52007DC0024

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill Kumitat tar-Reġjuni Rapport Finali dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal-Ħiliet u l-Mobilità COM(2002) 72 finali


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.1.2007

KUMM(2007) 24 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport Finali dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal-Ħiliet u l-Mobilità COM(2002) 72 finali

Introduzzjoni

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jingħata rendikont tal-progress jew nuqqasijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-ħiliet u l-mobilità[1], li ġie adottat mill-Kummissjoni fi Frar 2002 u approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona f’Marzu 2002. L-objettivi oriġinali li permezz tagħhom tkejjel il-progress kienu tlieta:

L-ewwel nett, biex tikber il-mobilità tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, billi jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ iwieġbu aħjar għas-suq tax-xogħol. It-tieni, biex tiġi ffaċilitata l-mobilità ġeografika permezz tat-tneħħija ta’ barrieri amministrattivi u legali, l-iżvilupp tal-ħiliet fil-lingwi u dawk transkulturali, il-promozzjoni ta’ l-għarfien tal-kwalifiki bejn pajjiż u ieħor u politika ta’ immigrazzjoni komuni għall-UE kollha. Fl-aħħar nett, biex tiġi promossa kemm il-mobilità tax-xogħol kif ukoll dik ġeografika billi jiġi pprovdut u mxerred it-tagħrif dwar l-opportunitajiet eżistenti għall-mobilità u l-mekkaniżmi relatati ta' appoġġ fl-UE, l-aktar permezz tat-twaqqif ta' sit ta' tagħrif uniku dwar il-mobilità u t-titjib tas-sistema EURES [2] għall-postijiet tax-xogħol vaganti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ġie maħsub bħala kontribuzzjoni biex jinkisbu l-objettivi ta’ Liżbona għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar, aktar koeżjoni soċjali u soċjetà dinamika bbażata fuq l-għarfien.

Il-linjigwida Integrati l-ġodda dwar l-ekonomija u l-impjieg 2005 – 2008 jagħtu rwol prominenti lill-mobilità tas-suq tax-xogħol billi jipproklamawha kruċjali għas-suċċess ta’ l-Istrateġija Riveduta ta’ Liżbona. Il-Linjigwida dwar il-politika ta’ l-impjieg ta’ l-Istati Membri li ġew approvati mill-Kunsill f’Lulju 2005 għamlu wkoll aktar enfasi fuq il-mobilità. Il-Linjagwida n°20 tispeċifika li l-mobilità hija ċentrali sabiex aktar nies isibu impjieg aħjar u tagħmel sejħa għat-tneħħija ta’ “ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema ma’ l-Ewropa fi ħdan il-qafas tat-trattati.” Il-proposta tal-Kummissjoni għal Programm Komunitarju ta’ Liżbona ta’ Lulju 2005 timpenja bl-istess mod il-Komunità fit-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-mobilità tax-xogħol u l-ftuħ ta’ opportunitajiet ta’ impjieg fi ħdan suq tax-xogħol pan-Ewropew[3].

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-edukazzjoni, il-promozzjoni tal-mobilità permezz ta’ l-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin u t-tfassil ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki ġew identifikati bħala dimensjonijiet kruċjali tal-programm Edukazzjoni & Taħriġ 2010.

Barra mill-Istati Membri, l-Imsieħba Soċjali Ewropej kellhom ukoll rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, bl-għażla tal-mobilità bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-programm konġunt multi-annwali ta' ħidma (2003-2005), adottat f'Novembru 2002.

Fi Frar 2004 il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha ta’ nofs is-sena dwar il-Ħiliet u l-Mobilità[4]. Mibni fuq is-sejbiet tiegħu, ir-rapport finali jipprovdi valutazzjoni tal-perjodu ta' implimentazzjoni ta' 4 snin tal-Pjan ta' Azzjoni, mill-2002 sa l-2005. Peress li għadd ta’ azzjonijiet ġew implimentati biss dan l-aħħar, l-impatt ġenerali ta’ l-azzjonijiet tiegħu jistgħu biss jitkejlu, iżda, fix-xhur li jmis. Rapport fid-dettall dwar il-progress flimkien ma’ anness statistiku se jkun disponibbli fil-Portal dwar il-Mobilità ta’ l-Impjiegi EURES (eures.europa.eu).

L-importanza tal-mobilità kienet mistennija wkoll li tircievi momentum konsiderevoli fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-Mobilità tal-Ħaddiema 2006. Fl-aħħar tas-Sena, barra mill-valutazzjoni komprensiva ta’ l-azzjonijiet imwettqa taħt l-umbrella tagħha, il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni ta’ kif il-mobilità tista’ tiġi promossa aktar fil-kuntest ta’ l-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona u se tippreżenta proposti konkreti ta’ segwitu f’dan il-qasam fl-2007.

