52007DC0003

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW IR-RAPPORT TA' L-2005 DWAR IL-PHARE, L-ISTRUMENTI TA' QABEL L-ADEŻJONI U TRANŻIZZJONI {SEG(2007) 11}


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.1.2007

KUMM(2007) 3 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

IR-RAPPORT TA' L-2005 DWAR IL-PHARE, L-ISTRUMENTI TA' QABEL L-ADEŻJONI U TRANŻIZZJONI {SEG(2007) 11}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

IR-RAPPORT TA' L-2005 DWAR IL-PHARE, L-ISTRUMENTI TA' QABEL L-ADEŻJONI U TRANŻIZZJONI

Introduzzjoni

Flimkien maż-żewġ strumenti l-oħra finanzjati mill-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri l-ISPA (l-Istrument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni) u s-SAPARD (Programm Speċjali ta' l-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali), il-Programm PHARE għandu l-għan li jassisti l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi ta' l-adeżjoni fil-preparazzjonijiet tagħhom biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Fl-2005, wara l-adeżjoni ta' l-10 Stati Membri ġodda, il-Bulgarija u r-Rumanija komplew jibbenefikaw mit-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni u wara l-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2004, kienet preparata wkoll strateġija ta' qabel l-adeżjoni għall-Kroazja; ir-regolamenti rispettivi kienu susssegwentement emendati u diġà kienu assenjati krediti fil-baġit għall-PHARE u l-ISPA fl-2005 u għas-SAPARD bdew fl-2006. It-Turkija baqgħet tirċievi appoġġ skond l-istrument ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni proprja tagħha.

L-għanijiet ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni tal-PHARE huma li jassistu lill-pajjiżi kandidati u ta' l-adeżjoni fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-amministrazzjonijiet u l-istuzzjonijiet pubbliċi tagħhom biex jiffunzjonaw b'mod effettiv fl-Unjoni Ewropea, biex jippromovu l-konverġenza mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, biex inaqqsu l-bżonn tal-perjodi tranżitorji u biex jippromovu l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (ESC).

L-ipprogrammar kien ibbażat fuq il-Linji ta' Gwida tal-PHARE li kienu riveduti fl-2004 sabiex jakkumpanjaw aktar l-allineament tar-Regolament dwar il- Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri (CBC) ma' l-INTERREG, jakkomodaw l-approċċ uniku meħtieġ fil-qasam tas-sigurtà nukleari u jenfasizzaw it-tranżizzjoni għas-Sistema ta' Implimentazzjoni ta' Deċentralizzazzjoni Estiża. (EDIS). L-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni għat-Turkija b'mod ġenerali rriflettew il-proċeduri u l-kontenuti ta' l-appoġġ tal-PHARE. Sabiex tipprepara għall-approċċ deċentralizzat tal-ġestjoni tal-programm stabbilit skond il-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-intensifikazzjoni ta' l-appoġġ lill-Bulgarija u r-Rumanija biex jippermettu transferiment ieħor tar-resposnabbiltà għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi PHARE lill-awtoritajiet nazzjonali.

Dan ir-rapport fih ukoll informazzjoni dwar il-Faċilità ta' tranżizzjoni għall-Istati Membri l-ġodda li kienet introdotta biex tippermetti għall-kontinwazzjoni ta' l-appoġġ għall-bini ta' l-istituzzjonijiet bil-ħsieb li tissaħħaħ u tkun konsolidata l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva biex ikun implimentat l- acquis communautaire. L-ipprogrammar huwa bbażat fuq il-bżonnijiet identifikati fir-Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv tal-Kummissjoni (Novembru 2003).

1. IS-SENA MISTħARRġA

1.1. Evoluzzjonijiet ewlenin tal-Proċess tat-Tkabbir fl-2005

Fl-2005 kien iffirmat it-Trattat ta' l-Adeżjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija u l-UE ppreparat il-bażi għat-tkabbir futur. Bdew in-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija u l-Kroazja, ingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u Ssaħħet ir-relazzjoni tagħha mal-Balkani tal-Punent l-oħra.

