52006DC0840

Rapport mill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tat-tranżitu ffaċilitat għal persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-bqija tal-Federazzjoni Russa /* KUMM/2006/0840 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2006

KUMM(2006) 840 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar it-tħaddim tat-tranżitu ffaċilitat għal persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-bqija tal-Federazzjoni Russa

I Introduzzjoni

Kaliningrad hija parti unika mir-Russja, ġeografikament maqtugħa mill-bqija tal-pajjiż u mdawra mill-UE. Fil-qafas tat-tkabbir, l-attenzjoni fuq dan ir-reġjun qiegħda dejjem jiżdied. L-introduzzjoni ta' l- acquis mill-Membri Stati ġodda ħalliet impatt fuq pajjiżi terzi f'dak li għandu x'jaqsam ma' rekwiżiti ta' viża u mal-kontroll tal-fruntieri. Minkejja li l-konsegwenzi ta' l- acquis mhux ser ikunu differenti għal Kaliningrad milli huma għal partijiet oħrajn tar-Russja jew għal pajjiżi terzi ġirien, ħareġ fid-dieher li, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika ta' Kaliningrad, l-impatt fuq il-popolazzjoni tista' tkun ikbar hemmhekk milli fuq partijiet oħra tar-Russja.

Mingħajr ma nqabżu n-negozjati ta' l-adeżjoni mal-Polonja u l-Litwanja, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill tas-17.01.2001[1] kien sar is-suġġeriment li "miżuri prattiċi għandhom ikomplu jwettqu kontroll bejn il-fruntieri li jkun xieraq u effiċjenti, li jiffaċilita l-moviment ħieles ta' persuni u oġġetti minn naħa għal oħra tal-fruntiera esterna tal-ġejjieni."

Kien irrakkomandat sabiex tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jittieħed vantaġġ minn kull arranġament speċjali permess mill- acquis , bl-użu ta' l-eżempji offruti minn arranġamenti eżistenti, bl-inklużjoni ta' pajjiżi kandidati. Barra minn hekk, "l-ispejjeż tal-passaporti (responsabbiltà tar-Russja) tista' tkun eżaminata wkoll, kif ukoll l-ispejjeż tal-viżi (attwalment responsabbiltà tal-Membri Stati attwali u ġejjiena ta' l-UE), fil-qafas usa' tal-politiki tal-Komunità. Kemm l-Istati Membri il-ġodda kif ukoll dawk attwali jistgħu jikkunisdraw il-ftuħ ta' konsulati (jew il-qsim ta' faċilitajiet sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż) f'Kaliningrad, għall-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viża u għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji".

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni komuni li saret fil-kuntest tal-laqgħa għolja bejn l-UE u r-Russja tat-3 ta' Ottubru 2001 talbet għal verifika tas-sitwazzjoni speċjali ta' Kalinigrad fil-kuntest tat-tkabbir.

Wara d-diskussjoni dwar Kalinigrad matul il-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja, il-Kunsill Ewropew ta' Sevilla fil-21/22 ta' Ġunju 2002 stieden lill-Kummissjoni sabiex "tressaq, fil-ħin għal-laqgħa tagħha fi Brussell, studju addizzjonali dwar il-possibbiltajiet ta' soluzzjoni effettiva u flessibbli għat-tranżitu ta' persuni u oġġetti minn u lejn Kaliningrad, f'konformità ma' l- acquis u bi ftehim mal-pajjiżi kkandidati kkonċernati". Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar it-tranżitu minn u lejn Kaliningrad [2] tat-18.09.2002, kienu ssuġġeriti diversi possibbiltajiet għal tranżitu ffaċilitat. Madankollu, waħda mill-prekondizzjonijiet għas-soluzzjoni li kellha tinstab kienet li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Litwanja fl- acquis ta' Schengen ma kellhiex tkun ipperikolata. Fl-aħħar nett, kienet stabbilita s-sistema tad-Dokument dwar it-Tranżitu Ffaċilitat/Dokument dwar it-Tranżitu Ffaċilitat bil-Ferrovija (FTD/FRTD).