KUNTEST POLITIKU PASSAT U PREżENT

Iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-ħaddiema hija dritt għaċ-ċittadini kollha UE/EEA[5] u bħala tali wieħed mill-prinċipji fondamentali rikonoxxut mit-Trattat. Flimkien ma’ ekonomiji oħrajn, il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni dejjem akbar biex b’mod xieraq iwieġbu għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. F’dan il-kuntest, it-titjib ġenerali fil-produttività u r-rati ta’ tiġdid u suq tax-xogħol Ewropew imħaddem sewwa huma meħtieġa biex il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea u l-kondizzjonijiet ta’ għejxien u tax-xogħol taċ-ċittadini tagħha jitjiebu.

L-Unjoni Ewropea ta’ wara t-tkabbir għada għaddejja minn esperjenza ta’ nuqqas kbir ta’ ugwaljanza bejn ir-reġjuni. Għad hemm reġjuni b'nuqqas ta' ħiliet u problemi li joħonqu l-moviment tan-nies u qgħad baxx li jeżistu spalla ma’ spalla ma’ reġjuni li għandhom ħiliet żejda u qgħad għoli. In-nuqqas ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol x’aktarx li jiżdied minħabba t-tibdil demografiku fis-snin li ġejjin. Id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol mistenni li jonqos bil-mod hekk kif għadd kbir ta’ nies li twieldu fi żmien ta’ żieda kbira fil-wild se jkunu sostitwiti b’mod parzjali biss bid-dħul ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Dan bażikament jispjega għala, wara żieda mbassra ta’ madwar 20 miljun bejn l-2004 u l-2017, il-qgħad mistenni jinżel b’madwar 30 miljun sa l-2050, jiġifieri nuqqas ta’ madwar 10 miljuni tul il-perjodu kollu (2004-2050)[6]. Il-ħtieġa ta’ ħaddiema mobbli b’sengħa għalhekk x’aktarx tiżdied matul is-snin li ġejjin. Din l-evoluzzjoni għandha impatt dirett fuq id-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-migrazzjoni fl-UE ta’ ħaddiema minn partijiet oħra tad-dinja.

Fuq dan l-isfond, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-mobilità baqgħet, bħala medja, baxxa kemm f’termini ta’ impjieg kif ukoll f’termini ġeografiċi. F’dak li għandu x’jaqsma ma’ mobilità minn impjieg għal ieħor, iċ-ċifri ta’ dan l-aħħar juru li 38% tal-ħaddiema ta’ l-UE ilhom fl-istess impjieg għal aktar minn għaxar snin[7]. U t-tul ta’ żmien medju fl-istess impjieg hu stmat li huwa madwar 10.6 snin fl-Ewropa kontra 6.7 snin fl-Stati Uniti[8].

L-istatistika dwar il-mobilità ġeografika hija aktar diffiċli minn hekk li tingħata minħabba l-eteroġeneità tagħha. Is-Servej tal-Forza tax-Xogħol 2005 tqies bħala anqas minn 2% il-perċentwali ta’ cittadini ta’ l-UE li jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor-proporzjon dan li ma nbidilx b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar tletin sena. Dawn iċ-ċifri baxxi dwar il-mobilità ġenerali, li jagħtu x’tifhem li hemm nuqqas ta’ “kultura ta’ mobilità” ġenwina fil-ħaddiema ta’ l-UE, huma waħda mir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħżel l-2006 bħala s-Sena Ewropea għall-Mobilità tal-Ħaddiema.

LEJN SUQ TAX-XOGħOL EWROPEW MIFTUH U AċċESSIBBLI GħAL KULħADD: IL-KONTRIBUT TAL-PJAN TA’ AZZJONI GħALL-ħILIET U L-MOBILITÀ

It-tkabbir tal-mobilità tax-xogħol u l-ħiliet

F’dak li għandu x’jaqsam mal-mobilità tax-xogħol, wieħed mill-istrumenti ewlenin biex jitqies il-progress kienet l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ sensiela ta’ kriterji ta’ tqabbil li jridu jintlaħqu sa l-2010.

Fir-rigward ta’ l-objettiv biex jogħlew il-livelli edukattivi u jonqsu n-numri ta’ dawk li jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki formali, il-Kunsill adotta tliet kriterji ta’ tqabbil Ewropej f’Mejju 2003. L-ewwel jipprovdi li, sa l-2010, għandha tintlaħaq rata medja ta’ l-UE ta’ mhux aktar minn 10% ta’ min jitlaq mill-iskola kmieni. B’medja UE-25 nieżla minn 16.6% fl-2002 għal 15.6%[9] fl-2004, wieħed jinnota pass minn tal-bidu ’il quddiem.

