoni ta' l-istandards tal-verifika u d-disseminazzjoni ta' indikazzjonijiet dwar il-prattika tajba fil-Fondi Strutturali . Il-Kummissjoni rnexxielha tikseb l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji tat-teħid tal-kampjuni li għandhom jiġu użati mill-Istati Membri fil-perjodu l-ġdid u ħarġet indikazzjonijet u noti dwar prattika tajba dwar il-kontrolli mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, irkupri, obbligi ta' l-għeluq u informazzjoni lill-benefiċjarji.

- Kooperazzjoni mtejba ma' l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (SAI) nazzjonali. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-SAI b'rapporti dwar il-ħlasijiet magħmula fil-pajjiżi tagħhom fl-2005 u żviluppat kuntatti bilaterali ma' bosta SAI. Dawn se jitkomplew fl-2007 sabiex jiġi studjat kif il-Kummissjoni tista' tkompli tiffaċilita l-ħidma ta' l-SAI fuq fondi tal-Komunità minfuqa fl-Istati Membri[4] u kif tista' tikseb assigurazzjoni minn dan ix-xogħol, filwaqt li tirrispetta l-indipendenza ta' l-SAI.

L-isfidi li baqa'

L-esperjenza ta' l-ewwel sena ta' l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni ddefiniet aktar sfidi li għandhom jiġu indirizzati. Minbarra dan, ċerti azzjonijiet proposti ma kinux appoġġjati mil-leġiżlatur. Bħala riżultat, huma proposti xi aġġustamenti jew azzjonijiet modifikati:

- Tisħiħ tar-rabta bejn l-assigurazzjoni raġonevoli u l-ħlasijiet. Il-leġiżlazzjoni tipprovdi għas-sospensjoni tal-ħlasijiet u għal korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri fejn dawn ikunu ġġustifikati. F'konformità ma' l-orjentament stabbilit fir-Rapport ta' Sinteżi 2005, il-Kummissjoni se tapplika d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u se tippreżenta b'mod ċar fir-Rapporti Annwali ta' l-Attività tagħha, u tikkomunika lill-awtorità tal-baġit, riżervi dwar l-assigurazzjoni globali inkluż, fejn ikun relevanti, skond is-setturi jew l-Istati Membri, u informazzjoni dwar il-korrezzjonijiet u l-irkupri li jkunu saru.

- Kjarifikazzjoni ta' l-importanza ta' l-irkupri. Matul l-2006, il-Qorti ta' l-Awdituri ċċarat li hija tikkunsidra li l-irkupri huma relevanti għad-DAS. Il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-ammont ta' l-irkupri magħmula mill-Kummissjoni u l-Istati Membri kien baxx wisq meta mqabbel mal-livell globali preżunt ta' żbalji. Sabiex jittejbu r-riżultati tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-irkupri, sub-azzjoni addizzjonali se tidentifika, għall-ġestjoni deċentralizzata diretta u l-fondi strutturali, ammonti rkuprati fl-2005 u l-2006 u l-koerenza tagħhom ma' żbalji identifikati waqt il-kontrolli.

- Żgurar tal-proporzjonalità bejn l-ispejjeż tal-kontrolli u r-riskju ta' l-iżbalji. Il-kunċett ta' "riskju tollerabbli" (marbut ma' l-effiċjenza ekonomika tal-kontrolli) ma ddaħħalx mil-leġiżlatur fir-Regolamenti Finanzjarji reveduti. Madankollu, il-Kummissjoni xorta waħda tixtieq tiżgura li r-riżorsi tal-kontroll jintużaw b'mod ekonomikament effiċjenti u li n-nefqa fuq il-kontrolli tkun iġġustifikata f'termini tar-rata osservata ta' żbalji, l-effetti dissważivi, u benefiċċji kwalitattivi oħra. Tinsab għaddejja l-ħidma sabiex jiġi stabbilit kemm jiswew il-kontrolli fl-agrikoltura u l-Fondi Strutturali fuq il-bażi ta' metodoloġija komuni. Fil-qasam tar-riċerka, l-ispiża tal-kontrolli qiegħda wkoll tiġi studjata u studju pilota miżjud ma' azzjoni 10 se jiffoka fuq it-tfassil ta' strateġiji ta' kontroll, inkluż l-istudju ta' assigurazzjoni 'raġonevoli' kontra dik 'assoluta' u l-impatt tar-riskju fuq dan.