Fl-Istarrija Konġunta tal-laqgħa għolja bejn l-UE u r-Russja tal-11 ta' Novembru 2002 dwar it-tranżitu "il-Federazzjoni Russa ħadet nota ta' l-intenzjoni ta' l-Unjoni Ewropa li tirrevedi t-twettiq ta' l-iskema FTD sa mhux iktar tard mill-2005". Saret ukoll referenza għal rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tħaddim tas-sistema fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003: "Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta' l-iskema ta' tranżitu ffaċilitat mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' l-ewwel deċiżjoni hekk kif mniżżel fl-Artikolu 12(1)". Il-Litwanja kkomunikat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni d-deċiżjoni tagħha li tapplika l-iskema FTD/FRTD mill-1 ta' Lulju 2003 Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport tagħha sa l-1 ta' Lulju 2006.

Ir-rapport attwali huwa msejjes fuq tweġibiet tal-Federazzjoni Russa u tal-Litwanja għal kwestjonarju stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni, li wettqet ukoll verifika fuq is-sit ta' l-iskema FTD/FRTD mit-22 sa l-24 ta' Marzu 2006.

II Is-Sistema ta' l-FTD/FRTD kif stabbiilita bir-Regolament u l-ftehim bilaterali bejn il-Litwanja u l-Federazzjoni Russa.

Wara d-diskussjoni dwar Kaliningrad matul is-summit ta' Moska bejn l-UE u r-Russja[3] f'Novembru ta' l-2002, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tranżitu minn u lejn Kaliningrad (COM (2002) 510 finali), fl-14 ta' April 2003 il-Kunsill adotta ż-żewġ regolamenti li ġejjin:

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 ta' l-14 ta' April 2003 li jistabbilixxi Dokument speċifiku ta' Tranżitu Ffaċilitat (FTD), Dokument ta' Tranżitu Ffaċilitat bil-Ferrovija (FRTD) u jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Manwal tal-Istruzzjonijiet Komuni, u

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2003 dwar is-suriet uniformi ta' l-FTD u l-FRTD.

Iż-żewġ Regolament ma tfasslux għall-"Kaliningrad" u l-Litwanja biss iżda għall-każi kollha possibbli ta' "tranżitu speċjali" relatati ma' l-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw ir-Regolament (KE) 693/2003 f'dawn il-każi.

Elementi bażiċi:

a) Kif taħdem l-iskema FTD/FRTD?

Ir-Regolament (KE) 693/2003 jistipula l-prinċipji bażiċi għat-tħaddim ta' l-iskema FTR/FRTD. Id-dettalji prattiċi ġew stabbiliti permezz ta' ftehim bilaterali dwar il-proċedura ta' l- FRTDs bejn il-Federazzjoni Russa u l-Litwanja ta' l-20 ta' Ġunju 2003 u r-Regolament N361, adottat mill-Federazzjoni Russa, dwar miżuri li l-għan tagħhom hu t-twettiq ta' l-impenji li daħlet għalihom il-Federazzjoni Russa skond id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Federazzjoni Russa u ta' l-UE dwar it-tranżitu bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-bqija tat-territorju tal-Federazzjoni Russa.

L-FTD jinħareġ lil ċittadini Russi li jivvjaġġaw ta' spiss permezz ta' mezzi ta' l-art mir-reġjun ta' Kaliningrad lejn il-Federazzjoni Russa u viċe versa. Jippermetti għal tranżitu ta' iktar minn dħul wieħed u jista' jkun validu għal diversi snin. Il-proċedura ta' applikazzjoni fl-uffiċċju konsulari hija simili (kważi identika) għall-proċedura tal-ħruġ ta' viża. L-FTD jitwaħħal fil-passaport taċ-ċittadini Russu. Il-prezz ta' l-FTD huwa ta' 5 EUR.

L- FRTD ġie stabbilit għal passiġġieri bil-ferrovija u huwa validu esklussivament għal tranżitu dirett bejn Kaliningrad u t-territoju prinċipali tar-Russja għal tranżitu wieħed bir-ritorn (dħul-ritorn). Il-proċedura tal-ħruġ hija ffaċilitata u mogħtija mingħajr ħlas.