Iż-żewġ kriterji ta’ tqabbil l-oħra huma maħsuba biex itejbu l-qagħda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-edukazzjoni sekondarja ogħla: ta’ l-inqas 85% ta’ dawk li għandhom bejn 20 u 24 sena fl-UE suppost li jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja ogħla sa l-2010 (il-medja UE-25 s’issa żdiedet bi ftit biss minn 76.5% fl-2002 sa 76.7% fl-2004); u l-perċentwali ta’ dawk li għandhom 15-il sena b’nuqqas ta’ ħila fil-qari suppost li jonqos ta’ l-anqas b'20% sa l-aħħar ta’ l-2010[10].

Fir-rigward tal-prijorità li jiżdied l-interess taż-żgħażagħ fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija l-Kunsill adotta f’Mejju 2003 kriterju ta’ tqabbil speċifiku billi stqarr li l-għadd totali ta’ gradwati f’dawn l-oqsma għandu jiżdied ta’ l-anqas bi 15% sa l-2010 filwaqt li fl-istess ħin il-livell ta’ nuqqas ta’ bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel għandu jonqos. Ir-riżultati madwar dan il-kriterju ta’ tqabbil huma pożittivi, kif jidher miż-żieda sostanzjali fl-għadd ta’ gradwati. Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, ħadet għadd ta’ miżuri f’dan il-qasam, bħat-tnedija ta’ “L-Inizjattiva għar-Riċerkaturi fl-Ewropa” fl-2005, bl-għan li tnebbaħ lill-pubbliku dwar ir-rwol tar-riċerkaturi fis-soċjetà, filwaqt li tiġbed aktar nies lejn karrieri fir-riċerka xjentifika u żżewwaq id-dehra sabiħa ta’ l-UE biex tiġbed riċerkaturi mid-dinja kollha[11]. Ġew organizzati “Lejliet għar-Riċerkaturi Ewropej” fl-2005 u l-2006 li kienu jinvolvu medda wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ tnebbiħ għan-nies. L-għajnuna għat-taħriġ tar-riċerkaturi fl-Ewropa wkoll ingħatat spinta ’l quddiem b’żieda sinifikanti fin-nefqa ta’ l- Azzjonijiet Marie Curie fis-6 Programm Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija, jiġifieri 1,58 biljun € għall-2000 – 2006, żieda ta’ madwar 70% kif imqabbla mal-programm qafas ta’ qabel dan. Il-karriera ta’ riċerkatur ingħatat spinta ’l quddiem ukoll bl-approvazzjoni tal-Kunsill tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni[12] dwar L-Istatut Ewropew għar-Riċerkaturi u Kodiċi ta’ Mġieba għar-Reklutaġġ ta’ Riċerkaturi f’April 2005. S’issa, aktar minn 100 organizzazzjoni ta’ riċerka Ewropea impenjaw irwieħhom li jħaddnu l-prinċipji ta’ l-Istatut u l-Kodiċi.

L-Istqarrija ta’ Copenhagen ta’ Novembru 2002 waqqfet prijoritajiet għal kooperazzjoni mtejba fl- edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET Vocational Education and Training), biex jitjiebu l-fiduċja reċiproka, it-trasparenza u l-għarfien tal-kwalifiki u l-kompetenzi, bħala mezz ta’ għajnuna għal aktar mobilità u faċilitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Dawn il-prijoritajiet issa huma stabbiliti sewwa fi ħdan il-programm ta’ ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010.

Fir-rigward tal-validazzjoni tat-tagħlim non-formali, informali u formali, ġie adottat sett ta’ prinċipji komuni mill-Kunsill Ewropew f’Mejju 2004, u ġie ffinalizzat Inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni, li pprovda bażi għal tagħlim reċiproku u skambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri [13]fl-2004.

Fil-qasam tat- trasparenza u t-trasferibilità tal-kwalifiki, il-qafas uniku għat-trasparenza ta’ kwalifiki u kompetenzi – l-Ewropass – ġie mniedi fi Frar 2005. Permezz ta’ portal Ewropew ta’ l-Internet u netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali Ewropass, l-Ewropass tqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini portafoll ikkoordinat ta’ dokumenti dwar it-trasparenza. Filwaqt li joffri strumenti li l-aktar jintużaw minn dawk li qiegħdin ifittxu x-xogħol, dan il-portal huwa marbut mill-qrib mal-Portal EURES dwar il-Mobilità tax-Xogħol, u qed tiġi żviluppata sinerġija bejn iż-żewġ strumenti.

