52006DC0686




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.11.2006

KUMM(2006) 686 finali

WHITE PAPER

WHITE PAPER DWAR IT-TISĦIĦ TAL-QAFAS TAS-SUQ WAĦDIENI GĦALL-FONDI TA’ L-INVESTIMENT {SEC(2006)1451}{SEC(2006)1452}

(preżentata mill-Kummissjoni)

WHITE PAPER

WHITE PAPER DWAR IT-TISĦIĦ TAL-QAFAS TAS-SUQ WAĦDIENI GĦALL-FONDI TA’ L-INVESTIMENT

Introduzzjoni:

Il-fondi ta’ l-investiment jipprovdu lill-investituri mhux professjonali b’aċċess għal investimenti diversifikati u mmaniġġjati b’mod professjonali b’termini raġjonevoli. L-investituri Ewropej se jkollhom bżonn negozju ta’ l-immaniġġjar ta’ l-assi kapaċi u rregolat sew peress li s-soċjetà li qed tixjieħ tirrikjedi li dawn jerfgħu iktar responsabbiltà għall-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom fit-tul. Dan diġà qed iwassal għal tkabbir kbir ħafna f’dan in-negozju – fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Investituri istituzzjonali, inkluż il-fondi, huma responsabbli għas-sehem li qed jikber ta’ investimenti tal-familji fil-pajjiżi tal-G-10 kollha. Il-fondi ta’ l-investiment jammontaw għal 12.6% ta’ l-assi finanzjarji tal-familji Ewropej[1]. Il-fondi ta’ l-investiment ta’ l-UE esperjenzaw tkabbir għal ħames darbiet fl-assi mmaniġġjati fuq firxa ta’ 12-il sena. Huma mistennija rati ta’ tkabbir ta’ madwar 10% fis-sena matul il-perjodu sa l-2010 – li se jwasslu biex l-assi totali mmaniġġjati mill-fondi jaqbżu t-8 triljun €. Il-bażi tal-qafas ta’ l-UE għall-fondi ta’ l-investiment hija d-Direttiva dwar l-UCITS ta’ l-1985. Id-Direttiva dwar l-UCITS[2] ipprovdiet il-punt fokali għat-tkabbir ta’ industrija Ewropea ta’ fondi b’saħħitha. Dan is-suq qed jiġi organizzat iktar ta’ spiss fuq bażi pan-Ewropea. L-użu tal-passaport tal-prodotti UCITS infirex sew. Fl-2005, il-bejgħ ta’ fondi transkonfinali rrappreżenta madwar 66% tad-dħul nett totali ta’ l-industrija.

L-isfida għal dawk il-persuni li jfasslu l-politiki ta’ l-UE hi li jiżguraw li dan il-qafas regolatorju jibqa’ effettiv fid-dawl tad-dinamika tas-suq u l-ħtiġijiet ta’ l-investituri li qed jinbidlu. It-tibdiliet strutturali kbar fis-swieq finanzjarji Ewropej qed jitfgħu iktar tensjoni fuq is-sistema regolatorja ta’ l-UCITS. Din il-White Paper tistipola l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar modi kif jista’ jiġi ssimplifikat l-ambjent leġiżlattiv Ewropew filwaqt illi jiġu pprovduti soluzzjonijiet attraenti u sikuri lill-investituri.

Kaxxa: Fondi ta’ l-investiment, UCITS u non-UCITS:

Il-fondi ta’ l-investiment huma mezzi ta’ investiment kostitwiti b’mod speċjali, maħluqa bl-iskop uniku biex jiġbru assi mingħand investituri u jinvestu dawk l-assi f’ġbir flimkien ( pooling ) ta’ assi diversifikati. L-investituri jixtru titoli ta’ kreditu maħruġa mill-fond kontra l-assi sottostanti, u l-valur ta’ dawk it-titoli ta’ kreditu jiċċaqlaq mal-valur ta’ l-assi sottosanti. B’dan il-mod, l-investituri ż-żgħar jistgħu jixtru skopertura għal basket ddiversifikat u mmaniġġjat b’mod professjonali ta’ assi finanzjarji jew ta’ assi oħra. L-ispejjeż indiretti jitqassmu fuq ġabra ta’ investituri, b’hekk titnaqqas in-nefqa medja għall-investitur. L-investituri għandhom ikunu jistgħu jbigħu l-ishma tagħhom lura fil-miftuħ meta jridu (fondi jagħlqu) jew l-assi tagħhom jistgħu jiġu marbuta għal perjodu fiss (fondi li ma jagħlqux).

UCITS (Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli ta' Kreditu Trasferibbli) huma fondi ta’ l-investiment stabbiliti u awtorizzati f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/611/KEE. Din id-Direttiva tistipola rekwiżiti komuni għall-organizzazzjoni, l-immaniġġjar u tas-superviżjoni tal-fond. Timponi regoli relatati mad-diversifikazzjoni tal-fond, il-likwidità u l-użu ta’ l-ingranaġġ. Id-Direttiva dwar l-UCITS tiddefinixxi lista ta’ assi eliġibbli li fihom il-fond jista’ jinvesti. Ladarba jiġi awtorizzat, fond UCITS jista’ jitqiegħed fis-suq għall-pubbliku fl-UE kollha bil-kundizzjoni li ssir notifika f’kull Stat Membru fejn jinbiegħ.

“ Non-UCITS” huwa terminu li jiġbor kollox fih li jirreferi għall-fondi mhux armonizzati kemm jekk suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kemm jekk le. Dan jikkonsisti f’firxa wiesgħa ta’ stili u prodotti ta’ investiment – li jifirxu minn prodotti orjentati għas-settur mhux professjonali bħalma huma fondi li ma jagħlqux tal-propjetà sa prodotti volatili bħalma huma fondi ta’ komodità u fondi ta’ kapital privati.

[pic] L-introduzzjoni ta’ effiċjenza ikbar fil-qafas attwali:

Id-Direttiva dwar l-UCITS m’għadhiex biżżejjed biex tappoġġja l-industrija Ewropea tal-fondi hekk kif din qiegħda tirristruttura biex tiffaċċja sfidi kompetittivi ġodda u l-ħtiġijiet li qed jinbidlu ta’ l-investituri Ewropej. Elementi ċentrali fid-Direttiva mhumiex qed jiffunzjonaw b’mod effettiv. Il-libertajiet mogħtija mid-Direttiva qed jiswew fi spejjeż ta’ konformità għolja bla bżonn. Ma tippermettix biżżejjed flessibbiltà lill-maniġers tal-fondi b’fondi jew attivitajiet fi Stati Membri differenti, biex jorganizzaw u jirristrutturaw in-negozji. L-ineffiċjenzi u r-restrizzjonijiet bħal dawn, huma riflessi fi spejjeż ogħla u inqas redditu li qed ikollhom iġorru l-investituri tal-fondi. Riċerka indipendenti tistma li tnaqqis fl-ispejjeż ta’ l-operat tal-fondi Ewropej għal-livelli ta’ l-ispejjeż ta’ l-Istati Uniti kieku jagħti spinta lir-redditi nominali ta’ l-investiment bi 3%[3]. Il-passi previsti f’din il-White Paper huma ta’ importanza potenzjalment sinifikanti għall-miljuni ta’ familji li investew fil-fondi. Biex dawn il-benefiċċji jaslu s’għand l-investituri finali, se jkun hemm il-bżonn ta’ kompetizzjoni effettiva matul il-katina kollha tal-valur tal-fond.