- Simplifikazzjoni u kjarifikazzjoni tar-regoli. Il-kumplessità tas-simplifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ddettaljata f'termini ta' kundizzjonijiet ta' eliġibilità, u l-istadju avvanzat tan-negozjati, ifissru li kienet possibbli biss simplifikazzjoni limitata matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, f'ċerti setturi, simplifikazzjonijiet sinifikanti ġew innegozjati minn qabel, u tnaqqas ir-riskju ta' żbalji partikolarment fil-ġestjoni maqsuma. L-isfida issa hija sabiex jiġi ssimplifikat u ċċarat it-tħaddim tar-regoli l-ġodda fil-prattika.

- Tixrid tad- data tal-verifika. Fuq il-bażi tal-qsim tad-data li diġà qed iseħħ fil-qasam tar-riċerka u l-fondi strutturali, il-Kummissjoni se tkompli tesplora kif tista' tagħmel it-tixrid ta' l-informazzjoni tal-verifika aktar effettiv, inkluż fuq verifiki ppjanati u riżultati ta' verifiki ta' sistemi ta' benefiċjarji ffinanzjati minn programmi differenti.

PARTI 2: STUDJU DETTALJAT TAL-PROGRESS U żVILUPPI ULTERJURI

IS-SIMPLIFIKAZZJONI U L-PRINċIPJI TA’ KONTROLL KOMUNI (AZZJONIJIET 1-4)

Azzjoni 1: Studju tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni proposta għall-2007-2013

Meta ġie adottat il-pjan ta' azzjoni, kien baqa' żmien limitat li fih setgħet issir aktar simplifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni għall-perjodu ta' ppjanar 2007-2013 minbarra d-dispożizzjonijiet diġà nnegozjati. Filwaqt li s-simplifikazzjoni ma kenitx kbira daqs kemm kien mixtieq, xi elementi maħsuba sabiex inaqqsu n-numru ta' benefiċjarji li, mingħajr intenzjoni, jagħmlu talbiet żbaljati ġew introdotti f'setturi speċifiċi. Is-servizzi tal-Kummissjoni issa għandhom aktar spazju fejn jużaw ħlasijiet ta' darba, u b'hekk inaqqsu r-riskju ta' irregolaritajiet. Il-mudelli ta' rrapurtar ta' l-ispejjeż u d-definizzjoni ta' spejjeż eliġibbli ġew ukoll issimplifikati sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji. Fil-Fondi Strutturali, l-akkreditazzjoni tas-sistemi nazzjonali flimkien ma' l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-istrateġiji tal-verifika ta' l-Istati Membri u proċeduri aktar sempliċi sabiex jiġu interrotti l-ħlasijiet għandhom jagħtu assigurazzjoni aħjar. Regolament ġdid li jikkonsolida u jirrinforza l-kontrolli u l-penalitajiet fil-qasam ta' l-iżvilupp rurali ġie adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2006. Fil-ġestjoni ċentralizzata indiretta fl-edukazzjoni u l-kultura, ġew imsaħħa l-miżuri korrettivi u l-Istati Membri se jkunu obbligati li joħorġu dikjarazzjoni ex ante dwar is-sistemi ta' kontroll ta' l-aġenziji nazzjonali.

Azzjoni 2: Integrazzjoni ta’ prinċipji ta’ kontroll intern komuni fil-proposta għal Regolament Finanzjarju rivedut

Minkejja r-rifjut tal-leġiżlatur għal prinċipju speċifiku addizzjonali fir-Regolament Finanzjarju (FR), l-Artikolu 28a jistipula li "l-baġit għandu jiġi implimentat f'konformità ma' kontroll intern effettiv u effiċjenti...", inkluża, "ġestjoni adegwata tar-riskji li jirrigwardaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet relevanti". Bħala tali, l-għan ewlieni tal-kunċetti fundamentali li fuqhom huwa bbażat il-qafas ta' kontroll intern fir-regolament inkiseb.

Azzjoni 3: Tfassil u armonizzazzjoni aħjar tal-preżentazzjoni ta' strateġiji ta' kontroll u l-evidenza li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli

Bl-użu ta' mudelli pilota għar-Riċerka u l-Fondi Strutturali, ir-Rapporti Annwali ta' l-Attività tas-Servizzi għall-2006 għandhom jistabbilixxu l-istrateġiji ta' kontroll f'format progressivament armonizzat. Dan jinkludi preżentazzjoni ċara tas-sorsi ta' l-assigurazzjoni u r-riżultati tal-kontrolli, inklużi indikaturi tal-legalità u r-regolarità. Se jkun meħtieġ iż-żmien sakemm tkun żgurata l-konsistenza sħiħa fil-metodoloġija iżda din l-azzjoni mistennija li ttejjeb l-għarfien dwar l-istrutturi ta' kontroll u sorsi ta' assigurazzjoni u se tgħin sabiex jiġu identifikati d-dgħufijiet u jiġi definit it-titjib.

Sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-assigurazzjoni raġonevoli u l-ħlasijiet, sa mir-Rapport ta' Sinteżi 2006, il-Kummissjoni se tistabbilixxi b'mod ċar u tikkomunika lill-awtorità tal-baġit riżervi għall-assigurazzjoni globali, inkluż fejn ikun relevanti skond is-settur jew l-Istat Membru, flimkien mal-korrezzjonijiet finanzjarji jew sospensjonijiet tal-ħlasijiet rispettivi.

Azzjoni 4: Varar ta’ djalogu interistituzzjonali dwar ir-riskji li għandhom ikunu tollerati fit-tranżazzjonijiet sottostanti

Il-Pjan ta' Azzjoni stimula diskussjoni sinifikanti dwar ir-riskju tollerabbli. Fir-rakkomandazzjoni li ġejja tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri sabiex tiġi prevista b'mod espliċitu l-aċċettazzjoni politika tar-riskju, il-Kummissjoni fittxet li tiddefinixxi fil-liġi dak li kien sa dakinhar rifless b'mod impliċitu fl-istrateġiji ta' kontroll. Għalkemm il-leġiżlatur m'aċċettax l-inklużjoni tagħha fir-Regolament Finanzjarju, huwa esprima appoġġ għat-tkomplija ta' l-esplorazzjoni tal-kunċett mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tqis li huwa ta' importanza fundamentali li jitkompla d-djalogu interistituzzjonali dwar ir-riskju tollerat u se tkompli din l-azzjoni fuq il-bażi tat-tagħrif ta' sfond neċessarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' l-Azzjonijiet 10 u 11.

ID-DIKJARAZZJONIJIET TAL-ĠESTJONI U L-ASSIGURAZZJONI TA’ VERIFIKA (AZZJONIJIET 5-8)

Azzjoni 5: Promozzjoni ta' dikjarazzjonijiet tal-ġestjoni fuq livell operattiv u rapporti ta' sinteżi fuq livell nazzjonali

Fir-rigward tal-ġestjoni maqsuma, ir-Regolament Finanzjarju revedut jistipula fl-Artikolu 53b li "l-Istati Membri għandhom jipproduċu taqsira annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli". Dawn it-taqsiriet u dikjarazzjonijiet ta' verifika se jitressqu għall-ewwel darba matul l-2008. Filwaqt li dan huwa barra mill-perjodu ta' żmien ta' dan il-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni se tuża r-riżultati tal-verifiki u l-kontrolli tagħha stess sabiex tivvaluta l-kwalità tat-taqsiriet u d-dikjarazzjonijiet annwali tal-verifika sabiex tiżgura li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll ikunu qed jaħdmu b'mod effettiv. Fejn ir-riżultati huma pożittivi, dan jipprovdi element ta' l-assigurazzjoni globali. Riżultati negattivi jistgħu jwasslu għal riżervi u sospensjoni tal-ħlasijiet jew irkupru fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress f'dan il-qasam u se tivvaluta kif l-aħjar tikkopera ma' l-Istati Membri sabiex tiżgura influss kontinwu ta' riżultati fiċ-ċiklu annwali ta' l-ippjanar u r-rappurtar.

Azzjoni 6: Eżami ta’ l-utilità tad-dikjarazzjonijiet tal-ġestjoni barra l-modi ta’ ġestjoni ċentralizzata maqsuma u indiretta

Azzjoni 6a, li tinvolvi studju ta' jekk id-dikjarazzjonijiet jagħtux valur miżjud fil-ġestjoni ċċentralizzata diretta, ma nstabx probabbli li tkun effettiva. Minħabba nuqqas ta' entitajiet intermedjarji li jwettqu funzjoni ta' verifika bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju finali, il-kisba ta' dikjarazzjoni mingħand benefiċjarju flimkien ma' obbligi oħra dwar il-ġestjoni finanzjarja ma tkunx ekonomikament effiċjenti. Din l-azzjoni ma tneħħietx mill-pjan iżda l-għan ewlieni qed jiġi indirizzat fl-Azzjoni 7 permezz ta' ċertifikazzjoni tal-metodoloġija.

