52006DC0733

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-Fruntieri Marittimi tan-Nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea /* KUMM/2006/0733 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 30.11.2006

KUMM(2006) 733 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-Fruntieri Marittimi tan-Nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-Fruntieri Marittimi tan-Nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea

1. Sa mill-Programm ta’ Tampere ta’ l-1999 , il-ġestjoni tal-fruntieri esterni kienet waħda mis-sisien biex l-Unjoni Ewropea progressivament issir żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea” iffissat il-prijoritajiet għall-iżvilupp ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni billi ffokat fuq korp ta’ leġiżlazzjoni komuni, kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-Komunità. L-għanijiet tal-Komunikazzjoni ta’ l-2002 b’mod ġenerali issa ntlaħqu bid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen, it-twaqqif ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (FRONTEX) u l-adozzjoni imminenti tal-Fond għall-Fruntieri Esterni li ser tidħol fis-seħħ fl-2007.

2. Il- Programm ta’ l-Aja ta’ l-2004 jibni fuq il-Programm ta’ Tampere billi jħejji t-triq għall-iżvilupp tat-"tieni ġenerazzjoni" ta' miżuri maħsuba biex isaħħu l-ġestjoni tal-fruntieri esterni b'mod ġenerali. Fl-2005, il-Kunsill Ewropew qabel dwar Strateġija Globali dwar il-Migrazzjoni , inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar u l-qbil dwar numru ta' miżuri ta' prijorità li għandhom jiġu implimentati qabel l-aħħar ta' l-2006.

3. Fil- Konklużjonijiet tal-5 ta’ Ottubru 2006 [1], il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni "bil-koperazzjoni ta' Frontex u b'kont meħud tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri, ta' l-istudju ta' fattibbiltà dwar l-istabbiliment ta' Netwerk ta' Pattulji Kostali tal-Mediterran (MEDSEA) u l-esperjenzi akkwistati f'operazzjonijiet konġunti, tippreżenta Komunikazzjoni lill-Kunsill qabel l-aħħar ta' l-2006 li tidentifika dawk il-miżuri operattivi ulterjuri li jistgħu jittieħdu fil-perijodu qasir biex l-Unjoni tiġi mgħammra bil-kapaċità meħtieġa biex tassisti fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżijiet ta' migrazzjoni".

4. It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar huwa essenzjali biex ikompli jiġi żviluppat mudell Ewropew għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri . Matul il-Presidenza Finlandiża tħejjew numru ta’ prinċipji ġenerali. B’mod partikolari, il-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta’ l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, il-fiduċja reċiproka u l-koresponsabbiltà fost l-Istati Membri, imsejsa fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa enfasizzat ukoll li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu riżorsi operattivi u maniġerjali għal kontroll operattiv kredibbli tal-fruntieri tagħhom, u jippermettu operazzjonijiet konġunti b’kooperazzjoni mal-FRONTEX. Il-miżuri rigward il-fruntieri marittimi għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest usa’ tal- Green Paper dwar il-ġejjieni tal-Politika Marittima ta’ l-UE rigward razzjonalizzazzjoni usa’ ta’ l-attivitajiet off-shore tal-Gvernijiet u l-konverġenza tas-sistemi ta’ sorveljanza [2].

5. Il- pressjoni tal-migrazzjoni illegali fuq l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li jinsabu fir-reġjuni tal-Mediterran u ta' l-Atlantiku fl-aħħar sentejn laħqet livelli bla preċedenti u tirrikjedi azzjoni immedjata u deċiżiva, fuq livell kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew, sabiex tiġi mħarsa s-sistema Schengen u jiġu evitati aktar traġedji fost il-migranti illegali li jmutu bil-bosta fit-tentattiv tagħhom li jilħqu x-xtajtiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

6. F’dan il-kuntest, huwa ta’ importanza kruċjali li l-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea jkomplu jaħdmu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà , u mhux l-anqas biex jassistu lil dawk l-Istati Membri tan-Nofsinhar l-aktar milquta mill-migrazzjoni illegali mill-Afrika, filwaqt li jitqiesu l-passi meħtieġa, diġà meħuda jew li għandhom jittieħdu, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni, ugwalment importanti, fil-fruntieri tal-Lvant u tax-Xlokk ta' l-Unjoni Ewropea.

Statistika tan-numru ta’ migranti li waslu fi Spanja (il-Gżejjer Kanarji), l-Italja u Malta matul l-2006, imqabbla ma' l-2005 Il-figuri mogħtija huma marbuta ma' l-operazzjonijiet HERA II u NAUTILUS, kif l-aħħar disponibbli. Il-figuri għall-Greċja u Ċipru m’humiex disponibbli.

Sors: FRONTEX

Migranti illegali li waslu bil-baħar |

L-ITALJA – Sqallija, inkl. Lampedusa |

Jan – Aww 06 | 14,567 | total 2005 | 22,939 |

SPANJA – il-Kanarji |

Jan – Aww 06 | 17,058 | total 2005 | 11,781 |

MALTA |

Jan – Aww 06 | 1,502 | total 2005 | 1,822 |

7. Iż-żieda kostanti fil-pressjoni tal-migrazzjoni mill-Afrika ’l isfel mis-Saħara tfisser li l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha sfida kbira: minn naħa, hemm il-ħtieġa ċara ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ tranżitu Afrikani u fil-Lvant Nofsani sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migranti illegali; min-naħa l-oħra, il-livelli ta' kooperazzjoni operattiva u politika meħtieġa ma' dawn il-pajjiżi ma tistax tinkiseb f'daqqa, għalkemm dawn qegħdin jinbnew gradwalment fuq il-bażi ta' djalogu u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni fil-qafas tal-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV).