It-Trattat ta' l-Adeżjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija kien iffirmat fil-25 ta' April u r-ratifika bdiet fl-2005. Rapporti Komprensivi ta' Monitoraġġ dwar il-Bulgarija u r-Rumanija, li segwew mill-qrib il-preparazzjonijiet tal-pajjiżi għall-adeżjoni matul is-sena, inħarġu mill-Kummissjoni f'Ottubru 2005.

F'Novembru 2005, il-Kummissjoni ppreżentat Dokument dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir ibbażat fuq tliet prinċipji: Il-konsolidament ta' l-impenji eżistenti li japplikaw kondizzjonijiet ġusti u stretti u titjib fil-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet strateġija ta' adeżjoni għat-Turkija u l-Kroazja u fasslet il-passi neċessarji biex tkun realizzata l-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent.

L-UE fetħet negożjati ta' adeżjoni mat-Turkija u l-Kroazja fit-3 ta' Ottubru 2005. F'Ottubru 2005, l-"iskrining" ta' l- acquis beda mar-rappreżentanti taż-żewġ pajjiżi. Il-Kummissjoni kompliet issegwi l-proċess ta' adeżjoni taż-żewġ pajjiżi u ppreżentat Rapporti ta' progress u Partenarjati ta' Adeżjoni riveduti dwar it-tnjen li huma f'Novembru 2005. Parallelement, il-Kummissjoni implimentat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) mal-Kroazja li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2005 kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mat-Turkija.

F'Novembru 2005 il-Kummissjoni adottat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għas-sħubija mill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru taha l-istatus ta' pajjiż kandidat kif rakkomandat mill-Kummissjoni. Riformi fl-Albanija wittew it-triq għall-konklużjoni ta' SAA. Negozjati dwar SAA mas-Serbja u l-Montenegro nfetħu f'Ottubru 2005 mal-Bosnja u Herzegovina f'Novembru 2005. Rapporti ta' Progress dwar dawn l-aħħar tlieta ħarġu f'Novembru 2005. Fir-rigward tal-Kosovo, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar "Futur Ewropew għall-Kosovo" f'April u ħarġet Rapport ta' Progress f'Novembru.

Il-Kunsill ma wasalx għall-qbil dwar il-proposti tal-Kummissjoni ta' għajnuna u kummerċ ta' l-2004 biex jgħinu lill-Komunità Ċiprijotta Torka. €120 miljun ta' approprjazzjonijiet ta' impenn kellhom ikunu kanċellati fi tmiem l-2005. Il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni biex itejbu r-"Regolament dwar il-Linja l-Ħadra". Dawn l-emendi se jgħinu jiffaċilitaw il-qsim ta' persuni u oġġetti mill-Linja l-Ħadra biex b'hekk jikkontribwixxu lejn l-integrazzjoni tal-gżira.

1.2. Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Kunsill Ewropew ta' l-2005

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussell tas-16-17 ta' Ġunju 2005:

"Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa ta' l-aġenda ta' Thessaloniki li tenfasizza li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea. Itenni li l-progress ta' kull pajjiż lejn l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li tkun ikkunsidrata l-evoluzzjoni ta' l- acquis , tiddependi fuq l-isforzi tiegħu li josserva l-kriterji ta' Kopenħagen u l-kondizzjoni tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni. Barra minn hekk, f'dan il-proċess, il-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin mal-ġirien se jibqgħu l-elementi essenzjali tal-politika ta' l-UE.

Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex tintensifika l-isforzi tagħha in vista ta' l-opinjoni li l-Kummissjoni trid tissottometti dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni fl-UE. Ifaħħar l-isforzi sostanzjali li saru mis-Serbja u l-Montenegro, iħeġġeġiha biex tintensifikahom u jafferma mill-ġdid li l-Unjoni Ewropea tixtieq li tidħol f'negozjati mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tikkonkludi ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni. Itenni d-determinazzjoni tiegħu li jaġixxi bl-istess mod mal-Bosnja u Herzegovina hekk kif il-kondizzjonijet biex isir dan jintlaħqu. Il-Kunsill Ewropew jerġa' jfakkar fl-importanza li jinżammu elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi fl-Albanija skond l-istandards internazzjonali, inkluż fir-reġjuni fejn hemm jgħixu l-minoranzi, fil-kuntest ta' dan il-pajjiż li jixtieq joqrob lejn l-UE.