Azzjoni 7: Promozzjoni ta’ l-aħjar prattiċi biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-verifiki fuq il-livell tal-proġetti

Iċ-ċertifikati tal-verifika kienu previsti għas-Sitt Programm ta' Qafas tar-Riċerka sabiex tittejjeb l-assigurazzjoni fuq l-eżekuzzjoni tal-proġetti. Madankollu, l-esperjenza wriet li żbalji li jistgħu jiġu identifikati mill-Kummissjoni fuq il-post ta' sikwit ma jiġux identifikati mill-awdituri li jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni, l-aktar minħabba nuqqas ta' familjarità mal-kundizzjonijiet ta' l-eliġibilità.

Sabiex jiġi żgurat li l-verifiki jsiru fuq bażi konsistenti mill-awdituri kollha li jkunu qed jaħdmu għall-Kummissjoni fis-Seba' Programm ta' Qafas, ġew żviluppati "proċeduri miftiehma" sabiex jipprovdu pakkett ta' proċeduri obbligatorji għal dawn il-verifiki kollha. Din l-istrateġija se tippermetti lill-awditur li jidentifika u jirrapporta l-eċċezzjonijiet, u tippermetti lill-Kummissjoni tislet il-konklużjonijiet fuq il-bażi tal-għarfien akbar tal-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu.

Fir-rigward tal-ġestjoni ċentralizzata indiretta, il-bażijiet legali għall-2007-2013 għall-programmi Lifelong Learning u Youth in Action jitolbu li l-Istati Membri jagħtu assigurazzjoni preliminari u annwali. Tħejjew il-mudelli għad-dikjarazzjoni ex ante u nħarġu linjigwida għall-awtoritajiet nazzjonali. Ix-xogħol taħt il-Pjan ta' Azzjoni għas-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka huwa maħsub sabiex jindirizza wieħed mis-sorsi prinċipali ta' żbalji fil-programmi tal-passat – l-użu ta' kkalkular ta' l-ispejjeż medji mill-benefiċjarji. Sabiex jitnaqqsu dawn l-iżbalji, il-Kummissjoni fasslet proċeduri sabiex tanalizza s-sistemi tal-kontabilità ta' l-ikkalkular ta' l-ispejjeż u l-metodoloġiji sottostanti ta' l-ikkalkular ta' l-ispejjeż minn qabel sabiex taqbad l-iżbalji sistematiċi. Dan sa ċertu punt iwettaq ukoll l-għan ta' l-Azzjoni 6a billi jagħmel lill-benefiċjarji konxji ta' l-importanza li jistabbilixxu metodoloġija li tkun konformi mal-kuntratt, u tista' sservi sabiex 'issewwi l-futur' billi tevita l-iżbalji.

Azzjoni 8: Faċilitazzjoni ta' assigurazzjoni addizzjonali mill-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika

Il-Kummissjoni tejbet il-kooperazzjoni tagħha ma' l-Istituzzjonijet Supremi tal-Verifika. Il-Kummissjoni ħadet rwol proattiv billi żiedet it-trasparenza tagħha fir-rigward ta' l-SAI u pprovdiet lill-SAI ta' kull Stat Membru b'rapport tal-ħlasijiet mill-baġit tal-Komunità f'pajjiżhom fl-2005. Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet, ġie żviluppat rapport standard li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata. Ir-Rapporti dwar il-ħlasijiet ta' l-2006 se jintbagħtu lill-SAI f' qasir żmien.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bini ta' relazzjoni kontinwa ma' l-SAI hija t-twettiq b'suċċess ta' l-azzjoni, u żvilupp pożittiv importanti fit-titjib ta' l-ambjent globali ta' kontroll fil-ġestjoni maqsuma. Ir-rwol ta' l-SAI f'diversi inizjattivi nazzjonali fuq dikjarazzjonijiet fuq il-livell nazzjonali huwa milqugħ pożittivament minħabba l-enfasi akbar li se jagħti għall-ġestjoni tal-fondi tal-Komunità f'dawk l-Istati Membri.

Sotto-azzjoni ġdida: Sabiex tkompli tibni fuq il-momentum maħluq minn din l-azzjoni, il-Kummissjoni se tkompli l-kuntatti ma' l-SAI sabiex tistabbilixxi kif il-ħidma tagħhom tista' tiġi użata sabiex tipprovdi assigurazzjoni dwar it-twettiq tal-programmi tagħha fl-Istati Membri. Hija se tagħti bidu wkoll għal studju ta' każijiet dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw l-SAI fl-analiżi tan-nefqa tal-Komunità.