Għal dawk iċ-ċittadini Russi bl-intenzjoni li jagħmlu vjaġġi tar-ritorn biss bit-tren minn ġot-territorju tar-Repubbika tal-Litwanja, Dokument ta' Vvjaġġar bil-Ferrovija Iffaċilitat (FRTD) jista' jinkiseb abbażi ta' data personali sottomessa waqt ix-xiri tal-biljett. Din l-informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet Litwani f'forma elettronika, li jagħtu risposta fi żmien 24 siegħa. Għal dawk iċ-ċittadini Russi li għalihom il-Litwanja għandha oġġezzjonijiet għat-tranżitu tagħhom mit-territorju Litwan, il-biljetti ma jinħarġux mill-awtoritajiet Russi. Imbagħad l-FRTD jintbagħat mill-awtoritajiet konsulari Litwani lill-passiġġieri meta, jew qabel, tintlaħaq il-fruntiera Litwana ladarba r-Repubblika tal-Litwanja tkun ivverifikat li d-dokumentazzjoni ta' l-ivvjaġġar tal-passiġġier detentur itkun legali.

Skond ir-Regolament (KE) 693/2003 ċittadin Russu li jixtieq jivvjaġġa bit-tren b'passaport internazzjonali għandu jirċievi FRTD mehmuża mal-passaport. Madankollu, id-detentur ta' passoport intern Russu jirċievi FRTD mehmuża ma' karta separata skond kif stipulat fir-Regolament (KE) 333/2002. Mill-1.1.2005 ċittadini Russi għandhom ikollhom fil-pussess tagħom passaport internazzjonali li miegħu tinhemeż l-istiker ta' l- FRTD . Detenturi ta' l-FRTD ma jiżbarkawx fil-Litwnja u d-dewmien ta' kull tranżitu jkun limitat għal 6 sigħat għal kull tranżitu.

b) Appoġġ finanzjarji għall-iskema ta' l-FTD/FRTD[4]

Fil-kuntest tal-prijoritajiet politiċi marbuta ma' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Litwanja fl-Unjoni Ewropea fl-2004, il-Kunsill Ewropew qabel li huwa essenzjali li jingħata appoġġ lil-Litwanja fis-sejba ta' soluzzjoni għat-tranżitu, sabiex is-sistema ta' ffaċilitar tal-viża bejn it-territorju prinċipali Russu u r-Reġjun ta' Kaliningrad tidħol fis-seħħ. Għalhekk fil-Protokoll 5 "Kaliningrad" tat-trattat ta' l-adeżjoni kien stabbilit li l-Litwanja tingħata appoġġ finanzjarju li jkopri n-nefqa addizzjonali għas-sistema FTD/FRTD .

L-UE stabbiliet żewġ programmi ta' appoġġ għall-kwistjoni ta' Kaliningrad li jipprovdu għajnuna lil-Litwanja fl-implimentazzjoni ta' l-iskema FTD/FRTD :

- L-ewwel programm kien implimentat taħt il-programm PHARE, u pprovda 12-il miljun EUR għall-perjodu bejn Diċembru 2003 sa April 2006.

- It-tieni programm jipprovdi 40 miljun EUR għall-perjodu bejn Mejju 2004 sa Diċembru 2006 sabiex ikopri miżati mgħoddija (tal-viża) u spejjeż addizzjonali għal investimenti, taħriġ u spejjeż operattivi (eż. salarji).

- B'rabta mal-Perspettiva Finanzjarja l-Ġdida 2007-2013, il-Kummissjoni pproponiet mekkaniżmu separat ("l-Iskema ta' Tranżitu ta' Kaliningrad") f'Artikolu 6 (ta' l-abbozz) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fondi għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali 'Is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji'. Fl-Artikolu 15 (9) kienu proposti massimu ta' € 108 miljun f'għajnuniet għal miżati mgħoddija minn viżi ta' tranżitu u spejjeż addizzjonali li jintefqu fl-implimentazzjoni ta' l-iskema FTD/FRTD bejn l-2007 u l-2013. Madankollu, id-deċiżjoni dwar l-ammont finali ser tittieħed mill-Kunsill u mill-Parlament.