Bħala tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ Marzu 2005, saret konsultazzjoni pubblika dwar proposta għal Qafas ta’ Kwalifiki Ewropew (EQF European Qualifications Framework), li se jgħin fl- għarfien ta’ kwalifiki edukattivi u kompetenzi fi professjonijiet mhux regolati. L-istrument huwa maħsub bħala punt ta’ referenza komuni għat-tnaqqis ta’ xkil fil-kooperazzjoni u t-titjib ta’ komunikazzjoni bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ f’sistemi differenti u bejn l-awtoritajiet f’pajjiżi differenti. It-trasparenza u t-trasferibilità tal-kwalifiki tjiebet bħala konsegwenza biex b’hekk sar possibbli li jitqabblu r-riżultati differenti ta’ tagħlim taċ-ċittadini bħala individwi u permezz ta’ dan jiġu ffaċilitati t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità tax-xogħol. Huwa mistenni li tiġi adottata Rakkomandazzjoni f’dan il-qasam mill-Kunsill u l-Parlament fl-2007.

Bħala appoġġ għall-EQF, qed isseħħ ħidma dwar il-garanzija tal-kwalità, pereżempju l-Qafas Komuni dwar il-Garanzija tal-Kwalità għall-VET, u konsultazzjoni pubblika dwar l-ECVET – sistema ta’ akkumulu u trasferiment ta’ punti fil-VET-ser tiġi mnedija fil-15 ta' Settembru 2006.

Fil-qasam ta’ l-ICT (Information and Communication Technology), il-Kummissjoni waqqfet Forum e-Ħiliet Ewropew [14] f’Marzu 2003 biex tħeġġeġ id-djalogu fost il-partijiet interessati rilevanti dwar l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda fl-ICT u l-e-kummerċ (e-ħiliet) kif ukoll il-kwalifiki tagħhom relatati mas-settur ICT. Il-Forum ipproduċa rapport sinteżi f’Settembru 2004 bl-isem ta’ “e-Ħiliet fl-Ewropa: Lejn l-2010 u Lilhinn”, li jidentifika l-azzjonijiet konkreti u jagħmel sejha għall-promozzjoni ta' sħubiji bejn il-partijiet interessati ( multi - stakeholder) biex dawn jiġu implimentati[15]. B’mod partikolari, sar progress fl-2005 lejn l-iżvilupp ta’ Meta-Qafas dwar il-ħiliet ICT Ewropew għall-promozzjoni ta' għarfien aħjar fi ħdan l-Unjoni Ewropew dwar in-natura u l-istruttura tal-ħiliet tal-professjonijsti ICT meħtieġa minn dawk li joffru x-xogħol[16]. Fuq livell aktar ġenerali, l-azzjoni ta’ l-edukazzjoni diġitali tal-programm e-tagħlim b’mod speċifiku indirizzat kwistjonijiet marbuta mal-firda diġitali. U fi ħdan l-Aġenda ta’ Liżbona mġedda, l-inizjattiva i-2010 identifikat l-Edukazzjoni Diġitali bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għal azzjoni politika fil-qasam tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, saru sforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ kontinwu. Ir-rapport interim konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” ta’ Marzu 2004, filwaqt li enfażizza l-progress inizjali, għamel seħja lill-Istati Membri biex iħaffu l-isforzi tagħhom lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Din il-kwistjoni kienet ta’ prijorità għolja fl-Istrateġija Ewropea riveduta għall-Impjieg, bl-appoġġ ta’ l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2004 tennew il-ħtieġa li dawn l-istrateġiji jiksbu posthom sa l-2006. S’issa, sar progress b’mod essenzjali permezz ta’ l-adozzjoni ta’ kriterju ta’ tqabbil mill-Kunsill, li jistqarr li l-livell medju ta’ l-UE ta’ parteċipazzjoni fi skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja għandu jitla għal 12.5% tal-popolazzjoni adulta fix-xogħol sa l-2010. Fl-2004 il-parteċipazzjoni medja ta’ l-UE-25 nstab li kienet 10,3% filwaqt li fl-2002 kienet 7,9%[17]. L-imsieħba soċjali adottaw qafas komuni ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja ta’ kompetenzi u kwalifiki f’Marzu 2002 u jtellgħu rapport kull sena dwar l-azzjonijiet meħuda.

L-iffaċilitar tal-mobilità ġeografika

Filwaqt li għadd ta’ problemi prattiċi għad għandhom impatt konsiderevoli fuq id-deċiżjoni ta’ min jidħol għal esperjenza ta’ mobilità f’pajjiż jew reġjun ieħor (regolamenti tas-suq tad-djar, xkiel lingwistiku u kulturali, nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ għajnuna li jiffaċilitaw it-tluq lura ta’ min huwa mobbli lejn artu), waħda mill-kisbiet l-aktar fid-deher matul il-medda ta’ żmien tal-Pjan ta’ Azzjoni kienet l-introduzzjoni tal- Karta Ewropea ta’ l-Assikurazzjoni fuq is-Saħħa. Ir-regolament 631/2004 li għandu l-għan li jiffaċilita d-dħul tal-Karta billi jġib fl-linja waħda d-drittijiet fuq benefiċċji mhux fi ħlas tal-kategoriji kollha ta’ min huwa assigurat u jissemplifika l-proċeduri ġie adottat f’Marzu 2004. Il-Karta, li bħalissa qed tintuża minn aktar minn 50 miljun ċittadin, ġiet introdotta fil-pajjiżi kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006.