METODU TAL-VERIFIKA UNIKA: IL-QSIM TAR-RIżULTATI U L-GħOTI TA' PRIJORITÀ LILL-EFFIċJENZA EKONOMIKA (AZZJONIJIET 9-11)

Azzjoni 9: Ħolqien ta’ għodod effettivi biex jinqasmu r-riżultati tal-verifiki u l-kontroll u biex jiġi promoss il- metodu tal-verifika unika

Bis-sistema l-ġdida tal-kontabilità ABAC fl-2005, il-Kummissjoni issa tista' tikkoordina b'mod aktar faċli l-informazzjoni tal-ġestjoni li tkun inġabret u nħażnet fis-sistemi lokali tas-servizzi. Fl-2006 ġie implimentat modulu fl-ABAC marbut ma' entitajiet legali li jippermetti li tiddaħħal, tiġi mfittxa u segwita l-informazzjoni tal-verifika. Fl-2007, dan il-modulu se jiġi supplimentat b' interface awtomatizzat għas-sistemi lokali tas-servizzi, b'mod li jippermetti ħarsa ġenerali lejn l-attività tal-verifika tal-Kummissjoni li tkopri benefiċjarji diretti mingħajr aktar inklużjoni manwali ta' data. Database dettaljata ta' l-attività tal-verifika tagħti potenzjal għal ġestjoni aħjar ta' l-ippjanar u r-riskju għall-Kummissjoni kollha.

Il-qsim tad- data tal-verifika huwa previst ukoll fil-modalitajiet l-oħra tal-ġestjoni. Fl-Edukazzjoni u l-Kultura, deċiżjoni tal-KE dwar ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji nazzjonali fuq il-bażi tal-metodu tal-verifika unika tispeċifika t-tip u l-livelli ta' kontroll. Gwida speċifika għall-aġenziji nazzjonali tindika b'mod partikolari t-tip u n-numru minimu tal-kontrolli li għandhom isiru. Fil-ġestjoni maqsuma, ir-rappurtar tar-riżultati tal-verifiki mill-Istati Membri u l-użu tagħhom mill-Kummissjoni ttejjeb konsistentement permezz ta' formati standardizzati u proċeduri ta' valutazzjoni, laqgħat ta' koordinament minn qabel u għodod ta' sorveljanza tad- database .

Sotto-azzjoni ġdida: Sabiex tissorvelja l-istadji inizjali tal-qsim tad-data fl-ABAC, il-Kummissjoni sejra, għas-Sitt Programm ta' qafas, iżżomm taħt osservazzjoni l-użu tal-qsim tad-data u r-rappurtaġġ tal-ġestjoni bil-għan li tidentifika l-fatturi ewlenin għas-suċċess fl-integrazzjoni aħjar tad-data mal-proċess globali tal-kontroll.

Azzjoni 10: Stima inizjali u analiżi ta’ l-infiq fuq il-kontrolli

Għall-ġestjoni maqsuma, intlaħaq qbil dwar il-metodoloġija għall-istima ta' l-ispejjeż tal-kontrolli u ġie varat stħarriġ għall-agrikoltura u l-fondi strutturali. Għall-agrikoltura, l-Istati Membri kollha huma involuti, filwaqt li għall-fondi strutturali l-eżerċizzju inizjali jkopri lil Wales, l-Ungerija u l-Portugall qabel l-estensjoni għall-Istati Membri l-oħra. Għall-ġestjoni diretta, il-Kummissjoni qed tikkalkula l-ispejjeż għall-kontroll ta' żewġ DĠ pilota (EAC u INFSO).

Sotto-azzjoni ġdida: Sabiex tistudja aktar ir-relazzjoni bejn il-benefiċċji u l-iżpejjeż, il-Kummissjoni se teżamina l-effett tat-tfassil tal-programm u l-kundizzjonijiet ta' l-eliġibilità fuq l-ispejjeż tal-kontroll u tiżviluppa analiżi dettaljata tar-riskju tollerabbli fuq bażi prattika.