III L-Implimentazzjoni tas-sistema FTD/FRTD

L-implimentazzjoni tas-sistema FTD/FRTD bdiet (fuq bażi nazzjonali) fl-1 ta' Lulju 2003 u fl-1 ta' Mejju 2004 bdiet taħt is-sistema Komunitarja.

a) Statistika

L-iktar mezzi popolari ta' trasport minn Kaliningrad lejn it-territorju prinċipali tar-Russja u viċe versa huma t-tren (70%), il-karozza (20%) u l-ajruplan (10%). Medja ta' 1.5 miljun persuna fis-sena jivvjaġġaw minn u lejn Kaliningrad permezz tal-mezzi kollha tat-trasport, ammont kbir meta wieħed jikkunsidra li l-popolazzjoni ta' l-Oblast hija ta' madwar miljun. In-numru ta' vjaġġaturi jiżdied matul l-istaġun tas-sajf u jonqos bejn Frar u Marzu. Skond it-tweġiba ta' l-awtoritajiet Litwani l-ammont ta' vjaġġaturi kien hekk kif imniżżel fit-tabella li ġejja:

2003 (1.7.-31.12.) | 2004 | 2005 |

In-numru tal-passiġġieri: 1.078.459 minnhom bl-użu ta' l-FRTD | 293.719 | 613.101 | 412.711 |

Ammont ta' FTD li nħarġu | 1.836 | 3.095 | 3.149 |

L- FTDs jintużaw l-iktar minn ċittadini Russi mit-territorju prinċipali tar-Russja. Il-maġġoranza tar-Russi ta' Kaliningrad jivvjaġġaw permezz ta' l- FRTDs . Madankollu, dawn iktar jaqblilhom li tinħarġilhom viża Litwana li minbarra li tippermittilhom li jivvjaġġaw fi tranżitu, tippermettilhom ukoll li jżuru l-Litwanja. Il-proċeduri biex jinħarġu dawn il-viżi u l- FTD huma simili iżda l- FTD tinkludi miżata ta' 5 € filwaqt li l-viżi Litwani għar-residenti ta' Kaliningrad jinħarġu mingħajr ħlas. Dan jispjega l-fatt li l-ammont ta' viżi Litwani li nħarġu lil residenti ta' Kaliningrad huma darbtejn jew tlieta iżjed mill- FTDs . Minn naħa l-oħra, ir-rekwiżit li kien introdott f'April 2005 għal assigurazzjoni tas-saħħa obbligatorja sabiex tinħareġ viża Litwana (dan mhux meħtieġ għall-ħruġ ta' FTD ) ser jikkontribwixxi għal żieda fit-talba għall- FTDs .

b) Is-sistema ta' l-FTD/FRTD fil-prattika

Kif diġà ntqal, l-implimentazzjoni tas-sistema FTD/FRTD bdiet (fuq bażi nazzjonali) fl-1 ta' Lulju 2003 u fl-1 ta' Mejju 2004 bdiet taħt is-sistema Komunitarja.

Matul l-ewwel żjara fil-qafas tal-Faċilità ta' Kaliningrad fl-2004, kif ukoll matul it-tieni waħda f'Marzu 2006, diġà kien innotat li s-sistema taħdem tajjeb u li ma nqalgħet l-ebda problema serja. Kien innotat li l-FRTDs ma jithemżux mal-passaport Russu iżda dejjem jithemżu ma' karta separata. Permezz ta' din il-proċedura l-FRTD tista' tintrema' u terġa' tintalab għal bosta drabi, mingħajr ma jimtela l-passaport. Madankollu, l-iżvantaġġ huwa li fi vvjaġġar frewkenti, fejn l-FTD tkun iktar xierqa, din tkun inqas identifikabbli. Dan jista' jiġri ta' spiss minħabba li l- FRTD tista' tinħareġ iktar faċilment (mill-istazzjon) mingħajr ebda ħlas filwaqt li għall-FTD għal iktar minn vjaġġ wieħed trid issir applikazzjoni fl-uffiċċju konsulari fuq ħlas ta' 5 EUR. Dan il-fatt jispjega wkoll għaliex in-numru ta' FTDs huwa daqshekk baxx.

L-awtoritajiet Litwani argumentaw li huwa diffiċli li tehmeż l-FRTD ma' passaport fi tren miexi. Għalhekk huma jippreparaw il-karti minn qabel u jqassmu dawn il-karti fit-tren filwaqt li jkunu qed jiċċekkjaw il-lista tal-passiġġieri u l-passaporti.

It-tieni żjara, li kienet iktar iddettaljata, saret bejn it-22 u l-24 ta' Marzu 2006. L-għan tal-missjoni kien dak ta' żjara ta' valutazzjoni fuq il-post, b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet Litwani u Russi.