8. Rigward il-kontroll tal-fruntieri marittimi , huwa għaldaqstant neċessarju li l-Unjoni Ewropea tadotta strateġija fuq żewġ binarji billi tidentifika numru ta’ miżuri kumplimentari li jkunu jistgħu jiġu implimentati b’mod separat:

9. Miżuri operattivi li jistgħu jiġu implimentati immedjatament biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali, jitħarsu r-refuġjati u jissaħħu l-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri marittimi esterni;

10. It-titjib fir-relazzjonijiet eżistenti u l-kooperazzjoni prattika diġà stabbilita ma’ pajjiżi terzi, it-tkomplija u t-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar dawn il-miżuri operattivi fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u l-Pjani ta' Azzjoni tal-PEV, kif ukoll fil-kuntest tal-Ftehim ta' Cotonou.

11. Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-ewwel parti ta’ din l-istrateġija fuq żewġ binarji , u twassal ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni maħsuba biex tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar.

12. Peress illi l-immigrazzjoni irregolari bil-baħar fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea huwa fenomenu mħallat , li jinkludi kemm immigranti illegali mingħajr l-ebda protezzjoni partikolari kif ukoll refuġjati fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, ir-rispons ta’ l-Unjoni għandu jkun immirat kif xieraq. F’dan ir-rispons, l-ażil irid ikun karatteristika importanti u għażla effettiva għall-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti u effettiva ta’ l-obbligi ta’ protezzjoni fuq l-Istati Membri fil-kuntest tal-miżuri relatati ma’ l-interċettazzjoni u s-salvataġġ fuq il-baħar ta' persuni li jistgħu jkunu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-identifikazzjoni immedjata ta' persuni bi bżonnijiet ta' protezzjoni fil-postijiet tal-wasla tagħhom wara l-iżbark. Għandu jkun enfasizzat li f’dan ir-rigward il-pajjjiżi terzi għandhom ovvjament l-istess obbligi.

13. Ovvjament, il-FRONTEX tista' tkun kruċjali biex tipprovdi assistenza teknika bl-għan li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni, filwaqt li jitqies il-fatt li r-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni jibqgħu ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ukoll jorganizzaw is-servizzi tagħhom internament bl-aktar mod effiċjenti, inkluż il-possibbiltà li jitwaqqfu ċentri ta' koordinament nazzjonali bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, kif issuġġerit fl-istudju tal-MEDSEA. Għandu jitqies li l-Aġenzija tkun kapaċi twassal riżultati tanġibbli biss jekk l-Istati Membri jkunu kommessi u determinati li jagħtu lill-FRONTEX ir-riżorsi umani u l-assi tekniċi neċessarji għal operazzjonijiet konġunti. Is-sehem attiv ta’ l-Istati Membri f’attivitajiet operattivi ġestiti mill-FRONTEX huwa fih innifsu miżura tanġibbli ta’ solidarjetà li tpoġġi fil-prattika r-responsabbiltà komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

14. L-operazzjonijiet ikkoordinati u ġestiti mill-FRONTEX, li twettqu diġà, partikolarment HERA II u NAUTILUS, ser jiġu evalwati mill-Aġenzija bil-għan li titjieb l-effiċjenza ta’ attivitajiet operattivi ta’ dan it-tip fil-ġejjieni, u b’hekk jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda. Diġà huwa ċar li l-FRONTEX kellha rwol utli fl-appoġġ tagħha għal operazzjonijiet kif ukoll għal kuntatti f’pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, ikun meħtieġ ukoll li s-sitwazzjoni tal-FRONTEX tiġi riveduta regolarment f’termini ta’ persunal u riżorsi oħra rilevanti għall-kapaċità operattiva ta’ l-Aġenzija.

15. Fl-aħħarnett, għandha titqies id-dimensjoni sanitarja tal-migrazzjoni. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu kura preventiva u trattament mediku lill-popolazzjonijiet migranti. L-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tiżgura li l-politika kollha tagħha - inkluża l-politika dwar il-migrazzjoni - tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

Inkabbru kemm nistgħu l-kapaċità tal-FRONTEX

16. L-analiżi tar-riskju hija proprju l-qofol tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni u huwa waħda mill-ħidmiet ewlenin tal-FRONTEX. Biex tiġi żgurata ġestjoni koerenti tal-fruntieri f’sitwazzjonijiet normali, iżda wkoll biex jiġu evitati u ġestiti sitwazzjonijiet kritiċi b'mod aktar effiċjenti, l-Aġenzija għandu jkollha aċċess għas-sorsi ta' informazzjoin rilevanti kollha biex tkun tista' tipproduċi analiżi tar-riskju kemm immirata kif ukoll ġenerali. Fil-preżent, il-FRONTEX m’għandhiex aċċess dirett għall-informazzjoni miġbura fil-qafas tan- netwerks ta’ Uffiċjali ta’ Kooperazzjoni ta' l-Immigrazzjoni ("ILO" - Immigration Liaison Officers). Għalhekk, u wkoll fil-kuntest tal-valutazzjoni tan-netwerks ta' l-ILO li bħalissa tinsab quddiem il-Kunsill, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, sabiex il-FRONTEX tingħata aċċess għall-informazzjoni miġbura mill-uffiċjali ta’ kooperazzjoni fuq bażi sistematika u biex il-FRONTEX tkun tista’ tieħu sehem, flimkien mal-Kummissjoni, fil-laqgħat organizzati fil-qafas tan-Netwerk ta’ Uffiċjali tal-Kooperazzjoni ta’ l-Immigrazzjoni. Jidher li hija indispensabbli l-possibbiltà li uffiċjali ta’ kooperazzjoni f’pajjiżi terzi jwettqu ħidmiet direttament għall-istituzzjonijiet u korpi rilevanti mwaqqfa taħt it-Trattati UE/KE, partikolarment il-Kummissjoni u l-FRONTEX, kif ukoll għal Stati Membri oħra għajr pajjiżhom, iżda dan jirrikjedi kunsiderazzjoni ulterjuri ma’ l-Istati Membri.