Azzjoni 11: Varar ta’ proġetti pilota dwar l-evalwazzjoni tal-benefiċċji tal-kontroll

Il-benefiċċji tal-kontroll jistgħu jkunu finanzjarji (rkupru ta' ħlasijiet li saru bi żball) u kwalitattivi (pereżempju l-effett dissważiv tal-possibilità li wieħed ikun suġġett għal kontrolli u penali jinkoraġġixxi kontrolli aħjar mill-benefiċjarju dwar pretensjonijiet ta' ħlas). Madankollu, il-valutazzjoni ta' l-effett ta' deterrent tal-kontrolli huwa problematiku minħabba n-nuqqas ta' popolazzjoni ta' kontroll użata sabiex jitqabbel l-effett monetarju ta' kontroll addizzjonali u d-diffikultà ta' tqabbil bejn settur u ieħor minħaba differenzi fl-ambjent tal-politika u l-istrutturi tal-kontroll.

Bħala riżultat, din l-azzjoni qed tiffoka fuq il-benefiċċji kwantifikabbli fid-DĠ INFSO u EAC u għandha l-għan li tivvaluta l-irkupri fl-2005 ta' żbalji misjuba għall-programmi ta' dawk id-DĠ. Xorta waħda huwa probabbli li din l-istrateġija tissottovaluta l-benefiċċji diretti tal-kontroll, meta wieħed iqis in-natura multi-annwali ta' ċerti programmi u li żbaliji li jsiru fis-sena N jistgħu jinstabu u jiġu rkuprati fis-snin ta' wara. Sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-kontroll ikunu ġġustifikati f'termini tar-rata osservata ta' l-iżbalji, studju pilota se jinvestiga dan aktar. Dan se jkopri sew il-ġestjoni ċentralizzata u kif ukoll dik maqsuma u se jipprovdi informazzjoni dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji fl-2005 u kif ir-riskju jista' jiġi applikat għad-definizzjoni ta' l-istrateġiji ta' kontroll meta wieħed iqis in-natura multi-annwali tal-programmi. Se jitqiesu wkoll il-benefiċċji kwalitattivi.

Sotto-azzjoni ġdida: Sabiex tistabbilixxi jekk is-sistemi ta' rkupru u kumpens ikunux qed jaħdmu b'mod effikaċi, billi jiġu identifikati l-ammonti rkuprati fl-2005 u l-2006 u l-koerenza tagħhom ma' żbalji identifikati waqt il-kontrolli, il-Kummissjoni sejra, fil-ġestjoni diretta, tiżviluppa klassifikazzjoni ta' żbalji u r-relazzjoni ma' l-irkupri, il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-aġġustamenti għall-ħlasijiet u f'dak li jirrigwarda l-fondi strutturali hija se teżamina l-affidabilità tas-sistemi nazzjonali tal-monitoraġġ u r-rappurtaġġ.

NUQQASIJIET SPEċIFIċI GħAS-SETTUR (AZZJONIJIET 12-16).

Azzjoni 12: Jiġu indirizzati l-nuqqasijiet identifikati mis-servizzi li ħadu sehem

Sa mill-eżerċizzju ta' l-Istima tan-Nuqqasijiet f'nofs l-2005, id-DĠ kellhom l-opportunità li jintegraw l-elementi speċifiċi fil-Pjanijiet Annwali tal-Ġestjoni tagħhom, li se jiġu deskritti fir-Rapporti Annwali ta' l-Attività ta' l-2006 u l-2007. Xi DĠ kienu jistgħu wkoll jintegraw ir-riżultati ewlenin tal-Istima tan-Nuqqas fil-leġiżlazzjoni tagħhom ta' l-2007-13. Fil-politika interna, id-DĠ tar-Riċerka stabbilixxew u qed jimplimentaw strateġija multi-annwali ta' verifiki ex post tas-6 Programm ta' Qafas ibbażati fuq pjan ta' verifika kkoordinat li jagħti prijorità lit-titjib sistematiku fil-pretensjonijiet ta' l-infiq tal-benefiċjarji ewlenin filwaqt li joffri kopertura suffiċjenti fost il-popolazzjoni kollha li ssirilha l-verifika.

Sotto-azzjoni ġdida: Sabiex tikseb assigurazzjoni akbar, il-Kummissjoni se twettaq 300 verifika għall-FP6 fl-2007, meta mqabbla ma' 45 imwettqa fl-2006. Minbarra dan, wara li żviluppat strateġija sistematika għall-analiżi u t-teħid tal-kampjuni mill-popolazzjoni tal-benefiċjarji tas-6 Programm ta' Qafas bħala parti mill-Azzjoni 16b, il-Kummissjoni se tipproċedi bl-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' l-iżbalji fil-benefiċjarji li jirċievu l-akbar sehem mill-baġit. Dan se jipprovdi wkoll, sa l-aħħar ta' l-2007, stampa rappreżentattiva tal-livell u n-natura ta' l-irregolaritajiet fil-baġit kollu tar-riċerka.