Lejlet il-kommemorazzjoni ta' l-10 anniversarju tal-massakru ta' Srebreniza, il-Kunsill Ewropew jissottolinea li kooperazzjoni sħiħa u mhux ristretta mill-pajjiżi fir-reġjun mal-ICTY tibqa' ħtieġa essenzjali biex ikompli l-progress lejn l-UE. Jistenna li din il-kooperazzjoni tkompli u tissaħħaħ sakemm dawk kollha akkużati bid-delitti li qed ikomplu jaħarbu l-ġustizzja internazzjonali jinġiebu quddiem it-Tribunal."

Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar il-Kosovo li tfakkar l-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tar-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 dwar il-Kosovo u li titlob il-partijiet biex juru rieda tajba sabiex tinkiseb soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussell tas-15-16 ta' Diċembru 2005:

"Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għal sħubija fl-UE ta' l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Jilqa' l-progress sinifkattiv li sar mill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex tissodisfa l-kriterji politiċi ffissati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-ħtiġiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbiliti mill-Kunsill fl-1997.

Fid-dawl ta' l-analiżi tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-waqt li jkun ikkunsidrat b'mod partikulari, il-progress sostanzjali li sar biex jitlesta l-qafas leġiżlattiv relatat mal-Ftehim ta' Qafas Ohrid, kif ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni (inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu relatati mal-kummerċ) sa mill-2001.

Il-Kunsill Ewropew jagħmilha ċara li jridu jitqiesu aktar passi fid-dawl tad-dibattitu dwar l-istrateġija tat-tkabbir, kif provdut mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2005; ta' l-osservanza mill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen; tal-ħtiġijiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; Tal-bżonn għal aktar progress sinifikattiv li jirrispondi għal kwistjonijiet u kriterji oħrajn għal sħubija inklużi fl-Opinjoni tal-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Paternat Ewropew, abbażi ta' livelli minimi. Il-kapaċità ta' assorbiment ta' l-Unjoni kien ikkunsidrat ukoll. Il-Kunsilll Ewropew jistieden il-Kummissjoni li tirraporta dwar l-iżviluppi fir-rapporti ta' progress fil-futur."

2. IPPROGRAMMAR U IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI: ĦARSA ĠENERALI

2.1. PHARE u Pre-Adeżjoni għat-Turkija

Impenji attwali totali ammontaw għal €1178.96 miljun, magħmulin minn:

Programmi Nazzjonali | €921 miljun |

Kooperazzjoni minn naħa għal oħra tal-fruntieri | €80 miljun |

Programmi reġjonali u orizzontali (inklużi TAIEX) | €84.75 miljun |

Sigurtà nukleari | €6.31 miljun |

Iddekummissar fil-Bulgarija – Kozloduy | €50 miljun |

Allokazzjoni supplimentari (għargħar) għall-Bulgarija/ir-Rumanija | €36.9 miljun |

Il-programmi nazzjonali nqasmu kif ġej:

Il-Bulgarija | € 174.9 miljun |

Ir-Rumanija | € 396.9 miljun |

Il-Kroazja | € 71.5 miljun |

It-Turkija | € 277.7 miljun |

Informazzjoni dettaljata dwar il-PHARE I f'kull pajjiż u l-għajnuna finanzjarja ta' Qabel l-Adeżjoni għat-Turkija jistgħu jinstabu fl-Anness – Parti I: Is-sezzjoni tal-pajjiż – f'dan ir-rapport.