Il- koordinazzjoni ta’ l-Iskemi tas-Sigurtà Soċjali tjiebet permezz tas-semplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tar-Regolament 1408/71 permezz tar-Regolament il-ġdid 883/2004. Dan ta’ l-aħħar fih għadd ta’ dispożizzjonijiet ewlenin għall-promozzjoni tal-mobilità u t-titjib tal-livelli ta’ ħarsien għall-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom, bħal: il-possibilità li jiġi estiż minn 3 xhur għal 6 xhur il-perjodu li fih il-migrant jista’ ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor; il-possibilità li jiġu esportati l-benefiċċji ta’ qabel il-pensjoni; il-possibilità għall-ħaddiema bla xogħol fuq il-fruntiera li jfittxu impjieg fl-Istat Membru fejn qabel kienu qed jaħdmu billi jżommu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji tal-qgħad fl-Istat Membru ta’ residenza; u titjib sinifikanti fil-ħarsien tal-kura tas-saħħa għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera billi jingħatalhom mhux biss id-dritt tal-kura tas-saħħa fl-Istat Membru ta’ residenza iżda wkoll fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

Il-proċess ta’ titjib ta’ l- għarfien tal-kwalifiki professjonali għall-professjonijiet regolati wassal ukoll għal riżultati sinifikanti bl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE f’Settembru 2005. Id-Direttiva l-ġdida tintegra ħmistax-il Direttiva f’qafas wieħed filwaqt li tirrispetta l-garanziji eżistenti għall-migranti. Tintroduċi għad ta’ tibdiliet, fosthom aktar faċilitazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri għall-professjonijiet regolati li huwa element essenzjali ta’ l-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi. Toffri wkoll l-opportunità li jinkiseb aktar għarfien awtomatiku tal-kwalifiki fuq bażi ta’ pjattaformi komuni, flessibilità mtejba fil-proċeduri u aktar direzzjoni għaċ-ċittadini f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għarfien tal-kwalifiki professjonali tagħhom.

Il-promozzjoni tat-tagħlim transnazzjonali fi Stati Membri oħra huwa komponent essenzjali tal-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni & Taħriġ 2010”. Wara s-sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ strateġia politika ta’ l-2003 dwar l-aċċess għall-mobilità u l-ftuħ ta’ l-Europa għal dinja usa’, il-Kummissjoni ħejjiet rakkomandazzjoni oħra tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2005 dwar il-mobilità transnazzjonali fi ħdan l-UE għal skopijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ. Ir-rakkomandazzjoni tistieden l-Istati Membri jadottaw l-Istatut Ewropew għall-Kwalità fil-Mobilità , li jistabbilixxi sett ta’ prinċipji fil-qasam tal-mobilità għal skopijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. L-Istatut huwa intiż li jsir strument ta’ referenza biex jgħin fiż-żieda ta’ l-iskambji, jiżviluppa l-għarfien ta’ perjodi ta’ studju f’pajjiżi oħra u jistabbilixxi fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet, l-għaqdiet u l-partijiet kollha interessati fil-mobilità.

Għal dak li għandu x’jaqsam mat- trasferibilità ta’ pensjonijiet supplimentari , il-Kummissjoni adottat fl-20 ta’ Ottubru 2005 Direttiva[18] bl-għan li tnaqqas l-ostakoli għall-mobilità fi ħdan u bejn l-Istati Membri kkawżati minn dispożizzjonijiet dwar skemi eżistenti ta’ pensjonijiet supplementari. L-ostakoli rreferew b’mod partikolari għall-kondizzjonijiet ta’ ksib tad-drittijiet ta’ pensjoni, il-kondizzjonijiet ta’ preżervazzjoni ta’ drittijiet ta’ pensjoni mhux attivi, kif ukoll it-trasferibilità ta’ drittijiet miksuba. Il-proposta tikkomplementa l-acquis tal-Komunità fil-qasam tal-pensjonijiet supplementari bħad-Direttiva 98/49/KE dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom li jgħaddu minn pajjiż għall-ieħor fi ħdan l-UE, u d-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ l-irtirar okkupazzjonali.