Fi stadju preparatorju, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittri lill-awtoritajiet Litwani u Russi bi kwestjonarju dwar aspetti differenti ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' tranżitu. It-tweġibiet dwar is-sistema ta' l- FTD/FRTD kienu pożittivi ferm. Kienu jirreflettu dak li kien ingħad qabel, li s-sistema ta' tranżitu qiegħda taħdem tajjeb u li ma kienx hemm il-ħtieġa ta' tibdil serju. Ingħataw ukoll xi statistiċi.

IV Rimarki ġenerali:

Sa minn Ġunju 2004, esperti tal-Kummissjoni żaru l-Litwanja u kienu informati dwar il-proċeduri li kienu qed iseħħu fuq it-trenijiet. Mid-dehra s-sistema taħdem tajjeb u pproduċiet inċident wieħed biss fuq it-tren, li ma kienx direttament marbut ma' l-iskema ta' l-FRTD.

Matul iż-żewġ żjajjar, kemm in-naħa Litwana kif ukoll dik Russa għarfu li s-sistema ta' tranżitu ffaċilitat taħdem tajjeb u wrew l-apprezzament tagħhom għall-isforzi li saru mill-awtoritajiet fl-implimentazzjoni tagħha. Ma kien innotata l-ebda problema serja, u ma kien hemm l-ebda dewmien fit-tqassim ta' l- FRTDs u l- FTDs . Ir-Russja ġibdet l-attenzjoni li (i) is-sistema ta' tranżitu ffaċilitat kif ukoll (ii) is-sistema tal-viża pprovduta mill-Ftehim bejn il-Litwanja u r-Russja tat-30 ta' Diċembru 2002 li jikkonċerna l-ivvjaġġar reċiproku għandu jkompli wara li l-Litwanja tissieħeb fiż-żona ta' Schengen ta' moviment ħieles bejn il-fruntieri. Jidher li hemm kooperazzjoni u impenn reali bejn is-servizzi relevanti kemm tal-Litwanja kif ukoll tar-Russja fl-implimentazzjoni tas-sistema ta' tranżitu.

Madankollu, ir-Russja qalet li minn meta daħlet fis-seħħ din is-sistema ta' tranżitu ffaċilitat irriżulta tnaqqis ta' 30% fil-passiġġieri, li jwassal għal telf ta' 122 miljun Rublu għall-kumpaniji nazzjonali tat-tren. Kemm l-awtoritajiet Litwani kif ukoll dawk Russi ma waslu biex jispjegaw b'mod ċar ir-raġunijiet għal dan it-tnaqqis ta' passiġġieri bit-tren li kien rrappurtat. Jista' jkun relatat maż-żieda tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru (it-trasport bl-ajru huwa ssussidjat). Barra minn hekk il-ħtieġa ta' passaport internazzjonali mill-1 ta' Jannar 2005 tista' twassal għal tnaqqis tal-passiġġieri hekk kif il-persunal militari stazzjonat f'Kaliningrad m'huwiex f'pożizzjoni li jikseb dan it-tip ta' passaport u konsegwentement jeħtieġ li jivvjaġġa bl-ajruplan. Billi din is-sitwazzjoni hija kwistjoni nazzjonali, tista' tinbidel biss mir-Russja.

V VALUTAZZJONI

Is-sistema ta' tranżitu hija parti integrali mill- acquis ta' Schengen u għalhekk, hija kompatibbli ma' Schengen fit-totalità tagħha. Fil-prinċipju, m'hemm l-ebda raġuni ewlenija għaliex għandu jsir tibdil fl-iskema ta' l- FTD/FRTD .

Xi kwistjonijiet kellhom kienu ċċarati:

- Jidher li kien hemm nuqqas ta' ftehim fir-rigward tal-miżati li ser jogħlew għall-viżi ta' Schengen iżda ser jibgħu l-istess prezz għall- FTD/FRTD , billi l- FTD/FRTD m'humiex meqjusa bħala viża.

- Kien iċċarat li r-Regolament ma jirrekjedix il-preżenza personali fl-istazzjon tal-ferrovija, biex b'hekk, per eżempju, grupp ta' tfal ma jkollhomx bżonn imorru l-istazzjon tal-ferrovija jekk il-passaporti tagħhom jintwerew waqt ix-xiri tal-biljett.