2.2. Faċilità ta' Tranżizzjoni

L-għaxar pajjiżi li kienu jirċievu l-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni taħt il-PHARE (jew faċilitajiet speċifiċi ta' qabel l-adeżjoni fil-każijiet ta' Ċipru u Malta) minflok ibbenefikaw għall-ewwel darba fl-2004 minn Faċilità ta' Tranżizzjoni speċjali għall-bini ta' l-istituzzjoni li kellhom l-għan li jippermettu l-Istati Membri ġodda ta' dak iż-żmien li jsaħħu u jikkonsolidaw il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva sabiex jimplimentaw l- acquis communautaire u għalhekk komplew il-miżuri biex jiżviluppaw l-istituzzjonijiet mibdija taħt il-PHARE.

Il-Faċilità ta' Tranżizzjoni nħolqot bl-artikolu 34 ta' l-Att dwar l-Adeżjoni, strument temporanju finanzjarju ta' wara l-adeżjoni. L-ipprogrammar huwa bbażat fuq il-bżonnijiet identifikati fir-Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv tal-Kummissjoni (Novembru 2003). L-artiklu jagħti lista mhux eżawrenti ta' eżempji ta' acquis ewlenin fejn in-nuqqasijiet jistgħu jibqgħu jippersistu, iżda jeskludi kwalunkwe qasam li hu eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Fondi Strutturali. Fil-waqt li tirrifletti l-appoġġ għall-Iżvilupp ta' l-Istituzzjonijiet iffinanzjat minn PHARE, parti minn kull envelopp annwali tal-Faċilità ta' Tranżizzjoni kienet allokata għal ċerti programmi multi-benefiċjarji.

Impenji attwali totali ammontaw għal €128.1 miljun, magħmulin minn:

Programmi Nazzjonali | €116.6 miljun |

Programm multi-pajjiż u orizzontali | €11.5 miljun |

Il-programmi nazzjonali nqasmu kif ġej:

Ċipru | €6.4 miljun |

Ir-Repubblika Ċeka | €11.8 miljun |

L-Estonja | €5.6 miljun |

L-Ungerija | €10.8 miljun |

Malta | €5.9 miljun |

Il-Latvja | €8.8 miljun |

Il-Litwanja | €9.3 miljun |

Il-Polonja | €42.9 miljun |

Is-Slovenja | €5.1 miljun |

Is-Slovakkja | €10.0 miljun |

2.3. Il-Mixja lejn is-Sistema ta' Implimentazzjoni Deċentralizzata Estiża (EDIS)

L-għan tal-Kummissjoni hu li jippermetti l-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna tal-PHARE jiġġestixxu l-fondi tal-Komunità taħt is-sistema deċentralizzata estiża ("EDIS") sabiex jakkwistaw, qabel l-adeżjoni, esperjenza prattika suffiċjenti fil-ġestjoni ta' sistema deċentralizzata bis-sħiħ, u għalhekk tippreparahom biex jiġġestixxu l-fondi strutturali b'mod effettiv ma' l-adeżjoni (f'ambjent ta' maniġment maqsum).

L-aċċettazzjoni mill-Kummissjojni ta' l-aġenziji ta' implimentazzjoni tal-PHARE li joperaw taħt l-EDIS (fuq bażi deċentralizzata bis-sħiħ) tingħata hekk kif juru li għandhom ir-riżorsi, l-istrutturi u s-sistemi xierqa f'posthom għal ġestjoni effettiva u f'waqtha ta' l-għajnuna Komunitajra.

Dwar l-Istati Membri l-ġodda, dawn kollha kienu "akkreditati" bl-EDIS sa tmiem l-ewwel kwart ta' l-2005, biex għalhekk il-Kummissjoni tkun tista' tneħħi l-kontroll ex-ante fuq l-appalti u l-kuntratti għall-programmi tal-PHARE li għaddejjin bħalissa. Il-Kummissjon qiegħda ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar is-sistemi tal-maniġment u l-kontroll li tqajmu skond il-verifiki tal-Kummissjoni li saru fl-2003 u fl-2004.