Fil-qasam tar-riċerka, ġew adottati f’Settembru u Ottubru 2005 Direttiva dwar proċedura speċifika rigward id-dħul ta’ riċerkaturi minn pajjiżi terzi u żewġ Rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-faċilitazzjoni tad-dħul, u l-ħruġ ta’ viża għal żmien qasir għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE.[19]

Fl-aħħar nett, f’dak li għandu x'jaqsam mal-prijorità ta' l-iżvilupp ta' politika ta' immigrazzjoni ma' l-UE kollha, il-Kummissjoni adottat f’Ġunju 2003 Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni, l-Integrazzjoni u l-Impjieg, bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere biex tiġi żviluppata politika ta’ integrazzjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tkopri wkoll kwistjonijiet marbuta ma’ l-impjiegi. Ir-regolament 859/2003, li jestendi id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1408/71 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti b’mod legali, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2003. Dan l-istrument ġie segwit fid-29 ta’ April 2004 mill-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ l-UE u l-membri tal-familja li jiċċaqilqu u jistabbilixxu darhom b'mod ħieles fi ħdan it-territorju ta' l-Istati Membri. Id-Direttiva tifformula mill-ġdid u tissemplifika l-istrumenti differenti tal-Komunità li jeżistu dwar id-dritt ta’ dħul u residenza ta’ ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, studenti, persuni irtirati u persuni oħra mhux attivi. Skond id-Direttiva, iċ-ċittadini ta’ l-UE m’għandomx aktar għalfejn jiksbu karta ta’ residenza (sempliċi reġistrazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti tkun biżżejjed jekk l-Istat Membru li jkun qed jospita jikkunsidraha meħtieġa). Iċ-ċittadini ta’ l-UE jiksbu wkoll dritt permanenti ta’ residenza fl-Istat Membru li jospita wara 5 snin ta’ residenza kontinwa, li ma tkunx aktar soġġetta għal kondizzjonijiet. Ġie mħeġġeġ aktar il-progress ġenerali għall-iżvilupp ta’ politika komuni dwar il-migrazzjoni ekonomika għal fini ta’ xogħol fl-aħħar ta’ l-2004, bl-adozzjoni tal-programm ta’ The Hague. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni adottat f’Jannar 2005 [20] Green Paper dwar l-approċċ ta’ l-UE fit-treġija tal-migrazzjoni ekonomika u organizzat Seduta Pubblika f’Ġunju 2005 biex tikkonsulta l-partijiet interessati. Bħala segwitu u fuq talba tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ strateġija politika dwar il-migrazzjoni legali f'Diċembru 2005, li jkopri l-kwistjoni tal-migrazzjoni ekonomika[21].

It-titjib tat-tagħrif u t-trasparenza ta' l-opportunitajiet ta' impjieg

Sabiex tiżgura tagħrif aħjar u aktar trasparenza ta’ opportunitajiet ta’ impjieg fl-Ewropa, il-Kummissjoni nidiet f’Settembru 2003 il- Portal ta' Tagħrif dwar il-Mobilità fl-Impjieg EURES bl-objettiv li tipprovdi aċċess għall-impjiegi disponibbli ma’ l-Ewropa kollha. L-EURES tgħaqqad flimkien is-Servizzi ta’ Impjieg Pubbliku ta’ l-Istati Membri ma’ imsieħba bħall-għaqdiet ta’ minn iħaddem u dawk trejdjunjonistiċi. It-tnedija tal-Portal tejbet u ssemplifikat b’mod sostanzjali l-aċċess ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem għal tagħrif prattiku dwar mistoqsijiet marbuta mal-mobilità minħabba ix-xogħol. B'aktar minn 500,000 viżitatur uniku fix-xahar, l-EURES saret waħda mill-websajts tal-Kummissjoni l-aktar li jżuruha nies. Sa kmieni fl-2006, aktar estensjonijiet tal-Portal ippermettew liċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess dirett permezz ta’ pjattaforma IT komuni, għall-impjiegi vaganti kollha ppubblikati mis-Servizzi għall-Impjieg Pubbliku, jiġifieri madwar miljun impjieg vaganti f’kull ħin partikolari. Il-Portal huwa marbut mal-portal PLOTEUS li jittratta dwar opportunitajiet ta’ tagħlim biex jiffaċilita l-mobilità għall-finijiet ta’ tagħlim[22].

L-EURES żviluppat ukoll links ma’ fornituri oħra rilevanti tat-tagħrif, b’mod partikolari l-ERACAREERS, il-portal dwar il-Mobilità tar-Riċerkaturi Ewropej [23], li għandha l-għan li toħloq ambjent aktar favorevoli għal opportunitajiet ta’ żvilupp ta’ karriera għar-riċerkaturi fi ħdan iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea. Il-portal joffri reklamar dirett mingħajr ħlas ta’ impjiegi fil-qasam tar-riċerka u t-tqegħid tas-CVs. Barra mis-servizzi pprovduti mill-Portal, ir-riċerkaturi u l-familji tagħhom mill-2004 għandhom aċċess għal servizz ta’ għajnuna personalizzata permezz ta’ l- ERA-MORE, netwerk ta’ 200 ċentru għall-mobilità li jinsabu fi 32 pajjiż.