17. Biex jitħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-atturi rilevanti kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll Memorandum ta' Ftehim mal-FRONTEX biex tagħtiha aċċess għall-ICONet , u b’hekk tippermetti lill-Aġenzija li tforni u tiġbor informazzjoni min- Netwerk ta' Informazzjoni u Koordinament tas-Servizzi ta’ Ġestjoni tal-Migrazzjoni ta’ l-Istati Membri, ibbażata fuq il-web [3]. L-għan ta’ l-ICONet huwa li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni illegali, id-dħul illegali u l-immigrazzjoni u r-ritorn ta’ residenti illegali. Dan l-iżvilupp għandu jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal fluss ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operattiva aktar effettivi bejn l-Istati Membri u l-FRONTEX.

18. Il-FRONTEX, flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha tieħu l-passi neċessarji biex tattiva l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi l-FRONTEX. Dan jippermetti l-ġbir ta’ tagħmir tekniku taħt il-ġestjoni tal-FRONTEX u jikkostitwixxi miżura ta’ solidarjetà importanti, għaliex it-tagħmir jista’ jitpoġġa temporanjament għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri l-oħra fuq talba tagħhom u minħabba bżonnijiet u valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-Aġenzija. Madankollu, is-sistema stabbilita taħt l-Artikolu 7 hija bbażata biss fuq kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u għalhekk tiddependi mill-intenzjoni tajba tagħhom u d-disponibbiltà tat-tagħmir ikkonċernat. Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Ottubru 2006 dwar it-tisħiħ tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar, jistieden lill-FRONTEX tattiva l-Artikolu 7 b’mod urġenti, u barra minn hekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu b’mod attiv fil-ħolqien ta’ ġabra estensiva ta’ assi u tagħmir ċentrali disponibbli partikolarment għall-bżonnijiet operattivi fil-fruntieri marittimi sas-sajf 2007. Biex twieġeb għal din l-istedina, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-FRONTEX għandha tirrapporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 7 fuq bażi regolari.

19. Meta l-Istati Membri fir-reġjun jiġu ffaċċjati b’sitwazzjoni kritika bħall-influss tal-massa ta’ immigranti illegali, il-kapaċità tan-Netwerk ta’ Pattulji Kostali futura (ara t-taqsima 3.1) tkun trid tissaħħaħ biex tali sitwazzjoni tiġi indirizzata. Dan jista’ jsir fil-qafas tal-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri[4] kif ukoll billi jiżdiedu l-attivitajiet ta’ tgħassis normali u titjieb l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jidentifikaw il-persuni u li jwettqu valutazzjoni inizjali tas-sitwazzjoni tagħhom.

20. Għal dan l-għan, l-Aġenzija għandu jkollha fil-kwartieri ġenerali tagħha l-faċilitajiet neċessarji għall-koordinament f’ħin reali bejn l-Istati Membri, inklużi komunikazzjonijiet maċ-ċentri ta' kmand reġjonali proposti fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar, il-Kummissjoni u korpi rilevanti ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Komunità, kif ukoll imsieħba esterni possibbli bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM). Il-FRONTEX hija mħeġġa tidħol f’kooperazzjoni teknika ma’ l-aġenziji u korpi Ewropej u Komunitarji rilevanti, inklużi l-EUROPOL, iċ-Ċentru Satellitari Ewropew (EUSC), l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA), l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC), filwaqt li tqis ir-regoli applikabbli għalihom.

21. Il-qafas għall- kooperazzjoni bejn il-FRONTEX u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija hawn fuq jista’ jiġi definit f’arranġament ta’ ħidma kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi l-FRONTEX. Fil-każ ta’ l-UNHCR u l-IOM, dawn l-arranġamenti jistgħu jkunu jinvolvu l-ħatra mill-UNHCR u l-IOM ta’ punti ta’ kuntatt ma’ l-Aġenzija, u għandhom jidentifikaw b’mod partikolari l-modalitajiet u l-oqsma ta’ kooperazzjoni, kif ukoll il-ħidmiet attribwiti lil dawn il-punti ta’ kuntatt, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni skambjata ma’ jew komunikata lill-UNHCR u l-IOM.