It-trattament ta’ sfidi usa’:

Il-qafas attwali ta’ l-UE qed jiffaċċja sfidi ġodda għall-ambitu u l-metodu tiegħu:

1. Hemm differenza li qed dejjem tikber bejn is-settur ta’ l-UCITS u r-realtà tas-suq: Ħafna fondi mhux professjonali ma jistgħux jikkonformaw mar-regoli ta’ l-investiment preskrittivi tad-Direttiva: huma disponibbli għall-investituri mhux professjonali fuq livell nazzjonali iżda mhux bejn il-fruntieri. Id-Direttiva kienet diġà ġiet emendata darba biex tinkludi firxa usa’ ta’ politiki ta’ l-investiment. Attwalment, il-Kummissjoni qed tiċċara jekk firxa usa’ ta’ politiki ta’ l-investimenti hix kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Madankollu, innovazzjoni kontinwa tfisser li aħna qed inkunu kontinwament sforzati nirrevedu din il-kwistjoni. Il-White Paper tipprevedi analiżi sistematika tar-regoli ta’ l-investiment u r-rendiment tal-fond użati kemm mill-fondi armonizzati u dawk mhux armonizzati.

2. Maniġers tal-fondi ta’ l-investiment se jkunu minn ta’ quddiem biex jipprovdu lill-individwi b’għażliet biex ifaddlu għall-irtirar . Fondi ta’ l-investiment jipprovdu mezz stabbilit biex jiġi akkumulat il-kapital matul is-snin ta’ xogħol fil-ħajja. Issa l-isfida hija li dak it-tifdil jiġi ttrasformat fi dħul sikur u li jista’ jitbassar għall-investituri li rtiraw. It-tiġrija biex jiġu żviluppati dawn il-prodotti bdiet.

3. Kompetizzjoni minn tipi oħra ta’ prodotti finanzjarji . Bosta prattikanti f'dan is-suq jargumentaw li huwa ogħla u aktar restrittiv li timmaniġġja fond ta’ l-UCITS milli li tbigħ tipi oħra ta’ prodotti ta’ investiment – bħalma hi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (marbuta ma’ l-unità) jew noti u ċertifikati strutturati. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi differenti tal-prodotti u dawk regolatorji, ma jagħmilx sens li wieħed iqabbel dawn it-tipi ta’ prodotti. Il-Kummissjoni ma temminx li r-risposta tinsab fl-estensjoni tar-regolament tal-fondi tat-tip UCITS għall-mezz ta’ tifdil fit-tul. Hija tħoss li hemm bżonn ta’ impenn regolatorju kostanti li jiżgura li l-bejgħ tal-prodotti kollha ta’ investiment ikun soġġett għal regoli ċari li jipproteġu l-investituri milli jinżammilhom iktar milli suppost jew minn bejgħ abbużiv. Il-Kummissjoni se tippubblika r-riżultat tar-riċerka dwar is-suq li tikkonċerna dan il-punt lejn nofs is-sena 2007.

4. L-ilħiq ta’ l-isfida tal-kompetizzjoni globali. L-awtorizzazzjoni ta’ l-UCITS kisbet rikonoxximent qawwi fuq livell globali bħala garanzija ta’ strutturar sod tal-prodott u regolamentazzjoni effettiva. Industrija Ewropea tal-fondi, innovattiva u regolata b’mod sod, diġà qed tesporta l-ħiliet tagħha f’reġjuni oħra. Madankollu, diġà bdiet tinħoloq kompetizzjoni minn ġurisdizzjonijiet oħra tal-fondi. Se jkunu meħtieġa sforzi regolari sabiex wieħed jibqa’ fuq quddiem nett fl-iskala globali.

Nibnu fuq il-qafas eżistenti:

Din il-White Paper tipprevedi żvilupp progressiv tal-qafas eżistenti. Tipproponi li timmodernizzah u tikkumplimentah f’għadd ta’ oqsma speċifiċi u mmirati – b’mod notevoli billi jinqatgħu proċeduri u spejjeż li ma jtejbux, b’mod sinifikanti, il-protezzjoni ta’ l-investitur. Tirrikonoxxi inċertezza dwar kemm huma adattati l-ambitu u t-tifsila tad-Direttiva attwali. Tikkonkludi li, kollox ma’ kollox, m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex issir reviżjoni fundamentali tad-Direttiva f’dan l-istadju. Minflok tipprevedi analiżi strutturata tal-ħtieġa għal tibdil fl-ambitu u l-metodu regolatorju tad-Direttiva hekk kif il-fruntieri tas-suq tal-fondi qed jitwessgħu.

Il-White Paper tipprevedi azzjonijiet sabiex:

5. Issaħħaħ il-libertajiet tas-suq waħdieni biex b’hekk tippermetti li l-industrija tal-fondi sservi b’mod iktar effiċjenti lill-investituri Ewropej u dawk globali;

6. Tiżgura li l-investituri huma f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment u jafdaw f'intermedjarji kwalifikati għal assistenza esperta objettiva;

7. Tivvaluta jekk qafas ta’ suq waħdieni għandux jinħoloq sabiex jippermetti l-bejgħ transkonfinali ta’ xi tipi ta’ non-UCITS lill-investituri mhux professjonali u kif dan jista’ jsir bl-iktar mod effettiv;

8. Tniedi xogħol fuq sistema Ewropea ta’ ‘allokazzjoni privata’ sabiex jiffaċilita l-bejgħ ta’ fondi mhux armonizzati u strumenti finanzjarji lil investituri istituzzjonali u sofistikati fi Stati Membri oħra.

Din il-White Paper ġiet żviluppata abbażi ta’ konsultazzjoni u dibattitu estensiv mal-konsumaturi, il-prattikanti fl-industrija u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet matul perjodu ta’ sentejn. Tibni fuq ir-reazzjonijiet dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2005[4]; tliet rapporti minn gruppi ta’ esperti fil-qasam ta’ l-industrija magħmula speċifikament għal dan il-għan u reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati[5]; serje ta’ inizjattivi ad hoc inklużi żewġ gruppi ta’ ħidma dwar il-prospektus issimplifikat. Tirrispondi ukoll direttament it-tħassib importanti li tqajjem fir-rapport tal-Parlament Ewropew. Il-passi proposti f’din il-White Paper kienu wkoll suġġetti għal valutazzjoni ta’ l-impatt rigoruża.

1. APPOġġ GħAL INDUSTRIJA EWROPEA TAL-FONDI IKTAR EFFIċJENTI:

F’Lulju 2005, il-Green Paper tal-Kummissjoni identifikat in-nuqqasijiet li ġejjin fil-qafas leġiżlattiv eżistenti:

- Ix-xkiel u l-fallimenti tal-passaport tal-prodott. Proċeduri fit-tul għat-tqegħid fis-suq bejn il-fruntieri, li jiswew ħafna u li huma suġġetti għal wisq interferenza mis-sorveljanza;

- L-iżvelar ta’ l-istandard sekondarju għall-investituri: il-prospektus issimplifikat ma jgħinx lill-investituri jew lill-konsulenti tagħhom sabiex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fis-sod.

- Il-profilerazzjoni ta’ fondi żgħar ineffiċjenti: Id-Direttiva ma tipprevedi l-ebda mekkaniżmu li jiffaċilita l-amalgamazzjoni ta’ fondi jew l-immaniġġjar miġbur ta’ l-assi. Is-suq Ewropew tal-fondi huwa magħmul minn fondi żgħar u relattivament għalja li jwasslu biex l-ispejjeż jogħlew.

- L-ostakli għall-ispeċjalizzazzjoni funzjonali u ġeografika. Id-Direttiva teħtieġ konċentrazzjoni ta’ l-attivitajiet kollha tal-katina tal-valur fi Stat Membru wieħed. il-fond biss jista’ jingħata ‘passaport’. Dawn ir-restrizzjonijiet leġiżlattivi jipprevjenu li l-industrija tal-fondi tieħu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji kollha tal-post u l-ispeċjalizzazzjoni li joffri s-suq waħdieni .