Żvilupp ieħor sinifikanti li jirrigwarda t-tagħrif hija t-tnedija, fi Frar 2005, tal- Your Europe Portal. Il-portal joffri tagħrif prattiku u opportunitajiet liċ-ċittadini Ewropej li jixtiequ jaħdmu jew jistudjaw f’pajjiż ieħor ta’ l-UE, jew lin-negozjanti Ewropej li jridu jiċċaqilqu jew jiftħu fergħa ġdida fi Stat Membru ieħor ta’ l-UE. Matul Marzu 2006, il-Portal kellu 1,286,301 żjara u 189,963 viżitatur uniku.

L-ISFIDI TAL-ġEJJIENI

Evalwazzjoni ġenerali tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità turi li għadd ta’ żviluppi sinifikanti ngħataw bidu, b’mod ġenerali, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-25 azzjoni ta’ prijorità. Jeħtieġ madankollu li din l-istampa tkun ibbilanċjata mill-fatt illi bosta Ewropej għad m’għandomx għarfien jew mhumiex konvinti dwar id-drittijiet, il-kondizzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ tibdil okkupazzjonali u ġeografiku.

Fid-dawl ta’ l-iżviluppi hawn fuq imsemmija u l-iżviluppi mistennija li jseħħu bis-saħħa tas-Sena Ewropea għall-Mobilità tal-Ħaddiema 2006, il-Kummissjoni se tħejji inizjattivi ġodda fl-2007. Dak li ħareġ mir-rapport preżenti jindika għadd ta’ oqsma b’potenzjal ta’ segwitu.

- Fil-qasam tat- tagħlim tul il-ħajja, jeħtieġ li bi tħabrik isiru sforzi sabiex jiġu żviluppati strateġiji koerenti u komprensivi miftuħa għal kullħadd fl-iskejjel, fil-postijiet kummerċjali, awtoritajiet pubbliċi u d-djar. Kif meħtieġ mill-Linjagwida n°23 dwar l-Impjieg u l-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità f’Lulju 2005, l-implimentazzjoni għandha tkun promossa permezz ta’ inċentivi xierqa u mekkaniżmi biex jinqasmu l-ispejjeż. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jtejbu l-adattabilità u l-flessibilità tal-forza tax-xogħol Ewropea sabiex ikun hemm reazzjoni aħjar għat-tibdil fis-suq tax-xogħol Ewropew u b’dan isir kontribut għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar.[24]

- Dwar il- Ħiliet ICT huwa importanti li jsir aktar investiment fil-vantaġġi kompetittivi u komparattivi essenzjali ta’ l-UE kif ukoll li ssir rabta mat-tagħrif ta’ fatti fit-tahdit dwar il-kwistjonijiet li hemm fin-nofs. Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Ewropew dwar il-Ħiliet fl-Elettronika, sensiela ta’ azzjonijiet inbdiet mill-Kummissjoni fl-aħħar ta’ l-2005 sabiex tingħata stampa aktar ċara tal-provvista u t-talba għall-ħiliet fl-Elettronika[25], jiġu żviluppati xenarji ta’ previżjoni (2005-2015) biex l-evoluzzjoni tat-talba titbassar aħjar, l-istrateġiji politiċi u l-inizjattivi favur it-tagħlim fl-elettronika għall-impriżi jitkejlu kontra ċerti kriterji, u jiġi studjat l-iżvilupp possibbli ta’ portal Ewropew dwar il-ħiliet ICT u l-karrieri b’kooperazzjoni ma’ l-industrija u l-imsieħba soċjali.

- It-tisħiħ ta’ l-isforzi biex jitneħħew l-ostakoli ġuridiċi, amministrattivi u kulturali għall-mobilità hija ħidma aktar globali fejn l-isforzi jeħtieġ li jitħeġġu jekk irridu niksbu l-għan ġenerali li jinħoloq suq tax-xogħol Ewropew. L-inizjattivi li hemm bħalissa fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, it-trasferibilità tad-drittijiet tal-pensjoni jew dik tal-kwalifiki għall-professjonijiet mhux regolati jeħtieġ li jiġu implimentati fis-sħiħ u, fejn meħtieġ, jitkomplew sabiex jinħoloq ambjent fejn il-mobilità ġeografika u okkupazzjonali jiġu kkunsidrati bħala komponent normali ta’ karriera. Jeħtieġ ukoll li jinkixfu oqsma ġodda ta’ investigazzjoni : il-ħiliet fl-ilsna, il-ħtieġa li jingħata taħriġ xieraq qabel il-mobilità u d-diffikultà li jinstab impjieg għas-sieħeb/sieħba jew ir-raġel/il-mara ta’ ħaddiema mobbli, pereżempju, instabu li huma wħud mill-ostakoli ewlenin għall-mobilità okkupazzjonali u ġeografika fl-Ewropa. Dawn l-objettivi jaqblu perfettament ma’ l-approċċ globali l-ġdid imressaq mill-Kummissjoni fir-Rapport Annwali dwar il-Progress 2006, li jagħmel seħja għal sħubija ġdida bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jilqgħu l-isfidi globali ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar[26].