Azzjoni 13: Analiżi tal-kontrolli taħt ġestjoni maqsuma (b’mod partikolari l-Fondi Strutturali) fuq livell reġjonali u l-valur tad-dikjarazzjonijiet eżistenti

Stima aktar dettaljata ta' l-effikaċja tal-kontrolli kurrenti u d-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni mill-Istati Membri se tkun ipprovduta fir-Rapporti Annwali ta' l-Attività għall-2006. DG REGIO u DG EMPL qed ikomplu jtejbu l-proċeduri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-assigurazzjoni dwar il-ħlasijiet billi jipproduċu stima tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll għal kull Stat Membru, b'dettalji sal-livell tas-sistema jew programm. Din tivvaluta l-komponenti tal-kontroll tas-sistemi għall-konformità u l-effikaċja bl-użu ta' skala simili għal dik tal-Qorti ta' l-Awdituri, u tikklassifika l-programmi fi 3 gruppi skond il-livell ta' assigurazzjoni miksub: assigurazzjoni raġonevoli, assigurazzjoni b'limitazzjonijiet, u assigurazzjoni limitata/l-ebda assigurazzjoni. Dawn id-DĠ wkoll żviluppaw indikaturi tal-legalità u r-regolarità li se jissupplimentaw il-preżentazzjoni ta' l-istrateġija ta' kontroll fl-AAR ta' l-2006.

Azzjoni 14: Gwida aħjar għall-Fondi Strutturali dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ l-iżbalji

Għall-Azzjoni 14a, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali jkunu konxji tal-kontrolli u r-riskju ta' tħassir tal-finanzjament. Inħareġ aktar tagħrif dwar l-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni dwar l-irkupri u l-irtirar tal-finanzjament wara rregolaritajiet u saret emenda għad-dispożizzjonijiet tar-rappurtar regolatorju[5]. Linji gwida dwar l-għeluq għall-programmi 2000-06 nħarġu mill-Kummissjoni f'Awissu 2006. Inħareġ ukoll tagħrif li juri prattiċi tajba fil-kontrolli fl-ewwel livell tal-ġestjoni u l-kontrolli mill-awtoritajiet tal-ħlas.

Għall-Azzjoni 14b l-Kummissjoni qed tħejji gwida interpretattiva dwar numru ta' suġġetti, inkluża "l-inġinerija finanzjarja", li se tinħareġ wara diskussjoni ma' l-Istati Membri.

Azzjoni 15: Promozzjoni ta’ l-inizjattiva dwar ‘Kuntratti ta’ Kunfidenza’ għall-Fondi Strutturali

DĠ REGIO kompla jippromwovi l-Kuntratt ta' Kunfidenza sabiex iżid il-livell ta' assigurazzjoni għall-perjodu ta' programmar 2000-06 filwaqt li jpoġġi pedamenti utli għall-perjodu 2007-13. Żewġ Kuntratti ta' kunfidenza ġew formalizzati fil-fondi strutturali (Wales u l-Awstrija) u qed ikomplu d-diskussjonijiet ma' erba' Stati Membri oħra.

Azzjoni 16: Tħejjija ta’ linji gwida komuni għal kull kategorija ta' politika

Taħt l-Azzjoni 16a ġew ipprovduti linji gwida metjba għar-riċerka u l-politika interna f'manwal tal-verifika aġġornat għall-użu mill-awditur ikkuntrattat għas-6 Programm ta' Qafas. Il-Kummissjoni identifikat ukoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut tagħrif dwar l-adattament ta' l-istrateġiji tal-verifika għall-ambjenti ta' kontroll eteroġenji filwaqt li jinżammu l-istandards bażiċi komuni. L-iskadenza għal din l-azzjoni ġiet estiża sabiex ikun possibbli li l-aħjar prattiċi minn firxa ta' oqsma ta' politika differenti jinġabru u jiġu ppreżentati f'dan il-qasam.

L-Azzjoni 16b kkontribwiet għall-istrateġija tal-verifika tas-6 Programm ta' Qafas billi pprijoritizzat studju u evalwazzjoni globali inizjali tal-popolazzjoni tal-benefiċjarji. Dan irriżulta f'metodoloġija, ibbażata fuq standards internazzjonali, li tgħaqqad flimkien l-istratifikazzjoni mat-teħid ta' kampjuni ta' l-unitajiet monetarji (MUS), u tinkorpora l-korrezzjoni ta' l-iżbalji sistematiċi bil-kalkolu tar-rata globali ta' l-iżbalji permezz ta' kampjun statistiku.