Dwar il-Bulgarija u r-Rumanija, l-għajnuna tal-PHARE bħalissa għadha implimentata f'mod deċentralizzat parzjalment, permezz tas-sistema ta' implimentazzjoni deċentralizzata parzjalment ("DIS"), fejn l-awtoritajiet nazzjonali bħala awtoritajiet kuntrattwali huma responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta' implimentazzjoni u ħlas, fil-waqt id-Delegazzjoni tal-KE żżomm il-ħtieġa ta' kontroll ex-ante sistematiku wara kull appaltar u kuntrattar. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali fiż-żewġ pajjiżi jagħrfu r-responsabbiltà tagħhom li jaċċertaw li s-sistemi robusti għall-ġestjoni u l-kontrollar tal-fondi ta' l-UE fl-amministrazzjoni kollha, u jagħmlu aktar progress fil-preparazzjoni tagħhom biex jippreparaw għall-EDIS.

• Fil-Bulgarija, se tkun preżentata applikazzjoni sħiħa għall-akkreditazzjoni ta' l-EDIS wara l-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-Istadju 3 "Valutazzjoni ta' Osservanza" li kien finalizzat f'Marzu 2006. L-akkreditazzjoni kienet skedata għal tmiem l-2006, minkejja li hi mistennija għall-ewwel kwart ta' l-2007.

• Fir-Rumanija, l-awtoritajiet issottomettew applikazzjoni formali li titlob l-EDIS lill-Kummissjoni fi tmiem Diċembru ta' l-2005 (b'verifika fuq il-post mis-servizzi tal-verifika tad-DĠ Tkabbir fit-tieni nofs ta' Marzu ta' l-2006). L-akkreditazzjoni hija mistennija fi tmiem l-2006.

Għall-Kroazja, il-PHARE se jkun implimentat taħt is-sistema ta' implimentazzjoni deċentrallizzata (DIS). Fil-25 ta' Mejju 2005, il-Kroazja ppreżentat talba lill-Kummissjoni għall-akkreditazzjoni tas-sistema tad-DIS tagħha għall-PHARE. Sussegwentement, is-servizzi tal-verifika tad-DĠ għat-Tkabbir tal-Kummissjoni eżaminaw il-kapaċità ta' ġestjoni tal-programm/proġett nazzjonali u settorjali, il-proċeduri ta' kontroll finanzjarju u l-istrutturi li jirrigwardaw il-finanzi pubbliċi fil-Kroazja. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet fi Frar 2006 li tagħti t-tmexxija tal-PHARE fuq bażi deċentralizzata parzjalment lill-organu nominat Kroat fil-Ministeru tal-Finanzi.

It-Turkija resqet lejn DIS (sistema ta' implimentazzjoni deċentralizzata) f'Ottubru 2003 bil-mira indikattiva li tipproċedi bl-EDIS fl-2007.

2.4. Koordinazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja ta' qabel l-adeżjoni

- SAPARD[1] (Programm Speċjali ta' Adeżjoni għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali) għandu l-għan li jgħin pajjiżi kandidati jittrattaw il-problemi ta' l-aġġustament strutturali fis-setturi agrikoli u ż-żoni rurali tagħhom, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' acquis communautaire li jikkonċerna il-PAK (il-Politika Agrikola Komuni) u l-leġiżlazzjoni relatata. Informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet tas-SAPARD jistgħu jinstabu fir-rapport annwali tas-SAPARD. ISPA[2] (l-Istrument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni) hi diretta prinċipalment biex tallinea l-pajjżi applikanti ma' l-istandards Komunitarji ta' l-infrastruttura. Tiffinanza wkoll infrastruttura ewlenija ambjentali u ta' trasport.

- Informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta' l-ISPA jistgħu jinstabu fir-rapport annwali tas-ISPA. Il-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Kummissjoni stabbilit għat-3 strumenti ta' qabel l-adeżjoni, f'livell ta' Direttur, ma kellu l-ebda laqgħa uffiċjali matul l-2005, għalkemm kien hemm numru sinifikattiv ta’ laqgħat b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ l-Istrument il-ġdid ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-komponenti rilevanti tiegħu[3]. Dokument ta' Għajnuna Ġenerali, li permezz tiegħu l-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat ta' Ġestjoni tal-PHARE bil-koordinazzjoni ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fl-2005, kif ukoll bl-għajnuna ppjanata għall-2006, kien ippreżentat lill-Istati Membri fil-Kumitat ta’ Ġestjoni PHARE fid-19 ta’ Mejju 2005. B’mod partikolari, dan id-dokument ippprovda l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għas-sena għal kull pajjiż b'relazzjoni għat-tliet strumenti, l-informazzjoni dwar il-koordinazzjoni ma' l-EIB u l-IFIs u dwar il-progress u l-perspettivi għal ġestjoni deċentralizzata. Rapport annwali separat dwar il-koordinazzjoni ta’ għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni jagħti aktar informazzjoni ddettaljata dwar il-koordinazzjoni bejn il-PHARE, l-ISPA u s-SAPARD.

3. KOORDINAZZJONI MA' L-EIB U L-ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI INTERNAZZJONALI (IFI)

Il-Kummissjoni tikkonsulta l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (“IFIs”) u d-donaturi bilaterali b’mod regolari matul iċ-ċiklu programmatiku, sabiex tiddentifika l-ambitu għall-attivitajiet konġunti u strateġiji kumplimentari li jindirizzaw il-prijoritajiet ta' qabel l-adeżjoni.

Il-kooperazzjoni u l-kofinanzjament ta’ proġetti ma’ l-EIB u l-IFIs l-oħra, b’mod partikolari l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“EBRD”), il-Bank Dinji kif ukoll il-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta’ l-Ewropa (“CEB”), b'kooperazzjoni mal-Kreditanstalt für Wiederaufbau "KfW" Ġermaniż, hija organizzata skond il-Memorandum emendat ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-IFIs li qed jipparteċipaw għall-pajjiżi għat-tkabbir ta’ l-20 ta’ Mejju 2003.

Fil-kuntest ta’ PHARE, il-possibilitajiet ta’ kofinanzjament mill-IFI għall-proġetti ta’ investiment fuq livell programmatiku nazzjonali huma limitati, peress illi l-mekkaniżmi ta’ programmazzjoni għal PHARE kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni għal self huma differenti fl-istima ta' żmien. Madankollu, kooperazzjoni mill-qrib tinżamm ma’ l-IFIs biex tiżgura li qafas għaqli u sostenibbli ikun identifikat li jippermetti l-finanzjar ta’ self, kull meta din tkun aktar xierqa mill-fondi ta' finanzjament sabiex tkun żgurata żieda bejn iż-żewġ mezzi ta’ finanzjament.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-programmi orizzontali ffinanzjati taħt il-PHARE, l-għaxar pajjiżi PHARE kienu eliġibbli qabel l-2005. Il-programmi l-ġodda li ngħataw bidu mill-2005 ikopru 4 pajjiżi biss: Ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Kroazja u t-Turkija. In-natura teknika u l-istrateġija multi-nazzjonali tal-faċilitajiet suċċessivi orizzontali ta’ finanzjament kellhom bżonn l-involviment ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament speċjalizzati sew, b'esperjenza twila fil-finanzi internazzjonali, l-SME kif ukoll l-iżvilupp settorali Muniċipali. Kienu qed ikunu pprivileġġati wkoll istituzzjonijiet finanzjarji li kellhom l-istatus ta' korpi tal-liġi pubblika internazzjonali li kienu jaqblu mal-valuri ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir u kellhom għanijiet simili ta' politika pubblika, aktar minn istituzzjonijiet finanzjarji tas-settur privat għar-riċerka ta' kundizzjonijiet għal investimenti kummerċjali.

L-ewwel programm ta’ faċilità tnieda fl-1999 ma’ l-EBRD. Is-CEB, li jimplimenta l-programm flimkien ma’ KfW, u l-EIB saru parti mill-programmi ta' Faċilità fis-snin ta' wara. Sa mill-1999, 23 programmi ta’ Faċilità ngħataw bidu mill-Kummissjoni.