- Fl-aħħar nett, il-migrazzjoni ekonomika, jekk tkun amministrata sewwa, għandha titqies bħala vantaġġ ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ l-Ewropa u l-kompetittività ta’ l-impriżi ta’ l-UE. Fid-dawl tal-kriżi demografika mistennija u t-tnaqqis ipproġettat fil-livelli ta’ l-impjieg, il-migrazzjoni amministrata sewwa tirrappreżenta strument addizzjonali kruċjali biex jintlaħqu t-talbiet tas-suq tax-xogħol u jkun sostnut it-tkabbir ekonomiku.

F’konformità mal-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità u l-Linjigwida ġodda ta’ l-Impjieg (2005-2008), approċċ aktar integrat għall-mobilità jidher għalhekk meħtieġ sabiex tiġi żviluppata aktar il-mobilità mhux biss bħala strument biex jinħoloq ix-xogħol, iżda bħala mezz ta’ tħeġġiġ ta’ l-iżvilupp personali ta’ l-individwu f’perspettiva ta’ tagħlim għal tul il-ħajja.

[1] COM(2002) 72 finali

[2] Servizzi ta’ Impjieg EURopej, eures. europa.eu

[3] COM(2005) 330 finali

[4] COM(2004) 66 finali

[5] It-trattat ta’ Adeżjoni 2003 jikkonċedi madankollu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta' tranżizzjoni li jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-ħaddiema lejn u minn tmienja mill-Istati Membri l-ġodda għal perjodu massimu ta’ seba’ snin. . Għal aktar dettalji: http://europa.eu.int/comm/employment_social/free_movement/docs_en.htm

[6] Rapport Speċjali Nru 4 dwar l-Ekonomija Ewropea , Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u finanzjarji,http://europa.eu.int/comm/economy_finance/publications/european_economy/2005/eesp405en.pdf

[7] Ewrostat, Servej tal-Forza tax-Xogħol, 2005

[8] CEPS, Ċentru għall-Istudji dwar il-Politika Ewropea, Aġenda Ewropea Ġdida għall-Mobilità fix-Xogħol, April 2004

[9] Ewrostat, Servej tal-Forza tax-Xogħol, 14.06.2005

[10] Skond is-servej PISA 2004 dwar il-ħila fil-qari, il-Finlandja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Awstrija, l-Iżvezja u r-Renju Unit kellhom anqas minn 15% ta’ dawk li għandhom 15-il sena li nstabu batuti, filwaqt li l-proporzjon baqa’ ogħla minn 20% fil-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu u l-Portugall (Servej PISA 2004 dwar il-ħila fil-qari, OJE 2004/C 104/01)

[11] http://europa.eu.int/comm/research/researchersineurope

[12] ĠU L75/67 tat-22 ta’ Marzu 2005 (2005/251/EC) jew http/europa.eu.int/eracareers/europeancharter

[13] www.ecotec.com/europeaninventory

[14] http://europa.eu.int/comm/enterprise/ict/policy/ict-skills.htm

[15] www.eskills2004.org

[16] http://www.cenorm.be/cenorm/businessdomains/businessdomains/isss/activity/wsict-skills.asp

[17] Ewrostat, Servej tal-Forza tax-Xogħol, 14.06.2005

[18] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni supplimentari, COM(2005) 507 finali

[19] Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika; Rakkomandazzjoni 2005/761/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viża uniformi mill-Istati Membri għal żmien qasir għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità għall-finijiet ta’ twettiq ta’ riċerka xjentifika; Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/762/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 biex tiġi ffaċilitata l-ammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi biex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea, kollha ppubblikati fil-ĠU 1289 tat-3.12.2005.

[20] Green Paper dwar l-Approċċ ta’ l-UE fit-Treġija tal-Migrazzjoni Ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea, 11.01.2005, COM(2004) 811 finali

[21] COM(2005) 669 final tas-12 ta' Diċembru 2005.

[22] http://europa.eu.int/ploteus

[23] http://europa.eu.int/eracareers/

[24] Dwar l-isfidi tal-ġejjieni għall-ħiliet u l-mobilità fil-kuntest ta’ l-Istarteġija ta’ Liżbona, ara r-Rapport Annwali dwar il-Progress 2006 tal-Kummissjoni (COM(2006) 30 finali tal-25 ta’ Jannar 2006, u b’mod aktar partikolari l-Azzjoni 3.1. “Aktar investiment fl-Għarfien u l-innovazzjoni”

[25] “Il-Provvista u t-Talba tal-Ħiliet fl-Elettronika fl-Ewropa”, RAND Ewropa, Settembru 2005

[26] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Żmien li nħaffu l-pass", COM(2006)30 finali.