Is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw dawn l-ineffiċjenzi min-naħa tal-provvista u vvalutaw l-impatti pożittivi u negattivi ta’ opinjonijiet differenti għat-tneħħija tagħhom. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt tipprovdi stennija ċara li azzjoni fuq għadd ta’ oqsma se twassal għal benefiċċji li se jpattu sew għall-ispejjeż u r-riskji ta’ azzjoni. Issib ukoll ftit evidenza li tappoġġja għadd ta’ azzjonijiet. Din it-taqsima tintroduċi dawk il-punti li dwarhom il-Kummissjoni se tressaq proposti mill-iktar fis possibbli sabiex tbiddel id-Direttiva eżistenti. Uħud minn dawn il-libertajiet huma kumplimentari. Huma jipprovdu għadd ta’ għażliet lill-maniġers u lill-amministraturi tal-fondi sabiex jutilizzaw il-benefiċċji ta’ l-effiċjenza tas-suq waħdieni permezz ta’ numru ta’ mudelli tan-negozju.

1.1. It-tneħħija ta’ l-ostakli amministrattivi għat-tqegħid fis-suq bejn il-fruntieri:

Qabel ma fond jitqiegħed fis-suq fi Stati Membri oħra, ir-Direttiva dwar l-UCITS teħtieġ li l-maniġer tal-fond iressaq dokumentazzjoni estensiva lill-awtorità lokali rilevanti u jistenna perjodu ta’ xahrejn sakemm din ta’ l-aħħar tivverifika l-konformità mar-regoli lokali ta’ reklamar. L-iskadenza ta’ xahrejn mhux dejjem tiġi rrispettata. Ġew irrapurtati każijiet fejn il-proċess ta’ notifika dam bejn tmien u disa’ xhur biex jitlesta. Ftit huma l-benefiċċji li jistgħu jiġu identifikati mis-sistema ta’ notifika attwali. Din mhix ħlief spiża għall-parteċipanti tas-suq. Tfixkel severament il-progress ta’ prodotti ġodda fis-suq waħdieni.

Bdew sforzi estensivi biex jitneħħew is-sorsi l-iktar importanti ta’ kunflitt amministrattiv li laħqu l-eqqell tagħhom bil-linji gwida tas- CESR [6] f’Ġunju 2006. Madankollu, dan it-titjib li jistħoqqlu għarfien ma jistax jegħleb l-ostakli amministrattivi u proċedurali li għandhom l-oriġini tagħhom f’dispożizzjonijiet antiki tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tressaq proposti biex l-Artikoli 44-47 tad-Direttiva jiġu emendati. Il-proċeduri amministrattivi eżistenti li għandhom jiġu ssodisfati qabel ma fond jista’ jitqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor – b’mod partikolari l-verifika ex-ante ddettaljata tad-dokumentazzjoni tal-fond mill-awtorità li qed tilqa’ u l-perjodu ta’ stennija attwali ta’ massimu ta’ xahrejn – se jitnaqqsu. Skambji ta’ dokumentazzjoni u skambji oħrajn jistgħu jseħħu fuq bażi ta’ regolatur lil regolatur. Se jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għas-supervizjoni biex jiżguraw li l-problemi identifikati jissolvew kemm jista’ jkun malajr. L-awtorità responsabbli mis-superviżjoni tal-pajjiż li qed jilqa’ għandha tara li l-intermedjarji responsabbli direttament għal dawk l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni li qed tilqa’, qed jikkonformaw mar-regoli lokali ta’ tqegħid fis-suq u r-reklamar, iktar milli l-maniġer tal-fond tal-pajjiż sieħeb. |

1.2. L-iffaċilitar ta’ amalgamazzjonijiet ta’ fondi transkonfinali.

Is-suq ta’ l-UCITS huwa magħmul minn fondi ta’ daqs sekondarju: madwar 54% tal-fondi ta’ l-UCITS għandhom inqas minn 50 miljun € f’assi mmaniġġjati. Konsegwentement, ekonomija ta’ skala kbira importanti tibqa’ mhux sfruttata biżżejjed u l-investitur iġorr spejjeż għalja bla bżonn. Ir-riċerka stmat li l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu b’5-6 biljun € fis-sena.

Fin-nuqqas ta’ qafas ta’ l-UE li jiffaċilitahom, l-amalgamazzjonijiet tal-fondi huma kumplessi, jieħdu fit-tul u għalja – jekk qatt ikunu possibbli. L-amalgamazzjonijiet ta’ fondi bejn il-fruntieri jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari – li ġejjin mid-differenzi bejn l-arranġamenti nazzjonali legali u ta’ sorveljanza. Fl-2005, 3.5% mill-amalgamazzjonijiet biss kienu transkonfinali. L-amalgamazzjonijiet ta’ fondi bejn il-fruntieri m’għandhomx iwasslu għal konsegwenzi fiskali negattivi għall-investituri. Bosta Stati Membri diġà jħaddmu arranġamenti fiskali li jiżguraw li l-amalgamazzjonijiet bejn il-fondi domestiċi jseħħu b’mod effiċjenti f’termini ta’ taxxa. Huwa essenzjali li jkun żgurat li tali benefiċċji jiġu estiżi għall-amalgamazzjonijiet li jinvolvu fondi minn Stati Membri oħra.

Il-Kummissjoni se tipproponi żidiet mad-Direttiva dwar l-UCITS biex toħloq il-kundizzjonijiet legali u regolatorji xierqa għall-amalgamazzjoni tal-fondi. Dawn id-dispożizzjonijiet se jiżguraw li l-amalgamazzjonijiet tal-fondi se jqisu l-ħtiġijiet ta’ l-investituri fil-fondi ta’ l-amalgamazzjoni. B’mod partikolari se jkun hemm il-ħtieġa li ssir notifika effettiva ta’ l-amalgamazzjoni minn qabel sabiex tkun ipprovduta l-possibilità lill-pussessur ta’ l-unitajiet biex jifdu bla ħlas. Sa fejn hija kkonċernata t-tassazzjoni ta’ l-amalgamazzjonijiet ta’ l-UCITS[7], il-Kummissjoni hi ta’ l-opinjoni li jkun iktar ta’ vantaġġ li tibni fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Din ir-rotta tidher li tipprometti iktar mit-tressiq ta’ proposti għall-armonizzazzjoni fiskali li se teħtieġ l-appoġġ unanimu tas-27 Stat Membru. Abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ), il-Kummissjoni se tressaq Komunikazzjoni biex tiċċara li l-arranġamenti nazzjonali ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu estiżi għall-amalgamazzjonijiet li jinvolvu fondi domiċiljati fi Stat Membru ieħor. |

1.3. Ġbir flimkien ta’ l-assi[8]:

Il-ġbir flimkien ta’ l-assi jippermetti mmaniġġjar simultanju ta’ l-assi miġbura minn fondi differenti - filwaqt li żżomm il-preżenza ta’ fondi lokali fi swieq b’miri differenti. Il-ħiliet u l-ispejjeż tat-timijiet ta’ mmaniġġjar li jkollhom suċċess jistgħu jinfirxu fuq ġbir flimkien usa’ ta’ assi. Dawn it-tekniki mhumiex biss rilevanti għall-fondi ta’ l-investiment iżda wkoll biex iservu ta’ mudell possibbli għall-fondi ta’ pensjonijiet. L-użu tal-ġbir flimkien qed dejjem jiżdied f’xi wħud mill-Istati Membri. Madankollu, hemm ostakli sinifikanti għall-ġbir flimkien ta’ l-assi bejn il-fruntieri.

Metodu tekniku u legalment sempliċi għall-‘ġbir flimkien ta’ l-assi’ huwa magħruf bħala ‘l-ġbir flimkien ta’ l-entitajiet’. Attwalment, dan il-metodu huwa eskluż mir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni tad-Direttiva dwar l-UCITS. Madankollu, hemm appoġġ qawwi u esperjenza estensiva dwar xi strutturi ta’ ġbir flimkien ta’ l-entitajiet (per eżempju, il-‘master-feeders’). Metodu ieħor, magħruf bħala l-‘ġbir flimkien virtwali’ m'għandux bżonn it-trasferiment ġuridiku ta’ l-assi għall-fond li jirċievi. Iżda jpoġġi responsabbiltajiet kbar fuq l-amministrazzjoni tal-fond u l-funzjonijiet klerikali. Xi regolaturi għandhom id-dubji tagħhom dwar din it-teknika relattivament ġdida u mhux ittestjata, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-infurzar tal-kuntratt, iżda wkoll fir-rigward ta’ kemm hi soda t-teknoloġija ta’ l-informatika u l-kontrolli ta’ l-immaniġġjar tar-riskji.