22. Rigward operazzjonijiet konġunti, il-FRONTEX għandha tħares lejn il-vijabilità tat- twettiq kontinwu ta’ operazzjonijiet ta’ kontroll u sorveljanza fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar, b’mod partikolari matul il-perjodu mir-Rebbiegħa sa tard fil-Ħarifa 2007, biex b'hekk tkopri l-istaġun li fih il-biċċa l-kbira ta’ l-immigranti illegali jippruvaw jiġu lejn l-Unjoni Ewropea bid-dgħajjes mill-Afrika. Minbarra li jwasslu għall-interċettazzjoni ta’ aktar dgħajjes bl-immigranti illegali abbord u jikkontribwixxu biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar, l-attivitajiet operattivi kontinwi jaġixxu wkoll bħala deterrent, u b’hekk tonqos il-pressjoni fuq din il-parti tal-fruntieri esterni u jiġi evitat li sitwazzjonijiet potenzjalment kritiċi jeskalaw għal-livelli rreġistrati din is-sena.

23. Dan għandu jsir waqt li jiġu kkunsidrati r-riskji relatati mal-bdil tar-rotot tal-flussi li jwassal biex il-pressjoni migratorja tiġi trasferita lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi mhux imħejjija għalihom. L-esperjenza turi li l-pressjoni kostanti ta’ l-immigrazzjoni illegali twassal għal effetti ta’ spustamenti tul il-fruntieri esterni: hekk kif tingħalaq rotta ta’ immigrazzjoni illegali, ix-xbieki ta’ kuntrabandu jippruvaw jiftħu rotot ġodda jew jużaw metodi u tekniki oħra. Għaldaqstant, jinħtieġ ukoll li jiżdiedu l-kontrolli u s-sorveljanza f’partijiet oħra tal-fruntieri esterni ta’ l-Unjoni. Huwa għalhekk li l-ħidma ta’ l-ILOs (ara l-paragrafu 13 hawn fuq) huwa kruċjali. Dawn jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar ir-rotot tal-migrazzjoni lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-FRONTEX.

Għodod ġodda għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri

Netwerk ta’ Pattulji Kostali

24. L-istudju ta’ vijabilità intitolat “MEDSEA”, ippreżentat mill-FRONTEX fl-14 ta’ Lulju 2006 bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Globali dwar il-Migrazzjoni jindika l-bżonn ta’ Netwerk ta’ Pattulji Kostali permanenti għall-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar. Il-Kummissjoni temmen li din in-netwerk ta’ pattulji jkollha valur miżjud reali, u tippermetti lill-Istati Membri li jikkoordinaw l-iskedi ta’ għassa tagħhom, jiġbru flimkien l-assi ċivili u miltari tagħhom u jiskambjaw informazzjoni strateġika u tattika f’ħin reali. In-netwerk għandha tkun stabbilita u mmexxija mill-FRONTEX flimkien ma’ l-Istati Membri tar-reġjun kemm jista' jkun malajr. Għalkemm jista' jidher bħala prekursur ta' Servizz ta' Gwardja Kostali Ewropea vera u proprja, dan ikun jeħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri u l-vijabilità tat-twaqqif ta’ servizz bħal dan bħalissa qiegħed jiġi eżaminat mill-Kummissjoni f’kuntest usa’ (il- Green Paper dwar Politika Marittima futura, adottata mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ġunju 2006).

25. Għal dan l-għan, għandha tingħata kunsiderazzjoni serja dwar il-vijabilità li jitwaqqfu diversi ċentri ta’ kmand reġjonali fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar b’persunal u tagħmir mill-Istati Membri u kkoordinati mill-FRONTEX. Fil-prattika, il-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar jinqasmu f’numru ta’ żoni ta’ għassa li jkopru l-Gżejjer Kanarji u l-Punent, iċ-ċentru u l-Lvant tal-baħar Mediterran. Dawn iż-żoni jitgħassu mill-Istati Membri taħt il-koordinament taċ-ċentru ta' kmand reġjonali. L-Aġenzija tista’ tikkunsidra wkoll li maż-żmien twaqqaf fergħa speċjalizzata għall-fruntieri marittimi fir-reġjun biex tmexxi dawn iċ-ċentri ta’ kmand. L-istruttura ta’ ċentru reġjonali tkun tintuża l-aktar għall-għassa ta' kuljum, iżda jista' wkoll ikollha rwol fl-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet marittimi konġunti ġestiti mill-FRONTEX. Meta u fejn xieraq, jiġu mistiedna biex jieħdu sehem fin-netwerk ta' pattulji l-pajjiżi terzi ġirien fir-reġjun. Dan il-mudell fil-fatt ġie propost fl-istudju ta’ vijabilità mħejji minn CIVIPOL Conseil għall-Kummissjoni fl-2003 dwar il-kontroll tal-fruntieri marittimi ta’ l-Unjoni Ewropea[5] u jista’ jiġi applikat mutatis mutandis , b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat it-tkabbit ta' l-Unjoni fl-2004 u fl-2007, kif ukoll it-twaqqif tal-FRONTEX.