- 14 SME Faċilitajiet ta’ Finanza li flimkien jagħqdu €323 miljun inċentivi ta’ l-UE u €2,039.25 miljun ta’ linji ta’ kreditu mill-IFIs. Sa mit-tmiem ta’ Frar 2006, €267 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE huma diġà mmirati għal proġetti.

- 9 Faċilitajiet Muniċipali ta’ Finanzi li flimkien jagħqdu total ta’ €100 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE u €500 miljun ta’ self mill-IFIs. Minn tmiem Frar 2006; €37.5 million ta' inċentivi ta' l-UE huma diġà destinati fil-proġetti.

Il-Faċilità ta’ Finanzi ta’ l-SME hija programm multi-benefiċjarju li timmira li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ intermedjarji finanzjarji (jiġifieri banek, kumpaniji tal-kiri) fil-pajjiżi benefiċjarji (l-Istati Membri l-Ġodda u l-Pajjiżi Kandidati), biex jespandu u jsostnu l-ħidmiet finanzjarji lill-SMEs.

Il-mekkaniżmu tal-Faċilità Muniċipali Finanzjarja huwa simili għall-mekkaniżmu tal-Faċilità ta’ Finanzi ta’ l-SME. L-istrumenti ta’ self u ta' qsim ta' riskji mir-riżorsi ta’ IFIs huma magħquda ma’ inċentivi finanzjarji li ma jistgħux jingħataw lura għall-intermedjarji lokali finanzjarji. Huwa previst ukoll illi ammont limitat ta’ għajnuna teknika għall-muniċipalitajiet għandu jkun iffinanzjat mill-PHARE biex issaħħaħ l-aspett tat-talba tas-suq muniċipali ta’ kreditu.

L-EIB u l-Kummissjoni waqqfu faċilità fuq reġjuni ta' fruntieri, kif intalab mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza, u kif kien imfassal fil-Komunikat tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni tal-Fruntiera tal-25 ta’ Lulju 2001. Il-proġett jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura żgħira muniċipali f’reġjuni ta’ fruntieri sabiex jippromwovi l-integrazzjoni ma’ reġjuni kurrenti ta’ l-UE: Jikkonsisti f''2 programmi ta’ Infrastruttura Muniċipali magħmulin minn total ta’ €50 miljun ta’ inċentivi ta’ l-UE u €250 miljun ta’ self mill-EIB. Dan il-programm huwa implimentat biss ma’ l-EIB f’reġjuni ta’ fruntieri u għadu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Il-Maniġment tal-Progett.

4. IL-MONITORAġġ U L-VALUTAZZJONI

Il-funzjoni ta' monitoraġġ u valutazzjoni għandu l-għan primarjament li jimmonitorizza u jeżamina l-appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi benefiċjarji biex jilħqu l-għanijiet ta' qabel l-adeżjoni billi jeżaminaw it-twettiq tal-programm u l-lezzjonijiet miksuba minnu. It-tieni nett, tipprovdi kontabilità fir-rispett tal-valur tal-flus u l-użu tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni. It-tielet għan hu li jappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità ta' monitoraġġ u valutazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji bħala mezz biex isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiġġestixxu u jikkontrollaw l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

4.1. Valutazzjoni ex-ante

Matul l-2005, kien ippreparat eżerċizzju ex-ante ta' valutazzjoni ta' l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA). L-eżerċizzju se jibda fl-2006 u jservi bħala kontribut lejn il-preparazzjoni għad-Dokumenti ta' l-Ippjanar Indikattiv Multi-Annwali ta' l-IPA.

4.2. Il-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni Interim

Fl-2005, l-iskemi ta' valutazzjoni interim (IE) fir-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija ġestiti mill-unità tal-Valutazzjoni tad-DĠ Tkabbir ġġenerat 34 rapport ta' valutazzjoni ta' pajjiż individwali, settorjali, ad hoc jew tematiku li jkopri l-PHARE u miżuri ta' l-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni. Ittieħdu passi biex ivaraw skema ta' valutazzjoni interim fil-Kroazja. Ir-rapporti ta' Valutazzjoni Interim dwar l-appoġġ finanzjarju fl-2005 urew li l-prestazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija kienu kemmxejn imħallta. Numru sinifikattiv ta' programmi kienu klassifikati biss bħala bil-kemm sodisfaċenti.