Il-Kummissjoni se tipproponi emendi għar-regoli ta’ diversifikazzjoni u għal dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva sabiex tippermetti metodu espansiv għall-‘ġbir flimkien ta’ l-entitajiet’. Fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli teżamina kemm huma sodi t-tekniki tal-ġbir flimkien virtwali u l-bżonn ta’ emendi fid-Direttiva biex tipprovdi ċertezza legali u ssaħħaħ l-immaniġġjar effettiv u s-sorveljanza ta’ tali strutturi. |

1.4. Il-passaport tal-kumpanija ta’ l-immaniġġjar:

Attwalment, il-gruppi ta’ l-immaniġġjar jeħtieġ jistabbilixxu kumpanija ta’ l-immaniġġjar li tiffunzjona bis-sħiħ f’kull pajjiż fejn jiddomiċiljaw fond: dawn għandhom jissodisfaw rekwiżiti ta’ sustanza lokali għalja. Dan jgħolli l-ispejjeż u jipprevjeni gwadanji mill-iskala kbira u l-ispeċjalizzazzjoni. L-emenda ta’ l-2001 naqset milli tintroduċi passaport tal-kumpanija ta’ l-immaniġġjar effettiv għall-fondi tal-kumpanija. Issa huwa ż-żmien li dan ix-xogħol mibdi jitlesta u li dawn id-drittijiet jiġu estiżi għall-fondi kuntrattwali. Il-Kummissjoni tħossha kunfidenti li jistgħu jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sorveljanza rigward it-tqassim tar-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ l-amministrazzjoni tal-fondi mill-maniġment tal-fondi. Se jkun hemm bżonn ta’ kunsiderazzjoni b’attenzjoni lejn l-ambitu tas-servizzi passaportabbli tal-maniġment u attenzjoni biex jiġi żgurat li l-passaport tal-kumpanija ta’ l-immaniġġjar ma jikkumplikax l-istrutturar effiċjenti f’termini fiskali tal-katina tal-fond. Il-passaport tal-kumpanija ta’ l-immaniġġjar m’għandux jitfa’ r-responsabbiltà tal-kontroll fil-pajjiż ta' domiċilju ta’ kull sustanza. Dan kieku jimmina s-sorveljanza effettiva tal-fond mid-depożitorju – wieħed mis-sostenituri tal-protezzjoni ta’ l-investitur fid-Direttiva dwar l-UCITS.

Il-Kummissjoni se tipproponi emendi fid-Direttiva biex jippermettu kumpanija ta’ l-immaniġġjar awtorizzata biex timmaniġġja fondi tal-kumpanija u fondi kuntrattwali fi Stati Membri oħra. L-ambitu tas-servizzi passaportabbli se jkollu bżonn jiġi ttestjat b’attenzjoni u vvalidat matul fażi preparatorja. |

1.5. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni għas-sorveljanza:

Il-bidliet fil-qafas tas-suq waħdieni li ssemmew hawn fuq se jħejju t-triq għall-operazzjonijiet, pjattaformi jew strutturi transkonfinali li jistgħu jkunu iktar kumplessi legalment u teknikament. Awtoritajiet differenti ta’ l-infurzar jistgħu jkunu responsabbli għal parteċipanti differenti fil-katina tal-valur mibnija mill-ġdid. Sorveljanza effettiva ta’ l-istrutturi u l-funzjonijiet bejn il-fruntieri se jkollha bżonn tiġi msaħħa permezz ta’ kooperazzjoni sħiħa u f’waqtha bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Per eżempju, is-simplifikar mixtieq tal-proċeduri ta’ notifika tal-fondi se jkun akkumpanjat minn dispożizzjonijiet li jimponi obbligu fuq l-awtorità tal-pajjiż tal-fond biex tirrispondi b’mod effettiv lill-pajjiżi sieħba kkonċernati fil-ħin. Emendi oħra – bħalma huma l-passaport tal-kumpanija ta’ l-immaniġġjar, l-istrutturi tal-ġbir flimkien u l-amalgamazzjonijiet – kollha se jeħtieġu speċifikazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet rispettivi ta’ l-awtoritajiet differenti ta’ sorveljanza, u l-kjarifika tad-doveri li kull awtorità differenti ta’ sorveljanza għandha tagħti lill-kollegi tagħha. Dan se jżid il-kunfidenza fis-saħħa ta’ l-istrutturi transkonfinali. Il-Kummissjoni tħossha kunfidenti li tista’ tinstab kooperazzjoni effettiva għas-sorveljanza ta’ l-UCITS kif instabet għal oqsma sensittivi oħra ta’ infurzar tal-liġi dwar titoli ta’ kreditu (per eżempju, l-abbuż tas-suq). Il-grupp espert tas- CESR dwar l-immaniġġjar ta’ l-investimenti diġà qed irendi bħala netwerk effettiv għas-sejba ta’ soluzzjonijiet pragmatiċi għall-isfidi komuni li toffri s-sorveljanza.

Il-Kummissjoni se tressaq proposti biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-UCITS relatati ma’ l-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni għas-sorveljanza. L-emendi se jkunu mfassla fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ leġiżlazzjoni iktar reċenti dwar titoli ta’ kreditu (per eżempju, MiFID[9] u d-Direttiva dwar il-Prospektus). Se jkun meħtieġ li awtoritajiet ta’ l-infurzar jipprovdu assistenza f’waqtha u li jintervjenu fejn meħtieġ f’każ ta’ diffikultajiet li joriġinaw fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Għandhom ikunu mgħammra b’setgħat kumparabbli fejn jidħlu t-tfixxija u l-ikkastigar ta’ kondotta ħażina mill-maniġers tal-fondi.

1.6. Titjib fl-effiċjenza li ma jirrikjedix tibdil fid-Direttiva:

- Data ta’ skadenza stretta għall-awtorizzazzjoni tal-pajjiż tad-domiċilju : Dewmien ta’ sitt ġimgħat qabel il-kisba ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-UCITS mhix xi ħaġa rari. Dan joħloq żvantaġġ sinifikanti għall-UCITS meta mqabbla ma’ prodotti ta’ investiment oħra u titoli ta’ kreditu individwali. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħaffu l-approvazzjonijiet tal-fondi. Madankollu, m’hemmx bżonn li jintervjeni l-leġiżlatur ta’ l-UE. Għandha titħalla topera l-‘kompetizzjoni bejn is-sistemi’. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali b’interess li jibnu negozju domestiku ta’ fondi b’suċċess għandhom inċentiv ċar li jimplimentaw proċeduri ta’ awtorizzazzjoni effiċjenti u affidabbli.

- It-trasferiment tal-messaġġi u l-ipproċessar/l-arranġament ta’ l-ordnijiet għall-fondi: L-ipproċessar ta’ l-ordnijiet għall-fondi ma żammx mal-pass tat-tkabbir tas-suq u t-tibdil fis-sistemi ta’ distribuzzjoni. Huwa kkaratterizzat minn riskji ogħla ta’ l-operat, dewmien itwal ta’ l-ipproċessar u, inevitabilment, minn spejjeż ogħla. Madankollu, dawn l-ineffiċjenzi mhumiex imsejsa fuq ir-regolament jew l-intervenzjoni tas-settur pubbliku – iżda huma kkawżati min-nuqqas ta’ ħila tas-settur privat u d-diffikultajiet ta’ koordinament ta’ tranżizzjoni għal teknoloġiji superjuri jew mudelli ta’ negozju iktar effiċjenti. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-industrija Ewropea biex tiżviluppa strateġija koerenti sabiex jiddaħħal, b’mod gradwali, it-titjib meħtieġ f’dawn il-funzjonijiet.