Għall-Azzjoni 16c, DĠ REGIO qed jirrevedi l-manwal tal-verifika għall-Fondi Strutturali. Dan sejjer, inter alia, iqis l-obbligi leġiżlattivi l-ġodda u jinkorpora t-tagħrif dwar l-applikazzjoni ta' l-istandards internazzjonali tal-verifika.

Konklużjonijiet ġenerali u d-direzzjoni għall-futur

Il-konklużjoni hija fil-biċċa l-kbira pożittiva. Filwaqt li kien hemm xi dewmien (ara l-anness), il-Kummissjoni tqis li xorta se tkun tista' tilħaq l-għan li jkollha l-pedamenti f'posthom sa l-aħħar ta' l-2007 għall-ġestjoni tajba tar-riskju ta' l-iżbalji u sabiex tipprovdi assigurazzjoni akbar kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni. Ir-riżultati ta' l-azzjonijiet se jkunu progressivament viżibbli u dimostrabbli – għall-bidu f'termini ta' strateġija ta' kontrolli aktar trasparenti u ċara. Dan għandu jwassal għal tnaqqis fir-rata ta' żbalji permezz ta' korrezzjoni u prevenzjoni aħjar.

L-esperjenza wriet li numru ta' azzjonijiet jeħtiġilhom li jiġu rraffinati sabiex jipprovdu aktar impetu għal assigurazzjoni akbar u l-Kummissjoni pproponiet sotto-azzjonijiet ġodda f'dawn l-oqsma. Is-sotto-azzjonijiet ġodda huma ffokati fuq il-ġestjoni diretta ċentralizzata ladarba l-Kummissjoni għandha responsabbiltà unika f'dan il-qasam. Is-sotto-azzjonijiet il-ġodda se jitlestew fiż-żmien previst oriġinarjament għall-pjan ta' azzjoni (tmiem l-2007) u sejrin, flimkien ma' l-azzjonijiet kurrenti, jiżguraw li l-qafas ikun f'postu sa dik id-data sabiex il-Qafas Integrat tal-Kontroll Intern jibda jkollu l-impatt ippjanat fuq l-assigurazzjoni.Fejn il-Kummissjoni tikseb assigurazzjoni addizzjonali, hemm potenzjal sabiex il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri tistrieħ fuq dan għad-Dikjarazzjoni ta' l-Assigurazzjoni tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tikkoordina mill-qrib mal-Qorti dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-pjan ta' azzjoni u hija wkoll impenjata sabiex ittejjeb il-proċedura kontradittorja. Iż-żmien jibqa' sfida fl-oqsma kollha ta' l-implimentazzjoni tal-baġit. Fil-qasam tal-ġestjoni maqsuma, madwar nofs ir-risposti ta' l-Istati Membri għad-"dikjarazzjonijiet ta' konklużjonijiet preliminari" tal-Qorti ma kinux disponibbli fil-ħin għall-proċedura kontradittorja dwar ir-Rapport Annwali ta' l-2005[6]. Reazzjonijiet potenzjalment importanti mill-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Qorti għalhekk jaslu tard wisq biex jiġi infurmat id-DAS.

Il-Kummissjoni se tipprovdi rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni fil-bidu ta' l-2008. Dan ir-rapport se jagħti ħarsa preliminari lejn l-impatt ta' l-azzjonijiet differenti dwar l-assigurazzjoni u se jislet konklużjonijiet għall-konsolidazzjoni futura tal-Qafas Integrat tal-Kontroll Intern.

[1] KUMM(2006) 9 u SEG(2006) 49.

[2] ĠU C 107/1 tat-30.4.2004 (l-Opinjoni dwar ‘Verifika Unika’).

[3] (para. 48) ECA 02/2004.

[4] Ħarġa speċjali ta' Kontrola Państwowa, Diċembru 2006http://www.nik.gov.pl/docs/kp/kp_2006_referaty_calosc.pdf

[5] Regolament 448/2001, parti mir-Regolament ta' emenda Nru 1978/2006 tat-22.12.2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 89).

[6] Rapport dwar ir-risposti ta' l-Istati Membri għar-Rapport Annwali 2005 ta' l-ECA / bħalissa fl-ISC.