Risultati u impatti fuq setturi diversi kienu mħallta. Eċċezzjoni notevoli hi s-settur tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fejn ir-riżultati immedjati tal-maġġoranza ta' l-għajnuna kienu sinifikattivi iżda b'impatti anqas evidenti fuq is-soċjetà sħiħa. Setturi oħra b'riżultati pożittivi inkludew is-suq intern u l-agrikoltura. B'kuntrast, ir-riżultati u l-impatt ġenerali tal-benefiċjarji li qed jippreparaw biex jiġġestixxu l-fondi strutturali kienu limitati.

Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni ta' l-għajnuna tal-PHARE lill-minoranzi Roma huma li l-PHARE setgħet tappoġġa proġetti ta' integrazzjoni għar-Roma li kkonrtobwew għal ftuħ ta' djalogu ċivili u li kiseb xi riżultati inizjali speċjalment fil-bini ta' l-istituzzjonijiet. Komplew il-ġemellaġġi biex iservu bħala strument essenzjali għall-proċess ta' qabel l-adeżjoni.

4.3. Valutazzjoni ex-post

Fl-2005, beda l-eżerċizzju ta' valutazzjoni ex post esterna tal-programmi PHARE, magħmulin minn programmi nazzjonali, ta' bejn il-fruntieri u multi-benefiċjarji. L-eżerċizzju hu ppjanat li jitlesta fi tmiem l-2006.

5. ATTIVITAJIET OħRA

Saru numru ta' attivitajiet oħra mis-servizzi tal-Kummisjsoni sabiex titjieb il-kwalità tal-programmi għas-sena 2005 kif ukoll bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità lokali ta' monitoraġġ u valutazzjoni. Azzjonijiet speċifiċi huma deskritti fl-Anness parti II.3.

[1] Għall-informazzjoni ġenerali dwar is-SAPARD, nirreferu għall-websajt tad-DĠ Agrikoltura.

[2] Għall-informazzjoni ġenerali dwar l-ISPA, nirreferu għall-websajt tad-DĠ Politika Reġjonali.

[3] Mis-6 strumenti proposti dwar ir-relazzjonijiet esterni li għandhom japplikaw fil-perjodu 2007-2013, wieħed minnhom huwa l-istrument il-ġdid għall-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, IPA. Fil-fażi bejn l-għajnuna esterna u l-politika interna, l-IPA bi ħsiebha tiffaċilita d-dħul fl-Unjoni tal-pajjiżi kandidati (it-Turkija, il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u l-pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bosnja u Herzegovina, il-Montenegro, u s-Serbja inkluż il-Kosovo taħt ir-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU 1244). L-IPA se jkun strument orjentat lejn is-sħubija, fejn jissodisfa l-ħtiġijiet kollha li joriġinaw mill-proċess ta’ l-adeżjoni, notevolment skond il-prijoritajiet, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni. L-IPA għandu jissosstitwixxi l-istrumenti preżenti ta’ qabel l-adeżjoni, notevolment: PHARE, li l-ambitu tiegħu huwa l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l- acquis communautaire fil-forma ta’ bini ta’ istituzzjoni u investimenti relatati, investimenti fil-koeżjoni ekonomika u soċjali u kooperazzjoni li taqsam il-fruntieri; ISPA, li hija l-prekursur tal-Fond ta’ Koeżjoni u għandha x‘taqsam ma’ l-ambjent u l-infrastruttura tat-trasport; SAPARD, il-prekursur tal-pjanijiet ta' l-Iżvilupp Rurali li jittratta dwar l- acquis tal-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp Rurali, iż-żmien ta' qbel l-adeżjoni tat-Turkija, bl-istess ambitu bħal tal-PHARE; CARDS, li jkopri l-Balkani tal-Punent.