- Passaport tad-depożitorju: Jidher li l-libertà li jiġi maħtur depożitorju fi Stat Membru ieħor mhux se toffri l-prospett ta’ qligħ sinifikanti. Il-funzjonijiet tad-depożitorju jiffurmaw biss proporzjon baxx ta’ l-ispejjeż totali tal-fond u ġew eżawriti mhux ħażin permezz ta’ l-użu estensiv tad-delegazzjoni. Kwalunkwe benefiċċju marġinali jidher li hu megħlub b’mod konsiderevoli mill-iskala ta’ aġġustamenti li se jkun hemm bżonn fid-Direttiva sabiex jiġu armonizzati r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tad-depożitorju. Il-Kummissjoni se tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu għadd ta’ passi biex ineħħu l-barrieri għall-għażla u l-flessibilità fil-ħatra tal-kustodji tal-fondi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippermettu fergħat minn banek awtorizzati fi Stati Membri oħra biex jaġixxu ta’ depożitorji; u biex jippermettu lid-depożitorji biex jiddelegaw is-salvagwardja ta’ l-assi lil kustodju fi Stat Membru ieħor. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu l-monitoraġġ tagħhom tas-suq tad-depożitorju sabiex jivvalutaw il-ħtieġa għal flessibilità ikbar u/jew armonizzazzjoni.

F’dawn l-oqsma u f’oqsma oħrajn, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jirrevedu l-prattiċi fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni tal-fond u s-sorveljanza sabiex jidentifikaw modi fejn ikun jista’ jiġi introdott titjib fuq bażi unilaterali billi jikkunsidraw ‘l-aħjar prattiċi’ x’imkien ieħor fl-UE. Filwaqt illi ftit mill-impetu għal industrija tal-fondi ta’ suċċess u mimlija enerġija se jiġi mill-iżviluppi fuq livell ta’ l-UE, hemm ħafna passi li l-Istati Membri individwali jistgħu jsegwu biex itejbu l-ambjent domestiku ta’ l-operat għall-fondi ta’ investiment.

2. MODI KIF IS-SUQ WAħDIENI TAL-FONDI JIBDA’ JAħDEM GħALL-INVESTITUR FINALI:

L-iffrankar ta’ l-ispejjeż u fetħiet ġodda fis-suq għall-industrija għandhom jissarrfu f'titjib tanġibbli għall-investitur finali – taħt forma ta’ tariffi iktar baxxi jew reditti ogħla iżda wkoll f’termini ta’ aċċess għal titjib kontinwu fir-rendiment tal-prodott. Biex dan iseħħ, se jkun hemm bżonn li l-industrija tkun suġġetta għal dixxiplina qawwija min-naħa tad-domanda kif ukoll għal kompetizzjoni iebsa fis-suq waħdieni. L-investituri se jkollhom bżonn notifiki li huma jkunu jistgħu jifhmu u jorbtu fuqhom biex jippermettulhom jagħżlu prodotti kompettitivi li joffru l-iktar taħlitiet attraenti ta’ riskju u reditti. Se jkun hemm bżonn li jkunu kapaċi jistrieħu fuq il-kwalità u l-oġġettività tas-servizzi pprovduti mill-konsulenti finanzjarji u l-intermedjarji li jbigħulhom il-fondi ta’ l-investiment. Huwa meħtieġ progress fiż-żewġ punti.

2.1. Prospektus Issimplifikat

Il-prospektus issimplifikat kien maħsub biex jipprovdi lill-investituri u l-intermedjarji b’tagħrif bażiku dwar ir-riskji possibbli, it-tariffi assoċċjati, u r-riżultati mistennija tal-prodott rispettiv. Madankollu, falla biċ-ċar. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dokument huwa twil wisq u ma jiftehimx minn dawk il-qarrejja li hu maħsub għalihom. Kien vittma ta’ implimentazzjoni diverġenti u żidiet mhux meħtieġa (‘ gold-plating ’): ir-Rakkomandazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni[10] bil-kemm ġiet segwita fil-prattika. Ir-riżultat huwa ġirja sfrenata burokratika b’valur limitat għall-investituri u spiża indiretta konsiderevoli għall-industrija tal-fondi.

Minkejja dawn in-nuqqasijiet, hemm appoġġ qawwi għall-iżvelar standardizzat tal-fondi disponibbli. Hemm bżonn isir xogħol biex jerġa’ jiġi ċċentrat mill-ġdid il-Prospektus issimplifikat sabiex iwassal dikjarazzjoni qasira u li tinftiehem dwar it-tariffi, ir-riskji u r-rendiment mistenni li tant huwa importanti għall-investitur finali. Għandu jkun fih l-istess notifiki bażiċi għall-UCITS kollha, huma fejn huma ddommiċiljati fl-UE. Se jkun hemm bżonn jinbidlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva eżistenti sabiex ikunu speċifikati aħjar il-loġika u l-prinċipji ewlenin tiegħu; u biex jippermettu l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni biex tingħata, lil dawk il-prinċipji, espressjoni uniformi li torbot legalment. Dan ix-xogħol jista’ jservi ta’ livell ta’ indikazzjoni tar-riskju effettiv u n-notifiki ta’ infiq għal prodotti ta’ investiment oħra bħalma hija l-assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta bl-unitajiet.

In-nuqqasijiet tal-Prospektus Issimplifikat huma wisq sinifikanti biex wieħed jistenna biex jemenda d-Direttiva. Se jinbdew passi prattiċi biex jittranġaw in-nuqqasijiet tal-Prospektus issimplifikat mingħajr dewmien. Gruppi ta’ ħidma riċenti identifikaw oqsma li fihom il-Prospektus issimplifikat jeħtieġ titjib. Il-Kummissjoni se tfittex li tikkodifika żvelar imtejjeb tar-riskju, l-infiq u r-rendiment permezz ta’ reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol se jitmexxa abbażi tal-kontribuzzjonijiet mis- CESR u l-awtoritajiet nazzjonali. L-iżvilupp tax-xogħol f’dan il-qasam se jiġi ttestjat ma’ investituri u intermedjarji sabiex ikun żgurat li qed jagħti kontribut utli fl-għażla ta’ l-investiment. L-ittestjar xieraq tal-konsumatur u s-suq se jieħu ż-żmien. Madankollu, wieħed jittama li t-titjib mhux leġiżlattiv ikun jista’ jiġi ppreżentat sa nofs l-2008. Dan it-titjib se jingħata stat legalment vinkolanti wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi tad-Direttiva.

Metodu fuq żewġ livelli huwa meħtieġ. Id-Direttiva nfisha trid tiġi emendata sabiex tiċċara l-objettivi fundamentali u l-prinċipji gwida tal-Prospektus issimplifikat. Dan biex tippermetti wkoll l-adozzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jorbtu legalment biex dawk il-prinċipji jingħataw espressjoni effettiva u uniformi. Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendata, il-Kummissjoni se tirrevedi r-Rakkomandazzjoni tagħha biex ittejjeb in-notifiki tar-riskju, l-infiq u r-rendiment. Dan ix-xogħol se jsir f’assoċjazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, u se jkun ittestjat b’attenzjoni ma’ l-investituri, id-distributuri u l-industrija. |

2.2. Is-sistemi ta’ distribuzzjoni: l-interess ta’ l-investituri jiġi l-ewwel:

Is-sistemi ta’ distribuzzjoni li jqabblu d-domanda ta’ l-investitur mal-provvista tal-fond għandhom jaħdmu b’mod effiċjenti. Għandhom iwasslu prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ l-investituri individwali u b’kundizzjonijiet kompettitivi. Attwalment, id-distribuzzjoni tal-fond tirrappreżenta l-ikbar komponent waħdieni ta’ l-ispejjeż fl-industrija tal-fondi ta’ investiment – din tifrex minn 46% ta’ l-ispejjeż totali fi Franza sa 75% fl-Italja.