Kwistjonijiet oħrajn kienu innotati u diskussi maż-żewġ partijiet:

- Il-possibbiltà ta' l-introduzzjoni tar-ritratt fl- FRTD/FTD sabiex dawn id-dokumenti jkunu konformi ma' formati armonizzati oħrajn (viża, permessi tar-residenza) għal raġunijiet ta' sigurtà: Min-naħa tar-Russja m'hemm l-ebda possibbiltà li jkun introdott ir-ritratt għall- FRTD minħabba li s-sistema sħiħa tal-kompjuter "Express" tkun trid tiġi adattata, u dan ikun totalment sproporzjonat mal-vantaġġi li jinkisbu fis-sigurtà. Sal-lum ma nqabad l-ebda FRTD ffalsifikat. Matul it-tliet snin koperti minn dan ir-rapport, passiġġier wieħed biss pprova jiżbarka fil-Litwanja waqt li kien fi tranżitu. Għalhekk il-Kummissjoni mhux se tinsisti għall-introduzzjoni tar-ritratt fl- FRTD , billi din il-miżura ma tkunx proporzonata. Madankollu, dan jista' jkun possibbli għall- FTD peress li dan jinħareġ mll-uffiċċju konsulari, li huwa diġa mgħammar għal dan.

- Il-mili tal-formola tad- data personali fl- FRTD abbord it-tren għal dawk il-passiġġieri li, għal raġunijiet tekniċi, ma jkunux imniżżla fuq il-lista tal-passiġġieri. Waqt ix-xiri tal-biljett, fis-sistema "Express" għat-trażmissjoni tad- data personali lill-awtoritajiet Litwani, hemm biss ammont limitat ta' 64 figura disponibbli. Għalhekk il-formola kienet introdotta sabiex tingħata iktar data lil-Litwanja għal tiftix dettaljat f'każi speċifiċi. Ma tkunx ħaġa raġonevoli li titneħħa din il-formola billi hija tikkonferma, permezz tal-firma, li l-passiġġier jaf bil-kundizzjonijiet kollha tat-tranżitu.

- Il-possibbiltà li jitnaqqas it-tul tal-proċedura għall-ħruġ ta' l- FRTD : Jitnaqqas iż-żmien li fih il-Litwanja tagħti r-risposta minn 24 siegħa għal madwar 10 jew 15-il siegħa. L-awtoritajiet Litwani saħqu li b'mod ġenerali din il-ħaġa mhix possibbli li ssir. Madankollu, ir-risposti jintbagħtu mill-iktar fis possibbli u għalhekk ir-risposta mhux dejjem tieħu 24 siegħa biex tasal, iżda kif pprovdut mir-Regolament, dan huwa il-ħin massimu għal risposta.

- Kif seta' kien innutat fl-uffiċċju konsulari tal-Litwanja u fit-tren, attwalment l- FRTDs jinhemżu ma' formola separata (skond ir-Regolament (KE) 333/2002). L-FRTD tkun stampata fl-uffiċċju konsulari skond id- data trażmessa mis-sistema Russa "Express" u tinhemeż ma' karta separata billi l-Litwanja tikkunsidra li huwa wisq diffiċli li jinhemeż l- FRTD fil-passaport ta' ċittadin Russu fuq tren miexja. Barra minn hekk, il-passaport malajr jimtela' bl- FRTDs billi dan ma jintużax biss minn vjaġġaturi għal vjaġġ wieħed ta' ritorn, iżda wkoll minn ċittadini Russi li jivvjaġġaw sikwit bit-tren bejn Kaliningrad u t-territorju prinċipali tar-Russja. Madankollu, il-Kummissjoni taħseb li għal vvjaġġar ta' sikwit għandu jintuża wkoll l- FTD u m'għandux jittieħed vantaġġ mill-fatt li l- FRTD jinħareġ mingħajr miżata. Għalhekk, it-tehmiż ta' l-FRTDs fil-passaport – skond ir-Regolament (KE) 693/2003 tagħmilha iktar ovvja li persuna tkun tivvjaġġa sikwit.

Xi kwistjonijiet għal titjib ma' jaqgħux tħat il-qafas tar-Regolament (KE) 693/2003:

- Li jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-formailitajiet tal-kontroll tal-fruntiera biex b'hekk jitnaqqas il-ħin tal-waqfien tat-tren fil-fruntieri bejn ir-Russja u l-Litwanja u bejn il-Litwanja u l-Belarus, jew għallinqas f'waħda minn dawn il-fruntieri. (Bħalissa jsiru erba' kontrolli, tnejn fuq kull naħa tal-fruntiera, li jieħdu 50 minuta fuq in-naħa Russa u 40 minuta fuq in-naħa Litwana, b'kollox madwar sagħtejn u ħamsa u erbgħin minuta matul vjaġġ bil-ferrovija bejn Kaliningrad u Moska li jieħu madwar 22 siegħa). Dan it-tul ta' ħin jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti billi jitwettqu kontrolli fuq il-fruntiera matul il-vjaġġ u qabel li t-tren jieqaf fil-postijiet ta' bejn il-fruntieri. Possibbiltà oħra tista' tkun li s-servizzi ta' għassa tal-fruntieri taż-żewġ pajjiżi kkkonċernati jwettqu l-kontrolli tal-fruntiera rispettivi tagħhom f'waqfa waħda f'kull fruntiera. Madankollu, din hija kwistjoni li tista' tissolva mill-awtoritajiet Litwani, Russi u Belorussi fuq livell bilaterali.

VI KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni hija sodisfatta li 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' tranżitu ffaċilitat, din is-sistema qiegħda taħdem b'mod tajjeb u ż-żewġt isħab huma sodisfatti bl-implimentazzjoni tagħha. Kif kien innutat matul iż-żjajjar, kwistjonijiet minuri jistgħu jittejbu, iżda bosta minnhom huma relatati ma' arranġamenti bilaterali bejn il-Litwanja u r-Russja. Jidher ukoll li s-sistema ta' l- FTD/FRTD tissodisfa r-rekwiżiti ta' l- acquis ta' Schengen ladarba b'din is-sistema ma kienet innotata l-ebda immigrazzjoni illegali.

Għalhekk il-Kummissjoni ma tara l-ebda ħtieġa li tibdel din is-sistema. Fuq perspettiva twila ta' żmien, is-sistema ta' tranżitu ffaċilitat tiddependi fuq l-iżvilupp ġejjieni ta' l-arranġamenti tal-politika tal-viża bejn l-UE u r-Russja.

Il-Kummissjoni ser tkompli tagħti l-appoġġ finanzajrju tagħha għal din l-iskema permezz tal-Fond għal-Fruntieri Esterni.

Jibqa' żewġ punti li jridu jkunu eżaminati aktar. Madankollu dawn ma jaffettwawx l-effiċjenza ta' l-iskema ta' l- FTD/FRTD bħala strument ta' ġestjoni tat-tranżitu minn u lejn Kaliningrad.

1. L-FRTD jinhemeż fuq karta separata u mhux, skond ir-Regolament (KE) 693/2003, fil-passaprt tal-persuna li tkun qiegħda tivvjaġġa. B'konsegwenza ta' dan ma jistax ikun identifikat jekk l- FRTD hux qed jintuża għal vjaġġi individwali ta' ritorn jew għal vjaġġi ta' sikwit. L-applikazzjoni korretta ttejjeb it-talba għal FTDs ladarba dawn jistgħu jinħarġu għal iktar minn vjaġġ wieħed u li jiswew 5 EUR (għal vjaġġatur frekwenti).

2. Il-kwistjoni li jiqsaru l-formalitajiet tal-kontroll tal-fruntiera tista' tkun diskussa iktar b'mod bilaterali jekk l-awtoritajiet Litwani, Russi u Belorussi huma interessati f'dan. Dan jista' jkun possibbli mingħajr il-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni dwar l-iskema ta' tranżitu jew tibdil fir-Regolament. Hemm żewġ possibiltajiet li jidhru li huma vijabbli: (i) minflok żewġ waqfiet (waħda fuq kull naħa tal-fruntiera) issir waqfa waħda fuq kull fruntiera. L-awtoritajiet tal-fruntiera jwettqu l-kontrolli tagħhom b'mod simultanju, jew (ii) ikun ipprovdut arranġament fejn iż-żewġ naħat jwettqu l-kontrolli waqt il-vjaġġ tat-tren.

[1] KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL "L-UE u Kaliningrad" COM (2001) 26 finali

[2] KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL "Kaliningrad: It-tranżitu" COM (2002) 510 finali

[3] Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa dwar it-tranżitu bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-bqija tal-Federazzjoni Russa ta' l-1 ta' Novembru 2002.

[4] Dan il-punt huwa biss għall-informazzjoni u mhux suġġett għall-valutazzjoni.