L-istruttura proposta għal Netwerk ta' Pattulji Kostali:

[pic]

Sistema Ewropea ta’ sorveljanza

26. Biex titjieb aktar is-sorveljanza tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar, għandha tinħoloq Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR) komuni li ssegwi, b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-istudju ta’ vijabilità “BORTEC” li għandu jiġi ppreżentat lill-FRONTEX qabel l-aħħar ta’ l-2006. L-EUROSUR tista’ fl-ewwel fażi tagħha tiffoka fuq is-sinerġiji li jinħolqu bil-kollegament bejniethom tas-sistemi ta’ sorveljanza nazzjonali użati fil-preżent fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar. Fit-tieni fażi, madankollu, din għandha gradwalment tissostitwixxi s-sistemi ta’ sorveljanza nazzjonali fil-fruntieri fuq l-art u dawk marittimi, u b’hekk tipprovdi soluzzjoni effiċjenti f’termini ta' nfiq, inkluż p.e. sorvaljanza kkombinata bir-radar u bis-satellita fuq livell Ewropew, waqt li jitqiesu l-iżviluppi li għaddejjin fil-qafas tal-GMES ( Global Monitoring for Environment and Security - Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà). L-EUROSUR tibbenefika mill-esperjenza fuq livelli nazzjonali u Ewropew b'sistemi ta' sorveljanza simili; għandhom jiġu esplorati wkoll sinerġiji possibbli ma’ sistemi ta’ sorveljanza Ewropej eżistenti għal skopijiet oħra. Fil-qasam marittimu, bħalissa qiegħda tiġi żviluppata, flimkien ma’ l-Istati Membri, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti SafeSeaNet. Is-sistema għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni dwar il-movimenti u t-tagħbija tal-vapuri. L-EUROSUR tista’ żżid l-effettività ta’ SafeSeaNet, jekk is-sistemi jkunu jagħrfu lil xulxin u jikkooperaw. Fl-aħħarnett, għandha titqies il-possibbiltà li fil-EUROSUR jieħdu sehem pajjiżi terzi ġirien.

Titjib tal-kapaċità biex jiġu indirizzati flussi mħallta

27. Waħda mill-akbar sfidi ta’ ġestjoni effettiva ta’ flussi migratorji mħallta kbar hija dik tal- valutazzjoni inizjali immedjata tal-każijiet individwali fil-punti tal-wasla, li tinkludi l-identifikazzjoni tal-persuni li jistgħu jfittxu protezzjoni internazzjonali, jew li jistgħu jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi ta' l-oriġini jew ta’ tranżitu tagħhom, u l-ġestjoni effiċjenti ta’ każijiet individwali, inkluż il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-immigranti u r-refuġjati kif ukoll kwalunkwe sitwazzjoni epidemjoloġika relatata. Dan l-ipproċessar għandu wkoll jippermetti lill-awtoritajiet jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika tal-minuri mhux akkumpanjati.

28. L-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjoni partikolari fuq il-kapaċitajiet tagħhom li jwettqu din il-valutazzjoni inizjali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-għarfien espert u r-riżorsi umani eżistenti fil-preżent fi Stati Membri oħra. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu li jippermetti t-taqsim effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, li fil-mument huma limitati. Mekkaniżmu bħal dan, ibbażat fuq il-forniment volontarju tar-riżorsi, ikun espressjoni ta’ solidarjetà tanġibbli addizzjonali bejn l-Istati Membri[6].

29. Għalhekk, jista' jiġi esplorat l-għoti ta’ assistenza operattiva rapida u mmirata tajjeb lill-Istati Membri kkonċernati permezz tat- twaqqif u l-ġestjoni ta' grupp ta' esperti mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jistgħu jkunu disponibbli għal sejħiet fi żmien qasir. It-timijiet ta’ esperti dwar l-ażil li jkunu stabbiliti minn fost dan il-grupp jibdew jissejħu biex jassistu, fuq bażi temporanja fl-Istati Membri li jitolbuhom, fit-twettiq ta' din il-valutazzjoni inizjali permezz ta’ l-għoti, b’mod partikolari, ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni, esperti fuq il-każ u esperti tal-pajjiż ta' l-oriġini.

30. Il-kompożizzjoni tal-grupp ta' esperti għandha tkun flessibbli u tirrikjedi firxa wiesgħa ta’ ħiliet u għarfien espert biex tkun kapaċi tindirizza b’mod effettiv il-ħtiġiet ta’ l-Istati Membri li jagħmlu t-talba. F’dan il-grupp jista’ jkun hemm ukoll is-sehem ta’ uffiċjali mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (eż. il-UNHCR).Dan l-għarfien espert għandu jkopri kwistjonijiet ta’ saħħa. Fil-kuntest ta’ l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mas-saħħa, it-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-komunikazzjoni għandu jkun parti mill-attivitajiet proposti u mill-mekkaniżmu ta' kollaborazzjoni. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE[7] dwar is-sorveljanza ta’ Mard Komunikabbli u s-Sistema ta’ Twissija Kmieni u Rispons (EWRS – Deċiżjoni Nru 2000/57/KE[8]) bl-appoġġ ta’ l-ECDC.

31. Fil-futur immedjat, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jagħmlu użu mill-istrumenti Komunitarji ta’ finanzjament rilevanti biex jibnu dawn it-timijiet fuq bażi ta’ proġetti. Proġetti ta’ dan it-tip ippjanati tajjeb jista' jkollhom rwol importanti fl-istat ta’ tħejjija għal kriżi. Għal din ir-raġuni, l-użu ta’ timijiet ta’ esperti dwar l-ażil għandhom f'kull każ ikunu kkoordinati ma’ l-attivitajiet operattivi tal-FRONTEX fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar sabiex is-sitwazzjonijiet kritiċi jiġu ġestiti b’mod effiċjenti. Għall-futur, għandhom ikomplu r-riflessjonijiet dwar ir-rwol li jista’ jkollu uffiċċju Ewropew ta’ appoġġ fil-forom kollha ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-Sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil , kif indikat fil-Programm ta’ l-Aja, fit-twaqqif u l-koordinament ta’ dawn it-timijiet. Fix-xhur li ġejjin għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li jsir użu mid-Diretturi Ġenerali tal-Konferenza tas-Servizzi ta’ l-Immigrazzjoni (GDISC) għall-koordinament tat-timijiet f'fażi tranżitorja.

32. F’dan il-kuntest, għandu jiġi esplorat kontribut aktar strutturat mill-UNCHR fl-attivitajiet u l-operazzjonijiet implimentati taħt il-koordinament tal-FRONTEX , sabiex jgħin biex jiġi żgurat li l-obbligi ta’ protezzjoni li joħorġu mill- acquis ta’ l-UE u mid-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-drittijiet tal-bniedem ikunu jikkostitwixxu element ewlieni fl-istrateġiji u l-miżuri kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri. Id-diversi attivitajiet ta’ taħriġ għall-gwardji tal-fruntieri u uffiċjali ta’ l-immigrazzjoni oħrajn jistgħu jibbenefikaw minn assistenza strutturali mill-UNHCR. L-esperti tal-UNHCR jistgħu wkoll jiġu mistiedna jieħdu sehem fit-timijiet ta’ esperti dwar l-ażil deskritti hawn fuq. Għandhom jiġu stabbiliti linji gwida speċjali għall-parteċipanti f’dawn it-timijiet ta’ esperti dwar l-ażil.

L-implimentazzjoni operattiva tad-dritt internazzjonali tal-baħar

33. Bħala parti mis-segwitu ta’ l-Istrateġija Globali, il-Kummissjoni ser tippubblika studju dwar id-dritt internazzjonali tal-baħar b’attenzjoni partikolari fuq il-Mediterran. L-istudju huwa essenzjalment analiżi tan-nuqqasijiet fejn jiġu identifikati l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu esplorati aktar fil-fond. Huwa ċar li l-qafas tad-dritt internazzjonali ma jippermettix reviżjonijiet ad hoc jew għal perjodu ta’ żmien qasir, minħabba l-kumplessità u n-numru ta’ pajjiżi u partijiet interessati kkonċernati fuq livell globali. Madankollu, dawn li ġejjin huma kwistjonijiet essenzjali li l-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiġu indirizzati.

34. Huwa ta’ importanza ewlenija li l-Protokoll ta’ Palermo kontra l-kuntrabandu tal-migranti fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali , jiġi ratifikat minn dawk l-Istati Membri. kif ukoll Stati Afrikani, li għadhom m’għamlux dan. Fuq il-bażi ta’ dan il-Prokotoll, għandu jiġi esplorat il-kamp ta’ appplikazzjoni għal ftehimiet bilaterali u reġjonali li jippermettu arranġamenti operattivi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-migranti.

35. L-għażla b’aktar preċiżjoni tal- modus operandi korrett għall-interċettazzjoni tal-bastimenti li jkunu qegħdin iġorru, jew suspettati li jġorru, immigranti illegali destinati lejn l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-effiċjenza tant meħtieġa ta’ l-operazzjonijiet konġunti biex tiġi evitata u ddevjata l-immigrazzjoni illegali bil-baħar li jinvolvu forzi ta’ Stati Membri differenti li mhux dejjem ikollhom għarfien komuni dwar kif u meta jwettqu l-interċezzjonijiet. Waqt operazzjonijiet konġunti, il-ħidma f’tim u s-sinerġiji bejn l-Istati Membri huma kruċjali għas-suċċess. F’dan il-kuntest, il-ftehimiet reġjonali jistgħu jiddefinixxu d-dritt ta’ sorveljanza u interċezzjoni ta’ bastimenti fl-ibħra territorjali tal-pajjiżi ta’ l-oriġini u ta’ tranżitu rilevanti, biex b’hekk tkun megħjuna l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti mill-FRONTEX għaliex tiġi evitata l-ħtieġa ta’ ftehimiet ad hoc għal kull operazzjoni individwali.

Kwistjoni li għandha tibbenefika minn elaborazzjoni u kjarifika ulterjuri hija l-mod kif jiġi ddeterminat il-port l-aktar xieraq għall-iżbark wara operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar jew interċezzjoni , u l-kwistjoni marbuta mill-qrib ta’ l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-protezzjoni, bejn l-Istati li jieħdu sehem fl-interċettazzjoni u f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, għal persuni interċettati jew salvati li jkunu qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, l-għażla tal-post xieraq għall-iżbark fil-prattika ħafna drabi tirrikjedi r-responsabbiltà ta’ l-Istat ikkonċernat li jeżamina l-bżonnijiet ta’ protezzjoni tal-persuni, minn fost dawk salvati jew interċettati, li jkunu qegħdin ifittxu ażil.

36. Kwistjoni oħra li għandha tingħata attenzjoni partikolari hija l-grad ta’ l-obbligi ta’ protezzjoni fuq l-Istati li joħorġu mir-rispett tal-prinċipju tan-non-respinġiment ( non-refoulment ), fid-diversi sitwazzjonijiet fejn il-bastimenti ta’ l-Istat jimplimentaw miżuri ta’ interċettazzjoni jew tiftix u salvataġġ. B’mod aktar speċifiku, ikun meħtieġ li jiġu analizzati ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istat jista’ jkun obbligat li jassumi r-responsabbiltà li jeżamina talba għall-ażil b'riżultat ta' l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati, partikolarment fejn l-Istat ikun involut f'operazzjonijiet konġunti jew f’operazzjonijiet fl-ibħra territorjali ta’ Stat ieħor jew fil-baħar miftuħ.

Rigward kwistjonijiet li ma jkunux suġġett għal ftehimiet bilaterali jew reġjonali, l-iżvilupp ta’ linji gwida prattiċi jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ikun hemm aktar ċarezza u grad ta' prevedibilità fil-qadi ta’ l-obbligi mill-Istati Membri taħt id-dritt internazzjonali. L-iżvilupp ta’ dawn il-linji gwida għaldaqstant għandu jsir b’kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-UNHCR, u jkun sostnut minn firxa wiesgħa ta' għarfien espert. Il-linji gwida għandhom jitħejjew b’kunsiderazzjoni attenta tal-ħidma mwettqa fil-qafas tal-kumitati rilevanti ta’ l-IMO, li inter alia jittratta l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi ta’ tiftix u salvataġġ taħt id-dritt internazzjonali.

37. Il-Kummissjoni ser tuża l-fora kollha ad hoc xierqa biex tniedi diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq sabiex tappoġġja dan il-proċess u tkattar id-djalogu kemm tista' fil-limiti tal-kompetenzi tagħha.

Użu massimu tal-mezzi finanzjarji tal-Komunità Ewropea

38. Il- baġit tal-FRONTEX ser jintuża biex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota ma' l-Istati Membri fil-fruntieri esterni, inkluż it-twaqqif ta' Netwerk ta' Pattulji Kostali, ċentri ta' kmand reġjonali u, jekk il-Bord ta' Tmexxija ta' l-Aġenzija jiddeċiedi hekk, it-twaqqif u l-ispejjeż rikorrenti ta’ fergħa speċjalizzata għall-fruntieri marittimi fir-reġjun. L-ispejjeż assoċjati ma’ sejħiet għat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fuq il-Fruntieri huma wkoll koperti mill-Aġenzija. Il-baġit totali tal-FRONTEX għall-2007 fl-abbozz ta' baġit perliminari huwa ta’ € 21.2M. Meta jiġu kkunsidrati l-emendi tal-Parlament Ewropew, dan ikun ta’ € 33.98M (ammont li jrid jiġi kkonfermat bl-adozzjoni finali tal-baġit għall-2007).

39. L-użu effiċjenti u rapidu tal-mezzi li għandhom ikunu pprovduti mill- Fond ġdid għall-Fruntieri Esterni huwa essenzjali biex il-miżuri maħsuba jiġu implimentati. Dan il-Fond jipprevedi, suġġett għad-deċiżjoni finali ta’ l-awtorità tal-baġit, total ta’ € 1.82 biljuni għall-perjodu 2007-2013, li minnhom € 170M (ammont li jrid jiġi kkonfermat bl-adozzjoni finali tal-baġit għall-2007). Filwaqt li huwa ċar li l-ħlasijiet taħt il-Fond fir-rigward tal-ġestjoni maqsuma jsiru biss mhux qabel il-bidu ta' l-2008, in-nefqa fuq azzjonijiet imwettqa fl-2007 jistgħu jkunu eliġibbli.

40. Il- linji gwida strateġiċi dwar dan il-Fond ser iħeġġu lill-Istati Membri biex iħejju l-programmazzjoni nazzjonali tagħhom b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija komuni ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri u biex jiżviluppaw approċċ mibni fuq perjodu ta’ żmien twil maħsub biex iżid il-kapaċità fuq livell nazzjonali fl-interess ta' kulħadd. It-taqsim ta' l-għarfien dwar il-prijoritajiet fil-programmazzjoni joħloq sinerġiji bejn l-Istati Membri u jħeġġeġ il-konverġenza fl-għażliet nazzjonali dwar in-natura speċifika ta’ l-azzjonijiet li għandhom ikunu kofinanzjati taħt il-Fond. Dan għandu/jista’ jammonta inter alia għal użu kkoordinat tar-riżorsi allokati lil Stati Membri differenti sabiex jiffinanzjaw il-komponenti differenti ta' l-EUROSUR.

41. F’każijiet sostanzjati ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jkunu jirrikjedu azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni ta’ ċerti Stati Membri, fl-istrateġija ġenerali dwar ġestjoni integrata tal-fruntieri, partikolarment għal operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi, għandha titqies il-possibbiltà ta' kofinanzjament, permezz tas-servizzi ta' appoġġ tal-Fond għall-Fruntieri Esterni. Dan għandu jinvolvi b’mod partikolari ppjanar dettaljat dwar l-użu ta' dawn il-fondi f'każ ta' sitwazzjoni ta' kriżi li tmur lilhinn mill-kapaċità ta' operazzjonijiet regolari ta' sorveljanza fir-reġjuni rilevanti. Barra minn hekk, ser titwarrab riżerva annwali ta’ € 10M għall-finanzjament ta’ azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri individwali li jindirizzaw nuqqasijiet f’punti strateġiċi tal-fruntieri, kif identifikati mill-Aġenzija permezz ta' l-analiżi tar-riskju. Il-fond jippermetti lill-Komunità li tgħin lil Stati Membri partikolari jantiċipaw/jipprevenu emerġenzi futuri possibbli, u b’hekk jikkumplimenta l-ħidma ta’ l-Aġenzija u l-isforzi ta' tkattir tal-kapaċità mwettqa mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-programmi nazzjonali taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni.

42. B’ħarsa aktar fil-bogħod, il-Kummissjoni tipprevedi wkoll li fis-7 Programm Qafas tagħha għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku ssir riċerka għat-titjib tal-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri, li tappoġġja l-isforzi tal-FRONTEX u ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.

43. Fl-isfond ta' l-abbozz tal-baġit preliminari għall-2007, il-Parlament Ewropew approva azzjoni preparatorja fl-2007 għall- "Ġestjoni tal-migrazzjoni / solidarjetà fil-prattika" bil-għan li tgħin lill-Istati Membri jlaħħqu mal-wasla ta' migranti irregolari bil-baħar. Il-baġit allokat għal din l-azzjoni, flimkien ma’ proġetti ta’ ritorn u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-immigrazzjoni fl-UE, huwa ta’ € 15M (ammont li jrid jiġi kkonfermat bl-adozzjoni finali tal-baġit għall-2007). L-ippjanar bil-quddiem mill-Istati Membri jista’ jkun kritiku biex isir użu mill-aktar effiċjenti ta’ din l-azzjoni.

44. L- azzjonijiet Komunitarji tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ERF) jistgħu jkopru l-ispejjeż ta' proġetti li jgħaqqdu timijiet ta' esperti dwar l-ażil, kif spjegat f'din il-Komunikazzjoni. Minn Jannar 2008, bl-ERF III, minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza mhux prevista, il-possibbiltà li jissejħu timijiet ta’ esperti bħal dawn għandha tiżdied.

45. Fl- ERF III wkoll, ser ikun hemm mekkaniżmu li jippermetti lil Stati Membri li jkollhom quddiemhom sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari, aċċess rapidu u faċli għal assistenza finanzjarja ta’ emerġenza mill-Fond. Dan jista’ jżid l-abbiltà tagħhom li jipprovdu kundizzjonijiet ta' lqugħ adegwati u li jmexxu l-proċeduri ta' l-ażil b'mod ġust u effiċjenti, b'konformità man-normi u l-istandards stabbiliti mil-liġi Komunitarja. Attivitajiet bħal dawk li jissejħu biex iwettqu t-timijiet ta’ esperti dwar l-ażil huma fost l-azzjonijiet eliġibbli għal appoġġ finanzjarju bħal dan.

Konklużjoni

46. Hemm ħtieġa ċara li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar bil-għan li tittejjeb il-kapaċità tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw sitwazzjonijiet kritiċi, bħalma hu l-influss tal-massa ta' immigranti illegali. Is-soluzzjonijiet indikati f’din il-Komunikazzjoni huma l-aktar ta’ natura prattika u jirriflettu l-bżonn ta’ azzjoni urġenti fil-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar. Madankollu, xi wħud mis-suġġerimenti mogħtija hawn fuq huma applikabbli wkoll għal tipi oħra ta’ fruntieri esterni u f’reġjuni oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

47. Il- kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija ta’ importanza kbira biex sitwazzjonijiet kritiċi fil-fruntieri esterni jiġu ġestiti tajjeb, partikolarment fir-rigward ta' l-identifikazzjoni tal-persuni u r-ritorn ta' immigranti illegali, iżda wkoll fil-kooperazzjoni operattiva u l-isforzi ta' prevenzjoni ta' l-immigrazzjoni illegali. Din il-kooperazzjoni teżisti diġà, ngħidu aħna fil-kuntest tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-Pjani ta’ Azzjoni tal-PEV, iżda għandha tkompli tiżdied, tissaħħaħ u tinfirex.

48. Fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni Ewrpea, il-FRONTEX għaldaqstant għandha, skond l-analiżi tar-riskju, tipprovdi assistenza fl-identifikazzjoni tal-pajjiżi terzi l-aktar rilevanti għall-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar u hija stess tmexxi negozjati magħhom, fuq livell tekniku, dwar arranġamenti ta' ħidma kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jwaqqaf l-Aġenzija.

49. L- attivitajiet operattivi maħsuba biex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali, jipproteġu r-refuġjati u jiżguraw applikazzjoni uniformi ta’ l- acquis ta’ Schengen fil-fruntieri esterni, ma jistgħux jiffunzjonaw waħedhom. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni għandha tinqara fil- kuntest usa’ ta’ l-istrateġija komprensiva dwar il-migrazzjoni , fejn huma inklużi l-aspetti kollha relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Ir-relazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ tranżitu u ta’ oriġini, u kif l-aħjar jiġu indirizzati l-għeruq ta' l-immigrazzjoni illegali huma suġġetti trattati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-istrateġija globali dwar il-migrazzjoni sena wara - Lejn Politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni”.

[1] Dok.13559/06 JAI 489 MIGR 149 FRONT 199 COMIX 801 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2006

[2] COM(2006) 275 finali

[3] ĠU L 83 1.4.2005, p.48.

[4] COM(2006) 401 finali tad-19 ta' Lulju 2006

[5] “Étude de faisabilité relative au contrôle des frontières maritimes de l'Union européenne”, Rapport finali ta’ l-1 ta’ Settembru 2003

[6] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ ta’ kooperazzjoni prattika. Strutturi ġodda, metodi ġodda: Intejbu l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil COM(2006) 67 finali tas-17 ta’ Frar 2006

[7] ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1 - 7

[8] ĠU L 21, 26.1.2000, p. 32 - 35