Il-bidla mis-sistemi ta’ distribuzzjoni b’għeluq bikri għal struttura miftuħa jew iggwidata – fejn l-intermedjarji joffru firxa ta’ prodotti terzi - qed taqbad ir-ritmu. Din il-bidla tista’ tkun ta’ vantaġġ kbir għall-investitur jekk jintgħażlu fondi terzi abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet objettivi bħalma huma n-nefqa u r-rendiment mistenni. Kunsiderazzjonijiet, bħal dawk fil-livell tal-kummissjonijiet imħallsa mill-promoturi tal-fond lid-distributuri, m’għandhomx jippreġudikaw l-għażla tal-fondi. Attwalment, il-maniġers tal-fond se jħallsu medja ta’ 50% tat-tariffa ta’ l-immaniġġjar tagħhom lil distributuri terzi. Hemm bżonn jiġi eżaminat jekk tali kummissjonijiet jikkostitwixxux ħlas għas-servizzi mogħtija bħalma hu s-servizz ta’ qabel jew wara l-bejgħ lill-klijenti. Kunflitti ta’ interess u aġevolamenti għandhom ikunu mmaniġġjati jew innotifikati kif xieraq: l-intermedjarji għandhom iwettqu, bid-diliġenża, id-dmir li jieħdu ħsieb il-klijent ġenerali. L-MiFID tipprovdi l-għodda biex dan it-tħassib ikun immaniġġjat. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha jistipolaw li l-aġevolamenti għandhom jiġu nnotifikati u jistgħu jkunu pprovduti biss fejn huma fl-interess tal-klijent.

B’mod iktar ġenerali, il-MiFID għandha ssaħħaħ il-kwalità ta’ l-appoġġ lill-klijent li l-konsulenti, is-sensara u intermedjarji oħra jipprovdu lill-klijenti li qed jikkunsidraw li jinvestu fil-fondi ta’ l-investiment. Se żżid ir-responsabbiltà fuq il-kumpaniji ta’ l-investiment li jbiegħu l-fondi biex jiżguraw li l-prodott huwa adattat għall-klijent individwali, u li l-klijent huwa infurmat dwar kwalunkwe twissija ta’ riskju relatata ma’ prodotti partikolari.

Il-Kummissjoni se timmonitorja b’attenzjoni l-implimentazzjoni tar-regoli tal-MiFID dwar “il-kondotta tan-negozju” u l-aġevolamenti rigward il-bejgħ ta’ fondi intermedjati. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippubblikaw ‘vade-mecum’ li jikkonsolida l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-investituri jistgħu jistrieħu fuq intermedjazzjoni oġġettivi u professjonali tal-fond. |

3. SOLUZZJONIJIET TAS-SUQ WAħDIENI GħALL-FONDI MHUX PROFESSJONALI MHUX ARMONIZZATI?

Il-qafas ta’ l-UCITS m’għadux ikopri l-firxa ta’ fondi ta’ l-investiment li jistgħu jitqiegħdu fis-suq għall-investituri mhux professjonali skond is-sistemi nazzjonali frammentati. Hemm kategoriji ta’ fond ta’ l-investiment li mhumiex kompatibbli ma’ l-UCITS minħabba aspetti tal-politika ta’ investiment tagħhom jew l-istruttura tal-fond. Madankollu, jistgħu jkunu disponibbli għall-investituri mhux professjonali fuq livell nazzjonali – bil-kundizzjoni li jkunu forom differenti ta’ prodott jew tar-regolamentazzjoni tad-distribuzzjoni. In-nuqqas ta’ passaport hija frustrazzjoni għal dawk il-prodotti għas-settur mhux professjonali li ilhom żmien li ġew stabbiliti, bħalma huma l-fondi tal-propjetà li ma jagħlqux (150 biljun € f’assi mmaniġġjati [AuM] fl-UE), li jaraw benefiċċju potenzjali billi joffru bażi pan-Ewropea ta’ investitur. L-investitur qed jiġi espost dejjem iktar għall-fondi mhux armonizzati, b’kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet varji u permezz ta’ metodi ta’ distribuzzjoni differenti.

Il-Kummissjoni tistma li l-assi mmaniġġjati mill-industrija mhux armonizzata u orjentata lejn is-settur mhux professjonali, jammontaw għal madwar 10% tat-total ta’ l-assi mmaniġġjati. Din il-parti mill-industrija tal-fondi ta’ l-investiment m’għandha l-ebda qafas formali li jappoġġja l-bejgħ tal-prodotti mhux professjonali bejn il-fruntieri. Għandu jiġi stabbilit wieħed? Qabel ma tingħata risposta b’mod affermattiv għal din il-mistoqsija, hemm bżonn ta’ iktar kjarifika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

9. Il-karatteristiċi ta’ riskju u rendiment tal-fondi in kwistjoni huma adattati għall-bejgħ lill-investitur mhux professjonali mingħajr bżonn ta’ parir?

10. Id-dispożizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ l-għoti tal-passaport se trendi benefiċċji għas-setturi kkonċernati, għall-investituri u s-suq in ġenerali, meta jitqiesu l-ispejjeż regolatorji addizzjonali u implikazzjonijiet oħra li jġib miegħu t-twaqqif ta’ mekkaniżmu bħal dan? Dawn ir-riflessjonijiet għandhom jistabbilixxu wkoll li qafas tas-suq waħdieni huwa realistiku u prattiku billi jikkunsidra l-varjetà ta’ strateġiji kummerċjali, klassijiet ta’ assi, inġinerija finanzjarja u kulturi ta’ investiment li jvarjaw mhux ħażin fl-Istati Membri.

11. Jekk huwa meħtieġ qafas li jippermetti suq waħdieni, kif jista’ jitwettaq bl-iktar mod effettiv?

12. Rotta leġiżlattiva possibbli hi li jitkabbar iktar l-ambitu tal-qafas attwali ta’ l-UCITS. Madankollu, jista’ jkun hemm bżonn li jsir tibdil estensiv fid-dispożizzjonijiet ta’ l-UCITS dwar il-politika ta’ l-istrutturar tal-fond u l-investiment sabiex ikunu iktar ibbażati fuq il-prinċipji biex jakkomodaw iktar klassijiet ta’ fondi mhux armonizzati. Tibdil bħal dan ma jistax isir mingħajr ma ssir valutazzjoni b’attenzjoni tar-riskji ta’ dgħajfien tas-salvagwardji ċentrali ta’ l-investitur u l-impatt possibbli għas-suq usa’ ta’ l-UCITS. Li kieku jkunu meħtieġa l-bdil fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-UCITS u l-ifformular mill-ġdid tagħha sabiex takkomoda iktar klassijiet ta’ fondi mhux armonizzati, dawn se jrednu benefiċċji netti u fl-istess ħin, se jsostnu livelli għolja ta’ protezzjoni ta’ l-investitur?

13. Se tkun possibbli l-introduzzjoni ta’ sistemi skond il-prodott biswit id-direttiva ta’ l-UCITS? Din tirriskja li toħloq spazju regolatorju li hu fframmentat abbażi ta’ prodott prodott, li jwassal għal xkiel fis-suq u għal arbitraġġ regolatorju. Tirriskja wkoll li twassal għal aġġustament perpetwu fil-qafas legali hekk kif jiżviluppaw politiki ġodda ta’ investiment.

Meta jitqiesu l-inċertezza dwar l-impatti possibbli jew l-aqwa triq ‘il quddiem il-Kummissjoni ma temminx li huwa l-aħjar żmien biex tippreżenta inizjattivi leġiżlattivi biex jiġu integrati s-swieq għal xi fondi mhux armonizzati f’dan l-istadju. Madankollu, se tibda analiżi sistematika ta’ dawn il-kwistjonijiet, inklużi konsultazzjonijiet ma’ prattikanti u esperti fl-oqsma rilevanti, se tagħti prijorità lill-fondi tal-propjetà li għalihom se tistabbilixxi grupp ta’ esperti, bħala bażi ta’ deċiżjoni soda u empirika fl-2008.

Il-Kummissjoni se tistudja l-ispejjeż, il-benefiċċji u r-riskji possibbli marbuta mal-provvista ta’ qafas li jippermetti suq waħdieni għall-prodotti mhux professjonali mhux armonizzati, u jekk tali prodotti, fuq kollox, humiex adattati għat-tqegħid fis-suq għall-investituri fuq bażi transkonfinali. Fejn riċerka estensiva u reazzjonijiet mill-industrija, l-investituri u r-regolaturi joħolqu każ persważiv għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tas-suq waħdieni għal xi prodotti mhux armonizzati, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għażliet kollha disponibbli u n-natura ta’ kwalunkwe tibdil li jkun meħtieġ fil-qafas ta’ l-UCITS. Fl-2008, il-Kummissjoni se tirraporta l-konklużjonijet ta’ din il-valutazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament.

4. TQEGħID FIS-SUQ U BEJGħ TA’ PRODOTTI LIL “INVESTITURI KKWALIFIKATI”:

Hemm ukoll fondi mhux UCITS li ġeneralment kienu meqjusa bħala iktar adattati għall-investituri istituzzjonali u oħrajn sofistikati li huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment waħedhom. Eżempji jinkludu l-fondi ta’ kapital privati u ħafna investiment ta’ fondi protetti. Dawn huma prodotti ta’ investiment tipiċi fejn hemm probabbiltà relattivament għolja ta’ riżultati ta’ investiment negattivi ħafna. Dawn jistgħu jkunu wkoll prodotti li jġibu magħhom forom ġodda ta’ riskju (per eżempju, diffikultajiet fil-valutazzjoni ta’ l-assi).

M’hemmx metodu komuni Ewropew li jiddistingwi l-prodotti li huma adattati għall-pubbliku mhux professjonali minn prodotti li għandhom jibqgħu speċjalità ta’ l-investituri sofistikati. L-esperjenza nazzjonali wriet li m’hemmx bażi totalment sodisfaċenti biex tkun tista’ ssir distinzjoni b’mod definittiv. L-opinjoni dwar x’inhu prodott sikur għall-investiment mhux professjonali tinbidel biż-żmien peress li hekk kif assi ġodda jimmaturaw, il-fatturi tar-riskju jinftiehmu aħjar.

L-MiFID tieħu post ir-restrizzjonijiet xotti fuq il-bejgħ ta’ ċerti strumenti lil ċerti kategoriji ta’ investituri b’sistema li titfa’ responsabbiltà fuq il-kumpanija ta’ l-investiment biex taċċerta, abbażi ta’ klijent klijent, jekk investiment partikolari huwiex adattat jew xieraq. Għal ħafna Stati Membri, dan se jirrappreżenta metodu ġdid għall-protezzjoni ta’ l-investitur. L-awtoritajiet ta’ l-infurzar se jkollhom jinvestu bil-qawwi sabiex jiżguraw li l-kumpaniji ta’ l-investiment jifhmu x’inhu mistenni minnhom. L-implimentazzjoni ta’ dan il-metodu se jkun immonitorjat b’attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji ta’ l-investiment fl-Ewropa jimplimentaw dawn il-kontrolli b’mod rigoruż. Is-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt illi jaħdmu mill-qrib ma’ l-awtoritajiet nazzjonali, se jeżaminaw it-tipi ta’ restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-bejgħ li għandhom jitneħħew fil-kuntest ta’ bidla għal kondotta ta’ regoli tan-negozju fuq livell tal-kumpanija ta’ l-investiment. F’dan il-proċess, se tingħata attenzjoni partikolari għat-tqegħid fis-suq u l-bejgħ ta’ fondi mhux armonizzati, li jinvolvu probabbiltà relattivament għolja ta’ riżultati ta’ investiment negattivi ħafna.

Flimkien ma’ dan il-proċess, il-Kummissjoni se tistabbilixxi inventarju tar-regoli u r-restrizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu ‘l-offerta privata’ ta’ fondi u strumenti finanzjarji oħra lill-investituri istituzzjonali u kontropartijiet eliġibbli oħra. M’hemm l-ebda raġunijiet konvinċenti ta’ protezzjoni ta’ l-investitur biex ir-regolaturi nazzjonali jinterferixxu fit-transazzjonijiet finanzjarji li jinvolvu investituri professjonali li jifhmu r-riskji assoċjati ma’ l-investiment. Il-Kummissjoni se taħdem biex tillibera t-transazzjonijiet transkonfinali bejn kontropartijiet magħżula, sakemm dawn jibqgħu fi ħdan il-perimetri tas-sistema komuni ta’ ‘allokazzjoni privata’ . L-MiFID u d-Direttiva tal-Prospektus stabilixxew uħud mill-pedamenti ewlenin ta’ tali sistema – billi pprovdew biex ma tapplikax il-kondotta tar-regoli tan-negozji u r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ għal ċerti transazzjonijiet. Huwa importanti li jkunu trattati l-ostakli li għad fadal, li joriġinaw mir-regoli nazzjonali dwar l-approvazzjoni tal-prodott sabiex tingħata stampa sħiħa. Il-Kummissjoni temmen li tali argumenti jistgħu jagħtu kontribut importanti sabiex is-swieq Ewropej għall-prodotti istituzzjonali, bħalma huma l-investimenti tal-kapital privat, jissaħħu iktar. Fil-Ħarifa ta’ l-2007, il-Kummissjoni se tirraporta, abbażi ta’ analiżi sistematika ta’ dawn ir-regoli li tinvolvi s- CESR u l-grupp li għadu kif inħoloq, il-Grupp Espert dwar is-Swieq tat-Titoli Ewropej ( European Securities Markets Expert Group – ESME ), dwar l-iktar mezzi effettivi biex jistabbilixxu metodu komuni għall-allokazzjoni privata, lill-Kunsill u l-Parlament.

Is-servizzi tal-Kummissjoni, f'ħidma mas- CESR u l-awtoritajiet nazzjonali, se tistudja t-tipi ta’ restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u l-bejgħ, li għandhom jiġu rrevokati favur il-fiduċja li l-kumpaniji ta’ investiment jeżerċitaw b’mod responsabbli l-bejgħ ta’ prodotti fuq bażi ta’ klijent klijent.

Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni u s- CESR se jħejju inventarju sistematiku u analiżi tal-barrieri nazzjonali għall-‘allokazzjoni privata’ ta’ l-istrumenti finanzjarji ma’ l-investituri istituzzjonali u kontropartijiet eliġibbli oħra. Fil-Ħarifa ta’ l-2007, il-Kummissjoni se tirraporta, lill-Kunsill u lill-Parlament, dwar il-passi li hemm bżonn jittieħdu sabiex is-sistema komuni tal-allokazzjoni privata tingħata l-effett sħiħ.

5. KONKLUżJONIJIET:

Il-fondi ta’ l-investiment huma pilastru importanti u stabbilit sew tas-sistema finanzjarja Ewropea. Jidher li l-importanza tagħhom se tiżdied sew hekk kif investituri Ewropej qed jużawhom bħala mezz wieħed li jipprovdi rtir prosperu. Ambjent regolatorju sod u effiċjenti huwa prerekwiżit għall-iżvilupp kontinwu b’suċċess tas-swieq Ewropej tal-fondi ta’ l-investiment.

Din il-White Paper identifikat pakkett ta’ miżuri mfassal biex jissimplifika l-ambjent li fih joperaw il-fondi ta’ l-investiment – b’mod notevoli, it-tibdil radikali tal-proċeduri ineffiċjenti ta’ notifika u t-titjib tal-Prospektus Issimplifikat. Dawn il-passi se joħolqu opportunitajiet ġodda għall-operaturi transkonfinali mingħajr ma jimponu spejjeż addizzjonali sinifikanti għall-parteċipanti oħra ta’ l-industrija. Il-White Paper tidentifika wkoll il-ħtieġa li l-investituri jingħataw għodda aħjar sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u biex ikun żgurat li huma jirċievu assistenza oġġettiva u imparzjali mingħand id-distributuri tal-fondi. Dan il-pakkett ta’ azzjonijiet jirrapreżenta aġenda mħejjija b’attenzjoni ta’ rilevanza immedjata għall-industrija Ewropea tal-fondi u l-investituri tagħha.

L-importanza li qed dejjem tikber ta’ dan in-negozju tfisser li se jkun hemm bżonn ta’ attenzjoni kontinwa għall-immodernizzar u l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv ta’ l-UE. L-emendi previsti tad-Direttiva dwar l-UCITS jaf ma jkunux l-aħħar pass. L-innovazzjoni riċenti fit-tekniki u l-prodotti ta’ l-investiment tfisser li l-awtoritajiet ta’ l-UE u dawk nazzjonali se jkomplu jiffaċċjaw kwistjonijiet diffiċli dwar l-ambitu u t-tifsil tal-qafas leġiżlattiv Ewropew għall-fondi ta’ l-investiment. Iktar milli jittieħdu konklużjonijiet mgħaġġlin, din il-White Paper tipproponi li jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet b’iktar attenzjoni sabiex ikun permess dibattitu dwar il-politika iktar infurmat hekk kif dawn il-prodotti u l-klassijiet ta’ l-assi ġodda jimmaturaw.

- Anness 1: Lista ta’ azzjonijiet skond il-White Paper:

A. Proposta għal modifika tad-Direttiva 85/611:

Il-Kummissjoni se tipproponi aġġustamenti u żidiet immirati biex: 1). tissimplifika l-mekkaniżmi eżistenti ta’ l-għoti ta’ passaporti u tespandi l-libertajiet disponibbli għall-fondi ta’ l-UCITS u l-maniġers tagħhom; 2). tipprovdi Prospektus issimplifikat, effettiv u rilevanti; 3). issaħħaħ il-kooperazzjoni għas-sorveljanza. Fil-Ħarifa ta’ l-2007 se jitressqu Proposti għal emendi leġiżlattivi bħala pakkett waħdieni. Bħala parti mill-impenn tagħhom tat-trasparenza, is-servizzi tal-Kummissjoni se jieħdu ħsieb jiftħu konsultazzjonijiet dwar il-proposti previsti fir-Rebbiegħa ta’ l-2007. Din il-konsultazzjoni se tipprovdi wkoll l-iskrutinju tal-miżuri previsti minn perspettiva ta’ l-effettività tal-kost. Dispożizzjonijiet emendati jew ġodda tad-Direttiva se jipprovdu għall-użu ta’ leġiżlazzjoni ddettaljata ta’ implimentazzjoni biex jiġi ddefinit il-mod li bih għandhom jiġu eżerċitati d-drittijiet u l-obbligi. Dan se jagħti lok għal iktar ċertezza legali u uniformità fl-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva u fl-adattazzjoni iktar flessibbli taċ-ċirkostanzi tas-suq u l-ħtiġijiet ta’ l-investitur, li qed jinbidlu. Iż-żmien previst: Il-Kummisjoni se tippubblika l-proposta tagħha fil-Ħarifa ta’ l-2007.

B. Azzjonijiet mhux leġiżlattivi li jappoġġjaw it-titjib fil-qafas ta’ l-UCITS:

- Komunikazzjoni, li tfakkar fil-ġurisdizzjoni rilevanti ta’ l- ECJ , li tiċċara li t-trattament fiskali nazzjonali fuq il-qligħ kapitali ta’ l-amalgamazzjonijiet ta’ fondi ddomiċiljati lokalment għandha tkun estiża għall-amalgamazzjonijiet li jinvolvu fondi minn Stat Membru ieħor. Iż-żmien previst: lejn il-bidu ta’ l-2008

- Reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prospektus Issimplifikat, ibbażata fuq il-gwida mis- CESR u l-konsultazzjoni u l-ittestjar tal-konsumatur. Dan ix-xogħol se jsir b’mod parallel mal-modifika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva. Żmien previst għat-tnedija tax-xogħol: lejn il-bidu ta’ l-2007: id-data tat-tlestija fil-mira , nofs l-2008.

- Vade-mecum tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni fuq dispożizzjonijiet rilvanti tal-MiFID għall-investimenti kollettivi/UCITS. Iż-żmien previst: is-sajf ta’ l-2007.

- Komunikazzjoni/Rakkomandazzjoni tad-delegazzjoni tal-funzjonijiet ta’ kustodja mid-depożitorji u l-ħatra tal-fergħat tal-banek ta’ l-UE bħala depożitorju: iż-żmien previst: lejn il-bidu ta’ l-2008.

C. Fondi ta’ l-investiment mhux armonizzati:

- Analiżi tar-regoli nazzjonali li jirregolamentaw l-allokazzjoni ta’ strumenti finanzjarji inklużi ċerti fondi ma’ investituri kwalifikati u l-ewwel valutazzjoni ta’ l-għażliet għall-bini ta’ sistema komuni Ewropea ta’ allokazzjoni privata: Iż-żmien previst: il-Ħarifa ta’ l-2007.

- Riċerka ġdida dwar politiki ta’ investiment għall-fondi armonizzati u mhux armonizzati, u r-riskju u r-rendiment relatati: pubblikazzjoni tar-riżultati – lejn l-aħħar ta’ l-2007;

- It-twaqqif ta’ grupp espert dwar il-fondi tal-propjetà li ma jagħlqux: pubblikazzjoni tar-rapport – fil-Ħarifa ta’ l-2007;

- Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament li jivvaluta l-ħtieġa għall-għażliet possibbli għall-iżvilupp tal-qafas ta’ suq waħdieni għal ċerti fondi mhux armonizzati orjentati lejn is-settur mhux professjonali: f’nofs l-2008.

[1] EFAMA Fact Book, 2006.

[2] Id-Direttiva 85/611/KE tal-Kunsill kif emendata bid-Direttivi 2001/107/KE u 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[3] CRA (2006).

[4] COM (2005) 314 finali, 14.07.2005.

[5] Rapporti mill-grupp ta’ esperti dwar l-effiċjenza tas-suq tal-fondi ta’ investiment u l-grupp espert dwar investimenti alternattivi (fondi protetti u ta’ kapital privati). Rapporti u konklużjonijiet ta’ seduta pubblika dwar dawn ir-rapporti jinsabu disponibbli fuq http://ec.europa.eu./internal market/securities/ucits/

[6] Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli ta' Kreditu

[7] Bosta mill-UCITS ma jikkwalifikawx għad-“Direttiva dwar l-Amalgamazzjoni tat-Taxxa” (Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE)

[8] Ġbir flimkien ta’ l-assi jirreferi għall-aggregazzjoni ta’ l-assi ta’ diversi fondi ta’ investiment bil-għan li dawk l-assi jkunu kkommaniġġjati bħala ġabra waħda – b’hekk jitgawdew il-benefiċċji ta’ skala kbira, likwidità u benefiċċji ta’ kummerċ oħra. Il-ġbir flimkien jista’ jsir taħt forma ta’ ‘ġbir flimkien ta’ entitajiet’. L-assi tal-fondi parteċipanti huma aggregati f’entità legali separata. Strutturi ‘Master-feeder’ huma forma ta’ ġbir flimkien ta’ entitajiet fejn il-fondi jittrasferixxu l-assi kollha milqugħa lill-fond ewlieni. Il-ġbir flimkien virtwali juża t-teknoloġija ta' l-informatika għall-aggregazzjoni ta’ l-assi tal-fondi parteċipanti daqs li kieku kien hemm ġabra sottostanti iżda mingħajr ma jifformaw il-ġabra bħala entità legali.

[9] Id-Direttiva 2004/39/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji.

[10] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/384/KE tas-27 ta’ April 2004 dwar xi kontenut tal-prospektus issimplifikat kif ipprovdut fl-Iskeda C ta’ l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE